Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002CJ0225

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) ta' l-20 ta' Jannar 2005.
    Rosa García Blanco vs Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) u Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS).
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Juzgado de lo Social nº 3 de Orense - Spanja.
    Sigurtà soċjali għall-ħaddiema migranti - Anzjanità - Qgħad - Perijodi minimi ta' assigurazzjoni - Perijodi ta' assigurazzjoni meħuda in kunsiderazzjoni għall-kalkolu ta' l-ammont tal-benefiċċji iżda mhux għal ksib tad-dritt għal dawn il-benefiċċji - Perijodi ta' qgħad - Aggregazzjoni.
    Kawża C-225/02.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:34

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    20 ta' Jannar 2005 (*)

    "Sigurtà soċjali għall-ħaddiema migranti – Anzjanità – Qgħad – Perijodi minimi ta' assigurazzjoni – Perijodi ta' assigurazzjoni meħuda in kunsiderazzjoni għall-kalkolu ta' l-ammont tal-benefiċċji iżda mhux għal ksib tad-dritt għal dawn il-benefiċċji – Perijodi ta' qgħad – Aggregazzjoni"

    Fil-kawża C-225/02

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Juzgado de lo Social nº 3 de Orense (Spanja), permezz ta' deċiżjoni tat-30 ta' Marzu 2002, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta' Ġunju 2002, fil-kawża

    Rosa García Blanco

     vs

    Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS),

    Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla , R. Silva de Lapuerta, R. Schintgen (Relatur), P. Kūris u G. Arestis, Imħallfin

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: M. Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta' Settembru 2004,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –       għas-Sinjura García Blanco, minn A. Vázquez Conde, abogado,

    –       għall-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) u għat-Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS), minn A. R. Trillo García u A. Llorente Alvarez, bħala aġenti,

    –       għall-Gvern Spanjol, minn E. Braquehais Conesa, bħala aġent,

    –       għall-Gvern Ġermaniż, minn W.-D. Plessing, bħala aġent,

    –       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn H. Michard u I. Martínez del Peral kif ukoll minn D. Martin, bħala aġent,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta' Ottubru 2004,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 12 KE, 39 KE u 42 KE kif ukoll ta' l-Artikoli 45 u 48(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta' l-14 ta' Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, [għall-persuni li jaħdmu għal rashom] u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat u aġġornat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta' Diċembru 1996 (ĠU 1997, L 28, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98 tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU L 209, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 1408/71").

    2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn is-Sinjura García Blanco u l-Instituto Nacional de la Seguridad Social (Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, iktar 'il quddiem l-"INSS") u t-Tesorería General de la Seguridad Social (Fond Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, iktar 'il quddiem it-"TGSS") rigward l-għotja ta' pensjoni ta' l-irtirar taħt il-leġiżlazzjoni Spanjola.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3       L-Artikolu 1(r) tar-Regolament Nru 1408/71 jiddefinixxi l-frażi "perjodi ta' l-assigurazzjoni" bħala:

    "perjodi ta' kontribuzzjoni jew perjodu ta' impjieg jew ta' xogħol għal rasu kif iddefiniti u magħrufa bħala perjodi ta' assigurazzjoni bil-leġiżlazzjoni taħt liema kienu kompluti jew ikkunsidrati bħala kompluti, u l-perjodi kollha meqjusa bħala tali, fejn huma meqjusa mill-imsemmija leġiżlazzjoni bħala ekwivalenti għall-perjodi ta' assigurazzjoni"

    4       L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi:

    "Suġġetti għad-dispożizzjonijiet speċjali ta' dan ir-Regolament, persuni residenti fit-territorju ta' Stat Membru li għalih japplika dan ir-Regolament [i]kunu suġġetti għall-istess obbligazzjonijiet u jgawdu l-istess benefiċċji taħt il-leġiżlazzjoni ta' kwalunkwe Stat Membru bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat."

    5       L-Artikolu 45(1) ta' l-istess Regolament jistabbilixxi l-prinċipju ta' l-aggregazzjoni tal-perijodi ta' l-assigurazzjoni għall-akkwist, iż-żamma jew l-irkupru tad-dritt għall-benefiċċji kif ġej:

    "Fejn il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru tagħmel l-akkwist, ir-retenzjoni u l-irkuprar tad-dritt [għall-]benefiċċji, taħt skema li mhix skema speċjali fl-ambitu tat-tifsira tal-paragrafu 2 jew 3, suġġetti għat-twettiq ta' perjodi ta' assigurazzjoni jew residenza, l-istituzzjoni kompetenti ta' dak l-Istat Membru tieħu inkonsiderazzjoni, fejn meħtieġ, tal-perjodi ta' assigurazzjoni jew residenza mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor, sew jekk taħt skema ġenerali jew taħt skema speċjali u sew jekk bħala persuna impjegata kif ukoll jekk persuna li taħdem għal rasha. Għal dan l-iskop, hija tieħu inkonsiderazzjoni dawn il-perjodi bħallikieku twettqu taħt il-leġiżlazzjoni tagħha."

    6       L-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jiddispondi:

    "Fejn il-kondizzjonijiet meħtieġa mil-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru għall-intitolar tal-benefiċċji jkunu ġew sodisfatti mingħajr ma jkollu jkun applikat l-Artikolu 45 jew l-Artikolu 40(3), [i]kunu japplikaw ir-regoli li ġejjin:

    (a)    l-istituzzjoni kompetenti tikkalkula l-ammont teoretiku tal-benefiċċju li għalih il-persuna kkonċernata tkun tista' tagħmel it-talba basta l-perjodi kollha ta' l-assigurazzjoni u/jew tar-residenza, li kienu mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri li għalihom il-persuna impjegata jew li taħdem għal rasha kienet suġġetta, [i]kunu ġew imwettqa fl-Istat inkwistjoni taħt il-leġiżlazzjoni li hija tamministra fil-jum tal-għoti tal-benefiċċju. Jekk, taħt din il-leġiżlazzjoni, l-ammont tal-benefiċċju huwa indipendenti mit-tul tal-perjodi mwettqa, l-ammont jitqies bħala li jkun l-ammont teoretiku li għalih hemm riferenza f'dan il-paragrafu;

    (b)       l-istituzzjoni kompetenti sussegwentement tiddetermina l-ammont attwali tal-benefiċċju abażi tal-ammont teoretiku li għalih hemm riferenza fil-paragrafu preċedenti skond il-proporzjon tat-tul taż-żmien tal-perjodi ta' assigurazzjoni jew tar-residenza mwettqa qabel il-materjalizzazzjoni tar-riskju taħt il-leġiżlazzjoni li hija tamministra mat-tul taz-żmien totali tal-perjodi ta' assigurazzjoni u tar-residenza mwettqa qabel il-materjalizzazzjoni tar-riskju taħt il-leġiżlazzjonijiet ta' l-Istati Membri kollha kkonċernati

    7       L-Artikolu 48(1) ta' l-istess Regolament jipprevedi eċċezzjoni, fil-qasam ta' l-għotja ta' drittijet għal pensjoni, għall-perijodi ta' assigurazzjoni ta' inqas minn sena, huwa fformulat kif ġej:

    "Minkejja l-Artikolu 46(2), l-istituzzjoni ta' Stat Membru ma tkunx mistennija li tagħti benefiċċji rigward perjodi mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni li tamministra li jittieħdu in konsiderazzjoni meta r-riskju jimmaterjalizza, kemm-il darba:

    –       it-tul ta' l-imsemmija perjodi ma jammontax għal sena,

    u

    –       waqt li jittieħdu dawn il-perjodi biss inkonsiderazzjoni, ebda dritt ta' benefiċċju ma jinkiseb bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta' dik il-leġiżlazzjoni."

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    8       L-Artikolu 161(1)(b) tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali, fil-verżjoni kkodifikata tagħha mid-Digriet Reali Leġiżlattiv 1/94 ta' l-20 ta' Ġunju 1994 (BOE Nru 154, tad-29 ta' Ġunju 1994), kif emendata mil-Liġi 50/98, dwar il-miżuri fiskali, amministrattivi u soċjali (BOE tal-31 ta' Diċembru 1998, iktar 'il quddiem il-"Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali") jissuġġetta l-għoti ta' pensjoni kontributorja ta' l-irtirar għall-ikkompletar ta' perijodu minimu ta' kontribuzzjoni ta' ħmistax-il sena, li għall-inqas tnejn minnhom għandhom ikunu kompluti matul il-ħmistax-il sena li jippreċedu immedjatament iż-żmien meta jiġri l-fatt li jagħti lok għad-dritt għal benefiċċju.

    9       L-Artikolu 218 tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali jipprevedi li meta l-persuna assigurata tibbenefika minn allokazzjoni għall-qgħad, l-Instituto Nacional de Empleo (korp amministrattiv ta' l-assigurazzjoni għall-qgħad, iktar 'il quddiem l-"INEM") għandu jħallas lis-Sigurtà Soċjali kontribuzzjonijiet, għal diversi aspetti, skond in-natura tal-benefiċċju mogħti. B'hekk, skond l-Artikolu 2 ta' din id-dispożizzjoni:

    "Fil-każ ta' għotja tal-qgħad intiża għall-ħaddiema li għandhom iktar minn 52 sena, il-korp amministrattiv għandu jikkontribwixxi wkoll għall-assigurazzjoni għall-anzjanità"

    10     Skond l-Artikolu 215(1)(3) tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali, din l-allokazzjoni għall-qgħad għandha tingħata lill-ħaddiem mingħajr xogħol li kkontribwixxa għall-assigurazzjoni għall-qgħad għal sitt snin u li ssodisfa l-kundizzjonijiet kollha, barra dik ta' l-età, sabiex jikseb pensjoni kontributorja ta' l-irtirar taħt l-iskema tas-sigurtà soċjali Spanjola.

    11     Fl-aħħar nett, it-tmienja u għoxrin dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1999, wara l-promulgazzjoni tal-liġi 50/98, hija fformulata kif ġej:

    "Skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 218(2) ta' din il-liġi, il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-korp amministrattiv taħt l-assigurazzjoni għall-irtirar għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-kalkolu ta' l-ammont bażiku tal-pensjoni ta' l-irtirar u tal-persentaġġ applikabbli għalih. Il-validità u l-effetti ġuridiċi ta' dawn il-kontribuzzjonijiet ma jistgħu qatt ikunu invokati sabiex jipprovaw il-perijodu minimu ta' kontribuzzjoni meħtieġ mill-Artikolu 161(1)(b) ta' din il-liġi, li, skond l-Artikolu 215(1)(3) il-persuna assigurata għandha tipprova meta hija titlob il-benefiċċju ta' l-allokazzjoni [għall-qgħad] prevista għall-persuni [qiegħda] li għandhom iktar minn 52 sena"

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    12     Is-Sinjura García Blanco, imwielda fid-9 ta' Ottubru 1935 u li mietet fl-14 ta' Mejju 2002, talbet, fit-18 ta' Ottubru 2000, fl-età ta' 65 magħluqa, għall-għoti ta' pensjoni ta' l-irtirar skond l-iskemi tas-sigurtà soċjali Ġermaniża u Spanjola. Hija kienet ikkompletat, minn naħa, perijodi ta' assigurazzjoni effettivi li jammontaw għal 209 xhur – iktar minn 17-il sena – taħt il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, bejn l-1 ta' Awwissu 1966 u l-31 ta' Mejju 1984 u total, minn naħa oħra, ta' 4 265 jum ta' kontribuzzjoni taħt il-leġiżlazzjoni Spanjola, li jinqasmu kif ġej:

    –       185 jum, li jirrappreżentaw perijodu kkompletat bejn l-1 ta' Ġunju u t-2 ta' Diċembru 1984 u li matulu l-persuna kkonċernata rċeviet l-allokazzjoni kontributorja għal qgħad u ġew imħallsa kontribuzzjonijiet fir-rigward ta' l-oqsma kollha ta' assigurazzjoni soċjali statutorja Spanjola, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-assigurazzjoni għall-anzjanità, mill-INEM f'isem ir-rikorrenti fil-kawża prinċipli;

    –       4 080 jum, li jirrappreżentaw perijodu kkompletat mis-Sinjura García Blanco bejn id-9 ta' Awwissu 1989 u d-9 ta' Ottubru 2000, li matulu din ta' l-aħħar irċeviet il-kumpens għall-qgħad previst għall-persuni qiegħda li għandhom iktar minn 52 sena u kontribuzzjonijiet ġew imħallsa f'isimha mill-INEM, fir-rigward ta' l-assigurazzjoni għall-anzjanità biss.

    13     Mill-proċess, jirriżulta li, wara l-mewt ta' ommha, li magħha hija kienet tgħix, is-Sinjura García Blanco rċeviet pensjoni għall-membri tal-familja mill-1 ta' Diċembru 1989.

    14     Is-Sinjura García Blanco kisbet pensjoni mħallsa mill-iskema tas-sigurtà soċjali Ġermaniża. Min-naħa l-oħra, permezz ta' deċiżjoni tas-27 ta' April 2001, l-INSS irrifjuta li jagħtiha pensjoni ta' l-irtirar minħabba li hi ma kinitx ikkompletat, fi Spanja, il-perijodu minimu ta' kontribuzzjoni meħtieġ sabiex wieħed jikseb id-dritt għal pensjoni. Fil-fatt, skond l-INSS, skond it-tmienja u għoxrin dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali, il-perijodu ta' 4 080 jum, li matulu l-INEM ħallas kontribuzzjonijiet f'isem is-Sinjura García Blanco, bħala l-benefiċjarja ta' l-allokazzjoni speċjali għall-qgħad, ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni. F'dak li jikkonċerna l-bqija tal-perijodu ta' 185 jum, li matulu kontribuzzjonijiet kienu wkoll ġew imħallsa f'isimha, waqt li hija kienet qed tirċievi fi Spanja allokazzjonijiet kontributorji taħt l-assigurazzjoni statutorja għall-qgħad, dan ukoll ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni, skond l-Artikolu 48(1) tar-Regolament Nru 1408/71, peress li t-tul taż-żmien tiegħu huwa inqas minn sena.

    15     F'Mejju 2001, is-Sinjura García Blanco ressqet rikors kontra l-INSS u t-TGSS quddiem il-Juzgado de lo Social n° 3 de Orense, sabiex din ta' l-aħħar tiddikjara li hija kellha d-dritt li tirċievi, mill-10 ta' Ottubru 2000, pensjoni ta' l-irtirar taħt il-leġiżlazzjoni Spanjola.

    16     L-ewwel nett, skond il-qorti tar-rinviju, tqum il-kwistjoni jekk it-tmienja u għoxrin dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali tistax teskludi, b'mod validu, it-teħid in kunsiderazzjoni ta' 4 265 jum ta' kontribuzzjonijiet previsti fil-punt 12 ta' din is-sentenza, sabiex jiġi vverifikat jekk il-perijodu ta' assigurazzjoni in kwistjoni jaqbiżx perijodu ta' sena, b'tali mod li, jekk tista' tagħmel dan, skond l-Artikolu 48(1) tar-Regolament 1408/71, l-INSS ma jkunx obbligat li jagħti benefiċċji relatati biss ma' dan il-perijodu.

    17     It-tieni nett, tqum il-kwistjoni jekk l-imsemmija dispożizzjoni addizzjonali, safejn din teskludi t-teħid in kunsderazzjoni ta' ċerti kontribuzzjonijiet, bħal dawk imħallsa biss taħt l-assigurazzjoni għall-anzjanità, għall-kalkolu tal-perijodi kontributorji previsti fl-Artikolu 161(1)(b) ta' l-istess liġi, tiddiskriminax jew le kontra l-ħaddiema migranti, peresss illi dawn għandhom ikunu ġew kompluti fid-data li fiha titressaq it-talba għall-allokazzjoni għall-qgħad għal persuna qiegħda li għandha iktar minn 52 sena.

    18     Il-qorti tar-rinviju tirreferi, f'dan ir-rigward, għall-każ ta' ħaddiema li rċevew l-imsemmija allokazzjonijiet għall-qgħad billi stabbilixxew il-perijodu kontributorju permezz tat-teħid in kunsiderazzjoni tal-perijodi ta' assigurazzjoni kompluti taħt il-leġiżlazzjoni ta' wieħed jew iktar Stati Membri, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenzi ta' l-20 ta' Frar 1997, Martínez Losada e.a., C-88/95, C-102/95 u C-103/95. Ġabra p. I‑869 u tal-25 ta' Frar 1999, Ferreiro Alvite, C-320/95, Ġabra p. I‑951).

    19     Issa, dawn l-istess ħaddiema ma jistgħux jippretendu li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa mill-INEM, taħt l-assigurazzjoni għall-anzjanità, matul il-perijodu li fih huma rċevew l-allokazzjoni għall-qgħad, u dan sabiex tiġi sodisfatta l-kundizzjoni tal-perijodu ta' assigurazzjoni minimu previst fl-Artikolu 161(1)(b) tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali.

    20     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social nº 3 de Orense ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    "1)      L-Artikolu 12 KE u l-Artikoli 39 KE sa 42 KE [...] kif ukoll l-Artikolu 45 tar-Regolament [...] Nru 1408/71 [...] jipprekludu dispożizzjoni ta' dritt nazzjonali li tipprovdi li l-kontribuzzjonijiet li l-korp amministrattiv ta' l-assigurazzjoni għall-qgħad ħallas taħt l-assigurazzjoni għall-irtirar f'isem ħaddiem għall-perijodu li matulu dan irċieva ċerti allokazzjonijiet għall-qgħad ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-kalkolu ta' perijodi kontributorji differenti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u għall-ksib tad-dritt għall-benefiċċju ta' l-anzjanità meta, minħabba l-perijodu twil ta' qgħad li dawn l-allokazzjonijiet għandhom bħala għan li jikkumpensaw, huwa assolutament impossibbli li dan il-ħaddiem jagħti prova ta' kontribuzzjonijiet oħra lill-iskema ta' l-assigurazzjoni għall-anzjanità għajr dawk li kienu invalidati mil-liġi, b'tali mod li l-uniċi ħaddiema effettwati minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali huma dawk li għamlu użu mid-dritt għall-moviment liberu li ma jistgħux jiksbu l-benefiċċju tal-pensjoni nazzjonali għall-irtirar għalkemm, skond l-Artikolu 45 tar-Regolament, iċċitat iktar 'il fuq, dawn il-perijodi kontributorji għandhom jiġu kkunsidrati bħala li ġew kompluti?

    2)      L-Artikolu 12 KE u l-Artikoli 39 KE sa 42 KE [...] kif ukoll l-Artikolu 45 tar-Regolament [...] Nru 1408/71 [...] jipprekludu dispożizzjonijiet ta' dritt nazzjonali li jipprovdu li l-kontribuzzjonijiet li l-korp amministrattiv ta' l-assigurazzjoni għall-qgħad ħallas taħt l-assigurazzjoni għall-irtirar f'isem ħaddiem għall-perijodu li matulu dan irċieva ċerti allokazzjonijiet għall-qgħad ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex ikun jista' jiġi ddeterminat li "it-tul taż-żmien totali tal-perijodi ta' assigurazzjoni jew ta' residenza kompluti taħt il-leġiżlazzjoni ta' dan l-Istat Membru jammonta għal sena", meta, minħabba l-perijodu twil ta' qgħad li dawn l-allokazzjonijiet għandhom bħala għan li jikkumpensaw, huwa assolutament impossibbli li dan il-ħaddiem jagħti prova ta' kontribuzzjonijiet oħra lill-iskema ta' l-assigurazzjoni għall-irtirar għajr dawk li kienu dovuti u li ġew imħallsa matul il-perijodu tal-qgħad, bir-riżultat li l-uniċi ħaddiema effettwati minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali huma dawk li għamlu użu mid-dritt għall-moviment liberu li ma jistgħux jiksbu l-benefiċċju tal-pensjoni nazzjonali għall-irtirar għalkemm, skond l-Artikolu 48(1) tar-Regolament iċċitat iktar 'il fuq, il-korp amministrattiv nazzjonali ma jistax ikun eżentat mill-obbligu li jagħti benefiċċji nazzjonali?"

    21     Permezz ta' ittra tat-8 ta' April 2003, l-INSS informa lill-Qorti tal-Ġustizzja li, permezz ta' deċiżjoni tat-3 ta' April 2003, il-pensjoni statutorja ta' l-irtirar mitluba mis-Sinjura García Blanco, li sadattant mietet, kienet ġiet mogħtija lil din ta' l-aħħar mill-10 ta' Ottubru 2000. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni stiednet lit-tifla tal-mejta, bħala aventi kawża, tagħżel bejn din il-pensjoni ta' l-irtirar u l-allokazzjoni għall-membri tal-familja li kienet ġiet mogħtija lilha qabel, peress li dawn iż-żewġ benefiċċji mhumiex kumulattivi. Il-persuna kkonċernata għażlet din l-allokazzjoni li l-ammont tagħha huwa ikbar minn dak ta' pensjoni ta' l-irtirar.

    22     Fl-10 ta' April 2003, ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja staqsa lill-qorti tar-rinviju jekk dawn iċ-ċirkustanzi jfissrux l-irtirar tat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn din ta' l-aħħar.

    23     Permezz ta' ittra tal-11 ta' April 2003, l-imsemmija qorti wieġbet li hija kienet qed tikkonferma t-talba tagħha, b'mod partikolari minħabba l-fatt li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża prinċipali tista' tkun ta' użu għaliha fi proċedimenti oħra pendenti quddiemha.

    24     Permezz ta' ittri tas-7 ta' Lulju u t-18 ta' Settembru 2003, ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja reġa' talab lill-qorti tar-rinviju tippreċiżalu jekk il-kontroversja fil-kawża prinċipali kinitx għadha pendenti quddiemha. Huwa enfasizza, f'dan ir-rigward, li talba għal deċiżjoni preliminari tista' titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja biss fil-kuntest ta' proċedimenti pendenti quddiem qorti nazzjonali u fakkar li kien possibbli għall-Juzgado de lo Social n° 3 de Orense li tressaq l-istess domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' kontroversja oħra pendenti quddiemha.

    25     Fir-risposta tagħha tas-7 ta' Ottubru 2003, il-qorti tar-rinviju kkonfermat li l-kontroversja fil-kawża prinċipali ma kinitx intemmet, fis-sens li, b'mod partikolari, l-aventi kawża tal-mejta ma kinitx irrinunzjat l-azzjoni tagħha u li l-konvenuti ma kinux irrevokaw formalment id-deċiżjoni inizjali ta' ċaħda ta' pensjoni, deċiżjoni li kontriha kienet tressqet l-azzjoni fil-kawża prinċipali.

     Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

    26     Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-proċedura prevista fl-Artikolu 234 KE hija strument ta' kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha, dik ta' l-ewwel tipprovdi lil dawn ta' l-aħħar l-elementi ta' interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li huma jeħtieġu sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu l-kawżi miġjuba quddiemhom (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta' Novembru 1990, Gmurzynska-Bscher, C-231/89, Ġabra p. I-4003, punt 18; tat-12 ta' Marzu 1998, Djabali, C-314/96, Ġabra p. I-1149, punt 17, kif ukoll tal-21 ta' Jannar 2003, Bacardi-Martini u Cellier des Dauphins, C-318/00, Ġabra p. I-905, punt 41).

    27     Għaldaqstant jirriżulta kemm mill-kliem kif ukoll mill-ispirtu ta' l-Artikolu 234 KE li l-proċedura preliminari tippresupponi li kontroversja hija effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fuqha huma msejħa jagħtu deċiżjoni li tista' tieħu in kunsiderazzjoni s-sentenza preliminari (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta' Ġunju 1995, Zabala Erasun et, C-422/93 sa C-424/93, Ġabra p. I-1567, punt 28 u Djabali, iċċitata iktar 'il fuq, punt 18).

    28     Fil-fatt, il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari mhijiex il-formulazzjoni ta' opinjonijiet konsultattivi fuq domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-bżonn inerenti li tiġi effettivament solvuta kontroversja (sentenzi Djabali, iċċitata iktar 'il fuq, punt19; Bacardi-Martini u Cellier des Dauphins, iċċitata iktar 'il fuq, punt 42, kif ukoll tal-25 ta' Marzu 2004, Azienda Agricola Ettore Ribaldi et, C-480/00 sa C-482/00, C-484/00, C-489/00 sa C-489/00 sa C-491/00 u C-497/00 sa C-499/00, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 72).

    29     Issa, fil-kawża prinċipali, wara li l-Juzgado de lo Social nº 3 de Orense ressqet it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-pensjoni ta' l-irtirar mitluba mis-Sinjura García Blanco, taħt l-iskema tas-sigurtà soċjali, ingħatatliha, b’effett mid-data li fiha hija setgħet tibbenefika mid-drittijiet tagħha għal pensjoni ta' l-irtirar. Barra minn hekk, huwa kostanti li t-tifla tas-Sinjura García Blanco rrinunzjat, bħala aventi kawża, għal din il-pensjoni statutorja sabiex tirċievi l-allokazzjoni għall-membri tal-familja.

    30     Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li t-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu kompletament milqugħa.

    31     Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi mressqa mill-Juzgado de lo Social nº 3 de Orense ma tkunx ta' ebda użu għal din ta' l-aħħar.

    32     Konsegwentament, m'hemmx lok li tingħata risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari.

     Fuq l-ispejjeż

    33     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

    Mhemmx lok li tingħata risposta għad-domanda preliminari fil-kawża C-225/02.

    Firem.


    * Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top