EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CC0166

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Jacobs - 19 ta' Frar 2004.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Franċiża.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Artikolu 28 KE - Kummerċjalizzazzjoni ta' oġġetti magħmula minn metalli prezzjużi - Id-denominazzjonijiet 'deheb' u 'liga ta' deheb'.
Kawża C-166/03.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:113

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

JACOBS

ippreżentati fid-19 ta’ Frar 2004 (1)

Kawża C-166/03

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Franċiża






1.     Tradizzjonalment, il-purità tad-deheb tkejlet f’karati, liema deheb pur huwa kompost minn 24 karat; issa, ta’ spiss titkejjel f’milleżmi. Il-kwistjoni fil-każ preżenti tirrigwarda jekk regola li, fi Stat Membru tipprovdi li oġġetti b’finezza milleżimali ta’ 750 (18-il karat) jew aktar jistgħux jiġu deskritti bħala ‘deheb’, filwaqt li dawk li għandhom finezza milleżimali ta’ 375 jew 585 (9 karati jew 14-il karat rispettivament) għandhomx jissejħu ‘liga tad-deheb’, hijiex miżura ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjonijiet u b’hekk ipprojbita mill-Artikolu 28 KE.

  Proċedura

2.     F’Novembru 2000, wara li rċeviet ilment, il-Kummissjoni bagħtet ittra formali lill-Gvern Franċiż li fiha elenkat erba’ modi li bihom kienet qed taħseb li ċerti regoli Franċiżi jistgħu jfixklu l-importazzjonijiet ta’ oġġetti tad-deheb fi Franza.

3.     F’Settembru 2001, hija bagħtet opinjoni motivata lill-awtoritajiet Franċiżi, fis-sens ta’ l-ewwel pararagrafu ta’ l-Artikolu 226 KE, dwar tnejn minn dawn l-allegati ostakli għall-kummerċ.

4.     Wara r-risposta Franċiża ta’ l-4 ta’ Frar 2002, baqgħet pendenti biss l-allegazzjoni li hija s-suġġett tal-proċedimenti preżenti.

5.     Fl-10 ta’ April 2003, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tiddikjara li, billi t-terminu ‘deheb’ jiġi rriżervat għall-oġġetti li jiġu mmarkati bħala li għandhom finezza milleżimali ta’ 750 filwaqt li oġġetti li jiġu mmarkati b’finezza milleżimali ta’ 375 jew 585 għandhom jissejħu ‘liga tad-deheb’, ir-Repubblika Franċiża ma ssodisfatx l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 28 KE.

6.     Ir-regola in kwistjoni hija inkorporata fl-Artikolu 522a tal-Code général des impôts (il-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa) u hija applikabbli għall-istadju tal-bejgħ bl-imnut lill-individwi. Għall-oġġetti ta’ ‘liga tad-deheb’ irid jiġi speċifikat in-numru ta’ milleżmi għalkemm mhux ċar jekk l-istess speċifikazzjoni tapplikax għal dawk tad-‘deheb’.

 Argument

7.     Il-Kummissjoni tiddikjara li l-maġġoranza l-kbira ta’ l-oġġetti b’hekk meħtieġa li jiġu deskritti bħala ‘liga tad-deheb’ huma importati. L-oġġetti li jinbiegħu legalment bħala ‘deheb’ fl-Istat Membru ta’ l-oriġini tagħhom iridu jinbiegħu fi Franza b’isem differenti, inqas magħruf u inqas meqjus, li b’hekk jagħmilha aktar diffiċli li jitqiegħdu fis-suq hemmhekk u b’hekk tiġi mfixkla l-importazzjoni tagħhom (għalkemm il-Gvern Franċiż jiċħad li hemm kwalunkwe evidenza ta’ din l-ipoteżi).

8.     Hija ġurisprudenza stabbilita li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni ta’ leġiżlazzjoni, l-ostakli għall-moviment ħieles ta’ l-oġġetti li huma l-konsegwenza ta’ l-applikazzjoni, għall-oġġetti li ġejjin minn Stati Membri oħra fejn jiġu manifatturati u mqiegħda fis-suq skond il-liġi, ta’ regoli li jistabbilixxu rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti minn tali oġġetti (bħal dawk li huma relatati mad-denominazzjoni, mal-forma, mad-daqs, mal-piż, mal-kompożizzjoni, mal-preżentazzjoni, ma’ l-ittikkettar, ma’ l-ippakkjar) jikkostitwixxu miżuri li għandhom effett ekwivalenti u li huma pprojbiti mill-Artikolu 28 KE, anki jekk dawn ir-regoli huma applikabli mingħajr distinzjoni għall-prodotti kollha, ħlief jekk l-applikazzjoni tagħhom tista’ tiġi ġġustifikata minn għan ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza fuq il-moviment ħieles ta’ l-oġġetti. (2)

9.     Il-Kummissjoni tqis li mhemm l-ebda tali interess prevalenti fil-każ preżenti. Kwalunkwe ħtieġa li jiġu informati l-konsumaturi – li jitqiesu li huma raġonevolment informati tajjeb, osservanti u attenti (3) – tista’ tiġi sodisfatta b’tikkettar adegwat, (4) li jista’ jipprovdi informazzjoni aktar dettaljata u ta’ għajnuna milli sempliċement differenza fid-denominazzjoni u li biha l-kummerċjanti jkunu iktar ħielsa li jenfasizzaw il-vantaġġi ta’ standard ta’ finezza partikolari.

10.   Il-Gvern Franċiż qed jasserixxi li jeżisti tali interess. Regola ta’ tismija meħtieġa biex ikunu sodisfatti r-rekwiżiti tal-kummerċ ġust u tal-ħarsien tal-konsumaturi tista’ tkun iġġustifikata jekk tkun proporzjonata għal għan li ma jistax jinkiseb b’miżuri li jkunu inqas restrittivi għall-kummerċ fi ħdan il-Komunità. (5) Ir-regola in kwistjoni hija meħtieġa biex jitħarsu l-konsumaturi billi jiġu informati, sempliċement u direttament, b’differenza sostanzjali bejn iż-żewġ kwalitajiet ta’ prodott, fejn tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni li tista’ tkun ikkawżata minn informazzjoni aktar teknika. Hija proporzjonata għal dak il-għan, mhijiex imfassla biex tħares kwalunkwe vantaġġ li għandha l-industrija domestika u b’hekk ma tmurx kontra l-Artikolu 28 KE.

11.   Fir-risposta u fil-kontroreplika tagħhom, il-partijiet jikkonċentraw fuq l-eżistenza jew l-assenza ta’ ostaklu għall-kummerċ. Filwaqt li ssostni li fil-fatt huwa probabbli li r-regola tfixkel l-importazzjonijiet, il-Kummissjoni tenfasizza li kwalunkwe miżura, anki potenzjalment kapaċi li toħloq biss ostaklu ċkejken, tinqabad mill-Artikolu 28. Ikun xi jkun il-każ, mhuwiex plawżibbli li jiġi suġġerit li d-denominazzjoni ta’ prodott ta’ lussu għandu effett żgħir fuq il-konsumaturi, u l-Qorti b’mod konsistenti sostniet li regola ta’ l-ittikkettar hija inqas restrittiva għall-kummerċ minn regola ta’ denominazzjoni.(6) L-ittikkettar ta’ finezza f’milleżmi huwa ċar u sempliċi għall-konsumatur medju. Il-Gvern Franċiż madanakollu qed jinsisti li l-Kummissjoni trid tistabbilixxi l-eżistenza ta’ effett fuq il-kummerċ, imma m’għamlitx dan.  

 Kunsiderazzjonijiet

12.   Dan il-każ ma jitlobx kunsiderazzjoni la ta’ x’għandu jkun l-istandard minimu tal-finezza sabiex oġġett jiġi deskritt bħala ‘deheb’ jew ta’ liema mezzi huma aċċettabli biex tiġi ggarantita l-preċiżjoni ta’ indikazzjoni tal-finezza ta’ oġġett tad-deheb. L-ebda waħda minn dawn il-kriterji għadha ma kienet is-suġġett ta’ armonizzazzjoni Komunitarja. Il-kwistjoni hija jekk, fl-assenza ta’ tali armonizzazzjoni, ir-regola Franċiża tinqabadx, fil-prinċipju, mill-Artikolu 28 KE u jekk, f’dak il-każ, tistax tiġi ġġustifikata.

13.   Ta’ min iżomm f’moħħu wkoll li, għall-inqas fl-Ewropa, il-parti l-kbira tad-deheb użat fil-produzzjoni tal-ġojjelli jew ta’ oġġetti oħra tad-deheb huwa fil-forma ta’ liga. Kontenut tad-deheb ta’ bejn tliet partijiet minn tmienja (375 milleżmi) u tliet kwarti (750 milleżmi) huwa komuni. Jintużaw ukoll standards ogħla, imma deheb pur jew kważi pur ta’ spiss huwa wisq artab biex jinħadem, għalkemm apparentement huwa ppreferut f’ċerti nħawi tad-dinja. Ġeneralment il-ligi jintużaw minħabba li jistgħu jinħadmu, għaliex ikunu b’saħħithom u għaliex iservu għal bosta snin. Il-ligi differenti għandhom kuluri, proprjetajiet fiżiċi u prezzijiet differenti, u jikkorrispondu għall-preferenzi differenti tal-konsumaturi.  

 Ir-regola Franċiża tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva?

14.   Il-pożizzjoni tal-Gvern Franċiż hija essenzjalment dik li l-Kummissjoni għadha ma ressqet l-ebda evidenza ta’ eżistenza ta’ kwalunkwe ostaklu għall-kummerċ, huwa kemm huwa inċert jew ċkejken.

15.   Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni sostniet li l-maġġoranza l-kbira ta’ l-oġġetti b’finezza milleżimali ta’ 375 jew ta’ 585 li jinbiegħu fi Franza huma importati; li dawn jistgħu jinbiegħu skond il-liġi bħala ‘deheb’ fl-Istati Membri ta’ l-oriġini tagħhom imma li l-liġi Franċiża teħtieġ li dawn jinbiegħu bħala ‘liga tad-deheb’ fi Franza; u li huwa probabbli li d-denominazzjoni ‘liga tad-deheb’ tagħmilhom inqas attraenti għax-xerrejja minn dawk deskritti bħala ‘deheb’.

16.   Fil-fehma tiegħi, jekk jiġu stabbiliti, dawk l-elementi meħuda flimkien jidentifikaw regola li fil-prinċipju hija inkompatibbli ma’ l-Artikolu 28 KE, li tagħti lok għal ħtieġa li jitqies jekk minkejja kollox hemmx xi ġustifikazzjoni tant li tagħmel lir-regola kompatibbli mal-liġi Komunitarja. (7)

17.   Fid-difiża tagħha, ir-Repubblika Franċiża tiċħad li l-prodotti denominati bħala ‘liga tad-deheb’ se jkunu inqas attraenti għax-xerreja u targumenta li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda prova ta’ l-allegat effett fuq il-kummerċ fi ħdan il-Komunità.

18.   Madanakollu, skond ġurisprudenza stabbilita, il-miżuri kollha li jistgħu jfixklu b’mod dirett jew indirett, b’mod effettiv jew potenzjali, il-kummerċ fi ħdan il-Komunità għandhom jitqiesu bħala miżuri li għandhom effett ekwivalenti bħar-restrizzjonijiet kwantitattivi u, fuq dik il-bażi, li huma pprojbiti mill-Artikolu 28 KE.(8) Jidher ċar li hawnhekk dan il-kriterju qed jiġi sodisfatt. 

19.   Li jiġi miċħud li r-regola in kwistjoni jista’ jkollha kwalunkwe effett fuq ix-xiri, u b’hekk fuq il-kummerċ, mhux biss mhuwiex plawżibbli imma huwa wkoll inkompatibbli ma’ l-argument prinċipali tal-Gvern Franċiż stess li r-regola hija meħtieġa għall-ħarsien tal-konsumaturi.

20.   Kwalunkwe rekwiżit għall-ħarsien tal-konsumaturi li jikkonċerna d-denominazzjoni ta’ l-oġġetti skond il-kwalità tagħhom huwa mfassal biex ikollu effett fuq ix-xiri, anki jekk billi jipprevjeni lill-konsumaturi milli jixtru oġġett fuq il-bażi ta’ fehma żbaljata biss. Id-denominazzjonijiet ta’ kwalità ogħla, bħala prinċipju, se jkunu dejjem akar attraenti minn dawk ta’ kwalità aktar baxxa. Fejn kriterji oħra, bħall-prezz, ikunu ugwali, huwa probabbli li denominazzjoni tal-kwalità tkun deċiżiva fl-għażla tal-konsumatur – favur il-kwalità aktar attraenti. U ma jidhirx possibbli li wieħed isostni serjament li ‘deheb’ mhijiex denominazzjoni aktar attraenti għal ġojjelli min ‘liga tad-deheb’.

21.   Għaldaqstant, ir-regola in kwistjoni tista’ tfixkel il-kummerċ bejn l-Istati Membri u għalhekk hija pprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 28 KE.  

 Ir-regola tista’ tiġi ġġustifikata?

22.   Huwa ċar mil-linja tal-ġurisprudenza Cassis de Dijon(9) li l-ħarsien tal-konsumaturi u l-kummerċ ġust huma għanijiet fl-interess pubbliku li jistgħu jieħdu preċedenza fuq il-moviment ħieles ta’ l-oġġetti.

23.   Jista’ wkoll jiġi aċċettat mill-ewwel li, minħabba l-valur intrinsiku tal-materja prima tal-ġojjelli tad-deheb, dawk l-għanijiet jeħtieġu informazzjoni xierqa dwar il-kontenut tad-deheb ta’ dik il-materja prima. Filwaqt li l-attrattiva estetika, il-kwalità tal-ħidma u l-prezz totali bla dubju se jkunu fatturi fid-deċiżjoni finali tax-xerrej, il-proporzjon tad-deheb f’oġġett żgur li se jitqies fl-għażla. Id-deheb huwa komodità emottiva, u l-istorja turi predilezzjoni umana għall-purità, flimkien ma’ apprensjoni, forsi ġġustifikata, minn frodi.

24.   Madanakollu, kif issostni tajjeb il-Kummissjoni, dak it-tħassib jista’ jiġi sodisfatt b’ittikkettar adegwat.

25.   Sistema ta’ tikkettar skond l-iskala ta’ milleżmi li hija aċċettata bħalissa tidher li hija għal kollox proporzjonata għall-għanijiet tal-ħarsien tal-konsumatur u tal-kummerċ ġust. Hija għal kollox trasparenti, bil-kwalifika minuri possibbli li l-pubbliku ġenerali forsi huwa aktar imdorri jaħseb f’perċentwali milli f’‘permilleżmi’.

26.   Is-sistema tal-karati, li preċedentement kienet, u possibbilment saħansitra issa hija aktar familjari, hija wkoll trasparenti, għalkemm għal apprezzament xieraq teħtieġ l-għarfien xi ftit arkan li d-deheb pur ikun ta’ 24 karat, flimkien ma’ ċertu ħila li wieħed jaħseb f’partijiet minn 24.

27.   Is-sistema li kienet iddefenduta bħala neċessarja mill-Gvern Franċiż, madanakollu, hija pjuttost inqas trasparenti. Mingħajr aktar informazzjoni, tista’ twassal lill-konsumaturi jaħsbu sempliċement li l-oġġetti denominati bħala ‘deheb’ kienu tad-deheb pur filwaqt li dawk li ġew denominati bħala ‘liga tad-deheb’ kienu ta’ deheb imħallat ma’ sustanzi oħra. Hemm tliet modi għalhekk kif jidher, li waħdiha, mhijiex adatta biex tikseb l-għan iddikjarat tagħha.

28.   L-ewwel nett, ma tagħti l-ebda informazzjoni b’mod dirett, u saħansitra b’mod indirett ma tagħti l-ebda informazzjoni dettaljata, dwar il-kontenut tad-deheb effettiv ta’ l-oġġett denominat.

29.   It-tieni nett, ma jirnexxiliex tiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur għall-fatt li deheb b’finezza milleżimali ta’ 750 huwa wkoll liga, ladarba fih 25% ta’ metall ieħor jew ta’ metalli oħra.

30.   It-tielet nett, ma jirnexxiliex tiddistingwi bejn deheb b’finezza milleżimali ta’ 585 u dak b’finezza milleżimali ta’ 375 – distinzjoni li tista’ tkun, jekk xejn, aktar sinjifikattiva għall-konsumaturi minn dik bejn finezza milleżimali ta’ 750 u finezza milleżimali ta’ 585, peress li tikkonċerna d-differenza bejn ligi li fihom, rispettivament, aktar u inqas minn 50% ta’ deheb.

31.   Huwa minnu li għall-inqas oġġetti ta’ l-aktar żewġ standards baxxi ta’ finezza apparentament irid ikollhom fuqhom ukoll indikazzjoni ta’ dik il-finezza preċiża. Sa dak il-punt, madanakollu, is-sistema parallela ta’ denominazzjoni dikotomika bħala jew ‘deheb’ jew ‘liga tad-deheb’ tidher, l-aktar l-aktar, żejda u żgur mhux adattata biex tipprovdi informazzjoni rigward dik li essenzjalment hija skala mobbli ta’ kompożizzjoni proporzjonata.

32.   Jidhirli li dawk in-nuqqasijiet jipprevalu ferm fuq is-sempliċità u l-vantaġġi tas-sistema proposti tas-sistema – li aktar milli jevitaw il-konfużjoni, b’hekk jistgħu saħansitra jżiduha. B’hekk, ir-regola in kwistjoni mhux biss hija inqas adatta mill-ittikkettar iddefendut mill-Kummissjoni biex jinkiseb l-għan iddikjarat, hija effettivament inadatta u ma tistax titqies li hija proporzjonata. Ma jista’ jkun hemm l-ebda bażi għall-argument tal-Gvern Franċiż li hija element komplementari meħtieġ għal informazzjoni aktar ‘teknika’ f’termini ta’ milleżmi.

33.   Fl-aħħar nett, ta’ min jiġbed l-attenzjoni li l-argumenti tal-Gvern Franċiż f’dan ir-rigward huma pjuttost imdgħajfa mill-fatt li, fl-ittra tiegħu lill-Kummissjoni tas-7 ta’ Frar 2001, matul il-proċedura prekontenzjuża, ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jwarrab għal kollox ir-regola.  

 Konklużjoni

34.   Għaldaqstant jiena ta’ l-opinjoni li l-Qorti għandha

(1)      tiddikjara, li billi tirriżerva t-terminu ‘deheb’ għall-oġġetti li jiġu mmarkati b’finezza milleżimali ta’ 750 filwaqt li l-oġġetti li jiġu mmarkati b’finezza milleżimali ta’ 375 jew 585 għandhom jissejħu ‘liga tad-deheb’, ir-Repubblika Franċiża ma rnexxiliex tissodisfa l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 28 KE; u

(2)      tordna lir-Repubblika Franċiża tbati l-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2– Ara, per eżempju, il-Kawża 120/78 Rewe-Zentral (‘Cassis de Dijon’) [1979] Ġabra 649, punt 14 tas-sentenza; Kawża C-84/00, Il-Kummissjoni vs Franza [2001] Ġabra I-4553, punt 24.


3– Ara, per eżempju, il-kawża C-30/99, Il-Kummissjoni v L-Irlanda [2001] Ġabra I-4619, punt 32 tas-sentenza


4– Aral-kawża 193/80, Il-Kummissjoni v L-Italja [1980] Ġabra 3019, b’mod partikolari l-punt 27 tas-sentenza.


5– Ara l-kawża C-488/98 Guimont [2000] Ġabra I-10663, punt 27 tas-sentenza, l-ġurisprudenza ċċitata hemm.


6– Ara Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata fin-nota 4, Guimont, iċċitata fin-nota 5, u l-Kawża C-12/00, Il-Kummissjoni vs Spanja [2003] Ġabra I-459.


7– Qabbel, per eżempju, Guimont, iċċitata fin-nota 5, punti 25 sa 27 tas-sentenza.


8– Kawża 8/74 Dassonville [1974] Ġabra 837, punt 5 tas-sentenza; Kawża C-322/01, Deutscher Apothekerverband, sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, punt 66.


9– Ara n-nota 2

Top