EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62001CJ0486

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-29 ta' Ġunju 2004.
Front national vs il-Parlament Ewropew.
Appell - Stqarrija ta' formazzjoni ta' grupp fis-sens ta' l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament Ewropew - Nuqqas ta' affinitajiet politiċi - Xoljiment retroattiv tal-grupp TDI - Appell inċidentali- Interpretazzjoni tar-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE - Kunċett ta' deċiżjoni li tirrigwarda 'direttament u individwalment' persuna fiżika jew legali - Inammissibbiltà ta' rikors imressaq minn partit politiku nazzjonali.
Kawża C-486/01 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:394

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

29 ta' Ġunju 2004 (*)

"Appell – Stqarrija ta' formazzjoni ta' grupp fis-sens ta' l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament Ewropew – Nuqqas ta' affinitajiet politiċi – Xoljiment retroattiv tal-grupp TDI – Appell inċidentali– Interpretazzjoni tar-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE – Kunċett ta' deċiżjoni li tirrigwarda 'direttament u individwalment' persuna fiżika jew legali – Inammissibbiltà ta' rikors imressaq minn partit politiku nazzjonali"

Fil-kawża C-486/01 P,

Front National, li għandu s-sede tiegħu f'Saint-Cloud (Franza), irrappreżentat minn F. Wagner u V. de Poulpiquet de Brescanvel, avocats,

rikorrent,

li għandha bħala suġġett appell magħmul kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (it-Tielet Awla Estiża) tat-2 ta' Ottubru 2001, Martinez et vs il-Parlament (T-222/99, T-327/99 u T-329/99, Ġabra. p. II-2823), intiż għall-annullament ta' din is-sentenza,

il-parti l-oħra fil-proċedura li hija:

il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn G. Garzón Clariana, J. Schoo u H. Krück, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans  (Relatur), A. Rosas, J.-P. Puissochet u J. N. Cunha Rodrigues, Presidenti ta' Awli, R. Schintgen,  F. Macken, N. Colneric, S. von Bahr u R. Silva de Lapuerta, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: M. Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet fis-seduta tad-9 ta' Diċembru 2003,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-20 ta' Jannar 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta' Diċembru 2001, il-Front National ressaq appell, taħt l-Artikoli 225 KE u 49 ta' l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja, kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-2 ta' Ottubru 2001, Martinez et vs il-Parlament (T-222/99, T-327/99 u T-329/99, Ġabra p. II-2823, iktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), li biha l-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet ir-rikors li l-Front National kien ressaq sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Settembru 1999 dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu u li xoljiet, b'effett retroattiv, il-"Groupe technique des députés indépendants (TDI) – Groupe mixte" (iktar 'il quddiem l-"att kontenzjuż").

2       Permezz ta' att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta' Diċembru 2001, il-Front National ressaq ukoll, taħt l-Artikolu 242 KE, talba intiża biex tiġi ordnata s-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni tas-sentenza kkontestata. Madankollu, din it-talba nċaħdet permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Frar 2002, Front National u Martinez vs il-Parlament (C-486/01 P-R u C-488/01 P-R, Ġabra p. I-1843), b'mod partikolari minħabba li l-għotja ta' din is-sospensjoni ma kinitx adatta sabiex jiġi evitat il-preġudizzju gravi u irreparabbli li kien qed jallega r-rikorrent.

 Il-kuntest ġuridiku

3       Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament Ewropew, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ meta seħħew il-fatti in kwistjoni (ĠU 1999, L 202, p.1, iktar 'il quddiem ir-"Regoli") (It-traduzzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament Ewropew ta' l-1999 (l-14-il edizzjoni) mhijiex uffiċjali iżda hija bbażata fuq it-traduzzjoni uffiċjali tar-Regoli tal-Proċedura ta' l-2005 (is-16-il edizzjoni)), kienu jipprovdu, fl-Artikolu 29 tagħhom, intitolat "Formazzjoni ta' Gruppi Politiċi":

"1.       Il-Membri jistgħu jingħaqdu fi gruppi skond l-affinità politika tagħhom.

2.      Kull grupp politiku għandu jinkludi Membri eletti minn aktar minn Stat Membru wieħed. L-inqas numru ta' Membri meħtieġ biex jiġi ffurmat grupp politiku huwa tlieta u għoxrin Membru jekk dawn ikunu minn żewġ Stati Membri, tmintax-il Membru jekk dawn ikunu minn tliet Stati Membri u erbatax-il Membru jekk dawn ikunu minn erba' Stati Membri jew aktar.

3.      Membru ma jistax ikun f'iktar minn grupp wieħed.

4.      Il-President għandu jkun mgħarraf permezz ta' stqarrija meta jitwaqqaf grupp politiku. Din l-istqarrija għandha tispeċifika l-isem tal-grupp, il-membri u l-Bureau tiegħu.

[...]"

4       L-Artikolu 30 tar-Regoli, dwar Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku, kien jipprovdi:

"1.      Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku għandhom jiġu pprovduti b'segretarjat. L-arranġamenti fid-dettal għandhom jiġu stabbiliti mill-Bureau fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali.

2.      Il-Bureau għandu jirregola wkoll l-istatus u d-drittijiet parlamentari ta' dawn il-Membri."

5       Skond l-Artikolu 180 tar-Regoli, li jirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom:

"1.      Jekk iqum dubju dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta' dawn ir-Regoli tal-Proċedura, il-President jista', bla ħsara għal kull deċiżjoni preċedenti f'dan il-qasam, jirreferi l-kwistjoni lill-kumitat responsabbli sabiex tiġi eżaminata.

Meta jitqajjem punt ta' ordni taħt l-Artikolu 142, il-President jista' wkoll jirreferi l-kwistjoni lill-kumitat responsabbli.

2.      Il-kumitat għandu jiddeċiedi jekk hux meħtieġ li jipproponi emenda għar-Regoli tal-Proċedura. F'dan il-każ għandu jimxi skond l-Artikolu 181.

3.      Jekk il-kumitat jiddeċiedi li interpretazzjoni tar-regoli eżistenti hija biżżejjed, dan għandu jgħaddi l-interpretazzjoni tiegħu lill-President li għandu jgħarraf lill-Parlament.

4.      Jekk grupp politiku jew ta' l-inqas tnejn u tletin Membru jikkontestaw l-interpretazzjoni tal-kumitat, il-kwistjoni għandha titqiegħed għall-vot fil-Parlament fejn it-test jiġi adottat b'maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa kemm-il darba mhux inqas minn terz tal-Membri kollha tal-Parlament ikunu preżenti. Fil-każ li tiġi miċħuda, il-kwistjoni għandha terġa' tintbagħat lura lill-kumitat.

5.      Interpretazzjonijiet mhux kontestati u interpretazzjonijiet adottati mill-Parlament għandhom jiddaħħlu bil-korsiv, flimkien mad-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta' l-applikazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura, fil-forma ta' noti ta' spjega ta' l-Artikolu jew l-Artikoli rilevanti.

6.       Dawn in-noti ta' spjega jikkostitwixxu preċedent għall-applikazzjoni u l-interpretazzjoni futuri ta' l-Artikoli kkonċernati.

[...]"

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6       Mis-sentenza kkontestata jirriżulta li, wara li l-President tal-Parlament kien mgħarraf, fid-19 ta' Lulju 1999, dwar il-formazzjoni ta' grupp politiku ġdid bl-isem "Groupe technique des députés indépendants (TDI) – Groupe mixte" (iktar 'il quddiem il-"Grupp TDI"), li l-għan dikjarat tiegħu kien li jiggarantixxi għal kull Membru l-eżerċizzju sħiħ tal-mandat parlamentari tiegħu, il-Presidenti tal-gruppi politiċi l-oħra qajmu xi oġġezzjonijiet fir-rigward tal-formazzjoni ta' dan il-grupp minħabba n-nuqqas ta' affinitajiet politiċi bejn il-membri tiegħu. Għaldaqstant, skond l-Artikolu 180(1) tar-Regoli, tressqet talba għal interpretazzjoni ta' l-Artikolu 29(1) tar-Regoli quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tal-Parlament (iktar 'il quddiem il-"Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali").

7       Il-President ta' dan il-Kumitat bagħat l-interpretazzjoni mitluba lill-President tal-Parlament permezz ta' ittra tat-28 ta' Lulju 1999. Din l-ittra ppreċiżat, b'mod partikolari, dan li ġej:

"Matul il-laqgħa tiegħu tas-27 u t-28 ta' Lulju 1999, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali eżamina t-talba għal interpretazzjoni ta' l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura, imressqa mill-Konferenza tal-Presidenti fil-laqgħa tagħha tal-21 ta' Lulju 1999.

Wara skambju dettaljat ta' opinjonijiet u bi 15-il vot favur, 2 kontra u astensjoni, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jinterpreta l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura kif ġej:

L-istqarrija ta' formazzjoni tal-[Grupp TDI] mhijiex konformi ma' l-Artikolu 29(1) tar-[Regoli].

Fil-fatt, l-istqarrija ta' formazzjoni ta' dan il-grupp, b'mod partikolari l-Anness 2 ta' l-ittra ta' formazzjoni indirizzata lill-President tal-Parlament Ewropew, teskludi kull affinità politika. Hija tagħti indipendenza politika totali fi ħdan dan il-grupp lid-diversi firmatarji membri tiegħu.

Jiena nipproponilek tinkludi dan li ġej, bħala nota ta' interpretazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura fir-rigward ta' l-Artikolu 29(1):

'Il-formazzjoni ta' grupp li, bil-miftuħ, jiċħad kull karattru politiku u kull affinità politika bejn il-membri tiegħu, mhijiex aċċettabbli taħt dan l-Artikolu.'

[...]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8       Il-kontenut ta' din l-ittra ġie kkomunikat lill-Parlament, mill-President tiegħu, matul is-seduta plenarja tat-13 ta' Settembru 1999. Minħabba li l-Grupp TDI oppona, abbażi ta' l-Artikolu 180(4) tar-Regoli, in-nota ta' interpretazzjoni proposta mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, din in-nota ġiet sottomessa għall-vot tal-Parlament, li adottaha b'maġġoranza tal-Membri tiegħu matul is-seduta plenarja ta' l-14 ta' Settembru 1999.

9       Minħabba li kkunsidra li, f'dawk iċ-ċirkustanzi, il-vot kien jolqtu b'mod negattiv, il-Front National ressaq rikors intiż għall-annullament ta' l-att kontenzjuż permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-19 ta' Novembru 1999 (kawża T-327/99). Permezz ta' rikorsi ppreżentati fl-imsemmi Reġistru fil-5 ta' Ottubru u fit-22 ta' Novembru 1999 rispettivament, ġew imressqa wkoll żewġ rikorsi bl-istess suġġett mis-Sinjuri Martinez u de Gaulle (kawża T-222/99) kif ukoll mis-Sinjura Bonino, mis-Sinjuri Pannella, Cappato, Dell'Alba, Della Vedova, Dupuis u Turco u la Lista Emma Bonino (kawża T-329/99).

 Is-sentenza kkontestata

10     Permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddikjarat bħala ammissibbli r-rikors ta' Front National iżda ċaħditu bħala infondat.

 Fuq l-ammissibbiltà

11     Fir-rigward ta' l-ammissibbiltà ta' l-imsemmi rikors, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet kif ġej l-eċċezzjonijiet ta' inammissibbiltà invokati mill-Parlament u bbażati, rispettivament, fuq l-ineżistenza ta' l-att kontenzjuż, fuq il-fatt li dan l-att ma jistax ikun is-suġġett ta' stħarriġ ġudizzjarju mill-imħallef Komunitarju u fuq il-fatt li l-imsemmi att ma kienx jirrigwarda direttament u individwalment lill-Front National fis-sens tar-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE.

12     Qabel kollox, bi tweġiba għall-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà bbażata fuq l-ineżistenza ta' l-att kontenzjuż, safejn dan jikkonċerna x-xoljiment tal-Grupp TDI, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet, fil-punt 26 tas-sentenza kkontestata, li, sabiex jiġi deċiż jekk xi atti jistgħux ikunu s-suġġett ta' rikors taħt l-Artikolu 230 KE, wieħed għandu jħares lejn is-sustanza tagħhom aktar milli lejn il-forma tagħhom. Wara li eżaminat il-kontenut ta' l-imsemmi att kif ukoll iċ-ċirkustanzi li wasslu għall-adozzjoni tiegħu, il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset, fil-punt 46 ta' l-istess sentenza, li, permezz ta' att bħal dan, il-Parlament kien mhux biss iddeċieda li jadotta l-interpretazzjoni ġenerali ta' l-Artikolu 29(1) tar-Regoli proposta mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-pożizzjoni espressa minn dan il-Kumitat dwar il-konformità ta' l-istqarrija ta' formazzjoni tal-Grupp TDI ma' l-imsemmija dispożizzjoni, iżda kien ikkonstata wkoll l-ineżistenza ex tunc ta' dan il-grupp minħabba li l-kundizzjoni stabbilita f'din id-dispożizzjoni ma ġietx rispettata.

13     Imbagħad, fir-rigward tat-tieni eċċezzjoni ta' inammissibbiltà invokata mill-Parlament, ibbażata fuq il-fatt li l-att kontenzjuż ma jistax jiġi kkontestat, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet, fil-punti 59 sa 62 tas-sentenza kkontestata, li att bħal dan – safejn iċaħħad lill-Membri li jkunu stqarrew il-formazzjoni tal-Grupp TDI mill-possibbiltà li jorganizzaw lilhom infushom, permezz ta' dan il-grupp, fi grupp politiku fis-sens ta' l-Artikolu 29 tar-Regoli, b'tali mod li dawn il-Membri jitqiesu bħala Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku fis-sens ta' l-Artikolu 30 ta' dawn ir-Regoli – jolqot il-kundizzjonijiet li fihom huma eżerċitati l-funzjonijiet parlamentari tal-Membri kkonċernati u b'hekk ikollu effetti legali fir-rigward tagħhom. Għaldaqstant, att bħal dan ma jistax jitqies bħala sempliċiment att li jagħmel biss parti mill-organizzazzjoni interna tal-ħidma tal-Parlament iżda għandu jkun jista' jkun is-suġġett ta' stħarriġ ġudizzjarju mill-ġudikatura Komunitarju skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE.

14     Fl-aħħar nett, bi tweġiba għall-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà li biha l-Parlament ħoloq dubju dwar jekk il-kundizzjonijiet ta' ammissibbiltà previsti fir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE kinux sodisfatti, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet, fil-punt 65 tas-sentenza kkontestata, li l-att kontenzjuż kellu jitqies bħala li jirrigwarda direttament lis-Sinjuri Martinez u de Gaulle kif ukoll lill-Membri li ressqu rikors fil-kawża T-329/99 safejn l-imsemmi att waqqaf, mingħajr il-ħtieġa ta' miżura supplementari, lill-Membri milli jingħaqdu, permezz tal-Grupp TDI, fi grupp politiku fis-sens ta' l-Artikolu 29 tar-Regoli, fatt li laqat direttament il-kundizzjonijiet li fihom jeżerċitaw il-funzjoni tagħhom. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset li dan l-att għandu jitqies ukoll bħala att li jirrigwarda lill-Front National direttament u individwalment.

15     Fir-rigward ta' l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet, b'mod aktar speċifiku, kif ġej:

"66      Fir-rigward tal-kawża T-327/99, għandu jiġi enfasizzat li l-Front National, partit politiku Franċiż, huwa persuna ġuridika bl-għan statutorju li tippromwovi, permezz tal-membri tagħha, ideat u proġetti politiċi fil-kuntest ta' istituzzjonijiet nazzjonali u Ewropej. Dan il-partit ippreżenta lista ta' kandidati għall-elezzjoni ta' Ġunju 1999 għal rappreżentanti fil-Parlament. Il-membri tiegħu fuq din il-lista li ġew eletti fil-Parlament jinstabu fost il-Membri li stqarrew il-formazzjoni tal-Grupp TDI. Minħabba l-att ta' l-14 ta' Settembru 1999, huma jinstabu kollha fis-sitwazzjoni deskritta fil-punt 59 iktar 'il fuq, li tolqot direttament il-kundizzjonijiet tal-promozzjoni ta' ideat u ta' proġetti tal-partit li huma jirrappreżentaw fi ħdan il-Parlament Ewropew u, għaldaqstant, il-kundizzjonijiet biex jintlaħaq l-għan statutorju ta' dan il-partit fuq livell Ewropew.

67      Għaldaqstant, l-att ta' l-14 ta' Settembru 1999 għandu jitqies bħala li jolqot direttament lill-Front National."

16     Fir-rigward tat-tieni waħda mill-kundizzjonijiet previsti fir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE, il-Qorti tal-Prim'Istanza, wara li fakkret kemm il-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni ta' din il-kundizzjoni kif ukoll iċ-ċirkustanzi li wasslu għax-xoljiment tal-Grupp TDI, qieset, fil-punt 72 tas-sentenza kkontestata, li l-att kontenzjuż kien jirrigwarda individwalment lill-Front National minħabba sitwazzjoni ta' fatt li tiddistingwih minn kull persuna oħra.

17     Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet it-tielet eċċezzjoni ta' inammissibbiltà invokata mill-Parlament u kkonkludiet, fil-punt 75 tas-sentenza kkontestata, li r-rikors għal annullament imressaq mill-Front National kellu jiġi ddikjarat ammissibbli.

 Fuq il-mertu

18     F'dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, il-mertu tar-rikors, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet ir-raġunijiet kollha invokati mill-Front National, liema raġunijiet kienu bbażati, rispettivament, fuq qari b’mod żbaljat ta' l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament (l-ewwel raġuni), fuq ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali u ta' dispożizzjonijiet tar-Regoli, kif ukoll fuq nuqqas ta' bażi legali ta' l-att kontenzjuż (it-tieni raġuni), fuq ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali fir-rigward tal-membri tal-Grupp TDI (it-tielet raġuni), fuq nuqqas ta' rispett tat-tradizzjonijiet Parlamentari komuni għall-Istati Membri (ir-raba' raġuni), fuq ksur ta' rekwiżiti proċedurali essenzjali (il-ħames raġuni) u fuq preżunzjoni ta' użu ħażin ta' proċedura (is-sitt raġuni).

19     Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet ir-rikors għal annullament imressaq quddiemha u kkundannat lill-Front National ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tal-Parlament fil-kawża T-327/99.

 L-appell

20     Permezz ta' l-appell tiegħu, il-Front National jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–       tiddikjara l-appell ammissibbli;

–       tirrikonoxxi li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret id-dritt Komunitarju;

–       tannulla s-sentenza kkontestata kollha kemm hi jew parzjalment;

–       taqta' l-kawża skond il-liġi jew, fin-nuqqas ta' dan, tirrinvija lura l-kawża lill-Qorti tal-Prim'Istanza, u

–       tikkundanna lill-Parlament ibati l-ispejjeż kollha.

21     Il-Parlament talab lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–       tiċħad l-appell;

–       tannulla s-sentenza kkontestata safejn tiddikjara r-rikors tal-Front National ammissibbli;

–       tiċħad dan ir-rikors bħala inammissibbli jew, alternattivament, bħala infondat, u

–       tikkundanna lill-Front National ibati l-ispejjeż.

 Fuq l-appell inċidentali

 L-argumenti tal-partijiet

22     Permezz ta' l-appell inċidentali tiegħu, li jaqbel li f'din il-kawża jiġi eżaminat fl-ewwel lok, il-Parlament jikkontesta, fis-sustanza, il-locus standi tal-Front National sabiex iressaq rikors intiż għall-annullament ta' l-att kontenzjuż. F'dan ir-rigward, huwa jargumenta li, jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punt 66 tas-sentenza kkontestata, analizzat korrettament l-impatt ta' dan l-att fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-Membri li stqarrew il-formazzjoni tal-Grupp TDI – li wħud minnhom kienu wkoll membri tal-Front National – min-naħa l-oħra, hija wettqet żball fid-dritt meta, fil-punt 67 ta' l-istess sentenza, hija kkonkludiet li dan l-att kellu jitqies bħala li jolqot "direttament" lil dan il-partit politiku. Fil-fatt, dan ta' l-aħħar ma jissodisfax din il-kundizzjoni, prevista fir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE safejn, preċiżament, huwa kkonċernat biss b'mod indirett mill-att kontenzjuż. F'dan ir-rigward il-Parlament iqajjem l-argumenti li ġejjin.

23     Fl-ewwel lok, il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 67 tas-sentenza kkontestata, tikkontradixxi d-dikjarazzjoni magħmula f'partijiet oħra ta' l-istess sentenza u, b'mod partikolari, il-punti 59 u 65 tagħha, fejn il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset li l-Membri li stqarrew il-formazzjoni tal-Grupp TDI għandhom jitqiesu bħala kkonċernati direttament mill-att kontenzjuż safejn dan ċaħħadhom "mill-possibbiltà li jorganizzaw ruħhom, permezz ta' dan il-grupp, fi grupp politiku fis-sens ta' l-Artikolu 29 tar-Regoli tal-Proċedura". Skond il-Parlament, fil-fatt, mhux possibbli li wieħed jimmagina li partiti politiċi nazzjonali, li ma jgawdu mill-ebda status partikolari taħt ir-Regoli, jkunu jintlaqtu minn atti tal-Parlament bl-istess mod bħall-Membri li, min-naħa tagħhom, igawdu minn status partikolari taħt dawn ir-Regoli.

24     Il-Parlament isostni, fit-tieni lok, li d-dikjarazzjoni li l-Front National huwa direttament milqut mill-att kontenzjuż tmur ukoll kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b'mod partikolari, kontra s-sentenza tas-16 ta' Ġunju 1970, Alcan et vs il-Kummissjoni (69/69, Ġabra p. 385), li abbażi tagħha rikorrenti jista' biss jitqies bħala kkonċernat direttament minn att jekk dan l-att, fih innifsu, għandu l-effett immedjat li jċaħħdu minn dritt jew li jimponilu obbligu, b'tali mod li rikorrenti bħal dan isib ruħu f'sitwazzjoni analoga għal dik li fiha kien isib ruħu li kieku kien id-destinatarju ta' dan l-att. Issa, skond il-Parlament, dan assolutament mhux il-każ fil-kawża in eżami minħabba li l-Front National, b'differenza mill-kandidati tiegħu eletti bħala Membri tal-Parlament, huwa milqut b'mod indirett biss mill-att in kwistjoni.

25     Fit-tielet lok, il-Parlament isostni li jekk mill-ġurisprudenza jirriżulta ċertament li l-atti li jadotta jistgħu jkunu s-suġġett ta' rikors għal annullament meta dawn l-atti jipproduċu effetti ġuridiċi fir-rigward ta' terzi jew meta dawn l-effetti jmorru 'l hinn mill-kuntest ta' l-organizzazzjoni interna tal-ħidma ta' l-istituzzjoni, att bħall-att kontenzjuż, li jirregola l-pożizzjoni ta' ċerti Membri, ma jipproduċix l-effetti ġuridiċi fir-rigward ta' terzi bħal ma huwa partit politiku nazzjonali. F'dan ir-rigward, huwa josserva li l-Front National ma jistax jargumenta abbażi tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-elezzjonijiet ta' Ġunju 1999 u tal-fatt li wħud mill-membri tiegħu ġew effettivament eletti bħala Membri tal-Parlament, minħabba li, wara l-elezzjoni, ma jifdalx aktar relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partiti politiċi li jkunu pparteċipaw fil-kampanja elettorali u l-assemblea eletta. Fil-fatt, kemm mill-Artikolu 4(1) ta' l-Att ta' l-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tar-rappreżentanti fl-assemblea b'suffraġju universali dirett (ĠU L 278, p.5) [traduzzjoni mhux uffiċjali] u kemm mill-Artikolu 2 tar-Regoli jirriżulta li r-rappreżentanti eletti fil-Parlament għandhom jeżerċitaw il-mandat tagħhom b'mod indipendenti u ma jistgħux ikunu marbuta minn istruzzjonijiet u jirċievu mandat imperattiv. Jekk, taħt dawn il-kundizzjonijiet, tkun aċċettata t-teżi li l-att kontenzjuż jipproduċi wkoll effetti ġuridiċi fir-rigward ta' partit politiku nazzjonali bħal ma huwa l-Front National, il-Membri tal-Parlament ikunu assimilabbli ma' sempliċi "intermedjarji" bejn il-Parlament u l-partit tagħhom, mingħajr awtonomija u responsabbiltà tagħhom, sitwazzjoni li tmur kontra kemm it-test kif ukoll il-għan tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq.

26     Fir-raba' lok, il-Parlament fl-aħħar jinvoka l-konsegwenzi negattivi li tista' twassal għalihom l-ammissjoni tar-rikors imressaq mill-Front National. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Prim'Istanza, dawn il-Qrati jkunu fil-fatt esposti għar-riskju ta' żieda fir-rikorsi mressqa mhux biss minn persuni jew gruppi ta' persuni oħra li jkunu biss ikkonċernati indirettament mill-miżuri ta' organizzazzjoni interna tal-Parlament – bħal ma huma l-fondazzjonijiet ta' partiti politiċi li jistgħu jintlaqtu, per eżempju, fl-ipoteżi fejn il-ħlas ta' sussidji li ġejjin minn approprjazzjonijiet mħallsa lill-gruppi politiċi ma jkunx iżjed possibbli –, iżda wkoll minn partiti politiċi oħra li, skond ir-regoli statutorji tagħhom stess, jistgħu jqisu lilhom infushom bħala kkonċernati b'mod partikolari minn xi dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regoli, bħall-Artikolu 152, dwar il-formazzjoni tal-kumitati parlamentari, jew bħall-Artikolu 168(2) ta' l-istess Regoli, li minnu jirriżulta li l-formazzjoni ta' delegazzjonijiet interparlamentari għandha tieħu in kunsiderazzjoni "safejn hu possibbli, rappreżentazzjoni ekwa ta' l-Istati Membri u ta' fehmiet politiċi".

27     Fl-osservazzjonijiet li ppreżenta dwar dan l-appell inċidentali skond l-Artikolu 117(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Front National ikkontesta t-teżi tal-Parlament li l-Front National m'għandux locus standi sabiex iressaq rikors taħt ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE. Huwa jsostni li l-ammissibbiltà tar-rikors tiegħu hija fil-fatt stabbilita mhux biss fir-rigward tan-natura ġuridika ta' l-att kontenzjuż imma wkoll fir-rigward ta' l-awtur stess ta' dan ir-rikors.

28     F'dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, in-natura ġuridika ta' l-att kontenzjuż, il-Front National jsostni li d-deċiżjoni li biha l-Parlament, fl-14 ta' Settembru 1999, approva l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, tammonta għal att li jista' jkun is-suġġett ta' rikors safejn, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, att bħal dan jkun ta' natura finali u jipproduċi effetti ġuridiċi li jinħassu lil hinn mill-organizzazzjoni interna tal-ħidma tal-Parlament, minħabba li jċaħħad lill-partiti politiċi u lill-Membri li stqarru s-sħubija tagħhom fil-Grupp TDI mill-possibbiltà li jorganizzaw rwieħhom fi grupp politiku. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-membri tal-Front National, li dan kien ippreżenta għall-elezzjoni mill-votanti u li permezz ta' l-azzjonijiet tiegħu kkontribwixxa sabiex jiġu eletti, jitqiegħdu f'pożizzjoni inqas favorevoli minn dik tal-Membri parlamentari ta' grupp politiku, fatt li jolqot direttament il-kundizzjonijiet ta' kif jiġu promossi l-ideat u l-proġetti tal-partit u jikkawża distorsjoni, a posteriori, fir-riżultati ta' l-elezzjonijiet

29     Fit-tieni lok, fir-rigward tal-persuna stess li tressaq ir-rikors, il-Front Nazzjonali jsostni li l-ammissibbiltà ta' dan ir-rikors hija stabbilita wkoll safejn huwa kkonċernat kemm direttament kif ukoll individwalment mill-att kontenzjuż.

30     Qabel xejn, fir-rigward tal-kundizzjoni li titlob li l-persuna fiżika jew legali għandha tkun ikkonċernata "direttament" mid-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors, il-Front National jaqbel ma' l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li l-att kontenzjuż għandu karattru bħal dan għaliex, għalkemm kellu konsegwenzi importanti fuq il-portata tad-drittijiet politiċi u fuq il-vantaġġi materjali li jgawdu l-Membri tal-Grupp TDI, huwa kellu wkoll konsegwenzi diretti fuq il-partiti li minnhom oriġinaw dawn il-Membri u, b'mod partikolari, fuq il-Front National, safejn dan kien ħadem b'mod attiv biex il-membri tiegħu jiġu eletti fil-Parlament u kien, għal dan il-għan, daħal fi spejjeż konsiderevoli. Għaldaqstant, dan il-partit kellu interess evidenti li l-Membri, li huwa kien ikkontribwixxa sabiex jiġu eletti, jkollhom l-istess faċilitajiet bħal dawk mogħtija lill-Membri Parlamentari l-oħra. Billi jinvoka f'dan ir-rigward, b'mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta' April 1986, Les Verts vs il-Parlament (294/83, Ġabra p.1339), il-Front National jiċħad l-argument tal-Parlament li, wara l-elezzjoni, ma jibqax relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partiti politiċi li jkunu ħadu sehem fil-kampanja elettorali u l-assemblea eletta. Fil-fatt, il-prinċipju ta' trattament ugwali ta' formazzjonijiet politiċi fil-kuntest ta' kampanji elettorali, stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza msemmija, jibqa' japplika wara l-elezzjoni, b'tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tissanzjona kull ksur ta' dan il-prinċipju jekk il-persuni li vvutaw għall-Front National ma jkunux irrappreżentati fil-Parlament taħt kundizzjonijiet ekwivalenti, jekk mhux identiċi, għal dawk applikabbli għall-gruppi l-oħra.

31     Fir-rigward tal-kundizzjoni li titlob li l-persuna fiżika jew legali għandha tkun ikkonċernata "individwalment" mid-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors, il-Front National jenfasizza li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza u, b'mod partikolari, mis-sentenza tat-18 ta' Mejju 1994, Codorniu vs il-Kunsill (C-309/89, Ġabra p. I-1853), safejn huwa kkonċernat mill-att kontenzjuż kemm minħabba kwalitajiet partikolari għalih u kemm minħabba sitwazzjoni ta' fatt li tiddistingwih minn kull persuna oħra. F'dan ir-rigward, il-Front National jaqbel ma' l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 69 sa 71 tas-sentenza kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

32     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skond ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE, kull persuna fiżika jew legali tista' tippreżenta rikors kontra d-deċiżjonijiet li tagħhom tkun id-destinatarja jew kontra d-deċiżjonijiet li, għalkemm fil-forma ta' regolament jew deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra, tirrigwardaha "direttament u individwalment".

33     Għalkemm il-Parlament, permezz ta' l-appell inċidentali tiegħu, mhux jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li l-att kontenzjuż għandu n-natura ta' deċiżjoni u jikkonċerna individwalment lill-Front National, huwa jikkontesta, madankollu, il-konklużjoni, li tinstab fil-punt 67 tas-sentenza kkontestata, li dan il-partit huwa kkonċernat direttament minn dan l-att.

34     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew legali għandha tkun ikkonċernata "direttament" mid-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors, bħal dik imsemmija fir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE, titlob li l-miżura Komunitarja in kwistjoni tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika ta' l-individwu u li ma tħalli l-ebda diskrezzjoni lid-destinatarji ta' din il-miżura li jkunu responsabbli sabiex jimplementawha, peress li din l-implementazzjoni tkun purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja mingħajr l-applikazzjoni ta' regoli intermedjarji oħra (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta' Mejju 1998, Glencore Grain vs il-Kummissjoni, C-404/96 P, Ġabra p. I-2435, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

35     F'dan il-każ, ma jistax jiġi miċħud li l-att kontenzjuż – safejn ċaħħad lill-Membri li stqarrew il-formazzjoni tal-Grupp TDI u, b'mod partikolari, l-Membri eletti fuq il-lista tal-Front Nazzjonali, mill-possibbiltà li jiffurmaw rwieħhom, permezz tal-Grupp TDI, fi grupp politiku fis-sens ta' l-Artikolu 29 tar-Regoli – jolqot direttament lil dawn il-Membri. Kif osservat ġustament il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 59 u 65 tas-sentenza kkontestata, dawn il-Membri kienu fil-fatt miżmuma, minħabba dan l-att biss, milli jiffurmaw rwieħhom fi grupp politiku u, minn dak il-mument, huma ġew meqjusa bħala Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku fis-sens ta' l-Artikolu 30 ta' l-istess Regoli li, minħabba f'hekk, igawdu prerogattivi parlamentari aktar ristretti kif ukoll anqas vantaġġi materjali u finanzjarji minn dawk li kienu jgawdu kieku kienu membri ta' grupp politiku fis-sens ta' l-imsemmi Artikolu 29.

36     Min-naħa l-oħra, wieħed ma jistax jasal għal konklużjoni bħal din fir-rigward ta' partit politiku nazzjonali bħal ma huwa l-Front National. Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm, fil-fatt, huwa naturali li partit politiku nazzjonali li jippreżenta kandidati għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament ikun jixtieq li l-kandidati tiegħu, meta jiġu eletti, jeżerċitaw il-mandat tagħhom f'kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk li japplikaw għall-Membri oħra, dan l-interess ma jagħtih l-ebda dritt li l-kandidati eletti tiegħu jiffurmaw grupp għalihom stess u lanqas li dawn isiru membri ta' wieħed mill-gruppi stabbiliti fi ħdan l-assemblea.

37     Fil-fatt, hemm lok li jiġi mfakkar li, min-naħa waħda, skond l-Artikolu 29(2) tar-Regoli, il-formazzjoni ta' grupp politiku fil-Parlament titlob il-preżenza ta' numru minimu ta' Membri minn diversi Stati Membri u li, min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, li l-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu jsemmi l-possibbiltà li l-Membri jingħaqdu fi gruppi skond l-affinità politika tagħhom. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jikkonferixxu l-ebda rwol speċifiku lill-partiti politiċi nazzjonali li tagħhom ikunu membri dawn il-Membri waqt il-proċess ta' formazzjoni ta' grupp politiku.

38     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi sostnut li partit politiku nazzjonali huwa milqut direttament mill-att kontenzjuż, liema att japplika biss - u barra minn hekk, skond it-test stess ta' l-Artikolu 29 tar-Regoli, ma setax japplika - għall-Membri li stqarrew il-formazzjoni tal-Grupp TDI.

39     Fil-punt 66 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċertament qieset li, safejn iċaħħad lil dawn il-Membri u, b'mod partikolari, lil dawk li kienu ġew eletti mil-lista tal-Front National, mill-possibbiltà li jorganizzaw rwieħhom fi grupp politiku, l-att kontenzjuż jolqot direttament lill-kundizzjonijiet tal-promozzjoni ta' l-ideat u tal-proġetti tal-partit li huma jirrappreżentaw fuq livell parlamentari Ewropew u, għaldaqstant, il-kundizzjonijiet sabiex jintlaħaq l-għan statutorju ta' dan il-partit politiku fuq livell Ewropew, raġuni li minħabba fiha l-Front National huwa milqut direttament minn dan l-att.

40     Madankollu, effetti bħal dawn ma jistgħux jitqiesu bħala effetti direttament mill-att kontenzjuż. Fil-fatt, anki jekk wieħed jissuponi li jkun hemm dawn l-effetti, konsegwenzi bħal dawn jirriżultaw mill-fatt li l-Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku huma meqjusa bħala tali taħt l-Artikolu 30 tar-Regoli u b'hekk ikollhom l-istatus anqas favorevoli mogħti minn dan l-Artikolu lill-Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku. I l-Front National jista' biss jintlaqat mill-att kontenzjuż b'mod indirett permezz tal-konsegwenzi li dan l-att għandu fir-rigward ta' l-istatus tal-Membri li huma membri ta' dan il-partit.

41     Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tal-Front National ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Les Verts vs il-Parlament, iċċitata iktar 'il fuq, irrikonoxxiet il-prinċipju ta' trattament ugwali ta' formazzjonijiet politiċi waqt li jkunu qegħdin jieħdu sehem fil-kampanja għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament, ugwaljanza li għandha tibqa' teżisti wara li tintemm l-elezzjoni. Fil-fatt, din is-sentenza kienet tikkonċerna sitwazzjoni totalment differenti minn dik in kwistjoni f'din il-kawża.

42     Għaldaqstant, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Les Verts vs il-Parlament, iċċitata iktar 'il fuq, il-partit rikorrenti kien ikkonċernat direttament mid-deċiżjonijiet tal-Parlament in kwistjoni f'din il-kawża, safejn dawn kienu jipprovdu, fil-perijodu qabel l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament ta' l-1984, għall-allokazzjoni ta' approprjazzjonijiet bejn il-formazzjonijiet politiċi – li fosthom kien hemm dan il-partit – mingħajr ma kien hemm il-bżonn ta' att komplementari, minħabba li l-kalkolu tal-parti ta' l-approprjazzjonijiet li kellha tiġi allokata lil kull formazzjoni politika kkonċernata kien awtomatiku u ma kienx iħalli lok, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fil-punt 31 tas-sentenza msemmija, għall-ebda tip ta' diskrezzjoni.

43     Għall-kuntrarju, f'din il-kawża, il-Front National mhuwiex ikkonċernat direttament mill-att kontenzjuż. Għalkemm, fil-fatt, wieħed ma jistax jiċħad li ma kien hemm bżonn ta' l-ebda miżura ta' applikazzjoni biex dan l-att ikollu xi effetti, huwa wkoll inkontestabbli li, skond l-istess test ta' l-Artikolu 29 tar-Regoli, dan l-att jista' biss jipproduċi effetti fir-rigward tas-sitwazzjoni ġuridika tal-Membri tal-Parlament u mhux fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-partiti politiċi nazzjonali li minn fuq il-listi tagħhom kienu eletti dawn il-Membri u li, skond il-każ, ikkontribwixxew biex dawn il-Membri jiġu eletti. Għaldaqstant, kuntrarjament għar-rekwiżiti stabbiliti fil-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 34 ta' din is-sentenza, att bħal dan ma joħloqx direttament effetti fir-rigward tas-sitwazzjoni ġuridika tal-Front National.

44     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġu konkluż li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' dritt meta, fil-punt 67 tas-sentenza kkontestata, qieset li l-Front National intlaqat direttament mill-att kontenzjuż u li din is-sentenza għandha tiġi annullata safejn iddikjarat ammissibbli r-rikors tal-Front National.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors tal-Front National

45     Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 61 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-Qorti tista', fil-każ ta' l-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza, taqta' definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex din tiddeċiedi fuqha.

46     F'din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja jidhrilha li għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tiddeċiedi hija stess dwar l-ammissibbiltà tar-rikors imressaq mill-Front National quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Fil-fatt, l-argumenti invokati minn dan il-partit in sostenn tal-pożizzjoni tiegħu huma identiċi għal dawk li huwa qajjem fil-kuntest ta' l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-appell inċidentali tal-Parlament u jistrieħu, fis-sustanza, fuq it-teżi, diġà invokata, li huwa kkonċernat direttament mill-att kontenzjuż safejn dan jolqot b'mod apprezzabbli l-kundizzjonijiet tal-promozzjoni ta' l-ideat u tal-proġetti tal-partit fi ħdan l-assemblea parlamentari Ewropea.

47     Minħabba r-raġunijiet spjegati fil-punti 36 sa 43 ta' din is-sentenza, il-Front National ma jistax jitqies bħala milqut direttament mill-att kontenzjuż.

48     F'dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi miċħud ir-rikors imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza mill-Front National. Għaldaqstant, m'hemmx aktar lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tippronunzja ruħha fuq l-appell prinċipali.

 Fuq l-ispejjeż

49     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta' l-appell taħt l-Artikolu 118 ta' dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Front National tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż ta' din il-kawża kif ukoll dawk tal-proċedura sommarja msemmija fil-punt 2 ta' din is-sentenza, kif mitlub mill-Parlament.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

taqta’ u tiddeċiedi

1)      Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-2 ta' Ottubru 2001, Martinez et vs il-Parlament (T-222/99, T-327/99 u T-329/99), hija annullata safejn tiddikjara ammissibbli r-rikors tal-Front National (kawża T-327/99).

2)      Ir-rikors tal-Front National għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 1999 dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu u li xxolji, b'effett retroattiv, il-"Groupe technique des députés indépendants (TDI) – Groupe mixte", huwa miċħud bħala inammissibbli.

3)      M'hemmx aktar lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tippronunzja ruħha fuq l-appell imressaq mill-Front National kontra s-sentenza msemmija fil-punt 1 ta' dan id-dispożittiv.

4)      Il-Front National huwa kkundannat ibati l-ispejjeż tal-Parlament Ewropew kemm fil-kuntest ta' din il-kawża kif ukoll fil-kuntest tal-proċedura sommarja.

Skouris

Jann

Timmermans

Schintgen

Macken

Colneric

von Bahr                                                                Silva de Lapuerta

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fid-29 ta' Ġunju 2004.

R. Grass

 

V. Skouris

Reġistratur

 

President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top