Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002CJ0275

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-30 ta' Settembru 2004.
Engin Ayaz vs Land Baden-Württemberg.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Verwaltungsgericht Stuttgart - il-Ġermanja.
Assoċjazzjoni KEE-Turkija - Moviment liberu tal-ħaddiema - L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni - Kamp ta' applikazzjoni personali - Kunċett ta' 'membru tal-familja' ta' ħaddiem Tork li jifforma legalment parti mis-suq tax-xogħol ta' Stat Membru - Iben il-mara ta' tali ħaddiem.
Kawża C-275/02.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:570

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

30 ta' Settembru 2004 (*)

"Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Moviment liberu tal-ħaddiema – L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni – Kamp ta' applikazzjoni personali – Kunċett ta' 'membru tal-familja' ta' ħaddiem Tork li jifforma legalment parti mis-suq tax-xogħol ta' Stat Membru – Iben il-mara ta' tali ħaddiem"

Fil-kawża C-275/02,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Stuttgart (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tal-11 ta' Lulju 2002, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta' Lulju 2002, fil-proċedura

Engin Ayaz

vs

Land Baden-Württemberg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, C. Gulmann, J. N. Cunha Rodrigues, R. Schintgen (Relatur) u F. Macken, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal-Land Baden-Württemberg, minn S. Karajan, bħala aġent,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn W.-D. Plessing, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W.-D. Martin, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta' Mejju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, tad-19 ta' Settembru 1980, dwar l-iżvilupp ta' l-Assoċjazzjoni (aktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni Nru 1/80"). Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni ġie mwaqqaf bil-ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit-12 ta' Settembru 1963 f'Ankara, mir-Repubblika tat-Turkija, fuq naħa, u mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, fuq in-naħa l-oħra, u li kien ġie konkluż, approvat u kkonfermat f'isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta' Diċembru 1963 (ĠU 1964, 217, p. 3685, aktar 'il quddiem il-"Ftehim ta' Assoċjazzjoni").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Engin Ayaz, ċittadin Tork, u l-Land Baden-Württemberg fir-rigward ta deċiżjonijiet ta' dan ta' l-aħħar li jirrifjutaw li jestendulu l-permess li jirrisjedi temporanjament fil-Ġermanja u li jordnaw l-espulsjoni tiegħu mit-territorju ta' dan l-Istat Membru.

 Il-kuntest ġuridiku

 L-Assoċjazzjoni KEE-Turkija

3       L-għan tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, skond l-Artikolu 2(1) tiegħu, huwa li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti, inkluż fil-qasam tax-xogħol, permezz tat-twettiq progressiv tal-moviment liberu tal-ħaddiema (Artikolu 12), u permezz tat-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' l-istabbiliment (Artikolu 13) u l-prestazzjoni libera tas-servizzi (Artikolu 14), bil-għan li jittejjeb il-livell tal-ħajja tal-poplu Tork u li jiffaċilita s-sħubija sussegwenti tar-Repubblika tat-Turkija fil-Komunità (ir-raba' premessa tal-preambolu u l-Artikolu 28).

4       Għal dan il-għan, il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jinvolvi fażi preparatorja, li tippermetti lir-Repubblika tat-Turkija ssaħħaħ l-ekonomija tagħha bl-għajnuna tal-Komunità (Artikolu 3), fażi tranżitorja, li matulha jiġi assigurat l-istabbiliment progressiv ta' unjoni doganali u l-approssimazzjoni tal-politiċi ekonomiċi (Artikolu 4), u fażi definittiva, li hija bbażata fuq l-unjoni doganali u timplika t-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politiċi ekonomiċi tal-partijiet kontraenti (Artikolu 5).

5       Skond l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluż fit-Titolu II tiegħu, intitolat "Implementazzjoni tal-fażi tranżitorja":

"Il-partijiet kontraenti jaqblu li ser ikunu ggwidati mill-Artikoli 48, 49 u 50 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità sabiex jintlaħaq progressivament il-moviment liberu tal-ħaddiema bejniethom." [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

6       L-Artikolu 22(1) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jipprovdi li:

"Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-ftehim u fil-każijiet previsti minnu, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu s-setgħa li jieħu deċiżjoni. Kull waħda miż-żewġ partijiet għandha l-obbligu li tieħu l-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda. […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7       Il-Protokoll Addizzjonali li ġie ffirmat fit-23 ta' Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f'isem il-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta' Diċembru 1972 (ĠU L 293, p. 1, aktar 'il quddiem il-"Protokoll Addizzjonali"), jistabbilixxi, skond l-Artikolu 1 tiegħu, il-kundizzjonijiet, l-arranġamenti u l-iskedi ta' żmien għall-implementazzjoni tal-fażi tranżitorja msemmija fl-Artikolu 4 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. Skond l-Artikolu 62 tiegħu, il-Protokoll Addizzjonali jifforma parti integrali mill-imsemmi ftehim.

8       Il-Protokoll Addizzjonali fih Titolu II, intitolat "Moviment tal-persuni u tas-servizzi", li l-Kapitolu I tiegħu jikkonċerna l-ħaddiema.

9       L-Artikolu 36 tal-Protokoll Addizzjonali, li jifforma parti minn dan il-Kapitolu I, jipprovdi li l-moviment liberu tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija għandu jintlaħaq progressivament, skond il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 12 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, bejn l-aħħar tat-tnax u t-tnejn u għoxrin sena wara d-dħul fis-seħħ ta' l-imsemmi ftehim u li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni ser jiddeċiedi dwar l-arranġamenti neċessarji għal dan il-għan.

10     Fid-19 ta' Settembru 1980, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni adotta d-Deċiżjoni Nru 1/80. L-Artikoli 6, 7 u 14 ta' din id-deċiżjoni jinsabu fil-Kapitolu II tagħha, intitolat "Dispożizzjonijiet Soċjali", li t-Taqsima 1 tiegħu tikkonċerna l-kwistjonijiet dwar l-impjieg u l-moviment liberu tal-ħaddiema.

11     L-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 huwa fformulat bil-mod segwenti:

"Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7 dwar l-aċċess liberu għall-impjieg tal-membri tal-familja tiegħu, il-ħaddiem Tork, li jifforma legalment parti mis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru:

–       għandu dritt, f’dak l-Istat Membru, wara sena ta’ impjieg legali, għat-tiġdid tal-permess tax-xogħol tiegħu ma’ l-istess persuna li tkun qed tħaddmu, jekk din ikollha xogħol x’toffri;

–       għandu d-dritt, f’dak l-Istat Membru, wara tliet snin ta’ impjieg legali u bla ħsara għall-prijorità li għandha tingħata lill-ħaddiema ta’ l-Istati Membri tal-Komunità, li jwieġeb għal offerta oħra ta’ impjieg fl-istess professjoni ma’ persuna li tħaddem ta’ għażla tiegħu, magħmula taħt kundizzjonijiet normali, irreġistrata mad-dipartiment tax-xogħol ta’ dak l-Istat Membru;

–       wara erba’ snin ta’ impjieg legali, jibbenefika, f’dan l-Istat Membru, mill-aċċess liberu għall-attivitajiet kollha b’salarju ta’ l-għażla tiegħu." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12     L-ewwel paragrafu ta' Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprovdi li:

"Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jifforma parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru, li jkunu ġew awtorizzati li jingħaqdu miegħu:

–       għandhom id-dritt – bla ħsara għall-prijorità li għandha tingħata lill-ħaddiema ta’ l-Istati Membri tal-Komunità – li jwieġbu għal kull offerta ta’ xogħol meta jkunu ilhom legalment residenti f’dak l-Istat Membru ta' l-inqas għal tliet snin;

–       jibbenefikaw mill-aċċess liberu għall-attività kollha b’salarju ta’ l-għażla tagħhom meta jkunu ilhom legalment residenti f’dak l-Istat Membru ta' l-inqas għal ħames snin." [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

13     L-Artikolu 14(1) ta' l-istess deċiżjoni jipprovdi li:

"Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima għandhom ikunu applikabbli bla ħsara għal-limitazzjonijiet iġġustifikati għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta' sigurtà u ta' saħħa pubblika." [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dispożizzjonijiet l-oħra rilevanti tad-dritt Komunitarju

14     L-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta' Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2434/92, tas-27 ta' Lulju 1992 (ĠU L 245, p. 1, aktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 1612/68"), huwa fformulat bil-mod segwenti:

"Dawn li ġejjin għandhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, ikollhom id-dritt li jinstallaw ruħhom ma' ħaddiem li hu ċittadin ta' Stat Membru wieħed u li hu mpjegat fit-territorju ta' Stat Membru ieħor:

(a)      il-mara tiegħu u d-dixxendenti tagħhom li huma taħt l-età ta' 21 sena jew huma dipendenti;

(b)      qraba dipendenti fil-linja axxendenti tal-ħaddiem u l-mara tiegħu."

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15     Mill-proċess tal-kawża prinċipali jirriżulta li Engin Ayaz, imwieled fl-24 ta' Settembru 1979 u ġuvni, mar il-Ġermanja flimkien ma' ommu sabiex jgħix mar-raġel ta' ommu.

16     Hemm qbil li r-raġel ta' omm Engin Ayaz, li huwa ta' nazzjonalità Torka, kien ilu mis-snin 80 irreġistrat bħala ħaddiem li jifforma legalment parti mis-suq tax-xogħol f'dan l-Istat Membru fejn jirrisjedi legalment.

17     Skond il-qorti tar-rinviju, omm Engin Ayaz, ma kienet, f'ebda mument, awtorizzata taħdem fil-Ġermanja.

18     Mid-dħul tiegħu fit-territorju Ġermaniż, Engin Ayaz irrisjeda ma' ommu u mar-raġel tagħha, ħlief għal perijodu qasir fl-aħħar tas-sena 1999. Matul ir-residenza tiegħu fil-Ġermanja, huwa kompla l-iskola sekondarja sa ma kiseb iċ-ċertikat finali u wara attenda skola teknika għal sena. Sussegwentement, huwa beda żewġ korsijiet ta' taħriġ professjonali iżda ma spiċċa l-ebda wieħed minnhom. Wara perijodu li matulu kien qiegħed, huwa ġie impjegat, b'mod intermittenti, bħala sewwieq.

19     Bejn l-1997 u l-2001, Engin Ayaz kien ġie kkundannat diversi drabi minn qrati Ġermaniżi għal reati differenti.

20     Fil-Ġermanja, huwa kellu permess ta' residenza għal żmien limitat u l-aħħar terminu skadielu fil-31 ta' Ottubru 1999.

21     Fit-8 ta' Lulju 1999, huwa talab permess ta' residenza għal żmien illimitat, iżda ma ngħatat ebda deċiżjoni formali dwar din it-talba.

22     Fl-24 ta' Marzu 2000, Engin Ayaz talab għall-estensjoni tal-permess tiegħu ta' residenza għal żmien limitat.

23     Permezz ta' deċiżjoni tad-9 ta' Awwissu 2000, il-Landratsamt Rems-Murr-Kreis ċaħad din l-aħħar talba u ordna lil Engin Ayaz sabiex jitlaq mill-Ġermanja fi żmien xahar min-notifika ta' dan ir-rifjut, u jekk ma jitlaqx, kienet ser tiġi ordnata l-espulsjoni tiegħu lejn it-Turkija.

24     Fl-14 ta' Settembru 2000, Engin Ayaz appella minn din id-deċiżjoni u, fl-istess ħin, talab lill-Verwaltungsgericht Stuttgart sabiex tipprovdilu protezzjoni provviżorja tad-drittijiet tiegħu.

25     Permezz ta' deċiżjoni tat-30 ta' Ottubru, l-imsemmija qorti kkonstatat li l-appell kellu l-effett li jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Landratsamt Rems-Murr-Kreis.

26     Fit-8 ta' Frar 2002, ir-Regierungspräsidium Stuttgart ċaħdet l-appell magħmul minn Engin Ayaz bħala infondat filwaqt li kkunsidrat li dan ta' l-aħħar kien jikkostitwixxi perikolu kbir għas-sigurtà u l-ordni pubbliku minħabba r-reati serji li kien ikkommetta, u li la l-Kostituzzjoni Ġermaniża u lanqas il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ma jipprekludu l-espulsjoni tiegħu.

27     Fil-5 ta' Marzu 2002, Engin Ayaz ressaq appell kontra d-deċiżjoni tar- Regierungspräsidium Stuttgart quddiem il-Verwaltungsgericht Stuttgart.

28     Skond din il-qorti, id-deċiżjoni kkontestata, tat-8 ta' Frar 2002, hija konformi mad-dritt nazzjonali, l-Ausländergesetz (Liġi Ġermaniża dwar il-barranin), li tipprovdi għall-espulsjoni awtomatika ta' barrani li, bħal f'dan il-każ, matul l-aħħar ħames snin, b'kollox ikun ġie kkundannat b'mod definittiv għal tliet snin u nofs ħabs għall-minorenni.

29     Madankollu, huwa xieraq li jiġi vverifikat jekk Engin Ayaz jistax jibbenefika mill-protezzjoni kontra l-espulsjonijiet prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, kif interpretat fis-sentenza ta' l-10 ta' Frar 2000, Nazli (C-340/97, Ġabra p. I-957, punti 50 sa 64). Fil-fatt, minn naħa, minn din is-sentenza jirriżulta li l-imsemmi Artikolu 14(1) jipprekludi l-espulsjoni ta' ċittadin Tork li jibbenefika minn dritt mogħti direttament mid-Deċiżjoni Nru 1/80, meta din il-miżura hija ordnata wara li jkun instab ħati ta' reat u sabiex ikollha effett disważiv fir-rigward ta' barranin oħra, mingħajr ma l-imġiba personali tal-persuna kkonċernata twassal konkretament sabiex wieħed jaħseb li hija ser tikkommetti reati serji oħra li jkunu ta' ħsara għall-ordni pubbliku fl-Istat Membru ospitanti. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tqis li, f'dan il-każ, l-imġiba personali ta' Engin Ayaz ma turix riskju speċifiku ta' effetti serji ġodda fuq l-ordni pubbliku, b'tali mod li, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, id-deċiżjoni ta' espulsjoni għandha tiġi annullata.

30     Madankollu, sabiex din id-dispożizzjoni tkun applikabbli fil-kawża prinċipali, għandu jiġi ddeterminat jekk Engin Ayaz huwiex wieħed mill-persuni protetti mid-Deċiżjoni Nru 1/80.

31     F'dan ir-rigward, Engin Ayaz ma jistax jagħmel użu mid-drittijiet li l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jagħti lill-ħaddiem Tork integrat fis-suq tax-xogħol ta' l-Istat Membru, minħabba l-fatt li huwa ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-dispożizzjoni.

32     Fir-rigward ta' l-applikazzjoni ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, Engin Ayaz lanqas ma jista' jibbenefika minn dritt ta' residenza fil-Ġermanja bis-saħħa ta' ommu peress li hija qatt ma kienet impjegata fl-Istat Membru ospitanti. Min-naħa l-oħra, ir-raġel ta' omm Engin Ayaz jissodisfa kompletament il-kundizzjoni li jifforma legalment parti mis-suq tax-xogħol ta' l-imsemmi Stat, b'tali mod illi tqum il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għandux jiġi kkunsidrat bħala "membru tal-familja" fis-sens ta' din id-dispożizzjoni. Madankollu, ma ngħatat ebda risposta ċara għal din il-kwistjoni.

33     F'dawn iċ-ċirkustanzi, peress li kkunsidrat li s-soluzzjoni tal-kawża teħtieġ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Verwaltungsgericht Stuttgart iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

"Iben il-mara, li għandu anqas minn 21 sena, ta' ħaddiem Tork li jifforma legalment parti mis-suq tax-xogħol ta' Stat Membru, huwa membru tal-familja fis-sens ta' [l-ewwel paragrafu ta'] l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni [Nru] 1/80 […]?"

 Fuq id-domanda preliminari

34     Sabiex tkun tista' tingħata risposta għad-domanda magħmula, preliminarjament għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-kliem stess ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-benefiċċju tad-drittijiet previsti f'din id-dispożizzjoni huwa suġġett għal żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li huma stabbiliti f'din ta' l-aħħar, jiġifieri, minn naħa, li l-persuna kkonċernata tkun membru tal-familja ta' ħaddiem Tork li diġà jifforma legalment parti mis-suq tax-xogħol ta' l-Istat Membru ospitanti u, min-naħa l-oħra, li hija tkun ġiet awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti ta' dan l-Istat sabiex tmur tgħix hemmhekk ma' dan il-ħaddiem.

35     Fir-rigward ta' din it-tieni kundizzjoni, hemm ġurisprudenza stabbilita fis-sens li, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija ma jaffettwawx il-kompetenza ta' l-Istati Membri sabiex jirregolaw id-dħul fit-territorju tagħhom ta' ċittadini Torok u l-kundizzjonijiet ta' l-ewwel attività professjonali tagħhom, u b'hekk l-ewwel dħul ta' tali ċittadin fi Stat Membru huwa, fil-prinċipju, esklużivament irregolat mid-dritt nazzjonali ta' l-imsemmi Stat (ara, l-aktar reċentement, is-sentenza tal-21 ta' Ottubru 2003, Abatay et, C-317/01 u C-369/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 63 u 65).

36     Madankollu, fil-kawża prinċipali, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda biss l-ewwel kundizzjoni, imsemmija fil-punt 34 ta' din is-sentenza.

37     Fir-rigward ta' din il-kundizzjoni, id-domanda magħmula ma tikkonċernax il-kwalità ta' ħaddiem, li jifforma legalment parti mis-suq tax-xogħol ta' l-Istat Membru, taċ-ċittadin Tork li diġà huwa preżenti fit-territorju ta' dan l-Istat – element li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra bħala stabbilit –, iżda tirrigwarda biss il-punt dwar jekk iben il-mara ta' ħaddiem bħal dan huwiex "membru tal-familja", fis-sens ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

38     F'dan ir-rigward, l-imsemmija dispożizzjoni ma tinkludi ebda definizzjoni tal-kunċett ta' "membru tal-familja".

39     Madankollu, dan il-kunċett għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni uniformi fil-livell Komunitarju, sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni konsistenti tiegħu fl-Istati Membri.

40     Għalhekk, il-portata tiegħu għandha tiġi ddeterminata skond l-għan tiegħu u skond il-kuntest li jkun jinsab fih .

41     Minn naħa, kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema implementata mill-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 hija intiża sabiex toħloq kundizzjonijiet favorevoli sabiex il-familja kollha tingħaqad fl-Istat Membru ospitanti, l-ewwel billi tippermetti li l-membri tal-familja jkunu mal-ħaddiem migrant u t-tieni billi, wara ċertu perijodu, tikkonsolida l-pożizzjoni tagħhom hemmhekk permezz tad-dritt li jaħdmu f'dan l-Istat (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta' April 1997, Kadiman, C-351/95, Ġabra p. I-2133, punti 34 sa 36).

42     Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 1612/68 għandu l-istess għan – li, kif ġie rrilevat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 82 u 83 tas-sentenza tat-8 ta' Mejju 2003, Wählergruppe Gemeinsam (C-171/01, Ġabra p. I-4301), huwa li jikkjarifika l-ħtiġijiet ta' l-Artikolu 48 tat-Trattat KE (li wara emenda sar l-Artikolu 39 KE) – u, b'mod partikolari, permezz ta' l-Artikolu 10(1) tiegħu.

43     Fis-sentenza tas-17 ta' Settembru 2002, Baumbast u R (C-413/99, Ġabra p. I-7091, punt 57), il-Qorti tal-Ġustizzja, f'dan ir-rigward, iddeċidiet li d-dritt li jgħixu mal-ħaddiem migrant, li jibbenefikaw minnu "il-mara tiegħu u d-dixxendenti tagħhom li huma taħt l-età ta' 21 sena jew li huma dipendenti" bis-saħħa ta' l-imsemmija dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1612/68 jikkonċerna kemm id-dixxendenti ta' dan il-ħaddiem kif ukoll dawk tal-konjuġi tiegħu.

44     Ġurisprudenza stabbilita mis-sentenza tas-6 ta' Ġunju 1995, Bozkurt (C-434/93, Ġabra p. I-1475, punti 14, 19 u 20), mill-kliem ta' l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u ta' l-Artikolu 36 tal-Protokoll Addizzjonali, kif ukoll mill-għan tad-Deċiżjoni Nru 1/80 li hija intiża sabiex jintlaħaq progressivament il-moviment liberu tal-ħaddiema, iggwidata mill-Artikolu 48 tat-Trattat, l-Artikolu 49 tat-Trattat KE (li wara emenda sar l-Artikolu 40 KE) u l-Artikolu 50 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 41 KE), ikkonkludiet li l-prinċipji stabbiliti f'dawn l-aħħar artikoli għandhom jiġu estizi, safejn huwa possibbli, għaċ-ċittadini Torok li jibbenefikaw mid-drittijiet rikonoxxuti mill-imsemmija deċiżjoni (ara, l-aktar reċentement, is-sentenza Wählergruppe Gemeinsam, iċċitata aktar 'il fuq, punt 72, u, b'analoġija, għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 14 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, is-sentenza Abatay et, iċċitata aktar 'il fuq, punt 112).

45     Minn dan isegwi li, sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-kunċett ta' "membru tal-familja" fis-sens ta' l-ewwel paragrafu l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, għandha ssir referenza għall-interpretazzjoni mogħtija lill-istess kunċett fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema li huma ċittadini ta' l-Istati Membri tal-Komunità u, b'mod aktar speċifiku, għall-portata rikonoxxuta fil-każ ta' l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1612/68 (ara, b'analoġija, is-sentenzi Wählergruppe Gemeinsam, iċċitata aktar 'il fuq, u tas-16 ta' Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-465/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, għal dak li jikkonċerna l-estensjoni ta' l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 8(1) ta' dan ir-regolament għall-għanijiet ta' l-eliġibbiltà tal-ħaddiema Torok għall-elezzjoni ta' korpi bħalma huma l-kmamar tal-ħaddiema jew il-kunsilli tax-xogħlijiet).

46     Barra minn hekk, m'hemm xejn fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 li jista' jagħti l-impressjoni li l-portata tal-kunċett ta' "membru tal-familja" huwa limitat għall-familja mid-demm tal-ħaddiem.

47     L-interpretazzjoni preċedenti hija, barra minn hekk, sostnuta mis-sentenza tal-11 ta' Novembru 1999, Mesbah (C-179/98, Ġabra p. I-7955), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta' "membru tal-familja" ta' ħaddiem migrant Marokkin, fis-sens ta' l-Artikolu 41(1) tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tal-Marokk, iffirmat ir-Rabat fis-27 ta' April 1976 u approvat f'isem il-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2211/78, tas-26 ta' Settembru 1978 (ĠU L 264, p. 1), jestendi għall-axxendenti ta' dan il-ħaddiem u tal-konjuġi tiegħu li jirrisjedu miegħu fl-Istat Membru ospitanti. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni, mogħtija fir-rigward ta' ftehim ta' kooperazzjoni, għandha japplika a fortiori fir-rigward ta' ftehim ta' assoċjazzjoni, li għandu għan ħafna aktar ambizzjuż (ara l-punt 3 ta' din is-sentenza).

48     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li iben il-mara jew ir-raġel, li għandu anqas minn 21 sena jew li huwa dipendenti ta' ħaddiem Tork li jifforma legalment parti mis-suq tax-xogħol ta' Stat Membru huwa membru tal-familja ta' dan il-ħaddiem, fis-sens ta' din id-dispożizzjoni, u jibbenefika mid-drittijiet mogħtija lilu permezz ta' din id-deċiżjoni, ladarba huwa jkun ġie awtorizzat sabiex imur jgħix ma' l-imsemmi ħaddiem fl-Istat Membru ospitanti.

 Fuq l-ispejjeż

49     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, tad-19 ta' Settembru 1980, dwar l-iżvilupp ta' l-Assoċjazzjoni, adottat mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni li kien ġie mwaqqaf mill-ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, għandu jiġi interpretat fis-sens li iben il-mara jew ir-raġel, li għandu anqas minn 21 sena jew li huwa dipendenti ta' ħaddiem Tork li legalment jifforma parti mis-suq tax-xogħol ta' Stat Membru huwa membru tal-familja ta' dan il-ħaddiem, fis-sens ta' din id-dispożizzjoni, u jibbenefika mid-drittijiet mogħtija lilu permezz ta' din id-deċiżjoni, ladarba huwa jkun ġie awtorizzat sabiex imur jgħix ma' l-imsemmi ħaddiem fl-Istat Membru ospitanti

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top