This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62002CJ0175
Judgment of the Court (First Chamber) of 13 January 2005.#F. J. Pape v Minister van Landbouw, Natuurbeheer en Visserij.#Reference for a preliminary ruling: Hoge Raad der Nederlanden - Netherlands.#State aid - Article 93(3) of the EC Treaty (now Article 88(3) EC)- Planned aid - Prohibition on the implementation of planned measures before the Commission's final decision - Tax partly earmarked for financing the aid measure - Tax imposed before approval of the aid.#Case C-175/02.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-13 ta' Jannar 2005.
F. J. Pape vs Minister van Landbouw, Natuurbeheer en Visserij.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hoge Raad der Nederlanden - l-Olanda.
Għajnuna mogħtija mill-Istat - Artikolu 93(3) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88(3) KE) - Proġett ta' għajnuna - Projbizzjoni ta' implementazzjoni ta' miżuri ppjanati qabel id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni - Taxxa parzjalment iddestinata sabiex tiffinanzja l-miżura ta' għajnuna - Taxxa imposta qabel l-applikazzjoni ta' l-għajnuna.
Kawża C-175/02.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-13 ta' Jannar 2005.
F. J. Pape vs Minister van Landbouw, Natuurbeheer en Visserij.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hoge Raad der Nederlanden - l-Olanda.
Għajnuna mogħtija mill-Istat - Artikolu 93(3) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88(3) KE) - Proġett ta' għajnuna - Projbizzjoni ta' implementazzjoni ta' miżuri ppjanati qabel id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni - Taxxa parzjalment iddestinata sabiex tiffinanzja l-miżura ta' għajnuna - Taxxa imposta qabel l-applikazzjoni ta' l-għajnuna.
Kawża C-175/02.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:11
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
13 ta’ Jannar 2005 (*)
"Għajnuna mogħtija mill-Istat – Artikolu 93(3) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88(3) KE) – Proġett ta’ għajnuna – Projbizzjoni ta’ implementazzjoni ta’ miżuri ppjanati qabel id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni – Taxxa parzjalment iddestinata sabiex tiffinanzja l-miżura ta’ għajnuna – Taxxa imposta qabel l-applikazzjoni ta’ l-għajnuna"
Fil-kawża C-175/02,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (l-Olanda), permezz ta’ Deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2002, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Mejju 2002, fil-proċedura
F.J. Pape
vs
Minister van Landbouw, Natuurbeheer en Visserij,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, A. Rosas, K. Lenaerts, S. von Bahr u K. Schiemann (Relatur), imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,
Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Jannar 2004,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
· għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, bħala aġent,
· għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Flett u H. van Vliet, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-4 ta’ Marzu 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, bħall-kawża C-174/02, Streekgewest Westelijk Noord-Brabant (sentenza ta’ dik il-ġurnata, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, iktar ’il quddiem is-"sentenza SWNB", l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88(3) KE).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Pape, bidwi, u Minister van Landbouw, Natuurbeheer en Visserij (il-Ministru ta’ l-Agrikoltura, ta’ l-Ambjent u tas-Sajd), dwar taxxa fuq il-produzzjoni żejda ta’ demel, imposta fuq dan il-bidwi skond l-Artikolu 13 tal-Meststoffenwet tas-27 ta’ Novembru (liġi dwar id-demel, Staatsblad 1986, 598), għar-raġuni li din ġiet imposta bi ksur tal-projbizzjoni ta’ l-implementazzjoni prevista fl-Artikolu 93(3) l-aħħar sentenza tat-Trattat.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 L-Artikolu 93(3) tat-Trattat jipprovdi:
"Il-Kummissjoni għandha tiġi informata, fil-ħin biex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha, dwar kull proġett biex tiġi mogħtija jew biex tiġi modifikata għajnuna. Jekk tikkunsidra li proġett bħal dak ma jkunx kompatibbli mas-suq komuni skond it-termini ta’ l-Artikolu [92], hija għandha mingħajr dewmien tibda l-proċedura prevista fil-paragrafu qabel dan. L-Istat Membru interessat ma jistgħax idaħħal fis-seħħ il-proġetti proposti tiegħu qabel ma dik il-proċedura ikollha deċiżjoni finali."
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
4 Fl-Olanda, l-Artikolu 13 tal-Meststoffenwet daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 1987 bis-saħħa ta’ Diġriet tat-22 ta’ April 1987, (Staatsblad 1987, 189) li impona taxxa fuq il-produzzjoni żejda tad-demel "sabiex ikopri l-ispejjeż marbuta ma’:
(a) l-apparat amministrattiv taċ-ċentri ta’ ġbir tad-demel previst fl-Artikolu 9;
(b) il-kontribuzzjoni skond l-Artikolu 9(4);
(ċ) il-ħolqien ta’ l-infrastrutturi neċessarji għat-tneħħija, għall-kunsinna, għat-trattament, għall-ipproċessar jew għall-eliminazzjoni effettiva ta’ produzzjoni żejda ta’ demel;
(d) għall-kontroll in konnessjoni ma’ l-eżekuzzjoni tal-Kapitoli III u IV".
5 Dik it-taxxa hija dovuta fuq il-produzzjoni tad-demel. It-taxxa li tkun dovuta fuq perijodu ta’ żmien (bħala prinċipju sena kalendarja) trid (bħala prinċipju fit-terminu ta’ xahar wara t-tmiem tal-perijodu) tiġi mħallsa fuq dikjarazzjoni.
6 L-Artikolu 9(4) tal-Meststoffenwet, imsemmi fl-Artikolu 13(b) ta’ din il-liġi jipprovdi li ċentru ta’ ġbir tad-demel jista’ jikkontribwixxi għall-ispejjeż relatati, b’mod partikolari, mat-trasport ta’ demel ta’ l-annimali jekk huwa jqis li dan jiffavorixxi pproċessar u eliminazzjoni effettiva, konformement ma’ l-għanijiet tal-liġi. Għal dan il-għan, fil-25 ta’ April 1989 ġie adottat ir-Reglement Mestbank inzake vangnetfunctie en Kwaliteitspremiëringssysteem (Regolamenti fuq iċ-ċentri ta’ ġbir tad-demel, fuq il-funzjoni ta’ sigurtà u s-sistema ta’ premjazzjoni tal-kwalità, Staatscourant 1989, 86). Dan jipprovdi għal għajnuna għat-trasport tad-demel ta’ kwalità għolja skond is-sistema tal-premjazzjoni tal-kwalità.
7 Ir-Renju ta’ l-Olanda informa lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ dan ir-regolament permezz ta’ ittri tas-26 ta’ Lulju 1988 u tas-16 ta’ Jannar 1989. Il-Kummissjoni kkomunikatlu, permezz ta’ ittra ta’ l-10 ta’ Marzu 1989, id-deċiżjoni tagħha li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-imsemmi regolament sa l-aħħar tas-sena 1989. F’ittra sussegwenti, il-Kummissjoni kkonfermat li l-għajnuna kienet ikkunsidrata kompatibbli mas-suq komuni sa’ mill-1 ta’ Jannar 1988.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
8 Peress li kien ġie prodott demel mill-impriża tiegħu fl-1988, F.J. Pape kien suġġett li jħallas it-taxxa fuq il-produzzjoni żejda tad-demel għas-sena finanzjarja 1988. Iżda madankollu, huwa naqas milli jippreżenta dikjarazzjoni fit-terminu preskritt ta’ xahar. Konsegwentement, ġiet imposta fuqu, permezz ta’ avviż għal ħlas ta’ imposta nnotifikata lilu fil-31 ta’ Marzu 1989, taxxa fuq il-produzzjoni żejda tad-demel għall-ammont ta’ 10283.50 NLG, kif ukoll żieda għall-istess ammont.
9 F.J. Pape ppreżenta oġġezzjoni ma’ l-ispettur van het Bureau Heffingen van het Ministerie van Landbouw, Natuurbeheer en Visserij (Spettur ta’ l-Uffiċċju tal-Levies tal-Ministeru ta’ l-Agrikoltura, ta’ l-Ambjent u s-Sajd). Dan naqqas it-taxxa fuq il-produzzjoni żejda tad-demel li kien is-suġġett ta’ l-avviż għal ħlas ta’ imposta għal 1779.60 NLG b’żieda ta’ 177.96 NLG. F.J. Pape ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Gerechtshof te Leeuwarden (l-Olanda). F’dak il-waqt, l-ispettur naqqas iż-żieda. Il-Gerechtshof ikkonfermat id-deċiżjoni ta’ dan ta’ l-aħħar, dwar iż-żieda. Konsegwentement, F.J. Pape appella quddiem il-Hoge Raad.
10 L-appell huwa parzjalment ibbażat fuq ipoteżi li parti mir-rikavat tat-taxxa fuq il-produzzjoni żejda tad-demel għas-sena 1988 kien iddestinat, u serva, għall-eżekuzzjoni ta’ l-għajnuna fl-1989.
11 Peress li qieset li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti :
"1) Jekk l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ l-għajnuna ma ġietx awtorizzata bis-saħħa ta’ l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 93(3), tat-Trattat [...], il-projbizzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni hija applikabbli wkoll għall-impożizzjoni ta’ taxxa fejn ir-rikavat huwa, skond il-liġi in kwistjoni, in parti ddestinat sabiex jiffinanzja l-miżura ta’ l-għajnuna ċċitata iktar ’il fuq, indipendentement mill-eżistenza ta’ xkiel għall-kummerċ bejn l-Istati Membri li jista’ jkun (parzjalment) attribwit għat-taxxa bħala metodu ta’ finanzjament tal-miżura ta’ l-għajnuna? Ir-risposta għal din id-domanda tiddependi fuq l-intensità ta’ rabta eżistenti bejn it-taxxa tal-finanzjament u l-miżura ta’ l-għajnuna, mill-mument fejn ir-rikavat tat-taxxa tal-finanzjament huwa effettivament użat għall-miżura ta’ l-għajnuna jew inkella għal ċirkustanzi oħra? Liema huma allura ċ-ċirkustanzi rilevanti f’dan ir-rigward?
2) Jekk il-projbizzjoni li tiġi implementata l-għajnuna tikkonċerna wkoll it-taxxa ta’ finanzjament, il-kontribwent jista’ jinvoka l-effett dirett ta’ l-Artikolu 93(3), [tat-Trattat] sabiex tikkontesta l-ammont totali, jew jista’ jikkontesta biss il-parti ta’ din it-taxxa li hija mistennija li tintefaq jew li effettivament intefqet għall-finanzjament tal-miżura ta’ għajnuna fil-perijodu li fih l-implementazzjoni hija jew kienet ipprojbita minħabba dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq?
3) Id-dritt Komunitarju jimponi ħtiġijiet speċifiċi fuq il-mod kif jiġi stabbilit liema parti ta’ taxxa taqa’ fuq il-projbizzjoni ta’ l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat, jekk hija taxxa ta’ finanzjament fejn ir-rikavat huwa destinat għal għanijiet differenti li għalih jeżistu sorsi oħra ta’ finanzjament mit-taxxa in kwistjoni u li ma taqax fuq il-projbizzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat [...], meta l-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali ma tipprovdix il-mezz għal distribuzzjoni? F’każ bħal dan, il-parti tat-taxxa ddestinata għall-finanjament tal-miżura ta’ għajnuna li taqa’ taħt l-Artikolu 93 tat-Trattat [...] trid tiġi stabbilita permezz ta’ estimi abbażi tad-data ta’ impożizzjoni jew trid tiġi bbażata fuq informazzjoni magħrufa sussegwentement dwar ir-rikavat totali tat-taxxa tal-finanzjament u għall-ispejjeż magħmula għall-għanijiet varji?"
Fuq l-ewwel domanda
12 L-ewwel domanda tinkludi tliet partijiet distinti. Il-qorti tar-rinviju essenzjalment issaqsi jekk il-projbizzjoni ta’ l-implementazzjoni prevista fl-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat:
– tistax tipprekludi l-impożizzjoni ta’ taxxa li hija ddestinata li tiffinanzja għajnuna,
– hijiex applikabbli wkoll jekk it-taxxa ma jkollha ebda effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri,
– hijiex applikabbli indipendentement mill-intensità ta’ rabta eżistenti bejn it-taxxa tal-finanzjament u l-miżura ta’ għajnuna in kwistjoni.
13 Huwa xieraq li tingħata risposta għat-tielet parti ta’ din id-domanda qabel ma jiġu indirizzati l-partijiet l-oħra.
14 Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li t-taxxi ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-trattat li jikkonċernaw l-għajnuna mogħtija mill-Istat sakemm dawn ma jikkostitwixxux il-mezz ta’ finanzjament ta’ miżura ta’ għajnuna, b’mod li huma jagħmlu parti integrali ta’ din il-miżura (sentenza SWNB, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).
15 Sabiex taxxa, jew parti minn taxxa tkun tista’ tiġi kkunsidrata parti minn miżura ta’ għajnuna, irid neċessarjament ikun hemm rabta ta’ destinazzjoni bejn it-taxxa u l-għajnuna bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti. Jekk teżisti tali rabta, ir-rikavat tat-taxxa jinfluwenza direttament l-importanza ta’ l-għajnuna u, konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni (ara s-sentenzi tal-25 ta’ Ġunju 1970, Franza vs Il-Kummissjoni, 47/69, Ġabra p. 487, punti 17, 20 u 21, kif ukoll SWNB, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).
16 L-elementi ta’ l-atti li ġew ippreżentati lill-Qorti ma jindikawx l-eżistenza ta’ rabta bejn it-taxxa imposta mill-Meststoffenwet u l-għajnuna għat-trasport tad-demel introdott abbażi ta’ l-Artikolu 9(4) tal-Meststoffenwet. Fil-fatt, il-Meststoffenwet tħalli l-allokazzjoni tar-rikavat tat-taxxa bejn l-għanijiet differenti, u b’mod partikolari dik prevista fl-Artikolu 9(4), għad-diskrezzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti. Għalhekk, ir-rikavat tat-taxxa ma jinfluwenzax direttament l-importanza ta’ l-għajnuna peress li jista’ jintuża għal miżuri oħra previsti permezz ta’ l-istess liġi li m’għandhomx il-karatteristiċi kollha ta’ għajnuna skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat (li sar l-Artikolu 87(1) KE).
17 Għalhekk jeħtieġ li tingħata risposta għat-tielet parti ta’ l-ewwel domanda li l-projbizzjoni ta’ l-implementazzjoni prevista fl-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat mhijiex applikabbli għal taxxa meta din jew parti speċifika tar-rikavat tagħha mhijiex iddestinata b’mod obbligatorju għall-finanzjament ta’ għajnuna.
18 Fir-rigward tar-risposta mogħtija għat-tielet parti ta’ l-ewwel domanda, m’hemmx lok li tingħata risposta la għall-partijiet l-oħra ta’ l-ewwel domanda u lanqas għat-tieni u t-tielet domandi.
Fuq l-ispejjeż
19 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Il-projbizzjoni ta’ l-implementazzjoni prevista fl-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE (li saret l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 88(3) KE) mhijiex applikabbli għal taxxa meta din jew parti speċifika tar-rikavat tagħha mhijiex iddestinata b’mod obbligatorju għall-finanzjament ta’ għajnuna.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.