This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62002CJ0464
Judgment of the Court (First Chamber) of 15 September 2005.#Commission of the European Communities v Kingdom of Denmark.#Failure of a Member State to fulfil obligations - Freedom of movement for workers - Motor vehicles - Making available to the employee by the employer - Vehicle registered in the Member State of the employer - Employee resident in another Member State - Taxation of the motor vehicle.#Case C-464/02.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-15 ta' Settembru 2005.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju tad-Danimarka.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Moviment liberu tal-ħaddiema - Karozzi - Tqegħid għad-dispożizzjoni tal-ħaddiem minn min iħaddmu - Karozza rreġistrata fl-Istat Membru ta' min iħaddem - Ħaddiem residenti fi Stat Membru ieħor - Taxxa fuq il-karozzi.
Kawża C-464/02.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-15 ta' Settembru 2005.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju tad-Danimarka.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Moviment liberu tal-ħaddiema - Karozzi - Tqegħid għad-dispożizzjoni tal-ħaddiem minn min iħaddmu - Karozza rreġistrata fl-Istat Membru ta' min iħaddem - Ħaddiem residenti fi Stat Membru ieħor - Taxxa fuq il-karozzi.
Kawża C-464/02.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:546
European Court reports 2005 Page 00000
Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Fil-kawża C-464/02
li għandha bħala suġġett rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226KE, imressaq fit-23 ta' Diċembru 2002,
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn N. B. Rasmussen u D. Martin, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrent
vs
ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn J. Molde, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenut
sostnut minn
ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn T. Pynnä, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
intervenjenti
IL-QORTI (l-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, N. Colneric (Relatur), K. Schiemann, E. Juhász u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,
Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub, u wara s-seduta ta' l-24 ta' Novembru 2004,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-20 ta' Jannar 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1. Bit-talba tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:
- sa fejn il-liġi u l-prassi amministrattiva tagħha ma jawtorizzawx lill-ħaddiema li għandhom impjieg fi Stat Membru konfinanti u li huma residenti fid-Danimarka, li jużaw, għal skopijiet professjonali u privati, karozza ta' kumpannija rreġistrata f'dan l-Istat Membru konfinanti fejn hija stabbilita l-impriża ta' min iħaddimhom,
- sa fejn il-liġi u l-prassi amministrattiva tagħha ma jawtorizzawx lill-ħaddiema, li għandhom impjieg fi Stat Membru ieħor ta' l-Unjoni Ewropea u residenti fid-Danimarka, li jużaw, għal skopijiet professjonali u/jew privati, karozza, u b'mod partikolari karozza ta' kumpannija, irreġistrata fi Stat Membru ieħor fejn min iħaddimhom għandu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu jew l-istabbiliment ewlieni tiegħu, bil-kundizzjoni li l-impjieg fl-impriża stabbilita barra mill-pajjiż tikkostitwixxi l-attività prinċipali tagħhom u li għal dan il-għan taxxa hija mħallsa,
ir-Renju tad-Danimarka naqas mill-obbligi imposti fuqu skond id-dispożizzjonijiet magħquda ta' l-Artikoli 39 KE u 10 KE, u li tikkundannah ibati l-ispejjeż tal-kawża.
2. Ir-Renju tad-Danimarka titlob li r-rikors jiġi miċħud u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.
Il-Kuntest Ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3. L-Artikolu 10 KE huwa fformulat kif ġej:
"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa ġenerali jew speċjali biex jassiguraw it-twettiq ta' l-obbligi li jirrizultaw minn dan it-Trattat jew mid-deċiżjonijiet ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità, u għandhom jiffaċilitaw l-adempiment tal-missjoni tal-Komunità.
Huma m'għandhom jieħdu ebda miżura li tkun tista' tipperikola r-realizzazzjoni ta' l-għanjiet ta' dan it-Trattat."
4. L-Artikolu 39 KE jiddisponi:
"1. Għandu jkun hemm moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan il-Komunità mhux aktar tard mill-egħluq tal-perjodu transitorju.
2. Dan jimplika l-abolizzjoni ta' kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema ta' l-Istati Membri dwar l-impieg, il-paga u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.
3. Għandu jinkludi d-dritt, bla ħsara għal-limitazzjonijiet gustifkati minħabba ordni pubbliku, sigurta' pubblika u saħħa pubblika:
a) li jaċċetta offerti ta' impieg li jkunu saru;
b) li jispostja ruħu liberament għal dan l-iskop fit-territorju ta' l-Istati Membri;
c) li joqgħod f'kull Stat Membru sabiex jaħdem f'impieg skond il-liġijiet, regolamenti u regoli amministrattivi li jirregolaw l-impieg tal-ħaddiema ta' dak l-Istat;
d) li jgħix fit-territorju ta' Stat Membru wara li jkun okkupa impieg hemm, bil-kundizzjonijiet li l-applikazzjoni tagħhom għandha tkun soġġetta għal regolamenti li għandhom jiġi stabbiliti mill-Kummissjoni.
4. Id-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu ma japplikawx għal impieg ma' l-awtoritajiet pubbliċi."
5. L-Artikoli 3 u 4 tad- tat-28 ta' Marzu 1983, dwar eżenzjonijiet mit-taxxa ġewwa l-Komunità għal ċerti mezzi ta' trasport temporanjament importati fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor (ĠU L 105, p. 59), rigward l-importazzjoni termporanja ta' ċerti mezzi ta' trasport għall-użu privat kif ukoll dak ta' karozza tat-turiżmu għall-użu personali. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għall-persuni li għandhom ir-residenza normali tagħhom fi Stat Membru ieħor għal dak ta' l-importazzjoni temporanja.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tat-8 ta' April 1997 u l-prassi amministrattiva relatata
6. Il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-mument ta' l-ewwel ittra ta' intimazzjoni mill-Kummissjoni, fit-8 ta' April 1997, u ta' l-opinjoni motivata maħruġa minn dan fit-18 ta' Mejju 1998 (iktar 'il quddiem "sistema inizjali"), toħroġ mid-dispożizzjonijiet tar-regolament Nru 592 tal-Ministeru tat-Trasport, ta' l-24 ta' Ġunju 1996, dwar it-taxxa ta' reġistrazzjoni (iktar 'il quddiem ir-"regolament Nru 592"). Dan ir-regolament ġie emendat waqt il-proċedura prekontenzjuża. Dan baqa' fis-seħħ wara l-1 ta' Lulju 1999, data li fiha daħħlet fis-seħħ l-emenda, sa fejn dan ta' l-aħħar ma jistax jiġi applikat.
7. Skond ir-regolament Nru 592, resident Daniż, bħala prinċipju, għandu d-dritt li juża fid-Danimarka karozza rreġistrata f'dan l-Istat Membru biss u li jkollha pjanċi bin-numru ta' reġistrazzjoni tagħha qabel l-użu tagħha, l-Artikolu 1 ta' din is-sentenza jiddisponi li "kull vettura tat-triq u kull trattur, ħlief dawk li huma msemmija fl-Artikoli 74 u 75 tal-liġi dwar l-użu fit-triq (frdselslov), iridu jkunu rreġistrati u jkollhom pjanċa(i) ta' reġistrazzjoni qabel l-użu tagħhom".
8. Ir-reġistrazzjoni ta' karozza fid-Danimarka hija suġġetta għal ħlas ta' taxxa ta' reġistrazzjoni.
9. L-użu fid-Danimark ta' karozza rreġistrata fi Stat Membru ieħor mingħajr reġistrazzjoni Daniża tista' tiġi awtorizzata eċċezzjonalment. Skond ma' l-Artikolu 106 tar-regolament Nru 592, tali awtorizzazzjoni hija mogħtija, mir-reġistru ċċentralizzat, jekk il-karozza hija prinċipalment użata barra mid-Danimarka u jekk jeżistu raġunijiet partikolari biex ma tintalabx ir-reġistrazzjoni fid-Danimarka.
10. Skond l-Artikolu 106(2) tas-sentenza Nru 592, din l-awtorizzazzjoni, bħala prinċipju, hija mogħtija biss għal użu privat. Minħabba fid-dispożizzjonijiet derogatorji ta' dan l-istess Artikolu 106, awtorizzazzjoni ta' użu għal skopijiet professjonali ta' karozza rreġistrata f'Stat Membru ieħor hija madankollu mogħtija f'każijiet speċifiċi.
11. Fil-kuntest ta' dan ir-regolament, il-prassi amministrattiva Daniża tikkonsisti filli tirrifjuta li tagħti l-awtorizzazzjonijiet mitluba sabiex jitwettqu trasferimenti kummerċjali fid-Danimarka, b'mod partikolari li jżuru l-klijenti. F'kull każ, mhuwiex permess li jiġu użati karozzi ta' kumpannija għal skopijiet privati, per eżempju barra mill-ħin tax-xogħol. Madankollu, bħala prinċipju, l-awtorizzazzjoni hija mogħtija biex teffettwa fid-Danimarka, f'isem is-sewwieq, vjaġġ ta' tluq u ritorn bejn il-fruntiera u r-residenza (prinċipali) waqt tmiem il-ġimgħa, il-vaganzi u l-perijodi festivi.
12. Il-persuni li ma jirrispettawx dawn il-limiti fl-użu tal-karozzi tal-kumpanniji jeħlu ammenda penali.
Ir-regolament nazzjonali fis-seħħ mill-1 ta' Lulju 1999 u l-prassi amministrattiva korrispondenti
13. Mill-1 ta' Lulju 1999, il-liġi Nru 385 dwar it-taxxa ta' reġistrazzjoni fuq il-vetturi b'mutur (lov am registreringsafgift af motorkretjer; iktar 'il quddiem il-"liġi fuq it-taxxa ta' reġistrazzjoni") kif ukoll ir-regolamentsentenza Nru 592 ġew immodifikati u ġie adottat ir-regolament Nru 502, tal-21 ta' Ġunju 1999, dwar it-taxxa ta' reġistrazzjoni tal-vetturi b'mutur (iktar 'il quddiem, dawn ir-regolamenti flimkien, is-"sistema emendata").
14. Skond l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-gvern Daniż waqt l-udjenza, jeżistu żewġ differenzi fundamentali bejn is-sistema inizjali u s-sistema emendata. Min-naħa, permezz tas-sistema emendata, il-karozza rreġistrata fi Stat Membru ieħor m'għandiex tkun aktar irreġistrata bi pjanċi ta' reġistrazzjoni Daniżi. Min-naħa l-oħra, is-sistema emendata tipprevedi l-ħlas, tat-taxxa ta' reġistrazzjoni mhux iktar imħallsa bir-rata sħiħa, iżda prorata għaż-żmien ta' l-użu tal-karozza fit-territorju Daniż.
15. L-Artikolu 1(1) u (2) tal-liġi fuq it-taxxa ta' reġistrazzjoni jiddisponi:
"1. Għandha tinġabar favur l-Istat taxxa fuq il-vetturi b'mutur li jridu jkunu rreġistrati skond il-kodiċi tat-triq [frdselsloven] kif ukoll għal karrijiet u semi-karrijiet. Din it-taxxa hija dovuta fil-mument ta' l-ewwel reġistrazzjoni ta' tali vettura, ħlief f'każ ta' dispożizzjoni differenti fil-liġi preżenti.
2. It-taxxa tkun ukoll dovuta għall-vetturi li jaqgħu taħt l-Artikoli 4 u 5 li huma rreġistrati barra mill-pajjiż u użati minn resident fid-Danimarka, skond l-Artikolu 3A(6)."
16. L-Artikoli 4 u 5 tal-liġi fuq it-taxxa ta' reġistrazzjoni, li huma msemmija fil-punt ta' qabel ta' din is-sentenza, jinkludu essenzjalment ir-regoli ta' kalkolu ta' l-ammont tat-taxxa ta' reġistrazzjoni li għalihom huma suġġetti l-kategoriji differenti tal-karozzi, bħala karozzi ġodda, karozzi użati b'taxxa skond żmienhom u l-vetturi kummerċjali.
17. L-Artikolu 3A ta' l-imsemmija liġi, li tinkludi r-regoli fuq it-taxxa ta' reġistrazzjoni f'każ ta' reġistrazzjoni temporanja (iktar 'il quddiem it"taxxa ta' reġistrazzjoni temporanja"), tiddisponi:
"1. L-awtoritajiet fiskali u doganali jistgħu, fuq talba, jawtorizzaw li l-ħlas tat-taxxa ta' reġistrazzjoni tal-vetturi b'mutur li jkunu oġġetti ta' reġistrazzjoni temporanja fil-pajjiż jistgħu jkunu effettwati skond il-paragrafu 2 jekk:
1) il-vettura hija ta' barrani u hija użata mill-proprjetarju tagħha waqt il-waqfa temporanja tiegħu fil-pajjiż; jew
2) il-vettura b'mutur hija ta' impriża jew ta' stabbiliment fiss li jinsab barra mill-pajjiż u li huwa għad-dispożizzjoni ta' peruna b'domiċilju fid-Danimarka għal użu professjonali u privat fil-pajjiż barrani u fid-Danimarka meta l-impjieg ma' l-impriża jew ma' l-istabbiliment fiss jikkostitwixxi l-attività prinċipali tal-ħaddiem.
2. It-taxxa għandha titħallas kull tliet xhur bil-quddiem, bir-rata ta' 3 % tat-taxxa bir-rata sħiħa għal kull parti tat-tliet xhur. Il-ħlas huwa miżjud b'1,5 % għal kull parti tat-tliet xhur fuq l-ammont li għadu dovut wara l-aħħar ħlas. Ma' l-ewwel ħlas, depożitu korrispondenti għall-ammont tat-taxxa ta' l-ewwel tliet xhur u biex eventwalment tkopri ħlasijiet li għadhom ma twettqux rigward ir-reġistrazzjoni għandu jitħallas.
3. Il-ħlas taħt il-paragrafi 1 u 2 jitwettaq minn min iqiegħed il-vettura għad-dispożizzjoni ta' persuna b'domiċilju fid-Danimarka. [...]
[...]
6. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 5 japplikaw bl-istess mod għall-vetturi b'mutur li jaqgħu taħt il-paragrafu 1(2), li huma rreġistrati bi pjanċi ta' reġistrazzjoni barranin.
7. Fil-każ ta' vetturi b'mutur li jaqgħu taħt l-Artikolu 4 u l-Artikolu 5(1), użati minn resident bl-iskop waħdieni biex jasal fuq il-post tax-xogħol tiegħu għand min iħaddmu li hu barrani li jaqgħa taħt il-paragrafu 1(2), l-awtoritajiet fiskali u doganali jistgħu jawtorizzaw l-użu tagħhom fid-Danimarka wara l-ħlas ta' taxxa ta' kuljum. L-ammont ta' din it-taxxa huwa stabbilit għal 60 DKK kuljum għall-vetturi li jaqgħu taħt l-Artikolu 4 u 30 tad-DKK għal kuljum għall-vetturi li jaqgħu taħt l-Artikolu 5(1). Il-vetturi b'mutur li jaqgħu taħt l-Artikolu 5(3) sa l-Artikolu 5(5)(2), u l-Artikolu 5(10) [dwar ċertu kategoriji ta' vetturi kummerċjali ta' ċertu piż jew intiżi għal ċertu użu], huma eżentati mill-ħlas ta' din it-taxxa meta r-residenti ma jużax din il-vettura biss biex imur mid-domiċilju tiegħu u l-post tax-xogħol tiegħu għand min iħaddmu li hu barrani skond il-paragrafu 1(2).
[...]
9. Il-Ministru tal-Finanzi għandu s-setgħa li jieħu l-miżuri relativi għat-talbiet ta' awtorizzazzjoni u għall-ħlasijiet tat-taxxi u spejjeż oħra fil-paragrafi 1 sa 8 iktar 'il fuq."
18. Għall-persuni li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3A(1) tal-liġi fuq it-taxxa ta' reġistrazzjoni, b'mod partikolari l-kundizzjoni li l-impjieg irid jirrappreżenta l-attività prinċipali tal-ħaddiem, is-sistema inizjali tibqa' applikabbli.
19. L-Artikolu l-ġdid 115(4) tar-regolament Nru 592, inkluża fl-1999, tiddisponi:
"[...] persuna residenti fid-Danimarka tista' ssuq vettura mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha minn impriża jew stabbiliment fiss stabbilit barra mill-pajjiż għal użu kemm professjonali u privat, fl-Istat barrani kkunsidrat u fid-Danimarka. L-impjieg f'din l-impriża jew f'dan l-istabbiliment irid jikkostitwixxi l-professjoni prinċipali ta' l-interessat. L-użu tal-vettura huwa subordinat għall-għoti min-naħa ta' l-awtoritajiet doganali u fiskali nazzjonali, meta mitluba, ta' l-awtorizzazzjoni li titħallas it-taxxa ta' reġistrazzjoni fuq il-vettura skond id-dispożizzjonijiet ordnati mill-Ministru tal-Finanzi. L-awtorizzazzjoni trid tkun miżmuma fil-vettura waqt il-vjaġġi fid-Danimarka u trid tkun ippreżentata lill-pulizija tiġi mitluba."
20. L-Artikolu 117(3) ta' l-istess regolament tipprevedi li "l-awtoritajiet doganali u fiskali nazzjonali jistgħu, fuq talba, jagħtu l-awtorizzazzjoni li titħallas taxxa fuq il-vetturi suġġetti għall-obbligu ta' reġistrazzjoni, li huma rreġistrati għal użu limitat fiż-żmien fid-Danimarka, skond id-dispożizzjonijiet ordnati mill-Ministru tal-Finanzi fil-każ fejn il-vettura hija ta' barrani u hija użata minn dan ta' l-aħħar fid-Danimarka waqt waqfa limitata fiż-żmien".
21. Il-kapitolu 2 tar-regolament Nru 502, applikat flimkien ma' l-Artikolu 3A(9) tal-liġi fuq it-taxxa ta' reġsitrazzjoni, tistabbilixxi r-regoli li jirrigwardaw il-ħlas tat-taxxa proporzjonali in kwistjoni.
22. L-Artikolu 5(3) u (6) ta' dan l-istess regolament jiddisponu:
"3. Kull resident li jara titqiegħdlu għad-dispożizzjoni tiegħu vettura għal skopijiet professjonali u privati minn impriża jew minn stabbiliment fiss li jinsab barra mill-ġajjiż jista' jkun awtorizzat mill-awtoritajiet fiskali u doganali, meta mitluba, li jħallas it-taxxa skond ir-regoli tal-paragrafu 1 jekk l-impjieg għand l-imsemmija impriża jew fl-istabbiliment fiss jikkostitwixxi l-attività prinċipali tiegħu. Tali awtorizzazzjoni ma tistax tingħata ħlief għall-vettura li qed tkun użata fid-Danimarka u fil-pajjiż fejn hija stabbilita l-impriża jew l-istabbiliment fiss. Hija tingħata skond ir-regoli li ġejjin:
1) Il-vettura trid tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet doganali u fiskali nazzjonali sabiex tiġi kkalkulata t-taxxa dovuta.
2) It-talba trid tiġi ppreżentata flimkien mal-prova li l-impjieg fl-impriża barranija jikkostitwixxi l-attività prinċipali tar-resident fid-Danemark.
[...]
6. Fil-każ li l-vetturi huma użati fid-Danimarka, l-awtorizzazzjonijiet msemmija fil-paragrafi 1 u 3 iridu jinżammu abbord. Minbarra dan, l-awtoritajiet fiskali u doganali jridu jikkunsinjaw liċenzja li trid titwaħħal fuq il-ħġieġa ta' quddiem tal-vettura b'mod viżibbli. Fuq il-muturi, il-liċenzja trid tkun mqiegħda b'mod li tkun viżibbli għal min ikun għaddej."
23. L-Artikolu 6(1) ta' l-istess sentenza jipprovdi:
"Kull resident li jitqiegħd għad-dispożizzjoni tiegħu vettura, li taqa' taħt l-Artikoli 4 jew 5(1) tal-liġi fuq it-taxxa ta' reġistrazzjoni, għal skopijiet professjonali minn impriża jew minn stabbiliment barra mill-pajjiż jista' jiġi awtorizzat mill-awtoritajiet fiskali u doganali, meta tintalab, li jħallas it-taxxa ta' kuljum jekk l-impjieg f'din impriża jew f'dan l-istabbiliment fiss jikkostitwixxi l-attività prinċipali tiegħu. Mat-talba jrid jiġi miżjud ċertifikat li l-impjieg fl-impriża barranija jikkostitwixxi l-attività prinċipali tar-resident."
24. F'dak li jirrigwarda t-taxxa ta' kuljum, il-punt 1. 4 taċ-ċirkolari Nru 102 tat-28 ta' Ġunju 1999, issostitwit fl-2001 bil-gwida fuq is-sisa u bir-regoli li jiddeterminaw il-bażi ta' l-amministrazzjoni tad-dwana u tad-dazji (ara ċ-ċirkolari Nru 172, ta' l-20 ta' Settembru 2001), jipprevedi:
"Il-vetturi li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet relativi għat-taxxa ta' kuljum ma jridux ikunu effettwati għal użu privat, u b'mod partikolari għall-vjaġġ bejn id-domiċilju u l-post tax-xogħol, sakemm dan l-aħħar vjaġġ ma jiġix espressament imwettaq fl-interess ta' l-impriża [...]. Min-naħa l-oħra, il-vjaġġ normali (ta' kuljum) ta' resident fid-Danimarka bejn id-domiċilju tiegħu u l-post tax-xogħol tiegħu ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li qiegħed jiġi espressament imwettaq fl-interess ta' l-impriża."
25. Il-prassi amministrattiva Daniża relativa għall-ħlas tat-taxxa ta' kull tliet xhur jew ta' kuljum isseħħ, skond il-gvern Daniż, kif ġej:
- Talba bil-miktub li tippreċiża jekk tirrigwardax it-taxxa ta' kuljum jew ta' kull tliet xhur hija indirizzata lill-amministrazzjoni reġjunali tad-dwana u tad-dazji.
- Ma din it-talba jiġi anness ċertifikat relativ għax-xogħol barra mill-pajjiż, li jippreċiża l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u jiċċertifika, b'mod partikolari, li l-impjieg eżerċitat jikkostitwixxi l-attività prinċipali tal-ħaddiem.
- It-talba hija ġeneralment eżaminata fi tliet jew erbat ijiem minn meta tiġi ppreżentata.
- Il-permess huwa suġġett għall-fatt li l-vettura tkun użata kemm fil-pajjiż ta' min iħaddem kif f'dak tal-ħaddiem. Jekk il-vettura hija esklussivament użata fil-pajjiż fejn jirrisjedi l-ħaddiem, ma tqumx il-kwistjoni ta' attività lil hinn mill-fruntieri.
- Jekk it-talba tissodisfa l-kundizzjonijiet mitluba mil-liġi, b'mod partikolari dawk rigward l-attività prinċipali, l-awtorizzazzjoni hija awtomatikament mogħtija kemm għat-taxxa ta' kuljum, kif ukoll għat-taxxa ta' kull tliet xhur.
- Meta tingħata l-awtorizzazzjoni li titħallas it-taxxa ta' kull tliet xhur jew ta' kuljum, il-benefiċjarju jista' jingħata l-liċenzji rispettivi mill-awtoritajiet fiskali u doganali.
- Ir-regolament relativ għat-taxxa ta' kuljum jipprevedi l-għoti ta' ċertu numru ta' liċenzji li fuqhom huwa miktub in-numru ta' reġistrazzjoni tal-vettura. Sabiex il-vetturi jkunu jistgħu jiġu użati fid-Danimarka, min iħaddem jew l-impjegat irid jindika d-data ta' l-użu fuq il-liċenzja. Mal-ħlas tat-taxxa ta' kull tliet xhur, liċenzja tiġi mogħtija għat-tul taż-żmien li fiha l-awtorizzazzjoni hija valida (sa massimu ta' sentejn). It-tul taż-żmien huwa indikat fuq il-liċenzja ta' kull tliet xhur. In-numru ta' reġistrazzjoni tal-vettura huwa miktub fuq il-liċenzji. Il-liċenzja trid titwaħħal fuq il-ħġieġa ta' quddiem tal-vettura b'mod viżibbli.
- Fil-kuntest ta' l-għoti ta' l-awtorizzazzjonijiet għal ħlas ta' kull tliet xhur tat-taxxa, l-awtoritajiet reġjunali tad-dwani u tad-dazji jagħmlu stima provviżorja tal-valur tal-vettura. Din il-fażi tal-proċedura hija l-istess għal kull vettura li jsirilha l-ewwel reġistrazzjoni fid-Danimarka, inklużi dawk li għalihom ma ġiex iddikjarat jew iffissat prezz pubbliku awtorizzat. Din għaldaqstant tapplika l-iktat għall-vetturi użati importati.
- Għall-istima hemm bżonn li l-vettura tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet lokali tad-dwana u tad-dazji. Madankollu, preżentazzjoni fiżika mhijiex ġeneralment neċessarja, billi l-evalwazzjoni tal-valur ta' vettura ta' mudell magħruf tista' tiġi bbażata fuq id-dokumenti tagħha.
Il-proċedura prekontenzjuża
26. Billi kienet tal-fehma li s-sistema inizjali ma kinitx konformi mad-dispożizzjonijiet magħquda ta' l-Artikolu 5 tat-trattat KE (l-Artikolu 10 KE ġdid) kif ukoll l-Artikoli 48 u 59 tat-trattat KE (li wara li ġew emendati, saru, l-Artikoli 39 KE u 49 KE), il-Kummissjoni bdiet il-proċeduri għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu.
27. Wara li b'ittra ta' intimazzjoni tat-8 ta' April 1997, il-Kummissjoni stiednet lir-Renju tad-Danimarka sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, fit-18 ta' Mejju 1998 ħarġet opinjoni motivata li biha stiednet dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji biex jikkonforma ruħu f'perijodu ta' xahrejn.
28. F'ittra ta' intimazzjoni komplementari ta' l-14 ta' Settembru 1999, il-Kummissjoni kkonstatat li s-sistema emendata kienet, hi ukoll, inkumpatibbli ma' l-Artikoli 10 KE, 39 KE u 49 KE għal tliet raġunijiet. L-ewwel nett, l-użu fid-Danimarka tal-vetturi tal-kumpannija rreġistrata barra mill-pajjiż hija subordinata għall-għoti ta' awtorizzazzjoni speċjali. It-tieni nett, l-għoti ta' din l-awtorizzazzjoni tibqa' subordinata għal ħlas ta' taxxa. It-tielet nett, is-sistema emendata kienet ser tkun inġustament irriservata għar-residenti tad-Danimarka b'impjieg fl-impriża jew l-istabbiliment li jikkostitwixxi l-attività prinċipali.
29. In segwitu għar-risposta tal-Gvern Daniż, il-Kummissjoni fis-26 ta' Settembru 2000, ħarġet opinjoni motivata komplementari fuq is-sistema emendata u stiednet lir-Renju tad-Danimarka jieħu l-miżuri neċessarji biex jikkonforma ruħu fi żmien xahrejn.
30. Billi qieset bħala insodisfaċjenti r-risposta tal-Gvern Daniż għal din l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.
Dwar ir-rikors
31. Il-Kummissjoni ssostni li, kemm is-sistema inizjali kif ukoll is-sistema emendata (iktar 'il quddiem "ir-regolament Daniż"), huma ta' xkiel għall-moviment liberu tal-ħaddiema bi ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda ta' l-Artikoli 39 KE u 10 KE mingħajr ma jistgħu jkunu ġustifikati minn raġunijiet urġenti ta' interess ġenerali.
Dwar il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 39 KE
L-argumenti tal-partijiet
32. Il-Kummissjoni ssostni li r-regolament Daniż fil-kawża jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 39 KE minħabba li d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-eżerċizzju ta' attività professjonali għandhom bl-istess mod effett fuq l-aċċess għas-suq tax-xogħol.
33. Il-Gvern Daniż, sostnut mill-Gvern Finlandiż, iwieġeb li dan ir-regolament Daniż jaqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 39 KE billi ma joħloq l-ebda xkiel lejn l-aċċess għas-suq tax-xogħol. Il-Gvern Daniż iqis li dan jikkonċerna biss il-kundizzjonijiet ta' eżerċizzju tax-xogħol. L-istess prinċipju, li jgħid li l-ħaddiem, residenti fid-Danimarka, ma jistax juża karozza ta' kumpannija rreġistrata barra mill-pajjiż mingħajr xkiel, ma jaqax taħt l-Artikolu 39 KE.
Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
34. Id-dispożizzjonijiet kollha tat-trattat, li flimkien jirrigwardaw il-moviment ħieles tan-nies, għandhom il-għan li jtejbu, għaċ-ċittadini Ewropej, l-eżerċizzju ta' l-attivitajiet professjonali ta' kull natura fuq it-territorju kollu tal-Komunità u ma jippermettux miżuri li jistgħu jiżvantaġġaw liċ-ċittadini meta huma jkollhom l-intenzjoni li jeżerċitaw attività ekonomika fuq it-territorju ta' Stat Membru ieħor (sentenzi tal-15 ta' Diċembru 1995, Bosman, , Ġabra p. I4921, punt 94; tat-2 ta' Ottobru 2003, Van Lent, , Ġabra p. I11525, punt 15, u tad-29 ta' April 2004, Weigel, , Ġabra p. I4981, punt 52).
35. Dawn id-dispożizzjonijiet li ma jħallux jew li jiddiswadu ċittadin ta' Stat Membru milli jħalli l-pajjiż tiegħu ta' oriġini biex jeżerċita d-dritt tiegħu ta' moviment ħieles, jikkostitwixxu minnhom infushom xkiel għal din l-istess libertà anki jekk huma applikati indipendentament min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati (sentenza Bosman, iċċitata iktar 'il fuq, punt 96).
36. Madankollu, sabiex jikkostitwixxu tali ostakoli, jeħtieġ li dawn jikkundizzjonaw l-aċċess tal-ħaddiema għas-suq tax-xogħol (sentenza tas-27 ta' Jannar 2000, Graf, , Ġabra p. I493, punt 23).
37. Issa, il-metodi ta' eżerċizzju ta' attività jistgħu jikkundizzjonaw bl-istess mod l-aċċess għal din l-istess attività. Għalhekk, regola li tikkonċerna l-kundizzjonijiet ta' eżerċizzju ta' attività ekonomika tista' tikkostitwixxi xkiel għall-moviment ħieles fis-sens ta' din il-ġurisprudenza.
38. Isegwi li r-regolament Daniż fil-kawża preżenti mhuwiex mill-ewwel eskluż mill-kamp ta' obbligazzjoni ta' l-Artikolu 39 KE.
Dwar l-eżistenza ta' restrizzjonijiet għall-moviment ħieles tal-ħaddiema
L-argumenti tal-partijiet
39. Il-Kummissjoni ssostni li kemm is-sistema inizjali kif ukoll is-sistema emendata jmorru kontra l-moviment ħieles tal-ħaddiema stabbilit fl-Artikolu 39 KE billi għandhom l-effett li jxekklu d-dritt tal-ħaddiema li jfittxu impjieg fi Stat Membru ieħor u l-libertà ta' min iħaddem, li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stat Membru ieħor, li jimpjegaw ħaddiema residenti fid-Danimarka.
40. Is-sistema inizjali tipprojbixxi lir-residenti tad-Danimarka li jużaw f'dan il-pajjiż vetturi ta' kumpannija rreġistrata barra mill-pajjiż. Ix-xkiel li jirriżulta mis-sistema emendata kien jikkonsisti fil-bżonn ta' awtorizzazzjoni preliminari u tal-ħlas ta' taxxa ekwivalenti għal ħlas ta' parti ta' l-ammont kollu tat-taxxa ta' reġistrazzjoni. Il-Kummissjoni tqis li, minħabba fir-regolament Daniż, l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra jirrinunzjaw milli jimpjegaw ħaddiema residenti fid-Danimarka.
41. Il-Gvern Daniż isostni li r-regolament Daniż ma fih l-ebda diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità. Ir-regoli relattivi għall-vetturi tal-kumpannija jiżguraw li r-residenti kollha fid-Danimarka jiġu ttrattati b'mod ugwali, indipendentament mill-fatt li huma impjegati f'dan il-pajjiż jew barra mill-pajjiż.. Ir-regoli dwar it-taxxa ta' reġistrazzjoni jittrattaw b'mod ugwali ċ-ċittadini Daniżi jew barranin residenti u li jaħdmu fid-Danimarka u liċ-ċittadini Daniżi jew barranin residenti fid-Danimarka, iżda li jaħdmu barra mill-pajjiż.
42. Il-Gvern Daniż ma jeskludix li, fil-każ fejn vettura ta' kumpannija hija inkluża fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, ir-regoli Daniżi dwar it-taxxa ta' reġistrazzjoni, jekk meħuda waħedhom, jistgħu jidhru ta' natura li jħajjru min iħaddem biex jimpjiega ħaddiem mill-pajjiż tiegħu stess iktar milli ħaddiem residenti fid-Danimarka. Madankollu, huma ma jaċċettawx tali evalwazzjoni iżolata, billi l-ispejjeż supplementari ma jikkostitwixxux neċessarjament u kuljum ostakolu għat-tħaddim ta' ħaddiem residenti fid-Danimarka. Meta l-vettura tal-kumpannija tista' tkun użata għal skopijiet privati, din il-vettura tikkostitwixxi element ta' kumpens għall-ħaddiem. Min iħaddem jista' jżomm kont ta' l-ispejjeż supplementari assoċjati ma' tali użu meta jkun qed jiddetermina l-kundizzjonijiet l-oħra tal-ħaddiem, b'mod partikolari il-kundizzjonijiet ta' ħlas. Għal min iħaddem, l-ispejjeż totali li jippreżenta s-salarju futur irid jittieħed in kunsiderazzjoni. Din l-ispiża tinkludi per eżempju, minbarra s-salarju ġa msemmi, il-kontribuzzjonijiet mħallsa minn min iħaddem lis-sistemi tas-sigurtà soċjali.
43. Skond il-Gvern Finlandiż, is-sistema fiskali Daniża applikabbli għall-vetturi ta' kumpannija rreġistrata barra mill-pajjiż imqiegħda għad-dispożizzjoni ta' residenti Daniżi permanenti ma tikkostitwix ksur għall-moviment ħieles tal-ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 39 KE. Il-vettura li l-ħaddiema jużaw liberament tkun inkluża mal-vettura persunali tal-ħaddiem. Hekk ma tkunx oġġett ta' użu temporanju, iżda permanenti.
44. Il-Kummissjoni tirrispondi għall-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta' diskriminazzjoni li hemm diskriminazzjoni manifesta lejn il-ħaddiem residenti fid-Danimarka meta mqabbel mal-ħaddiem residenti barra mill-pajjiż għal użu rigorożament identiku, fid-Danimarka, ta' vettura ta' kumpannija rreġistrata barra mill-pajjiż. Ir-regolament Daniż huwa inkumpatibbli mad-dritt Komunitarju sa fejn din tiddiswadi min iħaddem milli jimpjiega ħaddiem residenti fid-Danimarka biex jeżerċita f'dan l-istess pajjiż attivitajiet professjonali permezz ta' vettura ta' kumpannija rreġistrata barra mill-pajjiż meta il-ħaddiema ta' l-istess impriża, li jirrisjedu barra l-pajjiż, ikunu jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom mingħajr l-ebda diffikultà. Ma jkunx xieraq li tagħti lir-residenti tad-Danimarka pożizzjoni fiskali aktar vantaġġjuża mill-kollegi tagħhom li huma residenti barra mill-pajjiż. Ma jkunx xieraq li tipparaguna resident fid-Danimarka impjegat ma' impriża Daniża ma residenti fid-Danimarka impjegat minn impriża barranija.
Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
45. Toħroġ minn ġurisprudenza kostanti li l-Artikolu 39 KE mhux biss jipprojbixxi kull diskriminazzjoni, diretta jew indiretta, ibbażata fuq iċ-ċittadinanza, iżda ukoll ir-regoli nazzjonali li, minkejja applikabbli indipendentament min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati, jikkostitwixxu xkiel għall-moviment ħieles tagħhom (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Graf, punt 18, u Weigel, punti 50 u 51).
46. Huwa evidenti li s-sistema inizjali, sa fejn tibqa applikabbli, tista', minħabba fl-obbligu ta' reġistrazzjoni fid-Danimarka ta' karozza ta' kumpannija mqiegħda għad-dispożizzjoni ta' impjegat ta' min iħaddem li hu stabbilit fi Stat Membru ieħor, li tiddiswadi tali persuna milli timpjega ħaddiema residenti fid-Danimarka għal impjieg li ma jikkostitwix l-attività prinċipali ta' dan u, b'konsegwenza, ixxekkel l-aċċess tar-residenti fid-Danimarka lil tali impjiegi.
47. Fir-rigward tal-ħaddiema residenti fid-Danimarka li jixtiequ jeżerċitaw l-attività prinċipali tagħhom f'impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, is-sistema emendata bl-istess mod ixxekkel il-moviment ħieles tal-ħaddiema sa fejn timponi spejjeż supplementari, taħt il-forma ta' taxxa ta' reġistrazzjoni temporanja.
48. Għaldaqstant li l-impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor issostni l-ispejjeż mingħajr kumpens, hija tkun dissważa milli timpjega ħaddiem residenti fid-Danimarka li għalih liema l-ispejjeż huma superjuri għal dawk sostnuti għal ħaddiem mhux residenti f'dan l-Istat.
49. Huwa żgur li, kif il-Gvern Daniż sostna, min iħaddem jista' jipprova jadatta s-salarju ta' ħaddiem residenti fid-Danimarka sabiex jikkumpensa l-ispejjeż supplementari fil-kawża. Fi kliem ieħor, jista' jħallas lil dan il-ħaddiem salarju inferjuri għal dak imħallas lill-ħaddiem li jeżerċita l-istess attività, iżda residenti fi Stat Membru ieħor.
50. Madankollu, ħaddiem residenti fid-Danimarka jista' jkun ġa dissważ milli jfittex impjieg fi Stat Membru ieħor jekk ikoliu jirċievi salarju inferjuri għal dak ta' ħaddiema paragunabbli residenti fi Stat Membru ieħor. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 18 tas-sentenza tas-6 ta' Lulju 1988, Ledoux (127/86, Ġabra p. 3741), il-fatt li ħaddiem jinsab fi żvantaġġ, fuq il-livell tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, meta mqabbel ma' kollegi residenti fl-Istat ta' min iħaddimhom, jeffettwa direttament l-eżerċizzju tad-dritt tiegħu ta' moviment ħieles fil-Komunità.
51. Fir-rigward ta' l-argument tal-Gvern Finlandiż li jgħid li, fl-ipoteżi ta' karozza ta' kumpannija għal użu varju rreġistrata f'Stat Membru ieħor u mqiegħda għad-dispożizzjoni ta' residenti Daniżi permanenti, li m'hemm l-ebda xkiel għall-moviment ħieles tal-ħaddiema billi tali karozza tkun simili għall-karozza personali tal-ħaddiem, din tibbaża ruħha fuq argument żbaljat. Fil-fatt, il-ħaddiem residenti fid-Danimarka li jista' juża' karozza ta' kumpannija mhux biss għal skopijiet professjonali, iżda bl-istess mod għal skopijiet privati, ma jistax jiddisponi minnha bl -istess libertà kif jiddisponi mill-vettura privata tiegħu, liema użu mhuwiex limitat mill-bżonnijiet li joħorġu mix-xogħol professjonali li jrid jitwettaq.
52. B'konsegwenza, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-regolament Daniż kemm fil-verżjoni inizjali tiegħu kif ukoll fil-verżjoni emendata jikkostitwixxu restrizzjoni għall-moviment ħieles tal-ħaddiema.
53. Tali miżuri ma jistgħux ikunu aċċettati ħlief bħala miżuri derogatorji espressament previsti taħt l-Artikolu 39(3) KE jew jekk isegwu għan leġittimu kumpatibbli mat-trattat u li huma ġustifikabbli permezz ta' raġunijiet urġenti ta' interess ġenerali. Iżda ukoll għandu jkun, f'tali ipoteżi, li l-applikazzjoni tagħhom tkun tista' tiggarantixxi t-twettiq ta' l-għan fil-kawża u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jinkiseb dan il-għan (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi Bosman, iċċitata iktar 'il fuq, punt 104, u tat-30 ta' Settembru 2003, Köbler, , Ġabra p. I10239, punt 77).
Dwar il-ġustifikazzjoni għar-restrizzjoni tal-moviment ħieles tal-ħaddiema
L-argumenti tal-partijiet
54. Il-Gvern Daniż, sostnut mill-Gvern Finlandiż, iqis li r-regolament Daniż huwa leċitu u kumpatibbli mad-dritt Komunitarju u l-obbligu tar-reġistrazzjoni huwa korollarju naturali ta' l-eżerċizzju tal-kompetenza fiskali. Huwa għalhekk leċitu li jittieħdu miżuri sabiex jiggarantixxu l-ħlas tat-taxxa ta' reġistrazzjoni bir-riżerva li dawn il-miżuri ma jmorrux lil hinn minn dak li hu neċessarju u xieraq għal dan il-għan.
55. Il-Gvern Daniż isostni li l-eventwali effett restrittiv kemm tas-sistema inizjali kif ta' dak emendat huwa bbażat fuq il-bżonn li jiggarantixxi li ma jiġix evitat il-ħlas mir-residenti Daniżi tat-taxxa ta' reġistrazzjoni. Fin-nuqqas ta' tali regoli, ir-residenti Daniżi jkunu jistgħu jaħarbu mill-ħlas tat-taxxa billi jikkostitwixxu kumpanniji jew fergħat fi Stat Membru ieħor u permezz ta' hekk jixtru u jużaw fid-Danimarka karozzi rreġistrati f'dan l-Istat Membru l-ieħor.
56. Permezz tas-sistema emendata, l-Gvern Daniż isostni li l-bżonn ta' awtorizzazzjoni qabel il-ħlas tat-taxxa fil-forma ta' taxxa ta' kuljum jew ta' kull tliet xhur hija bbażata fuq il-bżonn li tipproċedi, a priori, għal evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet kollha ta' applikazzjoni tar-regolament Daniż, bħal bżonn li tkun muriha a posteriori. Il-proċedura biex tingħata l-awtorizzazzjoni hija relattivament sempliċi billi l-awtorizzazzjoni tkun awtomatikament mogħtija lil kull min jissodisfa l-kundizzjonijiet preskritti.
57. F'dak li jirrigwarda l-obbligu ta' ħlas ta' taxxa ta' kull tliet xhur jew ta' kuljum stabbilita mis-sistema emendata, il-Gvern Daniż isostni li, fis-sentenza tal-21 ta' Marzu 2002, Cura Anlagen, , Ġabra p. I3193), il-Qorti rrikonoxxiet li taxxa għal konsum proporzjonali għal tul iż-żmien tar-reġistrazzjoni tal-karozza fl-Istat fejn ġiet użata huwa proporzjonat. Żied ukoll li l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jgħidu li t-taxxa in kwistjoni f'din il-kawża hija illeċita, huma partikolarment immotivati minħabba l-fatt li l-ammont tat-taxxa mhuwiex proporzjonali mat-tul ta' din ir-reġistrazzjoni. Il-Gvern Daniż jikkonkludi minn dawn id-dikjarazzjonijiet li r-regolament dwar it-taxxa ta' reġistrazzjoni, applikabbli għall-karozzi rreġistrati fi Stat Membru ieħor, mhuwiex inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-trattat relattivi mad-dritt tal-moviment ħieles tal-ħaddiema.
58. Il-Gvern Daniż isostni li l-kundizzjoni ta' l-"attività prinċipali", li trid tkun sodisfatta għall-applikazzjoni tas-sistema emendata, hija proporzjonata. Hemm "attività prinċipali" meta r-resident Daniż huwa impjegat minn impriża barranijia f'impjieg ekwivalenti għal xogħol full-time jew meta jirċievi,fil-kuntest ta' dan l-impjieg, għallinqas nofs il-qliegħ tiegħu..
59. Din il-kundizzjoni tiggarantixxi li l-ħaddiem li jibbenefika minn karozza tal-kumpannija realment iwettaq il-funzjonijiet tiegħu għand dak li jħaddmu u li jqiegħdlu għad-dispożizzjoni l-karozza, billi mhux biżżejjed relazzjoni ta' ħidma purament formali. Din il-kundizzjoni hija oġġettiva u faċilment verifikabbli. Il-Gvern Daniż iżid li, jekk is-sistema emendata hija applikabbli għal kull resident Daniż li jaħdem, part-time jew full-time , fi Stat Membru ieħor, ikun ferm iktar diffiċli li jipproteġu lilhom infushom kontra l-abbużi. Hu jqis li, jekk huwa l-każ, is-servizzi tal-pulizija jkollhom jiġu ordnati jikkontrollaw kull karozza rreġistrata barra mill-pajjiż li jintużaw fid-Danimarka, li fiha jkunu jinstabu misjuqa minn resident ta' dan l-Istat, sabiex jiġi vverifikaat jekk dawn is-sewwieqa jeżerċitawx realment l-attività professjonali tagħhom, kemm jekk full-time jew part-time , fi Stat Membru ieħor, metodu li jitqies bħala li mhux xieraq.
60. Il-Kummissjoni tikkuntesta kull ġustifikazzjoni. Hi ma taqbilx li t-taxxa ta' reġistrazzjoni Daniża hija taxxa leċita. Hi ssostni li r-regolament Daniż mhuwiex adatt sabiex jiggarantixxi t-twettiq ta' l-għan li jiġi kkontrollat b'mod effikaċi li l-karozzi jiġu biss użati b'mod leċitu.
61. Skond hi, il-projbizzjoni ta' l-użu ta' vettura rreġistrata barra mill-pajjiż mingħajr ma' tittieħed in kunsiderazzjoni l-kwistjoni jekk jirrigwardax importazzjoni temporanja, jekk il-karozza trid tkun użata kemm fid-Danimarka u kemm fl-Istat fejn ġiet irreġistrata legalment, u jekk il-karozza hija regolarment meħuda lura fl-Istat tar-reġistrazzjoni, mhuwiex la xieraq, u lanqas proporzjonat fir-rigward tas-sigurtà fuq it-triq. L-obbligu ġenerali li tinkiseb awtorizzazzjoni qabel il-ħlas tat-taxxa taħt forma ta' taxxa ta' kuljum jew ta' kull tliet xhur introdotta bis-sistema emendata hija sproporzjonata. Tali miżuri ma jistgħux ikunu ġġustifikati fl-għan li tiġi miġġielda l-frodi fiskali.
62. F'dak li jikkonċerna l-proċedura amministrattiva ta' qabel, il-Kummissjoni tikkuntesta li din tirrigwarda proċedura sempliċi.
Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
- Dwar is-sistema inizjali
63. F'dak li jirrigwarda s-sistema inizjali, li jaqa' taħt l-ewwel inċiż tat-talbiet tagħha, il-Kummissjoni toġġezzjona li l-leġiżlazzjoni u l-prassi amministrattiva tar-Renju tad-Danimarka ma jawtorizzawx lill-ħaddiema residenti fid-Danimarka u li għandhom, fi Stat Membru konfinanti, impjieg li ma jikkostitwix l-attività prinċipali tagħhom li jużaw, għal skopijiet professjonali u privati, karozza ta' kumpannija rreġistrata f'dan l-Istat Membru konfinanti fejn hija stabbilita l-impriża ta' min iħaddimhom.
64. F'dan ir-rigward, jeħtieġ jitfakkar li, fil-kuntest ta' l-Artikolu 39 KE, trid tkun ikkunsidrata bħala "ħaddiem" il-persuna li twettaq, f'ċertu perijodu, favur ieħor u taħt id-direzzjoni tiegħu, servizzi li jitħallas għalihom. Jibbenefikaw mill-moviment ħieles il-ħaddiema kollha li jeżerċitaw attivitajiet reali u effettivi, ħlief attivitajiet tant mnaqqsa li huma purament marġinali jew aċċessorji (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta' Lulju 1986, Lawrie-Blum, 66/85, Ġabra p. 2121, punti 16 u 17, u tat-23 ta' Marzu 2004, Collins, , Ġabra p. I2703, punt 26).
65. Sabiex tiġi ġġustifikata s-sistema inizjali għall-ħaddiema li l-impjieg tagħhom fl-impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor ma jikkostitwix l-attività prinċipali tagħhom, il-Gvern Daniż invoka l-bżonn tal-prevenzjoni ta' l-abbużi.
66. Jirriżulta mill-ġurisprudenza, b'mod partikolari s-sentenza tad-9 ta' Marzu 1999, Centros , Ġabra p. I-1459, punt 24), li Stat Membru għandu d-dritt li jieħu l-miżuri li jimpedixxu li, permezz tal-faċilitajiet offerti mit-Trattat, uħud miċ-ċittadini jippruvaw jitbiegħdu b'mod abbużiv mill-leġiżlazzjoni nazzjonali u li dawn ma jagħmlux użu abbużiv jew qarrieqi tad-dritt Komunitarju.
67. Madankollu, il-prezunzjoni ġenerali ta' abbuż ma tistax tkun ibbażata fuq iċ-ċirkustanza li ħaddiem residenti fid-Danimarka li juża' karozza ta' kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor jokkupa f'dan l-Istat l-ieħor impjieg li ma jikkostitwix l-attività prinċipali tiegħu.
68. Li ma tagħtix lill-ħaddiema din it-tip ta' possibbiltà, offerta mis-sistema emendata, li tuża' fid-Danimarka, mingħajr reġistrazzjoni bi pjanċi ta' reġistrazzjoni Daniżi, karozza ta' kumpannija rreġistrata fi Stat Membru ieħor imur lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jevita abbużi.
69. Għalhekk, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu bażi f'dak li jirrigwarda s-sistema inizjali.
- Dwar is-sistema emendata
70. F'dak li jirrigwarda s-sistema emendata, li jaqa' taħt it-tieni inċiż tat-talbiet tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta li l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-ħaddiem residenti fid-Danimarka li juża vettura karozza rreġistrata fi Stat Membru ieħor hija subordinata, min-naħa, għall-kundizzjoni li l-impjieg fi ħdan l-impriża stabbilita f'dan l-Istat Membru ieħor jikkostitwixxi l-attività prinċipali tal-ħaddiem - problema ġa ċċitata iktar 'il fuq - u, min-naħa l-oħra, għall-ħlas ta' taxxa.
71. Il-bżonn ta' awtorizzazzjoni minn qabel għall-ħlas ta' din it-taxxa taħt il-forma ta' taxxa ta' kuljum jew ta' kull tliet xhur ma tidhirx fit-talbiet tal-Kummissjoni. Għalhekk m'hemmx lok li tiġi eżaminata l-kritika fformulata f'dan ir-rigward.
72. Jeħtieġ ukoll jitqies li l-kawża preżenti ma tikkonċernax it-tħaddim normali tat-taxxa ta' reġistrazzjoni, iżda l-applikazzjoni tagħha għall-karozzi rreġistrati fi Stat Membru ieħor minn proprjetarju stabbilit hemm.
73. Il-Qorti ddeċidiet, fis-sentenzi tal-11 ta' Diċembru 1990, Kummissjoni vs Danimarka , Ġabra p. I-4509), u tas-17 ta' Ġunju 2003, De Danske Bilimportrer , Ġabra p. I-6065, punt 43), li taxxa bħal dik Daniża fuq ir-reġistrazzjoni ta' vetturi ġodda mhijiex kontra l-Artikoli 28 KE u 90 KE. Madankollu, dan ma jeskludix li t-taxxa ta' reġistrazzjoni temporanja tirrestrinġi l-libertà ta' moviment tal-ħaddiema bi ksur ta' l-Artikolu 39 KE.
74. B'riżerva dwar ċertu eċċezzjonijiet mhux rilevanti fil-kawża in kwistjoni, it-taxxa tal-karozzi mhijiex armonizzata. L-Istati Membri huma għalhekk liberi li jeżerċitaw il-kompetenza fiskali tagħhom f'dan il-qasam, bil-kundizzjoni li jeżerċitaw din fir-rispett tad-dritt Komunitarju (sentenza Cura Anlagen, iċċitata iktar 'il fuq, punt 40).
75. Sabiex jiġu ddeterminati liema huma l-limiti imposti mill-Artikolu 39 KE lis-setgħa tar-Renju tad-Danimarka li jirrikjedu taxxa ta' reġistrazzjoni, jeħtieġ jitfakkar li l-kwistjoni li fuqha ddeċidiet is-sentenza Cura Anlagen, iċċitata iktar 'il fuq, ma tirrigwardax għajr is-sitwazzjoni maħluqa minn kuntratt ta' leasing tat-tul ta' tliet snin, li ġie konkluż minn kumpannija li għandha l-uffiċċju rreġistrat fl-Awstrija ma' kumpannija li għandha l-uffiċċju rreġistrat fi Stat Membru ieħor u li tirrigwarda vettura li hija essenzjalment użata fl-Awstrija. Fil-punt 35 ta' din is-sentenza, il-Qorti rrilevat li għalhekk ma kienux taħt eżami l-kuntratti ta' kirja sempliċi konklużi għal perijodi qosra, bħall-kiri ta' karozza ta' sostituzzjoni, f'kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor.
76. Meta l-karozza tal-kumpannija tkun intiża għall-użu essenzjalment fid-Danimarka b'mod permanenti jew meta tkun użata b'dan il-mod, is-sitwazzjoni hija paragunabbli għal dik li tat lok għas-sentenza Cura Anlagen, iċċitata iktar 'il fuq.
77. F'dawn il-kundizzjonijiet, huwa permess lir-Renju tad-Danimarka li jimponi taxxa ta' reġistrazzjoni fuq karozza mqiegħda għad-dispożizzjoni ta' ħaddiem residenti f'dak l-Istat, minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor.
78. Fil-fatt, f'din is-sitwazzjoni, trattament ugwali ta' l-użu ta' karozza ta' kumpannija mill-ħaddiema fil-kawża u r-residenti l-oħra tar-Renju tad-Danimarka f'dak li jirrigwarda t-tqegħid ta' tali taxxa hija leġittima u biżżejjed biex tiġġustifika r-restrizzjoni għal-libertà ta' moviment tal-ħaddiema.
79. Min-naħa l-oħra, jekk il-kundizzjonijiet elenkati fil-punt 76 ta' din is-sentenza mhumiex ssodisfatti, il-kollegament mad-Danimarka tal-vettura tal-kumpannija rreġistrata fi Stat Membru ieħor jiddgħajjef, tant li ġustifikazzjoni oħra tar-restrizzjoni fil-kawża tkun neċessarja.
80. F'dan ir-rigward, jeħtieġ jiġi rrilevat li t-taxxa ta' reġistrazzjoni temporanja ma tistax tkun iġġustifikata għar-raġuni li hija għandha l-għan li tnaqqas l-evażjoni fiskali. Fil-fatt, hemm ġurisprudenza kostanti li t-tnaqqis tad-dħul mit-taxxi mhuwiex ikkunsidrat bħala raġuni urġenti ta' interess ġenerali li jista' jiġi invokat biex jiġġustifika miżura li fil-prinċipju hija kuntrarja għal libertà fundamentali (sentenza tas-7 ta' Settembru 2004, Manninen, , Ġabra p. I7477, punt 49).
81. Safejn il-Gvern Daniż iqis li s-sistema tat-taxxa ta' reġistrazzjoni hija ġġustifikata sabiex tiġi evitata l-evażjoni fiskali permezz ta' l-użu ta' karozza tal-kumpannija rreġistrata fi Stat Membru ieħor, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li preżunzjoni ġenerali ta' evażjoni jew ta' frodi fiskali hija bla bażi fuq iċ-ċirkustanza li min iħaddem li huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor li mhux id-Danimarja jqiegħed karozza tal-kumpannija għad-dispożizzjoni tal-ħaddiem residenti fid-Danimarka għal użu professjonali, anki professjonali u privat. Tali preżunzjoni ma tistax tiġġustifika miżura fiskali li tattakka l-eżerċizzju ta' libertà fundamentali ggarantita mit-trattat.
82. Konsegwentement, ir-rikors tal-Kummissjoni dwar is-sistema emendata huwa parzjalment fondat.
83. Tali konstatazzjoni mhijiex biss valida għal użu ta' karozza ta' kumpannija għal skopijiet professjonali iżda bl-istess mod għal użu bi skopijiet privati li għandhom natura aċċessorja fir-rigward ta' l-użu professjonali (ara f'dan is-sens, is-sentenza Ledoux, iċċitata iktar 'il fuq, punt 18).
Dwar l-Artikolu 10 KE
84. M'hemmx lok li jiġi kkonstatat nuqqas ta' twettiq ta' obbligu ġenerali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 10 KE li huma distinti min-nuqqasijiet, ikkostatati aktar 'il fuq, mill-obbligi Komunitarji aktar speċifiċi li r-Renju tad-Danimarka irid jirrispetta skond l-Artikolu 39 KE.
85. Meta wieħed iqis il-kunsiderazzjonijiet ta' qabel, jeħtieġ jiġi kkonstatat li,
- sa fejn il-leġiżlazzjoni u l-prassi amministrattiva ma jawtorizzawx lill-impjegati residenti fid-Danimarka u li għandhom, fi Stat Membru ieħor, impjieg li ma jikkostitwix l-attività prinċipali tagħhom li jużaw, għal skopijiet professjonali u privati, karozza ta' kumpannija rreġistrata f'dan l-Istat Membru ieħor fejn hija stabbilita l-impriża ta' min iħaddimhom, u
- sa fejn il-leġiżlazzjoni u l-prassi amministrattiva ma jawtorizzawx lill-impjegati, residenti fid-Danimarka u li għandhom impjieg f'Stat Membru ieħor, li jużaw, għal skopijiet kemm professjonali, u kemm professjonali u privati, karozza ta' kumpannija rreġistrata f'dan l-Istat Membru ieħor fejn min iħaddimhom għandu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu jew l-istabbiliment prinċipali tiegħu, karozza li mhijiex intiża li tkun użata essenzjalment fid-Danimarka b'mod permanenti u lanqas, fil-fatt, użata b'dan il-mod, ħlief bil-kundizzjoni li l-impjieg ma min iħaddimhom jikkostitwixxi l-attività prinċipali tagħhom u li għal dan il-għan taxxa hija mħallsa,
ir-Renju tad-Danimarka naqas mill-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 39 KE, u l-bqija tar-rikors huwa miċħud.
Dwar l-ispejjeż
86. Taħt l-Artikolu 69(2), tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn jiġu mitluba. Madankollu, skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 69(3) il-Qorti tista' tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha fuq kap wieħed jew aktar. Peress li kemm il-Kummissjoni u r-Renju tad-Danimarka tilfu l-kawża parzjalment, huma għandhom jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom. Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 69(4) ta' dawn ir-Regoli, ir-Repubblika tal-Finlandja, li interveniet fil-kawża, tbati l-ispejjeż tagħha.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeciedi
1) Fil-miżura
- sa fejn il-leġiżlazzjoni u l-prassi amministrattiva ma jawtorizzawx lill-impjegati residenti fid-D animarka u li għandhom, fi Stat Membru ieħor, impjieg li ma jikkostitwixxix l-attività prinċipali tagħhom li jużaw, għal skopijiet professjonali u privati, karozza ta' kumpannija rreġistrata f'dan l-Istat Membru ieħor fejn hija stabbilita l-impriża ta' min iħaddimhom, u
- sa fejn il-leġiżlazzjoni u l-prassi amministrattiva ma jawtorizzawx lill-impjegati residenti fid-Danimarka u li għandhom impjieg fi Stat Membru ieħor li jużaw, għal skopijiet kemm professjonali, u kemm professjonali u privati, karozza ta' kumpannija rreġistrata f'dan l-Istat Membru ieħor fejn min iħaddimhom għandu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu jew l-istabbiliment prinċipali tiegħu, karozza li mhijiex intiża li tkun użata essenzjalment fid-Danimarka b'mod permanenti u lanqas, fil-fatt, użata b'dan il-mod, ħlief bil-kundizzjoni li l-impjieg ma' min iħaddimhom jikkostitwixxi l-attività prinċipali tagħhom u li għal dan il-għan taxxa hija mħallsa,
ir-Renju tad-Danimarka naqas mill-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 39 KE.
2) Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.
3) Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
4) Ir-Repubblika tal-Finlandja tbati l-ispejjeż tagħha.