Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002CJ0055

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-12 ta' Ottubru 2004.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Portugiża.
    Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - l-Artikoli 1, 6 u 7 tad-Direttiva 98/59/KE - Kunċett ta' 'redundancy kollettiva' - Sistema ta' redundancies b'assimilazzjoni - Traspożizzjoni mhux kompluta.
    Kawża C-55/02.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:605

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    12 ta' Ottubru 2004 (*)

    "Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – l-Artikoli 1, 6 u 7 tad-Direttiva 98/59/KE – Kunċett ta' 'redundancy kollettiva' – Sistema ta' redundancies b'assimilazzjoni – Traspożizzjoni mhux kompluta"

    Fil-kawża C-55/02,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-22 ta' Frar 2002,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Sack u M. França, bħala agenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,


    Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Fernandes u F. Ribeiro Lopes, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta,

     

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, C. Gulmann, F. Macken u N. Colneric (Relatur), u J. N. Cunha Rodrigues,

    Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-11 ta' Marzu 2004,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, billi limitat il-kunċett ta' redundancies kollettivi għal redundancies minħabba raġunijiet strutturali, teknoloġiċi jew ċikliċi, u billi ma estendietx dan il-kunċett fir-rigward ta' redundancies minħabba r-raġunijiet kollha li mhumiex relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati, ir-Repubblika Portugiża naqset mill-obbligi imposti fuqha skond it-Trattat KE u l-Artikoli 1, 6 u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, ta' l-20 ta' Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU L 225, p. 16).

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    2       Id-Direttiva tal-Kunsill 75/129/KEE, tas-17 Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU L 48, p. 29), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 92/56/KEE, ta' l-24 ta' Ġunju 1992 (ĠU L 245, p. 3), ġiet abrogata sabiex tiġi kkonsolidata permezz tad-Direttiva 98/59 (iktar 'il quddiem id-"Direttiva"). F'dan il-mument ma ġie stipulat ebda terminu ġdid għat-traspożizzjoni.

    3       Skond it-tieni premessa tad-Direttiva, "huwa importanti li jkun hemm iżjed protezzjoni għall-ħaddiema fil-każ ta' redundancies kollettivi waqt li jittieħed kont tal-bżonn ta' żvilupp ibbilanċjat ekonomiku u soċjali fil-Komunità".

    4       It-tielet premessa tad-Direttiva tiddikjara "[li] minkejja ż-żieda ta' konverġenza, jibqgħu differenzi bejn id-dispożizzjonijiet fl-Istati Membri dwar l-arranġamenti prattiċi u l-proċeduri għal [dawn] ir-[redundancies kollettivi] u l-miżuri intenzjonati biex iserrħu mill-konsegwenzi tar-redundancy tal-ħaddiema".

    5       Skond ir-raba' premessa tad-Direttiva, "dawn id-differenzi jistgħu jkollom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern".

    6       Is-seba' premessa tad-Direttiva tikkonstata "[li huwa neċessarju li] din l-approssimazzjoni […] tiġi promossa [fi ħdan il-progress fis-sens] …ta' l-Artikolu 117 tat-Trattat".

    7       It-tmien premessa tad-Direttiva tistipula "[li] sabiex jiġi kkalkulat in-numru ta' redundancies li tipprovdi għalihom id-definizzjoni ta' redundancies kollettivi fis-sens ta' din id-Direttiva, forom oħra ta' terminazzjoni ta' kuntratti ta' l-impjieg fuq l-inizjattiva ta' min iħaddem għandhom ikunu ekwivalenti għal redundancies, sakemm ikun hemm mill-inqas ħames redundancies".

    8       Skond id-disa' premessa tad-Direttiva, din "tapplika fil-prinċipju wkoll għall- redundancies kollettivi li jirriżulta[w] meta l-attivitajiet ta' l-istabbiliment jitwaqqfu bħala riżultat ta' deċiżjoni ġudizzjarja".

    9       L-Artikolu 1 tad-Direttiva tipprovdi li ġej:

    "1.       Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva:

    a)       "redundancies kollettivi" ifisser tkeċċijiet mix-xogħol minn min iħaddem għal raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati meta, skond l-għażla ta' l-Istati Membri, in-numru tar- redundancies huwa:

    i)      jew, fuq perijodu ta' 30 ġurnata:

    –       mill-inqas 10 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw iżjed minn 20 u inqas minn 100 impjegat,

    –       mill-inqas 10 % tan-numru ta' ħaddiema fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw mill-inqas 100 iżda inqas minn 300 ħaddiem,

    –       mill-inqas 30 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw 300 ħaddiema jew iżjed;

    ii)       jew, fuq perijodu ta' 90 ġurnata, mill-inqas 20, ikun xi jkun in-numru ta' impjegati li jaħdmu fl-istabbilimenti in kwistjoni;

    b)       "rappreżentanti tal-ħaddiema" jfisser ir-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti mill-liġijiet jew mill-prattiċi ta' l-Istati Membri.

    Għall-iskop tal-kalkolu tan-numru tar-redundancies kif previst fis-subparagrafu tal-punt (a), it-termini ta' kuntratt tax-xogħol li jsir fuq l-inizjattiva ta' min iħaddem għal raġuni waħda jew iktar li mhumiex relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati għandhom ikunu assimilati mar-redundancies sakemm, hemm mill-inqas ħames redundancies.

    2.       Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal:

    a)       redundancies kollettivi effettwat[i] taħt kuntratti tax-xogħol konklużi għal perijodi limitati taż-żmien jew għal xogħlijiet speċifiċi ħlief meta dawn ir- redundancies iseħħ[u] qabel id-data ta' skadenza jew [l-iffinalizzar] ta' dawn il-kuntratti;

    […]"

    10     L-Artikolu 2 tad-Direttiva jipprevedi proċedura ta' konsultazzjoni u ta' informazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema.

    11     L-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva jiddisponi li:

    "Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom, mill-inqas, ikopru mezzi u miżuri li jevitaw redundancies kollettivi jew tnaqqis ta' numri ta' impjegati affettwati, u biex jittaffew il-konsegwenzi billi jkun hemm rikors għal miżuri soċjali magħhom immirati, inter alia, li jgħinu għall-impjieg jew it-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema mingħajr xogħol."

    12     L-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva jiddeterminaw ir-regoli applikabbli għall-proċedura ta' redundancy kollettiva.

    13     L-Artikolu 3(1) ta' din id-Direttiva jiddisponi li:

    "Kull min iħaddem għandu jinnotifika lill-awtorità pubblika kompetenti bil-miktub dwar kull pjan ta' redundancies kollettivi.

    Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li f'każ ta' redundancies kollettivi ippjanat[i] ikkawżat[i] mit-terminu ta' l-attivitajiet ta' l-istabbiliment bħala riżultat ta' deċiżjoni ġudizzjarja, min iħaddem għandu jkun obbligat jinnotifika lill-awtorità pubblika kompetenti bil-miktub biss jekk hi titlob hekk.

    Din in-notifika għand[ha] jkollha l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna r- redundancies kollettivi u l-konsultazzjonijiet ippjanati mar-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti fl-Artikolu 2, u partikolarment ir-raġunijiet għar-redundancy, in-numru ta' ħaddiema li ser jisfgħu mingħajr xogħol, in-numru ta' ħaddiema normalment impjegati u l-perijodu li fih il-redundancy għand[ha] [t]iġi effettwat[a]."

    14     Skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva:

    "1. I[r]-redundancies kollettivi pproġettati nnotifikati lill-awtorità pubblika kompetenti m'għandhomx iseħħu qabel 30 ġurnata wara n-notifika msemmija fl-Artikolu 3(1) bla ħsara għal xi dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet individwali fir-rigward ta' l-avviż tat-tkeċċija mix-xogħol.

    L-Istati Membri jistgħu jagħtu l-poter lill-awtorità pubblika kompetenti sabiex tnaqqas il-perijodu msemmi fis-subparagrafu preċedenti.

    2. Il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jintuża mill-awtorità pubblika kompetenti sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mir- redundancies kollettivi proġettati.

    […]

    4. L-Istati Membri m'għandhomx bżonn japplikaw dan l-Artikolu għar- redundancies kollettivi kkawżati mit-tmiem ta' l-attivitajiet ta' l-istabbiliment meta dawn huwa r-riżultat ta' deċiżjoni ġudizzjarja."

    15     L-Artikolu 6 tad-Direttiva jippreċiża li:

    "L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi għall-infurzar ta' l-obbligi taħt din id-Direttiva huma disponibbli għar-rappreżentanti tal-ħaddiema u/jew għall-ħaddiema."

    16     L-Artikolu 7 tad-Direttiva jistipula li:

    "L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni t-test ta' kull dispożizzjoni fondamentali tal-liġi nazzjonali diġà fis-seħħ jew li għad trid tidħol fis-seħħ fis-settur [irregolat] minn din id-Direttiva."

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    17     L-Artikolu 53 tal-Kostituzzjoni Portugiża jipprevedi li:

    "Il-ħaddiema għandhom ikollhom sigurtà ta' l-impjieg. Ir-redundancies mingħajr raġuni tajba jew għal raġunijiet politiċi jew ideoloġiċi huma pprojbiti."

    18     Id-Direttiva ġiet trasposta fis-sistema legali Portugiża permezz tad-Digriet Leġizlattiv Nru 64-A/89, tas-27 ta' Frar 1989, dwar is-sistema ġuridika li tirregola t-terminazzjoni ta' kuntratti tax-xogħol individwali u t-terminazzjoni u l-għeluq ta' kuntratti tax-xogħol għal żmien speċifikat (Diário da República I, Serje I, Nru 48, tas-27 ta' Frar 1989, iktar 'il quddiem il-"LCCT"). Il-liġi Nru 32/99, tat-18 ta' Mejju 1999 (Diário da República I, Serje I-A, Nru 115, tat-18 ta' Mejju 1999), emendat is-sistema ġuridika li tirregola t-terminazzjoni ta' kuntratti tax-xogħol individwali u t-terminazzjoni ta' kuntratti tax-xogħol għal żmien speċifikat, kif approvata mill-imsemmi Digriet Leġiżlattiv.

    19     L-Artikolu 3 tal-LCCT, intitolat "Forom ta' terminazzjoni ta' kuntratti tax-xogħol", jifforma parti mill-Kapitolu I ta' din il-liġi, intitolat "Prinċipji ġenerali". Huwa jiddisponi li:

    "1. Huma pprojbiti redundancies mingħajr raġuni valida.

    2. Il-kuntratt tax-xogħol jista' jiġi tterminat permezz ta':

    a) għeluq taż-żmien;

    b) rexxissjoni bi ftehim tal-partijiet;

    c) tkeċċija deċiża minn min iħaddem;

    d) tħassir, b'raġuni valida jew le, fuq l-inizjattiva ta' l-impjegat;

    e) tħassir minn waħda mill-partijiet matul iż-żmien ta' prova;

    f) telf ta' impiegi għal raġunijiet oġġettivi ta' natura strutturali, teknoloġika jew ċiklika li għandhom x'jaqsmu ma' l-impriża".

    20     L-Artikolu 4 tal-LCCT, intitolat "Kawżi ta' għeluq taż-żmien", jifforma parti mill-Kapitolu II ta' l-imsemmija liġi, li huwa intitolat "L-għeluq tal-kuntratt tax-xogħol". Huwa jipprevedi li:

    "Il-kuntratt tax-xogħol jagħlaq skond id-dispożizzjoni ġenerali tad-dritt, b'mod partikolari:

    […]

    b) Meta teżisti impossibbiltà assoluta u definittiva, wara li jkun intlaħaq ftehim dwar il-kuntratt, għall-ħaddiem li jwettaq ix-xogħol tiegħu, jew għal min iħaddem li jibbenefika minn dan ix-xogħol".

    21     L-Artikolu 6 tal-LCCT dwar il-mewt ta' persuna fiżika li tħaddem jew ix-xoljiment ta' l-entità kollettiva li tħaddem, li jinsab fil-Kapitolu II ta' din il-liġi, jiddisponi li:

    "1. Il-mewt ta' persuna fiżika li tħaddem twassal għall-għeluq tal-kuntratt tax-xogħol, ħlief jekk il-werrieta tal-mejjet ikomplu l-attività li għaliha kien ġie impjegat il-ħaddiem jew jekk l-impriża tiġi ttrasferita, f'liema każ huwa applikabbli l-Artikolu 37 tas-sistema ġuridika tal-kuntratt tax-xogħol individwali, approvata mid-Digriet-Leġiżlattiv Nru 49408, ta' l-24 ta' Novembru 1969.

    2. Fil-każ li jagħlaq il-kuntratt skond id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, il-ħaddiem għandu d-dritt għal kumpens li jikkorrispondi għall-paga ta' xahar għal kull sena jew parti minn sena maħduma, imħallas mill-assi ta' l-impriża.

    3. Ix-xoljiment ta' entità kollettiva li tħaddem, fin-nuqqas ta' trasferiment ta' l-impriża, jwassal għall-għeluq tal-kuntratti tax-xogħol skond il-kundizzjonijiet previsti fil-punti preċedenti."

    22     Il-Kapitolu V tal-LCCT ikopri t-terminazzjoni ta' kuntratti tax-xogħol ibbażati fuq it-telf ta' impiegi għal raġunijiet oġġettivi ta' natura strutturali, teknoloġika jew ċiklika li għandhom x'jaqsmu ma' l-impriża. Dan il-kapitolu fih żewġ sezzjonijiet, l-ewwel waħda intitolata "Redundancy kollettiva" u t-tieni intitolata "Terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol, minħabba telf ta' impiegi mhux inkluż f'redundancy kollettiva".

    23     L-Artikolu 16 tal-LCCT, intitolat "Kunċett", li huwa l-ewwel artikolu ta' l-imsemmija Sezzjoni I, jipprevedi li:

    "'redundancies kollettivi' tfisser it-terminazzjoni ta' kuntratti tax-xogħol individwali, fuq l-inizjattiva ta' min iħaddem, li teffettwa simultanjament jew suċċessivament, fuq perijodu ta' tliet xhur, mill-inqas 2 impjegati, fil-każ li tkun impriża li timpjega minn 2 sa 50 ħaddiem, jew mill-inqas 5 impjegati fil-każ li l-impriża timpjega iktar minn 50 ħaddiem, sakemm din it-terminazzjoni tkun ibbażata fuq l-għeluq definittiv ta' l-impriża, ta' dipartiment wieħed jew iktar jew fuq it-tnaqqis fil-personal minħabba raġunijiet ta' natura strutturali, teknoloġika jew ċiklika."

    24     Barra minn hekk, is-Sezzjoni I tal-Kapitolu V tal-LCCT tipprovdi, b'mod partikolari, għall-komunikazzjonijiet u konsultazzjonijiet li għandhom isiru minn min iħaddem fl-Artikoli 17 u 18, għall-azzjoni li għandha tittieħed mill-awtorità nazzjonali kompetenti fl-Artikolu 19, għad-drittijiet tal-ħaddiema fl-Artikolu 23, u għall-konsegwenzi ta' redundancies illegali fl-Artikolu 24.

    25     Is-Sezzjoni II tal-Kapitolu V tal-LCCT tkopri, fost oħrajn, ir-raġunijiet għat-telf ta' impjiegi fl-Artikolu 26, il-kundizzjonijiet għat-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol fl-Artikolu 27, il-komunikazzjonijiet li għandhom isiru minn min iħaddem fl-Artikolu 28, il-proċedura li għandha tiġi segwita fl-Artikolu 29, it-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol fl-Artikolu 30 u d-drittijiet tal-ħaddiema fl-Artikolu 32.

    26     Skond l-Artikolu 27(1)(b) u (c) tal-LCCT, it-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol hija suġġetta b'mod partikolari għall-kundizzjoni li biha jkun impossibbli fil-prattika li tinżamm ir-relazzjoni ta' xogħol u li ma jeżistux kuntratti għal żmien determinat għall-funzjonijiet li jikkorrispondu għal dawk tal-post tax-xogħol mitluf.

    27     Fil-Kapitolu VIII tal-LCCT, intitolat "Każijiet partikolari ta' terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol", l-Artikolu 56, dwar is-sitwazzjonijiet ta' falliment jew insolvenza tal-persuna li tħaddem, jiddisponi li:

    "1. Dikjarazzjoni ġudizzjarja ta' falliment jew ta' insolvenza tal-persuna li tħaddem ma ġġibx it-terminazzjoni tal-kuntratti tax-xogħol, peress li l-amministratur ta' l-assi ta' l-impriża fi stralċ għandu jkompli jissodisfa l-obbligi kollha li jirriżultaw mill-kuntratti msemmija iktar 'il fuq għall-ħaddiema, sakemm l-istabbiliment jagħlaq definittivament.

    2. Madankollu, qabel ma l-istabbiliment jagħlaq definittivament, l-amministratur jista' jħassar il-kuntratti tax-xogħol ta' impjegati li s-servizzi tagħhom mhumiex neċessarji għax-xogħol ta' l-impriża, skond ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 16 sa 25."

    28     L-Artikolu 172 tal-Kodiċi Protugiż ta' Proċeduri Speċjali applikabbli f'każijiet ta' organizzazzjoni mill-ġdid bil-qorti u ta' falliment, approvat mid-Digriet-Leġiżlattiv Nru 132/93, tat-23 ta' April 1993 (Diário da República I, Serje I-A, n° 95, tat-23 ta' April 1993), u emendat mid-Digriet-Leġiżlattiv Nru 315/98, ta' l-20 ta' Ottubru 1998 (Diário da República I, Serje I-A, Nru 242, ta' l-20 ta' Ottubru 1998), jipprovdi li:

    "Il-ħaddiema ta' l-impriża li falliet għandhom ikunu koperti, għal dak li jirrigwarda l-kontinwazzjoni tal-kuntratt tagħhom wara d-dikjarazzjoni ta' falliment, mir-regoli ġenerali dwar it-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol, bla ħsara għat-terminazzjoni ta' kuntratti marbuta mal-bejgħ ta' stabbilimenti industrijali u kummerċjali."

     Il-proċedura ta' qabel il-kawża

    29     Billi l-LCCT kienet parzjalment inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu. Wara li bagħtet ittra ta' intimazzjoni lir-Repubblika Portugiża sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni, fid-29 ta' Diċembru 2000, ħarġet opinjoni motivata li fiha stiednet lil dan l-Istat Membru jadotta d-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonforma ruħu fi żmien xahrejn mid-data ta' notifika.

    30     Peress illi l-informazzjoni li ntbagħtet mill-awtoritajiet Portugiżi wrew li n-nuqqas indikat fl-opinjoni motivata kien għadu jeżisti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

     Fuq ir-rikors

    31     Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kunċett ta' redundancies kollettivi fid-dritt Portugiż ma jkoprix il-każijiet kollha ta' redundancies kollettivi msemmija fid-Direttiva. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tad-dritt Portugiż għandhom kamp ta' applikazzjoni iktar ristretta minn dak tad-Direttiva.

    32     Il-Kummissjoni tippreċiża li d-definizzjoni tal-kunċett ta' "redundancy kollettiva" fl-Artikolu 16 tal-LCCT, ma tkoprix, per eżempju, il-każijiet ta' redundancies effettwati minn min iħaddem għal raġunijiet li mhumiex relatati mal-ħaddiema individwali f'każijiet ta' dikjarazzjoni ta' falliment, il-proċeduri ta' stralċ li huma simili għal dawk li japplikaw f'każ ta' falliment, ta' esproprjazzjoni, ta' nar jew każijiet oħra ta' forza maġġuri, kif ukoll f'każ ta' twaqqif ta' l-attività ta' impriża wara l-mewt tan-negozjant.

    33     Il-Gvern Portugiż isostni li r-rikors tal-Kummissjoni huwa infondat, ħlief għall-parti dwar it-terminazzjoni ta' kuntratti tax-xogħol, fl-istadju finali tal-proċedura ta' falliment meta jinbiegħu l-assi, li jirriżulta mill-għeluq definittiv ta' stabbilimenti li ma nbiegħux fit-totalità tagħhom. Fil-fatt, is-sitwazzjonijiet imsemmija mill-Kummissjoni, f'ċirkustanzi partikolari, mhumiex koperti mill-kunċett ta' redundancy kollettiva previst fid-Direttiva u, fil-każijiet l-oħra, huma rregolati mis-sistema ta' redundancy kollettiva stabbilità mil-leġiżlazzjoni Portugiża.

     Il-kunċett ta' "redundancy kollettiva" prevista fid-Direttiva

     L-argumenti tal-partijiet

    34     Il-Gvern Portugiż isostni li ma sar ebda sforz biex tiġi ddefinita redundancy fid-Direttiva għaliex ħafna mis-sistemi legali ta' l-Istati Membri jadottaw il-kunċett komuni ta' att volontarju tal-persuna li tħaddem intiż sabiex itemm ir-relazzjoni ta' xogħol u li jiġi kkomunikat lill-ħaddiem.

    35     Id-Direttiva ma tipprevedix li kull terminazzjoni, tkun xi tkun, ta' kuntratt tax-xogħol għal raġunijiet li mhumiex relatati mal-ħaddiema individwali tiġi kkwalifikata bħala "redundancy".

    36     Barra minn hekk, huwa impossibbli li r-regoli kollha previsti fid-Direttiva jkunu applikabbli għal sitwazzjonijiet li fihom il-kuntratt tax-xogħol jagħlaq minħabba t-twaqqif definittiv ta' l-attività ta' l-impriża li ma jiddependix mir-rieda ta' min iħaddem. Dan il-fatt jikkonferma li dawn is-sitwazzjonijiet mhumiex ikkwalifikati bħala redundancy kollettiva. Id-Direttiva ma kinitx intiża li tapplika għal tali sitwazzjonijiet.

    37     Skond il-Gvern Portugiż, teżisti dilemma bejn l-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva jew l-esklużjoni tagħha. Peress illi varji obbligi importanti previsti fid-Direttiva mhumiex applikabbli f'ċerti sitwazzjonijiet ta' twaqqif definittiv ta' l-attività ta' l-impriża li huma indipendenti mir-rieda ta' min iħaddem, għandu jiġi konkluż li d-Direttiva mhijiex applikabbli fit-totalità tagħha għal dawn is-sitwazzjonijiet.

    38     Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li d-Direttiva ma tagħtix definizzjoni għall-kunċett ta' "redundancy". Madankollu, hija ssostni li n-nuqqas ta' tali definizzjoni ma jawtorizzax lill-Istati Membri jeskludu mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva sitwazzjonijiet bħal dawk li huma suġġetti għar-regoli dwar l-għeluq tal-kuntratt tax-xogħol fid-dritt Portugiż.

    39     Skond il-Kummissjoni, il-Gvern Portugiż kiser b'mod ċar id-dritt Komunitarju meta, fid-dawl ta' l-allegata "dilemma" bejn l-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva u l-esklużjoni tagħha, għażel li ma japplikax id-Direttiva.

    40     Hija tosserva li, għal dak li jirrigwarda l-każijiet ta' esproprijazzjoni, ta' nar jew każijiet oħra ta' forza maġġuri, il-Gvern Portugiż wera li wettaq interpretazzjoni ħażina tas-sistema ta' protezzjoni stabbilità mid-Direttiva, li probabbilment hija riżultat ta' qari selettiv ta' Sezzjonijiet II, "L-informazzjoni u l-konsultazzjoni", u III, "Il-proċedura għal redundancies kollettivi", tad-Direttiva.

    41     F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, fost affarijiet oħrajn, li huwa għal kollox koerenti li l-konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema tkopri mezzi li jtaffu l-konsegwenzi ta' redundancies permezz ta' eżami tal-miżuri soċjali li jmorru magħhom intiżi, b'mod partikolari, sabiex jiffaċilitaw l-integrazzjoni jew it-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema mkeċċija, anki jekk ma kienx possibbli li jiġi evitat l-għeluq definittiv ta' l-impriża, u għaldaqstant it-terminazzjoni tal-kuntratti tax-xogħol.

    42     Skond il-Kummissjoni, il-Gvern Portugiż jagħti interpretazzjoni tal-proċedura ta' redundancies kollettivi li tirrendi mingħajr skop diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Dan huwa partikolarment il-każ għall-obbligu previst fl-Artikolu 3 ta' din id-Direttiva, li jirrikjedi li min iħaddem għandu jinnotifika bil-miktub l-awtorità pubblika kompetenti b'kull pjan ta' redundancy kollettiva. Kemm persuna li tħaddem, li l-impriża tagħha tkun inħarqet, kif ukoll l-eredi ta' negozjant mejjet jistgħu jwettqu dan l-obbligu.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    43     Skond l-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva, għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tagħha, "redundancies kollettivi" tfisser tkeċċijiet imwettqa minn min iħaddem għal raġuni waħda jew iktar li mhumiex relatati mal-ħaddiema individwali sakemm jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet ta' kwantità jew ta' żmien .

    44     Id-Direttiva ma tagħtix espressament definizzjoni tal-kunċett ta' "redundancy". Madankollu, għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, dan il-kunċett għandu jingħata interpretazzjoni uniformi.

    45     Fil-fatt, jirriżulta kemm mir-rekwiżiti ta' applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju kif ukoll mill-prinċipju ta' ugwaljanza li l-kliem ta' dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, li ma tagħmel ebda referenza espressa għad-dritt ta' l-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sinjifikat u l-iskop tagħha, għandhom normalment jingħataw, fil-Komunità kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi ddeterminata billi jittieħed in kunsiderazzjoni l-kuntest tad-dispożizzjoni flimkien ma' l-għan li tipprova tilħaq il-leġiżlazzjoni in kwistjoni (sentenzi tad-19 ta' Settembru 2000, Linster, C-287/98, Ġabra p. I-6917, punt 43, u tal-11 ta' Marzu 2003, Ansul, C-40/01, Ġabra p. I-2439, punt 26).

    46     Fil-kawża preżenti, kuntrarjament għall-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva, li jiddisponi espressament li "rappreżentanti tal-ħaddiema" tfisser ir-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti mil-liġijiet jew mill-prattiċi ta' l-Istati Membri, l-Artikolu 1(1)(a) ta' l-istess Direttiva ma jagħmel ebda riferiment espress għad-dritt ta' l-Istati Membri għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni ta' "redundancy".

    47     Barra minn hekk, jirriżulta mit-Titolu kif ukoll mit-tielet, mir-raba' u mis-seba' premessi tad-Direttiva, li l-għan tagħha huwa li tiġi inċentivata l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi.

    48     Bl-armonizzazzjoni tar-regoli applikabbli għar-redundancies kollettivi, il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jassigura protezzjoni simili għad-drittijiet tal-ħaddiema fl-Istati Membri differenti kif ukoll li jwettaq approssimazzjoni ta' l-ispejjeż li dawn ir-regoli ta' protezzjoni jikkawżaw għall-impriża tal-Komunità (sentenza tat-8 ta' Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-383/92, Ġabra p. I-2479, punt 16).

    49     Għaldaqstant, il-kunċett ta' "redundancy", imsemmi fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva, ma jistax jiġi ddefinit billi jsir riferiment għal-leġiżlazzjonijiet ta' l-Istati Membri, iżda għandu estensjoni Komunitarja.

    50     L-imsemmi kunċett għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jinkludi kull terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol mhux mixtieqa mill-ħaddiem, u għaldaqstant mingħajr il-kunsens tiegħu. Mhuwiex neċessarju li r-raġunijiet li kkawżaw it-terminazzjoni juru r-rieda ta' min iħaddem.

    51     Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta' "redundancy" għall-iskopijiet tad-Direttiva tirriżulta mill-għan li din tipprova tilħaq u mill-kuntest tad-dispożizzjoni in kwistjoni.

    52     Għaldaqstant, jirriżulta mit-tieni premessa tad-Direttiva li din ta' l-aħħar hija intiża sabiex issaħħaħ il-protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta' redundancies kollettivi. Skond it-tielet u s-seba' premessi ta' l-istess Direttiva, huma partikolarment id-differenzi li jeżistu bejn id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri, għal dak li jikkonċerna l-miżuri li jtaffu l-konsegwenzi ta' redundancies collettivi, li għandhom ikunu s-suġġett ta' approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet.

    53     L-objettivi li għalihom tirreferi d-Direttiva jistgħu jinkisbu parzjalment biss jekk it-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol li ma tiddependix mir-rieda ta' min iħaddem tiġi eskluża mir-regoli tad-Direttiva.

    54     Għal dak li jirrigwarda l-kuntest tad-dispożizzjoni in kwistjoni, jirriżulta mid-disa' premessa u mit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva li din ta' l-aħħar hija applikabbli wkoll bħala prinċipju għar-redundancies kollettivi kkawżati mit-twaqqif ta' l-attivitajiet ta' l-istabbiliment li jirriżulta minn deċiżjoni ġudizzjarja. F'din is-sitwazzjoni, it-terminazzjoni ta' kuntratti tax-xogħol tirriżulta f'ċirkustanzi li ma kinux mixtieqa minn min iħaddem.

    55     F'dan il-kuntest, għandu jingħad ukoll li d-Direttiva fil-verżjoni inizjali tagħha, jiġifieri d-Direttiva 75/129, kienet tipprevedi fl-Artikolu 1(2)(d) tagħha li hija ma kinitx applikabbli għall-ħaddiema milquta mit-twaqqif ta' l-attivitajiet ta' l-istabbiliment meta dan kien riżultat ta' deċiżjoni ġudizzjarja. L-imsemmi artikolu kien jipprovdi deroga għar-regola stabbilità mill-Artikolu 1(1)(a) ta' l-istess Direttiva, li kienet tistipula, bi kliem identiċi għal dawk ta' l-istess dispożizzjoni tad-Direttiva 98/59, li għall-iskopijiet ta' dik id-Direttiva, "redundancies kollettivi" tfisser tkeċċijiet imwettqa minn min iħaddem għal raġuni waħda jew iktar li mhumiex relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati. Tali deroga ma kinitx tkun neċessarja jekk il-kunċett ta' "redundancy" jieħu l-forma ta' "att volontarju ta' min iħaddem".

    56     Kif osserva ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 sa 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-"redundancies" huma distinti minn terminazzjonijiet tal-kuntratt tax-xogħol li huma, skond il-kundizzjonijiet, imniżżla fl-aħħar subparagrafu ta' l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva, ipparagunati mar-redundancies minħabba n-nuqqas ta' kunsens tal-ħaddiem.

    57     Wieħed ma jistax jikkuntradixxi l-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 50 ta' din is-sentenza billi jgħid li l-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva mhijiex, per eżempju, possibbli f'ċerti każijiet fejn it-twaqqif definittiv ta' l-attività ta' l-impriża ma jiddependix mir-rieda ta' min iħaddem. F'kull każ, ma tistax tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-Direttiva fit-totalità tagħha f'dawn il-każijiet.

    58     Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva, il-konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema m'għandhomx biss il-għan li jnaqqsu jew li jevitaw redundancies kollettivi, iżda wkoll, fost affarijiet oħra, li jtaffu l-konsegwenzi ta' dawn ir-redundancies billi jintużaw miżuri soċjali li jmorru magħhom intiżi, b'mod partikolari, sabiex jiffaċilitaw l-integrazzjoni jew it-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema mkeċċija. Huwa kontra l-ispirtu tad-Direttiva li l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni jitnaqqas permezz ta' interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta' "redundancy".

    59     L-istess tip ta' kunsiderazzjonijiet japplikaw għal dak li jikkonċerna l-obbligi ta' notifikazzjoni lill-awtorità pubblika kompetenti, previsti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva. Dawn l-obbligi, adattati fejn xieraq skond is-setgħa mogħtija lill-Istati Membri mit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3(1), jistgħu jitwettqu mill-persuna li tħaddem f'każijiet fejn kuntratti tax-xogħol ikollhom jiġu tterminati minħabba ċirkustanzi indipendenti mir-rieda tagħha. Interpretazzjoni opposta tippriva l-ħaddiema mill-protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni kif ukoll mill-Artikolu 4 tad-Direttiva.

    60     Minn dak kollu li ntqal, jirriżulta li terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol ma taħrabx mill-applikazzjoni tad-Direttiva minħabba l-fatt biss li hija kienet ikkawżata minn ċirkustanzi indipendenti mir-rieda ta' min iħaddem.

     L-evalwazzjoni ġuridika tal-leġiżlazzjoni Portugiża

    61     Is-sitwazzjonijiet kollha msemmija fil-punt 32 ta' din is-sentenza, li l-Gvern Portugiż aċċetta li huma kkwalifikati fis-sistema ġuridika Portugiża bħala "għeluq tal-kuntratt", jaqgħu taħt id-Direttiva, għaliex dawn huma koperti mid-definizzjoni tagħha ta' "redundancy".

    62     Ftit jimporta li dawn is-sitwazzjonijiet huma, fid-dritt Portugiż, ikkwalifikati mhux bħala redundancies iżda bħala għeluq bl-operat tal-liġi tal-kuntratt tax-xogħol. Fil-fatt, dawn huma terminazzjonijiet tal-kuntratt tax-xogħol li huma indipendenti mir-rieda tal-ħaddiem, u għaldaqstant huma redundancies fis-sens tad-Direttiva.

    63     Għaldaqstant, ir-Repubblika Portugiża ma ttrasponietx b'mod korrett l-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva.

    64     L-ilment ibbażat fuq nuqqas li jitwettqu l-obbligi taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva huwa wkoll fondat. Xejn ma jindika li r-Repubblika Portugiża, anki jekk hija adottat interpretazzjoni iktar stretta tal-kunċett ta' "redundancy" minn dik mogħtija fid-Direttiva, assigurat madankollu li l-ħaddiema, f'kull każ ta' redundancy kollettiva fis-sens ta' l-imsemmija Direttiva, jiddisponu minn proċeduri amministrattivi u/jew ġurisdizzjonali sabiex jiġu rrispettati l-obbligi previsti fid-Direttiva.

    65     Għal dak li jirrigwarda r-rikors imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummisjoni ma tatx spjegazzjoni kif ir-Repubblika Portugiża kisret din id-dispożizzjoni.

    66     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat, min-naħa, li, billi limitat il-kunċett ta' redundancies kollettivi għal redundancies minħabba raġunijiet ta' natura strutturali, teknoloġika jew ċiklika u billi ma estendietx dan il-kunċett fir-rigward ta' redundancies minħabba kull raġuni li mhijiex relatata mal-ħaddiema individwali kkonċernati, ir-Repubblika Portugiża naqset mill-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 1 u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, ta' l-20 ta' Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi.

     Fuq l-ispejjeż

    67     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Portugiża tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeciedi li:

    1)      Billi llimitat il-kunċett ta' redundancies kollettivi għal redundancies minħabba raġunijiet ta' natura strutturali, teknoloġika jew ċiklika u billi ma estendietx dan il-kunċett fir-rigward ta' redundancies minħabba kull raġuni li mhijiex relatata mal-ħaddiema individwali kkonċernati, ir-Repubblika Portugiża naqset mill-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 1 u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, ta' l-20 ta' Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi.

    2)      Ir-rikors huwa miċħud fir-rigward tat-talbiet l-oħra.

    3)      Ir-Repubblika Protugiża għandha tbati l-ispejjeż.

    Firem.


    * Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

    Top