Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0084

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-13 ta' Jannar 2005.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju ta' Spanja.
    Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Direttivi 93/36/KEE u 93/37/KEE - Kuntratti pubbliċi - Proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' provvista u ta' xogħlijiet- Kamp ta' applikazzjoni - Kunċett ta' awtorità kontraenti - Ftehim ta' kollaborazzjoni interamministrattiva - Kunċett ta' kuntratt - Użu tal-proċedura negozjata f'każijiet mhux previsti mid-Direttiva.
    Kawża C-84/03.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:14

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    13 ta' Jannar 2005 (*)

    "Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Direttivi 93/36/KEE u 93/37/KEE - Kuntratti pubbliċi - Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta' provvista u ta' xogħlijiet– Kamp ta' applikazzjoni – Kunċett ta' awtorità kontraenti – Ftehim ta' kollaborazzjoni interamministrattiva – Kunċett ta' kuntratt – Użu tal-proċedura negozjata f'każijiet mhux previsti mid-Direttiva"

    Fil-kawża C-84/03,

    li għanda bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fis-26 ta' Frar 2003,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn  K. Wiedner u G. Valero Jordana, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti

    vs

    Ir-Renju ta' Spanja, irrappreżentat minn S. Ortiz Vaamonde, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenut

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn  C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla,   R. Schintgen, J. Makarczyk (Relatur), G. Arestis u J. Klučka, Imħallfin

    Avukat Ġenerali: J . Kokott,

    Reġistratur:  R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, billi ma ttrasponiex b'mod korrett fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu d-Direttivi tal-Kunsill 93/36/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' provvista (GU L 199, p. 1) u 93/37/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 199, p. 54), u b'mod partikolari,

    –       billi eskluda mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Ley de Contractos de las Administraciones Publicas (liġi dwar il-kuntratti mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi) tas-16 ta' Ġunju 2000 fil-verżjoni kodifikata tagħha approvata mir-Real Decreto Legislativo 2/2000, tas-16 ta' Ġunju 2000, (BOE Nru 148, tal-21 ta' Ġunju 2000 p. 21775, iktar 'il quddiem "il-liġi kodifikata"), preċiżament fl-Artikolu 1(3) tal-liġi kodifikata, l-entitajiet regolati mid-dritt privat li jissodissfaw ir-rekwiżiti msemmija fl-ewwel, fit-tieni u t-tielt inċiżi tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1(b) ta' kull waħda mill-imsemmija Direttivi,

    –       billi eskluda għal kollox mill-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi kodifikata, fl-Artikolu 3(1)(c) tagħha, il-ftehim ta' kollaborazzjoni milħuqa bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-entitajiet pubbliċi l-oħra, kif ukoll, għaldaqstant, il-ftehim kollha li jikkostitwixxu kuntratti pubbliċi skond dawn l-istess Direttivi, u

    –       billi fl-Artikolu 141(a) u l-Artikolu 182(a) u (g) tal-liġi kodifikata ġie permess li tintuża l-proċedura negozjata f'żewġ każijiet mhux previsti mill-imsemmija Direttivi,

    ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE u ta' dawn id-Direttivi.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    2       L-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 93/37 jipprovdi:

    '"Awtoritajiet ta’ kuntrattar” għandhom ikunu l-Istat, awtoritajiet reġjonali jew lokali, korpi [rregolati] mil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew aktar awtoritajiet jew korpi [rregolati] mil-liġi .

    “Korp [irregolat] mil-liġi pubblika” ifisser kwalunke korp:

    –       stabbilit bl-għan speċifiku li jaqdi l-bżonnijiet fl-interess ġenerali, mingħajr ma jkollu [natura] industrijali jew kummerċjali, u,

    –       [li] jkollu personalità legali, u,

    –       iffinanzjat, fil-parti l-kbira, mill-Istat, jew l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew korpi oħra [rregolati] mil-liġi pubblika, jew suġġett għal superviżjoni maniġerjali minn dawk il-korpi, jew li jkollu bord amministrattiv, maniġerjali jew ta’ sorveljanza, li aktar minn nofs il-membri tiegħu ikunu magħżula mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali jew minn korpi oħra [rregolati] mill-liġi pubblika.

     [...]".

    3       Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 93/36 huma essenzjalment identiċi.

    4       Skond l-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva 93/36:

    "2.      . L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu l-kuntratti ta' provvista' tagħhom bi proċedura negozjata fil-każ ta' offerti rregolari b'reazzjoni għal proċedura miftuħa jew ristretta jew fil-każ ta' offerti li huma inaċċettabbli taħt id-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV, sakemm it-termini oriġinali tal-kuntratt mhumiex immodifikati sostanzjalment. L-awtoritajiet kontraenti għandhom f'każijiet bħal dawn jippubblikaw avviż għall-offerti sakemm [ma] jinkludu[x] fi proċeduri negozjati bħal dawn, l-intrapriżi kollha li jissodisfaw il-kriterji ta' l-Artikoli 20 sa 24 li, matul il-proċedura miftuħa jew ristretta ta' qabel, issottomettew offerti skond il-kundizzjonijiet formali tal-proċedura tal-offerti.

    3,      . L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu l-kuntratti ta' provvista tagħhom bil-proċedura negozjata mingħajr ma l-avviż għall-offerti jiġi ppubblikat minn qabel, fil-każijiet li ġejjin;

    a)      fin-nuqqas ta' offerti jew […] offerti addattati b'reazzjoni għal proċedura miftuħa jew ristretta sakemm it-termini oriġinali tal-kuntratt ma jiġux immodifikati sostanzjalment u jekk ir-rapport ikun ikkomunikat lill-Kummissjoni;

    b)      meta l-prodotti nvoluti huma ffabbrikati purament għall-għan ta' riċerka, esperiment, studju jew żvilupp, din id-dispożizzjoni mhi[ji]ex estiża għall-produzzjoni ta' kwantità biex tiġi stabbilita l-vijabbiltà kummerċjali jew biex jiġu irkuprati spejjeż ta' riċerka u żvilupp;

    ċ)      meta, għal raġunijiet tekniċi jew artistiċi, jew għal raġunijiet konnessi mal-protezzjoni ta' drittijiet esklussivi, il-prodotti fornuti jistgħu jiġu ffabbrikati jew mibgħuta biss minn fornitur partikolari;

    d)      sa fejn hu strettament meħtieġ, għal raġunijiet ta' urġenza estrema li seħħew minn ċirkustanzi imprevedibbli mill-awtoritajiet kontraenti kkonċernati, il-limitu ta' żmien preskritt għal proċeduri miftuħa, ristretti jew negozjati li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2 ma jistgħux jinżammu. Iċ-ċirkostanzi invokati biex jiġġustifikaw l-urġenza estrema ma jridu fl-ebda każ ikunu attribwibbli għall-awtoritajiet kontraenti;

    e)      għal kunsinni addizzjonali mill-fornitur oriġinali li huma intenzjonati jew bħala sostituzzjoni parzjali tal-provvisti jew stallazzjonijiet normali jew bħala l-estensjoni tal-provvisti jew estensjonijiet eżistenti fejn bidla fil-fornitur tobbliga lill-awtorità kontraenti li takkwista materjal li għandu karatteristiċi tekniċi differenti li jirriżultaw f'inkompatibbiltà jew diffikultajiet tekniċi disproporzjonati fit-tħaddim u l-manteniment. It-tul ta' kuntratti bħal dawn kif ukoll dak ta' kuntratti rikurrenti [m'għandux], bħala regola ġenerali, [jaqbeż] it-tliet snin

    4.      Fil-każijiet kollha l-oħra, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jagħtu l-kuntratti ta' provvista tagħhom bi proċedura miftuħa jew bi proċedura ristretta."

    5       Skond l-Artikolu 7(3) u (4) tad-Direttiva 93/37:

    "3.      L-awtoritajiet ta’ kuntrattar jistgħu jagħtu l-kuntratti […] pubbliċi [ta' xogħlijiet] tagħhom permezz ta’ proċedura innegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ l-avviż tal-kuntratt, fil-każi li ġejjin;

    a)      fin-nuqqas ta’ offerti jew ta’ offerti adekwati bħala risposta għall-proċeduri miftuħa jew ristretti sakemm t-termini oriġinali tal-kuntratt ma jkunux mibdula sostanzjalment u basta li rapport ikun ikkomunikat lill-Kummissjoni fuq it-talba tagħha;

    b)      meta, minħabba raġunijiet tekniċi jew artistiċi jew għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni ta’ drittijiet esklussivi, ix-xogħlijiet jistgħu jsiru biss minn kuntrattur partikolari;

    ċ)      sakemm ikun strettament meħtieġ meta, minħabba raġunijiet ta’ urġenza estrema miġjuba minn avvenimenti mhux mistennija mill-awtoritajiet ta’ kuntrattar f’dak il-każ, il-limitu taż-żmien stabbilit għall-proċeduri nnegozjati miftuħa jew ristretti msemmija fil-paragrafu 2 ma jistgħux ikunu miżmuma. Iċ-ċirkostanzi invokati biex jiġġustifikaw l-urġenza estrema ma jistgħux fl-ebda każ jiġu attribwiti lejn l-awtoritajiet ta’ kuntrattar;

    d)      għal xogħlijiet addizzjonali mhux inklużi fil-proġett inizjalment meqjus jew fil-kuntratt għall-ewwel konkluż imma li, minħabba ċirkostanzi mhux mistennija, isiru meħtieġa biex isir ix-xogħol deskritt hemmhekk, bil-kondizzjoni li l-għotja tkun magħmula lill-kuntrattur li qiegħed jagħmel dan ix-xogħol:

    –       meta dawn ix-xogħlijiet ma jistgħux ikunu separati teknikament jew ekonomikament mill-kuntratt prinċipali mingħajr inkonvenjenza kbira għall-awtoritajiet ta’ kuntrattar, jew

    –       meta xogħlijiet bħal dawn, għalkemm separabbli mill-attwazzjoni tal-kuntratt oriġinali, huma strettament meħtieġa għall-istadji ta’ wara tagħha,

    Madankollu, l-ammont globali ta’ kuntratti mogħtija għal xogħlijiet addizzjonali ma jistax jaqbeż il-50 % ta’ l-ammont tal-kuntratt prinċipali;

    e)      għal xogħlijiet ġodda li jikkonsistu f’repetizzjoni ta’ xogħlijiet simili fdati f’idejn l-intrapriża li lilha l-istess awtoritajiet ta’ kuntrattar kienu taw kuntratt qabel, konċess li xogħlijiet bħal dawn jaqblu ma’ proġett bażiku li għalih ingħata l-ewwel kuntratt bi qbil mal-proċeduri li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 4.

    Hekk kif l-ewwel proġett ikun offrut, għandu jingħata avviż li din il-proċedura tista’ tiġi adottata u l-istima tal-ispiża totali ta’ xogħlijiet sussegwenti għandha tkun ikkunsidrata mill-awtoritajiet ta’ kuntrattar meta huma japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6. Din il-proċedura tista’ tkun adottata biss waqt it-tliet snin wara l-konklużjoni tal-kuntratt oriġinali.

    4.      Fil-każi l-oħra kollha, l-awtoritajiet ta’ kuntrattar għandhom jagħtu l-kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi tagħhom bil-proċedura miftuħa jew ristretta."

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    6       Il-kamp ta' applikazzjoni ratione personae tal-leġiżlazzjoni Spanjola fil-qasam ta' l-għoti tal-kuntratti pubbliċi huwa definit fl-Artikolu 1 tal-liġi kodifikata. Dan jinkludi l-awtoritajiet territorjali pubbliċi kollha, kemm statali kif ukoll awtonomi u lokali.

    7       L-Artikolu 1(3) tal-liġi kodifikata jżid:

    "F'kull każ il-korpi awtonomi u l-entitajiet l-oħra rregolati mil-liġi pubblika li għadhom personalità ġuridika proprja u li huma marbuta ma' awtorità pubblika jew dipendenti minnha, li jissodisfaw is-segwenti kriterji, ukoll għandhom jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom ta' għoti ta' kuntratti skond din il-liġi:

    a)      ġew maħluqa bl-għan speċifiku li jaqdu l-bżonnijiet fl-interess ġenerali, mingħajr ma jkunu ta' natura industrijali jew kummerċjali;

    b)      huma entitajiet jew iffinanzjati, fil-parti l-kbira mill-awtoritajiet pubbliċi jew minn entitajiet oħra rregolati mil-liġi pubblika, jew suġġetti għal superviżjoni maniġerjali minn dawn, jew li jkollhom bord amministrattiv, maniġerjali jew ta’ sorveljanza, li aktar minn nofs il-membri tiegħu jkunu magħżula mill-awtoritajiet pubbliċi u l-entitajiet l-oħra rregolati mil-liġi pubblika".

    8       Skond is-sitt dispożizzjoni addizzjonali tal-liġi kodifikata, li ġġib it-titolu "Prinċipji għall-għoti tal-kuntratti fis-settur pubbliku", "il-kumpanniji kummerċjali li għandhom il-parti l-kbira ta' l-ishma tagħhom b'mod dirett jew indirett, miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi jew il-korpi awtonomi tagħhom jew mill-entitajiet irregolati mid-dritt pubbliku, għandhom jirrispettaw, għall-għoti tal-kuntratti tagħhom, il-prinċipji ta' pubblikazzjoni u ta' kompetizzjoni, sakemm in-natura ta' l-operazzjoni li trid issir ma tkunx inkompatibbli ma' dawn il-prinċipji".

    9       L-Artikolu 3(1)(c) tal-liġi kodifikata jeskludi mill-kamp ta' applikazzjoni tiegħu "il-ftehim ta' kollaborazzjoni milħuqa bejn l-awtoritajiet amministrattivi ġenerali ta' l-Istat, minn naħa, u, min-naħa l-oħra, is-sigurtà soċjali, il-komunitajiet awtonomi , l-entitajiet lokali, il-korpi awtonomi tagħhom u l-entitajiet pubbliċi l-oħra kollha, jew bejn dawn l-korpi".

    10     L-Artikoli 141(a) (dwar il-kuntratti ta' xogħol), u 182(a) (dwar il-kuntratti ta' provvisti), tal-liġi kodifikata jipprovdu li tista' tintuża l-proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel meta ma jkunx possibbli li jingħata l-kuntratt bl-użu tal-proċedura miftuħa jew ristretta jew meta l-kandidati ma jkunux tħallew jippreżentaw l-offerti sakemm ma kienx hemm modifiki fil-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt, bl-eċċezzjoni tal-prezz, li ma jistax jiżdied b'aktar minn 10%.

    11     L-Artikolu 182(g) tal-liġi kodifikata jindika li tista' tintuża l-proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel fil-proċeduri li jirrigwardaw beni li l-uniformita' tagħhom ġiet dikjarata neċessarja għall-użu komuni tagħhom mill-amministrazzjoni, sakemm l-għażla tat-tip tal-beni in kwistjoni tkun saret minn qabel u b'mod indipendenti, skond sejħa għall-offerti, konformement mad-dispożizzjonijiet ta' dan it-titolu.

     Il-proċedura prekontenzjuża

    12     Peress li kkunsidrat li fil-liġijiet suċċessivi li ttrasponew fil-liġi Spanjola d-Direttivi 93/36 u 93/37 kienu parzjalment inkompatibbli ma' l-imsemmija Direttivi, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju ta' Spanja ittra ta' intimazzjoni datata 17 ta' Settembru 1997 u ittra ta' intimazzjoni supplimentari datata 24 ta' Lulju 2000.

    13     Wara n-notifika tal-liġi kodifikata mill-awtoritajiet Spanjoli lill-Kummissjoni, din ta' l-aħħar ikkunsidrat uħud mill-aspetti kontenzjużi tat-traspożizzjoni bħala riżolti.

    14     Madankollu, peress li kkunsidrat li d-Direttivi 93/36 u 93/37 kienu għadhom trasposti b'mod żbaljat fil-liġi Spanjola, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju ta' Spanja opinjoni motivata, datata 24 ta' Jannar 2001, u opinjoni motivata supplimentari, datata 31 ta' Jannar 2002, fejn stednitu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta' din l-aħħar opinjoni, jikkonforma ruħu magħha.

    15     Ir-risposta tar-Renju ta' Spanja għall-opinjoni motivata supplimentari ġiet meqjusa mill-Kummissjoni bħala insodisfaċenti, u din ta' l-aħħar iddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

     Fuq ir-rikors

    16     Sabiex issostni r-rikors tagħha, il-Kummissjoni tressaq tliet ilmenti.

    17     Permezz ta' l-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni tallega li r-Renju ta' Spanja eskluda a priori mill-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi kodifikata l-entitajiet irregolati mid-dritt privat għalkemm dawn jistgħu jkunu korpi rregolati mid-dritt pubbliku skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1(b) tad-Direttivi 93/36 u 93/37.

    18     Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni tallega li r-Renju ta' Spanja eskluda a priori mill-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi kodifikata l-ftheim ta' kollaborazzjoni milħuqa bejn l-entitajiet irregolati mid-dritt pubbliku, minkejja li dawk il-ftehim jistgħu jikkostitwixxu kuntratti pubbliċi skond id-Direttivi 93/36 u 93/37.

    19     Permezz tat-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni tallega li r-Renju ta' Spanja ppermetta l-użu tal-proċedura negozjata f'żewġ każijiet li ma kinux previsti fid-Direttivi 93/36 u 93/37, jiġifieri l-għoti ta' kuntratti wara proċeduri li ġew dikjarati bħala li ma rnexxewx u l-għoti tal-kuntratti ta' provvista ta' beni uniformi.

     Fuq l-ewwel ilment, dwar l-esklużjoni mill-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi kodifikata ta' l-entitajiet irregolati mid-dritt privat li jissodissfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel, it-tieni u t-tielet inċiżi tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1(b) tad-Direttivi 93/36 u 93/37

     L-argumenti tal-partijiet

    20     Skond il-Kummissjoni, il-kamp ta' applikazzjoni ratione personae tal-liġi kodifikata ma jaqbilx ma' dak tad-Direttivi 93/36 u 93/37 inkwantu l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija applikabbli esklużivament għall-entitajiet suġġetti għal regoli tad-dritt pubbliku skond il-liġi Spanjola, filwaqt li l-forma legali ta' l-entità in kwistjoni taqa' barra mid-definizzjoni ta' "korp irregolat mil-liġi pubblika" mogħtija minn dawk id-Direttivi.

    21     Il-Kummissjoni, billi tinvoka s-sentenza tal-15 ta' Jannar 1998, Mannesmann Anlagenbau Austria et (C-44/96 Ġabra. p. I-73, punti 17 sa 35), tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li "korp irregolat mil-liġi pubblika" tfisser korp li jisodissfa tliet kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 93/37.

    22     Il-Kummissjoni, billi tibbaża ruħha fuq is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja (b'mod partikolari s-sentenzi ta' l-20 ta' Settembru 1988, Beentjes, 31/87, Ġabra p. 4635, u ta' l-10 ta' Novembru 1998, BFI Holding, C-360/96, Ġabra p. I-6821), issostni li l-kunċett ta' awtorità kontraenti definit fl-Artikolu 1 tad-Direttivi 93/36 u 93/37 għandu jiġi interpretat b'mod funzjonali.

    23     Barra minn hekk, hi ssostni li l-interpretazzjoni tal-Gvern Spanjol tal-kunċett ta' "korp irregolat mil-liġi pubblika", tfisser li kunċett Komunitarju li għandu jingħata interpretazzjoni uniformi fil-Komunità kollha ma jibqax awtonomu.

    24     Il-Gvern Spanjol għażel interpretazzjoni litterali tal-kunċett ta' "korp irregolat mil-liġi pubblika". Hu jsostni li d-Direttivi 93/36 u 93/37 ma jinkludux f'dan il-kunċett il-kumpanniji kummerċjali taħt il-kontroll pubbliku. Sabiex isostni l-argument tiegħu, hu jsemmi d-Direttiva tal-Kunsill ta' l-14 ta' Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi ta' l-ilma, ta' l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni (ĠU L 199, p. 84), li tagħmel distinzjoni bejn il-kunċett ta' "korp irregolat mil-liġi pubblika" li huwa identiku fid-Direttivi fuq il-kuntratti pubbliċi u dak ta' "impriża pubblika", li d-definizzjoni tagħha tikkorrispondi għal dik ta' kumpannija pubblika kummerċjali.

    25     Barra minn hekk, il-Gvern Spanjol irrifjuta kull soluzzjoni ta' natura ġenerali. Huwa jsostni li delimitazzjoni ġenwina tal-kunċett ta' "korp irregolat mil-liġi pubblika" ma tistax issir ħlief wara li jiġi definit il-kunċett ta' "bżonnijiet fl-interess ġenerali", u fuq kollox, il-kunċett ta' "mingħajr ma jkunu ta' natura industrijali jew kummerċjali", permezz ta' eżami dettaljat ta' kull korp.

    26     Il-Kummissjoni tirrispondi li d-Direttiva 93/38 hija leġiżlazzjoni partikolari u li n-natura tagħha bħala regola ta' eċċezzjoni tipprekludi l-użu tagħha fl-interpretazzjoni ta' dispożizzjonijiet ġenerali, f'dan il-każ tad-Direttivi 93/36 u 93/37.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    27     Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-kunċett ta' "korp irregolat mil-liġi pubblika", kunċett tad-dritt Komunitarju li għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fil-Komunità kollha, huwa definit mil-lat funzjonali, esklussivament b'refereza għal tliet kundizzjonijiet kumulattivi li huma msemmija fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1(b) tad-Direttivi 93/36 u 93/37 (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Mannesmann Anlagenbau Awstrija et, iċċitata iktar 'il fuq punti 20 u 21; tat-12 ta' Diċembru 2002, Universale-Bau et, C-470/99, Ġabra p. I-11617, punti 51 sa 53; tal-15 ta' Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-214/00, Ġabra p. I-4667, punti 52 u 53 u tas-16 ta' Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja C-283/00, Ġabra p. I-11697, punt 69).

    28     Minn dan isegwi li, sabiex tiġi riżolta l-kwistjoni dwar il-klassifikazzjoni eventwali ta' korp irregolat mil-liġi privata bħala entità rregolata mil-liġi pubblika, għandu jiġi vverifikat unikament jekk l-entità in kwistjoni tissodisfax it-tliet kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1(b) tad-Direttivi 93/36 u 93/37, peress li, skond dawn id-Direttivi, l-istatus fid-dritt privat ta' l-entità ma jikkostitwixxix kriterju li jista' jipprekludiha milli tiġi kklassifikata bħala awtorità kontraenti (sentenza tal-15 ta' Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitatata iktar 'il fuq, punti 54, 55 u 60).

    29     Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din l-interpretazzjoni ma tfissirx li jkun qed jiġi injorat il-karattru industrijali jew kummerċjali tal-bżonnijiet ta' interess ġenerali li għandha tissodisfa l-entità kkonċernata, peress li dan l-element neċessarjament jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex jiġi determinat jekk hi tissodisfax jew le l-kundizzjonijiet stipulati fl-ewwel inċiż tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1(b) tad-Direttivi 93/36 u 93/37 (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta' Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja iċċitatata iktar 'il fuq, punt 75).

    30     Minbarra dan, tali konklużjoni lanqas ma tista tiġi invalidata min-nuqqas ta' referenza espressa, fid-Direttivi 93/36 u 93/37, għall-kategorija speċifika ta' l-"impriżi pubbliċi", minkejja li tiġi użata fid-Direttiva 93/38" (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta' Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitatata iktar 'il fuq, punt 76).

    31     Għaldaqstant, jirriżulta minn dak li ntqal li l-leġiżlazzjoni Spanjola tikkostitwixxi traspożizzjoni żbaljata tal-kunċett ta' "awtorità kontraenti" imsemmi fl-Artikolu 1(b) tad-Direttivi 93/36 u 93/37, safejn hi teskludi mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha l-entitajiet irregolati mid-dritt privat, anke jekk huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel, it-tieni u t-tielet inċiżi tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1(b) ta' dawk id-Direttivi.

    32     F'dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-ewwel ilment tal-Kummissjoni jintlaqa'.

     Fuq it-tieni ilment, dwar l-esklużjoni mill-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi kodifikata tal-ftehim ta' kollaborazzjoni konklużi bejn l-entitajiet irregolati mid-dritt pubbliku

     L-argumenti tal-partijiet

    33     Il-Kummissjoni tikkonstata li l-liġi kodifikata teskludi mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha l-ftehim ta' kollaborazzjoni milħuqa jew bejn l-amministrazzjoni ġenerali ta' l-Istat, minn naħa, u s-sigurtà soċjali, il-komunitajiet awtonomi, l-entitajiet lokali, il-korpi awtonomi tagħhom u kwalunkwe entità pubblika oħra, min-naħa l-oħra, jew bejn dawn il-korpi. Skond il-Kummissjoni, tali esklużjoni assoluta tikkostitwixxi traspożizzjoni żbaljata tad-Direttivi 93/36 u 93/37, minħabba li uħud minn dawn il-ftehim jistgħu jkollhom l-istess natura tal-kuntratti pubbliċi koperti minnhom.

    34     Hi ssostni din l-esklużjoni ma tidhirx fid-Direttivi 93/36 u 93/37.

    35     Il-Kummissjoni tinvoka d-definizzjoni ta' kuntratt li tidher fl-Artikolu 1(a) tad-Direttivi 93/36 u 93/37 u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li fiha jingħad li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta' kuntratt, għandu jiġi vverifikat jekk kienx hemm ftehim bejn żewġ persuni separati (sentenza tat-18 ta' Novembru 1999 Teckal, C-107/98, Ġabra p. I-8121, punt 49). Għaldaqstant, hi ssostni li fid-dawl ta' l-elementi msemmija iktar 'il fuq, ftehim ta' kollaborazzjoni interamministrattivi jistgħu jikkostitwixxu kuntratti skond is-sens tad-Direttivi 93/36 u 93/37.

    36     Il-Gvern Spanjol jenfasizza li l-ftehim huma l-mezz normali sabiex l-entitajiet regolati mid-dritt pubbliku jistabbilixxu relazzjoni bejniethom. Hu josserva li dawn ir-relazzjonijiet huma marġinali għall-kuntratt. Barra minn hekk hu jistaqsi jekk is-sentenza Teckal, iċċitata iktar 'il fuq, hijiex fondata, u jsostni li l-prinċipju li jidher fl-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta' Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p.1) huwa inkluż b'mod impliċitu fid-Direttivi l-oħra dwar il-kuntratti pubbliċi.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    37     Skond id-definizjonijiet mogħtija fl-Artikolu 1(a) tad-Direttivi 93/36 u 93/37 kuntratt pubbliku ta' provvista jew ta' xogħol jippressupponi l-eżistenza ta' kuntratt b'titolu oneruż li jkun sar bil-miktub bejn, minn naħa, fornitur jew imprenditur u, min-naħa l-oħra, awtorità kontraenti skond is-sens ta' l-Artikolu 1(b) ta' l-imsemmija Direttivi u għandu bħala għan ix-xiri ta' prodotti jew l-eżekuzzjoni ta' ċertu tip ta' xogħol.

    38     Konformement ma' l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 93/36, huwa biżżejjed, bħala regola, li l-kuntratt kien ġie konkluż bejn, minn naħa, awtorità reġjonali u, min-naħa l-oħra, persuna ġuridikament distinta minn din ta' l-aħħar. Ma jistax ikun mod ieħor ħlief fl-ipoteżi fejn, fl-istess ħin, l-awtorità reġjonali teżerċita fuq il-persuna in kwistjoni kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti proprji tagħha u fejn din il-persuna twettaq il-parti l-kbira ta' l-attività tagħha ma' l-awtorità jew awtoritajiet li jikkontrollawha (sentenza Teckal, iċċitata iktar 'il fuq, punt 50).

    39     Fid-dawl ta' l-identiċità bejn l-elementi li jikkostitwixxu d-definizzjoni ta' kuntratt fid-Direttivi 93/36 u 93/37, bl-eċċezzjoni tas-suġġett tal-kuntratt in kwistjoni, għandha tiġi applikata s-soluzzjoni użata fis-sentenza Teckal, iċċitata iktar 'il fuq, għall-ftehim interamministrativi koperti mid-Direttiva 93/37.

    40     Konsegwentement, safejn hi teskludi a priori mill-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi kodifikata r-relazzjonijiet stabbiliti bejn l-awtoritajiet pubbliċi, il-korpi pubbliċi tagħhom u, b'mod ġenerali, l-entitajiet mhux kummerċjali rregolati mid-dritt pubbliku, indipendentement min-natura ta' tali relazzjonjiet, il-leġiżlazzjoni Spanjola in kwistjoni f'dan il-każ tikkostitwixxi traspożizzjoni żbaljata tad-Direttivi 93/36 u 93/37.

    41     F'dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li t-tieni lment tal-Kummissjoni jintlaqa'.

     Fuq it-tielet ilment, dwar l-użu tal-proċedura negozjata msemmi fil-liġi kodifikata f'żewġ każijiet mhux previsti fid-Direttivi 93/36 u 93/37

    42     Il-Kummissjoni tosserva li l-liġi kodifikata tawtorizza l-użu tal-proċedura negozjata f'żewġ każijiet li mhumiex previsti fid-Direttivi 93/36 u 93/37: l-għoti ta' kuntratti wara proċeduri li ġew dikjarati bħala li ma rnexxewx u l-għoti ta' kuntratti ta' provvista ta' beni uniformi.

     Fuq l-ewwel parti tat-tielet ilment dwar l-għoti ta' kuntratti wara proċeduri li ma rnexxewx

     L-argumenti tal-partijiet

    43     Il-Kummissjoni tikkunsidra li, billi jawtorizzaw żieda fil-prezz ta' l-offerta oriġinali sa 10% meta mqabbla mal-proċedura preliminari miftuħa jew ristretta, l-Artikoli 141(a) u 182(a) tal-liġi kodifikata jmorru kontra d-Direttivi 93/36 u 93/37 peress li jippermettu modifika sostanzjali ta' waħda mill-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt, jiġifieri l-prezz.

    44     Il-Kummissjoni tosserva li l-lista ta' każijiet li fihom tista' tintuża l-proċedura negozjata hija limitata. Minn dan hi tiddeduċi li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta' "modifika mhux sostanzjali" għandha tkun restrittiva.

    45     Il-Gvern Spanjol jilmenta li l-Kummissjoni ma indikatax liema modifika tal-prezz għandha tiġi kkunsidrata bħala sostanzjali u liema żieda ma jistħoqqilhiex din il-klassifikazzjoni. Hu osserva li għall-finijiet taċ-ċertezza legali, il-leġiżlatur Spanjol biddel il-kunċett vag ta' "modifiki sostanzjali tal-kundizzjonijiet oriġinali tal-kuntratt" f'kunċett ċert.

    46     B'risposta għal dan, il-Kummissjoni ssostni li, fil-kuntest ta' rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu, hi m'għandha l-obbligu la li tiddefinixxi l-limiti tal-vjolazzjoni u lanqas li tindika l-miżuri li jippermettu li jiġi eliminat dan in-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu. Barra minn hekk, hi tosserva li l-għan tal-leġiżlatur nazzjonali dirett biex jiġu ddefiniti l-kunċetti li jinsabu fid-Direttivi ma jistax jirriżulta fin-nuqqas ta' applikazzjoni tagħhom.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    47     Kif jirriżulta, b'mod partikolari, mit-tnax-il premessa tad-Direttiva 93/36 u t-tmien premessa tad-Direttiva 93/37, il-proċedura negozjata għandha karattru eċċezzjonali u għandha tiġi applikata biss fil-każijiet elenkati b'mod eżawrjenti. Għal dan il-għan, l-Artikoli 6(3)(a) tad-Direttiva 93/36 u 7(3)(a) tad-Direttiva 93/37 jelenkaw b'mod eżawrjenti l-każijiet li fihom tkun tista' tintuża l-proċedura negozjata mingħajr ma l-avviż għall-offerti tiġi ppubblikata minn qabel.

    48     Skond il-ġurisprudenza, id-derogi mir-regoli intiżi sabiex jiggarantixxu l-effettività tad-drittijiet rikonoxxuti mit-Trattat fis-settur tal-kuntratti pubbliċi tax-xogħlijiet għandhom jingħataw interpretazzjoni restrittiva (sentenzi tat-18 ta' Mejju 1995, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-57/94, Ġabra p. I‑1249, punt 23, u tat-28 ta' Marzu 1996 Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-318/94, Ġabra p. I‑1949, punt 13). Sabiex id-Direttivi in kwistjoni ma jiġux ipprivati mill-effettività tagħhom, l-Istati Membri ma jistgħux, għaldaqstant, jipprovdu għall-użu tal-proċedura negozjata f'każijiet mhux previsti fid-Direttivi 93/36 u 96/37, jew iżidu kundizzjonijiet ġodda mal-każijiet li huma espressament ipprovduti f'dawk id-Direttivi sabiex jiffaċilitaw l-użu tal-proċedura.

    49     F'dan il-każ, ma jistax jiġi nnegat li, safejn jawtorizzaw l-użu tal-proċedura negozjata meta l-kuntratt ma setax jingħata permezz ta' proċedura miftuħa jew ristretta, jew meta l-kandidati ma jkunux tħallewx jippreżentaw l-offerti tagħhom, sakemm ma kienx hemm modifiki tal-kundizzjonijiet oriġinali tal-kuntratt minbarra l-prezz, li ma jistax jiżdied b'aktar minn 10%, l-Artikoli 141(a) u 182(a) tal-liġi kodifikata fil-fatt iżidu kundizzjoni ġdida mad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 93/36 u 93/37 li tista' ddgħajjef kemm il-portata, kif ukoll il-karattru derogatorju tagħhom. Tali kundizzjoni fil-fatt ma tistax tiġi kkunsidrata bħala modifika mhux sostanzjali tal-kundizzjonijiet oriġinali tal-kuntratti, kif jipprovdu rispettivament l-Artikoli 6(3)(a) tad-Direttiva 93/36 u 7(3)(a) tad-Direttiva 93/37.

    50     F'dawn il-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikoli 141(a) u 182(a) tal-liġi kodifikat jikkostitwixxu traspożizzjoni inkorretta ta' l-Artikoli 6(3)(a) tad-Direttiva 93/36 u 7(3)(a) tad-Direttiva 93/37.

     Fuq it-tieni parti tat-tielet ilment dwar l-għotja ta' kuntratti ta' provvista ta' beni uniformi

     L-argumenti tal-partijiet

    51     Il-Kummissjoni tosserva li l-proċedura li tinsab fl-Artikolu 182(g) tal-liġi kodifikata tikser id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 6(2) u (3) tad-Direttiva 93/36, li jelenka l-każijiet fejn tista' tintuża l-proċedura negozjata.

    52     F'dan il-każ, il-leġiżlazzjoni Spanjola tipprovdi għall-użu tal-proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel fir-rigward tal-beni li l-uniformità tagħhom tkun ġiet iddikjarata bħala neċessarja għall-użu komuni tagħhom mill-amministrazzjoni. L-użu ta' din il-proċedura ikun possibbli safejn it-tip tal-beni jkun intgħażel b'mod indipendenti minn qabel, wara sejħa għall-offerti.

    53     Il-Gvern Spanjol jsostni li s-sejħiet għall-offerti intiżi sabiex jiddeterminaw it-tip ta' beni uniformi huma simili għal kuntratti ta' qafas.

    54     Barra minn hekk dan il-Gvern jafferma li s-sejħiet għall-offerti in kwistjoni bl-ebda mod ma huma differenti mill-proċeduri għall-offerti wara ftehim jew kuntratt ta' qafas previst minn artikolu ieħor tal-liġi kodifikata li ma ġie ssuġġettat għal ebda osservazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni. Konsegwentement hu jikkonkludi li l-liġi kodifikata hi konformi mad-Direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi.

    55     Wara li fakkret id-definizzjoni tal-ftehim ta' qafas, il-Kummissjoni tosserva li dawn il-ftheim mhumiex koperti mid-Direttiva 93/36.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    56     Dwar l-għoti ta' kuntratti ta' provvista ta' beni uniformi, imsemmi fl-Artikolu 182(g) tal-liġi kodifikata, il-proċedura negozjata ma tistax tintuża ħlief fil-każijiet elenkati b'mod eżawrjenti fl-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 93/36. Barra minn hekk, il-paragrafu 4 ta' din id-Direttiva jindika li, "fil-każijiet kollha l-oħra, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jagħtu l-kuntratti ta' provvista tagħhom bi proċedura miftuħa jew bi proċedura ristretta".

    57     Id-dispożizzjoni in kwistjoni, li ddaħħlet mil-leġiżlatur Spanjol, ma tikkorrispondi la għall-każ imsemmi fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 93/36 u lanqas għal waħda mill-ħames sitwazzjonijiet elenkati fil-paragrafu 3 ta' l-istess Artikolu li fihom l-użu tal-proċedura negozjata mingħajr ma jiġi ppubblikat minn qabel avviż għall-offerti, huwa espressament awtorizzat. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-kunċett ta' "ftehim ta' qafas" ma jidħolx fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn l-eċċezzjonijiet.

    58     Barra minn hekk, skond ġurisprudenza kostanti, id-dispożizzjonijiet li jawtorizzaw derogi mir-regoli intiżi sabiex jiggarantixxu l-effettività tad-drittijiet rikonoxxuti mit-Trattat fis-settur tal-kuntratti pubbliċi ta' provvista għandhom jiġu interpretati b'mod restrittiv (sentenza tas-17 ta' Novembru 1993, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-71/92, Ġabra p. I-5923, punt 36). Huma għaldaqstant l-Istati Membri li għandhom juru li l-leġiżlazzjoni tagħhom tikkostitwixxi traspożizzjoni tajba tal-każijiet espressament previsti fid-Direttiva. F'dan il-każ, il-Gvern Spanjol ma ressaqx tali prova.

    59     B'konsegwenza ta' dan, safejn tawtorizza l-użu tal-proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel fil-proċeduri li jikkonċernaw beni li l-uniformità tagħhom kienet ġiet iddikjarata neċessarja għall-użu komuni tagħhom mill-amministrazzjoni, sakemm l-għażla tat-tip ta' beni tkun saret minn qabel permezz ta' sejħa għall-offerti, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni tikkostitwixxi traspożizzjoni inkorretta ta' l-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 93/36.

    60     F'dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li t-tielet lment tal-Kummissjoni jintlaqa'.

    61     Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ttrasponiex b'mod korrett fl-ordinament ġuridiku nazzjoanli tiegħu d-Direttivi 93/36 u 93/37 u b'mod partikolari,

    –       billi eskluda mill-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi kodifikata, preċiżament fl-Artikolu 1(3) ta' din il-liġi entitajiet regolati mid-dritt privat li jissodissfaw ir-rekwiżiti msemmija fl-ewwel, fit-tieni u t-tielt inċiżi tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1(b) ta' kull waħda minn dawn id-Direttivi,

    –       billi eskluda għal kollox mill-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi kodifikata, preċiżament fl-Artikolu 3(1)(c) ta' din ta' l-aħħar, il-ftehim ta' kollaborazzjoni milħuqa bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-entitajiet pubbliċi l-oħra, kif ukoll, għaldaqstant, il-ftehim kollha li jikkostitwixxu kuntratti pubbliċi skond dawn l-istess Direttivi ,

    –       billi fl-Artikolu 141(a) u l-Artikolu 182(a) u (g) tal-liġi kodifikata ġie permess li tintuża l-proċedura negozjata f'żewġ każijiet mhux prevsiti mill-imsemmija Direttivi,

    ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond dawn id-Direttivi.

     Fuq l-ispejjeż

    62     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta' Spanja tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeciedi

    1)      Billi ma ttrasponiex b'mod korrett fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu d-Direttivi tal-Kunsill 93/36/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' provvista, u 93/37/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi u b'mod partikolari

    –       billi eskluda mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Ley de Contractos de las Administraciones Publicas (liġi dwar il-kuntratti mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi) tas-16 ta' Ġunju 2000 fil-verżjoni kodifikata tagħha approvata mir-Real Decreto Legislativo 2/2000, tas-16 ta' Ġunju 2000, preċiżament fl-Artikolu 1(3) ta' din il-liġi, l-entitajiet regolati mid-dritt privat li jissodissfaw ir-rekwiżiti msemmija fl-ewwel, fit-tieni u t-tielt inċiżi tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1(b) ta' kull waħda minn dawn id-Direttivi,

    –       billi eskluda għal kollox mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-istess liġi, preċiżament fl-Artikolu 3 (1)(c) ta' din ta' l-aħħar, il-ftehim ta' kollaborazzjoni milħuqa bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-entitajiet pubbliċi l-oħra, kif ukoll, għaldaqstant, il-ftehim kollha li jikkostitwixxu kuntratti pubbliċi skond dawn l-istess Direttivi ,u

    –       billi fl-Artikolu 141(a) u l-Artikolu 182(a) u (g) ta' l-imsemmija liġi ġie permess li tintuża l-proċedura negozjata f'żewġ każijiet mhux prevsiti mill-imsemmija Direttivi,

    Ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-imsemmija Direttivi.

    2)      Ir-Renju ta' Spanja għandu jbati l-ispejjeż.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top