This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62002TJ0283
Judgment of the Court of First Instance (Fourth Chamber) of 16 March 2005.#EnBW Kernkraft GmbH v Commission of the European Communities.#TACIS Programme - Services provided in connection with a nuclear power station in Ukraine - Not paid for - Jurisdiction of the Court of First Instance - Action for compensation - Non-contractual liability.#Case T-283/02.
Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (ir-Raba' Awla) tas-16 ta' Marzu 2005.
EnBW Kernkraft GmbH vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Programm TACIS - Servizzi pprovduti fir-rigward ta' ċentrali nukleari fl-Ukrajna - Nuqqas ta' remunerazzjoni - Kompetenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza - Rikors għal danni - Responsabbiltà mhux kuntrattwali.
Kawża T-283/02.
Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (ir-Raba' Awla) tas-16 ta' Marzu 2005.
EnBW Kernkraft GmbH vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Programm TACIS - Servizzi pprovduti fir-rigward ta' ċentrali nukleari fl-Ukrajna - Nuqqas ta' remunerazzjoni - Kompetenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza - Rikors għal danni - Responsabbiltà mhux kuntrattwali.
Kawża T-283/02.
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2005:101
SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)
16 ta’ Marzu 2005 (*)
"Programm TACIS – Servizzi pprovduti fir-rigward ta’ ċentrali nukleari fl-Ukrajna – Nuqqas ta’ remunerazzjoni – Kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza – Rikors għal danni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali"
Fil-kawża T-283/02,
EnBW Kernkraft GmbH, qabel magħrufa bħala Gemeinschaftskernkraftwerk Neckar GmbH, stabbilita f’Neckarwestheim (il-Ġermanja), irrappreżentata minn S. Zickgraf, Avukat,
rikorrenti
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn S. Fries u F. Hoffmeister, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta
li għandha bħala suġġett talba għal danni skond l-Artikolu 288 KE, sabiex jiġi kkumpensat id-dannu allegatament subit mir-rikorrenti b’riżultat tan-nuqqas ta’ remunerazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni għas-servizzi li pprovdiet, fil-kuntest tal-programm TACIS, fir-rigward taċ-ċentrali nukleari ta’ Zaporojié (l-Ukrajna),
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
komposta minn H. Legal, President, V. Tiili u V. Vadapalas, Imħallfin,
Reġistratur: D. Christensen, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Settembru 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawża
1 Il-programm ta’ assistenza teknika lill-Komunità ta’ Stati Indipendenti ("Programme for technical assistance to the Commonwealth of Independent States") (TACIS), ibbażat, għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1996 sal-31 ta’ Diċembru 1999, fuq ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 1279/96, tal-25 ta’ Ġunju 1996, li jirrigwarda l-għotja ta’ assistenza għar-riforma ekonomika ta’ l-Istati l-Ġodda Indipendenti u tal-Mongolja (Traduzzjoni mhux uffiċjali) (ĠU L 165, p. 1), jipprevedi, b’mod partikolari, li tirrigwarda s-sigurtà nukleari.
2 Il-"Kundizzjonijiet ġenerali għall-kuntratti ta’ servizzi ffinanzjati mill-fondi PHARE/TACIS" ("General Conditions for Service Contracts financed from PHARE/TACIS Funds"), fil-verżjoni tagħhom applikabbli fiż-żmien tal-fatti tal-kawża preżenti, jiffissaw ir-regoli applikabbli għall-kuntratti TACIS (iktar ‘il quddiem il-"kundizzjonijiet ġenerali TACIS").
3 EnBW Kernkraft GmbH, qabel magħrufa bħala Gemeinschaftskernkraftwerk Neckar GmbH (iktar ‘il quddiem ir-"rikorrenti" jew "GKN"), kellha, mill-1994 ‘il quddiem, relazzjonijiet kuntrattwali mal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-programm TACIS, fir-rigward ta’ assistenza fil-post relattiva għaċ-ċentrali nukleari ta’ Zaporojié, fl-Ukrajna.
4 L-ewwel kuntratt ta’ servizzi ġie konkluż f’Settembru 1994 għal żmien ta’ tnax-il xahar, b’baġit ta’ 552656 EUR. Il-kuntratt kien jipprovdi għat-twettiq ta’ diversi proġetti maħsuba sabiex jiżguraw is-sigurtà ta’ l-impjanti. L-amministratur tal-proġett kien is-Sur Hoensch, inġinier impjegat mir-rikorrenti, essenzjalment inkarigat mit-treġija tad-diversi proġetti u mill-koordinazzjoni tal-persunal impjegat b’kuntratt sabiex iwettaqhom.
5 It-tieni kuntratt ta’ servizzi ġie konkluż f’Settembru 1995 għal żmien ta’ ħmistax-il xahar, b’baġit ta’ 1299090 EUR. Dan il-kuntratt ġie estiż b’seba’ xhur permezz ta’ l-ewwel klawżola addizzjonali, b’baġit supplementari ta’ 990910 EUR, u sussegwentement bi tmien xhur permezz tat-tieni klawżola supplementari. It-tieni kuntratt b’hekk skada f’Marzu 1998.
6 Fl-10 ta’ April 1997, il-Qorti ta’ l-Awdituri adottat ir-Rapport Speċjali Nru 6/97 dwar is-sussidji TACIS allokati lill-Ukrajna, flimkien mar-risposti tal-Kummissjoni (ĠU C 171, 1997, p.1). Dan ir-rapport ikkritika, b’mod partikolari, il-konklużjoni tal-kuntratti b’effett retroattiv.
7 It-tielet kuntratt ta’ servizzi (iktar ‘il quddiem it-"tielet kuntratt"), li jikkonċerna assistenza fil-post għas-sena 1996, ġie konkluż fis-17 ta’ Lulju 1997, għal żmien inizjali ta’ 19-il xahar, u bi skadenza fis-17 ta’ Frar 1999, b’baġit ta’ 800000 EUR. Skond l-Artikolu 10 tiegħu, kull kontroversja konnessa ma’ jew li toħroġ minn dan il-kuntratt kellha titressaq quddiem il-qrati ta’ Brussell.
8 B’ittra tat-30 ta’ Diċembru 1997, indirizzata lil-Lütkemeyer tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) "Relazzjonijiet Esterni: l-Ewropa u l-Istati l-Ġodda Indipendenti, Politika Komuni Barranija u ta’ Sigurtà, Dipartiment Estern" (Traduzzjoni mhux uffiċjali) tal-Kummissjoni, ir-rappreżentanti tad-delegazzjoni tal-Kummissjoni f’Kiev (l-Ukrajna) kitbu kif ġej:
"[I]l-amministratur tal-proġett […], Hoensch, impenja ruħu mingħajr il-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni u żgwida lill-Ukrajna. Inkunu grati ħafna lejk jekk jogħġbok tagħti struzzjonijiet stretti lil Hoensch dwar din il-kwistjoni."
9 Fil-15 ta’ April 1998, is-Sur Jousten, il-kap ta’ l-unità "Sigurtà nukleari u koordinazzjoni ta’ l-interventi fis-settur ‘enerġija’" (Traduzzjoni mhux uffiċjali) tad-Direttorat "Relazzjonijiet ma’ l-Istati l-Ġodda Indipendenti u l-Mongolja" (Traduzzjoni mhux uffiċjali) fi ħdan l-istess DĠ, bagħat ittra lir-rikorrenti li fiha stedinha tħejji abbozz ta’ kuntratt ta’ assistenza fil-post għas-sena 1997 (iktar ‘il quddiem ir-"raba’ kuntratt").
10 Fl-20 ta’ Mejju 1998, ir-rikorrenti bagħtet l-abbozz tar-raba’ kuntratt tagħha lis-Sur Jousten. Fis-16 ta’ Lulju 1998, ir-rikorrenti ssottomettiet lil Jousten abbozz iktar iddettaljat tal-kuntratt in kwistjoni. Fid-29 ta’ Lulju 1998, ir-rikorrenti għaddiet id-dettalji bankarji tagħha lill-Kummissjoni. Fis-26 ta’ Awwissu 1998, ir-rikorrenti bagħtet verżjoni emendata ta’ l-abbozz tagħha lil Jousten, filwaqt li indikat li l-emendi kienu jirrigwardaw l-Anness 6. Fit-23 ta’ Settembru 1998, ir-rikorrenti bagħtitlu abbozz ġdid, filwaqt li għamlet riferiment għal laqgħa li saret fl-10 ta’ Settembru 1998.
11 F’Awwissu 1998, il-partijiet adottaw l-ewwel klawżola addizzjonali għat-tielet kuntratt (iktar ‘il quddiem l-"ewwel klawżola addizzjonali"), li emendat l-Artikolu 2 u l-Artikolu 4, kif ukoll l-Annessi A, B, Ċ u D tat-tielet kuntratt, filwaqt li estendiet il-kuntratt inizjali bi 17-il xahar, b’mod li kien jiskadi fis-17 ta’ Lulju 2000.
12 B’ittra tat-2 ta’ Ottubru 1998, indirizzata lil Jousten, is-Sur Giuglaris, il-kap temporanju tad-delegazzjoni ta’ Kiev, indika li huwa "[xtaq] ifakkar li l-abbozz preċedenti kien jipprevedi l-possibbiltà li jigi ssostitwit Hoensch bhala amministratur tal-proġett".
13 Fid-9 ta’ Ottubru 1998, ir-rikorrenti bagħtet ittra lil Jousten rigward l-istat tan-negozjati u kkonkludiet li "[kellha] t-tama li [l-]kuntratt ta’ servizzi jidħol fis-seħħ effettiv fi żmien qasir ħafna".
14 Jousten wieġeb lir-rikorrenti permezz ta’ ittra ta’ l-20 ta’ Ottubru 1998, li fiha ġabar fil-qosor il-problemi prinċipali relatati ma’ l-abbozzi tar-rikorrenti. Huwa ppropona wkoll lir-rikorrenti li jikkonkludu kuntratt li jeskludi x-xogħlijiet li dwarhom ma kienx għadu ntlaħaq qbil. Fil-fatt, l-ittra tiegħu kienet tgħid:
"Jekk, wara li tirċevi l-[elementi tekniċi partikolari ta’ riferiment], GKN ma tixtieqx tagħmel offerta għal din il-missjoni, nipproponu, bil-għan li jiġi evitat iktar dewmien, li nikkonkludu kuntratt għall-bqija tax-xogħlijiet (l-implementazzjoni tal-programm ta’ l-1997, etc.)"
15 Wara din l-ittra, is-Sur O’Rourke, deputat kap ta’ l-unità kkonċernata, talab lir-rikorrenti, permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Ottubru 1998, tagħtih verżjoni rriveduta tar-raba’ kuntratt.
16 Fit-12 ta’ Novembru 1998, il-Qorti ta’ l-Awdituri adottat ir-Rapport Speċjali Nru 25/98 dwar l-operazzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea fil-qasam tas-sigurtà nukleari fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (CEEC) u fl-Istati l-Ġodda Indipendenti (NIS) (perijodu 1990-1997), flimkien mar-risposti tal-Kummissjoni (ĠU C 35, 1999, p. 1). Dan ir-rapport ikkritika, b’mod partikolari, in-nuqqas tar-riżorsi umani li jkunu jippermettu t-tkomplija kif jixraq ta’ l-eżekuzzjoni tal-programmi.
17 Fl-20 ta’ Novembru 1998, it-tim ta’ verifika ta’ Kiev ħejja rapport dwar l-assistenza fil-post relattiva għat-tielet kuntratt.
18 B’ittra tat-23 ta’ Novembru 1998, indirizzata lis-Sur Zaiss, deputat amministratur tal-proġett f’isem ir-rikorrenti, li għamlet riferiment għall-ittri ta’ dan ta’ l-aħħar tat-2 u l-4 ta’ Novembru 1998, Jousten ikkummenta dwar l-akkużi kontra O’Rourke li kienu jinsabu f’dawn l-ittri, u kkonkluda b’dawn il-kelmiet:
"Il-kooperazzjoni tagħna tista’ tkompli biss fil-każ li nerġgħu lura għal relazzjonijiet kummerċjali normali."
19 B’ittra tas-26 ta’ Novembru 1998, ukoll indirizzata lil Zaiss, is-Sur Doucet, kap ta’ l-unità "Sigurtà nukleari" tad-Direttorat "Proġetti Ewropa (Ċentrali, tal-Lvant, NIS u l-Balkani tal-Punent) – Politika Komuni Barranija u ta’ Sigurtà" tad-Dipartiment komuni ta’ ġestjoni ta’ l-għajnuna Komunitarja lill-pajjiżi terzi, filwaqt li rrefera għar-rapport tat-8 ta’ Lulju 1998 dwar il-progress tal-kuntratt, ikkonstata li l-kummenti f’dan ir-rapport kienu jikkostitwixxu ġudizzji personali inkompatibbli mal-mandat mogħti lil Hoensch bħala amministratur ta’ proġetti. Huwa kompla billi indika li "l-Kummissjoni [kienet] tistenna li jittieħdu miżuri deċiżivi min-naħa ta[r-rikorrenti] dwar il-ġestjoni tal-proġett".
20 Fit-3 ta’ Diċembru 1998, ir-rikorrenti bagħtet lil Jousten il-verżjoni rriveduta tar-raba’ kuntratt, filwaqt li ppreċiżat li s-suġġetti mhux magħluqa, ħlief għal xi eċċezzjoni, kienu qegħdin jiġu kkunsidrati.
21 B’faks tat-22 ta’ Diċembru 1998, Jousten wieġeb lir-rikorrenti li t-"termini ta’ riferiment" (terms of reference) kienu ġew ikkomunikati lil Doucet u li kien sejjer jikkuntattjaha dwar l-elementi l-oħra u l-annessi għall-abbozz tagħha.
22 Fl-24 ta’ Frar 1999, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni rapport dwar il-progress tal-kuntratt matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Diċembru 1998 u l-31 ta’ Jannar 1999.
23 Ir-rikorrenti ħadet sehem f’laqgħa mal-Kummissjoni fis-16 ta’ Marzu 1999.
24 Fl-14 ta’ April 1999, ir-rikorrenti bagħtet ittra lil Doucet li fiha ġabret fil-qosor is-suġġetti mhux magħluqa li kienu ġew diskussi fil-laqgħa tas-16 ta’ Marzu 1999.
25 Dakinhar stess, ir-rikorrenti wasslet ukoll lil Doucet verżjoni ġdida tar-raba’ kuntratt, filwaqt li indikat li din kienet verżjoni kompletament irriveduta tat-"termini ta’ riferiment"
26 Fis-7 ta’ Mejju 1999, is-Sur Summa, direttur tad-Direttorat "Relazzjonijiet ma’ l-Istati l-Ġodda Indipendenti u l-Mongolja" fi ħdan id-DĠ "Relazzjonijiet Esterni: l-Ewropa u l-Istati l-Ġodda Indipendenti, Politika Komuni Barranija u ta’ Sigurtà, Dipartiment Estern" tal-Kummissjoni, bagħat ittra lis-Sur Möller, tal-Bundesministerium der Finanzen (il-Ministeru Federali tal-Finanzi Ġermaniż), bi tweġiba għall-ittra ta’ dan ta’ l-aħħar tal-25 ta’ Frar 1999, dwar il-programmi TACIS u PHARE tas-sigurtà nukleari.
27 Fl-20 ta’ Mejju 1999, it-tim ta’ verifika ta’ Kiev ħejja rapport dwar l-assistenza fil-post relattiva għat-tielet kuntratt. Huwa indika, b’mod partikolari, li l-baġit kien intefaq u li, mill-aspett kuntrattwali, ir-rikorrenti kien għad fadlilha tipprovdi ċerti servizzi, ħaġa li kienet impossibbli mill-aspett ekonomiku.
28 Inżammet laqgħa fit-12 u t-13 ta’ Lulju 1999 li fiha ħadu sehem ir-rikorrenti u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni.
29 Fil-21 ta’ Lulju 1999, wara din il-laqgħa, ir-rikorrenti bagħtet lis-Sur Vadé, tad-dipartiment komuni ta’ ġestjoni ta’ l-għajnuna Komunitarja lill-pajjiżi terzi tal-Kummissjoni, "verżjoni kompletament irriveduta" tat-"termini ta’ riferiment".
30 Fit-22 ta’ Lulju 1999, Vadé bagħat ittra lir-rikorrenti li fiha għamel lista tal-punti prinċipali li kienu ġew diskussi waqt il-laqgħa.
31 B’ittra tat-28 ta’ Lulju 1999, indirizzata lil Zaiss, Doucet għarraf lir-rikorrenti li ma setax jaċċetta l-evalwazzjoni teknika relativa għall-offerti dwar il-proġetti U1.03/96B, U1.03/96D2 u U2.03/96.
32 Zaiss wieġeb lill-Kummissjoni fid-29 ta’ Lulju 1999 billi ta spjegazzjonijiet dwar it-tliet proġetti kkonċernati. Barra minn hekk, irrefera għal wegħda li kienet għamlet il-Kummissjoni waqt il-laqgħa tas-16 ta’ Marzu 1999, fis-sens li l-ispejjeż kollha inkorsi mir-rikorrenti qabel l-iffirmar tar-raba’ kuntratt kellhom jitħallsu mill-Kummissjoni.
33 B’faks tat-2 ta’ Awwissu 1999, Doucet wieġeb lil Zaiss, dwar l-evalwazzjoni tat-tliet proġetti, li l-pożizzjoni tar-rikorrenti ma setgħetx tiġi interpretata bħala rifjut li tipproċedi għar-rievalwazzjoni neċessarja.
34 Fis-6 ta’ Awwissu 1999, Hoensch bagħat ittra lil Doucet dwar l-evalwazzjoni teknika tal-proġett U2.03/96.
35 Fil-25 ta’ Awwissu 1999, ir-rikorrenti wasslet lil Doucet, filwaqt li għamlet riferiment għal-laqgħa tas-16 ta’ Marzu 1999 u għall-ittra tagħha ta’ l-14 ta’ April 1999, abbozz tat-tieni klawżola addizzjonali, sabiex temenda t-tielet kuntratt u l-ewwel klawżola addizzjonali. Dan l-abbozz kien jikkontempla żieda ta’ 457163 EUR fuq il-baġit inizjali.
36 B’ittra tas-16 ta’ Settembru 1999, indirizzata lil Zaiss, Doucet kiteb kif ġej:
"Il-[faks tat-2 ta’ Awwissu 1999] għadha ma rċeviet ebda tweġiba sodisfaċenti u, barra dan, ix-xerrej pubbliku (GOPA) [‘group of political advisors’ jew ‘grupp ta’ konsulenti politiċi’] stqarr li GKN kienet qegħda tisħaq li ma kinitx f’pożizzjoni li tiżgura serje ta’ aċċettazzjonijiet fil-post, li d-dispożizzjonijiet tat-[tielet] kuntratt kienu jipprovdu għalihom.
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni m’għadhiex iktar sodisfatta li GKN tixtieq tipprovdi l-assistenza fil-post bl-attenzjoni u bid-diliġenza li l-Kummissjoni tistenna minnha fir-rigward tas-suġġetti li jikkonċernaw is-sigurtà nukleari.
Fil-każ li għad għandkom il-ħsieb li tkomplu taħdmu flimkien mal-Kummissjoni, jekk jogħġobkom ibagħtu abbozz għat-twettiq ta’ l-evalwazzjonijiet li qegħdin isiru u għall-kunsinna tal-materjal, filwaqt li tieħdu in kunsiderazzjoni kif jixraq tal-kontenut ta’ l-ittri u faksijiet preċedenti ta’ [l-unità ‘Sigurtà nukleari’ tad-Direttorat ‘Proġetti Ewropa (Ċentrali, tal-Lvant, NIS u l-Balkani tal-Punent) – Politika Komuni Barranija u ta’ Sigurtà’ tad-dipartiment komuni ta’ ġestjoni ta’ l-għajnuna Komunitarja lill-pajjiżi terzi]. Ir-riżultati huma mistennija mhux iktar tard mill-15 ta’ Ottubru 1999.
L-esperjenza mgħoddija ta’ l-attitudni dejjem negattiva ta’ GKN u tan-nuqqas ta’ qbil ripetuti bejnha u l-Kummissjoni jwassluna nqisu li l-problemi li għandna quddiemna huma prinċipalment dovuti għan-nuqqas ta’ kompetenza teknika u ta’ spirtu ta’ kooperazzjoni min-naħa ta’ l-amministratur tal-proġett TACIS ta’ GKN. F’kull każ, il-Kummissjoni teżiġi li tiġi maħtura persuna iktar adatta bħala amministratur tal-proġett TACIS.
Jekk il-Kummissjoni ma tirċevix tali abbozz sa għaxart ijiem minn meta taslilkom din l-ittra, aħna ma nistgħux ħlief inqisu dan il-kuntratt itterminat. Dan ifisser ukoll li l-Kummissjoni ma tgħaddix iktar biex tikkonkludi kuntratt ieħor ta’ dan it-tip ma’ GKN.
Ninsabu ċerti li intom tifhmu li hija ta’ importanza mill-iktar kbira li tikkjarifikaw is-sitwazzjoni kuntrattwali attwali minħabba l-implikazzjonijiet tagħha fil-kuntest ta’ sigurtà u ta’ l-operazzjonijiet fiċ-[ċentrali nukleari] ta’ Zaporojié."
37 B’faks tat-23 ta’ Settembru 1999, indirizzat lil Zaiss, Vadé wieġeb l-ittra tar-rikorrenti tal-25 ta’ Awwissu 1999 u rrifjuta li jikkunsidra l-abbozz tat-tieni klawżola addizzjonali.
38 B’ittra ta’ l-4 ta’ Ottubru 1999, Zaiss wieġeb l-ittra ta’ Doucet tas-16 ta’ Settembru 1999. Skond din l-ittra:
"Sa llum GKN wettqet l-obbligi tagħha fir-rigward tat-[tielet] kuntratt u tixtieq tkompli tagħmel hekk fil-ġejjieni. GKN ma kinitx responsabbli għad-dewmien li ġarrbu l-proġetti kkonċernati.
Bil-għan li tikkjarifika l-mod kif l-affarijiet għandhom issa jimxu, GKN ikkonsultat il-Ministeri Federali Ġermaniżi kompetenti […]
Fir-rigward ta’ dak li ngħad qabel, il-Kummissjoni għandha issa:
– tirrifondi lil GKN l-ispejjeż li nefqet sa llum (ara l-ittra ta’ GKN tal-25 ta’ Awwissu 1999);
– taċċetta l-evalwazzjoni teknika tal-proġetti (ara l-ittra ta’ GKN tad-29 ta’ Lulju 1999); u
– iddaħħal fis-seħħ il-kuntratt […] TACIS 1997 (ara l-ittra ta’ GKN tas-17 ta’ Mejju 1998 u l-faks tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Diċembru 1998).
Sakemm dawn il-punti jkunu ġew riżolti b’mod sodisfaċenti għal GKN, aħna ser ikollna nżommu lura milli nwettqu kull xogħol ġdid skond il-kuntratt preżenti.
Barra minn dan, ikolli nipprotesta bl-iktar mod kategoriku kontra t-twiddib u l-akkużi li għamiltu kontinwament fil-konfront tal-ġestjoni minn GKN [tal-proġett] TACIS."
39 B’ittra tal-15 ta’ Ottubru 1999, ir-rikorrenti wieġbet il-faks tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Settembru 1999, billi spjegat id-differenzi fir-rigward tat-terminu kuntrattwali, minn naħa l-waħda, ta’ l-attività ta’ assistenza fil-post u, min-naħa l-oħra, ta’ l-attività li tikkonċerna t-twettiq ta’ proġetti speċifiċi. Hija tikkonkludi:
"Inqisu li hu neċessarju li nenfasizzaw li l-abbozz kuntrattwali mehmuż ma’ l-ittra tagħna tal-25 ta’ Awwissu 1999 ikopri l-perijodu bejn ix-xahar ta’ Lulju 1998 u x-xahar ta’ Settembru 1999. Dan ifisser li jekk il-Kummissjoni għandha bżonn iktar żmien sabiex tieħu d-deċiżjoni tagħha rigward l-abbozz tagħna […] dwar it-terminu tal-kuntratt u l-ispiża tas-servizzi li għandhom jiġu provduti, il-kuntratt għandu jiġi estiż proporzjonalment għaż-żmien li jkun għadda minħabba l-proċess ta’ deċiżjoni intern tal-Kummissjoni."
40 B’faks ta’ l-20 ta’ Ottubru 1999 indirizzata lil Doucet, Hoensch ikkonferma, b’riferiment għall-konverżazzjoni bit-telefon tagħhom, laqgħa prevista għat-28 ta’ Ottubru 1999. Huwa indika li kien ser jispjega fid-dettall is-sitwazzjoni kuntrattwali kif ukoll l-evalwazzjoni teknika tal-proġetti U2.03/96 u U1.03/96D2.
41 B’faks tat-22 ta’ Ottubru 1999 indirizzata lil Hoensch, Doucet informa lir-rikorrenti li, billi kellu l-intenzjoni jiddiskuti wkoll id-diffikultajiet dwar l-evalwazzjoni teknika ta’ l-offerti, kien jippreferi jipposponi l-laqgħa għal iktar tard sabiex Vadé, li huwa iktar familjari ma suġġetti tekniċi, ikun jista’ jattendi.
42 B’ittra tal-25 ta’ Ottubru 1999, indirizzata lil Zaiss u li tirreferi għall-ittra ta’ dan ta’ l-aħħar ta’ l-4 ta’ Ottubru 1999, is-Sur Weber, direttur tad-Direttorat "Sejħiet għall-offerti, kuntratti u kwistjonijiet ġuridiċi" tad-dipartiment komuni ta’ ġestjoni ta’ l-għajnuna Komunitarja lill-pajjiżi terzi tal-Kummissjoni, indika dan li ġej:
"Wara t-tweġiba negattiva għall-ittra tas-Sur Doucet tas-16 ta’ Settembru 1999 […], il-Kummissjoni ttemm permezz ta’ din l-ittra [t-tielet] kuntratt, skond l-Artikolu 41 tal-[kundizzjonijiet ġenerali TACIS] (Anness E ta’ l-imsemmi kuntratt). Dan ifisser li tmiem il-kuntratt ikun effettiv sitt ġimgħat wara li GKN tirċievi din l-ittra.
Intom mitluba mill-iktar fis tibagħtu lill-Kummissjoni l-fattura finali u tittrażmettu l-inkartament tekniku komplut [lill-unità ‘Sigurtà nukleari’ tad-Direttorat ‘Proġetti Ewropa (Ċentrali, tal-Lvant, NIS u l-Balkani tal-Punent) – Politika Komuni Barranija u ta’ Sigurtà" tad-dipartiment komuni ta’ ġestjoni ta’ l-għajnuna Komunitarja lill-pajjiżi terzi].
Ma narax il-bżonn li nispjega b’mok iktar dettaljat li l-Kummissjoni ma tistax tikkunsidra li tħallas lura lil GKN [l-ammont] ta’ l-ispejjeż għall-evalwazzjoni tal-proġetti U1.03/96B, U1.03/96D2 u U2.03/96, li ġew immexxija b’mod ħażin sa mill-bidu tagħhom u ma pproduċew ebda riżultat utli.
Wara li waslet l-ittra tagħkom ta’ l-4 ta’ Ottubru 1999, il-Kummissjoni, biex tissalvagwardja l-interessi tagħha kif ukoll dawk tal-benefiċjarju, waħedha organizzat aċċettazzjoni fil-post tal-materjal ipprovdut għall-proġetti U1.03/95E […], U1.03/96A […] u U2.02/94C. Konsegwentement, GKN ma hija intitolata għall-ebda ħlas lura għal aċċettazzjonijiet eventwali oħra fir-rigward ta’ dawn il-kuntratti ta’ provvista [ta’ materjal].
Fl-aħħar nett, jiena rrid ninformakom li, u dan minħabba f’imġiba insodisfaċjenti ta’ u, b’mod partikolari, ir-rifjut tagħha li tirrimedja għal irregolaritajiet u li tikkoopera kif mitluba mal-Kummissjoni, il-Kummissjoni ma tarax li tista’ tikkonkludi l-kuntratt il-ġdid ma’ GKN."
43 B’ittra tad-19 ta’ Novembru 1999 indirizzata lil Weber, iffirmata minn Wiedemann, ir-rikorrenti rrispondiet għall-ittra tal-25 ta’ Ottubru 1999 fejn, b’mod partikolari, ikkonstatat li t-tielet kuntratt jintemm fil-15 ta’ Diċembru 1999.
44 Fl-24 ta’ Novembru 1999, saret laqgħa bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni.
45 B’faks tas-17 ta’ April 2002, indirizzata lis-Sur Knudsen, tad-Direttorat "Ewropa, Kawkawżu, Ażja Ċentrali" ta’ l-Uffiċċju ta’ kooperazzjoni tal-Kummissjoni (EuropeAid), ir-rikorrenti rrispondiet għal ittra ta’ l-4 ta’ Marzu 2002 u talbet li jinstab ftehim bonarju.
46 B’ittra tas-17 ta’ Mejju 2002, Knudsen irrisponda li l-ittra tagħha ma kien fiha l-ebda argument li jikkonvinċih u li ma xtaqx ikompli korrispondenza inutli.
Proċedura u talbiet tal-partijiet
47 B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-23 ta’ Settembru 2002, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.
48 Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.
49 Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza stiednet lill-partijiet jirrispondu għall-mistoqsijiet bil-miktub kif ukoll jippreżentaw ċerti dokumenti. Il-partijiet osservaw parzjalment dawn il-mistoqsijiet.
50 Instemgħu s-sottomissjonijiet orali tal-partijiet kif ukoll ir-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet orali li sarulhom mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-seduta pubblika tat-22 ta’ Settembru 2004.
51 Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
– tikkundanna lill-Kummissjoni tħallasha s-somma ta’ 332083.60 EUR, bl-interessi bir-rata ta’ 5.25% fuq is-somma ta’ ta’ 328782.43 EUR mit-12 ta’ Ġunju 2000 kif ukoll bl-interessi ta’ 5.25% fuq is-somma ta’ 3301.17 EUR mill-21 ta’ Awwissu 2000;
– tikkundanna lill-UASI tbati l-ispejjeż.
52 Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors għax inammissibbli u manifestament mhux fondat;
– tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.
Fid-dritt
L-argumenti tal-partijiet
Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza
53 Fis-sustanza, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors tressaq quddiem qorti mhux kompetenti għas-smigħ tal-kawża. Fil-fatt, skond il-klawżola tat-tielet kuntratt li tikkonferixxi l-ġurisdizzjoni, il-kwistjonijiet "marbuta ma’ jew li jirriżultaw mill-kuntratt" għandhom jitressqu lill-qrati Belġjani kompetenti.
54 Skond il-Kummissjoni, dan jirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tielet kuntratt u, b’mod iktar preċiż, li jiġi ddeterminat dak li huwa dovut. Din il-kawża tirrigwarda t-tielet kuntratt.
55 Il-Kummissjoni tistqarr li, skond id-dispożizzjonijiet fit-tielet kuntratt dwar il-proġetti li jirrigwardaw materjal, ir-rikorrenti għandha tieħu r-responsabbiltà ta’ dawn il-proġetti sa l-aċċettazzjoni u għalhekk waqt il-perijodu kuntrattwali li jagħlaq fl-aħħar tax-xahar ta’ Lulju 2000. Il-Kummissjoni tfakkar li r-rikorrenti aċċettat fil-kuntratt il-fatt li l-baġit li jirrigwardaha jkun limitat għal 800000 EUR.
56 Il-Kummissjoni tistqarr li għall-perijodu li fih ir-rikorrenti titlob ħlas għax-xogħol magħmul mill-amministratur ta’ proġetti tagħha u minn xi esperti tiegħu, kien jeżisti kuntratt bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni. Dan il-kuntratt kien jipprovdi numru ta’ approprjazzjonijiet tal-baġit li jkopru l-ħidma ta’ l-amministratur ta’ proġetti u ta’ l-esperti. Skond il-Kummissjoni, ir-rikorrenti qabżet l-ammont ta’ dawn l-approprjazzjonijiet tal-baġit meta l-amministratur ta’ proġetti u l-esperti tiegħu kkompletaw l-attivitajiet in kwistjoni.
57 Il-Kummissjoni tfakkar li t-tielet kuntratt ġie estiż billi t-twettiq ta’ ċertu proġetti dwar il-materjal kien qiegħed tard u kien jirrendi neċessarju l-intervent supplementari ta’ ċertu esperti f’Zaporojié. Minħabba fl-estensjoni tal-kuntatt, ir-rikorrenti kellha tieħu responsabbiltà ta’ dan il-proġett sa Lulju 2000. Il-Kummissjoni tammetti li dan it-titwil seħħ ukoll minħabba regoli ta’ baġit. Peress li l-ħlas għall-intervent ta’ dawn l-esperti ma seta’ jkollu l-ebda effett fuq il-baġit ipprovdut jekk ma kienx ikun hemm iktar kuntratt f’dak il-mument, l-esperti ma setgħux jibbenefikaw iktar, fir-rigward ta’ assigurazzjonijiet u viża, jekk ma jkunux qed iwettqu xogħolhom fil-kuntest ta’ kuntratt validu.
58 Il-baġit totali tat-tielet kuntratt ma ġiex emendat, iżda biss uħud mill-approprjazzonijiet tiegħu ġew irranġati. Skond il-Kummissjoni, l-ebda żieda fil-baġit ma hija neċessarja, billi t-titwil tat-tul tal-kuntratt ma biddel xejn fil-kontenut ta’ l-obbligi tar-rikorrenti dwar il-proġetti li jirrigwardaw il-materjal. Il-pjanijiet ta’ ħidma m’għandhomx bżonn ħlief xi aġġustamenti żgħar, billi l-biċċa l-kbira tal-proġetti m’għandhomx bżonn ta’ riżorsi supplementari; żewġ proġetti speċifiċi biss ġew effettwati mill-estensjoni. Għalhekk, billi l-amministratur ta’ proġetti u l-esperti in kwistjoni ma ngħatawx xogħol ġdid, l-ebda remunerazzjoni ġdida ma ġiet deċiża dwarhom. Skond il-Kummissjoni, huma sempliċiment kellhom jikkonkludu b’mod tajjeb l-attivitajiet previsti fil-kuntest tat-tielet kuntratt, li kien ukoll jinkludi l-obbligu li jikkonkludu l-proġetti dwar il-materjal li t-tul tagħhom ġie estiż. Peress li fit-tielet kuntratt hemm dejjem ġie indikat b’mod ċar li remunerazzjoni distinta tar-rikorrenti għat-twettiq tal-proġetti dwar il-materjal ma kienx ipprovdut, din kienet taqa’ taħt il-baġit globali. Skond il-Kummissjoni, ir-rwol ta’ l-amministratur ta’ proġett f’dan ir-rigward għandu jillimita ruħu essenzjalment għas-salvagwardja ta’ l-aċċettazzjoni tal-proġetti dwar il-materjal u dan ix-xogħol kważi aċċessorju ma jiġġustifikax iż-żieda ta’ remunerazzjoni ta’ l-amministratur ta’ proġetti. Il-Kummissjoni tafferma li din hija r-raġuni li għaliha, minkejja l-estensjoni tal-kuntratt, il-baġit totali tiegħu ma żdiedx, ħaġa li wara kollox kienet approvata mir-rikorrenti.
59 Ir-rikorrenti tqis li x-xogħol in kwistjoni ma ġiex effettwat la fil-kuntest tat-tielet kuntratt la fl-ewwel ftehim addizzjonali. Għalhekk il-perijodu kkonċernat mhuwiex irregolat minn kuntratt. Fil-fatt, huwa l-baġit tal-kuntratt kif ukoll il-programmi ta’ xogħol li jiddeterminaw l-estensjoni tax-xogħol li jrid isir u mhux it-tul uffiċjali tat-tielet kuntratt.
60 Ir-rikorrenti tafferma li, mix-xahar ta’ Awwissu 1998, fir-rigward ta’ l-amministratur ta’ proġetti, u tax-xahar ta’ April 1999, fir-rigward ta’ l-esperti, hija ma pprovdietx iktar servizzi skond it-tielet kuntratt, li skondha, kien jiskadi fis-16 ta’ Jannar 1999. Skond ir-rikorrenti, għal raġunijiet ta’ regoli tal-baġit, il-programmi ta’ xogħol ta’ l-amministratur ta’ proġetti u ta’ esperti jipprovdi biss intervent wieħed sa’ Ġunju 1998. Ir-rikorrenti tqis li huma dawn il-programmi li jiddeterminaw jekk jirrigwardawx xogħol mhux kuntrattwali jew kuntrattwali, għaliex jagħmlu parti integrali tal-kuntratt u jindikaw il-perijodu tat-twettiq tax-xogħol li għalih hija marbuta b’kuntratt. Mix-xahar ta’ Lulju 1998, il-programmi ta’ xogħol tat-tielet kuntratt ma kienu jipprovdu l-ebda intervent. Għalhekk, ix-xogħlijiet in kwistjoni ma jaqgħux taħt it-tielet kuntratt.
61 Minbarra dan, l-attivitajiet in kwistjoni ma jkunux iktar inklużi taħt l-ewwel klawżola, konkluża f’Awwissu 1998 fi tmiem il-programmi ta’ attività tat-tielet kuntratt. Skond ir-rikorrenti, bl-adozzjoni ta’ din il-klawżola, il-partijiet riedu jippermettu li jitkomplu proġetti differenti dwar il-materjal waqt il-perijodu tranżitorju sal-konklużjoni tar-raba’ kuntratt.
62 Minkejja li t-tielet kuntratt ġie estiż mill-ewwel klawżola sas-17 ta’ Lulju 2000, il-programm ta’ ħidma stabbilit minn din il-klawżola dwar l-amministratur ta’ proġetti juri b’mod ċar li din ma kinitx tirregola l-interventi ta’ l-amministratur ta’ proġetti sa din id-data. Għalhekk, skond ir-rikorrenti, mix-xahar ta’ Awwissu 1998, dan il-programm ma kienx iktar jirregola l-attivitajiet ta’ l-amministratur ta’ proġetti. Ġimagħtejn biss ta’ xogħol previsti għal Diċembru 1997 kienu posposti għax-xahar ta’ Lulju 1998. L-uniku xogħol ipprovdut għalih mix-xahar ta’ Lulju 1998 kien dak ta’ l-esperti, taħt proġetti differenti dwar il-materjal.
63 Skond ir-rikorrenti, in-natura ta’ l-attivitajiet ta’ l-esperti hija wkoll mhux kuntrattwali. Ir-rikorrenti tafferma li pprovdiet integralment is-servizzi ta’ espert previst fil-kuntratt. Ir-rikorrenti titlob biss ir-remunerazzjoni għall-attivitajiet li ma kienx ipprovdut għalihom fil-programm tax-xogħlijiet u li ma setgħux jitħallsu mill-baġit tat-tielet kuntratt.
64 Ir-rikorrenti ssostni li limitu tal-baġit flimkien mal-programm tax-xogħlijiet, jistabbilixxi l-limiti imperattivi għaż-żewġ partijiet fir-rigward ta’ l-obbligu li jipprovdu servizzi. It-tul tal-kuntratt waħdu ma jiġġustifikax estensjoni ta’ dan l-obbligu. Fil-fatt, anki jekk it-tul tal-kuntratt ġie estiż, dan ma seħħx minħabba l-estensjoni mhux remunerata ta’ l-obbligu marbut mat-tmexxija tal-proġett, iżda sempliċiment għall-aġġustamenti mitluba sabiex jiġu integrati esperti ġodda. Skond id-dispożizzjonijiet kuntrattwali, il-bdil fil-persunal ma setax iseħħ jekk mhux bil-miktub u, għalhekk, il-konklużjoni ta’ l-ewwel klawżola biss kienet l-uniku mezz ta’ integrazzjoni għall-esperti l-ġodda fil-kuntratt.
65 Billi l-ewwel klawżola ma tipprovdi għal ebda żieda fil-baġit u lanqas għal perijodu ġdid tax-xogħlijiet għall-amministratur ta’ proġetti, u li fil-każ ta’ l-esperti, perijodi ġodda tax-xogħlijiet kienu approvati biss fil-proporzjonijiet ġa indikati, ir-rikorrenti kkonkludiet li ma kinitx manifestament mitluba li teffettwa x-xogħlijiet in kwistjoni billi t-tul uffiċjali tat-tielet kuntratt kien ġie estiż.
Fuq ir-rikors għal danni
66 Ir-rikorrenti tqis li r-rikors tagħha huwa fondat, billi l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba, li kkawżatilha dannu għall-ammont ta’ 332083.60 EUR.
67 L-ewwel nett, fir-rigward ta’ nuqqas amministrattiv imwettaq mill-Kummissjoni, skond ir-rikorrenti, meta adottat din l-imġiba waqt u wara n-negozjati kuntrattwali, il-Kummissjoni ġiegħlitha tifhem li kienet ser tikkumpensaha għas-servizzi tagħha li ma jaqgħux taħt l-iskop tal-kuntratt. Għalhekk, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Embassy Limousines & Services vs Il-Parlament (T203/96, Ġabra p. II‑4239). F’din il-kawża, minħabba f’tamiet validi li tat, il-Kummissjoni kienet b’hekk ukoll inkoraġġat lir-rikorrenti taħdem għaliha mingħajr kuntratt. Billi kompliet l-attivitajiet tagħha fil-kuntest tan-negozjati kuntrattwali pendenti, ir-rikorrenti, bħala operatur prudenti, ma ħadet l-ebda riskju li kellha ssostni hija biss. Għall-kuntrarju, hija ħadmet b’mod raġjonevoli u realist fil-pjan ekonomiku, billi l-Kummissjoni tatha x’tifhem li kienet ser tibbenefika minn kuntratt ieħor. Il-Kummissjoni ma xejnitx il-konvinzjoni tar-rikorrenti, iżda minflok saħħitha u kattritha numru ta’ drabi waqt in-negozjati.
68 Kuntrarjament għal dak li jikkaratterizza l-għoti ta’ sejħa għal offerti, iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża żiedu l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti li hija ser tingħażel biex tikkonkludi l-kuntratt il-ġdid ta’ assistenza fil-post. Fil-fatt, fil-protokoll ta’ ftehim iffirmat bejn il-pajjiżi tal-G7, il-Kummissjoni, u l-Ukrajna, fl-1995, ir-rikorrenti kienet ġiet iddikjarata bħala sieħba ta’ sigurtà tal-Punent taċ-ċentrali nukleari ta’ Zaporojié. Ir-rikorrenti fakkret li l-konklużjoni tal-kuntratti ta’ assistenza fil-post kienu normalment iseħħu permezz ta’ ftehim dirett. Skondha, ma kien hemm l-ebda dubju għall-partijiet li l-assistenza fil-post kellha tkompli u li kellu jiġi evitat it-twaqqif ta’ servizzi, b’mod partikolari għal kwistjonijiet ta’ sigurtà. L-għoti dirett kellu għalhekk ikun raġuni supplementari biex kuntrattwalment tillimita għal madwar sena biss l-estensjoni tas-servizzi.
69 Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wkoll kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi wasslet biex tfalli negozjati kuntrattwali minħabba t-tmexxija ħażina tal-kuntratt. Il-Kummissjoni kellha l-obbligu tipprepara deċiżjoni bl-għaqal mitlub u li tiżen l-interessi in kwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Marzu 1997, Oliveira vs Il-Kummissjoni, T-73/95, Ġabra p. II‑381, u tad-9 ta’ Lulju 1999, New Europe Consulting u Brown vs Il-Kummissjoni, T-231/97, Ġabra p. II‑2403). Minnbarra dan, il-fatt li ġew inklużi awtoritajiet amministrattivi u politiċi differenti fi ħdan istituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea mhuwiex ġustifikazzjoni għal din l-istituzzjoni għal fatt li ma jurix attitudni koerenti u kostanti fir-rigward ta’ l-interessata (sentenza Embassy Limousines & Services vs Il-Parlament, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 87). Konsegwentement, il-parti interessata m’għandhiex issostni l-fatt li l-Kummissjoni ma tasalx biex tiżgura waqt in-negozjati kuntrattwali t-tkomplija ta’ dawn in-negozjati jew tieħu tul ta’ żmien li mhux normali biex tiddeċiedi, dan kollu minħabba fir-rotazzjoni interna tal-persunal responsabbli. Madankollu, dan huwa dak li preċiżament seħħ fil-każ tar-rikorrenti. Fil-fatt, il-Kummissjoni tat lok għal, u rawmet, l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti b’metodi diffferenti waqt il-fażijiet differenti tan-negozjati kuntrattwali u f’numru ta’ okkażjonijiet weriet it-tmexxija insuffiċjenti tagħha tal-kuntratt u ta’ organizzazzjoni interna mhux sodisfaċjenti.
70 Minnbarra dan, ir-rikorrenti tqis li r-rifjut li tiġi ffirmata t-tieni klawżola juri n-negliġenza li biha l-uffiċjali suċċessivi ġew informati b’l-istat tan-negozjati u tal-kuntratti pendenti. Id-dikjarazzjoni ta’ Vadé, fil-faks tat-23 ta’ Settembru 1999 ("skond dak li jien kont fhimt, fl-ewwel klawżola […], li ġiet konkluża mingħajr emenda tal-baġit globali, kien hemm ftuħ fil-linji tal-baġit sabiex ikun koerenti ma’ l-estensjoni tat-tul tas-servizzi"), manifestament juri li hu stess qatt ma kien qara l-ewwel klawżola u li l-predeċessuri tiegħu ma spjegawlux iċ-ċirkustanzi li fihom kienet ġiet elaborata. Billi l-baġit ipprovdut għall-amministratur ta’ proġetti kien ġa ntuża fil-mument tal-firma ta’ l-ewwel klawżola, u l-bqija tal-baġit ma setax ikopri l-attività ta’ l-esperti, skond ir-rikorrenti, qatt ma kien ġie miftiehem li jsir aġġustament fil-baġit, u dan għalhekk ma kienx awtorizzat. Il-baġitijiet ipprovduti rispettivament għall-amministratur ta’ proġetti u l-esperti għalhekk ma ġewx irranġati fir-rigward tal-prezz anness ma’ l-ewwel klawżola, l-unika modifika li twettqet lill-baġitijiet differenti kienet it-tneħħija tad-distinzjoni bejn ix-xogħlijiet imwettqa fil-Ġermanja u l-Ukrajna. Din il-miżura kienet intiża biex tiffaċilita l-kontabbiltà tax-xogħlijiet, minkejja li din il-modifika ma kellha ebda rilevanza fuq il-baġitijiet differenti pprovduti għall-esperti jew għall-amministratur ta’ proġetti.
71 Wara, fir-rigward tad-dannu li sofriet ir-rikorrenti, hija qieset li, billi serrħet fuq il-wegħdiet tal-Kummissjoni, hija sostniet dannu li jammonta għal 332083.60 EUR, billi kompliet ix-xogħol tagħha li ma kienx jaqa’ taħt il-kuntratt.
72 Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda r-rabta kawżali bejn nuqqas amministrttiv u d-dannu, ir-rikorrenti ssostni li n-nuqqas amministrattiv mwettaq mill-Kummissjoni jippreżenta mad-dannu subit ir-rabta kawżali neċessarja biex fuqha tibbaża l-kumpens għad-dannu. Id-dannu jirriżulta b’mod biżżejjed dirett mill-imġiba mhux xierqa tal-Kummissjoni.
73 Ir-rikorrenti tikkonkludi li d-dannu li sostniet għandu wkoll rabta diretta ma’ l-organizzazzjoni amministrattiva mhux adegwata tal-Kummissjoni. Fil-fatt, lakuni fit-trażmissjoni ta’ informazzjoni bejn l-uffiċjali suċċessivi waslet għal dewmien supplementari u tispjega wkoll b’mod tajjeb ir-raġuni għas-servizzi barra mill-kuntratt kif ukoll it-tul tagħhom u għalhekk l-ammont ta’ dannu li sostniet ir-rikorrenti.
74 Ir-rikorrenti titlob sabiex Doucet, Kalbe, Jousten, Lütkemeyer u Vadé, uffiċjali tal-Kummissjoni, kif ukoll Zaiss, Hoensch, Collignon u Möller jinstemgħu bħala xhieda mill-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-kawża in kwistjoni, b’mod partikolari, l-iskop tad-diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti, it-tmexxija tan-negozjati kuntrattwali u l-infieq tal-baġit.
75 Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa manifestament mhux fondat. Il-Kummissjoni ma tistax tinsab responsabbli skond l-Artikolu 288(2) KE, għaliex ma kienx hemm nuqqas amministrattiv.
76 L-ewwel nett, il-Kummissjoni tikkontesta l-kunsiderazzjoni li tgħid li hija tat tamiet fondati lir-rikorrenti.
77 It-tieni nett, il-Kummissjoni tikkontesta l-kunsiderazzjoni li tgħid li hija kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, billi turi tmexxija ħażina tal-kuntratt
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza
78 Il-kawża tirrigwarda relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet fl-1994, u dawn ifittxu li jsiru jafu jekk din taqax, jew le, fil-kuntest tat-twettiq tat-tielet kuntratt u ta’ l-ewwel klawżola tagħha. Hemm il-bżonn li jiġu eżaminati waħda waħda dawn iż-żewġ ipoteżi.
79 Skond id-dispożizzjonijiet flimkien ta’ l-Artikolu 238 KE u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/59/KEFA, KEE, ta’ l-24 ta’ Ottubru 1988, li tistabblixxi l-Qorti ta’ Prim Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 319, p. 1), hekk kif emendata, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija kompetenti li tiddeċiedi fuq kawżi ta’ natura kuntrattwali mressqa quddiemha minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi permezz ta’ klawżola ta’ arbitraġġ.
80 Fin-nuqqas ta’ tali klawżola, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiddeċiedi fuq kawża li toriġina minn kuntratt. Fin-nuqqas tagħha, il-Qorti tkun qed testendi l-kompetenza ġurisdizzjonali tagħha lil hinn mil-limiti stabbiliti mill-Artikolu 240 KE, peress li din id-dispożizzjoni tirriserva lill-qrati nazzjonali kompetenza li toħroġ mid-dritt ordinarju li jisimgħu kawżi li fihom il-Komunità hija parti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Mejju 1987, Rau et, 133/85 sa 136/85, Ġabra p. 2289, punt 10; u d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Lulju 2002, Comitato organizzatore del convegno internazionale vs Il-Kummissjoni, T-387/00, Ġabra p. II‑3031, punt 37).
81 F’din il-kawża, it-tielet kuntratt, li fil-kuntest tiegħu l-l-Kummissjoni ssostni li jirriżulta l-oriġini tal-kawża, ma fih ebda klawżola li tagħti l-kompetenza lill-Qorti tal-Prim’Istanza biex tiddeċiedi dwar kwistjonijiet li jirriżultaw mit-twettiq tiegħu, iżda, għall-kuntrarju, espressament tattribwixxi din il-kompetenza lill-qrati ta’ Brussell (ara l-punt 7 iktar ‘il fuq).
82 Għandu jiġi mfakkar li, fil-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiddetermina jekk ix-xogħlijiet in kwistjoni jirriżultawx jew le minn kuntest kuntrattwali, mingħajr ma jiġu interpretati t-tielet kuntratt u l-ewwel klawżola tiegħu. Konsegwentement, fl-ipoteżi fejn dawn ix-xogħlijiet jirriżultaw minn kuntest kuntrattwali li jorbot lir-rikorrenti u l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex kompetenti li tiddeċiedi l-kawża u għal dan il-għan ir-rikors għandu jiġi miċħud.
83 Sa fejn ma jistax ikun eskluż li l-qorti nazzjonali kompetenti biex tinterpreta t-tielet kuntratt tasal għall-konklużjoni li x-xogħlijiet in kwistjoni ġew ipprovduti barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kisritx il-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba, kif issostni r-rikorrenti.
84 Jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti, li għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE, iridu jiġu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità ta’ l-allegata mġiba fil-konfront ta’ l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegata mġiba u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1981, Oleifici Mediterranei vs Il-KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 1996, International Procurement Services vs Il-Kummissjoni, T-175/94, Ġabra p. II-729, punt 44).
85 Jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija sodisfatta, ir-riskors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ din ir-responsabbiltà (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-146/91, Ġabra p. I‑4199, punt 19; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Frar 2002, Förde-Reederei vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-170/00, Ġabra p. II‑515, punt 37, u tad-19 ta’ Marzu 2003, Innova Privat-Akademie vs Il-Kummissjoni, T-273/01, Ġabra p. II‑1093, punt 23).
86 Skond dawn il-prinċipji, għandha tiġi eżaminata l-imġiba tal-Kummissjoni.
87 Fir-rigward ta’ l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, il-ġurisprudenza teżiġi li jiġi stabbilit ksur biżżejjed ikkaratterizzat ta’ regola tad-dritt li għandha bħala għan l-għoti ta’ drittijiet lill-persuni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I‑5291, punt 42). Għal dak li jirrigwarda r-rekwiżit li ksur għandu jkun biżżejjed ikaratterizzat, il-kriterju deċiżiv li jippermetti li jiġi kkunsidrat jekk din il-kundizzjoni hijiex sodisfatta huwa dak tan-nuqqas manifest u gravi, mill-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata, li tosserva l-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha. Meta din l-istituzzjoni jkollha biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqas, jekk mhux saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur gravi biżżejjed (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Camar u Tico, C-312/00 P, Ġabra p. I‑11355, punt 54; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, T-198/95, T-171/96, T-230/97, T-174/98 u T-225/99, Ġabra p. II‑1975, punt 134).
88 F’din il-kawża, għandu jiġi ddeterminat, l-ewwel nett, jekk l-imġiba tal-Kummissjoni tikkostitwixxix ksur biżżejjed ikkaratterizzat mill-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi.
89 Skond ġurisprudenza kostanti, id-dritt li titlob il-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, li jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Komunità, jestendi b’mod partikolari għal kull individwu li jsib ruħu f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunitarja tagħtu assigurazzjonijiet preċiżi li jkunu tawh tamiet fondati. Jikkostitwixxu tali assigurazzjonijiet, taħt kull forma li jkunu fiha ġew ikkomunikati, informazzjonijiet preċiżi, bla kundizzjonijiet u li jaqblu u li ġejjin minn sorsi awtorizzati u li wieħed jista’ joqgħod fuqhom. Min-naħa l-oħra, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li ngħatawlu mill-amministrazzjoni (sentenza Innova Privat-Akademie vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata).
90 L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi mfakkar li n-negozjati kuntrattwali minnhom stess, ma jorbtu l-ebda parti. Wara, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk, waqt in-negozjati kuntrattwali, il-Kummissjoni tatx assigurazzjonijiet preċiżi lir-rikorrenti li setgħu jagħtuha tamiet fondati.
91 F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti toqgħod, b’mod partikolari, fuq id-diskussjonijiet differenti li kellha mal-Kummissjoni kif ukoll ittri differenti.
92 F’dak li jirrigwarda l-konverżazzjoni bit-telefon, invokata mir-rikorrenti, ma’ s-Sur Korsak, amministratur ta’ proġetti tax-xiri ta’ apparat f’isem il-Kummissjoni, li seħħet qabel ma ntbagħat l-ewwel abbozz tar-raba’ kuntratt lill-Kummissjoni fir-rebbiegħa ta’ l-1998 u li ppermettiet lir-rikorrenti taħseb li l-firma tal-kuntratt kienet imminenti, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda element ta’ l-inkartament ma jippermetti fir-realtà li jiġu stabbiliti dawn l-allegati assigurazzjonijiet verbali, li l-Kummissjoni tiċħad li fformulat, u lanqas, a fortiori, li jippreżentaw l-istess karatteristiċi neċessarji biex joħolqu l-aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Novembru 2000, Dreyfus et vs Il-Kummissjoni, T-458/93, T-491/93, T-494/93 u T61/98, Ġabra p. II‑3659, punt 87). Dan huwa validu għal kull assigurazzjoni verbali oħra li tagħha l-ebda element ta’ l-inkartament ma jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza.
93 Skond ir-rikorrenti, in-negozjati kuntrattwali bejn il-partijiet komplew mingħajr waqfien waqt il-ħarifa ta’ l-1998. Hija invokat b’mod partikolari l-faks ta’ Jousten, tat-22 ta’ Diċembru 1998, li minnu jirriżulta li xejn ma kien jostakola l-firma tar-raba’ kuntratt. Issa, dan il-faks huwa fformulat kif ġej:
"Wara l-ittra tagħkom tat-3 ta’ Diċembru 1998, nixtieq ngħarrafkom bil-fatt li llum għaddejt [l-elementi ta’ riferiment] tal-kuntratt [ta’ assistenza fil-post] 1997 ta’ GKN lid-[‘dipartiment komuni ta’ ġestjoni ta’ l-għajnuna Komunitarja lill-pajjiżi terzi’] (Doucet), li ser jikkuntattjakom dwar elementi oħra tal-proposta tagħkom (Anness D, koerenza ta’ l-Anness B ma’ l-Anness A, eċċ.)."
94 Jirriżulta b’mod ċar mill-ifformular ta’ dan il-faks li kien sempliċiment qed javża lir-rikorrenti bl-istat tan-negozjati. Jirriżulta li l-kwistjonijiet marbuta ma’ l-Anness D u l-Anness B għadhom ma’ ġewx irregolati u li dawn il-kwistjonijiet, li mhumiex minuri, jirrikjedu negozjati supplementari u li, għalhekk, il-firma tal-kuntratt ma tistax tkun imminenti.
95 Għalhekk, in-negozjati kuntrattwali komplew u r-rikorrenti wara bagħtet numru ta’ verżjonijiet tar-raba’ kuntratt lill-Kummissjoni.
96 Fl-istess ħin, il-partijiet kellhom differenzi fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni ta’ ċerti proġetti.
97 Minbarra dan, jirriżulta mill-inkartament li, tul is-snin, l-amministratur ta’ proġetti, Hoensch, ġie kkritikat kemm mid-delegazzjoni tal-Kummissjoni f’Kiev kemm mid-dipartimenti tal-Kummissjoni fi Brussell. Fil-fatt, il-Kummissjoni talbet numru ta’ drabi lir-rikorrenti sabiex jitbiddel l-amministratur ta’ proġetti, ħaġa li r-rikorrenti rrifjutat li tagħmel.
98 Minħabba f’dawn id-differenzi, il-Kummissjoni temmet it-tielet kuntratt, b’ittra tal-25 ta’ Ottubru 1999, skond l-Artikolu 41 tal-kundizzjonijiet ġenerali TACIS.
99 Minbarra dan, jirriżulta mill-inkartament li, minbarra l-problemi marbuta mal-persuna ta’ l-amministratur ta’ proġetti, Hoensch, u l-evalwazzjoni ta’ ċerti proġetti, l-imġiba tar-rikorrenti waqt in-negozjati ma ffaċilitatx il-konklużjoni tar-raba’ kuntratt. Jirriżulta mill-inkartament, li r-rikorrenti rrifjutat, numru ta’ drabi, li tieħu in kunsiderazzjoni emendi proposti mill-Kummissjoni, u li għalhekk hija stess ikkontribwixxiet għad-dewmien tan-negozjati kuntrattwali u li l-falliment finali tan-negozjati huwa parzjalment imputabbli lilha, kif hija stess ammettiet waqt is-seduta.
100 Konsegwentement, għandu jiġi kkonstat li, fl-ebda mument, ma kien hemm ftehim finali fuq il-konklużjoni tar-raba’ kuntratt. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-prinċipju ta’ l-aspettattivi leġittimi fil-kuntest tal-konklużjoni tar-raba’ kuntratt. Minkjejja li l-Kummissjoni talbitha tipproduċi abbozzi differenti tal-kuntratt, dan jagħmel parti integrali min-negozjati kuntrattwali normali u l-Kummissjoni ma inkoraġġietx ir-rikorrenti teċċedi r-riskji marbuta ma’ l-attività ekonomika tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Embassy Limousines & Services vs Il-Parlament, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 75).
101 Għad għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni tatx lir-rikorrenti assigurazzjonijiet preċiżi li setgħu jagħtu tamiet fondati li s-servizzi in kwistjoni kienu ser ikunu remunerati taħt forma oħra milli fil-kuntest tar-raba’ kuntratt eventwali.
102 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti b’mod partikolari tistrieħ fuq assigurazzjonijiet verbali mid-dipartimenti tal-Kummissjoni kif ukoll fuq ittri varji li joriġinaw kemm minnha stess, kif ukoll mill-Kummissjoni. Hija tirreferi wkoll għal rapport speċjali tal-Qorti ta’ l-Awdituri.
103 Fir-rigward, b’mod ġenerali, ta’ l-allegati assigurazzjonijiet verbali, għandu jiġi kkunsidrat li l-ebda element ta’ l-inkartament ma jippermetti li tiġi stabbilita r-realtà ta’ dawn l-assigurazzjonijiet, li l-Kummissjoni tiċħad li fformulat, u lanqas, a fortiori, li jippreżentaw l-istess karatteristiċi neċessarji biex joħolqu l-aspettattivi leġittimi.
104 F’dak li jirrigwarda l-ittra ta’ l-20 ta’ Ottubru 1998, li permezz tagħha l-Kummissjoni pproponiet lir-rikorrenti li jikkonkludu kuntratt li jeskludi x-xogħlijiet li dwarhom ma kienx għadu ntlaħaq qbil, u li r-rikorrenti invokat biex turi li l-Kummissjoni wegħdietha li tħallas retroattivament is-servizzi tagħha, għandu jiġi nnotat li din il-proposta tirrigwarda l-konklużjoni tar-raba’ kuntratt u l-programm TACIS 1997 u li l-Kummissjoni għalhekk kienet qed tipproponi li jikkonkludu kuntratt dwar il-bqija tax-xogħlijiet marbuta mal-programm TACIS 1997. Għalhekk, din l-ittra bl-ebda mod ma turi li l-attivitajiet in kwistjoni kienu tħallsu retroattivament.
105 Fir-rigward ta’ l-ittra ta’ l-14 ta’ April 1999, li fiha r-rikorrenti għamlet sunt tal-konklużjonijiet tal-laqgħa tas-16 ta’ Marzu 1999 u indikat li ppreżentat, skond it-talba espressa tal-Kummissjoni, abbozz ta’ kuntratt b’effett retroattiv fuq il-perijodu mhux kopert minn kuntratt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, billi din l-ittra, li tagħha l-Kummissjoni tikkontesta l-kontenut, ġejja mir-rikorrenti stess, ma jistax jiġi stabbilit fuq il-bażi tagħha biss li l-Kummissjoni, effettivament, kienet ippreżentat tali domanda waqt din il-laqgħa.
106 Bl-istess mod, l-ittra tal-25 ta’ Awwissu 1999, li permezz tagħha r-rikorrenti ppreżentat il-proposta tat-tieni klawżola għat-tielet kuntratt, bl-ebda mod ma turi li l-Kummissjoni talbet il-produzzjoni ta’ tali klawżola, jew li wegħdet li tħallas retroattivament is-servizzi mwettqa mir-rikorrenti.
107 Fil-fatt, bil-faks tat-23 ta’ Settembru 1999, il-Kummissjoni rrifjutat li tiffirma din il-klawżola fil-kliem li ġej:
"Skond dak li jien kont fhimt, fl-ewwel klawżola […], li ġiet konkluża mingħajr emenda tal-baġit globali, kien hemm ftuħ fil-linji tal-baġit sabiex ikun koerenti ma’ l-estensjoni tat-tul tas-servizzi.
Issa intkom qed tippreżentawli proposta, li ma fiha l-ebda missjoni ġdida u li hija ppreżentata fl-aħħar tax-xahar ta’ Awwissu biex tkopri attivitajiet li jirrigwardaw il-perijodu [mix-xahar] ta’ Lulju 1998 [sax-xahar ta’] Ġunju 1999, jiġifieri retroattivament. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Kummissjoni ma tistax ħlief tirrifjuta li tikkunsidra tali proposta."
108 Minbarra dan, ir-rikorrenti tirreferi għal-laqgħa ta’ l-24 ta’ Novembru 1999, li fiha hija ġiet għal darb’oħra mwegħda li ser titħallas għax-xogħol mwettaq mix-xahar ta’ Awwissu 1998, sakemm il-verifika prevista fit-tielet kuntratt ma jurix li dan ix-xogħol ma kienx sodisfaċjenti. Il-Kummissjoni hemżet mar-risposta tagħha noti bil-miktub meħuda minnha waqt din il-laqgħa. Jirriżulta minn dawn in-noti li d-diskussjoni kienet fuq l-effetti tat-terminazzjoni tat-tielet kuntratt u l-problemi marbuta mal-persuna ta’ Hoensch kif ukoll għall-possibbiltà li tiġi ristabbilita r-reputazzjoni tiegħu permezz ta’ l-għajnuna tal-Kummissjoni. Fuq il-bażi ta’ dawn in-noti, mhuwiex possibbli li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni wegħdet li tħallas lura retroattivament is-servizzi in kwistjoni. F’kull każ, f’din il-laqgħa, li seħħet fl-24 ta’ Novembru 1999, ir-rikorrenti ma tistax tagħmel użu minn kwalunkwe aspettattiva leġittima li ngħatat waqt il-laqgħa għas-servizzi li wettqet qabel din il-laqgħa.
109 Minbarra dan, għandu jiġi mfakkar, li l-Kummissjoni ma tistax tagħti remunerazzjoni lir-rikorrenti, fil-kuntest tal-programm TACIS, jekk mhux fuq il-bażi ta’ kuntratt. Minħabba fl-esperjenza twila tar-rikorrenti tal-progamm TACIS, hija għandha tkun taf il-proċeduri ġuridiċi marbuta ma’ dan il-programm u ma setgħatx tinjora l-bżonn ta’ kuntratt.
110 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-inkartament ma kien fih l-ebda ittra, mill-Kummissjoni, li fiha din wegħdet lir-rikorrenti li ser tħallas lura rettroattivament is-servizzi in kwistjoni.
111 Minbarra dan, ir-rikorrenti tinvoka r-rapport speċjali Nru 6/97 tal-Qorti ta’ l-Awdituri biex turi li l-konklużjoni tal-kuntratti retroattivi kien possibbli. Jirriżulta minn dan ir-rapport li kien hemm diffikultajiet fir-rigward tal-konklużjoni ta’ kuntratti għall-assistenza fil-post u li jidher li l-Kummissjoni kkonkludiet ukoll kuntratti retroattivi, ħaga li l-Qorti ta’ l-Awdituri kkritikat.
112 Il-Kummissjoni rrispondiet għal din il-kritika tal-Qorti ta’ l-Awdituri b’dawn il-kliem:
"[Ġara] fil-passat li ġew iffirmati kuntratti a posteriori minħabba li t-tħejjija amministrattiva [kellha] tul twil wisq. Ittieħdu miżuri sabiex tiġi evitata mill-ġdid din il-probelma. […] Il-Kummissjoni qatt ma titlob lill-esperti li jeffettwaw attivitajiet barra minn dak li huwa kopert kuntrattwalment u approvat. Jista’ jkun hemm diversi raġunijiet wara tul ta’ żmien bejn żewġ kuntratti u l-kontraenti, għalhekk, huma informati li huma biss l-attivitajiet koperti mill-kuntratti tagħhom mal-Kummissjoni li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni."
113 L-ewwel nett, għandu jiġi nnotat li dan ir-rapport jikkonċerna perijodu qabel dak in kwistjoni. It-tieni nett, minkejja li jirriżulta li l-Kummissjoni kkonkludiet kuntratti retroattivi, dan ir-rapport, kif ukoll it-tweġibiet tal-Kummissjoni, ma jorbtux lill-Kummissjoni li tkompli tikkonkludi kuntratti retroattivi, imġiba li hija preċiżament ikkritikata mill-Qorti ta’ l-Awdituri. Bl-ebda mod ma jidher li tat it-tama ta’ l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni kienet ser tikkonkludi kuntratt retroattiv magħha.
114 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-ebda element ta’ l-inkartament ma jippermetti li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni tat lir-rikorrenti assigurazzjonijiet preċiżi li x-xogħlijiet in kwistjoni kienu ser jitħallsu lura retroattivament, kemm fil-kuntest tar-raba’ kuntratt kif ukoll fil-kuntest ta’ ftehim ieħor a posteriori, u li setgħu jqajmu kwalunkwe tama valida lir-rikorrenti. Minbarra dan, operatur ekonomiku prudenti, li jaf il-programm TACIS, għandu jkun jaf ir-riskji marbuta mal-possibbilità li tikkonkludi retroattivament kuntratt bi ksur tal-prinċipji li jorbtu lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ tmexxija finanzjarja tajba u b’saħħitha tar-riżorsi Komunitarji.
115 Għalhekk, ma jidhirx li l-Kummissjoni kisret, b’mod biżżejjed ikkaratterizzat, il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettativa leġittima.
116 It-tieni nett, għandu jiġi ddeterminat jekk l-imġiba tal-Kummissjoni tikkostitwixxix ksur biżżejjed ikkaratterizzat tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.
117 F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li, permezpermezz tar-rapport speċjali Nru 25/98 tal-Qorti ta’ l-Awdituri, il-Kummissjoni ma assiguratx it-tkomplija tan-negozjati kuntrattwali minħabba r-rotazzjoni kontinwa tal-persunal, li wassal biex ir-raba’ kuntratt ifalli.
118 Ir-rapport speċjali speċjali Nru 25/98 tal-Qorti ta’ l-Awdituri jikkonstata, b’mod partikolari, li l-"unità ta’ tmexxija tad-DĠ ["Relazzjonijiet Esterni: l-Ewropa u l-Istati l-Ġodda Indipendenti, Politika Komuni Barranija u ta’ Sigurtà, Dipartiment Estern" tal-Kummissjoni] ma [jiddisponix] minn biżżejjed riżorsi umani b’mod li jippermetti t-tkomplija kif jixraq ta’ l-eżekuzzjoni tal-programmi" u li x-"xogħlijiet ta’ verifika mwettqa fl-1997 mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ħlasijiet tal-kuntratti PHARE u TACIS, li kienu kkomplikati minħabba f’’telf ta’ memorja ta’ l-istituzzjonijiet’ minħabba r-rotazzjoni tal-persunal kuntrattwali u nuqqas ta’ prattika tajba amministrattiva, ma ngħatawlhom l-ebda miżura li tevita li tali sitwazzjonijiet iseħħu".
119 Jirriżulta għaldaqstant minn dan ir-rapport li jirrigwarda u ġustament jikkritika l-prattika li kienet tieħu qabel il-Kummissjoni, u mhux dik fis-seħħ waqt in-negozjati li jirrigwardaw il-konklużjoni tar-raba’ kuntratt. Fil-fatt, permezz tar-riorganizzazzjoni tas-servizzi u tat-twaqqif, fl-1998, tad-dipartiment komuni ta’ ġestjoni ta’ l-għajnuna Komunitarja lill-pajjiżi terzi, il-Kummissjoni ppruvat preċiżament ittejjeb l-implementazzjoni tal-programmi TACIS.
120 Minbarra dan, ir-rikorrenti ma waslitx biex tippreżenta indiċi konkret li juri ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti affermat li ppreżentat, fl-14 ta’ April 1999, abbozz ġdid tar-raba’ kuntratt, li indikat li kien jirrigwarda verżjoni kompletament irriveduta ta’ l-"elementi ta’ riferiment", iżda li, skond ir-rikorrenti, kienet identika fil-mertu għal dik li d-DĠ "Relazzjonijiet Esterni: l-Ewropa u l-Istati l-Ġodda Indipendenti, Politika Komuni Barranija u ta’ Sigurtà, Dipartiment Estern" tal-Kummissjoni ġa eżamina f’Diċembru 1998, li juri li rotazzjoni kontinwa tal-persunal responsabbli fi ħdan il-Kummissjoni wassal għal "telf ta’ memorja ta’ l-istituzzjonijiet", kif ġa ġie kkonstatat mill-Qorti ta’ l-Awdituri. Iktar milli xi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, dan il-fatt juri, għall-kuntrarju, li l-imġiba stess tar-rikorrenti mhijiex eżenti minn kritika.
121 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, b’mod li l-argumenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda, mingħajr il-bżonn li jiġi eżaminat jekk dan il-prinċipju għandux bħala effett li jagħti drittijiet lill-persuni.
122 Peress li l-kundizzjoni marbuta ma’ l-imġiba illegali tal-Kummissjoni, mhijiex sodisfatta f’din il-kawża, ir-rikors għandu jiġi miċħud bla ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ din ir-responsabbiltà, la li jinstemgħu xhieda quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.
Fuq l-ispejjeż
123 Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-konvenuta f’dan is-sens.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)
taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.
Legal |
Tiili |
Vadapalas |
Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Marzu 2005
H. Jung |
H. Legal |
Reġistratur |
President |
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.