Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002TJ0026

Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (ir-Raba' Awla) tal-15 ta' Marzu 2006.
Daiichi Pharmaceutical Co. Ltd vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Kompetizzjoni - Akkordji fis-settur tal-prodotti tal-vitamini - Linji gwida għall-kalkolu tal-multi - Iffissar ta' l-ammont tat-tluq tal-multa - Ċirkustanzi attenwanti - Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.
Kawża T-26/02.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2006:75

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

15 ta' Marzu 2006 (*)

"Kompetizzjoni – Akkordji fis-settur tal-prodotti tal-vitamini - Linji gwida għall-kalkolu tal-multi – Iffissar ta' l-ammont tat-tluq tal-multa – Ċirkustanzi attenwanti – Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni"

Fil-kawża T-26/02

Daiichi Pharmaceutical Co. Ltd, stabbilita f'Tokyo (Il-Ġappun), irrappreżentata minn J. Buhart u P.-M. Louis, Avocats,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn R. Wainwright u L. Pignataro-Nolin, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament jew għat-tnaqqis ta' l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti permezz ta' l-Artikolu 3(f) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/2/KE, tal-21 ta' Novembru 2001, dwar il-proċedura marbuta ma' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta' l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/37.512 – Vitamini) (ĠU 2003, L 6, p. 1),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba' Awla),

komposta minn H. Legal, President, P. Mengozzi u I. Wiszniewska-Białecka, Imħallfin,

Reġistratur: I. Natsinas, Amministratur,

wara li kkunsidrat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta' Frar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Permezz tad-Deċiżjoni 2003/2/KE, tal-21 ta' Novembru 2001, dwar il-proċedura marbuta ma' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta' l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E‑1/37.512 − Vitamini) (ĠU 2003, L 6, p. 1, iktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni"), il-Kummissjoni kkonstatat, fl-Artikolu 1, li diversi impriżi kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) billi pparteċipaw f'serje ta' akkordji distinti li affettwaw tnax-il suq differenti ta' prodotti tal-vitamini, jiġifieri l-vitamini A, E, B1, B2, B5, B6, l-aċidu foliku, il-vitamini C, D3, H, il-beta-karoten u l-karotenojdi. B'mod partikolari, jirriżulta mit-tieni premessa tad-Deċiżjoni li, fil-kuntest ta' dawn l-akkordji, l-impriżi kkonċernati ffissaw il-prezzijiet tal-prodotti differenti, attribwew lilhom infushom ċerti kwoti ta' bejgħ, ftehmu dwar u applikaw xi żidiet fil-prezzijiet, ippubblikaw stqarrija tal-prezzijiet skond il-ftehim tagħhom, biegħu l-prodotti bil-prezzijiet miftehma, stabbilixxew mekkaniżmu ta' sorveljanza u ta' kontroll sabiex jiżguraw li l-ftehim jiġi osservat, u ħadu sehem f'sistema ta' laqgħat regolari sabiex iwettqu l-pjani tagħhom.

2       Fost dawn l-impriżi hemm, b'mod partikolari, l-impriża Ġappuniża Daiichi Pharmaceutical Co. Ltd (iktar 'il quddiem "Daiichi" jew ir-"rikorrenti"), li ġiet miżmuma bħala responsabbli għal ksur li jirrigwarda s-swieq Komunitarji u taż-ŻEE tal-vitamina B5 u tal-vitamina B6 [Artikolu 1(1)(g) tad-Deċiżjoni].

3       Fl-Artikolu 1(2)(f) tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ksur imwettaq minn Daiichi seħħ bejn Settembru ta' l-1991 u Frar ta' l-1999 u bejn Jannar ta' l-1991 u Ġunju ta' 1994 rispettivament.

4       L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni jordna, lill-impriżi li ġew miżmuma responsabbli għall-ksur ikkonstatat, itemmu l-ksur immedjatament, sa fejn ma jkunux diġà temmewh, u ma jieħdux sehem, minn issa 'l quddiem, fl-atti jew fl-aġir illegali kkonstatat, kif ukoll fi kwalunkwe miżura li jkollha għan jew effett identiku jew ekwivalenti.

5       Filwaqt li l-Kummissjoni imponiet xi multi għall-ksur ikkonstatat fis-swieq tal-vitamini A, E, B2, B5, C, D3, tal-beta-karoten u tal-karotenojdi, hija ma imponietx multi għall-ksur ikkonstatat fis-swieq tal-vitamini B1, B6, H u ta' l-aċidu foliku (Artikolu 3 tad-Deċiżjoni).

6       Fil-fatt, mill-premessi 645 sa 649 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-ksur ikkonstatat f'dawn l-aħħar swieq kien intemm aktar minn ħames snin qabel ma l-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni tagħha u li, għalhekk, l-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE Nru 2988/74) tal-Kunsill, tas-26 ta' Novembru 1974 li jikkonċerna l-preskrizzjoni fil-proċedimenti u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-trasport u l-kompetizzjoni (ĠU L 319, p. 1 ta’ l-1974), kien applikabbli fir-rigward ta' dan il-ksur.

7       Għalhekk, Daiichi, b'mod partikolari, ma ġietx immultata għas-sehem li hija kellha fil-ksur li jirrigwarda l-vitamina B 6.

8       Min-naħa l-oħra, Daiichi, bħaż-żewġ kumpanniji l-oħra miżmuma responsabbli għall-ksur li jirrigwarda l-vitamina B 5 (Aċidu Pantoteniku msemmi wkoll "calpan"), jigifieri F. Hoffmann - La Roche AG (iktar 'il quddiem "Roche") u BASF AG, ġiet immultata għas-sehem li hija kellha f'dan il-ksur [artikolu 3(f) tad-Deċiżjoni].

9       Il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont ta' din il-multa abbażi tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta' l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3, aktar 'il quddiem il-"linji gwida"), u tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' impożizzjoni ta' multi jew it-tnaqqis ta' l-ammont tagħhom fil-kawżi fuq l-akkordji (ĠU 1996 C 207, p. 4, aktar 'il quddiem il-"komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni").

10     Fil-premessi 657 u 658 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-kriterji ġenerali li fuqhom hija bbażat id-determinazzjoni ta' l-ammont tal-multi. Hija ppreċiżat li għandha tikkunsidra ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u b'mod partikolari l-gravità u t-tul tal-ksur – li huma ż-żewġ kriterji espliċitament previsti fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta' Frar 1962, l-Ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204)-, tevalwa każ b'każ is-sehem li kull impriża kellha fil-ksur, b'mod partikolari tikkunsidra, fil-kuntest ta' l-istabbiliment ta' l-ammont tal-multa imposta, l-eventwali ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti u tapplika, jekk ikun meħtieġ, il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

11     F'dak li jirrigwarda l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fid-dawl tan-natura tal-ksur eżaminat, ta' l-effetti tagħhom fuq id-diversi swieq tal-prodotti tal-vitamini kkonċernati u tal-fatt li kull wieħed mill-ksur kien ikopri s-suq komuni kollu u, wara li ġiet stabbilita, iż-ŻEE kollha, li l-impriżi li lilhom kienet indirizzata d-Deċiżjoni kienu wettqu ksur gravi ħafna ta' l-Artikolu 81(1) KE u ta' l-Artikolu 53 (1) tal-Ftehim ŻEE, u li għal kull wieħed minn dan il-ksur il-multa kellha tkun ta' minn ta' l-inqas EUR 20 miljun (premessi 662 sa 674 tad-Deċiżjoni).

12     Sabiex tiddetermina l-ammont tat-tluq tal-multi, il-Kummissjoni, wara li ppreċiżat li kienet qegħdha tieħu in kunsiderazzjoni d-daqs tad-diversi swieq tal-prodotti tal-vitamini kkonċernati, fakkret li, "fi ħdan il-kategorija tal-ksur gravi ħafna, l-iskala prevista tal-multi tippermetti li jiġi applikat lill-impriżi trattament differenzjat sabiex tittieħed in kunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tagħhom li jikkawżaw dannu serju għall-kompetizzjoni u li l-ammont tal-multa jiġi stabbilit għal-livell li jiggarantixxi natura suffiċjentement dissważiva". Hija osservat li "eżerċizzju bħal dan huwa meħtieġ b'mod partikolari meta, bħal f'dan il-każ, ikun hemm differenza kunsiderevoli fid-daqs ta' l-impriżi li ħadu sehem fil-ksur". Wara dan hija indikat li, "fiċ-ċirkustanzi tal-każ, li jikkonċerna diversi impriżi, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tat-tluq tal-multi huwa meħtieġ li jittieħed in kunsiderazzjoni l-piż speċifiku ta' kull waħda minnhom u, għaldaqstant, l-effett reali li l-imġiba illegali tagħha kellha fuq il-kompetizzjoni" (premessi 675, 678 u 679 tad-Deċiżjoni).

13     Għal din ir-raġuni l-Kummissjoni qieset li setgħet taqsam l-impriżi kkonċernati f'diversi kategoriji "skond l-importanza relattiva li kull waħda kellha fid-diversi swieq tal-prodotti tal-vitamini kkonċernati", filwaqt li żiedet tgħid li "il-klassifikazzjoni ta' impriza f'kategorija speċifika tista', fejn meħtieġ, tkun is-suġġett ta' aġġustament sabiex b'mod partikolari tittieħed in kunsiderazzjoni l-ħtieġa li jiġi ggarantit effett dissważiv". Sabiex tevalwa l-importanza relattiva li d-diversi impriżi kellhom fuq kull wieħed mis-swieq tal-prodotti tal-vitamini kkonċernati, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li tibbaża ruħha fuq il-fatturat dinji tal-prodott in kwistjoni. Fil-fatt il-Kummissjoni osservat li "bin-natura tagħhom, l-akkordji kollha huma dinjin u b'mod partikolari għandhom bħala għan il-qsim tas-swieq fuq livell dinji u għalhekk li jostakolaw lill-kompetituri milli jipparteċipaw b'mod sħiħ fiż-ŻEE" u li "il-fatturat dinji ta' xi wieħed mill-membri li ħa sehem f'kartell iddeterminat jippermetti wkoll li tittieħed idea tal-kontribuzzjoni tiegħu għall-effettività tal-kartell kollu kemm hu jew, bil-kontra ta' dan, ta' l-instabbiltà li kien isofri l-kartell li kieku huwa ma ħax sehem fih". Il-Kummissjoni indikat ukoll li, sabiex tidentifika l-fatturat in kwistjoni hija ħadet "l-aħħar sena sħiħa ta' infrazzjoni" (premessi 680 u 681 tad-Deċiżjoni).

14     Għalhekk, f'dak li jirrigwrda l-ksur relatat mal-vitamina B5, il-Kummissjoni kkonstatat li "Roche u Daiichi kienu ż-żewġ produtturi prinċipali tal-vitamina B5 fis-suq dinji" u għalhekk ikklassifikathom fl-ewwel kategorija filwaqt li BASF, "li s-sehem tas-suq tagħha kien kunsiderevolment inqas fis-suq dinji (madwar nofs is-sehem ta' Roche)", ġiet ikklassifikata fit-tieni kategorija. L-ammont tat-tluq tal-multa għal dan il-ksur, "fid-dawl tal-kategoriji stabbiliti abbażi tal-kriterju ta' l-importanza relattiva ta' l-impriżi f'dan is-suq", ġie għalhekk stabbilit għal EUR 20 miljun għal Roche u għal Daiichi u għal EUR 14-il miljun għal BASF (premessi 689 u 690 tad-Deċiżjoni).

15     Sabiex tiggarantixxi li l-multa jkollha natura suffiċjentement dissważiva, il-Kummissjoni żiedet b' 100% l-ammont tat-tluq tal-multa kkalkolata għal Roche u għal BASF, sabiex tirrifletti d-daqs u r-riżorsi globali ta' dawn l-impriżi (premessi 697 sa 699 tad-Deċiżjoni).

16     F'dak li jirrigwarda t-tul ta' żmien tal-ksur, il-Kummissjoni, filwaqt li ppreċiżat li Roche, Daiichi u BASF kienu wettqu ksur li dam sejjer għal żmien twil, f'dan il-kas ta' tmien snin, applikat, lil kull waħda minnhom, żieda ta' 80 % ta' l-ammont li rriżulta mill-operazzjonijiet imsemmija fiż-żewġ punti preċedenti. Għalhekk, l-ammont bażi impost lir-rikorrenti tela’ għal EUR 36 miljun (premessi 706 u 711 tad-Deċiżjoni).

17     Filwaqt li lil Roche u lil BASF ġiet applikata ċirkustanza aggravanti bbażata fuq ir-rwol li huma kellhom bħala mexxejja u istigaturi b'mod partikolari fil-kuntest tal-ksur li jirrigwarda l-vitamina B5, b'tali mod li l-ammont bażi tal-multa tagħhom ġie miżjud, rispettivament, b'50 % u b'35 % (premessi 712 sa 718 tad-Deċiżjoni), il-Kummissjoni ma applikat l-ebda ċirkustanza aggravanti jew attenwanti fir-rigward tar-rikorrenti.

18     Din ta' l-aħħar, matul il-proċedura amministrattiva, allegat li kienet intitolata li tibbenefika minn ċirkustanza attenwanti minħabba l-fatt li hija ma kkonformatx ruħha sistematikament mal-prezzijiet u mal-volumi miftehma, b'tali mod li l-effett tal-ftehim fuq is-suq tnaqqas. Il-Kummissjoni, fil-premessi 728 u 729 tad-Deċiżjoni, ċaħdet din il-pretensjoni tar-rikorrenti għar-raġunijiet segwenti:

"(728) Il-Kummissjoni tosserva li l-implementazzjoni tal-ftehim fuq il-prezzijiet immirati mhux neċessarjament teżiġi li dawn il-prezzijiet jiġu applikati b'mod preċiż. Il-ftehim jitqiesu li huma applikati meta l-partijiet jistabbilixxu l-prezzijiet tagħhom b'mod li jqarbuhom għall-prezzijiet immirati miftehma. Dan kien il-każ għall-akkordji li effettwaw is-swieq tal-vitamini C u B5. Il-fatt li impriża, li jkun ġie stabbilit li flimkien mal-kompetituri tagħha hija tkun ħadet sehem f'akkordju fuq il-prezz, ma ġabitx ruħha fis-suq b'mod konformi ma’ dak li ġie miftiehem mal-kompetituri tagħha mhux bilfors jikkostitwixxi element li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti, matul id-determinazzjoni ta' l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta. Fil-fatt, impriża li kienet issegwi, minkejja l-konċentrazzjoni mal-kompetituri tagħha, politika ftit jew wisq indipendenti fis-suq tista' sempliċement tkun qiegħda tipprova tuża l-akkordju għall-profitt tagħha (kawża T-308/94, Cascades SA vs Il-Kummissjoni, Ġabra 1998, p. II-925, punt 230).

(729) F'dak li jirrigwarda l-implementazzjoni tal-ftehim fuq il-kwantitajiet, huwa stabbilit li l-membri ta' l-akkordju kkunsidraw li l-volumi allokati kienu volumi minimi. Sakemm il-partijiet kollha setgħu jbiegħu minn ta' l-inqas il-kwantità li ġiet allokata lilhom, il-ftehim kien irrispettat. Dan kien il-każ f'dak li jirrigwarda l-akkordji li jirrigwardaw is-swieq tal-vitamini C u B5."

19     Fl-aħħar nett, f'dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni, il-Kummissjoni, abbażi ta' dokumenti li ntbagħtu lid-dipartimenti tagħha bejn it-2 ta' Ġunju u t-30 ta' Lulju 1999, ikkunsidrat li Roche u BASF kienu l-ewwel li pprovdewlha elementi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta' l-akkordji b'mod partikolari fir-rigward tal-vitamina B5 u b'hekk ostakolaw lir-rikorrenti milli tissodisfa l-kundizzjoni prevista fis-sezzjoni B(b) tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni. Madankollu, peress li Roche u BASF kienu l-istigaturi u kellhom rwol determinanti fl-attivitajiet illegali, b'mod partikolari, f'dak li jirrigwarda l-vitamina B5, ma ssodisfawx, skond il-Kummissjoni, il-kundizzjoni prevista fis-sezzjoni B(e) tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni. Għalhekk l-ebda waħda mit-tliet impriżi kkonċernati mill-akkordji li jirrigwardaw il-vitamina B5 ma bbenefikaw minn tnaqqis tal-multa abbażi tas-sezzjoni B u C ta' din il-Komunikazzjoni (premessi 743 sa 745 tad-Deċiżjoni).

20     Madankollu kull waħda minnhom ibbenefikat minn tnaqqis tal-multa skond is-sezzjoni D tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkunsidrat li tmienja mill-impriżi li lilhom kienet indirizzata d-Deċiżjoni – fosthom Roche, BASF u Daiichi – "[kienu] kkooperaw mal-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, [kienu] kkontribwew sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur li fih huma [kienu] ħadu sehem u/jew ma [kinux] ikkontestaw is-sustanza tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-akkużi tagħha" (premessa 754 tad-Deċiżjoni).

21     B'mod partikolari, il-Kummissjoni osservat li peress li Roche u BASF, ipprovdew elementi preċiżi ta' prova li jikkonċernaw l-istruttura organizzattiva ta' l-akkordji, b'mod partikolari, f'dak li jirrigwarda s-suq tal-vitamina B5, huma taw kontribut determinanti sabiex jiġu stabbiliti jew ikkonfermati ċerti punti essenzjali ta' dan il-ksur. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li Roche u BASF kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel inċiż tas-sezzjoni D (2) tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni u tathom tnaqqis ta' 50 % ta' l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuqhom fin-nuqqas tal-kooperazzjoni mal-Kummissjoni (premessi 747, 748, 760 u 761 tad-Deċiżjoni).

22     F'dak li jirrigwarda r-rikorrenti, il-Kummissjoni kkonstatat li, permezz ta' dikjarazzjoni tad-9 ta' Lulju 1999, hija pprovditilha informazzjoni fuq l-organizzazzjoni u l-istruttura ta' l-akkordju tal-vitamina B5 li kkontribwiet b'mod essenzjali sabiex jiġu stabbiliti jew ikkonfermati aspetti importanti tal-ksur. Għalhekk il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rikorrenti kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel inċiż tas-sezzjoni D(2) tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni u tatha tnaqqis ta' 35 % ta' l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuqhom fin-nuqqas tal-kooperazzjoni mal-Kummissjoni (premessi 749, 750 u 764 tad-Deċiżjoni).

23     Għalhekk, il-multi imposti mill-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni għall-ksur li jirrigwarda l-vitamina B5 ġew stabbiliti kif ġej:

–       Roche : EUR 54 miljun;

–       BASF : EUR 34.02 miljun;

–       Daiichi : EUR 23.4 miljun.

 Proċedura u talbiet tal-partijiet

24     Permezz ta' att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-8 ta' Frar 2002, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

25     Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (Ir-Raba' Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, għamlet ċerti mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li wieġbuhom fit-terminu mogħti.

26     It-trattazzjoni tal-partijiet inżammet u r-risposti għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu waqt is-seduta tat-23 ta' Frar 2005.

27     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–       tannulla l-Artikolu 3(f) tad-Deċiżjoni;

–       sussidjarjament, tnaqqas b'mod sostanzjali l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti;

–       tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

28     Il-konvenuta titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fid-dritt

29     Ir-rikorrenti la tikkontesta l-fatti tad-Deċiżjoni li jirrigwardawha u lanqas il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li dawn il-fatti jikkostitwixxu ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE u ta' l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE. Hija tippreċiża li t-talba tagħha hija intiża, prinċipalment, għall-ksib ta' l-annulament ta' l-Artikolu 3(f) tad-Deċiżjoni safejn il-Kummissjoni kellha tagħtiha immunità totali abbażi tas-sezzjoni B tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni u safejn id-determinazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti hija vvizzjata b'diversi żbalji. Sussidjarjament, hija ssostni li dawn l-iżbalji jiġġustifikaw li minn ta' l-inqas il-Qorti tal-Prim'Istanza, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali sħiħa tagħha, tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa imposta.

30     Sabiex issostni l-allegazzjonijiet tagħha r-rikorrenti tressaq tliet motivi. Permezz ta' l-ewwel motiv hija ssostni li l-iffissar, għal EUR 20 miljun, ta' l-ammont tat-tluq tal-multa li ġie impost fuqha huwa vvizzjat minn żbalji manifesti ta' evalwazzjoni, minn "applikazzjoni ħażina tal-liġi għall-fatti", bi ksur tal-linji gwida, bi ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali bi ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità. Permezz tat-tieni motiv, hija ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni, "applikat ħażin il-liġi għall-fatti" u kisret il-linji gwida billi rrifjutat li tagħtiha l-benefiċċju ta' ċirkustanza attenwanti minħabba li hija kienet implementat biss parzjalment l-akkordji li jirrigwardaw il-vitamina B5. Permezz tat-tielet motiv tagħha, hija invokat żball manifest ta' evalwazzjoni, "applikazzjoni ħażina tal-liġi għall-fatti", ksur tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni u ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali f'dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni għamlet tal-kooperazzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva.

1.     Fuq l-ewwel motiv, li jirrigwarda l-iffissar ta' l-ammont tat-tluq tal-multa

 L-argumenti tal-partijiet

31     Dan il-motiv jirrigwarda l-iffissar f’EUR 20 miljun ta' l-ammont tat-tluq tal-multa impost fuq ir-rikorrenti (ara l-punti 12 sa 14 iktar 'il fuq) u huwa maqsum fi tliet partijiet.

32     Permezz ta' l-ewwel parti r-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni, "applikat ħażin il-liġi għal-fatti" u kisret il-linji gwida billi ma kklassifikatx lir-rikorrenti fit-tielet kategorija, wara Roche u BASF, meta kienet qegħda tiffissa l-ammont tat-tluq tal-multa skond il-gravità.

33     Ir-rikorrenti b'mod partikolari tfakkar li, skond il-linji gwida (ir-raba' inċiż tal-punt 1A), meta tkun qed issir l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, huwa "neċessarju li tittieħed in kunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ min wettaq il-ksur li jikkawża dannu kunsiderevoli lil operaturi oħrajn, b’mod partikolari lill-konsumaturi”.

34     F'dan ir-rigward ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni stabbilixxiet għaliha ammont tat-tluq li kien l-istess bħal dak ta' Roche, li huwa ogħla mill-ammont tat-tluq iffissat għal BASF, mingħajr ma ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt, anki jekk kienet taf dwaru, li Roche u BASF it-tnejn li huma kienu f'pożizzjoni li jikkawżaw dannu għall-kompetizzjoni ħafna iktar serju minn dak li setgħet tikkawża r-rikorrenti.

35     Fil-fatt, minn naħa, mill-premessa 592 ta' l-istess Deċiżjoni jirriżulta li Roche u BASF, in kwantu produtturi tal-"pre-mixes" ( prodott prinċipali intiż li jintuża fil-produzzjoni ta' għalf għall-annimali fejn il-vitamini huma element essenzjali) u in kwantu fornituri ta' vitamini lill-produtturi tal-pre-mixes, kienu f'pożizzjoni li jirrestrinġu l-marġni tal-klijenti tagħhom li jipproduċu l-pre-mixes u li jikkawżaw ħsara, effettiva jew potenzjali, għall-attivitajiet ta' dawn ta' l-aħħar billi jżidu l-prezz tal-vitamini li huma jbiegħu lilhom. Min-naħa l-oħra, BASF u fuq kollox Roche, in kwantu produtturi ta' serje sħiħa ta' vitamini, kienu f'pożizzjoni li jheddu lill-produtturi li jipproduċu vitamina waħda bl-eliminazzjoni tagħhom mis-suq billi jnaqqsu l-prezz ta' din il-vitamina għal-livell predatorju u li jagħmlu tajjeb għal din id-differenza permezz tal-prezz ta' vitamini oħra. Mill-premessa 716 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-kapaċità globali ta' Roche u ta' BASF li jimplementaw u jżommu l-ftehim li jmorru kontra l-kompetizzjoni kienet imsaħħa kunsiderevolment minħabba s-serje wiesa’ ta' prodotti, li kienu jikkostitwixxu swieq distinti iżda marbutin mill-qrib, li huma kellhom. Issa, ir-rikorrenti, li ma kellhiex l-integrazzjoni vertikali u l-firxa ta' vitamini ta' Roche u ta' BASF, kellha titpoġġa mill-Kummissjoni fit-tielet kategorija, wara dawn iż-żewġ impriżi, u jiġi ffissat għaliha ammont tat-tluq tal-multa li jkun inqas minn dawk li ġew iffissati għal dawn ta' l-aħħar.

36     Permezz tat-tieni parti, magħmula b’titolu sussidjarju, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni, "applikat ħażin il-liġi għall-fatti" u kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali billi ma kklassifikatx lir-rikorrenti fit-tieni kategorija ma BASF meta kienet qiegħda tiffissa l-ammont tat-tluq tal-multa abbażi tal-gravità.

37     F'dan ir-rigward ir-rikorrenti tfakkar li, fil-premessa 680 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni kklassifikat l-impriżi kkonċernati f'kategoriji differenti abbażi ta' paragun tal-fatturati dinjin għall-prodott in kwistjoni matul l-aħħar sena sħiħa tal-ksur, jiġifieri l-1998 f'dak li jirrigwarda l-vitamina B 5.

38     Issa, l-ewwel nett, sempliċi paragun tal-fatturati dinjin u ta' l-ishma tas-suq mondjali li Roche, BASF u r-rikorrenti kellhom fl-1998 fir-rigward ta' din il-vitamina juri li Daiichi kella tiġi kklassifikata fl-istess kategorija bħal BASF u li l-Kummissjoni għalhekk wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni.

39     Fil-fatt, minn naħa r-rikorrenti tenfasizza li skond it-tabella li tirrigwarda l-vitamina B 5 li tidher fil-premessa 123 tad-Deċiżjoni, il-fatturati dinjin rispettivi tal-produtturi ta' din il-vitamina fl-1998 kienu s-segwenti: Roche EUR 57 miljun, Daiichi EUR 43 miljun, BASF EUR 34 miljun, oħrajn EUR 32 miljun. Hija tosserva li l-fatturat tagħha għall-vitamina B 5 kien inqas b'EUR 14-il miljun minn dak ta' Roche u kien biss EUR 9 miljuni iktar minn dak ta' BASF, il-fatturat ta' Roche għalhekk kien 33 % ogħla minn dak tar-rikorrenti u l-fatturat ta' BASF kien 21 % inqas minn dak tar-rikorrenti.

40     Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tippreċiża li għall-1998 l-ishma tas-suq dinji, ikkalkulati abbażi tal-fatturati msemmijin fil-punt preċedenti, kienu s-segwenti: Roche 34.3 %, Daiichi 25.9 %, BASF 20.5 %, oħrajn 19.3 %. Ghalhekk ir-rikorrenti tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fl-1998, is-sehem tagħha tas-suq dinji kien inqas minn dak ta' Roche bi 8.4 punti perċentwali u iktar minn dak ta' BASF biss b'5.4 punti perċentwali.

41     Barra minn dan ir-rikorrenti żżid li anki jekk jiġu kkunsidrati kriterji oħra, bħal fatturat ta' l-1998 għaż-ŻEE, l-ishma tas-suq fiż-ŻEE fl-1998 jew l-ishma tas-suq fiż-ŻEE għall-perijodu tal-ksur 1991-1998, xorta waħda kellu jiġi konkluż li hija ma kellhiex tiġi kklassifikata fl-istess kategorija ta' Roche, iżda pjuttost f'dik ta' BASF. Huwa biss jekk jintużaw l-ishma tas-suq dinji għal-perijodu tal-ksur 1991-1998 li l-pożizzjoni tar-rikorrenti tkun eqreb, b'punt perċentwali wieħed biss, lejn dik ta' Roche aktar milli lejn dik ta' BASF.

42     Fid-dawl tal-prossimità relattiva tal-fatturati u ta' l-ishma tas-suq tar-rikorrenti u ta' BASF, l-ammont tat-tluq tal-multa imposta lir-rikorrenti ma kellux ikun ta' iktar minn EUR 14-il miljun.

43     It-tieni nett, skond ir-rikorrenti d-Deċiżjoni tikser il-prinċipju ta' trattament ugwali, minn naħa, minħabba l-fatt li, fl-istess ħin, hija tittratta sitwazzjonijiet differenti (dik tar-rikorrenti u dik ta' Roche) bl-istess mod u sitwazzjonijiet simili (dik tar-rikorrenti u dik ta' BASF) b'mod differenti, mingħajr l-ebda ġustifikazzjoni oġġettiva possibbli, u, min-naħa l-oħra, minħabba l-fatt li r-rikorrenti ġiet ikklassifikata fl-ewwel kategorija ta' l-akkordju li jirrigwarda l-vitamina B5 (b'ammont tat-tluq tal-multa ta' EUR 20 miljun) filwaqt li, għall-fatti li huma essenzjalment analogi, BASF ġiet ikklassifikata fit-tieni kategorija ta' l-akkordju li jirrigwarda l-vitamina B2 (b'ammont tat-tluq tal-multa ta' EUR 10 miljuni).

44     F'dan l-aħħar rigward ir-rikorrenti tenfasizza l-fatt li, fl-1998, il-fatturat u l-ishma tas-suq tagħha fis-suq dinji tal-vitamina B5 kienu inqas mill-fatturat u mill-ishma tas-suq ta' BASF fis-suq dinji tal-vitamina B2. Hija min-naħa l-oħra tindika li anki li kieku wieħed kellu jibbaża ruħu fuq l-ishma tas-suq dinji għall-prodott in kwistjoni matul il-perijodu kollu tal-ksur, jiġifieri kriterju li ma ntużax fid-Deċiżjoni, hija kellha, fid-dawl tal-prinċipju ta' trattament ugwali, tiġi kklassifikata fit-tieni kategorija tal-ksur li jirrigwarda l-vitamina B 5. Hija fil fatt tenfasizza li s-sehem tas-suq medju tagħha għal din il-vitamina matul il-perijodu tal-ksur (29 %) kien identiku għas-sehem medju ta' BASF fis-suq tal-vitamina B2 matul il-perijodu kopert mill-ksur f'dak li jirrigwarda dak is-suq u li kemm ir-rikorrenti kif ukoll BASF kienu, f'dawn is-swieq rispettivi, bejn wieħed u ieħor nofs triq bejn l-ewwel u t-tielet operaturi.

45     Permezz tat-tielet parti, magħmula b’titolu iktar sussidjarju, ir-rikorrenti ssostni li, meta ffissat l-ammont tat-tluq tal-multa abbażi tal-gravità, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità billi ma kklassifikatx lir-rikorrenti f'kategorija separata, bejn Roche u BASF, b'ammont tat-tluq tal-multa bejn dak ta' Roche u dak ta' BASF, iżda eqreb lejn dak ta' BASF.

46     Hija tosserva li, fid-deċiżjoni tagħha 1999/210/KE, ta' l-14 ta' Ottubru 1998, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (każ IV/F-3/33.708 – British Sugar plc, każ IV/F-3/33.709 - Tate & Lyle plc, każ IV/F-3/33.710 – Napier Brown Company Ltd, każ IV/F-3/33.711 – James Budgett Sugars Ltd) (ĠU L 76, p. 1, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni British Sugar"), il-Kummissjoni ma astjenietx ruħha milli tiddistingwi tliet kategoriji ta' produtturi għall-finijiet tad-determinazzjoni ta' l-ammont tat-tluq tal-multa abbażi tal-gravità. Hija b'mod partikolari tenfasizza li Tate & Lyle ġiet ikklassifikata fit-tieni kategorija, wara British Sugar, anki jekk flimkien huma kienu jirrappreżentaw 90 % ta' l-ishma tas-suq taż-żewġ swieq in kwistjoni (zokkor industrijali u bl-imnut fil-Gran Brittanja), peress li British Sugar kienet tirrappreżenta bejn 51 u 54 % u Tate & Lyle bejn 38 u 40 %, u li l-pożizzjonijiet kompettitivi rispettivi tagħhom kienu ħafna eqreb meta mqabbla mal-pożizzjonijiet li kellhom iż-żewġ operaturi l-oħra fis-suq, li flimkien kellhom minn 6 sa 11 % tas-suq u li ġew ikklassifikati fit-tielet kategorija.

47     Il-konvenuta tqis li, billi kklassifikat lir-rikorrenti fl-ewwel kategorija tal-ksur li jirrigwarda l-vitamina B5 flimkien ma’ Roche, hija la wettqet żbalji ta' evalwazzjoni, la kisret il-linji gwida u lanqas ma kisret il-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' proporzjonalità.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

 Osservazzjonijiet preliminari

48     Preliminarjament, għandu jiġi osservat li mill-premessi 655 sa 775 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-multi li l-Kummissjoni imponiet minħabba l-ksur ikkonstatat ta' l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE ġew imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament nru 17 u li l-Kummissjoni – għalkemm id-Deċiżjoni ma tirreferix espliċitament għal-linji gwida – iddeterminat l-ammont tal-multi billi applikat il-metodu stabbilit fihom.

49     Issa, għalkemm il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali f'dak li jirrigwarda l-iffissar ta' l-ammont ta' kull multa, mingħajr ma hija marbuta tapplika xi formula matematika preċiża (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' April 1995, Martinelli vs Il-Kummissjoni, T-150/89, Ġabra p. II-1165, punt 59), hija ma tistax tinjora r-regoli li hija imponiet fuqha nfisha (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-7/89, Ġabra p. II-1711, punt 53, ikkonfermata fl-appell permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, C-51/92 P, Ġabra p. I-4235). Peress li l-linji gwida jikkostitwixxu strument intiż sabiex jiddefinixxi, fir-rispett tal-liġijiet ta' natura superjuri, il-kriterji li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tapplika fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fl-iffissar tal-multi, il-Kummissjoni għandha effettivament tikkunsidra t-termini tal-linji gwida meta tkun qiegħda tiffissa l-ammont tal-multi, b'mod partikolari ta' l-elementi li skond il-linji gwida huma mandatorji (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T-67/00, T-68/00, T-71/00 u T-78/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-ġabra, punt 537).

50     Skond il-metodu ddefinit fil-linji gwida, fil-kalkolu ta' l-ammont tal-multi li għandhom jiġu imposti fuq l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni għandha tieħu bħala punt tat-tluq ammont iddeterminat abbażi tal-gravità tal-ksur. L-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tieħu in kunsiderazzjoni n-natura tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta dan ikun jista' jitkejjel u l-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat (l-ewwel paragrafu tal-punt 1A). F'dan il-kuntest, it-tipi differenti ta' ksur huma kklassifikati fi tliet kategoriji, jiġifieri "ksur mhux gravi wisq", li għalih l-ammont tal-multa li x'aktarx jiġi impost ikun ta' bejn 1000 u miljun EUR, il-"ksur gravi", li għalih l-ammont tal-multa li x'aktarx jiġi impost ikun ta' bejn miljun EUR u EUR 20 miljun, u l-"ksur gravi ħafna", li għalih l-ammont tal-multa li x'aktarx jiġi impost ikun ta' iktar minn EUR 20 miljun (l-ewwel sat-tielet inċiżi tat-tieni paragrafu tal-punt 1A). Fi ħdan kull waħda minn dawn il-kategoriji, l-iskala ta' multi proposta tagħmilha possibbli, skond il-linji gwida, li jiġi applikat trattament differenzjat lill-impriżi skond in-natura tal-ksur li jkun twettaq (it-tielet patagrafu tal-Punt 1A). Barra minn dan, skond il-linji gwida huwa meħtieġ ukoll li tiġi kkunsidrata l-kapaċità ekonomika effettiva ta' l-awturi tal-ksur li jikkawżaw dannu serju lil operaturi oħrajn, b’mod partikolari lill-konsumaturi, u li l-ammont tal-multa jiġi ddeterminat għal-livell li jiggarantixxi li jkollu natura suffiċjentement dissważiva (ir-raba' paragrafu tal-Punt 1A).

51     Fi ħdan kull waħda minn dawn it-tliet kategoriji hekk iddefiniti, jista' jkun meħtieġ, skond il-linji gwida, li f'ċerti każijiet l-ammont iddeterminat jiġi mwieżen sabiex jirrifletti l-piż speċifiku, u għalhekk l-impatt reali li l-imġiba illegali ta' kull waħda mill impriżi kellha fuq il-kompetizzjoni, b'mod partikolari meta jkun hemm differenza kunsiderevoli bejn id-daqsijiet ta' l-impriżi li jkunu wettqu ksur ta' l-istess natura u, konsegwentement, li l-punt tat-tluq ta' l-ammont tat-tluq jiġi adattat skond in-natura speċifika ta' kull impriża (is-sitt paragrafu tal-Punt 1A).

52     F'dan il-każ, ir-rikorrenti la tikkontesta n-natura gravi ħafna tal-ksur, li jirrigwarda l-vitamina B5, li ġie attribwit lilha mid-Deċiżjoni u lanqas ma tikkontesta l-evalwazzjonijiet li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li dan il-ksur kien gravi ħafna u li kienu jirrigwardaw in-natura tal-ksur, l-effett reali tiegħu fuq is-suq u l-firxa tas-suq ġeografiku in kwistjoni (premessi 662 sa 674 tad-Deċiżjoni).

53     Barra minn dan, ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta l-kriterju li l-Kummissjoni adottat għal dan il-każ (premessa 675), jiġifieri li għall-finijiet ta' l-iffissar ta' l-ammont tat-tluq tal-multi għandu jittieħed in kunsiderazzjoni d-daqs tad-diversi swieq tal-prodotti tal-vitamini kkonċernati. Dan il-kriterju ġie essenzjalment applikat permezz ta' l-aġġustament, skond id-daqs ta' kull suq, ta' l-ammont tat-tluq tal-multa assoċjata ma’ l-ewwel kategorija ta' impriżi li l-Kummissjoni ħalqet għal kull wieħed mill-ksur.

54     Il-kritika li r-rikorrenti tagħmel f'dan ir-rigward tirrigwarda t-trattament differenzjat li ġie applikat, għal-finijiet tad-determinazzjoni ta' l-ammonti tat-tluq individwali, lill-membri li ħadu sehem fl-akkordju li jirrigwarda l-vitamina B5, skond ir-raba' u s-sitt premessa tal-Punt 1A tal-linji gwida.

55     Mill-premessi 679 sa 681 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni, f'dan il-każ, għamlet dan it-trattament differenzjat skond il-metodu tal-qsim ta' l-impriżi f'kategoriji, adottat bħala kriterju tal-qsim dak ta' l-importanza relattiva li l-impriżi kkonċernati kellhom fis-suq ikkonċernat u li, sabiex tapplika dan il-kriterju, hija użat l-informazzjoni li tirrigwarda l-fatturati dinjin tal-prodotti in kwistjoni.

56     Ir-rikorrenti ma tikkontestax il-prinċipju li l-membri li jieħdu sehem f'akkordju jiġu kklassifikati f'kategoriji differenti u li l-ammont tat-tluq tal-multa jkun l-istess għall-membri li jaqgħu taħt l-istess kategorija. Dak li tikkontesta huwa l-mod speċifiku ta' kif hija ġiet ikklassifikata, jiġifieri l-fatt li hija ġiet ikklassifikata fl-ewwel kategorija flimkien ma’ Roche filwaqt li BASF ġiet ikklassifikata fit-tieni kategorija. Hija ssostni, preliminarjament, li kellha tiġi kklassifikata fit-tielet kategorija wara Roche u BASF (l-ewwel parti), sussidjarjament, li kellha tiġi kklassifikata fit-tieni kategorija flimkien ma’ BASF (it-tieni parti) u, sussidjarjament ukoll, li kellha tiġi kklassifikata f'kategorija intermedja bejn Roche u BASF (it-tielet parti).

 Fuq l-ewwel parti

57     Permezz ta' l-ewwel parti ta' dan il-motiv ir-rikorrenti essenzjalment tallega li, meta għamlet il-klassifikazzjoni f'kategoriji tal-membri li ħadu sehem fl-akkordju li jirrigwarda l-vitamina B5, l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni u applikat ħażin il-kriterju tal-kapaċità ekonomika effettiva li jiġi kkawżat dannu kunsiderevoli lill-operaturi l-oħra, previst fir-raba' paragrafu tal-Punt 1A tal-linji gwida. Il-Kummissjoni naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni żewġ elementi, li skond ir-rikorrenti, kienu ta' importanza vitali għal-finijiet tal-paragun ta' din il-kapaċità tat-tliet impriżi kkonċernati: minn naħa, il-fatt li Roche u BASF, peress li huma vertikalment integrati kienu f'pożizzjoni, billi jgħollu l-prezz tal-vitamina B 5, li jirrestrinġu l-marġni tal-kompetituri tagħhom fis-suq prinċipali tal-pre-mixes; min-naħa l-oħra, l-fatt li dawn l-istess impriżi, peress li jipproduċu serje wiesgħa ta' vitamini, kienu f'pożizzjoni li japplikaw prezzijiet predatorji fis-suq tal-vitamina B5 billi jagħmlu tajjeb għal dan it-telf billi jgħollu l-prezz ta' vitamini oħra.

58     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-analiżi tal-"kapaċità ekonomika effettiva ta' l-awturi tal-ksur li jikkawżaw dannu serju lil operaturi oħrajn, b’mod partikolari lill-konsumaturi" – analiżi li l-Kummissjoni għandha tagħmel, f'konformità mar-raba' paragrafu tal-Punt 1A tal-linji gwida, in kwantu element "neċessarju" ta' l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur – timplika evalwazzjoni ta' l-importanza reali li l-impriżi kkonċernati kellhom fuq is-suq effetwat, jiġifieri ta' l-influenza tagħhom fuq dan ta' l-aħħar. F'dan il-kuntest, l-ishma tas-suq, f'valur jew f'volum, li l-impriżi in kwistjoni għandhom fis-suq ikkonċernat huma element rilevanti ta' evalwazzjoni peress li dawn jippermettu li tiġi ddeterminata l-importanza relattiva li kull waħda minnhom kellha f'dan is-suq (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 139, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T-220/00, Ġabra p. II-2473, punt 88).

59     Issa, ir-rikorrenti la tikkontesta r-rilevanza, fil-kuntest ta' l-applikazzjoni tar-raba' paragrafu tal-Punt 1A tal-linji gwida għal din il-kwistjoni, ta' l-importanza relattiva li l-impriżi kellhom fis-suq ikkonċernat u lanqas ma tikkontesta t-teħid in kunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni ta' din l-importanza, tal-fatturati jew ta' l-ishma tas-suq korrispondenti li jirrigwardaw is-suq dinji tal-vitamina B5. Hija, fl-ewwel parti ta' dan il-motiv, tikkontesta biss li l-Kummissjoni naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni l-integrazzjoni vertikali u l-firxa tas-serje ta' vitamini ta' Roche u ta' BASF.

60     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li huwa minnu li s-sehem tas-suq ta' impriża jirrappreżenta indizzju approssimattiv ta' l-influwenza li din għandha fis-suq u li, bħal ma huwa l-każ, per eżempju, matul l-evalwazzjoni ta' pożizzjoni dominanti skond l-artikolu 82 KE, ta' ċirkustanzi oħra li jistgħu jkunu mportanti sabiex tiġi mifhuma, b'mod iktar komplet u preċiż, il-firxa ta' tali influwenza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 48).

61     Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li, għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-gravità ta' dan il-ksur u ta' l-iffissar ta' l-ammont tat-tluq tal-multa, il-Kummissjoni tista’ tibbaża l-evalwazzjoni tagħha tal-kapaċità ta' l-awturi tal-ksur li jikkawżaw dannu kunsiderevoli lil operaturi oħra fuq l-informazzjoni li tirrigwarda l-fatturat u fuq l-ishma fis-suq ikkonċernat, sakemm ċirkustanzi partikolari, bħal, per eżempju, il-karatteristiċi ta' dan is-suq, ma jkunux ta' natura tali li jnaqqsu kunsiderevolment in-natura sinjifikattiva ta' din l-informazzjoni u jimponu, f'dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni ta' l-influwenza li l-imprizi għandhom fis-suq, it-teħid in kunsiderazzjoni ta' fatturi oħra rilevanti.

62     Madankollu, f'dan il-każ ir-rikorrenti – li, fuq kollox, matul is-seduta ammettiet li l-klassifikazzjoni f'kategoriji bbażata fuq il-fatturat mondjali għall-vitamina B5 kien jaqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – ma sostnietx tali ċirkustanzi partikolari.

63     Fil-fatt, għalkemm l-integrazzjoni vertikali u l-firxa tas-serje ta' prodotti jistgħu, f'ċerti ċirkustanzi, jikkostitwixxu elementi rilevanti għall-evalwazzjoni ta' l-influwenza li impriża tista' teżerċita fuq is-suq u jikkostitwixxu, flimkien ma' l-ishma tas-suq, indizzji addizzjonali ta' din l-influwenza (ara, per eżempju, f'dak li jirrigwarda l-integrazzjoni vertikali, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Frar 1978, United Brands vs Il-Kummissjoni, 27/76, Ġabra p. 207, punti 67 sa 72 u 78 sa 81, u, f'dak li jirrigwarda l-firxa tas-serje ta' prodotti, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punti 55 u 56), madankollu xorta għandu jiġi kkonstatat li, f'dan il-każ, l-argumenti li r-rikorrenti tibbaża fuq l-integrazzjoni vertikali u fuq il-firxa tas-serje ta' prodotti ta' Roche u ta' BASF ma jipprovawx li, fis-suq ikkonċernat, dawn kellhom vantaġġi ta' kompetizzjoni partikolari u sinjifikattivi.

64     Għalhekk, f'dak li jirrigwarda l-integrazzjoni vertikali, ir-rikorrenti sempliċement tallega li Roche u BASF setgħu, billi jżidu l-prezz tal-vitamina B5, jirrestrinġu l-marġni tal-produtturi tal-pre-mixes, xerrejja ta' din il-vitamina u kompetituri ta' Roche u ta' BASF fis-suq prinċipali tal-pre-mixes. F'dan ir-rigward għandu jiġi osservat li anki r-rikorrenti, in kwantu fornitur tal-vitamina B5, kienet f'pożizzjoni li tagħmel dan, bid-differenza li peress li hija ma kinitx attiva fis-suq tal-pre-mixes, hija ma setgħetx tibbenefika minn dan sabiex issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fis-suq prinċipali. Madankollu, din id-differenza iktar taqa' taħt il-motivazzjonijiet li t-tliet produtturi seta' kellhom li jgħollu l-prezz tal-vitamina B5 milli fil-kamp ta' l-influwenza li dawn setgħu jeżerċitaw fis-suq ta' dan il-prodott.

65     F'dak li jirrigwarda l-firxa tas-serje ta' vitamini offruti, ir-rikorrenti tirreferi għaliha sabiex issostni li Roche u BASF kienu f'pożizzjoni li jimponu prezzijiet predatorji għall-vitamina B5 minħabba d-dħul li huma setgħu jagħmlu mis-swieq tal-vitamini l-oħra, li jikkostitwixxu swieq distinti iżda strettament interkonnessi. F'dan ir-rigward, ikun biżżejjed li jiġi osservat li l-kapaċità li jinżammu prezzijiet predatorji ma tistax tiġi preżunta biss abbażi tal-fatt li l-impriża in kwistjoni tipproduċi serje ta' prodotti relatati li hija usa minn dik tal-kompetituri tagħha. Barra minn dan, peress li, fil-kuntest ta' l-argumenti tagħha, ir-rikorrenti tenfasizza li hija tipproduċi biss żewġ vitamini, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-premessi 107 u 108 tad-Deċiżjoni, il-produzzjoni tar-rikorrenti ma kinitx limitata għall-vitamini B5 u B6 iżda kienet tinkludi "serje wiesgħa ta' prodotti farmaċewtiċi suġġetti għal preskrizjoni medika, ta' prodotti tas-saħħa li jinbiegħu mingħajr riċetta u ta' prodotti veterinarji" u li, fl-1998, l-aħħar sena sħiħa tal-ksur li jirrigwarda l-vitamina B5, il-bejgħ totali tagħha kien ta' ECU 1920 miljun, li minnhom biss ECU 43 miljun kienu dovuti, skond it-tabella li tidher fil-premessa 123 tad-Deċiżjoni, għal-bejgħ tal-vitamina B5. Madankollu, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma spjegat għalfejn eventwali gwerra tal-prezzijiet ta' prodott tista’ tiġi ssussidjata biss permezz tad-dħul li jkun ġej mill-bejgħ ta' prodotti relatati.

66     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni jew li kisret il-linji gwida billi, fil-klassifikazzjoni f'kategoriji tal-membri li ħadu sehem fl-akkordju li jirrigwarda l-vitamina B5, hija ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-preżenza ta' Roche u ta' BASF fis-suq tal-pre-mixes u fuq numru kunsiderevoli ta' swieq tal-prodotti tal-vitamini. Konsegwentement, l-ewwel parti ta' dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni u t-tielet partijiet

67     Fil-kuntest tat-tieni parti ta' dan il-motiv ir-rikorrenti ssostni li l-applikazzjoni tal-kriterju adottat fid-Deċiżjoni, jiġifieri dak li jikkonsisti fl-evalwazzjoni ta' l-importanza relattiva li l-membri ta' l-akkordju kellhom fis-suq ikkonċernat abbażi ta' l-informazzjoni li tirrigwarda l-fatturat dinji u l-ishma tas-suq dinji għall-aħħar sena sħiħa tal-ksur, kellu jwassal lill-Kummissjoni sabiex tikklassifika lil Daiichi fit-tieni kategorija flimkien ma’ BASF. Il-klassifikazzjoni tagħha fl-ewwel kategorija flimkien ma’ Roche hija r-riżultat ta' żball manifest ta' evalwazzjoni u hija inkompatibbli mal-prinċipju ta' trattament ugwali.

68     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li dawn l-ilmenti tar-rikorrenti huma bbażati, fil-parti l-kbira tagħhom, fuq il-premessa żbaljata li tgħid li fid-Deċiżjoni l-Kummissjoni evalwat l-importanza relattiva li l-impriżi kellhom fis-suq ikkonċernat billi użat l-informazzjoni li tirrigwarda s-sena 1998.

69     Huwa minnu li, fil-premessa 681 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li hija kienet qiegħda tieħu in kunsiderazzjoni "l-informazzjoni li tirrigwarda l-fatturat dinji li l-prodott in kwistjoni ġġenera matul l-aħħar sena sħiħa tal-ksur", jiġifieri, f'dan il-każ, is-sena 1998 f'dak li jirrigwarda l-vitamina B5.

70     Madankollu, fid-dawl ta' siltiet oħra tad-Deċiżjoni – u l-konvenuta essenzjalment ikkonfermat dan fir-risposta għall-mistoqsija bil-miktub li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura - jidher li, sabiex tikklassifika l-impriżi f'kategoriji, għal kull wieħed mid-diversi ksur li għalihom fid-Deċiżjoni ġie deċiż li jsir it-tqassim f'kategoriji, il-Kummissjoni, fil-verità, ibbażat ruħha fuq l-ishma tas-suq li dawn l-impriżi kellhom fuq livell dinji għall-perijodu kollu li matulu dam għaddej il-ksur.

71     Fil-fatt il-premessa 682 tad-Deċiżjoni tippreċiża li "il-fatturi użati għall-klassifikazzjoni tal-produtturi f'diversi kategoriji" huma indikati "separatament għal kull waħda mill-vitamini" fil-premessi 683 sa 696.

72     Minn dawn il-premessi jirriżulta, f'dak li jikkonċerna kull wieħed mill-ksur li jirrigwardaw il-vitamini A, E, B2, B5, C u D3, li l-Kummissjoni stabbilixxiet żewġ kategoriji "abbażi tal-kriterju ta' l-importanza relattiva li l-impriżi kellhom fis-suq" u ffissat l-ammont tat-tluq "fid-dawl ta' dawn il-kategoriji". Għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta' kull impriża fl-ewwel jew fit-tieni kategorija ta' kull ksur, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-informazzjoni li tirrigwarda l-ishma tas-suq. Madankollu, fid-dawl ta' l-informazzjoni riprodotta fil-premessi 691 u 693 tad-Deċiżjoni, jirriżulta li dawn l-ishma tas-suq ma nkisbux permezz tal-fatturati dinjin li l-prodotti in kwistjoni ġġeneraw matul l-aħħar sena sħiħa tal-ksur (ippubblikati mingħajr parenteżi fit-tieni kolonna tat-tabelli li jirrigwardaw id-diversi swieq tal-prodotti tal-vitamini li jinsabu fil-premessa 123 tad-Deċiżjoni), iżda jikkostitwixxu l-ishma tas-suq medji li l-impriżi kellhom matul, essenzjalment, il-perijodu kollu li matulu dam għaddej il-ksur (peress li l-ishma tas-suq medji huma dawk ippubblikati fil-parenteżi fit-tieni kolonna ta' l-imsemmija tabelli).

73     F'dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi kkonstatat li r-riferiment għall-aħħar sena sħiħa tal-ksur, li jinsab fil-premessa 681 tad-Deċiżjoni, huwa żball fil-kitba, huwa irrilevanti u għalhekk mhuwiex parti integrali mill-motivazzjoni wara l-klassifikazzjoni ta' l-impriżi f'kategorija jew oħra.

74     Barra minn dan għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tikkontestax ir-rilevanza, għall-finijiet tat-tqassim ta' l-impriżi f'kategoriji abbażi ta' l-importanza relattiva li huma kellhom fis-suq ikkonċernat, tat-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-informazzjoni li tirrigwarda l-perijodu kollu tal-ksur. Barra minn hekk, din ir-rilevanza ma tistax tiġi serjament ikkontestata peress li l-Kummissjoni kellha tevalwa l-gravità tal-ksur li kull waħda mill-impriżi wettqet matul perijodu li jestendi fuq diversi snin. Huwa għalhekk li fis-sottomissjonijiet tagħha, filwaqt li osservat li t-tqassim f'kategoriji magħmul fid-Deċiżjoni ma kienx ibbażat fuq l-informazzjoni li tirrigwarda l-perijodu kollu tal-ksur, ir-rikorrenti madankollu sostniet, mingħajr ma kkontestat il-fondatezza tiegħu, li t-teħid in kunsiderazzjoni ta' din l-informazzjoni kien xorta waħda jwassal għall-konklużjoni li l-prinċipju ta' trattament ugwali kien jimponi li hija tiġi kklassifikata fit-tieni kategorija flimkien ma BASF (ara l-punt 44, fl-aħħar, iktar 'il fuq).

75     Matul is-seduta r-rikorrenti kkontestat l-affidabbiltà taċ-ċifri li jinsabu fid-Deċiżjoni u li jirrigwardaw l-ishma tas-suq li l-impriżi kellhom matul il-perijodu kollu tal-ksur. Filwaqt li enfasizzat li l-oriġini ta' dawn iċ-ċifri ma kinitx magħrufa, peress li dawn qatt ma ġew ipprovduti lill-Kummissjoni, ir-rikorrenti indikat li dawn setgħu jkunu biss stimi magħmulin mill-Kummissjoni, stimi li madankollu ma setgħux, fin-nuqqas ta' verifika, jikkostitwixxu elementi ta' prova li jistgħu jintużaw.

76     Din ir-raġuni tressqet tard u għalhekk, skond l-Artikolu 48(2) tar-regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, mhijiex ammissibbli. Fil-fatt, ir-rikorrenti diġà kienet f'pożizzjoni li tagħmilha fl-istadju tar-rikors, fejn bil-kontra ta' dan hija saħansitra bbażat ruħha, b'mod partikolari, fuq l-informazzjoni li tirrigwarda l-perijodu kollu tal-ksur – u partikolarment fuq l-ishma tas-suq taż-ŻEE li l-partijiet kellhom matul il-perijodu 1991-1998, ippubblikati fit-tielet kolonna tat-tabella li tirrigwarda l-vitamina B5 li tinsab fil-premessa 123 tad-Deċiżjoni – sabiex issostni l-arġument tagħha bbażat, fil-kuntest tat-tieni parti ta' dan il-motiv, fuq żball manifest ta' evalwazzjoni (ara l-punt 41 iktar 'il fuq). F'kull każ, anki li kieku kellha titqies ammissibbli, din l-eċċezzjoni ma tistax tintlaqa’ peress li, fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tillimità ruħha għal kritika vaga ta' l-affidabbiltà ta' l-informazzjoni in kwistjoni mingħajr ma tipprovdi l-iċken prova li tippermetti li l-eżattezza tagħha tiġi kkontestata.

77     Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li għandhom jiġu miċħuda l-argumenti li fuqhom ir-rikorrenti tibbaża ruħha, fil-kuntest tat-tieni parti ta' dan il-motiv, dwar il-paragun suċċessiv tal-fatturati dinjin, ta' l-ishma tas-suq dinji, tal-fatturati fiż-ŻEE u ta' l-ishma tas-suq taż-ŻEE tal-membri li ħadu sehem fl-akkordu tal-vitamina B5 għas-sena 1998 (ara l-punti 38 sa 41 iktar 'il fuq).

78     F'dak li jirrigwarda l-paragun ta' l-ishma tas-suq taż-ŻEE għall-perijodu tal-ksur 1991-1998 li r-rikorrenti għamlet fl-istess kuntest (ara l-punt 41 iktar 'il fuq), dan ukoll mhuwiex rilevanti, sa fejn ir-rikorrenti ma tikkontestax l-għażla li l-Kummissjoni għamlet f'dan il-każ li tibbaża ruħha, fl-applikazzjoni ta' trattament differenzjat fl-istadju ta' l-iffissar ta' l-ammonti ta' tluq, fuq il-fatturati jew fuq l-ishma tas-suq dinjin tal-prodotti tal-vitamini kkonċernati. Barra minn hekk, din l-għażla ma tistax tiġi kkritikata minħabba, minn naħa, id-dimensjoni dinjija tas-suq ġeografiku in kwistjoni (ara l-premessa 73 tad-Deċiżjoni), li r-rikorrenti ma kkontestax, u min-naħa l-oħra, id-dimensjoni dinjija ta' l-akkordju nnifsu. Barra minn hekk, jista' jiġi osservat li l-akkordju in kwistjoni kellu bħala skop, b'mod partikolari, l-attribuzzjoni tal-kwoti tal-bejgħ dinjin u reġjonali (fosthom kwota Ewropea) lid-diversi parteċipanti (ara l-premessi 301 u 305 tad-Deċiżjoni), u dan kien inaqqas ir-relevanza tal-fatturat jew tas-sehem tas-suq fuq il-livell taż-ŻEE anki li kieku l-firxa ġeografika tas-suq tal-prodott ikkonċernat kienet limitata għat-territorju taż-ŻEE (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta' April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T-236/01, T-239/01, T-244/01, T-246/01, T-251/01 u T-252/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 195 sa 200).

79     Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ssostnix li evalwazzjoni korretta ta' l-importanza relattiva li l-impriżi kellhom fis-suq dinji tal-vitamina B5 fid-dawl ta' l-ishma medji li dawn kellhom fuq livell dinji matul il-perijodu kollu tal-ksur kienet teżiġi li hija tiġi kklassifikata fit-tieni kategorija flimkien ma’ BASF. Bil-kontra ta' dan, hija stess kellha tammetti li, abbażi ta' din l-informazzjoni, il-pożizzjoni tagħha (29%) kienet eqreb, anki jekk b'punt perċentwali wieħed biss, lejn dik ta' Roche (36%) milli lejn dik ta' BASF (21%) (ara l-punt 41 iktar 'il fuq).

80     Għalhekk ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta ma kklassifikathiex fit-tieni kategorija flimkien ma’ BASF.

81     Wara dan għandhom jiġu eżaminati flimkien l-ilmenti bbażati, fil-kuntest tat-tieni parti ta' dan il-motiv, fuq il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali u, fil-kuntest tat-tielet parti ta' dan il-motiv, fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità. Dawn l-ilmenti ser jiġu eżaminati biss safejn dawn jistgħu jkunu rilevanti, jiġifieri safejn dawn huma bbażati, b’titolu sussidjarju, fuq l-informazzjoni li tirrigwarda l-ishma tas-suq li l-impriżi kkonċernati kellhom fis-suq dinji matul il-perijodu kollu tal-ksur.

82     Ir-rikorrenti ssostni li kien hemm ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali minħabba l-fatt li, f'dak li jikkonċerna l-ksur li jirrigwarda l-vitamina B5, hija ġiet ikklassifikata fl-ewwel kategorija ma’ Roche, filwaqt li s-sitwazzjoni tagħha ma kinitx komparabbli ma’ dik ta' din l-impriża, u li hija ġiet ittrattata b'mod differenti minn BASF, filwaqt li s-sitwazzjoni ta' din ta' l-aħħar kienet paragunabbli mas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kuntest tal-ksur li jirrigwarda l-vitamina B5 (ara l-punt 44 iktar 'il fuq). Fl-aħħar nett, il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità jirriżulta mill-fatt li r-rikorrenti ma ġietx ikklassifikata f'kategorija intermedja bejn dik ta' Roche u dik ta' BASF.

83     F'dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat il-fatt li r-rikorrenti ma tikkontestax il-metodu, fih innifsu, li jikkonsisti f'li l-membri li ħadu sehem fl-akkordju jiġu mqassma f'kategoriji sabiex, fl-istadju ta' l-iffissar ta' l-ammont tat-tluq tal-multi, jiġi applikat trattament differenzjat. Issa, dan il-metodu, li l-prinċipju tiegħu ġie, min-naħa l-oħra, ikkonvalidat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza anki minkejja li jinjora d-differenzi ta' daqs bejn l-impriżi ta' l-istess kategorija (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T-213/00, Ġabra p. II-913, punt 385, u Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 217), iġib miegħu l-adozzjoni ta' rata fissa ta' l-ammont tat-tluq iffissat għall-impriżi li jaqgħu taħt l-istess kategorija.

84     Huwa stabbilit li tali tqassim f'kategoriji għandu jirrispetta l-prinċipju ta' trattament ugwali li jgħid li huwa pprojbit li sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm dan it-trattament mhuwiex oġġettivament iġġustifikat. Min-naħa l-oħra, skond il-ġurisprudenza, l-ammont tal-multi għandu, minn ta' l-anqas, ikun proporzjonali b’rispett ta' l-elementi kkunsidrati sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur (ara s-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 219, u l-ġurisprudenza ċċitata).

85     Sabiex tivverifika jekk it-tqassim tal-membri ta' akkordju f'kategoriji huwiex konformi mal-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' proporzjonalità, il-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-kuntest ta' l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta' l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li l-Kummissjoni għandha f'dan ir-rigward, għandha madankollu tillimita ruħha li tistħarreġ li dan it-tqassim huwa koerenti u oġġettivament iġġustifikat (sentenzi CMA CGM et vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 406 u 461, u Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 220 u 222), mingħajr ma tissostitwixxi mill-ewwel l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni.

86     Issa, f'dan il-każ, ħlief għall-ksur li jirrigwarda l-beta-karoten u l-karotenojdi, li għalih hija qieset li ma kienx hemm bżonn li jiġu stabbiliti kategoriji (ara l-premessi 695 u 696 tad-Deċiżjoni), il-Kummissjoni għamlet, għal kull ksur ikkonstatat fid-Deċiżjoni, tqassim f'żewġ kategoriji: l-ewwel kategorija, li tinkludi l-produttur prinċipali jew il-produtturi prinċipali tal-vitamina kkonċernata fis-suq dinji, u t-tieni kategorija, li tinkludi l-produttur jew il-produtturi l-oħrajn ta' din il-vitamina "li l-ishma tas-suq tagħhom kienu kunsiderevolment inferjuri" (ara l-premessi 683, 685, 687, 689, 691 u 693 tad-Deċiżjoni).

87     Għandu jiġi kkunsidrat li t-tqassim tal-produtturi f'żewġ kategoriji, il-prinċipali u l-oħrajn, huwa mod raġonevoli ta' kif tittieħed in kunsiderazzjoni l-importanza relattiva li dawn il-produtturi għandhom fis-suq sabiex jiġi stabbilit l-ammont tat-tluq, sakemm dan ma jwassalx għal rappreżentazzjoni distorta ħafna tas-suq in kwistjoni. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li, fis-sentenza British Sugar (punt 46 iktar 'il fuq), il-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħa wiesgħa diskrezzjonali tagħha, iddeċidiet li tadotta metodu ieħor ta' tqassim billi ddeċidiet li tistabbilixxi tliet kategoriji minflok tnejn, peress li n-numru ta' operaturi li kienu s-suġġett ta' dik id-deċiżjoni u d-distribuzzjoni ta' l-ishma tas-suq tagħhom kienu, barra minn hekk, differenti b’rispett ta' dawk li jikkaratterizzaw dan il-każ.

88     F'dak li jirrigwarda l-implementazzjoni, ksur bi ksur, ta' dan il-metodu ta' tqassim użat fid-Deċiżjoni, filwaqt li bbażat ruħha fuq l-ishma tas-suq fuq il-livell dinji, dedotti direttament mill-fatturati dinjin li tal-prodott għall-perijodu kollu tal-ksur, il-Kummissjoni qassmet lill-operaturi fil-kategoriji msemmijin iktar 'il fuq kif ġej:


Vitamini

L-ewwel kategorija

Produttur/Produtturi prinċipali

(ishma tas-suq)

It-tieni kategorija

Produttur/produtturi oħrajn

(ishma tas-suq)

Vitamina A

44 %

32 % – 20 %

Vitamina E

43 % – 29 %

14 % – 10 %

Vitamina B 2

47 %

29% – 12 %

Vitamina B 5

36 % – 29 %

21 %

Vitamina C

40 % – 24 %

8 % – 6%

Vitamina D 3

40 % – 32 %

15 % – 9 %


89     Minn din l-informazzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni dejjem stabbilixxiet il-livell skond fejn kienet tinsab id-differenza massima, anki jekk id-differenza hija ta' punt perċentwali. Il-kategorija tal-produtturi prinċipali ġiet limitata għal impriża waħda biss meta din kellha ishma tas-suq għoljin ħafna (44% u 47%). Għalkemm huwa minnu li ishma tas-suq ta' 29% ġew ikkunsidrati li jaqgħu kemm taħt l-ewwel kif ukoll taħt it-tieni kategorija, madankollu l-pożizzjoni relattiva ta' l-impriża li kellha dawn l-ishma kienet differenti: il-klassifikazzjoni fit-tieni kategorija kienet tikkorrispondi għal differenza ta' 18 il-punt perċentwali b’rispett tal-produttur prinċipali (vitamina B2), kontra differenza ta' 7 u 14-il punt perċentwali biss għall-klassifikazzjoni fl-ewwel kategorija (vitamini B5 u E). L-uniku każ fejn ishma tas-suq ta' 24% ġġustifikaw li impriża tiġi kklassifikata bħala "produttur prinċipali" (vitamina C) kien meta kien hemm biss 16-il punt perċentwali ta' differenza b’rispett ta' l-impriża ewlenija tas-suq u fejn il-pożizzjoni tal-produtturi l-oħra kienet marġinali ħafna (8 u 6%).

90     F'dak li jirrigwarda, b'mod partikolari, il-ksur li jirrigwarda l-vitamina B5, id-differenza minima li kien hemm bejn Roche, l-impriża ewlenija, u r-rikorrenti (7 punti perċentwali), minħabba li Roche ma kellhiex ishma tas-suq partikolarment għoljin, ippermettiet lill-Kummissjoni, b'mod kompletament koerenti u oġġettiv u għalhekk mingħajr ma tikser il-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' proporzjonalità, tittratta lir-rikorrenti bl-istess mod bħal impriża ewlenija u b'mod differenti mit-tielet impriża BASF, jiġifieri bħala "produttur prinċipali" u, għaldaqstant, li tistabbilixxi għaliha ammont tat-tluq bħal dak ta' Roche, għola mill-ammont tat-tluq impost lil BASF.

91     F'dak li jirrigwarda, b'mod partikolari, il-paragun li r-rikorrenti għamlet bejn is-sitwazzjoni tagħha fil-ksur li jirrigwarda l-vitamina B5 u dik ta' BASF fil-ksur li jirrigwarda l-vitamina B2, ma jistax jiġi meqjus, kif ġustament tosserva l-konvenuta, li dawn is-sitwazzjonijiet kienu paragunabbli kemm minħabba s-sehem tas-suq (29%) li kull waħda mill-impriżi rispettivament kellhom f'suq jew f'ieħor matul il-perijodu kollu tal-ksur, kif ukoll minħabba li t-tnejn li huma kienu, kemm f'suq kif ukoll fl-ieħor, bejn wieħed u ieħor nofs triq bejn l-ewwel u t-tielet impriża.

92     Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni kienet qiegħda tevalwa, f'termini relattivi, l-importanza ta' l-impriżi fuq kull suq, iż-żewġ ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti ma jistgħux jiġu evalwati mingħajr ma tittieħed in kunsiderazzjoni d-distribuzzjoni ta' l-ishma tas-suq. Issa, din id-distribuzzjoni, fiż-żewġ każijiet eżaminati, ma kinitx paragunabbli. Minn naħa, il-pożizzjoni ta' l-impriża ewlenija kienet evidentement iktar b'saħħita fil-ksur li jirrigwarda l-vitamina B2. Min-naħa l-oħra, fil-każ tal-ksur li jirrigwarda l-vitamina B2, is-sehem tas-suq ta' BASF (29%, l-istess bħal ma kellha Daiichi fis-suq tal-vitamina B5) kien eqreb lejn dak tat-tielet operatur (12%) milli lejn dak ta' l-operatur ewlieni (47%), dawn kienu separati minn xulxin rispettivament bi 17 u bi 18-il punt perċentwali; min-naħa l-oħra, f'dak li jirrigwarda l-infrazzjoni li tirrigwarda l-vitamina B5, kif ġie osservat iktar 'il fuq, is-sehem tas-suq ta' Daiichi (29%) kien eqreb lejn dak ta' l-operatur ewlieni (Roche, 36%) milli lejn dak tat-tielet operatur (BASF, 21%), dawn kienu separati minn xulxin rispettivament b'7 u bi 8 punti perċentwali.

93     Għalhekk, anki jekk jiġi meqjus li, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni ta' l-Artikolu 81KE, ksur tal-prinċipju ta' trattament uġwali jista' jiġi invokat ’il barra mill-każ ta' leżjoni ta' trattament uġwali bejn membri li ħadu seħem fl-istess akkordju, madankollu ma jidhirx li l-fatt li r-rikorrenti, għall-ksur li jirrigwarda l-vitamina B5, u BASF, għall-ksur li jirrigwarda l-vitamina B2, kienu suġġetti għal klassifikazzjoni differenti huwa nieqes minn ġustifikazzjoni oġġettiva u għalhekk ma jiksirx l-imsemmi prinċipju.

94     Għalhekk it-tieni u t-tielet partijiet ta' dan il-motiv għandhom jiġu miċħuda.

95     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmulin iktar 'il fuq, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu.

2.     Fuq it-tieni motiv, li jirrigwarda l-użu tal-fatt li r-rikorrenti implementat l-akkordji biss parzjalment bħala ċirkustanza attenwanti

 L-Argumenti tal-partijiet

96     Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni, "applikat ħażin il-liġi għall-fatti" u kisret il-linji gwida minħabba li ma aċċettatx il-fatt li Daiichi implementat biss parzjalment l-akkordji li jirrigwardaw il-vitamina B5 bħala ċirkustanza attenwanti li tiġġustifika tnaqqis sostanzjali ta' l-ammont bażi tal-multa (ara l-punt 18 iktar 'il fuq).

97     Hija tfakkar li skond il-linji gwida, in-"nuqqas ta' implementazzjoni fil-prattika tal-ftehim jew prattiċi lleċiti" jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti li għandha bħala konsegwenza loġika tnaqqis ta' l-ammont ta' l-amenda. Fil-fatt hija politika tajba li, lill-impriża li tkun kompletament jew parzjalment ostakolat l-akkordju, il-Kummissjoni timponi multa li tkun relattivament inferjuri minn dik imposta fuq impriża li rrispettat kompletament it-termini ta' l-akkordju u li minħabba f'hekk kienet ta' dannu kbir għall-kompetizzjoni.

98     L-ewwel nett, ir-rikorrenti tallega li, fid-dikjarazzjoni formali li hija, minn jeddha, bagħtet lill-Kummissjoni fid-9 ta' Lulju 1999 u fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, hija wriet li, b'mod partikolari billi ma implementatx jew billi dewmet l-implementazzjoni taż-żidiet tal-prezzijiet miftehma, hija naqqset l-effetti ta' dawn l-aħħar żidiet.

99     It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li hija ma llimitatx il-produzzjoni kif kien ġie miftiehem fil-kuntest ta' l-akkordju, iżda li pjuttost regolarment qabżet il-baġit li kien ġie allokat lilha għall-Ewropa fi proporzjonijiet ikbar minn ta' Roche u BASF, u b'hekk ikkontribwiet sabiex tiġi sodisfatta d-domanda tal-klijenti u li tonqos il-pressjoni fuq il-prezz. Barra minn hekk, għal diversi snin hija esportat lejn l-Ewropa iktar D-pantotenat tal-kalċju (aċidu pantoteliku pur, iktar 'il quddiem "D-Calpan") milli kienet tiddikjara lil Roche u lil BASF fil-kuntest ta' l-iskambji ta' informazzjoni fi ħdan l-akkordju.

100   Hija tikkuntesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni, li tidher fil-premessa 729 tad-Deċiżjoni, li tgħid li l-membri li ħadu sehem fl-akkordju kienu jikkunsidraw il-kwantitajiet allokati lilhom bħala kwantitajiet minimi. Fil-fatt, f'dak li jirrigwarda l-vitamina B5, din id-dikjarazzjoni hija kkontradetta mill-elementi ta' prova li r-rikorrenti pprovdiet lill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tagħha tad-9 ta' Lulju 1999, li juru li l-kwantitajiet allokati kienu kwoti li ma setgħux jinqabżu b'mod sinjifikattiv.

101   It-tielet nett, sabiex issostni l-allegazzjonijiet tagħha li hija implementat l-akkordji biss parzjalment u sabiex turi li dan ma kienx tentattiv li tisfrutta l-akkordju favuriha, iżda li kien tentattiv sabiex jiġu limitati l-effetti negattivi ta' l-inizjattivi li jirrigwardaw il-volum u l-prezz, ir-rikorrenti tenfasizza li hija ma kellha l-ebda raġuni ekonomika diretta sabiex tieħu sehem fil-kooperazzjoni li tirrigwarda l-vitamina B5, u li ħadet sehem fiha biss minħabba l-biża’ ta' ritorsjoni min-naħa ta' Roche li setgħet tipprova teliminaha mis-suq ta' din il-vitamina. Fil-fatt, ir-rikorrenti tallega li hija ma kinitx ħerqana wisq li żżid il-prezzijiet tad-D-Calpan. Minn naħa, hija kienet tibża’ li l-produtturi tal-pre-mixes iduru għad-D-Calpan importat miċ-Ċina jew għad-DL-pantotenat tal-kalċju (prodott ta' sostituzzjoni, kompost, sa 45% minnhu, minn D-Calpan u użat biss fl-għalf ta' l-annimali) importat mill-Ġappun jew mill-Ewropa ta’ lvant. Min-naħa l-oħra, hija kienet tibża’ li l-kapaċità tal-produtturi indipendenti tal-pre-mixes li jikkompetu ma’ Roche u ma’ BASF fil-bejgħ tal-pre-mixes tagħhom lill-produtturi ta' l-għalf għall-annimali setgħet tiddgħajjef, u b'dan il-mod titgħaġġel it-tendenza li dawn il-produtturi, li kienu l-klijenti prinċipali tar-rikorrenti għad-D-Calpan li hija tbiegħ fl-Ewropa, jiġu eliminati mis-suq.

102   Il-konvenuta ssostni li hija kienet ġusta meta fid-Deċiżjoni rrifjutat li tagħraf lir-rikorrenti ċ-ċirkustanza attenwanti invokata u tirreferi għall-evalwazzjonijiet magħmula fil-premessi 728 u 729 tad-Deċiżjoni (ara l-punt 18 iktar 'il fuq). Hija tgħid ukoll li l-linji gwida jelenkaw, fost iċ-ċirkustanzi attenwanti, in-"nuqqas ta' implementazzjoni fil-prattika tal-ftehim jew prattiċi lleċiti" u tosserva li f'dan il-każ l-imġiba tar-rikorrenti ma tistax tiġi kkwalifikata bħala tali peress li, kif ammettiet l-istess rikorrenti, hija implementat parzjalment iż-żidiet tal-prezz miftehma fil-kuntest ta' l-akkordju.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

103   Permezz ta' dan il-motiv ir-rikorrenti titlob tnaqqis ta' l-ammont tal-multa tagħha abbażi tan-nuqqas ta' implementazzjoni effettiva ta' l-akkordji, li jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti skond it-tieni inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida. Hija implementat biss parzjalment l-akkordji fuq il-prezzijiet u fuq il-kwantitajiet sabiex b'dan il-mod tipprova tillimita l-effetti tagħhom minħabba l-biża’ li l-klijenti tagħha li jipproduċu l-pre-mixes iduru lejn sorsi oħra ta' fornitura jew li l-kapaċità tagħhom li jikkompetu ma’ Roche u BASF tiddgħajjef b'tali mod li jiġu eliminati mis-suq tal-pre-mixes. Ir-rikorrenti ssostni li, billi rrifjutat li tagħtiha tnaqqis ta' l-ammont tal-multa abbażi ta' l-imsemmija ċirkustanza attenwanti, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni u kisret il-linji gwida.

104   Fil-premessa 728 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni rreferiet għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Cascades vs Il-Kummissjoni (T-308/94, Ġabra p. II-925, punt 230), fejn il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset li l-fatt li impriża, li tkun stabbilita li ħadet sehem f'akkordju dwar prezzijiet, ma ġabitx ruħha fis-suq b'mod konformi ma’ dak li ġie miftiehem mal-kompetituri tagħha, mhux neċessarjament jikkostitwixxi element li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni, in kwantu ċirkustanza attenwanti, matul id-determinazzjoni ta' l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta.

105   Għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tas-sentenza Cascades v Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza użat is-setgħa ta' stħarriġ tagħha fir-rigward ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma kinitx applikat il-linji gwida, peress li ttieħdet qabel l-adozzjoni ta' dawn ta' l-aħħar, li llum il-ġurnata jipprevedu espliċitament it-teħid in kunsiderazzjoni tan-nuqqas ta' applikazzjoni effettiva ta' ftehim illeċitu bħala ċirkustanza attenwanti. Issa, kif diġà ġie msemmi fil-punt 49 iktar 'il fuq, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni ma tistax tinjora r-regoli li hija imponiet fuqha nfisha. Barra minn hekk, l-implementazzjoni bejn wieħed u ieħor sħiħa, minn membru ta' l-akkordju, tal-miżuri miftehma mal-membri l-oħra, għalkemm ma teffettwax l-eżistenza tar-responsabbiltà tagħha, tista' taffettwa l-portata ta' tali responsabbiltà u għaldaqstant il-livell tal-multa (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punti 508 sa 510, u tat-28 ta' Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P, C-208/02 P u C-213/02 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 145).

106   Għalhekk, peress li qieset li hija ma kinitx obbligata tieħu in kunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti, il-ksur ta' l-obbligi li r-rikorrenti daħlet għalihom fil-kuntest ta' l-akkordju li jirrigwarda l-vitamina B5, il-Kummissjoni kisret il-linji gwida.

107   Madankollu, sabiex tiċħad l-applikazzjoni tal-benefiċċju ta' ċirkustanza attenwanti invokata mir-rikorrenti, fid-Deċiżjoni l-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li mill-inkartament ma jirriżultax li r-rikorrenti kienet effettivament kisret tali obbligi safejn, minn naħa, il-partijiet li ħadu sehem fl-akkordju kienu ftehmu fuq prezzijiet li għandhom jintlaħqu u stabbilixxew il-prezzijiet tagħhom b'tali mod li jqarrbuhom lejn il-prezzijiet miftehma u, min-naħa l-oħra, il-volumi allokati kienu volumi minimi u għalhekk il-qbiż tagħhom bl-ebda mod ma kien jikser il-ftehim.

108   Issa, jekk jinstab li dawn l-evalwazzjonijiet huma rilevanti u fondati, il-ksur tal-linji gwida li ġie kkonstatat fil-punt 106 iktar ’il fuq ikun irrelevanti, safejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad iċ-ċirkustanza attenwanti in kwistjoni tkun f'kull każ iġġustifikata fir-riġward tal-linji gwida nfushom peress li, f'dan il-każ, ma jkunx hemm in-nuqqas ta' applikazzjoni effettiva min-naħa tar-rikorrenti.

109   F'dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi osservat li għalkemm huwa minnu, kif issostni l-konvenuta, li l-implementazzjoni tal-ftehim li jirrigwarda l-prezzijiet li għandhom jintlaħqu mhux neċessarjament kienet teħtieġ l-applikazzjoni tal-prezzijiet eżatti, u għalhekk il-ftehim jista' jiġi kkunsidrat li huwa implementat meta l-partijiet jiffissaw il-prezzijiet tagħhom b'tali mod li jintlaħaq l-iskop miftiehem, madankollu, dan l-argument fih innifsu mhuwiex ta' natura tali li jeskludi, f'dan il-każ, kull ksur min-naħa tar-rikorrenti ta' l-impenji li jirrigwardaw il-prezz li hija ftehmet mal-membri l-oħra ta' l-akkordju, safejn mid-Deċiżjoni jirriżulta (ara l-premessa 304) li l-membri li ħadu sehem fl-akkordju li jirrigwarda l-vitamina B5 ma kinux, kollettivament, stabbilixxew biss il-prezzijiet li għandhom jintlaħqu (prezzijiet "tal-lista") iżda wkoll il-prezzijiet minimi.

110   It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li mill-inkartament bl-ebda mod ma jirriżulta li l-kwoti allokati lill-membri li ħadu sehem fl-akkordju li jirrigwarda l-vitamina B5 kienu kkunsidrati bħala volumi minimi. Bil-kontra ta' dan, jidher li dawn kienu jikkostitwixxu kwoti li fil-prinċipju ma kellhomx jinqabżu. Fil-fatt mid-Deċiżjoni jirriżulta li l-istabbiliment tagħhom kellu miegħu l-allokazzjoni, lill-membri li ħadu sehem fl-akkordju, ta' ishma tas-suq espressi f'perċentwali u li l-imsemmija kwoti kienu intiżi sabiex jassiguraw iż-żamma ta' dawn l-ishma tas-suq (premessi 296, 297, 300 sa 302 u 305).

111   Għalhekk, l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 107 iktar 'il fuq mhumiex ta' natura tali li jiġġustifikaw li jiġi miċħud lir-rikorrenti l-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti invokata.

112   Għalhekk, peress li d-Deċiżjoni hija vvizzjata b'illegalità, il-Qorti tal-Prim'Istanza għandha teżerċita s-setgħa ta' kompetenza sħiħa tagħha, skond l-Artikolu 229 KE u ta' l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17, sabiex tistabbilixxi jekk ir-rikorrenti, abbażi taċ-ċirkustanza li hija tinvoka, għandhiex tibbenefika minn tnaqqis tal-multa minħabba n-nuqqas ta' applikazzjoni effettiva tal-ftehim illeċitu.

113   Għalhekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li għandu jiġi vverifikat jekk dawn iċ-ċirkustanzi humiex ta' natura tali li jistabbilixxu li, matul il-perijodu li fih ir-rikorrenti ħadet sehem fl-akkordji, hija effettivament astjeniet ruħha milli timplementhom billi addottat imġiba kompetittiva fis-suq jew, minn ta' l-anqas, jekk hija b'mod ċar u kunsiderevoli kisritx l-obbligi intiżi għall-implementazzjoni ta' dan l-akkordju b'tali mod li fixklet l-istess funzjonament ta' l-akkordju.

114   F'dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-elementi ta’ l-inkartament ma jippermettux li din il-kwistjoni tingħatalha risposta affermattiva.

115   Minn naħa, kif osservat il-konvenuta, ir-rikorrenti ma allegatx li hija astjeniet ruħha minn kull implementazzjoni effettiva tal-ftehim illeċitu.

116   Min-naħa l-oħra, għalkemm ir-rikorrenti tinvoka li hija implementat il-ftehim biss parzjalment, l-elementi li hija tipprovdi mhumiex ta' natura tali li juru li hija, b'mod ċar u kunsiderevoli, injorat il-ftehim ta' kollużjoni b'tali mod li fixklet l-istess funzjonament ta' l-akkordju li jirrigwarda l-vitamina B5.

117   F'dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, in-nuqqas ta' implementazzjoni effettiva tal-ftehim fuq il-prezz, ir-rikorrenti tinvoka s-segwenti ċirkustanzi:

a)      Roche ħabbret żieda fil-prezzijiet ta' aktar minn 4% fil-5 ta' April 1997; madankollu l-prezzijiet tal-kumpannija sussidjarja tar-rikorrenti, Daiichi Pharmaceutical Europe (iktar 'il quddiem "DPE") bdew jaqbżu l-livell ta' April 1997 biss f'Lulju ta' l-1997 u ż-żieda totali tal-prezzijiet għal-livelli ta' Roche kienet riflessa kompletament fil-prezzijet ta' DPE biss minn Ottubru ta' l-1997, jiġifieri sitt xhur wara t-tħabbir ta' Roche;

b)      matul laqgħa ma’ Roche u ma’ BASF f'Novembru ta' l-1997 jew f'Jannar 1998, ir-rikorrenti, mingħajr ebda suċċess, opponiet il-proposta ta' BASF li jiżdiedu l-prezzijiet fl-Ewropa;

c)      BASF ħabbret żieda ta' 5 % fil-prezzijiet fil-25 ta' Frar 1998; madankollu, il-prezzijiet ta' DPE żdiedu biss (b'anqas minn 5%) f'Mejju u f'Ġunju reġgħu niżlu taħt il-livell ta' Frar;

d)      ir-rikorrenti ma segwietx iż-żieda fil-prezzijiet li BASF ħabbret f'April ta' l-1998, u lanqas iż-żieda fil-prezzijiet li Roche ħabbret fit-13 ta' Ġunju 1998;

e)      id-D-Calpan tar-rikorrenti kien regolarment jinbiegħ lill-utenti finali bi prezzijiet li kienu inqas mill-prezzijiet "tal-lista" u mill-prezzijiet minimi stabbiliti fil-kuntest ta' l-akkordju, minħabba l-fatt li r-rikorrenti ma kinitx implementat, ostakolat jew dewmet iż-żidiet fil-prezzijiet u kienet tagħti tnaqqis fuq il-prezzijiet ippubblikati; b'mod iktar speċifiku, il-prezzijiet tad-D-Calpan tar-rikorrenti mibjugħ lill-utenti finali kienu, medjament, 10% anqas mill-prezzijiet "tal-lista" u inqas mill-prezzijiet minimi kkonċernati.

118   Għandha l-ewwel nett tiġi miċħuda ċ-ċirkustanza esposta fil-paragrafu (b), li jsir riferiment għaliha fil-premessa 323 tad-Deċiżjoni, safejn din iċ-ċirkustanza tindika biss li r-rikorrenti, matul laqgħa bejn il-membri li ħadu sehem fl-akkordju li seħħet f'Novembru 1997 jew f'Jannar 1998, ma qablitx mal-proposta ta' BASF li jiżdiedu l-prezzijiet iżda bl-ebda mod ma tiddetermina l-imġiba fis-suq li r-rikorrenti setgħet effettivament adottat wara din il-laqgħa.

119   F'dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanza esposta fil-paragrafu (d), l-allegazzjoni tar-rikorrenti li hija ma segwietx żieda fil-prezzijiet li BASF ħabbret f'April ta' l-1998 bl-ebda mod ma hija pprovata peress li l-elementi invokati mir-rikorrenti lanqas biss ma jippermettu lill-Qorti tal-Prim'Istanza tidentifika tali żieda. Ir-riferiment li r-rikorrenti tagħmel, f'dan ir-rigward, għall-punt 103 tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet jagħti l-wieħed x'jifhem li fil-verità din iż-żieda hija dik li BASF ħabbret fil-25 ta' Frar 1998, li għaliha tirreferi ċ-ċirkustanza esposta fil-paragrafu )c). Barra minn dan, mill-istess punt tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet jirriżulta li ż-żieda fil-prezzijiet li Roche ħabbret fit-13 ta' Ġunju 1998 kienet intiża biss sabiex issegwi u ssostni l-inizjattiva ta' BASF tal-25 ta' Frar 1998. Għalhekk jidher li ċ-ċirkustanzi kollha esposti fil-paragrafi (c) u (d), finalment, jirrestrinġu ruħhom għal allinjament limitat ħafna ma’ inizjattiva waħda għaż-żieda fil-prezzijiet meħuda mill-membri l-oħra li ħadu sehem fl-akkordju.

120   F'dak li jirridwarda ċ-ċirkustanza esposta fil-paragrafu (a), għalkemm tidher li hija kkonfermata minn tabella li tirrigwarda l-prezzijiet tal-bejgħ medji, ikkalkolati fuq bażi ta' kull xahar, ta' DPE għall-perijodu 1996-1999 (iktar 'il quddiem it-"tabella DPE", li r-rikorrenti pprovdiet matul il-proċedura amministrattiva u li tqiegħdet fl-inkartament ta' din il-kawża), l-importanza tagħha tonqos ħafna fid-dawl ta' żewġ dokumenti oħra, li r-rikorrenti ppreżentat quddiem il-Kummissjoni u miżjuda ma l-inkartament, li jesponu, fuq bażi ta' tliet xhur, il-prezzijiet medji li r-rikorrenti kienet iżomm, fl-Ewropa, lill-utenti finali matul il-perijodu tal-ksur. Dawn id-dokumenti - grafika li tiddeskrivi l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-bejgħ medji ta' Daiichi fl-Ewropa għall-perijodu ta' bejn l-1985 u l-1999 u tabella li tirrigwarda l-prezzijiet tal-bejgħ medji ta' Daiichi fl-Ewropa, ikkalkolati fuq bażi ta' kull sena u ta' kull tliet xhur, għall-perijodu ta' bejn l-1991 u l-1998 (iktar 'il quddiem, rispettivament, il-"grafika Daiichi" u t-"tabella Daiichi") – juru li l-livell tal-prezzijiet kien nettament superjuri minn dak tal-prezzijiet ta' DPE li jirriżulta mit-tabella DPE. Mill-grafika Daiichi b'mod partikolari jirriżulta li l-prezz medju ta' l-istess rikorrenti kien, fit-tieni tliet xhur ta' l-1997, ta' DEM 36 meta mqabbel mal-prezz ta' DEM 32.05, li jirriżulta mit-tabella DPE, li DPE kienet iżżomm fl-istess perijodu. Min-naħa tagħha, it-tabella Daiichi turi li l-prezz medju li r-rikorrenti kienet iżżomm matul it-tieni tliet xhur ta' l-1997 kien superjuri b'4.3% mill-prezz medju tagħha għat-tliet xhur preċedenti, u dan jidher li huwa kompletament koerenti ma’ ipoteżi ta' allinjament ta' Daiichi fuq iż-żieda ta' 4% fil-prezzijiet li Roche ħabbret fil-5 ta' April 1997.

121   Meta matul is-seduta ġiet mistiedna tispjega l-livell differenti ta' dawn il-prezzijiet u tindika b'liema mod ikun rilevanti, fl-eżami ta' dan il-motiv, li xi drabi jsir rifermient għall-prezzijiet ta' DPE u drabi oħra għall-prezzijiet ta' Daiichi, ir-rikorrenti ppreċiżat li minn żmien għall-ieħor DPE kienet ingħatat marġni diskrezzjonali mill-kumpannija prinċipali u li, sabiex jiġi deċiż jekk in-nuqqas ta' implementazzjoni parzjali tal-ftehim dwar il-prezz kienx ipprovat għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-prezzijiet miżmuma mill-kumpannija prinċipali, jiġifieri r-rikorrenti nfisha. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-paragun bejn il-prezzijiet miftehma fi ħdan l-akkordju u l-prezzijiet ta' DPE ma jistax ikun verament rappreżentattiv tal-livell ta' allinjament tar-rikorrenti fuq il-ftehim fuq il-prezzijiet tal-vitamina B5.

122   F'dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanza esposta fil-paragrafu (e), mit-tabella esposta hawn taħt, pprovduta mir-rikorrenti, mhux ikkontestata mill-konvenuta u li l-informazzjoni li fiha hija bbażata fuq il-premessi 304,323 u 325 tad-Deċiżjoni kif ukoll fuq il-grafika u t-tabella Daiichi, jirriżulta li matul il-perijodu ta' bejn Ottubru ta' l-1991 u t-tmiem ta' l-1994 il-prezzijiet tal-bejgħ li r-rikorrenti kienet iżżomm fl-Ewropa kienu jirrappreżentaw bejn 90 u 93% tal-prezzijiet minimi miftehma.

Data

Prezz "tal-lista" għall-Ewropa

(DEM)

Prezz minimu għall-Ewropa

(DEM)

Prezz medju miżmum minn Daiichi lill-utenti fl-Ewropa

(DEM)

1/10/1991

29.50

28.50

26.00

1/04/1992

32.50

31.00

28.50

1/04/1993

36.50

35.00

32.00

1994

39.00

37.50

35.01

1995

40.00

n.d.

35.33

1996

n.d.

n.d.

34.33

1997

43.00

n.d.

36.79

1998

46.00

n.d.

39.98


123   Madankollu, mill-inkartament assolutament ma jirriżultax li l-prezz minimu ta' DEM 37.50 indikat għall-1994 kien valur medju għal dik is-sena kollha. Ma jistax jiġi eskluż, b'mod partikolari fid-dawl tal-premessa 304 tad-Deċiżjoni, li din l-informazzjoni tirrappreżenta biss valur iffissat għal żmien preċiż tas-sena 1994, per eżempju għall-1 ta' April 1994 kif jidher li jindika d-dokument BASFAG 000301 anness ma’ l-ittra li BASF bagħtet lill-Kummissjoni fit-23 ta' Ġunju 1999, b'tali mod li l-prezz minimu medju matul dik l-istess sena seta’ fil-verità kien inqas minn DEM 37.50. Il-prezz medju tal-bejgħ tar-rikorrenti fl-1994 għalhekk seta' jirrappreżenta anki iktar minn 93% ta' dan il-prezz minimu medju.

124   Issa, d-differenza li ġiet ikkonstatata bejn il-prezzijiet tal-bejgħ tar-rikorrenti u l-prezzijiet minimi miftehma ma tidhirx li hija kunsiderevoli u, barra minn hekk, hija stabbilita biss għall-perijodu ta' tliet snin u tliet xhur, filwaqt li l-perijodu totali tal-ksur kien ta' tmien snin [minn Jannar 1991 sa Frar 1999, kif jirriżulta mill-premessi 2, 296 sa 300, 312, 620 u 706 tad-Deċiżjoni, u mhux minn Settembru 1991 sa Frar 1999 kif indikat, wara żball fil-kitba, fl-Artikolu 1(2)(f) tad-Deċiżjoni]. Barra minn hekk, mill-istess tabella jirriżulta li l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-bejgħ tar-rikorrenti jaqbel, matul dan l-istess perijodu, ma’ l-iżvilupp tal-prezzijiet minimi miftehma u, matul il-perijodu kollu tal-ksur, ma’ dak tal-prezzijiet "tal-lista", u dan b'mod sinjifikattiv.

125   F'dak li jirrigwarda, it-tieni nett, eventwali nuqqas ta' implementazzjoni effettiva tal-ftehim fuq il-volumi, ir-rikorrenti tallega, minn naħa, li hija regolarment qabżet il-kwoti li kienu ġew allokati lilha għall-Ewropa fi kwantitajiet akbar minn dawk ta' Roche u BASF, u, min-naħa l-oħra, li hija, għal diversi snin, esportat iktar D-Calpan lejn l-Ewropa milli hija kienet iddikjarat lil Roche u lil BASF fil-kuntest ta' l-iskambji ta' informazzjoni fi ħdan il-kartell.

126   F'dak li jirrigwarda l-qbiż tal-kwoti, għandu jiġi kkonstatat – bl-għajnuna tat-tabella esposta hawn taħt, li mhux ikkontestata mill-konvenuta li r-rikorrenti elaborat abbażi ta' informazzjoni li tinsab fl-annessi tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u f'dokumenti li r-rikorrenti ppreżentat quddiem il-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva – li anki Roche u BASF, min-naħa tagħhom, ta' spiss qabżu l-kwoti allokati lilhom u li l-qbiż tar-rikorrenti kien sinjifikattiv biss matul il-perijodu 1991-1993, filwaqt li kien preċiżament fis-snin 1991 u 1992 li Roche rreġistrat il-qbiż l-aktar sinjifikattiv tagħha:

Snin

Kwoti ta' Daiichi għall-Ewropa*

Bejgħ ta' Daiichi għall-Ewropa*

Indiċi ta' Daiichi**

Indiċi ta' Roche**

Indiċi ta' BASF**

1991

370

411

111%

114%

86%

1992

435

567

130%

116%

102%

1993

470

646

137%

95%

104%

1994

635

670

106%

87%

90%

1995

640

607

95%

85%

78%

1996

550

560

102%

102%

121%

1997

585

606

104%

110%

86%

1998

580

438

78%

110%

103%


*: F'miljuni ta' tunnellati

**: bejgħ iddikjarat f'perċentwali tal-kwoti individwali għall-Ewropa

127   Barra minn dan, l-informazzjoni li tibbaża ruħha fuqha r-rikorrenti tirrigwarda l-kwoti u l-bejgħ fuq livell Ewropew u mhux fuq livell dinji. Issa, mid-dikjarazzjonijiet li l-istess rikorrenti għamlet quddiem il-Kummissjoni u li ġew riprodotti fil-punt 88 tar-rikors, jirriżulta li l-qbiż tal-kwoti fuq livell reġjonali, bil-kontra ta' qbiż ta' iktar minn 2% tal-kwoti fuq livell dinji, ma kienx joħloq diffikultajiet fi ħdan l-akkordju.

128   F'dak li jirrigwarda l-provvista ta' informazzjoni li ma kinitx tiddikjara l-bejgħ effettiv kollu fl-Ewropa li r-rikorrenti kienet tipprovdi lill-membri l-oħra ta' l-akkordju fil-kuntest ta' l-iskambji regolari ta' informazzjoni stabbilit fi ħdan dan ta' l-aħħar, din iċ-ċirkustanza, anki jekk tiġi meqjusa li hija stabbilita, ma setgħetx, waħeda, ikollha l-effett li ttaffi l-konsegwenzi ħżiena għall-konsumaturi kkawżati minn dan il-ftehim li jmur kontra l-kompetizzjoni. Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza setgħet, l-iktar l-iktar, tgħin lir-rikorrenti taħbi, u għalhekk issostni, il-ksur tagħha ta' l-aġir li kien ġie miftiehem fi ħdan l-akkordju f'dak li jirrigwarda l-prezzijiet u l-volumi ta' bejgħ.

129   Għalhekk, iċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti fil-kuntest ta' dan il-motiv, anki kkunsidrati flimkien, ma jippermettux li tintlaħaq il-konklużjoni li hija, b'mod ċar u kunsiderevoli, tbegħdet mill-ftehim maqbul bejn il-membri ta' l-akkordju. F'kull każ, mill-ebda element ta’ l-inkartament ma jirriżulta li dawn iċ-ċirkustanzi effettivament ostakolaw, fi kwalunkwe waqt, il-funzjonament ta' dan ta' l-aħħar.

130   F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tibbenefika minn tnaqqis ta' l-ammont tal-multa abbażi tan-nuqqas ta' implementazzjoni effettiva tal-ftehim illeċitu, għaldaqstant it-talba tagħha f'dan ir-rigward għandha tiġi miċħuda.

3.     Fuq it-tielet motiv, li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni

131   Dan il-motiv jirrigwarda l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni fil-konfront tar-rikorrenti (ara l-punti 19 sa 22 iktar 'il fuq) u huwa kompost minn erba' partijiet.

 Fuq l-ewwel u t-tieni partijiet, li jirrigwardaw, rispettivament, l-applikazzjoni tas-sezzjonijiet B u C tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni

132   Permezz ta' l-ewwel u tat-tieni partijiet ta' dan il-motiv ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tagħtiha l-immunità totali jew tnaqqis tal-multa ta' mhux anqas minn 75% skond is-sezzjoni B tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni jew, alternattivament, tnaqqis tal-multa ta' bejn 50 u 75% skond is-sezzjoni C ta' din l-istess Komunikazzjoni.

 L-argumenti tal-partijiet

–       Fuq l-ewwel parti

133   Permezz ta' l-ewwel parti ta' dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni, "applikat ħażin il-liġi għall-fatti" u kisret il-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni peress li ma tathiex immunità totali jew tnaqqis sostanzjali, ta' bejn 75 u 100%, ta' l-ammont tal-multa skond is-sezzjoni B ta' din l-istess Komunikazzjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti ssostni li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha previsti f'din is-sezzjoni.

134   F'dak li jirrigwarda, b'mod iktar partikolari, il-kundizzjoni prevista fis-sezzjoni B(b), li teħtieġ li impriża "[tkun] l-ewwel waħda li tipprovdi elementi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta' l-akkordju", ir-rikorrenti tallega li, fiż-żmien ta' meta hija pprovdiet l-informazzjoni tagħha li tirrigwarda l-akkordju fuq il-vitamina B5 lill-Kummissjoni, din ta' l-aħħar ma kellhiex biżżejjed informazzjoni sabiex tipprova l-eżistenza tal-ksur.

135   Ir-rikorrenti tfakkar li, fid-deċiżjoni tagħha 2001/418/KE, tas-7 ta' Ġunju 2000, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta' l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/36.545/F3 – Aċidi aminiċi) (ĠU 2001, L 152, p. 24), il-Kummissjoni kkunsidrat li elementi ta' prova jkunu determinanti skond is-sezzjoni B(b) tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni meta dawn ikunu "suffiċjenti, waħedhom, sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta' l-akkordju". Issa, sabiex elementi partikolari ta' prova jiġu kkunsidrati li jistabbilixxu l-infrazzjoni, dawn għandhom, skond ir-rikorrenti, ikunu jirrigwardaw u jiddeskrivu l-elementi kostituttivi ta' l-akkordju, jiġifieri: l-identità tal-kumpanniji u l-ismijiet u l-kwalitajiet tal-persuni li ħadu sehem fl-infrazzjoni; id-dettalji li jirrigwardaw is-suġġett tad-diskussjonijiet miżmuma matul kull laqgħa u kull ftehim komuni; il-mekkaniżmu fundamentali ta' l-akkordju jew il-modus operandi (per eżempju, il-frekwenza tal-laqgħat, l-eżistenza ta' sistema ta' sorveljanza, l-istrutturi jew organi li jissorveljaw il-ftehim); it-tul taż-żmien tal-ksur.

136   Ir-rikorrenti tosserva li l-elementi ta' prova li jirrigwardaw l-akkordju li jirrigwarda l-vitamina B5 li kienu ġew ipprovduti minn Roche u minn BASF qabel id-dikjarazzjoni tagħha tad-9 ta' Lulju 1999 huma dawk li jinsabu f'ittra li Roche bagħtet lill-Kummissjoni fit-22 ta' Ġunju 1999 u li ddaħħlet fl-inkartament amministrattiv fl-24 ta' Ġunju 1999 u f'żewġ dokumenti provenjenti minn BASF li ddaħħlu f'dan l-aħħar inkartament, rispettivament, fil-15 u fil-25 ta' Ġunju 1999. Issa, skond ir-rikorrenti, dawn l-elementi bl-ebda mod ma jistgħu jiġu kkunsidrati li huma determinanti.

137   Ir-rikorrenti b'mod partikolari ssostni li l-elementi ta' prova li Roche pprovdiet fl-24 ta' Ġunju 1999 fihom dokumenti statistiċi għall perijodu ta' bejn l-1995 u l-1998. Madankollu, peress li l-ksur in kwistjoni dam għaddej minn Jannar ta' l-1991 sa Frar ta' l-1999, ma jistax jiġi konkluż li dawn l-elementi ta' prova stabbilixxew it-tul ta' żmien tal-ksur. Dawn l-elementi lanqas ma ddeskrivew il-mekkaniżmu bażiku ta' l-akkordju: peress li dawn imkien ma jirreferu għall-inizjattivi dwar il-prezz miftiehem u jirreferu biss vagament għall- "ishma tas-suq miftehma", mingħajr ma jipprovdu informazzjoni fir-rigward tal-laqgħat partikolari, il-post fejn dawn inżammu, id-dati jew il-persuni li ħadu sehem. L-elementi li BASF ipprovdiet fil-15 u fil-25 ta' Ġunju 1999 kienu, skond ir-rikorrenti, kemxejn iktar dettaljati minn dawk li Roche pprovdiet f'Ġunju ta' l-1999, iżda, l-istess bħal dawn ta' l-aħħar, inkompleti, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda t-tul ta' żmien ta' l-infrazzjoni. Fil-fatt, minnhom jirriżulta li "ftehim" kien ġie diskuss għall-ewwel darba fl-1992 u li "il-ftehim li jirrigwarda l-Calpan" intemm fl-aħħar jew lejn l-aħħar ta' l-1998.

138   Madankollu, ir-rikorrenti tosserva li hija ma kellhiex aċċess għal ċerti siltiet ta' l-informazzjoni pprovduti minn BASF peress li ġew ikkunsidrati li fihom sigrieti tan-negozju. Filwaqt li tosserva li "mhuwiex probabbli wisq li din l-informazzjoni mħollija barra kienet tagħmel l-elementi ta' BASF "determinanti"", ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tordna lill-Kummissjoni, abbażi tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, tipprovdi lill-Qorti tal-Prim'Istanza verżjoni integrali taż-żewġ dokumenti pprovduti minn BASF u tikkonferma li l-informazzjoni li għaliha r-rikorrenti ma kellhiex aċċess m'għamlux l-elementi ta' prova pprovduti minn BASF determinanti.

139    Min-naħa l-oħra, fid-dawl tan-natura eżawrjenti u dettaljata tagħhom, l-elementi ta' prova li r-rikorrenti pprovdiet lill-Kummissjoni fid-9 ta' Lulju 1999 kienu determinanti. B'mod partikolari, dawn l-elementi ppermettew lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-istorja u s-sistema ta' l-akkordju, il-mekkaniżmu bażiku ta' l-akkordju, l-iskeda u l-mekkaniżmu ta' l-aġġustament tal-kwoti, id-dettalji tal-laqgħat, il-funzjonament ta' l-akkordju bejn l-1991 u l-1997 u t-tul ta' żmien ta' l-akkordju. In-natura determinanti ta' l-elementi ta' prova pprovduti mir-rikorrenti tirriżulta wkoll mill-fatt li l-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni, ibbażat ruħha kważi esklużivament fuqhom sabiex tiddeskrivi l-ksur (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Weig vs Il-Kummissjoni, T-317/94, Ġabra p. II-1235, punt 288). B'mod partikolari, il-parti tad-Deċiżjoni ddedikata għad-deskrizzjoni ta' l-akkordju li jirrigwarda l-vitamina B5 (premessi 292 sa 329) tirreferi għal madwar għoxrin darba għal ċitazzjonijiet, dikjarazzjonijiet u dokumenti pprovduti mir-rikorrenti, filwaqt li tirreferi biss darbtejn għal dikjarazzjonijiet u dokumenti pprovduti minn BASF u darba waħda biss għad-dikjarazzjoni ta' Roche.

140   Ir-rikorrenti tosserva li, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ma mmotivatx, għal kull wieħed mill-akkordji ssanzjonati, in-natura determinanti ta' l-elementi ta' prova pprovduti minn Roche u minn BASF. Pjuttost, il-Kummissjoni għamlet "determinazzjoni globali fir-rigward tas-sottomissjonijiet ta' Roche u ta' BASF għall-akkordji differenti kollha li jirrigwardaw il-vitamini". Fid-dawl ta' dan l-approċċ globali, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni evalwatx u kkwalifikatx korrettament jekk l-elementi ta' prova li Roche u BASF ipprovdew f'Ġunju ta' l-1999 kinux determinanti sabiex jiġi pprovat il-ksur li jirrigwarda l-vitamina B5. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti tistieden lill-Qorti tal-Prim'Istanza terġa’ teżamina dawn l-elementi ta' prova u tqabbilhom ma’ l-elementi ta' prova "dettaljati, kompleti u volontarjament" ipprovduti mir-rikorrenti fid-9 ta' Lulju 1999.

141   Il-konvenuta tikkontesta li r-rikorrenti hija intitolata tibbenefika mis-sezzjoni B tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni peress li r-rikorrenti ma kinitx l-ewwel waħda li pprovditilha elementi ta' prova determinanti dwar l-akkordju li jirrigwarda l-vitamina B5. Hija tirrepeti l-argumenti esposti fid-Deċiżjoni li jgħidu li Roche u BASF kienu l-ewwel li pprovdewlha elementi determinanti – jiġifieri informazzjoni fuq l-identità tal-kumpanniji u ta' wħud mill-persuni implikati fl-akkordji, is-suġġett tad-diskussjonijiet, il-pjan bażiku ta' l-akkordju u t-tul taż-żmien tal-ksur – u tippreċiża li dawn l-elementi ġew ipprovduti minn BASF fil-15 u fit-23 ta' Ġunju 1999 u minn Roche fl-ittra tagħha tat-22 ta' Ġunju 1999.

142   F'dak li jirrigwarda l-miżura ta' organizzazzjoni tal-proċedura mitluba mir-rikorrenti, il-konvenuta, min-naħa, tippreċiża li r-rikorrenti diġà għandha d-dokumenti li tagħhom qegħda titlob il-produzzjoni, li ntbgħatulha meta ġiet adottata d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, ħlief għal informazzjoni fuq il-bejgħ ipprovduti minn BASF li jidhru fil-paġna 4413 ta’ l-inkartament, li għaliha l-Kummissjoni rriżervat trattament kunfidenzjali. Min-naħa l-oħra, il-konvenuta tikkonferma n-natura determinanti ta' dawn id-dokumenti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta' l-akkordju li jirrigwarda l-vitamina B5.

143   F'dak li jirrigwarda t-talba tagħha għall-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti, fir-replika tagħha, tinnota li l-konvenuta tikkonferma li l-paġna 4413 ta’ l-inkartament amministrattiv ma ġietx mibgħuta lilha matul il-proċedura amministrattiva minħabba t-trattament kunfidenzjali mogħti. Hija tippreċiża, f'dan ir-rigward, li hija ma tridx kopja ta' din il-paġna għaliha nfisha iżda pjuttost qegħda titlob li l-konvenuta tipprovdiha lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex din tkun tista' tevalwa jekk l-informazzjoni li hemm fiha ġietx ipprovduta b'risposta għal talba tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 u jekk din irrendietx il-prova pprovduta minn BASF determinanti skond is-sezzjoni B(b) tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni.

–       Fuq it-tieni parti

144   Fil-każ li l-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tiddeċiedi li hija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fis-Sezzjoni B(a) tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni, ir-rikorrenti, permezz tat-tieni parti ta' dan il-motiv, issostni li safejn hija kienet minn ta' l-anqas tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fis-sezzjoni B (b) sa (e) ta' din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni, "applikat ħażin il-liġi għall-fatti" u kisret il-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni peress li ma tagħtiex tnaqqis sostanzjali ta' bejn 50 u 75% mill-ammont tal-multa abbażi tas-sezzjoni C ta' l-imsemmija Komunikazzjoni.

145   Il-konvenuta tosserva li, peress li ma kinitx l-ewwel waħda li pprovdiet elementi determinanti li jipprovaw l-eżistenza ta' l-akkordju, ir-rikorrenti lanqas ma setgħet tibbenefika mill-applikazzjoni tas-sezzjoni C tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

146   Fil-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni l-Kummissjoni ddefiniet il-kundizzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom l-impriżi li jikkooperaw magħha matul l-investigazzjoni tagħha fuq l-akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis ta' l-ammont tal-multa li kieku kienet tiġi imposta fuqhom (ara s-sezzjoni A(3) tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni).

147   Kif jingħad fis-sezzjoni E(3) tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni, din ħolqot aspettattivi leġittimi li fuqhom jistgħu jibbażaw ruħhom impriżi li jixtiequ jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta' akkordju. Fid-dawl ta' l-aspettattivi leġittimi li l-impriżi li jixtiequ jikkooperaw mal-Kummissjoni setgħu jibbażaw ruħhom fuq din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni hija għalhekk obbligata, matul l-evalwazzjoni, fil-kuntest tad-determinazzjoni ta' l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, tal-kooperazzjoni ta' din ta' l-aħħar li tikkonforma ruħha mal-Komunikazzjoni (ara f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T-9/99, Ġabra p. II-1487, punt 608, u tat-8 ta' Lulju 2004, Corus UK vs Il-Kummissjoni, T-48/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 192 u 193).

148   Skond is-sezzjoni B ta' din il-Komunikazzjoni, "tibbenefika minn tnaqqis ta’ mhux inqas minn 75 % mill-ammont ta’ multa li tkun ingħatat lilha fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni, liema tnaqqis jista' jinżel għal non impożizzjoni totali tal-multa” l-impriża li:

"a)       tirrapporta l-akkordju sigriet lill-Kummissjoni qabel ma din tkun ipproċediet għal verifika fuq deċiżjoni relatata ma’ impriżi li huma parti fl-akkordju, u mingħajr ma hija diġà għandha informazzjoni suffiċjenti biex tipprova l-eżistenza ta’ l-akkordju rrapurtat;

b)       hija l-ewwel li tgħaddi elementi determinanti li jipprovaw l-eżistenza ta’ l-akkordju;

c)       tkun temmet il-parteċipazzjoni tagħha f’attività l-iżjed tard, fil-mument meta hija tirrapporta l-akkordju;

d)       tagħti l-informazzjonijiet utli kollha lill-Kummissjoni, kif ukoll id-dokumenti kollha u elementi ta’ prova li hija għandha dwar l-akkordju u żżomm kooperazzjoni permanenti u totali tul l-investigazzjoni kollha;

e)       ma ġġiegħelx impriża oħra tipparteċipa fl-akkordju u l-anqas ikollha rwol ta’ inizzjazzjoni jew rwol determinanti fl-attività illegali" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

149   Barra minn hekk, skond is-sezzjoni C ta' l-imsemmija Komunikazzjoni "L-impriża li, tissodisfa l-kundizzjonijiet esposti fis-[Sezzjoni B (b) sa (e)], tiddenunzja l-akkordju sigriet wara li l-Kummissjoni pproċediet għal verifika fuq deċiżjoni għand l-impriżi li huma partijiet fl-akkordju, mingħajr ma din il-verifika setgħet tkun bażi suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-ftuħ tal-proċedura bil-għan ta' l-adozzjoni ta' deċiżjoni, tibbenefika minn tnaqqis minn 50 sa 75% ta' l-ammont tal-multa"

150   L-għoti ta' l-immunità totali jew tat-tnaqqis ta' l-ammont tal-multa skond is-sezzjoni B jew is-sezzjoni C tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni għalhekk jeħtieġu, b'mod partikolari, li l-impriża kkonċernata tkun l-ewwel waħda li tkun ipprovdiet elementi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta' l-akkordju [kundizzjoni prevista fis-sezzjoni B(b)].

151   Fl-ewwel sentenza tal-premessa 743 tad-Deċiżjoni l-Kummissjoni qieset li "Roche u BASF, permezz tad-dokumenti mibgħuta lid-dipartimenti tagħha bejn it-2 ta' Ġunju 1999 u t-30 ta' Lulju 1999, [kienu] l-ewwel li pprovdewlha elementi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta' akkordji li jirrigwardaw is-swieq tal-vitamini B2, B5, C u D3, tal-beta-karoten u l-karotenojdi". Għalhekk, fl-ewwel sentenza tal-premessa 745 tad-Deċiżjoni, abbażi ta' dan il-Kummissjoni ddeduċiet li l-impriżi l-oħra kienu ġew esklużi milli jissodisfaw din il-kundizzjoni.

152   Ir-rikorrenti ssostni li, bil-kontra ta' dan, hija kienet tissodisfa din il-kundizzjoni. Permezz tad-dikjarazzjoni tagħha lill-Kummissjoni tad-9 ta' Lulju 1999 u l-annessi tagħha, hija pprovdiet lill-Kummissjoni elementi determinanti sabiex tipprova l-akkordju li jirrigwarda l-vitamina B5. Min-naħa l-oħra, l-elementi li Roche u BASF ipprovdew f'dan ir-rigward qabel din id-dikjarazzjoni, jiġifieri dawk ipprovduti permezz ta' ittra ta' Roche tat-22 ta' Ġunju 1999, irreġistrata fl-24 ta' Ġunju 1999, u permezz ta' żewġ ittri ta' BASF tal-15 u tat-23 ta' Ġunju 1999 (irreġistrati rispettivament fil-15 u fil-25 ta' Ġunju 1999), ma jistgħux jiġu kkwalifikati li huma determinanti.

153   Issa, għandu jiġi kkonstatat li mill-kliem użat fl-ewwel sentenza tal-premessa 743 tad-Deċiżjoni ma jirriżultax b'mod ċar jekk il-Kummissjoni qisitx li Roche u BASF jissodisfaw, it-tnejn li huma, il-kundizzjonijiet tas-sezzjoni B(b) fir-rigward ta' kull ksur imsemmi, u lanqas jekk, f'dak li jirrigwarda l-ksur li jirrigwarda l-vitamina B5, l-evalwazzjoni tagħha kinitx ibbażata fuq it-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-elementi kollha pprovduti minn dawn iż-żewġ impriżi fil-perijodu ta' żmien indikat (bejn it-2 ta' Ġunju u t-30 ta' Lulju 1999), inklużi dawk mibgħuta wara d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti tad-9 ta' Lulju 1999 (b'mod partikolari r-risposta ta' Roche u ta' BASF tas-16 ta' Lulju 1999 għat-talbiet ta' informazzjoni, li jirrigwardaw b'mod partikolari l-vitamina B5, li kienu saru lilhom mill-istituzzjoni fis-26 ta' Mejju 1999: ara l-premessa 132 tad-Deċiżjoni).

154   Għall-finijiet ta' din il-kawża, madankollu mhuwiex neċessarju li tiġi eżaminata – fid-dawl tal-kliem użat fis-sezzjoni B(b) u fis-sezzjoni C tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni, li jipprovdi li tnaqqis sostanzjali jew sostanzjali ħafna jingħata biss lil dik l-impriża li kienet verament "l-ewwel waħda" li pprovdiet elementi determinanti (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T-71/03, T-74/03, T-87/03 u T-91/03, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 365) – il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni qisitx, u jekk kinitx iġġustifikata li tagħmel dan, li, f'dak li jirrigwarda l-ksur li jirrigwarda l-vitamina B5, Roche u BASF kienu, it-tnejn li huma, jissodisfaw il-kundizzjoni prevista fis-sezzjoni B(b) tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni.

155   Barra minn hekk, l-ambigwità tal-premessa 743 tad-Deċiżjoni f'dak li jirrigwarda l-elementi ta' prova kkunsidrati mill-Kummissjoni għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tagħha abbażi tas-sezzjoni B(b) tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni ma żammitx lir-rikorrenti milli tevalwa l-fondatezza ta' din l-evalwazzjoni u li tikkontesta quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, bl-istess mod bħalma din l-ambiġwità ma żammitx lill-Qorti tal-Prim'Istanza milli teżerċita s-setgħa ta' stħarriġ tal-legalità tagħha fir-rigwarda ta' din l-evalwazzjoni fid-dawl ta' l-argumenti mqajma b’dawn il-partijiet.

156   F'dak li jirrigwarda l-kunċett ta' "elementi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta' l-akkordju", minn naħa, għandu jiġi kkunsidrat li, bil-kontra ta' dak li tallega r-rikorrenti, dan il-kunċett ma jirrikjedix provi li waħedhom ikunu suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta' l-akkordju, kif jikkonferma l-paragun tat-termini użati fis-sezzjoni B(a) tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni, li tinkludi speċifikatament l-aġġettiv "suffiċjenti", li min-naħa l-oħra ma jintużax fis-sezzjoni B(b) ta' din il-Komunikazzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta' Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 362).

157   Min-naħa l-oħra, għalkemm l-elementi previsti fis-sezzjoni B(b) ta' din il-Komunikazzjoni m'għandhomx neċessarjament ikunu suffiċjenti, waħedhom, sabiex jipprovaw l-eżistenza ta' l-akkordju, dawn għandhom madankollu jkunu determinanti f'dan ir-rigward. Dawn, għalhekk, m'għandhomx jipprovdu sempliċi indikazzjoni tad-direzzjoni li l-Kummissjoni għandha tieħu fl-investigazzjonijiet tagħha, iżda għandhom ikunu elementi li jistgħu jintużaw direttament bħala bażi probatorja prinċipali għal deċiżjoni ta' konstatazzjoni ta' ksur.

158   F'dan il-każ, ma jistax jiġi kkontestat li r-rikorrenti, permezz tad-dikjarazzjoni tagħha tad-9 ta' Lulju 1999, ipprovdiet elementi ta' dan it-tip f'dak li jirrigwarda l-akkordju li jirrigwarda l-vitamina B5. Din id-dikjarazzjoni tinkludi deskrizzjoni dettaljata ta' l-akkordju, bi preċiżazzjonijiet li b'mod partikolari jirrigwardaw l-istabbiliment u t-tul ta' żmien ta' dan ta' l-aħħar, il-membri u l-motivazzjonijiet tagħhom, il-prinċipji ewlenin tiegħu (sistema ta' kwoti intiża għat-tqassim tal-bejgħ, żidiet miftehma tal-prezz, skambju ta' informazzjoni), kif ukoll rapport dettaljat ħafna dwar id-diversi kuntatti u laqgħat li seħħew matul il-perijodu kollu tal-ksur, b'indikazzjonijiet dwar id-dati, il-postijiet u s-suġġett tagħhom flimkien ma’ l-ismijiet tal-persuni li ħadu sehem. Hija annettiet ukoll dokumenti li minnhom b'mod partikolari jirriżulta, b'mod ċirkustanzjat u b'indikazzjonijiet numeriċi, il-funzjonament tas-sistema ta' kwoti u taż-żidiet tal-prezzijiet maqbula. Min-naħa l-oħra, kif ġustament enfasizzat ir-rikorrenti, id-deskrizzjoni tal-ksur li jirrigwarda l-vitamina B5 li jinstab fid-Deċiżjoni hija fundamentalment ibbażata fuq l-elementi pprovduti mir-rikorrenti.

159   F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorenti hija ġġustifikata li tenfasizza li l-kwistjoni ta' jekk l-impriża li pprovdiet l-ewwel elementi determinanti kinux effettivament Roche jew BASF u mhux ir-rikorrenti, għandha tiġi deċiża biss abbażi ta' l-elementi li Roche u BASF ipprovdew lill-Kummissjoni fid-9 ta' Lulju 1999. Il-Konvenuta nnifisha, min-naħa l-oħra, fir-risposta tagħha tispjega l-indikazzjoni li tidher fl-ewwel sentenza tal-premessa 743 tad-Deċiżjoni billi tallega li l-ewwel elementi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta' l-akkordju li jirrigwarda l-vitamina B5 kienu ġew ipprovduti minn BASF permezz ta' l-ittri tagħha tal-15 u tat-23 ta' Ġunju 1999 u minn Roche permezz ta' l-ittra tagħha tat-22 ta' Ġunju 1999.

160   Issa, f'dan ir-rigward għandu jiġi kkunsidrat li l-elementi li BASF ipprovdiet fil-25 ta' Ġunju 1999, jiġifieri dawk mibgħuta permezz ta' l-ittri tal-15 u tat-23 ta' Ġunju 1999, kif jirriżultaw mill-inkartament ta' din il-kawża, jistgħu ċertament jiġu kkunsidrati li jistgħu jikkostitwixxu l-bażi probatorja ewlenija għal konstatazzjoni ta' l-eżistenza ta' akkordju fis-suq tal-vitamina B5 u, konsegwentement, li f'kull każ jeskludu lir-rikorrenti milli tissodisfa l-kundizzjoni prevista fis-sezzjoni B(b) tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni.

161   Fil-fatt, għandu jiġi osservat li mill-ittra tal-15 ta' Ġunju 1999 jirriżultaw, minbarra l-parteċipanti li ħadu sehem fl-akkordju, preċiżazzjonijiet li jikkonċernaw ċerti laqgħat tal-perijodu inizjali ta' l-akkordju, bl-indikazzjoni tal-postijiet (Bażilea u Tokjo) fejn dawn inżammu u tal-persuni li ħadu sehem. Hija tindika l-ismijiet tal-persuni implikati fl-azzjonijiet illeċiti, il-frekwenza ta' tliet xhur tal-laqgħat tal-kartell u l-kontenut ġenerali tal-ftehim (allokazzjoni ta' kwoti, skambju ta' informazzjoni fuq bażi ta' kull xahar fuq il-volumi ta' bejgħ, żieda fil-prezzijiet) u tidentifika bħala perijodu tal-ksur il-perijodu ta' bejn l-1992 u t-tmiem ta' l-1998, jiġifieri perijodu li jkopri kważi l-perijodu tal-ksur kollu kif ikkonstatat fid-Deċiżjoni. Barra minn dan, l-ittra tat-23 ta' Ġunju 1999 tipprovdi, fl-annessi tagħha, informazzjoni numerika li b'mod partikolari tirrigwarda l-kwoti li ġew allokati lill-membri li ħadu sehem fl-akkordju għas-snin 1995 u 1996 u tabella ta' kif kienu l-prezzijiet "tal-lista" u tal-prezzijiet minimi fl-1 ta' April 1994, informazzjoni li kienet tiċċirkustanzja u ssostni aktar id-deskrizzjoni ta' l-attivitajiet illeċiti deskritti fl-ittra tat-15 ta' Ġunju 1999.

162   Il-konklużjoni milħuqa fil-punt 160 iktar 'il fuq ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li l-elementi pprovduti minn BASF fil-25 ta' Ġunju 1999 ma kinux jidentifikaw it-tul ta' żmien eżatt tal-ksur kif ikkonstatat fid-Deċiżjoni, peress li l-kundizzjoni prevista fis-sezzjoni B(b) tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni ma teżiġix li l-impriża in kwistjoni għandha tipprovdi elementi ta' prova fir-rigward tal-fatti kollha kkonstatati fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni. L-imsemmija konklużjoni lanqas ma tista’ tiġi kkontestata mill-fatt li, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni użat b'mod iktar abbondanti l-elementi pprovduti mir-rikorrenti milli dawk ipprovduti minn BASF.

163   F'dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma jkun hemm bżonn li, kif mitlub mir-rikorrenti, il-konvenuta tiġi ordnata tippreżenta l-paġna 4413 u dokumenti oħra ta’ l-inkartament amministrattiv u lanqas li jiġi eżaminat jekk l-elementi li Roche pprovdiet permezz ta' l-ittra tagħha tat-22 ta' Ġunju 1999, li kienu iktar limitati minn dawk ipprovduti minn BASF, setgħux, min-naħa tagħhom, jiġu kkwalifikati bħala determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta' l-akkordju li jirrigwarda l-vitamina B5, għandu jiġi kkonstatat, kif issostni l-konvenuta, li r-rikorrenti, minkejja n-natura ċertament iktar estiża, dettaljata u dokumentata ta' l-elementi li hija pprovdiet lill-Kummissjoni permezz ta' l-ittra tad-9 ta' Lulju 1999, ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni prevista mis-sezzjoni B(b) tal-komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni u għaldaqstant ma setgħetx tibbenefika mill-applikazzjoni tas-sezzjoni B jew tas-sezzjoni C ta' din il-Komunikazzjoni.

164   Peress li r-rikorrenti ma pprovatx li, billi rrifjutat li tagħtiha wieħed jew l-ieħor minn dawn il-benefiċċji, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni jew kisret il-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni, l-ewwel u t-tieni parti ta' dan il-motiv għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tielet u r-raba' partijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni tas-sezzjoni D tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni

165   Permezz tat-tielet u r-raba' partijiet ta' dan il-motiv, ippreżentati b’titolu sussidjarju, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha minn ta' l-anqas tagħtiha tnaqqis ta' l-ammont tal-multa ta’ 50% jew, f'kull każ, ta' aktar minn 35% skond is-sezzjoni D ta' din il-Komunikazzjoni.

 L-argumenti tal-partijiet

–       Fuq it-tielet parti

166   Permezz tat-tielet parti r-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali billi ma tathiex, bil-kontra ta' kif għamlet fil-każ ta' Roche u ta' BASF, tnaqqis ta' 50% ta' l-ammont tal-multa skond is-sezzjoni D ta' l-imsemmija Komunikazzjoni peress li l-kooperazzjoni tagħha kienet, skond ir-rikorrenti, minn ta' lanqas estiża u volontarja daqs dik ta' Roche u ta' BASF u kienet intervjeniet fl-istess fażi tal-proċedura amministrattiva.

167   Ir-rikorrenti tfakkar li, skond is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai Speciali Terni vs Il-Kummissjoni (T-45/98 u T-47/98, Ġabra p. II-3757, punt 245), u Acerinox vs Il-Kummissjoni (T-48/98, Ġabra p. II-3859, punt 139), il-livelli tal-kooperazzjoni pprovduti mill-impriżi kkonċernati għandhom jiġu kkunsidrati paragunabbli safejn dawn l-impriżi jkunu pprovdew lill-Kummissjoni, fl-istess stadju tal-proċedura amministrattiva u f'ċirkustanzi analogi, informazzjoni simili li tikkonċerna l-fatti allegati kontrihom. Issa, f'dan il-każ, diversi fatturi juru li l-kooperazzjoni tar-rikorrenti kienet paragunabbli, x'aktarx iktar estiża minn dik ta' Roche u minn dik ta' BASF: iċ-ċirkustanzi li fihom l-impriżi kkonċernati kkuntattjaw lill-Kummissjoni, is-sekwenza li fiha ġew ippreżentati l-elementi ta' prova, in-natura volontarja ta’ l-għoti ta' provi u "il-valur addizzjonali" ta' l-elementi ta' prova mogħtija.

168   Il-konvenuta tikkontesta li, f'dan il-każ, il-prinċipju ta' trattament ugwali kien jirrikjedi li r-rikorrenti tingħata tnaqqis ta' 50% mill-ammont tal-multa abbażi tas-sezzjoni D tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni, jiġifieri trattament identiku għal dak li ngħata f'dan ir-rigward lil Roche u lil BASF. Hija b'mod partikolari tosserva li kien biss wara iktar minn xahar, wara Roche u BASF, li r-rikorrenti kkuntattjat lill-Kummissjoni sabiex tesprimi l-intenzjoni tagħha li tikkoopera u li l-kooperazzjoni effettiva tagħha seħħet biss meta l-Kummissjoni diġà kellha provi deċiżivi fuq l-akkordju li kienu ġew ipprovduti lilha minn Roche u minn BASF. Għalhekk hija ma kisritx il-prinċipju ta' trattament ugwali meta hija eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali tagħha fir-rigward tal-grad ta' tnaqqis (10 sa 50%) previst mis-sezzjoni D tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni billi tat lir-rikorrenti tnaqqis ta' 35% fuq l-ammont tal-multa tagħha.

–       Fuq ir-raba' parti

169   B’titolu iktar sussidjarju, permezz tar-raba' parti ta' dan il-motiv ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni u l-prinċipju ta' trattament ugwali billi ma tathiex tnaqqis ta' iktar minn 35% peress li hija kkonformat ruħha ma' l-ewwel u t-tieni inċiżi tas-sezzjoni D ta' l-imsemmija komunikazzjoni.

170   F'dan ir-rigward ir-rikorrenti tfakkar li hija ngħatat tnaqqis ta' 35% minħabba li ssodisfat il-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel inċiż tas-sezzjoni D(2) tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni, jiġifieri peress li pprovdiet lill-Kummissjoni, qabel il-ħruġ tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, informazzjoni, dokumenti u elementi ta' prova oħra li kkontribwew sabiex tiġi kkonfermata l-eżistenza tal-ksur. Ir-rikorrenti tosserva, madankollu, li l-Kummissjoni fl-ebda parti tad-Deċiżjoni ma rrikonoxxiet li, billi ma kkontestatx is-sustanza tal-fatti esposti fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, hija ssodisfat ukoll il-kundizzjonijiet imposti mit-tieni inċiż tas-sezzjoni D(2) ta' l-imsemmija Komunikazzjoni.

171   Issa, mis-sezzjoni D(2) jirriżulta li l-ewwel u t-tieni inċiż jirrigwardaw motivi separati u distinti għat-tnaqqis ta' l-ammont tal-multa. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-Kummissjoni ma tatx lir-rikorrenti tnaqqis ogħla minħabba l-fatt li hija kienet issodisfat il-kundizzjonijiet ta' l-ewwel u tat-tieni inċiż tas-sezzjoni D(2) tal-Komunikazzjoni jikkostitwixxi applikazzjoni ħażina ta' din ta' l-aħħar jew, minn ta' l-anqas, ksur ta' l-aspettattivi leġittimi maħluqa minn din il-Komunikazzjoni.

172   Barra minn hekk, ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti lir-rikorrenti tnaqqis talli kkonformat ruħha maż-żewġ inċiżi tas-sezzjoni D (2) tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni jikser ukoll il-prinċipju ta' trattament ugwali, safejn dan mhuwiex konformi mad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni. Ir-rikorrenti tirreferi, f'dan ir-rigward, għad-deċiżjoni British Sugar (punt 46 iktar 'il fuq) u għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/271/KE tad-9 ta' Diċembru 1998, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/34.466 – Servizz tal-laneċ Griegi) (ĠU 1999, L 109, p.24), fejn, rispettivament, l-impriżi British Sugar u Anek kienu bbenefikaw minn tnaqqis ta' 50 u ta' 45% ta’ l-ammont tal-multa minħabba li, fl-istess ħin, issodisfaw kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni inċiżi tas-sezzjoni D(2) tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni.

173   Ir-konvenuta tikkontesta li r-rikorrenti hija, abbażi tas-sezzjoni D ta' l-imsemmija Komunikazzjoni, intitolata għal tnaqqis ta' l-ammont tal-multa ta' iktar minn 35%. Hija ssostni li t-tnaqqis ta' 35% jieħu wkoll in kunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti ma kkontestatx il-fatti. Id-Deċiżjoni, fil-premessa 754 (ara l-punt 20 iktar 'il fuq), issemmi ċ-ċirkustanza li r-rikorrenti ma kkontestatx il-fatti. Analiżi korretta ta' din il-premessa għandha turi li ż-żewġ possibbiltajiet previsti huma, l-ewwel nett, li impriża tkun ikkontribwiet sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur u li ma kkontestatx is-sustanza tal-fatti u, it-tieni nett, li hija ma kkontestatx is-sustanza tal-fatti mingħajr ma kkontribwiet sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur. Din hija l-interpretazzjoni li għandha tiġi segwita fil-kuntest tas-sentenza u tad-Deċiżjoni kollha kemm hi, li minnha jirriżulta li għalkemm l-ebda waħda mill-impriżi ma kkontestat is-sustanza tal-fatti, uħud mill-impriżi, fir-rigward ta' ċerti prodotti tal-vitamini, ma ssodisfawx il-kundizzjoni li tirrigwarda l-kontribuzzjoni sabiex jiġi stabbilit il-ksur. Barra minn hekk, il-livell ta' tnaqqis mogħti lil Roche u lil BASF jikkonferma l-ineżattezza ta' l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni adottata mir-rikorrenti. Fil-fatt, li kieku din l-intepretazzjoni kienet korretta, it-tnaqqis mogħti lil Roche u lil BASF ma kienx jieħu in kunsiderazzjoni n-nuqqas ta' kontestazzjoni, ta' dawn ta' l-aħħar, tas-sustanza tal-fatti li jirrigwardaw il-ksur li ġie attribwit lilhom u l-għoti, mill-Kummissjoni, ta' tnaqqis ta' 50% lil kull waħda minnhom ikun illoġiku peress li jkun ingħatalhom it-tnaqqis massimu li jista' jingħata skond is-sezzjoni D anki jekk ma kinux ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha previsti f'din is-sezzjoni.

174   Għalhekk, il-konvenuta sempliċement insiet, fil-premessa 764, terġa’ ssemmi t-tieni inċiż tas-sezzjoni D, madankollu, it-termini ta' din il-premessa jirreferu b'mod ġenerali għall-kooperazzjoni tar-rikorrenti mall-Kummissjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

175   Is-sezzjoni D tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni tipprovdi:

" 1. Meta impriża tikkoopera mingħajr ma jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha elenkati fis-[sezzjonijiet] B u C, hija għandha tibbenefika minn tnaqqis ta’ bejn 10 u 50 % ta’ l-ammont tal-multa li kienet tiġi imposta fuqha fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni.

2. B’mod partikolari, dan jista’ jkun il-każ jekk :

–       qabel ma tintbagħat dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, impriża tipprovdi lill-Kummissjoni informazzjoni, dokumenti jew elementi oħra ta’ prova li jikkontribwixxu sabiex tiġi kkonfermata l-eżistenza tal-ksur imwettaq,

–       wara li tkun irċeviet id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, impriża tinforma lill-Kummissjoni li hija mhux qed tikkontesta s-sustanza tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tkun qed tibbaża l-akkużi tagħha.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

176   L-ewwel nett, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni ta' jekk, kif issostni r-rikorrenti, it-tnaqqis ta' 35% mogħti lilha mill-Kummissjoni skond is-sezzjoni D, ingħataliex biss abbażi tal-kooperazzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-paragrafu 2 ta' din is-sezzjoni jew jekk, kif issostni l-konvenuta, l-imsemmi tnaqqis kienx intiż ukoll li jikkumpensa lir-rikorrenti talli ma kkontestatx is-sustanza tal-fatti esposti fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, filwaqt li huwa ppreċiżat li l-konvenuta ma tiċħadx li r-rikorrenti kienet tissodisfa l-kundizzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-paragrafu 2 ta' l-imsemmija sezzjoni. Barra minn hekk, in-nuqqas ta' kontestazzjoni min-naħa tar-rikorrenti tas-sustanza tal-fatti esposti fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet tirriżulta b'mod ċar mill-kontenut tar-risposta tagħha tat-2 ta' Ottubru 2000 għal din il-Komunikazzjoni.

177   Kif osservat il-konvenuta, mid-Deċiżjoni (premessa 148) effettivament jirriżulta li l-ebda waħda mit-tmien impriżi, li kienu ġew suġġetti għall-impożizzjoni ta' multi fil-kuntest tad-Deċiżjoni, ma kkontestat is-sustanza tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni kienet ibbażat id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet tagħha. Issa, għalkemm il-premessa 746 essenzjalment tirriproduċi t-test sħiħ tas-sezzjoni D tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni u għalkemm il-Kummissjoni, espliċitament, tat lill-Merck KgaA u lill-Aventis SA tnaqqis ta' l-ammont tal-multa, rispettivament, ta' 15% u ta' 10% abbażi ta' l-imsemmi tieni inċiż tas-sezzjoni D(2), talli ma kkontestawx il-fatti li kienu qegħdin jiġu allegati kontrihom, li kien jirrigwarda, rispettivament, il-ksur li jirrigwarda l-vitamina C u l-ksur li jirrigwarda l-vitamina D3 (premessi 763 u 767), hija astjeniet ruħha milli tapplika din id-dispożizzjoni fir-rigward tar-rikorrenti u naqqset l-ammont tal-multa ta' din ta' l-aħħar biss abbażi tat-tieni inċiż tas-sezzjoni D(2) (premessa 764).

178   Fis-sottomissjonijiet tagħha l-konvenuta pprovat tispjega din l-ommissjoni billi esponiet li, peress li l-kooperazzjoni ta' l-impriżi kienet limitata għal nuqqas ta' kontestazzjoni tal-fatti, hija tat tnaqqis biss abbażi ta' din it-tip ta' kooperazzjoni u rreferiet espressament għat-tieni inċiż tas-sezzjoni D(2) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, filwaqt li, għall-impriżi li kkooperaw ukoll skond l-ewwel inċiż ta' din id-dispożizzjoni, jiġifieri Roche, BASF, Solvay Pharmaceuticals BV, Daiichi, Eisai Co. Ltd u Takeda Chemical Industries Ltd, hija tat biss tnaqqis wieħed li jgħaqqad flimkien iż-żewġ tipi ta' kooperazzjoni; hija naqset, madankollu, milli ssemmi, fir-rigward ta' dan l-aħħar tnaqqis, ukoll it-tieni inċiż. F'kull każ, mill-kuntest tad-Deċiżjoni jirriżulta b'mod ċar li l-għoti tat-tnaqqis lir-rikorrenti kien ibbażat kemm fuq il-provvista ta' informazzjoni kif ukoll fuq in-nuqqas ta' kontestazzjoni tal-fatti tagħha.

179   D'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tat din l-ispjegazzjoni għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u li ma tidher imkien fid-Deċiżjoni adottata mill-Kulleġġ tal-Kummissjoni. Issa, l-evalwazzjoni tan-nuqqas ta' kontestazzjoni tal-fatti min-naħa tar-rikorrenti kellha tidher fil-premessi li jirrigwardaw il-kooperazzjoni ta' l-impriżi kif din ta' l-aħħar ġiet espressament imsemmija – barra milli fil-premessa 184 li tirrigwarda d-deskrizzjoni ta' l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva – fil-premessi 752, 753, 763 u 767 fir-rigward ta' Merck u ta' Aventis (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, T-31/99, Ġabra p. II 1881, punti 242 u 244, u tad-29 ta' April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 413 sa 415, 439 u 453). F'dak li jirrigwarda l-premessa 754, invokata mill-konvenuta, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-kliem użat u b'mod partikolari ta' l-użu tal-kliem "u/jew", din ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tindika li r-rikorrenti ma kinitx ikkontestat is-sustanza tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni kienet ibbażat l-akkużi tagħha, b'mod partikolari peress li din il-premessa sempliċement issegwi l-premessi tad-Deċiżjoni (747 sa 753) li fihom il-Kummissjoni eżaminat, għal kull waħda mill-impriżi in kwistjoni, it-tipi ta' kooperazzjoni pprovduta u li, f'dak li jirrigwarda r-rikorrenti, bil-kontra tal-każijiet ta' Merck u ta' Aventis, ma ssemmi l-ebda nuqqas ta' kontestazzjoni tal-fatti bħal dan.

180   Għalhekk, fid-dawl tal-premessi 749, 750 u 764 tad-Deċiżjoni, safejn jirrigwardaw lir-rikorrenti (ara l-punt 22 iktar 'il fuq), il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax ma tikkonkludix li l-Kummissjoni ma tatx lil Daiichi l-benefiċċju previst mit-tieni inċiż tas-sezzjoni D(2) tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni anki jekk ir-rikorrenti kienet issodisfat il-kundizzjonijiet ta' dik id-dispożizzjoni.

181   Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni interpretat ħażin l-importanza tal-kooperazzjoni li r-rikorrenti pprovdiet qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni u, minħabba f'hekk, illegalment ċaħħdet lir-rikorrenti l-benefiċċju previst fl-imsemmija dispożizzjoni. Għalhekk, peress li l-Kummissjoni kisret il-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni, l-Qorti tal-Prim'Istanza għandha teżerċita s-setgħa diskrezzjonali sħiħa tagħha sabiex tiggarantixxi l-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi li s-sezzjoni D ta' din il-Komunikazzjoni setgħet ħolqot f'moħħ ir-rikorrenti.

182   Fl-eżerċiżżju ta' din il-kompetenza, fid-dawl ukoll kemm tal-portata tal-kooperazzjoni li r-rikorrenti pprovdiet qabel ma ntbgħatet id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet – kif jirriżulta mill-ammont kunsiderevoli ta' dokumenti mibgħuta lill-Kummissjoni fid-9 ta' Lulju 1999 u min-numru kunsiderevoli ta' ċitazzjonijiet, fid-Deċiżjoni, ta' elementi pprovduti fil-kuntest ta' din il-kooperazzjoni -, kif ukoll tan-natura spontanja ta' din il-kooperazzjoni, li ma kinitx ippreċeduta, fir-rigward tar-rikorrenti, mill-eżerċiżżju tas-setgħa ta' stħarriġ tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li r-rikorrenti għandha tingħata tnaqqis addizzjonali ta' 15% fuq l-ammont tal-multa tagħha, kif ikkalkulata qabel l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni, li għandu jiżdied mat-tnaqqis ta' 35% li diġà ngħata mill-Kummissjoni.

183   Għalhekk, peress li r-rikorrenti għandha tibbenefika minn tnaqqis ta' 50%, jiġifieri t-tnaqqis massimu previst mis-sezzjoni D tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni, mhemmx bżonn li l-ilment li r-rikorrenti tibbaża, fil-kuntest ta' din il-parti, fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali jiġu eżaminati b'mod speċifiku.

184   Minn dan isegwi li l-ammont finali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għandu jitnaqqas għal EUR 18 il-miljun.

 Fuq in-natura kunfidenzjali ta' ċerta informazzjoni li tidher fid-Deċiżjoni

185   Għandu jiġi osservat li, fit-tabella li tidher fil-premessa 123 tal-verżjoni ppubblikata tad-Deċiżjoni, ċerta informazzjoni li tirrigwarda l-fatturat dinji li l-prodott ikkonċernat iġġenera matul l-aħħar sena sħiħa tal-ksur u l-ishma tas-suq miżmuma matul il-perijodu tal-ksur tħalliet barra jew ġiet mibdula minn parenteżi ta' valuri, sabiex jiġi mħares is-sigriet tan-negozju. Din hija, b'mod iktar speċifiku, l-informazzjoni li tirrigwarda s-swieq tal-vitamini A, E, B5, tal-beta-karoten u tal-karotenojdi.

186   Inizjalment, la r-rikorrenti u lanqas il-Kummissjoni ma talbu li din l-informazzjoni tingħata trattament kunfidenzjali.

187   Peress li l-Artikolu 17(4) ta' l-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, adottati fit-3 ta' Marzu 1994 (ĠU 1994, L 78, p. 32) u emendati l-aħħar fil-5 ta' Ġunju 2002 (ĠU 2002, L 160, p.1), jipprovdi li "[fuq] talba ta' waħda mill-partijiet jew ex ufficio, […] ċerta informazzjoni tista' titħalla barra mill-pubblikazzjonijiet li jirrigwardaw il-kawża jekk ikun hemm interess leġittimu sabiex […] din l-informazzjoni tinżamm kunfidenzjali", Il-Qorti tal-Prim'Istanza stiednet lill-partijiet, fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, sabiex jesprimu ruħhom fuq il-kwistjoni ta' jekk, fl-opinjoni tagħhom, kienx għad hemm interess leġittimu sabiex l-informazzjoni li tidher fil-punt 185 iktar 'il fuq tibqa’ tinżamm kunfidenzjali f'pubblikazzjonijiet li jirrigwardaw din il-kawża.

188   Ir-rikorrenti rrispondiet li, fid-dawl tan-natura storika tagħha, l-informazzjoni li kienet tikkonċernaha ma kinitx tirrikjedi trattament kunfidenzjali fil-pubblikazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza li jirrigwardaw din il-kawża. Il-konvenuta, min-naħa tagħha, filwaqt li qablet ma' l-eventwali pubblikazzjoni ta' l-informazzjoni li tirrigwarda r-rikorrenti, peress li din tat il-kunsens tagħha, ippreċiżat li, min-naħa l-oħra, l-informazzjoni li tirrigwarda l-impriżi l-oħra ma tistax tiġi żvelata peress li taqa’ taħt is-sigriet tan-negozju u peress li dawn l-impriżi kienu talbu t-trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni.

189   Peress li l-informazzjoni in kwistjoni tirrigwarda perjodi (li jaslu sa' l-1998) li diġà ilhom li għaddew minn ta' l-anqas sitt snin u peress li barra minn hekk lanqas m'għandha importanza strateġika, il-Qorti tal-Prim'Istanza, peress li tqis li llum il-ġurnata kisbet karattru storiku (ara, f'dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Ġunju 1996, NMH Stahlwerke et vs Il-Kummissjoni, T-134/94, T-136/94 sa T-138/94, T-141/94, T-145/94, T-147/94, T-148/94, T-151/94, T-156/94 u T-157/94, Ġabra. p. II-537, punti 25 u 32), iddeċidiet li mhemmx bżonn li jiġu suġġetti għal trattament kunfidenzjali fil-pubblikazzjonijiet li jirrigwardaw din il-kawża. Huwa għalhekk li ċerta informazzjoni li tirrigwarda s-suq tal-vitamina B5, inkluża dik li tirrigwarda impriżi oħra minbarra r-rikorrenti, dehret fir-rapport tas-seduta u li, l-istess bħal ċerta informazzjoni li tirrigwarda s-swieq tal-vitamini A u E, din tidher ukoll f'din is-sentenza, peress li barra minn hekk din tgħin sabiex jiġi mifhum ir-raġunament li l-Qorti tal-Prim'Istanza segwiet fir-rigward ta' l-ewwel motiv ta' dan ir-rikors.

 Fuq l-ispejjeż

190   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 87(3) jipprevedi li l-Qorti tal-Prim'Istanza tista' taqsam l-ispejjeż jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom.

191   Peress li f'dan il-każ ir-rikorrenti tilfet f'parti sinjifikattiva tat-talbiet tagħha, issir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li hija għandha tbati erba' partijiet minn ħamsa ta' l-ispejjeż tagħha u erba’ partijiet minn ħamsa ta' l-ispejjeż tal-Kummissjoni u li din ta' l-aħħar għandha tbati parti minn ħamsa ta' l-ispejjeż tagħha u parti minn ħamsa ta' l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

taqta' u tiddeċiedi :

1)      L-ammont tal-multa impost fuq ir-rikorrenti permezz ta' l-Artikolu 3(f) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/2/KE, tal-21 ta' Novembru 2001, dwar il-proċedura marbuta ma' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta' l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/37.512 – Vitamini) huwa mnaqqas għal EUR 18 il-miljun.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-rikorrenti hija kkundannata tbati erba' partijiet minn ħamsa ta' l-ispejjeż tagħha u erba' partijiet minn ħamsa ta' l-ispejjeż tal-Kummissjoni filwaqt li din ta' l-aħħar hija kkundannat tbati parti minn ħamsa ta' l-ispejjeż tagħha u parti minn ħamsa ta' l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Legal

Mengozzi

Wiszniewska-Białecka

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, 15 ta’ Marzu, 2006

Reġistratur

 

       il-President

E. Coulon

 

       H. Legal

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u talbiet tal-partijiet

Fid-dritt

1.  Fuq l-ewwel motiv, li jirrigwarda l-iffissar ta' l-ammont tat-tluq tal-multa

L-argumenti tal-partijiet

Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-ewwel parti

Fuq it-tieni u t-tielet partijiet

2.  Fuq it-tieni motiv, li jirrigwarda l-użu tal-fatt li r-rikorrenti implementat l-akkordji biss parzjalment bħala ċirkustanza attenwanti

L-Argumenti tal-partijiet

Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

3.  Fuq it-tielet motiv, li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni

Fuq l-ewwel u t-tieni partijiet, li jirrigwardaw, rispettivament, l-applikazzjoni tas-sezzjonijiet B u C tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

–  Fuq l-ewwel parti

–  Fuq it-tieni parti

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq it-tielet u r-raba' partijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni tas-sezzjoni D tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

–  Fuq it-tielet parti

–  Fuq ir-raba' parti

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq in-natura kunfidenzjali ta' ċerta informazzjoni li tidher fid-Deċiżjoni

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: L-Ingliż.

Top