Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62001TJ0306

Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tieni Awla Estiża) tal-21 ta' Settembru 2005.
Ahmed Ali Yusuf u Al Barakaat International Foundation vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Politika barranija u ta' sigurtà komuni - Miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-netwerk ta' Al-Qaida u t-Taliban - Kompetenza tal-Komunità - Iffriżar ta' fondi - Drittijiet fundamentali - Jus cogens - Stħarriġ ġudizzjarju - Rikors għal annullament.
Kawża T-306/01.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2005:331

62001A0306



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża T-306/01

Ahmed Ali Yusuf, li joqgħod fi Spnga (l-Iżvezja),

Al Barakaat International Foundation , stabbilita fi Spnga,

irrappreżentata minn L. Silbersky u T. Olsson, Avukati,

rikorrenti

vs

il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Vitsentzatos, I. Rdestad, E. Karlsson u M. Bishop, bħala aġenti,

u

l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Van Solinge, J. Enegren u C. Brown, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuti

sostnuti mir-

Repubblika ta' l-Awstrija, inizjalment irrappreżentata minn J. Collins, wara minn R. Caudwell, bħala aġenti, din ta' l-aħħar assistita minn S. Moore, barrister, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

parti intervenjenti

li għandha bħala suġġett, inizjalment talba għall-annullament, min-naħa, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 tas-6 ta' Marzu 2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta' ċertu merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta' titjiriet u jestendi l-friża [l-iffriżar] fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban ta' l-Afganistan, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 337/2000 (ĠU L 67 p. 1), u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2199/2001 tat-12 ta' Novembru 2001 li jemenda, għar-raba' darba, ir-Regolament Nru 467/2001 (ĠU L 295, p. 16), u wara, talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta' Mejju 2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-netwerk ta' Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta' ċertu merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta' titjiriet u jestendi l-friża [iffriżar] fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban ta' l-Afganistan u li jħassar ir-Regolament Nru 467/2001 (ĠU L 139, p. 9),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tieni Awla Estiża),

komposta minn N. J. Forwood, President, J. Pirrung, P. Mengozzi, A. W. H. Meij u M. Vilaras, Imħallfin,

Reġistratur : H. Jung,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-14 ta' Ottubru 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


Il-kuntest ġuridiku

1. Taħt l-Artikolu 24(1) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata f'San Francisco (l-Istati Uniti) fis-26 ta' Ġunju 1945, il-Membri ta' l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (ONU) "jpoġġu fuq il-Kunsill tas-Sigurtà responsabbiltà primarja għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, u jaċċetta li waqt li jkun qed jaqdi d-dmirijiet tiegħu skond din ir-responsabbiltà, il-Kunsill tas-Sigurtà ikun qed jaġixxi f'isimhom".

2. Taħt l-Artikolu 25 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti " [i]l-Membri ta' l-[ONU] jintrabtu li jaċċettaw u jwettqu d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà skond il-Karta preżenti ".

3. Skond l-Artikolu 48(2) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali " għandhom jiġu esegwiti mill-Membri tan-Nazzjonijiet Uniti direttament u permezz ta' l-azzjoni tagħhom fl-aġenziji internazzjonali adatti li tagħhom ikunu membri ".

4. Skond l-Artikolu 103 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, " [f']il-każ ta' konflitt bejn l-obbligi tal-Membri tan-Nazzjonijiet Uniti skond l-Karta preżenti u l-obbligi tagħhom skond xi ftehim internazzjonali ieħor, l-obbligi tagħhom skond l-Karta preżenti għandhom jegħlbu ".

5. Skond l-Artikolu 11(1) UE, :

L-Unjoni għandha tiddifenixxi u timplementa politika barranija u ta' sigurtà komuni li tkopri l-oqsma tal-politika barranija u ta' sigurtà, li l-objettivi tagħha għandhom ikunu:

- li tissalvagwardja l-valuri komuni, l-interessi fundamentali, l-indipendenza u l-integrità ta' l-Unjoni konformi mal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

- li ssaħħaħ is-sigurtà ta' l-Unjoni bil-mezzi kollha;

- li tippreserva l-paċi u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali, skond il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, [...] ".

6. Skond l-Artikolu 301 KE :

" Meta jkun hemm, f'posizzjoni komuni jew azzjoni konġunta adottata skond il-provvedimenti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jirrigwardaw il-politika komuni barranija u ta' sigurtà, provvedimenti għal xi azzjoni mill-Komunità biex tinterrompi jew tnaqqas, parzjalment jew kompletament, ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma' xi pajjiż terz wieħed jew iktar, il-Kunsill għandu jieħu l-miżuri urġenti neċessarji. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni."

7. L-Artikolu 60 (1) KE jiddisponi:

" Jekk, fil-każijiet kontemplati fl-Artikolu 301, azzjoni mill-Komunità tiġi kkunsidrata meħtieġa, il-Kunsill jista' skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 301, jieħu l-miżuri urġenti u neċessarji dwar il-moviment tal-kapital u dwar il-pagamenti għar-rigward tal-pajjiżi terzi in kwistjoni".

8. Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 307 KE :

" Id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi qabel l-1 ta' Jannar 1958 jew, għal Stati li jingħaqdu, id-data ta' l-Adeżjoni, bejn Stat Membru wieħed jew iktar u Stat ma hux membru wieħed jew iktar, m'għandhomx jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet ta' dan it-Trattat".

9. Fl-aħħar l-Artikolu 308 KE jiddisponi :

" Jekk ikun jidher meħtieġ li l-Komunità tieħu azzjoni biex jintlaħaq xi wieħed mill-għanijiet tal-Komunità, fit-tħaddim tas-suq komuni, u jekk dan it-Trattat ma jkunx ipprovda għal xi setgħa t'azzjoni hekk meħtieġa għal dan il-għan, il-Kunsill, b'vot unanimu fuq proposta mil-Kummissjoni, u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, għandu jieħu l-passi xierqa".

Il-fatti li wasslu għall-kawża

10. Fil-15 ta' Ottubru 1999, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar 'il quddiem "il-Kunsill tas-Sigurtà") adotta r-Riżoluzzjoni 1267 (1999), li biha huwa b'mod partikolari kkundanna l-fatt li terroristi qed ikomplu jiġu milqugħa u mistħarrġa u li atti terroristiċi huma ppreparati fit-territorju Afgan, afferma mill-ġdid il-konvinzjoni tiegħu li s-soppressjoni tat-terroriżmu internazzjonali hija essenzjali għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali u ddeplora li t-Taliban qed ikompli jagħti rifuġju lil Usama bin Laden (Oussama ben Laden fil-biċċa l-kbira tal-verżjonijiet Franċiżi tad-dokumenti adottati mill-istituzzjonijiet komunitarji) u li jippermettilu, kif ukoll lill-kollaboraturi tiegħu, li jmexxi netwerk ta' kampijiet ta' taħriġ għat-terroristi minn territorju okkupat minnu u li jinqeda bl-Afganistan sabiex imexxi operazzjonijiet terroristiċi internazzjonali. Fil-paragrafu 2 ta' din ir-riżoluzzjoni, il-Kunsill tas-Sigurtà ordna li t-Taliban jagħti mingħajr iktar dewmien lill-imsemmi Usama bin Laden lill-awtoritajiet kompetenti. Sabiex jassigura li dan l-obbligu jiġi rrispettat, il-paragrafu 4(b) tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999) jiddisponi li l-Istati kollha għandhom, b'mod partikolari, jiffriżaw fondi u riżorsi finanzjarji oħra li ġejjin minn proprjetà li hija tat-Taliban jew ikkontrollata direttament jew indirettament minnu, jew minn xi impriża li hija ta' jew hi kkontrollata mit-Taliban, kif stabbilit mill-Kumitat imwaqqaf permezz tal-paragrafu 6 hawn taħt, u jassiguraw li la l-fondi jew riżorsi finanzjarji oħra in kwistjoni u lanqas il-fondi l-oħra kollha jew riżorsi finanzjarji hekk identifikati ma jkunu mqiegħda għad-dispożizzjoni jew użati favur it-Taliban jew kull impriża oħra li hija tiegħu jew direttament jew indirettament ikkontrollata mit-Taliban, kemm miċ-ċittadini tagħhom kif ukoll minn kull persuna oħra li tinstab fit-territorju tagħhom, sakemm il-Kumitat ma jkunx ta awtorizzazzjoni kuntrarja għal dan, każ b'każ, għal raġunijiet umanitarji".

11. Fil-paragrafu 6 tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999), il-Kunsill tas-Sigurtà ddeċieda li jistabbilixxi, skond l-Artikolu 28 tar-regolament intern provviżorju tiegħu, Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà kompost mill-membri tiegħu kollha (iktar 'il quddiem "il-Kumitat tas-Sanzjonijiet"), inkarigat, b'mod partikolari li jassigura l-implementazzjoni, mill-Istati, tal-miżuri imposti mill-paragrafu 4, li jidentifika l-fondi jew riżorsi finanzjarji oħra msemmija fl-imsemmi paragrafu 4 u li jeżamina t-talbiet għal deroga mill-miżuri imposti minn dan l-istess paragrafu 4.

12. Peress illi azzjoni tal-Komunità kienet neċessarja sabiex din ir-riżoluzzjoni tiġi implementata, il-Kunsill, fil-15 ta' Novembru 1999, adotta l-Pożizzjoni Komuni 1999/727/PESK [PBSK], dwar il-miżuri restrittivi kontra t-Taliban (ĠU L 294, p. 1). L-Artikolu 2 ta' din il-Pożizzjoni Komuni jipprevedi l-iffriżar ta' fondi u riżorsi finanzjarji oħra li t-Taliban għandu barra mill-pajjiz, taħt il-kundizzjonijiet imfissra fir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà.

13. Fl-14 ta' Frar 2000, il-Kunsill adotta fuq il-bażi ta' l-Artikoli 60 KE u 301 KE, ir-Regolament (KE) Nru 337/2000, dwar il-projbizzjoni ta' titjiriet u l-iffriżar ta' fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban ta' l-Afganistan (ĠU L 43 p. 1)

14. Fid-19 ta' Diċembru 2000, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1333 (2000) li teżiġi, b'mod partikolari, li t-Taliban jikkonforma ruħu mar-Riżoluzzjoni 1267 (1999), b'mod partikolari billi jieqaf jofri refuġju u taħriġ lit-terroristi internazzjonali u lill-organizzazzjonijiet tagħhom u billi jagħti lil Usama bin Laden lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiġi ġġudikat. Il-Kunsill tas-Sigurtà ddeċieda, b'mod partikolari, li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta' titjiriet u l-iffriżar ta' fondi imposti skond ir-Riżoluzzjoni 1267 (1999). Din, kif ukoll il-paragrafu 8 (c) tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000) tiddisponi li l-Istati kollha għandhom, b'mod partikolari, "jiffriżaw mingħajr dewmien il-fondi u assi finanzjarji oħra ta' Usama bin Laden u ta' individwi u entitajiet li huma assoċjati miegħu kif identifikati mill-[Kumitat tas-Sanzjonijiet], inkluża l-organizzazzjoni AlQaida, u l-fondi derivati minn beni li huma ta' Usama bin Laden u ta' individwi u entitajiet li huma assoċjati miegħu jew kontrollati direttament jew indirettament minnu u li jassiguraw li la l-fondi u r-riżorsi finanzjarji l-oħra in kwistjoni, u lanqas fondi jew riżorsi finanzjarji oħra kollha ma jitqiegħdu għad-dispożizzjoni jew jiġu użati direttament jew indirettament favur Usama bin Laden, il-kollaboraturi tiegħu jew kull entità oħra li tappartjeni lilu jew hija direttament jew indirettament ikkontrollata minnu, inkluża l-organizzazzjoni Al-Qaida, kemm miċ-ċittadini tagħhom kif ukoll minn kull persuna oħra li tinstab fit-territorju tagħhom".

15. F'din l-istess dispożizzjoni, il-Kunsill tas-Sigurtà inkariga lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet iżomm, fuq il-bażi ta' informazzjoni mogħtija mill-Istati u mill-organizzazzjonijiet reġjonali, lista aġġornata ta' individwi u entitatjiet li l-imsemmi Kumitat identifika bħala assoċjati ma' Usama bin Laden, inkluża l-organizzazzjoni Al-Qaida.

16. Fil-paragrafu 23 tar-Riżoluzjoni 1333 (2000), il-Kunsill tas-Sigurtà ddeċieda li l-miżuri imposti, b'mod partikolari, permezz ta' l-Artikolu 8, ser ikunu applikati għal tnax-il xahar, u li fit-tmiem ta' dan il-perijodu, huwa jiddetermina jekk dawn għandhomx jiġġeddu għal perijodu ġdid taħt l-istess kundizzjonijiet.

17. Peress illi azzjoni tal-Komunità kienet neċessarja sabiex tiġi implementata din ir-riżoluzzjoni, il-Kunsill, fis-26 ta' Frar 2001 adotta l-Pożizzjoni Komuni 2001/154/PESK [PBSK], dwar miżuri restrittivi supplementari kontra t-Taliban u li temenda l-Pożizzjoni Komuni 96/746/PESK [PBSK] (ĠU L 57 p. 1). L-Artikolu 4 ta' din il-Pożizzjoni Komuni jiddisponi:

" Il-fondi u l-assi finanzjarji l-oħra ta' Usama bin Laden u ta' persuni u entitajiet assoċjati miegħu, bħal dawk li [l-Kumitat tas-Sanzjonijiet] identifika ser ikunu ffriżati u l-ebda fondi jew riżorsi finanzjarji oħra mhuma ser ikunu mqiegħda għad-dispożizzjoni ta' Usama bin Laden, u lanqas ta' persuni jew entitajiet assoċjati miegħu, bħal dawk li [l-Kumitat tas-Sanzjonijiet] identifika, skond id-dispożizzjonijiet [tar-Riżoluzjoni 1333 (2000)]".

18. Fis-6 ta' Marzu 2001, il-Kunsill adotta fuq il-bażi ta' l-Artikoli 60 KE u 301 KE, ir-Regolament (KE) Nru 467/2001, li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta' ċertu merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta' titjiriet u jestendi l-friża [iffriżar] fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra [li kienu ġew deċiżi fir-]rigward it-Taliban ta' l-Afganistan, u li jħassar ir-Regolament Nru 337/2000 (ĠU L 67, p. 1).

19. Skond il-premessa 3 ta' dan ir-Regolament, il-miżuri previsti mir-Riżoluzzjoni 1333 (2000) "jaqgħu taħt l-għan tat-Trattat u, għalhekk, notament bl-iskop li tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni, leġiżlazzjoni tal-Komunità hi neċessarja biex jiġu implementati d-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà sa fejn hu kkonċernat it-territorju tal-Komunità ".

20. L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 467/2001 jagħti t-tifsira ta' "fondi" u "iffriżar ta' fondi".

21. Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 467/2001:

" 1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma ta', jew fil-pusses ta', persuna naturali jew ġuridika (persuna fiżika jew ġuridika) jew entità nominata mill-[Kumitat tas-Sanzjonijiet] u mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu ffriżati.

2. Il-fondi jew riżorsi finanzjarji oħra m'għandhom jkunu disponibbli direttament jew indirettament, lil, lanqas favur, persuni, entitajiet jew organizzazzjonijiet nominati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet Kontra t-Taliban u mniżżla fl-Anness I.

3. Il-paragrafi 1 u 2 ma japplikawx għal fondi u riżorsi finanzjarji li huma s-suġġett ta' deroga mogħtija mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet Kontra t-Taliban. Dawn id-derogi jistgħu jinkisbu permezz ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri mniżżla fl-Anness II".

22. L-Anness I tar-Regolament 467/2001 jinkludi lista ta' persuni, entitajiet u korpi li fir-rigward tagħhom japplika l-iffriżar ta' fondi impost permezz ta' l-Artikolu 2. Skond l-Artikolu 10 (1) tar-Regolament Nru 467/2001, il-Kummissjoni hija awtorizzata temenda jew tikkompleta l-imsemmi Anness I fuq il-bażi ta' deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà jew tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

23. Fit-8 ta' Marzu 2001, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ippubblika l-ewwel lista kkonsolidata ta' persuni u entitajiet li l-fondi taghom għandhom jiġu ffriżati skond ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà 1267 (1999) u 1333 (2000). Minn dak iż-żmien din il-lista ġiet emendata u kkompletata diversi drabi. Il-Kummissjoni, minn dak iż-żmien adottat diversi regolamenti skond l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 467/2001, li bihom hija emendat jew ikkompletat l-Anness I ta' l-imsemmi regolament.

24. Fid-9 ta' Novembru 2001, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ippubblika addendum ġdid għal-lista tiegħu tat-8 ta' Marzu 2001, li jinkludi, b'mod partikolari l-ismijiet ta' l-entità u tat-tliet persuni li ġejjin:

- " Barakaat International Foundation, Box 4036, Spnga, Stockholm, Sweden ; Rinkebytorget 1, 04 Spnga, Sweden " ;

- " Aden, Abdirisak ; Akaftingebacken 8, 16367 Spnga, Sweden ; DOB 01 June 1968 " ;

- " Ali, Abdi Abdulaziz, Drabantvagen 21, 17750 Spnga, Sweden ; DOB 01 January 1955" ;

- " Ali, Yusaf Ahmed, Hallbybybacken 15, 70 Spnga, Sweden ; DOB : 20 November 1974 ".

25. Skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2199/2001 tat-12 ta' Novembru 2001, li jemenda, għar-raba' darba, ir-Regolament Nru 467/2001 (ĠU L 295, p. 16), l-ismijiet ta' l-entità u tat-tliet persuni naturali in kwistjoni ġew miżjuda ma' l-oħrajn, fl-Anness I ta' l-imsemi Regolament.

26. Fis-16 ta' Jannar 2002, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1390 (2002) li tistabbilixxi l-miżuri li għandhom jiġu imposti fir-rigward ta' Usama bin Laden, tal-Membri ta ' l-organizzazzjoni Al-Qaida kif ukoll tat-Taliban u ta' persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati. Din ir-riżoluzzjoni essenzjalment tipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tagħha, iż-żamma ta' miżuri, b'mod partikolari l-iffriżar ta' fondi, imposti mill-paragrafu 4 (b) tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999) u mill-paragrafu 8(c) tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000). Skond il-paragrafu 3 tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002), dawn il-miżuri ser jiġu rriveduti mill-Kunsill tas-Sigurtà 12-il xahar wara l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni u fl-aħħar ta' dan il-perijodu huwa jew se jħalli l-kontinwazzjoni ta' dawn il-miżuri jew jiddeċiedi li jsaħħaħhom.

27. Peress illi azzjoni tal-Komunità kienet neċessarja sabiex tiġi implementata din ir-riżoluzzjoni, il-Kunsill, fis-27 ta' Mejju 2002 adotta l-Pożizzjoni Komuni 2002/402/ PESK [PBSK], dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' Usama bin Laden, il-Membri ta' l-organizzazzjoni Al-Qaida kif ukoll tat-Taliban u ta' persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati oħra, u ħassret il-Pożizzjonijiet Komuni 96/746, 1999/727, 2001/154 u 2001/771/PESK [PBSK] (ĠU L 139, p. 4). L-Artikolu 3 ta' din il-Pożizzjoni Komuni tipprevedi, b'mod partikolari, il-proroga ta' l-iffriżar ta' fondi u ta' assi finanzjarji oħra jew riżorsi ekonomiċi ta' persuni, gruppi, impriżi u entitatjiet indikati fil-lista stabbilità mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet skond ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà 1267 (1999) u 1333 (2000).

28. Fis-27 ta' Mejju 2002, il-Kunsill adotta, fuq il-bażi ta' l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE, ir-Regolament (KE) Nru 881/2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-netwerk ta' Al-Qaida u t-Taliban u li jħassar ir-Regolament Nru 467/2001 (ĠU L 139 p. 9).

29. Skond il-premessa 4 ta' dan ir-Regolament, il-miżuri previsti, b'mod partikolari mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1390 (2000) "jaqgħu taħt l-għan tat-Trattat u, għalhekk, notament bl-iskop li tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni, leġiżlazzjoni tal-Komunità hi neċessarja biex jiġu implementati d-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà sa fejn hu kkonċernat it-territorju tal-Komunità.".

30. L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 881/2002 jiddefinixxi "l-fondi" u "l-friża [l-iffriżar]" ta' fondi bi kliem essenzjalment identiċi, għal dawk ta' l-1 Artikolu tar-Regolament Nu 467/2001.

31. Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 881/2002:

" 1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma ta', jew fil-pusses ta', persuna naturali jew ġuridika [fiżika jew ġuridika] jew entità nominata mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu ffriżati.

2. L-ebda [fondi ma għandhom jkunu] disponibbli, direttament jew indirettament, lil, jew għall-benefiċċju ta', persuna naturali jew ġuridika, grupp jew entità nominati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u mniżżla fl-Anness I.

3. L-ebda riżors ekonomiku m'għandu jkun disponibbli, direttament jew indirettament, lil, jew għall-benefiċċju ta', persuna naturali jew ġuridika, grupp jew entità nominati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u mniżżla fl-Anness I, biex dik il-persuna, dak il-grupp jew dik l-entità tkun tista' tikseb fondi, merkanzija jew servizzi".

32. L-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 jinkludi lista ta' persuni, entitatjiet u gruppi li fir-rigward tagħhom japplika l-iffriżar tal-fondi impost permezz ta' l-Artikolu 2. Din il-lista tinkludi b'mod partikolari, l-ismijiet ta' l-entità u tat-tlett persuni li ġejjin:

- " Fondation internationale Barakaat ; kaxxa postali 4036, Spnga, Stokkolma, l-Iżvezja; Rinkebytorget 1, 04, Spnga, l-Iżvezja";

- " Aden, Adirisak ; Skaftingebacken 8, 16367 Spnga, l-Iżvezja, data tat-twelid l-1 ta' Ġunju 1968 ";

- " Ali, Abdi Abdulaziz, Drabantvagen 21, 17750 Spnga, l-Iżvezja, data tat-twelid l-1 ta' Jannar 1955";

- " Ali, Yusaf Ahmed, Hallbybybacken 15, 70 Spnga, l-Iżvezja, data tat-twelid l-20 ta' Novembru 1974".

33. Fis-26 ta' Lulju 2002, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet iddeċieda li jneħħi lill-imsemmija "Andi Abulaziz Ali " u " Abdirisak Aden " mill-elenku tal-persuni, gruppi u entitajiet li fir-rigward tagħhom japplika l-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi oħra.

34. Għaldaqstant, il-Kummissjoni fl-4 ta' Settembru 2002, adottat ir-Regolament (KE) Nru 1580/2002, li jemenda għat-tieni darba r-Regolament Nru 881/2002 (ĠU L 237, p. 3).

35. Skond l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1580/2002, il-persuni, il-gruppi u l-entitajiet li ġejjin għandhom jiġu mneħħija mill-elenku f'Anness I mar-Regolament (KE) Nru 881/2002:

- "Ali, Abdi Abdulaziz, Drabantvägen 21, 17750 Spnga, l-Isvezja, data tat-twelid l-1 ta' Jannar 1955.";

- "Aden, Adirisak, Skäftingebacken 8, 16367 Spnga, l-Isvezja, data tat-twelid l-1 ta' Ġunju 1968".

36. Fl-20 ta' Diċembru 2002, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1452 (2000), intiża sabiex tiffaċilita r-rispett ta' l-obbligi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-paragrafu 1 ta' din ir-Riżoluzzjoni jipprevedi ċertu numru ta' derogi u ta' eċċezzjonijiet għall-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi imposti mir-Riżoluzzjonijiet 1267 (1999) 1333 (2000) u 1390 (2002), li jistgħu jingħataw għal motivi umanitarji mill-Istati, bir-riżerva ta' awtorizzazzjoni mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

37. Fis-17 ta' Jannar 2003, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1455 (2003), li hija intiża sabiex ittejjeb l-implementazzjoni tal-miżuri imposti mill-paragrafu 4(b) tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999), mill-paragrafu 8(c) tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000) u mill-paragrafi 1 u 2 tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002). Skond il-paragrafu 2 tar-Riżoluzzjoni 1455 (2003), dawn il-miżuri ser jerġgħu jkunu msaħħa fi żmien 12-il xahar jew qabel jekk ikun hemm bżonn.

38. Peress illi azzjoni tal-Komunità kienet neċessarja sabiex tiġi implementata r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1452 (2002), il-Kunsill, fis-27 ta' Frar 2003 adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/140/PESK [PBSK], dwar eċċezzjonijiet għall-miżuri restrittivi imposti mill-Pożizzjoni Komuni 2002/402 (ĠU L 53, p. 62) L-Artikolu 1 ta' din il-Pożizzjoni Komuni jipprevedi li, meta tkun qed timplementa l-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 tal-Pożizzjoni Komuni 2002/402, il-Komunità Ewropea għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-eċċezzjonijiet awtorizzati mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1452 (2002).

39. Fis-27 ta' Marzu 2003, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru561/2003, li jemenda, għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-eċċezzjonijiet għall-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi, ir-Regolament (KE) Nru 881/2002 (ĠU L 82, p. 1). Fil-premessa 4 ta' dan ir-Regolament, il-Kunsill jindika li, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni r-Riżoluzzjoni 1452 (2002) hemm bżonn li jkunu aġġustati l-miżuri imposti mill-Komunità.

40. Skond l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 561/2003:

" L-Artikolu li ġej għandu jiġi inserit fir-Regolament (KE) Nru. 881/2002:

'Artikolu 2a

1. L-Artikolu 2 mhux se japplika għal fondi jew riżorsi ekonomiċi fejn:

(a) xi awtorità kompetenti ta' l-Istati Membri, kif imniżżla fl-Anness II, iddeterminat, fuq talba magħmula minn persuna naturali jew legali [fiżika jew ġuridka] konċernata, li dawn il-fondi jew riżorsi ekonomiċi huma:

(i) neċessarji biex ikunu koperti spejjeż bażiċi, inkluż il-ħlas ta' oġġetti ta' l-ikel, kera jew ipoteka, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums ta' l-assikurazzjoni, u l-ispejjeż għas-servizzi pubbliċi;

(ii) maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' miżati xierqa professjonali u għar-rimbors ta' spejjeż li saru għad-dispożizzjoni ta' servizzi legali;

(iii) maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' miżati jew ta' servizzi biex jibqgħu jinżammu l-fondi ffriżati u r-riżorsi ekonomiċi ffriżati; jew

(iv) neċessarji għal spejjeż straordinarji; u

(b) determinazzjoni bħal din ġiet innotifikata lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet; u

(ċ) (i) fil-każ ta' determinazzjoni taħt punt (a)(i), (ii) jew (iii), il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma oġġezzjonax għad-determinazzjoni fi żmien 48 siegħa min-notifikazzjoni; jew

(ii) fil-każ ta' determinazzjoni taħt punt (a)(iv), il-Kumitat tas-Sanzjonijiet approva d-determinazzjoni.

2. Kull persuna li tixtieq tibbenefika mid-dispożizzjonijiet imsemmija f'paragrafu 1 għandha tindirizza t-talba tagħha lill-awtorità kompetenti rilevanti ta' l-Istat Membru kif imniżżel fl-Anness II.

L-awtorità kompetenti elenkata fl-Anness II għandha tinnotifika mill-ewwel bil-miktub kemm lill-persuna li għamlet it-talba, kif ukoll lil kull persuna, korp jew entita' magħrufa li huma direttament konċernati, jekk it-talba intlaqgħetx.

L-awtorità kompetenti għandha tinforma wkoll lil Stati Membri oħra jekk it-talba għal eċċezzjoni bħal din intlaqgħetx.

3. Il-fondi maħruġa u trasferiti ġol-Komunità stess sabiex jintlaħqu l-ispejjeż jew li huma rikonoxxuti bis-saħħa ta' dan l-Artikolu mhux se jkunu suġġetti għal iktar miżuri restrittivi skond l-Artikolu 2.

[...]' "

41. Fid-19 ta' Mejju 2003, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 866/2003, li jemenda għat-tmintax-il darba r-Regolament Nru 881/2002 (ĠU L 124, p. 19). Skond l-Artikolu 1 u l-paragrafu 1 ta' l-Anness ta' dan ir-Regolament, l-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 huwa emendat fis-sens illi l-annotazzjoni " Ali, Yusaf Ahmed, Hallbybybacken 15, 70 Spnga, Suède, data tat-twelid l-20 ta' Novembru 1974" taħt l-intestatura "ċittadin naturalizzat" għandha tiġi ssostitwita b'dan li ġej:

" Ali Ahmed YUSAF (magħruf bħala Ali Galoul), Krälingegränd 33, S-16362 Spnga, l-Iżvezja; data tat-twelid l-20 ta' Novembru 1974, post tat-twelid: Garbaharey, Somalia ; nazzjonalità : Svediża; passaport Nru: Passaport Svediż 1041635; identifikazzjoni nazzjonali Nru: 741120-1093".

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

42. Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-10 ta' Diċembru 2001, irreġistrat bin-numru T-306/01, Abdirisak Aden, Abdulaziz Ali u Ahmed Yusuf, kif ukoll Al Barakaat International Foundation (iktar 'il quddiem "Al Barakaat"), ressqu rikors skond l-Artikolu 230 KE kontra l-Kunsill u l-Kummissjoni, li fih huma jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

- tannulla r-Regolament Nru 2199/2001;

- tannulla r-Regolament Nru 467/2001 u, alternattivament, tiddikjarah inapplikabbli skond l-Artikolu 241 KE;

- tiddeċiedi fuq l-ispejjeż, li l-ammont tagħhom ikun ippreċiżat iktar tard.

43. Fl-istess att, ir-rikorrenti jitolbu, skond l-Artikolu 243 KE, is-sospensjoni ta' l-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2199/2001.

44. Permezz ta' att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-10 ta' Diċembru 2001, ir-rikorrenti talbu li l-każ jiġi deċiż permezz tal-proċedura mħaffa, skond l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Wara li semgħet lill-konvenuti, permezz ta' deċiżjoni tat-22 ta' Jannar 2002, il-Qorti tal-Prim'Istanza (l-Ewwel Awla) ċaħdet din it-talba minħabba n-natura kumplessa u delikata tal-punti ta' dritt li l-każ iqajjem.

45. Permezz ta' ittra tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Jannar 2002, ir-rikorrenti ġew infurmati li l-Qorti ma setgħatx tiddeċiedi fuq it-talba għas-sospensjoni ta' l-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2199/2001, peress illi din ma ġietx ippreżentata permezz ta' att separat skond id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura. Madankollu fl-istess ittra ġie rrilevat li l-preżentata ulterjuri ta' talba għal miżuri provviżorji kienet possibbli skond id-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija Regoli.

46. Fir-risposti tagħhom ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-19 ta' Frar 2002, il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

- tiċħad ir-rikors;

- tikkundanna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

47. Permezz ta' att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-8 ta' Marzu 2002, ir-rikorrenti ressqu talba għal proċeduri sommarji intiża sabiex tiġi sospiża l-implementazzjoni tar-Regolamenti Nru 467/2001 u Nru 2199/2001, safejn dawn jikkonċernawhom, sakemm tiġi deċiża l-kawża prinċipali.

48. Fit-22 ta' Marzu 2002, il-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza sema' lill-partijiet fil-preżenza tar-Renju ta' l-Iżvezja, irrappreżentat fis-seduta.

49. Permezz ta' Digriet tas-7 ta' Mejju 2002 (Aden et. vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, T306/01 R, Ġabra. p. II2387), il-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħad it-talba għal proċeduri sommarji minħabba li l-kundizzjoni relatata ma' l-urġenza ma kinitx sodisfatta, u rriserva l-ispejjeż.

50. Permezz ta' ittra tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Ġunju 2002, il-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-konsegwenzi tat-tħassir tar-Regolament Nru 467/2001 u tas-sostituzzjoni tiegħu permezz tar-Regolament Nru 881/2002.

51. Fl-osservazzjonijiet tagħhom, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-29 ta' Lulju 2002, ir-rikorrenti ddikjaraw li riedu jbiddlu t-talbiet, ir-raġunijiet u l-argumenti tagħhom, fis-sens illi dawn minn hemm 'il quddiem kienu intiżi għall-annullament tar-Regolament Nru 881/2002 (iktar 'il quddiem "ir-regolament ikkontestat"), adottat fid-dawl tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1390 (2002) li jżomm is-sanzjonijiet deċiżi kontrihom. Huma josservaw li r-rikors inizjali intiż kontra r-Regolament Nru 467/2001 għandu jiġi meqjus bħal li m'għadx għandu skop peress illi dan ġie mħassar mir-regolament ikkontestat.

52. Fl-osservazzjonijiet tiegħu, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-12 ta' Lulju 2002, il-Kunsill irrikonoxxa li r-rikorrenti għandhom id-dritt li jestendu jew li jbiddlu t-talbiet inizjali tar-rikors tagħhom, b'tali mod li minn hemm 'il quddiem dawn ikunu intiżi għall-annullament tar-regolament ikkontestat.

53. Fl-osservazzjonijiet tagħha, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-10 ta' Lulju 2002, il-Kummissjoni, wara li kkunsidrat li l-effetti ġuridiċi tar-Regolament Nru 2199/2002 jintlaħqu fir-regolament ikkontestat, tiddikjara li hija m'għandha ebda oġġezzjoni li r-rikorrenti jbiddlu t-talbiet tagħhom sabiex dawn ikunu intiżi għal dan l-aħħar regolament.

54. Barra minn hekk, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata, skond l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li r-rikors m'għadx għandu skop safejn huwa intiż kontra r-Regolament Nru 2199/2001 u li m'għadx hemm lok għal deċiżjoni f'dak li jikkonċernah.

55. Barra minn hekk, il-Kummissjoni titlob, skond l-Artikolu 115 (1) u l-Artikolu 116(6) tar-Reogli tal-Proċedura, li tiġi ddikjarata parti intervenjenti li qed issostni t-talbiet tal-Kunsill. Hija tiddikjara, madankollu li ser iżomm it-talba tagħha għall-kundanna tar-rikorrenti għall-ispejjeż li hija sostniet matul il-perijodu li fih huma kkontestaw ir-Regolament Nru 2199/2001.

56. Permezz ta' Digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Lulju 2002, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq tħallew jintervjenu sabiex isostnu t-talbiet tal-konvenuti.

57. Permezz ta' ittra tar-Reġistratur tal-11 ta' Settembru 2002, ir-rikorrenti ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-konsegwenzi eventwali li jirriżultaw, f'dak li jikkonċerna l-kontinwazzjoni tar-rikors, mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 1580/2002.

58. Peress illi l-kompożizzjoni ta' l-Awli tal-Qorti tal-Prim'Istanza inbidlet mis-sena ġudizzjarja l-ġdida, li bdiet fl-1 ta' Ottubru 2002, l-Imħallef Relatur ġie maħtur għat-tieni Awla, u din il-kawża, konsegwentement, ġiet assenjata lilha.

59. Fl-osservazzjonijiet fuq il-konsegwenzi ta' l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1580/2002, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-11 ta' Novembru 2002, ir-rikorrenti wrew, min-naħa, li r-rikors tagħhom ma għadux intiż kontra l-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra li Abdirisak Aden u Abdulaziz Ali m'għandhom ebda interess partikulari u individwali sabiex ikomplu r-rikors tagħhom, ħlief għal dak li jikkonċerna l-ispejjeż.

60. Permezz ta' deċiżjoni ta' l-20 ta' Novembru 2002, ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim'Istanza rrifjuta li jinkludi fil-proċess il-kummenti mogħtija mir-rikorrenti, f'dawn l-istess osservazzjonijiet, fuq il-kontroreplika tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, m inħabba li dawn il-kummenti ma kinux previsti mir-Regoli tal-Proċedura.

61. Fis-sottomissjonijet ta' l-intervent tiegħu, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-27 ta' Frar 2003, ir-Renju Unit talab lill-Qorti tal-Prim'Istanza tiċħad ir-rikors.

62. Permezz ta' ittra tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Ġunju 2003, is-Sur Usuf ġie mistieden jippreżenta, sabiex jitkomplew il-proċeduri, l-osservazzjonijiet tiegħu fuq il-konsegwenzi ta' l-adozzjoni tar-Regolament Nru 866/2003.

63. Fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-7 ta' Lulju 2003, is-Sur Yusuf indika, essenzjalment, li l-emendi mdaħħla mir-Regolament Nru 866 kienu purament editorjali u li ma kellhom ebda effett fuq kif jitkomplew il-proċeduri.

64. Wara li semgħet lill-partijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza, skond l-Artikolu 51 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, assenjat il-kawża lil Awla komposta minn ħames Imħallfin.

65. Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tieni Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet bil-miktub domanda lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, li wieġbu fit-terminu mogħti.

66. Permezz ta' Digriet tal-President tat-Tieni Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Settembru 2003, il-kawża preżenti u l-kawża T-315/01 Kadi vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali, skond l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

67. Permezz ta' ittra tat-8 ta' Ottubru 2003, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza tinkludi fil-proċess "id-Direttivi li jirregolaw it-tmexxija tax-xogħol tal-[Kumitat tas-Sanzjonijiet] ", kif adottati minn dan il-Kumitat fis-7 ta' Novembru 2002 u emendati fl-10 ta' April 2003. Permezz ta' deċiżjoni tal-President tat-Tieni Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Ottubru 2003 hija laqgħat din it-talba

68. Peress li s-Sinjuri Aden u Ali kienu infurmaw lill-Qorti tal-Prim'Istanza, skond l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura, li huma kienu ser jirtiraw ir-rikors tagħhom u li kienu kkonkludew ftehim mal-konvenuti fuq l-ispejjeż, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza, permezz ta' Digriet tad-9 ta' Ottubru 2003, ordna li l-ismijiet ta' dawn iż-żewġ rikorrenti jiġu mħassra mir-reġistru fil-kawża T-306/01 u ddeċieda skond il-ftehim tal-partijiet fuq l-ispejjeż.

69. Permezz ta' atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-13 ta' Ottubru 2003, is-Sur Yusuf u Al Barakaat ppreżentaw talba għal għajnuna legali. Permezz ta' żewġ Digrieti tal-President tat-Tieni Awla Estiża, tat-3 ta' Mejju 2004, dawn it-talbiet ġew miċħuda.

70. Is-sottomissjonijiet orali u r-risposti tal-partijiet għad-domandi li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlitilhom instemgħu waqt is-seduta ta' l-14 ta' Ottubru 2003.

Fuq il-konsegwenzi proċedurali ta' l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat

71. Il-partijiet fil-kawża prinċipali qablu li jirrikonoxxu li r-rikorrenti għandhom id-dritt li jbiddlu t-talbiet u r-raġunijiet tagħhom b'mod li jkunu intiżi għall-annullament tar-regolament ikkontestat, li jħassar u jissostitwixxi r-Regolament Nru 467/2001, kif emendat mir-Regolament Nru 2199/2001. Fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-29 ta' Lulju 2002, ir-rikorrenti effettivament iddikjaraw li qed jadattaw f'dan is-sens it-talbiet, ir-raġunijiet u l-argumenti tar-rikors tagħhom.

72. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, meta fil-kors tal-proċedura, deċiżjoni hija sostitwita minn deċiżjoni li għandha l-istess suġġett, din għandha titqies bħala element ġdid li jippermetti lir-rikorrent jadatta t-talbiet u r-raġunijiet tiegħu. Li wieħed jobbliga lir-rikorrent jippreżenta rikors ġdid imur kontra l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-ħtieġa li jitqassru l-proċeduri. Barra minn hekk ikun inġust li l-istituzzjoni in kwistjoni tkun tista', sabiex taffronta l-kritika li tinstab fir-rikors ippreżentat lill-qorti komunitarja kontra deċiżjoni, tadatta d-deċiżjoni kkontestata jew tissostitwixxijha u li matul il-kawża tużufruwixxi minn din il-bidla jew minn din is-sostituzzjoni sabiex tiċħad lill-parti l-oħra l-possibbiltà li testendi t-talbiet u r-raġunijiet inizjali tagħha għad-deċiżjoni sussegwenti jew li tippreżenta talbiet jew raġunijiet supplementari kontra din (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Marzu 1982, Alpha Steel vs il-Kummissjoni, 14/81, Ġabra p. 749, punt 8 ; tad-29 ta' Settembru 1987, Fabrique de fer de Charleroi u Dillinger Hüttenwerke vs il-Kummissjoni, 351/85 u 360/85, Ġabra p. 3639, punt 11, u ta' l-14 ta' Lulju 1988, Stahlwerke Peine-Salzgitter vs il-Kummissjoni, 103/85, Ġabra p. 4131, punti 11 u 12 ; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Frar 2000, CCRE vs il-Kummissjoni, T46/98 u T151/98, Ġabra p. II167, punt 33).

73. Din il-ġurisprudenza tista' tiġi applikata fil-każ li regolament li jirrigwarda direttament u individwalment lil persuna jiġi ssostitwit, fil-kors tal-proċedura, b'regolament li għandu l-istess suġġett.

74. Peress illi din l-ipotesi tikkorrispondi fil-punti kollha ma' dik tal-każ preżenti, hemm lok li tiġi milqugħa t-talba tar-rikorrenti li r-rikors tagħhom jiġi kkunsidrat bħala li huwa intiż għall-annullament tar-regolament ikkontestat, safejn dan jikkonċernhom, u li l-partijiet jitħallew jirriformulaw it-talbiet, ir-raġunijiet u l-argumenti tagħhom fid-dawl ta' dan l-element ġdid.

75. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li t-talba tagħhom għall-annullament tar-Regolament Nru 467/2001 għandha tiġi kkunsidrata li m'għadx għandha skop, minħabba t-tħassir ta' dan ir-regolament mir-regolament ikkontestat (ara l-punt 51 iktar 'il fuq). F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx aktar lok li tittieħed deċiżjoni fuq din it-talba, u lanqas għaldaqstant, fuq it-talba għall-annullament tar-Regolament Nru 2199/2001, peress illi din m'għadx għandha skop.

76. Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li ma hemmx aktar lok li tittieħed deċiżjoni fuq ir-rikors sakemm dan huwa intiż kontra l-Kummissjoni. Madankollu, f'dawn iċ-ċirkustanzi tal-każ, il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-ħtieġa li jitqassru l-proċeduri li fuqhom hija bbażata l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 72 iktar 'il fuq xorta waħda jiġġustifikaw li jiġu meqjusa t-talbiet, l-eċċezzjonijiet u l-argumenti tal-Kummissjoni, irriformulati kif intqal fil-punt 74 iktar 'il fuq, mingħajr ma jkun hemm bżonn li din l-istituzzjoni tiġi formalment ammessa mill-ġdid għall-proċedura bis-saħħa ta' l-Artikoli 115(1) u 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura, bħala parti intervenjenti li qed issostni t-talbiet tal-Kunsill.

77. Meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni għal dak li ntqal iktar 'il fuq, hemm lok li jiġi meqjus li r-rikors preżenti huwa minn issa 'l quddiem intiż biss kontra l-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mir-Renju Unti, u li huwa intiż biss għall-annullament tar-regolament ikkontestat, safejn dan jikkonċerna lis-Sur Yusuf u lil Al Barakaat.

Fuq il-mertu

78. Sabiex isostnu t-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu tliet raġunijiet għall-annullament ibbażati, l-ewwel, fuq l-inkompetenza tal-Kunsill li jadotta r-regolament ikkontestat, it-tieni, fuq il-ksur ta' l-Artikolu 249 KE, u, it-tielet, fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom.

1. Fuq l-ewwel raġuni bbażata fuq l-inkompetenza tal-Kunsill li jadotta r-regolament ikkontestat

79. Din ir-raġuni hija maqsuma fi tliet partijiet

Fuq l-ewwel parti

L-argumenti tal-partijiet

80. Fir-rikors tagħhom inizjalment intiż kontra r-Regolament Nru 467/2001, ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikoli 60 KE u 301 KE, li fuq il-bażi tagħhom dan ir-regolament ġie adottat, jawtorizzaw biss lill-Kunsill jieħu miżuri fir-rigward ta' pajjiżi terzi u mhux, kif għamel f'dan il-każ, kontra ċittadini ta' Stat Membru li joqgħodu f'dan l-Istat Membru.

81. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti kkonfutaw l-allegazzjoni li huma kienu qegħdin jiġu sanzjonati minħabba l-assoċjazzjoni tagħhom mar-reġim tat-Taliban ta' l-Afganistan. Is-sanzjonijiet meħuda kontrihom ma kinux, skond huma, immotivati mill-eżistenza ta' rabta ma' dan ir-reġim, iżda mir-rieda tal-Kunsill tas-Sigurtà li jiġġieled kontra t-terroriżmu internazzjonali, ikkunsidrat bħala theddida għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali. Ir-rikorrenti jenfasizzaw ukoll li l-elenku msemmi fil-paragrafu 8 (c) tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1333 (2000) li fih huma ġew inklużi permeżż ta' deċiżjoni tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tad-9 ta' Novembru 2001 (ara l-punt 24 iktar 'il fuq) isemmi lill-Usama bin Laden u lill-individwi u entitajiet li huma assoċjati miegħu, iktar milli lit-Taliban.

82. Peress illi s-sanzjonijiet adottati mill-istituzzjonijiet komunitarji għandhom jikkorrispondu fil-punti kollha ma' dawk adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà, ir-rikorrenti kkonkludew li r-Regolament Nru 467/20011 ma kienx iktar intiż kontra pajjiż terz, iżda kontra individwi, sabiex jintlaħaq l-għan tal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali. Skond huma, miżuri bħal dawn ma jaqawx taħt il-kompetenza tal-Komunità, bid-differenza mill-miżuri ta' embargo kummerċjali kontra l-Irak eżaminati mill-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenza tat-28 ta' April 1998, Dorsch Consult vs il-Kunsill u l-Kummissjoni (T184/95, Ġabra. p. II667).

83. Ir-rikorrenti jsostnu xorta waħda li interpretazzjoni ta' l-Artikoli 60 KE u 301 KE li twassal sabiex ċittadini komunitarji jiġu trattati bħala pajjiżi terzi hija kuntrarja għall-prinċipju ta' legalità kif espress fl-Artikoli 5 KE u 7 KE, kif ukoll għall-prinċipju li l-leġiżlazzjoni komunitarja għandha tkun ċerta u l-applikazzjoni tagħha għandha tkun prevedibbli għall-persuni akkużati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Diċembru 1987, id-Danimarka vs il-Kummissjoni, 348/85, Ġabra p. 5225).

84. Fl-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-konsegwenzi tat-tħassir tar-Regolament Nru 497/2001 u s-sostituzzjoni tiegħu bir-regolament ikkontestat, adottat fuq il-bażi ta' l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE, ir-rikorrenti jżidu li l-Artikolu 308 KE, meqjus waħdu jew ma' l-Artikoli 60 KE u 301 KE, ma jagħtix lill-Kunsill iktar setgħa li jippreskrivi sanzjonijiet, diretti jew indiretti, fir-rigward ta' ċittadini ta' l-Unjoni. Fil-fatt, setgħa bħal din ma tistax tiġi meqjusa bħala impliċita jew neċessarja sabiex jintlaħaq wieħed mill-għanijiet tal-Komunità skond l-Artikolu 308 KE. B'mod partikolari, l-iffriżar ta' l-assi tar-rikorrenti jkun mingħajr ebda rabta ma' l-għan li "tiġi evitata [b'mod partikolari] distorsjoni tal-kompetizzjoni", imsemmija fil-premessa 4 tar-regolament ikkontestat.

85. Fir-risposti u fis-sottomissjonijiet ta' intervent tagħhom, l-istituzzjonijiet sostnew, min-naħa, li xejn fil-kliem ta' l-Artikoli 60 KE u 301 KE, ma jippermetti li tiġi eskluża l-adozzjoni ta' sanzjonijiet ekonomiċi fir-rigward ta' individwi jew ta' organizzazzjonijiet stabbiliti fil-Komunità, ladarba miżuri bħal dawn huma intiżi sabiex jinterrompu jew inaqqsu, parzjalment jew kompletament, ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma' xi pajjiż, jew pajjiżi, terzi, oħra. Fil-fatt, għandu jiġi rrikonoxxut li ċ-ċittadini ta' l-Istati Membri jistgħu, individwalment jew kollettivament, jipprovdu fondi u riżorsi lill-pajjiżi terzi jew lill-fazzjonijiet fi ħdan dawn il-pajjiżi, b'tali mod li l-miżuri intiżi sabiex jikkontrollaw ir-riżorsi ekonomiċi ta' dawn iċ-ċittadini jkollhom effett li jinterrompu jew inaqqsu r-relazzjonijiet ekonomiċi ma' dawn il-pajjiżi terzi. Il-qrati komunitarji b'mod impliċitu rrikonoxxew il-legalità ta' din il-prassi [Digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-2 ta' Awwissu 2000, Invest Import und Export u Invest Commerce vs il-Kummissjoni, T189/00 R, Ġabra p. II2993, punt 34, ikkonfermat fl-appell permezz ta' Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Novembu 2000, Invest Import und Export u Invest Commerce vs il-Kummissjoni, C317/00 P(R), Ġabra p. I9541, punti 26 u 27].

86. Min-naħa l-oħra, dawn il-partijiet irrifjutaw it-teżi tar-rikorrenti li ma hemmx rabta bejn il-miżuri previsti mir-Regolament Nru 467/2001 u l-Afganistan, filwaqt li enfasizzaw ir-rabtiet li dak iż-żmien kien hemm bejn Usama bin Laden, Al-Qaida u r-reġim tat-Taliban.

87. Fil-kontroreplika tiegħu kif ukoll fl-osservazzjonijiet tiegħu fuq il-konsegwenzi tat-tħassir tar-Regolament Nru 467/2001 u tas-sostituzzjoni tiegħu bir-regolament ikkontestat, il-Kunsill madankollu rrileva li dan l-aħħar regolament japplika għat-terroristi u għall-gruppi terroristiċi in ġenerali, mingħajr ma jistabbilixxi rabta ma' pajjiż jew territorju partikolari. F'din huwa enfasizza d-differenza bejn ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1333 (2000), li tapplika fir-rigward tat-Taliban u ta' individwi u entitajiet li huma assoċjati miegħu, u r-Riżoluzzjoni 1390 (2002) li, minħabba x-xoljiment ta' "l-Emirati Iżlamiċi ta' l-Afganistan", ma torbotx is-sanzjonijiet li hija tipprevedi ma' pajjiż jew ma' territorju speċifiku, iżda tapplika wkoll għall-gruppi u individwi terroristi b'mod ġenerali.

88. Fl-ewwel każ, il-Kunsill ikkunsidra li r-Regolament Nru 467/2001 jaqa' sewwa sew taħt l-Artikoli 60 KE u 301 KE, peress illi hemm rabta evidenti ma' l-Afganistan. Peress illi rabta bħal din ma' teżistix iktar fil-kuntest tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill kien ikkunsidra li kien hemm lok li huwa jikkompleta l-bażi ġuridika tiegħu billi jżid l-Artikolu 308 KE magħha. Il-Kunsill sostna li din il-bidla fil-bażi ġuridika tar-regolament il-ġdid tirrendi bla ebda effett l-ewwel parti ta' l-ewwel raġuni.

89. Il-Kunsill, meta, permezz ta' domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza ġie mistieden, jieħu pożizzjoni, fid-dawl ta' l-Avviż 2/94 tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' Marzu 1996 (Ġabra p. I-1759, punti 29 u 30), fuq it-teżi tar-rikorrenti msemmija fil-punt 84 iktar 'il fuq u, b'mod partikolari, jindika liema huma l-għanijiet tal-Komunità stabbiliti permezz tat-Trattat KE li huwa jrid jilħaq permezz tad-dispożizzjonijiet previsti mir-regolament ikkontestat, wieġeb, essenzjalment, li l-għan ta' dawn id-dispożizzjonijiet kien li tintlaħaq koerzjoni ekonomika u finanzjarja, li skond hu tikkostitwixxi għan tat-Trattat KE.

90. F'dan ir-rigward, il-Kunsill isostni li l-għanijiet tal-Komunità ma humiex biss dawk definiti fl-Artikolu 3 KE, iżda li dawn jistgħu jirriżultaw ukoll minn dispożizzjonijiet aktar speċifiċi.

91. Wara l-emendi li jirriżultaw mit-Trattat ta' Maastricht, l-Artikoli 60 KE u 301 KE jiddefinixxu l-kompetenzi u l-azzjonijiet tal-Komunità fil-qasam ta' sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji u joffru bażi ġuridika għal trasferiment mgħaġġel tal-kompetenzi tal-Komunità sabiex dawn jiġu milħuqa. Dawn il-kompetenzi huma espressament konnessi u, fil-fatt, subordinati għall-adozzjoni ta' att skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE dwar il-politika barranija u ta' sigurtà komuni (PBSK). Issa, wieħed mill-għanijiet tal-PBSK huwa, skond it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 11(1) UE, " li tippreserva l-paċi u ssaħħaħ is-siġurtà internazzjonali, skond il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti ".

92. Għaldaqstant għandu jiġi rrikonnoxut li l-koerzjoni ekonomika u finanzjarja għal raġunijiet politiċi, a fortiori fil-kuntest ta' l-implementazzjoni ta' deċiżjoni restrittiva tal-Kunsill tas-Sigurtà, tikkostitwixxi għan espress u leġittimu tat-Trattat KE, anki jekk dan l-għan huwa marġinali, konness b'mod indirett ma' l-għanijiet prinċipali ta' dan it-Trattat, b'mod partikolari dawk relatati mal- moviment liberu ta' kapital [Artikolu 3(1)(c) KE] u mat-twaqqif ta' sistema li tiggarantixxi li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx deformata [Artikolu 3(1)(g) KE], u konness mat-Trattat UE.

93. F'dan il-każ, l-Artikolu 308 KE kien ġie inkluż, bħala l-bażi ġuridika tar-regolament ikkontestat, sabiex jikkompleta l-bażi mogħtija mill-Artikoli 60 KE u 301 KE, b'tali mod li jippermetti l-adozzjoni ta' miżuri mhux biss fir-rigward ta' pajjiżi terzi, iżda wkoll fir-rigward ta' individwi u entitajiet mhux statali li mhux neċessarjament huma konnessi mal-gvern jew mar-reġim ta' dawn il-pajjiżi, f'każ fejn it-Trattat KE ma jipprovdix għal xi setgħat ta' azzjoni meħtieġa għal dan il-għan.

94. Hija u tipproċedi b'dan il-mod, il-Komunità kienet tista' tadatta ruħha għall-evoluzzjoni tal-prassi internazzjonali, li tikkonsisti minn issa 'l quddiem fl-adozzjoni ta' "sanzjonijiet intelliġenti" intiżi kontra individwi li huma ta' theddida għas-sigurtà internazzjonali, iktar milli kontra popolazzjonijiet innoċenti.

95. Il-Kunsill isostni li l-kundizzjonijiet li fihom, f'dan il-każ, huwa rrikorra għall-Artikolu 308 KE ma humiex differenti minn dawk li fihom din id-dispożizzjoni ġiet użata, fil-passat, sabiex jintlaħaq xi wieħed mill-għanijiet tal-Komunità għat-tħaddim tas-suq komuni, mingħajr ma l-imsemmi Trattat kien ippreveda l-possibbiltajiet ta' azzjoni hekk meħtieġa għal dan il-għan. Huwa jinvoka f'dan ir-rigward:

- Fil-qasam tal-politika soċjali, id-diversi direttivi li, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 235 tat-Trattat KE (li wara sar l-Artikolu 308 KE) ikkompletat xi drabi mill-Artikolu 100 tat-Trattat KE (li wara sar l-Artikolu 94 KE), wessgħu l-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili, kif previst mill-Artikolu 119 tat-Trattat KE (l-Artikoli 117 sa 120 tat-Trattat KE ġew issostitwiti mill-Artikoli 136 KE sa 143 KE), sabiex jistabbilixxu prinċipju ġenerali ta' trattament ugwali fl-oqsma kollha fejn jista' jkun hemm diskriminazzjonijiet potenzjali u sabiex jibbenefikaw lill-ħaddiema indipendenti, inklużi dawk fis-settur agrikolu, u b'mod partikolari, id-Direttiva tal-Kunsill tad-9 ta' Frar 1976 dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol (76/207/KEE) (ĠU L 39, p. 40); Id-Direttiva tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 1978 dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali (79/7/KEE) (ĠU 1979, L 6, p.24); id-Direttiva tal-Kunsill ta' l-24 ta' Lulju 1986 dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għal irġiel u nisa fi skemi tax-xogħol ta' sigurtà soċjali (86/378/KEE) (ĠU l 225, p. 40) u d-Direttiva tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 1986 dwar l-applikazzjoni tal-principju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa [li jaħdmu għal rashom, inkluża attività fl-agrikoltura, kif ukoll dwar il-protezzjoni tal-maternità] involuti f'attività, inkluża l-agrikoltura, b'kapaċità li fiha jaħdmu għal rashom, u dwar il-protezzjoni ta' nisa li jaħdmu għal rashom waqt li jkunu inċinti u waqt li qegħdin irabbu t-tfal. (86/613/KEE) (ĠU L 359, p. 56);

- fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni, id-diversi atti li, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 235 tat-Trattat KE u ta' l-Artikolu 51 tat-Trattat KE (li wara l-emendi sar l-Artikolu 42 KE), estendew id-drittijiet irrikonoxxuti lill-ħaddiema salarjati li jispustjaw ruħhom fil-Komunità għall-ħaddiema indipendenti, għall-membri tal-familja tagħhom u għall-istudenti, b'mod partikolari, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1390/81tat-12 ta' Mejju 1981 li jestendi għal persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom, ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta' skemi tas-sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familji tagħhom li jispustaw rwieħhom fil-Komunità (ĠU L 143, p. 1);

- aktar reċentement, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1035/97 tat-2 ta' Ġunju, 1997, li jwaqqaf Ċentru ta' Sorveljanza Ewropew għall-Ħarsien mir-Razziżmu u l-Ksenofobija (ĠU L 151, p. 1), adottat fuq il-bażi ta' l-Artikolu 213 tat-Trattat KE (li wara sar l-Artikolu 284 KE) u ta' l-Artikolu 235 tat-Trattat KE.

96. Il-Qorti tal-Ġustizzja stess irrikonoxxiet il-legalità ta' din il-prassi (sentenza tal-5 ta' Diċembru 1989, Delbar, C-114/88, Ġabra p. 4067)

97. Barra minn hekk, fil-passat, il-leġiżlatur kommunitarju diġà għamel użu mill-bażi ġuridika ta' l-Artikolu 235 tat-Trattat KE fil-qasam tas-sanzjonijiet. F'dan ir-rigward, il-Kunsill jargumenta li qabel l-introduzzjoni fit-Trattat KE ta' l-Artikoli 301 KE u 60 KE, diversi regolamenti tal-Kunsill li jimponu sanzjonijiet kummerċjali kienu bbażati fuq l-Artikolu 113 tat-Trattat KE (li wara l-emendi sar l-Artikolu 133 KE) [ara per eżempju, ir-Regolament tal-Kunsill Nru 596/82, tal-15 ta' Marzu 1982 li jemenda s-sistema ta' importazzjoni ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-Unjoni Sovjetika (ĠU L 72, p. 15); ir-Regolament tal-Kunsill Nru 877/82 tas-16 ta' April 1982, li jissospendi l-importazzjoni tal-prodotti kollha li joriġinaw mill-Arġentina (ĠU L 102, p. 1), u r-Regolament tal-Kunsill Nru 3302/86, tas-27 ta' Ottubru 1986, dwar is-sospensjoni ta' importazzjonijiet ta' muniti tad-deheb mir-Repubblika ta' l-Afrika tan-Nofsinhar (ĠU L 305, p. 11)]. Madankollu, meta dawn il-miżuri jmorru lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni jew dawn jikkonċernaw persuni fiżiċi jew ġuridiċi stabbiliti fil-Komunità, dawn kienu jkunu wkoll ibbażati fuq l-Artikolu 235 tat-Trattat KE. Dan kien il-każ, partikolarment, tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3541/92 tas-7 ta' Diċembru 1992 li jipprojbixxi li jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet Irakini dwar kuntratti u tranżazzjonijiet li t-twettiq tagħhom ġie effettwat bir-Riżoluzzjoni 661 (1990) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u r-riżoluzzjonijiet relatati (ĠU L 361, p. 1), li fl-Artikolu 2 jistipola li " [h]uwa projbit li tkun milqugħa jew illi jittieħdu xi passi biex tkun milqugħa xi pretensjoni magħmula minn [..] kull persuna jew korp li jaġixxi, direttament jew indirettament, għan-nom ta' jew għall-benefiċċju ta' wieħed jew iktar persuni jew korpi (persuni fiżiċi jew ġuridiċi­) fl-Irak".

98. B'risposta għall-istess domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'istanza, il-Kummissjoni ssostni li l-implementazzjoni tas-sanzjonijiet imposti mill-Kunsill tas-Sigurtà setgħat tirriżulta kompletament jew parzjalment mill-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat kemm bis-saħħa tal-politika kummerċjali komuni u kemm bis-saħħa tas-suq intern.

99. F'dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni, hija u tirreferi għall-premessa 4 tar-regolament ikkontestat, li l-miżuri in kwistjoni kienu neċessarji sabiex tiġi ggarantita applikazzjoni u interpretazzjoni uniformi tar-restrizzjonijiet fuq il-movimenti tal-kapitali implementati skond ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni, b'mod li jiġi mħares il-moviment liberu tal-kapitali fil-Komunità u sabiex tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni.

100. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hi ta' l-opinjoni li l-ħarsien tas-sigurtà internazzjonali, kemm ġewwa kif ukoll barra l-Unjoni, għandu jiġi meqjus bħala li jaqa' taħt il-kuntest ġenerali tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi, min-naħa, għall-Artikoli 3 UE u 11 UE u, min-naħa l-oħra, għall-preambolu tat-Trattat KE, li fih il-partijiet kontraenti kkonfermaw "is-solidarjeta li tgħaqqad l-Ewropa u pajjiżi barranin, [...] skond il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti" u ddikjraw li kienu riżoluti li "jsaħħu [...] il-ħarsien tal-paċi u l-libertà". Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi "għan ġenerali stabbilit fir-rigward tal-Komunità li tiddefendi l-paċi u s-sigurtà" li speċifikament iwettqu l-Artikoli 60 KE u 301 KE, li fl-istess ħin huma manifestazzjonijiet speċifiċi tal-komptenza komunitarja fil-kontroll tal-movimenti tal-kapital interni u esterni.

101. Peress illi d-dispożizzjonijiet tat-Titolu III, tal-Kapitolu 4, tat-Trattat KE dwar il-moviment tal-kapital ma jagħtu ebda setgħa partikolari lill-Komunità, l-Artikolu 308 KE seta' kien ikkunsidrat, f'dan il-każ, bħala bażi ġuridika komplementari sabiex jiggarantixxi li l-Komunità tkun tista' timponi r-restrizzjonijiet in kwistjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta' persuni, skond il-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill.

102. Matul is-seduta, ir-Renju Unit iddeskriva l-għan komunitajru intiż permezz ta' l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat bħala l-applikazzjoni uniformi fil-Komunità ta' l-obbligi relatati ma' restrizzjonijiet għall-moviment tal-kaptial, imposti fuq l-Istati Membri mill-Kunsill tas-Sigurtà.

103. Ir-Renju Unit jenfasizza li l-istabbiliment ta' suq intern fil-qasam tal-moviment tal-kapital huwa wieħed mill-għanijiet tal-Komunità msemmija fl-Artikolu 3 KE. Huwa jikkunsidra li l-applikazzjoni uniformi tar-restrizzjonijiet kollha fuq il-moviment liberu tal-kapital fis-suq jikkostitwixxi aspett essenzjali ta' l-istabbiliment ta' suq intern.

104. Jekk, bil-kontra, l-implementazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni ma kinitx is-suġġett ta' miżuri adottati fuq livell komunitarju, din kienet toħloq, skond ir-Renju Unit, riskju ta' diverġenzi fl-applikazzjoni ta' l-iffriżar ta' l-assi bejn l-Istati Membri. Kieku l-Istati Membri kienu implementaw dawn ir-riżoluzzjonijiet individwalment, kienu inevitabbilment jirriżultaw differenzi ta' interpretazzjoni fir-rigward ta' l-iskop ta' l-obbligi li huma għandhom u kienu jinħolqu diverġenzi fil-qasam tal-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri, li kien iwassal għal riskju ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni.

105. Barra minn hekk, ir-Renju Unit jisħaq li miżuri intiżi sabiex jiffirżaw il-fondi ta' persuni bil-għan li jiġu interrotti r-relazzjonijiet ekonomiċi ma' organizzazzjonijiet terroristiċi internazzjonali, iktar milli ma' pajjiżi terzi, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jwessgħu "il-qasam tal-kompetenzi tal-Komunità lil hinn mill-kuntest ġenerali li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat meħuda flimkien", skond il-kliem ta' l-Avviż 2/94, punt 89, iktar 'il fuq. Skond il-kuntest tat-Trattat, il-Komunità hija kompetenti sabiex tadotta miżuri intiżi sabiex jirregolaw il-movimenti tal-kapital, u dan billi tadotta miżuri kontra l-persuni. Għaldaqstant, anki jekk huwa veru li l-miżuri intiżi sabiex jirregolaw il-moviment tal-kapital ta' persuni bil-għan li jiġu interrotti r-relazzjonijiet ekonomiċi ma' organizzazzjonijiet terroristiċi internazzjonali li jaqgħu taħt qasam li għaliħ it-Trattat KE ma tax setgħat speċifiċi lill-istituzzjonijiet, u jekk huwa wkoll veru li dawn il-miżuri jeħtieġu li jintuża l-Artikolu 308 KE, dawn ma humiex ikkunsidrati li jmorru lil hinn mill-kuntest ġenerali tat-Trattat.

106. Ir-Renju Unit isostni li r-rikors għall-Artikolu 308 KE fiċ-ċirkustanzi tal-każ ma humiex differenti mill-użu li sar minn din id-dispożizzjoni f'sitwazzjonijiet, partikolarment fil-qasam tal-politika soċjali, fejn dan l-Artikolu serva sabiex jintlaħqu għanijiet oħra tal-Komunita meta t-Trattat ma jagħtix bażi ġurdika preċiża (ara l-punt 95 iktar 'il fuq) .

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

107. Ir-Regolament Nru 467/2001 u r-Regolament ikkontestat kienu ġew adottati fuq bażijiet legali parzjalment differenti: l-Artikoli 60 KE u 301 KE għall-ewwel regolament, l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE għat-tieni wieħed. Anki jekk l-argumenti inizjali tar-rikorrenti bbażati fuq in-nuqqas ta' bażi ġuridika tar-Reglament Nru 467/2001 m'għadx għandhom skop minħabba t-tħassir tar-regolament ikkontestat, il-Qorti tal-Prim'Istanza jidrilha adattat li tesponi qabel kollox il-motivi li għalihom hija tikkunsidrahom, f'kull każ, mhux fondati, minħabba li dawn il-motivi jikkostitwixxu wieħed mill-premessi tar-raġunament tagħha applikat waqt l-eżami tal-bażi ġuridika tar-regolament ikkontestat.

- Fuq il-bażi ġuridika tar-Regolament Nru 467/2001

108. Ir-Regolament Nru 467/2001 ġie adottat fuq il-bażi ta' l-Artikoli 60 KE u 301 KE, dispożizzjonijiet li jagħtu s-setgħa lill-Kunsill jieħu l-miżuri urġenti u neċessarji dwar il-moviment tal-kapital u dwar il-pagamenti, meta pożizzjoni komuni jew azzjoni komuni adottata bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE dwar il-PBSK tipprevedi azzjoni tal-Komunità intiża sabiex tinterrompi jew tnaqqas, parzjalment jew kompletament, ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma' xi pajjiż, jew pajjiżi terzi, oħra.

109. Issa, kif jirriżulta mill-preambolu tiegħu, ir-Regolament Nru 467/2001 irregola l-azzjoni tal-Komunità prevista mill-Pożizzjoni Komuni 2001/154, li kienet ġiet adottata fil-kuntest tal-PBSK u li wriet ir-rieda ta' l-Unjoni u ta' l-Istati Membri tagħha li jirrikorru għal strument komunitarju sabiex jimplementa fil-Komunità ċerti aspetti tas-sanzjonijiet meħuda mill-Kunsill tas-Sigurtà kontra t-Taliban ta' l-Afganistan.

110. Ir-rikorrenti jsostnu madankollu, l-ewwel nett, li l-miżuri in kwistjoni f'dan il-każ jolqtu persuni, u fuq dan ċittadini ta' Stat Membru, filwaqt li l-Artikoli 60 KE u 301 KE jawtorizzaw biss lill-Kunsill jieħu miżuri fir-rigward ta' pajjiżi terzi; it-tieni nett, li l-miżuri in kwistjoni ma humiex intiżi sabiex jinterrompu jew inaqqsu r-relazzjonijiet ekonomiċi ma' pajjiż terz, iżda sabiex jiġġieldu kontra t-terroriżmu internazzjonali, u b'mod partikolari, kontra Usama bin Laden u, it-tielet nett, li l-imsemmija miżuri kienu, f'kull każ, sproporzjonati meta mqabbla ma' l-għan imsemmi fl-Artikoli 60 KE u 301 KE.

111. Ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma seta' jiġi żviluppat.

112. F'dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, it-tip ta' miżuri li l-Kunsill huwa awtorizzat jieħu skond l-Artikoli 60 KE u 301 KE, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li xejn, fil-kliem ta' dawn id-dispożizzjonijiet, ma jippermetti li tiġi eskluża l-adozzjoni ta' miżuri restrittivi li jikkonċernaw direttament individwi jew organizzazzjonijiet, irrispettivament minn jekk dawn humiex stabbiliti fil-Komunità jew le, safejn tali miżuri huma intiżi effettivament sabiex jinterrompu jew inaqqsu, parzjalment jew kompletament, ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma' xi pajjiż, jew pajjiżi terzi, oħra.

113. Kif enfasizza ġustament il-Kunsill, il-miżuri in kwistjoni, f'dan il-każ, jirriżultaw minn dak li ġie miftiehem li jissejjħu "sanzjonijiet intelliġenti" (smart sanctions), li dehru fil-prassi ta' l-ONU matul is-snin 90. Tali sanzjonijiet jissostitwixxu l-miżuri klassiċi ta' embargo kummerċjali ġenerali diretti kontra pajjiż b'miżuri iktar immirati u selettivi, bħal mhuma s-sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, il-projbizzjoni ta' l-ivjaġġar, l-embargos fuq l-armi jew fuq prodotti speċifiċi, b'tali mod li titnaqqas it-tbatija sostnuta mill-poplu tal-pajjiż ikkonċernat, billi jiġu imposti sanzjonijiet veri fir-rigward tar-reġim intiż u tal-mexxeja tiegħu.

114. Il-prassi ta' l-istituzzjonijiet komunitarji evolviet bl-istess mod, peress illi l-Kunsill suċċessivament ikkunsidra li l-Artikoli 60 KE u 301 KE jippermettulu jieħu miżuri restrittivi fir-rigward ta' entitajiet jew ta' persuni li fiżikament jikkontrollaw parti mit-territorju ta' pajjiż terz [ara, per eżempju, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1705/98 tat-28 ta' Lulju 1998, dwar l-interruzzjoni ta' ċerti relazzjonijiet ekonomiċi ma' l-Angola sabiex l-" Unio Nacional para a Independência Total de Angola " (UNITA) jiġi mġiegħel iwettaq l-obbligi tiegħu fil-proċess tal-paċi u li jħassar ir-Regolament Nru 2229/97 (ĠU L 215, p. 1)] u kontra entitajiet jew persuni li jikkontrollaw effettivament il-mekkaniżmu governattiv ta' pajjiż terz kif ukoll fir-rigward ta' persuni u entitajiet assoċjati ma' dawn ta' l-aħħar u li jagħtuhom sostenn ekonomiku [ara per eżempju, ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1294/1999 tal-15 ta' Ġunju 1999, dwar l-iffriżar ta' kapital u l-projbizzjoni ta' investimenti relatati mar-Repubblika Federali tal-Yugoslavia (RFY) u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1295/98 u (KE) Nru 1607/98 (ĠU L 153, p. 63), u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2488/2000 ta' l-10 ta' Novembru 2000 li jżomm fondi ffriżati fejn għandu x'jaqsam is-Sur Milosevic u dawk il-persuni assoċjati miegħu u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nri 1294/1999 u 607/2000 u Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 926/98 (ĠU L 287, p. 19)]. Din l-evoluzzjoni hija kompletament kompatibbli mal-miżuri previsti fl-Artikoli 60 KE u 301 KE.

115. Fil-fatt, bl-istess mod li dawn is-sanzjonijiet ekonomiċi jew finanzjarji jistgħu legalment jeffettwaw b'mod speċifiku lill-mexxejja ta' pajjiż terz, iktar milli lil dan il-pajjiż bħala tali, huma għandhom xorta waħda jkunu applikabbli, fil-post li huma jinstabu, fir-rigward ta' persuni u entitajiet li huma assoċjati ma' dawn il-mexxejja jew ikkontrollati direttament jew indirettament minnhom. Kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, l-Artikoli 60 KE u 301 KE ma jipprovdux mezz effettiv li jagħmel pressjoni fuq mexxejja li għandhom influwenza fuq il-politika ta' pajjiż terz, jekk il-Komunità ma tistax, fuq il-bażi tagħhom, tadotta miżuri fir-rigward ta' persuni li, anki jekk m'għandhomx domiċilju fil-pajjiż in kwistjoni, huma suffiċjentement assoċjati mar-reġim li kontrih is-sanzjonijiet huma intiżi. Barra minn hekk, kif enfasizza l-Kunsill, il-fatt li xi wħud mill-persuni msemmija jkunu ċittadini ta' Stat Membru huwa irrilevanti, peress illi sabiex ikunu effettivi f'kuntest ta' moviment liberu tal-kapital, sanzjonijiet finanzjarji ma jistgħux ikunu llimitati biss għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat.

116. Din l-interpretazzjoni, li ma tmurx kontra l-kliem ta' l-Artikoli 60 KE u 301 KE, hija ġġustifikata kemm mill-kunsiderazzjonijiet ta' effikaċja kif ukoll mill-kunsiderazzjonijiet ta' ordni umanitarja.

117. It-tieni nett, f'dak li jikkonċerna, l-għan li r-Regolament Nru 467/2001 jrid jilħaq, il-Kunsill josserva, billi jirreferi għar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà 1267 (1999) u 1333 (2002), għall-Pożizzjoni Komuni 2001/154, kif ukoll għall-premessi 1 u 2 ta' dan ir-regolament u għat-titolu tiegħu wkoll, li l-miżuri in kwistjoni kienu essenzjalment intiżi kontra r-reġim tat-Taliban li, f'dak iż-żmien kien jikkontrolla effettivament 80 % tat-territorju Afgan u jsejjaħ lili nnifsu bl-isem ta' "Emirati Iżlamiċi ta' l-Afganistan" u inċidentalment, kontra persuni u entitatjiet li permezz ta' tranżazzjonijiet ekonomiċi jew finanzjarji, jgħinu lill-imsemmi reġim jagħti rifuġju u jħarreġ lil terroristi internazzjonali u lill-organizzazzjonijiet tagħhom, li jaġixxu fil-fatt bħala aġenti ta' dan ir-reġim jew li miegħu kienu strettament assoċjati.

118. F'dak li jikkonċerna l-ilment tar-rikorrenti li r-Regolament Nru 467/2001 isemmi lill-Usama bin Laden u mhux lir-reġim tat-Taliban, il-Kunsill żied li Usama bin Laden kien fir-realta il-kap u "l-eminenza griża" tar-reġim tat-Taliban u li fir-realta huwa kellu setgħa fl-Afganistan. It-titoli temporali u reliġjużi li kellu ta' "Sheikh" (kap) u ta' "Emir" (prinċep, mexxej, konduttur) u l-kariga li huwa kellu ħdejn dinjitarji reliġużi oħra tat-Taliban, iħallu ftit li xejn dubju f'dan ir-rigward. Barra minn hekk, anki qabel il-11 ta' Settembru 2001, Usama bin Laden kien ħa l-ġuramnet tal-fedeltà (Bay'a) li stabbilixxa konnessjoni reliġjuża bejnu u d-Direttorat Theokratiku tat-Taliban. Għaldaqstant huwa kien f'sitwazzjoni li tista' tiġi mqabbla ma' dik tas-Sur Milosevic u tal-Membri tal-Gvern Yugoslav fiż-żmien meta l-Kunsill ħa sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji kontra r-Repubblika Federali tal-Yugoslavia (ara l-punt 114 iktar 'il fuq). F'dak li jikkonċerna l-Al-Qaida, il-Kunsill irrileva li kien pubblikament magħruf li kellha numru ta' kampijiet ta' taħriġ militari fl-Afganistan u li l-aqwa membri tagħha kienu ġġieldu għat-Taliban bejn Ottubru 2001 u Jannar 2002, matul l-intervent tal-koalizzjoni internazzjonali.

119. Ma hemmx lok li tiġi ddubitata l-fondatezza ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom jeżisti, fi ħdan il-komunità internazzjonali, konsensus kbir rifless, b'mod partikolari, mid-diversi riżoluzzjonijiet adottati b'mod unanimu mill-Kunsill tas-Sigurtà u li ma kinux speċifikament rifjutati u lanqas ikkontestati mir-rikorrenti.

120. B'mod aktar partikolari, is-sanzjonijiet in kwistjoni f'din il-kawża kellhom bħala għan prinċipali li jimpedixxu lir-regim tat-Taliban milli jikseb għajnuna finanzjarja rrispettivament mill-oriġini tagħha, kif jirriżulta mill-paragrafu 4(b) tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999). Dawn setgħu jiġu evitati jekk il-persuni li kienu meqjusa li kienu jgħinu lil dan ir-reġim ma kinux imsemmija fihom. F'dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet bejn ir-reġim antik tat-Taliban u Usama bin Laden, il-Kunsill tas-Sigurtà kkunsidra li dan ta' l-aħħar, matul il-perijodu in kwistjoni, kien jibbenifika minn għajnuna f'dan il-punt determinanti minn għand dan ir-reġim li jista' jiġi meqjus li huwa kien jifforma parti minnu. Huwa għalhekk li fl-għaxar premessa tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000), il-Kunsill tas-Sigurtà kkundanna li t-Taliban ikompli jagħti rifuġju lil Usama bin Laden u li jippermettulu, kif ukoll lill-assoċjati tiegħu, jmexxi netwerk ta' kampijiet ta' taħriġ mit-territorju tiegħu u juża lill-Afganistan bħala bażi sabiex imexxi operazzjonijiet terroristiċi internazzjonali. Barra minn hekk, fis-seba' premessa tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000), il-Kunsill tas-Sigurtà afferma mill-ġdid it-teżi tiegħu li s-soppressjoni tat-terroriżmu internazzjonali kienet essenzjali għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali.

121. Għaldaqstant, kontrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-miżuri in kwistjoni huma verament intiżi sabiex jinterrompu jew inaqqsu r-relazzjonijiet ekonomiċi ma' pajjiż terz, fil-kuntest tal-ġlieda mmexxija mill-komunità internazzjonali kontra t-terroriżmu internazzjonali u, b'mod aktar partikolari, kontra Usama bin Laden u n-netwerk ta' Al-Qaida.

122. F'dak li jikkonċerna, it-tielet nett, il-proporzjonalità tal-miżuri in kwistjoni, dawn għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta' l-għan tar-Regolament Nru 467/2001. Kif ġie muri iktar 'il fuq, l-impożizzjoni ta' "sanzjonijiet intelliġenti" hija intiża, preċiżament, sabiex tagħmel pressjoni effikaċi fuq il-mexxejja tal-pajjiż ikkonċernat, filwaqt li tnaqqas kemm jista' jkun possibbli l-impatt tal-miżuri in kwistjoni fuq il-popolazzjoni ta' dan il-pajjiż, b'mod partikolari permezz tar-restrizzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni personali tagħhom għal ċertu numru ta' persuni notament indikati. Issa, f'dan il-każ, ir-Regolament Nru 467/2001 kien intiż sabiex iżid il-pressjoni eżerċitata fuq ir-reġim tat-Taliban, b'mod partikolari billi ffriża l-fondi u l-assi finanzjarji l-oħra ta' Usama bin Laden u ta' persuni u entitatjiet assoċjati miegħu, kif indentifikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Tali miżuri huma konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità, li jeħtieġ li sanzjonijiet ma jaqbżux il-limiti ta' dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li r-regolament komunitajru li qed jistabbilixxihom irid jilħaq.

123. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-miżuri in kwistjoni japplikaw ukoll għal transazzjonijiet li m'għandhom ebda element transfrontalier mhuwiex rilevanti. Kieku l-għan leġittimu ta' dawn il-miżuri kien li jiġu eżawriti s-sorsi ta' finanzjament tat-Taliban u tat-terroriżmu internazzjonali li jitmexxa mill-Afganistan, dawn kien ikollhom neċessarjament ikopru kemm it-transazzjonijiet internazzjonali kif ukoll it-transazzjonijiet purament interni minħabba li dawn kienu wkoll jistgħu, bħal dawk l-oħra, jalimentaw finanzjament bħal dan, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, il-moviment liberu tal-persuni u tal-kaptial u għan-nuqqas ta' trasparenza tal-proċessi finanzjari internazzjonali.

124. Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kunsill kien kompetenti biżejjed li jadotta r-Regolament Nru 467/2001 fuq il-bażi ta' l-Artikoli 60 KE u 301 KE.

- Fuq il-bażi ġuridika tar-regolament ikkontestat

125. B'differenza għar-Regolament Nru 467/2001, ir-regolament ikkontestat għandu bħala bażi ġuridika mhux biss l-Artikoli 60 KE u 301 KE, iżda wkoll l-Artikolu 308 KE. F'dan, tidher l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni internazzjonali li fil-kuntest tagħha s-sanzjonijiet iddekretati mill-Kunsill tas-Sigurtà, u implementati mill-Komunità, ġew suċċessivament imniżżla.

126. Ir-Riżoluzzjoni 1333 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà, adottata fil-kuntest ta' azzjonijiet meħuda sabiex jintemm it-terroriżmu internazzjonali, ikkunsidrata bħal a essenzjali għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali (ara s-seba' premessa tagħha), ma kinitx tirrigwarda b'mod anqas speċifiku lir-reġim tat-Taliban li, f'dak iż-żmien kien jikkontrolla l-biċċa l-kbira tat-territorju Afgan, u kien jagħti rifuġju u assistenza lill-Usama bin Laden kif ukoll lill-assoċjati tiegħu.

127. Kif diġà ġie muri iktar 'il fuq, hija preċiżament din ir-rabta espressament stabbilità mat-territorju u mar-reġim mexxej ta' pajjiż terz li ppermettiet lill-Kunsill jibbaża r-Regolament Nru 467/2001 fuq l-Artikoli 60 KE u 301 KE.

128. Min-naħa tagħha, ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1390 (2002) ġiet adottata fis-16 ta' Jannar 2002, wara l-waqa' ta' dan ir-reġim b'konsegwenza ta' l-intervent armat tal-koalizzjoni internazzjonali fl-Afganistan, mibdi f'Ottubru 2001. Konsegwentement, u għalkemm hija għada intiża espressament kontra t-Taliban, hija ma għadhiex iktar diretta kontra r-reġim tagħhom li waqa', iżda pjuttost direttament kontra Usama bin Laden, in-netwerk Al-Qaida kif ukoll il-persuni u entitajiet assoċjati magħhom.

129. In-nuqqas ta' kull konnessjoni bejn is-sanzjonijiet li għandhom jittieħdu skond din ir-riżoluzzjoni u t-territorju u r-reġim li jmexxi pajjiż terz, diġà mqajjem fil-punt 2 tad-dikjarazzjoni tal-motivi tal-proposta għar-regolament tal-Kunsill ippreżentati mill-Kummissjoni fis-6 ta' Marzu 2002, li wasslet għar-regolament ikkontestat [dokument COM (2002) 117 final], kien ġie espressament ammess mill-Kunsill fil-punti 4 u 5 tal-kontroreplika tiegħu.

130. Fin-nuqqas ta' tali konnessjoni, il-Kunsill u l-Kummissjoni kkunsidraw li l-Artikoli 60 KE u 301 KE waħedhom ma jikkostitwixxux bażi ġuridika suffiċjenti sabiex tippermetti l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat. Dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom jiġu approvati.

131. Fil-fatt, l-Artikolu 60 (1) KE jiddisponi li l-Kunsill jista' skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 301, jieħu "għar-rigward tal-pajjiżi terzi in kwistjoni", il-miżuri urġenti u neċessarji dwar il-moviment tal-kapital u dwar il-pagamenti. L-Artikolu 301 KE jipprevedi esspressament il-possibbiltà ta' azzjoni mill-Komunità intiża sabiex tinterrompi jew tnaqqas, parzjalment jew kompletament, ir-relazzjonijiet ekonomiċi "ma' xi pajjiż terz wieħed jew iktar".

132. Barra minn hekk, il-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet jawtorizzaw l-adozzjoni ta' "sanzjonijiet intelliġenti" kontra individwi jew entitajiet li huma assoċjati mal-mexxejja ta' pajjiż terz jew ikkontrollati direttament jew indirettament minnhom (ara l-punti 115 u 116 iktar 'il fuq) ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li dawn is-sanzjonijiet jistgħu jkomplu jiġu applikati fir-rigward ta' tali individwi jew entitajiet meta r-reġim mexxej tal-pajjiż terz in kwistjoni ma għadux jeżisti. Fil-fatt, f'ċirkustanzi bħal dawn, ma tkunx għadha teżisti konnessjoni suffiċjenti bejn dawn l-individwi jew entitiajiet u pajjiż terz.

133. Minn dan jirriżulta li, f'kull każ, l-Artikoli 60 KE u 301 KE, waħedhom, ma jikkostitwixxux, bażi ġuridika suffiċjenti sabiex fuqha jiġi bbażat ir-regolament ikkontestat.

134. Barra minn hekk, kontrarjament għall-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni fil-proposta għar-regolament tal-Kunsill li wasslet għar-regolament ikkontestat (ara l-punt 129 iktar 'il fuq), il-Kunsill ikkunsidra li l-Artikolu 308 KE, waħdu, ma jikkostitwixxix aktar, bażi ġuridika adattat sabiex tippermetti l-adozzjoni ta' l-imsemmi regolament. Dawn il-kusniderazzjonijiet għandhom xorta waħda jiġu approvati.

135. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Marzu 1987, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, 45/86, Ġabra p. 1493, punt 13), jirriżulta mill-kliem stess ta' l-Artikolu 308 KE li l-użu ta' dan l-Artikolu bħala bażi ġuridika ta' att mhuwiex ġustifikat sakemm dispożizzjoni tat-Trattat ma tagħtix lill-istituzzjonijiet komunitarji l-komptenza neċessarja sabiex jadottaw dan l-att. F'sitwazzjoni bħal din l-Artikolu 308 KE jippermetti lill-istituzzjonijiet jaġixxu bil-għan li jwettqu wieħed mill-għanijiet tal-Komunità, minkejja n-nuqqas ta' dispożizzjoni li tagħtihom il-kompetenza neċessarja sabiex jagħmlu dan.

136. F'dak li jikkonċerna l-ewwel kundizzjoni applikabbli għall-Artikolu 308 KE, huwa kostanti li ebda dispożizzjoni tat-Trattat KE ma tipprevedi l-adozzjoni ta' miżuri, tat-tip bħal dawk previsti mir-regolament ikkontestat, diretti kontra l-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u, b'mod aktar partikolari, għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, bħal mhuwa l-iffriżar ta' fondi, fir-rigward ta' individwi u entitajiet issuspettati li jikkontribwixxu għall-finanzjament tiegħu, mingħajr ma tistabbilixxi konessjoni mat-territorju jew mar-reġim mexxej ta' pajjiż terz. Din l-ewwel kundizzjoni hija għaldaqstant sodisfatta f'dan il-każ.

137. F'dak li jikkonċerna t-tieni kundizzjoni ta' applikabbiltà ta' l-Artikolu 308 KE, skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 135 iktar 'il fuq, sabiex din tiġi sodisfatta, hemm bżonn li l-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u, b'mod iktar partikolari, l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, bħal mhuwa l-iffriżar ta' fondi, kontra individwi u entitajiet issuspettati li jikkontribwixxu għall-finanzjament tiegħu jistgħu jiġu konnessi ma' wieħed mill-għanijiet assenjati lill-Komunità mit-Trattat.

138. F'dan il-każ, il-preambolu tar-regolament ikkontestat huwa partikolarment xott fuq din il-kwistjoni. Barra minn dan, il-Kunsill afferma, fil-premessa 4 ta' dan ir-regolament, li l-miżuri meħtieġa skond ir-Riżoluzzjoni 1390 (2002) u l-Pożizzjoni Komuni 2002/402 "jaqgħu taħt l-għan tat-Trattat" u li kien hemm lok li tiġi adottata leġiżlazzjoni komunitarja" bl-iskop li tiġi evitata b'mod partikolari distorsjoni tal-kompetizzjoni".

139. F'dak li jikkonċerna t-talba prinċipali li l-miżuri in kwistjoni "jaqgħu taħt l-għan tat-Trattat", għandu jiġi kkonstatat mill-bidu li ebda wieħed mill-għanijiet tat-Trattat kif huma espliċitament msemmija fl-Artikoli 2 KE u 3 KE ma jidher li jista' jiġi mwettaq mill-miżuri in kwistjoni.

140. B'mod partikolari, b'differenza għall-miżuri previsti kontra ċerti persuni fiżiċi u ġuridiċi stabbiliti fil-Komunità mir-Regolament Nru 3541/92, invokat mill-Kunsill b'sostenn għat-teżi tiegħu (ara l-punt 97 iktar 'il fuq), il-miżuri previsti mir-regolament ikkontestat ma jistgħux jiġu ġġustifikati bl-għan li tiġi stabbilita politika kummerċjali komuni [Artikolu 3(1)(b) KE], fil-kuntest li minnu ġie deċiż li l-Komunità kellha s-setgħa li tadotta miżuri ta' embargo kummerċjali skond l-Artikolu 133 KE, meta r-relazzjonijiet kummerċjali ma' pajjiż terz ma humiex in kwistjoni f'dan il-każ.

141. F'dak li jikkonċerna l-għan intiż sabiex tiġi stabbilita sistema li tiggarantixxi li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx deformata [Artikolu 3 (1)(g) KE], l-affermazzjoni ta' riskju ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni, li skond il-preambolu tiegħu r-regolament ikkontestat kellu bħala għan li jimpedixxi, mhijiex konvinċenti.

142. Ir-regoli ta' kompetizzjoni tat-Trattat KE huma applikabbli għall-impriżi u l-Istati Membri meta dawn ifixklu l-ugwaljanza fil-kompetizzjoni bejn l-impriżi (ara, f'dak li jikkonċerna l-Artikolu 87 KE, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Lulju 1974, l-Italja vs il-Kummissjoni, 173/73, Ġabra p. 709, punt 26 u f'dak li jikkonċerna l-Artikolu 81 KE, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Lulju 1984, Hydrotherm, 170/83, Ġabra p. 2999, punt 11).

143. Issa, f'dan il-każ, min-naħa waħda, mhuwiex qed jiġi pretendut li l-individwi jew l-entitatjiet li fir-rigward tagħhom japplika r-regolament ikkontestat huma l-istess bħal impriżi skond ir-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat KE.

144. Min-naħa, ma tressqet ebda spjegazzjoni li tippermetti li jiġi konkluż b'liema mod il-kompetizzjoni bejn l-impriżi tista' tiġi milquta mill-implementazzjoni, fuq livell tal-Komunità jew ta' l-Istati Membri tagħha, ta' miżuri restrittivi speċifiċi preskritti kontra ċerti persuni u entitatjiet mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1390 (2002).

145. Il-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu ma jitpoġġewx f'dubju mill-konnessjoni stabbilita mill-Kummissjoni u r-Renju Unit, fis-sottimissjonijiet bil-miktub tagħhom, bejn l-għan imsemmi fl-Artikolu 3 (1)(g) KE u l-għan intiż sabiex jiġi stabbilit suq intern ikkaratterizzat bit-tneħħija, bejn l-Istati Membri, ta' l-ostakoli għall-moviment liberu ta' kapital [Artikolu 3 (1)(c), KE] (ara, b'mod partikolari, il-punti 99 u 102 sa 104 iktar 'il fuq).

146. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Komunità m'għandha ebda kompetenza espliċita sabiex timponi restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital u għall-ħlasijiet. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 58 KE jippermetti li l-Istati Membri jieħdu miżuri li għandhom tali effett meta dawn huma u jibqgħu neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti minn dan l-Artikolu, u b'mod partikolari, għal motivi konnessi ma' l-ordni pubbliku jew mas-sigurtà pubblika (ara, b'anoloġija ma' l-Artikolu 30 KE, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Ottubru 1991, Richardt, C-367/89, Ġabra p, I-4621, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). Peress li l-kunċett ta' sigurtà pubblika jinkludi kemm is-sigurtà interna kif ukoll is-sigurtà esterna ta' l-Istat, l-Istati Membri għaldaqstant għandhom fil-prinċipju d-dritt li jadottaw, bis-saħħa ta' l-Artikolu 58 (1)(b) KE, miżuri tat-tip bħal dawk previsti mir-regolament ikkontestat. Sakemm dawn il-miżuri huma konformi ma' l-Artikolu 58 (3) KE, u sakemm huma ma jaqbżux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi, huma kompatibbli mas-sistema ta' moviment liberu ta' kapital u ħlasijiet u mas-sistema ta' kompetizzjoni libera stabbiliti mit-Trattat KE.

147. Għandu jintqal ukoll li, jekk is-sempliċi konstatazzjoni ta' riskju ta' disparitajiet bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali kif ukoll ta' riskju astratt ta' restrizzjoni għall-moviment liberu ta' kapital jew ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni li jista' jirriżulta minn dan, kienet biżżejjed sabiex tiġġustifika l-għażla ta' l-Artikolu 308 KE, in konnessjoni ma' l-Artikolu 3(1)(c) u (g) KE, bħala bażi ġuridika ta' regolament, mhux biss id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3 tat-Titolu IV tat-Trattat KE, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet m'għadx ikollhom skop effettiv, iżda l-istħarriġ ġudizzjarju tar-rispett tal-bażi ġuridika jista' jitlef l-effikaċja tiegħu. Għaldaqstant, il-qorti komunitarja hija mwaqqfa milli teżerċita l-funzjoni tagħha li hija għandha bis-saħħa ta' l-Artikolu 220 KE, li tassigura r-rispett tal-liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni ta' dan it-Trattat (ara, f'dan ir-rigward, f'dak li jikkonċerna l-Artikolu 100 A tat-Trattat KE, li wara l-emendi sar l-Artikolu 95 KE, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Ottubru 2000, il-Ġermanja vs il-Parlament u l-Kunsill, C-376/98, Ġabra p. I-8419, punti 84, 85 u 106 sa 108, u l-ġurisprudenza ċċitata).

148. F' kull każ, l-elementi ta' evalwazzjoni sottomessi lill-Qorti tal-Prim'Istanza ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li r-regolament ikkontestat jikkontribbwixxi effettivament sabiex jiġi evitat riskju ta' restrizzjoni għall-moviment liberu ta' kapital jew ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni li tista' tiġi evalwata.

149. B'mod partikoalri, il-Qorti tal-Prim'Istanza hija ta' l-opinjoni li kontrarjament għal dak li sostnew il-Kummissjoni u r-Renju Unit, l-implementazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni mill-Istati Membri, għajr milli mill-Komunità, ma kinitx suxxettibbli li twassal għal riskju plawsibbli u serju ta' diverġenzi fl-applikazzjoni ta' l-iffriżar tal-fondi bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, min-naħa waħda, dawn ir-riżoluzzjonijiet jinkludu definizzjonijiet u istruzzjonijiet ċari, preċiżi u ddettaljati, li prattikament ma jħallu ebda spazju għall-interpretazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-importanza tal-miżuri li huma jeżiġu, fid-dawl ta' l-implementazzjoni tagħhom, ma jidhrux li huma tali li hemm lok li jkun hemm biża' ta' tali riksju.

150. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-miżuri in kwistjoni fil-każ preżenti ma jistgħux jiġu ġġustifikati mill-għan imsemmi fl-Artikolu 3(1)(c)(g) KE.

151. Barra minn hekk, id-diversi eżempji ta' użu tal-bażi ġuridika kumplimentari ta' l-Artikolu 308 KE invokati mill-Kunsill (ara l-punti 95 u 97 iktar 'il fuq) ma humiex rilevanti f'dan il-każ. Fil-fatt min-naħa, minn dawn l-eżempji ma jirriżultax li l-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 308 KE, b'mod partikolari dawk intiżi għat-twettiq ta' għan tal-Komunità, ma kinux konnessi fil-każijiet ikkonċernati. Min-naħa l-oħra, l-atti ġurdiċi in kwistjoni f'dawn l-eżempji ma humiex is-suġġett ta' ebda kontestazzjoni f'dan ir-rigward quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, b'mod partikolari fil-kawża li wasslet għas-sentenza Delbar, punt 96 iktar 'il fuq. F'kull ipoteżi, skond ġurisprudenza kostanti, prassi sempliċi tal-Kunsill mhijiex suxxettibbli li twassal għal deroga mir-regoli tat-Trattat u għaldaqstant, ma tistax toħloq preċedent li tgħaqqad lill-istituzzjonijiet tal-Komunità f'dak li jirrigwarda l-għażla tal-bażi ġuridika korretta (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Frar 1988, ir-Renju Unit vs il-Kunsill 68/86 Ġabra p. 855, punt 24 u Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 1/94, tal-15 ta' Novembru 1994, Ġabra p. I-5267, punt 52).

152. Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li l-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u, b'mod aktar partikolari, l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji bħal mhuma l-iffriżar tal-fondi, kontra individwi u entitajiet li huma suspettati li jikkontribwixxu għall-finanzjament tiegħu, ma jistgħux ikunu marbuta ma' ebda wieħed mill-għanijiet espliċitament assenjati lill-Komunità mill-Artikoli 2 KE u 3 KE.

153. Barra l-għanijiet tat-Trattat espliċitament imsemmija fl-Artikoli 2 KE u 3 KE, il-Kummissjoni wkoll invokat, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, għan tal-Komunità ta' natura iktar ġenerali, li f'dan il-każ iġġustifika l-użu tal-bażi ġuridika ta' l-Artikolu 308 KE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tiddeduċi mill-preambolu tat-Trattat KE "għan ġenerali stabbilit għall-Komunità li tiddefendi l-paċi u s-sigurtà" internazzjonali (ara l-punt 100 iktar 'il fuq). Din it-teżi ma tistax tiġi milqugħa.

154. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, mill-preambolu tat-Trattat KE ma jirriżulta xejn li jindika li dan ried jilħaq għan ta' difiża tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali iktar estiż. Anki jekk l-imsemmi Trattat għandu inkontestabbilment bħal l-ewwel għan dak li jtemm il-kunflitti tal-passat bejn il-popli Ewropej, permezz ta' l-istabbiliment ta' "għaqda dejjem akbar" bejnithom, dan huwa mingħajr ebda referenza għall-implementazzjoni ta' politika barranija u ta' sigurtà komuni. Dan jirriżulta esklussivament mill-għanijiet tat-Trattat UE li, kif jenfasizza l-preambolu tiegħu, huwa intiż sabiex jirreġistraw "stadju ġdid fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropea li daħlu għalih bit-twaqqif tal-Komunitajiet Ewropej".

155. Anki jekk bla dubju ta' xejn jista' jiġi affermat li dan l-għan ta' l-Unjoni għandu jispira l-azzjoni tal-Komunità fil-qasam tal-kompetenzi proprji tagħha, bħal mhija l-politika kummerċjali komuni, min-naħa l-oħra, dan mhuwiex biżżejjed sabiex fuqu tiġi bbażata l-adozzjoni ta' miżuri bis-saħħa ta' l-Artikolu 308 KE, speċjalment fl-oqsma fejn il-kompetenzi komunitarji huma marġinali u limitativament indikati mit-Trattat.

156. Fl-aħħar, ma jidhirx li huwa possibbli li l-Artikolu 308 KE jiġi interpretat bħala li jawtorizza b'mod ġenerali lill-istituzzonijiet sabiex jibbażaw ruħhom fuq din id-dispożizzjoni sabiex iwettqu wieħed mill-għanijiet tat-Trattat UE. B'mod partikolari, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-koeżistenza ta' l-Unjoni u tal-Komunità f'dak li jikkonċerna s-sistemi legali intergrati iżda distinti, kif ukoll l-arkitettura kostituzzjonali tal-pilastri, li l-awturi tat-Trattati attwalment fis-seħħ kellhom f'moħħhom, ma tawtorizzax la lill-istituzzjonijiet u lanqas lill-Istati Membri jibbażaw ruħhom fuq "il-klawsola ta' flessibbiltà" ta' l-Artikolu 308 KE sabiex jiġi kkumpensat in-nuqqas ta' kompetenza tal-Komunità neċessarju sabiex jitwettaq għan ta' l-Unjoni. Deċiżjoni differenti twassal, fl-aħħar, sabiex tirrendi din id-dispożizzjoni suxxettibbli li tiġi applikata għall-miżuri kollha li jaqgħu taħt l-PBSK u taħt il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali (ĠAI), b'tali mod li l-Komunità tkun dejjem tista' taġixxi sabiex tilħaq l-għanijiet ta' din il-politika. Riżultat bħal dan jippriva ħafna mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE mill-kamp ta' applikazzjoni tagħhom u jkun inkoerenti ma' l-istabbiliment ta' l-istrumenti tal-PBSK (strateġiji komuni, azzjonijiet komuni, pożizzjonijiet komuni) u tal-ĠAI (pożizzjonijiet komuni, deċiżjonijiet, deċiżjonijiet qafas).

157. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, iktar milli l-Artikoli 60 KE u 301 KE meħuda waħedhom, l-Artikolu 308 KE waħdu ma jikkostitwixxix bażi ġuridika suffiċjenti li fuqha jista' jiġi bbażat ir-regolament ikkontestat.

158. Madankollu, kemm fil-premessi tar-regolament ikkontestat kif ukoll fis-sottomissjonijiet bil-miktub, il-Kunsill sostna li l-Artikolu 308 KE, użat flimkien ma' l-Artikoli 60 KE u 301 KE, kien jagħtih is-setgħa li jadotta regolament komunitarju li jirrigwarda l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu internazzjonali, adottata mill-Unjoni u mill-Istati Membri taħt il-PBSK, u li jimponi għal dan il-għan sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji kontra persuni, mingħajr ma jistabbilixxi xi rabta' mat-territorju jew mar-reġim mexxej ta' pajjiż terz. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jistħoqilhom li jiġu approvati.

159. Fil-fatt, f'dan il-kuntest, hemm lok li tiġi meqjusa r-rabta speċifikament stabbilita, matul ir-reviżjoni li tirriżulta mit-Trattat ta' Maastricht bejn l-azzjonijiet tal-Komunità li jirrigwardaw sanzjonijiet ekonomiċi taħt l-Artikoli 60 KE u 301 KE u l-għanijiet tat-Trattat KE fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni.

160. Effettivament għandu jiġi kkonstatat li l-Artikoli 60 KE u 301 KE huma dispożizzjonijiet assolutament partikolarti tat-Trattat KE, f'dak illi huma espressament jipprevedu li azzjoni tal-Komunità tista' ssir neċessarja sabiex jitwettaq mhux biss xi wieħed mill-għanijiet tal-Komunità, kif inhuma stabbiliti mit-Trattat KE, iżda wieħed mill-għanijiet speċifiċi assenjati lill-Unjoni mill-Artikolu 2 UE, jiġifieri l-implementazzjoni ta' politika barranija u ta' sigurtà komuni.

161. Fil-kuntest ta' l-Artikoli 60 KE u 301 KE, l-azzjoni tal-Komunità hija għaldaqstant fil-verità azzjoni ta' l-Unjoni implementata fuq il-bażi tal-pilastri tal-Komunità wara l-adozzjoni mill-Kunsill ta' pożizzjoni komuni jew ta' azzjoni komuni taħt il-PBSK.

162. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li skond l-Artikolu 3 UE l-Unjoni għandha tinqeda b'qafas istituzzjonali wieħed li għandu jassigura l-konsistenza u l-kontinwità ta' l-attivitajiet li teżerċita sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-miri tagħha filwaqt li tirrispetta u tibni fuq l-acquis communautaire'. L-Unjoni għandha tassigura partikolarment il-koerenza fl-attivitajiet esterni kollha tagħha fl-isfond tal-politika li tħaddan fir-relazzjonijiet barranin, fis-sigurtà, fl-ekonomija u fl-iżvilupp. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jkunu responsabbli li jassiguraw din il-koerenza. Huma għandhom jassiguraw l-implementazzjoni ta' din il-politika, skond is-setgħat rispettivi tagħhom.

163. Issa, bħal ma s-setgħat ta' azzjoni previsti mit-Trattat KE jistgħu jkunu insuffiċjenti sabiex jippermettu lill-istituzzjonijiet jaġixxu sabiex iwettqu, fil-funzjonament tas-suq komuni, xi wieħed mill-għanijiet tal-Komunità, bl-istess mod is-setgħat ta' sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji previsti mill-Artikoli 60 KE u 301 KE, jiġif ieri l-interruzzjoni jew it-tnaqqis tar-relazzjonijiet ekonomiċi ma' xi pajjiż terz, jew terzi, oħra, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna l-moviment ta' kapital u l-ħlasijiet, jistgħu jkunu insuffiċjenti sabiex jippermettu lill-istituzzjonijiet jwettqu l-għan ta' l-PBSK, li jirriżulta mit-Trattat UE, li fid-dawl ta' tiegħu dawn id-dispożizzjonijiet ġew speċifikament imdaħħla fit-Trattat KE.

164. Għaldaqstant għandu jiġi rrikonoxxut li, fil-kuntest partikolari previst mill-Artikoli 60 KE u 301 KE, l-użu tal-bażi ġuridika kumplimentarja ta' l-Artikolu 308 KE huwa ġġustifikat, f-isem il-ħtieġa tal-koerenza msemmija fl-Artikolu 3 UE, meta dawn id-dispożizzjonijiet ma jagħtux lill-istituzzjonijiet komunitarji l-kompetenza neċessarja, fil-qasam ta' sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, biex jaġixxu sabiex iwettqu l-għan li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jridu jilħqu taħt il-PBSK.

165. Minflok pożizzjoni komuni jew azzjoni komuni adottati taħt il-PBSK, jistgħu jiġu meħtieġa mill-Komunità miżuri ta' sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji li jmorru lil hinn minn dawk espliċitament previsti mill-Artikoli 60 KE u 301 KE, li jikkonsistu fl-interruzzjoni jew fit-tnaqqis tar-relazzjonijiet ekonomiċi ma' xi pajjiż, jew pajjiżi, terzi, oħra b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna l-moviment ta' kapital u l-ħlasijiet.

166. F'ipoteżi bħal din, l-użu tal-bażi ġuridika simultanja ta' l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE jippermetti li jitwettaq, fil-qasam ta' sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, l-għan li jrid jintlaħaq mill-Unjoni u mill-Istati Membri fil-kuntest tal-PBSK, kif espress f'pożizzjoni komuni jew f'azzjoni komuni, minkejja li n-nuqqas ta' attribuzzjoni espressa mill-Komunità tas-setgħat ta' sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji indirirzzati lejn individwi jew entitajiet ma jippreżenta ebda rabta biżżejjed ma' xi pajjiż terz determinat.

167. F'dan il-każ, il-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u l-finanzjament tiegħu taqa' bla dubju ta' xejn taħt l-għanijiet ta' l-Unjoni bis-saħħa tal-PBSK, kif iddefiniti mill-Artikolu 11 UE, anki meta ma jissemmux speċifikament il-pajjiżi terzi jew il-mexxejja tagħhom.

168. Barra minn dan, huwa veru li l-Pożizzjoni Komuni 2002/402 ġiet adottata mill-Kunsill, b'mod unanimu, fil-kuntest ta' din il-ġlieda u li din tippreskrivi l-impożizzjoni mill-Komunità ta' sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji kontra persuni suspettati li jikkontribwixxu għall-finanzjament tat-terroriżmu internazzjonali, mingħajr ma tistabbilixxi aktar ebda rabta mat-terrirtorju jew ir-reġim mexxej ta' pajjż terz.

169. F'dan il-kuntest, l-użu ta' l-Artikolu 308 KE sabiex jiġu kkompletati s-setgħat ta' sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjari mogħtija lill-Komunità mill-Artikoli 60 KE u 301 KE huwa ġġustifikat mill-kunsiderazzjoni li, fid-dinja attwali, l-Istati ma jistgħux aktar jiġu kkunsidrati bħala l-uniku sors ta' theddida għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali. Iktar milli l-Komunità internazzjonali, l-Unjoni u l-pilastru komunitarju tagħha ma humiex mwaqqfa milli jadattaw rwieħhom għal dan it-theddid ġdid permezz ta' l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mhux biss kontra pajjiżi terzi iżda wkoll kontra persuni, gruppi, impriżi jew entitajiet assoċjati li jwettqu attività terroristika internazzjonali, jew li bi xi mod ieħor iqiegħdu f'periklu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

170. Huwa għalhekk li ġustament l-istituzzjonijiet u r-Renju Unit jsostnu li l-Kunsill kien kompetenti li jadotta r-regolament ikkontestat, li jimplementa fil-Komunità s-sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji previsti mill-Pożjonijiet Komuni 2002/402. fuq il-bażi ta' l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE flimkien.

171. L-ewwel parti ta' l-ewwel raġuni għandha għaldaqstant tiġi miċħuda.

Fuq it-tieni parti

L-argumenti tal-partijiet

172. Fil-kuntest tat-tieni parti ta' l-ewwel raġuni, ir-rikorrenti jsostnu li l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni, qabel kollox taħt l-Artikolu 10 (1) tar-Regolament Nru 467/2001, wara taħt l-Artikolu 7 (1) tar-regolament ikkontestat, għandha skop aktar wiesgħa minn dik ta' sempliċi kompetenza ta' implementazzjoni ta' regolament tal-Kunsill u li hija għaldaqstant tmur kontra l-Artikolu 202 KE. Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, deċiżjoni tal-Kummissjoni li persuna titniżżel fl-Anness I tar-regolament ikkontestat twassal fil-fatt sabiex jiġi emendat l-Artikolu 2 tiegħu.

173. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li d-delega ta' kompetenzi ta' implementazzjoni mogħtija f'dan il-każ lill-Kummissjoni hija konformi ma' l-Artikolu 202 KE.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

174. It-tieni parti ta' l-ewwel raġuni saret ineffettiva wara t-tħassir tar-Regolament Nru 467/2001 u wara s-sostituzzjoni tiegħu permezz tar-regolament ikkontestat. Fil-fatt, anki jekk huwa veru li r-rikorrenti kienu iniżjalment inklużi fl-Anness I tar-Regolament Nru 467/2001 permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2199/2001 adottat fuq awtorizzazzjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 10 (1) ta' l-ewwel minn dawn ir-regolamenti, l-inklużjoni tagħhom fl-Aness I tar-regolament ikkontestat huwa minn issa 'l quddiem is-suġġett ta' dan ir-regolament stess, kif adottat mill-Kunsill mingħajr intervent ġdid tal-Kummissjoni.

175. F'dak li jikkonċerna l-emendi mdaħħla bir-Regolament Nru 866/2003 (punt 41 iktar 'il fuq), dawn huma purament editorjali, kif is-Sur Yusuf ammetta (punt 63 iktar 'il fuq), u għaldaqstant dawn għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta' sempliċi kompetenza ta' eżekuzzjoni, għalhekk id-delega lill-Kummissjoni hija konformi ma' l-Artkolu 202 KE.

176. Minn dan jirriżulta li t-tieni parti ta' l-ewwel raġuni għandha tiġi miċħuda.

Fuq it-tielet parti

L-argumenti tal-partijiet

177. Fil-kuntest tat-tielet parti ta' l-ewwel raġuni, ir-rikorrenti jsostnu li setgħa li tittieħed deċiżjoni fil-qasam tad-drittijiet ċivili u ekonomiċi ta' l-Istati Membri u taċ-ċittadini tagħhom, ma taqax taħt il-kompetenzi tal-Kunsill li jeddelega lil korp estern għall-Komunità, f'dan il-każ, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

178. Ir-Renju Unit jirrispondi li f'dan il-każ, ma saret ebda delega ta' kompetenzi komunitarji lill-korpi tan-Nazzjonijiet Uniti. Għall-kuntrarju, l-istituzzjonijiet aġixxew esklużivament bil-għan li jassiguraw li l-Istati Membri jirrispettaw l-obbligi li huma għandhom taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li jipprevalu fuq kull obbligu ieħor, skond l-Artikolu 103 ta' din il-Karta.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

179. Id-deċiżjonijiet meħuda f'dan il-każ mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, kontra r-rikorrenti, ittieħdu fuq delega mill-Kunsill tas-Sigurtà, bl-użu ta' l-informazzjoni miġbura li għaliha huwa stess kien responsabbli. Barra minn hekk, ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni ma jikkostitwixxux l-eżerċizzju ta' setgħat delegati mill-Komunità, iżda l-eżerċizzju li l-Kunsill tas-Sigurtà jagħmel tas-setgħat tiegħu stess bis-saħħa tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-fatt li l-istituzzjonijiet komunitarji, wara l-adozzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2002/402, dehrilhom li għandhom jikkonformaw ruħhom ma' dawn id-deċiżjonijiet u riżoluzzjonijiet, huma u jeżerċitaw il-kompetenzi proprji tagħhom, huwa f'dan ir-rigward irrilevanti.

180. It-tielet parti ta' din ir-raġuni tidher għalhekk li hija bbażata fuq premessa żbaljata u għaldaqstant għandha tiġi miċħuda.

2. Fuq it-tieni raġuni bbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 249 KE

L-argumenti tal-partijiet

181. Ir-rikorrenti jsostnu li, safejn ir-regolament ikkontestat jikser id-drittijiet ta' persuni u jippreskrivi l-applikazzjoni ta' sanzjonijiet individwali, huwa m'għandux applikazzjoni ġenerali u għaldaqstant jikser l-Artikolu 249 KE. Il-kundizzjoni dwar l-applikazzjoni ġenerali prevista minn din id-dispożizzjoni, fil-fatt tmur kontra dak li jista' jkun ġie rregolat f'każijiet partikolari, bħal f'dan il-każ, permezz ta' regolament. Din il-kundizzjoni tirriżulta mill-prinċipju ġenerali ta' ugwaljanza quddiem il-liġi u hija kundizzjoni sine qua non sabiex id-dritt komunitarju ma jkunx f'kunflitt mal-liġijiet kostituzzjonali ta' l-Istati Membri jew mal-prinċipji ġenerali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. L-istabbiliment ta' regola permezz ta' lista xorta waħda tmur kontra l-prinċipji ta' legalità u ta' sigurtà ġuridika.

182. Fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-individwi u entitajiet li fir-rigward tagħhom japplika r-regolament ikkontestat ma jirriżultawx minn ċirku ordinarju ta' persuni msemmija b'mod astratt, iżda jikkorrispondu isem b'isem għall-persuni li jidhru fuq il-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Ma teżisti xejn iktar minn sitwazzjoni determinata oġġettivament deskritta permezz ta' kundizzjonijiet ifformulati b'mod ġenerali, li tispjega r-raġuni li għaliha l-ismijiet tar-rikorrenti jidhru preċiżament fl-Anness I tar-regolament ikkontestat. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-att ikkontestat m'għandux jiġi analizzat bħala regolament, iżda bħala numru ta' deċiżjonijiet individwali, skond is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Mejju 1971, International Fruit et. vs il-Kummissjoni (41/70 sa 44/70, Ġabra p. 411).

183. L-istituzzjonijiet u r-Renju Unit jsostnu li r-regolament ikkontestat għandu tassew applikazzjoni ġenerali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

184. Skond l-Artikolu 249 (2) KE, ir-regolament għandu applikazzjoni ġenerali u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha filwaqt li deċiżjoni mhijiex obligatorja ħlief għad-destinatarji li hija tindika

185. Skond ġurisprudenza kostanti, il-kriterju ta' distinzjoni bejn ir-regolament u d-deċiżjoni għandu jitfittex fl-applikazzjoni ġenerali ta' l-att in kwistjoni. Il-karatteristiċi essenzjali tad-deċiżjoni jirriżultaw mir-restrizzjoni tad-destinatarji li lejhom hija indirizzata, filwaqt illi r-regolament, ta' natura essenzjalment normattiva, huwa applikabbli għal sitwazzjonijiet oġġettivament msemmija, u jinkludi effetti ġuridiċi fir-rigward ta' kategoriji ta' persuni msemmija b'mod ġenerali u astratt. Barra minn hekk, in-natura regolamentari ta' att ma titpoġġix f'dubju mill-possibbilità li jiġi determinat b'mod ftit jew wisq preċiż in-numru jew ukoll l-identità ta' l-oqsma tad-dritt li għalihom huwa japplika f'mument preċiż, tant li huwa kostanti li din l-applikazzjoni issir skond sitwazzjoni oġġettiva ta' dritt jew ta' fatt iddefinit mill-att, b'relazzjoni ma' l-għan ta' dan ta' l-aħħar (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Diċembru 1962, Fédération nationale de la boucherie en gros et. vs il-Kunsill, 19/62 sa 22/62, Ġabra p. 943, punt 2 ; tal-11 ta' Lulju 1968, Zuckerfabrik Watenstedtvs il-Kunsill, 6/68, Ġabra p. 595, 604 ; tat-30 ta' Settembru 1982, Roquette Frères vs il-Kunsill, 242/81, Ġabra p. 3213, punti 6 u 7 ; tad-29 ta' Ġunju 1993, Ġibiltà vs il-Kunsill, C298/89, Ġabra. p. I3605, punt 17, u tal 31 ta' Mejju 2001, Sadam Zuccherifici et vs il-Kunsill, C41/99 P, Ġabra. p. I4239, punt 24 ; Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' April 1996, CNPAAP vs il-Kunsill, C87/95 P, Ġabra p. I2003, punt 33 ; Digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Mejju 2003, DOW AgroSciences vs il-Parlament u l-Kunsill, T45/02, Ġabra p. II1973, punt 31).

186. F'dan il-każ, ir-regolament ikkontestat għandu inkontestabbilment applikazzjoni ġenerali, peress illi huwa jipprojbixxi lil kulħadd jqiegħed fondi jew riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni ta' ċerti persuni. Il-fatt li dawn il-persuni huma b'mod partikolari msemmija fl-Anness I ta' dan ir-regolament, b'tali mod li huma jidhru bħala li dan ir-regolament jirrigwardhom direttament u individwalment, skond ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE, bl-ebda mod ma jaffettwa l-ġeneralità ta' din il-projbizzjoni li tapplika erga omnes, kif jirriżulta wkoll b'mod partikolari mill-Artikolu 11, li għalih ir-regolament ikkontestat japplika:

- fit-territorju tal-Komunità, inkluż l-ispazju ta' l-ajru,

- abbord kull inġenju ta' l-ajru jew bastiment taħt il- ġurisdizzjoni ta' xi Stat Membru,

- għal kull persuna, tkun fejn tkun, li hi ċittadina ta' xi Stat Membru,

- għal kull persuna ġuridika, grupp jew entità li hu/hi inkorporat/(a) jew kostitwit(/a) taħt il-liġi ta' Stat Membru,

- għal kull persuna ġuridika, grupp jew entità fil-kummerċ fil-Komunità.

187. L-argument tal-partijiet fir-realta huwa r-riżultat ta' konfużjoni bejn il-kunċett ta' destinatarju ta' att u dak tas-suġġet ta' dan l-att. L-Artikolu 249 KE jipprevedi biss l-ewwel minn dawn il-kunċetti, f'dak illi huwa jiddisponi li r-regolament għandu applikazzjoni ġenerali, filwaqt li d-deċiżjoni mhijiex obbligatorja ħlief għad-destinatarji li hija tindika. Min-naħa l-oħra, is-suġġett huwa kriterju irrilevanti għall-kwalifikazzjoni ta' att bħala regolamentari jew deċiżjonali.

188. Għaldaqstant, att li għandu bħala suġġett l-iffirżar tal-fondi ta' dawk li jwettqu atti terroristiċi, ikkunsidrati bħala kategorija ġenerali u astratta, ikun deċiżjoni jekk dan ikun indirizzat lejn persuna waħda jew aktar speċifiakment indikata. Għall-kuntrarju, att li għandu bħala suġġett l-iffriżar tal-fondi ta' persuna waħda jew aktar speċifikament indikati huwa regolament jekk huwa indirizzat b'mod ġenerali u astratt lil numru ta' persuni li jistgħu jkollhom fiżikament fil-pussess tagħhom il-fondi in kwistjoni. Dan huwa preċiżament il-każ f'din il-kawża.

189. It-tieni raġuni għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda.

3. Fuq it-tielet raġuni bbażata fuq il-ksur tad-drittijiet fundmentali tar-rikorrenti

L-argumenti tal-partijiet

190. Ir-rikorrenti, li jirreferu kemm għall-Artikolu 6(2) UE kif ukoll għall-ġurisprudenza tal-Qorti (sentenzi tat-12 ta' Novembru 1969, Stauder, 29/69, Ġabra p. 419 ; tas-17 ta' Novembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft, 11/70, Ġabra p. 1125, u ta' l-14 ta' Mejju 1974, Nold vs il-Kummissjoni, 4/73, Ġabra p. 491, punt 13), isostnu li r-regolament ikkontestat jikser id-drittijiet fundamentali tagħhom, b'mod partikolari d-dritt tagħhom li jiddisponu mill-beni tagħhom u d-dritt għal difiża, kif garantiti mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), safejn dan ir-regolament jimponilhom sanzjonijiet iebsa, ta' natura kemm ċivili kif ukoll kriminali, mingħajr ma jkunu ġew mismugħa qabel u mogħtija l-possibbiltà li jiddefendu rwieħhom u mingħajr ma l-imsemmi att ma kien suġġett għal ebda stħarriġ ġudizzjarju.

191. F'dak li jikkonċerna b'mod aktar partikolari l-allegat ksur tad-dritt għal difiża, ir-rikorrenti jenfassizzaw li huma ma kinux ġew infurmati bir-raġunijiet tas-sanzjonijiet li kienu ġew inflitti fuqhom, li huma ma ngħatawx informazzjoni dwar il-provi u l-fatti li qegħdin jiġu lilhom ikkontestati u li iktar minn hekk huma ma kellhomx l-opportunità li jispjegaw rwieħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Ottubru 1974, Transocean Marine Paint vs il-Kummissjoni, 17/74, Ġabra p. 1063 ; tas-7 ta' Ġunju 1983, Musique Diffusion française et. vs il-Kummissjoni 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 14 ; ta' l-10 ta' Ġunju 1986, Belgique vs il-Kummissjoni, 40/85, Ġabra p. 2321, u tas-27 ta' Ġunju 1991, Al-Jubail Fertilizer u Saudi Arabian Fertilizer vs il-Kunsill, C49/88, Ġabra p. I3187). L-inklużjoni tagħhom fuq il-lista ta' l-Anness I tar-regolament ikkontestat hija esklussivament immotivata mill-fatt li huma kienu mniżżla fuq il-lista stabbilita mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, fuq il-bażi ta' informazzjoni mogħtija mill-Istati u mill-organizzazzjonijiet internazzjonali jew reġonali. La l-Kunsill u lanqas il-Kummissjoni ma eżaminaw il-motivi li għalihom dan l-imsemmi Kumitat niżżilhom fuq din il-lista. L-oriġini ta' l-informazzjoni riċevuta mingħand dan il-Kumitat hija partikolarment vaga u r-raġunijiet li għalihom ċerti individwi ġew imniżżla fuq din il-lista, mingħajr ma ġew mismugħa qabel, ma humiex imsemmija. Għaldaqstant, il-proċedura li wasslet sabiex ir-rikorrenti jiġu mniżżla fuq il-lista ta' l-Anness I tar-regolament ikkontestat hija koperta fit-totalità tagħha mis-sigriet tal-kunfidenzjalità. Nuqqasijiet bħal dawn fir-rigward tagħhom ma jistgħux jiġu kkumpensti wara (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Lulju 1999, Hercules Chemicals vs il-Kummissjoni, C51/92 P, Ġabra. p. I4235).

192. F'dak li jikkonċerna b'mod aktar partikolari l-allegat ksur ta' stħarriġ ġudizzjarju, ir-rikorrenti jsostnu li, fis-sentenza tas-27 ta' Novembru 2001, il-Kummissjoni vs l-Awstrija (C424/99, Ġabra p. I9285, punt 45), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skond ġurisprudenza kostanti, il-ħtieġa ta' stħarriġ bħal dan tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt komunitarju, li jirriżulta mill-prassi kostituzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġiet rikonoxxuta mill-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB. Dan id-dritt jimplika l-eżistenza ta' rikorsi effettivi quddiem qorti li tissodisfa ċerti kundizzjonijiet bħal mhuma l-indipendenza u n-newtralità.

193. F'dan il-każ, la l-Kummissjoni u lanqas il-Kunsill ma jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet.

194. Dan japplika wkoll għall-Kunsill tas-Sigurtà u għall-Kumitat tas-Sanzjonijiet tiegħu, li huma korpi politiċi li quddiemhom l-Istati biss huma awtorizzati jippreżentaw rwieħhom. F'dan il-każ, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet informa lill-Gvern Żvediż li ma kienx possibbli li jsir eżami fil-fond tat-talba tar-rikorrenti intiża sabiex huma jitneħħew minn fuq il-lista stabbilita minn dan il-Kumitat. Madankollu, din it-talba ġiet mgħarrfa lil ħmistax-il Membru tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet bħala propożizzjoni ta' deċiżjoni. Tliet Membri ta' dan il-Kumitat biss, jiġifieri l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u r-Russja, opponew għal din it-talba. Madankollu, minħabba r-regola ta' unanimità viġenti għax-xogħolijiet tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, l-ismijiet tar-rikorrenti inżammu fuq il-lista in kwistjoni.

195. F'dak li jikkonċerna l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kuntest tar-rikors preżenti, ir-rikorrenti joġġezzjonaw li rikors għal annullament, li jikkonċerna biss il-legalità tar-regolament ikkontestat fih innifsu, ma jippermettix li jsir eżami fil-fond tal-legalità tas-sanzjonijiet fir-rigward tad-drittijiet fundamentali li tagħhom qiegħed jiġi invokat il-ksur. Barra minn hekk, b'kunsiderazzjoni għat-teknika leġiżlattiva użata, li tikkonsisti fl-elaborazzjoni ta' listi ta' persuni u entitajiet imsemmija li fir-rigward tagħhom japplikaw dawn is-sanzjonijiet, eżami fil-fond bħal dan ma jkollux sens, peress illi jillimita d-domanda dwar jekk l-ismijiet li jinstabu fuq dawn il-listi jikkorrispondux ma' dawk li jidhru fuq il-listi tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

196. Ir-rikorrenti jinvokaw ukoll ċerti żbalji jew irregolaritajiet li r-regolament ikkontestat għandu. B'dan il-mod, l-entità Les " Barakaat International, Hallbybacken 15, 70 Spnga, l-Iżvezja", msemmija fl-Anness I ta' dan ir-regolament, taħt il-kategorija " Persuni ġuridiċi, gruppi u entitajiet , hija l-istess entità bħar-rikorrent Al Barakaat, imniżżla fl-istess kategorija. Ir-rikorrenti jispjegaw li Al Barakaat ittrasferixxiet l-uffiċċju reġistrat tagħha. Barra minn hekk, l-indirizz fih innifsu huwa żbaljat.

197. Bl-istess mod, l-entità " Somali Netwerk AB, Hallbybacken 15, 70 Spnga, l-Iżvezja", imsemmija fl-istess kategorija ta' l-Anness I tar-regolament ikkontestat, li preċedentement kienet ta' tlieta mir-rikorrenti inizjali, is-Sinjuri Aden, Ali u Yusuf, li kienet tbigħ karti tat-telefon, waqfet topera fl-aħħar tas-sena 2000 u għalqet fis-sajf 2001, u l-isem kummerċjali tagħha inbidel f'" Trä & Inredningsmontage i Kärrtorp" fl-4 ta' Ottubru 2001. L-azzjonisti ma kellhom ebda konnessjoni mar-rikorrenti u jidher li huma kienu jwettqu l-attivitajiet tagħhom fis-settur tal-kostruzzjoni. Peress illi l-Kumitat tas-Sanzjonijiet xorta waħda niżżel lil din l-entità fuq il-lista tiegħu fid-9 ta' Novembru 2001, huwa ċar li l-informazzjoni tiegħu ma kinitx kompluta u li huwa ma wettaqx stħarriġ każ b'każ.

198. Ir-rikorrenti jżidu wkoll li, fuq inizjattiva tagħha stess, Al Barakaat qiegħdet id-dokumenti tal-kontabbiltà għad-dispożizzjoni tal-pulizija Żvediża inkarigata mill-ġlieda kontra t-terroriżmu, is-SÄPO. Wara li annalizzhom, is-SÄPO rritorna dawn id-dokumenti lir-rikorrenti u infurmhom li kienu tajbin, li juri li s-sanzjonijiet meħuda kontra Al Barakaat ma humiex ġustifkati.

199. Fir-rigward tan-natura tal-provi, l-ewwel rikorrent, is-Sur Yusuf, qed jitlob li jiġi mismugħ mill-Qorti tal-Prim'Istanza. Huwa jitlob ukoll li jinstema' Sir Jeremy Greenstock, li kien il-President tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet meta ġew adottati s-sanzjonijiet kontrih.

200. Barra minn dan, fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw l-argument li l-Kunsill huwa obbligat jimplementa s-sanzjonijiet meħuda mill-Kunsill tas-Sigurtà minħabba li dawn huma imposti fuq l-Istati Membri tal-Komunità skond il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

201. Skond ir-rikorrenti, ma jeżisti ebda obbligu assolut taħt l-Artikolu 25 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dispożizzjoni ta' l-Artikolu 103 ta' din il-Karta torbot biss fid-Dritt Internazzjonali Pubbliku u bl-ebda mod ma timplika li l-Membri tan-Nazzjonijiet Uniti għandhom jiksru l-liġijiet tagħhom.

202. Ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà ma japplikawx b'mod dirett fl-Istati Membri ta' l-ONU, iżda għandhom jiġu trasposti fil-liġi nazzjonali tagħhom, b'konformità mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali u l-prinċipji fundamentali tad-dritt. Jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jippermettux tali traspożizzjoni, dawn għandhom qabel jiġu emendati sabiex din it-traspożizzjoni tkun possibbli.

203. Għaldaqstant, fl-Iżvezja, abbozz ta' liġi intiż sabiex tiġi implementata r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tat-28 ta' Settembru 2001, li tipprevedi, b'mod partikolari, l-iffriżar ta' l-assi ta' persuni u entitajiet li kkommettew jew ippruvaw jikkommettu atti terroristiċi, jiffaċilitawhom jew jipparteċipaw fihom, ġie rtirat mill-Gvern wara li l-Lagrdet (Kunsill tal-Leġiżlazzjoni) irrimarka li kull deċiżjoni ta' iffriżar ta' assi għandha tittieħed mid-Dipartiment ta' l-Avukat Ġenerali u tista' tkun is-suġġett ta' stħarriġ ġudizzjarju.

204. Barra minn hekk, mill-Artikolu 24 (2) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti jirriżulta li huwa dejjem il-Kunsill tas-Sigurtà li għandu jaġixxi skond l-Għanijiet u l-Prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti. Kundizzjoni li torbot lill-Membri ta' l-ONU bis-saħħa ta' l-Artikolu 25 tal-Karta hija li l-kompetenzi tal-Kunsill tas-Sigurtà biex jadottaw deċiżjonjiet li jorbtu jirriżultaw minn dispożizzjonijiet oħra ta' din il-Karta. Peress li l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti hija indirizzata esklużivament lill-Istati u ma toħloqx la drittijiet u lanqas obbligi fir-rigward ta' individwi, jista' jiġi mistoqsi jekk l-Istati Membri ta' l-ONU humiex marbuta bid-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li jimponu sanzjonijiet kontra Usama bin Laden u l-persuni assoċjati miegħu. Wieħed jista' jistaqsi wkoll jekk dawn id-deċiżjonijiet imorrux kontra l-għan espliċitu tan-Nazzjonijiet Uniti li jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali għal kulħadd, skond l-Artikolu 1(3) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

205. Prinċipalment, il-Kunsill isostni li ċ-ċirkustanzi li fihom ir-regolament ikkontestat kien ġie adottat jeskludu kull imġieba illegali min-naħa tiegħu.

206. F'dan ir-rigward, il-Kunsill u l-Kummissjoni, li jirreferu, b'mod partikolari għall-Artikolu 24(1) u għall-Artikoli 25, 41, 48 u 103 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, isostnu, l-ewwel nett, li, fuq l-eżempju ta' l-Istati Membri ta' l-ONU, il-Komunità hija obbligata, bis-saħħa tad-dritt internazzjonali, timplementa, fl-oqsma ta' kompetenza tagħha, ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, b'mod partikolari dawk meħuda fil-kuntest tal-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti; it-tieni nett, li l-kompetenza ta' l-istituzzjonijiet komunitarji f'dan ir-rigward hija limitata u li dawn l-istituzzjonijiet m'għandhom la ebda setgħa diskrezzjonali awtonoma u lanqas ebda marġni ta' evalwazzjoni; it-tielet nett, li huma ma jistgħux għaldaqstant la jemendaw il-kontenut ta' dawn ir-riżoluzzjonijiet lanqas jistabbilixxu mekkaniżmi li jistgħu jagħtu lok għal emenda fil-kontenut tagħhom, u r-raba' nett, li kull ftehim internazzjonali jew liġi nazzjonali li jista' jostakola din l-implementazzjoni għandu jiġi eliminat.

207. Il-Kunsill u l-Kummissjoni josservaw ukoll li l-Kunsill tas-Sigurtà, f'isem il-Membri ta' l-ONU, għandu r-responsabbiltà prinċipali li jżomm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Huma jenfasizzaw li r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà taħt il-Kapitolu VII ta' din il-Karta huma ta' applikazzjoni universali u jorbtu fit-totalità tagħhom u mingħajr riserva lill-Membri tan-Nazzjonijiet Uniti, li għandhom jagħtuhom preċedenza fuq kull obbligu internazzjonali ieħor. L-Artikolu 103 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti jippermetti wkoll li titneħħa kull dispożizzjoni oħra tad-dritt internazzjonali konvenzjonali jew konswetudinarju sabiex jiġu applikati r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, billi toħloq, bl-istess dispożizzjoni,"effett ta' legalità".

208. Skond l-istituzzjonijiet, il-liġijiet nazzjonali ma jistgħux iktar jostakolaw il-miżuri ta' implementazzjoni adottati skond il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Kieku Membru ta' l-ONU kellu l-possibbiltà li jemenda l-kontenut tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, l-uniformità ta' l-applikazzjoni tagħhom, li hija indispensabbli sabiex tiġi garantita l-effikaċja, ma tkunx tista' tinżamm.

209. Il-Kummissjoni żżid li, skond l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta' Vienna fuq il-Liġi tat-Trattati, konkluż fi Vienna fit-23 ta' Mejju 1969, Stat ma jistax jinvoka d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta' implementazzjoni ta' Trattat. Jekk regola ġuridika nazzjonali tmur kontra obbligu ta' dritt internazzjonali, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinterpreta din ir-regola fil-kuntest tat-Trattat, kif ukoll jemenda l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu sabiex din tkun kompatibbli ma' l-obbligu ta' dritt internazzjonali.

210. Għalkemm il-Komunità nfisha mhijiex Membru ta' l-ONU, hija obbligata li taġixxi, fl-oqsma ta' kompetenza tagħha, b'mod li jitwettqu l-obbligi li l-Istati Membri tagħha għandhom minħabba s-sħubija tagħhom fin-Nazzjonjiet Uniti. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-kompetenzi tal-Komunità għandhom jiġu eżerċitati b' rispett għad-dritt internazzjonali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation, C286/90, Ġabra p. I6019, punt 9, u tas-16 ta' Ġunju 1998, Racke, C162/96, Ġabra p. I3655, punt 45). Il-Kunsill u l-Kummissjoni jirreferu wkoll għas-sentenza Dorsch Consult vs il-Kunsill, punt 82 iktar 'il fuq. Għalkemm din is-sentenza kienet tikkonċerna l-istabbiliment ta' embargo kummerċjali - miżura ta' politika kummerċjali komuni li taqa' taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità, bis-saħħa ta' l-Artikolu 133 KE -, il-Kunsill u l-Kummissjoni jidrilhom li l-prinċipju li hija tistabbilixxi japplika wkoll f'dak li jikkonċerna r-restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital u għall-ħlasijiet adottati bis-saħħa ta' l-Artikoli 60 KE u 301 KE, b'kunsiderazzjoni għall-evoluzzjoni tal-kompetenzi tal-Komunità fil-qasam ta' sanzjonijiet fir-rigward ta' pajjiżi terzi.

211. Il-Kunsill jiġġeneralizza din il-propożizzjoni billi josserva li, meta l-Komunità taġixxi sabiex twettaq obbligi li l-Istati Membri tagħha għandhom minħabba s-sħubija tagħhom fl-ONU, kemm jekk dan huwa minħabba li dawn ta' l-aħħar ittrasferewlha l-kompetenzi neċessarji jew minħabba li huma jidhrilhom li l-intervent tagħha huwa opportun fuq il-livell politiku, hemm lok li jiġi kkunsidrat għall-finijiet kollha li hija tinstab fl-istess pożizzjoni bħall-Membri ta' l-ONU, b'kunsiderazzjoni għall-Artikolu 48 (2) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

212. Minn dan jirriżulta, skond il-Kunsill li, meta l-Komunità tieħu miżuri għal skopijiet li jikkorrispondu max-xewqa ta' l-Istati Membri tagħha li jwettqu l-obbligi tagħhom taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, hija bil-fors tibbenefika mill-protezzjoni mogħtija minn din il-Karta u b'mod partikolari, mill-"effett ta' legalità".

213. Barra minn hekk, il-Kunsill jenfasizza li, meta l-Kommunità taġixxi f'dan il-kuntest, il-kompetenza tagħha hija llimitata mid-deċiżjonijiet ta' politika barranija u ta' sigurtà komuni li jimplementaw ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, b'mod partikolari dawk meħuda taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonjiet Uniti, li għandhom jiġu inklużi fis-sistema legali komunitarja.

214. F'dan il-każ, ir-regolament ikkontestat kien ġie stabbilit sabiex jiġu implementati, fis-sistema legali komunitarja, ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà 1267 (1999), 1333 (2000) u 1390 (2002), permezz tat-traspożizzjoni awtomatika ta' kull lista ta' persuni jew ta' entitajiet li tkun stabbilita mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet skond il-proċeduri applikabbli, mingħajr l-eżerċizzju ta' ebda setgħa diskrezzjonali awtonoma, kif jirriżulta b'mod ċar kemm mill-preambolu tar-regolament ikkontestat kif ukoll mill-Artikolu 7 (1).

215. Fl-opinjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tali ċirkustanzi jeskludu a priori kull illegalità min-naħa ta' l-istituzzjonijiet. Ladarba l-Komunità ddeċidiet li taġixxi bis-saħħa tal-Pożizzjoni Komuni 2002/402, hija ma kellhiex iktar il-possibbiltà, mingħajr ma tikser l-obbligi internazzjonali proprji tagħha, l-obbligi internazzjonali ta' l-Istati Membri tagħha, u l-obbligu ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Komunità, msemmija fl-Artikolu 10 KE, li teskludi ċerti persuni mill-lista jew li tinfurmhom minn qabel, jew fin-nuqqas ta' dan li tipprevedi mezzi ta' rimedju li jippermettu li jiġi mistħarreġ jekk il-miżuri in kwistjoni kinux ġustifikati.

216. Dan japplika wkoll, skond il-Kunsill, anki jekk ir-regolament ikkontestat ikollu jiġi meqjus bħala li jikser id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti. Fil-fatt, il-Kunsill jikkunsidra li l-"effett ta' legalità" japplika wkoll fir-rigward tad-drittijiet fundamentali li, kif jipprevedu strumenti legali internazzjonali, jistgħu jiġu sospiżi temporanjament f'każ ta' urġenza.

217. Peress illi r-rikorrenti, fir-replika tagħhom, qegħdu f'dubju l-konformità tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni ma' l-Artikolu 1(3) tal-Karta tan-Nazzjonjiet, il-Kunsill iwieġeb li hemm lok li jiġi preżunt li, fil-kuntest tas-setgħat speċjali li huma mogħtija lilu mill-Kapitolu VII ta' din il-Karta, il-Kunsill tas-Sigurtà bbilanċja d-drittijiet fundamentali tal-vittmi tas-sanzjonijiet ma' dawk tal-vittmi tat-terroriżmu, u b'mod partikolari d-dritt ta' dawn għall-ħajja.

218. Barra minn dan, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-iżviluppi għall-proċess leġiżlattiv, esposti mir-rikorrenti, dwar l-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1373(2001), li jinstabu f'kuntest radikalment differenti minn dawk ta' l-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1390(2002) ma humiex konnessi mal-kawża preżenti. Matul l-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1373(2001), l-Istati Membri u l-Komunità fil-fatt kellhom marġni ta' diskrezzjoni ta' evalwazzjoni wiesgħa ħafna.

219. F'kull każ, il-Kunsill u l-Kummissjoni jidhrilhom li l-kompetenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-każ preżenti, għandha tkun limitata għall-eżami tal-kwistjoni dwar jekk l-istituzzjonijiet ikkommettewx żball ovvju billi wettqu l-obbligi msemmija fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1390(2002). Kull eżerċizzju ta' kompetenza li jaqbeż dan, li jammonta għal stħarriġ ġudizzjarju indirett u selettiv tal-miżuri li jorbtu stabbiliti mill-Kunsill tas-Sigurtà fil-kuntest tar-rwol tiegħu li jżomm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali, iqiegħed f'riskju li jiġi mdgħajjef xi wieħed mill-fundamenti ta' l-ordni dinji stabbilit fl-1945, jikkawża taqlib kbir fir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Komunità u ta' l-Istati Membri tagħha, ikun dibattibbli fir-rigward ta' l-Artikolu 10 KE u jkun f'kunflitt ma' l-obbligu li l-Kommunità għandha li tirrispetta d-dritt internazzjonali, li minnu jiffurmaw parti r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonjiet Uniti. L-istituzzjonijiet u r-Renju Unit jidrilhom li miżuri ta' dan it-tip ma jistgħux jiġu kkontestati fuq livell nazzjonali jew komunitarju, iżda biss quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà stess, permezz tal-Gvern ta' l-Istat li tiegħu r-rikorrenti huma ċittadini jew li fit-territorju tiegħu huma jirrisejdu (Digriet " Invest" Import und Export ut Invest Commerce vs il-Kummissjoni, punt 85 iktar 'il fuq, punt 40).

220. Alternattivament, fil-każ li l-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi li tipproċedi għal eżami komplet tal-fondatezza ta' l-argumenti differenti mqajma mir-rikorrenti, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li r-regolament ikkontestat ma jinterferix mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, li l-ksur tagħhom qiegħed jiġi allegat.

221. L-ewwel nett, il-miżuri implementati mir-regolament ikkontestat ma jiksrux id-dritt tar-rikorrenti li jgawdu l-proprjetà tagħhom, peress illi dan id-dritt ma jgawdix minn protezzjoni assoluta u l-eżerċizzju tiegħu jista' jkun suġġett għal restrizzjonijiet ġustifikati minn għanijiet ta' interess ġenerali.

222. It-tieni nett, ir-regolament ikkontestat ma jiksirx lanqas id-dritt għal difiża.

223. It-tielet nett, f'dak li jikkonċerna d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, l-istituzzjonijiet u r-Renju Unit josservaw li r-rikkorenti kienu f'pożizzjoni li jgħarrfu l-opinjoni tagħhom lill-Kunsill tas-Sigurtà u li huma setgħu jressqu quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza r-rikors preżenti taħt l-Artikolu 230 KE, fil-kuntest tiegħu huma setgħu jinvokaw, b'mod partikolari, l-inkompetenza ta' l-istituzzjonijiet kommunitarji sabiex jadottaw ir-regolament ikkontestat kif ukoll l-illegalità tal-ksur tad-dritt għall-proprjetà tagħhom.

224. Skond il-Kunsill, id-disputa bejn il-partijiet tikkonċerna mhux biss l-eżistenza tagħhom ta' dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, iżda wkoll il-medda ta' l-istħarriġ ġudizzjarju li tidher ġustifikata jew adattat f'dan il-każ.

225. F'dan ir-rigward, il-Kunsill jirrikonoxxi li, meta l-Komunità tiddeċiedi fuq inizjattiva tagħha stess li tieħu miżuri unilaterali ta' koerzjoni ekonomika u finanzjarja, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jiġi estiż għall-eżami tal-provi miġjuba kontra l-persuni li fir-rigward tagħhom japplikaw is-sanzjonijiet. Min-naħa l-oħra, skond il-Kunsill u r-Renju Unit, meta l-Kommunità taġixxi mingħajr ma teżerċita ebda setgħa diskrezzjonali, fuq il-bażi ta' deċiżjoni meħuda mill-korp li lilu l-komunità internazzjonali tat setgħat konsiderevoli sabiex tinżamm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali, stħarriġ ġudizzjarju komplut iqiegħed f'riskju li tiġi mdgħajfa s-sistema ta' l-ONU hekk kif stabbilita fl-1945, jista' jikkawża ħsara serja lir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Komunità u ta' l-Istati Membri u jmur kontra l-obbligu li l-Komunità għandha li tirrispetta d-dritt internazzjonali. Il-Kunsill huwa tal-fehma li, f'dan il-każ, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-qorti komunitarja ma jistax imur lil hinn minn dak rikonoxxut fl-Istati Membri f'dak li jikkonċerna r-rikonoxximent, fis-sistema legali nazzjonali, ta' deċiżjonijiet meħuda mill-korpi tal-Komunità internazzjonali huma u jaġixxu bil-għan li tinżamm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali. F'dan ir-rigward, il-Kunsill josserva li f'diversi Stati Membri, l-atti li bihom jiġu applikati r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà huma kkwalifikati bħala "atti tal-gvern" u bl-ebda mod ma jaqaw taħt il-kompetenza tal-qorti. Fi Stati Membri oħra, il-medda ta' l-istħarriġ ġudizzjarju huwa limitat ħafna.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

L-osservazzjonijiet preliminari

226. Il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tkunx tista' effettivament tagħti deċizjoni fuq il-raġuni ibbażata fuq l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti ħlief jekk dan jaqa' taħt l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha u dan jista', jekk ikun fondat, iwassal għall-annullament tar-regolament ikkontestat.

227. Issa, f'dan il-każ, l-istituzzjonijiet u r-Renju Unit jsostnu, essenzjalment, li ebda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet mhija sodisfatta, minħabba s-supremazija ta' l-obbligi tal-Komunità u ta' l-Istati Membri tagħha bis-saħħa tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti fuq kull obbligu ieħor ta' dritt internazzjonali, komunitarju jew nazzjonali. L-eżami ta' l-argumenti ta' dawn il-partijiet jidher għaldaqstant bħala prerekwiżit għal kull diskussjoni dwar l-argumenti tar-rikorrenti.

228. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li huwa opportun li teżamina, fl-ewwel lok, il-konnessjoni bejn is-sistema legali internazzjonali stabbilita min-Nazzjonijiet Uniti u s-sistema legali nazzjonali jew komunitajra, kif ukoll sa liema punt il-kompetenzi tal-Komunità u ta' l-Istati Membri tagħha huma marbuta bir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà adottati taħt il-Kaptikolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijet Uniti.

229. Fil-fatt, dan l-eżami jiddetermina dak tal-medda ta' l-eżami tal-legalità, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, li l-Qorti tal-Prim'Istanza għandha teżerċita fuq atti komunitarji li jimplementaw tali riżoluzzjonijiet, li ser jiġi eżaminat fit-tieni lok.

230. Fl-aħħar nett, jekk jiġi kkonstatat li dan jaqa' taħt l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha u li jista' jwassal għall-annullament tar-regolament ikkontestat, il-Qorti tal-Prim'Istanza tagħti deċiżjoni fuq l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti.

Fuq il-konnessjoni bejn is-sistema legali internazzjonali stabbilita min-Nazzjonijiet Uniti u s-sistema legali nazzjonali jew komunitarja

231. Għandu jiġi kkonstatat li, f'dak li jikkonċerna d-dritt internazzjonali, l-obbligi ta' l-Istati Membri ta' l-ONU taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti jipprevalu ikkontestabbilment fuq kull obbligu ta' liġi nazzjonali jew ta' dritt internazzjonali konvenzjonali ieħor, inkluż, għal dawk fosthom li huma membri tal-Kunsill ta' l-Ewropa, fuq l-obbligi tagħhom taħt il-KEDB u, għal dawk fosthom li huma wkoll Membri tal-Komunità, fuq l-obbligi tagħhom taħt it-Trattat KE.

232. F'dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, ir-rabtiet bejn il-Karta tan-Nazzjonijiet u l-liġi nazzjonali ta' l-Istati Membri ta' l-ONU, din ir-regola ta' supremazija tirriżulta mill-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju. Bis-saħħa ta' l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta' Vienna fuq il-Liġi tat-Trattati li jikkodifika dawn il-prinċipji (u li l-Artikolu 5 tagħha jiddisponi li hija tapplika "fir-rigward ta' kull Trattat li huwa l-att li jistabbilixxi organizzazzjoni internazzonali u fir-rigward ta' kull Trattat adottat fi ħdan organizzazzjoni internazzjonali"), parti ma tistax tinvoka d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali tagħha sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta' implementazzjoni ta' Trattat.

233. F'dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, ir-rabtiet bejn il-Karta tan-Nazzjonjiet Uniti u d-dritt internazzjonali konvenzjonali, din ir-regola ta' supremazija hija espressament rikonoxxuta fl-Artikolu 103 ta' l-imsemmija Karta, li jistipula li, " [f']il-każ ta' konflitt bejn l-obbligi tal-Membri tan-Nazzjonijiet Uniti skond l-Karta preżenti u l-obbligi tagħhom skond xi ftehim internazzjonali ieħor, l-obbligi tagħhom skond l-Karta preżenti għandhom jegħelbu ". Skond l-Artikolu 30 tal-Konvenzjoni ta' Vienna fuq il-Liġi tat-Trattati, u kuntrarjament għar-regoli normalment applikabbli f'każ ta' Trattati suċċessivi, din tapplika kemm għal Trattati preċedenti kif ukoll għal Trattati sussegwenti għall-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Skond il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, il-ftehim reġjonali, bilaterali u miltilaterali, li l-partijiet jistgħu jkunu kkonkludew, huwa dejjem suġġett għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 103 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti [sentenza tas-26 ta' Novembru 1984, Attivitajiet militari u paramilitari ġewwa u kontra n-Nikaragwa (Nikaragwa vs l-Istati Uniti ta' l-Amerika), Ġabra. 1984, p. 392, punt 107].

234. Din is-supremazija testendi għad-deċiżjonijiet li jinstabu f'riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà, skond l-Artikolu 25 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li tgħid li l-Membri ta' l-ONU huma obbligati jaċċettaw u jwettqu d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà. Skond il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 103 tal-Karta, l-obbligi tal-partijiet f'dan ir-rigward jipprevalu fuq l-obbligi li huma għandhom taħt kull ftehim internazzjonali ieħor [Digriet ta' l-14 ta' April 1992 (miżuri provviżorji), Domandi dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Montreal ta' l-1971 li jirriżultaw mill-inċident ta' l-ajru ta' Lockerbie (Ġemahirija Għarbija Libjana vs l-Istati Uniti ta' l-Amerika), Ġabra 1992, p. 16, punt 42, et Ordni du 14 ta' April 1992 (miżuri provviżorji), Domandi dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Montreal ta' l-1971 li jirriżultaw mill-inċident ta' l-ajru ta' Lockerbie (Ġemahirija Għarbija Libjana vs ir-Renju Unit), Ġabra 1992, p. 113, punt 39].

235. F'dak li jikkonċerna b'mod aktar partikolari r-rabtiet bejn l-obbligi ta' l-Istati Membri tal-Komunità taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-obbligi tagħhom taħt id-dritt komunitarju, għandu jingħad ukoll li, skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 307 KE " [i]d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi qabel l-1 ta' Jannar 1958 jew, għal Stati li jingħaqdu, id-data ta' l-Adeżjoni, bejn Stat Membru wieħed jew iktar u Stat mhux membru wieħed jew iktar, m'għandhomx jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet ta' dan it-Trattat".

236. Skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġutizzja, l-għan ta' din id-dispożizzjoni huwa li tippreċiża, skond il-prinċipji tad-dritt internazzjonali, li l-applikazzjoni tat-Trattat KE ma jaffettwax l-impenn ta' l-Istat Membru kkonċernat li jirrispetta d-drittijiet ta Stati terzi li jirriżultaw minn konvenzjoni preċedenti u li jirrispetta l-obbligi korrispondenti tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' Marzu 1995, Evans Medical ut Macfarlan Smith, C324/93, Ġabra p. I563, pount 27 ; ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' Frar 1962, il-Kummissjoni vs l-Italja, 10/61, Ġabra. p. 1 ; tat-2 ta' Awwissu 1993, Levy, C158/91, Ġabra. p. I4287, u ta' l-14 ta' Jannar 1997, Centro-Com, C124/95, Ġabra. p. I81, punt 56).

237. Issa, ħamsa mis-sitt Stati firmatarji tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, iffirmat f'Ruma fil-25 ta' Marzu 1957, kienu diġà Membri ta' l-ONU fl-1 ta' Jannar 1958. F'dak li jikkonċerna r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għalkemm hija kienet ġiet ammessa formalment bħala Membru ta' l-ONU biss wara t-18 ta' Settembru 1973, l-impenn tagħha li tirrispetta l-obbligi li jirriżultaw mill-Karta tan-Nazzjonjiet Uniti jmur lura għall-1 ta' Jannar 1958, kif jirriżulta b'mod partikolari mill-att finali tal-konferenza li nżammet fl-Londra mit-28 ta' Settembru sat-3 ta' Ottubru 1954 (konferenza magħrufa bħala "tad-disa' potenzi") u mill-Ftehim ta' Pariġi tat-23 ta' Otubru 1954. Barra minn hekk, l-Istati kollha li suċċessivament issieħbu mal-Komunità kienu Membri ta' l-ONU qabel is-sħubija tagħhom.

238. Barra minn hekk, l-Artikolu 224 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (li sar l-Artikolu 297 KE) kien speċifikament inkluż f'dan it-Trattat sabiex tiġi rrispettata r-regola ta' supremazija definita iktar 'il fuq. Skond din id-dispożizzjoni, "[l]-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil xulxin bil-għan li jieħdu flimkien il-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu li l-funzjonament tas-suq komuni jiġi milqut minn miżuri li Stat Membru jista' jkollu jieħu [...] sabiex jesegwixxi obbligi li jkun assuma bil-għan li jżomm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali".

239. Għaldaqstant, ir-riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà taħt il-Kaptiolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti għandhom effett obbligatorju għall-Istati Membri tal-Komunità li għandhom għalhekk, f'din il-kwalità, jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jassiguraw l-implementazzjoni tagħhom (Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali M. Jacobs dwar is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' Lulju 1996, Bosphorus, C84/95, Ġabra p. I3953, I3956, punt 2, u dwar is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' Frar 1997, Ebony Maritime u Loten Navigation, C177/95, Ġabra p. I1111, I1115, punt 27 ).

240. Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta wkoll li, kemm fl-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali ġenerali kif ukoll fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom il-fakultà kif ukoll l-obbligu, li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt komunitarju, kemm jekk huma ta' dritt primarju kif ukoll jekk huma ta' prinċipju ġenerali ta' dan id-dritt, li jostakolaw it-twettiq ta' l-obbligi tagħhom skond il-Karta tan-Nazzjoni Uniti.

241. Għaldaqstant, fis-sentenza Centro-Com, punt 236 iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikament iddeċidiet li miżuri nazzjonali kontrarji għall-Artikolu 113 tat-Trattat KE jistgħu jiġu ġġustifikati fir-rigward ta' l-Artikolu 234 tat-Trattat KE (li wara l-emendi sar l-Artikolu 307 KE) jekk dawn jirriżultaw neċessarji sabiex jiġi żgurat it-twettiq mill-Istat Membru kkonċernat ta' l-obbligi tiegħu taħt il-Karta tan-Nazzjonjiet Uniti u taħt riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà.

242. Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza jirriżulta (ara s-sentenza Dorsch Consult vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, punt 82 iktar 'il fuq, punt 74) li, b'differenza għall-Istati Membri tagħha, il-Komunità fiha nnifisha mhijiex direttament marbuta bil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u li għaldaqstant hija mhijiex obbligata, bis-saħħa ta' obbligu tad-dritt internazzjonali pubbliku ġenerali, li taċċetta u twettaq ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, skond l-Artikolu 25 ta' l-imsemmija Karta. Ir-raġuni hija li l-Komunità mhija la Membru ta' l-ONU, la destinatarja tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, u lanqas mhija s-suċċessura ta' l-Istati Membri tagħha fir-rigward tad-drittijiet u ta' l-obbligi li huma għandhom fid-dritt internazzjonali pubbliku.

243. Għaldaqstant, il-Komunità għandha tiġi meqjusa bħala li hija marbuta bl-obbligi li jirriżultaw mill-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, bl-istess mod kif huma marbuta l-Istati Membri tagħha, bis-saħħa ta' l-istess Trattat li jistabbilixxiha

244. F'dan ir-rigward, huwa stabbilit li, meta kienu qegħdin jikkonkludu t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, l-Istati Membri kienu marbuta mill-obbligi tagħhom taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

245. Huma ma setgħux, permezz ta' att konkluż bejnithom, jittrasferrixu lill-Komunità iktar setgħat milli huma kellhom u lanqas ma setgħu jaħarbu mill-obbligi eżistenti fir-rigward ta' pajjiżi terzi taħt l-imsemmija Karta (ara, b'anoloġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Diċembru 1972, International Fruit Company et., 21/72 sa 24/72, Ġabra p. 1219, iktar 'il quddiem is- sentenza International Fruit , punt 11).

246. Għall-kuntrarju, ir-rieda tagħhom li jirrispettaw l-obbligi tagħhom taħt din il-Karta tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea stess u din tidher b'mod partikolari mill-Artikoli 224 tiegħu u mill-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 234 tiegħu. (ara, b'anoloġija, is-sentenza International Fruit, punti 12 u 13, u l-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali M. Mayras dwar din is-sentenza, Ġabra. p. 1231 sa 1237).

247. Għalkemm din l-aħħar dispożizzjoni tindika biss l-obbligi ta' l-Istat Membri, din timplika l-obbligu ta' l-istituzzjonijiet tal-Kommunità li ma jostakolawx it-twettiq ta' l-obbligi li l-Istati Membri għandhom taħt din l-imsemmija Karta (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Ottubru 1980, Burgoa, 812/79, Ġabra p. 2787, punt 9).

248. Għandu wkoll jiġi enfasizzat li, safejn il-kompetenzi neċessarji għall-implementazzjoni ta' l-obbligi ta' Istati Membri taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti kienu ġew trasferiti lill-Komunità, l-Istati Membri kkomettew lillhom infushom, fid-dritt internazzjonali pubbliku, għal dak li l-Komunità nnfisha teżerċithom għal dan il-għan.

249. F'dan il-kuntest, hemm lok li jiġi mfakkar, min-naħa, li, skond l-Artikolu 48(2) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà għandom jiġu eżegwiti mill-Membri tan-Nazzjonijiet Uniti "direttament u permezz ta' l-azzjoni tagħhom fl-aġenziji internazzjonali adatti li tagħhom ikunu membri", u, min-naħa l-oħra, li, skond il-ġurisprudenza (sentenzi Poulsen u Diva Navigation, punt 210 iktar 'il fuq, punt 9, u Racke, punt 210 iktar 'il fuq, punt 45 ; ara wkoll, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Diċembru 1974, Van Duyn, 41/74, Ġabra p. 1337, punt 22), il-kompetenzi tal-Komunità għandhom jiġu eżerċitati b' rispett għad-dritt internazzjonali u, għaldaqstant, id-dritt komunitarju għandu jiġi interpretat, u l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu illimitat, fid-dawl tar-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali.

250. Għaldaqstant, l-Istati Membri billi taw dawn il-kompetenzi lill-Komunità wrew ir-rieda tagħhom li jorbtuha bl-obbligi li huma assumew bis-saħħa tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (ara, b'anoloġija, is-sentenza International Fruit, punt 15).

251. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat li Jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, it-trasferiment ta' kompetenzi, li seħħ fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-Komunità, ġie kkonkretizzat b'modi differenti fil-kuntest ta' l-implementazzjoni ta' l-obbligi tagħhom taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (ara, b'anoloġija, is-sentenza International Fruit, punt 16).

252. Huwa b'mod partikolari għalhekk li l-Artikolu 228 A tat-Trattat KE (li wara sar l-Artikolu 301 KE) ġie inkluż fit-Trattat, permezz tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, sabiex jagħti bażi speċifika lis-sanzjonijiet ekonomiċi li l-Komunità, l-unika kompetenti fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, tkun tista' tasal li tieħu kontra pajjiżi terzi għal raġunijiet politiċi definiti mill-Istati Membri tagħha fil-kuntest tal-PBSK, l-iktar fl-applikazzjoni ta' riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà li timponilhom jaddottaw tali sanzjonijiet.

253. Jidher illi peress illi, f'kull każ fejn, il-Komunità, bis-saħħa tat-Trattat KE, assumiet il-kompetenzi preċedentement eżerċitati mill-Istati Membri fil-qasam ta' applikazzjoni tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-dispożizzjonijiet ta' din il-Karta għandhom bħala riżultat li jorbtu lill-Komunità [ara, b'anoloġija, f'dak li jikkonċerna il-kwistjoni dwar jekk il-Komunità hijiex marbuta bil-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) ta' l-1947, is-sentenza International Fruit, punt 18; ara wkoll, f'dak li jirrikonoxxi li l-Komunità teżerċita kompetenza limitata meta hija timplementa miżura ta' embargo kummerċjali dekretata b'riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà, is-sentenza Dorsch Consult vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, punt 82 iktar 'il fuq, point 74].

254. Skond dan ir-raġunament, hemm lok li jiġi kkunsidrat, min-naħa, li l-Komunità ma tistax tikser l-obbligi li l-Istati Membri tagħha għandhom bis-saħħa tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti lanqas tostakola t-twettiq tagħhom u, min-naħa l-oħra, li hija obbligata, bis-saħħa ta' l-istess Trattat li permezz tiegħu hija ġiet stabbilita, li tadotta, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha, id-dispożizzjonijiet kollha neċessarji sabiex tippermetti lill-Istat Membri tagħha jikkonformaw rwieħhom ma' dawn l-obbligi.

255. Issa, f'dan il-każ, il-Kunsill tas-Sigurtà kkonstata, fil-Pożizzjoni Komuni 2002/402, adottata b'applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tat-Trattat UE, li azzjoni tal-Komunità, fil-limiti tas-setgħat li t-Trattat KE jagħtiha, kienet neċessarja sabiex jiġu implementati ċerti miżuri restrittivi diretti kontra Usama bin Laden, membri ta' l-organizzazzjoni Al-Qaida kif ukoll tat-Taliban u persuni, gruppi, impriżi u entitajiet oħra assoċjati, skond ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà 1267 (1999), 1333 (2000) u 1390 (2002).

256. Il-Komunità implementat dawn il-miżuri permezz ta' l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat. Kif diġà ġie deċiż fil-punt 170 iktar 'il fuq, hija kienet kompetenti sabiex tadotta dan l-att fuq il-bażi ta' l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE.

257. Għaldaqstant, għandha tiġi rrikonoxxuta l-fondatezza ta' l-argumenti mressqa mill-istituzzjonijiet, kif huma miġbura fil-qasir fil-punt 206 iktar 'il fuq, bl-eċċezzjoni, li l-Komunità kienet obbligata li timplementa r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni, fil-qasam tal-kompetenzi tagħha, mhux bis-saħħa tad-dritt internazzjonali ġenerali, kif isostnu dawn il-partijiet, iżda bis-saħħa tat-Trattat KE stess.

258. Min-naħa l-oħra, l-argumenti tar-rikorrenti, bbażati, min-naħa fuq l-awtonomija tas-sistema legali komunitarja meta mqabbla mas-sistema legali stabbilita min-Nazzjonijiet Uniti, u min-naħa l-oħra, fuq in-neċessità ta' traspożizzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà fil-liġi nazzjonali ta' l-Istati Membri, skond id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali u mal-prinċipji fundamentali ta' din il-liġi, għandhom jiġu mwarrba.

259. F'dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas ta' konformità tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti stess, dan ma jistax ikun separat mill-argumenti tagħhom dwar, min-naħa, l-istħarriġ ġudizzjarju li l-Qorti tal-Prim'Istanza għandha teżerċita fuq atti komunitarji li jimplementaw tali riżoluzzjonijiet, u, min-naħa l-oħra, dwar l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali tal-partijiet ikkonċernati. Għaldaqstant dan ser jiġi eżaminat ma' dawn l-argumenti l-oħra.

Fuq il-medda ta' l-eżami tal-legalità li l-Qorti tal-Prim'Istanza għandha teżerċita

260. Preliminarjament, hemm lok li jiġi mfakkar li l-Komunità Ewropea hija Komunità ta' dritt f'dak illi la l-Istati Membri tagħha u lanqas l-istituzzjonijiet tagħha ma jistgħu jaħarbu mill-eżami tal-konformità ta' l-atti tagħhom mal-Karta Kostituzzjonali Fundamentali li hija t-Trattat u li dan ta' l-aħħar stabbilixxa sistema kompluta ta' rimedji ġudizzjarji u ta' proċeduri intiżi sabiex jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-eżami tal-legalità ta' l-atti ta' l-istituzzjonijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' April 1986, Les Verts vs il-Parlament, 294/83, Ġabra p. 1339, punt 23 ; tat-22 ta' Ottubru 1987, FotoFrost, 314/85, Ġabra p. 4199, punt 16, u tat-23 ta' Marzu 1993, Weber vs il-Parlament, C314/91, Ġabra p. I1093, punt 8 ; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-2 ta' Ottubru 2001, Martinez et, vs il-Parlament, T222/99, T327/99 u T329/99, Ġabra p. II2823, punt 48 ; ara wkoll l-Opinjoni 1/91 tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Diċembru 1991, Ġabra p. I-6079, punt 21).

261. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet (sentenza tal-15 ta' Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punt 18 ; ara wkoll is-sentenzi tat-3 ta' Diċembru 1992, Oleifici Borelli vs il-Kummissjoni, C97/91, Ġabra p. I6313, punt 14 ; tal-11 ta' Jannar, Kofisa Italia, C1/99, Ġabra p. I207, punt 46 ; il-Kummissjoni vs l-Awstrija, punt 192 iktar 'il fuq, punt 45, u tal-25 ta' Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs il-Kunsill, C50/00 P, Ġabra. p. I6677, punt 39), [l]-istħarriġ ġudizzjarju [...] huwa r-riżultat ta' prinċipju ġenerali tad-dritt li jinstab fil-bażi tal-prassi kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri [... u li] ġie wkoll irrikonoxxut mill-Artikoli 6 u 13 ta' l- [KEDB] .

262. F'dan il-każ, dan il-prinċipju huwa espress fid-dritt li r-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 230 KE jagħti lir-rikorrenti li jissottomettu għall-eżami tal-Qorti tal-Prim'Istanza l-legalità tar-regolament ikkontestat, safejn dan jirrigwardhom direttament u individwalment, u li jinvokaw in sostenn tar-rikors tagħhom kull raġuni bbażata fuq l-inkompetenza, tal-ksur tar-rekwiżit proċedurali essenzjali, ksur ta' dan it-Trattat jew ta' xi liġi li għandha x'taqsam ma' l-applikazzjoni tiegħu, jew l-użu ħażin tal-poter.

263. Mandankollu, il-kwistjoni li tqum f'dan il-każ hija jekk jeżistux limiti strutturali imposti mid-dritt internazzjonali ġenerali jew mit-Trattat KE innifsu, għall-istħarriġ ġudizzjarju li l-Qorti tal-Prim'Istanza għandha teżerċita fir-rigward ta' dan ir-regolament.

264. Fil-fatt għandu jiġi mfakkar li r-regolament ikkontestat, adottat fid-dawl tal-Pożizzjoni Komuni 2002/402, jikkostitwixxi l-implementazzjoni, fuq livell komunitarju, ta' l-obbligu li l-Istati Membri għandhom, bħala Membri ta' l-ONU, li jimplementaw, skond il-każ permezz ta' att komunitarju, is-sanzjonijiet kontra Usama bin Laden, in-netwerk Al-Qaida kif ukoll it-Taliban u l-persuni, gruppi, impriżi u entitjatiet oħra assoċjati, li ġew deċiżi u wara rinfurzati permezz ta' diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà adottati taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-premessi ta' dan ir-regolament jirreferu espressament għar-Riżoluzzjonijiet 1267 (1999), 1333 (2000) u 1390 (2002).

265. F'dan il-kuntest, kif ġustament isostnu l-istituzzjonijiet, dawn aġixxew taħt kompetenza limitata, b'tali mod li huma ma kellhom ebda marġni ta' evalwazzjoni awtonoma. B'mod partikolari, huma ma setgħux la jemendaw direttament il-kontenut tar-riżoluzzjonijiet in kwistjoni lanqas jistabbilixxu mekkaniżmu li jista' jagħti lok għal tali emenda.

266. Kull eżami tal-legalità interna tar-regolament ikkontestat, b'mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet jew prinċipji ġenerali tad-dritt komunitarju dwar il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, jimplika għaldaqstant li l-Qorti tal-Prim'Istanza teżamina, b'mod inċidentali, il-legalità ta' l-imsemmija riżoluzzjonijiet. Fil-fatt fl-ipoteżi li qed tiġi eżaminata, is-sors ta' l-illegalità invokata mir-rikorrenti m'għandux jiġi mfittex fl-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, iżda fir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li ddekretaw is-sanzjonijiet (ara, b'anoloġija, is-sentenza Dorsch Consult vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, punt 82 iktar 'il fuq, punt 74).

267. B'mod partikolari, kieku l-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tannulla r-regolament ikkontestat skond it-talbiet tar-rikorrenti, anki jekk dan jirriżulta li kien impost mid-dritt internazzjonali, minħabba li dan l-att jikser id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti kif imħarsa mis-sistema legali komunitarja, annullament bħal dan jimplika, indirettament, li r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni wkoll jiksru dawn l-imsemmija drittijiet fundamentali. Fi kliem ieħor, ir-rikorrenti qed jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza tiddikjara impliċitament li r-regola tad-dritt internazzjonali in kwistjoni ddgħajjef id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, kif imħarsa mis-sistema legali komunitarja.

268. L-istituzzjonijiet u r-Renju Unit jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza tiċħad fil-prinċipju kull kompetenza biex isir tali eżami indirett tal-legalità ta' dawn ir-riżoluzzjonijiet li, in kwantu regoli ta' dritt internazzjonali li jorbtu lill-Istati Membri tal-Komunità, huma imposti fuqha bħal fuq l-istituzzjonijiet kollha tal-Komunità. Dawn il-partijiet jidrilhom, essenzjalment, li l-eżami tal-Qorti tal-Prim'Istanza għandu jkun limitat, min-naħa, għall-verifika tar-rispett tar-regoli ta' forma, ta' proċedura u ta' kompetenza li, f'dan il-każ, huma imposti fuq l-istituzzjonijiet kommunitarji u, min-naħa l-oħra, għall-verifika ta' jekk il-miżuri in kwistjoni humiex adegwati u proporzjonati fir-rigward tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li huma qed jimplementaw.

269. Għandu jiġu rrikonoxxut li limitazzjoni tal-kompetenza bħal din hija imposta bħala korollarjua tal-prinċipji enfasizzati iktar 'il fuq, fil-kuntest ta' l-eżami tal-konnessjoni tar-rabtiet bejn is-sistema legali internazzjonali stabbilita min-Nazzjonijiet Uniti u s-sistema legali komunitarja.

270. Kif diġà ġie muri, ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni ġew adottati taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. F'dan il-kuntest, id-determinazzjoni ta' dak li jikkostitwixxi theddida għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali, kif ukoll ta' miżuri neċessarji sabiex dawn jinżammu jew sabiex jerġgħu jiġu stabbiliti mill-ġdid, jaqgħu taħt ir-responsabbilità esklużiva tal-Kunsill tas-Sigurtà u, bħala tali, jaqgħu barra mill-kompetenza ta' l-awtoritajiet u qrati nazzjonali jew komunitarji, bl-uniku eċċezzjoni tad-dritt naturali għal difiża tiegħu nnifsu individwali jew kollettiva, imsemmi fl-Artikolu 51 ta' l-imsemmija Karta.

271. Meta, huwa u jaġixxi taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tas-Sigurtà, permezz tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tiegħu, jiddeċiedi li l-fondi ta' ċerti individwi jew entitajiet għandhom ikunu ffriżati, id-deċiżjoni tiegħu hija imposta fuq il-Membri kollha tan-Nazzjonijiet Uniti, skond l-Artikolu 48 ta' din il-Karta.

272. F'dak li jikkonċerna l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 243 sa 254 iktar 'il fuq, l-affermazzjoni ta' kompetenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex teżamina b'mod inċidentali l-legalità ta' deċiżjoni bħal din skond il-livell ta' ħarsien tad-drittijiet fundamentali kif huma rrikonoxxuti fis-sistema legali komunitarja ma tistax għaldqstant tiġi ġġustifikata la fuq il-bażi tad-dritt internazzjonali u lanqas fuq il-bażi tad-dritt komunitarju.

273. Min-naħa, tali kompetenza hija inkompatibbli ma' l-obbligi ta' l-Istati Membri taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari ta' l-Artikoli 25, 48 u 103 tagħha, kif ukoll ma' l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta' Vienna fuq il-Liġi tat-Trattati.

274. Min-naħa l-oħra, tali kompetenza hija kuntrarja kemm għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, b'mod partikolari għall-Artikoli 5 KE, 10 KE, 297 KE u għall-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 307 KE, kif ukoll għal dawk tat-Trattat UE, b'mod partikolari għall-Artikolu 5 UE, li biha l-qorti komunitarja teżerċita s-setgħat tagħha fil-kundizzjonijiet u għall-għanijiet previsti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE u UE. Din tkun, barra minn hekk, inkompatibbli mal-prinċipju li l-komptenzi tal-Komunità, u, għaldaqstant, dawk tal-Qorti tal-Prim'Istanza, għandhom ikunu eżerċitati b' rispett għad-dritt internazzjonali (sentenza Poulsen u Diva Navigation, punt 210 iktar 'il fuq, punt 9, u Racke, punt 210 iktar 'il fuq, punt 45).

275. Għandu jintqal ukoll li, bir-rigward b'mod partikolari għall-Artikolu 307 KE u għall-Artikolu 103 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-invokazzjoni tal-ksur kemm tad-drittijiet fundamentali kif huma protetti mis-sistema legali komunitarja, kif ukoll tal-prinċipji ta' din is-sistema legali ma jistgħux jaffettwaw il-validità ta' riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà jew l-effett tagħha fit-territorju tal-Komunità (ara, b'anoloġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Internationale Handelsgesellschaft, punt 190 iktar 'il fuq, punt 3 ; tat-8 ta' Ottubru 1986 Keller, 234/85, Ġabra. p. 2897, punt 7, u tas-17 ta' Ottubru 1989, Dow Chemical Ibérica et. vs il-Kummissjoni, 97/87sa 99/87, Ġabra. p. 3165, punt 38).

276. Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni ma jaqawx fil-prinċipju taħt l-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Prim'Istanza u li din mhijiex awtorizzata li tikkontesta, anki b' mod inċidentali, il-legalità tagħhom fir-rigward tad-dritt komunitarju. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Prim'Istanza hija obbligata, b'kull mezz possibbli, li tinterpreta u li tapplika dan id-dritt b'mod li huwa kompatibbli ma' l-obbligi ta' l-Istati Membri taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

277. Il-Qorti tal-Prim'Istanza hija, madankollu, awtorizzata teżamina, b'mod inċidentali, il-legalità tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni fir-rigward tal-jus cogens, intiż bħala kwistjoni ta' ordni pubbliku internazzjonali li hija imposta fuq dawk kollha li huma suġġetti għad-dritt internazzjonali, inklużi l-istanzi ta' l-ONU, u li ma tistax issir deroga minnha.

278. F'dan ir-rigward, għandu jintqal, li l-Konvenzjoni ta' Vienna fuq il-Liġi tat-Trattati, li tikkodifika d-dritt internazzjonali konswetudinarju (u li l-Artikolu 5 tagħha jiddisponi li hija tapplika "fir-rigward ta' kull Trattat li huwa l-att li jistabbilixxxi organizzazzjoni internazzonali u fir-rigward ta' kull Trattat adottat fi ħdan organizzazzjoni internazzjonali"), tipprevedi, fl-Artikolu 53 tagħha, in-nullità ta' Trattati li jkunu f'kunflitt ma' regola perentorja tad-dritt internazzjonali ġenerali (jus cogens), definit bħala "regola aċċettata u rikonoxxuta mill-komunità internazzjonali ta' l-Istati fit-totalità tagħha bħala regola li ma tista ssir ebda deroga minnha u li ma tistax tiġi emendata ħlief b'regola tad-dritt internazzjonali ġenerali ġdida li hija ta' l-istess natura". Bl-istess mod, il-Konvenzjoni ta' Vienna fuq il-Liġi tat-Trattati tiddisponi li "jekk regola perentorja tad-dritt internazzjonali ġenerali ġdida tidħol fis-seħħ, kull Trattat eżistenti li jkun f'kunflitt ma' din ir-regola isir null u ma jiqbax fis-seħħ."

279. Wara kollox, il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti stess tissuponi l-eżistenza ta' prinċipji perentorji tad-dritt internazzjonali u b'mod partikolari l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Fil-preambolu tal-Karta, il-popli tan-Nazzjonijiet Uniti għaldaqstant iddikjaraw li kienu determinati "li [j]ġeddu t-twemmin [tagħhom] fid-drittijiet fundamentali tal-bniedem, fid-dinjità u l-valur tal-persuna umana". Barra minn hekk mill-ewwel Kapitolu tal-Karta intitolat "Għanijiet u Prinċipji" jirriżulta li n-Nazzjonijiet Uniti għandhom b'mod partikolari bħala għan li jinkoraġixxu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali.

280. Dawn il-prinċipji huma imposti kemm fuq il-Membri ta' l-ONU kif ukoll fuq il-korpi tiegħu. Għaldaqstant, skond l-Artikolu 24(2) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tas-Sigurtà għandu, fit-twettiq tad-dmirijiet li r-responsabbiltà primarja għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali timponi fuqu, jaġixxi "skond l-Għanijiet Prinċipali tan-Nazzjonijiet Uniti". Is-setgħat li l-Kunsill tas-Sigurtà għandu li jimponi sanzjonijiet fl-eżerċizzju ta' din ir-responsabbiltà għandhom għaldaqstant jiġu użati fir-rispett tad-dritt internazzjonali u, b'mod partikolari, ta' l-Għanijiet u tal-Prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti.

281. Id-dritt internazzjonali għaldaqstant jippermetti li jiġi kkunsidrat li jeżisti limitu għall-prinċipju ta' l-effett obbligatorju tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Siġurezza: dawn għandhom jirrispettaw id-dispożizzjonijiet perentorji fundamentali tal-jus cogens. F'każ kuntrarju, anki jekk dan ikun improbabbli, dawn ma jorbtux lill-Istati Membri ta' l-ONU u lanqas, għaldaqstant, lill-Komunità.

282. Il-kwistjoni dwar l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-kuntest ta' rikors għall-annullament ta' att komunitarju adottat, mingħajr l-eżerċizzju ta' ebda marġni ta' evalwazzjoni, sabiex tiġi implementata riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà, tista' għaldaqstant, tiġi estiża, skond il-każ, għall-verifikazzjoni tar-rispett tar-regoli superjuri tad-dritt internazzjonali li jirriżultaw mill-jus cogens u, b'mod partikolari, mir-regoli perentorji intiżi għall-protezzjoni universali tad-drittijiet tal-bniedem, li la l-Istati Membri u lanqas l-istanzi ta' l-ONU ma jistgħu jidderogaw minnhom minħabba li huma jikkostitwixxu "prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li ma jistgħux jiġu miksura" (Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tat-8 ta' Lulju 1996, dwar il-Legalità tat-Theddida jew l-Użu ta' Armi Nukleari Ġabra. 1996, p. 226, punt 79 ; ara wkoll, f'dan ir-rigwad, il-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali M. Jacobs dwar is-sentenza Bosphorus, punt 239 iktar 'il fuq, punt 65).

283. Huwa fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali li għandha tiġi eżaminata r-raġuni bbażata fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti.

Fuq l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti.

284. L-argumenti żviluppati mir-rikorrenti fir-rigward ta' l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom, jistgħu jiġu maqsuma taħt tliet intestaturi: ksur tad-dritt tagħom li jiddisponu mill-beni tagħhom, ksur tad-dritt għal difiża u ksur tad-dritt tagħhom għal rimedju ġudizzjarju effettiv.

- Fuq l-allegat ksur tad-dritt tar-rikorrenti li jiddisponu mill-beni tagħhom

285. Ir-rikorrenti jinvokaw ksur tad-dritt tagħhom li jiddisponu mill-beni tagħhom, kif protett mis-sistema legali komunitarja.

286. Madankollu, safejn l-allegat ksur jirriżulta esklużivament mill-iffriżar tal-fondi tar-rikorrenti, kif ġie deċiż mill-Kunsill tas-Sigurtà, permezz tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tiegħu, u implementat fil-Komunità permezz tar-regolament ikkontestat, mingħajr l-eżerċizzju ta' ebda setgħa ta' evalwazzjoni, huwa fil-prinċipju biss skond il-livell ta' protezzjoni universali tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem li jirriżulta mill-jus cogens li l-akkużi tar-rikorrenti għandhom jiġu eżaminati, skond il-prinċipji diġà definiti iktar 'il fuq.

287. Peress illi l-estensjoni u l-intensità ta' l-iffriżar tal-fondi tar-rikorrenti varjaw matul iż-żminijiet (ara, suċċessivament, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 467/2001, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 881/2002 fl-abbozz orġinali tiegħu u, fl-aħħar, l-Artikolu 2A tar-regolament ikkontestat, kif miżjud permezz ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 561/2003), għandu għaldaqstant, jiġi preċiżat li, fil-kuntest tar-rikors għall-annullament preżenti, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Prim'Istanza għandu biss jikkonċerna l-istat tal-leġislazzjoni atwallment fis-seħħ. Fil-fatt, fil-kwistjoni ta' l-annullament, il-qorti komunitarja normalment tikkunsidra l-ġrajjiet li jaffettwaw, waqt l-istanza, is-suġġett stess tal-kwistjoni, bħal mhuma t-tħassir, il-proroga, is-sostituzzjoni jew l-emenda ta' l-att ikkontestat (ara wkoll is-setnenzi Alpha Steel vs il-Kummissjoni, Fabrique de fer de Charleroi u Dillinger Hüttenwerke vs il-Kummissjoni u CEMR vs il-Kummissjoni, punt 72 iktar 'il fuq, id-Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Marzu 1993, Lezzi Pietro vs il-Kummissjoni, C123/92, Ġabra p. I809, punti 8 sa 11). Waqt is-seduta, il-partijiet kollha qablu fuq dan il-punt.

288. Għaldaqstant hemm lok li jiġi evalwat jekk l-iffriżar tal-fondi previst mir-regolament ikkontestat, kif emendat mir-Regolament Nru 561/2003 u, indirettament, mir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li dawn ir-regolamenti jimplementaw, jiksirx id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti.

289. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li dan mhuwiex il-każ skond il-livell ta' ħarsien universali tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem li jirriżulta mill-jus cogens, mingħajr ma hemm bżonn li ssir distinzjoni hawnhekk bejn is-sitwazzjoni ta' l-entità Al Barakaat, bħala persuna ġuridika, u dik tas-Sur Yusuf, bħala persuna fiżika.

290. F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi enfasizzat mill-bidu nett li r-regolament ikkontestat, fil-verżjoni tiegħu emendata bir-Regolament Nru 561/2003, adottat wara r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1452(2002), jipprevedi, fost derogi u eżenzjonijiet oħra li, fuq it-talba tal-partijiet kkonċernati, u bl-eċċezzjoni ta' oppożizzjoni magħmula mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ddikjaraw l-iffriżar tal-fondi inapplikabbli għall-fondi neċessarji għall-ispejjeż bażiċi, b'mod partikolari dawk għall-għajxien, għall-kiri, għall-mediċini, għat-taxxa jew għas-servizzi ġenerali (ara il-punt 40 iktar 'il fuq). Barra minn dan, il-fondi neċessarji għal kull "spiża straordinarja" oħra jistgħu minn issa 'l quddiem jiġu liberati sakemm ikun hemm awtorizzazzjoni espressa mogħtija mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

291. Il-possibbiltajiet espiliċiti ta' eżenzjonijiet u ta' derogi li għaldaqstant joħorġu mill-iffriżar tal-fondi ta' persuni mniżżla fuq il-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet juru b'mod ċar li din il-miżura mhijiex intiża u lanqas m'għandha bħala effett li tissuġġetta dawn il-persuni għal trattament inuman jew degradanti.

292. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi osservat li, jekk l-Artikolu 17(1) tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijet Uniti fl-10 ta' Diċembru 1948, tiddisponi li "[k]ull persuna, kemm waħeda kif ukoll kollettivament, għandha dritt għall-proprjetà ", l-Artikolu 17(2) ta' l-imsemmija Dikjarazzjoni Universali jippreċiża li "[ħ]add ma jista' b' mod arbitrarju jiġi mċaħħad mill-proprjetà tiegħu".

293. Għaldaqstant, safejn ir-rispett tad-dritt għall-proprjetà għandu jitqies bħala li jifforma parti mir-regoli perentorji tad-dritt internazzjonali ġenerali, ċaħda arbitrarja ta' dan id-dritt biss tista', f'kull każ, tiġi meqjusa bħala kontrarja għall-jus cogens.

294. Iżda għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma kinux ġew miċħuda minn dan id-dritt b'mod arbitrarju.

295. Fil-fatt, l-ewwel nett, l-iffriżar tal-fondi tagħhom jikkostitwixxi aspett tas-sanzjonijiet deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà kontra Usama bin Laden, in-netwerk Al-Qaida kif ukoll it-Taliban u persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati oħra.

296. F'dan ir-rigward, għandha tiġi enfasizzata l-importanza tal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u l-legalità ta' protezzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet terroristiċi.

297. Fil-preambolu tar-Riżoluzzjoni 1390(2002), il-Kunsill tas-Sigurtà, b'mod partikolari, ikkundanna kategorikament l-attaki terroristiċi mwettqa fil-11 ta' Settembru 2001, u ddikjara li kien determinat jipprevjeni l-atti kollha ta' dan it-tip; osserva li Usama bin Laden u n-netwerk Al-Qaida kienu qed iwettqu l-attivatijiet tagħhom ta' sosten għat-terroriżmu internazzjonali; ikkundanna lin-netwerk Al-Qaida u lill-gruppi terroristiċi assoċjati għan-numerużi atti terroristiċi kriminali li kienu wettqu u li kienu intiżi biex joqtlu diversi ċittadini innoċenti u jeqirdu diversi beni u afferma mill-ġdid li l-atti ta' terroriżmu internazzjonali jikkostitwixxu theddida għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali.

298. Huwa fid-dawl ta' dawn iċ-ċirkustanzi li l-għan li s-sanzjonijiet jridu jilħqu għandu importanza sinjifikattiva, li huwa, b'mod partikolari, skond ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1373(2001), li għaliha l-premessa 3 tar-Regolament ikkontestat tirreferi, li jiġġieldu bil-mezzi kollha, skond il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kontra t-theddidiet għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali li jirriżultaw mill-atti ta' terroriżmu. Għaldaqstant, il-miżuri in kwistjoni għandhom għan ta' interess ġenerali fundamentali għall-komunità internazzjonali.

299. It-tieni nett, l-iffriżar tal-fondi hija miżura kawtelatorja li, b'differenza ta' konfiska, ma teffettwax is-sustanza stess tad-dritt għal proprjetà tal-partijiet ikkonċernati fuq l-assi finanzjarji tagħhom, iżda biss l-użu tagħhom.

300. It-tielet nett, ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà jipprevedu mekkaniżmu ta' eżami mill-ġdid perjodiku tas-sistema ġenerali tas-sanzjonijiet (ara l-punti 16, 26 u 37 iktar 'il fuq u l-punt 313 iktar 'il quddiem).

301. Ir-raba' nett, kif ser jiġi muri iktar 'il quddiem, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni tirregola proċedura li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati f'kull mument iressqu, il-każ tagħhom quddiem il-Kumitat tas-Sanzjonijiet sabiex jiġi eżaminat mill-ġdid, permezz ta' l-Istat Membru li tagħhom huma ċittadini jew ta' fejn huma jirrisjedu.

302. Fid-dawl ta' dawn iċ-ċirkustanzi, l-iffriżar tal-fondi ta' persuni u entitajiet suspettati, fuq il-bażi ta' informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti u vverifikata mill-Kunsill tas-Sigurtà, li huma assoċjati ma' Usama bin Laden, man-netwerk Al-Qaida u mat-Taliban u li pparteċipaw fil-finanzjament, fl-ippjanar u fil-preparazzjoni ta' atti terroristiċi ma jistax jiġi meqjus bħala li jikkostitwixxi restrizzjoni arbitrajra, inadekwata jew sproporzjonata għad-drittijiet fundamentali tal-partijiet ikkonċernati.

303. Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-allegat ksur tad-dritt tagħhom li jiddisponu mill-beni għandhom jiġu miċħuda.

- Fuq l-allegat ksur tad-dritt għal difiża

304. L-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-allegat ksur tad-dritt għal difiża jikkonċernaw essenzjalment il-fatt li dawn ma kinux ġew mismugħa u li lanqas ma ngħataw il-possibbiltà li jiddefendu lilhom infushom qabel l-adozzjoni tas-sanzjonijiet iddekretati fir-rigward tagħhom. F'dan il-kuntest, ir-rikorrenti jenfasizzaw li huma ma kinux ġew infurmati bir-raġunijiet lanqas bil-ġustifikazzjonijiet għal dawn is-sanzjonijiet.

305. F'dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn l-allegat dritt tar-rikorrenti li jiġu mismugħa mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet qabel ma jitniżżlu fuq il-lista ta' persuni li l-fondi tagħhom għandhom jiġu ffriżati b'applikazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni u l-allegat dritt tagħhom li jiġu mismugħa mill-istituzzjonijiet komunitarji qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

306. F'dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, l-allegat dritt tar-rikorrenti li jiġu mismugħa mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet qabel ma jitniżżlu fuq il-lista ta' persuni li l-fondi tagħhom għandhom jiġu ffriżati b'applikazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kusill tas-Sigurtà in kwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li tali dritt mhuwiex previst mir-riżoluzzjonijiet in kwistjoni.

307. Barra minn hekk, ebda regola perentorja li tirriżulta mill-ordni pubbliku internazzjonali ma tidher li teżiġi smigħ minn qabel tal-partijiet ikkonċernati f'ċirkustanzi bħal mhuma dawk ta' din il-kawża, fejn il-Kunsill tas-Sigurtà, huwa u jaġixxi taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, jiddeċiedi permezz tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tiegħu li l-fondi ta' ċerti individwi jew entitajiet suspettati li jikkontribwixxu għall-finanzjament tat-terroriżmu internazzjonali għandhom jiġu ffriżati.

308. Wara kollox, ma jistax jiġi kkontestat il-fatt li s-smigħ tar-rikorrenti qabel ma jitniżżlu fuq l-imsemmija lista kien jikkomprometti l-effikaċja tas-sanzjonijiet u dan kien ikun ukoll jirriżulta inkompatibbli ma' l-għan ta' interess ġenerali li jrid jintlaħaq. Miżura ta' iffriżar ta' fondi għandha, min-natura tagħha stess, tkun tista' tibbenifika minn effett ta' sorpriża u tapplika b'effett immedjat. Tali miżura ma tistax għaldaqstant, tiġi nnotifikata qabel ma tiġi implementata.

309. Madankollu, għandu jiġi osservat li anki jekk dawn ma jipprevedux dritt għal smigħ minn qabel, ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni, u r-regolamenti suċċessivi li jkunu implementawhom fil-Komunità, jistabbilixxu mekkaniżmu ta' eżami mill-ġdid tas-sitwazzjonijiet individwali, billi jipprevedu li l-partijiet ikkonċernati jistgħu jirrikorru għall-Kumitat tas-Sanzjonijiet, permezz ta' l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom, sabiex jiksbu kemm it-tneħħija tagħhom minn fuq il-lista ta' persuni intiżi mis-sanzjonijiet, kif ukoll deroga mill-iffriżar ta' fondi (ara, b'mod partikolari, il-punti 11, 21, 36 u 40 iktar 'il fuq).

310. Il-Kumitat tas-Sanzjonijiet huwa korp sussidjarju tal-Kunsill tas-Sigurtà, kompost minn rappreżentanti ta' l-Istati li huma Membri tal-Kunsill tas-Sigurtà. Huwa sar korp permanenti importanti responsabbli mis-sorveljanza ta' kuljum ta' l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet u jista' jagħmel mod li l-komunità internazzjonali tinterpreta u tapplika r-riżoluzzjonijiet b'mod uniformi (Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali M. Jacobs dwar is-sentenza Bosphorus, punt 239 iktar 'il fuq, punt 46).

311. F'dak li jikkonċerna, b'mod partikolari, talba għall-eżami mill-ġdid ta' każ individwali, sabiex il-parti kkonċernata titneħħa minn fuq il-lista tal-persuni intiżi mis-sanzjonijiet, id-"direttivi li jirregolaw l-iżvolġiment tax-xogħolijiet tal-[Kumitat tas-Sanzjonijiet]" adottati fis-7 ta' Novembru 2002 u emendati fl-10 ta' April 2003 (ara l-punt 67 iktar 'il fuq), fil-punt 7 tagħhom jipprevedu dan li ġej:

" a) Bla ħsara għall-proċeduri fis-seħħ, rikorrent [persuna(i), gruppi, impriżi u/jew entitajiet li jidhru fuq il-lista sommarja tal-Kumitat] jista' jressaq quddiem il-gvern tal-pajjiż li fih huwa jirrisjedi u/jew li tiegħu huwa ċittadin talba intiża sabiex jiġi eżaminat mill-ġdid il-każ tiegħu. Meta jagħmel dan, ir-rikorrent għandu jiġġustifika t-talba tiegħu għat-tħassir tiegħu minn fuq il-lista, jipprovdi l-informazzjoni relevanti u jitlob sostenn għal din it-talba.

b) Il-gvern li quddiemu tressqet din it-talba (il-"gvern mitlub") għandu jeżamina l-elementi ta' informazzjoni rilevanti kollha imbagħad għandu jikkuntatja bilateralment lill-gvern(ijiet) li ppropona (pproponew) l-inklużjoni fil-lista [il-gvern(ijiet) li jidentifika(i)] sabiex jitlob informazzjoni kumplimentari u jikkonsulta fuq it-talba għat-tħassir minn fuq il-lista.

c) Il-gvern(ijiet) li inizjalment talab/talbu tali inklużjoni jista'(jistgħu) wkoll jitlob/jitolbu informazzjoni kumplimentari lill-pajjiż ta' residenza tar-rikkorent jew li tiegħu huwa ċittadin. Il-gvern mitlub u l-gvern(ijiet) li jidentifika(w) jista'/jistgħu, skond kif ikun meħtieġ, jikkonsulta(w) mal-President tal-Kumitat matul dawn il-konsultazzjonijiet bilaterali.

d) jekk, wara li jkun eżamina l-informazzjoni kumplimentari, il-gvern mitlub ikun jixtieq jippermetti li ssir talba għat-tħassir minn fuq il-lista, huwa għandu jipprova jikkonvinċi lill-gvern(ijiet) li jidentifika(w) jippreżenta(w), flimkien jew separatament, talba għal tħassir lill-Kumitat. Il-gvern mitlub jista', mingħajr ma din ikollha magħha talba tal-gvern(ijiet) li jidentifika(w) jippreżenta talba għal tħassir lill-Kumitat, fil-kuntest tal-proċedura ta' kunsens taċitu.

e) Il-Kumitat jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu permezz ta' konsensus. Jekk il-Kumitat ma jasalx għal kunsensus fuq kwistjoni partikolari, il-President jibda konsultazzjonijiet supplementari li jistgħu jiffaċilitaw l-ilħiq ta' ftehim. Jekk, wara dawn il-konsultazzjonijiet, xorta waħda ma jintlaħaqx kunsensus, il-kwistjoni tista' tiġi mressqa quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà. Minħabba n-natura speċifika ta' l-informazzjoni, il-President jista' jħeġġeġ li jsiru skambji bilaterali bejn l-Istati Membri kkonċeranti sabiex tiġi ċċarata l-kwistjoni qabel ma tittieħed deċiżjoni."

312. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li, permezz ta' l-adozzjoni ta' dawn id-Direttivi, il-Kunsill tas-Sigurtà qabel li jieħu in kunsiderazzjoni, safejn hu possibbli, id-drittijiet fundamentali tal-persuni mniżżla fuq il-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet u b'mod partikolari tad-dritt għal difiża.

313. L-importanza li l-Kunsill tas-Sigurtà jagħti lir-rispett ta' dawn id-drittijiet jirriżulta barra minn dan b'mod ċar mir-Riżoluzzjoni tiegħu 1526(2004), tat-30 ta' Jannar 2004, li hija intiża, min-naħa sabiex ittejjeb l-implementazzjoni tal-miżuri imposti mill-paragrafu 4(b), tar-Riżoluzzjoni 1267(1999), mill-paragrafu 8(c) tar-Riżoluzzjoni 1333(2000) u mill-paragrafi 1 u 2 tar-Riżoluzzjoni 1390(2002), u, min-naħa l-oħra sabiex issaħħaħ is-setgħa tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Skond il-paragrafu 18 tar-Riżoluzzjoni 1526 (2004), il-Kunsill tas-Sigurtà " jħeġġeġ ħafna lill-Istati kollha jinfurmaw, safejn ikun possibbli, lill-persuni u lill-entitajiet imniżżla fuq il-lista tal-[Kumitat tas-Sanzjonijiet] bil-miżuri meħuda kontrihom, bid-Direttivi tal-[Kumitat tas-Sanzjonijiet] u bir-Riżoluzzjoni 1452 (2002)". Skond il-paragrafu 3 tar-Riżoluzzjoni 1526 (2004), dawn il-miżuri ser ikunu msaħħa fi żmien 18-il xahar jew qabel jekk dan ikun neċessarju.

314. Huwa veru li l-proċedura deskritta iktar 'il fuq ma tagħtix direttament lill-partijiet ikkonċernati infushom id-dritt li jiġu mismugħa mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, li huwa l-unika awtorità kompetenti sabiex jieħu deċiżjoni, fuq talba ta' Stat, fir-rigward ta' l-eżami mill-ġdid tal-każ tagħhom. Għaldaqstant, dan jiddependi, essenzjalment, fuq il-protezzjoni diplomatika li l-Istati jagħtu liċ-ċittadini tagħhom.

315. Tali restrizzjoni għad-dritt li wieħed ikun direttament u personalment mismugħ mill-awtorità kompetenti, ma tistax madankollu titqis bħala inammissibbli fir-rigward tar-regoli perentorji tad-dritt internazzjonali. Għall-kuntrarju, f'dak li jikkonċerna l-kontestazzjoni tal-fondatezza tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà, permezz tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tiegħu, taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, fuq il-bażi ta' informazzjoni mogħtija mill-Istati u mill-organizzazzjonijiet reġjonali, huwa normali li d-dritt tal-partijiet konċernati li jiġu mismugħa jkun irregolat fil-kuntest ta' proċedura amministrattiva b'diversi livelli, li fiha l-awtoritajiet nazzjonali indikati fl-Anness II tar-regolament ikkontestat ikollhom rwol essenzjali.

316. Id-dritt komunitarju fih innifsu barra minn dan jirrikonoxxi l-legalità ta' tali żviluppi proċedurali, fil-kuntest ta' sanzjonijiet ekonomiċi li huma indirizzati lejn persuni (ara, b'analoġija, id-Digriet "Invest", Import und Export u Invest Commerce vs il-Kummissjoni, punt 85 iktar 'i fuq).

317. Għandu jingħad ukoll li, kif ġustament josserva r-Renju Unit waqt is-seduta, il-partijiet ikkonċernati għandhom l-possibbiltà li jitolbu rimedju ġudizzjarju bbażat fuq il-liġi nazzjonali, anki direttament fuq ir-regolament ikkontestat kif ukoll fuq ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà li huwa jimplementa, kontra rifjut abbużiv eventwali ta' l-awtorità nazzjonali kompetenti li tressaq il-każ tagħhom, għal eżami mill-ġdid, lill-Kumitat tas-Sanzjonijet (ara, b'anoloġija, id-Digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Mejju 2003, Sison vs il-Kunsill, T-47/03 R, p. II-2047, punt 39).

318. F'dan il-każ, wara kollox, ir-rikorrenti kienu ġew mismugħa tajjeb mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, permezz tal-Gvern Żvediż, u s-smigħ tagħhom, f'dan il-punt, tant kien effettiv li tnejn mir-rikorrenti inizjali, is-Sinjuri Aden u Ali, kienu ġew mħassra minn fuq il-lista ta' persuni li fir-rigward tagħhom japplika l-iffriżar ta' fondi u, konsegwentement, kienu wkoll ġew mħassra minn fuq il-lista ta' l-Anness I tar-regolament ikkontestat (ara l-punti 33 sa 35 iktar 'il fuq). F'dan ir-rigward, għandu jiġi ċċitat il-punt 11 tar-Rapport 2002 tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet :

" Fil-ħdax-il laqgħa tiegħu, fil-11 ta' Frar 2002, wara li eżamina żewġ noti verbali li fihom l-Iżvezja talbet li tliet persuni ta' nazzjonalità Żvediża u entità mneħħija minn fuq il-lista, il-Kumitat iddeċieda li serjament jeżamina din it-talba. L-Iżvezja, li kienet mistienda tipparteċipa għal din il-laqgħa, kienet irrappreżentata mid-Direttur Ġenerali ta' l-Affarijiet Ġuridiċi tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin Żvediż. Il-Membri tal-Kumitat irrikonoxxew l-importanza li kien hemm li jinstab bilanċ bejn min-naħa, ir-rapidità u l-effikaċja tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, u, min-naħa l-oħra, l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem fuq livell internazzjonali u nazzjonali. Fi tmiem il-laqgħa, il-President organizza, sessjoni ta' informazzjoni, intiża għall-istampa u għall-Istati Membri kkonċernati, li ġibdet udjenza kbira, li wassal sabiex wieħed jaħseb li l-kwistjoni mqajjma mill-Iżvezja hija, bl-istess mod, ta' importanza għal pajjiżi oħra"

319. Il-fatt jibqa' li l-possibbiltà għar-rikorrenti li jagħtu l-opinjoni tagħhom b'mod effettiv fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti li minħabba fihom il-fondi tagħhom ġew iffriżati, u, barra minn hekk, fuq l-elementi ta' prova in kwistjoni mressqa kontrihom, tidher li hija kategorikament eskluża. Dawn il-fatti u elementi ta' prova, peress illi huma klassifikati bħala kunfidenzjali jew sigrieti mill-Istat li ressaqhom għall-konoxxenza tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, ovvjament ma humiex mgħarrfa lilhom, kif, barra minn hekk, ma humiex mgħarrfa lill-Istati Membri ta' l-ONU li fir-rigward tagħhom japplikaw ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni.

320. Mandanakollu, f'ċirkustanzi bħal mhuma dawk ta' dan il-każ, fejn hemm in kwistjoni miżura kawtelatorja li tillimita d-disponibbiltà tal-beni tar-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-partijiet ikkonċernati ma jeħtieġx li l-fatti u l-elementi ta' prova mressqa kontrihom ikunu mgħarrfa lilhom, ladarba l-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet tiegħu jidhirlu li motivi li jikkonċernaw is-sigurtà tal-Komunità internazzjonali jimpedixxu dan.

321. Minn dan jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-allegat ksur tad-dritt tagħhom li jiġu mismugħa mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet qabel ma jitniżżlu fuq il-lista tal-persuni li l-fondi tagħhom għandhom jiġu ffriżati b'applikazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni għandhom jiġu miċħuda.

322. F'dak li jikkonċerna t-tieni nett, l-allegat dritt tar-rikorrenti li jiġu mismugħa qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, dan ma jistax jiċċaħdilhom biss minħabba r-raġuni invokata mill-Kunsill u mir-Renju Unit, li la l-KEDB u lanqas il-prinċipji ġenerali tad-dritt komunitarju ma jagħtu lill-persuni ebda dritt li jiġu mismugħa qabel ma jiġi adottat att ta' natura regolatorja.

323. Huwa veru li l-ġurisprudenza dwar id-dritt li wieħed jiġi mismugħ ma tistax tiġi estiża għall-kuntest ta' proċedura leġiżlattiva komunitarja li twassal għall-adozzjoni ta' miżuri regolatorji li jinvolvu għażla politika ekonomika u li japplikaw fir-rigward tal-biċċa l-kbira ta' l-operturi kkonċernati (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Diċembru 1996, Atlanta et. vs il-KE, T521/93, Ġabra. p. II1707, punt 70, ikkonfermat fuq Appell permezz tas-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Ottubru 1999, Atlanta vs il-Komunità Ewropea, C104/97 P, Ġabra p. I6983, punti 31 sa 38).

324. Madankollu, f'dan il-każ, ir-regolament ikkontestat mhuwiex ta' natura esklużivament regolatorja. Għalkemm dan japplika fir-rigward tal-biċċa l-kbira ta' l-operaturi ekonomiċi kkonċernati (ara l-punt 186 iktar 'il fuq), dan jikkonċerna direttament u individwalment lir-rikorrenti li, barra minn dan, huwa jsemmi b'isimhom bħala li huma suġġetti għas-sanzjonijiet. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti mhijiex rilevanti.

325. Għaldaqstant, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, ir-rispett tad-dritt għal difiża, f'kull proċedura mibdija kontra persuna u li tista' twassal għal att li jaffettwa lil tali persuna, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali ta' dritt komunitarju u għandu jiġi garantit, anki fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura in kwistjoni. Dan il-prinċipju jeħtieġ li kull persuna li fir-rigward tagħha tista' tiġi imposta sanzjoni tingħata l-possibbiltà li tesprimi l-opinjoni tagħha fi-rigward ta' l-elementi miġjuba kontriha sabiex tiġi fondata s-sanzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Ġunju 1994, Fiskano vs il-Kummissjoni, C135/92, Ġabra p. I2885, punti 39 u 40 ; ta' l-24 ta' Ottubru 1996, il-Kummissjoni vs Lisrestal et., C32/95 P, Ġabra p. I5373, punt 21, u tal-21 ta' Settembru 2000, Mediocurso vs il-Kummissjoni, C462/98 P, Ġabra p. I7183, punt 36).

326. Madankollu, il-Kunsill u l-Kummissjoni ġustament josservaw li din il-ġurisprudenza ġiet żviluppata f'oqsma, bħal mhuma d-dritt tal-kompetizzjoni, tal-ġlieda kontra d-dumping u ta' l-għajnuna mogħtija mill-Istat, iżda wkoll id-dritt dixxiplinari jew it-tnaqqis ta' għajnuna finanzjarja, li fihom l-istituzzjonijiet komunitarji għandhom setgħat ta' investigazzjoni u ta' istruzzjoni wiesgħa kif ukoll marġni diskrezzjonali ta' evalwazzjoni.

327. Fil-fatt, skond il-ġurisprudenza, ir-rispett tal-garanziji mogħtija mis-sistema legali komunitarja, u b'mod partikolari d-dritt tal-parti kkonċernata li tesprimi l-opinjoni tagħha, huwa korrelat ma' l-eżerċizzju ta' setgħa ta' evalwazzjoni mill-awtorità, li fformulat l-att in kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Novembru 1991, Technische Universität München, C269/90, Ġabra p. I5469, punt 14).

328. Issa, f'dan il-każ, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet preliminari fuq ir-rabta bejn is-sistema legali internazzjonali stabbilita min-Nazzjonijiet Uniti u s-sistema legali komunitarja espressa iktar 'il fuq, l-istituzzjonijiet komunitarji kienu obbligati jittrasponu fis-sistema legali komunitarja tagħhom ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà u d-deċiżjonijiet tal-Kumitat tas-Sanzjonjiet li bl-ebda mod ma kienu jippermettulhom, fl-istadju ta' l-implementazzjoni konkreta tagħhom li jipprevedu xi mekkaniżmu komunitarju ta' eżami jew ta' eżami mill-ġdid ta' sitwazzjonijiet individwali, peress illi kemm is-sustanza tal-miżuri in kwistjoni kif ukoll il-mekkaniżmi ta' eżami mill-ġdid (ara l-punti 309 et seg. iktar 'il fuq) kienu kompletament jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kunsill tas-Sigurtà u tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tiegħu. Konsegwentement, l-istituzzjonijiet komunitarji ma jiddisponu minn ebda setgħa ta' investigazzjoni, minn ebda possibbiltà ta' eżami tal-fatti kkunsidrati mill-Kunsill tas-Sigurtà u l-Kumitat tas-Sanzjonijiet, minn ebda marġni ta' evalwazzjoni fir-rigward ta' dawn il-fatti u minn ebda libertà ta' evalwazzjoni fir-rigward ta' l-opportunità ta' l-adozzjoni ta' sanzjonijiet fir-rigward tar-rikorrenti. Il-prinċipju ta' dritt komunitarju dwar id-dritt li wieħed jiġi mismugħ ma jistax jiġi applikat f'tali ċirkustanzi, fejn smigħ tal-partijiet ikkonċernati ma jistax, fl-ebda każ iwassal lill-istituzzjoni tirrevedi l-pożizzjoni tagħha.

329. Minn dan jirriżulta li l-istituzzjonijiet komunitarji ma kinux obbligati li jisimgħu lir-rikorrenti qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

330. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-allegat ksur tad-dritt tagħhom li jiġu mismugħa mill-istituzzjonjiet komunitarji qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat għandhom jiġu miċħuda.

331. Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-allegat ksur tad-dritt għal difiża għandhom jiġu miċħuda.

- Fuq l-allegat ksur tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv

332. L-eżami ta' l-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward ta' l-allegat ksur tad-dritt tagħhom għal rimedju ġudizzjarju effettiv għandu jqis il-kunsiderazzjonijiet ta' ordni ġenerali li diġà saru fuqhom fil-kuntest preliminari ta' l-eżami tal-medda ta' l-eżami tal-legalità, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, li l-Qorti tal-Prim'Istanza teżerċita fuq atti komunitarji li jimplementaw riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà adottati taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

333. F'dan il-każ, ir-rikorrenti setgħu jressqu rikors għal annullament quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza taħt l-Artikolu 230 KE.

334. Fil-kuntest ta' dan ir-rikors, il-Qorti tal-Prim'Istanza teżerċita eżami komplut fuq il-legalità tar-regolament ikkontestat kemm fir-rigward tar-rispett, mill-istituzzjonijiet komunitarji, tar-regoli ta' kompetenza kif ukoll tar-regoli ta' legalità esterna u tar-rekwiżit proċedurali essenzjali li huma imposti fuq azzjoni tagħhom.

335. Il-Qorti tal-Prim'Istanza teżamina wkoll il-legalità tar-regolament ikkontestat fir-rigward tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li dan ir-regolament suppost qed jimplementa, b'mod partikolari min-naħa ta' l-adegwatezza, formali u materjali, tal-koerenza interna u tal-proporzjonalità ta' l-ewwel fir-rigward tat-tieni.

336. Hija u tiddeċiedi fuq dan l-eżami, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li l-allegati żbalji ta' identifikazzjoni tar-rikorrenti u taż-żewġ entitajiet oħra, li minnhom huwa vvizjat ir-regolament ikkontestat (ara l-punti 196 u 197 iktar 'il fuq), huma irrilevanti għall-għanijiet ta' din il-kawża, peress illi mhuwiex qiegħed jiġi kkontestat li r-rikorrenti verament huma, rispettivament, wieħed mill-persuni fiżiċi u waħda mill-entitajiet imniżżla fid-9 ta' Novembru 2001 fuq il-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet (ara l-punt 24 iktar 'il fuq). L-istess japplika għall-fatt li l-awtoritajiet tal-Pulizija Żvediżi kkunsidraw, wara li saret verifika, li t-tieni rikorrenti kien kompatibbli (ara l-punt 198 iktar 'il fuq)

337. Barra minn dan, fil-kuntest tar-rikors għal annullament preżenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza rrikonoxxiet li hija kompetenti sabiex teżamina l-legalità tar-regolament ikkontestat u, indirettament, il-legalità tar- riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni, fir-rigward tar-regoli superjuri tad-dritt internazzjonali li jirriżultaw mill-jus cogens, b'mod partikolari r-regoli perentorji intiżi għall-ħarsien universali tad-drittijiet tal-bniedem.

338. Min-naħa l-oħra, kif diġà ġie indikat fil-punt 276 iktar 'il fuq, mhijiex il-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha teżamina indirettament il-konformità tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni fihom infushom mad-drittijiet fundamentali kif huma mħarsa mis-sistema legali komunitarja.

339. Iktar u iktar, mhijiex il-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha tivverifika n-nuqqas ta' evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u ta' l-elementi ta' prova li l-Kunsill ressaq sabiex isostni l-miżuri li huwa ħa, u lanqas, bl-eċċezzjoni tal-kuntest ristrett definit fil-punt 337 iktar 'il fuq, li teżamina indirettament l-adegwatezza u l-proporzjonalità ta' dawn il-miżuri. Tali eżami ma jistax jiġi eżerċitat mingħajr ma jinterferixxi mal-prerogattivi tal-Kunsill tas-Sigurtà taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Unit dwar l-istabbiliment, l-ewwel nett, ta' theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, u t-tieni nett, ta' miżuri adatti sabiex jaffrontaw jew jgħelbu din it-theddida. Wara kollox, id-domanda dwar jekk individwu jew organizzazzjoni jikkostitwixxix theddida għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali, kif ukoll id-domanda dwar liema miżuri għandhom jittieħdu fir-rigward tal-partijiet ikkonċernati sabiex din it-theddida tiġi melgħuba, timplika evalwazzjoni politika u deċiżjonijiet ta' valur li jaqaw fil-prinċipju taħt il-kompetenza ta' l-awtorità li lilha l-komunità internazzjonali fdat ir-responsabbilità prinċipali taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali.

340. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat, fil-miżura ta' dak indikat fil-punt 339 iktar 'il fuq, li r-rikorrenti m'għandhom ebda rimedju ġudizzjarju, peress illi l-Kunsill tas-Sigurtà ma deherlux opportun jistabbilixxi qorti internazzjonali indipendenti inkarigata li tiddeċiedi, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, dwar ir-rikorsi intiżi kontra d-deċiżjonijiet individwali meħuda mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

341. Madankollu għandu jiġi wkoll ikkonstatat li lakuna bħal din fil-ħarsien ġudizzjarju tar-rikorrenti mhijiex fiha nfisha kuntrarja għall-jus cogens.

342. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li d-dritt ta' aċċess għall-qrati, liema prinċipju huwa rikonoxxut kemm mill-Artikolu 8 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll mill-Artikolu 14 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonjiet Uniti fis-16 ta' Diċembru 1966, mhuwiex assolut. Min-naħa, dan id-dritt jista' jkun suġġett għal derogi f'każ ta' periklu pubbliku eċċezzjonali li jhedded l-eżistenza ta' nazzjon, kif jipprevedi, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-Artikolu 4(1) ta' l-imsemmi Patt. Min-naħa l-oħra, anki barra dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali, ċerti restrizzjonijiet għandhom jitqiesu bħala inerenti għal dan id-dritt, bħal mhuma r-restrizzjonijiet ġeneralment ammessi mill-Komunità tan-Nazzjonijiet kif jirriżultaw mid-duttrina ta' l-immunità ta' l-Istati (ara, f'dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Sentenzi Il-Prinċep Hans-Adam II tal-Liechtenstein vs il-Ġermanja tat-12 ta' Lulju 2001, Ġabra ta' Sentenzi u Deċiżjonijiet, 2001-VIII, punti 52, 55, 59 u 68, u McElhinney vs l-Irlanda tal-21 ta' Novembru 2001, Ġabra ta' Sentenzi u Deċiżjonijiet, 2001-XI, b'mod partikolari l-punti 34 sa 37) u ta' l-organizzazzjonijiet internazzjonali (ara f'dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Sentenza Waite ut Kennedy vs il-Ġermanja tat-18 ta' Frar 1999, Ġabra ta' Sentenzi u Deċiżjonijiet, 1999I, punti 63 u 68 sa 73).

343. F'dan il-każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li r-restrizzjoni tad-dritt ta' aċċess għall-qorti tar-rikorrenti, li tirriżulta mill-immunità minn proċeduri legali, li minnha jibbenefikaw fil-prinċipju, fis-sistema legali nazzjonali ta' l-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà adottati taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet, skond il-prinċipju rilevanti tad-dritt internazzjonali (b'mod partikolari l-Artikoli 25 u 103 tal-Karta) hija inerenti għal dan id-dritt kif iggarantit mill-jus cogens.

344. Tali restrizzjoni hija ġġustifikata kemm min-natura tad-deċiżjonijiet li l-Kunsill tas-Sigurtà huwa mwassal jieħu taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll mill-għan leġittimu li jrid jintlaħaq. Fiċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ, l-interess tar-rikorrenti li l-każ tagħhom jiġi mismugħ fuq il-mertu minn qorti mhuwiex biżżejjed sabiex jipprevali fuq l-interess ġenerali essenzjali li hemm sabiex tinżamm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali quddiem theddida ċarament identifikata mill-Kunsill tas-Sigurtà, skond id-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. F'dan ir-rigward, għandha tingħata importanza sinjifikattiva liċ-ċirkustanza li, 'l bogħod milli jipprevedu miżuri ta' żmien ta' applikazzjoni llimitat jew indeterminat, ir-riżoluzzjonijiet suċċessivament meħuda mill-Kunsill tas-Sigurtà dejjem ipprevedew mekkaniżmu ta' eżami mill-ġdid tal-possibbilità li dawn il-miżuri jinżammu wara li jkun għadda terminu ta' 12 jew 18-il xahar jew iktar (ara l-punti 16, 26, 37 u 313 iktar 'il fuq).

345. Fl-aħħar, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li, fin-nuqqas ta' qorti internazzjonali kompetenti sabiex teżamina l-legalità ta' l-atti tal-Kunsill tas-Sigurtà, it-twaqqif ta' korp bħal mhuwa il-Kumitat tas-Sanzjonijiet u l-possibbiltà, prevista mit-testi, li f'kull mument issir talba lilu sabiex jinkiseb eżami mill-ġdid ta' kull każ individwali, permezz ta' mekkaniżmu formalment stabbilit, li jinvolvi kemm lill-"gvern mitlub" kif ukoll lill-"gvern li jidentifika" (ara l-punti 310 u 311 iktar 'il fuq), jikkostitwixxi mezz ieħor raġonevoli sabiex jiġu mħarsa b'mod adegwat id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti kif huma rrikonoxxuti mill-jus cogens

346. Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-allegat ksur tad-dritt tagħhom għal rimedju ġudizzjarju effettiv għandhom jiġu miċħuda.

347. Peress illi ebda waħda mir-raġunijiet u mill-argumenti tar-rikorrenti ma setgħat tiġi żviluppata, u l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet ta' l-opinjoni li hija kellha informazzjoni suffiċjenti mid-dokumenti ta' l-inkartament u mill-provi mressqa mill-partijiet waqt is-seduta, ir-rikors għandu jiġi miċħud, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi milqugħa t-talba ta' l-ewwel rikorrent li huwa jiġi mismugħ u li jiġi mismugħ ukoll Sir Jeremy Greenstock, li kien il-President tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet (ara l-punt 199 iktar 'il fuq).

Fuq l-ispejjeż

348. Taħt l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura kull parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Taħt l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 87(4) l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervenew fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Taħt l-Artikolu 87(6), fil-każ li ma hemmx lok għal deċiżjoni dwar il-kawża, il-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

349. B'rigward għaċ-ċirkustanzi tal-każ u għat-talbiet tal-partijiet, dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ġew applikati b'mod korrett jekk jiġi deċiż illi r-rikorrenti għandhom ibatu, barra l-ispejjeż tagħhom, l-ispejjeż tal-Kunsill kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni sa' l-10 ta' Lulju 2002, inklużi l-ispejjeż marbuta ma' l-istanza tar-rinviju. Ir-Renju Unit u l-Kummissjoni - din ta' l-aħħar għal dak li jikkonċerna l-perijodu ta' qabel l-10 ta' Lulju 2002- għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tieni Awla Estiża)

taqta' u tiddeciedi :

1) Ma hemmx aktar lok li ttieħed deċiżjoni fuq it-talbiet għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 tas-6 ta' Marzu 2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta' ċertu merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta' titjiriet u jestendi l-friża [iffriżar] fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban ta' l- Afganistan u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 337/2000, u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2199/2001 tat-12 ta' Novembru 2001, li jemenda, għar-raba' darba, ir-Regolament Nru 467/2001.

2) Ir-rikors huwa miċħud safejn huwa intiż kontra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta' Mejju 2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-netwerk ta' Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001.

3) Ir-rikorrenti huma kkundannati jbatu, barra l-ispejjeż tagħhom, l-ispejjeż tal-Kunsill kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni sa' l-10 ta' Lulju 2002, inklużi l-ispejjeż marbuta ma' l-istanza tar-rinviju.

4) Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq u l-Kummissjoni - din ta' l-aħħar għal dak li jikkonċerna l-perijodu ta' qabel l-10 ta' Lulju 2002- għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Top