EUR-Lex Baza aktów prawnych Unii Europejskiej

Powrót na stronę główną portalu EUR-Lex

Ten dokument pochodzi ze strony internetowej EUR-Lex

Dokument 62002CJ0041

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-2 ta' Diċembru 2004.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju ta' l-Olanda.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Artikoli 30 u 36 tat-Trattat KE (li, wara l-emendi saru l-Artikolu 28 KE u l-Artikolu 30 KE) - Oġġetti ta' l-ikel miżjuda b'vitamini jew imluħ minerali - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom għall-eżistenza ta' bżonn nutrittiv - Miżuri b'effett ekwivalenti - Ġustifikazzjoni - Saħħa pubblika - Proporzjonalità.
Kawża C-41/02.

Identyfikator ECLI: ECLI:EU:C:2004:762

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

2 ta' Diċembru 2004 (*)

"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 30 u 36 tat-Trattat KE (li, wara l-emendi saru l-Artikolu 28 KE u l-Artikolu 30 KE) – Oġġetti ta' l-ikel miżjuda b'vitamini jew imluħ minerali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom għall-eżistenza ta' bżonn nutrittiv – Miżuri b'effett ekwivalenti – Ġustifikazzjoni – Saħħa pubblika – Proporzjonalità"

Fil-kawża C-41/02,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-13 ta' Frar 2002,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn  H. van Lier u H. M. H. Speyart, bħala agenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju ta' l-Olanda, irrappreżentat minn H. G. Sevenster u S. Terstal, bħala agenti,

konvenut

 

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, A. Borg Barthet, J.-P. Puissochet, J. Malenovský (Relatur) u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Registratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-14 ta' Lulju 2004,

wara li semgħet  il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta ta' l-14 ta' Settembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, l-ewwel nett, billi adotta jew żamm fil-leġiżlazzjoni tiegħu l-Artikolu 10(1) tal-Warenwetbesluit Bereiding en behandeling van levensmiddelen (digriet ta' applikazzjoni tal-Warenwet dwar il-preparazzjoni u t-trattament ta' oġġetti ta' l-ikel) ta' l-10 ta' Diċembru 1992 (Stb. 1992, 678, aktar 'il quddiem id-"digriet BBL"), kif ukoll, it-tieni nett, l-Artikoli 2(1) u 5 tal-Warenwetbesluit Toevoeging micro-voedingsstoffen aan levensmiddelen (digriet ta' applikazzjoni tal-Warenwet dwar iż-żieda ta' mikronutijenti ma' l-oġġetti ta' l-ikel), ta' l-24 ta' Mejju 1996 (Stb. 1996, 311, aktar 'il quddiem id-"digriet TML"); billi applika wkoll sistema ta' derogi fil-kuntest ta' liema, eventwalment, ma ġiex ikkunsidrat il-karattru sostituttiv ta' ċerti oġġetti ta' l-ikel arrikkiti bil-konsegwenza li oġġetti ta' l-ikel legalment ippreparati u kkummerċjalizzati fi-Stat Membru ieħor, arrikkiti bil-vitamina A (fil-forma ta' retinoidi), bil-vitamina D, bl-aċidu foliku, bis-selenju, bir-ram u biż-żingu, li mhumiex prodotti ta' sostituzzjoni jew prodotti rikostitwiti fis-sens tad-digriet TML, ma jistgħux jiġu kkummerċjalizzati fis-suq Olandiż, sakemm l-imsemmija żieda ma tkun tirrappreżenta l-ebda perikolu għas-saħħa pubblika u sakemm tissodisfa bżonn nutrittiv reali, ir-Renju ta' l-Olanda naqas mill-obbligi li huwa għandu skond l-Artikoli 30 u 36 tat-Trattat KE (li saru, wara emendi, l-Artikolu 28 KE u l-Artikolu 30 KE)

2       Permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' Lulju 2002, ir-Renju tad-Danimarka ġie ammess bħala intervenjent sabiex isostni t-talbiet tar-Renju ta' l-Olanda, iżda, permezz ta' ittra li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta' Lulju 2004, huwa rrinunċja għall-intervent tiegħu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Hemm qbil li, fid-data relevanti għal dan ir-rikors, jiġifieri meta skada t-terminu ta' xahrejn stabbilit fl-opinjoni motivata supplementari tal-21 ta' Diċembru 1998, imsemmi fil-punt 20 ta' din is-sentenza, fil-leġiżlazzjoni Komunitarja ma kinux jeżistu dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom setgħu jiġu miżjuda sustanzi nutrittivi, bħall-vitamini u l-minerali, fl-oġġetti ta' l-ikel ta' konsum ta' kuljum.

4       F'dak li jirrigwarda l-oġġetti ta' l-ikel intiżi għal alimentazzjoni partikolari, uħud fosthom kienu s-suġġett ta' Direttivi adottati mill-Kummissjoni fuq il-bażi tad-Direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE, tat-3 ta' Mejju 1989, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-oġġetti ta’ l-ikel għal użu ta’ nutriment [alimentazzjoni] partikolari (ĠU L 186, p. 27).

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5       Il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' l-oġġetti ta' l-ikel fl-Olanda huma rregolati mill-WET van 28 december 1935, houdende voorschriften betreffende de hoedanigheid en aanduiding van waren (liġi tat-28 ta' Diċembru 1935 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-kwalifikazzjoni u d-deskrizzjoni tal-prodotti, Stb. 1935, 793), fil-verżjoni tagħha li kienet fis-seħħ fid-data relevanti għal dan ir-rikors (aktar 'il quddiem il-"Warentwet").

6       Mill-Artikolu 4(1) tal-Warentwet jirriżulta li, għall-finijiet tal-projbizzjoni ta' oġġetti ta' l-ikel li, meta jsir użu raġonevoli minnhom, jistgħu jkunu ta' periklu fuq il-livell tas-saħħa u tas-sigurtà, l-awtorità kompetenti tista', permezz ta' regolament ta' amministrazzjoni pubblika, tipprojbixxi l-preparazzjoni, il-fabrikazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni jew it-trasformazzjoni u l-użu, għal skopijiet speċifikati f'dan ir-regolament, ta' oġġetti ta' l-ikel, li jaqgħu f'kategorija stabbilita mill-istess regolament, li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti definiti mill-imsemmi regolament f'dak li jirrigwarda l-kompożizzjoni, il-fabrikazzjoni jew il-kwalitajiet u propjetajiet tagħhom.

7       L-Artikolu 16 (1) u (2) tal-Warentwet jipprovdi li:

"1.      Il-Ministru jista', fir-rigward ta' oġġetti ta' l-ikel li jaqgħu taħt kategorija msemmija fid-deċiżjoni tiegħu, jagħti eżenzjoni mir-regoli li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' wieħed minn fost l-Artikoli 4 sa 15.

2.      Il-Ministru jista' wkoll, fir-rigward ta' oġġetti ta' l-ikel li jaqgħu taħt kategorija msemmija fid-deċiżjoni korrispondenti, jagħti, wara li ssir applikazzjoni, deroga mill-applikazzjoni ta' l-imsemmija regoli […]"

8       L-Artikolu 10 tad-digriet BBL kien jipprovdi, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, li:

"1.      L-oġġetti ta' l-ikel ma jistax ikun fihom vitamini, komposti tal-fluworidu jew ta' jodju, aċidi amminiċi jew l-imluħ tagħhom, sakemm dawn is-sustanzi ma jkunux preżenti b'mod naturali fl-imsemmija oġġetti, fl-istess kompożizzjoni u fl-istess kwantità.

2.      Il-paragrafu 1 ma japplikax għall-oġġetti ta' l-ikel li huma s-suġġett ta' dispożizzjonijiet legali li jipprovdu eċċezzjonijiet."

9       Minn dak iż-żmien, il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu ġie emendat, b'effett mis-26 ta' Ġunju 1996, permezz ta' l-Artikolu 10 tad-digriet TML u issa jipprovdi dan li ġej:

"Il-paragrafu 1 ma japplikax

a)      għall-oġġetti ta' l-ikel arrikkiti, bħal dawk previsti fid-[digriet TML], f'dak li jirrigwarda l-preżenza ta' vitamini;

b)      għall-oġġetti ta' l-ikel li jkunu s-suġġett ta' dispożizzjonijiet legali li jipprovdu eċċezzjonijiet."

10     L-Artikolu 1(1)(a) sa (d) tad-digriet TML jipprovdi li:

"Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-finijiet ta' dan id-digriet

a)      mikronutrijenti: sustanzi nutrittivi indispensabbli għall-funzjonament ta' l-organiżmu uman, li l-imsemmi organizmu ma jistax jipproduċi huwa stess u li għandhom jiġu kkunsmati fi kwantitajiet żgħar;

b)      oġġetti ta' l-ikel arrikkiti: oġġett ta' l-ikel miżjud b'mikronutrijent jew b'diversi mikronutrijenti iżda li l-għan essenzjali tiegħu mhuwiex li jipprovdi mikronutrijenti;

c)      prodott ta' sostituzzjoni: oġġett ta' l-ikel arrikkit

–       li huwa intiż sabiex jissostitwixxi prodott li jeżisti u li jkun jixbhu ħafna fl-apparenza, fil-konsistenza, fit-togħma, fil-kulur, fir-riħa u fl-użu tiegħu; u

–       li ġie miżjud b'mikronutrijent jew b'diversi mikronutrijenti fi proporzjonijiet li ma jkunux aktar minn dawk li fihom dawn is-sustanzi jinsabu naturalment fil-prodott li qiegħed jiġi sostitwit;

d)      prodotti rikostitwiti: oġġett ta' l-ikel arrikit

–       ippreparat skond ir-regoli li jirrigwardaw il-prattiċi tajba fil-qasam tal-produzzjoni; u

–       li ġie miżjud b'mikronutrijent jew b'diversi mikronutrijenti sal-proporzjonijiet li fihom dawn is-sustanzi jinsabu naturalment, qabel il-preparazzjoni, fil-parti li tista' tittiekel tal-prodott jew fil-partijiet li jistgħu jittieklu tal-materji primi tal-prodott iżda li ntilfu wara jew matul il-preparazzjoni".

11     Skond l-Artikolu 2(1) tad-digriet TML, "[h]uwa pprojbit li jiġu ppreparati jew ikkummerċjalizzati oġġetti ta' l-ikel arrikkiti li, f'dak li jirrigwarda l-kompożizzjoni tagħhom, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti minn dan id-digriet".

12     L-Artikolu 5 ta' l-istess digriet jipprovdi li:

"Il-mikronutrijenti bħall-vitamina A fil-forma ta' retinoidi, il-vitamina D, l-aċidu foliku, is-selenju, ir-ram u ż-żingu jistgħu jiġu biss miżjuda ma' oġġett ta' l-ikel arrikkit biss sabiex jagħmluh prodott ta' sostituzzjoni jew prodott ta' l-ikel rikostitwit."

13     Skond l-Artikolu 16(1) u (2) tal-Warenwet, il-Ministru tas-Saħħa Olandiż jista' jagħti eżenzjoni jew deroga minn projbizzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni ta' oġġett ta' l-ikel li tirriżulta mid-digriet TML. Skond l-Artikolu 23 tal-Warenwet, id-deċiżjoni tiegħu tista' tkun is-suġġett ta' rikors imressaq quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven.

14     F'dak li jirrigwarda l-oġġetti ta' l-ikel arrikkiti b'mikronutrijietni, il-politika kostanti tal-Ministru tas-Saħħa Olandiż, li ġiet irrikonoxxuta bħala valida mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven, hija li deroga tiġi mogħtija biss jekk jiġu sodisfatti żewġ kriterji:

–       l-oġġett ta' l-ikel li jkun ġie miżjud b'mikronutrijenti m'għandux ikun, bħala tali, ta' ħsara għas-saħħa pubblika;

–       iż-żieda għandha tkun tikkorrispondi għal bżonn reali, b'mod partikolari, alimentari.

 Il-proċedura prekontenzjuża

15     Min-naħa, il-Kummissjoni ġiet infurmata li, fl-1995 u fl-1996, żewġ operaturi ekonomiċi, Kellogg's u Inkosport Nederland, ma kinux ngħataw l-awtorizzazzjoni li jikkummerċjalizzaw fl-Olanda, rispettivament, ċereali għall-ikla ta' filgħodu arrikkiti bil-vitamina D u bl-aċidu foliku u energy bars arrikkiti bl-aċidu foliku, meta dawn il-prodotti kienu diġà legalment ikkummerċjalizzati fi Stati Membri oħra.

16     Peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li dan ir-rifjut imur kontra l-Artikolu 30 tat-Trattat, permezz ta' żewġ ittri ta' intimazzjoni tas-26 ta' Ġunju 1996, hija stiednet lill-awtoritajiet Olandiżi jipprovdu spjegazzjonijiet f'dan ir-rigward.

17     Peress li ma kinitx sodisfatta mir-risposti mogħtija minn dawn l-awtoritajiet, il-Kummissjoni, fit-23 ta' Settembru 1997, indirizzat żewġ opinjonijiet motivati lir-Renju ta' l-Olanda. L-awtoritajiet Olandiżi rrispondew għal dawn l-opinjonijiet permezz ta' ittri tat-12 u tat-18 ta' Diċembru 1997.

18     Min-naħa l-oħra, l-abbozz ta' digriet u, aktar tard, id-digriet TML ġew innotifikati lill-Kummissjoni fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE, tat-28 ta' Marzu 1983, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi (ĠU L 109, p. 8), kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/10/KE, tat-23 ta' Marzu 1994 (ĠU L 100, p.30).

19     Wara li kien hemm skambju ta' ittri, il-Kummissjoni, peress li kkunsidrat li s-sistema ta' deroga għall-projbizzjoni ta' kummerċjalizazzjoni kienet tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-ħarsien tas-saħħa pubblika, safejn din kienet teżiġi kemm li ż-żieda ta' mikronutrijenti ma tkunx ta' ħsara kif ukoll li tissodisfa bżonn nuttrittiv reali, intimat, permezz ta' ittra tat-22 ta' Diċembru 1997, lill-awtoritajiet Olandiżi sabiex jipprovdu spjegazzjonijiet fuq il-ksur in kwistjoni.

20     Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposta tagħhom, permezz ta' ittra tal-31 ta' Awwissu 1998, hija bagħtet opinjoni motivata lir-Renju ta' l-Olanda kif ukoll, permezz ta' ittra tal-21 ta' Diċembru 1998, opinjoni motivata supplementari. L-awtoritajiet Olandiżi rrispondew għal dawn l-opinjonijiet, rispettivament, permezz ta' ittri tat-8 ta' Settembru 1998 u tal-21 ta' April 1999.

21     Kien f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

22     Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, minkejja l-kliem użat fil-parti dispożittiva tiegħu, dan ir-rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu mhuwiex dirett kontra l-leġiżlazzjoni Olandiża. Fil-fatt, il-Kummissjoni tippreċiża li r-rikors tagħha ma jkoprix is-sistema ta' projbizzjoni ta' kummerċjalizazzjoni stabbilita mid-digriet TML bħala tali. Bl-istess mod, hija tindika li mhijiex qiegħda tqajjem il-kwistjoni tal-kompatibbiltà formali tal-proċedura applikabbli għall-applikazzjonijiet ta' deroga mad-dritt Komunitarju.

23     Għaldaqstant il-Kummissjoni ma tikkontestax l-obbligu, stabbilit mil-leġiżlazzjoni Olandiża, li l-produtturi jew l-importaturi ta' ċerti oġġetti ta' l-ikel arrikiti għandhom li jiksbu deroga mill-projbizzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' dawn il-prodotti ta' l-ikel. Ir-rikors tagħħa jirrigwarda biss il-prattika, deskritta fil-punt 14 ta' din is-sentenza, li tikkonsisti, fil-każ ta' l-amministrazzjoni Olandiża, li tagħmel l-eżistenza ta' bżonn nutrittiv reali kundizzjoni neċessarja sabiex tkun tista' tingħata deroga bħal din. Dan huwa s-suġġett tar-rikors hekk definit u li fuqu l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi.

 Fuq il-prattika amministrattiva nazzjonali

24     Peress li l-Kummissjoni u l-Gvern Olandiż ma jaqblux dwar il-karatteristiċi tal-prattika amministrattiva Olandiża f'dak li jirrigwarda l-għoti ta' derogi għall-projbizzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni ta' ċerti oġġetti ta' l-ikel arrikiti, għandu l-ewwel nett jiġi vverifikat f'hiex, effettivament, tikkonsisti din il-prattika.

25     L-ewwel nett, huwa stabbilit li l-oġġetti ta' l-ikel ta' konsum ta' kuljum arrikkiti bil-vitamina A (fil-forma ta' retinoidi), bil-vitamina D, bl-aċidu foliku, bis-selenju, bir-ram u ż-żingu jistgħu biss jiġu kkummerċjalizzati fl-Olanda, jekk ma jkunux prodotti ta' sostituzzjoni jew prodotti rikostitwiti, jekk ikunu jibbenefikaw minn deroga mill-projbizzjoni ta' kummerċjalizazzjoni li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 10 tad-digriet BBL, kif emendat, moqrija flimkien ma' dawk ta' l-Artikoli 2(1) u 5 tad-digriet TML.

26     Huwa wkoll stabbilit li l-Ministeru tas-Saħħa Olandiż jikkonċedi din id-deroga biss jekk, min-naħa, il-prodott ta' l-ikel li jkun ġie miżjud b'waħda minn dawn is-sustanzi nutrittivi ma jkunx ta' ħsara għas-saħħa pubblika u, min-naħa l-oħra, iż-żieda tkun tikkorrispondi għal bżonn nutrittiv reali. Dawn iż-żewġ kriterji huma kumulattivi.

27     F'dan ir-rigward, bil-kontra ta' dak li tagħti x'tifhem il-Kummissjoni, is-sempliċi konstatazzjoni li oġġett ta' l-ikel arrikit jissodisfa l-ewwel kundizzjoni mhijiex biżżejjed sabiex tistabbilixxi li l-kummerċjalizazzjoni tiegħu ma ġġib magħha ebda riskju għas-saħħa pubblika.

28     Fil-fatt, kemm mill-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Olandiż kif ukoll mid-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-proċeduri ta' applikazzjoni għal deroga li diġà kienu ġew imressqa jirriżulta li l-ewwel kriterju jkun sodisfatt jekk l-oġġett ta' l-ikel arrikit ma jkunx ta' ħsara bħala tali, jiġifieri jekk il-kwantità ta' sustanza nutrittiva li dan ikun fih ma tkunx perikoluża fiha nfisha, indipendentement mis-sorsi l-oħra ta' din is-sustanza fl-alimentazzjoni tal-popolazzjoni ta' l-Olanda.

29     Il-vitamini u l-imluħ minerali mhumiex normalment ta' ħsara fihom infushom, iżda jistgħu jipproduċu effetti ħżiena speċifiċi fil-każ li jiġu kkunsmati eċċessivament flimkien ma' l-ikel l-ieħor, li l-kompożizzjoni tiegħu ma tistax tkun previstà jew ikkontrollata (ara, f'dak li jirrigwarda l-vitamini, is-sentenzi ta' l-14 ta' Lulju 1983, Sandoz 174/82' Ġabra p. 2445, punt 17; tat-23 ta' Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-192/01, Ġabra p. I-9693, punt 43, u tal-5 ta' Frar 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C-24/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 50).

30     Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li oġġett ta' l-ikel arrikkit b'sustanza nutrittiva speċifika ma jkunx, bħala tali, ta' ħsara għas-saħħa pubblika, u li għalhekk jissodisfa l-ewwel kriterju, ma jippermettix li jiġi konkluż li dan mhuwiex perikoluż. Kif isostni l-Gvern Olandiż, għandu jiġi wkoll evalwat jekk dan ikunx jippreżenta riskju għas-saħħa pubblika fid-dawl tas-sorsi l-oħra ta' din is-sustanza nutrittiva fl-ikel kollu.

31     Il-Gvern Olandiż isostni li din l-evalwazzjoni qiegħda ssir fil-kuntest ta' l-eżami tat-tieni kriterju, li jirrigwarda l-eżistenza ta' bżonn nutrittiv.

32     It-tieni nett, mill-proċeduri ta' applikazzjoni għal deroga li ġew ippreżentati quddiem l-awtoritajiet Olandiżi kompetenti jirriżulta li d-deroga tiġi sistematikament miċħuda meta l-oġġett ta' l-ikel arrikkit ma jkunx jissodisfa t-tieni kriterju.

33     L-eżempju li l-Gvern Olandiż invoka sabiex jipprova li deroga tista' tiġi konċessa, jekk ikun hemm bżonn, għal oġġett ta' l-ikel arrikkit li ma jkun jissodisfa ebda bżonn nutrittiv mhuwiex rilevanti. Dan jitratta l-awtorizazzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni ta' margarina arrikkita bil-vitamina D, maħruġa fl-2002, jiġifieri wara li skada t-terminu preskritt mill-opinjoni motivata supplementari tal-21 ta' Diċembru 1998. Barra minn dan, għandu jiġi kkonstatat li, f'din il-proċedura ta' awtorizzazzjoni, l-awtoritajiet Olandiżi kompetenti sabu li kien hemm bżonn nutrittiv għall-vitamina D fost il-persuni li jkollhom aktar minn 60 sena u li l-awtorizazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-imsemmija margarina jkollha tikketta li tavża li jkun aħjar li l-prodott ma jiġix ikkunsmat minn persuni ta' anqas minn 60 sena.

34     Għalhekk, il-Kummissjoni hija ġġustifikata meta tenfasizza l-karattru sistematiku tal-projbizzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni ta' l-oġġetti ta' l-ikel arrikkiti li ma jissodisfawx bżonn nutrittiv reali.

35     Fl-aħħar nett, mill-eżami tal-proċeduri ta' applikazzjoni għal derogi ppreżentati quddiem l-awtoritajiet Olandiżi jirriżulta li, bil-kontra ta' l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, huma l-awtoritajiet Olandiżi li għandhom l-obbligu li jistabbilixxu n-nuqqas ta' bżonn nutrittiv sabiex tkun tista' tiġi miċħuda applikazzjoni għal deroga. Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta' l-10 ta' Marzu 1994, li s-segretarju Olandiż għall-Welfare, is-Saħħa u l-Kultura ħa fil-kwistjoni "Punica", tiipprċiża li "[f]'dak li jirrigwarda bżonn li jista' jiġi ppruvat, il-kummissjoni [tal-protesti tal-Mnisteru tas-Saħħa Olandiż] tqis li l-appellant ma ppruvax b'mod suffiċjentement konvinċenti l-eżistenza tiegħu, iżda li l-Ministeru wera' b'mod plawsibbli li din iż-żieda mhijiex meħtieġa".

36     Ċertament, l-operaturi ekonomiċi ser jippruvaw juru li l-prodott tagħhom jissodisfa bżonn bħal dan, iżda din iċ-ċirkustanza ma tippermettix li jiġi konkluż li hemm bdil fl-oneru tal-prova.

37     Għandu jiġi vverifikat jekk il-prattika amministrattiva Olandiża f'dak li jirrigwarda l-għoti ta' derogi, hekk kif indikata, tikkostitwixxix miżura b'effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva għall-importazzjoni u, jekk dan ikun il-każ, jekk din tistax tkun iġġustifikata fuq il-bażi ta' l-Artikolu 36 tat-Trattat kif isostni l-Gvern Olandiż.

 Fuq l-eżistenza ta' miżura b'effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni

38     Il-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri huwa prinċipju fundamentali tat-Trattat li huwa espress fil-projbizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 30 tat-Trattat, tar-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll ta' kull miżura b'effett ekwivalenti.

39     Il-projbizzjoni tal-miżuri b'effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 30 tat-Trattat tirrigwarda kull leġiżlazzjoni kummerċjali ta' l-Istati Membri li tista', direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, tkun ta' xkiel għall-kummerċ intrakomunitarju (ara b'mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta' Lulju 1974, Dassonville, 8/74, Ġabra p. 837, punt 5; Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata aktar 'il fuq, punt 39, u L-Kummissjoni vs Franza, iċċitata aktar 'il fuq, punt 22).

40     Huwa stabbilit li l-prattika amministrattiva Olandiża tikkonstitwixxi miżura b'effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fis-sens ta' l-Artikolu 30 tat-Trattat.

41     Fil-fatt, din il-prattika, li teżiġi li l-kummerċjalizazzjoni ta' oġġetti ta' l-ikel arrikkiti bil-vitamini jew bl-imluħ minerali li jkunu ġejjin minn Stati Membri oħra fejn dawn ikunu legalment prodotti u kkummerċjalizzatti tkun suġġetta għall-prova ta' bżonn nutrittiv fi-ħdan il-popolazzjoni Olandiża, tagħmel il-kummerċjalizazzjoni ta' dawn l-oġġetti ta' l-ikel aktar diffiċli, x'aktarx impossibbli, u, konsegwentement, hija ta' xkiel għall-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara, f'dan is-sens, is-sentenza L-Kummissjoni vs Id-Danimarka, ċċitata aktar 'il fuq, punt 41).

 Fuq il-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-ħarsien tas-saħħa pubblika

42     Dwar il-kwistjoni dwar jekk il-prattika amministrattiva Olandiża tistax tiġi ġġustifikata abbażi ta' l-Artikolu 36 tat-Trattat, huma l-Istati Membri li għandhom, fin-nuqqas ta' armonizazzjoni u safejn ikun hemm dubji dwar l-istat attwali tar-riċerka xjentifika, jiddeċiedu dwar il-livell ta' ħarsien tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem li huma għandhom l-intenzjoni li jiżguraw u dwar ir-rekwiżit ta' awtorizazzjoni minn qabel għat-tqegħid fis-suq ta' oġġetti ta' l-ikel, filwaqt li jqisu r-rekwiżiti tal-moviment liberu tal-merkanzija fil-Komunità (ara s-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq, Sandoz, punt 16; Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, punt 42, u L-Kummissjoni vs Franza, punt 49).

43     Din is-setgħa ta' diskrezzjoni li tirrigwarda l-ħarsien tas-saħħa pubblika hija partikolarment importanti meta jiġi ppruvat li hemm dubji dwar l-istat attwali tar-riċerka xjentifika fir-rigward ta' ċerti sustanzi, bħall-vitamini li, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 29 ta' din is-sentenza, mhumiex normalment ta' ħsara fihom infushom, iżda li jistgħu jipproduċu effetti dannużi speċifiċi fil-każ li jiġu kkunsmati eċċessivament flimkien ma' l-ikel l-ieħor, li l-kompożizzjoni tiegħu ma tistax tkun previstà jew ikkontrollata, (ara s-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Sandoz, punt 17; Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, punt 43, u L-Kummissjoni vs Franza, punt 50).

44     Id-dritt Komunitarju għalhekk ma jipprekludix li, skond il-prinċipju ta' prekawzjoni, il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru tipprojbixxi, fin-nuqqas ta' awtorizazzjoni minn qabel, il-kummerċjalizzazzjoni ta' oġġetti ta' l-ikel meta jkunu ġew miżjuda b'sustanzi nutrittivi oħra minbarra dawk li ż-żieda tagħhom tkun iddikjarata bħala permissibbli mill-imsemmija leġiżlazzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, punt 44, u L-Kummissjoni vs Franza, punt 51).

45     Fil-fatt, mill-Artikolu 130 R tat-Trattat KE (li, wara emendi, sar l-Artikolu 174 KE) jirriżulta li l-ħarsien tas-saħħa tal bniedem tagħmel parti mill-għanijiet tal-politika tal-Komunità fil-qasam ta' l-ambjent u li din il-politika, li tipprovdi għal-livell għoli ta' protezzjoni, hija bbażata, fost l-oħrajn, fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni u li r-rekwiżiti ta' din il-politika għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implementazzjoni ta' politiki oħra tal-Komunità. Barra minn dan, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-prinċipju ta' prekawzjoni jista' wkoll japplika għall-politika tal-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem, li, skond l-Artikolu 129 tat-Trattat KE (li, wara emendi, sar l-Artikolu 152 KE), hija intiża wkoll sabiex tilħaq livell għoli ta' protezzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta' Mejju 1998, National Farmenr's Union et, C-157/96, Ġabra p. I-2211, punti 63 u 64; tad-9 ta' Settembru 2003, Monsanto Agricoltura Italia et, C-236/01, Ġabra p. I-8105, punti 128 u 133; Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata aktar 'il fuq, punt 49 u L-Kummissjoni vs Franza, iċċitata aktar 'il fuq, punt 56; ara wkoll, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, T-13/99, Ġabra p. II-3305, punti 139 u 140; Alpharma vs Il-Kunsill, T-70/99, Ġabra p. II-3495, punti 152 u 153, u ta' l-10 ta' Marzu 2004, Malagutti-Vezinhet vs Il-Kummissjoni, T-177/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 54).

46     Madanakollu, meta jkunu qegħdin jeżerċitaw id-diskrezzjoni tagħhom li tirrigwarda l-ħarsien tas-saħħa pubblika, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta' proporzjonalità. Il-mezzi li huma jagħżlu għandhom għalhekk ikunu limitati għal dak li huwa effettivament meħtieġ sabiex jassiguraw il-ħarsien tas-saħħa pubblika; dawn għandhom ikunu pproporzjonati fir-rispett ta' l-għan hekk imfittex, li ma setax jintlaħaq permezz ta' miżuri li jkunu anqas restrittivi fuq il-kummerċ intrakomunitarju (ara, is-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Sandoz, punt 18; Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, punt 45, u L-Kummissjoni vs Franza, punt 52).

47     Barra minn dan, peress li l-Artikolu 36 tat-Trattat jipprovdi eċċezzjoni, li għandha tiġi interpretata strettament, għar-regola tal-moviment ħieles tal-merkanzija fi ħdan il-Komunità, huma l-awtoritajiet nazzjonali li jinvokawha li għandhom jippruvaw, f'kull każ speċifiku, fid-dawl tad-drawwiet alimentari nazzjonali u tar-riżultati tar-riċerka xjentifika internazzjonali, li l-leġiżlazzjoni tagħhom hija neċessarja sabiex jiġu mħarsa effettivament l-interessi previsti fl-imsemmija dispożizzjoni u, b'mod partikolari, li l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti in kwistjoni tippreżenta riskju reali għas-saħħa pubblika (ara s-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, punt 46, u L-Kummissjoni vs Franza, punt 53).

48     Għalhekk, projbizzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni ta' l-oġġetti ta' l-ikel li jkunu ġew miżjuda b'sustanzi nutrittivi għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni approfondita tar-riskju allegat mill-Istat Membru li jinvoka l-Artikolu 36 tat-Trattat KE (ara s-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, punt 47, u L-Kummissjoni vs Franza, punt 54).

49     Deċiżjoni li tiġi pprojbita l-kummerċjalizzazzjoni ta' oġġett ta' l-ikel arrikit, li tikkostitwixxi, barra minn dan, l-aktar xkiel restrittiv għall-kummerċ li jirrigwarda l-prodotti legalment prodotti u kkumerċjalizzati fi Stati Membri oħra, tista' tiġi adottata biss jekk l-allegat riskju reali għas-saħħa pubblika jidher li huwa biżżejjed ippruvat abbażi ta' l-aktar data xjentifika reċenti li tkun disponibbli meta tiġi adottata tali deċiżjoni. F'kuntest bħal dan, l-evalwazzjoni li l-Istat Membru għandu jagħmel tar-riskju għandha bħala għan il-valutazzjoni tal-livell ta' probabbiltà ta' l-effetti ħżiena taż-żieda ta' ċerti sustanzi nutrittivi ma' oġġetti ta' l-ikel fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-gravità ta' dawn l-effetti potenzjali (ara s-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, punt 48, u L-Kummissjoni vs Franza, punt 55).

50     Fl-evalwazzjoni tar-riskju in kwistjoni mhumiex biss l-effetti speċifiċi tal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodott individwali li jkun fih kwantità determinata ta' sustanzi nutrittivi li huma rilevanti. Jista' jkun xieraq li jiġi kkunsidrat l-effett kumulattiv tal-preżenza fis-suq ta' diversi sorsi, naturali jew artifiċjali, ta' sustanza nutrittiva speċifika u li, fil-futur, jista' jkun hemm sorsi addizzjonali li jistgħu jiġu raġjonevolment previsti (sentenza L-Kummissjoni vs Id-Danimarka, punt 50).

51     F'diversi każijiet, l-evalwazzjoni ta' dawn l-elementi għandha turi li hemm livell għoli ta' dubju xjentifiku u prattiku f'dan ir-rigward. Dubju bħal dan, li ma jistax jiġi distint mill-kunċett ta' prekawzjoni, għandu influwenza fuq il-portata tas-setgħa diskrezzjonali ta' l-Istat Membru u għalhekk ikollu riperkussjonijiet fuq il-metodi ta' applikazzjoni tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

52     F'ċirkustanżi bħal dawn, għandu jiġi ammess li Stat Membru jista', skond il-prinċipju ta' prekawzjoni, jieħu miżuri ta' protezzjoni mingħajr ma jkollu għalfejn jistenna li r-realtà u l-gravità ta' dawn ir-riskji jkunu ppruvati b'mod eżawrjenti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza National Farmenr's Union et, iċċitata aktar 'il fuq, punt 63). Madankollu, l-evalwazzjoni tar-riskju ma tistax tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet purament ipotetiċi (ara s-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Monsanto Agrikoltura Italia et, punt 106; Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, punt 49, u L-Kummissjoni vs Franza, punt 56).

53     Applikazzjoni korretta tal-prinċipju ta' prekawzjoni tippresupponi, l-ewwel nett, l-identifikazzjoni tal-konsegwenzi potenzjalment negattivi fuq is-saħħa minħabba ż-żieda proposta ta' sustanzi nutrittivi, u, it-tieni nett, evalwazzjoni globali tar-riskju għas-saħħa bbażata fuq l-aktar data xjentifika affidabbli li tkun disponibbli u fuq l-aktar riżultati reċenti tar-riċerka internazzjonali (ara s-sentenza L-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata aktar 'il fuq, punt 51).

54     Meta ma jkunx possibbli, minħabba n-natura insuffiċjenti, mhux konklużiva jew mhux preċiża tar-riżultati ta' l-istudji magħmula, li l-eżistenza jew il-portata tar-riskju allegat tiġi ddeterminata b'ċertezza, iżda meta tibqa' l-probabbiltà ta' ħsara reali għas-saħħa pubblika fil-każ fejn ir-riskju jseħħ, il-prinċipju ta' prekawzjoni jiġġustifika l-adozzjoni ta' miżuri restrittivi, bil-kundizzjoni li dawn ma jkunux diskriminatorji u oġġettivi (ara s-sentenza L-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata aktar 'il fuq, punti 52 u 53).

55     F'dan il-każ, jidher li l-awtoritajiet kompetenti Olandiżi jeżaminaw separatament, min-naħa, l-effetti speċifiċi tal-kummerċjalizzazzjoni ta' oġġett ta' l-ikel individwali li jkun fih kwantità determinata ta' sustanzi nutrittivi, li huma jevalwaw fil-kuntest ta' l-ewwel kriterju, u, min-naħa l-oħra, l-effett kumulattiv tal-preżenza fis-suq ta' diversi sorsi, naturali jew artifiċjali, ta' sustanza nutrittiva, li huma jevalwaw fil-kuntest tat-tieni kriterju, li jirrigwarda l-eżistenza ta' bżonn nutrittiv fi-ħdan il-popolazzjoni Olandiża.

56     Il-Gvern Olandiż isostni li, fil-każ tal-vitamina A (fil-forma ta' retinoidi), tal-vitamina D, ta' l-aċidu foliku, tas-selenju, tar-ram u taż-żingu, il-livell tossikoloġiku massimu – jiġifieri l-kwantità li, lil hinn minnha, id-dehra ta' effetti ħżiena ma tistax tiġi esluża – hija ftit aktar għolja mid-doża rrakkomandata għal kuljum – jiġifieri l-kwantità li virtwalment tissodisfa l-bżonnijiet li l-persuni f'saħħithom kollha ta' grupp speċifiku tal-popolazzjoni jkollhom għal sustanza nutrittiva determinata –, b'tali mod li ż-żieda tagħhom ma' l-oġġetti ta' l-ikel tista' tiġi awtorizzata biss b'mod ristrett. F'dak li jirrigwarda dawn is-sustanzi "b'marġni limitat ta' sigurtà", għandhom jiġu mwieżna l-ħtieġa li dawn jinżiedu ma' l-oġġetti ta' l-ikel u r-riskju li tali żieda ġġib magħha u għandhom jiġu applikati, meta jkun hemm bżonn u meta l-evalwazzjoni tar-riskju tiġġustifika dan, restrizzjonijiet għall-kummerċjalizazzjoni ta' prodotti li ma jkunux jikkonformaw ma' għan alimentari determinat.

57     Madankollu, anki meta jkun xjentifikament ippruvat li s-sitt sustanzi nutrittivi in kwistjoni għandhom "marġni limitat ta' sigurtà", id-doża ta' dawn is-sustanzi rakommandata għal ta' kuljum mhijiex l-istess bħal-livell tossikoloġiku massimu. Barra minn dan, kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-differenza żgħira bejn id-doża rakkomandata għal ta' kuljum u l-kwantità li, lil hinn minnha, jkun hemm riskju għas-saħħa mhijiex l-istess għal kull sustanza nutrittiva.

58     Minn dan isegwi li oġġett ta' l-ikel arrikkit b'sustanza nutrittiva determinata jista' ma jkunx jissodisfa bżonn nutrittiv minħabba li l-porzjoni alimentari medja tkun diġà tipprovdi d-doża rakkomandata għal ta' kuljum ta' din is-sustanza nutrittiva, mingħajr ma l-kummerċjalizazzjoni tiegħu ma ġġib magħha qbiż tal-limitu tossikoloġiku massimu li, lil hinn minnu, jkun hemm, skond l-istat attwali ta' l-għarfien xjentifiku, riskju reali għas-saħħa pubblika.

59     F'kull każ, il-Gvern Olandiż m'huwa qiegħed iressaq l-ebda studju xjentifiku li jikkonkludi li kull qbiż tad-doża rakkomandata għal ta' kuljum għal waħda jew oħra minn dawn is-sitt sustanzi nutrittivi in kwistjoni, ikun kemm ikun, iġib miegħu riskju reali għas-saħħa pubblika.

60     Il-Gvern Olandiż isostni wkoll li huwa ġġustifikat li jiċħad il-kummerċjalizzazzjoni ta' oġġett ta' l-ikel arrikit li ma jkun jkollu ebda skop nutrittiv li jista' jiġi ppruvat, u dan anke meta ma jkunx intlaħaq l-"ogħla limitu", sabiex iħalli post għal prodotti oħra li għalihom jista' jiġi ppruvat bżonn nutrittiv għal ċerti gruppi tal-popolazzjoni.

61     F'dan ir-rigward, anke jekk il-kummerċjalizzazzjoni ta' oġġett ta' l-ikel arrikit li jkun itiż għall-popolazzjoni in ġenerali effettivament tnaqqas id-differenza bejn bejn il-kwantità ta' sustanza nutrittiva li tinsab fil-porzjoni alimentari medja u l-limitu tossikoloġiku massimu, dan, bl-ebda mod, ma jwaqqaf lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti milli aktar tard jawtorizzaw il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti oħra arrikkiti bl-istess sustanza li jkunu destinati biss għal dawk il-gruppi tal-popolazzjoni li l-porzjoni alimentari medja tagħhom ma tippermettix li jiġu sodisfatti l-bżonnijiet ta' l-imsemmija sustanza. Għalhekk, l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Gvern Olandiż ma tistax tiġġustifika prattika li tipprojbixxi oġġett ta' l-ikel arrikkit li l-konsum tiegħu ma jkunx jippermetti, anke jekk tiġi kkunsidrata l-alimentazzjoni kollha, li jintlaħaq il-limitu massimu li, lil hinn minnu, jista' jkun hemm riskju reali għas-saħħa pubblika.

62     Għandu jingħad ukoll li, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, anke wara li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu awtorizzaw il-kummerċjalizzazzjoni ta' oġġett ta' l-ikel arrikit b'sustanza nutrittiva ddeterminata, dawn xorta jibqgħu ħielsa li jiċħdu applikazzjoni għal awtorizazzjoni sussegwenti abbażi tas-sitwazzjoni li rriżultat wara l-għoti ta' l-ewwel awtorizazzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti ta' l-EFTA tal-5 ta' April 2001, Awtorita ta' Sorveljanza EFTA vs In-Norveġja, E-3/00, EFTA Court Report 2000-2001, p. 73, punti 36 u 37).

63     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-karattru sistematiku tal-projbizzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni ta' l-oġġetti ta' l-ikel arrikkiti, hekk kif tirriżulta mill-prattika amministrattiva Olandiża, ma tippermettix li jiġi rispettat id-dritt Komunitarju dwar l-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni ta' riskju reali għas-saħħa pubblika, li jeżiġi eżami approfondit, każ b'każ, ta' l-effetti li tista' ġġib magħha ż-żieda ma' dan ta' l-aħħar tal-vitamini u ta' l-imluħ minerali in kwistjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza L-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata aktar 'il fuq, punt 56).

64     Barra minn dan, kif ġustament osservat il-Kummissjoni, mill-fajl la jirriżulta li, fil-proċeduri ta' applikazzjoni għal deroga, l-awtoritajiet Olandiżi jivverifikaw jekk l-oġġett ta' l-ikel arrikkit b'sustanza nutrittiva determinata jistax jissostitwixxi, fil-porzjoni alimentari, oġġetti ta' l-ikel tradizzjonali li għalihom iż-żieda ta' din is-sustanza hija obbligatorja, u lanqas, a fortiori, li huma jikkunsidraw effett sostituttiv bħal dan.

65     B'hekk il-Gvern Olandiż jammetti li, ġeneralment, iċ-ċereali jistgħu jkunu prodott li jissostitwixxi l-ħobż midluk. Sa l-1 ta' Diċembru 1999, il-leġiżlazzjoni Olandiża kienet timponi li x-xaħmijiet li jindilku jkunu arrikkiti bil-vitamina D. Għaldaqstant, mill-fajl ma jirriżultax li, matul l-eżami ta' l-applikazzjoni għal awtorizazzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni ta' ċereali arrikkiti bil-vitamina D, ippreżentata mill-kumpannija Kellogg's, l-awtoritajiet Olandiżi kkunsidraw din iċ-ċirkustanza meta vverifikaw jekk il-kummerċjalizzazzjoni ta' dawn iċ-ċereali kinitx iġġib magħha żieda fil-kwantità tal-vitamina D fil-porzjoni alimentari medja tal-konsumaturi taċ-ċereali, fir-rispett tal-kwantità meqjusa aċċettabbli, x'aktarx meħtieġa, fil-porzjoni alimentari medja tal-konsumaturi tal-oġġetti ta' l-ikel li jindilku kif ukoll il-proporzjoni ta' tali żieda.

66     It-tfittxija ta' eventwali effett sostituttiv għandha madankollu tkun parti integrali mill-evalwazzjoni approfondita meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, it-teħid in kunsiderazzjoni ta' effett bħal dan, jekk ikun jeżisti, jista' jwassal għall-konklużjoni li l-kummerċjalizazzjoni ta' oġġett ta' l-ikel arrikkit ġdid ma ġġibx magħha żieda fil-kwantità ta' sustanza nutrittiva fil-porzjoni alimentari medja u, għaldaqstant, twassal għall-għoti ta' deroga. Min-naħa l-oħra, il-konsegwenza tan-nuqqas ta' teħid in kunsiderazzjoni ta' dan l-effett tkun li l-abitudnijiet alimentari jiġu ffissati mingħajr ġustifikazzjoni bbażata fuq is-saħħa pubblika.

67     Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-awtoritajiet Olandiżi ma rrispettawx ir-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju u, b'mod partikolari, dawk ta' evalwazzjoni approfondita, każ b'każ, ta' l-effetti fuq is-saħħa pubblika li jistgħu jirriżultaw mill-kummerċjalizzazzjoni ta' oġġetti ta' l-ikel arrikkiti b'waħda mis-sitt sustanzi nutrittivi in kwistjoni.

68     Anke jekk l-effett kumulattiv tal-preżenza fis-suq ta' diversi sorsi, naturali jew artifiċjali, ta' sustanza nutrittiva determinata u, għaldaqstant, l-eżistenza ta' riskju reali għas-saħħa pubblika, huma wkoll eżaminat mill-awtoritajiet Olandiżi fil-kuntest tal-bżonn nutrittiv, madankollu, mill-fajl jirriżulta li, fil-fatt, l-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' oġġett ta' l-ikel arrikkit tingħata biss jekk jiġi stabbilit ukoll li dan huwa meħtieġ sabiex il-popolazzjoni Olandiża tkun tista' tissodisfa l-bżonnijiet tagħha għal vitamini jew għal imħluħ minerali (ara d-deċiżjoni li s-Segretarju ta' l-Istat Olandiż għall-welfare, is-saħħa u l-kultura ħa fil-kwistjoni "Punica", iċċitata fil-punt 35 ta' din is-sentenza). Madankollu, dan l-aħħar metodu ma jagħmilx parti mill-evalwazzjoni ta' perikolu għas-saħħa pubblika.

69     Fil-fatt, għalkemm il-kriterju ta' bżonn nutrittiv tal-popolazzjoni ta' Stat Membru jista' jkollu rwol fl-evalwazzjoni approfondita li dan ta' l-aħħar jagħmel tar-riskju li ż-żieda ta' sustanzi nutrittivi ma' oġġetti ta' l-ikel jista' jkollha għas-saħħa pubblika, in-nuqqas ta' bżonn bħal dan ma jistax madankollu, waħdu, jiġġustifika projbizzjoni totali, abbażi ta' l-Artikolu 36 tat-Trattat, tal-kummerċjalizzazzjoni ta' l-oġġetti ta' l-ikel legalment prodotti u/jew ikkummerċjalizzati fi Stati Membri oħra (ara s-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, punt 54, u L-Kummissjoni vs Franza, punti 59 u 60).

70     Mill-kunsiderazzjonijiet kollha magħmulin aktar 'il fuq jirriżulta li, billi japplika prattika amministrattiva li, permezz tagħha, oġġetti ta' l-ikel ta' konsum ta' kuljum li jkunu arrikkiti bil-vitamina A (fil-forma ta' retinoidi), bil-vitamina D, bl-aċidu foliku, bis-selenju, bir-ram u biż-żingu, li huma legalment prodotti jew ikkummerċjalizzati fi-Stati Membri oħra, jistgħu biss jiġu kkummerċjalizzati fl-Olanda, meta dawn la jkunu prodotti ta' sostituzzjoni u lanqas oġġetti ta' l-ikel rikostitwiti skond l-Artikolu 1(1)(c) u (d) tad-digriet TML, jekk dan l-arrikkiment ikun jissodisfa bżonn nutrittiv fost il-popolazzjoni Olandiża u, barra minn dan, mingħajr ma jiġi vverifikat jekk dawn l-oġġetti ta' l-ikel arrikkiti jistgħux jissostitwixxu oġġetti ta' l-ikel li huma diġà kkummerċjalizzati li għalihom ż-żieda ta' l-istess sustanzi nuttrittivi hija obbligatorja, ir-Renju ta' l-Olanda naqas mill-obbligi li huwa għandu skond l-Artikolu 30 tat-Trattat KE.

 Fuq l-ispejjeż

71     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta' l-Olanda tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Billi japplika prattika amministrattiva li, permezz tagħha, oġġetti ta' l-ikel ta' konsum ta' kuljum li jkunu arrikkiti bil-vitamina A (fil-forma ta' retinoidi), bil-vitamina D, bl-aċidu foliku, bis-selenju, bir-ram u biż-żingu, li huma legalment prodotti jew ikkummerċjalizzati fi-Stati Membri oħra, jistgħu biss jiġu kkummerċjalizzati fl-Olanda, meta dawn la jkunu prodotti ta' sostituzzjoni u lanqas oġġetti ta' l-ikel rikostitwiti skond l-Artikolu 1(1)(c) u (d) tal-Warenwetbesluit Toevoeging micro-voedingsstoffen aan levensmiddelen (digriet ta' applikazzjoni tal-Warenwet dwar iż-żieda ta' mikronutijenti ma' l-oġġetti ta' l-ikel), ta' l-24 ta' Mejju 1996, jekk dan l-arrikkiment ikun jissodisfa bżonn nutrittiv fost il-popolazzjoni Olandiża u, barra minn dan, mingħajr ma jiġi vverifikat jekk dawn l-oġġetti ta' l-ikel arrikkiti jistgħux jissostitwixxu oġġetti ta' l-ikel li huma diġà kkummerċjalizzati li għalihom ż-żieda ta' l-istess sutsanzi nuttrittivi hija obbligatorja, ir-Renju ta' l-Olanda naqas mill-obbligi li huwa għandu skond l-Artikolu 30 tat-Trattat KE (li, wara emendi, sar l-Artikolu 28 KE).

2)      Ir-Renju ta' l-Olanda huwa kkundannat ibati l-ispejjeż.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Góra