EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002CJ0110

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Qorti Plenarja) tad-29 ta' Ġunju 2004.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Għajnuna mogħtija mill-Gvern Portugiż lill-bdiewa li jrabbu l-ħnieżer - Għajnuna intiża biex tippermetti l-ħlas lura ta' għajnuniet ddikjarati inkompatibbli mas-suq komuni - Deċiżjoni tal-Kunsill li tiddikjara għajnuna bħal din kompatibbli mas-suq komuni - Illegalità - It-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 88(2) KE.
Kawża C-110/02.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:395

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja)

29 ta' Ġunju 2004 (*)

"Għajnuna mogħtija mill-Gvern Portugiż lill-bdiewa li jrabbu l-ħnieżer – Għajnuna intiża biex tippermetti l-ħlas lura ta' għajnuniet ddikjarati inkompatibbli mas-suq komuni – Deċiżjoni tal-Kunsill li tiddikjara għajnuna bħal din kompatibbli mas-suq komuni – Illegalità – It-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 88(2) KE"

Fil-kawża C-110/02,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn  F. Santaolalla Gadea, D. Triantafyllou u V. Di Bucci, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J. Carbery u F. Florindo Gijón, bħala aġenti,

konvenut

sostnut mir-

Repubblika tal-Portugall, irrappreżentata minn L. Fernandes u I. Palma, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

u mir-

Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u F. Million, bħala aġenti,

intervenjenti

li għandha bħala suġġett l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/114/KE, tal-21 ta' Jannar 2002, li tawtorizza lill-Gvern tal-Portugall jagħti għajnuna lill-bdiewa Portugiżi li jrabbu l-ħnieżer u li kienu benefiċjarji tal-miżuri ta' l-1994 u fl-1998 (ĠU L 43, p. 18) [traduzzjoni mhux uffiċjali],

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, C. Gulmann, J.-P. Puissochet u J. N. Cunha Rodrigues,  Presidenti ta' Awli,  A. La Pergola, R. Schintgen, F. Macken, N. Colneric,  S. von Bahr u K. Lenaerts  (Relatur),  Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-11 ta' Diċembru 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta' Marzu 2002, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, bis-saħħa ta' l-Artikolu 230 KE, talbet l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/114/KE, tal-21 ta' Jannar 2002, li tawtorizza lill-Gvern tal-Portugall jagħti għajnuna lill-bdiewa Portugiżi li jrabbu l-ħnieżer u li kienu benefiċjarji tal-miżuri ta' l-1994 u fl-1998 (ĠU L 43, p. 18, aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

2       Permezz ta' digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 u 19 ta' Settembru 2002, ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika Franċiża ġew rispettivament ammessi sabiex jintervjenu in sostenn tat-talbiet tal-Kunsill, iżda, dan ta' l-aħħar kien awtorizzat jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu biss fl-eventwalità ta' proċedura orali.

 Il-kuntest ġuridiku

3       L-Artikolu 88(2) u (3) KE jipprovdi li:

"2.      Jekk, wara li ssejjaħ lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni ssib li miżura ta’ għajnuna mogħtija minn Stat, jew permezz tar-riżorsi ta’ Stat, m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87, jew li dik l-għajnuna tkun applikata b’mod inġust, hija għandha tieħu deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat interessat li jabolixxi dik l-għajnuna jew li jimmodifikaha fit-terminu preskritt mill-Kummissjoni.

Jekk l-Istat interessat ma joqgħodx għal din id-deċiżjoni fit-terminu preskritt, il-Kummissjoni jew kull Stat ieħor interessat ikun jista' jissottometti l-[kwistjoni] direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’deroga għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 226 u 227.

Fuq talba ta’ kull Stat Membru, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, b’vot unanimu, li miżura ta’ għajnuna mogħtija jew li trid tingħata minn dak l-Istat għandha tkun ikkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni, b’deroga għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 87 jew tar-regolamenti previsti fl-Artikolu 89, jekk din id-deċiżjoni tkun ġustifikata b’ċirkustanzi eċċezzjonali. Jekk il-Kummissjoni diġà tkun bdiet il-proċedura preskritta fl-ewwel sub-paragrafu ta’ dan il-paragrafu, rigward l-għajnuna in kwistjoni, it-talba magħmula lill-Kunsill mill-Istat interessat għandha ġġib is-sospensjoni ta’ dik il-proċedura sakemm il-Kunsill ikun iddeċieda l-pożizzjoni tiegħu.

Madankollu, jekk il-Kunsill ma jkunx għarraf il-pożizzjoni tiegħu f’egħluq tliet xhur minn dik it-talba, għandha tittieħed deċiżjoni mill-Kummissjoni.

3.      Il-Kummissjoni għandha tiġi informata, fil-ħin biex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha, dwar kull proġett biex tiġi mogħtija jew biex tiġi modifikata għajnuna. Jekk tikkunsidra li proġett bħal dak ma jkunx kompatibbli mas-suq komuni skond it-termini ta’ l-Artikolu 87, hija għandha mingħajr dewmien tibda l-proċedura prevista fil-paragrafu qabel dan. L-Istat Membru interessat ma jistax idaħħal fis-seħħ il-proġetti proposti tiegħu qabel ma dik il-proċedura ikollha deċiżjoni finali."

 Id-deċiżjoni kkontestata u l-kuntest tagħha

4       Permezz tad-decreto-lei nru 146/94 ta' l-24 ta' Mejju 1994 (Diário da República I, serje A, nru 120, ta' l-24 ta' Mejju 1994, aktar 'il quddiem id-"digriet-liġi ta' l-1994"), ir-Repubblika Portugiża stabbiliet skema ta' għajnuniet li, minn naħa, kienet toħloq linja ta' kreditu biex jitnaqqas id-dejn ta' l-impriżi fis-settur tat-trobbija intensiva ta' l-annimali u, min-naħa l-oħra, linja ta' kreditu sabiex issaħħaħ is-settur tat-trobbija tal-ħnieżer. Din l-iskema ta' għajnuniet ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni.

5       Il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2000/200/KE, tal-25 ta' Novembru 1999, dwar l-iskema ta' għajnuniet implimentata mill-Portugall sabiex jitnaqqas id-dejn ta' l-impriżi fis-settur tat-trobbija intensiva ta' l-annimali u sabiex jissaħħaħ is-settur tat-trobbija tal-ħnieżer (ĠU 2000, L 66, p. 20) [traduzzjoni mhux uffiċjali] fuq il-bażi ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 88(2). L-Artikolu 1(1) ta' din id-deċiżjoni, jiddikjara l-linja ta' kreditu biex jitnaqqas id-dejn ta' l-impriżi fis-settur tat-trobbija intensiva ta' l-annimali inkompatibbli mas-suq komuni fil-każijiet fejn, flimkien ma' l-għajnuna rċevuta għall-investimenti, l-għotja ekwivalenti ta' din il-linja ta' kreditu taqbeż il-35% fiż-żoni agrikoli inqas favoriti. Il-paragrafu 2 ta' l-istess dispożizzjoni jiddikjara l-linja ta' kreditu biex jissaħħaħ is-settur tat-trobbija tal-ħnieżer inkompatibbli mas-suq komuni. Taħt l-Artikolu 3 ta' l-imsemmija deċiżjoni ġie ordnat l-irkupru ta' l-għajnuna mogħtija lill-benefiċjarji illegalment, bl-interessi.

6       Ir-Repubblika Portugiża stabbiliet ukoll, permezz tad-decreto-lei nru 4/99, ta' l-4 ta' Jannar 1999 (Diário da República I, serje A, nru 2, ta' l-4 ta' Jannar 1999, aktar 'il quddiem id-"digriet-liġi ta' l-1999"), moratorju li jtawwal b'sena t-terminu għal ħlas lura ta' ċertu self ikkuntrattat minn impriżi fis-settur tat-trobbija tal-ħnieżer li kienu jipproduċu, iħaxxnu u jbiċċru l-ħnieżer f'ċiklu magħluq, kif ukoll il-finanzjament fuq medda qasira ta' żmien favur l-imsemmija impriżi permezz ta' self b'rati ta' interess favorevoli. Għalkemm dawn il-miżuri kienu ġew innotifikati lill-Kummissjoni, huma ġew implementati qabel ma din ta' l-aħħar kienet adottat deċiżjoni dwarhom.

7       Dawn l-għajnuniet ġew iddikjarati inkompatibbli mas-suq komuni, u l-ħlas tagħhom ġie ordnat lura permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/86/KE, ta' l-4 ta' Ottubru 2000, dwar l-iskema ta' għajnuna implementata mill-Portugall fis-settur tat-trobbija tal-ħnieżer (ĠU 2001, L 29, p. 49) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

8       Fit-23 ta' Novembru 2001, ir-Repubblika Portugiża talbet lill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea jadotta, fuq il-bażi tat-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 88(2) KE, "deċiżjoni li tawtorizzaha tagħti għajnuna lill-bdiewa Portugiżi li jrabbu l-ħnieżer u għandhom iħallsu lura l-għajnuna li kienu rċevew fl-1994 u fl-1998 u [li tiddikjara] din l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

9       Il-Kunsill laqa' din it-talba u adotta d-deċiżjoni kkontestata, li l-Artikolu 1 tagħha huwa fformulat bil-mod segwenti:

"Għajnuna eċċezzjonali mogħtija mill-Gvern Portugiż lis-settur Portugiż tat-trobbija tal-ħnieżer li tikkonsisti fl-għoti ta' għajnuna lill-benefiċjarji msemmija fid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 1999 u ta' l-4 ta' Ottubru 2000, għal ammont massimu ta' EUR 16.3 miljun ekwivalenti għall-ammonti li dawn il-benefiċjarji ser ikollhom iħallsu lura skond dawn id-deċiżjonijiet, hija kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10     Wara li d-deċiżjoni tindika ċ-ċirkustanzi partikolari u l-karatteristiċi tas-settur Portugiż tat-trobbija tal-ħnieżer li wasslu lir-Repubblika Portugiża sabiex tadotta id-digrieti-liġijiet ta' l-1994 u ta' l-1999, fil-punt 9 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, huwa ppreċiżat li l-għajnuniet stabbiliti bis-saħħa ta' l-imsemmija digrieti-liġijiet, "[…] kif jidher mill-iżvilupp tal-kummerċ, m'għandhom ebda effetti partikolari fuq il-kummerċ intrakomunitarju u, konsegwentement, ma jikkawżawx distorsjoni tal-kompetizzjoni". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11     Skond il-punti 12 sa 14 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata:

"(12) Fid-deċiżjonijiet tagħha tal-25 ta' Novembru 1999 u ta' l-4 ta' Ottubru 2000, il-Kummissjoni qieset li l-miżuri in kwistjoni ma kinux kompatibbli mas-suq komuni. B'applikazzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet, ġiet imnieda proċedura għall-irkupru ta' l-għajnuniet mogħtija mill-awtoritajiet Portugiżi.

(13)      Madankollu, il-ħlas lura ta' l-għajnuniet mogħtija jikkomprometti l-vijabbiltà ekonomika ta' numru kunsiderevoli ta' benefiċjarji u jkollu impatt soċjali negattiv ħafna f'ċerti reġjuni peress li 50 % tal-ħnieżer jinsabu kkonċentrati fuq inqas minn 5 % tat-territorju.

(14)      Għalhekk jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali li jippermettu li din l-għajnuna tiġi kkunsidrata, bħala deroga u safejn huwa strettament neċessarju sabiex jiġi rrimedjat l-iżbilanċ ikkonstatat, bħala kompatibbli mas-suq komuni, taħt il-kundizzjonijiet previsti f'din id-deċiżjoni." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Fuq ir-rikors

12     Il-Kummissjoni invokat ħames motivi in sostenn tar-rikors tagħha, ibbażati rispettivament fuq in-nuqqas ta' kompetenza tal-Kunsill, l-abbuż ta' poter u ta' proċedura, il-ksur tat-Trattat KE u ta' diversi prinċipji ġenerali, l-iżball manifest ta' evalwazzjoni u n-nuqqas ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ewwel motiv

 Argumenti tal-partijiet

13     Permezz ta' l-ewwel motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Kunsill ma kellux kompetenza biex jadotta d-deċiżjoni kkontestata. Ir-raġunament li hija tiżviluppa f'dan ir-rigward jinvolvi żewġ stadji.

14     L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha l-istess effetti bħal dawk li jiġu prodotti minn revoka jew annullament tad-Deċiżjonijiet 2000/200 u 2001/86, li permezz tagħhom hija ddikjarat l-għajnuniet mogħtija bis-saħħa tad-digrieti-liġijiet ta' l-1994 u ta' l-1999 bħala inkompatibbli mas-suq komuni u ordnat l-irkupru tagħhom.

15     Billi awtorizzat li l-bdiewa Portugiżi kkonċernati jingħataw għajnuna ta' ammont ekwivalenti għal dak li huma obbligati jħallsu lura skond dawn id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata annullat l-effetti ta' dawn ta' l-aħħar. Fil-fatt, hija waqfet it-teħid lura effettiv ta' l-għajnuniet iddikjarati inkompatibbli mill-Kummissjoni, u r-ritorn għall-istatus quo meħtieġ mill-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 88(2) KE, sabiex is-suq jiġi mħares mid-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

16     Skond il-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata effettivament tirriżulta fl-awtorizzazzjoni ta' l-għajnuniet inizjali, li qabel kienu ġew iddikjarati inkompatibbli minn din l-istituzzjoni.

17     It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li, mill-kliem ta' l-Artikolu 88 KE, jirriżulta li l-intenzjoni tat-Trattat kienet li tagħtiha, bħala monopolju, l-inkarigu li tikkontrolla u tiġġestixxi l-għajnuniet mogħtija mill-Istat. Dan huwa spjegat mill-fatt li huwa biss korp wieħed, totalment indipendenti mill-Istati Membri, li huwa f'pożizzjoni li jeżamina l-miżuri ta' għajnuna adottati minnhom bl-oġġettività u bl-imparzjalità meħtieġa u li jassigura li l-kompetizzjoni ma tiġix imfixxkla b'mod li huwa kuntrarju għall-interess komuni.

18     Fir-rigward tas-setgħa mogħtija lill-Kunsill bis-saħħa ta' l-Artikolu 88(2) KE, din hija ta' natura eċċezzjonali, li toħroġ mid-dritt komuni. Dan jidher kemm mill-kliem tat-tielet subparagrafu ta' din id-dispożizzjoni li jirreferi għal "ċirkustanzi eċċezzjonali", kif ukoll minn dawk tar-raba' subparagrafu tagħha li jipprovdi għal terminu li matulu t-talba ta' l-Istat Membru tissospendi l-proċedura mibdija mill-Kummissjoni, terminu li ma' l-iskadenza tiegħu, din ta' l-aħħar tirkupra s-setgħa tagħha li "[tieħu] deċiżjoni", jiġifieri li tiddeċiedi definittivament dwar l-għajnuna kkonċernata. L-għoti lill-Kunsill ta' setgħa ta' deċiżjoni bħal din, li, għal perijodu limitat ta' żmien, tieħu preċedenza fuq dik tal-Kummissjoni, ikun nieqes minn kull sinjifikat kieku d-deċiżjoni tal-Kunsill tkun tista' tipprevali fuq dik tal-Kummissjoni f'kull ċirkustanza.

19     Skond il-Kummissjoni, minn dan isegwi li l-Kunsill m'għandux kompetenza sabiex jadotta deċiżjoni fuq il-bażi tat-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 88(2) KE, meta għajnuna tkun ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni permezz ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni. F'dan is-sens, il-Kunsill lanqas ma għandu l-kompetenza li jannulla l-effetti ta' deċiżjoni bħal din billi jawtorizza l-għoti ta' għajnuna intiża biex tikkumpensa, lill-benefiċjarji ta' l-għajnuna ddikjarata inkompatibbli, għall-ħlas lura li kienu obbligati jagħmlu permezz ta' din id-deċiżjoni.

20     L-ewwel nett, il-Kunsill isostni li r-raġunament tal-Kummissjoni huwa bbażat kollu kemm hu fuq il-premessa li d-deċiżjoni kkontestata annullat jew irrevokat id-Deċiżjonijiet 2000/200 u 2001/86. Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata ma tqiegħedx fid-dubju l-obbligi ta' ħlas lura li jirriżultaw minn dawn id-deċiżjonijiet, peress li, għall-kuntrarju, kien fil-kuntest ta' l-implementazzjoni sħiħa tagħhom u fid-dawl tal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali ta' din l-implementazzjoni, li l-Kunsill iddeċieda li jawtorizza l-għajnuna l-ġdida li r-Repubblika Portugiża pproponiet li tagħti.

21     Il-kwalifika ta' għajnuna ġdida fil-fatt tiddependi minn kunsiderazzjonijiet ta' natura formali u oġġettiva. Issa, l-għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata tikkonsisti fi ħlas kompletament ġdid, li jirriżulta minn dispożizzjoni nazzjonali apparti mid-digrieti-liġijiet ta' l-1994 u ta' l-1999, li jikkorrispondu għal kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà u ta' ħlas differenti minn dawk applikabbli għall-għajnuna mogħtija fuq il-bażi ta' dawn id-digrieti-liġijiet.

22     Skond il-Kunsill, il-fatt li l-għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi għajnuna ġdida jirriżulta wkoll mid-definizzjoni ta' "għajnuna ġdida" fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1), dispożizzjoni li f'dan ir-rigward issemmi "kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta' għajnuna u għajnuna individwali, li m'hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti". Fil-fatt, il-kunċett ta' għajnuna "eżistenti" ifisser li l-għajnuna in kwistjoni kienet diġà ġiet awtorizzata, dak li preċiżament mhuwiex il-każ ta' l-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata.

23     Barra minn hekk, it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 659/1999, li jipprovdi għall-possibbiltà li Stat Membru jiġi awtorizzat jagħti għajnuna biex isalva lill-impriża kkonċernata fil-każ li jkollu jsir il-ħlas lura ta' l-għajnuna mogħtija illegalment, jikkonferma wkoll il-possibbiltà li jiġu adottati deċiżjonijiet diverġenti fir-rigward ta' l-għajnuniet mogħtija suċċessivament minn Stat lill-istess operaturi. L-istess japplika fil-każ tal-ġurisprudenza Komunitarja li irrikonoxxiet impliċitament li l-Kummissjoni tista' tissuġġetta il-ħlas ta' għajnuna ġdida ddikjarata kompatibbli għall-irkupru ta' għajnuna li tkun ingħatat qabel u li tkun ġiet iddikjarata inkompatibbli (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Settembru 1995, TWD vs Il-Kummissjoni, T-244/93 u T-486/93, Ġabra p. II-2265, u sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta' Mejju 1997, TWD vs Il-Kummissjoni, C-355/95 P, Ġabra p. I-2549).

24     Fl-aħħar nett, il-Kunsill isostni li la d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jiddikjaraw għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u lanqas xi test ieħor ma jikkostitwixxu projbizzjoni kontra l-benefiċjarji ta' tali għajnuna milli jirċievu għajnuna oħra xi darba jew oħra fil-futur. Il-prinċipju ta' l-eżami individwali ta' kull għajnuna suċċessiva għandu jiġi mħares f'kull ċirkustanza (sentenza tat-23 ta' Novembru 2000, Wirtschaftsvereinigung Stahl et vs Il-Kummissjoni, C-441/97 P, Ġabra p. I-10293, punt 55). Kieku d-deċiżjoni kkontestata ma tteħditx, l-għajnuna li ġiet awtorizzata minnha, li, barra minn dan, kienet ġiet innotifikata lill-Kummissjoni mir-Repubblika Portugiża, kien ikollha tiġi eżaminata minn din l-istituzzjoni u kienet twassal għal deċiżjoni minn din ta' l-aħħar.

25     It-tieni nett, fir-rigward tal-portata ta' l-Artikolu 88(2) KE, il-Kunsill jikkunsidra li t-terminu ta' tliet xhur imsemmi fir-raba' subparagrafu ta' din id-dispożizzjoni huwa stabbilit sempliċement għal skopijiet ta' sospensjoni. Minn dan isegwi li l-Kunsill jibqa' liberu li jawtorizza l-għajnuna kkonċernata minkejja l-iskadenza ta' dan it-terminu.

26     Għal dak li jikkonċerna l-kunflitt li jista' jinqala' f'dan ir-rigward bejn deċiżjoni li tkun ittieħdet qabel mill-Kummissjoni, li fiha tiġi ddikjarata l-inkompatibbiltà ta' għajnuna mas-suq komuni, u deċiżjoni li tittieħed wara mill-Kunsill, li tawtorizza din l-għajnuna, dan ta' l-aħħar isostni li l-prinċipju applikabbli f'każ ta' regoli inkompatibbli huwa, fin-nuqqas ta' ġerarkija bejniethom, li r-regola li tkun ġiet wara tidderoga minn dik li kien hemm qabel.

27     Ir-Repubblika Portugiża essenzjalment taqbel ma' l-analiżi tal-Kunsill. L-għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata hija għajnuna ġdida, distinta minn dawk stabbiliti bid-digrieti-liġijiet ta' l-1994 u ta' l-1999, li ġiet innotifikata lill-Kummissjoni bħala tali. L-imsemmi Stat Membru jżid jgħid li l-fatt li s-subparagrafu tlieta ta' l-Artikolu 88(2) KE jagħti lill-Kunsill is-setgħa li jiddeċiedi mhux biss fuq għajnuna "li trid tingħata" iżda wkoll fuq għajnuna "mogħtija", jikkonferma li dan ta' l-aħħar għandu s-setgħa li jawtorizza għajnuna anke meta l-Kummissjoni tkun diġà adottat id-deċiżjoni tagħha dwar din l-għajnuna. Fil-fatt, mill-paragrafu 3 ta' l-istess artikolu, jirriżulta li kull għotja jew kull "proġett" ta' għotja jeħtieġ eżami preliminari mill-Kummissjoni, b'mod li l-għajnuna ma tkunx tista' tiġi mogħtija jekk ma tingħatax deċiżjoni favorevoli mill-Kummissjoni f'dan ir-rigward.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

28     Sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-ewwel motiv invokat mill-Kummissjoni in sostenn tar-rikors tagħha, l-ewwel nett għandu jiġi ddeterminat jekk, kif issostni din ta' l-aħħar, l-Artikolu 88(2) KE għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni li fiha tkun ġiet kkonstatata n-natura inkompatibbli mas-suq komuni ta' għajnuna mogħtija minn Stat, il-Kunsill ma jkunx aktar awtorizzat jiddeċiedi, fuq il-bażi tat-tielet subparagrafu ta' din id-dispożizzjoni, li l-imsemmija għajnuna għandha tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni.

29     F'dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi osservat li billi, permezz ta' l-Artikolu 88 KE, it-Trattat jipprovdi għall-eżami kostanti u l-verifika ta' l-għajnuniet mill-Kummissjoni, l-intenzjoni tiegħu hija li r-rikonoxximent ta' l-inkompatibbiltà ta' għajnuna mas-suq komuni ssir permezz ta' proċedura xierqa li l-implementazzjoni tagħha taqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni u li tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju mill-Qorti tal-Prim'Istanza jew mill-Qorti tal-Ġustizzja. B'hekk, l-Artikoli 87 KE u 88 KE jirriżervaw rwol ċentrali lil din ta' l-aħħar fir-rikonoxximent eventwali ta' għajnuna bħala inkompatibbli (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta' Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires u Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon, C-354/90, Ġabra p. I-5505, punti 9 u 14).

30     Wara dan, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-kliem stess tat-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 88(2) KE, din id-dispożizzjoni tikkonċerna każ eċċezzjonali u partikolari (sentenza tat-12 ta' Ottubru 1978, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 156/77, Ġabra p. 1881, punt 16). Fil-fatt, skond l-imsemmija dispożizzjoni, il-Kunsill jista', "fuq talba ta' kull Stat Membru", jiddeċiedi unanimament li għajnuna mogħtija jew li tkun ser tingħata minn Stat, għandha tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni "b'deroga għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 87 jew tar-regolamenti previsti fl-Artikolu 89", jekk tali deċiżjoni tkun iġġustifikati minn "ċirkustanzi eċċezzjonali".

31     Minn dan isegwi li, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, is-setgħa li għandu l-Kunsill bis-saħħa tat-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 88(2) KE hija ta' natura eċċezzjonali.

32     F'kuntest bħal dan, wieħed irid jammetti li l-preċiżazzjonijiet li jidhru fit-tielet u r-raba' subparagrafi ta' l-Artikolu 88(2) li, minn naħa, jistabbilixxu li meta Stat Membru iressaq il-kwistjoni quddiem il-Kunsill, l-eżami li jkun qed isir mill-Kummissjoni jiġi sospiż għal terminu ta' tliet xhur u, min-naħa l-oħra, li fin-nuqqas ta' deċiżjoni tal-Kunsill f'dan it-terminu, il-Kummissjoni għandha tagħti deċiżjoni, jindikaw li, meta l-imsemmi terminu jkun skada, il-Kunsill mhuwiex aktar kompetenti li jadotta deċiżjoni taħt it-tielet subparagrafu fir-rigward ta' l-għajnuna kkonċernata. B'dan il-mod jiġi evitat it-teħid ta' deċiżjonijiet b'partijiet dispożittivi li jikkontradixxu 'l xulxin.

33     Il-promulgazzjoni ta' tali limitazzjoni ta' żmien fuq il-kompetenza tal-Kunsill meta l-Kummissjoni tkun diġà fetħet il-proċedura stabbilita fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 88(2) KE, mingħajr ma tkun madankollu għadha adottat deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni, u l-fatt li, wara terminu ta' tliet xhur indikat fir-raba' subparagrafu ta' din id-dispożizzjoni, hija biss il-Kummissjoni li jibqalha l-kompetenza li tiddeċiedi dwar l-għajnuna kkonċernata, ukoll jindikaw li, jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jressaq ebda talba lill-Kunsill, fuq il-bażi tat-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 88(2) KE, qabel ma l-Kummissjoni tiddikjara l-għajnuna in kwistjoni inkompatibbli mas-suq komuni u b'dan il-mod tagħlaq il-proċedura eċċezzjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' l-istess dispożizzjoni, il-Kunsill mhuwiex aktar awtorizzat li jeżerċita s-setgħa eċċezzjonali li jagħtih l-imsemmi tielet subparagrafu biex jiddikjara għajnuna bħal din kompatibbli mas-suq komuni.

34     Fir-rigward ta' dan l-aħħar punt, jista' jiġi osservat li fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad-29 ta' Frar 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-122/94, Ġabra p. I-881), id-deċiżjoni kkontestata tal-Kunsill ma kinitx issegwi deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni, billi, f'dan il-każ, il-Kummissjoni kienet illimitat lilha nfisha sabiex tqis, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 88(3) KE, li l-proġett ta' għajnuna in kwistjoni ma kienx kompatibbli mas-suq komuni, u sabiex tibda l-proċedura stabbilita fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 88(2) KE.

35     Fl-aħħar nett jista' jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni adottata fil-punti 32 u 33 ta' din is-sentenza, li tippermetti li jiġi evitat li l-istess għajnuna mill-Istat tkun is-suġġett ta' deċiżjonijiet kuntrarji meħuda mill-Kummissjoni u l-Kunsill suċċessivament, tikkontribwixxi, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, għaċ-ċertezza legali. Fil-fatt, f'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar, b'mod partikolari, li n-natura definittiva ta' deċiżjoni amministrattiva, li tiġi akkwistata ma' l-iskadenza ta' termini raġonevoli biex jitressaq rikors jew wara li jiġu eżawriti r-rimedji ġuridiċi, tikkontribwixxi għall-imsemmija ċertezza (sentenza tat-13 ta' Jannar 2004, Kühne & Heitz, C-453/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 24).

36     Fir-rigward ta' l-argument tal-Gvern Portugiż ibbażat fuq il-fatt li t-tielet subparagrafu ta' l-Arikolu 88(2) KE jawtorizza wkoll lill-Kunsill sabiex jiddeċiedi dwar l-għajnuna "mogħtija", filwaqt li mill-paragrafu 3 ta' dan l-artikolu jirriżulta li kull "għotja" ta' għajnuna teżiġi preċiżament li l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni dwarha minn qabel, b'mod illi l-Kunsill ikollu biss is-setgħa li jiddeċiedi dwar għajnuna li diġà kienet is-suġġett ta' deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li dan jirriżulta minn kontradizzjoni fit-termini. Fil-fatt, ma jistax jiġi argumentat b'mod konkomitanti li għajnuna "mogħtija" skond it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 88(2) KE hija għajnuna li kellha neċessarjament tkun preċedentement ġiet iddikjarata kompatibbli mas-suq komuni mill-Kummissjoni, b'applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 87 KE, u li l-Kunsill għandu s-setgħa li sussegwentement jiddikjara din l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni b'deroga minn dawn id-dispożizzjonijiet.

37     It-tieni nett, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk il-fatt li l-Kunsill m'għandux kompetenza sabiex jiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni ta' l-għajnuna li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni tkun diġà ddeċidiet definittivament ifissirx, kif issostni din ta' l-aħħar, li l-Kunsill lanqas ma għandu kompetenza sabiex jiddeċiedi dwar għajnuna li għandha l-għan li tagħti, lill-benefiċjarji ta' l-għajnuna illegali preċedentement iddikjarata inkompatibbli permezz ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni, somma intiża biex tikkumpensa l-ħlas li kellhom jagħmlu lura b'applikazzjoni ta' din id-deċiżjoni.

38     F'dan ir-rigward għandu, qabel kollox, jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jiġi dedott li, fir-rigward ta' għajnuna bħal din, l-istituzzjonijiet Komunitarji jibqalhom kull libertà li jadottaw deċiżjoni mingħajr ma jkunu obbligati li jikkunsidraw debitament id-deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibblità ta' l-għajnuna inizjali mogħtija lil dawk ikkonċernati.

39     Għall-kuntrarju l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li meta l-Kummissjoni teżamina l-kompatibbiltà ta' għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, din l-istituzzjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, inklużi, jekk ikun il-każ, il-kuntest li jkun diġà ġie meqjus f'deċiżjoni preċedenti kif ukoll l-obbligi li din id-deċiżjoni timponi fuq Stat Membru (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta' Ottubru 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-261/89, Ġabra p. I-4437, punt 20, u TWD vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 26). Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet, b'mod partikolari li, meta ma jkun ġie ppreżentat ebda element ġdid lill-Kummissjoni li jippermettilha tevalwa jekk l-għajnuniet in kwistjoni jistgħux jibbenefikaw minn deroga taħt it-Trattat, hija tkun iġġustifikata li tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq l-evalwazzjonijiet li tkun diġà għamlet fid-deċiżjoni preċedenti u fuq in-nuqqas ta' osservanza tal-kundizzjoni li hija tkun imponiet f'din id-deċiżjoni (sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 23).

40     Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li sistema tranżitorja li żżomm l-effetti ta' sistema ta' għajnuna mill-Istat li ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni u li ġiet iddikjarata inkompatibbli mad-dritt Komunitarju b'deċiżjoni ta' din ta' l-aħħar – madankollu, mingħajr ma din l-istituzzjoni tkun eżiġiet l-irkupru ta' l-għajnuna kkonċernata –, għandha, safejn huwa possibbli, tiġi interpretata b'mod li jippermetti li tiġi assigurata l-kompatibbiltà tagħha ma' din id-deċiżjoni, jiġifieri, fis-sens li tali sistema tranżitorja ma tawtorizzax l-għoti ta' għajnuniet ġodda mill-Istat wara t-tneħħija tas-sistema ta' għajnuna sanzjonata mill-imsemmija deċiżjoni tal-Kummissjoni (digriet ta' l-24 ta' Lulju 2003, Sicilcasa et, C-297/01, Ġabra p. I-7849, punt 44).

41     Barra minn dan, għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita, it-tneħħija, permezz ta' irkupru, ta' għajnuna ta' Stat mogħtija illegalment hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni ta' l-illegalità tagħha (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta' Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala "Tubemeuse", C-142/87, Ġabra I-959, punt 66, u tas-7 ta' Marzu, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-310/99, Ġabra p. I-2289, punt 98).

42     L-obbligu ta' l-Istat Membru li jneħħi għajnuna kkunsidrata mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mas-suq komuni huwa fil-fatt intiż sabiex terġa' tiġi stabbilita s-sitwazzjoni preċedenti u dan l-għan jintlaħaq hekk kif l-għajnuna in kwistjoni, flimkien, jekk ikun il-każ, ma' l-interessi minħabba dewmien fil-ħlas, tiġi mħallsa lura mill-benefiċjarju. Permezz ta' din ir-restituzzjoni, dan ta' l-aħħar jitlef il-vantaġġ li jkun ibbenefika minnu fuq is-suq meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu u terġa' tiġi stabbilita s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel il-ħlas ta' l-għajnuna (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-4 ta' April 1995, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-350/93, Ġabra, p. I‑699, punti 21 u 22, kif ukoll tas-7 ta' Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punti 98 u 99).

43     F'dawn iċ-ċirkustanzi, li jiġi aċċettat li Stat Membru jista' jagħti lill-benefiċjarji ta' għajnuna illegali, li preċedentement tkun ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni permezz ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni, għajnuna ġdida ta' ammont ekwivalenti għal dak ta' l-għajnuna illegali, intiża sabiex tinnewtralizza l-effett tal-ħlasijiet lura li jkollhom jagħmlu dawn ta' l-aħħar b'applikazzjoni ta' l-imsemmija deċiżjoni, kjarament ifixkel l-effettività tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni bis-saħħa ta' l-Artikoli 87 KE u 88 KE (ara, b'analoġija, is-sentenzi ta' l-20 ta' Settembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-5/89, Ġabra p. I-3437, punt 17, u tas-7 ta' Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 104).

44     Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 33 u 35 ta' din is-sentenza, hekk kif tiġi adottata deċiżjoni mill-Kummissjoni li fiha tikkonstata l-inkompatibbiltà ta' għajnuna mas-suq komuni, il-Kunsill ma jistax jipparalizza l-effiċjenza ta' din id-deċiżjoni billi huwa stess jiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi tat-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 88(2) KE.

45     Minn dan isegwi li l-Kunsill lanqas ma jista' jfixkel l-effettività ta' tali deċiżjoni billi jiddikjara kompatibbli mas-suq komuni, skond l-imsemmija dispożizzjoni, għajnuna intiża sabiex tikkumpensa, għall-benefiċċju ta' dawk li ngħataw l-għajnuna illegali ddikjarata inkompatibbli mill-Kummissjoni, il-ħlasijiet li kellhom isiru lura minn dawn il-benefiċjarji skond l-imsemmija deċiżjoni.

46     Barra minn hekk, f'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi aċċettat li l-għajnuna mogħtija t-tieni darba tant hija marbuta b'mod indissolubbli ma' dik li qabel ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni mill-Kummissjoni, li jidher artifiċjali ħafna li wieħed jippretendi li qed jagħmel distinzjoni bejn dawn l-għajnuniet għall-iskopijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 88(2) KE.

47     Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 88(2) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Kunsill ma jistax, fuq il-bażi ta' din id-dispożizzjoni, validament jiddikjara għajnuna li li għandha bħala għan l-għotja, lill-benefiċjarji ta' għajnuna illegali preċedentement iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni b'deċiżjoni tal-Kummissjoni, ta' somma intiża sabiex tikkumpensa l-ħlas lura li dawn kellhom jagħmlu taħt l-imsemmija deċiżjoni, bħala kompatibbli mas-suq komuni.

48     Fir-rigward ta' dan il-każ, hemm qbil li r-Repubblika Portugiża ma ppreżentatx talba lill-Kunsill, fuq il-bażi tat-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 88(2) KE, sabiex l-għajnuniet mogħtija permezz tad-digrieti-liġijiet ta' l-1994 u ta' l-1999 jiġu ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni. Hemm ukoll qbil li dawn l-għajnuniet ġew iddikjarati inkompatibbli mas-suq komuni u li ġie ordnat l-irkupru tagħhom permezz tad-Deċiżjonijiet 2000/200 u 2001/86.

49     Fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li mit-titolu tagħha stess u mill-Artikolu 1 tagħha jirriżulta li l-għajnuna li hija riedet tiddikjara kompatibbli mas-suq komuni, kellha l-għan speċifiku li tagħti lill-benefiċjarji ta' għajnuniet preċedentement iddikjarati inkompatibbli ma' l-imsemmi suq permezz tad-Deċiżjonijiet 2000/200 u 2001/86, somma intiża sabiex dawn ta' l-aħħar ikunu jistgħu jħallsu lura dak li kellhom jagħmlu taħt dawn iż-żewġ deċiżjonijiet.

50     B'hekk, kif jirriżulta mill-punt 47 ta' din is-sentenza, il-Kunsill ma setax validament jadotta deċiżjoni bħal dik ikkontestata.

51     Minn dan isegwi li l-ewwel motiv invokat mill-Kummissjoni in sostenn tar-rikors tagħha, ibbażat fuq in-nuqqas ta' kompetenza tal-Kunsill sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata, huwa fondat u konsegwentement, din għandha tiġi annullata.

 Fuq it-tieni, it-tielet, ir-raba' u l-ħames motivi

52     Peress li l-ewwel motiv tal-Kummissjoni ġie milqugħ u peress li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata fuq din il-bażi, mhuwiex neċessarju li l-motivi l-oħra, invokati mill-Kummissjoni in sostennn tar-rikors tagħha, jiġu eżaminati.

 Fuq l-ispejjeż

53     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 69(4) ta' l-istess regoli, ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika Franċiża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja)

taqta’ u tiddeċiedi li

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/114/KE, tal-21 ta' Jannar 2002, li tawtorizza lill-Gvern Portugiż jagħti għajnuna lill-bdiewa Portugiżi li jrabbu l-ħnieżer u li huma benefiċjarji tal-miżuri ta' l- 1994 u fl-1998 hija annullata.

2)      Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż.

3)      Ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika Franċiża għandhom ibati l-ispejjeż tagħhom.

Skouris

Jann

Timmermans

Rosas

Gulmann

Puissochet

Cunha Rodrigues

La Pergola

Schintgen

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fid-29 ta' Ġunju 2004.

R. Grass

 

V. Skouris

Reġistratur

 

President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Top