Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62001CJ0216

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Novembru 2003.
    Budéjovický Budvar, národní podnik vs Rudolf Ammersin GmbH.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Handelsgericht Wien - l-Awstrija.
    Regolament (KEE) Nru 2081/92 - Artikolu 307 KE.
    Kawża C-216/01.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2003:618

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

    18 ta’ Novembru 2003 (*)

    “Protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini – Konvenzjoni bilaterali bejn Stat Membru u pajjiż terz li tipproteġi l-indikazzjonijiet ta’ provenjenza ġeografika ta’ dan il-pajjiż terz – Artikoli 28 KE u 30 KE – Regolament (KEE) Nru 2081/92 – Artikolu 307 KE – Ħolqien ta’ Stat mill-qsim ta’ Stat ieħor fir-rigward tat-trattati”

    Fil-Kawża C-216/01,

    li għandha bħala suġġett talba lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Handelsgericht Wien (l-Awstrija), intiża sabiex tikseb, fil-kawża pendenti quddiem din il-qorti bejn

    Budějovický Budvar, národní podnik

    u

    Rudolf Ammersin GmbH,

    deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 28 KE, 30 KE u 307 KE, u tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92, ta’ l-14 ta’ Lulju 1992, dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 4), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 535/97, tas-17 ta’ Marzu 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 20, p. 352),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

    komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans (Relatur), C. Gulmann u J. N. Cunha Rodrigues, Presidenti ta’ Awla, D. A. O. Edward, A. La Pergola, J.-P. Puissochet, R. Schintgen, N. Colneric u S. von Bahr, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

    Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

    –        għal Budějovický Budvar, národní podnik, minn S. Kommar, avukat,

    –        għal Rudolf Ammersin GmbH, minn C. Hauer, avukat,

    –        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

    –        għall-Gvern Ġermaniż, minn W.-D. Plessing u A. Dittrich, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u L. Bernheim, bħala aġenti,

    –        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.-M. Rouchaud, bħala aġent, assistita minn B. Wägenbaur, avukat,

    wara li rat ir-rapport għas-seduta,

    wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta’ Budějovický Budvar, národní podnik, irrappreżentata minn S. Kommar, ta’ Rudolf Ammersin GmbH, irrappreżentata minn C. Hauer, D. Ohlgart u B. Goebel, avukati, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn A.-M. Rouchaud, assistita minn B. Wägenbaur, fis-seduta tad-19 ta’ Novembru 2002,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Mejju 2003,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        Permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Frar 2001, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Mejju ta’ l-istess sena, il-Handelsgericht Wien għamlet, skond l-Artikolu 234 KE, erba’ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 28 KE, 30 KE u 307 KE, u tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2081/92, tal-14 ta’ Lulju 1992, dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 4), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 535/97, tas-17 ta’ Marzu 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 20, p. 352, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2081/92”).

    2        Dawn id-domandi ġew issollevati fil-kuntest ta’ kawża bejn Budĕjovický Budvar, národní podnik (iktar ’il quddiem “Budvar”), birrerija stabbilita fil-belt ta’ Česke Budĕjovice (ir-Repubblika Ċeka), u Rudolf Ammersin GmbH (iktar ’il quddiem “Ammersin”), kumpannija kummerċjali stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija) li topera negozju ta’ distribuzzjoni ta’ xorb, rigward it-talba ta’ Budvar sabiex tipprojbixxi lil Ammersin milli tikkummerċjalizza taħt it-trade mark American Bud birra prodotta mill-birrerija Anheuser-Busch Inc. (iktar ’il quddiem “Anheuser-Busch”), stabbilita f’Saint Louis (l-Istati Uniti ta’ l-Amerka), għar-raġuni li, skond trattati bilaterali li jorbtu lir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika ta’ l-Awstrija, l-użu ta’ l-isem “Bud” fir-Repubblika ta’ l-Awstrija huwa rriżervat għall-birra prodotta fir-Repubblika Ċeka.

     Il-kuntest ġuridiku

     Id-dritt internazzjonali

    3        L-Artikolu 34(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar meta Stat jinħoloq mill-qsim ta’ Stat ieħor fir-rigward tat-trattati, tat-23 ta’ Awwissu 1978, jipprovdi:

    “Meta parti jew partijiet tat-territorju ta’ Stat jisseparaw sabiex jifformaw Stat wieħed jew iktar, indipendentement minn jekk l-Istat predeċessur ikomplix jeżisti jew le:

    a)      kull trattat fis-seħħ fid-data meta Stat jinħoloq mill-qsim ta’ Stat ieħor fir-rigward tat-territorju kollu ta’ l-Istat predeċessur jibqa’ fis-seħħ fir-rigward ta’ kull Stat suċċessur hekk ifformat;

    b)      kull trattat fis-seħħ fid-data meta Stat jinħoloq mill-qsim ta’ Stat ieħor fir-rigward biss ta’ dik il-parti tat-territorju ta’ l-Istat predeċessur li saret l-Istat suċċessur jibqa’ fis-seħħ fir-rigward ta’ dak l-Istat suċċessur biss.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

     Id-dritt Komunitarju

    4        Skont l-ewwel u t-tieni paragrafi ta’ l-Artikolu 307 KE:

    “Id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi qabel l-1 ta’ Jannar 1958 jew, għal Stati li jingħaqdu, id-data ta’ l-Adeżjoni, bejn Stat Membru wieħed jew iktar u Stat mhux membru wieħed jew iktar, m’għandhomx jintlaqtu mid-disposizzjonijiet ta’ dan it-Trattat.

    Sa fejn dawn il-ftehim ma jkunux kompatibbli ma’ dan it-Trattat, l-Istat Membru jew Stati Membri in kwistjoni għandhom jieħdu l-miżuri opportuni biex titneħħa l-inkompatibilità li tista’ tinstab. Jekk ikun hemm bżonn, l-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin biex jintlaħaq dan il-għan u fejn ikun opportun, għandhom jadottaw linja komuni.”

    5        Is-seba’ premessa tar-Regolament Nru 2081/92 tipprovdi li “hemm differenzi fil-prassi nazzjonali għall-implementazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi; billi għandha tiġi prevista prassi tal-Komunità; billi struttura ta’ regoli tal-Komunità dwar il-protezzjoni tippermetti l-iżvilupp ta’ indikazzjonijiet geografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini; billi minħabba illi tipprovdi metodu iktar uniformi din l-istruttura tiżgura kompetizzjoni ġusta bejn il-produtturi ta’ prodotti li għandhom dawn l-indikazzjonijiet u b’hekk tittejjeb il-kredibilità tal-prodotti f’għajnejn il-konsumaturi”.

    6        L-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament Nru 2081/92 jipprovdi li:

    “1.       Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-protezzjoni dwar id- denominazzjoni ta’ oriġini u l-indikazzjoni ġeografika ta’ prodotti agrikoli għall-konsum tal-bniedem msemmija fl-Anness II tat-Trattat u tal-prodotti ta’ l-ikel msemmija fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament u l-prodotti agrikoli elenkati fl-Anness II tar-Regolament.

    [...]

    2.       Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr ħsara għad-disposizzjonijiet speċifiċi l-oħra tal-Komunità.”

    7        L-Anness I ta’ l-imsemmi regolament, intitolat “Il-prodotti ta’ l-ikel li għalihom issir referenza fl-Artikolu 1(1)” isemmi l-“Birra” fl-ewwel inċiż tiegħu.

    8        Skont l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 2081/92:

    “1.       Il-protezzjoni tal-Komunità għad-denominazzjoni ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel għandha tingħata skond dan ir-Regolament.

    2.       Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

    a)      denominazzjoni ta’ oriġini: dan ifisser l-isem ta’ reġjun, post speċifiku jew, f’każijiet eċċezzjonali, pajjiż, użati sabiex jiddeskrivu prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel:

    –        illi joriġinaw f’dak ir-reġjun, post speċifiku jew pajjiż;

    u

    –        li għandhom kwalitajiet jew karatteristiċi li huma kkawżati essenzjalment jew esklussivament minħabba ambjent ġeografiku partikolari inklużi l-fatturi naturali u umani tiegħu, u li l-produzzjoni, l-ipproċessar u t-tħejjija tagħhom iseħħu fiż-żona ġeografika definita;

    b)      indikazzjoni ġeografika: tfisser l-isem ta’ reġjun, ta’ post speċifiku jew, f’każijiet eċċezzjonali ta’ pajjiż, użati biex jiddeskrivu prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel:

    –        illi joriġinaw f’dak ir-reġjun, post speċifiku jew pajjiż,

             u

    –        li jippossjedu kwalità, reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi marbuta ma’ dik l-oriġini ġeografika u li l-produzzjoni u/jew l-ipproċessar u/jew it-tħejjija tagħhom iseħħu fiż-żona ġeografika definita”.

    9        L-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 2081/92 jistabbilixxu l-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, imsejħa “proċedura normali”. Skont l-Artikolu 5(4) ta’ l-istess regolament, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għandha tintbagħat lill-Istat Membru fejn tinsab iż-żona ġeografika kkonċernata. Dan l-Istat Membru jivverifika, skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(5) ta’ l-imsemmi regolament, illi l-applikazzjoni hija ġġustifikata u għandu jibgħatha lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

    10      Minħabba l-fatt illi huwa meħtieġ ċertu żmien sabiex applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiġi pproċessata mill-Kummissjoni u li, sakemm tingħata deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni ta’ isem, l-Istati Membri għandhom jitħallew jagħtu protezzjoni nazzjonali temporanja, ir-Regolament Nru 535/97 daħħal it-test li ġej wara l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 2081/92:

    “Dak l-Istat Membru jista’, fuq bażi transitorja biss, jagħti fuq livell nazzjonali protezzjoni fis-sens tar-Regolament preżenti bid-denominazzjoni trasmessa [lill-isem trasmess] bil-mod preskritt, u, fejn ikun il-każ, perjodu ta’ aġġustament, mid-data ta’ dik it-trasmissjnoi;[...]

    Protezzjoni transitorja nazzjonali bħal din għandha tieqaf fid-data li fiha tittieħed deċizjoni fuq ir-reġistrazzjoni taħt dan ir-Regolament. [...]

    Il-konsegwenzi ta’ protezzjoni nazzjonali bħal din, meta denominazzjoni ma tkunx ġiet irreġistrata [isem ma jkunx ġie rreġistrat] taħt dan ir-Regolament, għandhom ikunu ir-responsabbiltà esklusiva ta’ l-Istat Membru konċernat.

    Il-miżuri meħuda mill-Istati Membri taħt it-tieni subparagrafu għandhom jipproduċu effetti fuq livell nazzjonali biss; m’għandux ikollhom effett fuq in-negozju intra-Komunitarju.”

    11      Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2081/92:

    “1.       Mingħajr preġudizzju għal kull ftehim internazzjonali, dan ir-Regolament jista’ japplika għal prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel kemm-il darba:

    –        il-pajjiż terz jista’ jagħti garanziji identiċi jew ekwivalenti għal dawk imsemmija fl-Artikolu 4,

    –        il-pajjiż terz involut ikollu arranġamenti ta’ spezzjoni ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 10,

    –        il-pajjiż terz involut jkun lest li jagħti protezzjoni ekwivalenti għal dak applikabbli fil-Komunità għal prodotti agrikoli jew prodotti ta’ l-ikel simili provenjenti mill-Komunità.

    2.       Jekk l-isem protett ta’ pajjiż terz ikun identiku għal isem protett tal-Komunità, ir-reġistrazzjoni għandha tingħata b’kunsiderazzjoni xierqa għall-użu lokali u tradizzjonali u r-riskji prattiċi illi jkun hemm konfużjoni.

    L-użu ta’ dawn l-ismijiet ikun awtorizzat biss jekk il-pajjiż ta’ l-oriġini tal-prodott ikun indikat b’mod ċar u viżibbli fuq it-tikketta.”

    12      L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 jistabbilixxi proċedura ta’ reġistrazzjoni, applikabbli għar-reġistrazzjoni ta’ l-ismijiet li kienu diġà jeżistu fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, imsejħa “proċedura ssimplifikata”. Din id-dispożizzjoni tipprovdi b’mod partikolari li l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni, fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2081/92, bl-ismijiet tagħhom li huma jixtiequ jirreġistraw skond din il-proċedura.

    13      Sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatt li l-ewwel proposta ta’ reġistrazzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjoni ta’ l-oriġini, li l-Kummissjoni kellha tiżviluppa skond l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 2081/92, ġiet ippreżentata lill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea biss fix-xahar ta’ Marzu 1996, filwaqt li l-parti l-kbira tal-perijodu tranżitorju ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 13(2) ta’ l-istess regolament kien skada, ir-Regolament Nru 535/97, li daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Marzu 1997 issostitwixxa dan l-aħħar paragrafu bit-test segwenti:

    “B’deroga għall-paragrafu 1(a) u (b), Stati Membri jistgħu iżommu sistemi nazzjonali li jippermettu l-użu ta’ denominazzjonijiet [ismijiet] reġistrati taħt l-Artikolu 17 għal perjodu ta’ mhux aktar minn ħames snin wara d-data tal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni, basta li:

    –        il-prodotti jkunu ġew negozjati legalment bl-użu ta’ dawk id-denominazzjonijiet [l-ismijiet] għal mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament,

    –        l-impriżi ikunu nnegozjaw legalment il-prodotti konċernati bl-użu ta’ dawk id-denominazzjonijiet [l-ismijiet] kontinwament matul il-perjodu msemmi fl-ewwel inċiż,

    –        it-tabelli jindikaw b’mod ċar l-oriġini vera tal-prodott.

    Madanakollu, din id-deroga ma tistax twassal għan-negozju tal-prodotti liberament fit-territorju ta’ Stat Membru fejn dawk id-denominazzjonijiet [l-ismijiet] kienu projbiti.”

     Id-dritt nazzjonali

    14      Fil-11 ta’ Ġunju 1976, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija u r-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka kkonkludew trattat dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ta’ provenjenza, id-denominazzjonijiet ta’ oriġini u denominazzjonijiet oħra li jindikaw il-provenjenza tal-prodotti agrikoli u industrijali (iktar ’il quddiem: il-“konvenzjoni bilaterali”).

    15      Wara l-approvazzjoni u r-ratifika tagħha, il-konvenzjoni bilaterali ġiet ippubblikata fil-Bundesgesetzblatt für die Republik Österreich tad-19 ta’ Frar 1981 (BFB1. 75/1981). Skont l-Artikolu 16(2) tagħha, il-konvenzjoni bilaterali daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Frar 1981 għal perijodu indeterminat.

    16      L-Artikolu 1 tal-konvenzjoni bilaterali jipprovdi:

    “Kull Stat kontraenti jimpenja ruħu li jieħu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jipproteġi b’mod effettiv, mill-kompetizzjoni żleali fil-qasam tal-kummerċ, l-indikazzjonijiet ta’ provenjenza, id-denominazzjonijiet ta’ oriġini u denominazzjonijiet oħra li jindikaw il-provenjenza ta’ prodotti agrikoli u industrijali li jaqgħu taħt il-kategoriji msemmija fl-Artikolu 5 u speċifikati fil-ftehim previst fl-Artikolu 6, kif ukoll l-ismijiet u l-illustrazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3, 4 u 8(2).”

    17      Skont l-Artikolu 2 tal-konvenzjoni bilaterali:

    “B’indikazzjonijiet ta’ provenjenza, wieħed jifhem denominazzjonijiet ta’ oriġini u denominazzjonijiet oħra li jindikaw il-provenjenza fis-sens ta’ dan it-trattat, l-indikazzjonijiet kollha direttament jew indirettament marbuta mal-provenjenza ta’ prodott. Indikazzjoni bħal din hija ġeneralment ikkostitwita minn denominazzjoni ġeografika. Madankollu, hija tista’ tkun ikkostitwita wkoll minn espressjonijiet oħra jekk f’dawn l-espressjonijiet, flimkien mal-prodott hekk denominat, dawk ikkonċernati fil-pajjiż ta’ oriġini jaraw indikazzjoni tal-pajjiż ta’ produzzjoni. Dawn id-denominazzjonijiet jistgħu jinkludu, minbarra l-indikazzjoni ta’ territorju ta’ provenjenza ġeografikament iddeterminata, espressjonijiet marbuta mal-kwalità tal-prodott ikkonċernat. Dawn il-proprjetajiet partikolari tal-prodotti huma esklużivament jew prinċipalment riżultat ta’ influwenzi ġeografiċi jew umani.”

    18      L-Artikolu 3(1) tal-konvenzjoni bilaterali jipprovdi::

    “[...] id-denominazzjonijiet Ċekoslovakki stipulati fi ftehim konkluż skond l-Artikolu 6 huma rriżervati fir-Repubblika ta’ l-Awstrija esklużivament għal prodotti Ċekoslovakki.”

    19      Il-punt B(2) ta’ l-Artikolu 5(1) tal-konvenzjoni bilaterali jsemmi l-birer fost il-kategoriji ta’ prodotti Ċeki kkonċernati mill-protezzjoni stabbilita minn din il-konvenzjoni.

    20      Skont l-Artikolu 6 tal-konvenzjoni bilaterali:

    “Id-denominazzjonijiet ta’ prodotti, li għalihom japplikaw il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikoli 2 u 5, li jibbenefikaw mill-protezzjoni tat-trattat u li għalhekk mhumiex denominazzjonijiet ġeneriċi għandhom jiġu elenkati fi ftehim li għandu jiġi konkluż bejn il-gvernijiet taż-żewġ Stati kontraenti.”

    21      L-Artikolu 7 tal-konvenzjoni bilaterali huwa miktub kif ġej:

    “1. Jekk l-ismijiet u d-denominazzjonijiet protetti skond l-Artikoli 3, 4, 6 u 8(2) ta’ dan it-trattat jintużaw bi ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fil-kuntest ta’ attività kummerċjali sabiex jiġu deskritti prodotti, b’mod partikolari għall-preżentazzjoni jew għall-ippakkjar tagħhom, jew fuq fatturi, noti ta’ kunsinna jew dokumenti kummerċjali oħra jew fir-reklamar, issir applikazzjoni tal-miżuri ġudizzjarji u amministrattivi kollha li, skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat kontraenti li fih hija mitluba l-protezzjoni, huma previsti għall-ġlieda kontra l-kompetizzjoni żleali jew sabiex jiġu pprevenuti altrimenti d-denominazzjonijiet illegali, fil-kundizzjonijiet stabbiliti għal din il-leġiżlazzjoni u fid-dawl ta’ l-Artikolu 9.

    2.      Sa fejn ikun hemm riskju ta’ konfużjoni fil-kuntest ta’ attivitajiet kummerċjali, il-paragrafu 1 japplika wkoll jekk id-denominazzjonijiet protetti skond it-trattat jintużaw taħt forma emendata jew għal prodotti li mhumiex dawk li għalihom ġew attribwiti mill-ftehim previst fl-Artikolu 6.

    3.      Il-paragrafu 1 japplika wkoll jekk id-denominazzjonijiet protetti skond dan it-trattat jintużaw taħt forma ta’ traduzzjoni jew b’indikazzjoni tal-provenjenza effettiva, jew flimkien ma’ referenzi bħal “xorta”, “tip”, “kif prodotti fi”, “imitazzjoni” jew simili.

    4.      Il-paragrafu 1 ma japplikax għat-traduzzjonijiet ta’ denominazzjonijiet ta’ wieħed mill-Istati kontraenti jekk it-traduzzjoni hija terminu ta’ lingwa li jintuża kuljum fi Stat kontraenti ieħor.”

    22      L-Artikolu 16(3) tal-konvenzjoni bilaterali jipprovdi li ż-żewġ partijiet kontraenti jistgħu jitterminawha permezz ta’ preavviż minimu ta’ sena, magħmul bil-miktub u skond il-prassi diplomatika.

    23      Skont l-Artikolu 6 tal-konvenzjoni bilaterali, ftehim fuq l-applikazzjoni tagħha (iktar ’il quddiem il-“ftehim bilaterali”) ġie konkluż fis-7 ta’ Ġunju 1979. Skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, dan il-ftehim daħal fis-seħħ fl-istess data bħall-konvenzjoni bilaterali, jiġifieri fis-26 ta’ Frar 1981. Huwa ġie ppubblikat fil-Bundesgesetzblatt für die Republik Österreich tad-19 ta’ Frar 1981 (BGBl. 76/1981).

    24      L-Anness B tal-ftehim bilaterali jipprovdi:

    “Denominazzjonijiet Ċekoslovakki għal prodotti agrikolu u industrijali

    [...]

    B       Ikel u agrikoltura (minbarra l-inbid)

    [...]

    2      Birra

    Repubblika Soċjalista Ċeka

    [...]

    Bud

    Budĕjovické pivo

    Budějovické pivo Budvar

    Budějovický Budvar

    [...]”

    25      Fis-17 ta’ Diċembru 1992, il-Kunsill Nazzjonali Ċek iddikjara li, skond il-prinċipji fis-seħħ tal-liġi internazzjonali u in kwantu stipulat fiha, ir-Repubblika Ċeka tikkunsidra li mill-1 ta’ Jannar 1993, hija marbuta bit-trattati multilaterali u bilaterali li tagħhom kienet parti f’dik id-data r-Repubblika Federattiva Ċeka u Slovakka.

    26      Permezz tal-Liġi Kostituzzjonali Nru 4/1993, tal-15 ta’ Diċembru 1992, ir-Repubblika Ċeka kkonfermat li kienet se tassumi d-drittijiet u l-obbligi eżistenti skond il-liġi internazzjonali tar-Repubblika Federattiva Ċeka u Slovakka fid-data meta din ta’ l-aħħar ma baqgħetx teżisti iktar.

    27      Il-komunikazzjoni tal-Kanċillier Federali dwar it-trattati bilaterali fis-seħħ bejn ir-Repubblika ta’ l-Awstrija u r-Repubblika Ċeka (BGBl. III 123/1997, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni tal-Kanċillier Federali”) tipprovdi:

    “Abbażi ta’ eżami konġunt tat-trattati bilaterali bejn ir-Repubblika ta’ l-Awstrija u r-Repubblika Ċeka mill-awtoritajiet kompetenti taż-żewġ Stati, ġie kkonstatat li, skond ir-regoli rikonoxxuti b’mod ġenerali fid-dritt internazzjonali pubbliku, it-trattati bilaterali li ġejjin kienu fis-seħħ bejn ir-Repubblika ta’ l-Awstrija u r-Repubblika Ċeka fl-1 ta’ Jannar 1993, id-data meta r-Repubblika Ċeka daħlet minflok ir-Repubblika Federattiva Ċeka u Slovakka preċedenti fit-territorju rilevanti, u minn dakinhar ġew applikati mill-awtoritajiet kompetenti fil-kuntest tas-sistemi legali taż-żewġ pajjiżi:

    [...]

    19.      trattat bejn ir-Repubblika ta’ l-Awstrija u r-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ta’ provenjenza, id-denominazzjonijiet ta’ oriġini u denominazzjonijiet oħra li jindikaw il-provenjenza tal-prodotti agrikoli u industrijali u l-Protokoll tat-30 ta’ Novembru 1977

             Vjenna, 11 ta’ Ġunju 1976 (BGBl. 75/1981)

    [...]

    26.      ftehim dwar l-applikazzjoni tat-trattat bejn ir-Repubblika ta’ l-Awstrija u r-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ta’ provenjenza, id-denominazzjonijiet ta’ oriġini u denominazzjonijiet oħra li jindikaw il-provenjenza tal-prodotti agrikoli u industrijali

             Praga, 7 ta’ Ġunju 1979 (BGBl. 76/1981)

    [...]”

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    28      Budvar tikkummerċjalizza l-birra, b’mod partikolari taħt it-trade marks Budĕjovický Budvar u Budweiser Budvar, u tesporta l-birra msejħa “Budweiser Budvar”, b’mod partikolari lejn l-Awstrija.

    29      Ammersin tikkummerċjalizza b’mod partikolari l-birra tat-trade mark American Bud prodotta mill-birrerija Anheuser-Busch li hija tixtri mingħand il-kumpannija Josef Sigl KG (iktar ’il quddiem “Josef Sigl”), stabbilita f’Obertrum (l-Awstrija), importatriċi esklużiva ta’ din il-birra fl-Awstrija.

    30      B’att promotur tat-22 ta’ Lulju 1999, Budvar talbet lill-qorti tar-rinviju sabiex tordna lil Ammersin li ma tużax, fit-territorju Awstrijak, fil-kuntest ta’ l-attività kummerċjali tagħha, id-denominazzjoni Bud jew denominazzjonijiet oħra li jixxiebhu li jistgħu jagħtu lok għal konfużjoni, għal birra jew merkanzija li tixxiebah jew fir-rigward ta’ dawn il-prodotti, ħlief jekk dawn ikunu prodotti ta’ Budvar. Minbarra dan, hija talbet it-tneħħija tad-denominazzjonijiet kollha li jmorru kontra din il-projbizzjoni, kif ukoll kontra l-għoti ta’ rendikont u kontra l-pubblikazzjoni tal-kawża. Ir-rikors kien jinkludi wkoll talba għal miżuri provviżorji.

    31      Ir-rikors ta’ Budvar fil-kawża prinċipali huwa bbażat, essenzjalment, fuq żewġ motivi distinti.

    32      L-ewwel nett, Budvar issostni li t-trade mark American Bud, irreġistrata bħala trade mark għal Anheuser-Busch, tippreżenta xebh li jagħti lok għal konfużjoni skond il-leġiżlazzjoni kontra l-kompetizzjoni żleali, mat-trade marks prijoritarji tagħha stess li jibbenefikaw minn protezzjoni fl-Awstrija, jiġifieri Budweiser, Budweiser Budvar u Bud.

    33      It-tieni nett, Budvar issostni li l-użu tad-denominazzjoni American Bud għal birra li ġejja minn Stat li mhuwiex ir-Repubblika Ċeka jmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni bilaterali minħabba li d-denominazzjoni Bud, imsemmija fl-Anness B tal-ftehim bilaterali, tikkostitwixxi denominazzjoni protetta, skond l-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni, li barra minn hekk hija rriżervata esklużivament għall-prodotti Ċeki.

    34      Fil-15 ta’ Ottubru 1999, il-qorti tar-rinviju ordnat il-miżuri provviżorji mitluba minn Budvar.

    35      Ir-rikors ippreżentat minn Ammersin kontra dawn il-miżuri quddiem l-Oberlandesgericht Wien (l-Awstrija) ma ġiex milqugħ u l-appell ippreżentat quddiem l-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) ġie miċħud. Peress illi l-proċeduri għal miżuri provviżorji tlestew, il-Handelsgericht Wien bħalissa qed tikkunsidra din il-kawża fir-rigward tal-mertu.

    36      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, qabel ma ppreżentat ir-rikors fil-kawża prinċipali, Budvar kienet diġà ppreżentat, quddiem il-Landesgericht Salzburg (l-Awstrija), rikors identiku, kemm fir-rigward tas-suġġett tiegħu kif ukoll fuq il-bażi legali tiegħu, għal dak ippreżentat fil-kawża prinċipali, iżda magħmul kontra Josef Sigl.

    37      F’din il-kawża parallela, il-Landesgericht Salzburg ordnat il-miżuri provviżorji mitluba u l-Oberlandesgericht Linz (l-Awstrija) ma laqgħetx l-appell ippreżentat kontra dan id-digriet. B’digriet tal-1 ta’ Frar 2000, l-Oberster Gerichtshof ċaħdet ir-rikors f’“Reviżjoni” kontra d-digriet mogħti fl-appell u kkonfermat il-miżuri provviżorji.

    38      Il-qorti tar-rinviju tindika li dan id-digriet ta’ l-Oberster Gertichtshof huwa bbażat essenzjalment fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

    39      L-Oberster Gerichtshof, li llimitat l-eżami tagħha fuq il-motiv ibbażat fuq il-konvenzjoni bilaterali, iddeċidiet li l-projbizzjoni mitluba fir-rigward ta’ Josef Sigl, il-konvenut, tista’ tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija fis-sens ta’ l-Artikolu 28 KE.

    40      Madankollu, hija kkunsidrat li dan l-ostakolu huwa kompatibbli ma’ l-Artikolu 28 KE minħabba li l-protezzjoni tad-denominazzjoni Bud, kif prevista mill-konvenzjoni bilaterali, taqa’ taħt il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali fis-sens ta’ l-Artikolu 30 KE.

    41      Skont il-qorti tar-rinviju, jidher li l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li d-denominazzjoni Bud hija “indikazzjoni ġeografika sempliċi jew indikazzjoni ta’ provenjenza indiretta”, jiġifieri indikazzjoni li ma tippresupponix li garanziji assoċjati mad-denominazzjoni ta’ oriġini – bħall-produzzjoni bl-osservanza ta’ regoli ta’ kwalità jew ta’ manifattura stabbiliti u kkontrollati mill-awtoritajiet, jew il-karatteristiċi partikolari tal-prodott – jiġu osservati. Barra minn hekk, id-denominazzjoni Bud tibbenefika minn “protezzjoni assoluta”, jiġifieri indipendenti minn kull riskju ta’ konfużjoni jew ta’ qerq.

    42      Fid-dawl ta’ l-argumenti żviluppati quddiemha, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li jeżisti dubju raġonevoli fir-rigward tar-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi ta’ dritt Komunitarju li l-kawża prinċipali tqajjem, b’mod partikolari minħabba li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk l-indikazzjonijiet ta’ provenjenza ġeografika imsejħa “sempliċi”, li ma jinkludux ir-riskju ta’ qerq, jaqgħux ukoll taħt il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali fis-sens ta’ l-Artikolu 30 KE.

    43       F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Handelsgericht Wien iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1) L-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ trattat bilaterali konkluż bejn Stat Membru u pajjiż terz li, għal indikazzjoni ġeografika sempliċi/indiretta li fil-pajjiż ta’ l-oriġini mhijiex la l-isem ta’ reġjun u lanqas isem ta’ post jew ta’ pajjiż, tagħti il-protezzjoni assoluta, indipendenti minn kull riskju ta’ qerq, ta’ indikazzjoni ġeografika kif deskritta fir-Regolament Nru 2081/92, hija kompatibbli ma’ l-Artikolu 28 KE u/jew mar-Regolament Nru 2081/92 jekk l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tippermetti illi l-importazzjoni ta’ prodott legalment ikkummerċjalizzat fi Stat Membru ieħor tiġi ostakolata?

    2)      Dan japplika wkoll meta l-indikazzjoni ġeografika, li fil-pajjiż ta’ l-oriġini la hija l-isem ta’ reġjun u lanqas l-isem ta’ post jew ta’ pajjiż, ma tkunx kkunsidrata, fil-pajjiż ta’ l-oriġini, bħala isem ġeografiku ta’ prodott speċifiku u lanqas ma tkun kkunsidrata bħala indikazzjoni ġeografika sempliċi jew indiretta?

    3)      Ir-risposti għall-ewwel u għat-tieni domandi japplikaw ukoll meta t-trattat bilaterali huwa trattat li l-Istat Membru kkonkluda qabel l-adeżjoni tiegħu fl-Unjoni Ewropea u li huwa żamm, wara l-adeżjoni tiegħu fl-Unjoni Ewropea, permezz ta’ dikjarazzjoni tal-Gvern federali, ma’ Stat li daħal minflok it-tieni Stat kontraenti inizjali?

    4)      It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 307 jimponi fuq l-Istat Membru li jagħti lil tali konvenzjoni bilaterali konkluża qabel l-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ dan l-Istat Membru bejnu u bejn pajjiż terz, interpretazzjoni konformi mad-dritt Komunitarju skond l-Artikolu 28 KE u/jew mar-Regolament Nru 2081/92 b’tali mod li l-protezzjoni li hija tagħti lil indikazzjoni ġeografika sempliċi/indiretta, li fil-pajjiż ta’ l-oriġini mhijiex la l-isem ta’ reġjun u lanqas l-isem ta’ post jew ta’ pajjiż, timplika biss protezzjoni mir-riskju ta’ qerq, iżda mhux protezzjoni assoluta ta’ indikazzjoni ġeografika kif deskritta fir-Regolament Nru 2081/92?”

    Fuq id-domandi preliminari

     Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

     Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

    44      Budvar issostni li l-kawża prinċipali tikkonċerna dispożizzjonijiet ta’ trattat bilaterali konkluż bejn Stat Membru u pajjiż terz, fir-rigward ta’ liema, bis-saħħa ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 307 KE, id-dritt Komunitarju mhuwiex applikabbli. L-interpretazzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet taqa’ esklużivament fi ħdan il-qorti nazzjonali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, deċiżjoni dwar id-domandi preliminari la hija meħtieġa u lanqas ammissibbli.

    45      Skont il-Gvern Awstrijak, il-parti ta’ l-ewwel domanda dwar il-kompatibbiltà tal-protezzjoni mogħtija mill-konvenzjoni bilaterali mar-Regolament Nru 2081/92 hija inammissibli. Fil-fatt, din hija kwistjoni ipotetika peress li d-digriet tar-rinviju ma jindikax jekk hemmx applikazzjoni jew jekk hiex ippjanata applikazzjoni fis-sens ta’ dan ir-regolament għal xi wieħed mill-prodotti kkonċernati.

    46      Il-Kummissjoni ssostni li tqum il-kwistjoni jekk id-domandi preliminari humiex ipotetiċi u, bħala tali, inammissibli, b’mod partikolari minħabba t-tliet ċirkustanzi li ġejjin: il-qorti tar-rinviju, fid-digriet tar-rinviju tagħha tal-1 ta’ Frar 2000, manifestament ma taqbilx ma’ l-interpretazzjoni mogħtija mill-Oberster Gerichtshof tal-konvenzjoni bilaterali dwar il-protezzjoni assoluta mogħtija minn din ta’ l-aħħar, hija ma tindikax taħt liema tip ta’ protezzjoni, fl-opinjoni tagħha, jaqa’ l-isem in kwistjoni fil-kawża prinċipali u lanqas tispeċifika jekk hijiex marbuta bl-imsemmija interpretazzjoni.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    47      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita bl-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi. Ir-rifjut li tiddeċiedi dwar domanda preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, Ġabra p. I‑2099, punti 38 u 39).

    48      Skont Budvar id-domandi preliminari mhumiex ammissibbli peress li l-kawża prinċipali, fir-rigward ta’ l-applikabbiltà ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 307 KE, tirrigwarda biss l-interpretazzjoni tar-regoli tal-liġi nazzjonali, jiġifieri l-konvenzjoni u l-ftehim bilaterali (iktar ’il quddiem it-“trattati bilaterali in kwistjoni”), filwaqt li d-dritt Komunitarju mhuwiex applikabbli f’din il-kawża.

    49      Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat l-ewwel nett f’dan ir-rigward li t-tielet u r-raba’ domandi jikkonċernaw speċifikament l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 307 KE fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali, filwaqt li l-ewwel u t-tieni domandi jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, jiġifieri dawk ta’ l-Artikoli 28 KE u 30 KE, kif ukoll tar-Regolament Nru 2081/92, sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tevalwa l-kompatibbiltà tar-regoli nazzjonali in kwistjoni mad-dritt Komunitarju. Ir-rilevanza ta’ tali evalwazzjoni fid-dawl ta’ eventwali applikazzjoni ta’ l-Artikolu 307 KE għall-imsemmija kawża ma għandhiex titpoġġa f’dubju.

    50      Fir-rigward, imbagħad, ta’ l-argument tal-Gvern Awstrijak li l-parti ta’ l-ewwel domanda dwar ir-Regolament Nru 2081/92 hija ipotetika, għandu jiġi kkonstatat li l-kawża prinċipali tirrigwarda t-talba minn Budvar ta’ dritt li jwassal sabiex Ammersin tiġi pprojbita milli tikkummerċjalizza ċerti prodotti taħt isem protett u l-kompatibbiltà ta’ tali projbizzjoni mas-sistema stabbilita bir-Regolament Nru 2081/92 hija kkontestata, indipendentement mill-eżistenza ta’ eventwali reġistrazzjoni taħt is-sistema ta’ l-imsemmi regolament. Din id-domanda għalhekk mhija bl-ebda mod ipotetika.

    51      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-argumenti tal-Kummissjoni, huwa biżżejjed li tingħata risposta li l-ipoteżi li l-qorti tar-rinviju tagħmel fir-rigward ta’ l-isem in kwistjoni fil-kawża prinċipali huma biss premessi sabiex saru d-domandi preliminari u li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex mitluba tivverifika l-fondatezza tagħhom.

    52      Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

     Fuq il-mertu

     Fuq l-ewwel domanda

    53      Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 2081/92 jew l-Artikolu 28 KE jipprekludux l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ trattat bilaterali, konkluż bejn Stat Membru u pajjiż terz li, għal indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika sempliċi u indiretta ta’ dan il-pajjiż terz, tagħti protezzjoni fl-Istat Membru importatur li hija indipendenti minn kull riskju ta’ qerq u li tippermetti illi l-importazzjoni ta’ prodott legalment ikkummerċjalizzat fi Stat Membru ieħor tiġi ostakolata.

    54      Din id-domanda tirrigwarda l-ipoteżi li l-isem Bud jikkostitwixxi indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika sempliċi u indiretta, jiġifieri isem li għalih ma teżistix konnessjoni diretta bejn, minn naħa, kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott u, min-naħa l-oħra, l-oriġini ġeografika speċifika tiegħu u li, għalhekk, ma jaqax taħt l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament Nru 2081/92 (ara s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2000, Warsteiner Brauerei, C-312/98, Ġabra p. I-9187, punti 43 u 44), isem li, minbarra dan, mhuwiex bħala tali isem ġeografiku, iżda li ta’ l-inqas huwa idoneu sabiex jinforma lill-konsumatur li l-prodott li għandu dan l-isem ġie minn post, minn reġjun jew minn pajjiż speċifiku (ara s-sentenza tal-10 ta’ Novembru 1992, Exportur, C-3/91, Ġabra p. I-5529, punt 11).

    –        Fir-rigward tar-Regolament Nru 2081/92

     Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

    55      Budvar issostni li l-isem Bud huwa abbrevjazzjoni ta’ l-isem tal-belt ta’ Budweis, li l-isem Ċek tagħha huwa Česke Budĕjovice, il-post ta’ l-oriġini tal-birra tagħha, u għalhekk, jinkludi riferiment ġeografiku, li għandu rabta mat-tradizzjoni fil-manifattura tal-birer ta’ l-imsemmija belt u jirreferi b’mod partikolari għar-reputazzjoni dinjija tal-birra ta’ Budweis li hija dovuta għall-kwalità eċċellenti tagħha.

    56      Skont Budvar, l-isem Bud – protett fl-Awstrija permezz tal-konvenzjoni bilaterali – jikkostitwixxi għalhekk indikazzjoni ġeografika jew denominazzjoni ta’ oriġini kwalifikata, jiġifieri indikazzjoni jew denominazzjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ reġistrazzjoni skond ir-Regolament Nru 2081/92.

    57      F’dan ir-rigward, Budvar issostni li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Warsteiner Brauerei, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47) jirriżulta li r-Regolament Nru 2081/92 ma jipprekludix sistema nazzjonali ta’ protezzjoni, bħal dik li tirriżulta mill-konvenzjoni bilaterali, ta’ indikazzjoni ġeografika jew ta’ denominazzjoni ta’ oriġini kwalifikata bħal Bud.

    58      Barra minn hekk Budvar tenfasizza li, fil-każ fejn l-isem Bud, kif protett bil-konvenzjoni bilaterali, ma jikkostitiwixxix indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika sempliċi – jiġifieri indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika fir-rigward tagħha ma teżisti l-ebda rabta bejn il-karatteristiċi tal-prodott u l-provenjenza ġeografika tiegħu –, is-sentenza Warsteiner Brauerei, iċċitata iktar ’il fuq, b’mod partikolari fil-punt 54 tagħha, tindika li, iktar u iktar, ir-Regolament Nru 2081/92 ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ din il-protezzjoni nazzjonali, peress li tali indikazzjonijiet manifestament ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmi regolament.

    59      Skont Budvar, ir-Regolament Nru 2081/92 jirregola biss il-protezzjoni ta’ portata Komunitarja tad-denominazzjonijiet li huwa jsemmi. Minn dan jirriżulta li, taħt il-protezzjoni purament nazzjonali li tirriżulta mill-konvenzjoni bilaterali, id-differenza li għamlet il-qorti tar-rinviju bejn l-indikazzjonijiet ta’ provenjenza ġeografika sempliċi u l-indikazzjonijiet kwalifikati mhijiex rilevanti. Fir-rigward tas-sentenza Warsteiner Brauerei, iċċitata iktar ’il fuq, b’mod partikolari l-punti 43 u 44 tagħha, din is-soluzzjoni tapplika wkoll indipendentement minn kull riskju ta’ qerq.

    60      Ammersin issostni li s-sentenza Warsteiner Brauerei, iċċitata iktar ’il fuq, ma twassalx għal risposta għad-domanda li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, jiġifieri jekk il-protezzjoni assoluta rriżervata mir-Regolament Nru 2081/92 għall-indikazzjonijiet ġeografiċi u għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini kwalifikati tistax tingħata fil-livell ta’ l-Istati Membri parallelament mas-sistema stabbilita b’dan ir-regolament.

    61      Din id-domanda għandu jkollha risposta negattiva peress illi mis-suġġett, mill-għan u mill-istruttura tar-regolament jirriżulta li dan ta’ l-aħħar huwa eżawrjenti in kwantu jagħti protezzjoni assoluta. Ammersin tirrileva, fl-ewwel lok, li dan ir-regolament jissuġġetta l-protezzjoni ta’ isem għal kundizzjonijiet stretti, li jirrikjedu li dan ikun l-isem ta’ post jew li jkun hemm rabta diretta bejn il-kwalità tal-prodott ikkonċernat u l-post li minnu dan ikun ġej (Artikolu 2(2) ta’ l-imsemmi regolament), u fit-tieni lok, li din il-protezzjoni hija mogħtija biss wara proċedura obbligatorja ta’ notifika, verifika u reġistrazzjoni li tirriżulta b’mod partikolari f’kontroll iddettaljat fir-rigward tal-konformità ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (Artikoli 4 et seq ta’ l-istess regolament).

    62      Skont Ammersin, minn dan jirriżulta li r-Regolament Nru 2081/92 jipprekludi sistemi nazzjonali ta’ protezzjoni li jagħtu protezzjoni assoluta għal indikazzjonijiet ġeografiċi jew għal denominazzjonijiet ta’ oriġini, li mhemmx garanzija li jissodisfaw ir-rekwiżiti stretti stipulati mill-imsemmi regolament.

    63      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92, li minnu jirriżulta li sistemi nazzjonali ta’ protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ta’ provenjenza ġeografika kwalifikati, inklużi dawk ibbażati fuq konvenzjonijiet bilaterali, ma jistgħux jinżammu iktar mis-sitt xhur stipulati f’din id-dispożizzjoni ħlief jekk ikunu ġew notifikati lill-Kummissjoni f’dan it-terminu.

    64      Madankollu l-indikazzjonijiet ta’ provenjenza protetti bis-saħħa tal-konvenzjoni bilaterali, b’mod partikolari, l-isem Bud, ma kinux is-suġġett ta’ notifika f’dan it-terminu, li skada fit-30 ta’ Ġunju 1999 fir-rigward tar-Repubblika ta’ l-Awstrija. Għaldaqstant ma jistgħux jibqgħu protetti.

    65      Il-Gvern Awstrijak jargumenta li, jekk titlaq mill-prinċipju li l-isem in kwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi biss provenjenza ġeografika sempliċi, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-protezzjoni li tagħti l-konvenzjoni bilaterali hija kompatibbli mar-Regolament Nru 2081/92.

    66      Barra minn hekk, dan il-gvern isostni illi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li r-Regolament Nru 2081/92 lanqas ma jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipproteġi l-ismijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ reġistrazzjoni skond l-imsemmi regolament.

    67      Il-Gvern Ġermaniż jinsisti li, fejn hemm indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika sempliċi, il-protezzjoni ta’ l-isem Bud, kif stipulata fil-konvenzjoni bilaterali, hija kompatibbli mar-Regolament Nru 2081/92 peress li dan japplika biss għal indikazzjonijiet ta’ provenjenza ġeografika kwalifikati, jiġifieri, indikazzjonijiet li jippreżentaw rabta intrinsika mal-karatteristiċi jew mal-kwalità tal-prodott in kwistjoni.

    68      Min-naħa l-oħra, jekk, fil-kawża prinċipali hemm indikazzjoni ta’ provenjenza kwalifikata, skond l-imsemmi gvern, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li r-Regolament Nru 2081/92 jipprovdi biss għar-reġistrazzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ta’ provenjenza li ġejjin mill-Istati Membri (ara l-Artikolu 5(4) u (5) ta’ l-imsemmi regolament). Mill-premessi ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan jitlaq mill-prinċipju li s-sistema li jipprovdi tkun kompleta bil-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi. Madankollu, sa llum, mhemmx konvenzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Ċeka.

    69      Għaldaqstant, il-protezzjoni mogħtija mill-konvenzjoni bilaterali ma tqajjimx oġġezzjonijiet, sakemm l-indikazzjonijiet ta’ provenjenza kwalifikati msemmija fiha jissodisfaw, fir-rigward tal-kontenut tagħhom, ir-rekwiżiti tar-Regolament Nru 2081/92.

    70      Il-Gvern Franċiż isostni li l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2081/92 jawtorizza ż-żamma ta’ ftehim internazzjonali konklużi qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu.

    71      Għaldaqstant ma għandux ikun hemm dubju li l-protezzjoni mogħtija mill-konvenzjoni bilaterali lill-isem Bud ma għandhiex tkun inkompatibbli mar-Regolament Nru 2081/92, iktar u iktar peress li dan l-isem ġie kkwalifikat bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Liżbona, tal-31 ta’ Ottubru 1958, dwar il-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini u r-reġistrazzjoni internazzjonali tagħhom, u ġie rreġistrat bħala tali fl-1975 mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali.

    72      Il-Kummissjoni ssostni li mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-Regolament Nru 2081/92 ma jipprekludix li konvenzjoni bilaterali tagħti, eventwalment flimkien ma’ dispożizzjonijiet nazzjonali oħra, protezzjoni assoluta, jiġifieri indipendentement minn kull użu li jwassal għal riskju ta’ qerq, lil indikazzjoni ġeografika, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li għaliha ma teżisti l-ebda rabta bejn il-karatteristiċi tal-prodott u l-provenjenza ġeografika tiegħu.

     Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

    73      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li fir-Regolament Nru 2081/92 mhemm xejn li juri li l-indikazzjonijiet ta’ provenjenza ġeografika sempliċi ma jistgħux jiġu protetti bis-saħħa ta’ liġi nazzjonali ta’ Stat Membru (ara s-sentenza Warsteiner Brauerei, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

    74      Ir-Regolament Nru 2081/92 għandu bħala għan li jiżgura protezzjoni uniformi, fil-Komunità, ta’ l-ismijiet ġeografiċi li huwa jkopri u stabbilixxa l-obbligu ta’ reġistrazzjoni Komunitarja ta’ dawn l-ismijiet sabiex dawn ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni f’kull Stat Membru, filwaqt li l-protezzjoni nazzjonali li Stat Membru jagħti lil ismijiet ġeografiċi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni skond ir-Regolament Nru 2081/92 hija rregolata mil-liġi nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru u tibqa’ fil-konfini tat-territorju ta’ dan l-Istat Membru (ara s-sentenza Warsteiner Brauerei, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

    75      Din l-interpretazzjoni mhijiex ikkontestata minħabba l-fatt li s-sistema nazzjonali ta’ protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ta’ provenjenza ġeografika in kwistjoni fil-kawża prinċipali tistipula protezzjoni assoluta, jiġifieri indipendenti minn kull riskju ta’ qerq.

    76      Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2081/92 mhuwiex iddeterminat skond tali ċirkustanza, iżda essenzjalment jiddependi mit-tip tad-denominazzjoni, fis-sens li huwa jillimita ruħu għall-ismijiet relatati ma’ prodott fil-konfront ta’ liema teżisti rabta partikolari bejn il-karatteristiċi tiegħu u l-oriġini ġeografika tiegħu kif ukoll għall-portata Komunitarja tal-protezzjoni mogħtija.

    77      Huwa stabbilit li, għall-finijiet ta’ l-ipoteżi msemmija fl-ewwel domanda, l-isem in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax ma’ l-ismijiet li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2081/92. Barra minn hekk, il-protezzjoni li dan l-isem għandu bis-saħħa tat-trattati bilaterali in kwistjoni hija limitata għat-territorju Awstrijak.

    78      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għall-ewwel domanda in kwantu tirrigwarda r-Regolament Nru 2081/92 għandha tkun li dan ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ trattat bilaterali konkluż bejn Stat Membru u pajjiż terz, li tagħti, lil indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika sempliċi u indiretta ta’ dan il-pajjiż terz, protezzjoni fl-Istat Membru importatur li hija indipendenti minn kull riskju ta’ qerq u li tippermetti illi l-importazzjoni ta’ prodott legalment ikkummerċjalizzat fi Stat Membru ieħor tiġi ostakolata.

    –        Fir-rigward ta’ l-Artikoli 28 KE u 30 KE

     Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

    79      Preliminarjament, Budvar issostni li l-kawża prinċipali tikkonċerna biss importazzjonijiet diretti fl-Awstrija li joriġinaw minn pajjiż terz, jiġifieri mill-Istati Uniti, u għalhekk ma tirrigwardax ostakolu għall-kummerċ intra-Komunitarju. Għaldaqstant, hija ma għandhiex rabta mas-suq intern u ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 28 KE.

    80      Barra minn hekk, Budvar tinsisti li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikoli 28 KE u 30 KE ma jipprekludux l-applikazzjoni ta’ regoli, stabbiliti permezz ta’ konvenzjoni internazzjonali bejn Stati Membri, dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ta’ provenjenza u ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, sakemm l-ismijiet protetti ma kisbux karattru ġeneriku fl-Istat ta’ l-oriġini fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-konvenzjoni jew iktar tard.

    81      Skont Budvar, din il-ġurisprudenza tapplika iktar u iktar f’sitwazzjoni li, bħal fil-kawża prinċipali, tirrigwarda konvenzjoni konkluża bejn Stat Membru u pajjiż terz li tagħti tali protezzjoni, peress illi huwa kkontestat – b’mod partikolari minħabba l-Artikolu 6 tal-konvenzjoni bilaterali li jistipula espressament – li l-isem Bud ma għandux u qatt ma kellu karattru ġeneriku.

    82      Ammersin issostni li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tindikax li protezzjoni assoluta ta’ isem bħal Bud hija ġġustifikata fir-rigward ta’ l-Artikolu 30 KE. Fil-fatt, huma biss ġġustifikati l-indikazzjonijiet ta’ provenjenza ġeografika sempliċi – jiġifieri, essenzjalment, ismijiet ta’ postijiet – li għandhom reputazzjoni tajba u li għall-produtturi stabbiliti fil-postijiet imsemmija jikkostitwixxu metodu essenzjali sabiex jiġbdu klijentela. L-isem Bud la huwa l-isem ta’ post u lanqas għandu reputazzjoni mal-konsumaturi.

    83      Barra minn hekk, Ammersin tinsisti li l-isem Bud lanqas ma jista’ jkun iġġustifikat skond l-Artikolu 28 KE, jiġifieri raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari dik relatata mal-protezzjoni tal-konsumaturi jew mal-kummerċ ġust. Fil-fatt, sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, hija biżżejjed protezzjoni kontra riskji ta’ qerq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, protezzjoni assoluta tkun manifestament sproporzjonata.

    84      Il-Gvern Awstrijak isostni li, skond il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 28 KE ma jipprekludix restrizzjonijiet għall-importazzjoni u għall-esportazzjoni li huma ġġustifikati minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali skond l-Artikolu 30 KE, in kwantu tali restrizzjonijiet huma ġġustifikati minħabba l-protezzjoni tad-drittijiet li huma s-suġġett speċifiku ta’ din il-proprjetà.

    85      Din il-ġustifikazzjoni tkopri wkoll l-indikazzjonijiet ta’ provenjenza ġeografika sempliċi u l-indikazzjonijiet ta’ provenjenza ġeografika indiretti.

    86      Dan il-gvern isostni li l-ismijiet protetti bil-konvenzjoni bilaterali – anki jekk ma jikkostitwixxux indikazzjonijiet ġeografiċi jew denominazzjonijiet ta’ oriġini kwalifikati li jistgħu jaqgħu taħt ir-Regolament Nru 2081/92 – għandhom reputazzjoni partikolari li tista’ tiġġustifika r-restrizzjonijiet għall-moviment ħieles tal-merkanzija.

    87      Dawn l-ismijiet kellhom jitniżżlu fl-annessi tal-ftehim bilaterali fuq proposta ta’ l-entitajiet nazzjonali interessati, abbażi ta’ l-aspettattivi tal-konsumaturi u bi qbil mill-qrib mal-gruppi ta’ interess kompetenti u l-amministrazzjonijiet.

    88      L-għan tal-konvenzjoni bilaterali kellu jkun li d-denominazzjonijiet protetti ma jintużawx b’mod abbużiv u jsiru denominazzjonijiet ġeneriċi.

    89      Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-protezzjoni li l-konvenzjoni bilaterali tagħti lill-indikazzjonijiet ta’ provenjenza ġeografika sempliċi hija miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva skond l-Artikolu 28 KE, li hija madankollu ġġustifikata skond l-Artikolu 30 KE, minħabba protezzjoni ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali, jew sussidjarjament, skond l-Artikolu 28 KE, bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, relatata b’mod partikolari mal-kummerċ ġust jew mal-protezzjoni tal-konsumaturi.

    90      Fir-rigward ta’ l-Artikolu 30 KE, il-Gvern Ġermaniż isostni li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-projbizzjoni li jintuża l-isem Bud, li ġejja mill-konvenzjoni bilaterali, tipproteġi l-proprjetà kummerċjali fuq l-indikazzjonijiet ta’ provenjenza skond dan l-Artikolu u tista’, għalhekk, tiġġustifika ostakolu pprojbit mill-Artikolu 28 KE.

    91      Li kieku kien deċiż li l-isem in kwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi indikazzjoni ta’ provenjenza sempliċi, minn dan kien jirriżulta li din l-indikazzjoni hija protetta kontra r-riskju li r-reputazzjoni tagħha tintuża b’mod abbużiv. Barra minn hekk, ma jkunx rilevanti li din l-indikazzjoni effettivament għandha reputazzjoni jew li persuna mhux awtorizzata, billi kkummerċjalizzat il-prodotti tagħha, effettivament użat ir-reputazzjoni ta’ l-indikazzjoni ta’ provenjenza.

    92      Il-Gvern Ġermaniż jinsisti, sussidjarjament, li r-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari dawk relatati mal-kummerċ ġust u l-protezzjoni tal-konsumaturi, jawtorizzaw lill-Istati Membri sabiex jadottaw dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam ta’ l-użu ta’ indikazzjonijiet qarrieqa, mingħajr ma jitolbu li l-konsumaturi jkunu effettivament ġew influwenzati mill-qerq. Barra minn hekk, dan huwa kkonfermat minn diversi direttivi.

    93      Il-Kummissjoni ssostni li l-projbizzjoni li fl-Awstrija tiġi kkummerċjalizzata l-birra bl-isem American Bud, li tirriżulta mill-konvenzjoni bilaterali, tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva għall-importazzjoni, skond l-Artikolu 28 KE, li hija ġġustifikata peress li tikkonċerna l-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali skond l-Artikolu 30 KE.

    94      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ismijiet ġeografiċi bħal Bud, li jgawdu protezzjoni assoluta bis-saħħa ta’ konvenzjoni internazzjonali minkejja li ma teżisti l-ebda rabta bejn il-karatteristiċi tal-prodotti kkonċernati u l-provenjenza ġeografika tagħhom, jaqgħu taħt il-ġustifikazzjoni relatata mal-proprjetà industrijali u kummerċjali stipulata fl-Artikolu 30 KE.

     Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

    95      Għandu jitfakkar li l-Artikoli 28 KE u 30 KE huma applikabbli mingħajr distinzjoni għall-prodotti li joriġinaw mill-Komunità u għal dawk li tpoġġew fis-suq fi ħdan xi Stat Membru, tkun xi tkun l-ewwel oriġini ta’ dawn il-prodotti. Huwa għalhekk taħt dawn ir-riżervi li l-imsemmija artikoli huma applikabbli fir-rigward tal-birra tat-trade mark American Bud in kwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 1989, Nijman, 125/88, Ġabra p. 3533, punt 11).

    96      Fil-kawża prinċipali, il-projbizzjoni li fl-Awstrija ma tistax tiġi kkumerċjalizzata, taħt l-isem Bud, birra li ġejja minn pajjiżi oħra u mhux mir-Repubblika Ċeka, projbizzjoni li tirriżulta mill-konvenzjoni bilaterali, hija tali li taffettwa l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat b’dan l-isem li ġejjin minn Stati Membri oħra u tikkostitwixxi ostakolu għall-kummerċ intra-Komunitarju. Tali liġi tikkostitwixxi, minħabba f’hekk, miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fis-sens ta’ l-Artikolu 28 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Nijman, punt 12, u Exportur, punti 19 u 20).

    97      Leġiżlazzjoni nazzjonali li fir-rigward ta’ prodotti li ġejjin minn pajjiżi terzi li tpoġġew fis-suq fi Stati Membri oħra, fejn huma kkummerċjalizzati legalment, tipprojbixxi l-użu ta’ isem ġeografiku ċertament ma teskludix b’mod assolut, l-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti fl-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, hija tagħmel il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom iktar diffiċli u, konsegwentement, tostakola l-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2000, Guimont, C-448/98, Ġabra p. I-10663, punt 26).

    98      Għaldaqstant għandu jiġi evalwat jekk din ir-restrizzjoni għall-moviment ħieles tal-merkanzija tistax tiġi ġġustifikata fir-rigward tad-dritt Komunitarju.

    99      Fir-rigward ta’ protezzjoni assoluta ta’ indikazzjoni ġeografika mogħtija minn konvenzjoni bilaterali, essenzjalment ta’ l-istess natura bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għan ta’ tali konvenzjoni li jikkonsisti li jipprevjeni li l-prodotturi ta’ Stat kontraenti jutilizzaw l-ismijiet ġeografiċi ta’ Stat ieħor, billi jużaw għalhekk ir-reputazzjoni li hija marbuta mal-prodotti ta’ l-impriżi stabbiliti fir-reġjuni jew il-postijiet li dawn l-ismijiet jindikaw, huwa intiż sabiex jiżgura l-kompetizzjoni ġusta. Tali għan jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jaqa’ taħt il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali skond l-Artikolu 30 KE, sakemm l-ismijiet in kwistjoni ma jkunux kisbu, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-konvenzjoni jew wara din id-data, natura ġenerika fl-Istat ta’ oriġini (ara s-sentenzi Exportur, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37, u tal-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola, C-87/97, Ġabra. p. I-1301, punt 20).

    100    Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikoli 1, 2 u 6 tal-konvenzjoni bilaterali, tali għan jikkostitwixxi l-bażi tal-qafas ta’ regoli ta’ protezzjoni stabbilit bit-trattati bilaterali in kwistjoni.

    101    Għaldaqstant, jekk minn verifiki tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li, skond il-kundizzjonijiet ta’ fatt u l-kunċetti prevalenti fir-Repubblika Ċeka, l-isem Bud jindika reġjun jew parti mit-territorju ta’ dan l-Istat u li l-protezzjoni tiegħu hija ġġustifikata fir-rigward tal-kriterji ta’ l-Artikolu 30 KE, dan ukoll ma jipprekludix li din il-protezzjoni tiġi estiża għat-territorju ta’ Stat Membru, bħal, f’dan il-każ, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Exportur, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

    102    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għall-ewwel domanda, fir-rigward ta’ l-Artikoli 28 KE u 30 KE għandha tkun li dawn ma jipprekludux l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ trattat bilaterali konkluż bejn Stat Membru u pajjiż terz li, fir-rigward ta’ indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika sempliċi u indiretta jagħti protezzjoni fl-Istat Membru kkonċernat li hija indipendenti minn kull riskju ta’ qerq u li tippermetti illi l-importazzjoni ta’ prodott legalment ikkummerċjalizzat fi Stat Membru ieħor tiġi ostakolata, sakemm l-isem protett ma kisibx, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan it-trattat jew wara din id-data, natura ġenerika fl-Istat ta’ oriġini (ara s-sentenza Exportur, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

    103    Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 28 KE u r-Regolament Nru 2081/92 ma jipprekludux l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ trattat bilaterali konkluż bejn Stat Membru u pajjiż terz, li fir-rigward ta’ indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika sempliċi u indiretta, jagħti protezzjoni fl-Istat Membru importatur li hija indipendenti minn kull riskju ta’ qerq u li tippermetti illi l-importazzjoni ta’ prodott legalment ikkummerċjalizzat fi Stat Membru ieħor tiġi ostakolata.

     Fuq it-tieni domanda

    104    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 2081/92 jew l-Artikolu 28 KE jipprekludux l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ trattat bilaterali konkluż bejn Stat Membru u pajjiż terz li fir-rigward ta’ isem li la direttament u lanqas indirettament ma jirreferi, f’dan il-pajjiż, għall-provenjenza ġeografika tal-prodott, jagħti protezzjoni fl-Istat Membru kkonċernat li hija indipendenti minn kull riskju ta’ qerq u li tippermetti illi l-importazzjoni ta’ prodott legalment ikkummerċjalizzat fi Stat Membru ieħor tiġi ostakolata.

     Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

    105    Budvar issostni li l-protezzjoni mogħtija mill-konvenzjoni bilaterali lill-isem Bud mhijiex inkompatibbli ma’ l-Artikolu 28 KE ħlief jekk numru ta’ ideat fl-indikazzjoni protetta, li jibdlu l-kliem kollu tal-post tal-produzzjoni tal-prodott protett, minn naħa waħda, u l-prodott protett minn din l-indikazzjoni fl-isem konkret tiegħu u fil-post tal-produzzjoni tiegħu, min-naħa l-oħra, kienu totalment esklużi kemm fl-Istat Membru kkonċernat kif ukoll fil-pajjiż terz. L-applikazzjoni ta’ tali protezzjoni hija kompatibbli mar-Regolament Nru 2081/92 anki jekk tali ideat flimkien kienu totalment esklużi.

    106    Ammersin u l-Gvern Ġermaniż isostnu li, jekk l-isem Bud mhuwiex ikkunsidrat fil-pajjiż ta’ oriġini bħala denominazzjoni ġeografika għal prodott speċifiku, u lanqas bħala indikazzjoni ġeografika sempliċi jew indiretta, il-protezzjoni ta’ tali isem ma għandhiex tkun iġġustifikata minħabba l-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali, skond l-Artikolu 30 KE.

     Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

    107    Jekk mill-verifiki magħmula mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, skond il-kundizzjonijiet ta’ fatt u l-kunċetti prevalenti fir-Repubblika Ċeka, l-isem Bud la direttament u lanqas indirettament ma jindika reġjun jew parti mit-territorju ta’ dan l-Istat, tqum allura l-kwistjoni dwar jekk protezzjoni assoluta ta’ dan l-isem kif stipulata fil-konvenzjoni bilaterali, li tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment ħieles tal-merkanzija (ara l-punti 96 u 97 ta’ din is-sentenza) tistax tiġi ġġustifikata fid-dritt Komunitarju fir-rigward ta’ l-Artikolu 30 KE jew ta’ xi titolu ieħor.

    108    F’każ bħal dan, u bla ħsara għal protezzjoni eventwali permezz ta’ drittijiet speċifiċi bħad-dritt tat-trade marks, il-protezzjoni ta’ l-imsemmi isem ma għandhiex tkun iġġustifikata minħabba l-protezzjoni industrijali u kummerċjali skond l-Artikolu 30 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Exportur, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37, u tas-7 ta’ Mejju 1997, Pistre et, C-321/94 sa C-324/94, Ġabra p. I-2343, punt 53).

    109    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi evalwat jekk dan l-ostakolu jistax jiġi ġġustifikat minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali bħal dik relatata mal-kummerċ ġust u l-protezzjoni tal-konsumaturi.

    110    Li kieku kien stabbilit illi l-isem Bud ma fih ebda riferiment għall-provenjenza ġeografika tal-prodotti li jużaw dan l-isem, ikun hemm lok li jiġi kkonstatat li mill-provi prodotti mill-qorti tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta bl-ebda mod li l-protezzjoni ta’ dan l-isem tista’ tevita li operaturi ekonomiċi ma jiksbux vantaġġ inġust jew li l-konsumaturi ma jitqarrqux fir-rigward ta’ xi karatteristika ta’ l-imsemmija prodotti.

    111    Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 28 KE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ trattat bilaterali konkluż bejn Stat Membru u pajjiż terz li fir-rigward ta’ isem li f’dan il-pajjiż la direttament u lanqas indirettament ma jirreferi għall-provenjenza ġeografika tal-prodott li juża dan l-isem, tagħti protezzjoni fl-Istat Membru importatur li hija indipendenti minn kull riskju ta’ qerq u li tippermetti illi l-importazzjoni ta’ prodott legalment ikkummerċjalizzat fi Stat Membru ieħor tiġi ostakolata.

     Fuq it-tielet u r-raba’ domandi

    112    Permezz tat-tielet u r-raba’ domandi, li għandhom jiġu evalwati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 307 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil qorti ta’ Stat Membru, li tapplika dispożizzjonijiet ta’ trattati bilaterali bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, konklużi bejn dan l-Istat u pajjiż terz, li jinkludu l-protezzjoni ta’ isem ta’ dan il-pajjiż terz, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet jirriżultaw li jmorru kontra r-regoli tat-Trattat KE, għar-raġuni li dan huwa obbligu li jirriżulta minn konvenzjonijiet konklużi preċedentement għad-data ta’ adeżjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ l-Istat Membru kkonċernat, u jekk it-tieni paragrafu ta’ l-imsemmi artikolu jobbligax lil din il-qorti nazzjonali li tagħti interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li tkun konformi mad-dritt Komunitarju.

     Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

    113    Budvar tirrileva li l-konvenzjoni bilaterali ġiet konkluża mir-Repubblika ta’ l-Awstrija qabel l-adeżjoni tagħha fl-Unjoni Ewropea, li seħħet fl-1 ta’ Jannar 1995, u li l-komunikazzjoni tal-Kanċillier Federali, li saret fl-1997, jiġifieri wara din l-adeżjoni, għandha, fi kliemha stess, valur purament dikjaratorju. Skont Budvar, il-konvenzjoni bilaterali ma nżammitx permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, iżda baqgħet fis-seħħ wara li r-Repubblika Federattiva Ċeka u Slovakka nqasmet fl-1 ta’ Jannar 1993 bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku dwar meta Stat jinħoloq mill-qsim ta’ Stat ieħor.

    114    F’dawn iċ-ċirkustanzi, Budvar issostni li r-Repubblika ta’ l-Awstrija setgħet, bis-saħħa ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 307 KE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jew saħanistra kellha, bis-saħħa tad-dritt internazzjonali pubbliku, tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiżgura l-protezzjoni ta’ l-isem Bud stipulata bil-konvenzjoni bilaterali, minkejja kull dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju.

    115    Budvar issostni li, anki kieku, fir-rigward tal-protezzjoni stipulata bil-konvenzjoni bilaterali, kien hemm konflitt bejn din u d-dritt Komunitarju, l-istituzzjonijiet Komunitarji ma setgħux, skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 307 KE, japplikaw id-dritt Komunitarju primarju u sekondarju kollu sakemm dan il-kunflitt jiġi riżolt, jekk ikun il-każ, permezz tat-terminazzjoni eventwali tal-konvenzjoni bilaterali.

    116    Il-metodi addattati sabiex jiġu eliminati eventwali inkompatibbilitajiet bejn konvenzjoni ffirmata qabel l-adeżjoni ta’ Stat Membru fl-Unjoni Ewropea u t-Trattat ma jistgħux, skond Budvar, ikunu oħrajn ħlief dawk awtorizzati mid-dritt internazzjonali pubbliku, bħan-negozjar mill-ġdid jew interpretazzjoni konformi mad-dritt Komunitarju ta’ din il-konvenzjoni.

    117    Mhuwiex maħsub li l-konvenzjoni bilaterali terġa’ tiġi negozjata mill-ġdid. Mill-kliem ta’ l-Artikolu 7(1) ta’ din il-konvenzjoni, dispożizzjoni li f’dan ir-rigward mhijiex ekwivoka, jirriżulta li l-protezzjoni li din tagħti lill-isem ikkonċernat hija indipendenti minn kull riskju ta’ konfużjoni jew ta’ qerq.

    118    Ammersin issostni li, fil-kawża prinċipali, l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 307 KE mhuwiex applikabbli peress li, fid-data ta’ l-adeżjoni tagħha fl-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija ma kellha l-ebda obbligu li jirriżulta minn din il-konvenzjoni bilaterali.

    119    Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija ma kellhiex obbligu ta’ dritt internazzjonali qabel il-komunikazzjoni tal-Kanċillier Federali, inkluż fid-data ta’ l-adeżjoni tagħha fl-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, ma teżisti l-ebda użanza ta’ dritt internazzjonali meta Stat jinħoloq mill-qsim ta’ Stat ieħor abbażi ta’ liema trattati bilaterali in kwistjoni kienu jibqgħu fis-seħħ wara l-qsim tar-Repubblika Federattiva Ċeka u Slovakka.

    120    Għaldaqstant, ma kienx permezz tal-komunikazzjoni tal-Kanċillier Federali li l-obbligi li jirriżultaw mill-konvenzjoni bilaterali ġew assunti mir-Repubblika ta’ l-Awstrija fir-rigward tar-Repubblika Ċeka. Kuntrarjament għall-kliem tagħha, din il-komunikazzjoni kienet għalhekk kostituttiva.

    121    Il-konvenzjoni bilaterali tippermetti interpretazzjoni konformi mad-dritt Komunitarju fis-sens li l-isem Bud huwa protett biss kontra l-qerq effettiv bis-saħħa ta’ din il-konvenzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 7(1) ta’ din il-konvenzjoni ma jistipulax protezzjoni assoluta iżda jipprovdi l-applikazzjoni ta’ “miżuri ġudizzjarji u amministrattivi [...] previsti għall-ġlieda kontra l-kompetizzjoni żleali jew sabiex jiġu pprevenuti altrimenti d-denominazzjonijiet illegali.”

    122    Id-dritt Awstrijak u b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-kompetizzjoni żleali, jissuġġettaw it-talbiet kollha ta’ projbizzjoni fir-rigward ta’ ismijiet għall-kundizzjoni li dawn ikunu użati b’mod qarrieqi.

    123    Barra minn hekk, skond Ammersin, fil-kawża prinċipali, huwa l-Artikolu 7(2) tal-konvenzjoni bilaterali li huwa applikabbli peress li l-isem American Bud, użat bħala trade mark reġistrata, jikkostitwixxi forma modifikata ta’ l-indikazzjoni protetta skond din id-dispożizzjoni. Din it-trade mark fil-fatt tippreżenta differenzi sinjifikattivi meta mqabbla ma’ l-isem protett Bud – speċifikament fil-forma użata bħala tikketta ta’ flixkun – u l-konsumatur jaraha bħala trade mark awtonoma.

    124    F’dan ir-rigward, Ammersin issostni li t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 307 KE jispeċifika d-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 10 KE, li tipprovdi l-obbligu ġenerali għall-Istati Membri sabiex jadottaw imġiba favur il-Komunità. Mill-ġurisprudenza dwar dan l-aħħar artikolu, jirriżulta b’mod partikolari li, bl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, il-qorti nazzjonali li hija obbligata tinterpretah għandha tagħmel dan sakemm ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju ta’ livell superjuri sabiex jintlaħqu r-riżultati previsti mit-Trattat u b’hekk tkun konformi wkoll mar-Regolament Nru 2081/92 u ma’ l-Artikolu 28 KE.

    125    Il-Gvern Awstrijak jirrileva li r-Repubblika ta’ l-Awstrija u r-Repubblika Ċeka ngħaqdu ma’ l-opinjoni dominanti li l-Istati huma marbuta bit-trattati konklużi mill-Istati li huma jkunu ħadu posthom. Il-prinċipju tal-kontinwità f’sitwazzjonijiet bħal dawk tal-kawża prinċipali ġie espress fl-Artikolu 34(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar meta Stat jinħoloq mill-qsim ta’ Stat ieħor fir-rigward tat-trattati. Dan il-prinċipju huwa wkoll konformi mad-dritt internazzjonali konswetudinarju. Wara li spiċċa l-Istat li minfloku daħlet ir-Repubblika Ċeka, il-validità tat-trattati bilaterali in kwistjoni ma kienet bl-ebda mod affettwata bl-applikazzjoni tagħhom għar-relazzjonijiet bilaterali bejn ir-Repubblika ta’ l-Awstrija u r-Repubblika Ċeka.

    126    Skont dan il-gvern, il-komunikazzjoni tal-Kanċillier Federali għalhekk għandha biss valur dikjaratorju.

    127    Barra minn hekk, il-Gvern Awstrijak ifakkar li skond l-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq il-liġi tat-trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969, “T[t]rattat għandu jiġi interpretat in bona fide skond is-sens ordinarju tat-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u l-iskop tiegħu.”

    128    Skont dan il-gvern, jekk jiġi kkunsidrat is-sens li għandu jingħata lit-termini rilevanti tal-konvenzjoni bilaterali fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan kif ukoll ta’ l-iskop tagħha, dawn it-termini bl-ebda mod ma jawtorizzaw interpretazzjoni fis-sens illi Bud kien igawdi biss, bħala indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika sempliċi jew indiretta, il-protezzjoni kontra r-riskju ta’ qerq u mhux minn protezzjoni assoluta. Għalhekk tali interpretazzjoni hija mill-ewwel eskluża.

    129    Skont il-Gvern Ġermaniż, il-konvenzjoni bilaterali tinkludi drittijiet u obbligi li r-Repubblika ta’ l-Awstrija assumiet qabel l-adeżjoni tagħha fl-Unjoni Ewropea. Skont l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 307 KE, tali konvenzjoni mhijiex affettwata mid-dritt Komunitarju u konsegwentement l-applikazzjoni tagħha għandha prijorità fuqu.

    130    Il-fatt li l-pajjiż terz li kkonkluda l-konvenzjoni bilaterali, jiġifieri r-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka, ma għadux jeżisti ma għandux iwassal sabiex din l-interpretazzjoni tiġi kkontestata. Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija – bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u, sa fejn jaf il-Gvern Ġermaniż, numru ta’ Stati Membri oħra – irrikonoxxiet il-kontinwità ta’ ħafna trattati internazzjonali u għalhekk aġixxiet skond il-prassi konswetudinarja bejn l-Istati.

    131    Interpretazzjoni favur id-dritt Komunitarju, skond l-imsemmi gvern, ikollha tieħu l-forma ta’ emenda tal-konvenzjoni bilaterali wara negozjati bilaterali mill-ġdid għal dan il-għan u, fil-każ li n-negozjati ma jirnexxux, din il-konvenzjoni jkollha tiġi terminata jew sospiża. Madankollu, sadattant, il-qrati nazzjonali għandhom id-dritt li jipproteġu d-drittijiet ikkonċernati anki jekk huma kuntrarji għad-dritt Komunitarju. Dan il-gvern isostni li wara kollox, il-qorti tar-rinviju bl-ebda mod ma indikat jekk l-imsemmija konvenzjoni tistax tiġi terminata.

    132    Il-Gvern Franċiż isostni li mill-komunikazzjoni tal-Kanċillier Federali jirriżulta li t-trattati bilaterali in kwistjoni baqgħu fis-seħħ bejn ir-Repubblika ta’ l-Awstrija u r-Repubblika Ċeka, mingħajr interruzzjoni, mill-1 ta’ Jannar 1993, data li hija qabel l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija fl-Unjoni Ewropea. Din il-komunikazzjoni ma ddeċidietx iż-żamma fis-seħħ tal-konvenzjoni bilaterali sa mill-1997, iżda ħadet biss konjizzjoni ta’ dan il-fatt u informat lill-persuni individwali dwar dan. Għalhekk, dawn it-trattati ċertament huma atti internazzjonali konklużi qabel l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija fl-Unjoni Ewropea u li għalihom japplika l-Artikolu 307 KE.

    133    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skond il-prinċipji tad-dritt internazzjonali, regoli Komunitarji – f’dan il-każ l-Artikolu 28 KE u d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 2081/92 – jistgħu jiġu ineffettivi minħabba konvenzjoni internazzjonali preċedenti – f’dan il-każ il-konvenzjoni bilaterali – jekk din timponi fuq l-Istat Membru kkonċernat obbligi li l-eżekuzzjoni tagħhom għadha tista’ tintalab mill-pajjiż terz li huwa parti mill-imsemmija konvenzjoni.

    134    Skont l-imsemmi gvern, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-applikabbiltà ta’ tali konvenzjoni għandha tiġi vverifikata mill-qorti nazzjonali, li għandha wkoll tidentifika l-obbligi in kwistjoni sabiex tistabbilixxi sa fejn dawn jipprekludu l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 28 KE jew tar-Regolament Nru 2081/92.

    135    Il-Gvern Franċiż jinsisti li l-interpretazzjoni proposta mill-qorti tar-rinviju twassal, fil-kawża prinċipali, sabiex tikser il-konvenzjoni bilaterali u għalhekk ma tikkostitwixxix metodu ammissibbli fid-dritt internazzjonali sabiex tiġi riżolta eventwali inkompatibbiltà bejn l-imsemmija konvenzjoni u d-dritt Komunitarju fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 307 KE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    136    Skont l-imsemmi gvern, mill-kliem ta’ l-Artikolu 7(1) tal-konvenzjoni bilaterali, li ma fih l-ebda ambigwità, jirriżulta li l-ewwel nett huwa eskluż li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’tali mod li l-isem Bud jiġi protett bħala indikazzjoni ġeografika sempliċi jew indiretta biss kontra r-riskju ta’ qerq u konsegwentement ma jibbenefikax minn protezzjoni assoluta. Għaldaqstant, tali interpretazzjoni ma għandhiex tiġi aċċettata bħala interpretazzjoni li tissodisfa r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt Komunitarju.

    137    Il-Kummissjoni tissottometti li l-Artikolu 307 KE japplika għall-konvenzjoni bilaterali peress li din għandha effett fuq l-applikazzjoni tat-Trattat u, barra minn hekk, kienet konkluża mir-Repubblika ta’ l-Awstrija ma’ pajjiż terz żmien qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru fl-Unjoni Ewropea.

    138    Madankollu xorta tibqa’ l-kwistjoni jekk l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 307 KE japplikax ukoll għal konvenzjoni meta, bħal fil-kawża prinċipali, din il-konvenzjoni nżammet fis-seħħ għall-benefiċċju ta’ l-Istat li daħal minflok il-pajjiż terz oriġinali permezz ta’ dikjarazzjoni magħmula mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru wara l-adeżjoni ta’ dan ta’ l-aħħar fl-Unjoni Ewropea.

    139    Din id-domanda tqajjem ukoll il-kwistjoni dwar jekk id-dikjazzjoni kkonċernata hijiex ta’ natura kostituttiva.

    140    Il-Kummissjoni tissottometti li l-komunikazzjoni tal-Kanċillier Federali għandha biss effett dikjaratorju skond id-dritt internazzjonali, peress li trattat jibqa’ fis-seħħ jekk mill-aġir tal-partijiet jista’ jiġi konkluż li jaqblu dwar iż-żamma ta’ dan it-trattat.

    141    Din hija kwistjoni ta’ fatt li l-evalwazzjoni tiegħu għandha ssir mill-qorti tar-rinviju. Il-Kummissjoni ssostni li fil-proċess mhemm l-ebda informazzjoni li tindika li l-partijiet ma ridux iżommu fis-seħħ it-trattati bilaterali in kwistjoni.

    142    Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 307 KE japplika fil-kawża prinċipali u li, konsegwentement, it-Trattat ma jaffettwax la d-drittijiet u lanqas l-obbligi naxxenti mill-konvenzjoni bilaterali.

     Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

    143    Hemm lok li tingħata risposta għal din id-domanda peress li mir-risposta għat-tieni domanda jirriżulta li, fil-każ li l-isem Bud ma għandux jiġi kkunsidrat bħala isem li la direttament u lanqas indirettament ma jirreferi għall-provenjenza ġeografika tal-prodotti li jużaw dan l-isem, l-Artikolu 28 KE jipprekludi l-protezzjoni mogħtija lil dan l-isem mit-trattati bilaterali in kwistjoni.

    144    Mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 307 KE jirriżulta li d-drittijiet u l-obbligi naxxenti minn konvenzjoni konkluża qabel id-data ta’ l-adeżjoni ta’ Stat Membru bejnu u Stat terz ma għandhomx jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

    145    L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tippreċiża, skond il-prinċipji tad-dritt internazzjonali, li l-applikazzjoni tat-Trattat ma taffettwax id-dmir ta’ l-Istat Membru kkonċernat li jirrispetta d-drittijiet ta’ l-Istati terzi li jirriżultaw minn konvenzjoni preċedenti u li josserva l-obbligi tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs il-Portugal, C-84/98, Ġabra p. I-5215, punt 53).

    146    Għaldaqstant, sabiex jiġi ddeterminat jekk regola Komunitarja tistax titlef l-effett tagħha minħabba konvenzjoni internazzjonali preċedenti, għandu jiġi eżaminat jekk din timponix fuq l-Istat Membru kkonċernat obbligi li l-eżekuzzjoni tagħhom għadha tista’ tintalab mill-pajjiż terz li huwa parti mill-konvenzjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 1998, T. Port, C‑364/95 u C‑365/95, Ġabra p. I-1023, punt 60).

    147    F’din il-kawża, huwa stabbilit li l-protezzjoni ta’ l-isem Bud hija stipulata mit-trattati bilaterali in kwistjoni, li ġew konklużi bejn ir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka u r-Repubblika ta’ l-Awstrija ħafna qabel l-adeżjoni ta’ din ta’ l-aħħar fl-Unjoni Ewropea.

    148    Jidher li jirriżulta wkoll mit-trattati bilaterali in kwistjoni, b’mod partikolari mill-Artikolu 7(1) tal-konvenzjoni bilaterali, li dawn jimponu fuq ir-Repubblika ta’ l-Awstrija obbligi li l-eżekuzzjoni tagħhom tista’ tintalab mir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka.

    149    Madankollu tqum il-kwistjoni jekk bl-imsemmija trattati, ir-Repubblika Ċeka għandhiex drittijiet li għadha tista’ titlob l-osservanza tagħhom mir-Repubblika ta’ l-Awstrija.

    150    Fil-fatt, għandu jitfakkar li, wara l-qsim tagħha fl-1 ta’ Jannar 1993, ir-Repubblika Federattiva Ċeka u Slovakka, li hija stess kienet ħadet post ir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka, ma baqgħetx teżisti u żewġ Stati indipendenti ġodda, jiġifieri r-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Slovakka, ħadu postha fuq il-partijiet rispettivi tat-territorju tagħha.

    151    Għaldaqstant tqum il-kwistjoni jekk, fil-kuntest ta’ Stat li jinħoloq mill-qsim ta’ Stat ieħor, it-trattati bilaterali in kwistjoni konklużi bejn ir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka baqgħux fis-seħħ wara l-qsim tar-Repubblika Federattiva Ċeka u Slovakka, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-drittijiet li jirriżultaw minnha favur ir-Repubblika Ċeka, bħal dawk fil-kawża prinċipali, b’tali mod li dawn id-drittijiet kif ukoll l-obbligi korrispondenti imposti fuq ir-Repubblika ta’ l-Awstrija nżammu fis-seħħ minkejja dan il-qsim, u kienu, għaldaqstant, għadhom fis-seħħ fid-data ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija fl-Unjoni Ewropea.

    152    Huwa stabbilit li, fil-mument ta’ l-imsemmi qsim, kienet teżisti prassi internazzjonali aċċettata b’mod wiesgħa, ibbażata fuq il-prinċipju ta’ kontinwità tat-trattati. Skont din il-prassi, sakemm wieħed mill-partijiet ta’ trattat bilaterali ma jkunx manifestament wera l-intenzjoni li jrid jerġa’ jinnegozjah mill-ġdid jew li jitterminah, huwa aċċettat li dan it-trattat jibqa’ fis-seħħ, fil-prinċipju, fir-rigward ta’ l-Istati li jinħolqu mill-qsim ta’ l-istat l-ieħor.

    153    Tal-inqas f’dak li jirrigwarda l-każ speċifiku ta’ qsim komplet ta’ Stati, u minkejja l-possibbiltà ta’ terminazzjoni jew ta’ negozjar mill-ġdid tat-trattati, jidher li l-prinċipju ta’ kontinwità tat-trattati, kif hekk mifhum, jikkostitwixxi prinċipju ta’ riferiment li kien aċċettat b’mod wiesgħa fid-data meta sar il-qsim in kwistjoni.

    154    Fi kwalunkwe każ, u mingħajr il-ħtieġa li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar jekk dan il-prinċipju ta’ kontinwità tat-trattati kienx jikkostitwixxi regola tad-dritt internazzjonali konswetudinarja fid-data tal-qsim tar-Repubblika Federattiva Ċeka u Slovakka, ma jistax jiġi kkontestat li l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju fil-prassi internazzjonali tad-dritt tat-trattati kienet, f’dak iż-żmien kompletament konformi mad-dritt internazzjonali.

    155    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk kemm ir-Repubblika ta’ l-Awstrija kif ukoll ir-Repubblika Ċeka effettivament ridux japplikaw dan il-prinċipju ta’ kontinwità tat-trattati għat-trattati bilaterali in kwistjoni u jekk hemmx provi dwar l-intenzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward matul il-perijodu ta’ bejn id-data ta’ l-imsemmi qsim u dik ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija fl-Unjoni Ewropea.

    156    Kif jirriżulta kjarament b’mod partikolari mir-riżoluzzjoni tal-Kunsill Nazzjonali Ċek tas-17 ta’ Diċembru 1992 u mill-Artikolu 5 tal-Liġi Kostituzzjonali Nru 4/1993 (ara l-punti 25 u 26 ta’ din is-sentenza), ir-Repubblika Ċeka espressament aċċettat l-prinċipju ta’ kontinwità awtomatika tat-trattati.

    157    Fir-rigward tal-pożizzjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, jidher li dan l-Istat tradizzjonalment kien favur il-prinċipju magħruf bħala “tabula rasa” li, bl-eċċezzjoni għat-trattati dwar it-territorju jew fil-każ ta’ ftehim li jipprovdu l-kuntrarju, meta Stat jinħoloq mill-qsim ta’ Stat ieħor ifisser li t-trattati konklużi minn dan ta’ l-aħħar jiskadu awtomatikament.

    158    Madankollu tqum il-kwistjoni jekk, f’sitwazzjoni meta Stat jinħoloq mill-qsim ta’ Stat ieħor, bħal dik li tirriżulta minn qsim komplet ta’ l-Istat preċedenti u, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari, it-trattati bilaterali in kwistjoni, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija riditx tapplika l-prinċipju msemmi fil-punt preċedenti.

    159    F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 141 u 142 tal-konklużjonijiet tiegħu, jidher li kemm mill-ġurisprudenza tal-qrati Awstrijaki u mill-fatt, li fir-rigward b’mod partikolari tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija, itterminat xi trattati konklużi mar-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka, iżda biss dawk li jirrigwardaw il-futur, hemm indikazzjonijiet fl-approċċ ta’ l-imsemmi Stat Membru, inkluż matul il-perijodu bejn il-qsim tar-Repubblika Federattiva Ċeka u Slovakka u l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija fl-Unjoni Ewropea, li juru li kien tbiegħed mill-prinċipju magħruf bħala “tabula rasa”.

    160    Il-prassi Awstrijaka fir-rigward ta’ l-Istati li nħolqu mir-Repubblika Federattiva Ċeka u Slovakka tidher li hija bbażata fuq approċċ pragmatiku, li t-trattati bilaterali jibqgħu fis-seħħ sakemm ma jiġux itterminati minn xi waħda mill-partijiet. Dan l-approċċ iwassal għal riżultati simili ħafna għal dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kontinwità tat-trattati.

    161    F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, f’xi mument bejn il-qsim tar-Repubblika Federattiva Ċeka u Slovakka, li seħħet fl-1 ta’ Jannar 1993, u l-komunikazzjoni tal-Kanċillier Federali, li saret fl-1997, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija wrietx l-intenzjoni li terġa’ tinnegozja mill-ġdid jew li tittermina t-trattati bilaterali in kwistjoni.

    162    Jekk dan il-fatt jiġi vverifikat, ikun partikolarment sinjifikattiv peress li, kif ġie spjegat fil-punt 156 ta’ din is-sentenza, fiż-żmien tal-qsim ta’ l-Istat preċedenti, ir-Repubblika Ċeka kienet esprimiet l-opinjoni tagħha b’mod ċar li t-trattati konklużi ma’ dan l-Istat baqgħu fis-seħħ. Ir-Repubblika Ċeka għalhekk espressament irriżervat id-dritt li tinvoka d-drittijiet li hija għandha mit-trattati bilaterali in kwistjoni bħala Stat li nħoloq mill-qsim ta’ Stat ieħor kontra r-Repubblika ta’ l-Awstrija.

    163    L-importanza ta’ tali fatt huwa barra minn hekk ikkorroborat mill-għan ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 307 KE li huwa intiż sabiex jippermetti lil Stat Membru jirrispetta d-drittijiet li jistgħu jintalbu minn pajjiż terz abbażi ta’ konvenzjoni preċedenti għall-adeżjoni ta’ l-imsemmi Stat Membru fl-Unjoni Ewropea, f’każijiet bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali (ara l-punt 145 ta’ din is-sentenza).

    164    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fil-kawża prinċipali, kemm ir-Repubblika ta’ l-Awstrija kif ukoll ir-Repubblika Ċeka, ridux effettivament japplikaw il-prinċipju ta’ kontinwità tat-trattati għat-trattati bilaterali in kwistjoni.

    165    Fir-rigward tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, għandu jiġi speċifikat li ma jistax jiġi eskluż a priori li dikjarazzjoni ta’ intenzjoni f’dak ir-rigward, minkejja li saret wara ċertu dewmien, jiġifieri biss fl-1997, xorta tista’ tiġi kkunsidrata sabiex tiġi stabbilita definittivament l-intenzjoni ta’ dan l-Istat Membru li jaċċetta lir-Repubblika Ċeka bħala parti kontraenti tat-trattati bilaterali in kwistjoni u sabiex jiġi stabbilit, li, f’dan il-każ, l-applikazzjoni ta’ dawn it-trattati taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 307 KE.

    166    Kien ikun b’mod ieħor li kieku r-Repubblika ta’ l-Awstrija, f’xi żmien qabel il-komunikazzjoni tal-Kanċillier Federali, kienet diġà esprimiet b’mod ċar l-intenzjoni tagħha b’mod kuntrarju.

    167    Li kieku, wara li għamlet il-verifiki b’mod partikolari dwar l-elementi pprovduti minn din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju kkonkludiet li fid-data ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija fl-Unjoni Ewropea, dan l-Istat Membru kien marbut bit-trattati bilaterali inkwistjoni fir-rigward tar-Repubblika Ċeka, kien jirriżulta li l-imsemmija trattati jistgħu jiġu kkunsidrati bħala atti konklużi preċedentement għal din l-adeżjoni skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 307 KE.

    168    Għandu jingħad ukoll li t-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jobbliga lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri opportuni sabiex jitneħħew l-inkompatibbilitajiet eżistenti bejn konvenzjoni konkluża qabel l-adeżjoni ta’ Stat Membru u t-Trattat.

    169    Minn dan jirriżulta li l-qorti tar-rinviju hija obbligata tivverifika jekk eventwali inkompatibbiltà bejn it-Trattat u l-konvenzjoni bilaterali tistax tiġi evitata billi din il-konvenzjoni tiġi interpretata, sakemm possibbli, u b’rispett lejn id-dritt nazzjonali, b’mod konformi mad-dritt Komunitarju.

    170    Jekk jidher li mhux prattiku li konvenzjoni konkluża preċedentement għall-adeżjoni ta’ Stat Membru fl-Unjoni Ewropea tingħata interpretazzjoni konformi mad-dritt Komunitarju, dan l-Istat jista’, fil-kuntest ta’ l-Artikolu 307 KE, jieħu l-miżuri opportuni, filwaqt li xorta jibqa’ obbligat li jelimina l-inkompatibilitajiet li jeżistu bejn il-konvenzjoni preċedenti u t-Trattat. Jekk dan l-Istat Membru jiltaqa’ ma’ diffikultajiet li ma jagħmluhiex possibbli li tali ftehim jiġi emendat, ma jistax jiġi eskluż li huwa għandu obbligu li jittermina dan il-ftehim (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

    171    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 16(3) tal-konvenzjoni bilaterali jipprovdi li ż-żewġ partijiet kontraenti jistgħu jitterminawha permezz ta’ preavviż minimu ta’ sena, magħmul bil-miktub u skond il-prassi diplomatika.

    172    Sakemm wieħed mill-miżuri msemmija fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 307 KE jelimina l-inkompatibbilitajiet bejn konvenzjoni preċedenti għall-adeżjoni ta’ l-Istat Membru kkonċernat fl-Unjoni Ewropea u t-Trattat, l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 307 KE jawtorizza lil dan l-Istat Membru sabiex ikompli japplika tali konvenzjoni, sa fejn din tinkludi obbligi li għalihom dan jibqa’ marbut skond id-dritt internazzjonali.

    173    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domandi għandha tkun li l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 307 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil qorti ta’ Stat Membru, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru minnha fid-dawl b’mod partikolari ta’ l-elementi pprovduti minn din is-sentenza, li tapplika dispożizzjonijiet ta’ trattati bilaterali bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, konklużi bejn dan l-Istat u pajjiż terz, li jinkludu l-protezzjoni ta’ isem ta’ dan il-pajjiż terz, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet jirriżultaw li jmorru kontra r-regoli tat-Trattat, għar-raġuni li dan huwa obbligu li jirriżulta minn konvenzjonijiet konklużi preċedentement għad-data ta’ adeżjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Sakemm wieħed mill-miżuri msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 307 KE jippermetti li jiġu eliminati l-eventwali inkompatibbilitajiet bejn konvenzjoni preċedenti għal tali adeżjoni u l-imsemmi Trattat, l-ewwel subparagrafu ta’ l-imsemmi artikolu jawtorizza lil dan l-Istat sabiex ikompli japplika tali konvenzjoni sa fejn din tinkludi obbligi li għalihom dan jibqa’ marbut skond id-dritt internazzjonali.

     Fuq l-ispejjeż

    174    L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Awstrijak, Ġermaniż u Franċiż kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma qudddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

    filwaqt li tiddeċiedi dwar id-domandi mressqa lilha mill-Handelsgericht Wien, permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Frar 2001, taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      L-Artikolu 28 KE u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92, tal-14 ta’ Lulju 1992, dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 535/97, tas-17 ta’ Marzu 1997, ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ trattat bilaterali konkluż bejn Stat Membru u pajjiż terz, li tagħti, lil indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika sempliċi u indiretta ta’ dan il-pajjiż terz, protezzjoni fl-Istat Membru importatur li hija indipendenti minn kull riskju ta’ qerq u li tippermetti illi l-importazzjoni ta’ prodott legalment ikkummerċjalizzat fi Stat Membru ieħor tiġi ostakolata.

    2)      L-Artikolu 28 KE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ trattat bilaterali konkluż bejn Stat Membru u pajjiż terz li tagħti lil isem li f’dan il-pajjiż ma jirreferix la direttament u lanqas indirettament għall-provenjenza ġeografika tal-prodott li huwa jindika, protezzjoni fl-Istat Membru importatur li hija indipendenti minn kull riskju ta’ qerq u li tippermetti illi l-importazzjoni ta’ prodott legalment ikkummerċjalizzat fi Stat Membru ieħor tiġi ostakolata.

    3)      L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikoli 307 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil qorti ta’ Stat Membru, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru minnha fid-dawl b’mod partikolari ta’ l-elementi pprovduti minn din is-sentenza, li tapplika dispożizzjonijiet ta’ trattati bilaterali bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, konklużi bejn dan l-Istat u pajjiż terz, li jinkludu l-protezzjoni ta’ isem ta’ dan il-pajjiż terz, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet jirriżultaw li jmorru kontra r-regoli tat-Trattat KE, għar-raġuni li dan huwa obbligu li jirriżulta minn konvenzjonijiet konklużi preċedentement għad-data ta’ adeżjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Sakemm wieħed mill-miżuri msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 307 KE jippermetti li jiġu eliminati l-eventwali inkompatibbilitajiet bejn konvenzjoni preċedenti għal tali adeżjoni u dan it-trattat, l-ewwel subparagrafu ta’ dan l-artikolu jawtorizza lil dan l-Istat sabiex ikompli japplika tali konvenzjoni sa fejn din tinkludi obbligi li għalihom dan jibqa’ marbut skond id-dritt internazzjonali.”

    Skouris

    Jann

    Timmermans

    Gulmann

    Cunha Rodrigues

    Edward

    La Pergola

    Puissochet

    Schintgen

    Colneric

     

          von Bahr

    Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, 18 ta’ Novembru 2003.

    Reġistratur

     

           Il-President

    R. Grass

     

           V. Skouris


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top