Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002CJ0417

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tad-9 ta' Settembru 2004.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Ellenika.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 85/384/KEE - Rikonoxximent ta' diplomi ta' periti - Proċedura ta' reġistrazzjoni mal-Kamra Teknika tal-Greċja (Technico Epimelitirio Elladas) - Obbligu li jiġi ppreżentat dokument li jiċċertifika li l-kwalifika kkonċernata hija koperta mis-sistema ta' rikonoxximent reċiproku.
Kawża C-417/02.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:503

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

9 ta' Settembru 2004 (*)

"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 85/384/KEE – Rikonoxximent ta' diplomi ta' periti – Proċedura ta' reġistrazzjoni mal-Kamra Teknika tal-Greċja (Technico Epimelitirio Elladas) – Obbligu li jiġi ppreżentat dokument li jiċċertifika li l-kwalifika kkonċernata hija koperta mis-sistema ta' rikonoxximent reċiproku"

Fil-kawża C-417/02,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu mressaq taħt l-Artikolu 226 KE,

ippreżentat fid-19 ta' Novembru 2002,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Patakia, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn E. Skandalou, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, A. Rosas, S. von Bahr, K. Lenaerts u K. Schiemann (Imħallef Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur:  L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-4 ta' Marzu 2004, 

wara li semgħet  il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta' Marzu 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi adottat u żammet fis-seħħ id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3(1)(c) u (2) tad-Digriet Presidenzjali Nru 107/1993, tat-22 ta' Marzu 1993 (aktar 'il quddiem id-"Digriet Nru 107/1993"), u billi aċċettat li t-Technico Epimelitirio Elladas (Kamra Teknika tal-Greċja, aktar 'il quddiem "il-Kamra Teknika"), li huwa obbligatorju li wieħed ikun reġistrat magħha sabiex ikun jista' jeżerċita l-professjoni ta' perit fil-Greċja, tiċħad b'mod sistematiku r-reġistrazzjoni ta' ċittadini Komunitarji li għandhom diplomi li ma ngħatawx fil-Greċja u li għandhom jiġu rikonoxxuti taħt id-Direttiva tal-Kunsill 85/384/KEE, ta' l-10 ta' Ġunju 1985, dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, taċ-ċertifikati u ta' xhieda oħra ta' kwalifiki formali fl-arkitettura, inklużi miżuri biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta' stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ĠU L 223, p.15), ir-Repubblika Ellenika naqset mill-obbligi tagħha taħt l-imsemmija direttiva.

 Il-kuntest ġuridiku u l-proċedura prekontenzjuża

2       L-Artikoli 2 sa 9 tad-Direttiva 85/384 jistabbilixxu regoli ġenerali fir-rigward ta' l-aċċess għall-attivitajiet fil-qasam ta' l-arkitettura. Sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament tas-sistema ta' rikonoxximent reċiproku, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 85/384 jipprovdi li kull Stat Membru għandu jikkomunika, malajr kemm jista' jkun, simultanjament lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, il-lista tad-diplomi, taċ-ċertifikati u ta' kwalifiki oħra li jinħarġu fit-territorju tiegħu u li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikoli 3 u 4, kif ukoll l-istituzzjonijiet li joħorġuhom. Skond l-Artikolu 7(2), dawn il-listi għandhom jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (aktar 'il quddiem, il-"Ġurnal Uffiċjali"), għal skopijiet ta' informazzjoni, fit-tmiem ta' terminu ta' tliet xhur mill-komunikazzjoni tagħhom.

3       L-Artikolu 10 tad-Direttiva 85/384 jikkonċerna r-rikonoxximent, minħabba drittijiet kweżiti, ta' kwalifiki formali li jippermettu l-eżerċizzju ta' attivitajiet fil-qasam ta' l-arkitettura. Skond l-imsemmi Artikolu, kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi d-diplomi, iċ-ċertifikati u l-kwalifiki l-oħra elenkati fl-Artikolu 11 ta' l-imsemmija direttiva, maħruġa mill-Istati Membri l-oħra liċ-ċittadini ta' Stati Membri li, fid-data tan-notifika ta' din l-istess direttiva, diġà jkollhom dawn il-kwalifiki jew ikunu bdew l-istudji tagħhom li jwasslu għal dawn id-diplomi, ċertifikati jew kwalifiki oħra matul, mill-aktar tard, matul it-tielet sena akkademika wara l-imsemmija notifika, anki jekk dawn il-kwalifiki ma jissodisfawx ir-rekwiżiti minimi tal-kwalifiki msemmija fil-Kapitolu II ta' l-imsemmija direttiva, billi jagħtihom, fir-rigward ta' l-aċċess għall-attivitajiet fil-qasam ta' l-arkitettura u ta' l-eżerċizzju tagħhom, l-istess effett fit-territorju tiegħu bħad-diplomi, ċertifikati u kwalifiki oħra maħruġa minnu.

4       L-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 85/384 jipprovdi li l-proċedura sabiex il-persuna kkwalifikata tiġi awtorizzata teżerċita waħda mill-attivitajiet tal-qasam ta' l-arkitettura għandha titlesta malajr kemm jista' jkun u mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-preżentazzjoni tad-dokumenti kollha li għandhom x'jaqsmu ma' din il-persuna, bla ħsara għad-dewmien li jista' jirriżulta minn kull appell li jista' jsir fit-tmiem ta' din il-proċedura.

5       Fil-Greċja, id-Digriet Nru 107/1993 ġie adottat sabiex jittrasponi, fost oħrajn, id-Direttiva 85/384.

6       L-Artikolu 3(1)(c) tad-Digriet Nru 107/1993 kien jipprevedi, fost il-kundizzjonijiet sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni mingħand il-Kamra Teknika sabiex tiġi eżerċitata l-professjoni ta' perit, l-obbligu li jiġi ppreżentat iċ-ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini jew ta' provenjenza li jiddikjara li d-diplomi jew il-kwalifiki l-oħra ppreżentati kienu dawk previsti mid-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmi digriet. Id-Digriet Nru 107/1993 ġie emendat mid-Digriet Nru 272/2000, tas-17 ta' Ottubru 2000 (aktar 'il quddiem id-"Digriet Nru 107/1993 kif emendat"). L-Artikolu 3(1)(c) tad-Digriet Nru 107/1993 kif emendat jeżiġi li minn issa 'l quddiem l-istess ċertifikat għandu jiġi maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini jew ta' provenjenza fil-każijiet fejn il-kwalifiki u l-iskejjel li joħorġuhom ma jissemmewx espressament fl-Annessi ta' l-Artikolu 13 tad-Digriet Nru 107/1993 kif emendat. Dawn l-Annessi jinkludu d-diplomi, iċ-ċertifikati u kwalifiki oħra kollha li jinstabu fil-lista ppubblikata mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali skond l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 85/384.

7       L-Artikolu 3(2) tad-Digriet Nru 107/1993 kien jobbliga lill-persuni li japplikaw sabiex ikunu rreġistrati mal-kamra teknika li jipprovdu t-traduzzjoni uffiċjali fil-Grieg tad-dokumenti probatorji previsti fl-Artikolu 3(1)(c) tad-Digriet Nru 107/1993. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 3(2) tad-Digriet Nru 107/1993 kif emendat iżid jgħid li d-dokumenti probatorji għandhom ikunu tradotti uffiċjalment fil-Grieg mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta' oriġini jew ta' provenjenza.

8       Wara l-eżami tat-testi nnotifikati u ta' diversi lmenti dwar il-prassi tal-Kamra Teknika li, mill-1996, ċaħdet, b'mod sistematiku, ir-reġistrazzjoni ta' ċittadini Komunitarji li għandhom diplomi rikonoxxuti taħt id-Direttiva 85/384, il-Kummissjoni lmentat mal-Gvern Grieg dwar it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni inkorretti tad-Direttiva 85/384. Wara li intimat lir-Repubblika Ellenika sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni, fl-24 ta' Frar 2000, indirizzat opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru, skond il-proċedura prevista fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 226 KE, fejn stednitu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma' l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 85/384 f'terminu ta' xahrejn min-notifika ta' din l-opinjoni.

9       Wara li eżaminat it-tweġibiet tal-Gvern Grieg, il-Kummissjoni dehrilha li l-ksur ikkonstatat fl-opinjoni motivata kien għadu fis-seħħ u ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

10     In sostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni qajmet tliet ilmenti. Madankollu, fl-istadju tar-replika l-Kummissjoni ddeċidiet li tirrinunzja għall-ilment tagħha dwar l-Artikolu 3(2) tad-Digriet Nru 107/1993 kif emendat.

 F'dak li jikkonċerna l-ewwel ilment, dwar l-Artikolu 3(1)(c) tad-Digriet Nru 107/1993 kif emendat

L-argumenti tal-partijiet

11     Permezz ta' l-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni takkuża lill-Gvern Grieg li, fl-Artikolu 3(1)(c) tad-Digriet Nru 107/1993 kif emendat, ipprovda għal obbligu li mhux konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 85/384. Fil-fatt, l-Artikolu 27 tad-Direttiva 85/384 jipprovdi li ċertifikat bħal dan jista' jintalab biss f'każijiet eċċezzjonali, meta jeżistu dubji ġustifikati. Madankollu, dan mhux il-każ fir-rigward ta' l-obbligu in kwistjoni li huwa intiż prinċipalment biex itaffi d-dewmien sinjifikanti kkonstatat fl-aġġornament ta' l-Annessi tad-Digriet Nru 107/1993 kif emendat. B'hekk, l-aħħar aġġornament kien jikkonċerna biss, b'dewmien ta' aktar minn għaxar xhur, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-4 ta' Diċembru 1999.

12     Fir-risposta tiegħu, il-Gvern Grieg sostna li l-Artikolu 3(1)(c) tad-Digriet Nru 107/1993 kif emendat kellu l-għan li, fl-interess ta' l-applikanti, jiffaċilita l-implementazzjoni tal-proċedura ta' reġistrazzjoni mill-awtorità kompetenti fil-każ fejn teżisti diskrepanza bejn l-Anness aġġornat ta' din id-direttiva u dak ta' l-imsemmi digriet. Din id-diskrepanza tirriżulta mid-dewmien normali meħtieġ biex jiġu aġġornati l-Annessi ta' l-Artikolu 13 tad-Digriet Nru 107/1993 kif emendat.

13     Barra minn hekk, dan il-Gvern ibbaża ruħu fuq il-ħmistax-il premessa tad-Direttiva 85/384 li tgħid li l-Istati Membri jistgħu jeżiġu li l-persuni kkwalifikati jippreżentaw, flimkien mal-kwalifiki tagħhom, ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini jew ta' provenjenza li jiddikjara li dawn il-kwalifiki huma fil-fatt dawk koperti minn din id-direttiva.

14     Mill-banda l-oħra, fil-kontro-replika tiegħu, il-Gvern Grieg iddikjara, bi tweġiba għall-ilment tal-Kummissjoni, li l-Artikolu 3(1)(c) tad-Digriet Nru 107/1993 kif emendat ħa jiġi emendat. Għaldaqstant, l-obbligu li jiġi ppreżentat iċ-ċertifikat in kwistjoni ħa jiġi mħassar u, għalkemm l-ordni ministerjali Grieg kien għadu ma ġiex ippubblikat, il-persuna kkwalifikata tista' tindika r-referenzi tal-pubblikazzjoni tal-kwalifiki tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali. Sussegwentament, l-imsemmi Gvern informa lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-pubblikazzjoni, fis-17 ta' Frar 2004, tad-Digriet Presidenzjali li jħassar id-Digriet Nru 107/1993 kif emendat u li jintroduċi l-emenda deskritta aktar 'il fuq.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

15     Mill-argumenti ġuridiċi invokati mill-Kummissjoni jirriżulta li l-ewwel ilment jikkonċerna l-Artikolu 3(1)(c) tad-Digriet Nru 107/1993 kif emendat. Madankollu, għandu jiġi nnotat li l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni tikkonċerna din id-dispożizzjoni fil-verżjoni tagħha ta' qabel l-emenda. Għaldaqstant, il-kwistjoni ta' l-ammissibbiltà ta' l-ewwel ilment, kwistjoni li ma tqajmitx mill-Gvern Grieg, għandha tiġi ttrattata ex officio.

16     Fil-fatt, skond il-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' teżamina ex officio jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 226 KE fir-rigward tal-preżentata ta' rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu humiex sodisfatti (sentenza tal-31 ta' Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-362/90, Ġabra p. I-2353, punt 8).

17     Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni u r-rikors għandhom ikunu bbażati fuq ilmenti identiċi. Madankollu, dan ir-rekwiżit ma jfissirx li f'kull ipotesi hija meħtieġa koinċidenza perfetta bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-opinjoni motivata u dawk li jidhru fir-rikors. Meta ssir bidla leġiżlattiva fil-perijodu ta' bejn dawn iż-żewġ fażijiet tal-proċedura, huwa biżżejjed li, fil-fatt, is-sistema stabbilita mil-leġiżlazzjoni kkontestata matul il-proċedura prekontenzjuża kienet inżammet fis-seħħ, kollha kemm hi, mill-miżuri l-ġodda adottati mill-Istat Membru wara li tkun inħarġet l-opinjoni motivata u li jkunu kkontestati fil-kuntest tar-rikors (sentenza tas-17 ta' Novembru 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-105/91, Ġabra p. I-5871, punt 13).

18     F'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligu essenzjali li jinstab fl-Artikolu 3(1)(c) tad-Digriet Nru 107/1993, jiġifieri l-obbligu li jiġi ppreżentat ċertifikat li jiddikjara li l-kwalifiki ppreżentati huma dawk previsti mid-dispożizzjonijiet ta' dan id-Digriet, ġie riprodott ukoll fl-Artikolu 3(1)(c) tad-Digriet Nru 107/1993 kif emendat. Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta' dan ir-rikors, huwa t-test oriġinali tad-Digriet Nru 107/1993 li ħa jkun is-suġġett ta' l-eżami tal-mertu. Minn dan isegwi wkoll li l-ilment huwa ammissibbli.

19     Fir-rigward tal-mertu, għandu jiġi osservat li l-obbligu previst fl-Artikolu 3(1)(c) tad-Digriet Nru 107/1993 kien jeżiġi li l-persuni kkonċernati jipproduċu prova addizzjonali li mhijiex prevista fid-Direttiva 85/384. L-effett dissważiv maħluq mill-imsemmi obbligu kien imur kontra l-għan li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta' stabbiliment, liema dritt id-Direttiva 85/384 u l-Artikolu 43 KE huma intiżi li jilħqu u li jassiguraw.

20     Id-dewmien normali fir-rigward ta' l-aġġornament ta' l-Annessi tad-Digriet Nru 107/1993, invokat mill-Gvern Grieg, ma jistax jiġġustifika l-ostakoli li jfixklu l-aċċess għall-eżerċizzju tal-professjoni ta' perit fil-Greċja. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-diffikultajiet ta' natura intern, marbuta maċ-ċirkustanzi li fihom huma abbozzati liġijiet u regolamenti, ma jistgħux jeżoneraw lill-Istati mill-obbligi Komunitarji tagħhom (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta' Diċembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C-374/98, Ġabra p. I-10799, punt 13).

21     Fir-rigward ta' l-argument tal-Gvern Grieg ibbażat fuq il-ħmistax-il premessa tad-Direttiva 85/384, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem ta' din il-premessa, fihom infushom, ma jistgħux iservu ta' bażi ġuridika għar-rekwiżit li jiġi ppreżentat ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini jew ta' provenjenza.

22     Fir-rigward ta' l-adozzjoni mill-Gvern Grieg tal-leġiżlazzjoni li tħassar l-obbligu impost fuq il-persuni kkwalifikati li jippreżentaw iċ-ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini jew ta' provenjenza, għandu jiġi osservat li, minn ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta li l-eżistenza ta' nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta' kif kienet is-sitwazzjoni ta' l-Istat Membru fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jkunu saru sussegwentament ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta' Mejju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-384/97, Ġabra p. I-3823, punt 35).

23     F'dan il-każ, l-opinjoni motivata li tistieden lir-Repubblika Ellenika sabiex tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma ruħha magħha f'terminu ta' xahrejn intbagħtitilha fl-24 ta' Frar 2000. Madankollu, kien biss fi Frar 2004 li l-Gvern Grieg ippubblika Digriet Presidenzjali li jħassar dan l-obbligu li jiġi ppreżentat iċ-ċertifikat in kwistjoni.

24     Għaldaqstant, l-ewwel ilment invokat mill-Kummissjoni huwa fondat.

 Fuq dak li jikkonċerna t-tieni lment, dwar il-prassi tal-Kamra Teknika

L-argumenti tal-partijiet

25     Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-prassi amministrattiva tal-Kamra Teknika tixhed applikazzjoni li mhijiex konformi mad-Direttiva 85/384 f'dak li l-imsemmija Kamra ma teżaminax t-talbiet għal reġistrazzjoni fit-termini previsti fid-Direttiva 85/384 jew inkella li lanqas ma tinforma lill-applikanti dwar il-motivi għaliex ġiet miċħuda r-reġistrazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni tindika li, permezz ta' ittra tal-5 ta' Novembru 2001, hija kienet talbet informazzjoni dwar l-azzjoni meħuda fir-rigward ta' l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni mal-Kamra Teknika ppreżentati minn xi periti seba' sa għaxar xhur qabel u li kienu baqgħu bla risposta. Sa l-1 ta' April 2002, l-applikanti kkonċernati kienu għadhom ma rċevew l-ebda risposta.

26     Il-Gvern Grieg ma jikkontestax il-possibbiltà li jeżistu problemi amministrattivi fi ħdan il-Kamra Teknika li jista' jkollhom impatt fuq it-termini li fihom jiġu trattati l-applikazzjonijiet ippreżentati mill-kandidati għall-professjoni ta' perit iżda jsostni li, minħabba l-frekwenza tat-terremoti fil-Greċja, il-Kamra Teknika jkollha tipproċedi għal eżami dettaljat tad-dokumentazzjoni sabiex tivverifika l-ħiliet tal-persuni kkonċernati fil-qasam tal-prevenzjoni tar-riskji marbuta mat-terremoti.

27     Il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-Gvern Grieg sabiex jipprovdi, bil-miktub, informazzjoni preċiża dwar kif jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ppreżentati lill-Kamra Teknika u biex jindika, fir-rigward ta' kull waħda minn dawn l-applikazzjonijiet, id-data ta' l-applikazzjoni, id-data tar-reġistrazzjoni fir-reġistru u, jekk ikun il-każ, id-data meta l-imsemmija Kamra talbet dokumenti probatorji addizzjonali mingħand l-applikant.

28     Fit-tweġiba tiegħu tal-21 ta' Jannar 2004, il-Gvern Grieg indika li, sa dik id-data, kienu ġew ippreżentati 41 applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Mill-eżami ta' dawn l-applikazzjonijiet jirriżulta li:

–       9 periti kienu ġew irreġistrati,

–       2 periti kienu rtiraw l-applikazzjoni tagħhom,

–       14-il perit, li kienu ppreżentaw applikazzjoni bejn l-1998 u l-2002 u li kienu pprovdew id-dokumentazzjoni kollha meħtieġa, kienu ġew irreġistrati permezz ta' deċiżjoni tat-8 ta' Jannar 2004,

–       12-il dokumentazzjoni, li jikkonċernaw talbiet magħmula bejn l-1992 u l-2002, kienu għadhom inkompluti,

–       4 applikazzjonijiet mingħajr dokumenti probatorji kienu ġew ippreżentati fl-2003.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29     Fid-dawl ta' l-informazzjoni mogħtija mill-Gvern Grieg fit-tweġiba tiegħu tal-21 ta' Jannar 2004, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, il-proċedura ta' reġistrazzjoni ta' 8 periti fost l-14 imsemmija aktar 'il fuq, li kienet ġiet konkluża fit-8 ta' Jannar 2004, kienet damet aktar minn tliet xhur minħabba li l-applikazzjonijiet rispettivi kienu tressqu fl-1989, fl-1995, fl-1996, fl-1997 u fl-1998.

30     Fir-rigward tat-12-il dokumentazzjoni l-oħra msemmija aktar 'il fuq, l-ittra uffiċjali li tistieden lill-persuni kkonċernati jikkompletaw id-dokumentazzjoni tagħhom intbagħtet biss fit-30 ta' Diċembru 2002, minkejja li sitta minnhom kienu ppreżentaw l-applikazzjoni tagħhom fl-1992, fl-1995, fl-1997, fl-1998, fl-1999 u fl-2000 rispettivament. Għalhekk, għandu jiġi konkluż li, fid-data rilevanti għall-finijiet tal-konstatazzjoni tan-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu, jiġifieri, xahrejn wara n-notifika ta' l-opinjoni motivata ta' l-24 ta' Frar 2000, dawn is-sitt persuni li kienu ppreżentaw l-applikazzjoni tagħhom, uħud minnhom, diversi snin qabel, ma kienu rċevew l-ebda komunikazzjoni uffiċjali mill-Kamra Teknika li tistedinhom jikkompletaw id-dokumentazzjoni tagħhom u li tindikalhom liema dokumenti probatorji kienu neqsin.

31     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 20 tad-Direttiva 85/384 jeżiġi li l-proċedura biex il-persuna kkwalifikata tiġi awtorizzata sabiex teżerċita waħda mill-attivitajiet fil-qasam ta' l-arkitettura għandha titlesta malajr kemm jista' jkun u mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-preżentazzjoni tad-dokumentazzjoni kompleta tal-persuna kkonċernata. L-uniċi eċċezzjonijiet imsemmija fir-rigward ta' dan ir-rekwiżit huma meta jsir appell jew fil-każijiet previsti fl-Artikoli 17(4) u 18(2) tad-Direttiva 85/384, meta jkun meħtieġ li jsir eżami mill-ġdid tad-dokumentazzjoni jekk l-Istat Membru ospitanti jkun jaf b'fatti gravi u preċiżi li jkunu seħħew qabel ma l-persuna kkonċernata stabbilixxiet ruħha f'dan l-Istat jew b'informazzjoni inkorretta fid-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 17(3) ta' l-imsemmija direttiva. F'dan il-każ, l-Istat Membru ta' oriġini jew ta' provenjenza jista' jiġi informat b'dan u għandu jeżamina l-veraċità ta' dawn il-fatti. L-Istat Membru kkonsultat għandu jagħti t-tweġiba tiegħu f'terminu ta' tliet xhur.

32     Il-Gvern Grieg ma invoka l-ebda waħda mid-derogi msemmija aktar 'il fuq.

33     Fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu vverifikati l-kompetenzi ta' l-applikanti fil-qasam ta' prevenzjoni tar-riskji marbutin mat-terremoti, punt imqajjem mill-Gvern Grieg sabiex jiġġustifika d-dewmien fl-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet, din il-kunsiderazzjoni ma tistax tiġġustifika, minn naħa, reġistrazzjoni ta' periti f'termini daqshekk twal u, min-naħa l-oħra, id-dewmien sabiex lill-applikanti jintbagħtulhom talbiet għall-produzzjoni tad-dokumenti probatorji neqsin.

34     L-iżvolġiment effettiv u rapidu tal-proċedura ta' reġistrazzjoni huwa wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 85/384. Għalhekk, il-ħtieġa li r-reġistrazzjoni tal-persuni kkwalifikati ssir fl-iqsar termini possibbli testendi għall-proċedura kollha ta' l-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet u teżiġi wkoll li l-persuni kkonċernati jiġu, fl-iqsar termini possibbli, mistiedna jikkompletaw l-applikazzjoni tagħhom permezz tal-produzzjoni tad-dokumenti probatorji neqsin. Dan l-obbligu huwa wkoll wieħed mill-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 43 KE, li huwa intiż biex jelimina r-restrizzjonijiet għal-libertà ta' stabbiliment.

35     Il-Gvern Grieg ma invoka l-ebda raġuni li tista' tiġġustifika d-dewmien ta' l-awtoritajiet kompetenti fl-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet u ma ressaq l-ebda prova li tistabbilixxi li dan id-dewmien kien ikkawżat min-negliġenza tal-persuni kkonċernati.

36     Għaldaqstant, it-tieni lment invokat mill-Kummissjoni huwa fondat.

 Fuq l-ispejjeż

37     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Ellenika tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla), taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Billi adottat u żammet fis-seħħ id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3(1)(c) u (2) tad-Digriet Presidenzjali Nru 107/1993, tat-22 ta' Marzu 1993, u billi aċċettat li t-Technico Epimelitirio Elladas (Kamra Teknika tal-Greċja), li huwa obbligatorju li wieħed ikun reġistrat magħha sabiex ikun jista' jeżerċita l-professjoni ta' perit fil-Greċja, tipproċessa, b'dewmien kbir, l-applikazzjonijiet u r-reġistrazzjoni ta' ċittadini Komunitarji li għandhom diplomi barranin li għandhom jiġu rikonoxxuti taħt id-Direttiva tal-Kunsill 85/384/KEE, ta' l-10 ta' Ġunju 1985, dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, taċ-ċertifikati u ta' xhieda oħra ta' kwalifiki formali fl-arkitettura, inklużi miżuri biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta' stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ir-Repubblika Ellenika naqset mill-obbligi tagħha taħt l-imsemmija direttiva.

2)      Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

Top