This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62003CJ0060
Judgment of the Court (Second Chamber) of 12 October 2004.#Wolff & Müller GmbH & Co. KG v José Filipe Pereira Félix.#Reference for a preliminary ruling: Bundesarbeitsgericht - Germany.#Article 49 EC - Restrictions on freedom to provide services - Undertakings in the construction sector - Subcontracting - Obligation on an undertaking to act as guarantor in respect of the minimum remuneration of workers employed by a subcontractor.#Case C-60/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-12 ta' Ottubru 2004.
Wolff & Müller GmbH & Co. KG vs José Filipe Pereira Félix.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesarbeitsgericht - il-Ġermanja.
L-Artikolu 49 KE - Restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu provduti servizzi - Impriżi fis-settur tal-kostruzzjoni - Subappalt - Obbligu fuq impriża li taġixxi bħala garanti għar-rimunerazzjoni minima tal-ħaddiema impjegati minn subappaltatur.
Kawża C-60/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-12 ta' Ottubru 2004.
Wolff & Müller GmbH & Co. KG vs José Filipe Pereira Félix.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesarbeitsgericht - il-Ġermanja.
L-Artikolu 49 KE - Restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu provduti servizzi - Impriżi fis-settur tal-kostruzzjoni - Subappalt - Obbligu fuq impriża li taġixxi bħala garanti għar-rimunerazzjoni minima tal-ħaddiema impjegati minn subappaltatur.
Kawża C-60/03.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:610
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
12 ta' Ottubru 2004 (*)
"L-Artikolu 49 KE – Restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu provduti servizzi – Impriżi fis-settur tal-kostruzzjoni – Subappalt – Obbligu fuq impriża li taġixxi bħala garanti għar-rimunerazzjoni minima tal-ħaddiema impjegati minn subappaltatur"
Fil-kawża C-60/03,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Germanja), b'deċiżjoni tas-6 ta' Novembru 2002, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta' Frar 2003, fil-proċeduri
Wolff & Müller GmbH & Co. KG
vs
José Filipe Pereira Félix,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), President ta' l-Awla, C. Gulmann u R. Schintgen, F. Macken u N. Colneric, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,
Reġistratur: M. Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-10 ta' Ġunju 2004,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
·għal Wolff & Müller GmbH & Co. KG, minn T. Möller, Rechtsanwalt,
·għal Pereira Félix, minn M. Veiga, Rechtsanwältin,
·għall-Gvern Ġermaniż, minn A. Tiemann, bħala aġent,
·għall-Gvern Franciż, minn G. de Bergues kif ukoll minn C. Bergeot-Nunes u O. Christmann, bħala aġenti,
·għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl u G. Hesse, bħala aġenti,
·għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Patakia, bħala aġent, assistita minn R. Karpenstein, Rechtsanwalt,
wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 49 KE.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta' kawża bejn Wolff & Müller GmbH & Co. KG (iktar 'il quddiem "Wolff & Müller"), impriża ta' kostruzzjoni, u s-Sur Pereira Félix, dwar ir-responsabbiltà ta' din l-impriża bħala garanti għall-ħlas tas-salarju minimu li huwa dovut lil dan ta' l-aħħar minn min iħaddmu.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Il-ħames premessa tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta' Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (ĠU 1997, L 18, p. 1), tipprovdi:
"Billi kull promozzjoni ta' din ix-xorta tal-prestazzjoni transnazzjonali ta' servizzi teħtieġ klima ta' kompetizzjoni ġusta u miżuri li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema".
4 Skond l-ewwel Artikolu tad-Direttiva 96/71, intitolat "Il-kamp ta' l-applikazzjoni":
"1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru li, fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi transnazzjonali, jimpjegaw ħaddiema skond il-paragrafu 3, fit-territorju ta' Stat Membru.
[…]
3. Din id-Direttiva għandha tapplika sa fejn l-impriżi imsemmija fil-paragrafu 1 jieħdu waħda mill-miżuri transnazzjonali li ġejjin:
a) jibagħtu ħaddiema fit-territorju ta' Stat Membru għall-kont tagħhom proprju u taħt il-kontroll tagħhom fil-qafas ta' kuntratt konkluż bejn l-impriża li tibgħat u d-destinatarju tal-prestazzjoni ta' servizzi li jopera f'dak l-Isat Membru, sakemm teżisti relazzjoni ta' impjieg bejn l-impriża li tibgħat u l-ħaddiem fil-perjodu tal-kollokazzjoni
[…]"
5 L-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71, intitolat "It-termini u l-kondizzjonijiet ta' l-impjieg", jipprovdi fl-ewwel paragrafu tiegħu:
"L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, tkun xi tkun il-liġi li tapplika għar-relazzjoni ta' impjieg, l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) jiggarantixxu lill-ħaddiema mibgħuta fit-territorju tagħhom it-termini u l-kondizzjonijiet ta' l-impjieg li jkopru il-kwistjonijiet li ġejjin, fl-Istati Membri fejn ix-xogħol hu mwettaq, huma stabbiliti:
– skond liġi, regolament jew dispożizzjonijiet amministrattivi, u/jew
– bi ftehim kollettiv jew sentenza ta' arbitraġġ li kienu ddikjarati universalment applikabbli fis-sens tal-paragrafu 8, sa fejn jikkonċernaw l-attivitajiet imsemmija fl-Anness:
[…]
ċ) ir-rati minimi ta' ħlas [ir-rati tas-salarju minimu], li jinkludu rati ta' sahra; dan il-punt ma japplikax għal skemi komplimentari għall-irtirar mix-xogħol;
[…]"
6 Skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 96/71, intitolat "Miżuri";
"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa fil-każ ta' non-konformità mad-Direttiva.
Għandhom b'mod partikulari jiżguraw li proċeduri adegwati huma disponibbli lill-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għat-twettiq ta' l-obbligi taħt din id-Direttiva."
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
7 L-Artikolu 1 tal-Verordnung über zwingende Arbeitsbedingungen im Baugewerbe (Regolament fuq il-kundizzjonijiet obbligatorji tax-xogħol applikabbli fis-settur tal-kostruzzjoni), tal-25 ta' Awissu 1999 (BGBl. 1999 I, p. 1894) jipprovdi kif ġej:
"Ir-regoli tal-ftehim kollettiv li jipprovdi salarju minimu fis-settur tal-kostruzzjoni fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (ftehim fuq is-salarju minimu) tas-26 ta' Mejju 1999, inklużi fl-Anness 1 ta' dan ir-Regolament, [...] japplikaw għal kull min iħaddem u għall-ħaddiema kollha li mhumiex marbuta b'dan il-ftehim, li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu fl-1 ta' Settembru 1999, fejn l-attività ta' l-impriża tikkonsisti prinċipalment f'xogħlijiet ta' kostruzzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 211(1) tat-tielet ktieb tal-Sozialgesetzbuch [Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali Ġermaniż, iktar 'il quddiem is-"SGB III"]. Ir-regoli tal-ftehim kollettiv japplikaw ukoll għal dawk li jħaddmu li huma stabbiliti barra mill-pajjiż u għall-ħaddiema tagħhom impjegati fil-qasam ta' applikazzjoni tar-Regolament."
8 Skond l-Artikolu 1A ta' l-Arbeitnehmer-Entsendegesetz (Liġi fuq il-kollokazzjoni tal-ħaddiema, iktar 'il quddiem l-"AentG"), li ddaħħal permezz ta' l-Artikolu 10 tal-Gesetz zu Korrekturen der Sozialversicherung und zur Sicherung der Arbeitnehmerrechte (Liġi li temenda s-sigurtà soċjali u li tiggarantixxi d-drittijiet tal-ħaddiema), tad-19 ta' Diċembru 1998 (BGBl. 1998 I, p. 3843), li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1999:
"Impriża li tqabbad impriża oħra sabiex twettaq xogħlijiet ta' kostruzzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 211(1) ta' l-SGB III hija responsabbli, bħala garanti li rrinunzjat għall-benefiċċju ta' l-eskussjoni, għat-twettiq ta' l-obbligi ta' din l-impriża, ta' subappaltatur jew ta' min iqabbad lil ħaddieħor għax-xogħol li jkun ġie inkarigat mill-impriża jew minn subappaltatur, għall-ħlas tas-salarju minimu lil ħaddiem jew għall-ħlas ta' kontribuzzjonijiet lil entità komuni għall-partijiet fil-ftehim kollettiv, skond it-tieni u t-tielet sentenzi ta' l-Artikolu 1(1), l-Artikolu 1(2A), it-tieni u t-tielet sentenzi ta' l-Artikolu 1(3), jew ir-raba' u l-ħames sentenzi ta' l-Artikolu 1(3A). Is-salarju minimu, fis-sens ta' l-ewwel sentenza, jinkludi l-ammont li għandu jitħallas lill-ħaddiem wara li jitnaqqsu t-taxxi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tal-promozzjoni ta' l-impjieg jew ta' kontribuzzjonijiet korrispettivi ta' sigurtà soċjali (salarju nett)".
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
9 Is-Sur Pereira Félix huwa ċittadin Portugiż li, mill-21 ta' Frar sal-15 ta' Mejju 2000, ħadem ta' bennej f'Berlin (Il-Ġermanja) fuq sit ta' kostruzzjoni, bħala impjegat ta' impriża ta' kostruzzjoni stabbilita fil-Portugall. Din ta' l-aħħar wettqet xogħlijiet ta' konkrit u ta' konkrit rinfurzat fuq dan is-sit ta' kostruzzjoni għal Wolff & Müller.
10 B'rikors ippreżentat fl-4 ta' Settembru 2000 quddiem l-Arbeitsgericht Berlin (Il-Ġermanja), is-Sur Pereira Félix talab lil min iħaddmu u lil Wolff & Müller, bħala debituri in solidum, il-ħlas ta' salarji mhux imħallsa li jammontaw għal 4019,23 DEM. Huwa sostna li din ta' l-aħħar, bħala garanti, kienet responsabbli, skond l-Artikolu 1A ta' l-AEntG, għall-ħlas tas-somom li jikkorispondu għas-salarju li huwa ma kienx irċieva.
11 Wolff & Müller opponiet it-talbiet tas-Sur Pereira Félix billi sostniet b'mod partikolari li r-responsabbiltà tagħha kienet eskluża minħabba li l-Artikolu 1A ta' l-AEntG jikkostitwixxi ksur illegali tal-libertà tagħha li teżerċita professjoni protetta bl-Artikolu 12 tal-Grundgesetz (Liġi Fundamentali) u tikser il-libertà li jiġu pprovduti servizzi protetta bit-Trattat KE.
12 L-Arbeitsgericht Berlin laqa' r-rikors tas-Sur Pereira Félix. Il-Landesarbeitsgericht (Il-Ġermanja), li quddiemha appellat Wolff & Müller, ċaħdet parzjalment l-appell ta' din ta' l-aħħar li, konsegwentement, ressqet proċedura għal "Reviżjoni" quddiem il-Bundesarbeitsgericht.
13 Dan ta' l-aħħar jikkonstata li l-kundizzjonijiet preliminari sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta' Wolff & Müller bħala garanti skond l-Artikolu 1A ta' l-AEntG huma sodisfatti. Huwa jiddeċiedi wkoll li din id-dispożizzjoni hija kompatibbli ma' l-Artikolu 12 tal-Grundgesetz, billi hija restrizzjoni proporzjonata. Madankollu, jidhirlu li l-imsemmija dispożizzjoni ta' l-AEntG tista' tostakola l-libertà li jiġu provduti servizzi skond l-Artikolu 49 KE.
14 F'dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li r-responsabbiltà bħala garanti prevista fl-Artikolu 1A ta' l-AEntG (iktar 'il quddiem ir-"responsabbiltà bħala garanti") tista' tirrikjedi kontrolli intensivi u obbligi ta' prova li jaffettwaw b'mod partikolari lis-subappaltaturi barranin. Dan jinvolvi spejjeż u piżijiet amministrattivi addizzjonali, mhux biss għall-impriża ġenerali, iżda wkoll għas-subappaltaturi. Dawn l-ispejjeż jimpedixxu l-prestazzjoni ta' xogħlijiet ta' kostruzzjoni fil-Ġermanja għall-impriżi tal-kostruzzjoni ta' l-Istati Membri l-oħra billi jirrendu l-imsemmija prestazzjoni inqas attraenti.
15 Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tirriżulta mill-Artikolu 1A ta' l-AEntG huwiex iġġustifikat.
16 Min-naħa, skond l-imsemmija qorti, ir-responsabbiltà bħala garanti ċertament tagħti lill-ħaddiem vantaġġ reali li jikkontribwixxi sabiex jipproteġih. Il-ħaddiema jiddisponu, b'żieda ma' min iħaddimhom, minn debitur addizzjonali li kontrih jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għas-salarju nett previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.
17 Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, madankollu, dan il-vantaġġ għandu biss effetti limitati. Fil-prattika, huwa sikwit diffiċli għall-ħaddiema barranin kollokati li jinfurzaw id-dritt tagħhom għall-ħlas tas-salarju quddiem il-qrati Ġermaniżi kontra l-impriża responsabbli bħala garanti. Billi l-kollokazzjoni sikwit ma ddumx iktar minn ftit xhur għal proġett ta' kostruzzjoni partikolari, il-ħaddiema ġeneralment ma jkunux saru familjari mal-lingwa Ġermaniża u mal-pożizzjoni legali fil-Ġermanja. Għaldaqstant, it-teħid ta' proċeduri legali quddiem qorti Ġermaniża sabiex jiġu infurzati l-pretensjonijiet ta' dawn ta' l-aħħar, ibbażati fuq ir-responsabbiltà bħala garanti, jinvolvi diffikultajiet kbar. Barra minn hekk, din il-protezzjoni titlef mill-valur ekonomiku tagħha jekk iċ-ċans reali li wieħed jiġi impjegat bi ħlas fil-Ġermanja jonqos b'mod sinifikanti.
18 Min-naħa l-oħra, skond il-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li, skond il-motivazzjoni ta' l-AEntG, l-għan tar-responsabbiltà bħala garanti huwa li jirrendi iktar diffiċli l-għoti ta' kuntratti lil subappaltaturi li ġejjin mill-pajjiżi msejħa "b'salarju baxx" u għaldaqstant li jagħti ħajja ġdida lis-suq tax-xogħol Ġermaniż, jipproteġi l-eżistenza ekonomika ta' impriżi żgħar u medji fil-Ġermanja kif ukoll li jiġġieled kontra l-qgħad f'dan l-Istat Membru. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma fiċ-ċentru tal-leġiżlazzjoni mhux biss skond il-motivi ta' l-imsemmija liġi, iżda iktar u iktar meta tiġi evalwata b'mod oġġettiva. L-għanijiet espressament imsemmija fl-Artikolu 1A ta' l-AEntG ma jinkludux il-garanzija ta' salarju doppju jew kultant anki triplu, mogħtija b'dan il-mod lill-ħaddiema barranin, għal raġunijiet soċjali, meta jaħdmu fuq siti ta' kostruzzjoni fil-Ġermanja.
19 Billi kkunsidra li l-eżitu tal-kawża pendenti quddiemu kien jiddependi mill-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 49 KE, il-Bundesarbeitsgericht iddeċieda li jissospendi il-proċeduri u jirreferi s-segwenti domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"L-Artikolu 49 KE (li qabel kien l-Artikolu 59 tat-Trattat KE) jipprekludi regoli nazzjonali li skondhom impriża ta' kostruzzjoni li tqabbad impriża oħra sabiex twettaq xogħlijiet ta' kostruzzjoni hija responsabbli, bħala garanti li rrinunzjat għall-benefiċċju ta' l-eskussjoni, għat-twettiq ta' l-obbligi ta' din l-impriża jew ta' subappaltatur għall-ħlas tas-salarju minimu ta' ħaddiem jew ta' kontribuzzjonijiet lil entità komuni għall-partijiet fi ftehim kollettiv, meta s-salarju minimu jikkonsisti fl-ammont li għandu jitħallas lill-ħaddiem wara li jitnaqqsu t-taxxi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tal-promozzjoni ta' l-impjieg jew il-ħlasijiet korrispettivi ta' sigurtà soċjali (salarju nett), jekk dawn ir-regoli m'għandhomx bħala għan primarju l-protezzjoni tar-rimunerazzjoni tal-ħaddiem jew jekk din il-protezzjoni hija biss għan sekondarju ta' dawn ir-regoli?"
Fuq id-domanda preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
20 Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issostni li l-problema tar-responsabbiltà bħala garanti għall-kontribuzzjonijiet lil entità komuni għall-partijiet fil-ftehim kollettiv ma tagħmilx parti mis-suġġett tal-kawża prinċipali, u għaldaqstant, għandha tiġi eskluża mit-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju.
21 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li domanda preliminari mressqa minn qorti hija inammissibbli biss meta jidher b'mod manfest li hija ma tikkonċernax l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju jew meta hija ipotetika (sentenza tas-7 ta' Jannar 2004, Kawża C-201/02, Wells, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan mhuwiex il-każ f'din il-kawża.
22 Fil-fatt, jirriżulta mill-kliem tad-domanda rreferita, li tagħmel parafrażi ta' l-Artikolu 1A ta' l-AEntG li jikkostitwixxi d-dispożizzjoni kkontestata fil-kawża prinċipali, li l-kwistjoni tal-ħlas ta' kontribuzzjonijiet lil entità komuni għall-partijiet fi ftehim kollettiv hija marbuta intimament ma' dik tal-ħlas tas-salarju minimu.
23 It-talba għal deċiżjoni preliminari hija għaldaqstant ammissibbli fl-intier tagħha.
Fuq il-mertu
24 Għandu jiġi mfakkar li, bil-għan li tagħti risposta utli lill-qorti li rreferitilha domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja jista' jkollha tieħu in kunsiderazzjoni regoli tad-dritt Komunitarju li għalihom il-qorti nazzjonali m'għamlitx referenza fid-domanda tagħha (sentenza tat-22 ta' Jannar 2004, Kawża C-271/01, COPPI, Ġabra p. I-0000, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
25 Għaldaqstant, kif jirrilevaw ġustament il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-fatti fil-kawża prinċipali, kif deskritti fid-digriet ta' rinviju, għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 96/71. Huma jikkorrispondu, fil-fatt, għas-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 1(3)(a) ta' din ta' l-aħħar.
26 Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-fatti in kwistjoni fil-kawża prinċipali ġraw matul is-sena 2000, jiġifieri f'data sussegwenti għall-iskadenza tat-terminu mogħti lill-Istati Membri sabiex jittrasponu d-Direttiva 96/71, liema data ġiet iffissata għas-16 ta' Diċembru 1999.
27 Għaldaqstant għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija Direttiva fil-kuntest ta' l-eżami tad-domanda preliminari.
28 Skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 96/71, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa fil-każ ta' non-konformità ma' din ta' l-aħħar. Huma għandhom b'mod partikolari jiżguraw li l-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom jiddisponu minn proċeduri adegwati għat-twettiq ta' l-obbligi previsti minn din id-Direttiva. Fost dawn l-obbligi hemm inkluż, kif jirriżulta mill-paragrafu (ċ) tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 3(1) ta' l-imsemmija Direttiva, l-obbligu li jiġi żgurat li l-impriżi jiggarantixxu lill-ħaddiema mibgħuta fit-territorju tagħhom il-ħlas tas-salarju minimu.
29 Minn dan jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiżguraw, b'mod partikolari, li l-ħaddiema kollokati jiddisponu minn proċeduri adegwati bil-għan li effettivament jiksbu s-salarju minimu.
30 Jirriżulta mill-kliem ta' l-Artikolu 5 tad-Direttiva 96/71 li l-Istati Membri jiddisponu minn marġini ta' evalwazzjoni wiesgħa fir-rigward tad-definizzjoni tal-forma u tal-modalitajiet tal-proċeduri adegwati fis-sens tat-tieni paragrafu ta' din id-dispożizzjoni. Madankollu, meta jeżerċitaw dan il-marġini ta' evalwazzjoni, huma għandhom f'kull waqt jirrispettaw il-libertajiet fundamentali garantiti mit-Trattat (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta' Jannar 2002, Canal Satélite Digital, C-390/99, Ġabra p. I-607, punti 27 u 28, kif ukoll tal-25 ta' Marzu 2004, Karner, C-71/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 33 u 34) u għaldaqstant, fir-rigward tal-kawża prinċipali, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
31 F'dan ir-rigward, għandu l-ewwelnett jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 49 KE jeżiġi mhux biss l-eliminazzjoni ta' kull diskriminazzjoni kontra l-fornitur ta' servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu, iżda wkoll l-eliminazzjoni ta' kull restrizzjoni, anki jekk tapplika bla distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta' l-Istati Membri l-oħra, meta tkun ta' natura li tipprojbixxi, tostakola jew tirrendi inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor fejn huwa jipprovdi servizzi analogi (sentenza ta' l-24 ta' Jannar 2002, Portugaia Construções, C-164/99, Ġabra p. I-787, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).
32 Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' l-Istat Membru ospitanti għall-fornituri ta' servizzi tista' tipprojbixxi, tostakola jew tirrendi inqas attraenti l-prestazzjonijiet ta' servizzi minn persuni jew impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra billi tinvolvi spejjeż u piżijiet amministrattivi u ekonomiċi addizzjonali (sentenza Portugaia Construções, iċċitata iktar 'il fuq, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).
33 Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali fir-rigward tar-responsabbiltà bħala garanti. F'dan ir-rigward, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-effett ta' l-imsemmija miżura fuq il-prestazzjonijiet ta' servizzi mwettqa mhux biss minn subappaltaturi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, iżda wkoll minn eventwali impriżi ġenerali li ġejjin minn dak l-Istat.
34 Barra minn hekk, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, meta leġiżlazzjoni bħall-Artikolu 1A ta' l-AEntG, jekk jitqies li tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tkun applikabbli għal kull persuna jew impriża li teżerċita attività fit-territorju ta' l-Istat Membru ospitanti, hija tista' tkun iġġustifikata jekk tirrispondi għal raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali safejn dan l-interess mhuwiex salvagwardat mir-regoli li l-fornitur huwa suġġett għalihom fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit u safejn hija adattata sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta' l-għan li hija tfittex li tilħaq u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħqu (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Portugaia Construções, iċċitata iktar 'il fuq, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).
35 Fost ir-raġuni imperattivi ta' interess ġenerali diġà rikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja hemm inkluż il-protezzjoni tal-ħaddiema (sentenza Portugaia Construções, iċċitata iktar 'il fuq, punt 20 u ġurisprudenza ċċitata).
36 Issa għalkemm jista' jiġi rikonoxxut li, bħala regola, l-applikazzjoni mill-Istat Membru ospitanti tal-leġiżlazzjoni tiegħu dwar is-salarju minimu lill-fornituri ta' servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor tfittex li tilħaq għan ta' interess ġenerali, jiġifieri l-protezzjoni ta' l-impjegati (sentenza Portugaia Construções, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22), l-istess jista' jingħad, bħala regola, għall-miżuri adottati mill-ewwel Stat Membru u intiżi sabiex isaħħu l-modalitajiet proċedurali li jippermettu lil ħaddiem kollokat li jinforza d-dritt tiegħu għas-salarju minimu b'mod utli.
37 Fil-fatt, għalkemm id-dritt għas-salarju minimu jikkostitwixxi fattur tal-protezzjoni tal-ħaddiema, anki l-modalitajiet proċedurali li jippermettu li dan id-dritt jiġi rispettat, bħalma hija r-responsabbiltà bħala garanti in kwistjoni fil-proċedura prinċipali, għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jiggarantixxu din il-protezzjoni.
38 Fir-rigward ta' l-osservazzjoni tal-qorti tar-rinviju li l-għan primarju tal-leġiżlazzjoni nazzjonali bl-adozzjoni ta' l-Artikolu 1A ta' l-AEntG kien il-protezzjoni tas-suq nazzjonali ta' l-impjieg, iktar milli l-protezzjoni tar-rimunerazzjoni lill-ħaddiem, għandu jiġi mfakkar li hija l-imsemmija qorti li għandha tivverifika jekk, ikkunsidrata oġġettivament, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali tiggarantixxix l-protezzjoni tal-ħaddiema kollokati. Huwa neċessarju li jiġi aċċertat jekk din il-leġiżlazzjoni tagħtix, lill-ħaddiema kkonċernati, vantaġġ reali li jikkontribwixxi, b'mod sinifikanti, għall-protezzjoni soċjali tagħhom. F'dan il-kuntest, l-intenzjoni ddikjarata tal-leġiżlatur tista' twassal għal eżami iktar dettaljat tal-vantaġġi allegatament mogħtija lill-ħaddiema bil-miżuri adottati minnu (sentenza Portugaia Construções, iċċitata iktar 'il fuq, punti 28 u 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
39 Il-qorti tar-rinviju tesprimi ċerti dubji fir-rigward tal-vantaġġ reali li tagħti r-responsabbiltà bħala garanti lill-ħaddiema kollokati, kemm minħabba d-diffikultajiet prattiċi li jiffaċċjaw dawn ta' l-aħħar biex jinfurzaw, quddiem il-qrati Ġermaniżi, id-dritt tagħhom għas-salarju kontra l-impriża ġenerali kif ukoll minħabba li din il-protezzjoni titlef mill-valur ekonomiku tagħha jekk iċ-ċans reali li wieħed jiġi impjegat bi ħlas fil-Germanja jonqos b'mod sinifikanti.
40 Madankollu, kif jenfasizzaw ġustament is-Sur Pereira Félix, il-Gvernijiet tal-Ġermanja, ta' l-Awstrija u ta' Franza kif ukoll il-Kummissjoni, jibqa' l-fatt li regola bħal dik prevista fl-Artikolu 1A ta' l-AEntG hija ta' vantaġġ għall-ħaddiema kollokati minħabba li, għall-benefiċċju ta' dawn ta' l-aħħar, hija żżid ma' l-ewwel debitur tas-salarju minimu, li jiġi min iħaddem, it-tieni debitur, li huwa marbut in solidum ma' l-ewwel wieħed u li ġeneralment ikun iktar solventi minn dan ta' l-aħħar. Ikkunsidrata oġġettivament, din ir-regola hija għaldaqstant ta' natura li tassigura l-protezzjoni tal-ħaddiema kollokati. Barra minn hekk, il-kawża prinċipali stess tidher li tikkonferma din il-finalità protettiva ta' l-Artikolu 1 ta' l-AEntG.
41 Safejn wieħed mill-għanijiet li l-leġiżlatur nazzjonali jfittex li jilħaq jikkonsisti fil-prevenzjoni ta' kompetizzjoni żleali min-naħa ta' impriżi li jħallsu lill-ħaddiema tagħhom b'rata inferjuri għal dik li tikkorrispondi għas-salarju minimu, ħaġa li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika, tali għan jista' jittieħed in kunsiderazzjoni bħala rekwiżit imperattiv li jista' jiġġustifika restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi dment li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 34.
42 Barra minn hekk, kif jirrileva ġustament il-Gvern Awstrijak fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, mhux bilfors ikun hemm kontradizzjoni bejn l-għan li tiġi salvagwardata l-kompetizzjoni ġusta, min-naħa, u dak li tiġi assigurata l-protezzjoni tal-ħaddiema, min-naħa l-oħra. Il-ħames premessa tad-Direttiva 96/71 turi li dawn iż-żewġ għanijiet jistgħu jiġu mfittxija b'mod konkomitanti.
43 Fl-aħħarnett, fir-rigward ta' l-osservazzjonijiet ta' Wolff & Müller li r-responsabbiltà bħala garanti hija sproporzjonata meta mqabbla ma' l-għan imfittex, jirriżulta, fil-fatt, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 tal-preżenti sentenza li, sabiex tkun iġġustifikata, miżura għandha tkun adattata sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta' l-għan li hija tfittex li tilħaq u m'għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħqu.
44 Hija l-qorti ta' rinviju li għandha tivverifika li dawn il-kundizzjonijiet huma rispettati fir-rigward ta' l-għan imfittex li huwa li jiggarantixxi l-protezzjoni tal-ħaddiem ikkonċernat.
45 F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda mressqa għandha tkun li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 96/71, interpretat fid-dawl ta' l-Artikolu 49 KE, ma jipprekludix, f'kawża bħalma hija l-kawża prinċipali, regoli nazzjonali li skondhom impriża ta' kostruzzjoni li tqabbad impriża oħra sabiex twettaq xogħlijiet ta' kostruzzjoni hija responsabbli, bħala garanti li rrinunzjat għall-benefiċċju ta' l-eskussjoni, għat-twettiq ta' l-obbligi ta' din l-impriża jew ta' subappaltatur għall-ħlas tas-salarju minimu ta' ħaddiem jew ta' kontribuzzjonijiet lil entità komuni għall-partijiet fi ftehim kollettiv, meta s-salarju minimu jikkonsisti fl-ammont li għandu jitħallas lill-ħaddiem wara li jitnaqqsu t-taxxi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tal-promozzjoni ta' l-impjieg jew il-ħlasijiet korrispettivi ta' sigurtà soċjali (salarju nett), jekk dawn ir-regoli m'għandhomx bħala għan primarju l-protezzjoni tar-rimunerazzjoni tal-ħaddiem jew jekk din il-protezzjoni hija biss għan sekondarju ta' dawn ir-regoli.
Fuq l-ispejjeż
46 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta' Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi, interpretat fid-dawl ta' l-Artikolu 49 KE, ma jipprekludix, f'kawża bħalma hija l-kawża prinċipali, regoli nazzjonali li skondhom impriża ta' kostruzzjoni li tqabbad impriża oħra sabiex twettaq xogħlijiet ta' kostruzzjoni hija responsabbli, bħala garanti li rrinunzjat għall-benefiċċju ta' l-eskussjoni, għat-twettiq ta' l-obbligi ta' din l-impriża jew ta' subappaltatur għall-ħlas tas-salarju minimu ta' ħaddiem jew ta' kontribuzzjonijiet lil entità komuni għall-partijiet fi ftehim kollettiv, meta s-salarju minimu jikkonsisti fl-ammont li għandu jitħallas lill-ħaddiem wara li jitnaqqsu t-taxxi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tal-promozzjoni ta' l-impjieg jew il-ħlasijiet korrispettivi ta' sigurtà soċjali (salarju nett), jekk dawn ir-regoli m'għandhomx bħala għan primarju l-protezzjoni tar-rimunerazzjoni tal-ħaddiem jew jekk din il-protezzjoni hija biss għan sekondarju ta' dawn ir-regoli.
Firem.
* Lingwa tal-każ: il-Ġermaniż.