EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62001CJ0463

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) ta' l-14 ta' Diċembru 2004.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Ambjent - Moviment liberu tal-merkanzija - Imballaġġi u skart mill-imballaġġi - Direttiva 94/62/KE - Sfruttament u tqegħid fis-suq ta' l-ilmijiet minerali naturali - Direttiva 80/777/KEE - Obbligu ta' depożitu u ta' ritorn għall-imballaġġi li jintużaw darba skond il-perċentwali totali ta' imballaġġi li jerġgħu jintużaw.
Kawża C-463/01.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:797

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta' Diċembru 2004 (*)

"Ambjent – Moviment liberu tal-merkanzija – Imballaġġi u skart mill-imballaġġi – Direttiva 94/62/KE – Sfruttament u tqegħid fis-suq ta' l-ilmijiet minerali naturali – Direttiva 80/777/KEE – Obbligu ta' depożitu u ta' ritorn għall-imballaġġi li jintużaw darba skond il-perċentwali totali ta' imballaġġi li jerġgħu jintużaw"

Fil-kawża C-463/01,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 226 KE,

ippreżentat fit-3 ta' Diċembru 2001,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. zur Hausen, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

sostnuta:

mir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, E. Puisais u D. Petrausch, bħala aġenti,

u:

mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, inizjalment irrappreżentat minn P. Ormond, aktar tard minn C. Jackson, bħala aġenti,

partijiet intervenjenti

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn W.-D. Plessing u T. Rummler, bħala aġenti, assistiti minn D. Sellner, Rechtsanwalt,

konvenuta

 

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann u K. Lenaerts (Relatur), Presidenti ta' Awli, C. Gulmann, J.-P. Puissochet, R. Schintgen, N. Colneric, S. von Bahr u J. N. Cunha Rodrigues, Imħallfin

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Registratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta' Marzu 2004,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta' Mejju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, billi stabbilixxiet, permezz ta' l-Artikoli 8(1) u 9(2) tad-Digriet ta' l-1998 dwar il-prevenzjoni u l-irkupru ta' skart mill-imballaġġi, sistema intiża għall-użu mill-ġdid ta' l-imballaġġi għal prodotti li għandhom jiġu bbottiljati f'ras il-għajn skond id-Direttiva tal-Kunsill 80/777/KEE, tal-15 ta' Lulju 1980, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati ma’ l-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta’ ilmijiet minerali naturali (ĠU L 229, p. 1), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi li hija għandha skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE, ta' l-20 ta' Diċembru 1994, dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 365, p. 10), moqrija flimkien ma' l-Artikolu 28 KE, kif ukoll skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3 moqrija flimkien ma' dawk ta' l-Anness II(2)(d) tad-Direttiva 80/777.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2       L-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/777 jirreferi, f'dak li jirrigwarda l-isfruttament ta' nixxigħat ta' ilmijiet minerali naturali u r-regoli li jirrigwardaw l-ibbottiljar tagħhom, għall-Anness II ta' din id-Direttiva.

3       Fil-punt 2 tiegħu, dan l-Anness jipprovdi li:

"It-tagħmir għall-isfruttament ta’ l-ilma jrid ikun installat b’tali mod li jevita kull possibbiltà ta’ kontaminazzjoni u li jippreżerva l-kwalitajiet, skond dawk attribwiti lilu, li jkollu l-ilma f’ras il-għajn.

Għal dan il-għan, b’mod partikolari:

[...]

d)      it-trasport ta’ l-ilma minerali naturali f’kontenituri barra dawk awtorizzati għad-distribuzzjoni għall-konsumatur finali għandu jkun projbit."

4       Skond l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 94/62 għandha bħala għan l-armonizzazzjoni tal-miżuri nazzjonali li jirrigwardaw l-amministrazzjoni ta’ l-imballaġġi u ta’ l-iskart mill-imballaġġi sabiex, min-naħa, ma jkun hemm l-ebda impatt minn dawn fuq l-ambjent ta’ l-Istati Membri jew ta’ pajjiżi terzi jew sabiex jitnaqqas l-impatt, biex b’hekk jiġi pprovdut livell għoli ta’ ħarsien ambjentali, u sabiex, min-naħa l-oħra, jiġi assigurat il-funzjonament tas-suq intern u jiġi evitat xkiel fil-kummerċ u distorsjonijiet u restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fil-Komunità.

5       L-Artikolu 5 ta' din id-Direttiva jipprovdi li:

"L-Istati Membri jistgħu jinkoraġġixxu sistemi ta’ użu mill-ġdid ta’ l-imballaġġ, li jista’ jintuża mill-ġdid b’mod li jħares l-ambjent, f’konformità mat-Trattat."

6       L-Artikolu 7(1) ta' l-imsemmija Direttiva jipprovdi li:

"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu stabbiliti sistemi biex jipprovdu:

a)      għar-ritorn u/jew għall-ġbir ta’ l-imballaġġ użat u/jew l-iskart mill-imballaġġ mingħand il-konsumatur, utent finali ieħor, jew mill-gabra finali ta’ l-iskart sabiex jiġi mgħoddi lis-sistemi alternattivi ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart l-aktar addattati;

b)      għall-użu mill-ġdid jew għall-irkupru inkluż ir-riċiklaġġ ta’ l-imballaġġ u/jew l-iskart mill-imballaġġ miġbur,

sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti b’din id-Direttiva.

Dawn is-sistemi għandhom ikunu miftuħa għall-parteċipazzjoni ta’ l-operaturi ekonomiċ tas-setturi interessati u għall-parteċipazzjoni ta’ l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti. Għandhom jgħoddu wkoll għall-prodotti importati, taħt kondizzjonijiet mhux diskriminatorji, inklużi l-arranġamenti dettaljati u kull tariffa imposta għall-aċċess għas-sistemi, u għandhom jiġu ddisinjati sabiex jevitaw xkiel għall-kummerċ jew distorsjoni tal-kompetizzjoni f’konformità mat-Trattat."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7       Il-Verordnung über die Vermeidung und Verwertung von Verpackungsabfällen (Digriet dwar il-prevenzjoni u l-irkupru ta' skart mill-imballaġġi) tal-21 ta' Awwissu 1998 (BGBl. 1998 I, p. 2379, aktar 'il quddiem il-"VerpackV"), jipprovdi diversi miżuri ta' prevenzjoni u ta' tnaqqis ta' l-impatt ta' l-iskart mill-imballaġġi fuq l-ambjent. Il-VerpackV għandu l-għan, b'mod partikolari, li jittrasponi d-Direttiva 94/62 u ħa post il-Verordnung über die Vermeidung von Verpackungsabfällen (Digriet dwar il-prevenzjoni ta' l-iskart mill-imballaġġi) tat-12 ta' Ġunju 1991 (BGBl. 1991 I, p. 1234).

8       L-Artikolu 6 (1) u (2) tal VerpackV jistabbilixxi l-obbligi segwenti:

"1. Id-distributur għandu l-obbligu li jieħu lura mingħajr ħlas, fil-post fejn effettivament isseħħ il-kunsinna jew qrib tiegħu, l-imballaġġi ta' bejgħ vojta użati mill-konsumatur finali, li jirkuprahom skond ir-rekwiżiti definiti fil-punt 1 ta' l-Anness I, u li jissodisfa r-rekwiżiti definiti fil-punt 2 ta' l-Anness I. Ir-rekwiżiti ta' rkupru jistgħu jiġu wkoll sodisfatti permezz ta' użu mill-ġdid ta' l-imballaġġi jew billi dawn jintbagħtu lura għand id-distributur jew il-produttur hekk kif previst fil-paragrafu 2. Id-distributur għandu jiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur privat għall-possibbiltà ta' ritorn, prevista fl-ewwel sentenza, permezz ta' avviżi li jkunu viżibbli u li jistgħu jinqraw b'mod ċar. L-obbligu stabbilit mill-ewwel sentenza huwa limitat għat-tipi, il-forom u d-daqsijiet ta' imballaġġi kif ukoll għall-imballaġġi ta' prodotti li jagħmlu parti mill-assortiment tad-distributur. Fir-rigward tad-distributuri li l-post tal-bejgħ tagħhom ikun ta' anqas minn 200 m2, l-obbligu ta' ritorn huwa limitat għall-imballaġġi tat-trade marks ikkummerċjalizzati mid-distributur. Fil-każ ta' bejgħ bil-korrispondenza, dan ir-ritorn għandu jkun assigurat permezz ta' possibbiltajiet xierqa ta' ritorn li jkunu qrib biżżejjed tal-konsumatur finali. Il-possibbiltà ta' ritorn għandha tkun indikata fl-ispedizzjoni tal-merkanzija u fil-katalogi. Jekk l-imballaġġi ta' bejgħ ma jkunux ġejjin minn konsumaturi privati, jistgħu jintlaħqu ftehimiet li jidderogaw minn dan l-obbligu fir-rispett tal-post ta' ritorn u s-sistema ta' l-ispejjeż. Jekk id-distributuri ma jissodisfawx l-obbligi stabbiliti mill-ewwel sentenza billi jieħdu lura l-imballaġġi fil-post tal-bejgħ, huma għandhom jassiguraw ir-rispett tagħha permezz ta' sistema bħall dik prevista fil-paragrafu 3. F'dak li jirrigwarda distributuri ta' imballaġġi li l-parteċipazzjoni tagħhom f'sistema bħal dik prevista fil-paragrafu 3 hija eskluża, ir-rekwiżiti ta' rkupru previsti fl-Artikolu 4(2) għandhom, mutatis mutandis u b'deroga mill-ewwel sentenza, japplikaw.

2. Il-produtturi u d-distributuri għandhom l-obbligu li, fil-post effettiv tal-bejgħ, jieħdu lura, mingħajr ħlas, l-imballaġġi li d-distributuri jkunu ġabru skond il-paragrafu 1, li jirkuprawhom skond ir-rekwiżiti definiti fil-punt 1 ta' l-Anness I u li jissodisfaw ir-rekwiżiti definiti fil-punt 2 ta' l-Anness I. Ir-rekwiżiti ta' rkupru jistgħu wkoll jiġu sodisfatti permezz ta' użu mill-ġdid ta' l-imballaġġi. L-obbligi stabbiliti mill-ewwel sentenza huma limitati għat-tipi, il-forom u d-daqsijiet ta' imballaġġi kif ukoll għall-imballaġġi ta' prodotti li l-produtturi u d-distributuri jikkummerċjalizzaw rispettivament. It-tmien, id-disa' u l-għaxar sentenza tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw mutatis mutandis."

9       Skond il-paragrafu 3 ta' dan l-istess Artikolu, dawn l-obbligi ta' teħid lura u ta' rkupru jistgħu wkoll, fil-prinċipju, jiġu sodisfatti bil-parteċipazzjoni tal-produttur jew tad-distributur f'sistema globali ta' ġbir ta' l-imballaġġi ta' bejgħ użati. Hija l-awtorita reġjonali kompetenti li għandha tikkonstata li din is-sistema tissodisfa l-kundizzjonijiet imposti mill-VerpackV fir-rigward tar-rata ta' kopertura tagħha.

10     Skond l-Artikolu 8(1) tal-VerpackV, id-distributuri li jikkummerċjalizzaw prodotti ta' l-ikel likwidi ppakjati f'imballaġġi għax-xorb li ma jistgħux jerġgħu jintużaw huma obbligati li jżommu mingħand min jixtri depożitu ta' mhux inqas minn EUR 0.25 għal kull imballaġġ, bit-taxxa fuq il-valur miżjud inkluża. Dan l-ammont minimu ta' depożitu huwa ta' EUR 0.50, bit-taxxa fuq il-valur miżjud inkluża, meta l-ippakkjar jkun ta' aktar minn 1.5 litri. Id-depożitu għandu jinġabar minn kull distributur suċċessiv, f'kull stadju tal-kummerċjalizzazzjoni, sakemm ikun hemm il-bejgħ lill-konsumatur finali. Id-depożitu jiġi mħallas lura meta l-imballaġġ jittieħed lura skond l-Artikolu 6 (1) u (2) tal-VerpackV.

11     Skond l-Artikolu 9(1) tal-VerpackV, dan id-depożitu obbligatorju mhuwiex applikabbli għal dawk l-imballaġġi li l-produttur jew id-distributur ma jkunux obbligati li jieħdu lura minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom f'sistema globali ta' ġbir bħal dik prevista fl-imsemmi Artikolu 6(3) iċċitat aktar 'il fuq.

12     Madankollu, il-VerpackV, fl-Artikolu 9(2) tagħha, tipprovdi għal ċirkustanzi fejn, fir-rigward ta' ċerti xarbiet, ma jistax isir użu mill-Artikolu 6(3). Din id-dispożizzjoni tipprovdi kif ġej:

"Meta, fit-territorju fejn japplika dan id-digriet, il-perċentwali ta' xarbiet ibbottiljati f'imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw, kemm jekk dawn ikunu tal-birra, ta' l-ilma minerali (inkluż l-ilma ġieri, l-ilma tal-mejda u l-ilma minerali), ta' xarbiet rinfreskanti effervexxenti, ta' meraq tal-frott […] jew ta' l-inbid […], b'mod globali, tinżel għal anqas minn 72% matul is-sena, ikun hemm lok li ssir evalwazzjoni ġdida tal-perċentwali relevanti ta' imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw għall-perijodu ta' tnax-il xahar li jsegwu t-tħabbir li l-perċentwali ta' imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw ma ntlaħqitx. Meta fit-territorju federali l-perċentwali ta' imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw tkun anqas mill-perċentwali prevista fl-ewwel sentenza, id-deċiżjoni prevista fl-Artikolu 6(3) għandha tiġi meqjusa bħala revokata, għat-territorju federali kollu, sa mill-ewwel ġurnata tas-sitt xahar li jsegwi l-pubblikazzjoni prevista fil-paragrafu 3, fir-rigward tax-xarbiet li għalihom ma jkunx intlaħqet il-perċentwali ta' imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw stabbilita fl-1991 […]"

13     Skond l-Artikolu 9(3) tal-VerpackV, il-Gvern Ġermaniż għandu ta' kull sena jippubblika l-perċentwali rilevanti, previsti fil-paragrafu 2 ta' l-imsemmi Artikolu, li jirrigwardaw xarbiet ibbottiljati f'imballaġġi li jkunu aħjar mil-lat ekoloġiku. Skond il-paragrafu 4 ta' dan l-istess Artikolu, l-awtorita kompetenti għandha, wara li ssir talba jew ex officio, tagħmel evalwazzjoni ġdida skond l-Artikolu 6(3), ladarba l-perċentwali rilevanti għal xarbiet ibbottiljati f'imballaġġi bħal dawn terġa' tintlaħaq wara li kien hemm deċiżjoni ta' revoka.

14     Minn dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jirriżulta li l-produtturi ta' ilma minerali jitilfu l-possibbiltà li jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jieħdu lura l-imballaġġi billi jieħdu sehem f'sistema globali ta' ġbir meta l-perċentwali globali ta' xarbiet ibbottiljati f'imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw tinżel taħt it-72% għal matul sentejn wara xulxin u meta, fl-istess ħin, ma jintlaħaqx il-perċentwali ta' l-1991 għall-ilmijiet minerali bbottiljati f'imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw. F'każ bħal dan, ix-xarbiet ibbottiljati f'imballaġġi li ma jistgħux jerġgħu jintużaw huma suġġetti għas-sistema ta' depożitu u ta' ritorn individwali prevista fl-Artikolu 8(1) tal-VerpackV.

15     Skond il-Gvern Ġermaniż il-perċentwali ta' imballaġġi ta' xarbiet li jistgħu jerġgħu jintużaw niżlet għall-ewwel darba, fl-1997, taħt it-72%, jiġifieri għal 71.33%. Wara dan, il-perċentwali kompliet nieżla minħabba żieda importanti fl-imballaġġi ta' xarbiet li jintużaw darba. F'dan il-kuntest, l-imsemmi Gvern, matul il-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, impona, sa mill-1 ta' Jannar 2003, il-ġbir ta' depożitu fuq l-imballaġġi li jintużaw darba ta' l-ilmijiet minerali, tal-birer u tax-xarbiet rinfreskanti effervexxenti.

 Il-proċedura prekontenzjuża

16     Fit-12 ta' Diċembru 1995, il-Kummissjoni bagħtet itra ta' intimazzjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fejn sostniet li d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-ġbir ta' depożitu fuq ċerti imballaġġi li jintużaw darba jikkostitwixxu xkiel għall-kummerċ intrakomunitarju. Wara li skada t-terminu ta' traspożizzjoni tad-Direttiva 94/62 u wara l-adozzjoni tal-VerpackV, fil-11 ta' Diċembru 1998, il-Kummissjoni bagħtet lil dan l-Istat Membru ittra ta' intimazzjoni supplementari li kien fiha diversi lmenti bbażati fuq l-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni l-ġdida Ġermaniża mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 94/62 moqrija flimkien ma' l-Artikolu 30 tat-Trattat KE (li aktar tard sar l-Artikolu 28 KE).

17     Peress li ma kinitx sodisfatta bl-ispjegazzjonijiet li l-Gvern Ġermaniż ipprovda fir-risposti tiegħu għall-ittri ta' intimazzjoni, il-Kummissjoni, fis-27 ta' Lulju 2000, bagħtitlu opinjoni motivata li kienet tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi li hija għandha skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 5 tad-Direttiva 94/62 moqrija flimkien ma' l-Artikolu 28 KE, kif ukoll skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3 moqrija flimkien ma' dawk ta' l-Anness II(2)(d) tad-Direttiva 80/777 billi stabbilixxiet, permezz tal-VerpackV, sistema intiża għall-użu mill-ġdid ta' imballaġġi għall-ilmijiet minerali naturali li għandhom jiġu bbottiljati f'ras il-għajn skond id-Direttiva 80/777. F'din l-opinjoni, il-Kummissjoni ssostni li, f'dak li jirrigwarda l-ilmijiet minerali naturali, l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tikkostitwixxi xkiel għall-kummerċ għall-produtturi li jkollhom jibagħtu l-imballaġġi vojta lura lejn il-post ta' produzzjoni meta dawn ta' l-aħħar ma jistgħux jintużaw għall prodotti oħra. L-imsemmija leġiżlazzjoni Ġermaniża mhijiex iġġustifikata minn raġunijiet ta' ħarsien ta' l-ambjent peress li, billi tinjora s-sitwazzjoni partikolari tal-prodotti li għandhom jiġu ttrasportati għal distanzi twal, il-portata tagħha tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq.

18     B'risposta għal din l-opinjoni motivata, il-Gvern Ġermaniż, permezz ta' l-ittra ta' l-10 ta' Novembru 2000, ikkontesta l-eżistenza ta' xkiel għall-kummerċ intrakomunitarju. Huwa jsostni li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tagħti lill-produtturi ta' l-ilmijiet minerali stabbiliti fi Stat Membru ieħor il-libertà li jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom jew billi jużaw imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw, b'mod partikolari fil-kuntest ta' sistema ta' fliexken standardizzati, inkella billi jirrikorru għal imballaġġi li ma jistgħux jerġgħu jintużaw. Anke jekk jiġi meqjus li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni tikkostitwixxi xkiel għall-kummerċ intrakomunitarju, din hija ġġustifikata għal raġunijiet ta' ħarsien ta' l-ambjent peress li l-imballaġġi ta' xarbiet li jistgħu jerġgħu jintużaw għandhom, fir-rispett ta' l-imballaġġi li jintużaw darba, vantaġġi fuq il-livell ekoloġiku, minkejja l-eventwali ħtieġa li jiġi assigurat it-trasport tagħhom fuq distanzi twal.

19     Fis-16 ta' Marzu 2001, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat abbozz ta' emendi għall-VerpackV lill-Kummissjoni. Madankollu, peress li dan l-abbozz iltaqa' ma diffikultajiet matul il-proċess leġiżlattiv, din in-notifika ġiet irtirata fit-3 ta' Lulju 2001.

20     Peress li qieset li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi li hija għandha skond id-dritt Komunitarju, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

21     Permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit ġew ammessi sabiex jintervjenu in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta' l-ittra tas-26 ta' Settembru 2002, ir-Renju Unit għarraf li huwa kien qiegħed jirrinunċja għad-depożitu ta' nota ta' l-intervent.

 Fuq is-suġġett u l-ammissibbiltà tar-rikors

22     L-ewwel nett, għandu jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni qiegħda tikkontesta l-leġiżlazzjoni Ġermaniża safejn l-Artikoli 8(1) u 9(2) tal-VerpackV, billi jintroduċu obbligi ta' depożitu u ta' ritorn individwali għall-imballaġġi li jintużaw darba skond il-perċentwali ta' l-imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw fis-suq Ġermaniż, jissuġġettaw lill-produtturi ta' l-ilmijiet minerali naturali li jkunu ġejjin minn Stati Membri oħra għal piż partikolari. Skond il-Kummissjoni, l-użu ta' imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw, li jiġi inkoraġġit mill-imsemmija leġiżlazzjoni għal dawk il-produtturi li jużaw imballaġġi li jintużaw darba, iġib miegħu spejjeż supplementari għall-produtturi ta' ilmijiet minerali naturali stabbiliti fi Stati Membri oħra.

23     Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-Kummissjoni ma kkontestatlux, matul il-proċedura prekontenzjuża, il-fatt li l-Artikoli 8 u 9 tal-VerpackV kienu jagħmlu pressjoni fuq il-produtturi ta' ilmijiet minerali naturali sabiex jużaw imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tagħtux l-opportunità li jiġġustifika l-pożizzjoni tiegħu jew inkella, jekk ikun il-każ, li, minn jeddu, jikkonforma ruħu mar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju, b'mod partikolari billi jeskludi l-produtturi ta' l-ilmijiet minerali naturali stabbiliti fi Stati Membri oħra mill-kalkolu tal-perċentwali previsti fl-Artikolu 9(2) tal-VerpackV.

24     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-għan tal-proċedura prekontenzjuża huwa li jagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-okkażjoni, min-naħa, li jikkonforma ruħu ma' l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju u, min-naħa l-oħra, li effettivament isostni r-raġunijiet ta' difiża tiegħu kontra l-ilmenti fformulati mill-Kummissjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta' Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-439/99, Ġabra p. I-305, punt 10, u ta' l-20 ta' Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-287/00, Ġabra p. I-5811, punt 16).

25     Ir-regolarità tal-proċedura prekontenzjuża tikkostitwixxi garanzija essenzjali mhux biss għall-ħarsien tad-drittijiet ta' l-Istat Membru in kwistjoni, iżda wkoll sabiex jiġi assigurat li l-eventwali proċedura kontenzjuża jkollha bħala suġġett kwistjoni li tkun definita b'mod ċar (ara s-sentenza L-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata aktar 'il fuq, punt 17).

26     Għalhekk is-suġġett ta' rikors ippreżentat skond l-Artikolu 226 KE huwa limitat mill-proċedura prekontenzjuża prevista f'din id-dispożizzjoni. Minn dan isegwi li r-rikors għandu jkun ibbażat fuq l-istess motivi u talbiet bħall-opinjoni motivata (ara, b'mod partikolari, is-sentenza L-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata aktar 'il fuq, punt 11).

27     F'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma estendietx is-suġġett tal-kwistjoni hekk kif dan kien ġie ddefinit matul il-proċedura prekontenzjuża.

28     Fil-fatt, fl-ewwel ittra ta' intimazzjoni, il-Kummissjoni kienet diġà kkritikat il-fatt li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża hija bbażata fuq perċentwali ta' imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw bir-riżultat li s-sitwazzjoni tas-suq tinżamm fl-istess status quo li kienet fih f'perijodu speċifiku. Fir-risposta tiegħu għal din l-ittra, il-Gvern Ġermaniż, filwaqt li ddikjara li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni ma timponix ċertu metodu ta' imballaġġ fuq il-produtturi, espona r-raġunijiet li għalihom kienet ġiet stabbilita l-perċentwali in kwistjoni.

29     Bl-istess mod, fl-ittra ta' intimazzjoni supplementari, il-Kummissjoni kkritikat l-effetti sproporzjonati tal-VerpackV fuq is-sitwazzjoni tal-produtturi ta' ilmijiet minerali naturali, billi enfasizzat li r-regola li tistabbilixxi perċentwali ta' imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw tista' tkun ta' xkiel għall-kummerċjalizzazzjoni fil-Ġermanja ta' prodotti ġodda bbottiljati f'imballaġġi li jintużaw darba. B'risposta għal din l-ittra, il-Gvern Ġermaniż reġa' tenna l-opinjoni tiegħu li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni mhijiex ta' ostakolu għall-produtturi stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jużaw imballaġġi li jintużaw darba.

30     Fl-aħħar nett, fl-istadju ta' l-opinjoni motivata, fejn l-ilmenti huma limitati għall-effetti ta' l-Artikoli 8 u 9 tal-VerpackV fuq il-kummerċjalizzazzjoni ta' l-ilmijiet minerali naturali, il-Kummissjoni sostniet li dawn id-dispożizzjonijiet iħeġġu lill-produtturi sabiex ma jżidux il-proporzjoni ta' imballaġġi li jintużaw darba sabiex ma jintlaħqux il-perċentwali stabbiliti għall-imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw. Il-VerpackV tippermetti biss lill-produtturi, li l-istabbiliment tagħhom ikun 'il bogħod ħafna mill-postijiet ta' bejgħ, li jżidu s-sehem tas-suq tagħhom ta' prodotti bbottiljati f'imballaġġi li jintużaw darba safejn produtturi oħra, stabbiliti f'post eqreb għall-postijiet ta' bejgħ, ikunu lesti li jnaqqsu s-sehem tas-suq tagħhom.

31     Mir-risposta għall-opinjoni motivata jirriżulta li l-Gvern Ġermaniż fehem li l-imsemmija opinjoni motivata kienet, b'mod partikolari, tikkontesta l-effett li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża għandha fuq l-għażla tal-metodu ta' imballaġġ. Fil-fatt, il-Gvern Ġermaniż, f'din ir-risposta, filwaqt li reġa' tenna l-pożizzjoni tiegħu li ma kien hemm l-ebda ostakolu għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti bbottiljati f'imballaġġi li jintużaw darba, semma d-diversi possibbiltajiet li l-produtturi stabbiliti fi Stat Membru ieħor għandhom sabiex jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom fis-suq Ġermaniż.

32     Minn dan isegwi li l-allegazzjoni li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tħajjar lill-produtturi ta' ilmijiet minerali naturali stabbiliti fi Stati Membri oħra li jużaw imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw kienet effettivament tinsab fost il-motivi li l-Kummissjoni invokat sabiex issostni, matul il-proċedura prekontenzjuża, li l-VerpackV mhijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet Komunitarji in kwistjoni.

33     Għaldaqstant, ir-rikors huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

34     Huwa stabbilit fost il-partijiet li l-Artikoli 8 u 9 tal-VerpackV jaqgħu fil-kuntest ta' leġiżlazzjoni li għandha bħala suġġett it-traspożizzjoni tad-Direttiva 94/62.

35     Min-naħa l-oħra, l-partijiet ma jaqblux fuq il-punt dwar jekk, f'dak li jirrigwarda l-promozzjoni ta' l-użu mill-ġdid ta' l-imballaġġi, l-Artikoli 8 u 9 tal-VerpackV jistgħux jiġu evalwati wkoll fid-dawl ta' l-Artikolu 28 KE. Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Gvern Franċiż, hija ta' l-opinjoni li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tista' biss tkun kompatibbli ma' l-Artikolu 5 tad-Direttiva 94/62 jekk hija wkoll konformi ma' l-Artikolu 28 KE, filwaqt li l-Gvern Ġermaniż isostni li dan l-Artikolu 5 fih armonizzazzjoni sħiħa ta' dan il-qasam li teskludi kull evalwazzjoni ta' l-Artikoli 8 u 9 tal-VerpackV fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-moviment ħieles tal-merkanzija.

36     Fid-dawl taċ-ċirkustanza li, meta qasam kien is-suġġett ta' armonizzazzjoni eżawrjenti fuq il-livell Komunitarju, kull miżura nazzjonali relatata miegħu għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta' dik il-miżura ta' armonizzazzjoni u mhux f'dak tad-dritt primarju (sentenzi tat-12 ta' Ottubru 1993, Vanacker u Lesage, C-37/92, Ġabra p. I-4947, punt 9; tat-13 ta' Diċembru 2001, DaimlerChrysler, C-324/99, Ġabra p. I-9897, punt 32, u tal-11 ta' Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband, C-322/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 64), għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk l-armonizzazzjoni li saret permezz tad-Direttiva 94/62 teskludix l-eżami tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni ma' l-Artikolu 28 KE.

 Fuq l-applikabbiltà ta' l-Artikolu 28 KE

37     F'dak li jirrigwarda l-promozzjoni u l-użu mill-ġdid ta' l-imballaġġi, hekk kif previst mid-Direttiva 94/62, għandu l-ewwel nett jiġi mfakkar li, kemm mill-ewwel premessa kif ukoll mill-Artikolu 1(1) ta' din id-Direttiva, jirriżulta li din għandha għan doppju, li jikkonsisti, minn naħa, fil-prevenzjoni u fit-tnaqqis ta' l-effetti ta' l-iskart mill-imballaġġi fuq l-ambjent b'tali mod li jiġi assigurat livell għoli ta' ħarsien ta' l-ambjent u, min-naħa l-oħra, f'li jiġi assigurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li jiġi evitat il-ħolqien ta' xkiel għall-kummerċ u distorsjonijiet u restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fil-Komunità (ara s-sentenza tad-19 ta' Ġunju 2003, Mayer Parry Recycling, C-444/00, Ġabra p. I-6163, punt 71).

38     Għalkemm id-Direttiva 94/62 tipprovdi bħala "l-ewwel prijorità" il-prevenzjoni ta' skart mill-imballaġġi, fl-Artikolu 1(2) tagħha hija telenka, bħala "prinċipji fundamentali addizzjonali", l-użu mill-ġdid ta' imballaġġi, ir-reċiklaġġ u l-forom l-oħra ta' rkupru ta' skart mill-imballaġġi.

39     It-tmien premessa ta' din id-Direttiva tipprovdi li, "sakemm isir progress xjentifiku u teknoloġiku fil-proċessi ta’ l-irkupru, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ għandhom jingħataw preferenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impatt ambjentali; billi dan jeħtieġ l-istabbiliment fl-Istati Membri ta’ sistemi li jiggarantixxu r-ritorn ta’ l-imballaġġ użat u/jew l-iskart mill-imballaġġ; billi stimi taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ l-imballaġġ għandhom jitlestew kemm jista’ jkun malajr sabiex tiġi ġġustifikata ġerarkija ċara bejn l-imballaġġ li jista’ jintuża mill-ġdid, dak li jista’ jiġi rriċiklat u dak li jista’ jiġi rkuprat".

40     Għaldaqstant, bil-kontra ta' dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż, id-Direttiva 94/62 ma tistabbilixxix ġerarkija bejn, minn naħa, l-użu mill-ġdid ta' l-imballaġġi u, min-naħa l-oħra, l-irkupru ta' l-iskart mill-imballaġi.

41     F'dak li jirrigwarda l-użu mill-ġdid ta' l-imballaġġi, l-Artikolu 5 ta' din id-Direttiva jillimita ruħu sabiex jippermetti lill-Istati Membri li jiffavorixxu, konformement mat-Trattat, sistemi ta' użu mill-ġdid ta' l-imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent.

42     Skond l-Artikolu 7(1) ta' l-imsemmija Direttiva, l-Istati Membri huma, barra minn dan, obbligati li jadottaw dawk il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiġu stabbiliti sistemi li jassiguraw mhux biss ir-ritorn u/jew il-ġbir ta' l-imballaġġi użati u/jew ta' l-iskart mill-imballaġġi sabiex jindirizzawhom lejn is-soluzzjoni ta' amministrazzjoni ta' skart l-aktar xierqa, iżda wkoll l-użu mill-ġdid jew l-irkuprar, inkluż ir-riċiklaġġ, ta' l-imballaġġi u/jew ta' l-iskart mill-imballaġġi miġbura.

43     Apparti mid-definizzjoni tal-kunċett ta' "użu mill-ġdid" ta' l-imballaġġi, minn ċerti dispożizzjonijiet ġenerali fuq il-miżuri ta' prevenzjoni ta' l-iskart mill-imballaġġi u mid-dispożizzjonijiet dwar is-sistemi ta' ritorn, ta' ġbir u ta' rkupru, li jinsabu, rispettivament, fl-Artikoli 3(5), 4 u 7 tagħha, id-Direttiva 94/62 ma tirregolax, f'dak li jirrigwarda l-Istati Membri li huma disposti li jużaw il-fakultà mogħtija mill-Artikolu 5 tagħha, l-organizzazzjoni ta' sistemi li jiffavorixxu l-imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw.

44     Għaldaqstant, bil-kontra ta' dak li jiġri fl-immarkar u l-identifikazzjoni ta' l-imballaġġi u tar-rekwiżiti li jirrigwardaw il-kompożizzjoni u l-karattru li jista' jerġa jintuża jew irkuprabbli ta' dawn ta' l-aħħar, irregolati mill-Artikoli 8 sa 11 u mill-Anness II tad-Direttiva 94/62, l-organizzazzjoni tas-sistemi nazzjonali intiżi li jiffavorixxu l-użu mill-ġdid ta' l-imballaġġi mhijiex is-suġġett ta' armonizzazzjoni sħiħa.

45     Sistemi bħal dawn jistgħu, konsegwentement, jiġu evalwati fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-moviment liberu tal-merkanzija.

46     Barra minn dan, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 94/62 jippermetti lill-Istati Membri li jiffavorixxu sistemi ta' użu mill-ġdid ta' l-imballaġġi biss "f'konformità mat-Trattat".

47     Bil-kontra ta' dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż, is-sentenza Daimler Chrysler, iċċitata aktar 'il fuq, ma tistax twassal għal konklużjoni differenti. Huwa minnu li fil-punt 44 ta' dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-użu, f'dispożizzjoni Komunitarja, tal-kliem "f'konformità mat-Trattat" m'għandux jiġi interpretat bħala li jfisser li miżura nazzjonali li tissodisfa r-rekwiżiti ta' din id-dispożizzjoni għandha, barra minn dan, tkun is-suġġett ta' eżami differenti tal-kompatibbiltà tagħha mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-moviment liberu tal-merkanzija.

48     Madankollu, dik is-sentenza kienet tirrigwarda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93, ta' l-1 ta' Frar 1993, dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (ĠU L 30, p. 1). Dan jirregola b'mod armonizzat, fuq il-livell Komunitarju, il-kwistjoni tat-trasferimenti ta' skart sabiex jiġi ggarantit il-ħarsien ta' l-ambjent (sentenza Daimler Chrystler, iċċitata aktar 'il fuq, punt 42). Issa, kif ġie kkonstatat aktar 'il fuq, dan mhuwiex il-każ tad-Direttiva 94/62 f'dak li jirrigwarda l-użu mill-ġdid ta' l-imballaġġi.

49     Minbarra dan, l-Artikolu 4(3)(a)(i) ta' l-imsemmi Regolament jawtorizza l-Istati Membri li jirregolaw it-trasferimenti ta' skart li għandu jiġi eliminat, "f'konformità mat-Trattat", filwaqt li jipprovdi numru ta' prinċipji, bħall-prinċipji ta' prossimità, ta' prijorità għall-irkupru u ta' awtosuffiċjenza fuq il-livelli Komunitarju u nazzjonali, li l-Istai Membri għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni meta jagħmlu użu minn din l-awtorizzazzjoni.

50     L-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat, fis-sentenza DiamlerChrysler, iċċitata aktar 'il fuq, ta' l-espressjoni "f'konformità mat-Trattat" ma tistax tiġi applikata għal dan il-kuntest, fejn l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-Istati Membri sabiex jiffavorixxu l-użu mill-ġdid ta' l-imballaġġi hija fformulata f'termini ġenerali, mingħajr ma jiġu identifikati l-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati mill-Istati Membri li jagħmlu użu minnha.

51     Għandu jiġi wkoll osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 45 ta' l-istess sentenza, ddeċidiet li l-espressjoni "f'konformità mat-Trattat" lanqas ma tfisser li l-miżuri nazzjonali kollha li jirrestrinġu t-trasferimenti ta' l-iskart, previsti fl-Artikolu 4(3)(a)(i) tar-Regolament, għandhom jiġu sistematikament preżunti bħala li huma konformi mad-dritt Komunitarju minħabba s-sempliċi fatt li huma intiżi li jimplementaw primċipju wieħed jew diversi mill-prinċipji msemmija minn din id-dispożizzjoni. Din l-espressjoni għandha pjuttost tiġi interpretata fis-sens li l-imsemmija miżuri nazzjonali, apparti li jridu jkunu konformi mar-regolament, għandhom jirrispettaw ukoll ir-regoli jew il-prinċipji ġenerali tat-Trattat li ma jissemmewx direttament mil-leġiżlazzjoni adottata fil-qasam tat-trasferimenti ta' l-iskart.

52     Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali in kwistjoni humiex kompatibbli ma' l-Artikolu 28 KE

 Fuq l-eżistenza ta' xkiel għall-kummerċ intrakomunitarju

53     Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Gvern Franċiż, issostni li l-Artikoli 8(1) u 9(2) tal-VerpackV jagħmlu aktar diffiċli jew aktar oneruża d-distribuzzjoni ta' ilmijiet minerali naturali li jkunu ġejjin minn Stati Membri oħra u li, minħabba f'dan, huma jikkostitwixxu miżuri b'effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fis-sens ta' l-Artikolu 28 KE.

54     Il-Gvern Ġermaniż iqis, l-ewwel nett, li dawn id-dispożizzjonijiet ġenerali ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala miżuri b'effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva peress li dawn ma jintużawx għall-protezzjoni unilaterali ta' l-interessi nazzjonali, iżda huma intiżi biss sabiex jimplementaw l-obbligi li jirriżultaw minn direttiva Komunitarja.

55     F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dispożizzjoni nazzjonali li, permezz tagħha, Stat Membru jissodisfa obbligi tiegħu li jirriżultaw minn direttiva, ma tistax tiġi kkwalifikata bħala xkiel għall-kummerċ (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta' Jannar 1997, Bauhuis, 46/76, Ġabra p. 5, punti 28 sa 30; tat-23 ta' Marzu 2000, Berendse-Koenen, C-246/98, Ġabra p. I-1777, punti 24 u 25, u s-sentenza Deutscher Apothekerverband, iċċitata aktar 'il fuq punti 52 sa 54), għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 94/62 jawtorizza biss lill-Istati Membri li jiffavorixxu sistemi ta' użu mill-ġdid ta' imballaġġi konformement mat-Trattat, mingħajr ma jimponi xi obbligu f'dan is-sens.

56     Il-Gvern Ġermaniż imbagħad jikkontesta l-fatt li l-Artikoli 8 u 9 tal-VerpackV jwasslu għal xi tip ta' diskriminazzjoni diretta jew indiretta kontra produtturi stabbiliti fi Stat Membru ieħor.

57     F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 9(2) tal-VerpackV jipprovdi li, f'ċirkustanzi speċifiċi, jkun hemm bdil tas-sistema ta' amministrazzjoni ta' l-iskart mill-imballaġġi li jintużaw darba. Għalkemm il-VerpackV tibbaża dan il-bdil fuq il-fatt li, fis-suq nazzjonali, ma jintlaħqux ċerti perċentwali ta' imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw, hija tissuġġetta d-dħul fis-seħħ effettiv ta' l-imsemmi bdil għal evalwazzjonijiet ġodda ta' tali perċentwali li jkollhom isiru aktar 'il quddiem. Għalhekk, għal ċertu xarbiet, fosthom l-ilmijiet minerali naturali, il-produtturi u d-distributuri ma jistgħux aktar jagħmlu użu minn sistema globali ta' ġbir u għandhom għalhekk jistabbilixxu sistema ta' depożitu u ta' ritorn individwali għall-imballaġġi tax-xarbiet tagħhom li jintużaw darba, meta, għal sentejn wara xulxin, il-perċentwali, fil-Ġermanja, ta' xarbiet ibbottiljati f'imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw tinżel taħt it-72% u, għax-xarbiet in kwistjoni, il-perċentwali ta' imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw ta' l-1991 ma tintlaħaqx.

58     Issa, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm huwa minnu l-Artikoli 8(1) u 9(2) tal-VerpackV japplikaw għall-produtturi u d-distributuri kollha li joperaw fit-territorju nazzjonali, huma ma jaffetwawx bl-istess mod il-kummerċjalizzazzjoni ta' l-ilmijiet minerali naturali prodotti fil-Ġermanja u dik tax-xarbiet li jkunu ġejjin minn Stati Membri oħra.

59     Fil-fatt, anke jekk il-proċess ta' bdil minn sistema ta' amministrazzjoni ta' l-imballaġġi għal oħra ġeneralment jinvolvi spejjeż f'dak li jirrigwarda l-immarkar jew l-ittikkettjar ta' l-imballaġġi, leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-produtturi u lid-distributuri li jużaw imballaġġi li jintużaw darba li jissostitwixxu l-parteċipazzjoni tagħhom f'sistema globali ta' ġbir bl-istabbiliment ta' sistema ta' depożitu u ta' ritorn individwali, iġġib magħha, għall-produtturi u d-distributuri kollha li jużaw imballaġġi bħal dawn, spejjeż supplementari marbutin ma' l-organizzazzjoni tar-ritorn ta' l-imballaġġi, tal-ħlas lura ta' l-ammonti ta' depożiti u ta' l-eventwali kumpens ta' l-imsemmija ammonti fost id-distributuri.

60     Issa, kif tosserva l-Kummissjoni, mingħajr ma dan ma ġie kkontestata mill-Gvern Ġermaniż, il-produtturi ta' ilmijiet minerali naturali li jkunu ġejjin minn Stati Membri oħra jużaw, b'mod kunsiderevoli, l-imballaġġi li jintużaw darba tal-plastika aktar milli jużawhom il-produtturi Ġermaniżi. Fil-fatt, skond studju magħmul f'Ġunju ta' l-2001 mill-Gesellschaft für Verpackungsmarktforschung, il-produtturi Ġermaniżi użaw, fl-1999, madwar 90% mill-imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw u 10% mill-imballaġġi li jintużaw darba, filwaqt li dawn il-perċentwali jinqalbu f'dak li jirrigwarda l-ilmijiet minerali naturali mibjugħin fil-Ġermanja mill-produtturi barranin, b'użu ta' madwar 71% ta' imballaġġi li jintużaw darba tal-plastika.

61     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-produtturi ta' l-ilmijiet minerali naturali li jbiegħu l-prodotti tagħhom fil-Ġermanja, 'il bogħod mill-għajn ta' dawn l-ilmijiet, li huma, fil-biċċa l-kbira tagħhom, stabbiliti fi Stat Membru ieħor, ibatu, meta jużaw imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw, spejjeż supplementari. Fil-fatt, minn qari flimkien ta' l-Artikolu 3 u ta' l-Anness II tad-Direttiva 80/777 jirriżulta li l-ilmijiet minerali naturali għandhom jiġu bbottiljati f'ras il-għajn, b'tali mod li l-użu mill-ġdid ta' imballaġġi ta' dawn l-ilmijiet minerali naturali jitlob li dawn ta' l-aħħar jiġu ttrasportati sa l-għajn. Għalkemm huwa minnu li, kif isostni l-Gvern Ġermaniż, produttur ta' ilmijiet minerali naturali jista' jnaqqas l-ispejjeż tiegħu billi jieħu sehem f'sistema ta' flixken standardizzati li jistgħu jerġgħu jintużaw, xorta jibqa' l-fatt li produttur ta' l-ilmijiet minerali naturali li jikkummerċjalizza l-prodotti tiegħu f'diversi swieq, fosthom is-suq Ġermaniż, bħall-każ ta' produttur stabbilit fi Stat Membru ieħor li jesporta lejn il-Ġermanja, huwa mġiegħel jadatta d-distribuzzjoni tal-prodotti tiegħu għar-rekwiżiti speċifiċi tas-suq Ġermaniż.

62     Minn dan isegwi li s-sostituzzjoni, f'dak li jirrigwarda l-imballaġġi li jintużaw darba, ta' sistema globali ta' ġbir ta' l-imballaġġi b'sistema ta' depożitu u ta' ritorn individwali hija ta' natura tali li jfixkel il-kummerċjalizzazzjoni fis-suq Ġermaniż ta' ilmijiet minerali naturali importati minn Stati Membri oħra (ara f'dan is-sens, f'dak li jirrigwarda l-imballaġġi ta' xarbiet li jistgħu jerġgħu jintużaw, is-sentenza ta' l-20 ta' Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, 302/86, Ġabra p. 4607, punt 13).

63     Mhuwiex relevanti, f'dan ir-rigward, li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni jipprovdu għal obbligi ta' kunsinna u ta' ritorn individwali għall-imballaġġi li jintużaw darba mingħajr ma jipprojbixxu l-importazzjoni ta' xarbiet ibbottiljati f'tali imballaġġi, u li barra minn dan, teżisti l-possibbiltà għall-produtturi li jagħmlu użu minn imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw. Fil-fatt, miżura li x'aktarx tkun ta' xkiel għall-importazzjonijiet għandha tiġi kkwalifikata bħala miżura b'effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva anke jekk ix-xkiel huwa dgħajjef u jekk jeżistu possibbiltajiet oħra sabiex jiġu distribwiti u mibjugħa l-prodotti (sentenza tal-5 ta' April 1984, Van de Haar u Kaveka de Meern, 177/82 u 178/82, Ġabra p. 1797, punt 14).

64     Bil-kontra ta' dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż, ix-xkiel għall-kummerċ intiż minn dan ir-rikors ma joriġinax mid-dispożizzjoni tad-Direttiva 80/777 li tgħid li l-ilmijiet minerali naturali għandhom jiġu bbottiljati f'ras il-għajn. Għalkemm huwa minnu li ma jistax jiġi eskluż li, għall-produtturi ta' ilmijiet minerali naturali, din id-dispożizzjoni teffettwa l-għażla tagħhom f'dak li jirrigwarda l-imballaġġ tal-prodotti tagħhom, għandu madankollu jiġi mfakkar li s-sostituzzjoni ta' sistema globali ta' ġbir b'sistema ta' depożitu u ta' ritorn individwali jġib miegħu spejjeż supplementari mhux biss għall-produtturi ta' ilmijiet minerali naturali iżda wkoll għall-produtturi u d-distributuri ta' xarbiet oħra previsti fl-Artikolu 9(2) tal-VerpackV, li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra u li jużaw imballaġġi li jintużaw darba.

65     Lanqas ma huwa relevanti li jiġi ddikjarat, kif jagħmel il-Gvern Ġermaniż, li ż-żieda fl-importazzjoni fil-Ġermanja ta' ilmijiet minerali naturali bbottiljat f'imballaġġi li jintużaw darba tipprova n-nuqqas ta' diskriminazzjoni fir-rigward tal-produtturi ta' ilmijiet minerali naturali li jużaw l-imballaġġi li jintużaw darba. Fil-fatt, għalkemm din it-tendenza tista' tiġi osservata fis-suq Ġermaniż, mhijiex ta' natura tali li xxejjen il-fatt li l-Artikoli 8 u 9 tal-VerpackV jikkostitwixxu, għall-produtturi ta' ilmijiet minerali naturali stabbiliti fi Stati Membri oħra, ostakolu għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħhom fil-Ġermanja.

66     Fl-aħħar nett, bil-kontra ta' dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż, l-Artikoli 8 u 9 tal-VerpackV ma jistgħux ma jaqgħux taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 28 KE minħabba li huma ma jirregolawx il-metodu ta' ibbottiljar ta' l-ilmijiet minerali naturali iżda biss il-metodi ta' bejgħ tagħhom fis-sens tas-sentenza ta' l-24 ta' Novembru 1993, Keck u Mithouard (C-267/91 u C-268/91, Ġabra p. I-6097, minn punti 16 et seq).

67     Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-ħtieġa, li tirriżulta mill-miżuri in kwistjoni, li l-imballaġġi jew li t-tiketta tal-prodotti importati jiġu mmodifikati, teskludi li dawn il-miżuri jkunu jikkonċernaw il-metodi ta' bejgħ ta' dawn il-prodotti fis-sens tas-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata aktar 'il fuq (ara s-sentenzi tat-3 ta' Ġunju 1999, Colim, C-33/97, Ġabra p. I-3175, punt 37; tas-16 ta' Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-12/00, Ġabra p. I-459, punt 76, u tat-18 ta' Settembru 2003, Morellato, C-416/00, Ġabra p. I-9343, punt 29).

68     Issa, kif ġie osservat fil-punt 59 ta' din is-sentenza, is-sostituzzjoni tal-parteċipazzjoni f'sistema globali ta' ġbir bit-twaqqif ta' sistema ta' depożitu u ta' ritorn individwali tobbliga lill-produtturi kkonċernati li jimmodifikaw ċerti indikazzjonijiet fuq l-imballaġġi tagħhom.

69     F'kull każ, peress li d-dispożizzjonijiet tal-VerpackV ma jaffettwawx bl-istess mod il-kummerċjalizzazzjoni tax-xarbiet prodotti fil-Ġermanja u dik ta' xarbiet li jkunu ġejjin minn Stat Membru ieħor, dawn iridu bilfors jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 28 KE (ara s-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata aktar 'il fuq, punti 16 u 17).

 Fuq il-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-ħarsien ta' l-ambjent

70     Għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikoli 8(1) u 9(2) tal-VerpackV jistgħux, safejn jikkostitwixxu xkiel għall-kummerċ, ikunu ġġustifikati minn raġunijiet li jirrigwardaw il-ħarsien ta' l-ambjent.

71     Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Gvern Franċiż, tafferma li, f'dak li jirrigwarda l-ilmijiet minerali naturali li għandhom jiġu bbottiljati f'ras il-għajn, l-imsemmija leġiżlazzjoni mhijiex iġġustifikata minn raġunijiet marbutin mal-politika ambjentali u li, f'kull każ, ma tissodisfax il-kriterju ta' proporzjonalità.

72     Min-naħa tiegħu, il-Gvern Ġermaniż iqis li l-Artikoli 8 u 9 tal-VerpackV huma ġġustifikati minn diversi għanijiet marbutin mal-ħarsien ta' l-ambjent, jiġifieri l-prevenzjoni ta' l-iskart, id-definizzjoni ta' l-aktar soluzzjonijiet ta' amministrazzjoni ta' l-iskart xierqa għall-imballaġġi li jintużaw darba u l-ħarsien tal-pajżaġġ mill-akkumulazzjoni ta' skart fin-natura. Huwa jiddikjara li, anke jekk tiġi segwita l-pożizzjoni li l-imsemmija dispożizjonijiet jipprevedu biss l-għan ġenerali ta' prevenzjoni ta' l-iskart, il-vantaġġi fuq il-livell ekoloġiku li jirriżultaw minn sistema ta' depożitu fuq l-imballaġġi ta' xarbiet li jintużaw darba huma superjuri ħafna għall-inkonvenjenzi li x'aktarx ikun hemm minħabba l-fatt li ċerti imballaġġi għandhom jiġu ttrasportati fuq distanzi twal lejn il-post ta' produzzjoni.

73     Skond il-Gvern Ġermaniż, sistema ta' depożitu fuq l-imballaġġi li jintużaw darba hija xierqa u meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa, peress li din hija miżura li għandha, fuq kollox, l-iskop li tibdel l-imġiba tal-konsumatur. Id-depożitu fuq l-imballaġġi li jintużaw darba jwassal lill-konsumaturi li jqabblu dawn l-imballaġġi ma' l-imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw.

74     Fl-aħħar nett, il-prinċipji ta' prekawzjoni u ta' azzjoni preventiva, imsemmija fl-Artikolu 174(2) KE, jagħti lill-Istati Membri marġni ta' diskrezzjoni fl-interess tal-politika ambjentali. Issa, ikun impossibbli, skond il-Gvern Ġermaniż, li x-xarbiet li jiġu ttrasportati fuq distanzi twal jiġu eżentati mill-obbligu ta' depożitu peress li tali eżenzjoni mhux biss toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni fost l-impriżi li jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom f'imballaġġi li jintużaw darba iżda ċċaħħad ukoll il-promozzjoni ta' l-imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw, prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 94/62, mill-effettività tagħha. Eżenzjoni bħal din lanqas ma hija prattikabbli minħabba l-fatt li ċerti postijiet tal-bejgħ li jinsabu fit-territorju Ġermaniż mhumiex 'il bogħod wisq mill-postijiet ta' produzzjoni ta' ilmijiet minerali naturali kkummerċjalizzati fil-Ġermanja li jinsabu 'l barra minn tali territorju.

75     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, miżuri nazzjonali li x'aktarx ifixklu l-kummerċ intrakomunitarju jistgħu jkunu ġġustifikati minn eżiġenzi imperattivi li jirrigwardaw il-ħarsien ta' l-ambjent sakemm il-miżuri in kwistjoni jkunu proporzjonati ma' l-għan mixtieq (sentenzi L-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata aktar 'il fuq, punti 6 u 9, kif ukoll ta' l-14 ta' Lulju 1998, Aher-Waggon, C-389/96, Ġabra p. I-4473, punt 20).

76     Kif jiddikjara l-Gvern Ġermaniż, it-twaqqif ta' sistema ta' depożitu u ta' ritorn individwali huwa ta' natura tali li jżid il-perċentwali ta' ritorn ta' l-imballaġġi vojta u jwassal għal ġbir selettiv ta' l-iskart mill-imballaġġi u, b'dan il-mod, jikkontribwixxi għat-titjib ta' l-irkupru ta' dawn ta' l-aħħar. Barra minn dan, safejn iż-żamma ta' depożitu tinkoraġġixxi lill-konsumatur jirritorna l-imballaġġi vojta fil-postijiet tal-bejgħ, dan jikkontribwixxi għat-tnaqqis ta' skart fl-ambjent naturali.

77     Aktar minn hekk safejn il-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali tissuġġetta d-dħul fis-seħħ tas-sistema l-ġdida ta' amministrazzjoni ta' l-iskart mill-imballaġġi għall-perċentwali ta' imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw fis-suq Ġermaniż, din toħloq sitwazzjoni fejn kull żieda, f'dan is-suq, fil-bejgħ ta' xarbiet ippakkjati f'imballaġġi li jintużaw darba, issaħħaħ il-probabbiltà li jkun hemm bdil fis-sistema. Safejn l-imsemmija leġiżlazzjoni b'dan il-mod tinkoraġġixxi lill-produtturi u lid-distributuri kkonċernati li jagħmlu użu minn imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw, din tikkontribwixxi għat-tnaqqis ta' skart li għandu jiġi eliminat, liema tnaqqis jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet ġenerali tal-politika ta' ħarsien ta' l-ambjent.

78     Madankollu, sabiex leġiżlazzjoni bħal din tkun konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità, għandu jiġi vverifikat mhux biss jekk il-mezzi li hija timplementa humiex adatti sabiex jilħqu l-għanijiet mixtieqa, iżda wkoll jekk dawn imorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet (ara s-sentenza ta' l-14 ta' Lulju 1998, Safety Hi-Tech, C-284/95, Ġabra p. I-4301, punt 57).

79     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li leġiżlazzjoni nazzjonali, sabiex tissodisfa dan l-aħħar kriterju, għandha tagħti lill-produtturi u lid-distributuri kkonċernati terminu ta' tranżizzjoni suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jadattaw ruħhom, qabel id-dħul fis-seħħ tas-sistema ta' depożitu u ta' ritorn individwali, għar-rekwiżiti tas-sistema l-ġdida.

80     Issa, t-terminu ta' sitt xhur previst mill-Artikolu 9(2) tal-VerpackV, bejn l-avviż li jgħid li għandha tiġi stabbilita sistema ta' depożitu u ta' ritorn individwali u d-dħul fis-seħħ ta' tali sistema, mhuwiex biżżejjed sabiex il-produtturi ta' ilmijiet minerali naturali jkunu jistgħu jadattaw il-produzzjoni u l-amministrazzjoni tagħhom ta' l-iskart mill-imballaġġi li jintużaw darba għas-sistema l-ġdida, peress li din għandha, qabel kollox, tiġi stabbilita

81     F'dan ir-rigward il-perijodu preċedenti għall-imsemmija sitt xhur m'għandux jiġi kkunsidrat. Fil-fatt, anke wara l-ewwel konstatazzjoni ta' l-insuffiċjenza tal-perċentwali ta' imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw, tibqa' l-inċertezza dwar jekk tkunx ser tidħol fis-seħħ sistema ta' depożitu u ta' ritorn individwali u, jekk dan ikun il-każ, meta, safejn dan ma jiddependix biss fuq evalwazzjonijiet ġodda li jirrigwardaw il-perċentwali globali ta' l-imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw li jinsabu fis-suq Ġermaniż u l-perċentwali ta' ilmijiet minerali naturali kkummerċjalizzati f'imballaġġi bħal dawn f'dan l-istess suq, iżda wkoll fuq deċiżjoni tal-Gvern Ġermaniż li jħabbar ir-riżultat ta' dawn l-evalwazzjonijiet.

82     Għalhekk, il-VerpackV toħloq sitwazzjoni fejn, għal perijodu indeterminat, il-bdil tas-sistema ta' amministrazzjoni ta' l-iskart mill-imballaġġi ma jkunx ċert biżżejjed sabiex l-operaturi ekonomiċi tas-settur ikkonċernat ikollhom jistabbilixxu sistema ta' depożitu u ta' ritorn individwali li tkun disponibbli ftit żmien wara t-tħabbir tad-dħul fis-seħħ tas-sistema l-ġdida.

83     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat.

84     Konsegwentement għandu jiġi kkonstatat li, billi, permezz ta' l-Artikoli 8(1) u 9(2) tal-VerpackV, stabbilixxiet sistema li tipprovdi għall-użu mill-ġdid ta' l-imballaġġi għall-prodotti li, konformement mad-Direttiva 80/777, għandhom ikunu bbottiljati f'ras il-għajn, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi li hija għandha skond id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien ta' l-Artikoli 5 tad-Direttiva 94/62 u 28 KE.

 Fuq l-ispejjeż

85     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 69(4) ta' l-istess Regoli, l-Istati Membri li intervenew in sostenn tat-talbiet ippreżentati mill-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Billi, permezz ta' l-Artikoli 8(1) u 9(2) tal-Verordnung über die Vermeidung und Verwertung von Verpackungsabfällen (Digriet dwar il-prevenzjoni u l-irkupru ta' skart mill-imballaġġi), stabbilixxiet sistema li tipprovdi għall-użu mill-ġdid ta' l-imballaġġi għall-prodotti li, konformement mad-Direttiva tal-Kunsill 80/777/KEE, tal-15 ta' Lulju 1980, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati ma’ l-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta’ ilmijiet minerali naturali, għandhom ikunu bbottiljati f'ras il-għajn, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi li hija għandha skond id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien ta' l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE, ta' l-20 ta' Diċembru 1994, dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ u ta' l-Artikolu 28 KE.

2)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

3)      Ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top