Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002CJ0341

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) ta' l-14 ta' April 2005.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu- Direttiva 96/71/KE - Kollokament ta' ħaddiema fil-qasam ta' prestazzjoni ta' servizzi - Impriżi tas-settur tal-kostruzzjoni - Pagi minimi - Paragun magħmul bejn il-paga minima stabbilita mid-dispożizzjonijiet ta' l-Istat Membru fuq it-territorju fejn il-ħaddiem hu impjegat u r-remunerazzjoni effettivament mogħtija minn min iħaddem li hu stabbilit fi Stat Membru ieħor - Nuqqas li jiġu meqjusa, bħala elementi li jagħmlu parti mill-paga minima, ta' l-ammont taż-żidiet u tas-supplimenti mħallsa minn min iħaddem li hu kollokat fi Stat Membru ieħor.
Kawża C-341/02.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:220

62002J0341



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C-341/02,

li għandha bħala għan rikors għan-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu skond l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fil-25 ta' Settembru 2002, fl-ismijiet

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, rappreżentata minn J. Sack u H. Kreppel, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, rappreżentata minn W.-D. Plessing u minn A. Tiemann, bħala aġenti,

konvenuta

IL-QORTI (l-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, A. Rosas (Relatur), K. Lenaerts, S. von Bahr u K. Schiemann, Mħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta' April 2004,

wara li ttieħhdet id-deċiżjoni, wara li nstema' l-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr Konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qiegħda titlob lill-Qorti sabiex tikkunstata li, billi ma tagħrafx bħala elementi li jagħmlu parti mill-paga minima, l-ammont totali taż-żidiet u tas-supplimenti mħallsa minn dawk li jħaddmu li huma stabbiliti fi Stati Membri oħhra lill-impjegati tagħhom fis-settur tal-kostruzzjoni kollokati fil-Ġermanja bl-eċċezzjoni tal-bonus mogħti lill-ħaddiema ta' dan is-settur - u billi ma tikkunsidrax, minħabba dan il-fatt, l-elementi tal-paga li dawk li jħaddmu effettivament ħallsu lill-impjegati kollokati tagħhom, ir-Repubblika Federali Ġermaniża naqset mill-obbligi tagħha skond l-Artikolu 49 KE u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta' Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (ĠU 1997, L 18, p. 1).

2. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob lil din il-Qorti sabiex

- tiċħad r-rikors, u

- tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Il-qafas ġuridiku

Il-leġgiżlazzjoni komunitarja

3. It-tnax-il premessa tad-Direttiva 96/71 tipprovdi li d-dritt Komunitarju ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jestendu l-kamp ta' l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħhom, jew tal-ftehim kollettivi konklużi mis-sieħba soċjali, lil kull persuna li hija impjegata, inklużi dawk impjegati temporanjament, fit-territorju tagħhom, anki jekk min iħaddem huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor.

4. Skond l-Artikolu 1(1), tad-Direttiva 96/71, intitolat Il-kamp ta' l-applikazzjoni:

Din id-Direttiva għandha tapplika għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru li, fil-qafas ta' prestazzjoni ta'servizzi transnazzjonali, jimpjegaw ħaddiema, [...], fit-territorju ta' Stat Membru.

5. L-Artikolu 3 ta' din l-istess Direttiva, intitolat It-termini u l-kondizzjonijiet ta' l-impjieg, jiddisponi fil-paragrafi 1 u 7 tiegħu:

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, tkun xi tkun il-liġi li tapplika għar-relazzjoni ta' mpjieg, l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) jiggarantixxu ħaddiema mibgħuta fit-territorju tagħhom it-termini u l-kondizzjonijiet ta' l-impjieg li jkopru il-kwistjonijiet li ġejjin, fl-Istati Membri fejn ix-xogħol hu mwettaq, huma stabbiliti:

- skond liġi, regolament jew disposizzjonijiet amministrattiva

u/jew

- bi ftehim kollettiv [...] ddikjarati universalment applikabbli fis-sens tal-paragrafu 8, sa fejn jikkonċernaw l-attivitajiet msemmija fl-Anness:

[...]

c) ir-rati minimi ta' ħlas, li jinkludu rati ta' sahra; dan il-punt ma japplikax għal skemi komplimentari għall-irtirar mix-xogħol;

[...]

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, il-kunċett ta' rati minimi ta' ħlas msemmija fil-paragrafu 1(c) huwa definit mill-liġi u/jew il-prattika nazzjonali ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-ħaddiem huwa mibgħut.

[...]

7. Il-Paragrafi 1 sa 6 m'għandhomx iżommu l-applikazzjoni ta' klawzoli u kondizzjonijiet ta' mpjieg jew xogħol li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema.

Il-ħlas addizzjonali minħabba l-kollokament għandu jingħadd bħala parti mill-paga minima, barra minn dak li jitħallas bħala rimbors ta' spejjeż minħabba l-kollokament, bħalma huma l-ispejjeż tal-vjaġġ, ta' l-alloġġ jew ta' l-ikel.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6. Il-liġi fuq il-kollokament tal-ħaddiema (Arbeitnehmer-Entsendegesetz), tas-26 ta' Frar (BGBl. 1996 I, p. 227), fil-verżjoni tagħha li kienet fis-seħħ fl-għeluq tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (minn hawn 'il quddiem l-AEntG), tapplika għall-industrija tal-bini.

7. L-Artikolu 1(1) ta' l-AEntG jestendi l-applikabilità ta' ċertu ftehim kollettivi ta' applikazzjoni ġenerali għal dawk li jħaddmu li huma stabbiliti barra mill-pajjiż u għall-impjegati tagħhom kollokati fil-Ġermanja. Din id-dispożizzjoni hija fformulata kif ġej:

Ir-regoli legali li jirriżultaw minn ftehim kollettiv li japplika għall-industrija tal-bini li hu ddikjarat li hu ta' applikazzjoni ġenerali [...], li għandhom bħala għan ir-remunerazzjoni minima, inkluża ir-remunerazzjoni għas-sahra [...], japplikaw [...] bl-istess mod għal relazzjoni ta' xogħol li torbot lil dal li jħaddem li hu stabbilit barra mill-pajjiż u l-impjegat tiegħu li jaħdem fil-kamp ta' l-applikazzjoni territorjali ta' dan il-ftehim kollettiv. [M]in iħaddem fis-sens ta' l-ewwel sentenza għandu ta' l-inqas jagħti lill-impjegat tiegħu li jaħdem fil-kamp ta' applikazzjoni territorjali ta' ftehim kollettiv bħal dak li jsir riferiment għalih fl-ewwel sentenza, l-kundizzjonijiet tax-xogħol stabbiliti fl-imsemmi ftehim kollettiv.

8. Il-lista ta' ftehim kollettiv li għandhom jiġu applikati f'kull każ, skond l-AEntG, tinstab fil-vade-mecum fuq il-kollokazzjoni ta' ħaddiema għall-użu ta' dawk li jħaddmu stabbiliti barra mill-Ġermanja (Merkblatt für Arbeitgeber mit Sitz im Ausland zum Arbeitnehmer-Entsendegesetz, minn hawn 'il quddiem il-vade-mecum).

9. L-Artikolu 2 tal-ftehim kollettiv li jipprovdi għal paga minima fis-settur tal-bini fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Tarifvertrag zur Regelung eines Mindestlohnes im Baugewerbe im Gebiet der Bundesrepublik Deutschland), tas-26 ta' Mejju 1999 (minn hawn 'il quddiem ftehim kollettiv fuq il-paga minima), jiddisponi li l-paga minima tikkonsisti f'paga għal kull siegħa prevista mill-imsemmi ftehim u mill-bonus mogħti lill-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni, li flimkien jagħmlu l-paga għal kull siegħa globali skond il-ftehim. Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-ftehim ġew iddikjarati ta' applikazzjoni ġenerali permezz tar-regolament fuq il-kondizzjonijiet ta' xogħol li huma mandatorjament applikabbli fis-settur tal-bini (Verordnung über zwingende Arbeitsbedingungen im Baugewerbe), tal-25 ta' Awwissu 1999 (BGBl. 1999 I, p. 1894).

10. Il-ftehim kollettiv fuq il-paga minima fis-seħħ għall-perijodu mill-1 ta' Settembru 2000 sal-31 ta' Awwissu 2002 kien dak tat-2 ta' Ġunju 2000, iddikjarat li hu ta' applikazzjoni ġenerali fis-17 ta' Awwissu 2000.

11. Regoli li jirrigwardaw il- leave , il-ħlas li għandu jingħata għalih, is-sistemi ta' fondi ta' leave mħallas, kif ukoll il-bonusijiet supplimentari għal, b'mod partikolari, ix-xogħolijiet ta' tbatija u s-siegħat ta' sahra li ġew stabbiliti minn ftehim kollettivi ddikjarati li huma ta' applikazzjoni ġenerali.

12. L-Anness 4 tal-vade-mecum fil-verżjoni tiegħu applikabbli meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jipprovdi li ż-żidiet u s-supplimenti mħallsa minn min iħaddem - bl-eċċezzjoni tal-bonus ġenerali mogħti lill-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni - mhumiex ikkunsidrati bħala elementi li jagħmlu parti mill-paga minima. Dan l-imsemmi anness jippreċiża li dawn is-supplimenti ta' l-aħħar jinkludu, b'mod partikolari, iż-żidiet għas-sahra, għax-xogħol bil-lejl u għax-xogħol nhar ta' Ħadd jew fil-btajjel, kif ukoll bonus għall-ivvjaġġar u għal xogħol ta' tbatija.

Il-proċedura prekontenzjuża

13. B'riżultat ta' lment, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-metodu, applikat fil-Ġermanja, li jikkonsisti fin-nuqqas ta' għarfien, bħala elementi li jagħmlu parti mill-paga minima, ta' l-ammont totali taż-żidiet u tas-supplimenti mħallsa minn dawk jaħdmu li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra lill-impjegati tagħhom fis-settur tal-kostruzzjoni, kollokati fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, huwa inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/71 u li dan kien jeffettwa l-provvista ħielsa tas-servizzi skond l-Artikolu 49 KE. Konsegwentement, fit-3 ta' April 2000, hija indirizzat lill-imsemmi Stat Membru ittra ta' intimazzjoni li biha stednitha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f'dan ir-rigward.

14. B'ittra tal-21 ta' Ġunju 2000, il-Gvern Ġermaniż ikkontesta l-eżistenza tan-nuqqas allegat, billi bbaża ruħu, b'mod partikolari, fuq it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3(1), tad-Direttiva 96/71. Il-kunċett tar-rati minimi ta' ħlas kien iddefinit mil-leġiżlazzjoni jew mill-prassi nazzjonali ta' l-Istat Membru fit-territorju ta' liema l-ħaddiem huwa kollokat. Fil-kuntest ta' moniteraġġ tar-rispett ta' l-imsemmija paga, skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħh fil-Ġermanja, il-bonus li jistgħu jeffettwaw ir-relazzjoni, definita mill-ftehim kollettiv applikabbli, bejn paga u ħidma ma jistgħux jitqiesu. L-imsemmi Gvern madankollu ddikjara li hu lest li jikkunsidra ċerta benefiċċji li ma jalterawx din ir-relazzjoni u li jimmodifika, jekk ikun il-każ, il-vade-mecum f'dan is-sens.

15. Peress li ma kinitx sodisfatta bl-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fit-2 ta' April 2001, il-Kummissjoni indirizzat lil dan l-Istat Membru, opinjoni motivata fejn stednitu jikkonforma ruħu ma' l-istess opinjoni f'terminu ta' xahrejn min-notifika tiegħu.

16. Peress li l-Gvern Ġermaniż wieġeb għal din l-opinjoni motivata b'ittra tal-31 ta' Mejju 2001, f'liema ittra, għalkemm ammetta li ċertu elementi tal-vade-mecum ma kienux għal kollox konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/71, huwa rrepeta, fuq numru ta' punti, l-argumenti ta' qabel, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

Dwar ir-rikors

Argumenti tal-partijiet

17. Il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża li, f'dak li jikkonċerna ż-żidiet u s-supplimenti għandha t-tendenza li tqis fost l-elementi li jagħmlu parti mill-paga minima, il-bonus ġenerali biss li hu mogħti lill-ħaddiema tas-settur tal-bini, meta jsir paragun bejn, min-naħa, ir-rata minima ta' paga stabbilita mid-dispożizzjonijiet Ġermaniżi u, min-naħa l-oħra, ir-remunerazzjoni effettivament mħallsa lill-ħaddiema kollokati minn dawk li jħaddmuhom li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra, hija kontrarja għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/71 u l-Artikolu 49 KE.

18. Skond il-Kummissjoni, dawk li jħaddmu li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra jistgħu jkunu obbligati, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet applikabbli f'dawn l-Istati, li jħallsu, minbarra mill-paga normali għal kull siegħa, elementi oħra ta' remunerazzjoni. Iżda, fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża, dawn l-elementi ma jistgħux jitqiesu fil-kalkolu tal-paga minima. Il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li ma jitqiesux iż-żidiet u s-supplimenti jwassal għal spejjeż għola fuq il-pagi minn dawk li jkollhom jħallsu dawk li jħaddmu li huma Ġermaniżi lill-impjegati tagħhom u li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra jsibu ruħhom mwaqqfa milli joffru s-servizzi tagħhom fil-ĠGermanja. Waqt li hu minnu li l-Istat Membru fit-territorju fejn il-ħaddiem huwa kollokat huwa awtorizzat li jiddetermina, skond id-Direttiva 96/71, ir-rata tal-paga minima, xorta waħda jibqa' l-fatt li ma tistax timponi l-istruttura tagħha tar-remunerazzjoni, meta tqabbel din ir-rata minima tal-paga u r-remunerazzjoni mħallsa minn min iħaddem li hu stabbilit fi Stati Membri oħra.

19. B'mod aktar partikolari, il-Kummissjoni ċċanfar lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talli ma tagħrafx, bħala elementi li jagħmlu parti mill-paga minima, ċertu bonusijiet, bħall-bonusijiet għat-tlettax jew l-erbatax-il xahar tal-paga u lanqas il-kontribuzzjonijiet magħmula minn min iħaddem li hu stabbilit fi Stati Membri oħra lill-fondi tal- leave u ta' kumpens li jistgħhu jkunu paragunati mal-fondi Ġermaniżi, sa fejn dawn l-ammonti jmorru direttament jew indirettament għand il-ħaddiem impjegat fl-Istat Membru l-ieħor.

20. Il-Gvern Ġermaniż jiżvelha emenda imminenti lill-vade-mecum, li tirrigwarda ż-żidiet u s-supplimenti mħallsa minn min iħaddem li hu stabbilit fi Stat Membru ieħor li huma differenti minn dawk li jimmodifikaw ir-relazzjoni bejn is-servizz li jagħti l-ħaddiem u r-remunerazzjoni li dan jirċievi. Iż-żidiet u supplimenti, fil-prinċipju, ikollhom jiġu rikonoxxuti bħala elementi li jagħmlu parti mill-paga minima.

21. Min-naħha l-oħra, iż-żidiet u s-supplimenti li jimmodifikaw l-ekwilibriju bejn is-servizz provdut mill-ħaddiem, min-naħa, u l-kumpens li jirċievi, min-naħa l-oħra, ma jistgħux, skond il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, ikunu kkunsidrati bħala li jagħmlu parti mill-imsemmija paga minima u li ma jistgħux ikunu rikonoxxuti bħala elementi li jagħmlu parti minn din il-paga meta jsir il-paragun bejn ir-rati dovuti bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet Ġermaniżi u r-remunerazzjoni mogħtija minn min iħaddem li hu stabilit fi Stat Membru ieħor. Fil-fatt il-ftehim kollettiv fuq il-paga minima mhijiex limitata sabiex tistabilixxi ammont assolut, iżda tinkludi regoli oħra li jikkonċernaw ir-relazzjoni bejn ir-remunerazzjoni dovuta minn min iħaddem u s-servizz li għandu jagħti l-ħaddiem. Il-bonusijiet partikolari huma regolati minn ftehim-qafas kollettiv differenti mill-ftehim kollettiv fuq il-paga minima.

22. Il-Gvern Ġermaniż isostni li s-siegħat ta' xogħol li huma mwettqa barra mis-siegħat normali ta' xogħhol normali, jfissru xi eżiġenzi ta' grad partikolarment għholi f'dak li jirrigwarda l-kwalità tar-riżultat jew li jfissru rabtiet jew perikoli partikolari, għandhom valur ekonomiku għola minn dak tas-siegħat normali ta' xogħol u li l-bonusijiet relatati jitqies fil-kalkolu tal-paga minima. Kieku dawn l-ammonti kellhom jitqiesu għall-imsemmi kalkolu, il-ħaddiem ikun imċaħħad mill-kumpens ekonomiku li jikkorrispondi għall-imsemmija siegħat ta' ħidma.

23. Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-Kummissjoni, fir-rikors tagħha, tibbaża ruħha fuq malinitiż dwar il-leġiżlazzjoni Ġermaniża. Hi, erronjament tissuponi, li, bis-saħħa ta' din il-leġgiżlazzjoni, dak li jħaddem li hu stabbilit fi Stat Membru ieħor huwa, obbligat, fil-każ ta' xogħol li jfisser diffikultajiet partikolari, li jħallas, minbarra l-paga minima, il-bonusijiet supplimentari Ġermaniżi.

Valutazzjoni tal-Qorti

24. L-ewwelnett, hemm lok li jitfakkar, li, skond ġurisprudenza kostanti, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix li Stat Membru jeżiġi li impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor li tipprovdi servizzi fit-territorju ta' l-ewwel Stat Membru tħallas lill-impjegati tagħha r-remunerazzjoni minima stabbilita mir-regoli nazzjonali ta' dan l-Istat (sentenzi tat-3 ta' Frar 1982, Seco u Desquenne & Giral, 62/81 u 63/81, Ġabra p. 223, punt 14, tat-28 ta' Marzu 1996, Guiot, C-272/94, Ġabra p. I-1905, punt 12; tat-23 ta' Novembru 1999, Arblade et ., C-369/96 u C-376/96, Ġabra p. I-8453, punt 33; tal-15 ta' Marzu 2001, Mazzoleni u ISA, C-165/98, Ġabra p. I-2189, punti 28 u 29, kif ukoll ta' l-24 ta' Jannar 2002, Portugaia Construçes, C-164/99, Ġabra p. I-787, punt 21). L-applikazzjoni ta' tali regoli għandha tkun kapaċi sabiex tassigura l-kisba ta' l-għan li huma qed isegwu, jiġifieri l-protezzjoni tal-ħaddiema kollokati, u mhux li tmur lil hinn minn dak li neċessarju sabiex dan jinkiseb (ara, f'dan ir-rigward, b'mod partikolari, is-sentenzi ċitati aktar 'il fuq Arblade et , punt 35; Mazzoleni u ISA, punt 26, u tat-12 ta' Ottubru 2004, Wolff & Müller, C-60/03 , li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 34).

25. Din il-ġurisprudenza hija affermata fl-Artikolu 3(1)(c), tad-Direttiva 96/71, li tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jassiguraw li, tkun xi tkun il-liġi li tapplika għar-relazzjoni ta' impjieg, l-impriżi li jaqgħu taħt din id-Direttiva jiggarantixxu li ħaddiema mibgħuta fit-territorju tagħhom ikollhom it-termini u l-kundizzjonijiet ta' l-impjieg, li jikkonċernaw, b'mod partikolari, ir-rati minimi ta' paga, li jinkludu ukoll rati tas-sahra u li huma stabbiliti mir-regoli ta' l-Istat Membru fuq it-territorju ta' liema x-xogħol jitwettaq. It-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3(1) jippreċiża li l-kunċett ta' rati minimi ta' ħlas huwa definit mill-liġi u/jew il-prattika nazzjonali ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-ħaddiem huwa mibgħut.

26. F'din il-kawża, hemm qbil li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fil-qafas ta' l-AEntG, għamlet użu mill-possibiltà, prevista mid-Direttiva 96/71 li tadotta dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-rata minima ta' paga fit-territorju nazzjonali. Kif jirriżulta mill-punti 7 sa 10 ta' din is-sentenza, l-applikabilità ta' ċerti ftehim kollettivi ta' applikazzjoni ġenerali, bħal dawk li jirrigwardaw il-paga minima, ġiet estiża, permezz ta' l-Artikolu 1(1) ta' l-imsemmija liġi għal min iħaddem li hu stabbilit barra mill-Ġermanja u għall-ħaddiema tagħhom kollokati fil-Ġermanja. Il-lista ta' ftehim li għandhom jiġu applikati f'kull każ, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-AEntG, jidhru fil-vade-mecum.

27. Il-partijiet, f'din il-kawża ma jaqblux madankollu f'dak li jirrigwarda l-metodu li għandu jiġi applikat sabiex jiġu pparagunati r-rati minimi ta' paga dovuti bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet Ġermaniżi u l-ħlas effettivament magħmul minn dawk li jħaddmu li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra lill-ħaddiema kollokati tagħhom. Il-mistoqsija li għaldaqstant tqum hi li jsir magħruf liema huma ż-żidiet u s-supplimenti li Stat Membru għhandu jqis bħala elementi li jagħmlu parti mill-paga minima, meta huwa jivverifika li din ġiet mħallsa korrettament.

28. Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Anness 4 tal-vade-mecum, iż-żidiet u s-supplimenti mħallsa minn min iħaddem mhumiex meqjusa, fil-Ġermanja, bħala elementi li jagħmlu parti minn paga minima, ħlief għall-bonus ġenerali mogħti lill-ħaddiema fis-settur tal-bini. Mill-proċess joħroġ li, minbarra dan il-bonus ta' l-aħħar, f'dan ir-rigward jitqiesu l-ħlasijiet previsti mill-kuntratt ta' xogħol bħala kumpens għad-differenza bejn il-paga nazzjonali u dak li hu dovut bis-saħhħa ta' l-AEntG. Iżda, skond il-Kummissjoni, it-totalità taż-żidiet u tas-supplimenti mħallsa lill-ħaddiema kollokati minn dawk li jħaddmuhom li huma stabbiliti barra mill-Ġermanja għandha, fil-prinċcipju, titqies in konsiderazzjoni għall-kalkolu tal-paga minima.

29. Hemm lok li jiġi ppreċiżat, l-ewwelnett, li l-partijiet jaqblu dwar il-fatt li skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3(1)(c), u t-tieni paragrafu, ta' l-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 96/71, m'għandhomx jitqiesu bħala elementi li jagħmlu parti mil-paga minima, il-paga għas-sahra, il-kontribuzzjonijiet għal skemi komplementari għall-irtirar mix-xogħol, l-ammonti mħallsa bħala rimborż ta' l-ispejjeż effettivament mġarrba minħabba l-kollokament kif ukoll is-somom imħallsa f'daqqa li huma kkalkulati fuq bażi differenti minn dik ta' kull siegħa. Huwa l-ammont gross tal-paga li għandu jitqies.

30. Għandu mbagħad jiġi nnutat li l-Gvern Ġermaniż ma jikkontestax li l-vade-mecum mhuwiex totalment konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/71. Barra minn dan huwa emendah, wara li terminu stabbilit f'opinjoni motivata, fil-mod indikat mill-Kummissjoni, billi qalbet ir-relazzjoni regolaeċċezzjoni sabiex jitqies iż-żiediet u s-supplimenti. B'riżultat ta' din l-emenda, fil-moniteraġġ tal-ħlas tal-paga minima, għandhom jitqiesu l-ħlasijiet supplimentari kollha magħmula minn min iħaddem li hu stabbilit fi Stat Membru ieħor, sakemm ir-relazzjoni bejn is-servizz provdut mill-ħaddiem, min-naħa, u l-kumpens li jirċievi, min-naħa 'l oħra, ma tiġix modifikata għad-detriment tal-ħaddiem.

31. Barra minn dan, il-Gvern Ġermaniż iħabbar, fis-sottomissjonijiet tad-difiża tiegħu, li hu previst li l-vade-mecum jiġi kkompletat sabiex il-bonusijiet bħala l-paga għat-tlettax u l-erbatax-il xahar, jintqiesu bħala elementi li jagħmlu parti mill-paga minima, bil-kondizzjoni li dawn jiġu mħallsa regolarment, proporzjonalment, effettivament u rrevokabilment waqt il-perijodu ta' kollokament tal-ħaddiema fil-Ġermanja u li huma jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tiegħu fid-data li hi prevista li għandhom jitħhallsu. Il-Kummissjoni tikkunsidra, fir-replika tagħha, li din il-proposta ta' emenda tista' ġġib l-iskema nazzjonali, konformi mad-Direttiva 96/71, f'dan ir-rigward.

32. Effettivament għandu jiġi ikkonstatat li l-emendi hekk adottati u proposti mill-Gvern Ġermaniż huma ta' natura li jeliminaw inkoerenzi differenti bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/71.

33. Minkejja dan hemm lok li jitfakkar li l-eżistenza ta' nuqqas għandha tiġi vvalutata b'riferiment għas-sitwazzjoni ta' l-Istat Membru hekk kif kienet fl-għeluq tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta' Jannar 2003, il-Kummissjoni/ir-Renju Unit, C-63/02, Ġabra p. I-821, punt11, u tas-16 ta' Diċembru 2004, il-Kummissjoni/l-Italja, C-313/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 9). Il-bidliet li jseħħu wara ma jistgħux jitqiesu mill-Qorti (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta' Novembru 2004, il-Kummissjoni/l-Irlanda, C-482/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-ġabra, punt 11).

34. F'dak li jirrigwarda l-kontribuzzjonijiet, magħmula minn dawk li jħhaddmu li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra lill-fondi tal- leave u ta' kumpens li huma paragunabbli mal-fondi Ġermaniżi, jirriżulta mit-tweġiba tal-Gvern Ġermaniż għall-opinjoni motivata li huma jikkorrispondu, fil-Ġermanja, għall- leave imħallas u għall-bonusijiet ta' vakanzi. Dan il-Gvern isostni, fil-kontroreplika tiegħu, li, fuq dan il-punt, il-kwistjoni għhandha tiġi rregolata billi jitqiesu l-argumenti tiegħu rigward il-ħlas proporzionali ta' leave li hu dovut u r-regoli rigward l-iskadenza taż-żmien. Huwa waqt is-smiegħ, li dak li hu dovut għandu jitħallas pro rata temporis u fid-data stabbilita għall-paga.

35. Skond ġurisprudenza kostanti, fil-qafas ta' rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta' l-allegat nuqqas. Hija hi li għandha tipprovdi lill-Qorti bl-elementi neċessarji għall-verifika ta' l-eżistenza ta' dan in-nuqqas, mingħajr ma tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta' Mejju 1982, il-Kummissjoni/l-Olanda, 96/81, Ġabra. p. 1791, punt 6, u tad-29 ta' April 2004, il-Kummissjoni/l-Awstrija, C-194/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 34).

36. La l-opinjoni motivata, la r-rikors u lanqas ir-replika tal-Kummissjoni ma jippermettu li jiġi valutat jekk l-ilment rigward in-nuqqas li jitqiesu, fil-kalkolu tal-paga minima, il-kontribuzzjonijiet mħallsa minn dawk li jħaddmu li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra lill-fondi tal- leave u ta' kumpens paragunabbli mal-fondi Ġermaniżi jikkostitwixxix ilment awtonomu jew, għall-kuntrarju, jagħmilx parti mill-ilment rigward in-nuqqas li jitqiesu, f'dan l-imsemmi kalkolu, il-bonusijiet għat-tlettax jew l-erbatax-il xahar ta' ħlas. Id-diffikultajiet li ltaqa' magħhom il-Gvern Ġermaniż sabiex jirreaġixxu għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kontribuzzjonijiet lill-fondi tal- leave jikkonfermaw in-nuqqas ta' kjarezza ta' dawn l-allegazzjonijiet.

37. Jidher li, f'tali kundizzjonijiet, il-Kummissjoni ma wrietx b'mod biżżejjed ċar il-portata eżatta ta' l-ilment tagħha u li ma ppreżentatx lill-Qorti l-elementi neċessarji li jippermettu li jiġi stabbilit jekk in-nuqqas mill-konvenut li jqis, kontributi, bħal dawk fil-kawża preżenti, fid-definizzjoni tal-paga minima, jikkostitwixxix jew le nuqqas mill-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71.

38. Fl-aħħarnett, jeħtieġ li tiġi analizzata l-kwistjoni prinċipali li tibqa' ikkontestata rigward jekk iż-żidiet u s-supplimenti mħallsa minn min iħaddem, liema, skond il-Gvern Ġermaniż, jimmodifikaw l-ekwilibriju bejn is-servizz ipprovdut mill-ħaddiema, min-naħa, u l-kumpens li dan jirċievi, min-naħa 'l oħra, għandhomx jiġu rikonoxxuti bħala elementi li jagħmlu parti mill-paga minima. Dan jikkonċerna b'mod partikolari il-bonusijiet ta' kwalità u l-bonusijiet għal xogħolijiet li jħammġu, ta' tbatija jew perikolużi.

39. Hemm lok li jiġi kkunsidrat li, kontrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, iż-żidiet u s-supplimenti, li mhumiex definiti bħala elementi li jagħmlu parti mill-paga minima mill-leġiżlazzjoni jew il-prassi nazzjonali ta' l-Istat Membru fuq it-territorju ta' liema l-ħaddiem huwa kkollokat, u li jimmodifikaw ir-relazzjoni bejn is-servizz ipprovdut mill-ħaddiem, min-naħa, u l-kumpens li dan jirċievi, min-naħa 'l oħra, ma jistgħux, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/71, ikunu kkunsidrati bħala elementi bħal dawn.

40. Fil-fatt, huwa kompletament normali li, jekk min iħaddem jeżiġi li l-ħaddiem jagħmel xogħol addizzjonali jew is-sahra f'kondizzjonijiet partikolari, dan ix-xogħol supplimentari jiġi kkumpensat lill-ħaddiem mingħajr ma' tali kumpens ma jitqies fil-kalkolu tal-paga minima.

41. Minkejja dan jirriżulta, mill-punti 30 sa 33, ta' din is-sentenza, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqqset mill-obbligi tagħha skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71.

42. Peress li ġie kkonstatat nuqqas fuq il-bażi ta' din id-Direttiva, mhuwiex neċessarju li jiġi eżaminat ir-rikors fid-dawl ta' l-Artikolu 49 KE.

43. F'tali ċirkostanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma tagħrafx bħala elementi li jagħmlu parti mill-paga minima, iż-żidiet u s-supplimenti, li ma jimmodifikawx ir-relazzjoni bejn is-servizz ipprovdut mill-ħaddiem u l-kumpens li dan jirċievi, mħallsin minn dawk li jħaddmu li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra lill-impjegati tagħhom tas-settur tal-bini kollokati fil-Ġermanja, bl-eċċezzjoni tal-bonus ġenerali mogħti lill-ħaddiema ta' dan is-settur, ir-Repubblika Federali tal-ĠGermanja naqset mill-obbligi tagħha skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71.

44. Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

Dwar l-ispejjeż

45. Taħt l-Artikolu 69(2), tar-Regoli ta' Proċedura, kull parti li titlef għandha tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż, jekk dan jiġi mitlub. Madankollu, skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 69(3) ta' dawn ir-Regoli, il-Qorti tista' tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha fuq kap wieħed jew aktar. Peress li kemm il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfu l-kawża parzjalment, huma għandhom jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeciedi li:

1) Billi ma tagħrafx bħala elementi li jagħmlu parti mill-paga minima, iż-żidiet u s-supplimenti, li ma jimmodifikawx ir-relazzjoni bejn is-servizz ipprovdut mill-ħaddiem u l-kumpens li dan jirċievi, mħallsin minn dawk li jħaddmu li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra, lill-impjegati fis-settur tal-bini kollokati fil-Ġermanja bl-eċċezzjoni tal-bonus ġenerali mogħti lill-ħaddiema ta' dan is-settur, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset fl-obbligi tagħha skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta' Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi.

2) Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

3) Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Top