Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002CJ0372

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-11 ta' Novembru 2004.
    Roberto Adanez-Vega vs Bundesanstalt für Arbeit.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundessozialgericht - il-Ġermanja.
    Regolament (KEE) Nru 1408/71 - Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli - Benefiċċji tal-qgħad - Kundizzjonijiet dwar l-aggregazzjoni tal-perijodi ta' assigurazzjoni jew ta' impjieg - Miżura nazzjonali li ma tieħux in kunsiderazzjoni perijodu ta' servizz militari obbligatorju mwettaq fi Stat Membru ieħor.
    Kawża C-372/02.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:705

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    11 ta' Novembru 2004 (*)

    "Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli – Benefiċċji tal-qgħad – Kundizzjonijiet dwar l-aggregazzjoni tal-perijodi ta' assigurazzjoni jew ta' impjieg – Miżura nazzjonali li ma tieħux in kunsiderazzjoni perijodu ta' servizz militari obbligatorju mwettaq fi Stat Membru ieħor"

    Fil-kawża C-372/02,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE,

    imressqa mill-Bundessozialgericht (Il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tal-15 ta' Awwissu 2002, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta' Ottubru 2002, fil-proċedura

    Roberto Adanez-Vega

    vs

    Bundesanstalt für Arbeit,

     IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn P. Jann (Relatur), President ta' l-Awla, A. Rosas u S. von Bahr, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –       għal Roberto Adanez-Vega, minn J. López Lerma,

    –       għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, bħala aġent,

    –       għall-Gvern Portugiż, minn L. I. Fernandes u S. da Nóbrega Pizarro, bħala aġenti,

    –       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn H. Michard u H. Kreppel, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta' Marzu 2004,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 3, 13(2), 67 u 71 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta' l-14 ta' Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu aġġornata mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2001/83, tat-2 ta' Ġunju 1983 (ĠU L 230, p. 6), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2195/91, tal-25 ta' Ġunju 1991 (ĠU L 206, p. 2, aktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 1408/71").

    2       Din it-talba saret fil-kuntest ta' kawża bejn Roberto Adanez-Vega u l-Bundesanstalt für Arbeit (Uffiċċju Federali ta' l-Impjieg, aktar 'il quddiem il-"Bundesanstalt") dwar ir-rifjut ta' dan ta' l-aħħar li jagħtih benefiċċju jew assistenza tal-qgħad.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

     Id-definizzjonijiet

    3       Skond l-Artikolu 1(s) tar-Regolament Nru 1408/71, "'perjodi ta' impjieg' u 'perjodi ta' impjieg għal rashom' ifissru perjodi ddefiniti jew rikonoxxuti tali mil-leġiżlazzjoni li taħtha kienu ġew mitmuma, u l-perjodi kollha ttrattati tali, fejn jiġu meqjusa mil-leġislazzjoni msemmija bħala ekwivalenti għall-perjodi ta' impjieg jew ta' impjieg għal rashom".

     Ir-regoli dwar il-kunflitti ta' liġijiet

    4       L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li:

    "1.      […] persuni li għalihom jgħodd dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għal-leġislazzjoni ta' Stat Membru wieħed biss. Dik il-leġislazzjoni għandha tiġi stabbilita skond id-dispożizzjonijiet ta dan it-Titolu.

    2.      Soġġetta għall-Artikoli 14 sa 17:

    a)      persuna impjegata fit-territorju ta' Stat Membru wieħed għandha tkun soġġetta għal-leġislazzjoni ta' dak l-Istat ukoll jekk tkun tgħix fit-territorju ta' Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju rreġistrat jew il-post tan-negozju ta' l-intrapriża jew ta' l-individwu li jimpjegaha jkun jinsab fit-territorju ta' Stat Membru ieħor;

    […]

    e)      persuna li tkun ġiet imsejħa jew li tkun ġiet imsejħa mill-ġdid biex tagħti servizz fil-forzi armati, jew f'servizz ċivili, ta' Stat Membru għandha tkun soġġetta għal-leġislazzjoni ta' dak l-Istat […];

    f)      persuna li fir-rigward tagħha l-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru ma tibqax tapplika, mingħajr ma ssir applikabbli fir-rigward tagħha l-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru ieħor skond waħda mir-regoli stabbiliti fil-paragrafi preċedenti jew skond waħda mill-eċċezzjonijiet jew mir-regoli partikolari stabbiliti fl-Artikoli 14 sa 17, għandha tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu hija tirrisjedi skond id-dispożizzjonijiet ta' dik il-leġiżlazzjoni biss". [it-traduzzjoni tal-paragrafu (f) mhix uffiċjali]

    5       L-Artikolu 71(1)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71 jippreċiża li persuna impjegata, minbarra ħaddiem li jaqsam il-fruntiera, li hija qiegħda għal kollox u "[…] li, matul l-aħħar impjieg tagħha, kienet tirrisjedi fit-territorju ta' Stat Membru ieħor għajr l-Istat kompetenti" u li "[t]agħmel lil[ha nfisha] disponibbli għax-xogħol lis-servizzi tax-xogħol fit-territorju ta' l-Istat Membru li fih [t]irrisjedi, jew [t]mur lura lejn dan it-territorju, għand[ha] [t]irċievi l-benefiċċji bi qbil mal-leġiżlazzjoni ta' dan l-Istat […]; l-istituzzjoni tal-post tar-residenza għandha tipprovdi dawn il-benefiċċji bi spejjeż tagħha […]".

     Ir-regoli sostantivi

    6       L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li "[b]la ħsara għad-disposizzjonijiet speċjali ta' dan ir-Regolament, il-persuni residenti fit-territorju ta' wieħed mill-Istati Membri [u li għalihom] japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-istess obbligi u [għandhom] [i]gawdu l-istess benefiċċji skond il-leġiżlazzjoni ta' kull Stat Membru bħaċ-ċittadini nazzjonali ta' dan l-Istat".

    7       Fir-rigward tal-benefiċċji tal-qgħad, l-Artikolu 67(1) u (3) tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat "Aggregazzjoni tal-perijodi taż-żmien ta' l-assigurazzjoni jew ta' l-impjieg", jipprovdi li:

    "1.      L-istituzzjoni kompetenti ta' Stat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu tagħmel l-akkwist, iż-żamma jew l-irkupru tad-dritt għall-benefiċċji soġġetti għat-tmiem ta' perijodi taż-żmien ta' assigurazzjoni għandha tqis, safejn u sakemm meħtieġ, l-perjodi ta' l-assigurazzjoni jew ta' l-impjiegi mitmuma bħala persuna impjegata taħt il-leġiżlazzjoni ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor, daqs li kieku kienu perjodi mwettqa skond il-leġislazzjoni li hija (l-istituzzjoni) tamministra, basta iżda illi l-perjodi ta' l-impjieg/i kienu jiġu magħduda bħala perijodi taż-żmien ta' l-assigurazzjoni li kieku ntemmu taħt din il-leġislazzjoni.

    [...]

    3.      Għajr fil-każi msemmija fl-Artikolu 71 (1) (a) (ii) u (b) (ii), l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu bla ħsara għall-kondizzjoni illi l-persuna interessata għandha tkun temmet l-aħħar nett:

    –       fil-każ tal-paragrafu 1, l-perjodi ta' l-assigurazzjoni, –

    –       fil-każ tal-paragrafu 2, l-perjodi ta' l-impjieg/i

    bi qbil mad-disposizzjonijiet tal-leġislazzjoni li fuqha l-benefiċċji jkunu pretesi".

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    8       L-Artikolu 100(1) ta' l-Arbeitsförderungsgesetz (liġi dwar il-promozzjoni tax-xogħol), fil-verżjoni tagħha li kienet fis-seħħ fl-1996, jipprovdi li persuna għandha dritt għall-benefiċċju tal-qgħad, b'mod partikolari, jekk hija tissodisfa l-kundizzjonijiet dwar il-perijodu ta' affiljazzjoni. L-Artikolu 104 ta' l-Arbeitsförderungsgesetz jipprovdi li l-kundizzjoni dwar il-perijodu ta' affiljazzjoni tkun sodisfatta jekk il-persuna kkonċernata tkun żammet, għal 360 ġurnata matul perijodu ta' referenza ta' tliet snin, impjieg suġġett għall-obbligu li jitħallsu kontribuzzjonijiet. Il-perijodu ta' referenza huwa l-perijodu li jiġi immedjatament qabel l-ewwel ġurnata tal-perijodu ta' qgħad li minnha jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra li jagħtu l-persuna kkonċernata dritt għall-benefiċċju tal-qgħad.

    9       Skond l-Artikolu 134 ta' l-Arbeitsförderungsgesetz, assistenza tal-qgħad hija allokata, sussidjarjament, lill-persuni bla xogħol li jkunu f'sitwazzjoni finanzjarja batuta u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 100 ta' l-Arbeitsförderungsgesetz, jiġifieri li, minflok perijodu ta' affiljazzjoni ta' 360 ġurnata, huma għandhom jiġġustifikaw biss perijodu ta' impjieg suġġett għall-obbligu li jitħallsu kontribuzzjonijiet ta' mill-anqas 150 ġurnata f'perijodu ta' referenza aqsar ta' sena.

    10     Skond l-Artikolu 107 ta' l-Arbeitsförderungsgesetz, il-perijodu ta' servizz militari huwa assimilat ma' perijodu ta' impjieg suġġett għall-obbligu li jitħallsu kontribuzzjonijiet.

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    11     Roberto Adanez-Vega huwa ċittadin Spanjol li, mit-twelid tiegħu fl-1974, dejjem kellu r-residenza prinċipali tiegħu ddikjarata fil-Ġermanja.

    12     Mill-1 ta' Settembru 1991 sa l-4 ta' Diċembru 1992 huwa segwa taħriġ fi Spanja li kien suġġett għas-sigurtà soċjali (b'mod partikolari għall-assigurazzjoni kontra l-qgħad). Sussegwentament, mit-3 sal-31 ta' Awwissu 1994 u mit-3 ta' Novembru 1994 sa l-20 ta' April 1995, huwa kellu, fil-Ġermanja, impjieg li wkoll kien suġġett għas-sigurtà soċjali (b'mod partikolari għall-assigurazzjoni kontra l-qgħad). Fil-21 ta' April 1995, Roberto Adanez-Vega mar fi Spanja fejn, bejn it-18 ta' Mejju 1995 u l-15 ta' Frar 1996, huwa wettaq is-servizz militari obbligatorju tiegħu. Meta temm is-servizz militari tiegħu, huwa mar lura fil-Ġermanja.

    13     Meta mar lura l-Ġermanja, Roberto Adanez-Vega rreġistra ruħu bħala persuna mingħajr xogħol mal-Bundesanstalt fil-25 ta' April 1996 u talab benefiċċju tal-qgħad mingħandu. Fit-30 ta' Mejju 1996 huwa sab impjieg ġdid.

    14     Permezz ta' deċiżjoni tal-31 ta' Mejju 1996, il-Bundesanstalt irrifjuta li jagħtih benefiċċju tal-qgħad fir-rigward tal-perijodu bejn il-25 ta' April u d-29 ta' Mejju 1996 minħabba li l-kundizzjonijiet dwar it-tul tal-perijodu ta' affiljazzjoni previsti fl-Artikoli 104 u 134 ta' l-Arbeitsförderungsgesetz, li jagħtu dritt għall-benefiċċji tal-qgħad (benefiċċju tal-qgħad jew assistenza tal-qgħad), ma kinux ġew sodisfatti. Fil-fatt, peress li, skond il-Bundesanstalt, il-perijodu ta' servizz militari mwettaq fi Spanja ma kellux jittieħed in kunsiderzzjoni, Roberto Adanez-Vega ma kien jissodisfa la l-kundizzjoni ta' affiljazzjoni għal 360 ġurnata matul il-perijodu ta' referenza ta' tliet snin, imsemmija fl-Artikolu 104 ta' l-Arbeitsförderungsgesetz, u lanqas il-kundizzjoni ta' affiljazzjoni għal 150 ġurnata matul il-perijodu ta' referenza ta' sena, imsemmija fl-Artikolu 134 ta' din l-istess liġi.

    15     L-ilment ta' Roberto Adanez-Vega kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud mill-Bundesanstalt permezz ta' deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 1996. Ir-rikors kontra din id-deċiżjoni imressaq minn Roberto Adanez-Vega quddiem is-Sozialgericht Hannover (Il-Ġermanja) ġie milqugħ permezz ta' deċiżjoni tas-26 ta' Frar 1998. L-appell tal-Bundesanstalt quddiem il-Landessozialgericht Niedersachsen (Il-Ġermanja) ġie miċħud permezz ta' sentenza tat-23 ta' Ottubru 2001. Il-Bundesanstalt imbagħad ressaq rikors għal "reviżjoni" quddiem il-Bundessozialgericht.

    16     Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundessozialgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    "1) Persuna li titlob benefiċċji tal-qgħad taħt l-iskema Ġermaniża ta' assigurazzjoni kontra l-qgħad aktar minn xahrejn wara t-tmiem tas-servizz militari obbligatorju tagħha mwettaq fi Spanja taqa':

    a)      taħt il-leġiżlazzjoni Spanjola, skond l-Artikolu 13(2)(e) tar-Regolament Nru 1408/71 […]?

    b)      taħt il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, skond l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71?

    2) Fil-każ ta' risposta fl-affermattiv għad-domanda 1(a):

    a)      Is-servizz militari obbligatorju mwettaq fi Spanja jammonta għall-"aħħar impjieg [...] fit-territorju ta' Stat Membru ieħor" fis-sens ta' l-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1408/71?

    b)      Fil-każ ta' risposta fl-affermattiv għad-domanda 2(a):

    L-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 71(1)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71 tinkludi wkoll ir-regola li l-aħħar impjieg li l-persuna kkonċernata jkollha fit-territorju ta' Stat Membru ieħor għandu jittieħed in kunsiderazzjoni fir-rigward tal-benefiċċji tal-qgħad daqs li kieku [kien imwettaq] fl-Istat ta' residenza, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 67 ta' l-istess regolament humiex sodisfatti?

    ċ)      Fil-każ ta' risposta negattiva għad-domanda 2(b):

    F'liema ċirkustanzi perijodu li matulu twettaq servizz militari obbligatorju li, fid-dritt nazzjonali (Spanjol), la jammonta għal perijodu ta' assigurazzjoni għall-iskema ta' assigurazzjoni kontra l-qgħad u lanqas għal perijodu assimilat għal dan l-aħħar perijodu, jikkostitwixxi, skond l-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 1408/71, perijodu ta' impjieg imwettaq bħala ħaddiema impjegat taħt il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru ieħor?

    3) Fil-każ ta' risposta fl-affermattiv għad-domanda 1(b):

    a)      Persuna li temmet l-aħħar perijodu ta' assigurazzjoni tagħha fil-Ġermanja aktar minn sena qabel u li sussegwentament wettqet is-servizz militari obbligatorju tagħha ta' disa' xhur fi Spanja, tkun wettqet, fis-sens ta' l-Artikolu 67(3) tar-Regolament Nru 1408/71, "l-aħħar nett" perijodi ta' assigurazzjoni taħt il-leġiżlazzjoni Ġermaniża?

    b)      Fil-każ ta' rispsota fl-affermattiv għad-domanda 3(a):

    F'liema ċirkustanzi perijodu li matulu jitwettaq servizz militari obbligatorju li, fid-dritt nazzjonali (Spanjol), la jammonta għal perijodu ta' assigurazzjoni għall-iskema ta' assigurazzjoni kontra l-qgħad u lanqas għal perijodu assimilat għal dan l-aħħar perijodu, jikkostitwixxi, fis-sens ta' l-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 1408/71, perijodu ta' impjieg imwettaq bħala ħaddiema impjegat taħt il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru ieħor? [Din id-domanda tikkorrispondi għad-domanda 2(ċ)].

    ċ)      Jekk l-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 1408/71 ma japplikax għar-rikorrent [domanda 3(a) u (b)]:

    i)      Is-servizz militari obbligatorju mwettaq fi Spanja jammonta għall-"aħħar impjieg [...] fit-territorju ta' Stat Membru ieħor" fis-sens ta' l-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1408/71? [Din id-domanda tikkorrispondi għad-domanda 2(a)].

    ii)      Fil-każ ta' risposta fl-affermattiv għad-domanda 3(ċ)(i):

    L-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 71(1)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71 tinkludi wkoll ir-regola li l-aħħar impjieg li l-persuna kkonċernata kellha fit-territorju ta' Stat Membru ieħor għandu jittieħed in kunsiderazzjoni fir-rigward tal-benefiċċji tal-qgħad daqs li kieku [kien imwettaq] fl-Istat ta' residenza, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 67 ta' l-istess regolament humiex sodisfatti? [Din id-domanda tikkorrispondi għad-domanda 2(b)].

    4) Safejn la skond l-Artikolu 71 u lanqas bis-saħħa ta' l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 1408/71 il-perijodu ta' servizz militari obbligatorju Spanjol m'għandux jittieħed in kunsiderazzjoni fir-rigward tad-dritt tar-rikorrenti għal benefiċċji taħt l-iskema ta' assigurazzjoni Ġermaniża għal kontra l-qgħad, mill-prinċipju ta' trattament ugwali ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71 jew minn dispożizzjonijiet ġenerali oħra tad-dritt Komunitarju jirriżulta dritt analogu?".

     Fuq id-domandi preliminari

     Fuq l-ewwel domanda: id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli (Artikoli 13 u 71 tar-Regolament Nru 1408/71)

    17     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi jekk, skond l-Artikolu 13 u 71 tar-Regolament Nru 1408/71, il-leġiżlazzjoni applikabbli għal persuna li tirrisjedi fi Stat Membru u li tinsab mingħajr xogħol wara li tkun wettqet is-servizz militari obbligatorju tagħha fi Stat Membru ieħor, hijiex il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru ta' residenza jew dik ta' l-Istat Membru fejn hija wettqet is-servizz militari tagħha.

    18     Fl-ewwel lok għandu jiġi osservat li, skond ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 li jiddeterminaw liema hija l-leġiżlazzjoni applikabbli jistabbilixxu sistema ta' regoli ta' kunflitt li l-effett tan-natura kompleta tagħhom huwa li jneżżgħu lil-leġiżlaturi nazzjonali mis-setgħa li jiddeterminaw il-portata u l-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fuq dan is-suġġett fir-rigward tal-persuni li huma suġġetti għaliha u fir-rigward tat-territorju li fih id-dispożizzjonijiet nazzjonali jipproduċu l-effetti tagħhom (ara, f'dan is-sens, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta' Ġunju 1986, Ten Holder, 302/84, Ġabra p. 1821, punt 21, u ta' l-10 ta' Lulju 1986, Luijten, 60/85, Ġabra p. 2365, punt 14).

    19     F'dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 1408/71, fit-Titolu II tiegħu, jipprovdi regoli li jiddeterminaw il-"leġiżlazzjoni applikabbli". F'ċerti oqsma, madankollu, dawn ir-regoli ġenerali dwar l-għażla tad-dritt nazzjonali applikabbli huma suġġetti għal xi eċċezzjonijiet (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta' Ġunju 1988, Rebmann, 58/87, Ġabra p. 3467, punt 13). Mill-iskema tar-Regolament Nru 1408/71 jirriżulta li, madankollu, l-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli partikolari dwar l-għażla tad-dritt nazzjonali applikabbli tippresupponi d-determinazzjoni, minn qabel, tal-leġiżlazzjoni applikabbli skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II ta' l-imsemmi regolament.

    20     Għaldaqstant, qabel kollox, għandha tiġi ddeterminata liema hija l-leġiżlazzjoni applikabbli bis-saħħa tar-regoli ġenerali dwar l-għażla tad-dritt nazzjonali applikabbli li jinsabu fit-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71. Sussegwentament, għandu jiġi vverifikat jekk ir-regoli partikolari dwar l-għażla tad-dritt nazzjonali applikabbli ta' dan ir-regolament jipprovdux jew le għall-applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni oħra.

     Ir-regoli ġenerali dwar l-għażla tad-dritt nazzjonali applikabbli (Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71)

    21     Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 13(2)(e) tar-Regolament Nru 1408/71, persuna msejħa sabiex isservi fil-forzi armati ta' Stat Membru hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta' dak l-Istat.

    22     Minn dan jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, Roberto Adanez-Vega kien suġġett għal-leġiżlazzjoni Spanjola matul it-twettiq tas-servizz militari tiegħu fi Spanja. Madankollu, din il-leġiżlazzjoni ma baqgħatx applikabbli meta temm is-servizz militari tiegħu.

    23     Mill-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71 jirriżulta li persuna li fir-rigward tagħha l-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru ma tibqax applikabbli, mingħajr ma ssir applikabbli fir-rigward tagħha l-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru ieħor skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 13(2)(a) sa (d) jew 14 sa 17 ta' dan l-istess regolament, għandha tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru li tkun qiegħda tirrisjedi fit-territorju tiegħu.

    24     Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71 japplika kemm għall-persuni li jkunu definittivament waqfu minn kull attività professjonali kif ukoll għal dawk li jkunu waqfu biss temporanjament mill-attività tagħhom (sentenza tal-11 ta' Ġunju 1998, Kuusijärvi, C-275/96, Ġabra p. I-3419, punti 39 u 40).

    25     Għalhekk, bis-saħħa tar-regoli ġenerali dwar ġurisdizzjoni tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, il-leġiżlazzjoni applikabbli għal persuni li jkunu bla xogħol hija, fil-prinċipju, dik ta' l-Istat Membru fejn jirrisjedu.

    26     Fir-rigward tal-kawża prinċipali, minn dan isegwi li persuna li, bħal Roberto Adanez-Vega, tirrisjedi fi Stat Membru u li tinsab bla xogħol f'dak l-Istat wara li tkun wettqet is-servizz militari obbligatorju tagħha fi Stat Membru ieħor, hija suġġetta, bis-saħħa ta' l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71, għal-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru fejn tirrisjedi. Għaldaqstant, bis-saħħa tar-regoli ġenerali dwar l-għażla tad-dritt nazzjonali tat-Titoli II tar-Regolament Nru 1408/71, għandha tiġi applikata l-leġiżlazzjoni Ġermaniża sabiex jiġi ddeterminat jekk Roberto Adanez-Vega jissodisfax jew le l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżistenza ta' dritt għal benefiċċju tal-qgħad.

    27     Madankollu, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk l-Artikolu 71(1)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71, li jinkludi regoli partikolari dwar id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam ta' benefiċċji tal-qgħad, huwiex ta' natura tali li jbiddel il-kunsiderazzjonijiet preċedenti.

    28     Fil-fatt, l-applikabbiltà ta' l-Artikolu 71(1)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71, anki jekk twassal ukoll għall-identifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru ta' residenza bħala l-leġiżlazzjoni applikabbli, bl-istess mod bħall-Artikolu 13(2)(f) ta' l-imsemmi regolament, tippreżenta interess partikolari, fir-rigward tal-kawża prinċipali, safejn hija rilevanti għall-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 67(3) ta' l-istess regolament fil-qasam ta' l-aggregazzjoni tal-perijodi ta' assigurazzjoni jew ta' impjieg.

     Ir-regoli partikolari dwar l-għażla tad-dritt nazzjonali applikabbli (l-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1408/71)

    29     L-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jikkonċerna s-sitwazzjoni ta' ħaddiema impjegati li jkunu mingħajr xogħol li, matul l-aħħar impjieg tagħhom, kienu jirrisjedu fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru kompetenti f'dak iż-żmien.

    30     Skond l-Artikolu 71(1)(b)(ii) ta' l-imsemmi regolament, ħaddiem impjegat, minbarra ħaddiem li jaqsam il-fruntiera, li jispiċċa mingħajr l-ebda xogħol u li jagħmel lilu nnifsu disponibbli għax-xogħol lis-servizzi tax-xogħol fit-territorju ta' l-Istat Membru li fih jirrisjedi jew li jmur lura lejn dan it-territorju, għandu jirċievi benefiċċji skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta' dan l-Istat, daqs li kieku kien wettaq l-aħħar impjieg tiegħu hemmhekk.

    31     Għaldaqstant, id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' l-Istat ta' residenza bħala l-leġiżlazzjoni applikabbli bis-saħħa ta' l-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1408/71 teżiġi li, matul l-aħħar impjieg tagħha, il-persuna kkonċernata kienet tirrisjedi fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru kompetenti f'dak iż-żmien.

    32     Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali, għandu jiġi vverifikat jekk:

    –       is-servizz militari obbligatorju mwettaq fi Spanja jistax jiġi kkunsidrat bħala "impjieg" fis-sens ta' l-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1408/71;

    –       Roberto Adanez-Vega kienx effettivament "jirrisjedi" fil-Ġermanja matul dan l-istess perijodu, u jekk

    –       ir-Renju ta' Spanja kienx l-"Istat kompetenti", fis-sens ta' dan l-istess artikolu, matul it-twettiq tas-servizz militari obbligatorju.

    33     Fir-rigward ta' l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi mfakkar li l-kunċett ta' "impjieg" mhuwiex definit fir-Regolament Nru 1408/71. Madankollu, peress li dan ir-regolament mhuwiex strument Komunitarju intiż sabiex jarmonizza l-iskemi nazzjonali ta' sigurtà soċjali iżda huwa att intiż sabiex jikkoordina dawn is-sistemi, mill-preżentazzjoni u mill-istruttura tiegħu jirriżulta li l-kunċett ta' "impjieg" fis-sens ta' l-Artikolu 71(1) għandu jiġi interpretat permezz ta' referenza għad-definizzjoni mogħtija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam ta' sigurtà soċjali. Għaldaqstant, "impjieg" fis-sens ta' l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1408/71 huwa impjieg li huwa kkunsidrat bħala tali għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' sigurtà soċjali ta' l-Istat Membru fejn ikun eżerċitat.

    34     F'dan il-kuntest, jekk din il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tirreferi, fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta' "impjieg", għall-attivitajiet li jwasslu għal perijodu ta' assigurazzjoni jew għal perijodu ta' impjieg, dikjarazzjoni awtentikata, fis-sens ta' l-Artikolu 80 tar-Regolament tal-Kunsill 574/72, tal-21 ta' Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, maħruġa mill-istituzzjoni kompetenti ta' dan l-Istat u li tispeċifika l-perijodi ta' assigurazzjoni u ta' impjieg imwettqa taħt din il-leġiżlazzjoni, tista' sservi ta' indikazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk servizz militari obbligatorju għandux jitqies jew le bħala "impjieg".

    35     Issa, mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, l-istituzzjoni Spanjola ta' sigurtà soċjali ħarġet, skond l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 574/72, dikjarazzjoni awtentikata li Roberto Adanez-Vega kien wettaq, fi Spanja, perijodu ta' assigurazzjoni jew ta' impjieg bejn l-1 ta' Diċembru 1991 u l-4 ta' Diċembru 1992 biss, jiġifieri perijodu li ma jinkludix il-perijodu ta' servizz militari obbligatorju. Dan jista' jagħti x'jifhem li dan il-perijodu ta' l-aħħar ma jistax jitqies bħala "impjieg" skond il-leġiżlazzjoni Spanjola.

    36     Fil-fatt, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm dikjarazzjoni awtentikata maħruġa minn istituzzjoni ta' Stat Membru ma tkunx irtirata jew iddikjarata invalida, l-istituzzjoni kompetenti ta' Stat Membru ieħor għandha toħodha in kunsiderazzjoni. Madankollu, il-prinċipju ta' kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 10 KE jeżiġi li l-istituzzjonijiet ta' sigurtà soċjali jevalwaw korrettament l-fatti rilevanti, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-applikazzjoni ta' regoli dwar id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli jew ta' regoli dwar l-aggregazzjoni tal-perijodi u, għaldaqstant, jiggarantixxu l-eżattezza ta' l-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjonijiet awtentikati. Għaldaqstant, huma għandhom jikkunsidraw mill-ġdid il-fondatezza tal-ħruġ tad-dikjarazzjonijiet awtentikati u, jekk ikun il-każ, huma għandhom iwarrbuhom jekk ikollhom dubju fir-rigward ta' l-eżattezza tal-fatti li fuqhom huma bbażati u, għalhekk, fir-rigward ta' l-informazzjoni li tinsab fihom (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ta' l-10 ta' Frar 2000, FTS, C-202/97, Ġabra p. I-883, punt 56, u tat-30 ta' Marzu 2000, Banks et, C-178/97, Ġabra p. I-2005, punt 43).

    37     Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1408/71, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-post ta' "residenza" huwa ddeterminat permezz tal-post fejn jinsab iċ-ċentru abitwali ta' l-interessi. F'dan ir-rigward għandha tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni tal-familja tal-ħaddiem kif ukoll ir-raġunijiet li wassluh sabiex jiċċaqlaq u n-natura tax-xogħol (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta' Frar 1977, Di Paolo, 76/76, Ġabra p. 315, punti 17 u 20).

    38     Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet kundizzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1408/71, mill-punt 22 ta' din is-sentenza jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Spanjola fil-fatt kienet il-leġiżlazzjoni applikabbli matul il-perijodu ta' servizz militari skond l-Artikolu 13(2)(e) ta' l-imsemmi regolament.

    39     Fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk Roberto Adanez-Vega jissodisfax jew le il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 71(1)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71.

    40     Kieku Roberto Adanez-Vega jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 71(1)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71, il-leġiżlazzjoni applikabbli fir-rigward tiegħu tkun ukoll, skond din id-dispożizzjoni, il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru fejn jirrisjedi, jiġifieri l-leġiżlazzjoni Ġermaniża.

    41     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna, li tirrisjedi fi Stat Membru u li tinsab bla xogħol f'dan l-Istat wara li tkun wettqet is-servizz militari obbligatorju tagħha fi Stat Membru ieħor, għandha tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru fejn tirrisjedi.

    L-Artikolu 71(1)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jammonta għal dispożizzjoni partikolari fir-rigward tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam ta' benefiċċji tal-qgħad b'tali mod li, jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tiegħu jkunu sodisfatti, il-leġiżlazzjoni applikabbli għandha tkun dik prevista minn din id-dispożizzjoni.

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fil-kawża prinċipali, il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 71(1)(b)(ii) humiex sodisfatti jew le.

    Jekk, fil-kawża prinċipali, il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 71(1)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71 huma sodisfatti, il-leġiżlazzjoni applikabbli għal persuna, li tirrisjedi fi Stat Membru u li tkun tinsab bla xogħol f'dan l-Istat wara li tkun wettqet is-servizz militari obbligatorju tagħha fi Stat Membru ieħor tkun, skond din id-dispożizzjoni wkoll, il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru fejn tirrisjedi.

    42     Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, mhuwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda.

     Fuq it-tielet domanda: l-obbligu ta' l-istituzzjoni kompetenti li tieħu in kunsiderazzjoni l-perijodi ta' assigurazzjoni u l-perijodi ta' impjieg imwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru ieħor (Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 1408/71)

    43     Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi jekk, skond l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 1408/71, għall-finijiet ta' l-eżami tad-dritt għall-benefiċċji tal-qgħad, istituzzjoni kompetenti hijiex obbligat tikkunsidra, fil-kalkolu tal-perijodi ta' assigurazzjoni mwettqa, perijodu ta' servizz militari obbligatorju mwettaq fi Stat Membru ieħor.

    F'dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi, l-ewwel nett, taħt liema kundizzjonijiet perijodu ta' servizz militari obbligatorju mwettaq fi Stat Membru ieħor jammonta għal "[perijodu ta' impjieg imwettaq] bħala persuna impjegata taħt il-leġiżlazzjoni ta' [dan l-Istat] Membru ieħor" fis-sens ta' l-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 1408/71.

    It-tieni nett, hija tixtieq tkun taf jekk il-kundizzjoni li "l-persuna interessata għandha tkun temmet l-aħħar nett […] perjodi ta' assigurazzjoni […] bi qbil mad-disposizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni li fuqha l-benefiċċji jkunu pretesi" fis-sens ta' l-Artikolu 67(3) ta' l-imsemmi regolament, tipprekludix l-obbligu li jingħaddu flimkien il-perijodi ta' impjieg fil-każ fejn il-persuna kkonċernata temmet l-aħħar perijodu ta' assigurazzjoni tagħha taħt din il-leġiżlazzjoni aktar minn sena qabel u sussegwentament wettqet servizz militari obbligatorju ta' disa' xhur fi Stat Membru ieħor.

    44     Preliminarjament, għandu jiġi osservat li mill-istruttura u mill-kliem ta' l-Artikoli 67 u 71 tar-Regolament Nru 1408/71 jirriżulta li l-applikazzjoni tar-regoli ta' aggregazzjoni ta' l-Artikolu 67 hija indipendenti mill-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għażla tal-leġiżlazzjoni applikabbli li jinsabu fl-Artikolu 71 (ara s-sentenza tat-12 ta' Mejju 1989, Warmerdam-Steggerda, 388/87, Ġabra p. 1203, punt 18). Dan ifisser li r-regoli ta' aggregazzjoni elenkati fl-Artikolu 67 huma applikabbli anki fil-każ fejn il-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam ta' benefiċċji tal-qgħad tkun ġiet magħżula bis-saħħa tar-regoli ta' l-Artikolu 71. Barra minn hekk, eventwalità bħal din hija koperta mill-Artikolu 67(3) ta' l-imsemmi regolament.

     Fuq il-kwalifikazzjoni bħala "[perijodu ta' impjieg imwettaq] bħala persuna impjegata taħt il-leġiżlazzjoni ta' […] Stat Membru ieħor" fis-sens ta' l-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 1408/71

    45     F'dan ir-rigward, mill-Artikolu 1(s) tar-Regolament Nru 1408/71 jirrizulta li l-kwalifikazzjoni ta' perijodu ta' xogħol bħala "perijodu ta' impjieg" tiddependi mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li taħtha kien imwettaq dan il-perijodu.

    46     Barra minn hekk, il-kunċett ta' "ħaddiem" użat mir-Regolament Nru 1408/71 jinkludi l-persuni kollha li huma assigurati, anki jekk ikunu assigurati kontra riskju wieħed, taħt assigurazzjoni obbligatorja jew fakultattiva ma' skema ġenerali jew partikolari ta' sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71, u dan indipendentament mill-eżistenza ta' relazzjoni ta' impjieg (sentenzi tat-12 ta' Mejju 1998, Martínez Sala, C-85/96, Ġabra p. I-2691, punt 36, u Kuusijärvi, iċċitata aktar 'il fuq, punt 21).

    47     Għaldaqstant, fil-kawża prinċipali, il-perijodu ta' servizz militari mwettaq minn Roberto Adanez-Vega fi Spanja għandu jitqies bħala "[perijodu ta' impjieg imwettaq] bħala persuna impjegata taħt il-leġiżlazzjoni ta' [dan l-Istat] Membru" fis-sens ta' l-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 1408/71 meta, minn naħa, dan il-perijodu huwa definit jew aċċettat bħala tali mil-leġiżlazzjoni Spanjola jew assimilat u rikonoxxut minn din il-leġiżlazzjoni bħala perijodu ekwivalenti għal perijodu ta' impjieg u meta, min-naħa l-oħra, Roberto Adanez-Vega kien, matul is-servizz militari tiegħu, assigurat fis-sens ta' l-Artikolu 1(a) ta' l-istess regolament. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti.

    48     F'dan il-kuntest, mill-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 574/72 jirriżulta li, sabiex tibbenefika mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 1408/71, il-persuna kkonċernata hija meħtieġa tippreżenta lill-istituzzjoni kompetenti dikjarazzjoni awtentikata li tindika l-perijodi ta' assigurazzjoni u ta' impjieg imwettqa bħala ħaddiem impjegat taħt il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru ieħor. Madankollu, mill-punt 36 ta' din is-sentenza, jirriżulta li dikjarazzjoni bħal din maħruġa mill-istituzzjoni kompetenti Spanjola la tammonta għal prova inkontestabbli fir-rigward ta' l-istituzzjoni kompetenti Ġermaniża u lanqas fir-rigward tal-qrati Ġermaniżi (ara wkoll, f'dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta' Lulju 1992, Knoch, C-102/91, Ġabra p. I-4341, punt 54).

     Fuq il-kundizzjoni li l-"persuna interessata għandha tkun temmet l-aħħarnett […] perjodi ta' assigurazzjoni […] bi qbil mad-disposizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni li fuqha l-benefiċċji jkunu pretesi" fis-sens ta' l-Artikolu 67(3) tar-Regolament Nru 1408/71

    49     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 67(3) tar-Regolament Nru 1408/71 ma tapplikax fil-kawża prinċipali jekk jirriżulta li Roberto Adanez-Vega jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 71(1)(b)(ii) ta' dan ir-regolament.

    50     Fil-fatt, l-Artikolu 67(3) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li l-obbligu ta' l-istituzzjoni kompetenti li tikkunsidra, fil-kalkolu tal-perijodi ta' assigurazzjoni mwettqa, perijodu ta' assigurazzjoni jew ta' impjieg imwettaq bħala ħaddiem impjegat taħt il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru ieħor, huwa suġġett għall-kundizzjoni li "l-persuna interessata għandha tkun temmet l-aħħar nett […] perjodi ta' assigurazzjoni […] bi qbil mad-disposizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni li fuqha l-benefiċċji jkunu pretesi", minbarra fil-każ ta' persuni mingħajr xogħol li huma koperti mill-Artikolu 71(1)(a)(ii) u (b)(ii) ta' l-imsemmi regolament minħabba li, matul l-aħħar impjieg tagħhom, huma kienu jirrisjedu barra l-Istat kompetenti f'dak iż-żmien.

    51     Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kundizzjoni li "l-persuna interessata għandha tkun temmet l-aħħar nett […] perjodi ta' assigurazzjoni […] bi qbil mad-disposizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni li fuqha l-benefiċċji jkunu pretesi" hija intiża sabiex tippromwovi t-tfittxija għal xogħol fl-Istat Membru fejn il-persuna kkonċernata tkun l-aħħar ħallset kontribuzzjonijiet ta' assigurazzjoni kontra l-qgħad u sabiex tqiegħed ir-responsabbiltà għall-benefiċċji tal-qgħad fuq dan l-Istat (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta' April 1992, Gray, C-62/91, Ġabra p. I-2737, punt 12).

    52     Għaldaqstant, kif spjega l-Avukat Ġenerali fil-punti 79 u 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, perijodu ta' assigurazzjoni għandu jitqies bħala mwettaq "l-aħħarnett" fi Stat Membru jekk, indipendentament miż-żmien li jkun għadda bejn it-tmiem ta' l-aħħar perijodu ta' assigurazzjoni u t-talba għall-benefiċċji, l-ebda perijodu ta' assigurazzjoni ieħor ma jkun twettaq fi Stat Membru ieħor f'dan l-intervall.

    53     Fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk Roberto Adanez-Vega wettaqx perijodi ta' assigurazzjoni fil-Ġermanja u jekk, fiż-żmien ta' bejn dawn il-perijodi, wettaqx xi perijodu ta' assigurazzjoni ieħor fi Stat Membru ieħor.

    54     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun, l-ewwel nett, li perijodu ta' servizz militari obbligatorju fi Stat Membru ieħor jammonta għal "[perijodu ta' impjieg imwettaq] bħala persuna impjegata taħt il-leġiżlazzjoni ta' [dan l-Istat] Membru ieħor" fis-sens ta' l-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 1408/71 meta, minn naħa, dan il-perijodu huwa definit jew aċċettat bħala tali mil-leġiżlazzjoni ta' dak l-Istat Membru l-ieħor jew huwa assimilat u rikonoxxut minn din il-leġiżlazzjoni bħala perijodu ekwivalenti għal perijodu ta' impjieg u meta, min-naħa l-oħra, l-persuna kkonċernata kienet assigurata fis-sens ta' l-Artikolu 1(a) ta' l-imsemmi regolament matul is-servizz militari tagħha.

    It-tieni nett, il-kundizzjoni li l-"persuna interessata għandha tkun temmet l-aħħarnett […] perjodi ta' assigurazzjoni […] bi qbil mad-disposizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni li fuqha l-benefiċċji jkunu pretesi" fis-sens ta' l-Artikolu 67(3) tar-Regolament Nru 1408/71 tipprekludi obbligu li jingħaddu flimkien perijodi ta' impjieg fil-każ biss fejn perijodu ta' assigurazzjoni jkun twettaq fi Stat Membru ieħor wara l-aħħar perijodu ta' assigurazzjoni mwettaq taħt il-leġiżlazzjoni li taħtha jkunu ntalbu l-benefiċċji.

     Fuq ir-raba' domanda: il-prinċipju ta' trattament ugwali (Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71)

    55     Permezz tar-raba' domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi jekk, f'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprekludi li istituzzjoni kompetenti, għall-finijiet ta' l-eżami tad-dritt għall-benefiċċji tal-qgħad, ma tikkunsidrax, fil-kalkolu tal-perijodi ta' assigurazzjoni mwettqa, perijodu ta' servizz militari obbligatorju mwettaq fi Stat Membru ieħor.

    56     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71 japplika biss "[b]la ħsara għad-disposizzjonijiet speċjali ta' [l-imsemmi] regolament".

    57     Għar-raġunijiet indikati mill-Avukat Ġenerali fil-punti 94 u 97 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71 m'għandux jiġi applikat fil-kawża prinċipali minħabba li r-regolament fih dispożizzjonijiet parikolari, jiġifieri l-Artikolu 67 li jirregola d-dritt ta' persuna mingħajr xogħol għall-benefiċċji tal-qgħad.

    58     Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, ir-risposta għar-raba' domanda għandha tkun li, f'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71 ma jipprekludix li istituzzjoni kompetenti, għall-finijiet ta' l-eżami tad-dritt għall-benefiċċji tal-qgħad, ma tikkunsidrax, fil-kalkolu tal-perijodi ta' assigurazzjoni mwettqa, perijodu ta' servizz militari obbligatorju mwettaq fi Stat Membru ieħor.

     Fuq l-ispejjeż

    59     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla), taqta' u tiddeċiedi li:

    1)      L-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta' l-14 ta' Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu aġġornata permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2001/83, tat-2 ta' Ġunju 1983, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2195/91, tal-25 ta' Ġunju 1991, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna, li tirrisjedi fi Stat Membru u li tinsab bla xogħol f'dan l-Istat wara li tkun wettqet is-servizz militari obbligatorju tagħha fi Stat Membru ieħor, għandha tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru fejn tirrisjedi.

    L-Artikolu 71(1)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71, kif emendat, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jammonta għal dispożizzjoni partikolari fir-rigward tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam ta' benefiċċji tal-qgħad b'tali mod li, jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tiegħu jkunu sodisfatti, il-leġiżlazzjoni applikabbli għandha tkun dik prevista minn din id-dispożizzjoni.

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fil-kawża prinċipali, il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 71(1)(b)(ii) humiex sodisfatti jew le.

    Jekk, fil-kawża prinċipali, il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 71(1)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71, kif emendat, huma sodisfatti, il-leġiżlazzjoni applikabbli għal persuna, li tirrisjedi fi Stat Membru u li tkun tinsab bla xogħol f'dan l-Istat wara li tkun wettqet is-servizz militari obbligatorju tagħha fi Stat Membru ieħor tkun, skond din id-dispożizzjoni wkoll, il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru fejn tirrisjedi.

    2)      Perijodu ta' servizz militari obbligatorju fi Stat Membru ieħor jammonta għal "[perijodu ta' impjieg imwettaq] bħala persuna impjegata taħt il-leġiżlazzjoni ta' [dan l-Istat] Membru ieħor" fis-sens ta' l-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu aġġornata mir-Regolament Nru 2001/83, kif emendat mir-Regolament Nru 2195/91, meta, minn naħa, dan il-perijodu huwa definit jew aċċettat bħala tali mil-leġiżlazzjoni ta' dak l-Istat Membru l-ieħor jew huwa assimilat u rikonoxxut minn din il-leġiżlazzjoni bħala perijodu ekwivalenti għal perijodu ta' impjieg u meta, min-naħa l-oħra, l-persuna kkonċernata kienet u meta, min-naħa l-oħra, l-persuna kkonċernata kienet assigurata fis-sens ta' l-Artikolu 1(a) ta' l-imsemmi regolament matul is-servizz militari tagħha.

    Il-kundizzjoni li l-"persuna interessata għandha tkun temmet l-aħħarnett […] perjodi ta' assigurazzjoni […] bi qbil mad-disposizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni li fuqha l-benefiċċji jkunu pretesi" fis-sens ta' l-Artikolu 67(3) tar-Regolament Nru 1408/71, kif emendat, tipprekludi obbligu li jingħaddu flimkien perijodi ta' impjieg fil-każ biss fejn perijodu ta' assigurazzjoni jkun twettaq fi Stat Membru ieħor wara l-aħħar perijodu ta' assigurazzjoni mwettaq taħt il-leġiżlazzjoni li taħtha jkunu ntalbu l-benefiċċji.

    3)      F'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu aġġornata mir-Regolament Nru 2001/83, kif emendat mir-Regolament Nru 2195/91, ma jipprekludix li istituzzjoni kompetenti, għall-finijiet ta' l-eżami tad-dritt għall-benefiċċji tal-qgħad, ma tikkunsidrax, fil-kalkolu tal-perijodi ta' assigurazzjoni mwettqa, perijodu ta' servizz militari obbligatorju mwettaq fi Stat Membru ieħor.

    Firem.


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top