This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62001CJ0332
Judgment of the Court (Second Chamber) of 9 September 2004. # Hellenic Republic v Commission of the European Communities. # EAGGF - Clearance of accounts - 1996 to 1999 - Decision 2001/557/EC - Cotton, olive oil, dried grapes, sheepmeat and goatmeat. # Case C-332/01.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tad-9 ta' Settembru 2004.
ir-Repubblika Ellenika vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
FAEGG - Approvazzjoni ta' kontijiet - Snin finanzjarji mill-1996 sa l-1999 - Deċiżjoni 2001/557/KE - Qoton, żejt taż-żebbuġa, għeneb imnixxef, laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż.
Kawża C-332/01.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tad-9 ta' Settembru 2004.
ir-Repubblika Ellenika vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
FAEGG - Approvazzjoni ta' kontijiet - Snin finanzjarji mill-1996 sa l-1999 - Deċiżjoni 2001/557/KE - Qoton, żejt taż-żebbuġa, għeneb imnixxef, laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż.
Kawża C-332/01.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:496
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
9 ta' Settembru 2004 (*)
"FAEGG – Approvazzjoni ta' kontijiet – Snin finanzjarji mill-1996 sa l-1999 – Deċiżjoni 2001/557/KE – Qoton, żejt taż-żebbuġa, għeneb imnixxef, laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż"
Fil-kawża C-332/01,
li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, imressaq fit-3 ta' Settembru 2001,
Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn V. Kontolaimos u I. Chalkias, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Condou-Durande, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J.-P. Puissochet, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), R. Schintgen, u N. Colneric, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,
Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta' Novembru 2003,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta' Jannar 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Ellenika titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/557/KE, tal-11 ta' Lulju 2001, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċerti nefqiet magħmula mill-Istati Membri taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija (FAEGG) (ĠU L 200, p. 28, aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), safejn din tikkonċerna lir-rikorrenti.
Il-kuntest ġuridiku
Il-finanzjament ta' l-ispejjeż taħt il-FAEGG
2 Fl-Artikolu 1(2)(b) u l-Artikolu 3(1), ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70, tal-21 ta' April 1970, dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 94, p. 13), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1287/95, tat-22 ta' Mejju 1995 (ĠU L 125, p. 1, aktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 729/70"), jipprovdi li t-Taqsima tal-Garanzija tal-FAEGG tiffinanzja intervenzjonijiet, intiżi sabiex jirregolarizzaw is-swieq agrikoli, li jsiru skond ir-regoli Komunitarji fil-kuntest ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli.
3 Skond l-Artikolu 5(2)(c) tar-Regolament Nru 729/70:
"Il-Kummissjoni […]
[…]
(c) għandha tiddeċiedi liema nefqiet għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament Komunitarju msemmi fl-Artikoli 2 u 3 meta tikkonstata li dawn xi nefqiet ma sarux skond ir-regoli Komunitarji.
Qabel ma tingħata deċiżjoni ta' rifjut ta' finanzjament, ir-riżultati tal-verifiki tal-Kummissjoni kif ukoll ir-risposti ta' l-Istat Membru kkonċernat għandhom jiġu nnotifikati bil-miktub, u wara dan iż-żewġ partijiet għandhom jippruvaw jilħqu ftehim dwar l-azzjoni li għandha tittieħed.
Fil-każ ta' nuqqas ta' ftehim, l-Istat Membru jista' jitlob il-ftuħ ta' proċedura intiża sabiex tirrikonċilja l-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom f'terminu ta' erba' xhur, u r-riżultati tagħha għandhom jinġabru f'rapport li għandu jintbagħat lill-Kummissjoni u għandu jiġi eżaminat minnha, qabel ma tittieħed deċiżjoni ta' rifjut ta' finanzjament.
Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ammonti li għandhom jiġu esklużi, fid-dawl, b'mod partikolari, tal-livell ta' nuqqas ta' konformità kkonstatat. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni n-natura u s-serjetà tal-ksur, kif ukoll it-telf finanzjarju subit mill-Komunità.
Rifjut ta' finanzjament ma jistax jinvolvi nefqiet li saru qabel l-erbgħa u għoxrin xahar li jkunu ppreċedew il-komunikazzjoni bil-miktub mill-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat tar-riżultati ta' dawn il-verifiki […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]
4 Skond l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 729/70:
"L-Istati Membri għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-informazzjoni kollha neċessarja għall-funzjonament tajjeb tal-[FAEGG] u għandhom jieħdu l-miżuri kollha li jistgħu jiffaċilitaw il-kontrolli li l-Kummissjoni tqis li huma neċessarji li jsiru fil-kuntest tat-tmexxija tal-finanzjament Komunitarju, inklużi kontrolli fuq il-post.
L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jkunu adottaw għall-applikazzjoni ta' l-atti Komunitarji li jirrigwardaw il-politika agrikola komuni, safejn dawn l-atti jkollhom konsegwenzi finanzjarji għall-[FAEGG]." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
5 Skond l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 729/70, l-aġenti inkarigati mill-Kummissjoni sabiex iwettqu kontrolli fuq il-post għandhom aċċess għall-kotba u għad-dokumenti l-oħra kollha li jirrigwardaw in-nefqiet iffinanzjati mill-FAEGG.
6 Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1663/95, tas-7 ta’ Lulju 1995, li jistabbilixxi r-regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 safejn jirrigwarda l-proċedura għall-[approvazzjoni] tal-kontijiet tat-Taqsima Garanziji tal-FAEGG (ĠU L 158, p. 6) jistabbilixxi, fost l-oħrajn, l-obbligi tal-korpi ta' koordinament li huma l-uniċi rappreżentanti ta' l-Istat Membru kkonċernat quddiem il-Kummissjoni. Dawn il-korpi għandhom jagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha neċessarja li tirrigwarda l-kontabbiltà, f'forma li tippermetti lill-Kummissjoni twettaq il-kontrolli neċessarji.
7 L-Anness tar-Regolament Nru 1663/95 jistabbilixxi r-regoli dettaljati dwar l-amministrazzjoni u l-kontabbiltà, li għandhom jiġu mħarsa mill-aġenziji tal-ħlas ta' l-Istati Membri sabiex jiggarantixxu kontroll effettiv ta' l-eliġibbiltà ta' l-applikazzjonijiet għall-għajnuna u tal-konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja tal-ħlas korrispondenti.
8 Id-dokument tal-Kummissjoni Nru VI/5330/97, tat-23 ta' Diċembru 1997, fih il-linji gwida li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li ssegwi għall-applikazzjoni ta' l-aġġustamenti finanzjarji fil-kuntest tal-proċedura ta' l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEGG. Skond dawn il-linji gwida, meta l-livell veru tal-ħlasijiet irregolari ma jkunx jista' jiġi ddeterminat u, konsegwentement, ma jkunx possibbli li jiġi kkwantifikat l-ammont ta' telf finanzjarju subit mill-Komunità, il-Kummissjoni għandha tapplika rati ta' aġġustamenti finanzjarji fissi li ġeneralment jammontaw għal 2%, għal 5%, għal 10% jew għal 25% tan-nefqiet iddikjarati, skond kemm ikun għoli r-riskju ta' telf.
9 Hekk kif jirriżulta mill-imsemmi dokument, dawn il-linji gwida jiddistingwu ż-żewġ kategoriji segwenti ta' kontrolli:
– "Il-kontrolli prinċipali huma l-verifiki fiżiċi u amministrattivi meħtieġa għall-kontroll ta' l-elementi sostantivi, b'mod partikolari, l-eżistenza tas-suġġett tat-talba, il-kwantità u l-kundizzjonijiet kwalitattivi, inklużi l-ħarsien tat-termini, l-eżiġenzi tal-ħsad, it-termini ta' żamma, eċċ. Dawn isiru fuq il-post u permezz ta' kontrolli ma' informazzjoni indipendenti, bħalma huma r-reġistri ta' l-artijiet."
– "Il-kontrolli sekondarji huma l-operazzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex it-talbiet jiġu pproċessati korrettament, bħalma huma l-verifika tal-ħarsien tat-termini li fihom jiġu sottomessi, l-identifikazzjoni ta' talbiet doppji fir-rigward ta' l-istess suġġett, l-analiżi tar-riskju, l-applikazzjoni ta' penali u s-sorveljanza xierqa tal-proċeduri." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
10 F'dan ir-rigward, id-dokument Nru VI/5330/97 jipprovdi li:
"Meta ma jiġux imwettqa wieħed jew aktar mill-kontrolli prinċipali jew jiġu mwettqa ħażin jew tant isiru rarament li ma jkunux effettivi sabiex jiddeterminaw l-eliġibbiltà ta' talba jew sabiex jipprevjenu l-irregolaritajiet, għandu jiġi applikat aġġustament ta' 10%, peress li huwa raġonevoli li wieħed jaħseb li hemm riskju għoli ta' telf kbir għall-FAEGG.
Meta l-kontrolli prinċipali kollha jiġu mwettqa, iżda mingħajr ma jiġu mħarsa n-numru, il-frekwenza jew ir-rigorożità meħtieġa mir-regolamenti, għandu jiġi applikat aġġustament ta' 5%, peress li jista' jiġi raġonevolment konkluż li dawn il-kontrolli ma joffrux il-livell mistenni ta' garanzija ta' regolarità tat-talbiet u li r-riskju ta' telf għall-FAEGG ikun sinjifikanti.
Meta Stat Membru jwettaq il-kontrolli prinċipali korrettament iżda jonqos kompletament milli jwettaq wieħed jew aktar mill-kontrolli sekondarji, għandu jiġi applikat aġġustament ta' 2% peress li r-riskju ta' telf għall-FAEGG huwa aktar baxx u l-ksur huwa inqas serju.
[…]
Madankollu, meta l-implementazzjoni tas-sistema ta' kontroll hija kompletament ineżistenti jew serjament inadegwata u jeżistu indikazzjonijiet ta' irregolaritajiet frekwenti ħafna jew ta' negliġenza fil-ġlieda kontra l-azzjonijiet irregolari jew frawdolenti, għandu jiġi applikat aġġustament ta' 25%, peress li l-fatt li t-talbiet inammissibbli jistgħu jiġu sottomessi mingħajr ma tiġi imposta penali, jista' raġonevolment jiġi meqjus bħala li jinvolvi telf estremament għoli għall-FAEGG." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Is-settur tal-qoton
11 L-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1201/89, tat-3 ta' Mejju 1989, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' għajnuna għall-qoton (ĠU L 123, p. 23), kif emendat b'mod partikolari permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1437/96, tat-23 ta' Lulju 1996 (ĠU L 184, p. 29, aktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 1201/89"), jipprovdi li:
"Kull sena l-produtturi tal-qoton kollha għandhom jagħmlu dikjarazzjoni ta' l-uċuh miżrugħa, qabel data stabbilita mill-Istat Membru kkonċernat, u, ħlief f'każ ta' force majeure, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju.
Madankollu, għas-sena 1996, fil-każ tal-Greċja, id-data applikabbli hija dik ta' l-1 ta' Awwissu minflok l-1 ta' Lulju ". [traduzzjoni mhux uffiċjali]
12 L-Artikolu 12(1)(a) tar-Regolament Nru 1201/89 jipprovdi li:
"Il-korp nominat għal dan il-għan mill-Istat Membru produttur għandu jivverifika […] l-eżattezza tad-dikjarazzjonijiet ta' l-uċuh miżrugħa permezz ta' kontroll fuq il-post li jsir b'mod irregolari u li jirrigwarda ta' l-inqas 5% tad-dikjarazzjonijiet". [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Is-settur taż-żejt taż-żebbuġa
13 L-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 154/75, ta' l-21 ta’ Jannar 1975, dwar it-twaqqif ta’ reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ fl-Istati Membri li jipproduċu ż-żejt taż-żebbuġa (ĠU L 19, p. 1), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3453/80, tat-22 ta' Diċembru 1980 (ĠU L 360, p. 15, aktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 154/75"), jimponi obbligu fuq l-Istati Membri kkonċernati li jwaqqfu reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ li jkopri l-impriżi kollha tat-tkabbir taż-żebbuġ fit-territorju tagħhom.
14 L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 154/75 jipprovdi li r-reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ għandu jippermetti li, għal kull impriża, jiġu ddeterminati:
– L-erja totali tar-raba' ddedikata għat-tkabbir taż-żebbuġ, flimkien mar-referenza katastali tal-biċċiet ta' art li jiffurmawh;
– in-numru totali ta’ siġar taż-żebbuġ;
– l-ismijiet tas-sidien ta’ kull biċċa art;
– it-tqassim ta' l-erjas tar-raba' mħallta għat-tkabbir taż-żebbuġ f'erjas speċjalizzati u;
– id-distribuzzjoni tas-siġar taż-żebbuġ skond il-varjeta;
– is-sistema ta’ kultivazzjoni użata;
– l-età tas-siġar taż-żebbuġ, ta' l-istat ta' kultivazzjoni u ta' produzzjoni, u
– in-numru ta' siġar taż-żebbuġ ikkultivati bl-irrigazzjoni.
15 L-istess dispożizzjoni tistabbilixxi l-31 ta' Ottubru bħala t-terminu għat-twaqqif ta' reġistru tat-tkabbir taż-żebbug fil-Greċja.
16 L-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2261/84, tas-17 ta Lulju, 1984, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-għoti ta' għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa u ta' għajnuna lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi taż-żejt taż-żebbuġa (ĠU L 208, p. 3) jimponi obbligu fuq kull Stat Membru produttur li jifformula u jaġġorna fajls permanenti kkompjuterizzati ta’ tagħrif dwar il-produzzjoni taż-żebbuġ u taż-żejt taż-żebbuġa.
17 Skond l-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3061/84, tal-31 ta' Ottubru 1984, li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tas-sistema ta' għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa (ĠU L 288, p. 52), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 98/89, tas-17 ta' Jannar 1989 (ĠU L 14, p. 14, aktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 3061/84"), fil-fajl ikkompjuterizzat ta' tagħrif, l-Istati Membri produtturi għandhom jinkludu t-tagħrif li jinsab fir-reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ, hekk kif dan it-tagħrif ikun disponibbli.
18 L-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 3061/84 jipprovdi li l-fajl kellu jkun operazzjonali mill-31 ta' Ottubru 1990.
Is-settur ta' l-għeneb imnixxef
19 L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2911/90, tad-9 ta' Ottubru 1990, li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni għall-għoti ta' għajnuna favur il-produzzjoni ta' ċerti varjetajiet ta' għeneb intiż biex jiġi mnixxef (ĠU L 278, p. 35), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2475/94, tat-13 ta' Ottubru 1994 (ĠU L 264, p. 6), u permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2614/95, tad-9 ta' Novembru 1995 (ĠU L 268, p. 7, aktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 2911/90"), jiddetermina l-informazzjoni u t-tagħrif li għandhom jidhru fid-dikjarazzjonijiet ta' kultivazzjoni.
20 Skond l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2911/90:
"Id-dikjarazzjoni ta' kultivazzjoni għandha tiġi ppreżentata […] sat-30 ta' April ta' kull sena għas-sena tas-suq ta' wara.
[…]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]
21 L-Artikolu 3(2) ta' l-istess regolament jippreċiża li:
"Id-dikjarazzjoni ta' kultivazzjoni għandha tinkludi ta' l-inqas l-informazzjoni segwenti:
(a) l-isem, il-kunjom u l-indirizz ta' l-applikant;
(b) l-erjas tar-raba' li fihom ġew miżrugħa d-dwieli li jipproduċu wieħed jew aktar mill-prodotti kkonċernati (f'ettari jew ares) u r-referenza katastali ta' dawn l-erjas tar-raba' jew indikazzjoni rikonoxxuta bħala ekwivalenti mill-korp inkarigat mill-kontroll ta' l-erjas tar-raba';
(c) il-varjetà ta' għeneb użat jew, fil-każ tas-sultana, jekk id-dielja tkun milquta mill-fillosera jew tkun miżrugħa mill-ġdid fl-aħħar ħames snin;
(d) id-dikjarazzjoni tal-produttur li l-erjas ikkonċernati jew il-prodotti li huma maħsuda mhumiex is-suġġett ta' applikazzjoni għall-għajnuna taħt skemi oħra, b'mod partikolari dawk previsti fir-Regolament (KEE) Nru 797/85;
(e) l-istima tal-wiċċ tar-raba' li jista' jiġi maħsud;
(f) l-istat u l-mod kif jiġi użat ir-raba'." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
22 L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2911/90 jiddefinixxi l-kontrolli li għandhom jiġu mwettqa mill-Istati Membri. L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 ta' dan l-artikolu jipprovdi li:
"L-Istat Membru għandu jorganizza kontrolli fuq il-post, skond il-paragrafu 3, li jkopru perċentwali rappreżentattiva tad-dikjarazzjonijiet ta' kultivazzjoni sottomessi f'kull unità amministrattiva kompetenti. Din il-perċentwali ma tistax tkun inqas minn 10% iżda għandha tiżdied għal ta' l-inqas 15% jekk jiġi skopert numru sinjifikanti ta' dikjarazzjonijiet foloz." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
23 Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1456/97, tal-25 ta' Lulju 1997, li jistabbilixxi l-ammont ta' l-għajnuna għall-kultivazzjoni ta' l-għeneb intiż għall-produzzjoni ta' ċerti varjetajiet ta' għeneb imnixxef għas-sena tas-suq 1997/1998 (JO L 199, p. 4), jistabbilixxi l-livell minimu ta' produzzjoni li taħtu ma tista' titħallas ebda għajnuna. L-Artikolu 1(3) tiegħu jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha neċessarji sabiex jikkontrollaw din il-produzzjoni minima.
24 L-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999, tas-17 ta' Mejju 1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid (ĠU L 179, p. 1), jelenka l-informazzjoni inkluża fl-inventarju tal-potenzjal ta' produzzjoni. Il-paragrafu 2 ta' dan l-artikolu jipprovdi li Stat Membru jista' jipprovdi li l-inventarju jiġi stabbilit fuq bażi reġjonali. Madankollu, f'dan il-każ, l-inventarji reġjonali kollha għandhom jiġu stabbiliti sal-31 ta' Diċembru 2001.
25 Fl-Artikolu 2(3) r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1621/1999, tat-22 ta’ Lulju 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/96 rigward l-għajnuna għat-tkabbir ta' l-għeneb biex jipproduċi ċerti varjetajiet ta’ għeneb imqadded (ĠU L 192, p. 21), li ssostitwixxa r-Regolament Nru 2911/90 mis-sena tas-suq 1999/2000, jipprovdi li:
"Għall-iskopijiet ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-iskema ta’ l-għajnuna, għandu jiġi mdaħħal database alfanumeriku magħruf bħala "database", li jkun fih it-tagħrif li hemm referenza [għalih] fl-Artikoli 4 u 8(4). Is-sistema ta’ l-identifikazzjoni alfanumerika tal-qatgħat ta’ l-art għandha tkun dik użata għas-sistema integrata li hemm referenza [għaliha] fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92 issupplimentata, kif jixraq, sabiex tkopri l-meded ta’ l-art li [fuqhom] [i]kabbru l-għeneb għall-inbid koperti b’din l-iskema ta’ għajnuna."
26 L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1621/1999 jipprovdi li:
"L-Istati Membri iridu jkunu stabbilew id-database li hemm referenza [għaliha] fl-Artikolu 2(4) qabel il-bidu tas-sena tas-suq 2002/03. Matul is-snin tas-suq 1999/2000, 2000/01 u 2001/02, l-obbligu tar-reġistrazzjoni fid-database għandu jiġi mibdul bl-obbligu li tiġi ppreżentata applikazzjoni għar-reġistrazzjoni fid-database b’mod konformi ma’ l-Artikolu 4(2) qabel l-1 ta’ Settembru 1999; ir-referenzi li jkollhom x’jaqsmu maż-żona u l-identifikazzjoni tal-qatgħat ta’ art għandhom ikunu r-referenzi fir-reġistru ta’ l-artijiet jew l-indikazzjonijiet l-oħra rrikonoxxuti bħala ekwivalenti mill-korp responsabbli mill-verifiki fuq iż-żoni."
Is-settur tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż
27 L-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3887/92, tat-23 ta' Diċembru 1992, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema integrata ta' ġestjoni u ta' kontroll fir-rigward ta' ċerti skemi ta' għajnuniet Komunitarji (ĠU L 391, p. 36), jipprovdi li:
"Bla ħsara għall-eżiġenzi li jirrigwardaw l-applikazzjonijiet għal għajnuna stabbiliti fir-regolamenti settorjali, l-applikazzjoni għal għajnuna "annimali" għandu jkun fiha l-informazzjoni kollha neċessarja, u b'mod partikolari:
– l-identità tal-bidwi,
[…]
– in-numru u l-ispeċi ta' l-annimali li għalihom huwa mitlub il-benefiċċju ta' għajnuna,
– jekk ikun il-każ, l-impenn ta' l-applikant li jżomm dawn l-annimali fir-razzett tiegħu matul il-perijodu ta' żamma u l-indikazzjoni tal-post (jew postijiet) fejn ser isseħħ din iż-żamma kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-perijodu (jew il-perijodi) relatat(i) u, għal dak li jikkonċerna l-annimali ta' l-ifrat, in-numru ta' identifikazzjoni tagħhom; fil-każ li dan il-post jinbidel matul dan il-perijodu, il-bidwi għandu jinforma bil-miktub lill-awtorità kompetenti minn qabel,
– jekk ikun il-każ, il-limitu individwali jew il-livell individwali għall-annimali kkonċernati,
[…]
– dikjarazzjoni tal-bidwi li huwa konxju mill-kundizzjonijiet għall-għoti ta' l-għajnuna kkonċernata.
[…]". [traduzzjoni mhux uffiċjali]
28 L-Artikolu 6 ta' l-istess regolament jipprovdi li:
"1. Il-kontrolli amministrattivi u fuq il-post għandhom isiru b'mod li jassiguraw il-verifika effettiva tal-ħarsien tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' l-għajnuniet u tal-primjums.
[…]
3. Il-kontrolli fuq il-post għandhom ikopru ta' l-inqas perċentwali sinjifikanti ta' l-applikazzjonijiet. Din il-perċentwali għandha tirrappreżenta ta' l-inqas:
– 10 % ta' l-applikazzjonijiet għall-għajnuna "annimali" jew tad-dikjarazzjonijiet ta' parteċipazzjoni,
[…]
4. L-applikazzjonijiet li huma suġġetti għall-kontrolli fuq il-post għandhom jiġu magħżula mill-awtorità kompetenti, b'mod partikolari, fuq bażi ta' analiżi tar-riskji u ta' element ta' rappreżentanza ta' l-applikazzjonijiet għall-għajnuna li jkunu ġew ippreżentati. L-analiżi tar-riskji għandha tieħu in kunsiderazzjoni:
– l-ammonti ta' l-għajnuna,
– in-numru ta' biċċiet ta' art, l-erja jew in-numru ta' annimali li għalihom tkun ġiet mitluba l-għajnuna,
– il-bidliet mis-sena preċedenti,
– il-konstatazzjonijiet magħmula matul kontrolli li kienu saru matul is-snin preċedenti,
– fatturi oħra li għandhom jiġu ddefiniti mill-Istati Membri.
[…]". [traduzzjoni mhux uffiċjali]
29 Skond l-Artikolu 10(5) tar-Regolament Nru 3887/92:
"Fil-każ li, għal raġunijiet attribwibbli lil ċirkustanzi naturali fil-ħajja tal-merħla, il-bidwi ma jkunx jista' jissodisfa l-impenn tiegħu li jżomm lill-annimali nnotifikati għal primjum matul il-perijodu li fih din iż-żamma hija obbligatorja, huwa jżomm id-dritt għall-primjum għan-numru ta' annimali effettivament eliġibbli li jkunu miżmuma matul il-perijodu obbligatorju, bil-kundizzjoni li l-bidwi jkun informa b'dan, bil-miktub, lill-awtoritajiet kompetenti, f'terminu ta' għaxart ijiem tax-xogħol minn meta jkun ġie kkonstatat it-tnaqqis fin-numru ta' dawn l-annimali." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
30 L-Artikolu 12 ta' l-imsemmi regolament huwa fformulat bil-mod segwenti:
"Kull żjara ta' kontroll għandha tiġi ddokumentata f'rapport li jindika, b'mod partikolari, il-motivi taż-żjara, il-persuni preżenti, in-numru ta' biċċiet ta' art miżjura, dawk li jkunu tqiesu, it-teknika użata sabiex jitqiesu, in-numru u l-ispeċi ta' annimali misjuba fuq il-post u, jekk ikun il-każ, in-numru ta' identifikazzjoni tagħhom.
Il-bidwi jew ir-rappreżentant tiegħu jista' jiffirma dan ir-rapport billi, jekk ikun il-każ, jiddikjara li kien preżenti matul il-kontroll jew billi jżid l-osservazzjonijiet tiegħu dwaru." [traduzzjoni mhux uffiċjali].
31 L-ewwel u t-tieni paragrafi ta' l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2700/93, tat-30 ta' Settembru 1993, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-primjum għall-benefiċċju tal-produtturi tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż (ĠU L 245, p. 99), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 279/94, tat-8 ta' Frar 1994 (ĠU L 37, p. 1, aktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 2700/93), jipprovdi li:
"Il-perijodu ta' żamma li matulu l-produttur jimpenja ruħu li jżomm fir-razzett tiegħu […] in-numru ta' nagħaġ u/jew ta' mogħoż li għalihom ikun talab il-primjum huwa ta' mitt jum li jibda jiddekorri mill-aħħar jum tal-perijodu li fih għandhom jiġu ppreżentati l-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2.
Qabel ma n-nagħaġ u/jew il-mogħoż kollha jew parti minnhom, li għalihom ikun intalab il-primjum jiġu mwarrba minħabba li jixjieħu matul il-perijodu ta' żamma, dawn l-annimali għandhom jiġu identifikati. […]". [traduzzjoni mhux uffiċjali]
32 L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2700/93 jipprovdi li:
"1. Il-kontrolli fuq il-post għandhom isiru skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6 tar-Regolament (KEE) Nru 3887/92 u s-sistema ta' reġistrazzjoni permanenti tal-movimenti tal-bhejjem li hija applikata għandha tkun konformi mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva [tal-Kunsill] 92/102/KEE [tas-27 ta' Novembru dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' l-annimali (ĠU L 355, p. 32)].
Madankollu, għas-sena tas-suq 1994, sakemm Stat Membru ma jkunx għadu implementa s-sistema ta' reġistrazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu, huwa jista' jimplementa sistema ta' reġistrazzjoni kapaċi li tirrifletti, b'mod permanenti u ċar, is-sitwazzjoni reali tal-bhejjem. […]
[…]
2. Għal kull sena tas-suq, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu inventarju tal-produtturi tan-nagħaġ li jikkummerċjalizzaw il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib tan-nagħaġ. […]". [traduzzjoni mhux uffiċjali]
33 Skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 9, ir-Regolament Nru 2700/93 huwa applikabbli mis-sena tas-suq 1994.
Il-fatti u l-proċedura
34 Il-motivi ta' l-irregolarità ta' l-operazzjonijiet imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata huma miġbura fir-Rapport Sommarju Nru AGRI/17537/01-FR-finali tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ġunju 2001 (aktar 'il quddiem ir-"Rapport Sommarju").
35 Għal dak li jikkonċerna s-settur tal-qoton, il-Kummissjoni kkonstatat li, għas-sena tas-suq 1995/1996, kien hemm nuqqas ta' kontroll fuq il-post tad-dikjarazzjonijiet ta' l-erjas miżrugħa bil-qoton fil-prefetturi (reġjuni amministrattivi) ta' Serrai u ta' Drama, meta l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1201/89 jeżiġi li tali kontroll isir fuq ta' l-inqas 5% tad-dikjarazzjonijiet ta' erjas miżrugħa. Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li l-kontrolli ta' l-erjas miżrugħa saru tard, minn Diċembru 1996 sa Marzu 1997. Għalhekk hija applikat rata fissa ta' aġġustament ta' 10% għal dawn l-iżbalji kollha, li tikkorrispondi għal GRD 4 163 259 550.
36 Għal dak li jikkonċerna s-settur taż-żejt taż-żebbuġa, mill-verifiki li saru l-Greċja dehru ħafna nuqqasijiet fis-sistema ta' kontroll, li minnhom l-akbar wieħed kien in-nuqqas ta' reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ u l-fajls ikkompjuterizzati. Wara li, fl-1999, l-awtoritajiet Griegi ppreżentaw informazzjoni dwar il-miżuri ta' titjib li kienu ġew implementati, il-Kummissjoni ddikjarat, f'laqgħa bilaterali li saret bi Brussell fit-23 ta' Settembru 1999, li filwaqt li kienet tapprezza t-titjib li kien sar, dan ma kienx suffiċjenti sabiex jirrimedja n-nuqqasijiet osservati. Konsegwentement, il-Kummissjoni applikat aġġustament finanzjarju ta' 5% fuq in-nefqiet iddikjarati għas-snin 1997 u 1998 (li jikkorrispondu għas-snin tas-suq 1995/1996 u 1996/1997 rispettivament) li jammonta għas-somma ta' GRD 17 308 535 972.
37 Għal dak li jikkonċerna s-settur ta' l-għeneb imnixxef, wara l-investigazzjoni li għamlet fl-1998 fil-prefettura ta' Heraklion, il-Kummissjoni kkonstatat tliet tipi ta' nuqqasijiet: l-ewwel nett, nuqqasijiet fir-rigward tal-kontrolli li jikkonċernaw l-erjas kkultivati u l-eliġibbiltà ta' għeneb għall-benefiċċju ta' l-għajnuniet Komunitarji; sussegwentement, nuqqasijiet fir-rigward tal-kontrolli tal-produzzjoni minima u l-eliġibbiltà tal-varjetà ta' għeneb u, fl-aħħar nett, nuqqasijiet fir-rigward ta' l-adozzjoni u ta' l-applikazzjoni tas-sistema ta' kontroll. Fuq il-bażi ta' l-ewwel żewġ tipi ta' nuqqasijiet, il-Kummissjoni imponiet aġġustament finanzjarju ta' 5% tan-nefqiet iddikjarati għas-snin 1997, 1998 u 1999 fir-rigward tal-prefettura ta' Heraklion. Minħabba t-tielet tip ta' nuqqasijiet, ġie applikat aġġustament ta' 2% fuq in-nefqiet li jirrigwardaw il-Greċja kollha għall-istess snin. Dawn l-aġġustamenti jirrappreżentaw ammont totali ta' GRD 3 144 838 970.
38 Għal dak li jikkonċerna s-settur tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż, wara żewġ verifiki li għamlet fl-1997 u fl-1998, il-Kummissjoni qieset li s-sistema ta' kontroll tal-primjum tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż li kienet applikata fil-Greċja ma kinitx konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja u kienet tippreżenta diversi lacunae, bħalma huma n-nuqqas ta' sistema ta' reġistrazzjoni tal-movimenti tal-bhejjem, li f'ċerti prefetturi l-kontrolli fuq il-post kienu ftit wisq, li l-istatistiċi ta' l-ispezzjonijiet ma kinux ta' min joqgħod fuqhom, id-dewmien fl-ipproċessar tat-tagħrif, in-nuqqas ta' applikazzjoni tal-prinċipju ta' analiżi tar-riskju, in-nuqqas ta' notifika tal-post taż-żamma, in-nuqqas ta' l-immarkar ta' l-annimali u l-fatt li t-telf kien jiġi nnotifikat biss b'mod verbali. Fuq din il-bażi, għal dak li jikkonċerna n-nefqiet iddikjarati għas-snin 1995, 1996 u 1997, il-Kummissjoni stabbiliet aġġustament ta' 25% għal dawk relatati mal-prefettura ta' Rethymnon (Kreta), minħabba nuqqas totali ta' kontroll, ta' 10% għal xi prefetturi oħra u ta' 5% għall-kumplament tat-territorju nazzjonali. L-ammont totali ta' dawn l-aġġustamenti kien ta' GRD 11 863 933 000.
39 Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eskludiet l-ammonti msemmija fil-punti 35 sa 38 ta' din is-sentenza mill-finanzjament Komunitarju, minħabba n-nuqqas ta' konformità tagħhom mad-dritt Komunitarju.
40 Permezz ta' dan ir-rikors, ir-Repubblika Ellenika qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla jew, ta' l-inqas, timmodifika d-deċiżjoni kkontestata safejn din timponi fuqha l-imsemmija aġġustamenti finanzjarji.
41 Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors u tordna lir-Repubblika Ellenika tbati l-ispejjeż.
Fuq l-aġġustament li jirrigwarda l-għajnuna għall-produzzjoni tal-qoton
L-argumenti tal-partijiet
42 Skond il-Gvern Grieg, il-Kummissjoni tagħti interpretazzjoni żbaljata lill-Artikolu 12(1)(a) tar-Regolament Nru 1201/89, safejn dan l-artikolu jeżiġi kontroll fuq 5% tad-dikjarazzjonijiet ta' l-erjas miżrugħa bil-qoton fuq livell nazzjonali u mhux f'kull prefettura, kif ġara l-Greċja. Għalkemm ir-regolament jeżiġi li l-kontrolli għandhom jippermettu li jiġu vverifikati l-verità u l-eżattezza tad-dikjarazzjonijiet ta' l-erjas miżrugħa, permezz ta' kampjun rappreżentattiv, xejn ma jindika li l-prefettura hija l-unità amministrattiva ta' referenza.
43 Għall-Kummissjoni, ir-rappreżentanza tal-kontroll għandha tiġi eżaminata fil-konfront ta' kull reġjun amministrattiv li fih huwa kkultivat il-qoton peress li l-kontroll huwa intiż sabiex jassigura l-eżattezza tad-dikjarazzjonijiet. Dawn ta' l-aħħar jikunu trattati b'aktar attenzjoni kieku l-kontrolli kienu kompletament nieqsa f'ċerti reġjuni bi produzzjoni għolja. In-nuqqas ta' kontrolli, li mhuwiex ikkontestat mir-Repubblika Ellenika, fiż-żewġ prefetturi in kwistjoni b'hekk jikkostitwixxu fattur ta' riskju għoli għar-riżorsi Komunitarji.
44 Fir-rigward tad-dewmien fit-twettiq tal-kontrolli li huwa akkużat bih, il-Gvern Grieg isostni li r-Regolament Nru 1201/89 ma jistabbilixxix termini li fihom għandhom jitwettqu l-kontrolli fuq il-post, li l-iskadenza tagħhom iġġib magħha aġġustamenti finanzjarji. Il-kontroll jista' jitwettaq mhux biss sa Novembru iżda wkoll sa Marzu jew sa April tas-sena ta' wara l-ħsad, sakemm il-qagħtat tal-qoton ikunu għadhom fl-art. Barra minn hekk, f'dan il-każ, id-dewmien kien ir-riżultat ta' każ ta' force majeur, jiġifieri ta' strajks.
45 Skond il-Kummissjoni, il-kontrolli kellhom isiru qabel il-ħsad, jiġifieri l-aktar tard f'Ottubru. Hija żżid tgħid li avviż minn qabel ta' strajk jeskludi l-każ ta' force majeure.
Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
46 L-Artikolu 12(1)(a) tar-Regolament Nru 1201/89 jipprovdi li l-awtorità maħtura għandha tagħmel "kontroll fuq il-post li jsir b'mod irregolari u li jirrigwarda ta' l-inqas 5% tad-dikjarazzjonijiet".
47 Peress li teżiġi li l-kontroll isir fuq ta' l-inqas 5% tad-dikjarazzjonijiet, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tassigura li l-kontroll ikun rappreżentattiv. Hija ma tippreċiżax li, fil-Greċja, dawn il-5% għandhom jiġu ddeterminati b'referenza għal kull prefettura pjuttost milli għar-reġjuni amministrattivi, li huma akbar. Min-naħa l-oħra, hija tipprovdi li l-kontroll meħtieġ għandu jsir "b'mod irregolari".
48 Mill-provi li jinsabu fil-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, matul is-sena tas-suq 1995/1996, l-awtoritajiet Griegi kienu għażlu b'mod irregolari 1 101 mill-10 874-il dikjarazzjoni magħmula fil-prefettura ta' Serrai u 325 mill-3 222-il dikjarazzjoni magħmula fil-prefettura ta' Drama. Madankollu, hemm qbil li, matul l-imsemmija sena tas-suq, ma kien sar ebda kontroll fuq il-post f'dawn il-prefetturi.
49 Minn dan jirriżulta li, fl-imsemmija prefetturi, ma kienx sar kontroll b'mod irregolari, kuntrarjament għall-eżiġenzi ta' l-Artikolu 12(1)(a) tar-Regolament Nru 1201/89.
50 Fir-rigward ta' l-argument tal-Gvern Grieg li n-nuqqas ta' kontroll f'dawn iż-żewġ prefetturi fis-sena tas-suq 1995/1996 kien avveniment iżolat, minħabba nuqqas temporanju ta' persunal, għandu jiġi mfakkar li huma l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri li għandhom iwaqqfu sistema affidabbli u operazzjonali ta' kontroll, organizzata b'mod li jiġi evitat li jirriżultaw lacunae bħal dawn (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta' Jannar 2003, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C-157/00, Ġabra p. I-153, punt 18).
51 Għal dak li jikkonċerna l-kontrolli tardivi ta' l-erjas miżrugħa bil-qoton li ġew ikkonstatati mill-Kummissjoni fis-sena tas-suq 1996/1997, għandu jiġi mfakkar li huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jippreżenta l-aktar prova dettaljata u kompluta li l-kontrolli tiegħu kienu verament saru u, jekk ikun il-każ, li l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni mhumiex eżatti (sentenza Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 17).
52 Mill-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minkejja t-talbiet repetuti tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Griegi ma pprovdew ebda informazzjoni jew dokument, fi żmien xieraq, li juru t-twettiq ta' tali kontrolli, kemm jekk qabel jew wara l-ħsad tas-sena tas-suq in kwistjoni.
53 Konsegwentement, l-argument tal-Gvern Grieg dwar il-kontroll tardiv ta' l-erjas tar-raba' għandu jiġi miċħud mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi deċiż jekk kienx ikun konformi ma' l-Artikolu 12(1)(a) tar-Regolament Nru 1201/89 li jsir kontroll bħal dan fix-xhur ta' wara l-ħsad minflok qabel jew li jiġi eżaminat jekk strajk jistax jikkostitwixxi każ ta' force majeure li jiġġustifika l-eżekuzzjoni tardiva ta' dan il-kontroll.
54 Fid-dawl ta' dak li ngħad preċedentement, l-argumenti kollha tal-Gvern Grieg dwar l-aġġustament finanzjarju impost fuq l-għajnuna għall-produzzjoni tal-qoton, għandhom jiġi miċħuda bħala infondati.
Fuq l-aġġustament li jirrigwarda l-għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tar-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 5(2)(c) tar-Regolament Nru 729/70
L-argumenti tal-partijiet
55 Skond il-Gvern Grieg, l-applikazzjoni ta' aġġustament finanzjarju ta' 5% għan-nefqiet iddikjarati għas-snin finanzjarji 1997 u 1998 tikser ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 5(2)(c) tar-Regolament Nru 729/70, peress li l-Kummissjoni estrapolat il-konstatazzjonijiet li saru matul il-kontrolli li saru mill-20 sal-24 ta' Mejju 1996 għal dawn is-snin finanzjarji, fuq il-bażi ta' motiv wieħed biss li huwa li n-nuqqas li jitwaqqaf reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ u li jsir fajl ikkompjuterizzat b'tagħrif dwar iż-żebbuġ u l-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa, nuqqas li r-Repubblika Ellenika kienet diġà ġiet akkużata bih fl-1996, ma kienx ġie rimedjat. L-aġġustament kien aktar u aktar infondat peress li n-nuqqas ta' reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ jista' jingħeleb bl-użu ta' sistema oħra ta' kontroll li tkun daqstant ta' min joqgħod fuqha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkommettiet abbuż ta' proċedura minħabba li proċedura għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu kienet tkun aktar xierqa peress li l-aġġustament jista' jiġi pjuttost meqjus bħala penali minħabba dewmien fit-twaqqif ta' l-imsemmi reġistru.
56 Il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li ma ġiex imwaqqaf ir-reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ mhux bilfors għandu jkun is-suġġett ta' rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu u li, fil-kuntest tan-nefqiet ta' FAEGG, aġġustament finanzjarju bħal dan ma jikkostitwixxix penali. L-aġġustament ma jistax ikun ta' inqas minn 5% peress li r-reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ u l-fajl ikkompjuterizzat jikkostitwixxu pedament tas-sistema Komunitarja ta' kontroll.
Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
57 Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 154/75, ir-Repubblika Ellenika kellha obbligu li tistabbilixxi r-reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ sal-31 ta' Ottubru 1988.
58 Hemm qbil li r-Repubblika Ellenika ma ħarsitx dan it-terminu u li, matul is-sena finanzjarja 1998, kien għadu ma ġiex imwaqqaf ir-reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ.
59 Skond ir-Regolamenti Nru 2261/84 u 3061/84, ir-Repubblika Ellenika kellha timplementa l-fajl ikkompjuterizzat b'tagħrif dwar iż-żebbuġ u l-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa qabel il-31 ta' Ottubru 1990.
60 Ir-Repubblika Ellenika ma ħarsitx dan it-terminu u, matul is-sena finanzjarja 1998, lanqas kienet għadha implementat il-fajl ikkompjuterizzat.
61 F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni m'għandhiex għalfejn tippreżenta provi oħra tan-nuqqas ta' reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ u tal-fajl ikkompjuterizzat, għas-snin finanzjarji 1997 u 1998 li huma in kwistjoni f'din il-kawża, apparti dawk li hija kienet ġabret għal dan il-għan għas-sena finanzjarja 1996, iżda huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jistabbilixxi li, mis-sena finanzjarja 1996, huwa fil-fatt waqqaf ir-reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ u l-fajl ikkompjuterizzat (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 18). Peress li ma ġewx ippreżentati tali provi mir-Repubblika Ellenika, kien iġġustifikat aġġustament finanzjarju f'dan ir-rigward.
62 Anke kieku ġew organizzati kontrolli oħra, għandu jiġi mfakkar li, meta regolament jistabbilixxi miżuri speċifiċi ta' kontroll, l-Istati Membri għandhom japplikawhom mingħajr ma jkun neċessarju li jevalwaw il-mertu tat-teżi tagħhom li sistema oħra ta' kontroll hija aktar effettiva (ara s-sentenza tal-21 ta' Marzu 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-130/99, Ġabra p. I-3005, punt 87).
63 Għal dak li jikkonċerna l-argument tal-Gvern Grieg li proċedura għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu kienet tkun aktar xierqa sabiex jiġi ppenalizzat id-dewmien fit-twaqqif ta' reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ, għandu jiġi mfakkar li l-proċedura għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu prevista fl-Artikolu 226 KE u dik ta' l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEGG għandhom għanijiet differenti u huma koperti minn regoli differenti. Fil-proċedura ta' l-aħħar, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tipproċedi għal aġġustament finanzjarju jekk in-nefqiet li għalihom ikun intalab il-finanzjament ma jkunux saru skond ir-regoli Komunitarji. Aġġustament finanzjarju bħal dan huwa intiż sabiex jevita li l-FAEGG jassumi l-piż ta' ammonti li ma jkunux servew għall-finanzjament ta' għan tal-leġiżlazzjoni Komunitarja in kwistjoni, u għalhekk, kuntrarjament għal dak li ġie sostnut mill-Gvern Grieg, ma jikkostitwixxix penali (ara s-sentenza tal-11 ta' Jannar 2001, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C-247/98, Ġabra p. I-1, punti 13 u 14).
64 Minn dan jirriżulta li dan l-ewwel motiv li jikkonċerna l-għajnuniet għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa għandu jiġi miċħud bħala infondat.
It-tieni motiv ibbażat fuq in-nuqqas jew in-nuqqas ta' mertu fil-motivazzjoni
L-argumenti tal-partijiet
65 Il-Gvern Grieg jinvoka nuqqas ta' motivazzjoni, li jikkostitwixxi ksur ta' l-Artikolu 253 KE, peress li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-isforzi li saru sabiex tittejjeb is-sistema ta' kontroll u ta' ħlas ta' l-għajnuniet għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa. Kienu ġew stabbiliti kontrolli differenti, bħalma huma l-obbligu tal-produtturi taż-żebbuġ li jippreżentaw dikjarazzjoni ta' kultivazzjoni li tiġi kkontrollata tliet darbiet u li tindika s-siġar taż-żebbuġ u fejn jinsabu, l-obbligu tar-raffineriji taż-żejt taż-żebbuġa li jipprovdu "dikjarazzjoni tas-sitwazzjoni tagħhom fix-xahar fir-rigward ta' l-attività [tagħhom]", u l-kontroll magħruf bħala "kontroll soċjali", li jsir permezz ta' pubblikazzjoni tal-listi ta' produtturi taż-żejt taż-żebbuġa u tal-karatteristiċi tagħhom (l-identità, it-talba li jkunu għamlu u d-dikjarazzjoni ta' kultivazzjoni) li huma vverifikati mill-produtturi taż-żejt stess. Il-Gvern Grieg iqis li ebda element tan-nefqiet in kwisjoni m'għandu jiġi mwarrab; f'kull każ, in-nuqqasijiet li baqa' huma iżolati u ta' natura amministrattiva u, skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, ma jistgħux jiġġustifikaw aġġustament li jaqbeż it-2%.
66 Skond il-Kummissjoni, it-titjibiet li saru ma jiġġustifikawx li l-ammont ta' aġġustament għas-snin finanzjarji 1997 u 1998 jitniżżel minn 5 għal 2%. Hija ssostni li sakemm iż-żewġ elementi prinċipali ta' kontroll, jiġifieri r-reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ u l-fajl ikkompjuterizzat, mhumiex stabbiliti, ir-riskju ta' telf għall-Komunità jkun għoli u l-aġġustamenti jkunu ġġustifikati.
Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
67 Fir-rigward ta' l-obbligu ta' motivazzjoni, skond ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest partikolari tat-tħejjija tad-deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-motivazzjoni ta' deċiżjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala suffiċjenti peress li l-Istat destinatarju kien involut mill-qrib fit-teħid ta' din id-deċiżjoni u kien jaf bir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li s-somma in kwistjoni ma kellhiex tkun a karigu tal-FAEGG (sentenzi tat-18 ta' Mejju 2002, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. I-3421, punt 95, u ta' l-24 ta' Jannar 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. I-747, punt 54).
68 F'dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li l-Gvern Grieg kien involut fit-teħid tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, in-nuqqas ta' twaqqif ta' reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ u tal-fajl ikkompjuterizzat kien ta lok għal aġġustamenti finanzjarji fis-snin tas-suq preċedenti u, għas-snin tas-suq in kwistjoni, ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tagħmel aġġustament finanzjarju ġew esposti, b'mod partikolari, fil-laqgħa bilaterali tat-23 ta' Settembru 1999, li nżammet fil-kuntest tal-proċedura ta' konċiljazzjoni, u fir-Rapport Sommarju.
69 F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi kkunsidrata bħala suffiċjenti.
70 Fir-rigward tal-perċentwali ta' 5% applikata mill-Kummissjoni sabiex tikkalkola l-aġġustament li jirrigwarda l-għajnuniet għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa, għandu jiġi rrilevat li r-reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ u l-fajl ikkompjuterizzat jikkostitwixxu elementi fundamentali fis-sistema Komunitarja ta' kontroll ta' l-għajnuniet. Sakemm dawn l-elementi ma jkunux ġew implementati, fil-prinċipju, huwa ġġustifikat li tiġi applikata r-rata l-aktar għolja ta' aġġustament ta' 10% prevista fil-linji gwida tal-Kummissjoni, kif esposti minnha fid-Dokument Nru VI/5330/97.
71 Madankollu, il-Kummissjoni ammettiet li l-miżuri adottati mill-awtoritajiet Griegi mill-1996 jikkostitwixxu titjibiet mingħajr ma huma, madankollu, ta' effettività ekwivalenti għas-sistema ta' kontroll prevista mil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Konsegwentement, hija qieset li huwa xieraq li tnaqqas ir-rata ta' aġġustament minn 10 għal 5%.
72 Il-linji gwida tal-Kummissjoni ma jippermettux li r-rata ta' aġġustament tkun inqas minn 5% sakemm ma jkunux ġew imwaqqfa r-reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ u l-fajl ikkompjuterizzat, peress li dawn jikkostitwixxu elementi prinċipali tas-sistema ta' kontroll Komunitarja. L-argumenti tal-Gvern Grieg fis-sens kuntrarju għandhom għalhekk jiġu miċħuda.
73 Konsegwentement, dan it-tieni motiv li jikkonċerna l-għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq l-aġġustament li jirrigwarda l-għajnuna għall-produzzjoni ta' l-għeneb imnixxef
L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1493/1999 u ta' l-Artikoli 2 u 13(1) tar-Regolament Nru 1621/1999, kif ukoll ta' motivazzjoni difettuża minħabba evalwazzjoni żbaljata tal-fatti
L-argumenti tal-partijiet
74 Fir-rigward tan-nuqqasijiet ikkonstatati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kontrolli li jikkonċernaw l-erjas ikkultivati u l-eliġibbiltà ta' l-għeneb, il-Gvern Grieg isostni li l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1493/99 u l-Artikoli 2 u 13(1) tar-Regolament Nru 1621/1999 jirrikonoxxu espressament il-fakoltà ta' l-Istati Membri li jużaw, minflok ir-referenzi katastali, indikazzjonijiet oħra rikonoxxuti bħala ekwivalenti mill-korp inkarigat minn tali kontrolli, sabiex jipprovdu r-referenzi dwar l-erjas u l-identifikazzjoni tal-biċċiet ta' art fejn huwa prodott l-għeneb imnixxef. F'kull każ, in-nuqqas ta' ċertu tagħrif tar-reġistru ta' l-artijiet ġie kkumpensat mit-tagħrif miżmum għal tnax-il sena mid-Direttorati ta' l-Iżvilupp Rurali.
75 Skond il-Kummissjoni, il-miżuri li jirreferi għalihom il-Gvern Grieg ma jiggarantixxux il-legalità tan-nefqiet bl-istess mod bħar-reġistru ta' l-artijiet, peress li huma nieqsa, b'mod partikolari, minn tagħrif oġġettiv għall-identifikazzjoni ta' l-erjas. Barra minn hekk, hija tenfasizza li l-aġġustamenti li saru mhumiex marbuta mal-fatt li ma ġiex stabbilit reġistru ta' l-għelieqi tad-dwieli, iżda mal-post fejn tinsab l-erja u l-identifikazzjoni tal-biċċiet ta' art li saru bi ksur ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1621/1999.
76 Skond il-Gvern Grieg, l-adozzjoni, mid-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tax-Xiri tal-Prodotti Agrikoli, ta' istruzzjonijiet addizzjonali u ta' mudelli ta' formuli taffiet l-importanza tan-nuqqas ta' dokumenti neċessarji li jirrigwardaw il-forma tal-biċċiet ta' art u l-qies tagħhom, nuqqas li kien sempliċement lacuna amministrattiva.
77 Il-Kummissjoni ssostni li tali nuqqas ta' dokumenti ma jistax jiġi kkunsidrat bħala sempliċi lacuna amministrattiva, iżda bħala nuqqas serju li ma jippermettix li jsiru kontrolli fuq bażi konkreta.
Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
78 L-aġġustament finanzjarju kopert minn dan il-motiv jikkonċerna s-snin finanzjarji 1997, 1998 u 1999, jiġifieri s-snin tas-suq 1996/1997, 1997/1998 u 1998/1999. Ir-Regolament Nru 1493/1999 huwa applikabbli, skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 82 tiegħu mill-1 ta' Awwissu 2000. Ir-Regolament Nru 1621/1999 japplika, skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 16 tiegħu, mis-sena tas-suq 1999/2000. Minn dan isegwi li l-mertu ta' l-aġġustament finanzjarju in kwistjoni ma jistax jiġi evalwat fir-rigward ta' dawn iż-żewġ regolamenti, li ma kinux applikabbli dakinhar li seħħew il-fatti ta' din il-kawża.
79 Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud safejn huwa bbażat fuq id-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija regolamenti.
80 Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2911/90, applikabbli għall-perijodu rilevanti, jipprovdi li d-dikjarazzjoni ta' kultivazzjoni, stabbilita sabiex tingħata l-għajnuna lill-produzzjoni ta' l-għeneb imnixxef, għandha tinkludi, fost l-oħrajn, "l-erjas miżrugħa li fihom ġew id-dwieli li jipproduċu wieħed jew aktar mill-prodotti kkonċernati […] u r-referenza katastali ta' dawn l-erjas jew indikazzjoni rikonoxxuta bħala ekwivalenti mill-korp inkarigat mill-kontroll ta' l-erjas tar-raba'".
81 Il-Gvern Grieg essenzjalment isostni li, fin-nuqqas ta' reġistru ta' l-artijiet, il-miżuri implementati mill-awtoritajiet Griegi jassiguraw kontroll ekwivalenti għal dak ipprovdut minn tali reġistru.
82 Madankollu, meta għamlet kontrolli fuq il-post, il-Kummissjoni sabet serje ta' nuqqasijiet li jikkonċernaw il-kontrolli ta' l-erjas u l-eliġibbiltà ta' l-għeneb. Ir-Rapport Sommarju jsemmi, fost l-oħrajn, is-segwenti nuqqasijiet: l-informazzjoni dwar l-erjas li tidher fir-rapporti ta' kontroll u fid-dikjarazzjonijiet ta' kultivazzjoni ma tikkorrispondix għar-realità fuq l-art. Ebda sinjal ma ġie użat fuq l-art sabiex jiffaċilita l-identifikazzjoni ta' l-erjas imsemmija u l-identifikazzjoni tal-biċċiet ta' art kienet impossibbli mingħajr il-preżenza tal-benefiċjarju. Barra minn hekk, ma kien hemm ebda dokument ġustifikattiv li jippreċiża l-forma tal-biċċiet ta' art li allegatament tqiesu jew it-tagħrif dwar il-qisien. Ċerti spetturi ma kinux jafu bl-istruzzjonijiet li jikkonċernaw l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom. Ir-rapporti ta' kontroll kellhom data wara li kienet wara d-data tal-provvista ta' l-għeneb. Fl-aħħar nett, ir-rapporti ta' kontroll ta' l-ispetturi nazzjonali kienu jaqblu perfettament mad-dikjarazzjonijiet tal-benefiċjarji, filwaqt li l-kontrolli fuq il-post li saru mill-Kummissjoni wrew nuqqas ta' qbil fi kważi l-każijiet kollha.
83 Fil-konfront ta' serje ta' nuqqasijiet serji daqs dawk ikkonstatati mill-Kummissjoni, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jippreżenta l-provi l-aktar dettaljati u l-aktar kompluti ta' l-ineżattezza tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni. Dan l-Istat Membru ma jistax jikkontesta l-konstatazzjonijiet ta' din ta' l-aħħar mingħajr ma jsostni l-allegazzjonijiet tiegħu permezz ta' elementi li jistabbilixxu l-eżistenza ta' sistema affidabbli u operazzjonali ta' kontroll (ara s-sentenza tad-9 ta' Jannar 2003, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punti 17 u 18).
84 F'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Gvern Grieg la stabbilixxa li ġiet imwaqqfa sistema affidabbli u operazzjonali ta' kontroll u lanqas li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni huma ineżatti.
85 Konsegwentement, dan l-ewwel motiv li jikkonċerna l-għajnuniet għall-produzzjoni ta' għeneb imnixxef għandu jiġi miċħud bħala infondat.
It-tieni motiv, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni
L-argumenti tal-partijiet
86 Għal dak li jikkonċerna n-nuqqasijiet ikkonstatati mill-Kummissjoni dwar il-kontrolli tal-produzzjoni minima u tal-varjetà ta' għeneb eliġibbli, il-Gvern Grieg isostni li l-produtturi ma kinux f'pożizzjoni li jipprovdu l-istimi tal-produzzjoni meħtieġa mill-Artikolu 3(2)(e) tar-Regolament Nru 2911/90 fid-data prevista fil-paragrafu 1 ta' dan l-artikolu, jiġifieri t-30 ta' April, peress li tali stima kienet prematura f'din id-data. Konsegwentement, il-kontrolli bir-reqqa saru matul il-perijodu kkonċernat sabiex jiġi vverifikat li l-produzzjoni minima kienet ġiet irrispettata. Dawn il-kontrolli saru fi tliet stadji: l-ewwel sar kontroll fuq il-post, wara saru kontrolli bir-reqqa tat-tagħrif tal-bejgħ u, fl-aħħar, saru kontrolli irregolari f'postijiet fejn isir l-inbid jew fejn jimlewh fi fliexken. Għalhekk, il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u, konsegwentement, ma tatx motivazzjoni sodisfaċenti għad-deċiżjoni kkontestata bi ksur ta' l-Artikolu 253 KE.
87 Skond il-Kummissjoni, ma ġiet ipprovduta ebda prova li turi li dan il-kontroll fi tliet stadji effettivament sar. Għall-kuntrarju, wara l-ispezzjonijiet li saru, deher li ma kien sar ebda kontroll fuq il-post li kien effettiv u ta' natura tali li jiggarantixxi li l-għajnuniet imħallsa kienu jikkonċernaw biss il-varjetajiet ta' għeneb eliġibbli li kienu laħqu l-produzzjoni minima prevista, u li t-tnaqqis ta' din ta' l-aħħar kien effettivament dovut għall-kundizzjonijiet ta' temp ħażin. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Griegi ma ppreżentawx provi li l-għeneb kien imnixxef u li ma kienx użat għal skopijiet oħra ħlief għall-produzzjoni ta' għeneb imnixxef.
Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
88 Minn naħa, il-Gvern Grieg ma jikkontestax li l-benefiċjarji ta' l-għajnuna in kwistjoni ma pproduċewx l-istimi ta' produzzjoni meħtieġa mill-Artikolu 3(2)(e) tar-Regolament Nru 2911/90.
89 Min-naħa l-oħra, dan il-Gvern ma wriex li saru l-kontrolli effettivi sabiex tiġi assigurata l-osservanza tal-produzzjoni minima stabbilita għal kull varjetà ta' għeneb eliġibbli għall-għoti ta' l-għajnuna għall-produzzjoni ta' l-għeneb imnixxef.
90 Minn dan isegwi li l-Gvern Grieg ma ġabx provi li jistgħu jirribattu l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u, konsegwentement, it-tieni motiv li jikkonċerna l-għajnuniet għall-produzzjoni ta' l-għeneb imnixxef għandu jiġi miċħud bħala infondat.
It-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta' fatt fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni
L-argumenti tal-partijiet
91 Il-Gvern Grieg jikkontesta l-aġġustament tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-adozzjoni u l-applikazzjoni tas-sistema ta' kontroll, safejn in-nuqqasijiet ikkonstatati u l-aġġustament li kellu jsir minħabba dawn in-nuqqasijiet jikkonċernaw, b'mod ġenerali, is-sistema kollha ta' kontroll intern tal-korp ta' ħlas u mhux biss l-iskema ta' għajnuna għall-produzzjoni ta' l-għeneb imnixxef. Fil-fehma tiegħu, is-servizzi tal-Kummissjoni setgħu jeffettwaw kontroll tal-korp ta' ħlas u mhux jaslu għall-konklużjoni, minn kontroll ta' l-imsemmija skema, li l-anness tar-Regolament Nru 1663/95 ma kienx ġie applikat kompletament.
92 Barra minn hekk, is-sistema ta' kontroll ġiet imsaħħa u r-reġistru ta' l-għelieqi tad-dwieli huwa fil-proċess li jiġi stabbilit f'żewġ stadji u t-tieni stadju huwa diġà avvanzat sewwa.
93 Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni żbaljata tat-tagħrif li fuqu huwa bbażat dan l-aġġustament, li għalhekk għandu jiġi annullat.
94 Skond il-Kummissjoni, it-titjibiet allegati mill-Gvern Grieg ġew implementati biss wara l-adozzjoni ta' ċirkulari Ministerjali tat-23 ta' Frar 1999 u huma jixhdu li s-sistema preċedenti kienet tirrappreżenta riskju għall-baġit Komunitarju. Hija żżid tgħid li d-djufijiet ikkonstatati fis-sistema ta' kontroll intern mill-Qorti ta' l-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej jikkonċernaw il-prefetturi kollha, u dan jiġġustifika aġġustament ta' 2%. Il-fatt li dawn id-djufijiet jikkonċernaw ukoll skemi agrikoli oħra ma jistax jiġġustifika n-nuqqas ta' aġġustament fis-settur ta' l-għeneb imnixxef.
Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
95 Mir-Rapport Sommarju jirriżulta li l-Kummissjoni kkonstatat dgħjufijiet fis-sistema ta' kontroll ta' l-għajnuniet għall-produzzjoni ta' l-għeneb imnixxef matul il-verifiki li hija għamlet fil-prefettura ta' Heraklion. Il-Kummissjoni qieset li dawn id-djufijiet setgħu jiġu estrapolati għall-prefetturi kollha tal-Greċja peress li l-istess sistema kienet applikata fil-pajjiż kollu.
96 Skond dan ir-rapport, il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-prefettura ta' Heraklion ġew għalhekk estrapolati għall-prefetturi l-oħra tal-Greċja, iżda ma ġewx estiżi għal oqsma ta' nefqiet oħra ħlief dawk marbuta mal-produzzjoni ta' l-għeneb imnixxef. Minn dan isegwi li, safejn il-Gvern Grieg jallega, permezz ta' dan il-motiv, li dawn il-konstatazzjonijiet ġew applikati għal setturi oħra apparti dawk ta' l-għeneb imnixxef, dan il-motiv mhuwiex fondat.
97 Għal dak li jikkonċerna l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li n-nuqqasijiet ikkonstatati fil-prefettura ta' Heraklion huma rrepetuti fil-pajjiż kollu, il-Gvern Grieg ma ġab ebda prova sabiex jirribattiha. L-ewwel nett, dan ta' l-aħħar ma jikkontestax il-verità tal-konstatazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni fil-prefettura ta' Heraklion. Sussegwentement, billi jibbaża l-argumentazzjoni tiegħu fuq it-titjibiet li saru fis-sistema nazzjonali, l-imsemmi Gvern jammetti, b'mod impliċitu, li s-sistema preċedenti kienet difettuża. Fl-aħħar nett, peress li saru wara s-snin tas-suq in kwistjoni, l-imsemmija titjibiet ma jistgħux iservu sabiex jirribattu n-nuqqasijiet ikkonstatati matul dawn is-snin tas-suq.
98 Minn dan jirriżulta li t-tielet motiv, li jikkonċerna l-għajnuna għall-produzzjoni ta' l-għeneb imnixxef, għandu jiġi miċħud bħal infondat.
Fuq l-aġġustamenti li jirrigwardaw is-settur tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż
99 Il-Gvern Grieg jinvoka seba' motivi sabiex jikkontesta l-aġġustamenti li saru lill-primjum imħallas lill-produtturi tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż. L-ewwel motiv jirrigwarda l-aġġustament ta' 25% applikat lin-nefqiet iddikjarati għall-prefettura ta' Rethymnon. It-tieni sas-seba' motivi jikkonċernaw l-aġġustament ta' 10% applikat għan-nefqiet iddikjarati għal ċerti prefetturi oħra.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, l-abbuż tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni u motivazzjoni insuffiċjenti
L-argumenti tal-partijiet
100 Għal dak li jikkonċerna l-aġġustament ta' 25% applikat lin-nefqiet iddikjarati għall-prefettura ta' Rethymnon, il-Gvern Grieg jinvoka l-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, l-abbuż tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni u motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fehma tiegħu, wara li l-verifika ta' l-1997 irrivelat li fil-prefettura ta' Rethymnon, bejn l-1995 u l-1997, il-kontrolli fuq il-post kienu ftit wisq, kważi ineżistenti, l-awtoritajiet Griegi ssospendew immedjatament il-ħlasijiet kollha tal-primjum mogħti lill-produtturi tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż fil-prefettura ta' Rethymnon sabiex isir kontroll fil-fond. B'hekk, fl-1998, 99.6% tal-produtturi ta' Rethymnon ġew spezzjonati u l-perċentwali ta' ċaħdiet ta' applikazzjonijiet għall-primjum żdied. Għal din ir-raġuni, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li kien hemm negliġenza serja fl-għoti tal-primjums sa l-1997 m'għandhiex tiġi sostnuta u ma tistax tkun il-bażi ta' aġġustament finanzjarju ta' 25%.
101 Skond il-Kummissjoni, għal matul tliet snin konsekuttivi, jiġifieri fl-1995, fl-1996 u fl-1997, ma saru prattikament ebda kontrolli fil-prefettura ta' Rethymnon. B'hekk, ma kinitx biss iż-żieda fin-numru ta' ċaħdiet fl-1998 li wasslet għall-aġġustament ta' 25%, iżda l-konstatazzjonijiet li saru fil-kontrolli fuq il-post. Iż-żieda ta' ċaħdiet sempliċement tikkonferma s-suspetti tal-Kummissjoni.
Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
102 Il-linji gwida adottati mill-Kummissjoni fid-dokument Nru VI/5330/97 tagħha, jipprovdu għall-applikazzjoni ta' rata ta' aġġustament ta' 25% meta l-implementazzjoni tas-sistema ta' kontroll hija kompletament nieqsa u serjament inadegwata u meta jkun hemm indikazzjonijiet ta' irregolaritajiet frekwenti ħafna u ta' negliġenza fil-ġlieda kontra l-prattiċi irregolari u frawdolenti.
103 Mill-proċess jirriżulta li l-aġġustament in kwistjoni kien ibbażat fuq il-fatt li, mill-1995 sa l-1997, il-kontrolli fuq il-post fil-prefettura ta' Rethymnon kienu ftit wisq, kważi ineżistenti. Dan il-fatt jikkostitwixxi implementazzjoni serjament inadegwata tas-sistema ta' kontroll u jindika ċertu negliġenza fil-ġlieda kontra l-prattiċi irregolari u frawdolenti, fatt li jiġġustifika l-applikazzjoni ta' rata ta' aġġustament ta' 25%, skond il-linji gwida tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward.
104 Iż-żieda tal-kontrolli kif ukoll iċ-ċaħdiet ta' l-applikazzjonijiet għal għajnuna fl-1998, li huma invokati mill-Gvern Grieg, seħħew wara l-perijodu kopert mill-aġġustament in kwistjoni u, konsegwentement, ma jisgħux juru li l-aġġustament huwa infondat. Għall-kuntrarju, jekk ir-rata ta' ċaħda ta' l-applikazzjonijiet żdiedet f'daqqa fl-1998 wara li l-awtoritajiet Griegi kkontrollaw kważi l-produtturi kollha tal-prefettura ta' Rethymnon, dan għandu t-tendenza li jikkonferma li l-implementazzjoni tas-sistema ta' kontroll kienet serjament inadegwata matul is-snin preċedenti.
105 Konsegwentement, dan l-ewwel motiv li jikkonċerna l-primjum mogħti lill-produtturi tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż għandu jiġi miċħud bħala infondat.
It-tieni motiv, ibbażat fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 3887/92
L-argumenti tal-partijiet
106 Skond il-Gvern Grieg, il-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-fatt li, għal ċerti prefetturi, l-awtoritajiet Griegi pprovdew lill-Kummissjoni statistiċi rriveduti għas-snin 1995 u 1996, minflok l-istatistiċi żbaljati ppreżentati oriġinarjament. Konsegwentement, l-aġġustament finanzjarju ta' 10% li jirrigwarda dawn il-prefetturi mhuwiex ġġustifikat. Barra minn hekk, dan il-Gvern isostni li l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 3887/92 jeżiġi kontroll ta' 10% fuq livell nazzjonali u mhux f'kull prefettura. Il-fatt li, fil-prefetturi ta' Rethymnon u ta' Chania, il-kontrolli fuq il-post matul is-sena tas-suq ikkonċernata ma laħqux il-perċentwali minima ta' 10% mhuwiex illegali, peress li dawk li kienu saru fuq livell nazzjonali kienu laħqu din il-perċentwali.
107 Il-Kummissjoni ssostni li r-Regolament Nru 3887/92 jeżiġi li jsir kontroll rappreżentattiv. Sabiex tiġi assigurata l-effettività tal-kontrolli, huwa neċessarju li l-kampjun jikkorrispondi għal 10% ta' l-applikazzjonijiet għal għajnuna għal kull prefettura.
Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
108 Għal dak li jikkonċerna l-istatistiċi għas-snin 1995 u 1996, l-informazzjoni mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistabbilixxix li t-tagħrif rivedut imsemmi mill-Gvern Grieg kien eżatt u lanqas li dan kien ippreżentat b'mod konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja. F'dan ir-rigward, ir-Repubblika Ellenika ma stabbilixxietx l-eżistenza ta' sistema affidabbli u operazzjonali ta' kontroll, bħalma għandha l-obbligu li tagħmel (ara s-sentenza tad-9 ta' Jannar 2003, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 18).
109 Għal dak li jikkonċerna l-bażi ġeografika tal-kampjun, huwa minnu li l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 3887/92 jipprovdi li "[i]l-kontrolli fuq il-post għandhom ikopru ta' l-inqas perċentwali sinjifikanti ta' l-applikazzjonijiet. Din il-perċentwali għandha tirrappreżenta ta' l-inqas […] 10% ta' l-applikazzjonijiet għall-għajnuna 'annimali' […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għandu jiġi ammess li din id-dispożizzjoni ma tippreċiżax jekk il-perċentwali minima għandhiex tiġi kkalkulata fir-rigward ta' kull prefettura jew fir-rigward tal-pajjiż kollu.
110 Madankollu, l-Artikolu 6(1) ta' l-istess regolament jipprovdi li l-kontrolli "għandhom isiru b'mod li jassiguraw il-verifika effettiva tal-ħarsien tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' l-għajnuniet u tal-primjums" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bl-istess mod, l-Artikolu 6(4) ta' l-imsemmi regolament jipprovdi li "[l]- applikazzjonijiet li huma suġġetti għall-kontrolli fuq il-post għandhom jiġu magħżula mill-awtorità kompetenti b'mod partikolari fuq il-bażi ta' analiżi tar-riskji u ta' element ta' rappreżentanza ta' l-applikazzjonijiet għall-għajnuna li jkunu ġew ippreżentati" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 3887/92 huwa intiż sabiex issir verifika effettiva tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' l-għajnuniet b'mod partikolari permezz tar-rappreżentanza tal-kampjuni kkontrollati.
111 Huwa ċar li r-rappreżentanza tal-kampjuni hija assigurata b'mod aħjar jekk dawn ikunu ddeterminati fuq il-livell tal-prefetturi pjuttost milli fuq il-livell tal-pajjiż kollu. Fil-fatt, ikun kuntrarju għall-għan ta' verifika effettiva jekk ċerti prefetturi, li jkollhom produzzjoni sinjifikanti tal-prodotti kkonċernati, ikunu jistgħu jevitaw il-kontrolli kompletament jew parzjalment, sakemm il-medja nazzjonali tal-kampjuni taqbeż l-10%. Skond l-għan u l-loġika tar-Regolament Nru 3887/92, it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 6(3) tiegħu għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kampjun li jirreferi għalih għandu jkopri ta' l-inqas 10% ta' l-applikazzjoni għall-għajnuna f'kull prefettura kkonċernata.
112 Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni, mingħajr ma ġiet kontradetta dwar dan il-punt, li l-awtoritajiet Griegi stess jipprovdu għal kampjun ta' 10% għal kull prefettura.
113 F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv li jikkonċerna l-primjum mogħti lill-produtturi tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż, għandu jiġi miċħud bħala infondat.
It-tielet motiv ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 3887/92
L-argumenti tal-partijiet
114 Għal dak li jikkonċerna l-fatt li l-istatistiċi ta' l-ispezzjonijiet li saru bejn l-1995 u 1997 mhumiex ta' min joqgħod fuqhom, il-Gvern Grieg isostni li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq każ wieħed iżolat, li fih id-data tar-rapporti ta' kontroll uriet li kienu saru 30 spezzjoni f'ġurnata waħda, mingħajr ma dawn ir-rapporti kienu ġew iffirmati mill-produttur ikkontrollat. Madankollu, dan il-każ jista' jiġi spjegat minħabba l-ammont ta' xogħol li ġiegħel lill-kapijiet tat-timijiet tal-kontrolluri jiffirmaw u jiddataw ir-rapporti wara diversi ġranet ta' kontrolli. Għal dak li jikkonċerna l-firem, l-Artikolu 12 tar-Regolament nru 3887/92 jipprovdi għall-possibbiltà iżda mhux għall-obbligu tal-bidwi li jiffirma r-rapport ta' kontroll.
115 Skond il-Kummissjoni, dan mhuwiex każ iżolat peress li eżempji simili ġew ikkonstatati kemm matul is-sena 1998 kif ukoll f'oqsma oħra apparti dak tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż. Barra minn hekk, il-fatt li r-rapporti in kwistjoni ma kinux iffirmati mill-produtturi juri li dawn ma ġewx magħmula dakinhar ta' l-ispezzjoni, u dan jista' jqajjem dubji dwar il-kwalità tal-kontrolli li saru.
Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
116 Huwa minnu li l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 3887/92 jipprovdi li l-bidwi għandu l-possibbiltà li jiffirma r-rapport ta' kontroll mingħajr ma jimponi l-obbligu li jagħmel dan. Għalhekk, in-nuqqas ta' firma ma jikkostitwixxix irregolarità fih innifsu.
117 Madankollu, in-nuqqas ta' firem ikkonstatat dakinhar tal-kontrolli in kwistjoni jikkostitwixxi indikazzjoni li tiżdied ma' anomaliji oħra li ġew ikkonstatati sabiex jiġġustifikaw dubju serju u raġonevoli, min-naħa tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-kontrolli li saru mill-awtoritajiet Griegi.
118 F'dawn iċ-ċirkustanzi, huwa l-Gvern Grieg, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għandu jġib l-aktar provi dettaljati u kompluti li juru li huwa wettaq dawn il-kontrolli (ara s-sentenza tad-9 ta' Jannar 2003, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punti 16 u 17).
119 Peress li l-Gvern Grieg ma ġabx dawn il-provi f'dan il-każ, it-tielet motiv li jikkonċerna l-primjum mogħti lill-produtturi tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż, għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Ir-raba' motiv, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-fatti
L-argumenti tal-partijiet
120 Skond il-Gvern Grieg, id-diffikultà li ġġib magħha t-twaqqif ta' sistema ta' reġistrazzjoni permanenti tal-movimenti tal-bhejjem tvarja skond kull Stat Membru u skond it-topografija tiegħu. It-territorju Grieg huwa partikolarment żvantaġġat f'dan ir-rigward peress li merħliet jinsabu f'reġjuni għoljin u muntanjużi jew fuq gżejjer, fejn l-aċċess huwa diffiċli.
121 Il-Kummissjoni ssostni li, skond il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, tali sistema ta' reġistrazzjoni kellha teżisti mill-1995, filwaqt li din is-sistema ma kinitx għadha ġied implementata fl-2001.
122 Skond il-Gvern Grieg, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' analiżi tar-riskji, skond l-Artikolu 6(4) tar-Regolament nru 3887/92, hija żbaljata peress li, għalkemm tali analiżi ma ġietx ikkompjuterizzata, hija madankollu ssir bil-miktub fil-prefetturi kollha.
123 Skond il-Kummissjoni, f'ebda waħda mill-prefetturi kkontrollati ma ġie muri li kienet saret l-analiżi tar-riskju anke jekk bil-miktub.
124 Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-aċċettazzjoni tan-notifika verbali tat-telf, li mhijiex prevista fil-leġiżlazzjoni Komunitarja, il-Gvern Grieg jallega li dawn huma biss każijiet eċċezzjonali u tal-passat.
125 Il-Kummissjoni tirrispondi li l-Gvern Grieg ma ġabx provi li kienet ġiet ipprovduta l-informazzjoni meħtieġa.
Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
126 L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2700/93, moqri flimkien ma' l-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/102, jimponi obbligu fuq l-Istati Membri li jimplementaw sistema ta' reġistrazzjoni permanenti tal-movimenti tal-bhejjem b'effett mis-sena tas-suq 1994, bla ħsara għal miżura ta' tranżazzjoni li tippermetti l-użu ta' sistema inqas oneruża għal din is-sena tas-suq biss. Minn dan jirriżulta li l-imsemmija sistema ta' reġistrazzjoni kellha tibda topera sa mhux aktar tard mis-sena tas-suq 1995.
127 Il-Gvern Grieg ma jikkontestax li, kif ġie kkonstatat mill-Kummissjoni, huwa ma waqqafx sistema ta' reġistrazzjoni bħal din.
128 Għal dak li jikkonċerna l-analiżi tar-riskji, prevista fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 3887/92, għandu jiġi mfakkar li Stat Membru ma jistax jirribatti l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni mingħajr ma jsostni l-allegazzjonijiet tiegħu permezz ta' provi li jistabbilixxu l-eżistenza ta' sistema affidabbli u operazzjonali ta' kontroll (ara s-sentenza tad-9 ta' Jannar 2003, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 18).
129 F'dan il-każ, il-Gvern Grieg ma ġabx provi bħal dawn u, għalhekk, il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' analiżi tar-riskju ma ġewx irribattuti.
130 Barra minn hekk, l-Artikolu 10(5) tar-Regolament nru 3887/92 jipprovdi li, fil-każ li l-bidwi ma jistax jissodisfa l-impenn tiegħu li jżomm l-annimali nnotifikati għal primjum matul il-perijodu ta' żamma obbligatorja, id-dritt għal primjum jibqa' japplika "bil-kundizzjoni li l-bidwi jkun informa b'dan, bil-miktub, lill-awtoritajiet kompetenti, f'terminu ta' għaxart ijiem tax-xogħol minn meta jkun ġie kkonstatat it-tnaqqis fin-numru ta' dawn l-annimali" [traduzzjoni mhux uffiċjali].
131 F'dan il-każ, il-Gvern Grieg ma jikkontestax li huwa aċċetta notifiki verbali ta' telf, kuntrarjament għal dak li tipprovdi din id-dispożizzjoni.
132 Minn dan isegwi li r-raba' motiv, li jikkonċerna l-primjum mogħti lill-produtturi tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż, għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 3887/92
L-argumenti tal-partijiet
133 Fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-post taż-żamma ta' l-annimali ma kienx preċiżament indikat fl-applikazzjonijiet għal primjum, il-Gvern Grieg isostni li din ir-referenza kienet tikkonsisti fl-indikazzjoni ta' toponimu, peress li ma jeżistix reġistru ta' l-artijiet fil-Greċja. Referenza bħal din hija konformi mar-raba' inċiż ta' l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 3887/92, li jeżiġi sempliċement "l-indikazzjoni tal-post (jew postijiet) fejn ser isseħħ iż-żamma" [traduzzjoni mhux uffiċjali], u mhux deskrizzjoni dettaljata ta' dawn il-postijiet.
134 Skond il-Kummissjoni, il-kontrolli tagħha ma kinux jeħtieġu deskrizzjoni dettaljata tal-post fejn jinżammu l-annimali, iżda sempliċement indikazzjoni ċara tiegħu. Madankollu, ma ġietx ipprovduta tali indikazzjoni. F'dan ir-rigward, is-sempliċi indikazzjoni tal-lokalità fejn jinsab ir-razzett mhijiex biżżejjed sabiex isir kontroll fuq il-post fejn huma miżmuma l-annimali peress li dan ta' l-aħħar jista' jkun differenti minn fejn jinsab ir-razzett.
Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
135 Ir-raba' inċiż ta' l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 3887/92 jeħtieġ, fil-każ ta' impenn tal-bidwi li jżomm l-annimali fir-razzett tiegħu għal matul perijodu ta' żamma, "l-indikazzjoni tal-post (jew postijiet) fejn ser isseħħ iż-żamma" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fid-dawl tal-loġika u l-għan ta' din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-indikazzjoni meħtieġa għandha tkun ċara biżżejjed sabiex tippermetti lill-awtoritajiet ta' kontroll jivverifikaw il-post eżatt fejn jinżammu l-annimali.
136 Fid-dawl tal-provi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi kkonstatat li l-Gvern Grieg ma stabbilixxiex li ġiet ipprovduta informazzjoni, li tissodisfa din l-eżiġenza ta' kjarezza, lill-awtoritajiet ta' kontroll.
137 Konsegwentement, il-ħames motiv, li jikkonċerna l-primjum mogħti lill-produtturi tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż, għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Is-sitt motiv, ibbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 2700/93
L-argumenti tal-partijiet
138 Fir-rigward ta' l-immarkar ta' l-annimali, il-Gvern Grieg jallega li dan huwa obbligatorju biss fil-każijiet li l-annimali li jixjieħu jiġu mwarrba, skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 2700/93. Fil-każijiet li kienu suġġetti għal kontroll, ma kienx hemm annimali xjuħ li ġew imwarrba, iżda każijiet fejn merħliet, li kienu ta' proprjetarji differenti, ġew miżmuma flimkien.
139 Skond il-Kummissjoni, l-immarkar ġie stabbilit sabiex l-identifikazzjoni ta' l-annimali tkun aktar effettiva meta l-annimali jiġu mħallta ma' annimali ta' merħliet oħra. Fil-Greċja huwa komuni ħafna li l-merħliet ta' proprjetarji differenti jinżammu flimkien u dan iwassal għall-istess diffikultajiet ta' identikazzjoni ta' l-annimali mwarrba minħabba li jixjieħu.
Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
140 It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 2700/93 jipprovdi li "[q]abel ma n-nagħaġ u/jew il-mogħoż kollha jew parti minnhom, li għalihom ikun intalab il-primjum jiġu mwarrba minħabba li jixjieħu matul il-perijodu ta' żamma, dawn l-annimali għandhom jiġu identifikati". [traduzzjoni mhux uffiċjali]
141 Skond l-ewwel premess tar-Regolament Nru 279/94, li introduċa din id-dispożizzjoni fir-Regolament Nru 2700/93, "fil-każ ta' annimali li jiġu mwarrba minħabba li jixjieħu, huwa neċessarju li tiġi assigurata l-identifikazzjoni ta' l-annimali kkonċernati". [traduzzjoni mhux uffiċjali]
142 Minn dan jirriżulta li l-għan ta' l-imsemmija dispożizzjoni huwa li tiġi assigurata l-identifikazzjoni ta' l-annimali li jittieħdu f'post ieħor qabel ma dawn jiġu mħallta ma' annimali oħra. Il-karatteristika essenzjali tat-twarrib ta' l-annimali li jixjieħu hija li annimali ta' oriġini differenti jiġu mħallta u jsir prattikament impossibbli li jintgħarfu jekk ma jkunux ġew immarkati minn qabel. Din l-istess karatteristika tinsab fiż-żamma komuni ta' annimali ta' proprjetarji differenti. Sabiex tiġi ggarantita l-effettività tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 2700/93, iż-żamma komuni ta' annimali għandha tiġi suġġetta għall-istess garanziji. Konsegwentement, fil-kuntest ta' din id-dispożizzjoni, il-kunċett ta' "annimali li jiġu mwarrba minħabba li jixjieħu" għandu jiġi interpretat bħala li japplika wkoll għall-każijiet fejn l-annimali huma mħallta ma' oħrajn għal minħabba ż-żamma komuni ta' merħliet li jappartjenu lil proprjetarji differenti.
143 Konsegwentement, is-sitt motiv, li jikkonċerna l-primjum mogħti lill-produtturi tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż, għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Is-seba' motiv, ibbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 5(2)(c) tar-Regolament Nru 729/70
L-argumenti tal-partijiet
144 Skond il-Gvern Grieg, ir-rifjut tal-Kummissjoni li tiffinanzja ċerti nefqiet fis-settur tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż jirrigwarda n-nefqiet li saru qabel l-24 xahar preċedenti għall-komunikazzjoni bil-miktub mill-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat tar-riżultati tal-verifiki li saru minn din ta' l-aħħar, u dan kuntrarjament għall-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 5(2)(c) tar-Regolament Nru 729/70. Peress li l-kontrolli tal-Kummissjoni seħħew fl-1997 u fl-1998 u l-komunikazzjoni bil-miktub tar-riżultati tagħhom saret fl-1998, l-imsemmi perijodu ta' 24 xahar kien spiċċa fl-1996. Għalhekk, kien żball li l-aġġustament kien jikkonċerna wkoll in-nefqiet marbuta ma' l-1995.
145 Il-Kummissjoni ssostni li, bis-saħħa ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 729/70, il-komunikazzjoni tar-riżultati tal-verifiki sservi biex jibda jiddekorri t-terminu ta' 24 xahar. Il-konstatazzjonijiet in kwistjoni jikkonċernaw is-snin 1995, 1996 u 1997, perijodu li ma jaqbiżx l-imsemmi terminu ta' 24 xahar preċedenti għall-komunikazzjoni tar-riżultati tal-verifiki. F'dan il-każ, in-notifika bil-miktub saret permezz ta' ittra tat-22 ta' Lulju 1997 u mhux fl-1998.
Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
146 Skond il-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 5(2)(c) tar-Regolament Nru 729/70, "[r]ifjut ta' finanzjament ma jistax jinvolvi nefqiet li saru qabel l-erbgħa u għoxrin xahar li jkunu ppreċedew il-komunikazzjoni bil-miktub mill-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat tar-riżultati ta' dawn il-verifiki. […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]
147 Il-Kummissjoni ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ittra, fil-verżjoni Griega tagħha, bid-data tat-22 ta' Lulju 1997, li biha hija informat lill-awtoritajiet Griegi bl-irregolaritajiet ikkonstatati dakinhar li saru l-verifiki fuq il-post fis-settur tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż. Skond il-kontenut tagħha, din l-ittra tirreferi għal irregolaritajiet li jikkonċernaw mhux biss is-snin 1996 u 1997, iżda wkoll is-sena 1995. Minn din l-ittra jirriżulta b'mod ċar li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li teskludi ċerti nefqiet mill-finanzjament Komunitarju fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet relatati indikati fl-ittra. Barra minn hekk, fl-ittra huwa speċifikatament indikat li hija sservi sabiex jibda jiddekorri l-perijodu ta' 24 xahar previst fil-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 5(2)(c) tar-Regolament Nru 729/70. Il-Gvern Grieg ma jiċħadx li rċieva din l-ittra.
148 Minn dan isegwi li n-notifika tar-riżultati tal-verifiki, skond l-imsemmija dispożizzjoni, saret permezz ta' l-ittra tat-22 ta' Lulju 1997. Għaldaqstant, l-aġġustamenti finanzjarji magħmula fir-rigward tal-primjum mogħti lill-produtturi tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż setgħu legalment japplikaw għan-nefqiet li saru fl-1995.
149 Konsegwentement, is-seba' motiv, li jikkonċerna l-imsemmi primjum, għandu jiġi miċħud bħala infondat.
150 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors tar-Repubblika Ellenika għandu jiġi kompletament miċħud.
Fuq l-ispejjeż
151 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Ellenika tilfet hija għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Ir-Repubblika Ellenika hija ordnata tbati l-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Grieg