EUR-Lex Adgang til EU-lovgivningen

Tilbage til forsiden

Dette dokument er et uddrag fra EUR-Lex

Dokument 62002CJ0425

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-11 ta' Novembru 2004.
Johanna Maria Boor, xebba Delahaye vs Ministre de la Fonction publique et de la Réforme administrative.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour administrative - il-Lussemburgu.
Ħarsien tad-drittjiet ta' l-impjegati fil-każ ta' trasferiment ta' impriża lill-Istat - Possibilità, għall-Istat, li jimponi r-regoli tad-dritt pubbliku - Tnaqqis ta' l-ammont ta' remunerazzjoni.
Kawża C-425/02.

ECLI-indikator: ECLI:EU:C:2004:706

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla)

11 ta' Novembru 2004 (*)

"Ħarsien tad-drittjiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża lill-Istat – Possibilità, għall-Istat, li jimponi r-regoli tad-dritt pubbliku – Tnaqqis ta’ l-ammont ta’ remunerazzjoni"

Fil-kawża C-425/02

li għandha bħala suġġett rinviju għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, magħmul mill-Cour Administrative (il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2002, li ġiet ippreżentata lill-Qorti fil-25 ta’ Novembru 2002, fil-proċedura

Johanna Maria Boor, xebba Delahaye,

vs

Ministre de la Fonction Publique et de la Réforme Administrative,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A Timmermans, President ta' l-Awla,  C. Gulmann u N. Colneric (relatur), Imħallfin, 

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta' Mejju 2004:

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Johanna Maria Boor, xebba Delahaye, minn R. Assa et N. Prüm-Carré, avukati,

–       għall-Gvern Lussemburgiż, minn S. Schreiner, bħala aġent, assistit minn A. Rukavina, avukat,

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia u D. Del Gaizo, bħala aġenti, assistiti minn A. Gingolo, avukat ta’ l-Istat,

–       għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. A. Seiça Neves, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Aresu u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta' Ġunju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari, fis-sustanza, tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE, ta’ l-14 ta’ Frar 1977, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar is-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU L 61, p. 26).

2       Din it-talba ġiet magħmula fil-kuntest ta’ kontroversja bejn J.M. Boor, xebba Delahaye, kontra l-Ministre de la Fonction Publique et de la Réforme Administrative, dwar ir-rifjut ta' dan ta' l-aħħar li jħares ir-remunerazzjoni li kienet tirriżulta minn kuntratt ta’ impjieg li kien oriġinarjament konkluż bejn J.M. Boor u Foprogest ASBL (assoċjazzjoni bla finijiet ta’ qliegħ) (minn hawn 'il quddiem "Foprogest"), persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, wara li l-impriża ta’ din ta’ l-aħħar kienet ġiet ittrasferita lill-Istat Lussemburgiż.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Dritt Komunitarju

3       L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/187 jistabbilixxi li:

"Din id-Direttiva hija applikabbli għat-trasferimenti ta’ impriżi, negozji jew parti minn negozji lil persona oħra li timpjega ieħor bħala riżultat ta’ trasferiment jew fużjoni legali." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4       L-Artikolu 2 ta’ l-imsemmija Direttiva jistabbilixxi li:

"Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

b)      ċessjonarju jfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li, minħabba t-trasferiment fis-sens ta’ l-Artikolu 1(1), isir il-prinċipal fir-rigward ta’ l-impriża, tan-negozju jew ta’ parti minn negozju;

[…]"[traduzzjoni mhux uffiċjali]

5       L-Artikolu 3(1) u (2) ta’ din id-Direttiva jipprovdi li:

"1.      Id-drittijiet u l-obbligi taċ-ċedent minn kuntratt ta' impjieg jew minn relazzjoni ta' impjieg, eżistenti fid-data tat-trasferiment fis-sens ta’ l-Artikolu 1(1), għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu ttrasferiti liċ-ċessjonarju

[…]

2.      Wara t-trasferiment fis-sens ta’ l-Artikolu 1(1), iċ-ċessjonarju għandu jkompli josserva l-kundizzjonijiet ta' xogħol stipulati fi ftehim kollettiv bl-istess mod kif dawn kienu applikabbli għaċ-ċedent, sad-data tat-terminazzjoni jew ta’ l-iskadenza tal-ftehim kollettiv jew tad-dħul fis-seħħ jew ta’ l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor.

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-perijodu għall-ħarsien tal-kundizzjonijiet tax-xogħol sakemm dan ma jkunx ta' inqas minn sena." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6       L-Artikolu 4 ta’ l-istess Direttiva jistabbilixxi dan li ġej:

"1.      It-trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn negozju ma jagħtix minnu nnifsu lok għal tkeċċija miċ-ċedent jew miċ-ċessjonarju. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tkun ta’ xkiel għal tkeċċijiet li jistgħu jseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fil-pjanijiet ta' l-impjieg.

[…]"

2.      Jekk il-kuntratt tax-xogħol jew ir-relazzjoni tax-xogħol jintemmu minħabba l-fatt li t-trasferiment fis-sens ta’ l-Artikolu 1(1) jinvolvi bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għad-detriment ta’ l-impjegat, min jimpjega għandu jitqies bħala responsabbli għat-tmiem tal-kuntratt tax-xogħol jew ir-relazzjoni tax-xogħol." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7       Id-Direttiva 77/187 ġiet emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU L 201, p. 88), li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha kien skada fis-17 ta’ Lulju 2001, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva.

8       Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU L 82, p. 16), ikkodifikat id-Direttiva 77/187, fil-kuntest ta’ l-emendi li saru li din ta' l-aħħar mid-Direttiva 98/50.

 Il-liġi nazzjonali

9       L-Artikolu 36 tal-Liġi ta’ l-24 ta’ Mejju 1989 dwar il-kuntratt ta’ xogħol (Mém. A 1989, p. 611, iktar 'il quddiem il-"Liġi ta’ l-24 ta’ Mejju 1989") jistabbilixxi li:

"(1)      Jekk ikun hemm bidla fis-sitwazzjoni tal-prinċipal, b'mod partikolari suċċessjoni, bejgħ, fużjoni legali, trasformazzjoni ta’ assi, bidla fil-kumpannija, il-kuntratti kollha ta’ xogħol eżistenti fid-data tal-bidla jibqgħu fis-seħħ bejn il-prinċipal il-ġdid u l-impjegati ta’ l-impriża."

(2)      It-trasferiment ta’ impriża li jirriżulta b'mod partikolari minn trasferiment legali jew minn fużjoni legali ma jikkostitwixxix, fih innifsu, raġuni għal tkeċċija miċ-ċedent jew miċ-ċessjonarju.

Jekk il-kuntratt ta’ impjieg jintemm minħabba li t-trasferiment jinvolvi tibdil sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għad-detriment ta’ l-impjegat, il-prinċipal għandu jitqies bħala responsabbli għat-terminazzjoni tal-kuntratt.

[…]"

10     L-Artikolu 37 ta’ din il-liġi jipprovdi li:

"Kull bidla li tiżvantaġġa lill-impjegat li tirriżulta minn klawżola essenzjali tal-kuntratt ta’ impjieg għandha, taħt piena ta’ nullità, tiġi nnotifikata lill-impjegati skond il-proċeduri u fit-termini previsti fl-Artikoli 19 u 20 u għandha tindika d-data li tidħol fis-seħħ. F’dan il-każ, l-impjegat jista’ jitlob lill-prinċipal ir-raġunijiet għall-bidla u l-prinċipal għandu jagħti dawn ir-raġunijiet skond il-proċeduri u fit-termini previsti fl-Artikolu 22.

[…]

It-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg li tirriżulta minħabba li l-impjegat jirrifjuta l-bidla nnotifikata lilu tikkostitwixxi tkeċċija li tista’ tkun suġġetta għal rikors ġudizzjarju skond l-Artikolu 28."

11     Il-kundizzjonijiet u l-ammonti ta’ remunerazzjoni ta’ l-impjegati ta’ l-Istat Lussemburgiż huma stabbiliti permezz ta’ regolament tal-Gran Dukat.

 Il-kawża prinċipali

12     J.M. Boor, xebba Delahaye, kienet impjegata ma’ Foprogest. Ma kienx hemm ftehim kollettiv li jkopri r-remunerazzjoni tagħha.

13     L-għanijiet ta’ Foprogest kienu jikkonsistu, inter alia, fil-promozzjoni u l-implementazzjoni ta’ attivitajiet ta’ taħriġ intiżi sabiex itejbu s-sitwazzjoni soċjali u professjonali ta’ dawk in-nies li jkunu qegħdin ifittxu impjieg u ta’ dawk li jkunu qiegħda bil-għan li tippermettilhom l-integrazzjoni jew ir-riintegrazzjoni professjonali tagħhom. Ir-riżorsi ta’ l-imsemmija assoċjazzjoni kienu jikkonsistu essenzjalment f'sussidji, donazzjonijiet u legati.

14     L-attività ta’ Foprogest kienet ġiet ittrasferita lill-Istat tal-Lussemburgu, jiġifieri lill-Ministre de l’Éducation Nationale, de la Formation professionnelle et des Sports. Minn dak inhar, l-attività tagħha tiġi ezerċitata taħt il-forma ta’ dipartiment pubbliku amministrattiv.

15     B’effett mill-1 ta’ Jannar 2000, J.M. Boor kienet impjegata ta’ l-Istat tal-Lussemburgu. Impjegati oħra li qabel kienu impjegati ma’ Foprogest ukoll ġew impjegati mill-Istat. Din l-operazzjoni wasslet għall-konklużjoni ta’ kuntratti ġodda ta’ impjieg bejn dan ta’ l-aħħar u l-impjegati kkonċernati. Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li fit-22 ta’ Diċembru 1999, J.M. Boor ikkonkludiet kuntratt għal żmien indeterminat mal-ministru kkonċernat.

16     Skond ir-regolament tal-Gran Dukat dwar ir-remunerazzjoni ta’ l-impjegati tal-Gvern, minn hawn 'il quddiem J.M. Boor irċeviet remunerazzjoni inqas minn dik li kienet tirċievi taħt il-kuntratt li oriġinarjament kienet ikkonkludiet ma’ Foprogest.

17     Matul is-seduta hija sostniet, mingħajr ma ġiet ikkuntestata mill-Gvern Lussemburgiż, li hija kienet ġiet ikklassifikata, mill-Istat tal-Lussemburgu, mingħajr ma ġie kkunsidrat iż-żmien li kien ilha taħdem, fl-ewwel grad, l-aħħar skala, fl-iskala ta’ remunerazzjonijiet, bil-konsegwenza li hija tilfet 37% tal-paga tagħha fix-xahar.

18     Il-partijiet fil-kawża prinċipali essenzjalment ma jaqblux dwar jekk l-Istat mhuwiex marbut, wara t-trasferiment ikkonċernat, iħares id-drittijiet kollha ta’ l-impjegati, inklużi, inter alia, id-dritt għar-remunerazzjoni li tirriżulta mill-kuntratt ta’ impjieg konkluż bejn l-impjegati u l-assoċjazzjoni li għamlet it-trasferiment.

 Il-domandi preliminari

19     Il-qorti tar-rinviju rrilevat li l-partijiet fil-kawża jaqblu dwar l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ impriża fis-sens ta’ l-Artikolu 36 tal-Liġi ta’ l-24 ta’ Mejju 1989, evalwazzjoni li saret mill-Qorti wkoll.

20     Il-qorti tar-rinviju twarrab espliċitament l-argument imressaq mill-konvenut fil-proċeduri prinċipali, li l-klassifikazzjoni ta’ l-attività kkonċernata bħala ekonomika tistà tkun leġittimament ikkontestata, peress li din hija attività ta' ġlieda kontra n-nuqqas ta’ xogħol, li tista’ taqa’ taħt eżerċizzju ta’ awtorità pubblika. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tirreferi għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1992, Redmond Stichting (Kawża C-29/91, Ġabra p. I-3189), dwar attività ta’ għajnuna (lill-persuni dipendenti mid-droga), ta’ l-10 ta’ Diċembru 1998, Hidalgo et (C-173/96 u C-247/96, Ġabra p. I-8237, dwar għajnuna fid-dar) u tas-26 ta’ Settembru 2000, Mayeur (C-175/99, Ġabra p. I-7755).

21     Fuq il-bażi ta’ din il-ġurisprudenza, il-qorti tar-rinviju taċċetta li, fil-kawża prinċipali, kien hemm trasferiment ta’ impriża fis-sens tal-legiżlazzjoni komunitarja.

22     Fil-fehma ta’ din il-qorti, meta jiġi kkunsidrat is-suġġett tal-kawża, li tinstab fi stadju ta’ appell, għandu jiġi, l-ewwel nett eżaminat jekk l-Artikolu 36 tal-Liġi ta’ l-24 ta’ Marzu 1989, li l-applikazzjoni tagħha għandha ssir fid-dawl tad-dispożizzjonijiet komunitarji u b’mod partikolari tad-Direttivi 77/187 u 98/50, miġbura fid-Direttiva 2001/23, jippermettix li t-trasferiment tad-drittijiet u l-obbligi ta’ l-impjegati, fil-każ ta’ trasferiment lis-settur pubbliku, iseħħ biss hekk kif stabbilit fis-sentenza li minnha sar l-appell, "safejn dawn huma kompatibbli mar-regoli tad-dritt pubbliku". Fi kliem ieħor, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Istat, iċ-ċessjonarju, jistax jissostitwixxi r-regoli ta’ kumpens applikabbli għall-impjegati tiegħu bil-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kuntratt ta’ impjieg ta’ qabel.

23     Il-qorti tar-rinviju tirrileva, min-naħa, li l-legiżlazzjoni komunitarja tipprovdi, bħala regola, li fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża, id-drittijiet u l-obbligi taċ-ċedent – f’dan il-każ Foprogest – huma, permezz ta' dan it-trasferiment, ittrasferiti liċ-ċessjonarju – f’dan il-każ l-Istat tal-Lussemburgu. Barra minn hekk, l-Artikolu 36 tal-Liġi ta’ l-24 ta’ Mejju 1989 jistabbilixxi li, f’każ bħal dan, il-kuntratti kollha fis-seħħ jibqgħu jeżistu bejn il-prinċipal il-ġdid u l-impjegati ta’ l-impriża.

24     Min-naħa l-oħra, din il-qorti tfakkar li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 77/187, li huwa riprodott kelma b’kelma fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 36(2) tal-Liġi ta’ l-24 ta’ Mejju 1989, jipprovdi li jekk il-kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ xogħol jintemm minħabba li t-trasferiment jinvolvi tibdil sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għad-detriment ta’ l-impjegati, il-prinċipal għandu jitqies bħala responsabbli għat-terminazzjoni tal-kuntratt ta' xogħol.

25     Il-qorti tqis li, għalkemm jidħlu l-kuntest tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(2) ta’ l-istess Direttiva madankollu jwasslu neċessarjament għall-konklużjoni li hemm possibbiltà ta’ bidla fis-sitwazzjoni ta’ l-impjegati minħabba t-trasferiment.

26     Għaldaqstant tibqa’ l-kwistjoni dwar jekk il-persuna ċessjonarja, l-Istat tal-Lussemburgu, tistax, skond il-liġi domestika u d-dritt pubbliku, timponi fuq l-impjegati li ġew taħtha mat-trasferiment, ristrutturazzjoni tar-remunerazzjoni tagħhom, li tista’, f’ċerti każijiet, twassal għal proċedura għat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol fuq l-inizjattiva ta’ l-impjegat taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 77/187 jew jekk, kuntrarjament, il-prinċipju li l-kuntratt jibqa’ jeżisti, jimponix fuq l-Istat l-obbligu li jħares, anki billi li ma jikkunsidrax il-leġiżlazzjoni tiegħu stess, ir-remunerazzjoni li kienet tirriżulta mill-kuntratt oriġinali.

27     Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour Administrative ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tirrinivja din id-domanda lill-Qorti għal deċiżjoni preliminari:

"[...] Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 77/187/KEE, 98/50/KE u 2001/23/KE, hawn fuq imsemmija, fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża minn assoċjazzjoni bla finijiet ta’ qliegħ, li hija persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, lill-Istat, dan ta’ l-aħħar, bħala persuna ċessjonarja, jista’ jieħu biss kontroll fuq id-drittijiet u l-obbligi taċ-ċedent safejn dawn huma kompatibbli mar-regoli tiegħu tad-dritt pubbliku, inter alia, dwar ir-remunerazzjoni, li fihom ir-regoli dettaljati u l-ammonti ta’ kumpens huma stabbiliti mir-regolamenti tal-Gran Dukat, meta jiġi kkunsidrat barra minn dan li l-istat ta’ impjegat pubbliku jġib vantaġġi legali għal uffiċjali kkonċernati, inter alia, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-iżvilupp tal-karriera u ta' l-istabbiltà ta’ xogħol u li l-impjegati kkonċernati, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim dwar it-"tibdil sostanzjali" fir-relazzjoni tax-xogħol fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) tad-Direttivi, għandhom id-dritt li jitolbu t-terminazzjoni ta’ din ir-relazzjoni skond regoli dettaljati fid-dispożizzjonijiet rilevanti"

 Fuq id-domanda preliminari

28     Għar-raġunijiet esposti mill-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttivi 98/50 u 2001/23 mhumiex applikabbli għall-proċeduri prinċipali. Konsegwentement, hija biss neċessarja interpretazzjoni tad-Direttiva 77/187.

29     Permezz tal-mistoqsija tagħha, il-qorti tar-rinviju, fis-sustanza, tixtieq tkun taf jekk din l-aħħar Direttiva tipprekludix, fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża minn persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat lill-Istat, lil dan ta’ l-aħħar, bħala prinċipal ġdid, milli jnaqqas l-ammont ta’ remunerazzjoni ta’ l-impjegati kkonċernati sabiex jikkonforma mar-regoli nazzjonali fis-seħħ dwar l-impjegati pubbliċi.

30     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti, it-trasferiment ta’ attività ekonomika minn persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat lil persuna ġuridika regolata mid-dritt pubbliku taqa’, bħala regola, fl-iskop ta' l-applikazzjoni tad-Direttiva 77/187. Huma biss ir-riorganizzazzjoni ta’ l-istrutturi ta’ l-amministrazzjoni pubblika jew it-trasferiment tal-funzjonijiet amministrattivi bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi li huma esklużi (sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 1996, Henke, C-298/94, Ġabra p. I-4989, punt 14 u Mayeur, iċċitati iktar 'il fuq, punti 29 sa 34).

31     Skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 77/187, id-drittijiet u l-obbligi taċ-ċedent li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ impjieg jew mir-relazzjoni ta’ xogħol huma ttrasferiti, permezz ta' dan it-trasferiment, liċ-ċessjonarju.

32     Peress li d-Direttiva 77/187 għandha l-għan li tikseb biss armonizzazzjoni parzjali fil-qasam ikkonċernat (ara, inter alia, is-sentenzi ta’ l-10 ta’ Frar 1988, Tellerup, magħrufa bħala "Daddy’s Dance Hall", 324/86, Ġabra p. 739, punt 16 u tas-6 ta’ Novembru 2003, Martin et, Kawża C-4/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 41), hija ma tipprekludix, fil-każ ta’ trasferiment ta’ attività lil persuna ġuridika regolata mid-dritt pubbliku, l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali li tipprovdi għat-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ impjieg rregolati mid-dritt privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mayeur, iċċitata iktar 'il fuq, paragrafu 56). Madankollu, skond l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 77/187, tali terminazzjoni tikkostitwixxi bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għad-detriment ta’ l-impjegat, li tirriżulta direttament mit-trasferiment, b’mod li t-terminazzjoni ta’ l-imsemmija kuntratti għandha, f’tali sitwazzjoni, tiġi kkunsidrata li seħħet minħabba l-prinċipal (ara s-sentenza Mayeur, iċċitata iktar 'il fuq, punt 56).

33     L-istess għandu jkun applikabbli fejn, bħal fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar is-sitwazzjoni ta’ l-impjegati tal-Gvern iġġib magħha tnaqqis fir-remunerazzjoni ta’ l-impjegati effettwati mit-trasferiment. Tali tnaqqis għandu, meta jkun sostanzjali, jiġi kkunsidrat bħala bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għad-detriment ta’ l-impjegati in kwistjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva.

34     Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti li huma responsabbli li japplikaw u jinterpretaw il-liġi nazzjonali dwar l-impjegati pubbliċi għandhom jagħmlu dan, safejn huwa possibbli, fid-dawl ta’ l-għan tad-Direttiva 77/187. Safejn ir-regoli nazzjonali dwar is-sitwazzjoni ta’ l-impjegati tal-Gvern jikkunsidraw l-anzjanità ta' l-impjegat tal-Gvern sabiex tiġi kkalkulata r-remunerazzjoni tiegħu. Ikun kuntrarju għall-ispirtu ta’ din id-Direttiva li impjegat, li jgħaddi taħt iċ-ċessjonarju, jiġi ttrattat mingħajr kunsiderazzjoni ta' l-anzjanità tiegħu.

35     Konsegwentement, it-tweġiba li għandha tingħata għad-domanda rrinvijata għal deċiżjoni preliminari għandha tkun li d-Direttiva 77/187 għandha tiġi interpretata fis-sens li bħala regola, hija ma tipprekludix, fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża minn persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat lill-Istat, lil dan ta’ l-aħħar, bħala prinċipal ġdid, milli jnaqqas l-ammont ta’ remunerazzjoni ta’ l-impjegati kkonċernati bil-għan li jikkonforma ruħu mar-regoli nazzjonali fis-seħħ dwar l-impjegati pubbliċi. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli li japplikaw u jinterpretaw l-imsemmija regoli għandhom jagħmlu dan, safejn huwa possibbli, fid-dawl ta’ l-għan tad-Direttiva filwaqt li jieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-anzjanità ta' l-impjegat, safejn ir-regoli nazzjonali li jirregolaw l-anzjanità ta' l-impjegat tal-Gvern jieħdu dan in kunsidrazzjoni sabiex tiġi kkalkulata r-remunerazzjoni tiegħu. Fil-każ li tali kalkoli jwasslu għal tnaqqis sostanzjali fir-remunerazzjoni ta’ l-impjegat, dan it-tnaqqis jikkostitwixxi bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għad-detriment ta’ l-impjegati effettwati mit-trasferiment, b’mod li t-terminazzjoni tal-kuntratt tagħhom, għal din ir-raġuni, għandha tiġi kkunsidrata li seħħet minħabba l-azzjoni tal-prinċipal, skond l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 77/187.

 Fuq l-ispejjeż

36     Peress li, din il-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet quddiem il-Qorti, barra mill-ispejjeż ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi :

Id-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE, ta’ l-14 ta’ Frar 1977, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji għandha tiġi interpretata fis-sens li bħala prinċipju hija ma tipprekludix, fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża minn persuna ġuridika regolata mid-dritt privat lill-Istat, lil dan ta’ l-aħħar, bħala prinċipal ġdid, milli jnaqqas l-ammont ta’ remunerazzjoni ta’ l-impjegati kkonċernati bil-għan li jikkonforma ruħu mar-regoli nazzjonali fis-seħħ dwar l-impjegati pubbliċi. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli li japplikaw u jinterpretaw l-imsemmija regoli għandhom jagħmlu dan, safejn huwa possibbli, fid-dawl ta’ l-għan tad-Direttiva filwaqt li jieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-anzjanità ta' l-impjegat, safejn ir-regoli nazzjonali li jirregolaw l-anzjanità ta' l-impjegat tal-Gvern jieħdu dan in kunsidrazzjoni sabiex tiġi kkalkulata r-remunerazzjoni tiegħu.. Fil-każ li tali kalkolu jwassal għal tnaqqis sostanzjali fir-remunerazzjoni ta’ l-impjegat, dan it-tnaqqis jikkostitwixxi bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għad-detriment ta’ l-impjegati effettwati mit-trasferiment, b’mod li t-terminazzjoni tal-kuntratt tagħhom, għal din ir-raġuni, għandha tiġi kkunsidrata li seħħet minħabba l-azzjoni tal-prinċipal, skond l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 77/187.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Op