Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002CJ0183

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-11 ta' Novembru 2004.
    Daewoo Electronics Manufacturing España SA (Demesa) (C-183/02 P) u Territorio Histórico de Álava - Diputación Foral de Álava (C-187/02 P) vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
    Appell - Għajnuna mill-Istat - Miżuri fiskali - Aspettattivi leġittimi - Motivi ġodda.
    Każijiet Magħquda C-183/02 P u C-187/02 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:701

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    11 ta' Novembru 2004 (*)

    "Appell – Għajnuna mill-Istat – Miżuri fiskali – Aspettattivi leġittimi – Motivi ġodda"

    Fil-kawżi magħquda C-183/02 P u C-187/02 P,

    li għandhom bħala suġġett żewġ appelli taħt l-Artikolu 49 ta' l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressqa fil-15 u s-16 ta' Mejju 2002, rispettivament,

    Daewoo Electronics Manufacturing España SA (Demesa), stabbilita f'Vitoria (Spanja), irrappreżentata minn A. Creus Carreras u B. Uriarte Valiente, abogados,

    rikorrenti fil-kawża C-183/02 P,

    Territorio Histórico de Álava – Diputación Foral de Álava, irrappreżentat minn A. Creus Carreras, B. Uriarte Valiente u M. Bravo-Ferrer Delgado, abogados,

    rikorrent fil-kawża C-187/02 P,

    sostnut minn

    Comunidad Autónoma del País Vasco, irrappreżentata minn E. Garayar Gutiérrez, abogado,

    intervenjenti fl-appell,

    bil-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn F. Santaolalla Gadea u J. L. Buendía Sierra, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    Asociación Nacional de Fabricantes de Electrodomésticos de Línea Blanca (ANFEL), stabbilita f'Madrid (Spanja),

    u

    Conseil européen de la construction d'appareils domestiques (CECED), stabbilit fi Brussell (il-Belġju),

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, C. Gulmann (Relatur) u N. Colneric, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: M. Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali,

    wara l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta' Marzu 2004,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta' Mejju 2004,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Permezz ta' l-appelli tagħhom, Daewoo Electronics Manufacturing España SA (aktar 'il quddiem "Demesa") u t-Territorio Histórico de Álava – Diputación Foral de Álava (aktar 'il quddiem it-"Territorio Histórico de Álava") jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-6 ta' Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni (T-127/99, T-129/99 u T-148/99, Ġabra p. II-1275, aktar 'il quddiem is-"sentenza appellata"), li annullat parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/718/KE, ta' l-24 ta' Frar 1999, li tikkonċerna l-għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur Daewoo Electronics Manufacturing España SA (Demesa) (ĠU L 292, p. 1, aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), u li, fir-rigward tal-kumplament, ċaħdet ir-rikorsi tagħhom għal annullament kontra din id-deċiżjoni.

     Il-kuntest ġuridiku

    2       Is-sistema tat-taxxa fis-seħħ fil-Pajjiż Bask Spanjol hija rregolata mill-ftehim ekonomiku stabbilit mil-Liġi Spanjola Nru 12/1981, tat-13 ta' Mejju 1981, li sussegwentement ġiet emendata mil-Liġi Nru 38/1997, ta' l-4 ta' Awwissu 1997.

    3       Bis-saħħa ta' din il-leġiżlazzjoni, id-Diputación Foral de Álava jista', taħt ċerti kundizzjonijiet, jorganizza s-sistema tat-taxxa applikabbli fit-territorju tiegħu.

    4       Fuq din il-bażi, huwa adotta, b'mod partikolari, miżura fiskali, taħt il-forma ta' kreditu tat-taxxa ta' 45% ta' l-ammont ta' l-investiment (aktar 'il quddiem il-"kreditu tat-taxxa ta' 45%" jew il-"miżura fiskali kkontestata").

    5       Is-sitt dispożizzjoni addizzjonali tan-Norma Foral Nru 22/1994, ta' l-20 ta' Diċembru 1994, dwar l-implementazzjoni tal-baġit tat-Territorio Histórico de Álava għas-sena 1995 (Boletín Oficial del Territorio Histórico de Álava Nru 5, du 13 janvier 1995), tipprovdi li:

    "L-investimenti f'assi materjali ġodda, li jsiru bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Diċembru 1995, li jaqbżu ESP 2 500 miljun skond il-ftehim tad-Diputación Foral de Álava, jibbenefikaw minn kreditu tat-taxxa ta' 45% ta' l-ammont ta' l-investiment iddeterminat mid-Diputación Foral de Álava, li għandu jiġi applikat għall-ammont finali tat-taxxa li għandha titħallas.

    Kreditu tat-taxxa, li ma jiġix użat minħabba li jaqbeż l-ammont tat-taxxa li għandha titħallas, jista' jiġi applikat fid-disa' snin ta' wara s-sena li matulha ġie konkluż il-ftehim tad-Diputación Foral de Álava.

    Dan il-ftehim tad-Diputación Foral de Álava għandu jistabbilixxi t-termini u r-restrizzjonijiet applikabbli f'kull każ.

    Il-vantaġġi mogħtija bis-saħħa ta' din id-dispożizzjoni huma inkompatibbli ma' kull vantaġġ fiskali ieħor li jeżisti minħabba dawn l-istess investimenti.

    Id-Diputación Foral de Álava għandu wkoll jiddetermina t-tul tal-proċess ta' investiment, li jista' jinkludi investimenti magħmula matul il-fażi ta' preparazzjoni tal-proġett li huwa l-bażi ta' l-investimenti."

    6       Il-validità ta' din id-dispożizzjoni ġiet estiża għas-snin 1996 u 1997, imbagħad il-kreditu tat-taxxa ta' 45% inżamm, taħt forma emendata, għas-snin 1998 u 1999, permezz ta' Normas Forales sussegwenti.

     Il-fatti li wasslu għall-kawża

    7       Fit-13 ta' Marzu 1996, l-awtoritajiet Baski u Daewoo Electronics Co. Ltd (aktar 'il quddiem "Daewoo Electronics") iffirmaw ftehim ta' kooperazzjoni li permezz tiegħu din ta' l-aħħar impenjat ruħha li twaqqaf fabbrika ta' produzzjoni ta' refriġeraturi fil-Pajjiż Bask. Min-naħa tagħhom, l-awtoritajiet Baski impenjaw rwieħhom li jsostnu dan il-proġett permezz ta' l-għotja ta' sussidji.

    8       L-impriża mwaqqfa minn Daewoo Electronics kellha tifformula pjan ta' negozju li l-approvazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet Baski kienet kundizzjoni preliminari sabiex jiġi implementat il-ftehim. Dan il-pjan, li jirrigwarda l-perijodu bejn l-1996 u l-2001, ġie ppreżentat lill-awtoritajiet Baski f'Settembru 1998. Huwa kien jipprovdi għal investiment ta' ESP 11 835 600 000 u l-ħolqien ta' 745 impjieg.

    9       Fis-7 ta' Ottubru 1996 ġiet imwaqqfa Demesa, kumpannija rregolata mid-dritt Spanjol sussidjarja 100% ta' Daewoo Electronics.

    10     Bis-saħħa tal-ftehim Nru 737/1997, tal-21 ta' Ottubru 1997, tad-Diputación Foral de Álava, Demesa kisbet il-kreditu tat-taxxa ta' 45% previst mis-sitt dispożizzjoni addizzjonali tan-Norma Foral Nru 22/1994.

    11     Fil-11 ta' Ġunju 1996, l’Asociacíon Nacional de Fabricantes de Electrodomésticos de Línea Blanca (ANFEL) ippreżentat ilment lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kontra r-Renju ta' Spanja. Hija lmentat li dan l-Istat Membru implementa għajnuna favur Demesa taħt forma, b'mod partikolari, ta' miżuri fiskali. Il-Conseil européen de la construction d’appareils domestiques (CECED) ippreżenta lment lill-Kummissjoni fl-istess sens.

    12     Wara skambju ta' ittri, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Spanjoli, permezz ta' ittra tas-16 ta' Diċembru 1997, bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 93(2) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88(2) KE) għal dak li jikkonċerna, b'mod partikolari, il-kreditu tat-taxxa ta' 45% mogħti lil Demesa.

    13     Fi tmiem il-proċedura, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

    14     Fl-Artikolu 1(d) ta' din id-deċiżjoni, il-kreditu tat-taxxa ta' 45% mogħti lil Demesa huwa kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni.

    15     Fl-Artikolu 2 ta' l-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni tordna lir-Renju ta' Spanja tirtira l-vantaġġ ipprokurat illegalment permezz ta' l-għajnuna in kwistjoni mogħtija lill-benefiċjarju tagħha.

     Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza appellata

    16     Permezz ta' rikorsi ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-25 ta' Mejju, fis-26 ta' Mejju u fit-18 ta' Ġunju 1999, rispettivament, it-Territorio Histórico de Álava (kawża T-127/99), il-Comunidad Autónoma del País Vasco u Gasteizko Industria Lurra SA (kawża T-129/99) kif ukoll Demesa (kawża T-148/99) ressqu kawżi kontra l-Kummissjoni.

    17     Kull waħda mir-rikorrenti talbet l-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni kkontestata.

    18     Permezz ta' digrieti tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Frar 2000, l-Asociacíon Nacional de Fabricantes de Electrodomésticos de Línea Blanca u l-Conseil européen de la construction d’appareils domestiques ġew awtorizzati jintervjenu in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

    19     Permezz ta' digriet tal-5 ta' Ġunju 2001, it-tliet kawżi ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

    20     Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim'Istanza, b'mod partikolari:

    –       tiċħad ir-rikorsi tat-Territorio Histórico de Álava u ta' Demesa safejn dawn jikkonċernaw l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għal dak li jikkonċerna l-kreditu tat-taxxa ta' 45%;

    –       tiddikjara inammissibbli r-rikorsi tal-Comunidad Autónoma del País Vasco u ta' Gasteizko Industria Lurra SA safejn huma intiżi sabiex jiksbu l-istess annullament;

    –       tordna kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

     L-appelli

    21     Permezz ta' digriet tat-23 ta' Ottubru 2002, il-Qorti tal-Prim'Istanza awtorizzat lill-Comunidad Autónoma del País Vasco sabiex tintervjeni in sostenn tat-talbiet tat-Territorio Histórico de Álava.

    22     Permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Marzu 2003, ġiet miċħuda talba għal intervent in sostenn tat-talbiet ta' Demesa mill-Gobierno Foral de Navarra (Gvern ta' Navarra).

    23     Demesa titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

    –       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    –       tiddeċiedi l-kawża hija stess billi tannulla l-Artikoli 1(d) u 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

    –       sussidjarament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza;

    –       tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-proċedura ta' l-ewwel istanza u dawk tal-proċedura ta' l-appell.

    24     It-Territorio Histórico de Álava jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

    –       tannulla s-sentenza appellata;

    –       tiddeċiedi l-kawża hija stess billi tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn din tikkonċerna l-kreditu tat-taxxa ta' 45%;

    –       sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza;

    –       tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-proċedura ta' l-ewwel istanza u dawk tal-proċedura ta' l-appell.

    25     Il-Comunidad Autónoma del País Vasco titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

    –       tannulla parzjalment is-sentenza appellata safejn hija tikkonkludi li l-kreditu tat-taxxa ta' 45% jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat;

    –       tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-proċedura.

    26     Peress li, matul il-proċedura orali, irtirat eċċezzjoni ta' inammissibbiltà ta' l-appell imressaq mit-Territorio Histórico de Álava, fiż-żewġ kawżi C-183/02 P u C-187/02 P, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, b'mod definittiv, sabiex:

    –       tiċħad l-appelli;

    –       tordna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

     Il-motivi għall-annullament tas-sentenza appellata

    27     Fir-rikors tagħha, Demesa ressqet ħames motivi għall-annullament tas-sentenza appellata bbażati fuq:

    –       klassifikazzjoni żbaljata tal-miżura fiskali kkontestata bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni;

    –       nuqqas ta' motivazzjoni tas-sentenza appellata dwar dan il-punt;

    –       żball tal-liġi magħmul mill-Qorti tal-Prim'Istanza safejn iddeċidiet li l-miżura kkontestata ma kinitx għajnuna eżistenti;

    –       nuqqas ta' motivazzjoni tas-sentenza appellata dwar dan il-punt

    –       żball tal-liġi magħmul mill-Qorti tal-Prim'Istanza safejn iddeċidiet li l-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi mhuwiex applikabbli.

    28     Permezz tan-nota tagħha ppreżentata fl-20 ta' Frar 2004, hija informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li kienet ser iżżomm motiv wieħed biss li hu dak ibbażat fuq il-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi u li kienet qiegħda tirrinunzja għall-motivi l-oħra tagħha.

    29     Fir-rikors tiegħu, it-Territorio Histórico de Álava jressaq sitt motivi għall-annullament tas-sentenza appellata, ibbażati fuq:

    –       klassifikazzjoni żbaljata tal-miżura fiskali kkontestata bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni;

    –       nuqqas ta' motivazzjoni tas-sentenza appellata dwar dan il-punt;

    –       żball tal-liġi magħmul mill-Qorti tal-Prim'Istanza safejn iddeċidiet li l-miżura kkontestata ma kinitx għajnuna eżistenti;

    –       nuqqas ta' motivazzjoni tas-sentenza appellata dwar dan il-punt;

    –       żball tal-liġi magħmul mill-Qorti tal-Prim'Istanza safejn ma rrikonoxxietx l-eżistenza ta' abbuż ta' poter tal-Kummissjoni;

    –       nuqqas ta' motivazzjoni tas-sentenza appellata dwar dan il-punt.

    30     Permezz ta' nota ppreżentata fl-20 ta' Frar 2004, huwa informa lill-Qorti tal-Ġustizzja li:

    –       kien ser iżomm parti mill-ewwel u mit-tieni motivi bbażati, rispettivament, fuq klassifikazzjoni żbaljata tal-miżura fiskali kkontestata bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni u fuq nuqqas ta' motivazzjoni tas-sentenza appellata dwar dan il-punt;

    –       kien ser iżomm il-ħames u s-sitt motivi tiegħu bbażati, rispettivament, fuq l-eżistenza ta' abbuż ta' poter u ta' nuqqas ta' motivazzjoni tas-sentenza appellata dwar dan il-punt;

    –       kien ser jirrinunzja għall-motivi l-oħra tiegħu.

     Fuq l-appelli

    31     Peress li l-partijiet u l-Avukat Ġenerali nstemgħu fuq dan il-punt, hemm lok li, minħabba l-konnessjoni tagħhom flimkien, dawn il-kawżi jiġu magħquda għall-finijiet tas-sentenza skond l-Artikolu 43 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

     Fuq il-motiv ta' Demesa bbażat fuq il-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi

     L-argumenti tal-partijiet

    32     Quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, Demesa invokat il-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi. Hija rreferiet għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/337/KEE, ta' l-10 ta' Mejju 1993, li tikkonċerna sistema ta' għajnuniet fiskali għall-investiment fil-Pajjiż Bask (ĠU L 134, p. 25). Hija ssostni li din id-deċiżjoni kienet ikklassifikat bħala inkompatibbli mas-suq komuni, minħabba li kienu jmorru kontra l-Artikolu 52 tat-Trattat KE (li wara emenda sar l-Artikolu 43 KE), krediti tat-taxxa għall-investimenti li jsiru. Demesa sostniet li d-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex il-leġiżlazzjoni reġjonali tiġi adattata skond id-Deċiżjoni 93/337 kienu ġew meħuda u li l-Kummissjoni kienet tat il-kunsens tagħha għas-soluzzjoni adottata. Għaldaqstant, kemm l-awtoritajiet Spanjoli kif ukoll il-Kummissjoni kienu kkunsidraw li l-problema kienet waħda magħluqa. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni qatt ma bdiet proċedura fir-rigward ta' għajnuna mill-Istat u lanqas ressqet xi oġġezzjoni kontra r-regoli tat-taxxa simili adottati sussegwentement. B'dan il-mod hija ħolqot aspettattiva leġittima għal Demesa, kif ukoll għal kull operatur ieħor suġġett għal-leġiżlazzjoni reġjonali kkonċernata, li l-miżuri fiskali adottati mid-Diputación Foral de Álava kienu awtorizzati mill-Kummissjoni peress li dawn ma kienu jinvolvu ebda ksur ta' l-Artikolu 52 tat-Trattat.

    33     Demesa tilmenta li fil-punti 234 et seq tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet il-motiv tagħha minħabba li l-miżura fiskali kkontestata ma kinitx ġiet innotifikata minn qabel, kuntrarjament għar-rekwiżiti ta' l-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88(3) KE).

    34     Fil-fehma tagħha, fil-kuntest tal-politika segwita mill-Kummissjoni fil-mument li saret it-talba għall-applikazzjoni tal-kreditu tat-taxxa ta' 45%, kien eċċessiv li operatur ikun meħtieġ jivverifika jekk il-miżura fiskali li kienet applikabbli għalih kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 92 tat-Trattat KE (li wara emenda sar l-Artikolu 87 KE) u li kellha, konsegwentement, tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni.

    35     Għalhekk Demesa kellha raġun li tinvoka l-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi.

    36     Ir-rikorrenti ssostni li d-dikjarazzjoni ta' inkompatibbiltà li tinsab fid-Deċiżjoni 93/337 kienet ibbażata fuq il-konstatazzjoni ta' ksur ta' l-Artikolu 52 tat-Trattat, u mhux ukoll, kif ikkunsidrat il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 237 tas-sentenza appellata, fuq il-konstatazzjoni ta' ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fir-rigward ta' għajnuna mill-Istat.

    37     Fi kwalunkwe każ, il-miżuri kkontestati fid-Deċiżjoni 93/337 kienu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fuq il-bażi ta' tliet kriterji ta' selettività (selettività reġjonali, settorjali u materjali) li, skond Demesa, ma setgħux jiġu applikati għal dak li jikkonċerna l-miżura fiskali kkontestata. Għaldaqstant, l-imsemmija deċiżjoni ma setgħetx tiġi invokata sabiex jiġi sostnut li hija kellha tikkunsidra li l-kreditu tat-taxxa ta' 45% kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u, konsegwentement, kellu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni.

    38     Il-Kummissjoni ssostni li, meta l-kreditu tat-taxxa ġie mogħti lil Demesa, ċerti elementi kienu juru b'mod ċar li dawn kienu għajnuniet mill-Istat.

    39     B'mod partikolari, id-Deċiżjoni 93/337 kienet ikkunsidrat li xi miżuri simili kienu jikkonsistu f'għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni. Din id-dikjarazzjoni ta' inkompatibbiltà ma kinitx marbuta biss ma ksur tal-libertà ta' stabbiliment, iżda wkoll, kif irrilevat il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 237 tas-sentenza appellata, mal-ksur ta' diversi regoli li jirrigwardaw l-għajnuna.

    40     Barra minn hekk, huwa ċar li d-Deċiżjoni 93/337 setgħet biss tkun ibbażata fuq il-konstatazzjoni preliminari li l-miżuri in kwistjoni kellhom karattru ta' għajnuna mill-Istat.

    41     Madankollu, Demesa ma vverifikatx jekk l-għajnuna li kienet qed tirċievi kinitx ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni.

    42     Fi kwalunkwe każ, fin-nuqqas ta' notifika minn qabel tal-miżura fiskali kkontestata, ir-rikorrenti ma setgħetx targumenta li l-Kummissjoni kienet naqset milli tieħu azzjoni.

    43     Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament ikkunsidrat li ma kienx hemm aspettattiva leġittima.

     Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    44     Għandu jiġi mfakkar, minn naħa, li, fid-dawl tal-fatt li huwa obbligatorju għall-Kummissjoni li tikkontrolla l-għajnuniet mill-Istat skond l-Artikolu 93 tat-Trattat, fil-prinċipju, l-impriżi benefiċjarji ta' għajnuna ma jistgħux ikollhom aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-regolarità ta' għajnuna ħlief jekk din tkun ġiet mogħtija lilhom b'ħarsien tal-proċedura prevista fl-imsemmi artikolu u, min-naħa l-oħra, li operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun f'pożizzjoni li jassigura ruħu li din il-proċedura tkun ġiet imħarsa (is-sentenzi ta' l-20 ta' Settembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-5/89, Ġabra p. I-3437, punt 14; ta' l-14 ta' Jannar 1997, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-169/95, Ġabra p. I-135, punt 51, u ta' l-20 ta' Marzu 1997, Alcan Deutschland, C-24/95, Ġabra p. I-1591, punt 25).

    45     B'mod partikolari, meta għajnuna hija implementata mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni, b'mod illi hija illegali skond l-Artikolu 93(3) tat-Trattat, il-benefiċjarju ta' l-għajnuna ma jistax, f'dak il-mument, ikollu aspettattiva leġittima fir-rigward tar-regolarità ta' l-għotja tagħha (ara s-sentenza Alcan Deutschland, iċċitata aktar 'il fuq, punti 30 u 31).

    46     F'dan il-każ, fil-punt 235 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li ma kienx ikkontestat li l-kreditu tat-taxxa ta' 45% kien ġie stabbilit mingħajr notifika minn qabel, bi ksur ta' l-Artikolu 93(3) tat-Trattat.

    47     Fil-punt 236 tas-sentenza appellata, filwaqt li għamlet riferiment, b'mod partikolari, għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata aktar 'il fuq, hija kkonkludiet ġustament minn din il-konstatazzjoni li l-argumenti bbażati fuq il-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettativi leġittimi ma setgħux jiġu milqugħa.

    48     Fil-punt segwenti ta' l-istess sentenza, hija ddikjarat ġustament li dawn l-argumenti tar-rikorrenti kienu bbażati fuq qari żbaljat tad-Deċiżjoni 93/337. Fil-fatt, f'din id-deċiżjoni, kif ġie enfasizzat minnha, il-Kummissjoni kienet ikklassifikat l-għajnuniet in kwistjoni bħala inkompatibbli mas-suq komuni mhux biss peress li kienu jmorru kontra l-Artikolu 52 tat-Trattat, iżda wkoll, fil-punt V ta' l-imsemmija deċiżjoni li jikkonċerna l-eżami tal-possibbiltà li tiġi ammessa waħda mid-derogi previsti fl-Artikolu 92 tat-Trattat, peress li ma kinux jirrispettaw d-diversi regoli li jirrigwardaw l-għajnuna.

    49     Għandu jingħad ukoll, b'mod aktar preċiż, li, fid-Deċiżjoni 93/337, il-Kummissjoni:

    –       kienet irrilevat li l-għajnuna in kwistjoni kienet tinkludi kreditu tat-taxxa ta' 20% ta' l-investimenti (punt I);

    –       kienet ikkunsidrat li, għall-finijiet ta' l-applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 92(3)(ċ) tat-Trattat, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-linji ta' gwida Komunitarji, tad-19 ta' Awwissu 1992, dwar l-għajnuna li tingħata lill-impriżi żgħar u medji (ĠU C 213, p. 2), ma kinux ġew sodisfatti; dawn il-linji ta' gwida, wara li jiddefinixxu, fil-punt 2.2 tagħhom, il-komponenti tal-kategorija ta' l-impriżi żgħar u medji, kienu jippreċiżaw, fil-ħames paragrafu tal-punt 4.1 tagħhom, li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tawtorizza biss l-għajnuna għall-investiment sa livell massimu ta' 15% ta' l-investiment għall-impriżi ż-żgħar u ta' 7.5% ta' l-investiment għall-impriżi l-oħra ta' l-istess kategorija (punt V);

    –       kienet ordnat lill-awtoritajiet Spanjoli sabiex jikkontrollaw li l-għajnuna tkun ġiet mogħtija, b'mod partikolari, taħt il-kundizzjonijiet previsti fil-linji ta' gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet li jingħataw lill-impriżi żgħar u medji (Artikolu 1(4)).

    50     B'hekk jidher li mid-Deċiżjoni 93/337 Demesa ma setgħetx tikkonkludi li kreditu tat-taxxa ta' 45%, mogħti lil impriża ta' daqs li jippermettilha tgħaddi għall-investiment minimu ta' ESP 2.5 miljun meħtieġ mis-sitt dispożizzjoni addizzjonali tan-Norma Foral Nru 22/1994, ma setax jiġi kklassifikat bħala għajnuna skond l-Artikolu 92 tat-Trattat.

    51     Fid-dawl tal-kontenut tad-Deċiżjoni 93/337, ir-rikorrenti għalhekk ma setgħetx targumenta li l-benefiċjarju ta' l-għajnuna illegali kellu l-possibbiltà, li ma tistax tiġi eskluża, (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata aktar 'il fuq, punt 16), li jinvoka ċirkustanzi eċċezzjonali li setgħu leġittimament iwassluh għall-aspettattiva li din l-għajnuna kienet legali.

    52     Fir-rigward tan-nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, din issostni ġustament li nuqqas ta' azzjoni apparenti hija bla sinjifikat meta hija ma tkunx ġiet innotifikata bi skema ta' għajnuna.

    53     Minn dan isegwi li l-motiv ta' Demesa bbażat fuq il-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi għandu jiġi miċħud.

     Fuq il-motivi tat-Territorio Histórico de Álava bbażati, minn naħa, fuq klassifikazzjoni żbaljata tal-miżura fiskali kkontestata bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni u, min-naħa l-oħra, fuq nuqqas ta' motivazzjoni tas-sentenza appellata dwar dan il-punt

     L-argumenti tal-partijiet

    54     Quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, it-Territorio Histórico de Álava sostna li l-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 92 tat-Trattat billi kkunsidrat li l-kreditu tat-taxxa ta' 45% kien għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni minħabba li n-Norma Foral Nru 22/1994 kienet tikkostitwixxi miżura speċifika li tiffavorixxi "ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet". Huwa sostna li, f'kull każ, l-eventwali karattru selettiv ta' din il-miżura kien iġġustifikat min-natura u l-iskema tas-sistema tat-taxxa.

    55     It-Territorio Histórico de Álava jilmenta li l-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punti 148 sa 170 tas-sentenza appellata, ċaħdet dawn l-argumenti u b'hekk għamlet żball tal-liġi fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 92 tat-Trattat.

    56     Fin-nota tiegħu ppreżentata fl-20 ta' Frar 2004, huwa jindika li ser iżomm il-motiv tiegħu ta' annullament, iżda fi stadju qabel dak tal-klassifikazzjoni tal-miżura fiskali kkontestata bħala għajnuna mill-Istat. Huwa jsostni li, matul il-proċedura ta' l-ewwel istanza, huwa sostna li l-kreditu tat-taxxa ta' 45% kien eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 92 tat-Trattat, safejn, bħala miżura fiskala, huwa kien iġġustifikat sabiex jintlaħaq għan ta' politika ekonomika. Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li dan ma kienx jeskludi l-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mat-Trattat. Din il-konklużjoni hija żbaljata peress li ġiet ifformulata f'mument ħażin tal-proċess ta' interpretazzjoni. Fil-fatt, qabel ma l-eventwali kwistjoni tal-klassifikazzjoni ta' għajnuna mill-Istat, kellu jiġi kkunsidrat li miżura fiskali adottata qabel il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ecofin ta' l-1 ta' Diċembru 1997 fir-rigward tal-politika fiskali (ĠU 1998, C 2, p. 1) u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' Diċembru 1998 dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-miżuri li jaqgħu taħt it-tassazzjoni diretta ta' l-impriżi (ĠU C 384, p. 3) kienet eskluża mill-kontroll ta' l-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, peress li miżura bħal din kienet tifforma parti mill-politika industrijali implementata mill-Istat Membru kkonċernat, hija kellha tiġi eskluża ab initio mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 92 tat-Trattat.

    57     Fl-istess nota, it-Territorio Histórico de Álava jżid jgħid li kien ser iżomm ukoll il-motiv bbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni tas-sentenza appellata għal dak li jikkonċerna l-punt tad-dritt imqajjem.

    58     Il-Kummissjoni tikkunsidra li, fl-istat attwali tiegħu, il-motiv ibbażat fuq klassifikazzjoni żbaljata tal-miżura fiskali kkontestata bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni dejjem jeħtieġ, minkejja l-modifikazzjoni fil-preżentazzjoni tiegħu, l-eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-kwistjoni tal-karattru ta' għajnuna ta' din il-miżura. Fil-fatt, l-analiżi magħmula skond l-Artikolu 92 tat-Trattat ma tinvolvi ebda stadju qabel dak tad-diskussjoni dwar il-klassifikazzjoni ta' għajnuna mill-Istat, peress li n-natura fiskali ta' miżura mhijiex rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk hijiex għajnuna jew le. Barra minn hekk, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ecofin ta' l-1 ta' Diċembru 1997 fir-rigward tal-politika fiskali u tal-kodiċi ta' kondotta anness magħhom ma setgħux ibiddlu t-tqassim tal-kompetenzi kif stabbilit fit-Trattat. F'dawn iċ-ċirkustanzi, billi jikkontesta l-kompetenza tal-Kummissjoni, it-Territorio Histórico de Álava jkompli jikkontesta l-klassifikazzjoni ta' għajnuna mill-Istat għal dak li jikkonċerna l-miżura fiskali kkontestata.

     Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    59     Għandu jiġi mfakkar li jekk parti titħalla tqajjem, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, motiv li hija ma kinitx qajmet quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, dan ikun ifisser li din tkun qed titħalla tressaq, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha kompetenza limitata fil-qasam ta' l-appell, kawża b'portata akbar minn ta' dik li tkun instemgħet quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Fil-kuntest ta' appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat fir-rigward tal-motivi ttrattati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-1 ta' Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C-136/92 P, Ġabra p. I-1981, punt 59; tat-28 ta' Mejju 1998, Deere vs Il-Kummissjoni, C-7/95 P, Ġara p. I-3111, punt 62, u ta' l-10 ta' April 2003, Hendrickx vs Cedefop, C-217/01 P, Ġabra p. I-3701, punt 37).

    60     F'dan il-każ, it-Territorio Histórico de Álava ma sostniex fl-ewwel istanza li:

    –       il-miżura fiskali kkontestata hija eskluża bħala tali mill-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat;

    –       l-Artikolu 92 tat-Trattat ilu biss japplika għad-dispożizzjonijiet tad-dritt fiskali mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ecofin ta' l-1 ta' Diċembru 1997 fir-rigward tal-politika fiskali u mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' Diċembru 1998 dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-miżuri li jaqgħu taħt it-tassazzjoni diretta ta' l-impriżi.

    61     Fil-fatt, huwa rrifera għall-għanijiet ta' politika ekonomika tal-miżura fiskali kkontestata fil-kuntest tad-diskussjoni dwar il-ġustifikazzjoni tagħha min-natura u l-iskema tas-sistema tat-taxxa, jiġifieri fl-istadju tad-diskussjoni dwar il-klassifikazzjoni ta' din il-miżura bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni fis-sens ta' l-Artikolu 92 tat-Trattat.

    62     Il-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat l-argumenti li jikkorrispondu għall-punti 167 u 168 tas-sentenza appellata

    63     L-argument ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja f'dan l-appell, li jipprovdi li, essenzjalment, il-miżura fiskali kkontestata kellha tiġi eskluża ab initio, fi stadju preċedenti tar-raġunament legali, mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 92 tat-Trattat u, sussegwentement, mill-kontroll stess tal-Kummissjoni, għalhekk jikkostitwixxi motiv ippreżentat għall-ewwel darba fl-appell.

    64     Dan il-motiv ġdid għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, l-istess bħal dak bbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni tas-sentenza appellata dwar il-punt ta' dritt imressaq, peress li t-tieni motiv ma jistax jiġi mifrud mill-ewwel wieħed.

     Fuq il-motivi tat-Territorio Histórico de Álava bbażati, minn naħa, fuq żball tal-liġi magħmul mill-Qorti tal-Prim'Istanza peress li ma rrikonoxxietx l-eżistenza ta' abbuż ta' poter tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni tas-sentenza appellata dwar dan il-punt

     L-argumenti tal-partijiet

    65     It-Territorio Histórico de Álava jafferma li, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, huwa sostna li l-Kummissjoni kienet użat il-proċedura dwar l-għajnuna mill-Istat, qasam li fih hija għandha kompetenza esklużiva u setgħat wiesgħa, sabiex twettaq armonizzazzjoni fiskali. Tali armonizzazzjoni, fil-verità, taqa' taħt il-proċedura prevista fl-Artikoli 101 tat-Trattat KE (li wara emenda sar l-Artikolu 96 KE) u 102 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 97 KE), li tagħti kompetenza lill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.

    66     It-Territorio Histórico de Álava jilmenta li l-Qorti tal-Prim'Istanza limitat lilha nfisha sabiex:

    –       tfakkar, fil-punt 84 tas-sentenza tas-6 ta' Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni (T-92/00 u T-103/00, Ġabra p. II-1385), dwar għajnuna mogħtija lil impriża oħra, il-ġurisprudenza li tistabbilixxi li deċiżjoni tkun ivvizzjata biss b'abbuż ta' poter jekk jidher, fuq il-bażi ta' indikazzjonijiet oġġettivi, rilevanti u konsistenti, li din tkun ittieħdet bl-iskop uniku, jew ta' l-anqas determinanti, li jintlaħqu għanijiet oħra għajr dawk eċċepiti;

    –       tiddikjara li ma ntweriex li twettqet armonizzazzjoni de facto li permezz tad-deċiżjoni kkontestata.

    67     Il-Kummissjoni ssostni li l-motiv imressaq huwa manifestament inammissibbli peress li ma kienx ġie invokat quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

    68     Hija tenfasizza li, fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma ddeċidietx dwar il-kwistjoni ta' eventwali abbuż ta' poter. Il-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat din il-kwistjoni f'sentenza oħra, jiġifieri s-sentenza Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, li ngħatat fl-istess jum li fih ingħatat is-sentenza appellata.

     Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    69     Għandu jiġi kkonstatat li, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-proċedura ta' l-ewwel istanza li wasslet għal dan l-appell it-Territorio Histórico de Álava ma ppreżentax motiv ibbażat fuq abbuż ta' poter.

    70     Għall-motivi ddikjarati fil-punt 59 ta' din is-sentenza, il-motiv eżaminat għandu jiġi ddikjarat inammissibbli bħala motiv ġdid, l-istess bħal dak bbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni tas-sentenza appellata dwar dan il-punt, peress li t-tieni motiv ma jistax jiġi mifrud mill-ewwel wieħed.

    71     Mill-elementi kollha preċedenti jirriżulta li l-appelli għandhom jiġu miċħuda.

     Fuq l-ispejjeż

    72     Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell mhuwiex fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

    73     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta' appell skond l-Artikolu 118 ta' l-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu ordnati li, minbarra l-ispejjeż tagħhom stess, huma jbatu l-ispejjeż tal-Kummissjoni, kif mitlub minn din ta' l-aħħar.

    74     Skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli wkoll għall-proċedura ta' appell bis-saħħa ta' l-Artikolu 118 ta' l-istess regoli, għandu jiġi deċiż li l-Comunidad Autónoma del País Vasco, intervenjenti in sostenn tat-talbiet tat-Territorio Histórico de Álava fil-kawża C-187/02 P, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

    1)      Il-kawżi C-183/02 P u C-187/02 P huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

    2)      L-appelli huma miċħuda.

    3)      Ir-rikorrenti għandhom, minbarra l-ispejjeż tagħhom stess, ibatu dawk inkorsi mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

    4)      Il-Comunidad Autónoma del País Vasco għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

    Firem.


    * Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top