EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002CJ0385

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) ta' l-14 ta' Settembru 2004.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Taljana.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 93/37/KEE - Kuntratti ta' xogħlijiet pubbliċi - Proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta' avviż ta' kuntratt.
Kawża C-385/02.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:522

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta' Settembru 2004 (*)

"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 93/37/KEE – Kuntratti ta' xogħlijiet pubbliċi – Proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta' avviż ta' kuntratt"

Fil-kawża C-385/02,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu taħt l-Artikolu 226 KE,

ippreżentat fit-28 ta' Ottubru 2002,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn K. Wiedner u R. Amorosi, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn M. Fiorilli, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J.-P. Puissochet, J. N. Cunha Rodrigues (Imħallef Relatur), R. Schintgen, u N. Colneric, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-10 ta' Marzu 2004,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta' April 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li minħabba li l-Magistrato per il Po di Parma, korp lokali tal-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi (li sar il-Ministeru ta' l-Infrastruttura u tat-Trasport), billi ta kuntratti dwar l-ikkompletar tal-kostruzzjoni ta' baċir għall-ilqugħ ta' l-ilma meta jfur il-kanal ta' Parma fil-lokalità ta' Marano (komun ta' Parma), kif ukoll dwar xogħlijiet ta' żvilupp u ta' kkompletar ta' baċir għall-ilqugħ ta' l-ilma mill-kanal ta' Enza u taż-żamma ta' l-ilma meta jfur il-kanal ta' Terdoppio lejn il-lbiċ ta' Cerano, permezz tal-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta' avviż ta' kuntratt, minkejja li l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tkun tista' tintuża din il-proċedura ma kinux sodisfatti, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha taħt id-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, ta' l-14 ta' Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti ta' xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 199, p. 54, aktar 'il quddiem id-"Direttiva"), u b'mod partikolari, taħt l-Artikolu 7(3) tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

2       L-Artikolu 7(3)(b)(ċ) u (e) tad-Direttiva jipprovdi li:

"L-awtoritajiet ta' kuntrattar jistgħu jagħtu l-kuntratti [tax-xogħlijiet] pubbliċi tagħhom permezz ta' proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta' avviż ta' kuntratt, fil-każi li ġejjin:

[…]

b)      meta, minħabba raġunijiet tekniċi jew artistiċi jew għal raġunijiet li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni ta' drittijiet esklussivi, ix-xogħlijiet jistgħu jsiru biss minn kuntrattur partikolari;

ċ)      sakemm ikun strettament meħtieġ meta, minħabba raġunijiet ta' urġenza estrema miġjuba minn avvenimenti mhux mistennija mill-awtoritajiet ta' kuntrattar f'dak il-każ, il-limitu taż-żmien stabbilit għall-proċeduri nnegozjati, miftuħa jew ristretti msemmija fil-paragrafu 2 ma jistgħux ikunu miżmuma. Iċ-ċirkostanzi invokati biex jiġġustifikaw l-urġenza estrema ma jistgħu fl-ebda każ jiġu attribwiti [lil]l-awtoritajiet ta' kuntrattar;

[…]

e)      għal xogħlijiet ġodda li jikkonsistu f'repetizzjoni ta' xogħlijiet simili fdati f'idejn l-intrapriża li lilha l-istess awtoritajiet ta' kuntrattar kienu taw kuntratt qabel, konċess li xogħlijiet bħal dawn jaqblu ma' proġett bażiku li għalih ingħata l-ewwel kuntratt bi qbil mal-proċeduri li hemm referenza [għalihom] fil-paragrafu 4.

Hekk kif l-ewwel proġett ikun offrut, għandu jingħata avviż li din il-proċedura tista' tiġi adottata u l-istima [ta' ]l-ispiża totali ta' xogħlijiet sussegwenti għandha tkun [i]kkunsidrata mill-awtoritajiet ta' kuntrattar meta huma japplikaw [id]-dispożizzjonijiet [ta' ]l-Artikolu 6. Din il-proċedura tista' tkun adottata biss waqt it-tliet snin [ta'] wara l-konklużjoni tal-kuntratt oriġinali."

3       L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva jipprovdi li:

"Fil-każi l-oħra kollha, l-awtoritajiet ta' kuntrattar għandhom jagħtu l-kuntratti ta' xogħlijiet pubbliċi tagħhom bil-proċedura miftuħa jew ristretta."

 Il-fatti

4       Permezz ta' Digrieti Nri 11414 u 11416 tad-9 ta' Ottubru 1997 u Nru 11678 tal-15 ta' Ottubru 1997, il-Magistrato per il Po di Parma approva kuntratti dwar ix-xogħlijiet segwenti:

–       l-ikkompletar tal-kostruzzjoni ta' baċir għall-ilqugħ ta' l-ilma meta jfur il-kanal ta' Parma fil-lokalità ta' Marano (komun ta' Parma);

–       l-iżvilupp u l-ikkompletar ta' baċir għall-ilqugħ ta' l-ilma mill-kanal ta' Enza, u

–       iż-żamma ta' l-ilma meta jfur il-kanal ta' Terdoppio lejn il-lbiċ ta' Cerano.

5       Il-valur ta' dawn ix-xogħlijiet kien jammonta għal madwar ITL 37 000 miljun, 21 000 miljun u 19 5000 miljun rispettivament.

6       Il-kuntratti oriġinali dwar ix-xogħlijiet imsemmija kienu ngħataw fid-dati segwenti:

–       fit-22 ta' Diċembru 1988 fil-każ tal-kanal ta' Parma,

–       fis-26 ta' Ottubru 1982 fil-każ tal-kanal ta' Enza, u

–       fl-20 ta' Mejju 1988 fil-każ tal-kanal ta' Terdoppio.

 Il-proċedura prekontenzjuża

7       Permezz ta' ittra tas-27 ta' Settembru 2000, il-Kummissjoni talbet informazzjoni mingħand l-awtoritajiet Taljani dwar il-proċedura użata biex ingħataw il-kuntratti msemmija fil-punt [4] ta' din is-sentenza (aktar 'il quddiem il-"kuntratti in kwistjoni").

8       L-awtoritajiet Taljani wieġbu permezz ta' ittri tad-19 ta' Ottubru 2000 u tas-26 ta' Marzu 2001, fejn sostnew li l-proċedura li kienu użaw kienet konformi mar-rekwiżiti ta' l-Artikolu 7(3)(e) tad-Direttiva minħabba li x-xogħlijiet in kwistjoni kienu jikkonsistu fir-ripetizzjoni ta' xogħlijiet simili għal xogħlijiet li l-Magistrato per il Po di Parma kien diġà fada lill-impriżi li kienu ngħataw il-kuntratti oriġinali u li kienu konformi ma' proġett bażiku li kien is-suġġett ta' kuntratt preċedenti mogħti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva. Barra minn hekk, id-dritt ta' l-awtorità ta' kuntrattar li tirrikorri għall-proċedura nnegozjata kienet prevista fl-avviżi ta' kuntratt oriġinali u l-istima totali ta' l-ispiża sabiex jitlesta kull xogħol kienet ittieħdet in kunsiderazzjoni mill-Magistrato per il Po di Parma fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji. Fl-aħħar nett, il-proċedura nnegozjata kienet ġiet adottata fit-tliet snin ta' wara l-konklużjoni tal-kuntratt oriġinali.

9       Permezz ta' ittra tat-23 ta' April 2001, il-Kummissjoni intimat lir-Repubblika Taljana sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

10     L-awtoritajiet Taljani wieġbu permezz ta' ittri tat-8 ta' Ġunju u tas-17 ta' Diċembru 2001 fejn sostnew, b'mod partikolari, li l-perijodu ta' tliet snin ta' wara l-konklużjoni tal-kuntratt oriġinali, imsemmi fl-Artikolu 7(3)(e) tad-Direttiva, jibda jiddekorri mid-data ta' meta x-xogħlijiet taħt il-kuntratt oriġinali ġew ikkunsinnati, peress li din id-data tirrappreżenta t-tmiem tal-kuntratt.

11     Peress li ma kinitx sodisfatta b'din it-tweġiba, il-Kummissjoni, fil-21 ta' Diċembru 2001, ħarġet opinjoni motivata fejn stiednet lir-Repubblika Taljana tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha ma' l-istess opinjoni f'terminu ta' xahrejn min-notifika tagħha. Peress li r-Repubblika Taljana ma weġbitx għal din l-opinjoni, il-Kummissjoni ressqet dan ir-rikors.

 It-talbiet

12     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–       tikkonstata li, peress li l-Magistrato per il Po di Parma kien ikkonkluda kuntratti dwar l-ikkompletar tal-kostruzzjoni ta' baċir għall-ilqugħ ta' l-ilma meta jfur il-kanal ta' Parma fil-lokalità ta' Marano (komun ta' Parma), kif ukoll dwar xogħlijiet ta' żvilupp u ta' kkompletar ta' baċir ilqugħ ta' l-ilma mill-kanal ta' Enza u ta' żamma ta' l-ilma meta jfur il-kanal ta' Terdoppio lejn il-lbiċ ta' Cerano, permezz tal-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta' avviż ta' kuntratt, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha taħt id-Direttiva u b'mod partikolari taħt l-Artikolu 7(3) tagħha,

–       tikkundanna lir-Repubblika Taljana tbati l-ispejjeż.

13     Ir-Repubblika Taljana titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex, bla ħsara għall-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva fil-qasam tal-kompetizzjoni, tikkunsidra li l-Gvern Taljan wettaq żball skużabbli li hu dovut għall-verżjoni Taljana tad-dispożizzjoni, meta mqabbla ma' l-interpretazzjoni ta' din id-dispożizzjoni abbażi tat-test fil-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi.

 Fuq in-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu

14     Hemm qbil li l-kuntratti in kwistjoni jaqgħu taħt id-Direttiva u kienu konklużi permezz ta' proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta' avviż ta' kuntratt. Din il-proċedura tista' tintuża biss fil-każijiet elenkati b'mod eżawrjenti fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva. Fir-risposta tiegħu, il-Gvern Taljan iressaq tliet raġunijiet intiżi sabiex juru li l-kuntratti in kwistjoni jaqgħu taħt wieħed minn dawn il-każijiet.

15     Fl-ewwel lok, il-Gvern Taljan isostni li bejn l-1981 u l-1990, il-Magistrato per il Po di Parma beda proċeduri sabiex jitwettqu interventi intiżi għas-sigurtà idrawlika tat-territorji u taż-żoni milquta mill-ilma li jfur mix-xmara Po u mit-tributarji tagħha permezz ta' kuntratti li jikkonċernaw l-iżvilupp tal-proġett sħiħ u t-twettiq tax-xogħlijiet fi stadji separati skond l-ammont u d-disponibbiltà ta' fondi. Il-kuntratti dwar l-iżvilupp tal-proġett u dwar l-ewwel parti tax-xogħlijiet ingħataw wara proċedura li kienet konformi mad-dritt Komunitarju. L-avviżi ta' kuntratt rilevanti kien fihom klawżola li kienet tippermetti lill-awtorità ta' kuntrattar talloka t-twettiq ta' stadji ta' xogħol sussegwenti lill-istess impriża.

16     Fid-dawl tal-komplessità u tan-natura delikata tax-xogħlijiet, il-Kunsill Superjuri tax-Xogħlijiet Pubbliċi ppreċiża, f'opinjoni teknika, li dawn ix-xogħlijiet kellhom isiru minn kuntrattur ikkwalifikat wieħed u li, jekk kellhom isiru f'diversi stadji, il-kontinwità tagħhom kellha tkun assigurata. Il-klawżola fl-avviż ta' kuntratt kif ukoll fil-kuntratti dwar l-iżvilupp tal-proġett u dwar l-ewwel parti mix-xogħlijiet inkludiet dan is-suġġeriment tekniku. L-użu tal-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta' avviż ta' kuntratt fir-rigward ta' l-għoti tal-kuntratti in kwistjoni jammonta għat-twettiq ta' obbligu kuntrattwali.

17     Skond il-Gvern Taljan, l-awtorità ta' kuntrattar xtaqet tissodisfa rekwiżiti tekniċi li jikkonċernaw it-twettiq tax-xogħlijiet kollha minn kuntrattur wieħed. Ħafna drabi, it-twettiq ta' xogħlijiet relatati fi stadji toħloq problemi ta' kompatibbiltà fit-twettiq u, għaldaqstant, diffikultajiet sabiex stabbiliti r-responsabbiltajiet rispettivi għad-danni li jirriżultaw minn qerda jew deterjorament tax-xogħlijiet.

18     Din l-ewwel raġuni tad-difiża għandha tinftiehem bħala bbażata fuq l-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva safejn din id-dispożizzjoni tawtorizza l-użu tal-proċedura nnegozjata, mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta' avviż ta' kuntratt, fir-rigward tax-xogħlijiet li, minħabba raġunijiet tekniċi, jistgħu jitwettqu biss minn kuntrattur partikolari.

19     Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva, li jawtorizzaw derogi għar-regoli intiżi sabiex jiggarantixxu l-effettività tad-drittijiet rikonoxxuti mit-Trattat KE fis-settur tal-kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi, għandhom ikunu s-suġġett ta' interpretazzjoni stretta u hija l-persuna li tixtieq tinvoka ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw id-deroga li għandha tipprova li dawn iċ-ċirkustanzi effettivament jeżistu (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta' Mejju 1995, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-57/94, Ġabra p. I-1249, punt 23, u tat-28 ta' Marzu 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-318/94, Ġabra p. I-1949, punt 13).

20     Minn dan jirriżulta li l-awtoritajiet Taljani għandhom jippruvaw li minħabba raġunijiet tekniċi kien meħtieġ li l-kuntratti in kwistjoni jingħataw lill-kuntrattur li kien ingħata l-kuntratt oriġinali (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata aktar 'il fuq, punt 24).

21     Ċertament, l-għan li tiġi assigurata l-kontinwità ta' xogħlijiet li jirrigwardaw proġetti kumplessi intiżi għas-sigurtà idrawlika ta' reġjun jammonta għal kunsiderazzjoni teknika li l-importanza tagħha għandha tiġi rikonoxxuta. Madankollu, is-sempliċi affermazzjoni tan-natura kumplessa u delikata tax-xogħlijiet kollha mhijiex biżżejjed biex tipprova li dawn jistgħu jingħataw biss lill-istess kuntrattur, b'mod partikolari meta x-xogħlijiet huma maqsuma fi stadji li t-twettiq tagħhom huwa mifrux fuq diversi snin.

22     F'dan il-każ, il-Gvern Taljan sempliċement irrefera b'mod ġenerali għall-kontenut ta' opinjoni tal-Kunsill Superjuri tax-Xogħlijiet Pubbliċi mingħajr ma pprovda l-ispjegazzjonijiet dettaljati meħtieġa sabiex juri l-ħtieġa li jintuża kuntrattur wieħed.

23     Fir-rigward ta' l-argument, imressaq mill-Gvern Taljan, li l-użu tal-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta' avviż ta' kuntratt fir-rigward ta' l-għoti tal-kuntratti in kwistjoni jammonta għat-twettiq ta' obbligu kuntrattwali, anki jekk wieħed jassumi li dan huwa rilevanti, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi Gvern ma stabbilixxiex l-eżistenza ta' obbligu bħal dan. Għall-kuntrarju, skond il-provi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Magistrato per il Po di Parma ma kienx obbligat li jagħti l-istadji tax-xogħlijiet sussegwenti lill-kuntratturi li ngħataw l-ewwel stadji iżda kellu biss il-possibbiltà li jagħmel dan.

24     Minn dan jirriżulta li r-raġuni tad-difiża bbażata fuq l-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva mhijiex fondata u għandha tiġi miċħuda.

25     Fit-tieni lok, skond il-Gvern Taljan, f'dan il-każ, kien hemm bżonn urġenti li x-xogħlijiet jitlestew sabiex jiġi evitat li r-riskju ta' għargħar ikun aggravat minħabba li ma kinux għadhom tlestew.

26     Din it-tieni raġuni tad-difiża għandha tinftiehem bħala bbażata fuq l-Artikolu 7(3)(ċ) tad-Direttiva li jawtorizza l-użu tal-proċedura nnegozjata, mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta' avviż ta' kuntratt, meta, minħabba raġunijiet ta' urġenza estrema kkawżati minn avvenimenti li l-awtoritajiet ta' kuntrattar ma jistgħux jipprevedu, it-termini rikjesti taħt il-proċeduri normali ma jkunux jistgħu jiġu rrispettati. It-tieni sentenza ta' din id-dispożizzjoni tippreċiża li ċ-ċirkustanzi invokati sabiex tiġi ġġustifikata l-urġenza estrema ma jistgħu fl-ebda każ ikunu attribwibbli għall-awtoritajiet ta' kuntrattar.

27     F'din il-kawża, il-kuntratti oriġinali dwar ix-xogħlijiet ta' protezzjoni mill-għargħar kienu ngħataw fis-snin 1980. Barra minn hekk, kien previst mill-bidu li t-twettiq tax-xogħlijiet kellu jinqasam fi stadji skond l-ammont u d-disponibbiltà ta' fondi

28     Dawn l-elementi ma jistabbilixxu l-ebda urġenza estrema. Għall-kuntrarju, huma jirriżultaw mill-arranġamenti magħmula mill-awtorità ta' kuntrattar.

29     Minn dan isegwi li din it-tieni raġuni tad-difiża, ibbażata fuq l-Artikolu 7(3)(ċ) tad-Direttiva, mhijiex fondata u għandha tiġi miċħuda.

30     Fit-tielet lok, il-Gvern Taljan jinvoka l-Artikolu 7(3)(e) tad-Direttiva li, taħt ċerti kundizzjonijiet, jawtorizza l-użu tal-proċedura nnegozjata, mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta' avviż ta' kuntratt, fir-rigward ta' xogħlijiet ġodda li jikkonsistu f'ripetizzjoni ta' xogħlijiet simili fdati lill-impriża li kienet ingħatat kuntratt preċedenti mill-istess awtoritajiet ta' kuntrattar.

31     Skond l-aħħar sentenza ta' din id-dispożizzjoni, din il-possibbiltà hija disponibbli biss matul perijodu ta' tliet snin wara l-konklużjoni tal-kuntratt oriġinali. Il-Gvern Taljan isostni li dan il-perijodu jiddekorri mill-konklużjoni tax-xogħlijiet taħt il-kuntratt oriġinali u mhux minn meta jingħata dan il-kuntratt.

32     Fl-alternattiv, il-Gvern Taljan jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkunsidra li huwa wettaq żball skużabbli minħabba l-verżjoni Taljana ta' l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva.

33     F'dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-Artikolu 7(3)(e) tad-Direttiva jawtorizza l-użu tal-proċedura nnegozjata, mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta' avviż ta' kuntratt, fir-rigward ta' xogħlijiet ġodda li jikkonsistu fir-ripetizzjoni ta' xogħlijiet simili fdati lill-impriża li kienet ingħatat kuntratt preċedenti.Madankollu, l-aħħar sentenza ta' din id-dispożizzjoni tippreċiża li din il-proċedura tista' tintuża biss "waqt it-tliet snin [ta'] wara l-konklużjoni tal-kuntratt oriġinali".

34     Fid-dawl ta' paragun bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ta' din id-dispożizzjoni, l-espressjoni "konklużjoni tal-kuntratt oriġinali" għandha tinftiehem fis-sens li qiegħda tirreferi għall-konklużjoni tal-kuntratt oriġinali u mhux għat-twettiq tax-xogħlijiet taħt il-kuntratt.

35     B'mod partikolari, il-verżjoni Daniża, "indgaaelsen af den orprindelige kontrakt", dik Ingliża, "the conclusion of the original contract", dik Spanjola, "formalización del contrato inicial", u dik Portugiża, "celebração do contrato inicial", jirreferu mingħajr ambigwità għall-kuntratt u ma jistgħux jitqiesu li qegħdin jirreferu għax-xogħlijiet li jkunu s-suġġett tal-kuntratt.

36     Din l-interpretazzjoni hija konformi mas-suġġett tad-dispożizzjoni in kwistjoni u mal-post ta' din id-dispożizzjoni fl-iskema tad-Direttiva.

37     Minn naħa, peress li din hija dispożizzjoni b'derogi li għandha tingħata interpretazzjoni stretta, għandha tintgħażel l-interpretazzjoni li tillimita l-perijodu li matulu tapplika d-deroga u mhux dik li ttawwlu. Hija l-interpretazzjoni li tapplika d-data tal-konklużjoni tal-kuntratt oriġinali bħala l-punt tat-tluq pjuttost mid-data tat-twettiq tax-xogħlijiet li jkunu s-suġġett tal-kuntratt, liema data neċessarjament tkun waħda sussegwenti, li tissodisfa dan il-għan.

38     Min-naħa l-oħra, iċ-ċertezza legali, li hija mixtieqa fil-proċeduri ta' għoti ta' kuntratti pubbliċi, teżiġi li d-data minn meta jibda jiddekorri l-perijodu in kwistjoni għandha tkun tista' tiġi definita b'mod ċar u oġġettiv. Filwaqt li d-data tal-konklużjoni ta' kuntratt hija ċerta, diversi dati jistgħu jitqiesu bħala d-data tal-konklużjoni tax-xogħlijiet u b'hekk joħolqu numru li jikkorrispondi ta' inċertezzi. Barra minn hekk, filwaqt li d-data tal-konklużjoni hija magħrufa definittivament mill-bidu, id-data tal-konklużjoni tax-xogħlijiet, irrispettivament mid-definizzjoni aċċettata, tista' tinbidel minħabba fatturi aċċidentali jew volontarji sakemm il-kuntratt ikun qiegħed jitwettaq.

39     Minn dan isegwi li, f'dan il-każ, il-perijodu ta' tliet snin previst fl-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 7(3)(e) tad-Direttiva beda' jiddekorri mill-konklużjoni tal-kuntratti oriġinali fl-1982 u fl-1988. Peress li l-kuntratti in kwistjoni ngħataw fl-1997, id-deroga prevista fl-imsemmija dispożizzjoni ma tapplikax.

40     Fir-rigward tat-talba tal-Gvern Taljan intiża biex jingħatalu l-benefiċċju ta' żball skużabbli, għandu jiġi mfakkar li l-proċedura għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu tippermetti li tiġi ddeterminata l-portata eżatta ta' l-obbligi ta' l-Istati Membri, b'mod partikolari, fil-każ fejn ma jkunx hemm qbil fl-interpretazzjoni, u hija bbażata fuq il-konstatazzjoni oġġettiva ta' nuqqas ta' rispett minn Stat Membru ta' l-obbligi tiegħu taħt it-Trattat jew taħt dispożizzjoni ta' dritt sekondarju (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta' Jannar 2001, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-83/99, Ġabra p. I-445, punt 23). Għaldaqstant, il-kunċett ta' żball skużabbli ma jistax jiġi invokat minn Stat Membru sabiex jiġġustifika nuqqas li jwettaq l-obbligi tiegħu taħt direttiva.

41     Minn dan jirriżulta li t-tielet raġuni tad-difiża, ibbażata fuq l-Artikolu 7(3)(e) tad-Direttiva, għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

42     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li minħabba li l-Magistrato per il Po di Parma kien ikkonkluda kuntratti dwar l-ikkompletar tal-kostruzzjoni ta' baċir għall-ilqugħ ta' l-ilma meta jfur il-kanal ta' Parma fil-lokalità ta' Marano (komun ta' Parma), kif ukoll dwar xogħlijiet ta' żvilupp u ta' kkompletar ta' baċir għall-ilqugħ ta' l-ilma mill-kanal ta' Enza u ta' żamma ta' l-ilma meta jfur il-kanal ta' Terdoppio lejn il-lbiċ ta' Cerano, permezz tal-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta' avviż ta' kuntratt minkejja li l-kundizzjonijiet meħtieġa ma kinux sodisfatti, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha taħt id-Direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

43     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla), taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Minħabba li l-Magistrato per il Po di Parma, korp lokali tal-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi (li sar il-Ministeru ta' l-Infrastruttura u tat-Trasport), kien ikkonkluda kuntratti dwar l-ikkompletar tal-kostruzzjoni ta' baċir għall-ilqugħ ta' l-ilma meta jfur il-kanal ta' Parma fil-lokalità ta' Marano (komun ta' Parma), kif ukoll dwar xogħlijiet ta' żvilupp u ta' kkompletar ta' baċir għall-ilqugħ ta' l-ilma mill-kanal ta' Enza u ta' żamma ta' l-ilma meta jfur il-kanal ta' Terdoppio lejn il-lbiċ ta' Cerano, permezz tal-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta' avviż ta' kuntratt, minkejja li l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tkun tista' tintuża din il-proċedura ma kinux sodisfatti, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha taħt id-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, ta' l-14 ta' Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti ta' xogħlijiet pubbliċi.

2)      Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top