Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002CJ0282

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-2 ta' Ġunju 2005.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs l-Irlanda.
    Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Tniġġis ta' l-ilmijiet - Direttiva 76/464/KEE.
    Kawża C-282/02.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:334

    SENTENZA TAL-QORTI (it-Tieni Awla)

    tat-2 ta' Ġunju 2005 (*)

    "Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Tniġġis ta' l-ilmijiet – Direttiva 76/464/KEE"

    Fil-kawża C-282/02,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fil-31 ta' Lulju 2002,

    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, rappreżentata minn M. Shotter, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    l-Irlanda, rappreżentata minn D. J. O'Hagan, bħala aġent, assistit minn A. M. Collins, BL, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), C. Gulmann, J. Makarczyk u P. Kūris, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li rat id-deċiżjoni li ħadet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata li, bil-fatt li naqset li tieħu l-provvedimenti kollha neċessarji sabiex tassigura t-traspożizzjoni u l-applikazzjoni korretta tad-Direttiva tal-Kunsill ta' l-4 ta' Mejju 1976 dwar it-tniġġis ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi skartati fl-ambjent akwatiku tal-Komunità (76/464/KEE) (ĠU L 129, p. 23, iktar 'il quddiem id-"Direttiva"), l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond din id-Direttiva u, b'mod partikolari, skond l-Artikoli 7 u 9 tagħha, kif ukoll skond it-Trattat KE.

     Il-kuntest ġuridiku

    2       Id-Direttiva hija intiża sabiex tipproteġi l-ambjent akwatiku tal-Komunità kontra t-tniġġis. Għal dan il-għan, hija toħloq distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta' sustanzi perikolużi li jaqgħu rispettivament fil-Lista I u l-Lista II li jinsabu fl-Anness tagħha. Il-Lista I telenka s-sustanzi partikolarment perikolużi għall-ambjent akwatiku, li ntgħażlu fil-biċċa l-kbira fuq il-bażi tat-tossiċità, il-persistenza u l-bijokumulazzjoni tagħhom. Il-Lista II telenka s-sustanzi li jagħmlu ħsara lill-ambjent akwatiku, li, madankollu, jistgħu jkunu limitati għal żona speċifikata u li jiddependu mill-karatteristiċi u l-post fejn jinstab l-ilma li fih jiġu skarikati. Dan l-Anness jispeċifika li s-sustanzi elenkati fil-Lista I, li għalihom ma ġewx stabbiliti l-valuri ta' limitu riferiti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva, għandhom jiġu kkunsidrati bħala sustanzi li jaqgħu fil-Lista II.

    3       L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva jiddisponi li din tapplika għall-ilma tal-wiċċ 'il ġewwa mill-kosta, għall-ibħra territorjali, għall-ilma ta' mal-kosta u għall-ilma ta' taħt l-art.

    4       L-Artikolu 1(2) ta' l-imsemmija Direttiva jagħti serje ta' definizzjonijiet, fosthom dawk tal-kelmiet "skariku" u "tniġġis". L-"[i]skariku" huwa definit fl-imsemmi Artikolu 1(2)(d) kif ġej: "it-tidħil fl-ilmijiet riferiti fil-paragraf[u] 1 ta' kull sustanza inkluża fil-Listi I u II, minbarra:

    –       skariki mit-tħammil tal-ħama,

    –       skariki operazzjonali mill-bastimenti fl-ibħra territorjali,

    –       ir-rimi ta' skart fl-ibħra territorjali mill-bastimenti".

    5       It-"tniġġis" huwa definit fl-Artikolu 1(2)(e) ta' din id-Direttiva bħala "l-iskariku mill-bniedem, b'mod dirett jew indirett, ta' sustanzi jew ta' enerġija fl-ambjent akwatiku, li bħala riżultat jikkawża riskji għas-saħħa tal-bniedem, ħsara lir-riżorsi ħajjin u lill-ekosistemi akwatiċi, ħsara lill-amenitajiet jew tfixkil f'xi użu leġittmu ieħor ta' l-ilma".

    6       L-Artikolu 2 tad-Direttiva jobbliga lill-Istati Membri li jieħdu l-passi xierqa sabiex jeliminaw it-tniġġis ta' l-ilmijiet mis-sustanzi perikolużi elenkati fil-Lista I ta' l-Anness ta' l-imsemmija Direttiva u sabiex inaqqsu t-tniġġis mis-sustanzi perikolużi elenkati fil-Lista II ta' l-istess Anness.

    7       L-Artikolu 7 ta' l-istess Direttiva jiddisponi:

    "1.      Sabiex jitnaqqas it-tniġgis ta' l-ilmijiet riferiti fl-Artikolu 1 mis-sustanzi fil-Lista II, l-Istati Membri għand[h]om ifasslu programmi li fl-implimentazzjoni tagħhom għandhom japplikaw b'mod partikolari l-metodi riferiti fil-paragrafi 2 u 3.

    2.      L-iskariki kollha fl-ilmijiet riferiti fl-Artikolu 1 li jista' jkun fihom xi wħud mis-sustanzi fil-Lista II għandhom jeħtieġu l-awtorizzaz[z]joni minn qabel ta' l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru interessat, ill[i] fiha għandhom jiġu stabbiliti l-livelli għall-emissjonijiet. Dawn il-livelli għandhom ikunu msejsa fuq l-għanijiet tal-kwalità, li għandhom jiġu ffissati kif ipprovvdut fil-paragrafu 3.

    3.      Il-progr[a]mmi riferiti fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-għanijiet tal-kwalità għall-ilma; dawn għandhom jiġu stabbiliti b'mod konformi mad-Direttivi tal-Kunsill, fejn dawn jeżistu.

    4.      Il-programmi jistgħu jinkludu wkoll disposizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw il-kompożizzjoni u l-użu ta' sustanzi jew gruppi ta' sustanzi u prodotti u għandhom iqisu l-aħħar żviluppi tekniċi li huma possibbli ekonomikament.

    5. Il-programmi għandhom jistabbilixxu t-temma taż-żmien għall-implimentazzjoni tagħhom.

    6.      Ġabra fil-qosor tal-programmi u tar-riżultati ta' l-implimentazzjoni tagħhom għandha tinghata lill-Kummissjoni.

    7.      Il-Kummissjoni, flimkien ma' l-Istati Membri, għandha tagħmel arranġamenti għat-tqabbil regolari tal-programmi sabiex tiżgura koordinament suffiċjenti fl-implimentazzjoni tagħhom. Jekk jidhrilha li hu xieraq, għandha tissottometti proposti rilevanti lill-Kunsill għal dan l-iskop."

    8       It-tieni sentenza ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva tiddisponi li l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-azzjonijiet kollha li b'mod intenzjonali jew le jaħarbu d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

    9       L-Artikolu 9 ta' l-imsemmija Direttiva jispeċifika li l-applikazzjoni tal-miżuri meħuda skond din id-Direttiva ma tista' fl-ebda ċirkustanza twassal, b'mod dirett jew indirett, għaż-żieda fit-tniġġis ta' l-ilmijiet li għalihom tirreferi din id-Direttiva.

    10     L-Artikolu 10 ta' din id-Direttiva jipprovdi li fejn xieraq, Stat Membru wieħed jew iktar jistgħu b'mod individwali jew flimkien jieħdu miżuri iktar stretti minn dawk ipprovduti f'din id-Direttiva.

    11     Id-Direttiva ma tistabbilixxi ebda żmien espress li fih għandha tiġi implimentata. L-Artikolu 12(2) tagħha jipprovdi li "[i]l-Kummissjoni għandha, fejn possibbli fi żmien 27 xahar min-notifika ta' din id-Direttiva, tibgħat l-ewwel proposti magħmula skond l-Artikolu 7(7). Il-Kunsill, huwa u jaġixxi b'unanimità, għandu jieħu deċiżjoni fi żmien disa' xhur".

    12     F'ittra tat-3 ta' Novembru 1976, il-Kummissjoni pproponiet id-dati li ġejjin lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tad-Direttiva: il-15 ta' Settembru 1978 għas-sistema ta' awtorizzazzjoni; il-15 ta' Settembru 1981 għall-adozzjoni tal-programmi ta' tnaqqis tat-tniġġis mis-sustanzi li jaqgħu fil-Lista II u l-15 ta' Settembru 1986 għall-implimentazzjoni ta' dawn il-programmi.

    13     Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma (ĠU L 327, p. 1), tinkludi diversi dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mad-Direttiva.

    14     B'mod partikolari, l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2000/60 jiddisponi kif ġej:

    "Dan li ġej irid jitħassar effettivament min[n] 13-il sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva:

    [...]

    –       [id-]Direttiva [tal-Kunsill] 76/464/KEE [...]"

     Il-proċedura prekontenzjuża

    15     Wara li rċeviet ilment, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Irlanda, fl-4 ta' Frar 1991, ittra ta' intimazzjoni li fiha speċifikat li dan l-Istat Membru ma kienx taha ġabra fil-qosor tal-programmi ta' tnaqqis tat-tniġġis għal ċerti sustanzi li jaqgħu fil-Lista II ta' l-Anness tad-Direttiva.

    16     Fit-23 ta' Diċembru 1992, il-Kummissjoni nnotifikat ittra ta' intimazzjoni ġdida lill-Irlanda li fiha sostniet, b'mod partikolari, li l-Artikolu 7 tad-Direttiva ma kienx ġie traspost korrettament fil-leġiżlazzjoni Irlandiża. Skond il-Kummissjoni, din il-leġiżlazzjoni m'għamlitx il-programmi ta' tnaqqis tat-tniġġis obbligatorji u ma pprovdietx b'mod suffiċjenti għat-twaqqif ta' għanijiet tal-kwalità u għal sistema ta' awtorizzazzjoni għad-dranaġġ. Il-Kummissjoni żiedet li l-imsemmi Artikolu 7 ma ġiex implimentat korrettament f'diversi oqsma speċifiċi. L-Irlanda wieġbet b'ittra tat-30 ta' Lulju 1993.

    17     Fl-14 ta' Frar 1996, wara li investigat diversi lmenti relattivi għall-fish farms marittimi Irlandiżi, il-Kummissjoni nnotifikat ittra ta' intimazzjoni lill-imsemmi Stat Membru li fiha ġibditlu l-attenzjoni għall-fatt li huwa ma kienx qiegħed japplika l-Artikolu 7 tad-Direttiva għall-imsemmija fish farms.

    18     L-Irlanda wieġbet lill-Kummissjoni b'ittri tal-11 u ta' l-14 ta' Ġunju 1996 li fihom tat dettalji fuq il-pożizzjoni tagħha dwar l-imsemmi Artikolu 7.

    19     Fit-3 ta' Ottubru 1996, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni ulterjuri lil dan l-Istat Membru, b'żieda ma' dak li kienet bagħtitlu fit-23 ta' Diċembru 1992.

    20     Fit-12 ta' Ġunju 1997, il-Kummissjoni nnotifikat opinjoni motivata lill-Irlanda li fiha ġabret flimkien dawn id-diversi proċeduri u semmiet id-diversi nuqqasijiet ta' dan l-Istat Membru li kienu jikkostitwixxu ksur ta' l-Artikoli 7 u 9 tad-Direttiva, b'mod partikolari, in-nuqqas ta' programmi preċiżi ta' tnaqqis tat-tniġġis u/jew in-nuqqas li jibgħat ġabra fil-qosor ta' dawn il-programmi u tar-riżultati ta' l-implimentazzjoni tagħhom, in-nuqqasijiet relattivi għall-metodi ta' implimentazzjoni obbligatorji (jiġifieri, l-għanijiet tal-kwalità, l-awtorizzazzjonijiet u l-livelli għall-emissjonijiet) u l-fatt li naqas milli jimpedixxi t-tfaċċar u l-aggravar ta' tniġġis ġenerali ta' l-ilma ħelu mill-fosfru.

    21     Jum qabel ma ntbagħtet din l-opinjoni motivata, fil-11 ta' Ġunju 1997, l-Irlanda bagħtet ittra lill-Kummissjoni li fiha spjegat strateġija bbażata fuq il-ġbir ta' l-ilma sabiex tiġġieled kontra l-ewtrofikazzjoni ta' l-ilmijiet kurrenti, tax-xmajjar u tal-lagi Irlandiżi. Din l-istrateġija kienet intiża sabiex tiġġieled kontra l-problema tat-tniġġis mill-fosfru msemmija fl-opinjoni motivata.

    22     Wara diversi skambji ta' korrispondenza bejn l-Irlanda u l-Kummissjoni, il-Kummissjoni, fit-28 ta' Lulju 2000, bagħtet opinjoni motivata ulterjuri lil dan l-Istat Membru li fiha kkonstatat li, bil-fatt li ma ħaditx il-provvedimenti kollha meħtieġa sabiex tassigura t-traspożizzjoni u l-applikazzjoni korretta tad-Direttiva, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond din id-Direttiva, b'mod partikolari, skond l-Artikoli 7 u 9 tagħha, kif ukoll skond it-Trattat KE, u stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jieħu l-provvedimenti neċessarji biex jikkonforma ruħu ma' l-imsemmija opinjoni fi żmien xahrejn min-notifika tagħha.

    23     Bi tweġiba għall-opinjoni motivata, l-Irlanda, fit-2 ta' Frar 2001, innotifikat leġiżlazzjoni ġdida lill-Kummissjoni, jiġifieri, ir-Regolamenti tat-30 ta' Jannar 2001 intitolati "Regolamenti dwar il-kwalità ta' l-ilma – sustanzi perikolużi" [Water Quality (Dangerous Substances) Regulations (S.I. Nru 12 ta' l-2001), iktar 'il quddiem ir-"Regolamenti ta' l-2001"]. Dawn ir-regolamenti ġodda jistabbilixxu għanijiet tal-kwalità għall-atrazine, għad-diklorometan, għat-toluene, għat-tributiltin, għall-xylene, għall-arseniku, għall-kromju, għar-ram, għas-cyanide, għall-floridu, għaċ-ċomb, għas-simazine, għan-nikil u għaż-żingu. L-Irlanda speċifikat li n-notifika ta' dawn id-dispożizzjonijiet ġodda saret skond id-Direttiva 2000/60.

    24     Fis-6 ta' April 2001, l-Irlanda bagħtet lill-Kummissjoni kopja ta' rapport imħejji mill-Aġenzija Irlandiża għall-protezzjoni ta' l-ambjent dwar il-preżenza ta' 78 sustanzi perikolużi fl-ilmijiet tal-wiċċ Irlandiżi.

    25     Fit-30 ta' Lulju 2001, l-imsemmi Stat Membru nnotifika iktar miżuri lill-Kummissjoni, bħalma huma regolamenti lokali intiżi b'mod partikolari sabiex jagħtu effett lid-Direttiva kif ukoll lid-Direttiva 2000/60.

    26     Fil-15 ta' Frar 2002, l-Irlanda bagħtet lill-Kummissjoni kopja ta' pubblikazzjoni dwar il-progress reġistrat fl-implimentazzjoni mill-awtoritajiet lokali Irlandiżi tal-miżuri għat-tnaqqis tat-tniġġis mill-fosfru.

    27     Billi ma kinitx sodisfatta bl-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

     Fuq ir-rikors

     Fuq iż-żmien għat-traspożizzjoni tad-Direttiva

    28     Preliminarjament, għandu jiġi rilevat li d-Direttiva ma tistabbilixxix espressament xi żmien li fih l-Istati Membri għandhom jittrasponuha. Qabel ma jiġi deċiż jekk l-ilmenti tal-Kummissjoni humiex fondati, għandu jiġi determinat jekk l-Istati Membri madankollu kinux marbuta b'xi żmien li fih kellhom jikkonformaw ruħhom ma' l-obbligi li joħorġu minn din id-Direttiva.

    29     L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva jipprovdi li l-Kummissjoni għandha, fejn possibbli fi żmien sebgħa u għoxrin xahar min-notifika ta' din id-Direttiva, tibgħat lill-Kunsill l-ewwel proposti magħmula bil-għan li jiġu mqabbla l-programmi mfassla mill-Istati Membri skond l-Artikolu 7(7) ta' l-istess Direttiva.

    30     Bla dubju, l-imsemmi Artikolu 12(2) ma jistabbilixxi ebda żmien obbligatorju. L-espressjoni "fejn possibbli" li tinsab fil-kliem ta' din id-dispożizzjoni tindika li dan iż-żmien mhuwiex ta' natura vinkolanti. Madankollu, billi jipprovdi perijodu relattivament qasir għall-evalwazzjoni ta' l-ewwel riżultati ta' l-implimentazzjoni tad-Direttiva, dan l-Artikolu għandu l-għan li jevita li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jiġu applikati tard.

    31     Barra minn hekk, direttiva li t-traspożizzjoni tagħha titħalla sospiża b'mod indefinit titneżża' mill-kontenut tagħha u minn kull effettività. L-għan tad-Direttiva, jiġifieri l-eliminazzjoni jew it-tnaqqis tat-tniġġis ta' l-ilmijiet, jeżiġi li d-Direttiva tiġi trasposta fi żmien raġonevoli sabiex tiġi assigurata l-effettività tagħha. Jekk tibqa' ma tiġix trasposta għal żmien twil, ma jkun hemm, fil-fatt, ebda kontroll fuq sitwazzjonijiet li jiffavorixxu ż-żieda fit-tniġġis, u dan jippriva lid-Direttiva minn kull effettività.

    32     Għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta' "żmien raġonevoli", għandu jiġi mfakkar li, b'ittra tat-3 ta' Novembru 1976, il-Kummissjoni pproponiet lill-Istati Membri li jżommu d-data tal-15 ta' Settembru 1978 għas-sistema ta' awtorizzazzjoni, dik tal-15 ta' Settembru 1981 għat-tfassil tal-programmi u dik tal-15 ta' Settembru 1986 għall-implimentazzjoni tagħhom. Dak iż-żmien, l-Irlanda ma kkontestatx id-dati proposti. Barra minn hekk, billi l-protezzjoni ta' l-ambjent hija ta' importanza fundamentali fil-kuntest tad-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u ta' l-attivitajiet tal-Komunità, l-awtoritajiet nazzjonali setgħu jintalbu jwieġbu b'ħeffa sabiex isolvu l-problemi tat-tniġġis ta' l-ilmijiet.

    33     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li, għalkemm huwa minnu li, kuntrarjament għall-prassi normali, id-Direttiva ma tipprovdix żmien għat-traspożizzjoni tagħha, dan ma jfissirx li l-Istati Membri għandhom il-libertà li jadottaw il-miżuri għall-implimentazzjoni tagħha fiż-żmien li jidhrilhom xieraq huma biss. Issa, fid-dawl tan-neċessità li tiġi assigurata l-effettività tad-Direttiva u tal-fatt li d-dati proposti mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni progressiva ta' l-imsemmija Direttiva ma ġewx ikkontestati, dak iż-żmien, mill-Irlanda, l-Irlanda kienet obbligata tittrasponi din id-Direttiva fi żmien raġonevoli.

    34     Għandu jiġi kkunsidrat li, meta nbdiet il-proċedura prekontenzjuża, kien ġa għadda żmien raġonevoli għat-traspożizzjoni tad-Direttiva.

     Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq in-nuqqas ta' osservanza tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva

     L-argumenti tal-partijiet

    35     Permezz ta' l-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni tallega li l-Irlanda ma fasslitx programmi għat-tnaqqis tat-tniġġis fir-rigward tas-sustanzi kollha li jaqgħu fil-Lista II, bi ksur ta' dak li jitlob l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva.

    36     Min-naħa tagħha, l-Irlanda ssostni li l-obbligu impost fuqha bl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jkopri l-imsemmija sustanzi biss meta dawn jinstabu jew jistgħu jinstabu fl-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħha. Għalhekk hija tikkunsidra li l-obbligu tagħha li tfassal programmi fir-rigward tas-sustanzi kollha li jinsabu fil-Lista II tad-Direttiva għandu jinftiehem fis-sens li huwa kkundizzjonat mill-kuntest partikolari ta' dak l-Istat Membru.

    37     Barra minn hekk, l-Irlanda ssostni li hija implimentat programmi fir-rigward ta' kull waħda mis-sustanzi elenkati fil-Lista II li għalihom kienet obbligata li tagħmel dan. Fin-nuqqas ta' tniġġis sinifikattiv, reali jew potenzjali, jew ta' skariku li fih tali sustanzi, hija ssostni li mhijiex obbligata tfassal il-programmi previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva fir-rigward ta' dawn is-sustanzi.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    38     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-programmi li għandhom jiġu mfassla skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva għandhom ikunu speċifiċi. In-natura speċifika tal-programmi in kwistjoni tikkonsisti fil-fatt li għandhom jikkostitwixxu approċċ komprensiv u koerenti, li jkollhom in-natura ta' pjan konkret u strutturat li jkopri t-territorju nazzjonali kollu u li jirrigwarda t-tnaqqis tat-tniġġis ikkawżat mis-sustanzi kollha fil-Lista II li huma rilevanti fil-kuntest nazzjonali ta' kull Stat Membru, skond l-għanijiet tal-kwalità ta' l-ilma li fih dawn is-sustanzi jiġu skarikati, stabbiliti f'dawn l-istess programmi (sentenza tal-21 ta' Jannar 1999, il-Kummissjoni vs il-Belġju, C-207/97, Ġabra p. I-275, punti 39 u 40). Għalhekk, il-kunċett ta' "programm" jimplika serje ta' miżuri kkoordinati, integrati u komprensivi.

    39     F'din il-perspettiva, għandu jiġi eżaminat jekk il-miżuri nazzjonali adottati mill-Irlanda jissodisfawx dawn il-kriterji. Dawn il-miżuri huma s-segwenti:

    –       ir-Regolamenti ta' l-24 ta' Lulju 1998 dwar l-għanijiet tal-kwalità ta' l-ilma għall-fosfru [Local Government (Water Pollution) Act 1977 (Water Quality Standards for Phosphorus) Regulations 1998; S.I. Nru 258 ta' l-1998; iktar 'il quddiem ir-"Regolamenti ta' l-1998"] li jistabbilixxu għanijiet obbligatorji għall-fosfru,

    –       ir-Regolamenti ta' l-2001 li jistabbilixxu għanijiet tal-kwalità għal erbatax-il sustanza oħra,

    –       ċerti regolamenti lokali intiżi sabiex jagħtu effett kemm lid-Direttiva kif ukoll lir-Regolamenti ta' l-1998.

    Dawn il-miżuri jinkludu t-twaqqif, bħala bażi għal programm, ta' għanijiet tal-kwalità għall-fosfru u għal erbatax-il sustanza oħra.

    40     Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-erbatax-il sustanza li jaqgħu taħt ir-Regolamenti ta' l-2001, dawn ir-Regolamenti daħlu fis-seħħ wara li skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata ulterjuri, kif jammettu l-awtoritajiet Irlandiżi fir-risposta tagħhom. Issa, il-kwistjoni jekk Stat Membru jkunx naqas li jwettaq obbligu għandha tiġi evalwata b'referenza għas-sitwazzjoni li tkun teżisti fiż-żmien meta jiskadi t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u t-tibdiliet li jseħħu sussegwentement ma għandhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-17 ta' Settembru 1996, il-Kummissjoni vs l-Italja, C-289/94, Ġabra p. I-4405, punt 20). Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li, fiż-żmien meta skada t-terminu li ngħatalha, l-Irlanda ma kinitx fasslet programmi għat-tnaqqis tat-tniġġis għas-sustanzi kollha li għalihom kienet obbligata li tagħmel dan.

    41     Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-kwalifika tar-Regolamenti ta' l-1998 bħala miżura biex jitwaqqaf programm ta' tnaqqis tat-tniġġis mill-fosfru, għandu jiġi osservat li dawn ir-Regolamenti ma jinkludux l-ilmijiet tal-wiċċ kollha tal-pajjiż, billi l-kanali mhumiex koperti bl-għanijiet tal-kwalità stabbiliti b'dawn ir-Regolamenti. Fil-fatt, fir-risposta tagħha, l-Irlanda tammetti li ma stabbilietx għanijiet tal-kwalità għall-kanali f'dak li jirrigwarda l-fosfru u b'hekk naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tikkonforma ruħha mar-rekwiżit li tistabbilixxi tali għanijiet għall-ilmijiet tal-wiċċ kollha tal-pajjiż.

    42     Għal dak li jirrigwarda r-regolamenti lokali intiżi li jagħtu effett lid-Direttiva, huwa biżżejjed li jiġi osservat li mill-proċess jirriżulta li l-korrispondenza mibgħuta mill-Irlanda fit-30 ta' Lulju 2002 tindika li din tirrigwarda biss regolamenti stabbiliti minn erba' awtoritajiet lokali u konnessi ma' l-attivitajiet agrikoli. Fl-imsemmija korrispondenza, l-Irlanda indikat ukoll li abbozzi ta' regolamenti oħrajn kienu qed jiġu ppreparati minn diversi awtoritajiet lokali.

    43     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li billi ma kinitx fasslet programmi għat-tnaqqis tat-tniġġis għas-sustanzi kollha li għalihom kienet obbligata li tagħmel dan skond id-Direttiva, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 7(1) ta' l-imsemmija Direttiva.

     Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq in-nuqqas ta' osservanza tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva

     L-argumenti tal-partijiet

    44     Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, kuntrarjament għal li dak li jiddisponi l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva, l-Irlanda ma stabbilietx għanijiet tal-kwalità. Dan l-ilment huwa maqsum f'żewġ partijiet.

    45     Permezz ta' l-ewwel parti, il-Kummissjoni ssostni li l-imsemmi Stat Membru ma stabbiliex għanijiet tal-kwalità fir-rigward ta' sustanzi, ħlief għall-fosfru u għall-erbatax-il sustanza koperti bir-Regolamenti ta' l-2001.

    46     Permezz tat-tieni parti, il-Kummissjoni ssostni li r-Regolamenti ta' l-1998, li huma intiżi sabiex jistabbilixxu għanijiet tal-kwalità għall-fosfru, mhumiex konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva. Il-Kummissjoni tinvoka diversi fatturi, jiġifieri, in-nuqqas li jiġi allokat indiċi ta' kwalità għall-meded ta' ilma kollha tal-pajjiż, il-fatt li l-awtoritajiet Irlandiżi llimitaw ruħhom li jagħmlu osservazzjonijiet, li mhumiex ekwivalenti għall-allokazzjoni ta' indiċi ta' kwalità, id-dewmien biex isiru dawn l-osservazzjonijiet, jiġifieri 20 sena wara l-adozzjoni tad-Direttiva, in-nuqqas ta' osservanza tad-definizzjoni tal-kelma "tniġġis" mogħtija mid-Direttiva u l-fatt li wieħed ma setax joqgħod fuq il-metodi ta' analiżi adottati mill-Irlanda għall-lagi.

    47     L-awtoritatjiet Irlandiżi jikkontestaw l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni billi jinvokaw, fl-ewwel lok, il-portata tal-miżuri ta' sorveljanza adottati, fit-tieni lok, il-fatt li r-Regolamenti ta' l-1998 ittieħdu in kunsiderazzjoni bħala miżura provviżorja intiża biex tilħaq l-għan li ttejjeb l-ilmijiet previsti speċifikament f'dawn ir-Regolamenti u, fit-tielet lok, il-libertà ta' l-għażla tal-metodu ta' analiżi tal-kwalità ta' l-ilma tal-lagi, fid-dawl tal-fatt li d-Direttiva ma teżiġix li għandu jintuża xi metodu ta' analiżi partikolari.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    48     Qabel xejn, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm l-Irlanda ssostni li hija fil-fatt irrispettat ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 7 tad-Direttiva, dan l-Istat jammetti fir-risposta tiegħu li, fiż-żmien meta skada t-terminu previst fl-opinjoni motivata ulterjuri, huwa ma kienx adotta l-provvedimenti kollha rikjesti mill-paragrafu 3 ta' l-imsemmi Artikolu.

    49     B'mod partikolari, għal dak li jirrigwarda l-ewwel parti ta' dan it-tieni lment, l-Irlanda tikkunsidra li l-obbligu li jiġu stabbiliti għanijiet tal-kwalità għas-sustanzi li jaqgħu fil-Lista II ta' l-Anness tad-Direttiva huwa kkundizzjonat mill-kuntest partikolari ta' kull Stat. Madankollu hija tammetti, fir-risposta tagħha, li hija adottat għanijiet tal-kwalità għall-fosfru u għal erbatax-il sustanza oħra biss u, fir-rigward ta' dawn ta' l-aħħar, hija għamlet dan erba' xhur wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. Min-naħa l-oħra, kif tindika l-Kummissjoni fir-rikors tagħha, ebda għan ma ġie stabbilit għal ċerti sustanzi li joħorġu mis-settur industrijali.

    50     F'dawn iċ-ċirkustanzi, jirriżulta li l-ewwel parti ta' dan it-tieni lment huwa fondat.

    51     Għal dak li jirrigwarda t-tieni parti tat-tieni lment, l-ewwelnett, f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-argument ta' l-Irlanda dwar il-portata tal-miżuri ta' sorveljanza tal-kwalità ta' l-ilmijiet tal-pajjiż, ġa ġie speċifikat fil-punt 41 ta' din is-sentenza li r-Regolamenti ta' l-1998 ma jkoprux l-ilmijiet tal-wiċċ kollha tal-pajjiż, billi l-kanali mhumiex inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, l-osservazzjonijiet relattivi għal-lagi jkopru biss 65 % tal-wiċċ totali tal-lagi tal-pajjiż, kif tammetti l-Irlanda fil-kontro-replika tagħha. Minbarra dan, l-Irlanda llimitat ruħha li tagħmel sempliċi osservazzjonijiet dwar il-kwalità ta' l-ilma. Għalkemm dan jista' jikkostitwixxi element għad-definizzjoni ta' l-għanijiet tal-kwalità, l-għemil ta' sempliċi osservazzjonijiet mhuwiex ekwivalenti għat-twaqqif ta' tali għanijiet tal-kwalità. F'din il-perspettiva, l-argument ta' l-Irlanda ma jistax jiġi milqugħ.

    52     Għal dak li jirrigwarda, imbagħad, in-nuqqas ta' osservanza tad-definizzjoni tal-kelma "tniġġis" mogħtija mid-Direttiva, l-Irlanda tindika li r-Regolamenti ta' l-1998 jikkostitwixxu miżura provviżorja intiża biex twassal għal titjib fil-kwalità ta' l-ilmijiet previsti speċifikament f'dawn ir-Regolamenti u, għaldaqstant, għandhom jiġu kkunsidrati bħala sforz prammatiku biex tissolva l-problema tat-tniġġis ta' l-ilma ħelu ta' l-Irlanda mill-fosfru filwaqt li jiġu stabbiliti standards iktar stretti minn dawk użati fil-leġiżlazzjoni ta' Stati Membri oħra.

    53     Kif ġa ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li Stat Membru jallega li jkun stabbilixxa għanijiet iktar ambizzjużi minn dawk li direttiva tfittex li tilħaq ma jeżonerax lil dak l-Istat mill-obbligu li jikkonforma ruħu, għall-inqas, mar-rekwiżiti preskritti mill-imsemmija direttiva (ara s-sentenza tat-2 ta' Mejju 2002, il-Kummissjoni vs Franza, C-292/99, Ġabra p. I-4097, punt 48).

    54     Il-fatt li r-Regolamenti ta' l-1998 jiġu kkwalifikati bħala miżura provviżorja, li r-riżultati tagħha jirreferu għall-2007, ma jagħmilhiex possibbli li dawn ir-Regolamenti jiġu kkunsidrati bħala suffiċjenti sabiex jimplimentaw l-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 7(3) tad-Direttiva, minkejja li l-awtoritajiet Irlandiżi qiegħdin jaħsbu li jadottaw għanijiet tal-kwalità iktar stretti. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument ta' l-Irlanda ma jistax jiġi milqugħ.

    55     Fl-aħħarnett, fir-rigward ta' kemm wieħed jista' joqgħod fuq is-sistema ta' analiżi tal-kwalità ta' l-ilma tal-lagi, żewġ studji ppreparati mis-Central Fisheries Board (il-Bord ċentrali tas-sajd) u l-Environmental Protection Agency (l-Aġenzija għall-protezzjoni ta' l-ambjent) u mressqa mill-Kummissjoni f'anness għar-rikors tagħha, iqiegħdu dubju fuq kemm wieħed jista' joqgħod fuq is-sistema tal-kampjuni meħuda miċ-centru tal-lagi. Billi l-Irlanda ma ġabet ebda prova li tikkontradiċi l-argumenti mressqa fid-dawl ta' dawn id-dokumenti, l-argument tagħha fuq dan il-punt għandu wkoll jiġi kkunsidrat bħala mhux fondat.

    56     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, bil-fatt li ma stabbilietx għanijiet tal-kwalità konformement mar-rekwiżiti ta' l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva, l-Irlanda naqset li twettaq l-obbligi imposti fuqha skond din id-dispożizzjoni.

     Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva

     L-argumenti tal-partijiet

    57     Il-Kummissjoni tallega li l-Irlanda ma stabbilietx sistema ta' awtorizzazzjoni skond l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva, billi tinvoka, bħala eżempju, ċerti skariki li jniġġsu li mhumiex suġġetti għal tali awtorizzazzjoni.

    58     Il-Kummissjoni tirrileva li l-Irlanda ma pprovdiet sistema ta' awtorizzazzjoni minn qabel għal ċerti skariki mill-awtoritajiet lokali.

    59     Bl-istess mod, skond il-Kummissjoni, l-iskariki tas-sustanzi tal-Lista II minn stabbilimenti marittimi Irlandiżi mhumiex suġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel.

    60     Hija ssostni wkoll li l-leġiżlazzjoni Irlandiża ma tassigurax li l-iskariki ta' fosfru minn stabbilimenti agrikoli, minkejja li dawn huma fost l-iktar sorsi sinifikattivi ta' tniġġis, jiġu suġġetti għal awtorizzazzjoni jew, fin-nuqqas ta' tali awtorizzazzjoni, ipprojbiti.

    61     Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tikkritika l-fatt li l-iskariki ta' fosfru mill-isprej mill-ajru għall-finijiet ta' tħawwil ta' siġar mhumiex suġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel.

    62     L-Irlanda tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet. B'mod partikolari, għal dak li jirrigwarda l-iskariki mis-sistemi tad-dranaġġ li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' l-awtoritajiet lokali, l-Irlanda ssostni li dawn huma regolati mir-Regolamenti ta' l-14 ta' Ġunju 2001 dwar it-trattament ta' l-ilma urban mormi (Urban Waste Water Treatment Regulations 2001), li jimplimentaw korrettament id-Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 1991 dwar it-trattament ta' l-ilma urban mormi (91/271/KEE) (ĠU L 135, p. 40).

    63     Għal dak li jirrigwarda s-sistemi tat-tifwir ta' l-ilma tax-xita li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' l-awtoritajiet sanitarji lokali, l-Irlanda tammetti li ma stabbiliet ebda sistema ta' awtorizzazzjoni. Madankollu, hija jidhrilha li mhijiex obbligata tistabbilixxi tali sistema għal dawn is-sistemi tat-tifwir minħabba fil-marġni ta' diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri mid-Direttiva 91/271, li, b'żieda mas-sistema ta' awtorizzazzjoni minn qabel prevista speċifikament f'din id-Direttiva, tippermetti l-implimentazzjoni ta' regolamenti ġenerali. Ir-Regolamenti ta' l-14 ta' Lulju 2001 fuq imsemmija jissodisfaw dan ir-rwol ta' regolamenti ġenerali fl-Irlanda. Barra minn hekk, qiegħda tiġi ppreparata liġi bil-għan li teżiġi awtorizzazzjoni minn qabel għall-iskariki prodotti mill-awtoritajiet lokali fil-każijiet fejn dawn l-iskariki jkunu għadhom mhux suġġetti għal standards legali u/jew għal sistema ta' awtorizzazzjoni minn qabel.

    64     Għal dak li jirrigwarda l-istabbilimenti marittimi, l-Irlanda tinvoka l-Att ta' l-1997 li jemenda l-Att dwar is-sajd [Fisheries (Amendment) Act 1997] għalkemm tammetti li d-dispożizzjonijiet tiegħu jirregolaw biss l-iskariki minn stabbilimenti ta' l-akwakultura. Madankollu, skond l-Irlanda, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jinqraw flimkien ma' dawk ta' l-Atti ta' l-1933 sa l-1998 dwar l-art ta' mal-kosta (Foreshore Acts 1993-1998), li jeżiġu li tinkiseb awtorizzazzjoni mingħand il-Ministru għal kull żvilupp li jsir fuq l-art ta' mal-kosta.

    65     Għal dak li jirrigwarda t-tniġġis mill-istabbilimenti agrikoli, l-Irlanda tikkunsidra li ċerti nixxijat ta' likwidi mniġġsa li joħorġu minn stabbilimenti agrikoli ma jsirux intenzjonalment u, f'ħafna każijiet, huma aċċidentali. Għalkemm tammetti li awtorizzazzjoni minn qabel tista' tkun rikjesta taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għall-postijiet li fihom huwa prevedibbli li jsiru l-iskariki, it-tweġiba xierqa, fil-każ ta' skariki li ma jsirux intenzjonalment jew li jkunu aċċidentali, għandha tkun li l-persuni responsabbli jintalbu jirrimedjaw is-sitwazzjoni bl-aħjar mod possibbli, u, jekk ikun il-każ, li jiġu imposti ammendi.

    66     Għal dak li jirrigwarda l-isprejjar ta' fertilizzanti mill-ajru fuq żoni msaġġra, l-Irlanda ssostni li din l-attività minn dejjem kienet suġġetta għall-awtorizzazzjoni minn qabel ta' l-awtorità regolatorja nazzjonali u li, mix-xahar ta' Jannar 2002, proċedura ta' awtorizzazzjoni speċjali hija rikjesta sabiex isir dan l-isprejjar.

    67     Fl-aħħarnett, l-Irlanda tikkontesta argument imressaq mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha, li skontu s-sistema ta' projbizzjoni stabbilita bl-Artikolu 3(1) ta' l-Att ta' l-1977 dwar l-awtoritajiet lokali (tniġġis ta' l-ilma) [Local Government (Water Pollution) Act 1977, iktar 'il quddiem l-"Att ta' l-1977"] ma tikkostitwixxix sistema iktar stretta minn dik ta' awtorizzazzjoni. L-Artikolu 3(1) ta' dan l-Att jiddisponi li "ebda persuna m'għandha tikkawża jew tippermetti l-introduzzjoni ta' sustanzi li jniġġsu fl-ilmijiet" u għalhekk jikkostitwixxi, skond l-Irlanda, miżura iktar stretta skond l-Artikolu 10 tad-Direttiva.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    68     Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, kif ġa ddeċidiet diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta b'mod partikolari mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva li l-awtorizzazzjonijiet għandhom jinkludu livelli għall-emissjonijiet applikabbli għall-iskariki individwali awtorizzati u msejsa fuq l-għanijiet tal-kwalità stabbiliti minn qabel f'programm imfassal skond il-paragrafu 1 ta' l-istess dispożizzjoni, intiż biex jipproteġi l-meded ta' ilma u l-kanali ta' l-ilma in kwistjoni (sentenza tal-11 ta' Ġunju 1998, il-Kummissjoni vs il-Greċja, C-232/95 u C-233/95, Ġabra p. I-3343, punt 28). Minħabba n-nuqqas ta' sistema koerenti u ġenerali ta' għanijiet tal-kwalità, l-elementi l-oħra ta' programm (awtorizzazzjonijiet u livelli għall-emissjonijiet imsejsa fuq l-għanijiet) ma jistgħux jiġu definiti b'mod konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva.

    69     Għandu jiġi mfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punti 43 u 56 ta' din is-sentenza, l-Irlanda ma kkonformatx ruħha mar-rekwiżiti tad-Direttiva f'dak li jirrigwarda t-twaqqif ta' l-għanijiet tal-kwalità fiż-żmien meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

    70     Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-fatt li ċerti skariki li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' l-awtoritajiet lokali, bħalma huma l-iskariki mis-sistemi tad-dranaġġ u s-sistemi tat-tifwir ta' l-ilma tax-xita, mhumiex suġġetti għal awtorizzazzjoni, għandu jiġi osservat li r-Regolamenti ta' l-2001 dwar it-trattament ta' l-ilma urban mormi, invokati mill-Irlanda sabiex tikkontesta n-nuqqas, ġew adottati fl-14 ta' Ġunju 2001, jiġifieri kważi sena wara d-data ta' l-opinjoni motivata ulterjuri mibgħuta mill-Kummissjoni. Issa l-kwistjoni jekk Stat Membru jkunx naqas li jwettaq obbligu għandha tiġi evalwata b'referenza għas-sitwazzjoni li tkun teżisti fiż-żmien meta jiskadi t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, u t-tibdiliet li jseħħu sussegwentement ma għandhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza l-Kummissjoni vs l-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 20). Għandu jiġi kkonstatat li, fuq dan il-punt, l-Irlanda naqset li twettaq l-obbligi tagħha.

    71     Għal dak li jirrigwarda n-nuqqas ta' sistema ta' awtorizzazzjoni għall-iskariki minn stabbilimenti marittimi, l-ilment huwa fondat. Minn naħa, l-Irlanda ammettiet, fir-risposta tagħha, li, ħlief għall-istabbilimenti ta' l-akwakultura, il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti ma teżiġix awtorizzazzjonijiet għall-istabbilimenti marittimi. Min-naħa l-oħra, hija ma ppruvatx li l-Atti ta' l-1933 sa l-1998 dwar l-art ta' mal-kosta jinkludu dispożizzjonijiet li jeżiġu espressament it-twaqqif ta' livelli għall-emissjonijiet imsejsa fuq għanijiet tal-kwalità. Dawn iż-żewġ nuqqasijiet jikkostitwixxu ksur ta' l-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva.

    72     Għal dak li jirrigwarda n-nuqqas ta' sistema ta' awtorizzazzjoni għall-iskariki mill-istallazzjonijiet agrikoli, l-ilment tal-Kummissjoni għandu wkoll jiġi milqugħ. F'dan ir-rigward, l-Irlanda u l-Kummissjoni jaqblu fil-fatt li jammettu li parti sinifikattiva mis-sustanzi li jniġġsu li jiġu skarikati fl-ambjent akwatiku Irlandiż tiġi mill-irziezet (jiġifieri, mill-inqas 30 % ta' l-elementi nutrittivi kollha u, b'mod partikolari, sa 73 % fir-rigward tal-fosfru fl-ilmijiet 'il ġewwa mill-kosta).

    73     Barra minn hekk, bi tweġiba għall-argument tal-Kummissjoni, li skontu n-ness meħtieġ ta' kawżalità u ta' prevedibbiltà bejn l-atti allegatament magħmula minn persuna u t-tniġġis ta' l-ilmijiet jista' jiġi ppruvat fil-każ ta' tali tniġġis mill-fosfru meta dan joħroġ minn stabbilimenti agrikoli fissi, l-Irlanda tammetti li awtorizzazzjoni minn qabel tista' tkun rikjesta taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għall-postijiet li fihom huwa prevedibbli li jsiru dawn l-iskariki.

    74     Kif ammettew kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Irlanda, anki jekk ma tistax tkun rikjesta awtorizzazzjoni għall-iskariki mill-istabbilimenti agrikoli, ma jistax jiġi kkontestat li tali awtorizzazzjoni hija meħtieġa, għall-inqas, fil-każ fejn wieħed jipprevedi li jsiru skariki li jniġġsu. Issa, billi ebda skariku minn stabbiliment agrikolu m'huwa suġġett għal awtorizzazzjoni, minn dan jirriżulta li l-istabbilimenti fissi, li fir-rigward tagħhom l-iskariki huma prevedibbli, mhumiex suġġetti għal tali sistema ta' awtorizzazzjoni.

    75     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, bil-fatt li ma assoġġettatx għal awtorizzazzjoni l-iskariki li jniġġsu li ġejjin mill-istabbilimenti agrikoli fissi fil-każijiet fejn dawn l-iskariki huma prevedibbli, l-Irlanda naqset li twettaq l-obbligi imposti fuqha.

    76     Fl-aħħar lok, għal dak li jirrigwarda n-nuqqas ta' awtorizzazzjoni għal attivitajiet ta' sprejjar mill-ajru, l-Irlanda tammetti li huwa biss minn Jannar 2002, u għalhekk wara li skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, li proċedura ta' awtorizzazzjoni speċjali hija rikjesta għall-isprejjar ta' fertilizzanti mill-ajru fuq żoni msaġġra. L-Irlanda tindika li, qabel din id-data, dan it-tip ta' sprejjar kien suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel ta' l-awtorità regolatorja nazzjonali. Madankollu, dan l-Istat Membru ma ppruvax li tali awtorizzazzjoni kienet konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva f'dak li jirrigwarda l-osservanza ta' l-għanijiet tal-kwalità u tal-livelli għall-emissjonijiet. Minn dan jirriżulta li, fuq dan il-punt ukoll, l-ilment tal-Kummissjoni huwa fondat.

    77     Għandu fl-aħħarnett jiġi eżaminat, fil-kuntest ta' dan it-tielet ilment, l-argument ta' l-Irlanda li skontu s-sistema ta' projbizzjoni stabbilita bl-Att ta' l-1997 tikkostitwixxi "miżura iktar stretta" skond it-tifsira ta' l-Artikolu 10 tad-Direttiva.

    78     Għalkemm, bħala regola, sistema ta' projbizzjoni tikkostitwixxi alternattiva għal sistema ta' awtorizzazzjoni, konformement mar-rekwiżiti tad-Direttiva, l-Irlanda ma ppruvatx li s-sistema stabbilita bl-Att ta' l-1997 tista' tissostitwixxi, b'mod effikaċi, is-sistema ta' awtorizzazzjoni kif prevista fid-Direttiva.

    79     Fil-fatt, is-sistema ta' projbizzjoni ta' l-Artikolu 3(1) ta' l-Att ta' l-1977 għandha magħha klawżola, fil-paragrafu 3 ta' l-istess Artikolu, li teżonera mir-responsabbiltà kull persuna kkonċernata li tipprova li tkun ħadet il-prekawzjonijiet kollha raġonevoli sabiex timpedixxi l-introduzzjoni ta' sustanzi li jniġġsu fl-ilmijiet. L-applikazzjoni effettiva ta' din is-sistema hija assigurata permezz tas-setgħat mogħtija lill-awtoritajiet ġudizzjarji (Artikolu 11) u lill-awtoritajiet lokali (Artikolu 12). Dan l-Artikolu ta' l-aħħar jippermetti lill-awtoritajiet lokali li joħorġu ordnijiet lill-persuni responsabbli għas-sors ta' tniġġis sabiex jieħdu provvedimenti speċifiċi biex jiġġieldu kontra t-tniġġis. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi Att ma jgħid xejn dwar għanijiet tal-kwalità jew programmi għat-tnaqqis tat-tniġġis ta' l-ilmijiet.

    80     Fl-ewwel lok, l-Att ta' l-1977 ma jinkludix dispożizzjonijiet preċiżi dwar l-attivitajiet li jniġġsu, li jippermettu lill-individwi li jirreferu għal qafas legali ċar, preċiż u inekwivoku, kif teżiġi l-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta' Frar 1994, il-Kummissjoni vs l-Italja, C-119/92, Ġabra p. I-393, punt 17). Għandu jiġi osservat, per eżempju, li l-Att ta' l-1977 ma jinkludix elenku tas-sustanzi li jniġġsu skond il-Lista II ta' l-Anness tad-Direttiva, ħaġa li ma tippermettix lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-vera portata ta' l-imsemmija projbizzjoni.

    81     Fit-tieni lok, l-effikaċja tas-sistema tistrieħ, fil-parti l-kbira, fuq l-ordnijiet li jinħarġu mill-awtoritajiet lokali taħt l-Artikolu 12. Madankollu, dawn l-ordnijiet jinħarġu b'mod diskrezzjonali minn kull awtorità lokali f'kull sitwazzjoni speċifika, mingħajr ebda konnessjoni ma' kwalunkwe parametru ta' kwalità ta' l-ilmijiet, li huwa nieqes mill-imsemmi Att. Dan in-nuqqas ta' kriterji uniformi stabbiliti bil-liġi ma jiggarantixxix applikazzjoni omoġena, komprensiva u koerenti tad-Direttiva.

    82     Fl-aħħarnett, għal dak li jirrigwarda l-klawżola ta' eżonerazzjoni ta' l-Artikolu 3(3) ta' l-Att ta' l-1977, dan l-Artikolu ma jispeċifikax il-portata u n-natura tal-miżuri li għandhom jiġu adottati għal tali eżonerazzjoni, billi tħalli l-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tal-miżuri adottati f'idejn kull awtorità lokali, kull darba li jinqala' l-każ. F'din il-perspettiva, tali sistema mhijiex ekwivalenti għal sistema li l-aspetti kollha tagħha tat-tnaqqis tat-tniġġis huma definiti minn qabel b'mod ċar, preċiż u inekwivoku.

    83     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li l-Irlanda naqset li twettaq l-obbligu li tistabbilixxi sistema ta' awtorizzazzjoni kif rikjest mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva.

     Fuq ir-raba' lment, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 9 tad-Direttiva

     L-argumenti tal-partijiet

    84     Permezz ta' dan l-ilment, il-Kummissjoni ssostni li, minn mindu ġiet adottata d-Direttiva, żdied it-tniġġis ta' l-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta' l-Irlanda, bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 9 tad-Direttiva.

    85     Dan il-ksur ta' l-Artikolu 9 joħroġ mid-dewmien ta' dan l-Istat Membru għat-traspożizzjoni tad-Direttiva, li kellu żewġ konsegwenzi li jmorru kontra l-għanijiet li din id-dispożizzjoni tfittex li tilħaq. Minn naħa, il-fatt li ġiet implimentata tard ippermetta li l-liġi tibqa' tittollera degradazzjoni tal-kwalità ta' l-ilmijiet, ħaġa li mhijex prevista mid-Direttiva. Min-naħa l-oħra, l-attribuzzjoni, bħala bażi ta' referenza, ta' indiċijiet miksuba minn studji magħmula fl-1997 tista' twassal għal tagħwiġ tal-livell reali ta' tniġġis li kien jeżisti fl-1976 fil-mument ta' l-adozzjoni tad-Direttiva.

    86     L-Irlanda ssostni, għall-kuntrarju, li jkun hemm lok li Stat Membru jikkonforma ruħu ma' l-Artikolu 9 tad-Direttiva biss meta dan l-Istat ikun adotta miżuri skond din id-Direttiva u meta l-applikazzjoni ta' dawn il-miżuri ġġib magħha deterjorament tal-kwalità ta' l-ilma. Fil-każ ta' nuqqas ta' implimentazzjoni ta' miżuri b'applikazzjoni tad-Direttiva, l-Artikolu 9 ta' din id-Direttiva mhuwiex applikabbli. Għaldaqstant, l-Irlanda jidhrilha li l-kwistjoni li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja hija dik li tiddetermina jekk ir-Regolamenti ta' l-1998 wasslux, b'mod diretta jew indirett, għal żieda fit-tniġġis ta' l-ilma, ħaġa li dan l-Istat Membru jiċħad.

    87     Barra minn hekk, l-Irlanda ssostni li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja invokata mill-Kummissjoni, li skontha direttiva ma tistax tiġi interpretata b'mod li tagħti vantaġġ lill-Istati Membri li ma josservawx id-dispożizzjonijiet tagħha, mhijiex applikabbli għall-każ fejn id-dispożizzjonijiet in kwistjoni ma jipprovdux terminu li fih għandhom jiġu trasposti.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    88     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva, l-applikazzjoni tal-miżuri meħuda skond din id-Direttiva ma jistgħu fl-ebda ċirkustanza jwasslu, b'mod dirett jew indirett, għaż-żieda fit-tniġġis ta' l-ilmijiet riferiti fl-Artikolu 1 tagħha. Joħroġ b'mod ċar mill-kliem stess ta' din id-dispożizzjoni – li jirreferu espressament għall-"miżuri meħuda skond […] id-Direttiva" – li l-obbligu li timponi jirrigwarda s-sitwazzjoni fejn l-Istati Membri jkunu effettivament adottaw miżuri bil-għan li jittrasponu d-Direttiva.

    89     Kuntrarjament għall-argumenti mressqa mill-Irlanda, ma jsegwix minn din il-konstatazzjoni, madankollu, li, fin-nuqqas ta' kull miżura ta' traspożizzjoni, jew anki f'każ ta' traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva, Stat Membru jkun liberu li jadotta miżuri li jistgħu jwasslu, b'mod dirett jew indirett, għal żieda fit-tniġġis. Għalkemm ma jaqax direttament fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 9 tad-Direttiva, tali komportament jista' fil-fatt ikun inkompatibbli ma' din id-Direttiva u, b'mod partikolari, ma' l-Artikolu 2 tagħha, li f'kull każ jimponi fuq l-Istati Membri li jieħdu l-passi xierqa sabiex jeliminaw jew inaqqsu t-tniġġis ta' l-ilmijiet mis-sustanzi fil-Listi I u II ta' l-Anness tagħha.

    90     F'dan il-każ, il-Kummissjoni ma ppruvatx, b'mod suffiċjenti, li l-adozzjoni tal-miżuri ta' traspożizzjoni tad-Direttiva ġabet magħha żieda fit-tniġġis ta' l-ilmijiet Irlandiżi. Għandu għalhekk jiġi kkunsidrat li n-nuqqas ma ġiex ippruvat għal dak li jirrigwarda l-ksur ta' l-Artikolu 9.

    91     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li, bil-fatt li naqset li tieħu l-provvedimenti kollha neċessarji sabiex tassigura t-traspożizzjoni u l-applikazzjoni korretti tad-Direttiva, l-Irlanda naqset li twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 7 ta' din id-Direttiva. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

     Fuq l-ispejjeż

    92     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Irlanda tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

    1)      Bil-fatt li naqset li tieħu l-provvedimenti kollha neċessarji sabiex tassigura t-traspożizzjoni u l-applikazzjoni korretti tad-Direttiva tal-Kunsill ta' l-4 ta' Mejju 1976 dwar it-tniġġis ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi skartati fl-ambjent akwatiku tal-Komunità (76/464/KEE), l-Irlanda naqset li twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 7 ta' din id-Direttiva.

    2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

    3)      L-Irlanda għandha tbati l-ispejjeż.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top