EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62000CJ0180

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) ta' l-14 ta' Lulju 2005.
ir-Renju ta' l-Olanda vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Arranġamenti ta' assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej - Importazzjonijiet ta' zokkor u ta' taħlitiet ta' zokkor u kawkaw - Regolament (KE) Nru 465/2000 - Rikors għal annullament - Miżuri ta' protezzjoni - Proporzjonalità.
Kawża C-180/00.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:451

62000J0180



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C-180/00

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, ippreżentant fit-12 ta' Mejju 2000,

ir-Renju ta' l-Olanda , rappreżentat minn Fierstra u van Bakel, bħala aġenti,

rikorrent

vs

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej , rappreżentata minn T. van Rijn u C. van der Hauwaert, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

sostnuta minn

ir-Renju ta' Spanja , rappreżentata minn N. Díaz Abad, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

u minn

ir-Repubblika Franċiża , rappreżentata minn G. de Bergues u D. Colas, bħala aġenti,

intervenjenti

IL-QORTI (it-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Silva de Lapuerta, R. Schintgen (Relatur), G. Arestis u J. Kluka, Mħallfin

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat l-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta' Frar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. Permezz tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta' l-Olanda jitlob l-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 465/2000, tad-29 ta' Frar 2000, li jintroduċi miżuri ta' protezzjoni għall-importazzjonijiet minn pajjiżi u territorji extra-Ewropej ta' prodotti tas-settur taz-zokkor ta' oriġini akkumulata EC/OCT [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 56, p. 39, iktar 'il quddiem ir-"Regolament ikkontestat").

Il-Kuntest Ġuridiku

L-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor

2. Permezz tar-Regolament (KE) Nru 2038/1999, tat-13 Settembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 252, p. 1), il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ipproċeda għall-kodifikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1785/81, tat-30 ta' Ġunju 1981, li waqqaf din l-organizzazzjoni komuni (ĠU L 177, p. 4), u li ġie emendat diversi drabi. Din l-organizzazzjoni li għandha l-għan li tirregola s-suq Komunitarju taz-zokkor sabiex iżżid l-impjiegi u l-livell ta' għajxien tal-produtturi Komunitarji.

3. L-għajnuna għall-produzzjoni Komunitarja, mogħtija permezz ta' prezzijiet garantiti, hija limitata għall-kwoti nazzjonali ta' produzzjoni (kwoti A u B) stabbiliti mill-Kunsill, b'applikazzjoni tar-Regolament Nru 2038/1999, għal kull Stat Membru li sussegwentement iqassamhom bejn il-produtturi tiegħu. Iz-zokkor li jaqa' taħt il-kwota B (imsejjaħ "zokkor B") huwa soġġett għal taxxa fuq il-produzzjoni aktar għolja, meta mqabbel ma' dak li jaqa' taħt il-kwota A (imsejjaħ "zokkor A"). Iz-zokkor prodott li jeċċedi l-kwoti A u B huwa msejjaħ "zokkor C" u ma jistax jinbiegħ fi ħdan l-Komunità Ewropea, sakemm ma jiġix inkorporat fil-kwoti A u B ta' l-istaġun ta' wara.

4. B'eċċezzjoni ta' l-esportazzjonijiet taz-zokkor C, l-esportazzjonijiet extrakomunitarji jibbenefikaw, skond l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 2038/1999, minn rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni li jikkumpensaw id-differenza bejn il-prezz fuq is-suq Komunitarju u l-prezz fuq is-suq dinji.

5. Il-kwantità ta' zokkor li tista' tibbenefika minn rifużjoni fuq l-esportazzjoni u l-ammont totali annwali tar-rifużjonijiet huma regolati mill-ftehim ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (iktar 'il quddiem il-"ftehim WTO"), li tagħhom il-Komunità hija parti, approvati mid-Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-22 ta' Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x'jaqsmu affarijiet fil-kompetenzi tagħha, fuq il-ftehim milħuq[a] fil-laqgħa ta' negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (94/800/KE) (ĠU L 336, p. 1). Sa l-iktar tard mis-sena tas-suq 2000/2001, il-kwantità ta' zokkor esportata b'rifużjoni u l-ammont totali ta' rifużjonijiet kellhom ikunu limitati għal 1 273 500 tunnellata u għal 499.1 miljun EUR, li jirrappreżentaw tnaqqis ta' 20 u ta' 36 % rispettivament meta mqabble maċ-ċifri għas-sena tas-suq 1994/1995.

L-arranġamenti ta' assoċjazzjoni tal-pajjiżi u territorji extra-Ewropej mal-Komunità

6. Skond l-Artikolu 3(1)(s) KE, l-attivitajiet tal-Komunità jinkludu l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u territorji extra-Ewropej (OCT), "biex jiżdied il-kummerċ u sabiex flimkien iġibu 'l qudiem l-iżvilupp ekonomiku u soċjali".

7. L-Antilli Olandiżi u l-Aruba jagħmlu parti mill-OCT.

8. L-assoċjazzjoni ta' dawn ta' l-aħħar mal-Komunità hija regolata mir-Raba' parti tat-trattat KE.

9. Numru ta' deċiżjonijiet ġew adottati abbażi ta' l-Artikolu 136 tat-Trattat KE (li sar, wara li ġie emendat, l-Artikolu 187 KE), fosthom id-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/482/KEE tal-25 ta' Lulju 1991, dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u territorji extra-Ewropej mal-Komunità Ekonomika Ewropea [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 263, p. 1), li, skond l-Artikolu 240(1) tagħha, hija applikabbli għal perijodu ta' għaxar snin mill-1 ta' Marzu 1990.

10. Diversi dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni ġew emendati permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/803/KE ta' l-24 ta' Novembru 1997, li tirrevedi f'nofs it-terminu, id-Deċiżjoni 91/482 (ĠU L 329, p. 50). Id-Deċiżjoni 91/482, kif emendata mid-Deċiżjoni 97/803 (iktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni OCT"), ġiet prorogata sat-28 ta' Frar 2001 permezz tad-Deċiżjoni 2000/169/KE tal-Kunsill, tal-25 Frar 2000 (ĠU L 55, p. 67).

11. L-Artikolu 101(1), tad-Deċiżjoni OCT tiddisponi:

"Il-prodotti li joriġinaw mill-OCT għandhom jiġu importati fil-Komunità mingħajr dazji fuq l-importazzjoni." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12. L-Artikolu 102 ta' din l-istess Deċiżjoni jipprovdi:

"Mingħajr preġudizzju [għall-Artikolu] 108b, il-Komunità la għandha tapplika restrizzjonijiet kwantitattivi u lanqas miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għall-importazzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-OCT." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13. L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 108(1) ta' din id-Deċiżjoni jirreferi għall-Anness II tagħha għad-definizzjoni tal-kunċett ta' prodotti li joriġinaw u tal-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva relatati miegħu. Skond l-Artikolu 1 ta' dan l-Anness, prodott huwa kkunsidrat bħala li joriġinaw mill-OCT, mill-Komunità jew mill-Istati ta' l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (iktar 'il quddiem l-"Istati ACP") jekk ikun ġie kompletament miksub jew suffiċjentament ipproċessat hemmhekk.

14. L-Artikolu 3(3), ta' l-imsemmi Anness II jinkludi lista ta' xogħolijiet jew ta' pproċessar ikkunsidrati bħala insuffiċjenti sabiex jattribwixxu l-karatteristika ta' l-oriġini lil prodott li jkun ġej, b'mod partikulari, mill-OCT.

15. Madankollu, l-Artikolu 6(2) ta' dan l-Anness jinkludi regoli msejħa "regoli ta' kumulu ta' oriġini EC/OCT u ACP/OCT" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Huwa jiddisponi:

"Meta prodotti kompletament miksuba fil-Komunità jew fl-Istati ACP jinħadmu jew jiġu pproċessati l-OCT, huma jiġu kkunsidrati bħala li jkunu ġew kompletament miksuba fl-OCT."

16. Skond l-Artikolu 6(4), ta' l-imsemmi Anness, ir-Regoli ta' kumulu ta' oriġini EC/OCT u ACP/OCT huma applikabbli għal "kull xogħol jew ipproċessar magħmul fl-OCT, inklużi l-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 3(3)" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

17. Id-Deċiżjoni 97/803 żiedet, inter alia, fid-Deċiżjoni OCT l-Artikolu 108b(1) li l-ewwel paragrafu tiegħu jiddisponi li l-kumulu ta' oriġini ACP/OCT imsemmi fl-Artikolu 6 ta' l-Anness II ikun permess għal kwantità annwali ta' 3 000 tunnellata ta' zokkor[traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, id-Deċiżjoni 97/803 ma llimitatx l-applikazzjoni tar-regola ta' kumulu ta' oriġini EC/OCT.

18. L-Artikolu 109(1), tad-Deċiżjoni OCT tawtorizza lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li tieħu "il-miżuri ta' protezzjoni neċessarji" meta "l-applikazzjoni ta' [din id-Deċiżjoni] ġġib magħha tfixkil gravi f'settur ta' attività ekonomika tal-Komunità jew ta' xi wieħed jew iżjed mill-Istati Membri jew tikkomprometti l-istabbiltà finanzjarja esterna tagħha, jew [meta] jinqalgħu diffikultajiet, li jistgħu jġibu magħhom id-deterjorament ta' settur t'attività tal-Komunità jew ta' reġjun tagħha [...]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skond l-Artikolu 109(2), ta' l-imsemmija Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tagħżel "il-miżuri li l-inqas ifixklu l-funzjonament ta' l-assoċjazzjoni u tal-Komunità". Minbarra dan, "[d]awn il-miżuri m'għandhomx jeċċedu dak li huwa strettament indispensabbli sabiex tirrimedja d-diffikultajiet li jkunu nqalgħu" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Il-miżuri ta' protezzjoni meħuda fil-konfront ta' l-importazzjonijiet ta' zokkor u ta' taħlitiet ta' zokkor u kawkaw li jibbenefikaw mill-kumulu ta' oriġini EC/OCT

19. Abbażi ta' l-Artikolu 109 tad-Deċiżjoni OCT, ġie adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2423/1999, tal-15 Novembru 1999, li jintroduċi miżuri ta' protezzjoni fir-rigward taz-zokkor li jaqa' taħt il-Kodiċi NM 1701 u tat-taħlitiet ta' zokkor u kawkaw li jaqgħu taħt il-Kodiċijiet NM 1806 10 30 u 1806 10 90 li joriġinaw fil-pajjiżi u territorji extra-Ewropej [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 294, p. 11).

20. Permezz ta' dan ir-Regolament, applikabbli sad-29 ta' Frar 2000, il-Kummissjoni assoġġettat l-importazzjonijiet ta' zokkor li jibbenefika mill-kumulu ta' oriġini EC/OCT għal sistema ta' prezzijiet minimi u assoġġettat l-importazzjonijiet ta' taħlitiet ta' zokkor u kawkaw (iktar 'il quddiem it-"taħlitiet") li joriġinaw mill-OCT għall-proċedura ta' sorveljanza Komunitarja skond ir-regoli previsti mill-Artikolu 308d tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, p.1).

21. Ir-Renju ta' l-Olanda ppreżenta rikors għall-annullament tar-Regolament Nru 2423/1999. Dan ir-rikors ġie miċħud bis-sentenza ta' llum, l-Olanda vs il-Kummissjoni (C-26/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).

22. Il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ikkontestat ukoll abbażi ta' l-Artikolu 109 tad-Deċiżjoni OCT.

23. Mill-ewwel, mir-raba', mill-ħames, mis-sitt u mis-seba' premessi ta' dan ir-Regolament jirriżulta dan li ġej:

"(1) Il-Kummissjoni kkonstatat li l-importazzjonijiet ta' zokkor [...] u tat-taħlitiet [...] li ġejjin mill-[OCT] qegħdin jiżdiedu ħafna, mis-sena 1997, b'mod partikulari dawk ta' oriġini akkumulata EC/OCT. Dawn l-importazzjonijiet żdiedu minn 0 tunnellati fl-1996 għal iktar minn 48 000 tunnellata fl-1999 [...]

[...]

(4) Fl-aħħar snin inqalgħu diffikultajiet fuq is-suq taz-zokkor Komunitarju. Dan is-suq huwa wieħed li jipproduċi żżejjed. Il-konsum taz-zokkor huwa kostanti fuq livell ta' madwar 12.7 miljun tunnellata. Il-produzzjoni tinsab bejn 16.7 u 17.8 miljun tunnellata. Għalhekk, kull importazzjoni ta' zokkor fil-Komunità twassal għall-esportazzjoni kwantità korrispettiva ta' zokkor Komunitarju li ma jistax jinbiegħ fuq dan is-suq; rifużjonijiet għal dan iz-zokkor - fil-limitu ta' ċertu kwoti - jiġu mħallsa mill-baġit Komunitarju (sallum l-ġurnata għal madwar 520 EUR kull tunnellata). Madankollu, l-esportazzjonijiet b'rifużjoni huma limitati fil-volum tagħhom bil-ftehim dwar l-agrikoltura konkluż fil-qafas tal-Laqgħa ta' l-Urugwaj u ġew imnaqqsa minn 1 555 600 tunnellata għas-sena tas-suq 1995/1996 għal 1 273 500 tunnellata għas-sena tas-suq 2000/2001.

(5) Dawn id-diffikultajiet jistgħu jipprovokaw destabbilizzazzjoni qawwija fis-CMO (l-organizzazzjoni komuni tas-suq) taz-zokkor. Għas-sena tas-suq 2000/2001, li tibda fl-1 ta' Lulju 2000, huwa previst, abbażi ta' l-iktar estimi prudenti attwalment disponibbli, li l-kwoti tal-produtturi Komunitarji jiġu mnaqqsa b'madwar 500 000 tunnellata [...]. Kull importazzjoni ulterjuri ta' zokkor u ta' prodotti b'konċentrazzjoni għolja ta' zokkor li ġejjin mill-OCT teħtieġ tnaqqis akbar tal-kwoti tal-produtturi Komunitarji u, għaldaqstant, garanzija ta' telf ta' qlegħ ikbar għalihom.

(6) L-importazzjonijiet iseħħu f'perijodu ta' madwar tliet xhur wara t-talba għall-ħruġ tal-liċenzji minħabba t-terminu ta' validità tagħhom. Minnħabba f'hekk kull żdieda fl-importazzjonijiet, inklużi dawk li jkunu seħħew fix-xhur ta' qabel il-bidu tas-sena tas-suq 2000/2001, tikkundizzjona s-sitwazzjoni tas-suq matul l-imsemmija sena tas-suq u toħloq l-effetti negattivi msemmija fil-premessa 5.

(7) Għaldaqstant, jeżistu diffikultajiet li joħolqu periklu ta' deterjorament ta' settur t'attività tal-Komunità. [...]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

24. Skond l-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat:

"Għall-prodotti li jaqgħu taħt il-Kodiċijiet ta' tariffa NM 1701, 1806 10 30 u 1806 10 90, il-kumulu ta' oriġini EC/OCT imsemmi fl-Artikolu 6 ta' l-Anness II tad-[Deċiżjoni OCT] ikun permess għal kwantità ta' 3 340 tunnellata ta' zokkor għat-terminu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Għall-prodotti barra z-zokkor mhux ipproċessat, l-ammont ta' zokkor fil-prodott importat għandu jittieħed in kunsiderazzjoni għall-finijiet tal-konformità ma' dan it-terminu." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

25. Jirriżulta mid-disa' premessa ta' l-imsemmi Regolament li l-Kummissjoni imponiet din il-kwota ta' 3 340 tunnellata billi ħadet in kunsiderazzjoni "it-total ta' l-ogħla volumi annwali ta' l-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati li ġew ikkonstatati matul it-tliet snin ta' qabel is-sena 1999, is-sena li fiha l-importazzjonijiet irreġistraw żieda esponenzjali li dwarhom hemm inkjesta pendenti mmexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) minħabba suspetti ta' irregularitajiet [traduzzjoni mhux uffiċjali].

26. Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament ikkuntestat, l-importazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament hija suġġetta għall-ħruġ ta' liċenzja ta' importazzjoni, li tinħareġ skond ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2553/97 tas-17 ta' Diċembru 1997, dwar ir-regoli għall-ħruġ ta' liċenzji ta' importazzjoni għal ċerti prodotti ta' oriġini akkumulata ACP/OCT li jaqgħu taħt il-Kodiċijiet ta' tariffa NM 1701, 1702, 1703 u 1704 [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 349, p. 26), li japplikaw mutatis mutandis .

27. Fl-aħħarnett, skond l-Artikolu 3 tiegħu, ir-Regolament ikkontestat, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2000, huwa applikabbli sat-30 ta' Settembru 2000.

It-talbiet tal-partijiet

28. Il-Gvern ta' l-Olanda jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

- Li tannulla r-Regolament ikkontestat;

- Li tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

29. Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

- li tiċħad ir-rikors bħala infondat;

- li tordna lir-Renju ta' l-Olanda jbati l-ispejjeż.

30. Permezz ta' ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta' Lulju 2000, l-imsemmi Renju jitlob is-sospensjoni tal-proċediment quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sakemm tingħata id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li taqta' l-kawżi T-94/00 u T-110/00, Rica Foods et vs il-Kummissjoni, li għandhom ukoll bħala għan l-annullament tar-Regolament ikkontestat. Permezz ta' tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti, huwa indika li t-talba tiegħu għal-sospensjoni kienet tikkonċerna ukoll il-kawża T-159/00, Rica Foods et vs il-Kummissjoni.

31. Permezz ta' digriet tas-17 ta' Ottubru 2000, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa' din it-talba b'applikazzjoni tat-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 47 ta' l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja u ta' l-Artikolu 82a(1)(a), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

32. Permezz ta' sentenza ta' l-14 ta' Novembru 2002, Rica Foods et vs il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet ir-rikorsi T-94/00, T-110/00 u T-159/00 bħala infondati (Ġabra p. II-4677).

33. Permezz ta' digriet tal-21 ta' Marzu 2001, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa' it-talba tar-Renju ta' Spanja u tar-Repubblika Franċiża għal intervent sabiex isostnu t-talbiet tal-Kummissjoni.

34. Il-Gvern Franċiż ma ppreżentax osservazzjonijiet bil-miktub.

Fuq ir-rikors

35. Sabiex isostni t-talba tiegħu għal annullament tar-Regolament ikkontestat, ir-Renju ta' l-Olanda invoka erba' motivi bbażati rispettivament fuq il-ksur ta' l-Artikolu 109(1) tad-Deċiżjoni OCT u ta' l-Artikolu 109(2), ta' abbuż tas-setgħa kif ukoll għan-nuqqas ta' osservanza ta' l-obbligu ta' motivazzjoni stabbilita fl-Artikolu 253 KE.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 109(1) tad-Deċiżjoni OCT

L-argumenti tal-partijiet

36. Permezz ta' l-ewwel motiv tiegħu, il-Gvern Olandiż isostni li, għal dak li jirrigwarda l-importazzjoni taz-zokkor ta' oriġini akkumulata EC/OCT fil-Komunità, il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni manifestament żbaljata tal-fatti, qabel ma kkonkludiet li kien neċessarju li tadotta l-miżuri ta' protezzjoni.

37. Skond dan il-Gvern, miżuri ta' protezzjoni huma ta' natura eċċezzjonali fil-kuntest tal-leġislazzjoni kummerċjali normalment applikabbli. Għalhekk hija l-Kummissjoni li għandħa tipprova l-eżistenza ta' sitwazzjoni eċċezzjonali li teħtieġ tali miżuri fuq il-bażi ta' kriterji ta' evalwazzjoni oġġettivi imsemmija fl-Artikolu 109 tad-Deċiżjoni OCT. Madankollu, dan ma kienx il-każ hawnhekk.

38. L-ewwel motiv jikkomprendi ħames taqsimiet.

39. Fl-ewwel lok, il-Gvern Olandiż isostni li l-kwantitajiet ta' zokkor u ta' taħlitiet importati mill-OCT, li, skond l-istatistiċi stabbiliti mill-Uffiċċju ta' l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (Eurostat), żdiedu għal madwar 40 000 tunnellata fl-1999, jiġifieri inqas minn 0.4 % tal-produzzjoni Komunitarja, ma setgħux jippreżentaw periklu ta' tfixkil għall-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor. Bl-istess mod, din ma tistax tiġi mfixkla minn importazzjonijiet ta' taħlitiet minħabba li, skond l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2038/1999, il-kawkaw ma jaqgħux taħt din l-organizzazzjoni komuni.

40. Fit-tieni lok, il-Gvern josserva li l-produzzjoni totali ta' zokkor fil-Komunità tvarja b'iktar minn miljun tunnellata minn sena għall-oħra. Billi l-konsum jitla' u jinżel ukoll, l-argument li kull kwantità ulterjuri importata mill-OCT twassal għall-esportazzjoni ta' kwantità korrispettiva huwa bbażat fuq nuqqas ta' għarfien tar-realtà. F'kull każ, anki li kieku l-importazzjonijiet li ġejjin mill-OCT kellhom jikkontribwixxu biex iżidu l-esportazzjonijiet Komunitarji, dawn ma jkunux neċċessarjament issussidjati.

41. Fit-tielet lok, dan il-Gvern isostni li l-importazzjonijiet ta' zokkor in kwistjoni ma kienux ta' natura li joħolqu diffikultajiet għall-Komunità fir-rigward ta' l-obligi tagħha li jirriżultaw mill-ftehim WTO. Huwa bbaża ruħu fuq id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' April 1999, Emesa Sugar vs il-Kummissjoni (T-44/98 R II, Ġabra p. II1427, punt 107) u jirrileva li l-Komunità kellha marġini ta' azzjoni suffiċjenti sabiex tilqa' għaż-żieda fl-importazzjonijiet ta' zokkor li ġej mill-OCT.

42. Fir-raba' lok, il-Gvern Olandiż jiddubita kemm il-Kummissjoni, meta adottat ir-Regolament ikkontestat, kellha l-ħsieb li tnaqqas il-kwoti ta' produzzjoni. F'kull każ, dan it-tnaqqis ma kienx neċessarju minħabba l-importazzjoni ta' zokkor in kwistjoni.

43. Fl-aħħar lok, dan il-Gvern isostni li mhuwiex ipprovat li l-importazzjonijiet ta' zokkor in kwistjoni kkawżaw dannu lill-produtturi Komunitarji. L-ewwelnett, ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjonijiet huma ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija (EAGGF) u mhux mill-produtturi Komunitarji. It-tieninett, fl-1999, iz-zokkor inbiegħ lill-produtturi ta' l-OCT bi prezz li kien madwar id-doppju ta' dak tas-suq dinji, sitwazzjoni li ppermettiet lill-produtturi Komunitarji li jagħmlu qligħ sostanzjali. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni ma wrietx li kull tunnellata importata mill-OCT wasslet għal tnaqqis korrispettiv fil-bejgħ magħmul mill-produtturi Komunitarji.

44. Barra minn hekk, it-teżi li l-importazzjonijiet fihom spejjeż għall-industrija Ewropea taz-zokkor hija anqas plawsibbli fir-rigward ta' l-importazzjonijiet fi kwantitajiet żgħar ta' taħlitiet li joriġinaw mill-OCT milli għal dak li jirrigwarda l-importazzjonijiet taz-zokkor, minħabba li l-produtturi Komunitarji ma jipproduċux taħlitiet.

45. Il-Kummissjoni twieġeb li s-sitwazzjoni fuq is-suq hija tali li kull tunnellata ta' zokkor importat mill-OCT fil-Komunità twassal għal tnaqqis korrispettiv tal-kwoti tal-produzzjoni Komunitarja. Minbarra dan, billi jitqiesu l-kapaċitajiet ta' produzzjoni ta' l-intrapriżi ta' l-OCT, fin-nuqqas ta' kull restrizzjoni, l-importazzjonijiet taz-zokkor li ġej minn dawn il-pajjiżi jista' jwassal għal tnaqqis tal-kwoti ta' produzzjoni Komunitarji b'iktar minn 40 sa 50 % ta' dak ġa previst mill-istituzzjonijiet Komunitarji.

46. Għal dak li jirrigwarda taħlitiet, anki jekk mhux kontestabbli li l-kawkaw ma jaqax taħt organizzazzjoni komuni tas-suq, huwa bl-istess mod ovvju li t-taħlitiet in kwistjoni għandhom perċentwali għolja ħafna ta' zokkor. L-importazzjonijiet ta' taħlitiet li ġejjin mill-OCT jistgħu għalhekk iwasslu għal konsegwenzi dannużi fuq il-bejgħ ta' zokkor mill-produtturi lill-manifatturi Komunitarji ta' dawn it-taħlitiet.

47. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-organizzazzjoni komuni tas-suq stabbiliet kwoti ta' produzzjoni, kemm għaz-zokkor li ser jiġi kkunsmat fuq is-suq Komunitarju (zokkor A) kif ukoll għaz-zokkor li jista' jiġi esportat b'rifużjoni (zokkor A u B). Skond il-Kummissjoni, jekk il-produtturi taz-zokkor ma jistgħux ibiegħu z-zokkor A fuq is-suq Komunitarju, huma jippruvaw jesportawh fil-kuntest ta' esportazzjonijiet neċċessarjament issussidjati. Soluzzjoni oħra tikkonsisti fil-ħażna taz-zokkor, iżda sa minn ċertu numru ta' snin, iz-zokkor mhuwiex aktar offrut għall-intervent u barra minn hekk il-Kummissjoni tiskoraġġixxi l-użu ta' din il-proċedura minħabba fl-ispiża li tinvolvi għall-baġit Komunitarju.

48. F'dak li jirrigwarda r-rispett ta' l-obbligi li hija assumiet fil-qafas tal-WTO, il-Kummissjoni tirreferi għall-punt 56 tas-sentenza tat-8 ta' Frar 2000, Emesa Sugar (C-17/98, Ġabra p. I-675).

49. Fl-aħħarnett, fir-rigward tal-konsegwenzi dannużi għall-operaturi Komunitarji, il-Kummissjoni, filwaqt li tirreferi għall-punt 56 tas-sentenza Emesa Sugar, ċitata iktar 'il fuq, u għall-punt 88 tal-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer f'din il-kawża, tirrileva li r-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni mhumiex kollha ffinanzjati mill-EAGGF, billi parti kbira minnhom titħallas mill-produtturi Komunitarji. Jekk hu veru li ċertu produtturi Komunitarji jistgħu jagħmlu qligħ mill-bejgħ taz-zokkor C lill-produtturi ta' l-OCT, dan il-fatt ma jistax jikkumpensa, skond il-Kummissjoni, għad-dannu kkawżat lis-settur kollu.

50. Il-Gvern Spanjol jieħu pożizzjoni identika għal dik tal-Kummissjoni. Huwa josserva li ż-żieda kbira, mill-1997, fl-importazzjonijiet ta' zokkor li ġej mill-OCT hija il-konsegwenza tar-reviżjoni tad-Deċiżjoni OCT li llimitat l-importazzjonijiet mingħajr dazju fil-Komunità tal-prodotti ta' oriġini akkumulata ACP/OCT. L-iintrapriżi tas-settur, infurmati b'din il-perspettiva minn żmien il-pubblikazzjoni, fl-1996, tal-proposta ta' reviżjoni, daru lejn prodotti ta' oriġini akkumulata EC/OCT, li ma kienux ikkonċernati minn din ir-reviżjoni. Il-miżuri ta' protezzjoni adottati huma għalhekk intiżi sabiex jipproteġu l-interessi tal-produtturi tal-Komunità fil-kuntest tal-politika agrikola komuni mingħajr ma jaffettwaw l-ekonomija ta' l-OCT billi dawn il-miżuri ma jirrigwardawx iz-zokkor prodott f'dawn il-pajjiżi.

51. Dan il-Gvern jirrileva wkoll li, fl-1999, il-prezz taz-zokkor fuq is-suq dinji kien ta' 242 EUR kull tunnellata filwaqt li z-zokkor kien jinbiegħ 775 EUR kull tunnellata fi Spanja. L-operaturi ta' l-OCT għalhekk kellhom marġni ta' qliegħ ta' 533 EUR kull tunnellata zokkor li kienu jesportaw mingħajr dazju fil-Komunità. Għalhekk huma setgħu jixtru zokkor C u, wara pproċessar minimu, jevitaw li jħallsu d-dazju ta' l-importazzjoni filwaqt li jagħmlu qligħ enormi. F'dak li jirrigwarda l-prezz ta' l-importazzjonijiet tat-taħlitiet, huwa jkun ukoll aktar baxx mill-prezz fuq is-suq Komunitarju.

52. Barra minn hekk il-Gvern Spanjol, filwaqt li jfakkar li z-zokkor in kwistjoni ma kienx ġej minn koltivazzjoni magħmula fl-OCT, josserva li d-Deċiżjoni OCT ittieħdet bl-intenzjoni li dawn it-territorji jiżviluppaw. Issa, dawn il-pajjiżi ma jieħdu l-ebda vantaġġ mill-valur miżjud miksub mill-operazzjonijiet ta' pproċċessar li minnhom jiddependi l-akkumulu ta' oriġini EC/OCT, billi, fil-prattika, l-ipproċessar minimu li ssir hemmhekk ma joħloqx impjiegi u għalhekk ma jiffavorixxix l-iżvilupp ta' l-OCT.

Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

53. Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 109 tad-Deċiżjoni OCT (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta' Frar 1999, Antillean Rice Mills et vs il-Kummissjoni, C-390/95 P, Ġabra p. I769, punt 48, u tat-22 ta' Novembru 2001, l-Olanda vs il-Kunsill, C-110/97, Ġabra p. I8763, punt 61, kif ukoll l-Olanda vs il-Kunsill C-301/97, Ġabra p. I8853, punt 73).

54. Għaldaqstant, il-qorti Komunitarja għandha tillimita ruħha li teżamina jekk l-eżerċizzju ta' din is-setgħa huwiex ivvizzjat bi żball manifest jew b'abbuż tas-setgħa jew inkella jekk l-istituzzjonijiet Komunitarji qabżux manifestament il-limiti tas-setgħadiskrezzjonali tagħhom (ara is-sentenzi ċitati iktar 'il fuq Antillean Rice Mills et vs il-Kummissjoni, punt 48 ; l-Olanda vs il-Kunsill, C-110/97, punt 62, u l-Olanda vs il-Kunsill C-301/97, punt 74).

55. Din il-limitazzjoni ta' l-intensità ta' l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja hija meħtieġa partikularment meta, bħal fil-każ preżenti, l-istituzzjonijiet Komunitarji jkollhom jarbitraw bejn interessi diverġenti u b'hekk jagħmlu għażliet fil-kuntest ta' l-għażliet politiċi li huma parti mir-responsabbiltajiet partikolari tagħhom (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Emesa Sugar, ċitata iktar 'il fuq, punt 53).

56. Skond l-Artikolu 109(1) tad-Deċiżjoni OCT, il-Kummissjoni "tista'" tadotta miżuri ta' protezzjoni jew "[jekk] l-applikazzjoni ta' [din id-Deċiżjoni] ġġib magħha tfixkil gravi f'settur ta' attività ekonomika tal-Komunità jew ta' xi wieħed jew iżjed mill-Istati Membri jew li tikkomprometti l-istabbiltà finanzjarja esterna tagħhom", jew "jekk jinqalgħu diffikultajiet, li jistgħu jġibu magħhom id-deterjorament ta' settur ta' attività tal-Komunità jew ta' reġjun tagħha". Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 47 tas-sentenza tagħha Antillean Rice Mills et vs il-Kummissjoni, ċitata iktar 'il fuq, li, fl-ewwel ipoteżi msemmija f'dan il-paragrafu, l-eżistenza ta' rabta kawżali għandha tiġi stabbilita minħabba li l-miżuri ta' protezzjoni għandhom ikollhom bħala għan li jeliminaw jew inaqqsu d-diffikultajiet li jinqalgħu fis-settur in kwistjoni, u li, min-naħa 'l-oħra, fir-rigward tat-tieni ipoteżi, mhux meħtieġ li d-diffikultajiet li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta' miżura ta' protezzjoni jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-Deċiżjoni OCT.

57. Il-Kummissjoni bbażat ir-Regolament ikkontestat fuq it-tieni ipoteżi msemmija fl-Artikolu 109(1) tad-Deċiżjoni OCT. Fil-fatt, jirriżulta mis-seba' premessa ta' dan ir-Regolament li l-Kummissjoni adottat il-miżura ta' protezzjoni in kwistjoni meta "[kienu] jeżistu diffikultajiet li joħolqu l-periklu ta' deterjorament ta' settur t' attività tal-Komunità".

58. Joħroġ b'mod aktar partikulari mir-raba' sas-sitt premessi ta' dan ir-Regolament li r-rikors għall-Artikolu 109 tad-Deċiżjoni OCT kien immotivat mill-fatt li l-importazzjonijiet ta' zokkor u ta' taħlitiet ta' oriġini akkumulata EC/OCT kienu qegħdin joħolqu l-periklu ta' deterjorament serju tal-funzjonament ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur taz-zokkor u ta' effetti dannużi kbar għall-operaturi Komunitarji f'dan is-settur.

59. L-ewwel motiv jikkomprendi ħames taqsimiet li minnhom l-ewwel erbgħa jikkonċernaw sostanzjalment l-eżistenza ta' periklu ta' tfixkil għall-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor u l-ħames waħda tikkonċerna l-periklu ta' konsegwenzi dannużi għall-operaturi Komunitarji.

Fuq l-eżistenza ta' periklu ta' tfixkil għall-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor

60. Fl-ewwel lok, il-Gvern Olandiż isostni li, meta wieħed jikkunsidra l-kwantitajiet minimi ta' zokkor importati, taħt is-sistema tal-kumulu ta' oriġini EC/OCT, ma kienet teżisti ebda diffikultà fis-sens ta' l-Artikolu 109(1), tad-Deċiżjoni OCT.

61. Fuq dan il-punt, jirriżulta mill-ewwel u l-ħames premessi tar-Regolament ikkontestat li l-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta' "żieda", mill-1997, fl-importazzjonijiet ta' zokkor li ġej mill-OCT taħt is-sistema tal-kumulu ta' oriġini EC/OCT u li kien jeżisti l-periklu, minħabba f'hekk li l-funzjonament ta' l-organizzazzjoni tas-suq jiġi ferm destabilizzat b'mod qawwi. Ir-raba' premessa ta' dan ir-Regolament tiddisponi f'dan ir-rigward:

"[Is-suq taz-zokkor Komunitarju] huwa wieħed li jipproduċi żżejjed. Il-konsum taz-zokkor huwa kostanti fuq livell ta' madwar 12.7 miljun tunnellata. Il-produzzjoni tinsab bejn 16.7 u 17.8 miljun tunnellata. Għalhekk, kull importazzjoni ta' zokkor fil-Komunità twassal għall-esportazzjoni kwantità korrispettiva ta' zokkor Komunitarju li ma jistax jinbiegħ fuq dan is-suq; rifużjonijiet għal dan iz-zokkor - fil-limitu ta' ċertu kwoti - jiġu mħallsa mill-baġit Komunitarju (sallum l-ġurnata għal madwar 520 EUR kull tunnellata). Madankollu, l-esportazzjonijiet b'rifużjoni huma limitati fil-volum tagħhom bil-ftehim dwar l-agrikoltura konkluż fil-qafas tal-Laqgħa ta' l-Urugwaj u ġew imnaqqsa minn 1 555 600 tunnellata għas-sena tas-suq 1995/1996 għal 1 273 500 tunnellata għas-sena tas-suq 2000/2001."

62. Għandu jiġi mfakkar, kif l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fil-punt 56 tas-sentenza Emesa Sugar, ċitata iktar 'il fuq, li fl-1997 kienet diġà teżisti produzzjoni Komunitarja żejda ta' zokkor tal-pitravi meta mqabbla mal-kwantità kkunsmata fil-Komunità u li ma din il-produzzjoni żejda wieħed irid iżid l-importazzjonijiet ta' zokkor tal-kannamieli li ġej mill-Istati ACP sabiex jissodisfaw it-talba speċifika għal dan il-prodott u l-obbligu tal-Komunità li timporta ċerta kwantità ta' zokkor minn terzi pajjiżi, skond l-ftehim WTO. Minbarra dan, il-Komunità kienet ukoll marbuta li tissussidja l-esportazzjonijiet ta' zokkor, permezz ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni u fil-limiti ta' dawn il-ftehim. Għaldaqstant, u kkunsidrata ż-żieda li dejjem tikber ta' l-importazzjonijiet ta' zokkor li ġej mill-OCT mill-1997, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li kull kwantità ulterjuri ta' dan il-prodott tasal fuq is-suq tal-Komunità mqar jekk din tkun minima, meta mqabbla mal-produzzjoni Komunitarja, kienet iġiegħel lill-istituzzjonijiet Komunitarji jżidu l-ammont ta' sussidji fuq l-esportazzjoni, fil-limiti fuq msemmija, jew inaqqsu l-kwoti tal-produtturi Ewropej, ħaġa li kienet tfixkel l-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor, li l-ekwilibriju tagħha kien diġà prekarju, u li kienet kuntrarja għall-għanijiet tal-politika agrikola komuni.

63. Minbarra dan, jekk hu veru li t-taħlitiet ma jaqgħux taħt l-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2038/1999, iż-żieda ta' l-importazzjonijiet ta' dawn il-prodotti li ġejjin mill-OCT, ġeneralment b'kontenut għoli ta' zokkor, madankollu jippreżentaw periklu ta' tfixkil għall-funzjonament ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur taz-zokkor, safejn dawn l-importazzjonijiet jistgħu jaffettwaw il-possibilità, għall-produtturi Komunitarji, li jbiegħu z-zokkor lill-manifatturi Komunitarji ta' dawn it-taħlitiet.

64. Il-Gvern Olandiż ma weriex għaldaqstant li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' valutazzjoni meta kkunsidrat li l-importazzjonijiet ta' zokkor u ta' taħlitiet, li ġejjin mill-OCT kienu żdiedu b'mod qawwi bejn l-1997 u l-1999 u li din iż-żieda, mqar jekk minima meta mqabbla mal-produzzjoni Komunitarja, kienet tikkonstitwixxi "diffikultajiet" fis-sens ta' l-Artikolu 109(1), tad-Deċiżjoni OCT.

65. Għaldaqstant, l-ewwel taqsima ta' l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

66. Fit-tieni lok, il-Gvern Olandiż jikkontesta d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fir-raba' premessa tar-Regolament ikkontestat, skond liema kull importazzjoni ulterjuri ta' zokkor "twassal għall-esportazzjoni kwantità korrispettiva ta' zokkor Komunitarju li ma jistax jinbiegħ fuq dan is-suq", minħabba li kemm il-produzzjoni kif ukoll il-konsum ta' zokkor fil-Komunità ivarjaw minn sena għall-oħra. Dan il-Gvern jiddubita wkoll mill-fatt li l-esportazzjonijiet in kwistjoni huma ssussidjati.

67. F'dan ir-rigward, biżżejjed jiġi mfakkar li l-produzzjoni Komunitarja hija aktar mill-konsumazzjoni ta' zokkor fil-Komunità, fatt li l-Gvern Olandiż ma jikkontestax, u li l-Komunità hija ukoll obbligata timporta ċerta kwantità ta' zokkor minn pajjiżi terzi skond il-ftehim WTO (sentenza Emesa Sugar, ċitata iktar 'il fuq, punt 56).

68. Meħuda in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni li s-suq Komunitarju taz-zokkor jipproduċi żżejjed, il-fatt li l-produzzjoni u l-konsum taz-zokkor fil-Komunità jistgħu jvarjaw minn sena għall-oħra hija, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, irrilevanti.

69. Preċisament, minħabba f'din is-sitwazzjoni ta' produzzjoni żejda, kull importazzjoni ulterjuri taħt is-sistema tal-kumulu ta' oriġini EC/OCT iżżid iz-zokkor żejjed fuq is-suq Komunitarju u twassal għal żieda fl-esportazzjonijiet issussidjati (ara s-sentenza Emesa Sugar, ċitata iktar 'il fuq, punt 56).

70. Fuq dan l-aħħar punt il-Kummissjoni m'għamlitx żball manifest ta' valutazzjoni billi kkunsidrat li l-esportazzjonijiet ikkawżati mill-importazzjonijiet ta' zokkor li ġej mill-OCT huma esportazzjonijiet issussidjati, minħabba li z-zokkor importat mill-OCT li jissostitwixxi z-zokkor Komunitarju jrid hu stess jiġi esportat sabiex jinżamm l-ekwilibriju ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq.

71. Konsegwentament, it-tieni taqsima ta' l-ewwel motiv għandha wkoll tiġi miċħuda.

72. Fit-tielet lok, il-Gvern Olandiż isostni li l-ftehim WTO kienu għadhom joffru marġni ta' manuvrar suffiċjenti sabiex jippermettu l-importazzjonijiet in kwistjoni fil-Komunità.

73. F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, anki jekk l-esportazzjonijiet ulterjuri ta' zokkor b'fużjoni li l-importazzjonijiet ta' zokkor li ġej mill-OCT setgħu kkawżaw ma laħqux l-ammonti u l-kwantitajiet stabbiliti fil-ftehim WTO, il-Gvern Olandiż ma wriex li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' valutazzjoni, min-naħa, billi kkunsidrat l-għan ta' dawn il-ftehim li jillimitaw gradwalment is-sussidji għall-esportazzjoni u, min-naħa 'l-oħra, billi kkunsidrat li ż-żieda fl-importazzjonijiet ta' zokkor, ta' taħt is-sistema tal-kumulu ta' oriġini EC/OCT, żiedet, min-naħa tagħha, l-ammont totali tas-sussidji għall-esportazzjoni u ħolqot periklu ta' destabbilizzazzjoni tas-settur taz-zokkor Komunitarju, kif irrilevat il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 139 tas-Sentenza tagħha Rica Foods et vs il-Kummissjoni, ċitata iktar 'il fuq.

74. Konsegwentement it-tielet taqsima ta' l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

75. Fir-raba' lok, għal dak li jirrigwarda d-dubbji espressi mill-Gvern Olandiż fir-rigward ta' l-intenzjoni tal-Kummissjoni meta adottat ir-Regolament ikkontestat, li tnaqqas il-kwoti ta' produzzjoni Komunitarji, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Gvern Olandiż ma ressaq ebda sabiex isostni l-allegazzjonijiet tiegħu.

76. Għaldaqstant ir-raba' taqsima ta' l-ewwel motiv ma tistax tiġi milqugħa.

Fuq il-konsegwenzi għall-produtturi Komunitarji

77. Jirrizulta mill-ħames premessa tar-Regolament ikkontestat li l-importazzjonijiet in kwistjoni jistgħu joħolqu l-periklu "garanzija ta' telf ta' qligħ ikbar" għall-produtturi Komunitarji ta' zokkor.

78. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Olandiż b'sostenn tal-ħames taqsima ta' l-ewwel motiv tiegħu, il-Kummissjoni ma għamlitx żball manifest ta' valutazzjoni billi ressqet tali motiv biex tiġġustifika l-adozzjoni tal-miżura ta' protezzjoni in kwistjoni.

79. Fil-fatt, l-ewwelnett, huwa evidenti li d-deterjorament jew il-periklu ta' deterjorament ta' organizzazzjoni komuni tas-suq jista' jirrendi neċċessarju tnaqqis tal-kwoti ta' produzzjoni u b'hekk jaffettwa direttament il-qligħ tal-produtturi Komunitarji.

80. Barra minn hekk, ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni huma ffinanzjati fil-biċċa l-kbira tagħhom mill-produtturi Komunitarji permezz ta' kontribuzzjonijiet għall-produzzjoni ffissati kull sena mill-Kummissjoni. Issa, kif jirriżulta mill-punt 70 ta' din is-sentenza, il-Kummissjoni setgħet' leġittimament tqis li l-importazzjonijiet in kwistjoni setgħu jwasslu għal żieda fil-volum ta' l-esportazzjonijiet issussidjati u konsegwentement, żieda fil-kontribuzzjoni għall-produzzjoni mtalba mill-produtturi Komunitarji.

81. Fl-aħħarnett, anki li kieku ċertu produtturi setgħu, kif isostni l-Gvern Olandiż, jiksbu qligħ sostanzjali mill-bejgħ ta' zokkor C lill-operaturi ta' l-OCT billi jbiegħu bi prezzijiet għola ħafna mill-prezz tas-suq dinji, din id-dikjarazzjoni, li m'hijiex sostnuta b'ebda prova preċiża, mhijiex ta' natura li tqiegħed in kwistjoni l-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-importazzjonijiet in kwistjoni jġibu magħhom periklu ta' tfixkil għas-settur taz-zokkor, li jista' b'mod partikulari, jwassal għal żieda fl-ammont tas-sussidji fuq l-esportazzjoni jew għal tnaqqis tal-kwoti ta' produzzjoni.

82. Il-ħames taqsima ta' l-ewwel motiv għalhekk għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

83. Meqjusa l-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 109(2) tad-Deċiżjoni OCT

L-argumenti tal-partijiet

84. Permezz tat-tieni motiv tiegħu, l-Gvern Olandiż isostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-proporzjonalità stabbilita mill-Artikolu 109(2), tad-Deċiżjoni OCT. Dan il-motiv huwa magħmul minn erba' taqsimiet.

85. L-ewwelnett, dan il-Gvern jikkritika lill-Kummissjoni minħabba li ma osservatx l-istatus preferenzjali tal-prodotti li ġejjin mill-OCT, kif stabbilit mid-Deċiżjoni OCT, meta mqabbel mas-sistema applikabbli għall-prodotti li ġejjin mill-Istati ACP.

86. It-tieninett, ir-Regolament ikkontestat ġie adottat mingħajr ma l-Kummissjoni qieset il-konsegwenzi negattivi ta' l-applikazzjoni tagħha għall-OCT ikkonċernat u l-intrapriżi milquta.

87. It-tieletnett, anki li kieku s-suq Komunitarju taz-zokkor jippreżenta diffikultajiet, l-għan li tfittex il-Kummissjoni seta' jintlaħaq permezz ta' miżura anqas restrittiva għall-OCT u l-intrapriżi milquta, bħal l-impożizzjoni ta' prezz ta' bejgħ minimu.

88. Ir-rabanett, l-Artikolu 2(2) tar-Regolament ikkontestat, safejn irendi applikabbli l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2553/97, jikser ukoll il-prinċipju tal-proporzjonalità. Fil-fatt, l-ammont tal-garanzija previst minn din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar, rigward liċenzji ta' importazzjoni, huma ugwali għal 50 % tat-tariffa doganali komuni applikabbli fil-jum tal-preżentata talba, jammonta għal madwar 43,7 EUR għal kull 100 kilogramma. Issa, sa l-1 ta' Marzu 2000, l-ammont tal-garanzija previst għaz-zokkor li jaqa' taħt is-sistema ta' oriġini akkumulata EC/OCT għola għal 0,3 Ecu għal kull 100 kilogramma. Skond il-Gvern Olandiż, bl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1464/95 tal-Kummissjoni, tas-27 ta' Ġunju 1995, dwar regoli partikulari ta' applikazzjoni tas-sistema ta' liċenzji ta' importazzjoni u ta' esportazzjoni fis-settur taz-zokkor (ĠU L 144, p. 14), il-garanzija li għandha tingħata għaz-zokkor li ġej mill-Istati ACP u minn pajjiżi terzi kienet iffissata ukoll għal 0,3 Ecu għal kull 100 kilogramma.

89. Il-Gvern Olandiż għalhekk iqis li l-ammont tal-garanzija previst mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2553/97 mhuwiex proprozjonat meta mqabbel ma' l-ammont tal-garanzija li għandha tingħata għall-importazzjoni ta' zokkor li ġej mill-Istati ACP u minn pajjiżi terzi.

90. Il-Kummissjoni twieġeb, l-ewwelnett, li s-sitwazzjoni ta' l-OCT hija differenti minn dik ta' l-Istati ACP u ta' pajjiżi terzi, billi z-zokkor mhux prodott fl-OCT. Ir-regola ta' kumulu ta' oriġini bis-saħħa ta' liema l-OCT jesportaw attwalment zokkor u taħlitiet lejn il-Komunità ma jidhrux fil-ftehim konklużi ma' l-Istati ACP u pajjiżi terzi oħra. Għaldaqstant, l-imsemmi Gvern ma jistax isostni b'mod validu li limitazzjoni tal-mekkaniżmu ta' kumulu ta' origini tikkostitwixxi ksur tal-pożizzjoni privileġġjata li fiha jinstabu l-OCT meta mqabbla ma' l-Istati ACP u pajjiżi terzi.

91. Barra minn hekk il-Kummissjoni tirrileva li ċ-ċirkostanzi ma ppermettewlhiex tanalizza fil-fond il-konsegwenzi, fuq l-ekonomija ta' ċerti pajjiżi u fuq l-industrija kkonċernata, bl-iffissar ta' kwoti għall-importazzjonijiet li ġejjin mill-OCT. L-istudju li hija għamlet fuq dan is-suġġett għandu jippermettilha tippreżenta lill-Kunsill proposta għal Regolament permanenti fuq il-kwistjoni.

92. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li t-tnaqqis ta' kwoti ta' produzzjoni Komunitarji għandu konsegwenzi gravi għall-operaturi Komunitarji, għalkemm huma biss limitati l-importazzjonijiet ta' zokkor li jibbenefikaw mill-kumulu ta' oriġini. Minbarra dan, għalkemm l-OCT ma jipproduċux zokkor, il-kwota ddeterminata fuq il-bażi annwali ta' 5 726 tunnellata tirrappreżenta kważi d-doppju ta' dak li hu previst mid-Deċiżjoni 97/803 għall-importazzjoni ta' zokkor taħt is-sistema ta' oriġini akkumulata ACP/OCT u li l-Qorti ma qisietx illegali fis-sentenza tagħha Emesa Sugar, ċitata iktar 'il fuq.

93. Fl-aħħarnett, f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-applikabilità ta' l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2553/97, il-Kummissjoni tirrileva li l-garanzija prevista minn din id-dispożizzjoni għandha l-iskop li tagħmel effettiva l-importazzjoni tal-kwantità li hija s-suġġett tat-talba u tevita għalhekk li liċenzji jiġu mitluba għal finijiet spekulattivi. Din ir-raġuni tiġġustifika d-differenza li teżisti bejn din il-garanzija u dik li hija imposta fil-każ ta' importazzjoni ta' zokkor li ġej mill-Istati ACP u pajjiżi terzi.

94. Il-Gvern Spanjol ikompli, essenzjalment, l-argument tal-Kummissjoni. Huwa jsostnu, b'mod partikulari, li l-fatt li d-Deċiżjoni OCT tipprevedi hija stess l-possibiltà li tadotta miżuri ta' protezzjoni tikkorrobora l-kompatibilità tal-miżuri in kwistjoni ma' l-arranġament ta' assoċjazzjoni ta' l-OCT.

Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

95. Skond l-Artikolu 109(2) tad-Deċiżjoni OCT:

"[...G]ħandha tingħata prijorità fl-għażla lil dawk il-miżuri li l-inqas ifixklu l-funzjonament ta' l-assoċjazzjoni u tal-Komunità. Dawn il-miżuri m'għandhomx jeċċedu dak li hu strettament indispensabbli sabiex jirrimedja d-diffikultajiet li jkunu nqalgħu." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

96. F'dan il-kaz, sabiex jiġu rrimedjati d-diffikultajiet li nqalgħu fuq is-suq Komunitarju, l-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat jillimita l-importazzjonijiet ta' zokkor u ta' taħlitiet ta' oriġini akkumulata EC/OCT għal kwantità massima ta' 3 340 tunnellata għall-perijodu kkunsidrat. Jirriżulta mid-disa' premessa ta' l-imsemmi Regolament li din iċ-ċifra tirrappreżenta "it-total ta' l-ogħla volumi annwali ta' l-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati li ġew ikkonstatati matul it-tliet snin qabel is-sena 1999, is-sena li fiha l-importazzjonijiet irreġistraw żieda esponenzjali u li dwarhom hemm inkjesta pendenti mmexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) minħabba suspetti ta' irregolaritajiet. L-importazzjonijiet ta' prodotti li jaqgħu taħt il-Kodiċijiet 1806 10 30 u 1806 10 90 għandhom ikunu s-suġġett, huma ukoll, ta' miżuri ta' protezzjoni minħabba fl-ammont kbir ta' zokkor li fihom u l-effetti detrimentali ta' l-istess natura bħaz-zokkor mhux ipproċessat fuq ċ-CMO taz-zokkor. Din il-miżura trid tassigura li l-kwantitajiet ta' prodotti importati bi bażi ta' zokkor li ġej mill-OCT ma jaqbżux volum li jista' joħloq tfixkil fuq iċ-CMO taz-zokkor, minkejja li jiggarantixxi lilhom suq kummerċjali.

97. Fl-ewwel lok, għal f'dak li jikkonċerna l-argument ibbażat fuq il-ksur ta' l-istatus preferenzjali li minnu jibbenefika z-zokkor li ġej mill-OCT, meta mqabbel maz-zokkor li ġej mill-Istati ACP, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 109 tad-Deċiżjoni OCT jipprovdi preċiżament il-possibiltà għall-Kummissjoni li tadotta miżuri ta' protezzjoni fiċ-ċirkostanzi li huwa jsemmi. Il-fatt li l-Kummissjoni adottat tali miżura fir-rigward ta' ċerti prodotti li ġejjin mill-OCT ma jqiegħedx fid-dubju l-istatus preferenzjali li minnu jgawdu, il-prodotti li ġejjin minn dawn il-pajjiżi skond l-Artikolu 101(1) tad-Deċiżjoni OCT. Miżura ta' protezzjoni hija, fil-fatt, minn natura tagħha stess eċċezzjonali u temporanja.

98. Barra minn hekk, f'dan il-każ, kif irrilevat il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 205 tas-Sentenza Rica Foods et vs il-Kummissjoni, ċitata iktar 'il fuq, huma biss iz-zokkor u t-taħlitiet importati taħt is-sistema tal-kumulu ta' oriġini EC/OCT li huma milquta mir-Regolament ikkontestat, u ebda limitu ma huwa impost għal dak li jirrigwarda l-importazzjonijiet ta' zokkor li ġej mill-OCT skond ir-regoli ta' oriġini ordinarji, li kieku tali produzzjoni kellha teżisti.

99. B'konsegwenza, l-ewwel taqsima tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

100. Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq il-ksur ta' l-obbligu t'informazzjoni preliminari dwar il-konsegwenzi negattivi li l-miżura ta' protezzjoni setgħet jkollha fuq l-ekonomija ta' l-OCT ikkonċernati u l-intrapriżi interessati, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, fid-data meta r-Regolament ikkontestat ġie adottat, kienu diġà ġew ippreżentati rikorsi kemm quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza dwar il-kundizzjonijiet għal importazzjoni taz-zokkor li ġej mill-Antilli Olandiżi u mill-Aruba (ara, b'mod partikulari, dwar l-istess suġġett, is-sentenza Emesa Sugar, ċitata iktar 'il fuq, dwar l-importazzjonijiet ta' zokkor ta' oriġini akkumulata ACP/OCT; sentenzi Olanda vs il-Kummissjoni, C-26/00, ċitata iktar 'il fuq, u tas-17 ta' Jannar 2002, Rica Foods vs il-Kummissjoni, T-47/00, Ġabra p. II-113, f'dak li jirrigwarda l-importazzjonijiet ta' zokkor ta' oriġini akkumulata EC/OCT). Minbarra dan, kif jirriżulta mill-punti 28 sa 30 tas-sentenza Olanda vs il-Kummissjoni, ċitata iktar 'il fuq, l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2423/1999 kienet saret wara konsultazzjoni bejn il-Kummissjoni, ir-Renju ta' l-Olanda u l-Istati Membri l-oħra, waqt liema konsultazzjoni ġiet diskussa l-kwistjoni tal-konsegwenzi ekonomiċi tal-miżura ta' protezzjoni prevista.

101. Jirriżulta minn dak li ntqal preċedentement li l-Kummissjoni ġiet infurmata bis-sitwazzjoni partikulari fl-Antilli Olandiżi u fl-Aruba meta hija kienet qed tikkunsidra li tadotta ir-Regolament ikkontestat u li għalhekk kienet fil-pożizzjoni li tevalwa l-impatt ta' din ta' l-aħħar fuq l-ekonomiji ta' l-OCT kkonċernati u s-sitwazzjoni ta' l-intraprizi interessati.

102. Għaldawstant it-tieni taqsima tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

103. Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda l-allegata possibiltà li jirrikorru għal miżura iktar xierqa u anqas restrittiva min dik prevista mir-Regolament ikkontestat, biex jinkisbu l-għanjiet imfittxija mill-Kummissjoni, bħal l-impożizzjoni ta' prezz ta' bejgħ minimu, jeħtieġ jiġi mfakkar li l-prinċipju tal-proporzjonalità, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jitlob li l-atti ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jeċċedux il-limiti ta' dak li hu xieraq u neċessarju għat-twettiq ta' l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni, filwaqt li, meta jkun hemm possibiltà ta' għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenti li jinħolqu m'għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla ma' l-għanijiet imfittxija (sentenzi tat-13 ta' Novembru 1990, Fedesa et , C-331/88, Ġabra p. I4023, punt 13; tal-5 ta' Ottobru 1994, Crispoltoni et , C-133/93, C-300/93 u C-362/93, Ġabra p. I4863, punt 41; Antillean Rice Mills vs il-Kummissjoni, ċitata iktar 'il fuq, punt 52, u tat-12 ta' Lulju 2001, Jippes et , C-189/01, Ġabra p. I5689, punt 81).

104. F'dak li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju ta' l-osservanza ta' tali prinċipju, meta wieħed jikkunsidra s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha, b'mod partikolari, il-Kummissjoni fir-rigward ta' miżuri ta' protezzjoni, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta' miżura adottata f'dan il-qasam, b'riferenza għall-għan li l-istituzzjoni kompetenti tfittex li tilħaq li tista' taffettwa l-legalità ta' tali miżura (ara, f'dan is-sens is-sentenza Olanda vs il-Kunsill, C-301/97, ċitata iktar 'il fuq, punt 135 u ġurisprudenza ċitata).

105. B'hekk, f'dan il-każ, m'huwiex għall-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika jekk id-dispożizzjoni adottata mill-Kummissjoni tikkostitwixxix l-unika jew l-aħjar miżura li tista' tittieħed, iżda li tistħarreġ dwar jekk kienet manifestament mhux xierqa.

106. Issa, f'dan ir-rigward, il-Gvern Olandiż ma pprovax li l-limitazzjoni tal-kwantità ta' zokkor ta' oriġini akkumulata EC/OCT li jista' jiġi importat fil-Komunità, għal 3 340 tunnellata, waqt il-perijodu kopert mir-Regolament ikkontestat, bħala eżenzjoni ta' dazji doganali, huwa manifestament mhux xieraq biex jitwettaq l-għan imfittex.

107. Għaldaqstant it-tielet taqsima tat-tieni motiv, għandha tiġi miċħuda.

108. Fl-aħħarnett, f'dak li jirrigwarda il-kontestazzjoni dwar il-validità ta' l-Artikolu 2(2) tar-Regolament ikkontestat, għandu jiġi osservat li l-għan imfittex mill-Kummissjoni, meta jimponi garanzija t'ammont għoli għall-importazzjoni ta' zokkor ta oriġini akkumulata EC/OCT, jikkonsisti, kif hija enfasizzat, f'li jiġi evitat aġir spekulattiv.

109. Tali garanzija ma tipprivax lill-intrapriżi interessati mill-possibiltà li jesportaw zokkor lejn il-Komunità. Fil-fatt, jekk l-ammont tal-garanzija għandu jingħata sabiex jinħarġu l-liċenzji ta' importazzjoni, dan l-ammont huwa mogħti lura lill-intrapriża jekk l-attivitajiet ta' importazzjoni huma mwettqa (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Olanda vs il-Kunsill, C-110/97, ċitata iktar 'il fuq, punt 132).

110. Għaldaqstant, m'huwiex stabbilit li l-miżura in kwistjoni hija manifestament mhux xierqa jew eċċessiva sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-Kummissjoni.

111. Billi lanqas ir-raba' taqsima ma tista' tintlaqa', it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-abbuż tas-setgħa

L-argumenti tal-partijiet

112. Permezz tat-tielet motiv tiegħu, l-Gvern Olandiż jikkritika lill-Kummissjoni li ppruvat tistabbilixxi restrizzjonijiet għall-importazzjonijiet taz-zokkor li jaqa' taħt is-sistema ta' kumulu ta' oriġini EC/OCT, li l-Kunsill minkejja kollox ma kienx ippreveda fir-re viżjonijiet suċċessivi tad-Deċiżjoni OCT.

113. Issa, l-Artikolu 109 tad-Deċiżjoni OCT ma jagħtix lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali li tikkoreġi jew tikkompleta Deċiżjoni tal-Kunsill meta effetti ta' din ta' l-aħħar, previsti jew biss ikkunsidrati, joħorġu in segwitu. Din l-argumentazzjoni hija iktar pertinenti billi, f'dan il-każ, il-Kunsill ma rrinunzjax, meta pproroga d-Deċiżjoni 91/482, milli jieħu miżuri dwar iz-zokkor ta' oriġini akkumulata EC/OCT u dwar it-taħlitiet.

114. Il-Kummissjoni twieġeb li, fis-sentenza ta' l-10 ta' Frar 2000, Antilli Olandiżi vs il-Kummissjoni (T-32/98 et T-41/98, Rec. p. II-201), il-Qorti tal-Prim'Istanza ma kkunsidratx li hija kienet abbużat mill-setgħa tagħha.

115. Il-Gvern Spanjol iqis li r-Renju ta' l-Olanda ma ressaq ebda prova ta' natura li tistabbilixxi li r-Regolament ikkontestat ma tteħiedx bl-iskop li jiġi evitat id-deterjorament tas-settur taz-zokkor Komunitarju.

Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

116. Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxi abbuż ta' setgħa il-fatt, għal istituzzjoni, li teżerċita l-kompetenzi tagħha bl-iskop esklussiv jew, ta' l-inqas, billi tipprova tilħaq għanjiet differenti minn dawk eċepiti jew billi tevita proċedura prevista speċjalment mit-trattat biex tagħmel tajjeb għaċ-ċirkostanzi tal-każ (ara, b'mod partikulari, sentenzi tat-12 ta' Novembru 1996, Renju Unit vs il-Kunsill, C-84/94, Ġabra p. I5755, punt 69, u ta' l-14 ta' Mejju 1998, Windpark Groothusen vs il-Kummissjoni, C-48/96 P, Ġabra p. I2873, punt 52).

117. F'dan il-każ, jirriżulta mill-eżami ta' l-ewwel motiv li l-Kummissjoni ġustament tikkunsidra, li l-importazzjonijiet ta' zokkor ta' oriġini akkumulata EC/OCT joħolqu "diffikultajiet", skond l-Artikolu 109(1) tad-Deċiżjoni OCT, li jistgħu jfixklu l-funzjonament ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor.

118. Minbarra dan, il-Gvern Olandiż ma ressaq l-ebda prova minn liema jirriżulta li r-Regolament ikkontestat ma ġiex adottat bl-iskop li jagħmel tajjeb għat-tfixkil ikkonstatat jew biex jiġi evitat tfixkil iktar gravi fuq is-suq Komunitarju taz-zokkor. F'dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li l-Kunsill introduċa, fl-Artikolu 108b tad-Deċiżjoni OCT, limitu kwantitattiv għaz-zokkor ta' oriġini ACP/OCT ma jaffettwax id-dritt tal-Kumissjoni skond l-Artikolu 109(1) tad-Deċiżjoni OCT li tieħu l-miżuri ta' protezzjoni neċessarji f'dak li jirrigwarda iz-zokkor jew kull prodott ieħor li ġej mill-OCT, jekk il-kundizzjonijiet għall-addozzjoni ta' tali miżuri huma kollha sodisfatti.

119. B'konsegwenza, it-tielet motiv għandu wkoll jiġi miċħud.

Fuq ir-raba' motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' vjolazzjoni ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

120. Permezz tar-raba' motiv tiegħu, il-Gvern Olandiż isostni li r-Regolament ikkontestat ma fih l-ebda motivazzjoni:

- għall-raġunijiet għal liema l-Kummissjoni qieset neċessarju li mill-1 ta' Marzu 2000 tieħu miżuri iktar stretti minn dawk li kienu jikkonċernaw il-perijodu ta' qabel;

- għall-addozzjoni ta' restrizzjonijiet identiċi għaz-zokkor u t-taħlitiet li ġejjin mill-OCT, filwaqt li r-Regolament Nru 2423/99 jipprovdi miżuri differenti għal dawn iż-żewġ tipi ta' prodotti;

- għar-riskju ta' degradazzjoni tas-sitwazzjoni fuq is-suq taz-zokkor Komunitarju minħabba fl-importazzjonijiet imnaqqsa ta' zokkor u ta' taħlitiet ta' oriġini akkumulata EC/OCT;

- tad-deroga għall-pożizzjoni preferenzjali minn liema jgawdu l-OCT meta mqabbla ma' l-Istati ACP u ma' pajjiżi terzi.

121. Minbarra dan, il-Gvern Olandiż isostni li l-motivazzjoni ta' l-iffisar tal-kwota għal 3 340 tunnellata mhijiex biżżejjed. Il-Kummissjoni ma ratx il-fatt li l-importazzjonijiet ta' zokkor ta' oriġini akkumulata EC/OCT bdew biss mill-1999 u li l-importazzjonijiet ta' dawn il-prodotti ġew imħeġġa mill-Kunsill.

122. Minn naħa l-oħra l-Kummissjoni tqis, li l-motivazzjoni għar-Regolament ikkontestat jissodisfa l-eżiġenzi li joħorġu mill-ġurisprudenza billi tindika b'mod ċar ir-raġunament segwit mill-awtur ta' l-att. Il-ġurisprudenza ma teżiġix li l-Kummissjoni tesponi r-raġunijiet għal liema hi tieħu miżura differenti minn dik meħuda ftit xhur qabel. F'kull każ il-preambolu tar-Regolament indika r-raġuni għal din il-bidla fil-pożizzjoni.

123. Il-Gvern Spanjol jieħu pożizzjoni identika għal dik tal-Kummissjoni. Huwa jżid li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward, bħal f'dan il-każ, ta' att ta' applikazzjoni ġenerali, il-motivazzjoni tista' tkun limitata għall-indikazzjoni, min-naħa, tas-sitwazzjoni ġenerali li tkun wasslet għall-addozzjoni ta' tali att u, min-naħa 'l-oħra, ta' l-għanjiet ġenerali li l-awtur tagħhom ifittex li jilħaq. Jekk mill-att ikkontestat joħroġ l-essenzjal ta' l-għan li l-istituzzjoni kkonċernata tfittex li tilħaq, ikun eċċessiv li wieħed jeżiġi motivazzjoni speċifika tal-varji għażliet tekniċi li tkun għamlet. Din il-pożizzjoni hija iktar u iktar ġustifikata meta, bħal fil-każ preżenti, l-istituzzjonijiet Komunitarji jkollhom marġni ta' diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward ta' l-għażla tal-mezzi neċessarji għat-twettiq ta' politika kumplessa.

Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

124. Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura ta' l-att in kwistjoni u għandha turi b'mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament ta' l-istituzzjoni, awtriċi ta' l-att, b'mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jagħrfu r-raġunijiet għat-teħid tal-miżura adottata u lill-Qorti Komunitaja li teżerċita l-istħarriġ tagħha. M'huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta' fatt u ta' dritt rilevanti billi l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta' att tissodisfax l-eżiġenzi ta' l-Artikolu 253 KE għandha tiġi valutata b'referenza mhux biss għall-kliemli fih, iżda ukoll għall-kuntest tiegħu kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-materja kkonċernata (ara, b'mod partikulari, is-sentenzi ta' l-4 ta' Frar 1997, Il-Belġju u l-Ġermanja vs il-Kummissjoni, C9/95, C-23/95 u C-156/95, Ġabra p. I645, punt 44, u tat-2 ta' April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink's France, C-367/95 P, Ġabra p. I1719, punt 63).

125. Jeħtieġ jiġi kkonstatat li mill-ewwel sas-seba' premessa tar-Regolament ikkontestat il-Kummissjoni esponiet id-diffikultajiet li seħħew fuq is-suq Komunitarju taz-zokkor, ir-raġunijiet għal liema dawn id-diffikultajiet huma suxxettibbli li joħolqu deterjorament fil-funzjonament ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq u ta' l-effetti negattivi għall-operaturi Komunitarji, b'mod partikulari, minħabba fir-riskju serju li jridu jitnaqqsu l-kwoti ta' produzzjoni Komunitarji. Minbarra dan, din l-istituzzjoni ppreżentat, fid-disa' premessa ta' dan ir-Regolament, riprodott kollu kemm hu fil-punt 96 ta' din is-sentenza, ir-raġunijet li wassluha tistabbilixxi l-kwoti in kwistjoni.

126. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Olandiż, il-preambolu tar-Regolament ikkontestat juri b'mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-Kummissjoni, b'mod li jippermetti lill-interessati li jsiru jafu r-raġunijiet li jiġġustifikaw il-miżuri meħuda u lill-Qorti li teżerċita l-istħarriġ tagħha, kif jirriżulta wkoll mill-eżami tal-motivi preċedenti. Minbarra dan, ir-Renju ta' l-Olanda kien involut sew fil-proċess ta' abbozzar tar-Regolament ikkontestat.

127. Billi r-raba' motiv ukoll ma jistax jintlaqa', ir-rikors għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

128. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli ta' Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-Kummissjoni talbet li r-Renju ta' l-Olanda jiġi kkundannat għall-ħlas ta' l-ispejjeż u peress illi dan tilef il-kawża, għalhekk huwa għandu jiġi kkundannat jħallas l-ispejjeż. Konformement ma' l-Artikolu 69(4), ir-Renju ta' Spanja u r-Repubblika Franċiża jbatu l-ispejjeż tagħhom.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeciedi li:

1) Ir-rikors huwa miċħud.

2) Ir-Renju ta' l-Olanda għandu jbati l-ispejjeż.

3) Ir-Renju ta' Spanja u r-Repubblika Franċiża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Top