EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002CJ0397

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tad-9 ta' Settembru 2004.
Clinique La Ramée ASBL u Winterthur Europe Assurance SA vs Jean-Pierre Riehl u il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour d'appel de Bruxelles - il-Belġju.
Uffiċjali - Vantaġġi soċjali - Surroga tal-Komunitajiet fid-drittijiet ta' uffiċjal kontra t-terza persuna responsabbli għal avveniment li jagħti lok għal azzjoni għal kumpens ta' dannu.
Kawża C-397/02.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:502

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

9 ta' Settembru 2004 (*)

"Uffiċjali – Vantaġġi soċjali – Surroga tal-Komunitajiet fid-drittijiet ta' uffiċjal kontra t-terza persuna responsabbli għal avveniment li jagħti lok għal azzjoni għal kumpens ta' dannu"

Fil-kawża C-397/02,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE,

imressqa mill-Cour d'appel de Bruxelles (il-Belġju), permezz ta' deċiżjoni tas-6 ta' Novembru 2002, irreġistrata fil-11 ta' Novembru 2002, fil-proċedura:

Clinique La Ramée ASBL,

Winterthur Europe Assurance SA

vs

Jean-Pierre Riehl,

Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann (Relatur), President ta' l-Awla,  A. Rosas, S. von Bahr,  R. Silva de Lapuerta u K. Lenaerts, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: M. Múgica Azarmendi, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta' Diċembru 2003,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għall-Clinique La Ramée ASBL u Winterthur Europe Assurance SA, minn M. Mahieu, avocat,

–       għas-Sur Riehl, minn J. Buekenhoudt, avocat,

–       għall-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, minn M. Sims u M. Bauer, bħala aġenti, assistiti minn F. Lagasse, avocat,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Currall u F. Clotuche-Duvieusart, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat-12 ta' Frar 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 85a tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta' Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal ta' l-uffiċjali u l-kundizzjonijiet ta' impjieg ta' impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, u li jwaqqaf miżuri speċjali applikabbli temporanjament għall-uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, p. 1), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEFA, KEE, Euratom) Nru 2799/85, tas-27 ta' Settembru 1985 (ĠU L 265, p. 1, aktar 'il quddiem ir-"Regolamenti tal-Persunal").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-Clinique La Ramée ASBL (aktar 'il quddiem il-"Clinique La Ramée"), l-assiguratur tagħha Winterthur Europe Assurance SA (aktar 'il quddiem "Winterthur") u l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u s-Sur Riehl dwar il-ħlas ta' kumpens għad-dannu subit minn dan ta' l-aħħar wara l-mewt tal-mara tiegħu f'dan l-isptar u s-surroga tal-Komunitajiet Ewropej fid-drittijiet tas-Sur Riehl.

 Il-kuntest ġuridiku

3       L-Artikolu 85a tar-Regolamenti tal-Persunali jipprovdi li:

"1.      Meta l-mewt, weġgħa b’inċident jew mard tal-persuna koperta minn dawn ir-Regolamenti tal-Persunal huwa kkawżat minn terza persuna, rigward l-obbligi li għandhom taħt ir-Regolamenti tal-Persunal wara li jiġru t-tali mewt, weġgħa jew mard, [i]l-Komunitajiet huma su[r]rogati [fid]-drittijiet, inklużi d-drittijiet għall-azzjoni, tal-vittma jew ta’ dawk intitolati taħt[ha] kontra t-terza persuna.

2.      Is-[surroga] pprovduta fil-paragrafu 1 għandha testendi inter alia għal dan li ġej:

–       pagament kontinwu tar-remunerazzjoni skond l-Artikolu 59 lill-uffiċjal matul il-perjodu meta temporanjament mhux tajjeb għax-xogħol,

–       pagamenti effettwati skond l-Artikolu 70 wara l-mewt ta’ l-uffiċjal jew ta’ dak li qabel kien uffiċjal intitolat għal pensjoni,

–       benefiċċj[i] mħallsa taħt l-Artikolu 72 u 73 u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, relatati ma’ l-assigurazzjoni kontra l-mard u aċċidenti,

–       pagament ta’ l-ispejjeż involuti biex jinġarr il-katavru, kif imsemmi fl-Artikolu 75,

–       allowances supplimentari tal-familja mħallsa skond l-Artikolu 67(3) u skond l-Artikolu 2(3) u (5) ta’ l-Anness VII dwar tfal dipendenti li jbatu minn mard serju, debbulezza jew mankament,

–       pensjonijiet għall-invalidità mħallsa fil-każ ta’ aċċident jew mard li jirriżulta f’invalidità permanenti li ma tħallix l-uffiċjal iwettaq id-dmirijiet tiegħu,

–       pensjonijiet għal min jibqa’ ħaj fil-każ tal-mewt ta’ uffiċjal jew ta’ dak li qabel kien uffiċjal, jew il-mewt ta’ mart uffiċjal jew ta’ dak li qabel kien uffiċjal intitolat għal pensjoni, meta l-konsorti m’hijiex uffiċjal u lanqas membru tal-persunal temporanju,

[…]

4.      Id-disposizzjonijiet tal-paragrafi 1, 2 u 3 ma jistgħux ikunu ta’ tfixkil għall-azzjoni diretta mill-Komunitajiet."

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

4       Is-Sinjura Guette, il-mara tas-Sur Riehl, kienet uffiċjal tal-Kunsill u kienet tibbenefika minn pensjoni għall-invalidità taħt l-Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal. Hija mietet fil-25 ta' Settembru 1990 meta kienet pazjenta fil-Clinique La Ramée. Huwa stabbilit li l-mewt tagħha kienet ikkaġunata minn żball ta' impjegat ta' dan l-isptar.

5       Wara l-mewt tas-Sinjura Guette, il-Kunsill ħallas lis-Sur Riehl:

–       kumpens għall-ispejjeż tal-funeral, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 10 tar-regoli komuni dwar l-assigurazzjoni ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej kontra r-riskji ta' mard;

–       ammont li jikkorrispondi għal dak tal-pensjoni għall-invalidità li kienet tibbenefika minnha s-Sinjura Guette, sa l-aħħar tat-tielet xahar wara l-mewt tagħha, skond l-Artikolu 70 tar-Regolamenti tal-Persunal, u

–       pensjoni għal min jibqa' ħaj, imħallsa fix-xahar mir-raba' xahar ta' wara l-mewt tagħha, bis-saħħa ta' l-Artikoli 79 u 79a ta' l-istess regolamenti.

6       Permezz tas-sentenza tiegħu tal-15 ta' Diċembru 1997, it-Tribunal de première instance de Bruxelles (Il-Belġju) iddeċieda fuq il-konsegwenzi tar-responsabbiltà ċivili tal-Clinique La Ramée.

7       Fid-deċiżjoni tiegħu dwar it-talbiet tas-Sur Riehl, l-imsemmi Tribunal ikkundanna lill-Clinique La Ramée u lil Winterthur sabiex jikkumpensawh kemm għad-dannu li ġie kkaġunat lilu minħabba t-telf ta' assistenza għall-ħtiġijiet tal-ħajja tad-dar tal-mara tiegħu kif ukoll għad-danni morali li rriżultaw mill-mewt ta' din ta' l-aħħar. Min-naħa l-oħra, huwa ċaħad it-talba tas-Sur Riehl sabiex jingħata kumpens għat-telf fid-dħul tiegħu minħabba li dan l-ammont kien inqas mill-ammont tal-pensjoni għal min jibqa' ħaj, imħallas mill-Kunsill.

8       Għal dak li jikkonċerna l-Kunsill, it-Tribunal de première instance de Bruxelles laqa' t-talbiet ippreżentati minn din l-istituzzjoni, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 85a tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex tingħata l-ħlas lura, mingħand il-Clinique La Ramée u Winterthur, ta' l-ammonti li kien ħallas jew li kellu jħallas lis-Sur Riehl.

9       Il-Clinique La Ramée u Winterthur ressqu appell kontra din is-sentenza. Huma sostnew li l-imsemmi Tribunal kien mar lil hinn il-limiti tas-surroga billi ta lill-Kunsill, bħala s-surrogat fid-drittijiet tas-Sur Riehl, ammonti akbar minn dawk li dan ta' l-aħħar seta' jitlob mit-terza persuna responsabbli għad-dannu.

10     Is-Sur Riehl u l-Kunsill ressqu appell inċidentali. Is-Sur Riehl talab, b'mod partikolari, għall-ħlas ta' kumpens għad-danni li huwa jqis li sofra minħabba t-telf fid-dħul għall-ħtiġijiet tal-ħajja tad-dar. Il-Kunsill talab li l-ammont tal-kumpens għall-ħlas tad-danni subiti minnu jiġi kkalkolat sad-data tas-sentenza li kellha tingħata.

11     Fir-rigward tat-talba għal kumpens ibbażata fuq it-telf fid-dħul li s-Sur Riehl sofra, il-Cour d’appel de Bruxelles, fis-sentenza tagħha tar-rinviju, iddeċidiet li, fid-dritt Belġjan, id-dritt għal pensjoni għal min jibqa' ħaj m'għandu ebda rabta ma' l-obbligu ta' l-awtur ta' att illeċitu li jikkumpensa d-dannu fit-totalità tiegħu u li għalhekk, b'differenza minn dak li kienet ddeċidiet il-qorti ta' l-ewwel istanza, it-telf fid-dħul għall-ħtiġijiet tal-ħajja tad-dar kellu jiġi stabbilit mingħajr ma tittieħed in kunsiderazzjoni l-pensjoni għal min jibqa' ħaj li mħallsa lis-Sur Riehl. L-uniku tnaqqis li kellu jsir fl-ammont li kellu jitħallas lis-Sur Riehl kienet il-pensjoni għall-invalidità tad-decujus imħallsa sa tliet xhur wara l-mewt tagħha. Billi applikat dan il-metodu ta' kalkolu, l-Cour d'appel evalwat id-dannu materjali subit mis-Sur Riehl minħabba t-telf fid-dħul ta' martu għal EUR 479.80 fix-xahar, mill-1 ta' Ottubru 1990, jiġifieri ammont inqas minn dak tal-pensjoni għal min jibqa' ħaj imħallas mill-Kunsill.

12     Fir-rigward tas-surroga invokata mill-Kunsill, il-Cour d’appel de Bruxelles ikkunsidrat li l-kawża quddiemha tqajjem il-kwistjoni dwar in-natura u l-portata ta' din is-surroga u, għaldaqstant, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

"L-Artikolu 85a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, kif stabbilit mill-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta' Frar 1968, kif ukoll mir-regolamenti li jemendawh, għandu jiġi interpretat bħala li jagħti lill-Komunitajiet id-dritt li jitolbu, mingħand terza persuna responsabbli għall-mewt ta' uffiċjal, il-ħlas lura tal-pensjoni kollha għal min jibqa' ħaj li tkun ġiet imħallsa lill-konjuġi li jkun għadu ħaj, skond l-Artikoli 79 u 79a ta' l-imsemmija regolamenti, meta l-liġi applikabbli għad-dritt ta' kumpens għad-dannu tipprovdi li d-dritt għal pensjoni għal min jibqa' ħaj m'għandu ebda rabta ma' l-obbligu ta' l-awtur ta' att illeċitu li jikkumpensa d-dannu fit-totalità tiegħu, u d-dannu subit mill-konjuġi li jibqa' ħaj minħabba t-telf fid-dħul ta' martu li mietet huwa inqas mill-ammont tal-pensjoni għal min jibqa' ħaj imħallas lilu?"

 Fuq id-domanda preliminari

13     Skond il-Clinique La Ramée u Winterthur, l-Artikolu 85a tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi surroga tal-Komunitajiet għall-ammonti li jikkorrispondu għall-pensjoni għal min jibqa' ħaj li huma għandhom iħallsu lill-konjuġi li jkun għadu ħaj ta' uffiċjal li jkun miet u ma jawtorizzax lil dan il-konjuġi li jkun għadu ħaj sabiex jikseb il-pensjoni għal min jibqa' ħaj u kumpens, għall-benefiċċju tiegħu, għat-telf fid-dħul li jiġi subit b'riżultat tal-mewt. Madankollu, peress li s-surrogat ma jistax ikollu aktar drittijiet mis-surrogatur, id-dritt, tal-Komunitajiet, li jitolbu l-ħlas lura tal-pensjoni kollha għal min jibqa' ħaj li tkun ġiet imħallsa lill-konjuġi li jkun għadu ħaj, għandu jkun limitat għall-ammont li jikkorrispondi għall-evalwazzjoni, magħmula skond ir-regoli tad-dritt nazzjonali applikabbli, tad-dannu subit minn dan ta' l-aħħar minħabba t-telf fid-dħul li jiġi subit wara l-mewt tal-konjuġi tiegħu.

14     Is-Sur Riehl, il-Kunsill u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew isostnu li s-surroga prevista fl-Artikolu 85a tar-Regolamenti tal-Persunal hija mekkaniżmu speċjali tad-dritt Komunitarju, li ma tistax tiġi eskluża bis-saħħa ta' xi regola tad-dritt nazzjonali. Il-possibbiltà ta' surroga tal-Komunitajiet ma tistax tiġi limitata għall-kumpens mogħti skond id-dritt nazzjonali lill-uffiċjal vittma ta' dannu jew lill-aventi kawża tiegħu, iżda hija testendi għall-benefiċċji kollha elenkati fl-Artikolu 85a(2).

15     F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li s-surroga prevista fl-Artikolu 85a tar-Regolamenti tal-Persunal hija surroga bl-operazzjoni tal-liġi. Hija sseħħ, fil-limiti ta' l-obbligi tal-Komunitajiet skond id-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija regolamenti, meta jseħħ l-avveniment li jikkaġuna d-dannu li jwassal għar-responsabbiltà tat-terza persuna (sentenza tas-26 ta' Frar 1992, Royale belge, Ġabra p. I-1135, punt 8).

16     Madankollu, l-Artikolu 85a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jippreċiża li l-Komunitajiet huma surrogati fid-"drittijiet, inklużi d-drittijiet għall-azzjoni, tal-vittma jew ta' dawk intitolati taħt[ha] kontra t-terza persuna". Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn din il-frażi jirriżulta b'mod ċar li l-Komunitajiet m'għandhomx aktar drittijiet kontra t-terza persuna minn dawk li għandha l-vittma jew l-aventi kawża tagħha.

17     F'dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 85a tar-Regolamenti tal-Persunal m'għandux l-għan li jbiddel ir-regoli nazzjonali applikabbli sabiex jiġi stabbilit jekk u safejn terza persuna, awtriċi ta' dannu, għandhiex tinżamm responsabbli. Ir-responsabbiltà ta' din ta' l-aħħar tibqa' suġġetta għar-regoli sostantivi li normalment għandhom jiġu applikati mill-qorti nazzjonali li quddiemha tkun qed tinstema' l-kawża tal-vittma, jiġifieri, fil-prinċipju, għal-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun seħħ id-dannu [ara, fir-rigward tas-surroga tal-korpi ta' sigurtà soċjali fil-kuntest tal-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta' l-14 ta' Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta' skemi ta' sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tagħha kif emendata u aġġornata mill-Kunsill, tat-2 ta' Ġunju 1983 (ĠU L 230, p. 6), is-sentenza tat-2 ta' Ġunju 1994, DAK, Ġabra p. I-2259, punt 21].

18     Minn dan isegwi li jekk id-dritt nazzjonali tar-responsabbiltà applikabbli għall-każ in eżami jeskludi pensjoni għal min jibqa' ħaj, bħal dik prevista fl-Artikoli 79 u 79a tar-Regolamenti tal-Persunal, mill-kamp ta' l-obbligu ta' ħlas lura impost fuq l-awtur ta' l-att illeċitu, il-Komunitajiet ma jistgħux jiksbu l-ħlas lura tas-somom li jikkorrispondu għal din il-pensjoni għal min jibqa' ħaj permezz tas-surroga stabbilita fl-Artikolu 85a ta' l-imsemmija regolamenti.

19     Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 85a tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jagħtix lill-Komunitajiet id-dritt li jiksbu, mingħand terza persuna responsabbli għall-mewt ta' uffiċjal, il-ħlas lura tal-pensjoni kollha għal min jibqa' ħaj li tkun ġiet imħallsa lill-konjuġi li jkun għadu ħaj, skond l-Artikoli 79 u 79a ta' l-imsemmi regolamenti, meta l-liġi applikabbli għad-dritt ta' kumpens għad-dannu tipprovdi li d-dritt għal pensjoni għal min jibqa' ħaj m'għandu ebda rabta ma' l-obbligu ta' l-awtur ta' att illeċitu li jikkumpensa d-danni fit-totalità tagħhom, u li d-dannu subit mill-konjuġi li jibqa' ħaj minħabba t-telf fid-dħul ta' martu li mietet huwa inqas mill-ammont tal-pensjoni għal min jibqa' ħaj imħallas lilu.

 Fuq l-ispejjeż

20     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

L-Artikolu 85a tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta' Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal ta' l-uffiċjali u l-kundizzjonijiet ta' impjieg ta' impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, u li jwaqqaf miżuri speċjali applikabbli temporanjament għall-uffiċjali tal-Kummissjoni, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEFA, KEE, Euratom) Nru 2799/85, tas-27 ta' Settembru 1985 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jagħtix lill-Komunitajiet id-dritt li jiksbu, mingħand terza persuna responsabbli għall-mewt ta' uffiċjal, il-ħlas lura tal-pensjoni kollha għal min jibqa' ħaj li tkun ġiet imħallsa lill-konjuġi li jkun għadu ħaj, skond l-Artikoli 79 u 79a ta' l-imsemmi regolamenti, meta l-liġi applikabbli għad-dritt ta' kumpens għad-dannu tipprovdi li d-dritt għal pensjoni għal min jibqa' ħaj m'għandu ebda rabta ma' l-obbligu ta' l-awtur ta' att illeċitu li jikkumpensa d-danni fit-totalità tagħhom, u li d-dannu subit mill-konjuġi li jibqa' ħaj minħabba t-telf fid-dħul ta' martu li mietet huwa inqas mill-ammont tal-pensjoni għal min jibqa' ħaj imħallas lilu.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top