EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002CJ0422

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tas-27 ta' Jannar 2005.
Europe Chemi-Con (Deutschland) GmbH vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Appell - Miżuri kontra d-dumping - Regolament li jagħlaq proċeduri kontra d-dumping - Retroattività - Trattament ugwali - Non-diskriminazzjoni - Importazzjonijiet ta' ċerti kondensaturi elettrolitiċi ta' l-aluminju li joriġinaw mill-Ġappun.
Kawża C-422/02 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:56

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

27 ta' Jannar 2005 (*)

“Appell – Miżuri kontra d-dumping – Regolament li jagħlaq proċeduri kontra d-dumping – Retroattività – Trattament ugwali – Non-diskriminazzjoni – Importazzjonijiet ta’ ċerti kondensaturi elettrolitiċi ta’ l-aluminju li joriġinaw mill-Ġappun”

Fil-kawża C-422/02 P,

li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 49 ta’ l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fil-21 ta’ Novembru 2002,

Europe Chemi-Con (Deutschland) GmbH, stabbilita f’Nuremberg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn K. Adamantopoulos, dikigoros, J. Branton, solicitor, and J. Gutiérrez Gisbert, abogado, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

bil-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Marquardt, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch, avocat,

konvenut fl-ewwel istanza,

u

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn T. Scharf u S. Meany, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, Presient ta’ l-Awla, A. Rosas (Relatur) u S. von Bahr, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ April 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta’ l-appell tagħha, Europe Chemi-Con (Deutschland) GmbH (aktar 'il quddiem "Chemi-Con" qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta’ Settembru 2002, Europe Chemi-Con (Deutschland) vs Il-Kunsill (T-89/00, Ġabra p. II-3651, aktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata") li biha din ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 173/2000, ta’ l-24 ta’ Jannar 2000, li jagħlaq il-proċeduri kontra d-dumping li jikkonċernaw l-importazzjoni ta’ xi kondensaturi elettrolitiċi ta’ l-aluminju kbar li joriġinaw mill-Ġappun, mir-Repubblika tal-Korea u mit-Tajwan (ĠU L 22, p. 1, aktar 'il quddiem ir-"regolament kontenzjuż").

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2       Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux Membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 56, 1996, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 905/98, tas-27 ta’ April 1998 (ĠU 128, p. 18, aktar 'il quddiem ir-"Regolament bażiku"), jirregola l-proċeduri kontra d-dumping. Skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 23 tiegħu, ir-Regolament bażiku ġie adottat bla ħsara għall-proċeduri kontra d-dumping li kienu diġà nbdew fuq il-bażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3283/94, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 349, p. 1) li kien applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ ta’ l-imsemmi Regolament bażiku.

3       L-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku jirregola l-ftuħ tal-proċeduri ta’ investigazzjoni inizjali li huma intiżi sabiex jiddeterminaw l-eżistenza, il-livell u l-effett tad-dumping kollu allegat f’ilment.

4        L-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku pprovdi li:

"Dazji proviżjonali jistgħu jiġu imposti jekk ikunu nbdew proċeduri skond l-Artikolu 5, jekk notifikazzjoni ġiet mogħtija b’dak l-effett u l-partijiet interessati ġew mogħtija biżżejjed opportunitajiet biex jissottomettu informazzjoni u jagħmlu kummenti skond l-Artikolu 5(10), jekk ikun sar stabbiliment proviżjonali pożittiv[…] ta’ bejgħ taħt il-prezz u tkun saret ħsara konsegwenti lill-industrija Komunitarja, u jekk l-interess Komunitarju jirrikjedi intervenzjoni biex tiġi pprevenuta ħsara bħal din. Id-dazji proviżjonali għandhom jiġu imposti mhux aktar kmieni minn 60 ġurnata mill-bidu tal-proċeduri imma mhux aktar tard minn disa’ xhur mill-bidu tal-proċeduri."

5       L-Artikolu 7(7) ta’ dan ir-Regolament jipprovdi li:

"Dazji proviżjonali jistgħu jiġu imposti għal sitt xhur u estiżi għal tlett xhur oħra jew jistgħu jiġu imposti għal disa’ xhur. Madanakollu, jistgħu jiġu estiżi biss, jew imposti għal perjodu ta' disa xhur fejn l-esportaturi li jirrapreżentaw persentaġġ sinifikanti tal-kummerċ involut jitolbu hekk jew ma joġġezzjonawx fuq notifikazzjoni mill-Kummissjoni.."

6       L-Artikolu 9(4) u (5) tar-Regolament bażiku huwa miktub kif ġej :

"4.      Fejn il-fatti kif fl-aħħar stabbiliti juru li hemm bejgħ taħt il-prezz u li hemm ħsara kkawżata minħabba f'hekk, u l-interess Komunitarju jitlob għal intervt skond l-Artikolu 21, għandu jiġi impost dazju definittiv kontra l-bejgħ taħt il-prezz mill-Kunsill, b'azzjoni ta' maġġoranza sempliċi fuq proposta sottomessa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv. Fejn id-dazji proviżjonali jkunu fis-seħħ, proposta għal azzjoni definittiva għandha tiġi sottomessa lill-Kunsill sa mhux iktar tard minn xahar qabel ma jiskadu dazji bħal dawn. L-ammont tad-dazju proviżjonali kontra l-bejgħ taħt il-prezz ma għandux jaqbeż il-marġini tal-bejgħ taħt il-prezz stabbilit, iżda għandu jkun inqas mill-marġini jekk dazju inqas kien ikun xieraq biex ineħħi l-ħsara lill-industrija Komunitarja.

5.      Għandu jiġi impost dazju kontra l-bejgħ taħt il-prezz fl-ammonti xierqa f'kull każ, fuq bażi mhux [diskriminatorja] fuq importazzjonijiet ta' prodott li jinstab mibjugħ taħt il-prezz mis-sorsi kollha u li jkun qiegħed jikkawża ħsara, għajr għall-importazzjonijiet minn dawk is-sorsi li mingħandhom jkunu ġew aċċettati attivitajiet taħt it-termini ta' dan ir-Regolament. . […]"

7       Skond it-termini ta’ l-Artikolu 11(2) u (3) tar-Regolament bażiku :

"2.      Miżura definittiva kontra l-bejgħ taħt il-prezz għandha tiskadi ħames snin wara l-impożizzjoni tagħha jew ħames snin mid-data tal-konklużjoni ta’ l-aktar reviżjoni riċenti li kopriet kemm il-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara, sakemm ma jiġix stabbilit f’reviżjoni li d-data ta’ skadenza kienet x’aktarx twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara. Reviżjoni ta’ skadenza bħal din għandha tinbeda fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, jew fuq talba magħmula minn jew għan-nom ta’, produtturi Komunitarji, u l-miżura għandha tibqa’ infurzata fl-istennija tar-riżultat ta’ reviżjoni bħal din."

Reviżjoni ta’ skadenza għandha tinbeda fejn it-talba jkun fiha evidenza suffiċjenti li l-iskadenza tal-miżuri kienu x’aktarx jirriżultaw f’kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara. […]

[…]

3.      Il-bżonn ta’ l-impożizzjoni kontinwa ta’ miżuri [jista' jiġi] rivedut [u]koll, fejn garantit[…], fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq it-talba ta’ Stat Membru, jew sakemm ikun għadda perijodu raġjonevoli ta’ mill-inqas sena mill-impożizzjoni tal-miżura definittiva, fuq talba minn kwalunkwe esportatur jew importatur jew mill-produtturi tal-Komunità li jkun fiha biżżejjed evidenza li tissostanzja l-bżonn għal reviżjoni interim bħal din.

Reviżjoni interim għand[h]a tinbeda fejn it-talba jkun fiha evidenza biżżejjed li l-impożizzjoni kontinwa tal-miżura ma għadhiex aktar neċessarja biex twieġeb għall-bejgħ taħt il-prezz u/jew li l-ħsara x’aktarx ma titkompliex jew ma terġax tiġri li kieku l-miżura kellha titneħħa jew tiġi mibdula, jew li l-miżura eżistenti mhix, jew ma għadhiex aktar, biżżejjed sabiex tirribatti għall-bejgħ taħt il-prezz li jkun qiegħed jikkawża ħsara.

[…]"

 Il-leġiżlazzjoni internazzjonali

8       Il-punt 9.2 ta’ l-Artikolu 9 tal-Ftehim fuq l-Implementazzjoni ta’ l-Artikolu VI tal- Ftehim Ġenerali fuq it-Tariffi u n-Negozju ta’ 1994 (ĠU L 336, p. 103, aktar 'il quddiem il-"Kodiċi kontra d-dumping ta’ 1994") li jinsab fl-Anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, approvat mill-Artikou 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, għal dak li għandhom x'jaqsmu l-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha, ta' ftehim li ntlaħqu fil-Laqgħa ta' l-Urugwaj ta’ negozjati multilaterali (1986-1994) (ĠU L 336, p. 1), huwa miktub kif ġew :

"Meta dazju kontra d-dumping huwa impost fir-rigward ta' xi prodott, dan id-dazju għandu jiġi rkuprat f'kull każ f'ammonti xierqa u mingħajr diskriminazzjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ dan il-prodott, mis-sorsi kollha li jkun ġie kkonstatat li huma s-suġġett ta’ dumping u ta' dannu, bl-eċċezzjoni ta’ l-importazzjonijiet li joriġinaw minn sorsi li minnhom ikun ġie aċċettat impenn rigward prezz. L-awtoritajiet għandhom jidentifikaw il-fornitur jew il-fornituri tal-prodott in kwistjoni. Jekk, madankollu, huma involuti bosta fornituri mill-istess pajjiż u ma jkunx prattiku li jingħataw l-ismijiet tagħhom kollha, l-awtoritajiet jistgħu jidentifikaw il-pajjiż fornitur in kwistjoni. Jekk bosta fornituri minn bosta pajjiżi huma involuti, l-awtoritajiet jistgħu jidentifikaw jew il-fornituri involuti kollha, inkella, jekk dan ma jkunx prattiku, huma jistgħu jidentifikaw il-pajjiżi fornituri kollha involuti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

9       Chemi-Con hija sussidjarja 100% ta’ Nippon Chemi-Con Inc. (aktar 'il quddiem "NCC"), stabbilita f’Tokyo (il-Ġappun). NCC timmanifattura ċerti kondensaturi elettrolitiċi ta’ l-aluminju kbar (aktar 'il quddiem il-"KEAK"). Chemi-Con hija d-distributtriċi u l-importatriċi esklużiva fil-Komunità Ewropea tal-KEAK immanifatturati minn NCC.

10     B’effett mill-4 ta’ Diċembru 1992, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3482/92, tat-30 ta’ Novembru 1992 (ĠU L 353, p. 1), stabbilixxa dazju kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet fil-Komunità tal-KEAK li joriġinaw mill-Ġappun u rrikjeda wkoll il-ġbir definittiv tad-dazju kontra d-dumping provviżorju. Din il-miżura kontra d-dumping tiskadi ħames snin wara l-istabbiliment tagħha, jiġifieri fl-4 ta’ Diċembru 1997, skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

11     Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1384/94, tat-13 ta’ Ġunju 1994 (ĠU L 152, p. 1), stabbilixxa wkoll, b’effett mid-19 ta’ Ġunju 1994, dazju kontra d-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-KEAK li joriġinaw mill-Korea u mit-Tajwan.

12     Permezz ta’ avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tat-3 ta’ Diċembru 1997 (ĠU C 365, p. 5) il-Kummissjoni ħabbret il-ftuħ ta' reviżjoni tal-miżuri kontra d-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti KEAK li joriġinaw mill-Ġappun. Id-dazji kontra d-dumping fuq dawn l-importazzjonijiet ġew miġbura matul l-investigazzjoni ta’ reviżjoni skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

13     Skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ddeċidiet, fuq inizjattiva tagħha stess, permezz ta’ avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tas-7 ta’ April 1998 (ĠU C 107, p. 4) li tiftaħ ukoll reviżjoni intermedjar tal-miżuri kontra d-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti KEAK li joriġinaw mill-Korea u mit-Tajwan.

14     Minbarra dan, permezz ta’ avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tad-29 ta’ Novembru 1997 (ĠU C 363, p. 2), il-Kummissjoni kienet iddeċidiet, skond l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, li tiftaħ proċedura kontra d-dumping u li tibda investigazzjoni dwar ċerti KEAK li kienu joriġinaw mill-Istati Uniti u mit-Tajlandja. Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1845/98, tas-27 ta’ Awwissu 1998 (ĠU L 240, p. 4), ġie stabbilit dazju provviżorju kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ dawn il-KEAK. Sussegwentement, il-Kummissjoni pproponiet lill-Kunsill li jimponi miżuri definittivi kontra d-dumping fuq dawn l-importazzjonijiet. Madankollu dan ta’ l-aħħar m'adottax din il-proposta fit-terminu ta’ ħmistax-il xahar previst fl-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku.

15     Minn dan jirriżulta li l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Istati Uniti u mit-Tajlanda ma kinux is-suġġett ta’ miżuri definittivi u li l-miżuri provviżorji, li daħlu fis-seħħ fid-29 ta’ Awwissu 1998, skadew fit-28 ta’ Frar 1999. Konsegwentement, id-dazji provviżorji kontra d-dumping fuq dawn l-importazzjonijet qatt ma ġew definittivament rkuprati.

16     Fil-21 ta’ Mejju 1999, il-Kummissjoni bagħtet lil Chemi-Con dokument ta’ informazzjoni, fis-sens ta' l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku, li jesponi l-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li, fuq il-bażi tagħhom, hija kellha l-ħsieb li tipproponi l-għeluq tar-reviżjoni tal-miżuri kontra d-dumping applikabbli għal ċerti KEAK li joriġinaw mill-Ġappun, minħabba n-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ dazji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti KEAK li joriġinaw mill-Istati Uniti u mit-Tajlandja.

17     Bejn il-31 ta’ Mejju u t-2 ta’ Novembru 1999, Chemi-Con u l-Kummissjoni kellhom skambju ta’ korrispondenza u nżamm smigħ fil-15 ta’ Ġunju 1999. Matul din il-proċedura kollha, Chemi-Con insistiet li l-għeluq tar-reviżjoni u b’hekk tal-proċedura kontra d-dumping kellu jkollu effett retroattiv mill-4 ta’ Diċembru 1997, id-data ta’ l-iskadenza tad-dazji kontra d-dumping imposti fl-1992 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti KEAK li joriġinaw mill-Ġappun.

18     Permezz tar-regolament kontenzjuż, il-Kunsill iddeċieda li, minħabba n-nuqqas ta’ miżuri adottati kontra l-KEAK li joriġinaw mill-Istati Uniti u mit-Tajlanda, ikun diskriminatorju li jiġu imposti kwalunkwe miżuri kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti KEAK li joriġinaw mill-Ġappun, mill-Korea u mit-Tajwan.

19     Id-dispożittiv tar-regolament kontenzjuż jipprovdi kif ġej:

"Artikolu 1

Il-proċedura kontra d-dumping dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti [KEAK] li joriġinaw mill-Ġappun hija magħluqa.

Artikolu 2

Il-proċedura kontra d-dumping dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti [KEAK] li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u mit-Tajwan hija magħluqa.

Artikolu 3

Dan ir-regolament jidħol fis-seħħ fil-ġurnata li ssegwi tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolamnet huwa applikabbli mit-28 ta’ Frar 1999."

20     Fil-premessi tar-regolament kontenzjuż, il-Kunsill iġġustifika l-għeluq tal-proċeduri kontra d-dumping b’dan il-mod:

"(132) Kif imsemmi aktar 'il fuq fil-premessa 6, proċedura oħra dwar il-KEAK li joriġinaw mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika u mit-Tajlandja nfetħet f’Novembru 1997, skond l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. L-investigazzjoni tal-Kummissjoni stabbilixxiet definittivament l-eżistenza ta’ prattiċi estiżi ta’ dumping u ta’ ħsara serja li kienet tirriżulta minnhom u li kienet ikkawżata lill-industrija Komunitarja. Ma kienet ġiet ikkonstatata ebda raġuni imperattiva sabiex jiġi kkunsidrat li miżuri definittivi ġodda jkunu kontra l-interess tal-Komunità. Konsegwentement, il-Kummissjoni pproponiet lill-Kunsill l-istabbiliment ta’ miżuri definittivi kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-KEAK li joriġinaw mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika u mit-Tajlandja. Madankollu, il-Kunsill m'adottax il-proposta fit-termini stabbiliti fir-Regolament bażiku. Konsegwentement, ma ġewx stabbiliti l-miżuri definittivi fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika u mit-Tajlandja u l-miżuri provviżorji, li daħlu fis-seħħ f’Awwissu 1998, skadew fit-28 ta’ Frar 1999.

(133)L-investigazzjoni l-ġdida li tikkonċerna l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u t-Tajlandja u dawn iż-żewġ reviżjonijiet twettqu, fil-parti l-kbira, simultanjament. Kif indikat aktar 'il fuq, dawn iż-żewġ reviżjonijiet waslu fundamentalment għall-istess konklużjonijiet bħal fil-kuntest tal-proċedura ġdida li tikkonċerna l-istess prodott li joriġina mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika u mit-Tajlanda. Dawn il-konklużjonijiet fil-prinċipju jiġġustifikaw li l-miżuri definittivi fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Ġappun, mir-Repubblika tal-Korea u mit-Tajwan jiġu emendati.

Madankollu l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku jipprovdi li d-dazji kontra d-dumping għandhom ikunu stabbiliti b’mod mhux diskriminatorju fuq l-importazzjonijiet ta’ prodott, minn kwalunkwe sors li jkunu ġejjin minnha, li jkunu s-suġġett ta’ dumping u qiegħdin jikkawżaw ħsara li huma kkonstatati u.

(134)Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li, fin-nuqqas ta’ miżuri fir-rigward ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u tat-Tajlandja, l-istabbiliment ta’ kull miżura fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Ġappun, mir-Repubblika tal-Korea u mit-Tajwan sussegwentement għal din l-investigazzjoni tkun diskriminatorja lejn dawn l-aħħar tliet pajjiżi.

(135) Fid-dawl ta’ dak kollu li għadu kemm intqal, sabiex jiġi assigurat approċċ koerenti u r-rispett tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni li jinsab fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, jeħtieġ li jingħalqu l-proċeduri li jikkonċernaw l-importazzjonijiet tal-KEAK li joriġinaw mill-Ġappun, mir-Repubblika tal-Korea u mit-Tajwan, mingħajr ma jiġu stabbiliti miżuri kontra d-dumping.

(136) Produttur-esportatur Ġappuniż sostna li l-proċedura li tikkonċerna l-Ġappun għandha tingħalaq a posteriori sa mid-data tal-ftuħ ta’ din ir-reviżjoni, jiġifieri fit-3 ta’ Diċembru 1997; huwa fil-fatt allega li, sakemm ħarġu r-riżultati tar-reviżjoni tal-Ġappun, l-importazzjonijiet li joriġinaw minn dan il-pajjiż baqgħu dejjem suġġetti għall-miżuri u b’hekk kienu suġġetti għal diskriminazzjoni meta mqabbla ma’ l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika u mit-Tajlanda, li fuqhom ma kien inġabar ebda dazju.

(137) Madankollu, kif indikat aktar 'il fuq fil-premessa 132, bejn Diċembru 1997 u t-28 ta’ Frar 1999, l-importazzjonijiet li oriġinaw mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika u mit-Tajlanda kienu suġġetti għal investigazzjoni, bl-istess mod kif kienu dawk li joriġinaw mill-Ġappun. L-eżistenza ta’ miżuri kontra l-Ġappun u mhux kontra l-Istati Uniti ta' l-Amerika u t-Tajlandja matul dan il-perijodu kien jirriżulta biss mill-fatt li l-proċedura li kienet tikkonċerna l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u t-Taljanda kienet tinsab f’fażi differenti, f’dan il-każ fil-livell ta' l-investigazzjoni inizjali fil-każ ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi, filwaqt li, għal dak li jikkonċerna l-Ġappun, il-miżuri fis-seħħ kienu ġew stabbiliti mir-Regolament (KEE) Nru 3482/92. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx hemm diskriminazzjoni peress li s-sitwazzjoni ta’ kull proċedura hija differenti.

(138) Madankollu, qed jiġi ammess li, mit-28 ta’ Frar 1999 u wara din id-data, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-premessi 132 sa 135 aktar 'il fuq, l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Ġappun għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħal dawk li joriġinaw mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika u mit-Tajlandja. Dan japplika wkoll għar-Repubblika tal-Korea u għat-Tajwan. L-investigazzjoni li tikkonċerna l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u t-Tajlanda kellha tiġi konkluża fit-28 ta’ Frar 1999, jew permezz ta’ l-istabbiliment ta' miżuri, inkella permezz ta’ l-għeluq tal-proċedura. Peress illi din l-investigazzjoni waslet għal konklużjonijiet simili għal dawk ta’ l-investigazzjoni li tikkonċerna l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u t-Tajlanda, għandu jingħata l-istess trattament lil din il-proċedura.”

[traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza kkontestata

21     Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru fil-Qorti tal-Prim’Istanza fl-14 ta’ April 2000, Chemi-Con ressqet kawża għall-annullament tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tar-regolament kontenzjuż, safejn l-effett retroattiv tiegħu ma kienx ġie stabbilit fl-4 ta’ Diċembru 1997.

22     22     B’digriet tas-17 ta’ Novembru 2000, il-President tar-Raba’ Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ t-talba ta’ intervent tal-Kummissjoni għas-sostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Dan ta’ l-aħħar, sostnut mill-Kummissjoni, talab li r-rikors jiġi miċħud, prinċipalment, bħala inammissibbli u, alternattivament, bħala infondat.

23     Permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors.

24     Wara li ddikkjarat ir-rikors ammissibbli, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-ewwel motiv invokat minn Chemi-Con, rigward żball manifest ta’ evalwazzjoni. Hija kkonstatat li r-rikorrenti, fis-sustanza, kienet qiegħda tallega żball ta’ dritt li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-regolament kontenzjuż u mhux żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti min-naħa tal-Kunsill. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punti 53 sa 59 tas-sentenza kkontestata, li l-imsemmi Regolament ma jiksirx il-prinċipju ta’ ugwaljanza ta’ trattament, imsemmi fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, għal dak li jikkonċerna l-perijodu ta’ l-4 ta’ Diċembru 1997 sat-28 ta’ Frar 1999.

25     Skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, iż-żewġ proċeduri in kwistjoni, jiġifieri r-reviżjoni li tirrigwarda l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Ġappun u l-investigazzjoni inizjali fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Istati Uniti u mit-Tajlandja, kienu rregolati minn dispożizzjonijiet differenti mir-Regolament bażiku, li wasslu għal riżultati differenti inkwantu għall-ġbir tad-dazji kontra d-dumping (punt 53). Il-Qort tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, meta proċedura hija magħluqa mingħajr ma jiġu stabbiliti miżuri kontra d-dumping fl-istadju ta’ l-investigazzjoni inizjali, rregolat mill-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament, ebda dazju definittiv ma jinġabar u d-dazji provviżorji mhumiex irkuprati definittivament (punt 54). Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 11(2) ta’ l-istess Regolament jipprovdi li, fir-rigward ta’ proċedura ta’ reviżjoni, miżura kontra d-dumping tiskadi ħames snin wara li tiġi stabbilita u li, fil-każ ta’ reviżjoni ta’ tali miżura li tkun waslet għall-iskadenza, din tibqa’ fis-seħħ sakemm ma jkun hemm ir-riżultati ta’ din ir-reviżjoni (punt 56).

26     Fil-punti 57 u 58 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet dan li ġej:

"57      Konsegwentement, anki jekk l-investigazzjonijiet saru simultanjament fuq prodotti simili li joriġinaw minn pajjiżi differenti għall-istess perijodu ta’ investigazzjoni, u anki jekk konklużjonijiet simili inkwantu d-dumping, għad-dannu u għall-interess Komunitarju kienu ntlaħqu, id-differenza fit-trattament li teżisti bejn l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Ġappun u dawk li joriġinaw mill-Istati Uniti u mit-Tajlandja, għal dak li jkkonċerna l-ġbir tad-dazji kontra d-dumping, għandha bażi leġiżlattiva fir-Regolament bażiku u ma tistax, konsegwentement, tiġi kkunsidrata li tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1990, Sermes, C-323/88, Ġabra p. I-3027, punti 45 sa 48).

58      Minbarra dan, il-Kunsill m’għandux l-obbligu li ma japplikax l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku abbażi ta' l-Artikolu 9(5) ta’ l-istess Regolament. Din l-aħħar dispożizzjoni tikkonċerna biss l-impożizzjoni tad-dazji kontra d-dumping. F’dan il-każ, id-dazji kontra d-dumping li r-rikorrenti kellha tħallas matul il-perijodu li jkopri mill-4 ta’ Diċembru 1997 sat-28 ta’ Frar 1999 kienu ġew imposti mir-Regolament Nru 3482/92 u komplew jinġabru fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, li hija regola speċifika. Għaldaqstant, independentement mill-ftuħ ta’ l-investigazzjoni inizjali fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Istati Uniti u mit-Tajlandja, ir-rikorrenti kellha tkompli tħallas dazji kontra d-dumping fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku."

27     Minbarra dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma laqgħetx l-argument ta’ Chemi-Con li s-sitwazzjoni f’dan il-każ setgħet titqabbel ma' dik li kienet tat lok għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2553/93, tat-13 ta’ Settembru 1993, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2089/84 li jistabbilixxi dazju definittiv kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti ball bearings li joriġinaw mill-Ġappun u minn Singapor (ĠU L 235, p. 3) u li kien stabbilixxa, għad-data tal-ftuħ tal-proċedura ta’ reviżjoni l-effett retroattiv ta’ l-iskadenza ta’ dazju definittiv kontra d-dumping, li kien stabbilit preċedentement għal dan ir-Regolament. Hija rrilevat li ċ-ċirkustanzi li kienu taw lok għal dan ir-Regolament kienu, f’bosta aspetti, differenti minn dawk li wasslu għar-Regolament kontenzjuż (punt 59 tas-sentenza kkontestata).

28     Għal dak li jikkonċerna t-tieni motiv invokat minn Chemi-Con, ibbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tar-Regolament kontenzjuż, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-motivazzjoni mitluba skond l-Artikolu 253 KE u, partikolarment, dik dwar l-atti li huma ta' applikazzjoni ġenerali (punti 65 u 66 tas-sentenza kkontestata). Hija kkonkludiet li l-motivazzjoni ta’ dan ir-Regolament, fid-dawl tal-kontenut tiegħu u tal-kuntest ta' l-adozzjoni tiegħu, hija biżżejjed (punti 67 u 68 ta’ din is-sentenza).

 It-talbiet tal-partijiet

29     Chemi-Con titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–       tannulla s-sentenza kkontestata;

–       tikkundanna l-Kunsill ibati l-ispejjeż taż-żewġ istanzi, u

–       prinċipalment, tiddikjara t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament kontenzjuż bħala null u ineżistenti, safejn dan ma jistabbilixxix id-data ta’ l-effett retroattiv ta’ dan ir-Regolament bħala l-4 ta’ Diċembru 1997, jew, alternattivament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddeċiedi fuq it-talba għall-annullament ta’ din id-dispożizzjoni.

30     Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiċħad l-appell u li tordna lil Chemi-Con tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-appell

31     In sostenn ta’ l-appell tagħha, Chemi-Con issostni tliet motivi li permezz tagħhom hija takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ċaħdet l-ewwel motiv li hija kienet qajmet quddiemha. L-ewwel motiv ta’ l-appell huwa bbażat fuq żball ta’ dritt magħmul mill-Qorti tal-Prim’Istanza safejn din, fil-punt 48 tas-sentenza kkontestata, ikklassifikat mill-ġdid b'mod żbaljat il-motiv invokat minn Chemi-Con, li kien jikkonċerna l-ksur mill-Kunsill tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni li jinsab fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku u mhux il-ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza ta’ trattament. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball ta’ dritt allegatament magħmul mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tar-Regolament bażiku. Fir-rigward tat-tielet motiv, dan huwa bbażat fuq żball ta’ dritt magħmul mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 57 ta’ l-istess sentenza, fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza ta’ trattament. L-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, minbarra dan, hija bbażata fuq motiv insuffiċjenti jew ekwivoku.

32     Kif il-Kunsill u l-Kummissjoni ġustament irrilevaw, it-tliet motivi ta’ appell essenzjalment iqajmu l-unika u l-istess kwistjoni sostantiva, li tikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali jew ta’ non diskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Dan jirrigwarda essenzjalment jekk, meta importazzjonijiet fil-Komunità ta’ prodotti simili li ġejjin minn bosta sorsi jkunu s-suġġett ta’ proċeduri kontra d-dumping separati, li jkunu jinsabu fi stadji differenti rregolati minn dispożizzjonijiet distinti ta’ dan ir-Regolament, dan il-prinċipju madankollu jeżiġi li l-importazzjonijiet kollha kkonċernati jkunu s-suġġett ta’ trattament identiku għal dak li jikkonċerna l-ġbir tad-dazji kontra d-dumping, fis-sens dazji bħal dawn ma jkunux jistgħu jinġabru fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw minn ċerti sorsi meta huma ma jkunux inġabru fuq importazzjonijiet simili li joriġinaw minn sorsi oħra.

 Fuq l-ewwel motiv

33     Fir-rigward ta’ l-ewwel motiv ta’ l-appell, għandu jiġi kkonstatat, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 36 sa 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, li ftit jimporta li l-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku huwa deskritt bħala "prinċipju ta’ trattament ugwali" jew ukoll bħala "prinċipju ta’ non diskriminazzjoni". Dawn fil-fatt huma żewġ deskrizzjonijiet ta’ l-istess prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, li jipprojbixxi, minn naħa, li sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b'mod differenti, u, min-naħa l-oħra, li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, minbarra jekk ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw trattament bħal dan (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Rodríguez Caballero, C-442/00, Ġabra p. I-11915, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Mill-punti 50, 51 u 57 tas-sentenza kkontestata, jirriżulta b'mod ċar li l-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat it-trattament mogħti lill-importazzjonijiet tal-KEAK li joriġinaw mill-Ġappun, mill-Istati Uniti u mit-Tajlandja fir-rigward ta’ dan il-prinċipju, kif huwa stabbilit, b’mod partikolari, fl-Artikolu 9(5). F’dawn iċ-ċirkustanzi, Chemi-Con ma tistax takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li, fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, ma osservatx il-prinċipju li hija kienet invokat il-ksur tiegħu quddiemha.

34     Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ewwel motiv ta’ l-appell, ibbażat fuq l-iżball fil-klassifikazzjoni tal-motiv invokat minn Chemi-Com quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza huwa infondat u għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv

35     Permezz ta’ l-ewwel parti tat-tieni motiv tagħha, Chemi-Con tikkritika l-affermazzjoni, li tinsab fil-punt 58 tas-sentenza kkontestata, li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku jirrigwarda biss l-impożizzjoni tad-dazji kontra d-dumping. Minn din l-affermazzjoni hija tiddeduċi li l-Qorti tal-Prim’Istanza eskludiet li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni stabbilita minn din id-dispożizzjoni tista’ tkun applikabbli għal sitwazzjonijiet li fihom dazji kontra d-dumping ikomplu jinġabru fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-Regolament.

36     Skond Chemi-Con, l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku għandu japplika għas-sitwazzjonijiet kollha li jagħtu lok għall-ġbir ta’ dazji kontra d-dumping. F’dan il-każ, din id-dispożizzjoni tipprekludi li, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 11(2) ta’ l-istess Regolament, l-importaturi tal-KEAK li joriġinaw mill-Ġappun ikollhom iħallsu dazju kontra d-dumping filwaqt li jistennew ir-riżultati ta’ reviżjoni tal-miżuri kontra d-dumping li jkunu waslu biex jiskadu, filwaqt li importazzjonijiet ta’ prodotti simili li joriġinaw mill-Istati Uniti u mit-Tajlandja, li kienu s-suġġett ta’ investigazzjoni inizjali li tkun saret simultanjament u li waslet għall-istess konklużjoniet bħal dawk li jirrigwardaw din ir-reviżjoni, ma tawx lok għall-ġbir definittiv ta’ xi dazju ta’ dan it-tip. Huwa għal din ir-raġuni li Chemi-Con tqis li l-effett retroattiv tar-regolament kontenzjuż kellu jiġi ffissat għall-4 ta’ Diċembru 1997, jiġifieri l-ewwel ġurnata li minnha hija kellha l-obbligu tħallas dazju kontra d-dumping fuq il-bażi ta’ l-imsemmi Artikolu 11(2). Fil-fatt, sat-3 ta’ Diċembru 1997, id-data msemmija fil-mija u sitta u tletin premessa tar-regolament kontenzjuż, kellu jitħallas dazju bħal dan fuq il-bażi tar-Regolament Nru 3482/92.

37     Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li, billi affermat li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku jsemmi biss l-impożizzjoni tad-dazji kontra d-dumping, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma għamlet l-ebda żball ta’ dritt fl-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Huma jenfasizzaw li, kuntrarjament għall-punt 9.2 ta’ l-Artikolu 9 tad-Kodiċi kontra d-dumping ta’ l-1994, invokat minn Chemi-Con, il-kliem ta’ l-Artikolu 9(5) jirreferi espliċitament għall-impożizzjoni ta’ dazju kontra d-dumping u mhux għall-ġbir ta’ dritt bħal dan.

38     Skond il-Kunsill, safejn l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku jipprojbixxi trattament diskriminatorju għal dak li jikkonċerna l-impożizzjoni tad-dazji kontra d-dumping, huwa jinkludi norma stretta li tmur lil hinn mill-obbligi li jirriżultaw għall-Komunità mill-Kodiċi kontra d-dumping ta’ 1994. Il-punt 9.2 ta’ l-Artikolu 9 ta’ dan il-Kodiċi jeżiġi biss li, sakemm ġew imposti dazji kontra d-dumping, il-ġbir tagħhom għandu jsir b’mod mhux diskriminatorju. In sostenn ta’ din l-intepretazzjoni, il-Kunsill jinvoka r-rapport ta’ l-4 ta’ Lulju 1997 tal-grupp speċjali kkostitwit fi ħdan il-ftehim ġenerali fuq it-tariffi doganali u n-Negozju (GATT), rapport intitolat "Impożizzjoni ta’ dazji kontra d-dumping KE fuq importazzjonijiet ta’ ħjut tal-qoton li joriġinaw mill-Brażil" u li kien ingħata fir-rigward tal-punt 8.2 ta’ l-Artikolu 8 tal-ftehim ta’ l-1979 dwar l-implementazzjoni ta’ l-Artikolu VI tal-GATT (kodiċi kontra d-dumping tal-GATT, ĠU L 71, 1980, p. 90), dispożizzjoni li tikkorrispondi għall-punt 9.2 ta’ l-Artikolu 9 tal-Kodiċi kontra d-dumping ta’ 1994. Huwa madankollu jqis li l-fatt li l-imsemmi Artikolu 9(5) jsemmi biss l-impożizzjoni tad-dazji kontra d-dumping ma jfissirx li l-ġbir ta’ dawn id-dazji mhuwiex, huwa stess, suġġett għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni.

39     Għalkemm Chemi-Con kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni ddedikaw parti sostanzjali ta’ l-argumenti tagħhom għad-distinzjoni bejn l-impożizzjoni u l-ġbir tad-dazji kontra d-dumping, għandu jiġi kkonstatat li d-differenzi fil-perspettiva tagħhom f’dan ir-rigward huma, kif l-Avukat Ġenerali ġustament irrileva fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, aktar apparenti milli reali. Fil-fatt, ebda wieħed mill-partijiet fil-proċedura ma jikkontesta l-fatt li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku japplika wkoll għal proċedura ta’ reviżjoni bħal dik in kwistjoni f’dan il-każ, fejn il-ġbir ta’ dazju kontra d-dumping fuq ċerti importazzjonijiet tkompliet wara d-data ta’ skadenza tad-dazju definittiv stabbilit mid-deċiżjoni inizjali ta’ impożizzjoni.

40     Mis-sentenza kkontestata jirriżulta, b’mod partikolari fil-punti 50, 51 u 57 tagħha, li t-trattament mogħti lill-importazzjonijiet tal-KEAK li oriġinaw minn Stati differenti matul perijodu mill-4 ta’ Diċembru 1997 sat-28 ta’ Frar 1999 kien ġie eżaminat fid-dawl tal-prinċipju msemmi fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Konsegwentement, mill-punt 58 ta’ din is-sentenza u, b'mod aktar partikolari, mill-użu ta’ l-avverbju "biss" fit-tieni frażi ta’ dan il-punt, ma jistax jiġi dedott li l-Qorti tal-Prim’Istanza għaldaqstant aċċettat li l-ġbir tad-dazji kontra d-dumping setgħu jsiru b’mod diskriminatorju u li hija kkunsidrat li din id-dispożizzjoni ma kinitx applikabbli għas-sitwazzjoni tal-każ li kien tressaq quddiemha. B’hekk l-ilment imressaq minn Chemi-Con mhuwiex fondat u għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv

41     Permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv tagħha, Chemi-Con tallega wkoll li, fil-punt 58 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-Kunsill għandu poter diskrezzjonali li jippermettilu li ma japplikax l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku għall-proċeduri rregolati mill-Artikolu 11(2) ta’ l-istess Regolament.

42     Madankollu, meta ddeċidiet li l-Kunsill m’għandux l-obbligu li ma japplikax l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku u li dan l-Artikolu jikkostitwixxi dispożizzjoni speċifika fir-rigward ta’ l-Artikolu 9(5) ta’ l-istess Regolament, il-Qorti tal-Prim’Istanza bl-ebda mod ma kkunsidrat li l-Kunsill jista’, b’mod diskrezzjonali, jagħżel li ma japplikax din l-aħħar dispożizzjoni għall-proċeduri ta’ reviżjoni. Kif irrilevaw il-Kunsill u l-Kummissjoni, l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku għal sitwazzjonijiet bħal ta’ dan il-każ ma tqajjem l-ebda dubju għall-Qorti tal-Prim’Istanza u l-ilment imressaq minn Chemi-Con huwa infondat u għandu jiġi mwarrab.

43     Minbarra dan, fl-ipoteżi li dan l-ilment għandu jinftiehem bħala kritika tal-fatt li, għall-Qorti tal-Prim’Istanza, l-Artikolu 9(5) tar-Regolment bażiku ma pprekludiex l-applikazzjoni f’dan il-każ ta’ l-Artikolu 11(2) ta’ l-istess Regolament, għandu jiġi kkonstatat li lment bħal dan jitħallat ma’ l-argumenti invokati fil-kuntest tat-tielet motiv, li huma bbażati fuq żball ta’ dritt magħmul mill-Qorti tal-Prim’Istanza fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza ta’ trattament. F’din l-ipoteżi, f'kull każ, ma jkunx lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tapprofondixxi l-eżami ta’ dan l-ilment fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq żball ta’ dritt fl-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 9(5).

44     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, it-tieni motiv ta’ l-appell, dwar l-iżball ta’ dritt magħmul mill-Qorti tal-Prim’Istanza fl-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv

45     Permezz ta’ l-ewwel parti tat-tielet motiv tagħha, Chemi-Con issostni li l-motiv li jinsab fil-punt 57 tas-sentenza kkontestata ma jippermettix li tinftiehem ir-raġuni li għaliha l-Qorti tal-Prm’Istanza kkonkludiet li d-differenza fit-trattament li teżisti bejn l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Ġappun u dawk li joriġinaw mill-Istati Uniti u mit-Tajlandja ma tikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Skondha, mill-motiv ta’ din is-sentenza, ma jirriżultax b’mod biżżejjed ċar jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidratx li s-sitwazzjoni ta’ l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Ġappun ma setgħetx titqabbel ma’ dik ta’ l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Istati Uniti u mit-Tajlandja jew jekk hija kienet pjuttost ikkunsidrat li dawn is-sitwazzjonijiet setgħu jitqabblu, imma li d-differenza fit-trattament kienet iġġustifikata minħabba l-eżistenza ta’ "differenzi oġġettivi ta’ ċerta importanza". Chemi-Con tfakkar li dan l-aħħar kriterju huwa dak użat mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 tas-sentenza kkontestata.

46     F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, hekk kif Chemi-Con irrikonoxxiet hija stess fl-appell tagħha, li mill-punt 57 tas-sentenza kkontestata, jirriżulta impliċitament li, skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-importazzjonijiet li joriġinaw mit-tliet Stati msemmija aktar 'il fuq huma f'sitwazzjonijiet li jistgħu jitqabblu, imma li t-trattament differenti tagħhom huwa ġġustifikat. Fil-fatt, għalkemm il-Qorti tal-Prim’Istanza ma indikatx espressament li dawn huma sitwazzjonijiet li jistgħu jitqabblu, hija elenkat bosta ċirkustanzi li huma komuni għas-sitwazzjonijiet ikkonċernati, bħas-similarità tal-prodotti importati, il-fatt li l-importazzjonijiet in kwistjoni kienu s-suġġett ta’ investigazzjonijiet li saru simultanjament u li jikkonċernaw l-istess perijodu, kif ukoll il-fatt li dawn l-investigazzjonijiet wasslu għal konklużjonijiet simili inkwantu għall-eżistenza tad-dumping, tad-dannu u ta’ l-interess Komunitarju. Kien biss wara li rrilevat dawn l-elementi komuni li l-Qorti tal-Prim’Istanza identifikat ir-raġuni li tippermetti li jiġi ġġustifikat il-fatt li dawn is-sitwazzjonijiet kienu s-suġġett ta’ trattament differenti. B’hekk il-motivazzjoni li tinsab fil-punt 57 la hija ambigwu u lanqas insuffiċjenti.

47     Permezz tat-tieni parti tat-tielet motiv tagħha, Chemi-Con issostni li l-fatt biss li l-investigazzjoni inizjali fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Istati Uniti u mit-Tajlandja kienet irregolata minn dispożizzjoni tar-Regolament bażiku distinta minn dik li tirrigwarda r-reviżjoni tal-miżuri li waslu sabiex jiskadu ma jikkostitwixxix "differenza oġġettiva ta’ ċerta importanza" li tiġġustifika d-differenza kkritikata fit-trattament. B’mod partikolari, hija takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li bbażat ruħha fuq is-sentenza Sermes, iċċitata aktar 'il fuq, peress illi d-differenza fil-bażi leġiżlattiva kkunsidrata f’din is-sentenza hija aktar sostanzjali minn dik li teżisti bejn żewġ dispożizzjonijiet ta’ l-istess Regolament tal-Kunsill. Chemi-Con tfakkar f’dan ir-rigward li, fil-kawża li kienet tat lok għall-imsemmija sentenza, id-differenza fit-trattament kellha bażi leġiżlattiva f’dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju primarju. F’dan il-każ, il-bażi leġiżlattiva tad-differenza fit-trattament tinsab biss fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, li ma jistax jiġi kkunsidrat bħala norma ġerarkikament superjuri għall-Artikolu 9(5) ta’ l-istess Regolament.

48     Għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li l-argument żviluppat minn Chemi-Con huwa bbażat fuq qari superfiċjali wisq tas-sentenza kkontestata. Huwa veru li, fil-punti 57 u 58 ta' din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza tillimita ruħha sabiex essenzjalment tindika li d-differenza fit-trattament għad-dannu ta’ l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Ġappun għandha bażi leġiżlattiva fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, li huwa regola speċifika li tipprevedi l-ġbir ta’ dazji kontra d-dumping sakemm ma jkun hemm ir-riżultati tar-reviżjoni ta’ miżura li tkun waslet sabiex tiskadi. Madankollu, għandhom jittieħdu wkoll in kunsiderazzjoni l-punti 54 sa 56 ta’ l-istess sentenza, li fihom il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeskrivi l-karatteristiċi essenzjali ta’ l-investigazzjoni inizjali u dawk tar-reviżjoni ta’ miżura li waslet sabiex tiskadi, li huma żewġ proċeduri kontra d-dumping suġġetti għal regoli differenti previsti minn dan ir-Regolament. Billi ddeskriviet dawn il-karatteristiċi essenzjali, il-Qorti tal-Prim’Istanza għaldaqstant irreferiet mhux biss għall-fatt li ż-żewġ proċeduri huma rregolati minn dispożizzjonijiet distinti, imma, b'mod aktar ġenerali, għar-raġunijiet li wasslu lill-leġiżlatur Komunitarju sabiex jipprovdi, f’dan ir-Regolament, regoli speċifiċi li japplikaw għal kull waħda minn dawn il-proċeduri.

49     Minn dan isegwi li r-riferiment magħmul mill-Qorti tal-Prim’Istanza għall-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, bħala bażi leġiżlattiva tad-differenza fit-trattament li teżisti bejn l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ reviżjoni u dawk li jagħtu lok għal investigazzjoni inizjali, ma jistax jinftiehem bħala li jirrigwarda l-aspett purament formali ta’ l-eżistenza ta’ din id-dispożizzjoni speċifika. Fil-fatt, dan ir-riferiment ifisser neċessarjament li, safejn dan ir-Regolament jipprevedi espressament li miżura kontra d-dumping li waslet sabiex tiskadi tibqa’ fis-seħħ sakemm ikun hemm ir-riżultati tar-reviżjoni, jekk dan iseħħ, jista’ jiġi konkluż li proċedura ta’ reviżjoni hija, fil-prinċipju, oġġettivament differenti minn dik ta’ l-investigazzjoni inizjali, li hija rregolata minn dispożizzjonijiet oħra ta’ l-istess Regolament.

50     Id-differenza oġġettiva li teżisti bejn dawn iż-żewġ proċeduri tinsab fil-fatt li l-importazzjonijiet suġġetti għal proċedura ta’ reviżjoni huma dawk li kienu diġà s-suġġett ta’ l-istabbiliment ta’ miżuri definittivi kontra d-dumping u li, fir-rigward tagħhom, fil-prinċipju, kienu tressqu quddiemha biżżejjed provi sabiex jistabbilixxi li t-tneħħija ta’ dawn il-miżuri probabbilment tiffavorixxi l-kontinwazzjoni jew id-dehra mill-ġdid tad-dumping u tad-dannu. Min-naħa l-oħra, meta importazzjonijet huma suġġetti għal investigazzjoni inizjali, l-għan tagħha huwa preċiżament li tiddetermina l-eżistenza, il-livell u l-effett ta’ kull dumping allegat, anki jekk il-ftuħ ta’ tali investigazzjoni jippreżupponi l-eżistenza ta’ elementi ta’ prova biżżejjed sabiex jiġġustifikaw l-ftuħ ta’ proċedura bħal din. B’hekk għandu jiġi kkunsidrat li, minbarra l-aspett formali rrilevat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 57 tas-sentenza kkontestata, id-differenza fit-trattament ikkonstatata f’dan il-każ kienet iġġustifikata mill-perspettiva sostantiva minħabba li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet li kienu taw lok għall-istabbiliment ta’ dazju definittiv kontra d-dumping mill-Kunsill, minħabba ta' l-oriġini tagħhom, ma kinux jinsabu f’sitwazzjoni identika għal dik ta’ l-importazzjonijiet simili li joriġinaw minn sorsi oħra u li kienu biss is-suġġett ta’ investigazzjoni inizjali.

51     Għaldaqstant, il-Qorti kienet ġustament iddeċidiet li d-differenza fit-trattament li teżisti bejn l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Ġappun u dawk li joriġinaw mill-Istati Uniti kif ukoll mit-Tajlandja ma tikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

52     Minbarra dan, fil-punt 58 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet ukoll ġustament li l-Kunsill m’għandux l-obbligu li jwarrab l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku bis-saħħa ta' l-Artikolu 9(5) ta’ l-istess Regolament. Fil-fatt, il-prinċipju stabbilit minn din l-aħħar dispożizzjoni ma jeżiġix li, meta l-Kunsill jiddeċiedi li jagħlaq proċedura ta’ reviżjoni minħabba li ma ġie impost l-ebda dazju definittiv kontra d-dumping fuq importazzjonijet li jinsabu f’sitwazzjoni li tista’ titqabbel ma' dawk suġġetti għar-reviżjoni, imma li joriġinaw minn sorsi oħra u li kienu s-suġġett ta’ investigazzjoni inizjali, huwa jistabbilixxi mill-ġdid trattament ugwali assolut għal dak li jikkonċerna l-ġbir tad-dazji fuq l-importazzjonijiet li jaqgħu taħt dawn is-sitwazzjonijiet differenti.

53     F’dan il-każ, il-Kunsill qies li l-effett retroattiv tad-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ reviżjoni fuq importazzjonijiet simili li joriġinaw mill-Ġappun kellu jibda' mit-28 ta’ Frar 1999, id-data li minnha kien ġie aċċetat li miżuri definittivi kontra d-dumping ma kinux ser jiġu stabbiliti fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet tal-KEAK li joriġinaw mill-Istati Uniti u mit-Tajlandja. Fid-dawl tar-raġunijiet oġġettivi li jippermettu trattament speċifiku ta’ l-importazzjonijiet suġġetti għal proċedura ta’ reviżjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kunsill b’dan il-mod ma eċċediex is-setgħa diskrezzjonali tiegħu f’dan il-qasam.

54     Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, it-tielet motiv ta’ appell, ibbażat fuq żball ta’ dritt magħmul mill-Qorti tal-Prim’Istanza fl-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali , għandu jiġi miċħud.

55     Peress illi ebda wieħed mill-motivi mressqa minn Chemi-Con ma ġie aċċettat, l-appell għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

56     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li japplikaw għall-proċedura ta' l-appell bis-saħħa ta' l-Artikolu 118 ta' l-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi Chem-Con tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbat l-ispejjeż kif ukoll dawk inkorsi mill-Kunsill f’din l-istanza, kif mitlub mill-Kunsill. Skond l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1.      L-appell huwa miċħud.

2.      Europe Chemi-Con (Deutschland) GmbH għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk inkorsi mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea f'din l-istanza.

3.      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top