EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62001TJ0019

Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (il-Ħames Awla Estiża) tat-3 ta' Frar 2005.
Chiquita Brands International, Inc., Chiquita Banana Co. BV u Chiquita Italia, SpA vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Organizzazzjoni komuni tas-swieq - Banana - Rikors għal ħlas ta' kumpens għal danni - Regolament Nru 2362/98 - Ftehim li jistabbilixxi l-WTO u pattijiet ta' ftehim annessi - Rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-WTO.
Kawża T-19/01.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2005:31







SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

3 ta’ Frar 2005 (*)

"Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Banana – Rikors għal ħlas ta' kumpens għal danni – Regolament Nru 2362/98 – Ftehim li jistabbilixxi l-WTO u pattijiet ta' ftehim annessi – Rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-WTO"

Fil-kawża T-19/01,

Chiquita Brands International, Inc., stabbilita fi Trenton, New Jersey (L-Istati Uniti),

Chiquita Banana Co. BV, stabbilita fi Breda (L-Olanda),

u

Chiquita Italia, S.p.A, stabbilita f’Ruma,

irrappreżentati minn C. Pouncey, solicitor, u L. Van Den Hende, avocat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn C. Van der Hauwaert u  C. Brown, u wara minn L. Visaggio, C. Brown, M. Niejahr u fl-aħħar minn L. Visaggio u C. Brown, bħala aġenti assistiti minn N. Khan, barrister, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett it-talba għal ħlas ta' kumpens għal dannu allegatament imġarrab minħabba l-adozzjoni u ż-żamma fis-seħħ tar-Regolament tal-Kummissjoni KE Nru 2362/98, tat-28 ta’ Ottubru 1998, li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93 rigward l-arranġamenti għall-importazzjoni tal-banana fil-Komunità (ĠU L 293, p. 32),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn P. Lindh, President, R. García-Valdecasas, J.D. Cooke, P. Mengozzi, u M. E. Martins Ribeiro, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Frar 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża

1.     Ir-Regolament Nru 404/93

1       Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 404/93 (KEE), tat-13 ta’ Frar 1993, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana (ĠU L 47, p.1), fit-Titolu IV, implementa, mill-1 ta’ Lulju 1993, skema komuni għal kummerċ ma' pajjiżi terzi minflok id-diversi skemi nazzjonali. Saret distinzjoni bejn "banana tal-Komunità", prodotta fil-Komunità, il-"banana ta’ pajjiżi terzi", li tiġi minn diversi pajjiżi terzi apparti l-Istati ta’ l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), il-"banana AKP tradizzjonali" u l-"banana AKP mhux tradizzjonali". Il-banana AKP tradizzjonali u l-banana AKP mhux tradizzjonali jirreferu għall-kwantitajiet ta’ banana esportati mill-pajjiżi AKP, li ma jaqbżux il-kwantitajiet stabbiliti fl-Anness tar-Regolament Nru 404/93 u li jaqbżu dawn il-kwantitajiet, rispettivament.

2       Skond l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 404/93 l-importazzjoni tal-banana fil-Komunità hija suġġetta għall-preżentazzjoni ta’ liċenzja ta’ importazzjoni. Din il-liċenzja hija maħruġa mill-Istati Membri lil kull min ikun interessat li jagħmel talba għaliha, indipendentement minn fejn huwa stabbilit fil-Komunità, mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari adottati għall-implementazzjoni ta' l-Artikoli 18 u 19 ta' l-istess regolament.

3       L-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 404/93 għamel tqassim fil-kwota tat-tariffi stabbiliti fl-Artikolu 18, billi fetaħha għal 66.5% għall-kategorija ta’ l-operaturi li kienu kkummerċjalizzaw il-banana ta’ pajjiżi terzi u/jew banana ta’ AKP mhux tradizzjonali (Kategorija A), għal 30% għall-kategorija ta’ l-operaturi li kienu kkummerċjalizzaw banana tal-Komunità u/jew AKP tradizzjonali (Kategorija B) u għal 3.5% għall-kategorija ta’ operaturi stabbiliti fil-Komunità li mill-1992 kienu bdew jikkummerċjalizzaw banana differenti mill-banana tal-Komunità u/jew banana AKP tradizzjonali (Kategorija Ċ).

2.     Ir-Regolament Nru 1442/93

4       Fl-10 ta’ Ġunju 1993, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1442/93 li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġu applikati l-arranġamenti għall-importazzjoni ta’ banana fil-Komunità (ĠU L 142, p.6 ; aktar ‘il quddiem l-"iskema ta’ l-1993"). Din l-iskema baqgħet fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 1998.

5       L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1442/93 kien jiddefinixxi bħala "operatur" fil-Kategoriji A u B għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 404/93, l-aġenti ekonomiċi jew kull entità oħra li tagħmel xi waħda mill-attivitajiet li ġejjin għal rasha:

"(a) xiri ta' banana ħadra li toriġina minn pajjiżi terzi u/jew AKP mingħand il-produtturi, jew, jekk ikun il-każ, produzzjoni, kunsinja u bejgħ ta' dawn il-prodotti fil-Komunità;

(b) bħala proprjetarju, il-provvista u t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni libera ta' banana ħadra u l-bejgħ sabiex wara tiġi kkummerċjalizzata fil-Komunità, ir-riskji ta' tħassir jew telf tal-prodott għandhom jiġu ekwiparati mar-riskju meħud mill-proprjetarju;

(ċ) bħala proprjetarju, il-maturazzjoni tal-banana ħadra u t-tqegħid tagħha fuq is-suq fil-Komunità". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6       L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1442/93 kien jistabbilixxi li:

"L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom iħejju listi separati ta’ l-operaturi fil-Kategoriji A u B u, għal kull operatur, il-kwantitajiet li huwa jkun ikkumerċjalizza matul kull waħda mit-tliet snin qabel dik is-sena ta' qabel dik li għaliha tkun miftuħa l-kwota tat-tariffa, maqsuma skond l-attivitajiet ekonomiċi kif deskritti fl-Artikolu 3(1). L-operaturi għandhom jirreġistraw lilhom infushom u għandhom jiġu stabbiliti l-kwantitajiet ikkummerċjalizzati għal kull wieħed minnhom fuq l-inizjattiva jew fuq talba bil-miktub tagħhom ippreżentata fi Stat Membru wieħed ta' l-għażla tagħhom". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7       Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1442/93, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri kienu marbutin li jikkalkolaw, kull sena, għal kull operatur tal-Kategoriji A u B irreġistrat għand l-awtoritajiet stess, il-medja tal-kwantitajiet ikkummerċjalizzati matul it-tliet snin qabel is-sena ta' qabel dik li għaliha kienet miftuħa l-kwota, imqassma skond in-natura ta’ l-attivitajiet magħmulin mill-operatur skond l-Artikolu 3(1) ta’ l-istess regolament. Din il-medja kienet imsejħa "kwantità ta’ referenza" ta’ l-operatur. Skond l-Artikoli 5(2) għall-kwantitajiet ikkummerċjalizzati ġie applikat koeffiċjent ta’ tweżin (weighting coefficient), skond l-attivitajiet deskritti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1442/93.

8       Meta ntuża l-koeffiċjent ta’ tweżin, kwantità partikolari ta’ banana ma setgħetx tittieħed in kunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-kwantitajiet ta’ referenza, għal ammont totali li jaqbeż il-kwantità msemmija, indipendentement mill-fatt li ġiet ipproċessata fit-tliet fażijiet li jikkorrispondu għall-attivitajiet imsemmijin, mill-istess operatur jew minn tnejn jew tliet operaturi differenti. Fit-tmiem tat-tielet premessa ta' l-imsemmi regolament, il-koeffiċjent msemmi ġie ffinalizzat, minn naħa, biex tittieħed in kunsiderazzjoni l-importanza tal-funzjoni ekonomika u tar-riskji kummerċjali tagħhom, u min-naħa l-oħra, għall-korrezzjoni ta’ l-effetti negattivi li ħarġu mill-fatt li l-istess kwantitajiet ta’ prodotti jingħaddu repetutament fid-diversi stadji tal-proċess kummerċjali.

3.     Ir-Regolament Nru 1637/98

9       Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1637/98, ta’ l-20 ta’ Lulju 1998, li jemenda r-Regolament Nru 404/93 (ĠU L 210, p. 28) emenda, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1999, l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-banana u, b’mod partikolari, bidel l-Artikoli 16 sa 20 tat-Titolu IV tar-Regolament Nru 404/93 ma’ dispożizzjonijiet ġodda.

10     L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 1637/98, kien jistabbilixxi li:

"[...]

Għall-finijiet [tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tar-Regolament Nru 404/93]:

1. "importazzjoni tradizzjonali mill-Istati AKP tfisser importazzjoni fil-Komunità ta’ banana li toriġina fl-Istati elenkati fl-Anness ta’ hawn sal-limitu ta’ 857700 tunnellata metrika (piż nett) kull sena; din tissejjaħ banana tradizzjonali AKP;

2. importazzjoni mhux tradizzjonali minn Stati AKP tfisser importazzjoni fil-Komunità ta’ banana li toriġina fl-Istati AKP iżda li ma tkunx koperta bid-definizzjoni 1; din tissejjaħ banana mhux tradizzjonali AKP;

3. importazzjoni minn Stati terzi li m’humiex AKP tfisser banana importata fil-Komunità li toriġina fi Stati terzi li ma jkunux Stati AKP; din tissejjaħ banana ta’ Stati terzi".

11     Fir-rigward ta’ l-allokazzjoni tal-kwoti tat-tariffi għall-banana ta’ Stati terzi u l-banana AKP mhux tradizzjonali, l-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 1637/98, kien jistabbilixxi li:

"Jekk ma jkunx hemm possibbiltà raġonevoli li jintlaħaq ftehim bejn il-partijiet kontraenti kollha tal-WTO li għandhom interess sostanzjali fil-provvista tal-banana, il-Kummissjoni tista’ skond il-proċedura [tal-kumitat maniġerjali] stabbilt[a] fl-Artikolu 27 talloka l-kwoti tat-tariffa stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 u l-kwantità AKP tradizzjonali fost dawk l-Istati b’interess sostanzjali fil-provvista".

12     L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 1637/98 kien jistabbilixxi dan li ġej:

"1. Il-kwoti tat-tariffa indikati fl-Artikolu 18(1) u (2) u l-importazzjoni ta’ banana tradizzjonali AKP għandhom jiġu amministrati b’mod konformi mal-metodu bbażat fuq il-konsiderazzjoni tal-flussi tradizzjonali tal-kummerċ ("dawk tradizzjonali/dawk reċenti).

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-arranġamenti meħtieġa għall-implementazzjoni skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 27.

Fejn meħtieġ, metodi oħra adattati jistgħu jiġu adottati.

2. Il-metodu adottat għandu kif approprjat iqis il-ħtiġi[ji]et dwar il-provvista fis-suq tal-Komunità u l-ħtieġa li l-ekwilibriju tiegħu jiġi protett".

13     L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 1637/98 kien jistabbilixxi dan li ġej:

"Il-Kummissjoni għandha tadotta dispożizzjonijiet biex tapplika dan it-Titolu skond il-proċedura stabbilt[a] fl-Artikolu 27. L-għan tagħhom għandu jinkludi:

[...]

(ċ) il-kondizzjonijiet tal-ħruġ u l-validità tal-liċenzji ta’ l-importazzjoni;

[...]

(e) il-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat rispett lejn l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-ftehim miksub mill-Komunità skond l-Artikolu 228 tat-Trattat".

4.     Ir-Regolament Nru 2362/98

14     Fit-28 ta’ Ottubru 1998 il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 2362/98, li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament Nru 404/93 rigward l-arranġamenti għall-importazzjoni tal-banana fil-Komunità (ĠU L 293, p. 32). Dan ir-regolament daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1999. Ir-Regolament Nru 404/93 kif emendat mir-Regolament Nru 1637/98 huwa għalhekk ikkompletat bir-regoli ta’ implementazzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 2362/98, huwa wkoll imsejjaħ aktar ‘il quddiem bħala l-"iskema ta’ l-1999".

15     Skond l-aħħar subparagrafu ta’ l-Artikolu 1 u l-Anness tar-Regolament Nru 2362/98, il-kwoti tat-tariffi (2 200 000 tunnellata u 353 000 tunnellata) imsemmijin fl-Artikolu 18 (1) u (2) tar-Regolament Nru 404/93 tqassmu fost il-pajjiżi fornituri ewlenin kif ġej:

Ekwador:          26.17 %

Kosta Rika:          25.61 %

Kolumbja:          23.03 %

Panama:          15.76 %

Oħrajn:           9.43 %

16     Jeħtieġ li jiġu esposti dawn id-differenzi bejn l-iskemi ta’ l-1993 u ta’ l-1999:

(a) l-iskema ta’ l-1999 ma tagħmilx aktar differenza skond l-attivitajiet magħmulin mill-operaturi;

(b) l-iskema ta’ l-1999 tqis il-kwantitajiet ta’ banana importata;

(ċ) l-amministrazzjoni ta’ liċenzji ta’ importazzjoni, skond l-iskema ta’ l-1999, issir mingħajr referenza għall-oriġini (AKP jew pajjiżi terzi) tal-banana;

(d) il-kwoti tat-tariffi u l-parti attribwita lill-operaturi ġodda żdiedu mill-iskema ta’ l-1999.

17     L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2362/98 kien jistabbilixxi, b’mod partikolari, li l-kwoti tat-tariffi u l-banana AKP tradizzjonali, imsemmijin rispettivament mill-Artikolu 18(1) u (2), kif ukoll mill-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 1637/98, kellhom ikunu miftuħa bil-mod kif ġej:

–       92 % għall-operaturi tradizzjonali skond l-Artikolu 3;

–       8 % għall-operaturi riċenti skond l-Artikolu 7.

18     Skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2362/98, kull operatur tradizzjonali rreġistrat fi Stat Membru seta’ jikseb għal kull sena u għal kull oriġini indikata fl-Anness I ta’ l-istess regolament, kwantità ta’ referenza waħda, deċiża skond il-kwantitajiet ta’ banana attwalment importati matul il-perijodu ta' referenza. Skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 2362/98, għall-importazzjonijiet magħmulin fl-1999, il-perijodu ta' referenza kellu jkun magħmul mis-snin 1994, 1995 u 1996.

5.     Ir-Regolament Nru 216/2001

19     Il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 216/2001 tad-29 ta’ Jannar 2001, li jemenda r-Regolament Nru 404/93 (ĠU L 31, p 2).

20     L-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 404/93, hekk emendat, jipprovdi għall-ftuħ ta’ tliet kwoti ta’ tariffi (A, B u Ċ) għall-importazzjoni ta’ banana li toriġina minn pajjiżi terzi, mingħajr distinzjoni fir-rigward ta' l-oriġini.

21     Skond l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 404/93, il-liċenzji ta’ importazzjoni ta’ banana minn pajjiżi terzi huma maħruġa lill-operaturi skond metodu li jqis "il-flussi tal-kummerċ tradizzjonali (skond il-metodu msejjaħ "tradizzjonali/riċenti") u/jew metodi oħrajn".

6.     Ir-Regolament Nru  896/2001

22     Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tat-Titolu IV tar-Regolament Nru 404/93, kif emendat, kienu definiti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 896/2001, tas-7 ta’ Mejju 2001, li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill Nru 404/93 rigward l-arranġamenti għall-importazzjoni tal-banana fil-Komunità (ĠU L 126, p. 6). Dawn id-dispożizzjonijiet daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2001, skond l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 896/2001 (aktar ‘il quddiem: l-"iskema ta’ l-2001").

23     Ir-Regolament Nru 896/2001 ma jistabbilixxix aktar l-allokazzjoni tal-kwoti tat-tariffi "A" u "B" fost il-pajjiżi fornituri.

24     Dan jistabbilixxi wkoll li l-liċenzji ta’ importazzjoni jiġu maħruġa lill-operaturi tradizzjonali li jkunu importaw banana mill-Istati terzi u/jew banana AKP mhux tradizzjonali skond il-medja ta’ l-importazzjonijiet primarji tagħhom fil-perijodu bejn l-1994 u l-1996. L-istess, għall-opertaturi tradizzjonali li jimportaw banana AKP tradizzjonali, il-liċenzji ta’ importazzjoni jingħatawlhom skond il-medja ta’ l-importazzjonijiet primarji tagħhom ta’ banana AKP tradizzjonali li jsiru matul l-istess tliet snin.

7.     Sommarju tal-kwistjoni "banana" fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO)

25     Fit-8 ta’ Mejju 1996 ġie ffurmat Grupp Speċjali biex jeżamina r-rapporti ta’ l-Ekwador, tal-Gwatemala, tal-Ħonduras, tal-Messiku u ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika fil-konfront tal-Komunità dwar il-kompatibbiltà ta’ l-iskema ta’ l-1993 mar-regoli tal-WTO (Kawża: Komunità Ewropea – Skema applikabbli għall-importazzjoni, għall-bejgħ u għad-distribuzzjoni tal-banana ; WT/DS27; aktar ‘il quddiem : il-każijiet "Banana III").

26     Fit-22 ta’ Mejju 1997 il-Grupp Speċjali ħareġ ir-rapporti tiegħu, b'mod partikolari fil-kawża bejn l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u l-Komunità (WT/DS27/R/USA; aktar ‘il quddiem: ir-"rapport tal-Grupp Speċjali tat-22 ta’ Mejju 1997"), li kien ikkontestat mill-partijiet.

27     Fis-27 ta’ Settembru 1997 l-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim (aktar ‘il quddiem id-"DSB") tal-WTO adotta r-rapport tal-Bord ta’ l-Appell tad-9 ta’ Settembru 1997 (WT/DS27/AB/R; aktar ‘il quddiem: ir-"rapport tal-Bord ta’ l-Appell tad-9 ta’ Settembru 1997") u r-rapporti tal-Grupp Speċjali, kif emendati mir-rapport tal-Bord ta’ l-Appell (aktar ‘il quddiem id-"deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta’ Settembru 1997").

28     Ir-rapport tal-Bord ta’ l-Appell tad-9 ta’ Settembru 1997 jikkonkludi, b’mod speċifiku, li:

"(e) [...] l-allokazzjoni ta’ partijiet mill-kwoti tat-tariffi, kemm jekk bi ftehim jew bi trasferiment lil uħud mill-Membri li m’għandhomx interess sostanzjali fil-provvista ta’ banana lill-Komunitajiet Ewropej, imma mhux lil oħrajn, hija inkompatibbli ma’ l-Artikolu XIII: 1 tal-GATT ta’ l-1994;

(f) [...] ir-regoli ta’ l-allokazzjoni mill-ġdid tal-kwoti tat-tariffi stabbiliti mill-Ftehim Qafas dwar il-Banana huma inkompatibbli ma' l-Artikolu XIII: 1 tal-GATT ta’ l-1994, u jibdlu d-deċiżjoni tal-Grupp Speċjali billi jikkonkludi li r-regoli ta’ l-allokazzjoni mill-ġdid tal-kwoti tat-tariffi stabbiliti mill-Ftehim Qafas dwar il-Banana huma wkoll inkompatibbli mal-parti introduttiva ta’ l-Artikolu XIII: 2 tal-GATT ta’ l-1994;

(n) [...] ir-regoli [tal-Komunità] dwar il-funzjonijiet u l-ħtieġa [tal-Komunità] dwar liċenzji ta’ esportazzjoni [tal-Ftehim Qafas dwar il-Banana] huma inkompatibbli ma’ [l-Artikolu I: 1] tal-GATT ta’ l-1994;

(u) [...] l-allokazzjoni lill-operaturi tal-Kategorija B ta’ 30% tal-liċenzji li jippermettu l-importazzjoni ta’ banana ta’ pajjiżi terzi u ta’ banana AKP mhux tradizzjonali bir-rati ta’ dazju skond il-kwoti hija inkompatibbli ma’ l-Artikoli II u XVII tal-[Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi] (aktar ‘il quddiem il-"GATS");

(v) l-allokazzjoni lil min ix-xogħol tiegħu jikkonsisti fil-maturazzjoni ta' ċerta kwota tal-liċenzji tal-Kategoriji A u B li tippermetti l-importazzjoni ta’ banana ta’ pajjiżi terzi u ta’ banana AKP mhux tradizzjonali bir-rati ta’ dazju skond il-kwoti hija inkompatibbli ma’ l-Artikolu XVII tal-GATS".

29     Skond il-minuti tal-laqgħa tad-DSB tas-16 ta’ Ottubru 1997 (dokument WT/DSB/M/38 ta’ l-20 ta’ Novembru 1997, p. 3):

"Ir-rappreżentant tal-Komunitajiet Ewropej tenna d-dikjarazzjoni tiegħu li kien diġà esprima fil-laqgħa tad-DSB fil-25 ta’ Settembru. F’dik l-okkażjoni, kien enfasizza l-impenn sħiħ tal-Komunità fir-rigward tad-DSU (Memorandum tal-Ftehim), u l-prinċipji u r-regoli fundamentali tiegħu. Skond l-Artikolu 21.3 tad-DSU, il-Komunità kienet marbuta li tinforma lid-DSB dwar l-intenzjoni tagħha li twettaq r-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Huwa kkonferma li l-Komunitajiet kienu ser jirrispettaw bi sħiħ l-obbligi internazzjonali tagħhom minn dan il-lat. Meta ħasbu f'din l-iskema, l-għanijiet tal-Komunitajiet kienu li jsostnu lill-produtturi tagħhom tal-banana u li jissodisfaw l-obbligi internazzjonali tagħhom, b'mod partikolari l-impenji tagħhom għan-nazzjon l-aktar iffavorit skond il-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO u, dwar il-pajjiżi AKP, skond il-Konvenzjoni ta’ Lomé. Dawn l-għanijiet baqgħu ma nbiddlux.

Il-Komunitajiet kienu bdew proċedura maħsuba biex tippermettilhom jeżaminaw l-għażliet xierqa kollha biex iħarsu l-obbligi tagħhom. Minħabba l-proċess deċiżjonali intern, huma ma setgħux, f’din il-fażi tal-proċedura, jipprevedu jew jiġġudikaw ir-riżultati minn qabel. Il-Komunitajiet jixtiequ jiġbdu l-attenzjoni tal-Membri fuq il-kumplessità estrema ta' dan is-suġġett. Il-Bord ta’ l-Appell kien irrikonoxxa li x-xogħol leġiżlattiv tal-Komunitajiet kien diffiċli, għaliex huma kienu marbuta li jirrispettaw il-ħtiġijiet tal-Konvenzjoni ta’ Lomé waqt li, fl-istess ħin, jelaboraw suq wieħed tal-banana. Għal din ir-raġuni l-Komunitajiet, minkejja li impenjaw ruħhom li jaġixxu malajr, għandhom bżonn ta’ terminu raġonevoli biex jeżaminaw l-għażliet kollha li jippermettulhom iħarsu l-obbligi internazzjonali tagħhom."

30     Fis-7 ta’ Jannar 1998, fl-aħħar tal-proċedura ta' arbitraġġ stabbilita fl-Artikolu 21.3.c, tal-Ftehim dwar ir-Regoli u l-Proċeduri li jirregolaw is-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-WTO (aktar ‘il quddiem id-"DSU"), arbitru kien ta lill-Komunità "perijodu ta’ żmien raġonevoli", mill-25 ta’ Settembru 1997 sal-1 ta’ Jannar 1999 għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta’ Settembru 1997 [dokument WT/DS27/15: Arbitraġġ skond l-Artikolu 21.3.c, tad-DSU, deċiżjoni ta’ l-arbitru tas-7 ta’ Jannar 1998, punt 20].

31     Waqt li kkunsidraw li, ma’ l-adozzjoni ta’ l-iskema ta’ l-1999, il-Komunità ma kinitx eliminat għal kollox l-inkompatibbiltajiet ma’ l-obbligi tagħha taħt il-GATT ta’ l-1994 u l-GATS − inkompatibbiltajiet li ġew indikati fid-deċiżjoni tal-WTO tal-25 ta’ Settembru 1997 − fl-14 ta’ Jannar 1999 l-Istati Uniti ta’ l-Amerika talbu lill-WTO, skond l-Artikolu 22 tad-DSU, l-awtorizzazzjoni biex jissospendu, fil-konfront tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri tagħha, l-applikazzjoni tal-konċessjonijiet tat-tariffi u l-obbligi relatati skond il-GATT ta’ l-1994. L-Istati Uniti ta’ l-Amerika vvalutaw l-ammont ta’ din is-sospensjoni bħala 520 miljun dollaru Amerikani (USD). Billi l-Komunità kkontestat il-livell tas-sospensjoni propost mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika, il-kwistjoni ġiet sottomessa għal arbitraġġ skond l-Artikolu 22.6 tad-DSU.

32     B’hekk, fid-9 ta’ April 1999 l-arbitri ddeċidew li l-livell ta’ annullament jew tat-tnaqqis ta' vantaġġi li batew l-Istati Uniti ta’ l-Amerika fil-kawża Banana III kien ta’ USD 191.4 miljun fis-sena (deċiżjoni WT/DS27/ARB, aktar ‘il quddiem: id-"deċiżjoni ta' arbitraġġ tad-9 ta’ April 1999"). Konsegwentement, l-arbitri ddeċidew li s-sospensjoni, min-naħa ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, ta’ l-applikazzjoni fil-konfront tal-Komunità u l-Istati Membri tal-privileġġi fit-tariffi u ta’ l-obbligi relatati skond il-GATT ta’ l-1994 li jirrigwardaw il-kummerċ ta' ammont massimu ta’ USD 191.4 miljuni fis-sena, hija kompatibbli ma’ l-Artikolu 22.4 tad-DSU.

33     Barra minn hekk, fis-6 ta’ April 1999 fl-ambitu tal-proċedura parallela skond l-Artikolu 21.5 tad-DSU, il-Grupp Speċjali li quddiemu tressaq ilment mill-Ekwador dwar l-implementazzjoni, min-naħa tal-Komunità, ta’ rakkomandazzjonijiet magħmulin mid-DSB fil-kawża Banana III ippreżenta r-rapport tiegħu lill-partijiet fit-tilwima (rapport WT/DS27/RW/ECU aktar ‘il quddiem ir-"rapport tal-Grupp Speċjali tas-6 ta’ April 1999"). Fl-aħħar ta' l-analiżi tiegħu, il-Grupp Speċjali kkunsidra li l-iskema ta’ l-1999 kienet, taħt diversi aspetti, inkompatibbli ma' wħud mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim tal-WTO. Il-Grupp Speċjali kkonkluda, b’mod partikolari:

–       li l-limitu ta’ 857 700 tunnellati, stabbilit għall-importazzjonijiet tal-banana AKP tradizzjonali fl-ambitu ta’ l-iskema ta’ l-1999, "huwa inkompatibbli mal-paragrafi 1 u 2 ta’ l-Artikolu XIII tal-GATT [ta’ l-1994]";

–       li l-kwoti speċifiċi għal kull pajjiż mogħtijin lill-Ekwador u fornituri oħrajn li jkollhom interess sostanzjali m’humiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu XIII:2 tal-GATT ta' l-1994;

–       li l-kwantità ta’ 857 700 tunnellata għall-importazzjonijiet tradizzjonali AKP eżentati minn dazji tista’ titqies li hija imposta mill-Konvenzjoni ta’ Lomé, imma "li mhuwiex raġonevoli, min-naħa tal-Komunitajiet Ewropej, li jikkonkludu li l-Protokoll Nru 5 anness mal-Konvenzjoni ta’ Lomé jimponi allokazzjoni kollettiva għall-fornituri tradizzjonali AKP". Għalhekk, l-għoti ta’ eżenzjonijiet ta’ dazji għall-importazzjoni li jaqbżu l-aħjar kwantitajiet ta’ esportazzjoni qabel l-1991 ta’ Stat AKP individwali ma kienx meħtieġ mill-Protokoll Nru 5 anness mal-Konvenzjoni ta’ Lomé u li, għalhekk, billi m’hemm l-ebda rekwiżit ieħor applikabbli tal-Konvenzjoni ta' Lomé, il-kwantitajiet li jaqbżu m’humiex koperti mid-deroga tal-Lomé u t-tariffa preferenzjali fuqhom kienet għalhekk inkompatibbli ma’ l-Artikolu I:1 tal-GATT ta’ l-1994 (rapport WT/DS27/RW/ECU, punt 6.161).

34     Fir-rigward tal-GATS, il-Grupp Speċjali stabbilixxa, fl-ewwel lok li, fil-kuntest ta’ l-iskema ta’ l-1999, "il-fornituri Ekwadorjani ta’ servizzi bl-ingrossa huma suġġetti, de facto, għal trattament anqas favorevoli għal dak li jirrigwarda l-ħruġ ta’ liċenzji milli t-trattament riżervat għall-fornituri Komunitarji jew AKP ta’ l-istess servizzi, bi ksur ta’ l-Artikoli II u XVII GATS, u fit-tieni lok, li l-kriterji tal-kisba ta’ l-istatus "riċenti" fl-ambitu tal-proċeduri ta’ liċenzji riveduti jimponu, de facto, fuq il-fornituri tas-servizzi Ekwadorjani kundizzjonijiet ta’ kompetittività anqas favorevoli minn dawk riżervati għall-fornituri ta’ servizzi simili tal-KE, bi ksur ta’ l-Artikolu XVII tal-GATS" (rapport WT/DS27/RW/ECU, punt 6.163).

35     Billi l-Komunità m’għamlitx appell, dan ir-rapport tal-Grupp Speċjali ġie adottat fis-6 ta’ Mejju 1999 (il-minuti tal-laqgħa tad-DSB tas-6 ta’ Mejju 1999, WT/DSB/M/61 tat-30 ta’ Ġunju 1999).

36     Fit-8 ta’ Novembru 1999 l-Ekwador talab lid-DSB skond l-Artikolu 22 tad-DSU, biex jawtorizza s-sospensjoni, fil-konfront tal-Komunità u tat-tlettax-il Stat Membru tagħha, ta’ l-applikazzjoni tal-konċessjonijiet tat-tariffi u l-obbligi konnessi skond il-Ftehim dwar l-Aspetti Kummerċjali tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (aktar ‘il quddiem il-"Ftehim TRIPS"), il-GATS u l-GATT ta’ l-1994, għal ammont ta’ USD 450 miljun.

37     Billi l-Komunità kkontestat il-livell tas-sospensjoni propost mill-Ekwador, fid-19 ta’ Novembru 1999 il-kwistjoni ġiet sottomessa għal arbitraġġ, skond l-Artikolu 22.6 tad-DSU.

38     B’deċiżjoni li ġiet kkomunikata fl-24 ta’ Marzu 2000, l-arbitri ddeterminaw il-portata ta’ l-annullament jew it-tnaqqis tal-vantaġġi li sofra l-Ekwador jammonta għal USD 201.6 miljuni fis-sena u awtorizzaw lill-imsemmi Stat jissospendi l-konċessjonijiet taħt il-GATT ta’ l-1994, il-GATS u l-Ftehim TRIPS sa dak l-ammont.

39     Fil-11 ta’ April 2001 l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u l-Komunità kkonkludew memorandum ta’ ftehim dwar il-banana, li fih "fissru l-mezzi li jistgħu jippermettu li tiġi solvuta t-tilwima li ilha għaddejja żmien dwar l-iskema ta’ l-importazzjoni tal-banana" fil-Komunità. Dan il-memorandum ta' ftehim jipprovdi li l-Komunità timpenja ruħha li "twettaq skema li hija tariffarja biss għall-importazzjonijiet ta’ banana mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2006". Dan il-memorandum ta’ ftehim jistabbilixxi l-miżuri li l-Komunità timpenja ruħha li tieħu sa l-1 ta’ Jannar 2006. Min-naħa tagħhom, l-Istati Uniti ta’ l-Amerika jimpenjaw ruħhom li jissospendu provviżorjament l-impożizzjoni ta’ dazji għola minn dawk li kienu ġew awtorizzati li jiġu imposti fuq l-importazzjonijiet Komunitarji skond id-deċiżjoni ta' arbitraġġ tad-9 ta’ April 1999 (dokument WT/DS27/58). Madankollu l-Istati Uniti ppreċiżaw, b’komunikazzjoni tas-26 ta’ Ġunju 2001 tad-DSB, li dan il-memorandum ta’ ftehim "ma [kienx] jikkostitwixxi, fih innifsu, soluzzjoni miftehma reċiproka skond l-Artikolu [3.6 tad-DSU] [u li], minbarra dan, minħabba l-miżuri li l-partijiet kollha għadhom iridu jieħdu, ikun prematur li jitneħħa dak il-punt mill-aġenda tad-DSB" (dokument WT/DS27/59 – G/C/W/270 dokument tat-2 ta’ Lulju 2001).

 Il-proċedura

40     B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-25 ta’ Jannar 2001, Chiquita Brands International, Chiquita Banana Co. u Chiquita Italia, tliet kumpanniji tal-grupp Chiquita (aktar ‘il quddiem ir-"rikorrenti"), waħda mill-akbar produtturi u distributuri tal-banana fid-dinja, ressqu din il-kawża flimkien.

41     B’ittra tad-29 ta’ Ġunju 2001, wara li l-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tad-difiża tagħha, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza, skond l-organizzazzjoni tal-proċedura, tistieden lill-partijiet sabiex:

–       jikkonċentraw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Komunità (eżistenza ta’ illegalità, ta’ dannu u ta’ rabta kawżali bejn l-elementi msemmijin) biex tiġi riżervata l-kwistjoni ta’ l-istima ta’ l-ammont preċiż tad-dannu allegat għal stadju ulterjuri tal-proċedura, u

–       jirriżervaw il-produzzjoni ta’ provi dwar l-ammont tad-dannu għal stadju ulterjuri tal-proċedura.

42     B’ittra tat-13 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni appoġġat dan is-suġġeriment, imma saħqet li kienet ser tkompli tikkontesta l-ammissibbiltà kif ukoll il-mertu tar-rikors.

43     Fil-25 ta’ Settembru 2001 il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, skond l-Artikolu 64(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tistieden lill-partijiet biex jikkonċentraw l-argumenti rispettivi tagħhom, fir-replika u l-kontroreplika, fuq l-ammissibbiltà tar-rikors u fuq ir-responsabbiltà tal-Komunità.

44     Fuq talba tal-Kummissjoni, il-Qorti ta’ Prim’Istanza, b’ittra tal-25 ta’ Ottubru 2001, ippreċiżat li b’dan il-mod il-proċedura kienet ser tinqasam f’żewġ partijiet bil-mod segwenti: "Il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwel tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rikors fid-dawl tal-bażi li fuqha jkun tressaq ir-rikors u l-annessi tiegħu u, bla ħsara għal dik il-kwistjoni, tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà safejn din tinvolvi l-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ att jew aġir allegatament illegali min-naħa tar-rikorrenti." B’dan il-mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rikors u dwar il-kwistjoni jekk fil-każ partikolari, hemmx att jew aġir illegali tal-Komunità.

45     B’ittra tal-5 ta’ Frar 2003 il-Kummissjoni talbet is-sospensjoni ta’ din il-kawża sakemm tingħata s-sentenza finali mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Léon van Parys (C-377/02). Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma laqgħetx din it-talba.

46     Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura u fuq proposta tal-Ħames Awla, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, wara li semgħet lill-partijiet skond l-Artikolu 51 ta’ l-imsemmijin Regoli, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

47     Wara r-rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla Estiża) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

48     Fis-seduta tat-12 ta’ Frar 2004 instemgħu t-trattazzjoni u r-risposti tal-partijiet għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

 It-talbiet tal-partijiet

49     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–       tikkundanna lill-Komunità tħallas kumpens għad-danni kkawżati mill-applikazzjoni, fil-konfront tagħha, tar-Regolament Nru 2362/98, li provviżorjament ġew ikkalkolati bħala li jammontaw għal EUR 564.1 miljun, u l-imgħaxijiet bir-rata ta’ 8% fis-sena;

–       tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

50     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–       tiddikjara r-rikors inammissibbli jew, sussidjarjament, tiċħdu bħala infondat;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

1.     L-argumenti tal-partijiet

51     Mingħajr ma tqajjem l-eċċezzjoni ta’ l-inammissibbiltà skond l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rikors huwa inammissibbli. Hija ssostni, sostanzjalment, li r-rikors mhux konformi ma' l-Artikolu 44(1)(ċ) u (e) tar-Regoli tal-Proċedura, li jgħid li r-rikors għandu jkollu, b’mod partikolari, "is-suġġett tal-kawża u sunt [tal-motivi] imressqa" kif ukoll "jekk ikun il-każ, in-natura tal-provi li jkun ser iressaq".

52     Hija ssostni, fil-fatt, li r-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura li jistabbilixxu li rikors maħsub għall-ħlas ta' kumpens għal danni kkawżati minn istituzzjoni Komunitarja għandu jkun fih elementi li jippermettu li jiġi individwat l-aġir li bih ir-rikorrenti takkuża lill-istituzzjoni, ir-raġunijiet għaliex hija tikkunsidra li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu allegatament subit, kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan id-dannu (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Lulju 1990, Automec vs Il-Kummissjoni, T-64/89, Ġabra p. II‑367, punt 73). Din l-irregolarità hija aktar gravi meta r-rikorrenti titlob il-ħlas għal telf ta' qligħ, dannu li, min-natura tiegħu, huwa suġġett għall-eżiġenzi ta’ prova riġidi ħafna (sentenzi tal-Qorti ta’ l-14 ta’ Lulju 1967, Kampffmeyer et vs Il-Kummissjoni KEE, 5/66, 7/66 u 13/66 sa 24/66, Ġabra p. 317, u l-14 ta' Mejju 1975, CNTA vs Il-Kummissjoni, 74/74, Ġabra p. 533). Skond il-Kummissjoni, ir-rikorrenti qed titlob somma għolja ħafna, waqt li tillimita ruħha li tagħti, bħala ġustifikazzjoni, spjegazzjonijiet lakoniċi biss. L-allegata somma ta' EUR 543.6 miljun għal telf ta’ qligħ hija bbażata fuq id-differenza bejn il-bejgħ li fil-fatt sar mir-rikorrenti u dak li setgħet għamlet kieku ma kienx hemm ir-Regolament Nru 2362/98.

53     Il-Kummissjoni ssostni wkoll li r-rikorrenti lanqas biss ma ġabet il-bidu ta’ prova tad-dannu allegat. F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanzi ta’ dan ir-rikors huma differenti minn dawk tal-kawża li wasslet għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-1 ta’ Frar 2001 T. Port vs Il-Kummissjoni (T‑1/99, Ġabra p. II‑465), fejn ir-rikorrenti kienet ta' l-inqas tat iċ-ċifri preċiżi tal-prezz tal-liċenzji ta’ importazzjoni li kienet kisbet u l-imgħaxijiet bankarji li kienet obbligata tħallas.

54     F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li, kif affermat fil-punt 37 tas-sentenza T.Port vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, ir-rikors "għandu jkun ċar u preċiż biżżejjed biex jippermetti lill-parti konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u biex il-Qorti tkun tista’ tiddeċiedi r-rikors, eventwalment mingħajr informazzjoni oħra in sostenn tiegħu." Barra minn dan, skond l-Artikolu 44(1)(e) u l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-elementi kollha ta’ prova li jsostnu t-talba kellhom ikunu mehmuża mar-rikors.

55     F'dan il-każ partikolari, ir-rikors ma fih l-ebda prova ta’ l-eżistenza u tal-kawża tad-dannu allegat, għalkemm ir-rikorrenti tipproponi, fil-punt 146 tar-rikors, li ser tipprovdi aktar informazzjoni "aktar tard f’din il-proċedura". Billi huwa impliċitu f’din id-dikjarazzjoni li r-rikorrenti diġà għandha fil-pussess tagħha l-elementi ta’ prova in kwistjoni, m’hemmx raġuni valida li tiġġustifika d-dewmien fil-preżentazzjoni tagħhom, skond l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

56     Il-Kummissjoni tikkunsidra li n-nuqqasijiet imsemmijin huma aktar agħar billi r-rikorrenti hija l-impriża ewlenija fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-banana fil-livell dinji u għandha f’idejha mezzi kunsiderevoli. Id-dannu allegat diġà ntuża bħala l-bażi ta’ l-azzjoni proposta mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika quddiem il-korpi tal-WTO, fejn ir-rikorrenti, minkejja li ma kinitx parti f’dik il-proċedura, kienet ikkomunikat aktar informazzjoni minn dik li tat f’dan ir-rikors.

57     Skond il-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma tistax tgħatti l-irregolaritajiet fir-rikors tagħha billi tirriferi għad-deċiżjonijiet tal-WTO, jiġifieri għad-deċiżjoni ta' arbitraġġ tad-9 ta’ April 1999 u għar-rapport tal-Grupp Speċjali tas-6 ta’ April 1999. Dawn id-deċiżjonijiet, apparti li mhumiex vinkolanti, m’humiex rilevanti fir-rigward ta’ l-irregolarità tar-rikors.

58     Skond ir-rikorrenti, ir-rikors huwa ammissibbli. Fil-fehma tagħha, huwa jissodisfa l-kriterji ffissati fis-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq, Automec vs Il-Kummissjoni (punt 73) u T. Port vs Il-Kummissjoni (punt 37).

59     Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tiddikjara li hija identifikat b’mod ċar iż-żewġ aspetti ta’ l-aġir konness mar-Regolament Nru 2362/98 li hija tallega li huma illegali jiġifieri, minn naħa, is-sistema ta’ għoti ta’ liċenzji ta’ importazzjoni ta’ banana u min-naħa l-oħra, it-tqassim tal-kwoti ta’ l-importazzjoni f’allokazzjonijiet għall-pajjiżi fir-rigward tal-banana mill-Amerika Latina.

60     Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tfakkar li esprimiet ruħha wkoll, fir-rikors, dwar ir-rabta kawżali bejn l-imsemmija illegalità u d-dannu li ġarrbet.

61     Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tfakkar li fil-punt 155 tar-rikors speċifikat id-diversi kapi ta’ dannu li għalihom hija qed titlob ħlas ta' kumpens. Għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1999 sal-31 ta’ Diċembru 2000, it-telf ta’ qligħ kien ta’ EUR 543.6 miljun u l-ispejjeż straordinarji kienu ta’ EUR 20.5 miljun.

62     Minbarra dan, ir-rikorrenti tikkontesta t-teżi tal-Kummissjoni li fiha jidher li qed tallega li t-talbiet għall-ħlas ta' telf ta’ qligħ huma suġġetti għal kriterji ta’ ammissibbiltà aktar riġidi minn dawk imsemmija aktar 'il fuq.

63     Minħabba n-numru ta’ kwistjonijiet li qamu fl-ambitu ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-banana, il-Kummissjoni ma tistax tippretendi li ma tistax tifhem l-ispjegazzjonijiet ipprovduti fir-rikors dwar id-dannu allegat.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 Fuq il-konformità tar-rikors ma’ l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura

64     Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jkollu fih is-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi mressqa. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed biex tippermetti l-parti konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u għall-Qorti tal-Prim’Istanza biex tiddeċiedi r-rikors, jekk hemm bżonn mingħajr informazzjoni oħra. Biex tkun iggarantita ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja huwa meħtieġ, biex rikors jitqies ammissibbli, li jiġu indikati l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa fondat, ta' l-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jiftiehem, fit-test stess tar-rikors (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T‑85/92, Ġabra p. II‑523, punt 20, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Jannar 1998, Dubois et Fils vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T‑113/96, Ġabra p. II‑125, punt 29).

65     Biex jikkonforma ma’ dawn ir-rekwiżiti, rikors li s-suġġett tiegħu huwa l-ħlas ta' kumpens għal danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni Komunitarja għandu jkun fih l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li r-rikorrenti takkuża lill-istituzzjoni bih, ir-raġunijiet għaliex ir-rikorrenti tikkunsidra li hemm rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu li tallega li ġarrbet, kif ukoll in-natura u l-portata tad-dannu (sentenza Dubois et Fils vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 30, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Lulju 2003, Hameico Stuttgart et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T‑99/98, Ġabra p. II‑2195, punt 26).

66     Iżda, talba maħsuba biex jinkiseb kumpens ġeneriku ma fihiex il-preċiżjoni meħtieġa u għandha, għalhekk, tiġi kkunsidrata inammissibbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Diċembru 1971, Zuckerfabrik Schoeppenstedt vs Il-Kunsill, 5/71, Ġabra p. 975, punt 9; sentenza Automec vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il quddiem, punt 73, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Ġunju 2000, Camar u Tico vs Il-Kummissjoni u l-Kunsill, T-79/96, T-260/97 u T-117/98, Ġabra p. II‑2193, punt 181).

67     F’dan il-każ partikolari, ir-rikorrenti esponiet, fil-punti 142 sa 154 tar-rikors, in-natura tad-diversi kapijiet ta’ dannu li taħthom titlob il-ħlas ta’ kumpens, kif ukoll il-metodu użat biex jiġi ddeterminat l-ammont tiegħu. Hija indikat, f’biżżejjed dettall, iċ-ċirkustanzi li tibbaża ruħha fuqhom biex tistabbilixxi n-natura reali u ċ-ċertezza tad-dannu allegat, kif ukoll il-portata tiegħu.

68     Fir-rigward tan-natura reali u ċ-ċertezza tad-dannu, ir-rikorrenti qalet li l-iskema ta’ l-1999 laqgħtet profondament in-negozju u r-riżultati tagħha. Hija qalet b’mod partikolari li dan id-dannu huwa rifless fil-kapitalizzazzjoni tagħha li, wara l-adozzjoni ta’ l-iskema ta’ l-1993, naqset b’iżjed minn 96%. Bejn l-1999 u l-2000, skond ir-rikorrenti, il-kapitalizzazzjoni tagħha waqgħet minn USD 625 miljun għal 79,2 miljun, li jikkorrespondi għal tnaqqis ta’ 87%. Billi Chiquita Brands International Inc. hija kumpannija kkwotata fil-Borża, dawn l-elementi jikkostitwixxu informazzjoni pubblika mxandra ħafna, b’mod partikolari fl-istampa.

69     Fir-rigward tal-portata tad-dannu msemmi u l-kwantifikazzjoni tad-danni mitlubin, ir-rikorrenti ddistingwiet bejn it-telf ta’ qligħ li sofriet u l-ispejjeż li inkorsi minnha. Fir-rigward tat-telf ta’ qligħ, ir-rikorrenti rriferiet għall-metodu segwit mill-arbitri tal-WTO biex jikkwantifikaw id-dannu li sofrew l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u l-Ekwador minħabba l-inkompatibbiltà ta’ l-iskema ta’ l-1993 mad-dritt tal-WTO, inkompatibbiltà li tirrigwarda, bl-istess mod, l-iskema ta’ l-1999. Minn dawn l-elementi u mid-dħul mill-bejgħ matul is-snin 1999 u 2000, ir-rikorrenti għamlet kalkolu biex tiddetermina d-dħul mill-bejgħ li kienet tagħmel kieku l-iskema ta’ l-1999 ma kinitx inkompatibbli mad-dritt tal-WTO. Hija tikkonkludi li l-telf ta’ qligħ imsemmi huwa daqs id-differenza bejn il-qligħ li seta’ jkollha minn dan id-dħul mill-bejgħ ipotetiku u l-qligħ li effettivament kien hemm fl-1999 u fl-2000. Skond dan il-kalkolu, ir-rikorrenti tqis li dan it-telf ta’ qligħ huwa ta' EUR 543.6 miljun Rigward l-imsemmijin spejjeż straordinarji, ir-rikorrenti sostniet li dawn huma spejjeż dwar it-tnaqqis fil-persunal fl-1999, għall-kapaċità żejda fit-trasport bejn l-1999 u l-2000, kif ukoll l-ispejjeż legali. Ir-rikorrenti tqis li dawn l-ispejjeż huma ta' EUR 20.5 miljun.

70     L-ispjegazzjoni tan-natura u l-portata tad-dannu allegat li saret mir-rikorrenti fir-rikors tissodisfa għalhekk ir-rekwiżiti skond l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura. Dan jippermetti lill-Kummissjoni tiddefendi lilha nnifisha u lill-Qorti tal-Prim’Istanza tagħmel l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

 Fuq il-konformità tar-rikors ma’ l-Artikolu 44(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura

71     Mill-kliem ta’ l-Artikolu 44(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura, speċifikament mill-kliem "jekk ikun il-każ", jirriżulta li r-rikors m’għandux bilfors joffri l-provi. L-unika sanzjoni dwar l-offerta tal-provi, hija li tista’ tiġi miċħuda minħabba dewmien meta jiġu ppreżentati, għall-ewwel darba u mingħajr ġustifikazzjoni, fl-istadju tar-replika jew fil-kontroreplika (Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura).

72     Skond l-Artikolu 43(4), tar-Regoli tal-Proċedura, "[m]a’ kull att tal-proċedura għandu jiġi anness faxxiklu, li jiġbor fih l-atti u d-dokumenti ċċitati sabiex isostnu l-att flimkien ma’ nota li telenka l-istess atti u dokumenti". Skond il-ġurisprudenza, in-nuqqas ta’ ħarsien ta’ dan l-obbligu jista’ jwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors jekk dan jista’ jtellef lill-partijiet l-oħrajn fil-preparazzjoni ta’ l-argumenti tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Marzu 2003, Ineichen vs Il-Kummissjoni, T-293/01, Ġabra PI p. I‑A-83 u II‑441, punti 29 et seq).

73     F’dan il-każ, jeħtieġ li jkun osservat li l-Kummissjoni ressqet risposta tad-difiża ddettaljata ħafna, li juri li bl-ebda mod ma kienet affettwata bin-nuqqas tal-preżentazzjoni ta’ dokumenti li kellhom jiġu annessi mar-rikors.

74     Għalhekk il-kritika tal-Kummissjoni rigward il-provi ta’ l-eżistenza ta' dannu taqa' taħt l-evalwazzjoni tal-mertu tal-kwistjoni u mhux ta' l-ammissibbiltà tagħha (ara f’dan is-sens, is-sentenza Hameico Stuttgart et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 32).

75     Għalhekk ir-rikors huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

76     Skond ġurisprudenza stabbilita, biex tinstab responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 288 KE, għandhom jiġu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri li jkun l-aġir li bih ikunu akkużati l-istituzzjonijiet ikun illegali, li jkun hemm dannu reali u li tkun teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu msemmi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 1996, International Procurement Services vs Il-Kummissjoni, T‑175/94,Ġabra p. II‑729, punt 44; tas-16 ta’ Ottubru 1996, Efisol vs Il-Kummissjoni, T‑336/94, Ġabra p. II‑1343, punt 30, u tal-11 ta’ Lulju 1997, Oleifici Italiani vs Il-Kummissjoni, T‑267/94, Ġabra p. II‑1239, punt 20). Meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tiġix sodisfatta, ir-rikors għandu jkun miċħud kollu kemm hu mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħrajn għar-responsabbiltà fuq imsemmija (sentenza tal-Qorti tal-15 ta’ Settembru 1994, C‑146/91, KYDEP vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, Ġabra p. I‑4199, punti 19 u 81; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Frar 2002, T‑170/00, Förde‑Reederei vs Il-Kunsill u L-Kummissjoni, Ġabra p. II‑515, punt 37).

77     Fir-rigward ta' l-eżami tat-talba għall-ħlas ta' kumpens għal dannu fid-dawl ta' l-ewwel kundizzjoni, jiġifieri li jkun hemm aġir illegali, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-ġurisprudenza teħtieġ li jiġi stabbilit li jkun hemm ksur serju biżżejjed ta’ regola tad-dritt li tagħti drittijiet lill-individwi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punt 42). Għal dak li jikkonċerna l-kundizzjoni li l-ksur ikun serju biżżejjed, il-kriterju deċiżiv li jippermetti li jiġi stabbilit li din hija sodisfatta huwa l-fatt li l-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata tkun injorat manifestament u serjament is-setgħa diskrezzjonali tagħha. Meta din l-istituzzjoni jkollha marġni ta' diskrezzjoni li jkun kunsiderevolment limitat, anki ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista' jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta' ksur serju biżżejjed (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Lulju 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, T-198/95, T-171/96, T-230/97, T-174/98 u T-225/99, Ġabra p. II-1975, punt 134; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Frar 2004, Afrikanische Frucht-Compagnie vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-64/01 u T-65/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 71).

1.     Sunt tal-motivi

78     Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, meta adottat u żammet fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2362/98 dwar il-ħruġ tal-liċenzji ta’ importazzjoni u ta’ l-allokazzjoni tal-kwoti tat-tariffi fost xi pajjiżi ta’ l-Amerika Latina, kisret diversi regoli legali maħsubin biex iħarsu l-individwi jew jagħtuhom drittijiet b’mod li l-Komunità tkun responsabbli skond l-Artikolu 235 KE.

79     Fir-rigward tal-ħruġ tal-liċenzji ta’ importazzjoni għall-banana li toriġina minn pajjiżi terzi, ir-rikorrenti targumenta li l-iskema ta’ l-1993 ħolqot mekkaniżmu maħsub biex idgħajjef il-pożizzjoni kompetittiva ta’ l-impriżi l-kbar li, bħar-rikorrenti, huma integrati vertikalment u speċjalizzati fil-kummerċ tal-banana mill-Amerika Latina. Fil-fatt l-iskema ta’ l-1993 kienet tat dawn il-liċenzji lil xi operaturi li l-attività tagħhom ma kinitx tikkonsisti fl-importazzjoni ta’ banana minn pajjiżi terzi. Il-kummerċjanti tal-banana tal-Komunità jew ta' l-AKP b’hekk kellhom 30% tal-liċenzji intiżi għall-importazzjoni ta’ banana ta’ pajjiż terz. Bl-istess mod min ix-xogħol tiegħu jikkonsisti fil-maturazzjoni rċieva ċertu numru minn dawn il-liċenzji. B’hekk l-iskema ta’ l-1993 kienet tat inċentiv lill-importaturi tal-banana ta’ pajjiżi terzi biex jixtru l-liċenzji ta’ min ix-xogħol tiegħu jikkonsisti fil-maturazzjoni u tal-kummerċjanti ta’ banana AKP u tal-Komunità. L-importaturi tal-banana ta’ pajjiżi terzi kienu ġew imħajra jittrasferixxu parti mir-riżorsi tagħhom lill-kompetituri tagħhom, u l-valur ta’ dawk il-liċenzji kien ta’ madwar EUR 200 kull tunnellata ta’ banana. Barra minn hekk, dan il-mekkaniżmu kien jippermetti lil xi operaturi, li sa dakinhar kienu speċjalizzati fil-kummerċ ta’ banana AKP, jimportaw banana direttament mill-Amerika Latina u jidħlu f’kompetizzjoni diretta mar-rikorrenti.

80     It-tibdil li ġabet magħha l-iskema ta’ l-1999 kien aggrava din is-sitwazzjoni. Ir-rikorrenti tosserva li r-Regolament Nru 2362/98 ma kienx aktar jirriżerva 30% tal-liċenzji għall-importaturi tal-banana AKP jew tal-Komunità, imma kien jaħdem skond is-sistema msejħa "ta’ ġestjoni komuni". Skond din is-sistema, il-liċenzji ta’ importazzjoni għall-kwoti tat-tariffi AKP u Stati terzi kienu jiġu amministrati b’mod konġunt. Il-liċenzji kienu allokati lill-operaturi skond il-kwantità ta’ banana effettivament importata matul kemm damet fis-seħħ l-iskema ta’ l-1993 (il-perijodu li għadda bejn l-1994 u l-1996, imsejjaħ "perijodu ta’ referenza"), indipendentement mill-oriġini tagħha. Din is-sistema, minbarra l-fatt li kienet ibbażata fuq perijodu ta’ referenza affettwat b’illegalitajiet stabbiliti fid-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta’ Settembru 1997, kellha bħala konsegwenza prattika żieda fit-talba għal-liċenzji ta’ importazzjoni ta’ pajjiżi terzi mingħand operaturi tradizzjonalment speċjalizzati fil-kummerċ ta’ banana ta' l-AKP jew tal-Komunità. B’hekk, il-kwantità ta’ banana li r-rikorrenti setgħet timporta kien f’livell aktar baxx mill-kwantità ta’ referenza li hija setgħet tistenna meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-volum ta’ l-importazzjonijiet tagħha ta’ qabel.

81     Fir-rigward ta’ l-allokazzjoni tal-kwoti tat-tariffi f’subkwoti nazzjonali, ir-rikorrenti tissottolinja li s-sors prinċipali ta’ l-importazzjonijiet tagħha huwa l-Panama. Hija tikkunsidra li l-iskema ta’ l-1993 kienet tirriżerva 49.40% tal-kwoti tat-tariffi ta’ pajjiżi terzi lill-firmatarji tal-ftehim magħmul fit-28 u d-29 ta’ Marzu 1994 bejn il-Komunità u r-Repubblika tal-Kolumbja, ir-Repubblika ta' Kosta Rika, ir-Repubblika tan-Nikaragwa u r-Repubblika tal-Veneżwela (aktar ‘il quddiem il-"Ftehim Qafas"), li l-Panama ma kinitx parti fih. Wara d-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta’ Settembru 1997, fejn kienet ikkunsidrata l-inkompatibbiltà ta’ din l-allokazzjoni ma’ l-Artikolu XIII tal-GATT ta’ l-1994, l-iskema ta’ l-1999 kienet emendat l-allokazzjoni tal-kwota tat-tariffa f’subkwoti nazzjonali. Il-kwota rriżervata għal Panama kienet ġiet iffissata għal 15.76%. Skond ir-rikorrenti, din l-allokazzjoni bejn il-pajjiżi ma kinitx iġġustifikata. Hija tgħid ukoll li kienet arbitrarja billi l-Kolumbja u Kosta Rika għandhom kwoti akbar mill-ishma tas-suq li huma setgħu jaspiraw għalihom fin-nuqqas ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi għall-kummerċ. Indipendentement mill-motiv li kien ispira l-allokazzjoni msemmija bejn il-pajjiżi, ir-rikorrenti tissottolinja li din l-allokazzjoni kienet ibbażata fuq il-kummerċ li sar meta l-iskema ta’ l-1993 kienet fis-seħħ. Kif intqal fir-rapport tal-Grupp Speċjali tas-6 ta’ April 1999, l-għażla ta’ dan il-perijodu ta’ referenza kellha l-konsegwenza li tipperpetwa d-diskriminazzjoni li tirriżulta mill-iskema ta’ l-1993 u identifikata fid-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta’ Settembru 1997.

82     Biex tintwera l-illegalità ta’ l-aġir tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti tressaq erba’ motivi, li jistgħu jingħadu fil-qosor kif ġej. L-ewwel huwa bbażat fuq il-ksur tar-regoli tal-WTO. It-tieni motiv għandu x’jaqsam mal-ksur tal-mandat mogħti mill-Kunsill lill-Kummissjoni għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1637/98. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji tal-bona fede u ta’ l-aspettattivi leġittimi fid-dritt internazzjonali.

2.     Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tar-regoli tal-WTO

 Fuq l-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza Nakajima

 L-argumenti tal-partijiet

83     Ir-rikorrenti tinvoka l-inkompatibbiltà tar-Regolament Nru 2362/98 mar-regoli tal-WTO, inkompatibbiltà li kienet diġà ġiet ikkonstatata fir-rapport tal-Grupp Speċjali tas-6 ta’ April 1999. Hija tafferma li, permezz ta' dan il-motiv, hija mhijiex tipprova tinvoka direttament ksur tar-regoli tal-WTO. Billi dawn ir-regoli m’għandhomx effett dirett, azzjoni għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali li hija bbażata direttament fuq il-ksur tar-regoli tal-WTO ma tistax tirnexxi (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2001, Bocchi Food Trade International vs Il-Kummissjoni, T-30/99, Ġabra p. II-943, punt 56 ; Cordis vs Il-Kummissjoni, T-18/99, Ġabra p. II-913, punt 51; T. Port vs Il-Kummissjoni, T-52/99, Ġabra p. II‑981, punt 51).

84     Ir-rikorrenti ssostni li dan il-motiv huwa bbażat fuq ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-qrati Komunitarji jistgħu jeżaminaw il-legalità ta’ miżura li tiġi adottata fid-dawl tar-regoli tal-WTO, fosthom il-GATT, fil-każ li "l-Komunità kellha l-intenzjoni li teżegwixxi obbligu partikolari li assumiet fl-ambitu tal-WTO, jew meta l-att Komunitarju jirriferi b’mod preċiż għad-dispożizzjonijiet tal-pattijiet ta' ftehim tal-WTO" [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Novembru 1999, Portugall vs Il-Kunsill, C-149/96, Ġabra p. I-8395, punt 49 ; ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 1998, L-Italja vs Il-Kunsill, C-352/96, Ġabra p. I-6937, aktar ‘il quddiem is-"sentenza L-Italja vs Il-Kunsill (Ross)", punt 19, u tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill C-280/93, Ġabra p. I-4973, aktar ‘il quddiem is-"sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (Banana)", punt 111]. L-oriġini ta’ dan il-prinċipju jmur lura għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1991, (Nakajima vs Il-Kunsill (C-69/89, Ġabra p. I‑2069; aktar ‘il quddiem: is-"sentenza Nakajima").

85     Biex ikun interpretat il-prinċipju li ħareġ mis-sentenza Nakajima, kif ippreċiżat sussegwentement u implementat mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti tal-Prim’Istanza (aktar ‘il quddiem il-"ġurisprudenza Nakajima"), ir-rikorrenti eżaminat, wara xulxin, ir-raġuni wara s-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq, il-kundizzjonijiet ta' applikabbiltà u r-rilevanza ta' l-imsemmija sentenza.

86     Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-raġuni wara l-ġurisprudenza Nakajima, ir-rikorrenti ssostni li l-idea li hemm warajha hija li tippermetti li jsir stħarriġ ġudizzjarju fid-dawl tar-regoli tal-WTO meta l-leġiżlatur tal-Komunità jkun iddeċieda li jeżegwixxi l-obbligi li joħorġu mill-istess regoli, sabiex b’hekk il-fatt li m'għandhomx effett dirett isir irrilevanti. Il-qrati Komunitarji ma jistħarrġux il-kompatibbiltà ta’ l-atti tal-Komunità mar-regoli tal-WTO, imma jivvalutawhom fir-rigward tad-deċiżjoni bażika li jitwettaq obbligu li joħroġ mir-regoli tal-WTO. Ir-rikorrenti, fil-fatt, tissottolinja li "f’dan il-każ, il-possibbiltà li jiġu invokati r-regoli tal-GATT m’hijiex ibbażata fuq l-effett dirett tagħhom, imma fuq l-eżistenza ta’ att Komunitarju li implementa dawn ir-regoli jew li esprima l-intenzjoni li japplikahom" (konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Tesauro għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 Ġunju 1998, Hermès, C-53/96, Ġabra p. I‑3603, I‑3606, nota f’qiegħ il-paġna nru 45).

87     Ir-rikorrenti tqis ukoll li l-ġurisprudenza Nakajima għandha tiġi kkunsidrata fil-perspettiva ġenerali ta’ l-effett dirett ta’ ftehim internazzjonali fis-sistema legali Komunitarja, effett li l-GATT u l-pattijiet ta' Ftehim tal-WTO m’għandhomx (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 1972, International Fruit Company et, 21/72 sa 24/72, Ġabra. p. 1219, u Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq).

88     Din is-sitwazzjoni ma teskludix kull stħarriġ ġudizzjarju dwar il-kompatibbiltà ta’ l-atti Komunitarji mar-regoli tal-GATT u mal-pattijiet ta' ftehim tal-WTO. Għall-kuntrarju, il-ġurisprudenza Nakajima tippermetti li jkun hemm stħarriġ ġudizzjarju strettament limitat, imma li huwa essenzjali għall-protezzjoni tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva [konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ottubru 2001, L-Olanda vs Il-Parlament u l-Kunsill (C-377/98, Ġabra p. I‑7079, I‑7084, aktar ‘il quddiem "is-sentenza Biotecnologies"].

89     Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Nakajima, ir-rikorrenti ssostni li dawn huma tnejn: l-ewwel, l-intenzjoni tal-Komunità li tikkonforma ruħha magħhom ("intention to comply"); it-tieni, "obbligu partikolari" li joħroġ mill-pattijiet ta' ftehim tal-WTO.

90     Ir-rikorrenti tispjega l-ewwel kundizzjoni permezz tal-fatt li, meta jkun jidher li l-Komunità għandha l-intenzjoni li tikkonforma ruħha mar-regoli tal-WTO, il-preokkupazzjonijiet li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teskludi l-effett dirett tal-pattijiet ta' ftehim tal-WTO jitilfu kull rilevanza. Il-Komunità ma tista’ qatt tiġi mġiegħla tapplika d-dritt tal-WTO kontra l-volontà tagħha u l-ġurisprudenza Nakajima bl-ebda mod ma tpoġġi dan il-prinċipju fid-dubju.

91     L-obbligu li joħroġ mid-dritt tal-WTO li l-Komunità kellha l-intenzjoni li tikkonforma ruħha miegħu għandu wkoll jikkostitwixxi "obbligu partikolari"; dan l-obbligu għandu jkun "ċar u preċiż biżżejjed" biex il-qorti tkun tista’ tapplikah.

92     Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti tikkontesta erba’ interpretazzjonijiet konkurrenti maħsubin biex jillimitaw il-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni tal-ġurisprudenza Nakajima.

93     Fl-ewwel lok, ikun żbaljat, fid-dritt, li tiġi limitata l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza Nakajima għall-każijiet biss meta l-att Komunitarju partikolari jirriferi espliċitament għal dispożizzjoni speċifika tal-GATT jew tal-pattijiet ta' ftehim tal-WTO. Ir-rikorrenti tikkunsidra fil-fatt li din l-interpretazzjoni tħawwad iċ-ċirkustanzi tas-sentenza Nakajima ma’ dawk tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 1989, Fediol vs Il-Kummissjoni (70/87, Ġabra, p. 1781), li effettivament tirrigwarda referenza espliċita għad-dispożizzjonijiet tal-GATT jew tal-pattijiet ta' ftehim tal-WTO. Il-kundizzjoni ta’ l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Nakajima hija l-"intenzjoni li jiġi implementat obbligu partikolari" taħt il-GATT jew il-pattijiet ta' ftehim tal-WTO. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li, fis-sentenza Nakajima, l-att Komunitarju in kwistjoni ma kienx jirriferi għal dispożizzjoni speċifika tal-GATT.

94     Ċertament, xi kultant il-ġurisprudenza tirreferi għas-sentenzi Nakajima u Fediol vs Il-Kummissjoni, iċċitati aktar 'il fuq, flimkien meta ssemmi r-regola li l-qorti hija kompetenti li tistħarreġ il-legalità ta’ att Komunitarju fid-dawl tar-regoli tal-GATT u tal-pattijiet ta' ftehim tal-WTO, minkejja li ma jipproduċux effetti diretti. Iżda, jibqa’ l-fatt li kull waħda minn dawn iż-żewġ sentenzi tirrigwarda kundizzjonijiet differenti ta’ applikabbiltà ta' l-imsemmija regola (konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Saggio għas-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq, Ġabra p. I-8397, nota f’qiegħ il-paġna nru 20).

95     Ir-rikorrenti żżid tgħid li l-idea li l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza Nakajima tista’ tkun suġġetta għall-eżistenza ta’ referenza speċifika għad-dispożizzjonijiet tal-GATT jew tal-pattijiet ta' ftehim tal-WTO hija assurda. Fil-fatt, l-istħarriġ ġudizzjarju ma jistax jiddependi minn kundizzjoni formali li titħalla biss f'idejn l-istituzzjoni kkonċernata. Kundizzjoni bħal din tkun inkompatibbli ma’ l-istat tad-dritt.

96     Fit-tieni lok, ir-rikorrenti targumenta li huwa żbaljat, fid-dritt, li tiġi limitata l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza Nakajima għall-każijiet meta l-obbligu taħt il-GATT jew il-pattijiet ta' ftehim tal-WTO jiġi fformulat b’mod pożittiv.

97     L-ewwel nett, dan ir-rekwiżit huwa artifiċjali, għaliex kull obbligu pożittiv jista’ jiġi ppreżentat fil-forma ta’ projbizzjoni, bħall-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta' non-diskriminazzjoni. Ir-rikorrenti tisħaq ukoll li l-Artikoli II:1, u XVII tal-GATS, kif ukoll l-Artikolu XIII tal-GATT ta’ l-1994, rilevanti f’dan il-każ, fihom kollha obbligi pożittivi. Fl-aħħar, din il-limitazzjoni hija inkompatibbli mas-sentenza Nakajima, li kienet tirrigwarda l-kompatibbiltà tar-regoli Komunitarji ta’ l-antidumping ma’ l-Artikolu 1 tal-Ftehim dwar l-implementazzjoni ta’ l-Artikolu VI tal-GATT, approvat, f’isem il-Komunità, b’Deċiżjoni tal-Kunsill 80/271/KEE, ta’ l-10 ta’ Diċembru 1979, dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim Multilaterali li jirriżultaw min-negozjati kummerċjali bejn l-1973 u l-1979 (ĠU L 71, p. 1; aktar ‘il quddiem il-"Kodiċi Antidumping ta’ l-1979"). Din id-dispożizzjoni fiha obbligu negattiv, li jipprojbixxi lill-partijiet kontraenti milli jimponu dazji antidumping mingħajr ma jiġu rrispettati r-regoli tal-Kodiċi Antidumping ta’ l-1979.

98     Fit-tielet lok, huwa żbaljat, fid-dritt, li l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza Nakajima tiġi limitata għall-każijiet meta l-obbligu jirriżulta mill-GATT jew mill-pattijiet ta' ftehim tal-WTO li jkun ġie inkorporat jew traspost fl-att Komunitarju in kwistjoni. Ir-rikorrenti fil-fatt tissottolinja li din l-interpretazzjoni mhija bbażata fuq l-ebda deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Hija tirrikonoxxi li, fil-kuntest tal-proċeduri antidumping, il-Kodiċi Antidumping ta’ l-1979 kien ġie traspost fid-dritt Komunitarju. Iżda, hija tikkontesta li dan waħdu jippermetti li tiġi sostenuta l-propożizzjoni ġenerali li l-ġurisprudenza Nakajima tapplika biss meta l-att Komunitarju kkontestat jittrasponi regola stabbilita fil-GATT jew fil-pattijiet ta' ftehim tal-WTO. Din il-propożizzjoni hija kontradetta fis-sentenza L-Italja vs Il-Kunsill (Ross) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja applikat il-ġurisprudenza Nakajima minkejja li l-Komunità ma kinitx ittrasponiet l-Artikolu XXIV: 6 tal-GATT fid-dritt Komunitarju.

99     Fir-raba’ lok, huwa żbaljat, fid-dritt, li tiġi limitata l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza Nakajima għall-każijiet biss meta l-konformità mar-regoli maħruġin mill-GATT jew mill-pattijiet ta' ftehim tal-WTO tikkostitwixxi l-uniku għan li l-att Komunitarju in kwistjoni jipprova jilħaq. Billi dawn il-każijiet huma rari ħafna, ir-rikorrenti tikkunsidra li din l-interpretazzjoni tirrendi l-ġurisprudenza Nakajima mingħajr sinjifikat. Hija tikkunsidra li din il-ġurisprudenza tapplika wkoll meta l-att ikkontestat jipprova jilħaq diversi għanijiet kontradittorji, billi l-uniku limitu impost fuq il-qorti huwa li ma jintilifx il-bilanċ li l-leġiżlatur ikun ħoloq.

100   Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-interpretazzjoni tagħha tal-ġurisprudenza Nakajima mhix affettwata bis-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ċaħdet l-argument ta’ l-effett dirett tal-pattijiet ta' ftehim tal-WTO għal raġuni ta’ politika ġudizzjarja. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet kkunsidrat li, jekk tilqa’ dak l-argument, il-Komunità kienet tiċċaħħad unilateralment mill-"possibbiltà ta’ manuvra" fl-ambitu tal-WTO, mingħajr ma ebda parti kontraenti oħra tkun daħlet f’impenn reċiproku fil-konfront tal-Komunità.

101   Ir-rikorrenti fil-fatt tikkunsidra li l-ġurisprudenza Nakajima ssir bla sinjifikat jekk ikollha tiġi suġġetta għall-kundizzjoni ta’ reċiproċità li ġiet enfasizzata fis-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq. Hija tfakkar li r-raġuni wara l-ġurisprudenza Nakajima għandha x’taqsam proprju mal-fatt li hija tqis esklużivament, mid-definizzjoni tagħha stess, il-każijiet biss li fihom l-Komunità ma jkollhiex aktar "possibbiltà ta’ manuvra", safejn hija tiddeċiedi li timplementa r-regoli li joħorġu mill-GATT jew mill-pattijiet ta' ftehim tal-WTO.

102   Skond ir-rikorrenti, m’hemmx għalfejn ikun hemm il-biża’ li interpretazzjoni bħal din ser tagħti lok għal ruxmata rikorsi kull darba l-Komunità ma timxix skond deċiżjoni tad-DSB, għaliex dawk ir-rikorsi jibqgħu suġġetti għall-kundizzjoni li l-Komunità tkun iddeċidiet b’mod ċar li timplementa obbligu taħt il-pattijiet ta' ftehim tal-WTO. Iċ-ċirkustanzi li fihom il-qorti Komunitarja tista’ tapplika l-ġurisprudenza Nakajima huma għalhekk limitati. Fil-prattika, dawn jirrigwardaw il-każijiet biss meta l-Kunsill ikun iddeċieda b’mod ċar li jimplementa deċiżjoni tal-korpi tal-WTO li tkun ir-riżultat ta' riżoluzzjoni ta' tilwima, iżda l-implementazzjoni ta' din id-deċiżjoni fis-sistema legali Komunitarja tkun tidher li hija kuntrarja għall-għan tal-Kunsill.

103   F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinsisti fuq iċ-ċirkustanzi li jiddistingwu dan il-każ mill-kwistjoni ta’ l-"Ormoni taċ-Ċanga" (Rapport tal-Bord ta’ l-Appell tas-16 ta’ Jannar 1998, WT/DS26/AB/R WT/DS48/AB/R, adottat fit-13 ta’ Frar 1998 mid-DSB), mibgħut lill-WTO. F’dak il-każ, il-Komunità kienet iddeċidiet b’mod ċar li ma temendax il-leġiżlazzjoni tagħha biex tikkonforma mad-deċiżjonijiet meħudin fit-tmiem tal-proċedura ta' riżoluzzjoni ta’ tilwima tal-WTO. Billi ma waslitx għal soluzzjoni nnegozjata dwar l-ammont tal-kumpens, il-Komunità ddeċidiet li tesponi lilha nnifisha għal miżuri ritaljatorji min-naħa tal-parti rebbieħa, jiġifieri l-Istati Uniti ta’ l-Amerika. F’dan il-każ, il-Komunità ma kinitx iddeċidiet li żżomm fis-seħħ l-aspetti ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-banana ddikjarati mhux kompatibbli ma’ l-obbligi tagħha skond l-pattijiet ta' ftehim tal-WTO. Għall-kuntrarju, hija kienet indikat b’mod ċar li kellha l-intenzjoni tikkonforma ruħha mad-deċiżjonijiet meħudin mill-Korpi għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-WTO.

104   Il-Kummissjoni tiċħad din l-interpretazzjoni tas-sentenza Nakajima. L-istituzzjoni tfakkar li, minkejja l-karattru monista tas-sistema legali Komunitarja, il-ġurisprudenza ċaħdet konsistentement it-teżi ta’ l-effett dirett tal-pattijiet ta' ftehim tal-WTO (sentenzi International Fruit Company et u Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitati aktar 'il fuq). Rapport tad-DSB jista’ jittieħed in kunsiderazzjoni biss sabiex tiġi vverifikata l-kompatibbiltà ta’ regola Komunitarja ma’ regola tal-WTO jekk l-obbligu warajha għandu effett dirett (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il-Komunità Ewropea, C‑104/97 P, Ġabra p. I‑6983, punt 20).

105   Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll l-interpretazzjoni tar-rikorrenti tal-kundizzjonijiet ta’ applikabbiltà tal-ġurisprudenza Nakajima.

106   Kuntrarjament għal dak li qalet ir-rikorrenti, l-ewwel kundizzjoni mhijiex l-intenzjoni "li wieħed jikkonforma ruħu" ("to comply"), imma li "iwettaq" ("to implement") obbligu partikolari (sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq, punt 49). Dawn l-espressjonijiet m’humiex ekwivalenti: "li wieħed jikkonforma ruħu" għandha tifsira ferm aktar wiesgħa minn "iwettaq". Jiġri ta’ spiss li Stat jew il-Komunità jkollhom il-ħsieb li jikkonformaw ruħhom ma’ ċerti obbligi, mingħajr madankollu ma jwettquhom.

107   Il-Kummissjoni tikkontesta l-interpretazzjoni tat-tieni kundizzjoni dwar il-ħtieġa li jkun hemm "obbligu partikolari". Obbligu huwa "partikolari" b’kuntrast ma’ obbligu "ġenerali".

108   Il-Kummissjoni ssostni li, minħabba n-natura restrittiva ta' dawn il-kundizzjonijiet, huma rari l-eżempji ta’ applikazzjoni tal-ġurisprudenza Nakajima. Dawn l-eżempji jirrigwardaw, fl-ewwel lok, rikorsi kontra r-regolamenti dwar l-antidumping (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, NMB vs Il-Kummissjoni, C-188/88, Ġabra. p. I-1689 ; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Mejju 1995, NTN Corporation u Koyo Seiko vs Il-Kunsill, T-163/94 u T-165/94, Ġabra p. II-1381; tal-5 ta’ Ġunju 1996, NMB vs Franza et vs Il-Kummissjoni, T-162/94, Ġabra p. II-427 u tal-15 ta’ Diċembru 1999, Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, T-33/98 u T-34/98, Ġabra p. II-3837, punt 105). L-uniku eżempju ta’ applikazzjoni tal-ġurisprudenza Nakajima barra l-qasam antidumping huwa L-Italja vs Il-Kunsill (Ross). Kull tentattiv ieħor għall-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Nakajima fallew [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Diċembru 2001, Kloosterboer Rotterdam, C-317/99, Ġabra p. I‑9863, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (Banana) u Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq; is-sentenzi Bocchi Food Trade International vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, Cordis vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, u ta' l-20 ta’ Marzu 2001, T. Port vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq].

109   Skond il-Kummissjoni, l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Nakajima teħtieġ li jkunu sodisfatti erba’ kundizzjonijiet.

110   Fl-ewwel lok, l-"obbligu partikolari" in kwistjoni għandu jkun obbligu pożittiv ta’ aġir partikolari. Il-Kodiċijiet Antidumping tal-GATT huma eżempju ta’ dan it-tip ta’ obbligu. Rakkomandazzjoni jew deċiżjoni tad-DSB ma tistax tikkostitwixxi "obbligu partikolari", għaliex hija timponi biss obbligu ġenerali li att isir konformi mar-regoli tal-WTO. Fil-fatt, hija l-parti kontraenti in kwistjoni li tiddeċiedi l-miżuri maħsubin biex jiggarantixxu l-konformità tas-sistema legali tagħha ma' dawn ir-regoli.

111   Fit-tieni lok, il-ġurisprudenza Nakajima hija applikabbli esklużivament meta l-att Komunitarju msemmi jinkorpora jew jittrasponi fis-sistema legali Komunitarja "obbligu partikolari" assunt fil-kuntest tal-WTO. Din l-interpretazzjoni toħroġ direttament mill-espressjoni "iwettaq".

112   Fit-tielet lok, biex il-ġurisprudenza Nakajima tkun applikabbli jeħtieġ ukoll li l-leġiżlatur Komunitarju ma jsegwix diversi għanijiet kontradittorji.

113   Fir-raba’ lok, il-ġurisprudenza Nakajima teħtieġ ukoll li l-att Komunitarju in kwistjoni jirriferi espressament għall-obbligi partikolari li joħorġu mid-dritt tal-WTO li jkun hemm ħsieb li ser jitwettqu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

114   Fid-dawl tan-natura u l-iskema ġenerali tagħhom, il-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO u l-annessi tiegħu, mhumiex, bħala prinċipju, fost ir-regoli li bihom il-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ il-legalità ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji (sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq, punt 47). Dawn it-testi m’humiex ta’ natura li joħolqu drittijiet għall-individwi, li dawn jistgħu jinvokaw direttament quddiem qorti bis-saħħa tad-dritt Komunitarju (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000, Dior et,C-300/98 u C-392/98, Ġabra p. I‑11307, punt 44).

115   Huwa biss fil-każ li l-Komunità jkolla l-intenzjoni li twettaq obbligu partikolari assunt fl-ambitu tal-WTO, jew fil-każ li l-att Komunitarju jirriferi espressament għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-pattijiet ta' ftehim inklużi fl-annessi tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO, li l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza jistħarrġu l-legalità ta’ l-att Komunitarju in kwistjoni fid-dawl tar-regoli tal-WTO (ara s-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq, punt 49).

116   Ir-rikorrenti qed tiddependi esklużivament fuq l-ewwel waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet. Hija tgħid li billi adottat ir-Regolament Nru 1637/98, li l-miżuri ta’ implementazzjoni tiegħu huma stabbiliti fir-Regolament Nru 2362/98, il-Komunità riedet twettaq obbligu partikolari assunt fl-ambitu tal-WTO skond il-ġurisprudenza li ħarġet mis-sentenza Nakajima.

117   Ir-regola li toħroġ mis-sentenza Nakajima hija maħsuba, eċċezzjonalment, biex tippermetti lil individwu li jinvoka, b’mod indirett, il-ksur min-naħa tal-Komunità jew ta’ l-istituzzjonijiet tagħha ta’ regoli tal-GATT jew tal-pattijiet ta' ftehim tal-WTO. Bħala eċċezzjoni għall-prinċipju li l-individwi ma jistgħux jinvokaw direttament id-dispożizzjonijiet tal-pattijiet ta' ftehim tal-WTO quddiem il-qorti Komunitarja, din ir-regola għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv.

118   F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, billi dawn huma rikorsi mressqin minn individwi, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza ma applikawx il-prinċipju li joħroġ mis-sentenza Nakajima f’kuntest differenti ħlief dak ta’ l-istħarriġ indirett tal-konformità tar-regolamenti bażiċi ta' antidumping mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċijiet Antidumping ta’ l-1979 u ta’ l-1994 [Ftehim dwar l-implementazzjoni ta’ l-Artikolu VI tal-GATT ta’ l-1994; id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x'jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta' negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, p. 1), Anness 1 A].

119   Il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-fatt, f’diversi okkażjonijiet, eżaminaw motivi dwar il-kompatibbiltà tar-regolamenti ta' antidumping mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċijiet Antidumping (sentenzi tal-Qorti tat-13 ta’ Frar 1992, Goldstar vs Il-Kunsill, C-105/90, Ġabra p. I-677, punti 31 et seq; NMB vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 23; sentenzi NTN Corporation vs Il-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq, punt 65, u NMB France et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 99) u, darbtejn laqgħu dawn il-motivi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, C-76/00 P, Ġabra p. I-79, punti 52 et seq, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Jannar 2000, BEUC vs Il-Kummissjoni, T-256/97, Ġabra p. II‑101, punti 63 et seq).

120   Iżda, barra mill-kuntest partikolari ta’ kwistjonijiet fuq l-antidumping, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdu l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza li ħarġet minn Nakajima. Il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza, b’dan il-mod, irrifjutaw li jistħarrġu l-legalità ta’ att Komunitarju fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-pattijiet ta' ftehim tal-WTO fil-kuntest tar-rikorsi mressqin minn individwi li jikkontestaw uħud mill-aspetti ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-banana (digriet tal-Qorti tat-2 ta’ Mejju 2001, OGT Fruchthandelsgesellschaft, C-307/99, Ġabra p. I-3159; sentenzi Cordis vs Il-Kummissjoni, Bocchi Food Trade International vs Il-Kummissjoni, u ta’ l-20 ta’ Marzu 2001, T. Port vs Il-Kummissjoni, iċċitati aktar 'il fuq), u tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar l-għoti ta’ sostanzi ormonali lill-annimali mrobbija f'irziezet (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Jannar 2002, Biret International vs Il-Kunsill, T-174/00, Ġabra. p. II-17, u Biret u Cie vs Il-Kunsill, T-210/00, Ġabra p. II‑47).

121   Għandu jiġi ssottolinjat li, fis-settur antidumping, kull Ftehim tal-GATT u li jistabbilixxi l-WTO jimponu direttament fuq kull parti kontraenti l-obbligu li jadattaw ir-regoli nazzjonali tagħha biex jirriflettu l-kontenut tal-ftehim imsemmi. Fil-fatt, il-Kodiċi Antidumping ta’ l-1979, fl-Artikolu 16(6)(a), bl-isem "Leġiżlazzjoni nazzjonali", kien jirrikjedi li l-partijiet kontraenti "jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, ta’ natura ġenerali jew partikolari, biex jiggarantixu, mhux aktar tard mid-data li fiha dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ, il-konformità tal-liġijiet, regolamenti u proċeduri amministrattivi tagħha mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim stess, safejn jistgħu japplikaw għall-parti in kwistjoni" (Deċiżjoni 80/271). Il-Kodiċi Antidumping ta’ l-1994 jistabbilixxi dispożizzjonijiet simili fl-Artikolu 18(4).

122   Sabiex jiġu sodisfatti dawn l-obbligi, il-Kunsill emenda l-leġiżlazzjoni applikabbli fil-proċeduri ta’ antidumping. Fil-fatt, wara l-adozzjoni tal-Kodiċi Antidumping ta’ l-1979, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 3017/79 (KEE), ta’ l-20 ta’ Diċembru 1979, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma r-riżultat ta' dumping jew ta’ sussidji minn naħa ta’ pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU L 339, p. 1). Jidher, l-aktar fil-preambolu (it-tielet u r-raba’ premessi) ta’ l-imsemmi regolament, li kien meħtieġ li jkunu emendati r-regoli Komunitarji fir-rigward tal-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma r-riżultat ta' dumping fid-dawl tal-pattijiet ta' ftehim wara n-negozjati kummerċjali multilaterali konklużi fl-1970 fl-aħħar tat-Tokyo Round, peress li l-Kunsill ikkunsidra li kien "essenzjali li, għall-finijiet li jinżamm il-bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi li kull ftehim imsemmi ried joħoloq, il-Komunità tqis l-interpretazzjoni taghħom min-naħa tas-soċji ewlenin kummerċjali tagħha kif jirriżulta mill-leġiżlazzjoni jew mill-prattika fis-seħħ". Il-preambolu tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2423/88 (KEE), tal-11 ta’ Lulju 1988, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma r-riżultat ta' dumping jew ta’ sussidji min-naħa ta’ pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU L 209, p.1), li l-konformità tiegħu mal-Kodiċi Antidumping ta’ l-1979 kienet ikkontestata fil-kawża li wasslet għas-sentenza Nakajima, kien fih dispożizzjonijiet identiċi u kien ifakkar ukoll li s-sistema komuni ta' protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma r-riżultat ta' dumping "kienet saret skond l-obbligi internazzjonali eżistenti", partikolarment dawk li jirriżultaw mill-Artikolu VI tal-GATT u mill-Kodiċi Antidumping ta’ l-1979. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

123   Bl-istess mod, wara l-konklużjoni tal-Kodiċi Antidumping ta’ l-1979, il-Komunità emendat ir-regoli tagħha interni dwar il-proċeduri antidumping bl-adozzjoni suċċessiva tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3283/94, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma r-riżultat ta' dumping min-naħa ta’ pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 349, p 1), u mbagħad ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma r-riżultat ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 56, 1996, p 1). Il-preambolu tar-Regolament Nru 3283/94 jindika li, wara n-negozjati kummerċjali multilaterali konklużi fl-1994, "jeħtieġ […] li jiġu emendati r-regoli Komunitarji fid-dawl tad-dispożizzjonijiet il-ġodda" (it-tielet premessa). Il-preambolu jippreċiża li, għall-finijiet li jinżamm "il-bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi li joħorġu mill-Ftehim tal-GATT", huwa "essenzjali li [...] il-Komunità tieħu in kunsiderazzjoni l-interpretazzjoni tagħhom mis-soċji kummerċjali ewlenin tagħha" (ir-raba’ premessa). Huwa jistabbilixxi wkoll li "minħabba l-portata ta’ l-emendi [li jirriżultaw mill-Kodiċi Antidumping ta’ l-1994] u għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni adegwata u trasparenti tar-regoli l-ġodda, jeħtieġ li, kemm jista’ jkun, jiġi traspost il-lingwaġġ tal-ftehim il-ġdid fil-leġiżlazzjoni Komunitarja" (il-ħames premessa). Dawn id-dispożizzjonijiet inżammu fil-preambolu tar-Regolament Nru 384/96 li kien rilevanti għas-sentenza tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, iċċitata aktar 'il. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

124   Ir-rikorrenti ssostni, b’mod korrett, li l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza Nakajima mhijiex, a priori, limitata għas-settur antidumping. Hija tista' tapplika f’setturi oħrajn irregolati minn dispożizzjonijiet tal-pattijiet ta' ftehim tal-WTO, kemm-il darba n-natura u l-kontenut tal-pattijiet ta' ftehim imsemmija u tad-dispożizzjonijiet Komunitarji, li l-legalità tagħhom qed tiġi kkontestata, ikunu komparabbli ma’ dawk li għadhom kif issemmew fir-rigward tal-Kodiċijiet Antidumping tal-GATT u tar-regolamenti li jiggarantixxu t-traspożizzjoni tagħhom fid-dritt Komunitarju.

125   Għalhekk għandu jkun ikkunsidrat li l-kundizzjoni għall-applikabbiltà tal-ġurisprudenza Nakajima – li tistabbilixxi li l-att Komunitarju li l-legalità tiegħu tkun ikkontestata kellu jkun ġie adottat bl-iskop li "jwettaq obbligu partikolari assunt fl-ambitu tal-WTO" – jeħtieġ, b’mod partikolari, li dan l-att jiggarantixxi t-traspożizzjoni fid-dritt Komunitarju ta’ regoli li joħorġu mill-pattijiet ta' ftehim tal-WTO.

126   Dwar il-kwistjoni jekk, kif allegat mir-rikorrenti, is-sentenza L-Italja vs Il-Kunsill (Ross) tiċħadx din l-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza Nakajima, din il-Qorti tikkunsidra li dan mhuwiex il-każ. Fil-fatt, fil-kawża li fiha ngħatat din is-sentenza ġie kkontestat regolament Komunitarju li sar sabiex japplika l-ftehim bilaterali konkluż ma’ Stati terzi wara negozjati mmexxija fuq il-bażi ta’ l-Artikolu XXIV: 6 tal-GATT. Skond dak il-ftehim, il-Komunità impenjat ruħha li tiftaħ kwoti tat-tariffi tar-ross għall-benefiċċju ta' dawn l-Istati terzi. Ir-regolament li kien is-suġġett ta' dik il-kawża [ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1522/96, ta’ l-24 ta’ Lulju 1996, dwar il-ftuħ u l-immaniġġjar ta’ wħud mill-kwoti tat-tariffi għall-importazzjoni tar-ross u r-ross miksur (ĠU L 190, p 1)] kellu għalhekk bħala suġġett it-traspożizzjoni ta’ regoli minn ftehim bilaterali magħmul wara negozjati fl-ambitu tal-GATT. Għalhekk kien intiż biex iwettaq "obbligu speċifiku fl-ambitu tal-GATT" [sentenza L-Italja vs Il-Kunsill (Ross), punt 20].

127   Huwa fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi vverifikat jekk il-ġurisprudenza Nakajima hijiex applikabbli fil-każ partikolari.

 Fuq l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza Nakajima f’dan il-każ

 L-argumenti tal-partijiet

128   Ir-rikorrenti tallega li l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-ġurisprudenza huma sodisfatti f’dan il-każ u tinsisti, f’dak ir-rigward, fuq id-differenzi bejn din il-kawża u dik li tat lok għas-sentenza Bocchi Food Trade International vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq.

129   Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-kundizzjoni ta’ l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza Nakajima li tirrigwarda l-"intenzjoni li wieħed jikkonforma ruħu" mar-regoli tal-WTO, hija sodisfatta. Hija tikkunsidra li, meta, fl-1998, il-Komunità ddeċidiet li timmodifika l-iskema ta’ l-1993, il-ħsieb tagħha kien li tikkonforma mad-deċiżjonijiet tal-korpi tal-WTO.

130   Bħala prova ta’ l-intenzjoni tal-Komunità, ir-rikorrenti tippreżenta l-elementi li ġejjin.

131   L-ewwel, hija targumenta li fis-16 ta’ Ottubru 1997 il-Komunità ddikjarat, waqt laqgħa tad-DSB tal-WTO, li kienet "irrispettat kompletament l-obbligi internazzjonali tagħha fir-rigward ta’ din il-kwistjoni".

132   It-tieni, ir-rikorrenti ssemmi l-preambolu tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1637/98, li jgħid dan li ġej:

"Billi għadd ta’ bdil huwa meħtieġ fid-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi li jinsabu fit-Titolu IV tar-Regolament (KEE) Nru 404/93;

Billi r-rabtiet internazzjonali tal-Komunità taħt l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ [WTO] u mal-firmatarji tar-Raba’ Konvenzjoni AKP-KE għandhom jitħarsu, filwaqt li jinkisbu fl-istess waqt l-għanijiet ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana".

133   It-tielet, l-Artikolu 20(e) tar-Regolament Nru 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 1637/98, jimponi fuq il-Kummissjoni li tadotta "l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat rispett lejn l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-ftehim miksub mill-Komunità skond l-Artikolu 228 tat-Trattat".

134   Ir-raba’, ir-rikorrenti tosserva li kull ftehim tal-WTO huwa ftehim konkluż mill-Komunità fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 300 KE.

135   Il-ħames, ir-rikorrenti tfakkar li fil-memorandum ta' spjegazzjoni anness mal-proposta li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1637/98, il-Kummissjoni ddikjarat li:

"(1) Id-[DSB] tal-[WTO] iddeċieda li wħud mid-dispożizzjonijiet rigward l-importazzjonijiet ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-banana jiksru r-regoli tal-GATT u tal-GATS. Il-ksur jirrigwarda l-liċenzji ta’ importazzjoni, l-allokazzjoni attwali tal-kwoti tat-tariffi u aspetti oħrajn tal-Ftehim Qafas dwar il-banana, inluż il-ħruġ ta’ liċenzji ta’ importazzjoni fil-pajjiżi firmatarji u ċerti kwantitajiet iffissati għall-importazzjonijiet tradizzjonali mill-Istati AKP.

(2) Aspetti oħrajn ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-banana mhumiex qed jitpoġġew fid-dubju. Dawn jinkludu d-daqs tal-kwoti tat-tariffi u r-rati tat-tariffi tal-kwoti u mhux tal-kwoti konnessi ma’ l-impenji tagħna fil-konfront tal-GATT, il-preferenza għall-importazzjonijiet tradizzjonali u t-trattament fit-tariffa preferenzjali għall-importazzjonijiet mhux tradizzjonali li jiġu mill-pajjiżi AKP, u l-iskema ta’ għajnuna għall-produtturi Komunitarji.

(3) Għalhekk hemm bżonn li l-Kunsill jintalab jemenda r-Regolament (KEE) Nru 404/93 biex jadattah għall-impenji internazzjonali tagħna fl-ambitu tal-WTO u tar-raba’ Konvenzjoni ta’ Lomé, waqt li tinżamm l-għajnuna għal min jkabbar il-banana fil-Komunità u offerta adegwata fis-suq li tħares l-interessi tal-konsumaturi". [traduzzjoni mhux ufficiali]

136   Is-sitta, ir-rikorrenti tirriferi għad-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1999, Van Parys et vs Il-Kummissjoni (T-11/99, Ġabra p. II‑2653, punt 6), fejn ġie deċiż dan li ġej:

"Wara li d-[DSB] tal-[WTO] kien iddikjara xi aspetti ta’ l-imsemmija skema ta’ importazzjoni tal-banana fil-Komunità inkompatibbli mar-regoli tal-WTO, ġew adottati r-Regolament [Nru 1637/98], kif ukoll ir-Regolament [Nru 2362/98], b’mod partikolari, biex tiġi eliminata din l-inkompatibbiltà".

137   Is-seba’, fl-10 ta’ Novembru 1998 is-Sur Santer, il-President tal-Kummissjoni, kiteb lill-President Clinton, dwar ir-Regolamenti Nru 1637/98 u Nru 2362/98:

"Wara d-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell tal-WTO, l-Unjoni Ewropea ħadet il-passi neċessarji sabiex l-iskema tagħha ta’ importazzjoni tkun konformi mar-regoli tal-WTO sa l-1 ta’ Jannar 1999". [traduzzjoni mhux ufficiali]

138   It-tmienja, ir-rikorrenti tfakkar li fis-27 ta’ Jannar 1999, is-Sur L. Brittan, dak iż-żmien il-Kummissarji għall-Kompetizzjoni, f’risposta għad-domanda bil-miktub P-4069/1998 ta’ Yvonne Sandberg-Fries, membru tal-Parlament, (ĠU C 182, p. 188), qal li:

"Il-Komunità wettqet ir-rakkomandazzjonijiet magħmulin, fil-25 ta’ Settembru 1997, mid-[DSB] tal-[WTO], dwar is-settur tal-banana u implementat id-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex l-iskema Komunitarja tal-banana tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-WTO. Fl-20 ta’ Lulju 1998, il-Kunsill adotta r-Regolament [Nru 1637/98]. Fit-28 ta’ Ottubru 1998, il-Kummissjoni adottat ir- Regolament [Nru 2362/98]. Dawn id-dispożizzjonijiet ittieħdu matul il-perijodu raġonevoli ta’ żmien għall-implementazzjoni, li skada fl-1 ta’ Jannar 1999". [traduzzjoni mhux ufficiali]

139   Id-disa’, ir-rikorrenti tfakkar fid-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-memorandum ta' spjegazzjoni tagħha ta’ l-10 ta’ Novembru 1999 anness ma’ proposta għal emenda tar-Regolament Nru 404/93 [COM(1999) 582, ta' l-10 ta’ Novembru 1999], li jgħidu li:

"Wara deċiżjoni adottata mid-[DSB] tal-[WTO] fl-1997, il-Kunsill adotta, fl-20 ta’ Lulju 1998, ir-Regolament [Nru 1637/98], biex l-elementi ta’ l-iskema ta’ importazzjoni meqjusin bħala inkompatibbli mar-regoli tal-WTO jsiru konformi ma’ l-obbligi tagħna fil-konfront tal-WTO, filwaqt li jitħarsu l-għanijiet l-oħra tal-Komunità". [traduzzjoni mhux ufficiali]

140   L-għaxra, ir-rikorrenti ssostni li f’nota ta’ l-10 ta’ Novembru 1999, ippreżentata mill-Komunità fil-kawża "L-Istati Uniti – Miżuri dwar l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti li jiġu mill-Komunità Ewropea", li tat lok għar-rapport tal-Grupp Speċjali tas-17 ta’ Lulju 2000, WT/DS165/R, il-Komunità ddikjarat li:

"3. Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament [Nru 1637/98]. Ir-Regolament Nru 1637/98 daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Lulju 1998 u kien applikabbli mill-1 ta’ Jannar 1999. Il-Kummissjoni Ewropea, permezz tal-poteri li l-Kunsill iddelegalha, adottat ir-Regolament [Nru 2362/98]. Dan daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1998 u kien applikabbli fil-partijiet kollha tiegħu mill-1 ta’ Jannar 1999.

4. L-emendi li daħħlu dawn ir-regolamenti ħolqu sistema ta' regoli kompletament ġdida, li tirrigwarda speċifikament l-elementi ta' l-iskema ta' qabel tal-banana, li kienet meqjusa bħala inkompatibbli mar-regoli tal-WTO fl-ambitu tal-GATT u tal-GATS". [traduzzjoni mhux ufficiali]

141   Il-ħdax, ir-rikorrenti tfakkar li f’dokument pubbliku tal-5 ta’ Mejju 2000 dwar il-kontroversja fuq il-banana, il-Kummissjoni ddikjarat dan li ġej:

"Pascal Lamy osserva li l-UE kellha politika waħda f’din il-kwistjoni: dik li tikkonforma mad-deċiżjoni tal-WTO". [traduzzjoni mhux ufficiali]

142   Fit-tieni lok, rigward il-kundizzjoni ta’ l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza Nakajima li tirrigwarda l-eżistenza ta’ "obbligu partikolari" assunt fl-ambitu tal-pattijiet ta' ftehim tal-WTO, ir-rikorrenti tikkunsidra li din ukoll ġiet sodisfatta. Wara diversi proċeduri għas-soluzzjoni ta’ tilwim fl-ambitu tal-WTO, l-obbligi tal-Komunità huma ċari u magħrufin sewwa għal dak li jirrigwarda l-għoti ta’ liċenzji ta’ importazzjoni u l-allokazzjoni tal-kwoti għall-Amerika Latina. Il-Komunità, u b’mod partikolari, il-Kummissjoni, ma tistax issostni li għandha dubji fuq l-inkompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-banana mar-regoli tal-WTO.

143   F’dak ir-rigward, ir-rikorrenti tippreċiża li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ladarba l-Komunità kellha l-intenzjoni li tikkonforma ma’ deċiżjoni għas-soluzzjoni ta’ tilwim adottata mill-korpi tal-WTO, din id-deċiżjoni tippermetti li jkun identifikat l-"obbligu partikolari" li minnu tiddependi t-tieni kundizzjoni stabbilita fil-ġurisprudenza Nakajima. Ir-rikorrenti tippreċiża li deċiżjoni mogħtija skond il-proċeduri tas-soluzzjoni ta’ tilwim tal-WTO mhijiex, fiha nnifisha, biżżejjed biex tiġi applikata l-ġurisprudenza Nakajima. Iżda ladarba din tkun applikabbli, deċiżjoni ta’ soluzzjoni għat-tilwim adottata mill-WTO tikkostitwixxi gwida importanti ta' interpretazzjoni għall-qorti Komunitarja li hija marbuta tapplika r-regolamenti tal-WTO. Iżda jkun eċċessiv li jiġi kkunsidrat, fuq il-bażi tal-punt 20 tas-sentenza Atlanta vs Il-Komunità Ewropea, iċċitata aktar 'il fuq, li deċiżjoni ta’ din in-natura tista’ tittieħed in kunsiderazzjoni mill-qorti Komunitarja biss meta tkun ibbażata fuq dispożizzjoni tal-pattijiet ta' ftehim tal-WTO li jkollha effett dirett. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni hija marbuta mill-qrib mal-fatt li fis-sentenza Atlanta vs Il-Komunità Ewropea, iċċitata aktar 'il fuq, ir-rikorrenti invokat l-effett dirett tal-pattijiet ta' ftehim tal-WTO.

144   Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-dispożizzjonijiet tal-pattijiet ta' ftehim tal-WTO miksurin mir-Regolament Nru 2362/98 huma identifikati b’mod ċar. Dawn huma l-Artikolu XIII: 2 tal-GATT ta’ l-1994 u l-Artikoli II u XVII tal-GATS. F’dan ir-rigward hija tissottolinja li l-Kummissjoni indikat dawn id-dispożizzjonijiet, b’mod ċar, fil-memorandum ta' spjegazzjoni anness ma’ l-abbozz tar-Regolament Nru 1637/98, kif hija osservat qabel. Bl-istess mod, ir-rikorrenti tfakkar li l-Kunsill, f’dokument tat-2 ta’ April 1998, Nru 7163, bl-isem ta’ "Progress Report", irrifera b’mod espliċitu għall-"ħtieġa fundamentali li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni ta' fatt u ta' dritt". Skond ir-rikorrenti, l-espressjoni "diskriminazzjoni ta' fatt" tirriferi direttament għad-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell u tal-Grupp Speċjali ta’ l-1997.

145   Ir-rikorrenti tirrileva wkoll li l-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 1637/98, huwa ispirat direttament mill-Artikolu XIII: 2 tal-GATT ta’ l-1994, tant li jissodisfa wkoll "ir-rekwiżit ta’ inkorporazzjoni" li l-Kummissjoni tqiegħed fost il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-ġurisprudenza Nakajima.

146   Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li s-sentenza Bocchi Food Trade International vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, ma tpoġġix fid-dubju l-applikazzjoni, fil-każ speċifiku, tal-ġurisprudenza Nakajima. Hija tfakkar li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punti 63 u 64, affermat dan li ġej:

"F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li huwa biss fil-każ li l-Komunità jkollha l-intenzjoni li twettaq obbligu partikolari assunt fl-ambitu tal-WTO, jew fil-każ li l-att Komunitarju jirriferi espressament għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-pattijiet ta' ftehim inklużi fl-annessi tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO, li l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza għandhom jistħarrġu l-legalità ta’ l-att Komunitarju fid-dawl tar-regoli tal-WTO (ara s-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq, punt 49).

Madankollu, la r-rapporti tat-22 ta’ Mejju 1997 tal-Grupp Speċjali tal-WTO u lanqas ir-rapport tad-9 ta’ Settembru 1997 tal-Bord Permanenti ta’ l-Appell tal-WTO, adottat fil-25 ta’ Settembru 1997 mid-[DSB], ma kien fihom obbligi partikolari li r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2362/98 kellha "intenzjoni li twettaq obbligu" fis-sens tal-ġurisprudenza (ara għal dak li jirrigwarda l-GATT ta’ l-1947, is-sentenza Nakajima, punt 31). Bl-istess mod, dan ir-regolament la jirriferi espressament għall-obbligi preċiżi li joħorġu mir-rapporti tal-korpi tal-WTO u lanqas għad-dispożizzjonijiet preċiżi tal-pattijiet ta' ftehim inklużi fl-annessi tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO".

147   Ir-rikorrenti tosserva li, fil-punt 63 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza tenniet ir-regola li toħroġ mis-sentenzi Nakajima u Fediol vs Il-Kummissjoni, iċċitati aktar 'il fuq, b’referenza għall-intenzjoni tal-Komunità. Il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 64, kienet limitat ruħha li tindika n-nuqqas ta’ intenzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, billi jidher li l-ebda kwistjoni oħra ma ġiet riferita lilha. Ir-rikorrenti tammetti li fis-sentenza Bocchi Food Trade International vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza probabbilment wasslet għall-konklużjoni korretta għal dak li jirrigwarda l-intenzjoni tal-Kummissjoni. Iżda hija tissottolinja li, f’dan il-każ, mhijiex qed tiġi kkontestata l-intenzjoni tal-Kummissjoni, imma dik tal-Komunità; din ta’ l-aħħar, bil-kuntrarju tal-Kummissjoni, kellha bla dubju l-intenzjoni li tikkonforma ma' l-obbligi li joħorġu mir-regoli tal-WTO meta adottat ir-Regolament Nru 1637/98.

148   Ir-rikorrenti tgħid li l-Kummissjoni, fil-punt 104 tar-risposta tad-difiża tagħha fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, irrikonoxxiet espressament li "l-Komunità kellha l-intenzjoni li tistabbilixxi skema tal-banana li tkun konformi ma’ l-obbligi kollha assunti fl-ambitu tal-WTO".

149   Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li r-rikorrenti fil-kawża li tat lok għas-sentenza Bocchi Food Trade International vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, ma kinitx qajmet l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Nakajima, imma l-prinċipju ta’ nemini licet venire contra factum proprium, u dan fil-proċedura orali biss. Ir-rikorrenti ma kienet ipprovdiet l-ebda prova dwar l-intenzjoni tal-Komunità. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx f'pożizzjoni li tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni b'mod definittiv, filwaqt li, fil-kuntest ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti ssostni li fis-seduta hija pproduċiet provi li jippermettu li tittieħed deċiżjoni dwar din il-kwistjoni.

150   Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Bl-adozzjoni ta’ l-iskema ta’ l-1999, il-Komunità kellha l-intenzjoni li tikkonforma ma' l-obbligi li hija assumiet fl-ambitu tal-GATT u tal-WTO u mhux li "twettaqhom".

151   Il-Kummissjoni tosserva li r-Regolament Nru 2362/98 ma fihx xi referenza espliċita għal obbligi partikolari li joħorġu mill-GATT jew mill-WTO, kif setgħet tosserva l-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 64 tas-sentenza Bocchi Food Trade International vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq.

152   Il-Kummissjoni ssostni li l-ġurisprudenza Nakajima mhijiex applikabbli meta jkunu kkontestati miżuri Komunitarji adottati bil-għan li tkun konformi ma' deċiżjoni tal-WTO. Fil-fatt, wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni jew ta’ rakkomandazzjoni tad-DSB jew ta’ Grupp Speċjali, id-DSU jagħti lill-parti telliefa serje ta’ għażliet (ħlas ta' kumpens; sospensjoni tal-konċessjonijiet; ftehim) u tagħmel hekk anki meta jkun hemm deċiżjoni ta’ Grupp Speċjali ta’ "twettiq". Id-DSU jippreferi s-soluzzjonijiet innegozjati. L-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Nakajima f’sitwazzjoni ta’ dan it-tip tkun ekwivalenti għaċ-ċaħda ta’ kull marġini ta’ manuvra lil parti telliefa. Il-parti avversarja ma tkunx imħajra tinnegozja biex tasal għal soluzzjoni sodisfaċenti reċiprokament jekk tkun taf li l-operaturi tagħha ikunu jistgħu jiksbu l-kumpens jew it-tħassir tal-miżuri msemmijin meta jmorru quddiem il-qrati Komunitarji. L-applikazzjoni diretta tal-pattijiet ta' ftehim tal-WTO biex tiġi kkontestata l-validità tal-miżuri Komunitarji tneħħi l-effett ta’ l-għażliet stabbiliti mid-DSU (sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq, punti 38 sa 40).

153   Barra minn dan, meta l-Komunità toffri ħlas ta' kumpens jew meta l-konċessjonijiet jiġu sospiżi, il-bilanċ ġenerali tal-konċessjonijiet miftehma fl-ambitu tal-WTO ikun b’hekk stabbilit mill-ġdid. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-għoti ta’ kumpens għad-danni jkollu l-konsegwenza li jġiegħel lill-Komunità "tħallas" darbtejn għall-istess inkompatibbiltà mar-regoli tal-WTO.

154   Minbarra dan, l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti tinjora n-nuqqas ta’ reċiproċità bejn il-Komunità u l-kontraenti l-oħrajn tal-WTO, aspett li ġie enfasizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq. Hija tissottolinja, b’mod partikolari, li l-Istati Uniti ta’ l-Amerika ma ħarsux diversi deċiżjonijiet ta’ Gruppi Speċjali tad-DSB [DS/136 L-Istati Uniti – Anti-Dumping Act of 1916, DS/160 L-Istati Uniti – Section 110(5) of the Copyright Act u DS/108 Stati Uniti – Foreign Sales Corporation], mingħajr ma l-operaturi tal-Komunità setgħu jibdew azzjoni ta’ ħlas ta' kumpens għal danni quddiem il-qrati Amerikani.

155   Il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza Bocchi Food Trade International vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, tafferma b’mod ċar, għal dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 2362/98, li r-relazzjonijiet tal-Grupp Speċjali u d-deċiżjonijiet tad-DSB ma kienx fihom obbligi partikolari. Din ix-xejra kienet ikkonfermata mid-digriet OGT Fruchthandelsgesellschaft, iċċitat aktar 'il fuq.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

156   Biex jiġi deċiż jekk att Komunitarju li l-legalità tiegħu tkun qed tiġi kkontestata kienx ġie adottat għall-iskop "li jwettaq obbligu partikolari assunt fl-ambitu tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO" skond il-ġurisprudenza Nakajima, jeħtieġ li jiġi eżaminat, każ b’każ, minn naħa, il-karatteristiċi speċifiċi ta’ dan l-att u, minn oħra, dawk li għandhom x’jaqsmu mal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO.

157   F’dan il-każ, la d-dispożizzjonijiet tal-Komunità li r-rikorrenti tikkontesta l-legalità tagħhom, u lanqas id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO li r-rikorrenti tinvoka l-ksur tagħhom ma jippermettu li jiġi konkluż li kienet teżisti l-intenzjoni li jitwettaq obbligu partikolari assunt fl-ambitu tal-WTO, skond il-ġurisprudenza Nakajima.

158   Dwar il-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur min-naħa tal-Komunità ta’ l-Artikolu XIII tal-GATT ta’ l-1994 kif ukoll ta’ l-Artikoli II u XVII tal-GATS, ksur li kien ġie kkonstatat fid-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta’ Settembru 1997 għal dak li jirrigwarda l-iskema ta’ l-1993 u wara fir-rapport tal-Grupp Speċjali tas-6 ta’ April 1999 u tad-deċiżjoni ta' arbitraġġ tad-9 ta’ April 1999 għal dak li jirrigwarda ċerti dispożizzjonijiet ta’ l-iskema ta’ l-1999 li jinsabu fir-Regolament Nru 2362/98.

159   Iżda, dawk id-dispożizzjonijiet tal-GATT ta’ l-1994 u tal-GATS m’għandhomx karatteristiċi li jwasslu għall-konklużjoni li tapplika l-ġurisprudenza Nakajima. Fil-fatt, l-Artikolu XIII tal-GATT ta’ l-1994 ("Applikazzjoni mhux diskriminatorja tar-restrizzjonijiet kwantitattivi"), l-Artikoli II ("Trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit") u XVII ("Trattament nazzjonali") tal-GATS isemmu prinċipji u obbligi li mill-kliem tagħhom, min-natura tagħhom u mill-portata tagħhom jidher li għandhom karattru ġenerali. Dawn id-dispożizzjonijiet huma differenti ħafna minn dawk tal-Kodiċi Antidumping ta’ l-1979 u ta’ l-1994. F’dan ir-rigward biżżejjed jiġi mfakkar, per eżempju, li l-preamboli tar-Regolamenti Nri 3283/94 u 384/96 kienu jenfasizzaw li l-Kodiċi Antidumping ta’ l-1994 "fih regoli ġodda ddettaljati għal dak li jirrigwarda, fost l-oħrajn, il-kalkolu tad-dumping, il-proċedura rigward il-ftuħ ta’ l-investigazzjoni ta’ wara, inklużi l-aspetti inerenti għall-aċċertament u l-istħarriġ tal-fatti, it-teħid ta’ miżuri antidumping u l-impożizzjoni u l-ġbir ta’ dazji provviżorji, id-dewmien u r-rieżami tal-miżuri antidumping u l-għoti ta’ informazzjoni, pubblikament, dwar l-investigazzjoni antidumping". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

160   Barra minn dan, la l-GATT ta’ l-1994 u lanqas il-GATS ma jimponu fuq il-firmatarji tagħhom l-obbligu li jadattaw id-dritt nazzjonali tagħhom ekwivalenti għal dak stabbilit fl-Artikolu 16(6)(a) tal-Kodiċi Antidumping ta’ l-1979 u ta’ l-Artikolu 18(4) tal-Kodiċi Antidumping ta’ l-1994.

161   Anki jekk l-argument tar-rikorrenti jista’ jiġi interpretat fis-sens li jinvoka l-ksur mill-Komunità ta’ l-obbligu tagħha li twettaq ir-rakkomandazzjonijiet jew id-deċiżjonijiet tad-DSB, dan ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, anki jekk il-Kummissjoni tqis li d-DSU jimponi obbligu – fid-dawl tad-dritt internazzjonali – fuq il-parti telliefa li tieħu l-passi neċessarji sabiex miżura ddikjarata mid-DSB bħala inkompatibbli mal-pattijiet ta' ftehim tal-WTO, dan l-obbligu li tkun żgurata l-konformità ta’ miżuri interni ma’ l-impenji internazzjonali li joħorġu mill-pattijiet ta' ftehim tal-WTO huwa, bla dubju, ta' karattru ġenerali, b’kuntrast mar-regoli tal-Kodiċi Antidumping. Konsegwentament, dan ma jistax jitqies għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Nakajima.

162   Barra minn dan, mingħajr ma jkun meħtieġ li wieħed jistaqsi dwar il-konsegwenzi eventwali ta' kumpens li jistgħu jbatu l-individwi minħabba in-nuqqas ta’ twettiq, min-naħa tal-Komunità, ta’ deċiżjoni tad-DSB li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ att Komunitarju mar-regoli tal-WTO, kwistjoni li ma tqajmitx espressament mir-rikorrenti indipendentement mill-kwistjoni dwar l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Nakajima, huwa biżżejjed li jkun issottolinjat li d-DSU ma jwaqqafx mekkaniżmu ta’ soluzzjoni għat-tilwim ġudizzjarju internazzjonali permezz ta’ deċiżjonijiet li għandhom effetti vinkolanti komparabbli ma’ dawk ta’ deċiżjoni ta’ qorti fis-sistemi legali interni ta’ l-Istati Membri. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li l-pattijiet ta' ftehim tal-WTO, interpretati fid-dawl ta’ l-għanijiet tagħhom, ma jistabbilixxux il-mezzi legali xierqa sabiex tiġi assigurata l-implementazzjoni bona fede tagħhom fis-sistema legali interna tal-partijiet kontraenti. Il-Qorti rrilevat li minkejja t-tisħiħ tal-mekkaniżmu tas-soluzzjoni għat-tilwim li jirriżulta mill-pattijiet ta' ftehim tal-WTO, dak il-mekkaniżmu jagħti importanza partikolari lin-negozjati bejn il-partijiet (sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq, punt 36). Il-Qorti żiedet tgħid fil-punti 37 sa 40 li:

"Għalkemm l-ewwel għan tad-[DSU], bħala prinċipju, skond l-Artikolu 3(7) tal-Memorandum ta’ Ftehim dwar ir-Regoli u l-Proċeduri li jirregolaw is-Soluzzjoni għat-Tilwim (Anness 2 tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO), huwa li jiggarantixxi l-miżuri msemmijin jiġu mneħħija jekk dawn jirriżultaw li mhumiex kompatibbli mar-regoli tal-WTO, madankollu, kemm-il darba jirriżulta li t-tneħħija immedjata ta’ dawn il-miżuri mhijiex possibbli, l-istess memorandum jipprovdi għall-possibbiltà li jingħata kumpens, bħala miżura provviżorja u sakemm il-miżura inkompatibbli tiġi mneħħija.

Huwa veru li, skond l-Artikolu 22 (1) ta' dak il-memorandum, il-kumpens jikkostitwixxi miżura provviżorja disponibbli fil-każ li r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-[DSB] stabbiliti fl-Artikolu 2(1) ta’ l-istess memorandum ma jkunux applikati f’terminu raġonevoli, u li l-istess dispożizzjoni tesprimi preferenza għall-applikazzjoni sħiħa ta’ rakkomandazzjoni biex miżura ssir konformi mal-pattijiet ta' ftehim tal-WTO in kwistjoni.

Iżda l-Artikolu 22(2) jiddisponi li, jekk il-membru interessat jonqos mill-obbligu tiegħu li jeżegwixxi r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet imsemmijin f’terminu raġonevoli, dan il-membru għandu jibda, jekk jintalab jagħmel dan u mhux aktar tard mill-iskadenza tat-terminu raġonevoli, negozjati ma’ kull parti li tkun bdiet il-proċeduri tas-soluzzjoni għat-tilwim, sabiex ikun jintlaħaq ftehim dwar kumpens aċċettabbli reċiprokament.

Għalhekk, il-fatt li jiġi impost fuq il-korpi ġudizzjarji l-obbligu li jeskludu l-applikazzjoni ta’ regoli tad-dritt intern li mhumiex kompatibbli mal-pattijiet ta' ftehim tal-WTO ikollu l-konsegwenza li l-korpi leġiżlattivi jew eżekuttivi tal-partijiet kontraenti jiġu mċaħħda mill-posibbiltà, mogħtija fl-Artikolu 22 ta’ l-imsemmi memorandum, li jsibu, ukoll jekk fuq bażi temporanja, soluzzjonijiet innegozjati".

163   Din il-konklużjoni ma tistax tkun limitata għall-każijiet fejn ma jkunx għadu skada t-terminu raġonevoli stabbilit fl-Artikolu 21.3 tad-DSU għall-applikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet jew id-deċiżjonijiet tad-DSB.

164   Fil-fatt, huwa inevitabbli li jiġi kkunsidrat li, ukoll meta jiskadi dan it-terminu u wara l-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ kumpens jew tas-sospensjoni tal-konċessjonijiet skond l-Artikolu 22 tad-DSU, dan il-ftehim ikompli jkollu post importanti fin-negozjati bejn il-partijiet. F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-Artikolu 21.6 tad-DSU jistabbilixxi espressament li, "ħlief jekk id-DSB ikun iddeċieda xorta oħra, il-kwistjoni ta’ l-applikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u tad-deċiżjonijiet tad-DSB għandha titqiegħed fl-aġenda tal-laqgħa tad-DSB wara perijodu ta’ sitt xhur wara d-data meta jiġi ffissat it-terminu raġonevoli stabbilit mill-paragrafu 3, u għandha tibqa’ mniżżla fl-aġenda tal-laqgħat tad-DSB sakemm tiġi solvuta". Bl-istess mod, fil-każ meta d-DSB jawtorizza s-sospensjoni ta’ konċessjonijiet jew obbligi oħrajn, l-Artikolu 22.8 tad-DSU jistabbilixxi li, skond l-Artikoli 21.6 tad-DSU, "id-DSB ikompli jżomm taħt kontroll l-applikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet jew tad-deċiżjonijiet adottati". Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi wkoll li "s-sospensjoni tal-konċessjonijiet jew obbligi oħrajn hija provviżorja u tapplika sakemm titneħħa l-miżura meqjusa bħala inkompatibbli ma ftehim ikkontemplat jew sakemm il-membru li għandu japplika r-rakkomandazzjonijiet jew id-deċiżjonijiet ma jsibx soluzzjoni għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-benefiċċji, jew sakemm ma tinstabx soluzzjoni sodisfaċenti reċiprokament."

165   F’dan il-każ, jeħtieġ jiġi osservat li l-kwistjoni li tat lok għad-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta’ Settembru 1997 u għar-rapport tal-Grupp Speċjali tas-6 ta’ April 1999, imbagħad għall-awtorizzazzjoni tas-sospensjoni tal-konċessjonijiet ta’ żvantaġġ għall-Komunità, fid-data li fiha tressaq dan ir-rikors, kienet għadha pendenti u mniżżla fl-aġenda tad-DSB (ara l-punt 39 aktar 'il fuq).

166   Bħala konsegwenza, il-qorti Komunitarja ma tistax tistħarreġ il-legalità ta’ l-atti Komunitarji msemmijin, mingħajr ma tippriva l-Artikolu 21.6 tad-DSU mill-effett tiegħu, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ rikors għall-ħlas ta’ kumpens imressaq skond l-Artikolu 235 KE, sakemm ma tkunx solvuta l-kwistjoni ta’ l-applikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet jew id-deċiżjonijiet tad-DSB, inkluż, kif stabbilit fl-Artikolu 22.8 tad-DSU, "fil-każijiet meta jkun ingħata kumpens jew ġew sospiżi l-konċessjonijiet jew obbligi oħrajn imma ma jkunux ġew applikati r-rakkommandazzjonijiet sabiex miżura tkun konformi mal-pattijiet ta' ftehim in kwistjoni" [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 2003, Biret International vs Il-Kunsill, C-93/02 P, Ġabra p. 10497, punt 62, u Biret et u Cie vs Il-Kunsill,  C-94/02 P, Ġabra p. I‑10505, punt 65).

167   Għal dak li jirrigwarda l-karatteristiċi tar-Regolament Nru 2362/98, l-elementi ta’ prova ppreżentati mir-rikorrenti kif ukoll id-dikjarazzjonijiet miktubin u orali tal-Kummissjoni jindikaw li, fil-mument ta’ l-adozzjoni ta' l-iskema ta' l-1999, partikolarment tar-Regolament Nru 2362/98, il-Komunità kellha l-intenzjoni li tikkonforma ruħha ma’ l-obbligi li assumiet skond il-pattijiet ta' ftehim tal-WTO wara d-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta’ Settembru 1997 (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 1999, Fruchthandelsgesellschaft Chemnitz vs Il-Kummissjoni, T-254/97, Ġabra p. II‑2743, punt 26). Iżda dawn l-elementi ma jurux li l-Komunità kellha l-intenzjoni li twettaq l-obbligi assunti fl-ambitu tal-pattijiet ta' ftehim tal-WTO, skond il-ġurisprudenza Nakajima.

168   Fil-fatt, iċ-ċirkustanzi ta' l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2362/98 ma jistgħux jiġu mqabbla ma’ dawk ta’ l-adozzjoni tar-regolamenti antidumping bażiċi li fil-konfront tagħhom ġiet applikata l-ġurisprudenza Nakajima. Ir-Regolament Nru 2362/98 ma jiggarantix it-traspożizzjoni fid-dritt Komunitarju ta’ regoli li joħorġu minn ftehim tal-WTO biex jinżamm il-bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet f’dak il-ftehim. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk affermat li "la r-rapporti tat-22 ta’ Mejju 1997 tal-Grupp Speċjali tal-WTO u lanqas ir-rapport tad-9 ta’ Settembru 1997 tal-Bord Permanenti ta’ l-Appell tal-WTO, adottat fil-25 ta’ Settembru 1997 mid-[DSB], ma kien fihom obbligi partikolari li r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2362/98 kien "intiż biex iwettaq" skond il-ġurisprudenza [Nakajima]" (sentenza Bocchi Food Trade International vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 64).

169   Barra minn dan, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2362/98 li kkontestat ir-rikorrenti, li jirrigwardaw id-distribuzzjoni tal-liċenzji ta’ importazzjoni u l-allokazzjoni ta’ subkwoti ta’ tariffi nazzjonali, ma jirriflettux ġabra ta’ regoli ġodda u ddettaljati li joħorġu mill-pattijiet ta' ftehim tal-WTO, imma jintroduċu miżuri ta’ maniġġjar tal-kwoti tat-tariffi adottati fl-ambitu ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-banana. Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt affermat li "l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-banana, kif stabbilita permess tar-Regolament Nru 404/93 u emendata sussegwentement, mhux maħsuba biex tiggarantixxi t-twettiq, fis-sistema legali Komunitarja, ta’ obbligu partikolari assunt fl-ambitu tal-GATT" (digriet OGT Fruchthandelsgesellschaft, iċċitat aktar 'il fuq, punt 28).

170   Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, jeħtieġ jiġi konkluż li l-Komunità, bl-adozzjoni ta’ l-iskema ta’ l-1999 u, b’mod partikolari, tar-Regolament Nru 2362/98, ma kellhiex ħsieb li twettaq obbligu partikolari assunt fl-ambitu tal-pattijiet ta' ftehim tal-WTO, skond il-ġurisprudenza Nakajima. Konsegwentement, ir-rikorrenti mhijiex f’pożizzjoni li tinvoka l-ksur mill-Komunità ta’ l-obbligi tagħha taħt il-pattijiet ta' ftehim tal-WTO.

171   Minn dan isegwi li, bl-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ma wrietx l-eżistenza ta’ aġir illegali ta’ natura li jrendi lill-Komunità responsabbli.

3.     Fuq it-tieni motiv, dwar il-ksur tal-mandat mogħti mill-Kunsill lill-Kummissjoni għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1637/98

 L-argumenti tal-partijiet

172   Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni marret lilhinn mil-limiti tal-mandat li ngħatalha mill-Kunsill għall-finijiet ta’ l-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1637/98. Bl-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, il-Kunsill kellu mingħajr dubju l-intenzjoni li jeżegwixxi l-obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO. Ir-rikorrenti tfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 1637/98, jistabbilixxi dan li ġej:

"Il-Kummissjoni għandha tadotta dispożizzjonijiet biex tapplika dan it-Titolu skond il-proċedura stabbilta fl-Artikolu 27. L-għan tagħhom għandu jinkludi: [...] (e) il-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat rispett lejn l-obbligazzjonijiet li jirriżulataw mill-ftehim miksub mill-Komunità skond l-Artikolu 228 [tat-Trattat tal-KE (li sar l-Artikolu 300 KE)]"

173   Fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-liċenzji ta' importazzjoni, il-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tal-poteri tagħha ta’ implementazzjoni skond l-Artikolu 19 tar-Regolament 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 1637/98, ma qisetx l-intenzjoni tal-Kunsill li tiġi żgurata l-kompatibbiltà ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-banana mal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO. Il-Kummissjoni kienet illimitat lilha nnifisha li tirtokka superfiċjalment l-iskema ta’ l-1993 waqt li żammet, kumplessivament, is-sistema ta’ distribuzzjoni tal-liċenzji ta’ importazzjoni. Ir-rapport tal-Grupp Speċjali tas-6 ta’ April 1999, kien iddikjara dawn l-emendi żgħar inkompatibbli mad-dritt tal-WTO.

174   Fir-rigward ta' l-allokazzjonijiet tal-kwoti għal kull pajjiż, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni injorat ukoll ir-rieda tal-Kunsill u għalhekk kisret il-limiti tal-mandat tagħha. Ir-rikorrenti targumenta li fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 1637/98, il-Kunsill għamel referenza, impliċitament, għad-dispożizzjonijiet iċċitati ta’ l-Artikolu XIII:2(d) tal-GATT ta’ l-1994, li jsemmu żewġ sitwazzjonijiet li fihom membru tal-WTO jista’ jaqsam kwota tat-tariffa f’subkwoti nazzjonali, jiġifieri permezz ta’ ftehim ma’ l-Istati msemmijin jew unilateralment, fuq il-bażi ta’ "perijodu rappreżentattiv". Hija tinsisti fuq il-fatt li f’dak il-każ hemm biss possibbiltà. Il-Komunità mhijiex marbuta li tintroduċi subkwoti nazzjonali kontra dak li affermat il-Kummissjoni fit-tieni premessa tar-Regolament Nru 2362/98 li jgħid li jekk ma jintlaħaqx ftehim ma’ l-erba’ Stati fornituri ewlenin tal-banana, "il-Kummissjoni jkollha għalhekk talloka l-kwoti tat-tariffi". Dwar il-karattru rappreżentattiv tal-perijodu ta’ referenza, ir-rikorrenti ssostni essenzjalment li l-Kummissjoni ma setgħetx tinjora li s-snin 1994 sa l-1996 ma kinux xierqa, billi kienu ġew meqjusin bħala mhux rappreżentattivi fid-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta’ Settembru 1997.

175   Barra minn dan, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni kienet naqset li tinforma l-Kunsill bl-intenzjonijiet tagħha, fatt li lmentaw dwaru diversi delegazzjonijiet nazzjonali matul ix-xogħlijiet preparatorji tar-Regolament Nru 2362/98. Hija tafferma li l-parteċipazzjoni tal-Kumitat Maniġerjali tal-Banana fil-proċedura ta’ l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2362/98 mhijiex ekwivalenti għal ftehim tal-Kunsill.

176   Minbarra dan, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-mandat tal-Kunsill li hija tallega l-ksur tiegħu, jikkostitwixxi regola tad-dritt maħsuba biex tipproteġi lill-individwi u l-ksur tagħha twassal għar-responsabbiltà tal-Komunità. Hija tirrikonoxxi li r-regola li biha l-Kummissjoni hija marbuta li tirrispetta l-limiti tal-mandat tagħha fl-eżerċizzju tal-poteri li ġew iddelegati lilha hija intiża sabiex tiggarantixxi l-protezzjoni tal-bilanċ istituzzjonali bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 1992, Vreugdenhil vs Il-Kummissjoni, C-282/90, Ġabra p. I‑1937). Mandankollu, hija tippreċiża li mhux qiegħda tinvoka din ir-regola b’mod astratt, imma fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-mandat tal-Kunsill stabbiliti fir-Regolament Nru 1637/98. Minn dawn il-kundizzjonijiet jirriżulta li l-intenzjoni tal-Kunsill kienet li toħloq skema kompatibbli mar-regoli tal-WTO. Dan il-mandat huwa għalhekk dirett lejn it-titjib tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti, jiġifieri l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-individwi.

177   Il-Kummissjoni toġġezzjona li ma marritx lilhinn mil-limiti tal-poter tagħha ta’ implementazzjoni meta adottat ir-Regolament Nru 2362/98. Hija aġixxiet b’mod konformi ma’ l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 404/93, wara li nnotifikat debitament lill-Kunsill tal-Ministri ta’ l-Agrikultura f’Ġunju 1998.

178   Hija targumenta li l-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 404/93 jistabbilixxi li l-kwota tat-tariffa tiġi allokata fost il-pajjiżi fornituri. Dan l-artikolu jistabbilixxi espressament li "[I]l-Kummissjoni hija awtorizzata talloka l-kwoti tat-tariffi" unilaterlament kemm-il darba ma jkunx possibbli li tasal għal xi ftehim ma’ pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni tippreċiża f’dan ir-rigward li s-seba’ premessa tar-Regolament Nru 1637/98 tgħid li huwa opportun għal dan l-iskop li "kriterju wieħed għandu jintuża biex jiġu definiti dawk l-Istati produtturi b’interess sostanzjali [...]" għall-finijiet ta’ l-allokazzjoni tal-kwoti tat-tariffi. Il-fatt li l-Kunsill kien awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja ma’ pajjiżi fornituri u li kienet adottat direttivi għal dan l-iskop jikkontradixxi dak li qalet ir-rikorrenti.

179   Hija targumenta li, f’kull każ, dan il-motiv mhux rilevanti billi r-rikorrenti ammettiet, fil-punt 156 tar-replika, li l-Kummissjoni setgħet tintroduċi allokazzjonijiet għal kull pajjiż.

180   Fl-aħħar, il-Kummissjoni ssostni li l-mandat tal-Kunsill u t-tqassim tal-kompetenzi bejn dan ta’ l-aħħar u l-Kummissjoni ma jikkostitwixxix regola "għall-protezzjoni ta’ l-individwi", kif affermat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Vreugdenhil vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punti 20 u 21. Għalhekk, ir-responsabbiltà tal-Komunità skond dan il-motiv hija eskluża.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

181   Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, fl-adozzjoni tar-Regolament Nru 2362/98, il-Kummissjoni marritx lilhinn mil-limiti tal-kompetenza ddelegata lilha mill-Kunsill, għandu jkun innotat li l-għan tas-sistema tad-diviżjoni tal-poter bejn id-diversi istituzzjonijiet tal-Komunità huwa biex jiġi żgurat il-ħarsien tal-bilanċ istituzzjonali stabbilit fit-Trattat ikun ggarantit u mhux biex jingħataw drittijiet lill-individwi. Għalhekk, in-nuqqas ta’ ħarsien tal-bilanċ istituzzjonali ma jistax, fih innifsu, ikun biżżejjed biex joħloq ir-responsabbiltà tal-Komunità fir-rigward tal-kummerċjanti kkonċernati (sentenza Vreugdenhil vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punti 20 u 21).

182   Fi kwalunkwe każ, skond kif ġie affermat qabel fir-rigward ta’ l-ewwel motiv, għandhom jiġu miċħudin l-ilmenti fejn ir-rikorrenti tipprova tibbaża ruħha fuq l-inkompatibbiltà mal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO li nstabet fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2362/98. Billi l-ġurisprudenza Nakajima ma tapplikax f’dan il-każ, ir-rikorrenti mhux intitolata li tistrieħ fuq l-inkompatibbiltà tar-regoli tad-distribuzzjoni tal-liċenzji ta’ importazzjoni u l-allokazzjoni tal-kwoti nazzjonali mal-pattijiet ta' ftehim tal-WTO.

183   Barra minn dan, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kisritx il-kundizzjonijiet tal-mandat li ngħatalha mill-Kunsill, minn naħa, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 1637/98, għall-allokazzjoni tas-subkwoti tat-tariffi nazzjonali u, min-naħa l-oħra, bis-saħħa ta’ l-Artikoli 19(1) u 20 ta' l-imsemmi regolament, għall-adozzjoni ta’ regoli ddettaljati għall-immaniġġjar tal-kwoti tat-tariffi u, b’mod partikolari, għad-distribuzzjoni tal-liċenzji ta’ importazzjoni, hemm bżonn li jiġi mfakkar li, skond ir-raba’ inċiż ta’ l-Artikolu 211 KE, il-Kummissjoni, biex tiżgura l-funzjonament u l-iżvilupp xieraq tas-suq komuni, hija meħtieġa li tħaddem il-poteri li jingħatawlha mill-Kunsill għall-implementazzjoni tar-regoli stabbiliti minnu. Skond ġurisprudenza stabbilita, mill-ispirtu tat-Trattat li jinqara fih dan l-artikolu kif ukoll minn ħtiġijiet tal-prattika, jirriżulta li l-idea ta' implementazzjoni għandha tiġi interpretata f’sens wiesa’. Billi l-Kummissjoni biss hija f’pożizzjoni li ssegwi b’mod kostanti u attent l-iżvilupp tas-swieq agrikoli u li taġixxi malajr kull meta jkun meħtieġ, il-Kunsill jista’, fis-settur rilevanti, jagħti lill-Kummissjoni poteri wiesgħin. Bħala konsegwenza, il-limiti ta’ dawn il-poteri għandhom jiġu definiti b’mod partikolari b’referenza għall-għanijiet ġenerali essenzjali ta’ l-organizzazzjoni tas-suq (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ottubru 1995, L-Olanda v Il-Kummissjoni, C-478/93, Ġabra p. I‑3081, punt 30, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑239/01, Ġabra p. I‑10333, punt 54).

184   F’dan is-sens il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, fi kwistjonijiet agrikoli, il-Kummissjoni hija awtorizzata li tadotta l-miżuri kollha meħtieġa jew xierqa għall-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni bażika, sakemm ma jmorrux kontra din il-leġiżlazzjoni jew il-leġiżlazzjoni ta' implementazzjoni adottata mill-Kunsill (ara s-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq L-Olanda vs Il-Kummissjoni, punt 31, u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 55).

185   F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Kunsill irrikjeda lill-Kummissjoni tadotta miżuri ta’ mmaniġġjar ta’ kwoti tat-tariffi skond il-metodu li jqis il-flussi tal-kummerċ tradizzjonali (Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 1637/98). Fl-istess ħin, il-Kunsill irrikjeda lill-Kummissjoni tadotta "l-miżuri neċessarji sabiex jitħarsu l-obbligi li joħorġu mill-ftehim magħmul mill-Komunità skond l-Artikolu [300 KE]". Ir-rikorrenti ma stabbilitx li l-Kummissjoni manifestament marret lilhinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali li ngħatatilha mill-Kunsill meta ppruvat tirrikonċilja dawn l-għanijiet bl-adozzjoni ta’ miżuri tad-distribuzzjoni ta’ liċenzji ta’ importazzjoni u ta' l-allokazzjoni ta’ kwoti nazzjonali.

186   Fir-rigward tar-regolarità tal-proċedura ta’ l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2362/98, ir-rikorrenti ma wrietx l-eżistenza ta’ irregolaritajiet sostanzjali. Għall-kuntrarju, mid-dokumenti tal-Kummissjoni, partikolarment mill-minuti tad-96 laqgħa tal-Kumitat Maniġerjali tal-Banana tas-16 ta’ Ottubru 1998, jirriżulta li l-kumitat imsemmi fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 404/93 ġie kkonsultat għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 2362/98.

187   Minn dan isegwi li, permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ma ppruvatx l-eżistenza ta’ aġir illegali li jrendi lill-Komunità responsabbli.

4.     It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju

188   Dan il-motiv jinqasam fi tliet partijiet, u li fih jiġi allegat il-ksur tal-prinċipju ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni, tal-prinċipju ta’ l-eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika u ta' proporzjonalità, rispettivament.

 Fuq l-ewwel parti, dwar il-prinċipju ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni.

 Fuq l-ammisibbiltà

–       L-argumenti tal-partijiet

189   Il-Kummissjoni ssostni li din l-ewwel parti, kif esposta fir-rikors, mhijiex skond l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt ir-rikorrenti ma tgħidx eżattament fhiex tikkonsisti d-diskriminazzjoni li qajmet, imma tirriferi biss għad-deskrizzjoni ta’ l-iskema ta’ l-1993. Għalhekk, din il-parti ta’ l-argument tar-rikorrenti mhijiex ammissibbli.

190   Ir-rikorrenti ssostni li din il-parti hija ammissibbli billi, fuq dan il-punt, ir-rikors huwa konformi ma' l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura. Hija ssostni li esponiet b’mod ċar, fil-punti 25 sa 28 tar-rikors, id-differenzi fit-trattament bejn l-operaturi skond l-iskema ta’ l-1993 u, fil-punti 66 sa 99 tiegħu, l-aggravament ta' din id-diskriminazzjoni fl-iskema ta’ l-1999.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

191   Skond il-prinċipji mfakkra qabel, l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura jeħtieġ, biex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u dritt li fuqhom huwa bbażat, jidhru ta’ l-inqas fil-qosor imma b’mod koerenti u li jiftehmu mit-test tar-rikors innifsu.

192   F’dan il-każ, ir-rikorrenti osservat (punt 95 tar-rikors) li l-ksur tal-prinċipju ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni "joħroġ ċar mill-fatt li l-organizzazzjoni tal-banana nħolqot biex issir diskriminazzjoni bi żvantaġġ għar-rikorrenti u biex tnaqqas sostanzjalment id-daqs ta’ l-attivitajiet kummerċjali tar-rikorrenti fl-ambitu tal-Komunità". Barra minn dan ir-rikorrenti għamlet referenza espliċita għall-punti 22 sa 28 tar-rikors tagħha li ma fihomx biss deskrizzjoni ta' l-iskema ta’ l-1993, imma fihom ukoll kritika li tikkonsisti fl-osservazzjoni li l-għan ta’ din l-iskema kien, essenzjalment, li tiddgħajjef il-pożizzjoni ekonomika tal-kumpanniji multinazzjonali kbar li qegħdin fis-suq tal-banana b’mod ġenerali u tar-rikorrenti b’mod partikolari. Ir-rikorrenti qalet ukoll b’mod ċar (ara, partikolarment, il-punti 66 sa 98 tar-rikors) li, minflok ma emendaw l-iskema ta’ l-1993 biex telimina l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-WTO, misjuba mid-DSB fid-deċiżjoni tiegħu tal-25 ta’ Settembru 1997, l-iskema ta’ l-1999 u partikolarment ir-Regolament Nru 2362/98 komplew iżidu mad-difetti ta’ l-iskema ta’ qabel. Għalhekk il-kliem tar-rikors huwa ċar u preċiż biżżejjed biex jippermetti lill-Kummissjoni tipprepara d-difiża tagħha u biex il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ tiddeċiedi fuq din l-ewwel parti.

193   Għalhekk, is-siltiet tar-rikors dwar din l-ewwel parti huma skond il-ħtiġijiet ta’ l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, u għalhekk l-argumenti tal-Kummissjoni għandhom jiġu miċħudin.

194   Minn dan isegwi li din l-ewwel parti tat-tielet motiv hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

–       L-argumenti tal-partijiet

195   Ir-rikorrenti targumenta fil-fatt li, ladarba kien ċar li l-kwoti tat-tariffi kienu biżżejjed biex jippromwovu l-banana tal-Komunità u ta’ l-AKP, il-Komunità kellha tirriforma l-iskema ta’ l-1993 fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-liċenżji ta’ l-importazzjoni, deskritti bħala aspetti "ta’ piż" u "onerużi" mill-Avukat Ġenerali Gulman fil-konklużjonijiet tiegħu għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja L-Ġermanja vs Il-Kunsill (Banana) (Ġabra p. 1-4980). Bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 2362/98, il-Kummissjoni kienet għażlet madankollu skema li żiedet, minn naħa, il-vantaġġi ekonomiċi mogħtijin lill-operaturi ta’ l-ex-Kategorija B, u min-naħa l-oħra, il-piżijiet imposti fuq ex-importaturi ewlenin li daħlu fil-Kategorija A, bħar-rikorrenti (ara fuq l-espożizzjoni fil-qosor tal-motivi).

196   Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-ksur tal-prinċipju ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni jsegwi direttament mill-għan ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-banana. Fil-fatt, l-iskema ta’ l-1999 tawlet l-iskema ta’ l-1993 li l-iskop magħruf tagħha kien dak li jnaqqas sostanzjalment l-attivitajiet tar-rikorrenti fil-Komunità għall-benefiċċju ta' l-operaturi Komunitarji.

197   Fis-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (Banana), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-iskema ta’ l-1993 setgħet, potenzjalment, tikser il-prinċipju ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni. Hija madankollu eskludiet ksur bħal dan wara li kkunsidrat li l-iskema ta’ l-1993 kienet stabbiliet bilanċ aċċettabbli fost l-interessi tad-diversi kategoriji ta’ operaturi kkonċernati. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 74, kienet iddeċidiet li d-differenzi fit-trattament fost l-operaturi kienu "inerenti fl-għanijiet ta' l-integrazzjoni tas-swieq li sa dakinhar kienu iżolati". Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonfermat dak ir-raġunament fil-punti 63 sa 65 tas-sentenza ta’ l-10 ta’ Marzu 1998, C-122/95, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (Ġabra p. I-973).

198   F’dan il-każ, ir-rikorrenti targumenta li s-sitwazzjoni kienet differenti. L-iskema ta’ l-1999 kienet adottata ħames snin wara l-integrazzjoni tas-swieq magħmula bil-ħolqien, fl-1993, ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-banana. Matul dan il-perijodu l-operaturi Komunitarji u l-AKP kellhom l-okkażjoni li jipprofittaw mill-vantaġġi kompetittivi li ngħatawlhom. Għalhekk, il-ġustifikazzjoni fundamentali mqajma mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (Banana) sabiex tiġi eskluża l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni f’dan il-każ ma baqgħetx teżisti fil-mument ta’ l-adozzjoni ta’ l-iskema ta’ l-1999.

199   Ir-rikorrenti ssostni li s-sempliċi traspożizzjoni ta’ l-analiżi magħmula fis-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (Banana) għaċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti twassal sabiex jiġi deċiż li d-differenza fis-sitwazzjonijiet ta’ l-operaturi kkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (Banana) skond l-iskema ta’ l-1993 baqgħet teżisti fl-iskema ta’ l-1999. Dan jippressupponi wkoll li l-iskema ta’ l-1999 hija tkomplija de facto ta’ l-iskema ta’ l-1993. Iżda, għall-kuntrarju, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni ssostni li l-iskema ta’ l-1999 hija kompletament differenti mill-iskema ta’ l-1993. Jekk dan hu hekk, ir-rikorrenti targumenta li mhux possibbli li jiġu trasposti l-konklużjonijiet tas-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (Banana) għall-iskema ta’ l-1999.

200   Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti tissottometti li huwa ovvju li l-operaturi ma kinux fl-istess sitwazzjoni qabel l-iskema ta’ l-1993 u skond l-iskema ta’ l-1999. Is-suq inbidel profondament mis-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (Banana). Qabel l-1993, l-operaturi li wara fformaw il-Kategorija B ma setgħux, f’ċerti pajjiżi, jimportaw banana mill-Amerika Latina mingħajr restrizzjonijiet. Fis-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (Banana), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li kellhom ikunu ttrattati b’mod differenti minħabba dik is-sitwazzjoni żvantaġġuża. B’hekk il-vantaġġi li ngħatawlhom kellhom effett profond fuq is-suq. Fl-iskema ta’ l-1993, ħafna operaturi fil-Kategorija A kisbu operaturi fil-Kategorija B biex ikollhom aċċess għal-liċenżji ta’ importazzjonijiet tagħhom. Għall-kuntrarju, xi operaturi tal-Kategorija B ippruvaw jestendu n-negozju tagħhom fil-qasam tal-banana ta' l-Amerika Latina billi jakkwistaw operaturi tal-Kategorija A.

201   Barra minn hekk ir-rikorrenti tikkontesta l-argument li l-kristallizzazzjoni ta’ l-iskema ta’ l-1993 ma setgħetx tkun diskriminatorja billi xi importaturi ewlenin tal-Kategorija A kienu akkwistaw operaturi tal-Kategorija B u konsegwentement l-aċċess għal-liċenzji ta’ importazzjoni. Dak l-argument kien diġà ġie kkontestat, fl-kuntest tal-WTO, mid-deċiżjoni ta' arbitraġġ tad-9 ta’ April 1999 (punt 5.69). Dik ir-reazzjoni minn importaturi primarji kienet il-konsegwenza normali u diretta tal-miżuri diskriminatorji imposti fuqhom.

202   Fl-aħħar, ir-rikorrenti tissottometti li r-raġunijiet li wasslu l-Qorti tal-Prim’Istanza tiċħad il-motiv dirett kontra r-Regolament Nru 2362/98, dwar id-diskriminazzjoni, fis-sentenza Bocchi Food Trade International vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, ma japplikawx għal dan il-każ. Dak il-każ kien jirrigwarda d-diskriminazzjoni allegata bejn impriżi żgħar u multinazzjonali. Billi dak l-aspett mhux relatat ma’ dan il-każ, ir-rikorrenti tikkunsidra li s-sentenza Bocchi Food Trade International vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, mhijiex rilevanti fir-rigward ta' dan il-punt.

203   Il-Kummissjoni tiċħad din l-affermazzjoni. Il-ġurisprudenza kienet diġà wriet li r-restrizzjonijiet fuq id-dritt għall-importazzjoni ta’ banana ta’ pajjiżi terzi huma inerenti fl-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-banana u għalhekk ċaħdet uħud mill-motivi dwar il-karattru diskriminatorju ta’ l-organizzazzjonijiet ta’ l-1993 u ta' l-1999 [sentenzi Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (Banana), iċċitata aktar 'il fuq, punt 82, u Bocchi Food Trade International vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 81].

204   Il-Kummissjoni tikkontesta d-distinzjoni li r-rikorrenti tipprova tagħmel bejn is-sitwazzjoni li kienet teżisti fiż-żmien tal-fatti tal-kawża li taw lok għas-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (Banana) u dik tal-każ preżenti. Hija tikkontesta wkoll ir-rilevanza, f’dan il-każ, tal-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Gulman fis-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (Banana).

205   Dwar ir-rilevanza tad-deċiżjonijiet tal-WTO fuq in-natura diskriminatorja ta’ l-iskema ta’ l-1999, il-Kummissjoni tissottometti li l-kunċett stess ta’ "diskriminazzjoni" fil-liġi tal-WTO mhuwiex identiku għal dak ipprattikat fid-dritt Komunitarju. Differenza fit-trattament li hija biss konsegwenza awtomatika ta’ trattament differenti ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ma jistax jitqies bħala diskriminatorju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ottubru 1982, Faust vs Il-Kummissjoni, 52/81, Ġabra p. 3745, punt 25).

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

206   L-argument li l-iskema ta’ l-1999 kienet maħsuba biex tiffavorixxi lill-operaturi Komunitarji speċjalizzati fil-kummerċ tal-banana ta’ oriġini Komunitarja jew AKP u bi żvantaġġ għar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’.

207   Fir-rigward ta' l-allegata diskriminazzjoni bejn, fuq naħa, l-operaturi speċjalizzati fil-kummerċ tal-banana mill-Amerika Latina u, fuq in-naħa l-oħra, dawk li jispeċjalizzaw fil-kummerċ tal-banana ta’ oriġini Komunitarja jew AKP, għandu jiġi nnotat li, anki jekk wieħed jassumi li r-Regolament Nru 2362/98 seta’ jolqot b’mod differenti s-sitwazzjoni ta’ dawn il-kategoriji ta’ operaturi, dan ma jikkostitwix trattament diskriminatorju billi dan it-trattament jidher inerenti fl-għan ta’ l-integrazzjoni tas-swieq fil-Komunità [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (Banana), punt 74, u Bocchi Food Trade International vs Il-Kummissjoni, punt 75].

208   Fil-fatt qabel ma nħolqot l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-banana, is-sitwazzjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ operaturi ma setgħetx tiġi mqabbla. Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, "is-settur tal-banana fil-livell Komunitarju kien ikkaratterizzat mill-koeżistenza ta’ swieq nazzjonali miftuħin, li huma nnifishom kienu rregolati b’organizzazzjonijiet differenti, u ta’ swieq nazzjonali protetti". B’hekk, skond il-Qorti tal-Ġustizzja:

"Fis-swieq nazzjonali miftuħin, l-operaturi ekonomiċi setgħu jiksbu provvisti ta’ banana ta’ pajjiżi terzi mingħajr restrizzjonijiet kwantitattivi. Fis-suq Ġermaniż l-importaturi kienu eżentati wkoll mid-dazji tad-dwana fi kwota li kienet aġġustata regolarment fuq il-bażi tal-Protokoll tal-Banana. Fis-swieq nazzjonali protetti, min-naħa l-oħra, operaturi ekonomiċi li jikkummerċjalizzaw banana tal-Komunità u AKP tradizzjonali ġew assigurati li jkunu jistgħu jbigħu l-prodotti tagħhom mingħajr kompetizzjoni mill-fornituri ta’ banana ta’ pajjiżi terzi aktar kompetittivi. [...] [I]l-prezz tal-bejgħ tal-banana tal-Komunità u ta’ l-AKP kien fil-fatt ferm għola minn dak ta’ banana ta’ pajjiżi terzi" [sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (Banana), punt 70 sa 72].

209   Għalkemm l-iskema ta’ l-1993 kienet laqtet b’mod differenti l-kategoriji ta’ operaturi ekonomiċi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li "trattament differenti ta’ dan it-tip jidher madankollu inerenti fl-għan ta’ l-integrazzjoni tas-swieq sa dakinhar iżolati, wara li titqies is-sitwazzjoni differenti li jkunu fiha d-diversi kategoriji ta’ operaturi ekonomiċi qabel it-twaqqif ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq". Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li "r-Regolament [Nru 404/93] kien fil-fatt maħsub biex jiggarantixxi l-bejgħ tal-produzzjoni Komunitarja u tal-produzzjoni tradizzjonali AKP, li jfisser li jintlaħaq ċertu bilanċ bejn iż-żewġ kategoriji ta’ operaturi ekonomiċi interessati" [sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (Banana), punt 74].

210   Ir-rikorrenti essenzjalment targumenta li ċ-ċirkustanzi li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja għal konklużjoni ta’ dan it-tip m’għadhomx jeżistu għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-adozzjoni ta’ l-iskema ta’ l-1999, billi ntlaħaq sewwa l-għan ta’ l-integrazzjoni tas-swieq miftuħin u tas-swieq protetti. F’dan ir-rigward hija tikkwota dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li "l-għanijiet fundamentali ta’ l-"[organizzazzjoni komuni tas-swieq] kienu ntlaħqu sewwa, speċjalment il-fużjoni ta’ diversi swieq nazzjonali f’suq wieħed, il-bilanċ kwantitattiv tal-provvista tas-suq, livell ta’ prezzijiet ġusti għall-konsumaturi u għall-produtturi Komunitarji u AKP" [Rapport Speċjali tal-Qorti ta’ l-Awdituri Nru 7/2002 fuq l-amministrazzjoni finanzjarja tajba ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-banana, flimkien mar-risposti tal-Kummissjoni, fil-paġna 27 (ĠU C 294, 2002, p. 1); aktar ‘il quddiem ir-"rapport tal-Qorti ta’ l-Awdituri"]. Hija ssemmi wkoll studju mid-ditta ta’ Arthur D. Little tat-22 Ġunju 1995, iffinanzjat mill-Kummissjoni (aktar ‘il quddiem: ir-"rapport Arthur D. Little"). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

211   Huwa veru li wara l-ħolqien ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-banana u għal ħames snin li matulhom baqgħet fis-seħħ l-iskema ta’ l-1993, is-suq Komunitarju tal-banana għadda minn diversi tibdiliet, kif jixhdu kemm id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni li jidhru fir-rapport tal-Qorti ta’ l-Awdituri kif ukoll ir-rapport Arthur D. Little. Dan ta’ l-aħħar (p. 46 u 47) jgħid b’mod partikolari li "l-introduzzjoni ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq ippermettiet l-eliminazzjoni tat-tqassim f'kompartamenti tas-swieq nazzjonali u wasslet għal splużjoni ta’ kummerċ intrakomunitarju" kif ukoll "ippermettiet penetrazzjoni tal-banana mill-Amerika Latina f’pajjiżi tradizzjonalment protetti, permezz ta’ l-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni u l-possibbiltà mogħtija lill-operaturi tal-Kategorija B li jimportaw banana dollari". Dwar l-għan ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq biex titmexxa l-banana tal-Komunità u ta’ oriġini AKP, l-istess rapport jinnota li l-produzzjoni tagħhom "tagħti bidu għall-penetrazzjoni fl-Ewropa tat-Tramuntana" u li dan il-fenomenu ta’ "taħlit miżjud, fil-pajjiżi kollha, ta’ l-importazzjonijiet skond l-oriġini jirrifletti aspett ieħor tal-ħolqien ta’ suq wieħed veru." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

212   Madankollu, dawk l-iżviluppi fis-settur tal-banana li ġew mill-organizzazzjoni komuni tas-swieq introdotta mir-Regolament Nru 404/93 ma jistgħux ipoġġu fid-dubju l-għażliet leġiżlattivi magħmulin fil-mument ta’ l-adozzjoni ta’ l-iskema ta’ l-1999 u, b’mod partikolari, it-trattament differenti riżervat għal kull kategorija ta’ operaturi. Anki jekk ir-regoli ddettaljati għall-funzjonament ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq li jirriżultaw mill-iskemi ta’ l-1993 u ta’ l-1999 huma differenti, jibqgħu l-għanijiet ta’ l-integrazzjoni tas-swieq nazzjonali u l-bejgħ ta’ banana tal-Komunità u ta’ l-AKP. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1637/98 ma biddlux dawk l-għanijiet imma kienu limitati, fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni tal-kummerċ għall-pajjiżi terzi (Titolu IV tar-Regolament Nru 404/93), għall-formulazzjoni mill-ġdid tar-regoli ddettaljati għall-funzjonament tagħhom. Għalhekk, skond l-iskema ta’ l-1999, it-trattament differenti ta' kummerċjanti speċjalizzati fil-banana ta' l-Amerika Latina u kummerċjanti speċjalizzati fil-banana tal-Komunità u ta’ l-AKP baqa’ inerenti fl-għanijiet ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-banana. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-trattament differenti rriżervat għall-kategoriji differenti ta’ operaturi ma jikkostitwix ksur tal-prinċipju ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni li jista’ jwassal għar-responsabbiltà tal-Komunità.

213   Dwar l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq atti ta’ diskriminazzjoni kkunsidrati fid-deċiżjoni ta' arbitraġġ tad-9 ta’ April 1999 b’referenza għal xi dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2362/98, isegwi mill-valutazzjonijiet magħmulin fir-rigward ta’ l-ewwel motiv li r-rikorrenti ma tistax tiddependi fuq il-ksur ta’ regoli tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO, billi l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Nakajima mhumiex sodisfatti f’dan il-każ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni targumenta tajjeb li s-sitwazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni misjuba mill-arbitri jirrigwardaw, minn naħa, it-trattament riżervat għad-distributuri ta’ banana stabbiliti barra l-Komunità fir-rigward tal-kompetituri tagħhom stabbiliti fil-Komunità u, min-naħa l-oħra, l-allokazzjoni tas-subkwoti tat-tariffi nazzjonali fost xi pajjiżi ta’ l-Amerika Latina. Għalhekk, dawn mhumiex sitwazzjonijiet li jistgħu jidħlu fl-ambitu tal-prinċipju Komunitarju ta’ trattament ugwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Faust vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 25).

214   Bħala konsegwenza, jeħtieġ li jiġi konkluż li, meta jitqies il-marġini wiesa’ ta' diskrezzjoni li hija kellha, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni li jista’ jwassal għar-responsabbiltà tal-Komunità.

215   Għalhekk, din l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, dwar l-eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika

 L-argumenti tal-partijiet

216   Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-ksur tal-prinċipju ta’ l-eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika jsegwi direttament mill-iskop segwit mill-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-banana. Fis-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (Banana), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fil-punt 87, li l-iskema ta’ l-1993 ma kinitx tippreġudika dan il-prinċipju. Ir-rikorrenti madankollu ssostni li s-sitwazzjoni fiż-żmien tal-fatti tal-kawża li tat lok għal din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija differenti minn dik li kienet teżisti taħt l-iskema ta’ l-1999.

217   Barra minn dan, ir-rikorrenti tinsisti fuq il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (Banana), kienet ibbażat ruħha wkoll fuq it-test tal-bilanċ ta’ l-interessi biex tiddeċiedi fuq il-motiv ta' ksur tal-prinċipju ta’ l-eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika. Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat "jekk ir-restrizzjonijiet introdotti bl-[iskema ta’ l-1993] kinux jikkorrispondu għall-għanijiet ta’ interess ġenerali Komunitarju u kinux jippreġudikaw is-sustanza stess ta’ dak id-dritt".

218   Hija tissottometti li l-għanijiet ta’ l-iskema ta’ l-1999 huma, minn naħa, il-promozzjoni tal-banana Komunitarja u AKP u, minn-naħa l-oħra, il-kompatibbiltà ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-banana mar-regoli tal-WTO. Fl-iskema ta’ l-1999, kemm il-mekkaniżmu ta' distribuzzjoni tal-liċenzji ta’ importazzjoni, kif ukoll l-allokazzjoni għal kull pajjiż ma jaqgħux taħt dawn l-għanijiet. Madankollu, dawn iż-żewġ elementi jillimitaw il-libertà tar-rikorrenti li tkompli l-attività ekonomika tagħha b’mod aktar inċiżiv meta mqabbel ma’ l-organizzazzjoni ta’ qabel. Minn dan isegwi, fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Qorti fil-punti 82 sa 86 tas-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (Banana), li r-Regolament Nru 2362/98 jikser il-bilanċ bejn l-interess ġenerali tal-Komunità u l-interess partikolari tar-rikorrenti.

219   Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet. Ir-rikorrenti tinjora għal kollox l-għan ta’ l-integrazzjoni tas-swieq li kellu jintlaħaq mill-iskema ta’ l-1999. Il-ġurisprudenza diġà ċaħdet motivi analogi [sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (Banana), iċċitata aktar 'il fuq, punt 82, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Diċembru 1996, Atlanta et vs Il-Komunità Ewropea, T-521/93, Ġabra p. II‑1707, punti 62 sa 64].

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

220   Jeħtieġ li jiġi mfakkar li jistgħu jiġu imposti restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika, b’mod partikolari fl-ambitu ta’ organizzazzjoni komuni tas-swieq, sakemm dawn ir-restrizzjonijiet jirrispondu effettivament għall-għanijiet ta’ interess ġenerali li jridu jintlaħqu mill-Komunità u ma jikkostitwixxux, fir-rigward ta’ l-iskop segwit, intervent sproporzjonat u inaċċettabbli, b’mod li jagħmel ħsara lis-sustanza stess tad-drittijiet hekk iggarantiti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1989, 265/87, Schraeder, Ġabra. p. 2237, punt 15). B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-restrizzjoni fuq l-eżerċizzju liberu ta’ l-attività professjonali ta’ l-operaturi tradizzjonali tal-banana ta’ pajjiżi terzi imposta mir-Regolament Nru 404/93 tikkorrispondi għall-għanijiet ta’ interess ġenerali tal-Komunità u ma tagħmilx ħsara lis-sustanza stess ta’ dak id-dritt [sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (Banana), iċċitata aktar 'il fuq, punt 87].

221   Madankollu, kif ġie osservat fl-ambitu ta’ l-ewwel parti ta’ dan il-motiv, l-iskema ta’ l-1999 issegwi, mingħajr ma tibdilhom, l-għanijiet ta’ interess ġenerali tar-Regolament Nru 404/93, jiġifieri l-integrazzjoni tas-swieq nazzjonali u l-bejgħ tal-banana ta’ oriġini Komunitarja u AKP. Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, għandu jiġi kkunsidrat li l-iżviluppi tal-kundizzjonijiet ekonomiċi wara d-dħul fis-seħħ ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-banana, li fuqhom tistrieħ r-rikorrenti, ma jippermettux li jiġi konkluż li teżisti interferenza intollerabbli li hija inkompatibbli ma’ l-imsemmija għanijiet ta’ interess ġenerali.

222   Minbarra dan, jeħtieġ jiġi osservat li, fl-iskema ta’ l-1999, il-Komunità, biex tikkonforma ma’ l-obbligi ġenerali assunti minnha fl-ambitu tal-WTO, ukoll waqt li żżomm il-metodu ta’ flussi ta’ kummerċ tradizzjonali msejħa "operaturi tradizzjonali/riċenti" (Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 1637/98), eliminat il-kategoriji u l-funzjonijiet b’referenza għall-attivitajiet ta’ l-operaturi u żiedet ukoll il-kwantità tal-liċenzji disponibbli għal operaturi ġodda li jidħlu fis-suq.

223   Għalhekk, it-tieni parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata

 Fuq it-tielet parti, dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità

 L-argumenti tal-partijiet

224   Ir-rikorrenti ssostni li skond is-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (Banana), ir-Regolament Nru 2362/98 jista’ jiġi annullat skond il-prinċipju ta' proporzjonalità fil-każ biss meta d-dispożizzjonijiet introdotti minnu huma "manifestament mhux xierqa" biex jintlaħaq l-għan mixtieq. F'dan il-każ, ir-Regolament Nru 2362/98 huwa manifestament mhux xierqa fir-rigward ta' l-għanijiet ta’ l-iskema ta’ l-1999 li huma, minn naħa, il-kompatibbiltà mar-regoli tal-WTO, u min-naħa l-oħra, il-promozzjoni ta’ banana AKP u Komunitarja. Fil-fatt is-sistemi tad-distribuzzjoni tal-liċenzji u ta’ l-allokazzjoni għal kull pajjiż kienu ġew iġġudikati inkompatibbli mill-WTO mar-regoli tal-GATT ta’ l-1994 u tal-GATS. Barra minn dan, dawn il-miżuri kienu jiffavorixxu inqas il-banana Komunitarja u AKP milli ċerti kummerċjanti Komunitarji, li setgħu jibbenefikaw mill-għoti tal-liċenzji ta’ importazzjoni. Għalhekk, tgħid ir-rikorrenti, ir-Regolament Nru 2362/98 imur kontra l-prinċipju ta' proporzjonalità.

225   Il-Kummissjoni ssostni li dan l-argument huwa marbut mill-qrib mal-motiv dwar l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-WTO; dan l-argument huwa għalhekk irrilevanti. Barra minn dan, l-iskema ta’ l-1999 ma tiksirx il-prinċipju ta' proporzjonalità. Din l-iskema hija parti mill-politika maħsuba biex tiffavorixxi l-produzzjoni tal-banana Komunitarja u AKP. Kemm ir-regoli tad-distribuzzjoni tal-liċenzji ta’ importazzjoni, kif ukoll dawk dwar l-allokazzjoni għal kull pajjiż isegwu dak l-għan.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

226   L-ewwel nett, jeħtieġ li l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-inkompatibbiltà tar-Regolament Nru 2362/98 mal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO, jiġu miċħuda, skond dak li ġie deċiż fl-ambitu ta’ l-ewwel motiv.

227   Wara hemm bżonn li jiġi mfakkar li, biex jiġi stabbilit jekk regola ta’ dritt Komunitarju hijiex konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità, għandu jiġi aċċertat jekk il-mezzi kkontemplati minnha humiex xierqa sabiex jintlaħaq l-iskop mixtieq u jekk dawn imorrux lilhinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan l-iskop (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 1997, Affish, C-183/95, Ġabra p. I-4315, punt 30).

228   Fi kwistjonijiet dwar il-politika agrikola komuni l-leġiżlatur tal-Komunità għandu diskrezzjoni wiesgħa proporzjonata mar-responsabbiltajiet politiċi li ngħatawlu mill-Artikoli 34 u 37 KE. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-legalità ta’ miżura adottata f’dak l-ambitu tista’ tiġi affettwata biss jekk il-miżura hija manifestament mhux xierqa wara li jitqies l-għan li l-istituzzjoni kompetenti tkun qed tipprova tilħaq. L-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkun limitat speċjalment jekk, fit-twaqqif ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq, il-Kunsill u l-Kummissjoni jkunu meħtieġa jirrikonċiljaw interessi li jkunu f’kunflitt u b’hekk jagħmlu għażliet politiċi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet tagħhom [sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (Banana), punti 89 u 90].

229   Fir-rigward tad-definizzjoni tar-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-organizzazzjoni tal-kummerċ ma’ pajjiżi terzi, u b’mod aktar partikolari, fir-rigward ta’ l-immaniġġjar tal-kwoti tat-tariffi, il-Kummissjoni ppruvat, fil-mument ta’ l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2362/98, tirrikonċilja l-għanijiet inerenti fl-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-banana skond l-impenji internazzjonali tal-Komunità li joħorġu mill-pattijiet ta' ftehim tal-WTO kif ukoll mill-Konvenzjoni ta’ Lomé, waqt li fl-istess ħin imxiet max-xewqa tal-Kunsill li tara li l-immaniġġjar tal-kwoti tat-tariffa jsir permezz ta’ l-applikazzjoni tal-metodu bbażat fuq il-kunsiderazzjoni tal-flussi tal-kummerċ tradizzjonali (Artikolu 19 tar-Regolament Nru 404/93, kif emendat mir-Regolament Nru 1637/98).

230   Għandu jiġi osservat li r-rikorrenti tillimita ruħha li tikkritika d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2362/98 li jirregolaw id-distribuzzjoni taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni u l-allokazzjoni ta’ subkwoti ta’ tariffi nazzjonali bħala li huma manifestament mhux xierqa, mingħajr ma turi li dawn il-miżuri huma manifestament mhux xierqa biex jintlaħaq l-għan mixtieq u li marru lilhinn minn dak li kien meħtieġ biex dan jintlaħaq.

231   Billi r-rikorrenti ma tatx prova li dawn il-miżuri huma manifestament mhux xierqa, it-tielet parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

232   Minn dan isegwi li fit-tielet motiv ir-rikorrenti ma wrietx l-eżistenza ta’ aġir illegali b’mod li jrendi lill-Komunità responsabbli mhux kuntrattwalment.

5.     Ir-raba’ motiv, allegazzjoni ta’ ksur tal-prinċipji ta' bona fede u l-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi fid-dritt internazzjonali

 L-argumenti tal-partijiet

233   Ir-rikorrenti tallega li bl-adozzjoni u ż-żamma fis-seħħ tar-Regolament Nru 2362/98, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' bona fede fid-dritt internazzjonali pubbliku. Hija tirriferi għall-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Vienna dwar il-Liġi tat-Trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969 (United Nations Treaty Series, Vol. 788, p. 354) li jgħid hekk: "Kull trattat li jkun fis-seħħ jorbot lill-partijiet u għandu jiġi eżegwit minnhom b'bona fede". Il-Komunità naqqset b’mod ċar li tirrispetta dak il-prinċipju fil-kwistjoni Banana III. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

234   Il-Komunità, bid-dikjarazzjonijiet u l-osservazzjonijiet tagħha, qalet b’mod ċar f’diversi okkażjonijiet li kellha l-intenzjoni li timplementa b'bona fede id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tad-DSB (ara WTO, Status Report by the European Communities: dokumenti, WT/DS27/17 tat-13 ta’ Lulju 1998; WT/DS27/17/add. 1 tad-9 ta’ Settembru 1998;, WT/DS27/17/Add. 2 tad-9 ta’ Ottubru 1998 u WT/DS27/17/Add. 3 tat-13 ta’ Novembru 1998; minuti tal-laqgħa tad-DSB tat-22 ta’ Jannar 1998, dokument WT/DSB/M/41 tas-26 ta’ Frar 1998,).

235   Iżda dawn id-dikjarazzjonijiet mhumiex sostenibbli meta jiġu eżaminati sewwa. Ir-rikorrenti tissottometti li l-iskema ta’ l-1999 mhijiex intiża sabiex tirrimedja d-difetti li hemm fl-iskema ta’ l-1993 tal-WTO. Aktar milli tħares id-deċiżjonijiet tal-WTO, il-Komunità ppruvat tuża l-bidliet kosmetiċi biex tgħatti l-kristallizzazzjoni ta’ sitwazzjoni illegali li rriżultat mill-iskema ta’ l-1993. Dan l-aġir, fih innifsu, ikkostitwixxa ksur tal-prinċipju ta' bona fede. Permezz ta’ manuvri sabiex jinħela ż-żmien, il-Komunità ppruvat taħrab mill-obbligi tagħha taħt il-liġi tal-WTO u użat il-kumplessità ta’ l-organizzazzjoni tagħha stess sabiex tqarraq bl-imsieħba kummerċjali tagħha fil-WTO.

236   M’hemm xejn li jikkontradixxi dawn l-allegazzjonijiet. Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-allokazzjoni għal kull pajjiż, il-Kummissjoni ma tistax issostni li aġixxiet b'bona fede. Ir-rikorrenti tfakkar li qabel kienet sostniet li l-falliment tan-negozjati mibdija minn erba’ pajjiżi ta’ l-Amerika Latina bl-ebda mod ma obbliga lill-Kummissjoni tadotta, bis-saħħa tar-Regolament Nru 2362/98, sistema ta’ allokazzjonijiet għal pajjiżi ekwivalenti għas-sistema tas-subkwoti fis-seħħ taħt l-iskema ta’ l-1993.

237   Fit-tieni lok, il-fatt li l-Komunità pparteċipat fil-proċeduri ta’ arbitraġġ u l-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet fil-kawża Banana III mhijiex prova tal-bona fede. Kien sempliċiment l-eżerċizzju tal-Komunità tad-difiża tad-drittijiet tagħha. Ir-rikorrenti tosserva f’dan ir-rigward li għall-Komunità ma kienx meħtieġ li tagħmel appell kontra r-Rapport tal-Grupp Speċjali tas-6 ta’ April 1999, li qal li l-iskema ta’ l-1999 kienet inkompatibbli mar-regoli tal-WTO.

238   Fit-tielet lok, il-proċedura mibdija mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 21/5 tad-DSU li wasslet għar-Rapport tal-Grupp Speċjali tat-12 ta’ April 1999 (WT/DS27/RW/EEC) hija irrilevanti f’dan il-każ jew, ta’ l-inqas, ma tikkostitwixxix prova ta’ bona fede tal-Komunità. Ir-rikorrenti tgħid li essenzjalment l-għan ta’ din il-proċedura huwa li l-iskema ta’ l-1999 tiġi ddikjarata kompatibbli mal-WTO sakemm u jekk ikun hemm deċiżjoni kuntrarja mid-DSU. Ir-rikorrenti tgħid li l-proċedura ma kellhiex x’taqsam direttament mal-kompatibbiltà tal-WTO ma’ l-iskema ta’ l-1999. Il-Grupp Speċjali ma kienx f’pożizzjoni li jilqa’ dik it-talba għaliex il-Komunità ma ġabitx biżżejjed provi biex tingħata deċiżjoni. Iżda qari tar-rapport tiegħu juri b’mod ċar li l-Kummissjoni ma xtaqitx tiddiskuti l-kompatibbiltà ta’ l-iskema ta’ l-1999 mar-regoli tal-WTO.

239   Ir-rikorrenti żżid tgħid li l-aġir tal-Komunità ammonta għal abbuż tal-proċedura. Minkejja d-dgħjufija tal-pożizzjoni legali tagħha, il-Komunità kompliet tonqos mill-obbligi tagħha billi affermat li r-regolamenti tagħha kienu kompatibbli mal-WTO minħabba l-emendi superfiċjali li kienu saru. Din il-pożizzjoni ġiegħlet numru ta’ membri tal-WTO jressqu proċeduri quddiem id-DSB, u b'hekk inħolqu tensjonijiet bla bżonn.

240   Fl-aħħar lok ir-rikorrenti tissottometti li għandha dritt tqajjem il-ksur min-naħa tal-Komunità tal-prinċipju tal-bona fede fid-dritt internazzjonali. F’dan ir-rigward, hija tinvoka s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke (C-162/96, Ġabra p. I-3655, aktar ‘il quddiem is-"sentenza Racke") u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Jannar 1997, Opel Austria vs Il-Kunsill (T-115/94, Ġabra p. II‑39), u tagħmel żewġ osservazzjonijiet fuq ir-rilevanza ta’ din il-ġurisprudenza.

241   Minn naħa, ir-rikorrenti tammetti li, skond is-sentenza Racke, individwu jista’ jinvoka regola tad-dritt internazzjonali biss jekk ikun hemm "żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli". Hija ssostni li f’dan il-każ il-Kummissjoni għamlet l-ewwel żball manifest ta’ evalwazzjoni meta adottat ir-Regolament Nru 2362/98, kif jidher mill-argumenti esposti fl-ambitu ta’ l-ewwel motiv. Hija mbagħad għamlet it-tieni żball ta’ din in-natura meta naqset milli tirtira l-iskema ta’ l-1999 wara l-adozzjoni definittiva tar-rapport tal-Grupp Speċjali tas-6 ta’ April 1999, li kkonferma l-inkompatibbiltà ta’ l-iskema ta’ l-1999 mar-regoli tal-WTO.

242   Min-naħa l-oħra, hija tosserva li l-fatt li s-sentenzi Racke u Opel Austria vs Il-Kunsill, iċċitati aktar 'il fuq, huma dwar diversi pattijiet ta' ftehim internazzjonali li jista’ jkollhom effett dirett ma jaffettwax ir-rilevanza tagħhom f’dan il-każ. Hija ssostni li dawk is-sentenzi, bħas-sentenza Nakajima, kienu jinvolvu sitwazzjonijiet fejn il-Komunità kienet assumiet l-impenn li tirrispetta obbligu tad-dritt internazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, skond ir-rikorrenti, li, anki fin-nuqqas ta’ effett dirett ta' l-imsemmi ftehim, l-obbligu li joħroġ mid-dritt internazzjonali jista’ jkollu riperkussjonijiet fuq is-sitwazzjoni ġuridika ta’ l-operaturi ekonomiċi, sitwazzjoni li l-istituzzjonijiet ma setgħux jinjoraw. Fis-sentenza Racke, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li, għalkemm il-Komunità tista’ tissospendi unilateralment ftehim internazzjonali li jkollu effett dirett, hija ma tistax taġixxi kontra l-prinċipju ta’ rebus sic stantibus mingħajr ma jiġu ppreġudikati l-aspettattivi leġittimi ta’ dawn l-operaturi (ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Jacobs fis-sentenza Racke, Ġabra p. I‑3659, punti 86 sa 90 u punt 47 ta’ din is-sentenza).

243   Ir-rikorrenti tqis li din l-interpretazzjoni tas-sentenzi Racke u Opel Austria vs Il-Kunsill, iċċitati aktar 'il fuq, kienet ġiet ikkonfermata fis-sentenza Biotechnologies. Ir-rikorrenti tfakkar li fil-punt 54 ta’ dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li:

"Anki jekk, kif isostni l-Kunsill, il-[Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika ffirmata f’Rio de Janeiro fil-5 ta’ Ġunju 1992 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, 93/626/KEE, tal-25 ta’ Ottubru 1993 (ĠU L 309, p. 1)], fiha dispożizzjonijiet mhux applikabbli direttament, fis-sens li ma joħolqux drittijiet li l-individwi jistgħu jinvokaw direttament fil-qorti, din is-sitwazzjoni mhijiex ta' ostakolu għall-istħarriġ min-naħa tal-qrati tal-ħarsien ta’ l-obbligi li jorbtu l-Komunità bħala parti minn dak il-ftehim [ara s-sentenza Racke, punti 45, 47 u 51]."

244   Skond ir-rikorrenti, il-pedament ta’ din il-ġurisprudenza jikkonsisti fil-fatt li hija tagħti effett, b’mod limitat u bħala eċċezzjoni, lil strumenti internazzjonali li, bħala prinċipju ma jistgħux jintużaw minn individwu, għaliex ikunu għadhom ma daħħlux fis-seħħ (sentenza Opel Austria vs Il-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq), jew għaliex, għalkemm ikunu fis-seħħ, ikunu ġew sospiżi (sentenza Racke), jew għaliex ma jkollhomx, min-natura tagħhom, effett dirett (sentenza Nakajima). Il-ġurisprudenza Nakajima hija biss applikazzjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali wara s-sentenzi Racke u Opel Austria vs Il-Kunsill, iċċitati aktar 'il fuq.

245   Il-Kummissjoni ma taċċettax dawn l-argumenti. Ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-prinċipju pacta sunt servanda, billi, minn naħa, il-Komunità aġixxiet b'bona fede, mingħajr ma għamlet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li jkollha aspettattivi leġittimi u m’għandhiex drittijiet li jistgħu jiġu invokati direttament fuq il-bażi ta' dan il-prinċipju.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

246   Ir-rikorrenti tinvoka l-ksur mill-Komunità tal-prinċipju pacta sunt servanda, li huwa prinċipju fundamentali ta' kull sistema legali, u tad-dritt internazzjonali b’mod partikolari. Dan il-prinċipju, li huwa applikat fid-dritt internazzjonali u kkodifikat fl-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Vienna, jeħtieġ li kull trattat jorbot lill-partijiet u li jiġi eżegwit minnhom b'bona fede.

247   Dan l-argument b’hekk jitħallat ma’ l-argument żviluppat taħt l-ewwel motiv, billi r-rikorrenti qed tallega n-nuqqas ta’ ħarsien ta’ l-obbligi skond il-pattijiet ta' ftehim tal-WTO min-naħa tal-Komunità. Għalhekk, jeħtieġ ikun ikkunsidrat li, għar-raġunijiet imsemmijin fl-ambitu ta’ l-analiżi ta’ l-ewwel motiv, dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, f’dan il-każ ir-rikorrenti ma wrietx li ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Nakajima.

248   Anki jekk dan il-motiv jista' jiġi interpretat bħala li jrid juri li, mingħajr ma kissret l-obbligi tagħha taħt il-pattijiet ta' ftehim tal-WTO, il-Komunità xorta aġixxiet mingħajr bona fede, dan il-motiv għandu jkun miċħud. Il-prinċipju ta’ l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Vienna huwa prinċipju tad-dritt internazzjonali li r-rikorrenti ma tistax toqgħod fuqu f’dan il-każ peress li l-ftehim internazzjonali, li hija qegħda tikkontesta l-eżekuzzjoni tiegħu b'bona fede, m’għandux effett dirett.

249   L-ewwel nett, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-benefiċċju tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Opel Austria vs Il-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq. Din mhijiex rilevanti f'dan il-każ, billi din is-sentenza ma tirrigwardax il-prinċipju pacta sunt servanda imma l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta' Vienna, li jipprojbixxi n-natura vinkolanti ta’ ftehim internazzjonali b’miżuri adottati eżatt qabel id-dħul fis-seħħ ta’ ftehim meta dan ikun inkompatibbli mal-prinċipji fundamentali ta’ dak il-ftehim.

250   Ir-rikorrenti lanqas tista’ tinvoka l-benefiċċju tas-sentenza Racke. Hemmhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet (punt51) li "individwu li fi proċeduri legali jibbaża ruħu fuq drittijiet li jkollu direttament minn ftehim ma' pajjiż terz ma jistax jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jikkontesta l-validità ta’ regolament li, billi jissospendi l-konċessjonijiet kummerċjali mogħtija mill-ftehim, ma jħalliehx jibbaża ruħu fuqu, u li jinvoka, sabiex jikkontesta l-validità tar-regolament ta' sospensjoni, obbligi li joħorġu mir-regoli tal-liġi internazzjonali konswetudinarja li jirregolaw t-tmiem u s-sospensjoni tar-relazzjonijiet li jirriżultaw mit-trattati". Iżda f’dan il-każ ir-rikorrenti mhijiex qed tibbaża ruħha fuq ir-regoli tal-liġi internazzjonali konswetudinarja li, bħala eċċezzjoni mill-prinċipju tal-pacta sunt servanda, jirregolaw it-tmiem u s-sospensjoni tar-relazzjonijiet li jirriżultaw mit-trattat minħabba bidla fundamentali fiċ-ċirkustanzi. Barra minn dan, b’differenza mal-ftehim internazzjonali li kien hemm f’Racke (paragrafu 34), id-dispożizzjonijiet tal-pattijiet ta' ftehim tal-WTO mhumiex intiżi, bħala prinċipju, sabiex jagħtu lill-individwi drittijiet li jistgħu jiddependu fuqhom quddiem il-qrati.

251   Fl-aħħar nett, ir-rilevanza tas-sentenza ta’ Biotechnologies għandha tiġi eskluża. F’dik il-kawża l-motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt internazzjonali kien dirett "mhux tant lejn il-ksur dirett mill-Komunità ta’ l-obbligi internazzjonali tagħha, imma lejn l-obbligu impost fuq l-Istati Membri, mid-[direttiva in kwistjoni], li jiksru l-obbligi tagħhom taħt id-dritt internazzjonali, filwaqt li huwa presuppost li [dik id-direttiva], skond il-kliem tagħha stess, ma taffettwax dawk l-obbligi" (sentenza Biotechnologies, punt 55).

252   Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv mhuwiex korrett fir-rigward tal-fatti. Għall-kuntrarju ta' dak li tgħid ir-rikorrenti, il-Komunità ma tistax titqies li aġixxiet b'mala fede wara d-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta’ Settembru 1997. Il-Komunità ħassret l-iskema ta’ l-1993 wara d-deċiżjoni tad-DSB biex tħares l-obbligi ġenerali tagħha meħudin fil-qafas tal-pattijiet ta' ftehim tal-WTO. Permezz tar-Regolament Nru 1637/98, il-Kunsill inkariga espressament lill-Kummissjoni sabiex tadotta r-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-iskema tal-kummerċ ma’ pajjjiżi terzi, u dawn ir-regoli jinkludu, skond l-Artikolu 20(e) tar-Regolament Nru 404/93 kif emendat mir-Regolament Nru 1637/98, "miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat il-ħarsien ta' l-obbligi li jirriżultaw mill-ftehim konkluż mill-Komunità skond l-Artikolu [300 KE]". Il-Kummissjoni kienet għalhekk imġiegħla tiddefinixxi regoli ġodda ddettaljati għall-immaniġġjar ta’ kwoti tat-tariffa u l-allokazzjoni ta’ liċenzji ta’ importazzjoni fil-kuntest tar-Regolament Nru 2362/98.

253   Fl-ambitu tal-WTO, il-Komunità sussegwentement bdiet negozjati ma’ l-imsieħba kummerċjali tagħha, li kienu partijiet fil-kwistjoni tal-Banana III, biex tinstab soluzzjoni reċiprokament aċċettabbli skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3.6 tad-DSU. Fil-preambolu tar-Regolament Nru 216/2001, il-Kunsill jgħid hekk:

"Kien hemm kuntatti numerużi mill-qrib ma’ pajjiżi fornituri u ma’ partijiet oħra interessati biex jiġi solvut it-tilwim imqanqal mir-reġim [ta' l]-importazzjoni stabbilit bir-Regolament (KEE) Nru 404/93 u biex jiġu kkunsidrati l-konklużjonijiet tal-grupp speċjali mwaqqaf bis-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Analiżi ta’ l-alternattivi kollha preżentati mill-Kummissjoni tissuġġerixxi li t-twaqqif ta’ sistema ta’ importazzjoni għal żmien medju [b]bażata fuq l-applikazzjoni ta’ dazju doganali b’rata xierqa u l-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali ta’ l-importazzjoni minn pajjiżi AKP tipprovdi l-aħjar garanzija, l-ewwel nett li jinkisbu l-għanijiet [ta’ l]-organizzazzjoni komuni tas-suq fir-rigward tal-produzzjoni tal-Komunità u d-domanda mill-konsumatur, u t-tieni, li jkun hemm konformità mar-regoli dwar il-kummerċ internazzjonali, u t-tielet li jiġi evitat aktar tilwim. Iżda, sistema bħal din għandha tiġi introdotta malli jitlestew in-negozjati ma’ l-imsieħba tal-Komunità b’konformità mal-proċeduri tal-WTO, b’mod partikolari l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT). Ir-riżultat ta’ dawn in-negozjati għandu jitressaq għall-approvazzjoni tal-Kunsill li għandu wkoll, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, jistabbilixxi l-livell applikabbli tat-Tariffi Komuni Doganali."

254   Dawn iċ-ċirkustanzi ma jippermettux li jiġi konkluż li l-Komunità ma aġixxietx b'bona fede. Bl-istess mod l-użu ta’ rimedji pprovduti mid-DSU ma jistgħux jiġu ttrattati bħala abbuż tal-proċedura min-naħa tal-Komunità.

255   Fl-aħħar, dwar l-allegat ksur tal-prinċipju tal-ħarsien ta' l-aspettattivi leġittimi, id-dritt li wieħed jiddependi fuq dak il-prinċipju huwa miftuħ għal kull operatur ekonomiku li istituzzjoni tkun tagħtu aspettattivi ġġustifikati (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Lulju 1995, O'Dwyer et vs Il-Kunsill, T-466/93, T-469/93, T-473/93, T-474/93 u T-477/93, Ġabra p. II‑2071, punt 48). F’dan il-każ ir-rikorrenti bl-ebda mod ma wriet kif l-atti jew l-aġir tal-Komunità kienu ppermettewlha, b’mod leġittimu, li tħaddan dawn l-aspettattivi. Billi r-rikorrenti ma kinitx parti fil-kwistjonijiet li l-Komunità kellha fil-konfront ta’ l-imsieħba kummerċjali tagħha fir-rigward ta’ l-iskemi ta’ l-1993 u ta' l-1999, il-kummerċ ta’ bejniethom ma setax iqajjem dawn l-aspettattivi.

256   Barra minn dan, għalkemm il-Komunità hija marbuta b'obbligu ġenerali li timplementa r-rakkomandazzjonijiet jew id-deċiżjonijiet tad-DSB skond il-pattijiet ta' ftehim tal-WTO, obbligu bħal dan ma jistax madankollu jiftiehem fis-sens li jorbot lill-Komunità għal dak li jirrigwarda l-għażla tal-forma u tal-mezzi li għandhom jiġu implementati biex jintlaħaq riżultat bħal dan. Għall-kuntrarju, għandu jiġi ammess li minħabba l-kumplessità tad-dispożizzjonijiet f’dawn id-diversi pattijiet ta' ftehim u n-nuqqas ta’ preċiżjoni ta’ xi kunċetti li jirriferu għalihom, il-prinċipju ta’ eżekuzzjoni b'bona fede tat-trattati internazzjonali kkodifikat fl-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Vienna jinvolvi sforz raġonevoli min-naħa tal-Komunità sabiex tasal għall-adozzjoni ta’ miżuri konformi mal-pattijiet ta' ftehim tal-WTO, għalkemm jibqgħalha l-għażla tal-forma u tal-mezzi biex jintlaħaq dan l-għan. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li "anki jekk kull parti kontraenti hija responsabbli għall-ħarsien sħiħ ta’ l-impenji li daħlet għalihom, huwa l-kompitu tagħha, madankollu, li jiġu stabbiliti l-mezzi ġuridiċi xierqa biex jintlaħaq dan l-iskop fis-sistema legali, sakemm il-ftehim, interpretat fid-dawl tas-suġġett tiegħu u ta’ l-iskop tiegħu, ma jiddeterminax huwa stess dawn il-mezzi" (sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq, punt 35). Fid-dawl tal-marġini ta’ evalwazzjoni li għandhom l-istituzzjonijiet Komunitarji għall-għażla tal-mezzi meħtieġa għat-twettiq tal-politika tagħhom u għall-eżekuzzjoni ta’ l-impenji internazzjonali tagħhom, ir-rikorrenti ma kellhiex raġun temmen li l-aspettattivi leġittimi tagħha kienu jiddependu minn emenda fl-iskema ta’ l-1993 konformi ma' l-interessi tagħha.

257   Billi r-rikorrenti ma wrietx l-eżistenza ta’ aġir illegali tali li tista’ tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

258   Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti targumenta li ċ-ċaħda ta' dan ir-rikors iġġib magħha l-ksur tal-prinċipju ta' protezzjoni legali effettiva stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali ta’ l-4 ta’ Novembru 1950 u mill-ġurisprudenza tal-Komunità (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 1987, 222/86, Heylens et, Ġabra p. 4097). Hija tippreċiża madankollu li dan il-prinċipju mhuwiex il-bażi diretta tar-rikors tagħha, imma għandu jiggwida lill-Qorti tal-Prim’Istanza fl-interpretazzjoni tagħha. Fil-fatt, dan ir-rikors għall-ħlas ta' kumpens għad-danni jikkostitwixxi l-uniku rimedju li jista’ jiġi previst biex ikun hemm stħarriġ ġudizzjarju, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat bħala inammissibbli diversi kawżi għal annullament u rikorsi għal miżuri provviżorji mressqin kontra r-Regolament Nru 2362/98.

259   Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-individwi għandhom, fid-dritt Komunitarju, dritt għall-ħarsien ġurisdizzjonali sħiħ u effettiv [digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Jannar 1997, Antonissen vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C-393/96 P(R), Ġabra p. I‑441, punt 36] u li fl-ambitu tat-Trattat kien previst li jkun hemm sistema sħiħa ta’ ħarsien ġurisdizzjonali fil-konfront ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji li jipproduċu effetti legali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 1988, 302/87, Il-Parlament vs Il-Kunsill, Ġabra p. 5615, punt 20). F’dan il-każ ir-rikorrenti ma tista tistabbilixxi ebda talba fuq dawn il-prinċipji sabiex ir-rikors tagħha jintlaqa’. Hija kienet f’pożizzjoni li tuża l-mezzi legali li kellha miftuħin għaliha. Għalhekk, hawnhekk m’hawn l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni legali effettiva.

260   Minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li l-kundizzjoni li tirrigwarda l-illegalità ta’ l-aġir li qed tiġi akkużata bih l-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata mhijiex sodisfatta. Għalhekk, r-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ispejjeż

261   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

Lindh

García-Valdecasas

Cooke

Mengozzi

 

Martins Ribeiro

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-3 ta’ Frar 2005.

H. Jung

 

      P. Lindh

Reġistratur

 

       President

Werrej

Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża

1.  Ir-Regolament Nru 404/93

2.  Ir-Regolament Nru 1442/93

3.  Ir-Regolament Nru 1637/98

4.  Ir-Regolament Nru 2362/98

5.  Ir-Regolament Nru 216/2001

6.  Ir-Regolament Nru  896/2001

7.  Sommarju tal-kwistjoni "banana" fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO)

Il-proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Fuq l-ammissibbiltà

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-konformità tar-rikors ma’ l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura

Fuq il-konformità tar-rikors ma’ l-Artikolu 44(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura

Fuq il-mertu

1.  Sunt tal-motivi

2.  Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tar-regoli tal-WTO

Fuq l-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza Nakajima

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza Nakajima f’dan il-każ

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

3.  Fuq it-tieni motiv, dwar il-ksur tal-mandat mogħti mill-Kunsill lill-Kummissjoni għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1637/98

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

4.  It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju

Fuq l-ewwel parti, dwar il-prinċipju ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni.

Fuq l-ammisibbiltà

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-mertu

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tieni parti, dwar l-eżerċizzju liberu ta’ attivitŕ ekonomika

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tielet parti, dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

5.  Ir-raba’ motiv, allegazzjoni ta’ ksur tal-prinċipji ta' bona fede u l-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi fid-dritt internazzjonali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top