EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 61999CJ0513

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Settembru 2002.
Concordia Bus Finland Oy Ab, magħrufa qabel bħala Stagecoach Finland Oy Ab vs Helsingin kaupunki u HKL-Bussiliikenne.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Korkein hallinto-oikeus - il-Finlandja.
Direttivi 92/50/KEE u 93/38/KEE.
Kawża C-513/99.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2002:495

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

17 ta’ Settembru 2002 (*)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi fis-settur tat-trasport – Direttivi 92/50/KEE u 93/38/KEE – Muniċipalità kontraenti li torganizza s-servizzi ta’ trasport bil-karozzi tal-linja u li entità ekonomika indipendenti tagħha tipparteċipa fis-sejħa għal offerti bħala offerent – Teħid in kunsiderazzjoni ta’ kriterji relatati mal-ħarsien ta’ l-ambjent sabiex tkun determinata l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament – Ammissibbiltà meta l-entità muniċipali li qegħda tagħmel l-offerta tissodisfa dawn il-kriterji b’aktar faċilità”

Fil-kawża C-513/99

li għandha bħala suġġett talba indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja, taħt l-Artikolu 234 KE mill-Korkein hallinto oikeus (il-Finlandja), u intiża sabiex tikseb, fil-proċeduri pendenti quddiem din l-istess qorti bejn

Concordia Bus Finland Oy Ab, anciennement Stagecoach Finland Oy Ab,

u

Helsingin kaupunki,

HKL-Bussiliikenne,

deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 2(1)(a), (2)(c) u (4) u 34 (1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, ta’ l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni (ĠU L 199, p.84) kif emendata bl-Att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Reppublika ta’ l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta’ l-Iżvezja u l-aġġustamenti tat-Trattati li fuqhom hija msejjsa l-Unjoni Ewropea ( ĠU 1994 C 241, p. 21, u ĠU 1995 L 1, p. 1) u ta’ l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn: G. C.Rodriguez Iglesias, President, P. Jann u F. Macken, Presidenti ta’ Awla, C. Gulmann, D.A.O. Edward, A. La Pergola, M.Wathelet, R.Schintgen u V. Skouris (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mischo,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet bil-miktub:

–        għal Concordia Bus Finland Oy Ab, minn M. Heinonen, oikeustieteen kandidaatti,

–        għal Helsingin Kaupunki, minn A.-L. Salo-Halinen, bħala aġent,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä, bħala aġent,

–        għall-Gvern Elleniku, minn D. Tsagkaraki u K. Grigoriou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. A. Fierstra, bħala aġent,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Nolin, bħala aġent, assistit minn E. Savia, avocat,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta’ Concordia Bus Finland Oy Ab, irrappreżentata minn M. Savola, asianajaja; ta’ Helsingin Kaupunki, irrappreżentata minn A.-L. Salo-Halinen, tal-Gvern Finlandiż, irrappreżentat minn T. Pynnä, tal-Gvern Elleniku, irrappreżentat minn K. Grigoriou, tal-Gvern Olandiż irrappreżentat minn M.A. Fierstra, tal-Gvern Awstrijak, irrappreżentat minn M. Winkler, bħala aġent, tal-Gvern Żvediż, irrappreżentat minn A. Kruse; tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn R. Williams, barrister, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn M. Nolin, assistit minn E. Savia, fis-seduta tad-9 ta’ Ottubru 2001,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2001,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’digriet tas-17 ta’ Diċembru 1999, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Diċembru 1999, il-Korkein hallinto oikeus għamlet, skond l-Artikolu 234 KE, tlett domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 2(1)(a), 2(c) u (4) u 34(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, ta’ l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni (ĠU L 199, p. 84) kif emendata bl-Att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Reppublika ta’ l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta’ l-Iżvezja u l-aġġustamenti tat-Trattati li fuqhom hija msejjsa l-Unjoni Ewropea (ĠU 1994 C 241, p. 21, u ĠU 1995 L 1, p. 1) u ta’ l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p .1).

2        Dawn id-domandi tqajjmu fil-kuntest ta’ proċeduri bejn Concordia Bus Finland Oy Ab (iktar ’il quddiem “Concordia”) u Helsingin Kaupunki (Belt ta’ Helsinki) u l-impriża HKL-Bussiliikenne (iktar ’il quddiem “HKL” dwar il-validità ta’ deċisjoni tal-Liikepalveluluautakunta (kumitat tas-servizzi kummerċjali) tal-belt ta’ Helsinki li tagħti l-kuntratt relatat ma’ l-operazzjoni ta’ rotta tan-netwerk ta’ karozzi tal-linja urbani ta’ din ta’ l-aħħar lil HKL.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

 Id-Direttiva 92/50

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/50 jistipola:

“Għall-iskopijiet ta’din id-Direttiva:

a)      kuntratti ta’ servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] għandhom ifissru kuntratti għal interess pekunjarju konklużi bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u awtorità kontraenti, bl-esklużjoni ta’:

[...]

ii)      kuntratti mogħtija fl-oqsma msemmija fl-Artikoli 2,7,8 u 9 tad-Direttiva 90/531/KEE jew is-sodisfazzjon tal-kondizzjonijiet fl-Artikolu 6(2) ta’ l-istess Direttiva;

         [...]”

4        L-Artikolu 36 tad-Direttiva 92/50, intitolat “Kriterji għall-għoti ta’ kuntratti” jaqra:

“Mingħajr preġudizzju għal liġijiet nazzjonali, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi għar-rimunerazzjoni ta’ ċerti servizzi, il-kriterji li fuqhom l-awtorità kontraenti għandha tibbaża l-għoti tal-kuntratti jistgħu jkunu:

(a)       meta l-għoti jsir lill-oferta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, varji kriterji li jirrelataw għall-kuntratt: per eżempju, kwalità, mertu tekniku, karatteristiċi estetiċi u funzjonali, assistenza teknika u servizz ta’ wara l-bejgħ, data ta’ kunsinna, perijodu ta’ kunsinna jew perijodu tal-kompletazzjoni, prezz; jew

(b)       l-iktar prezz baxx biss.

2. Meta l-kuntratt għandu jingħata lill-o[f]ferta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, l-awtorità kontraenti għandha tiddikjara fid-dokumenti tal-kuntratt jew fin-notifika ta’ offerta [sejħa għal offerti] il-kriterja ta’ l-għoti li hija jkollha l-intenzjoni tapplika, meta possibbli f’ordni dixxendenti ta’ importanza”.

 Id-Direttiva 93/38

5        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/38 jistipola:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għall-entitajiet kontraenti li:

a)      jkunu awtoritajiet pubbliċi jew intrapriżi pubbliċi u li jeżerċitaw wieħed mix-xogħlijiet li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2;

b)      meta ma jkunux awtoritajiet pubbliċi jew intrapriżi pubbliċi, ikollhom bħala waħda mill-attivitajiet tagħhom kwalunkwe waħda minn dawk li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2 jew xi assoċjazzjoni minnhom u li joperaw fuq il-bażi ta’ drittijiet speċjali jew esklussivi maħruġa minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru.

2.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, xogħlijiet rilevanti għandhom ikunu:

[...]

c)      it-tħaddim ta’ networks li jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija, sistemi li jaħdmu weħidhom, tramway, trolley bus, karrozzi tal-linja jew kejbil.

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi tat-trasport, għandu jiġi kkunsidrat li jeżisti network fejn is-servizz ikun ipprovdut f’kundizzjonijiet ta’ tħaddim preskritti minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, bħal kundizzjonijiet fuq ir-rotot li għandhom jiġu servuti, il-kapaċità li jkunu disponibbli jew il-frekwenza tas-servizz;

[...]

4.      Il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ta’ karrozzi tal-linja lill-pubbliku ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala attività rilevanti fit-tifsira tal-paragrafu 2 (ċ) fejn entitajiet oħra huma liberi li jipprovdu dawk is-servizzi, jew b’mod ġenerali jew f’wesgħa ġeografika partikolari, taħt l-istess kundizzjoni bħall-entitajiet kontraenti.

[...]”

6        Taħt l-Artikolu 34 tad-Direttiva 93/38:

“1.      Mingħajr preġudizzju għal-liġijiet, regolament jew dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali dwar ir-remunerazzjoni ta’ ċerti servizzi, il-kriterji li fuqhom l-entitajiet kontraenti għandhom jibbażaw l-għoti tal-kuntratti għandhom ikunu:

a)      l-offerta l-aktar vantaġġjuża ekonomikament, li tinvolvi diversi kriterji li jiddependu mill-kuntratt ikkonċernat, bħal: il-kunsinna jew id-data li fiha jitlesta, l-ispejjeż kurrenti, il-profitti, l-kwalità, l-estetika u l-karatteristiċi ta’ tħaddim, il-mertu tekniku, is-servizz ta’ wara l-bejgħ u l-assistenza teknika, l-impenn f’dak li għandu x’jaqsam ma’ spare parts, is-sigurtà tal-provvisti u l-prezz; jew

b)      l-inqas prezz biss.

2.      Fil-każ li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 (a), l-entitajiet kontraenti għandhom jiddikjaraw fid-dokumenti tal-kuntratti jew fl-istedina [sejħa] għal offerti l-kriterji kollha li huma għandhom il-ħsieb li japplikaw, fejn possibbli, f’ordni dixxendenti ta’ importanza.

[...]”

7        L-Artikolu 45 (3) u (4) tad-Direttiva 93/38 jistipola:

“3.      Id-Direttiva 90/531/KEE għandha tieqaf mis-seħħ mid-data li fiha din id-Direttiva tiġi applikata mill-Istati Membri u dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw tmiem-il perjodi stabbiliti preskritti fl-Artikolu 37 ta’ dik id-Direttiva.

4.      Ir-referenzi għad-Direttiva 90/531/KEE għandhom jiġu nterpretati bħal li jagħmlu referenza għal din id-Direttiva.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8        Id-Direttivi 92/50 u 93/38 kienu ġew trasposti fid-dritt Finlandiż permezz tal-Julkisista hankinnoista annettu laki (Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi) 1505/1992, kif emendata bil-Liġijiet 1523/1994 u 725/1995 (iktar ’il quddiem: “il-Liġi 1505/1992”).

9        Skond l-Artikolu 1 tal-Liġi 1505/1992, l-awtoritajiet nazzjonali u muniċipali, kif ukoll l-entitajiet kontraenti l-oħra speċifikati f’din l-imsemmija liġi għandhom jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tagħha sabiex jorganizzaw kompetizzjoni u jiggarantixxu trattament ugwali u mhux diskriminatorju lill-parteċipanti.

10      Skond l-Artikolu 2 tal-Liġi 1505/1992, l-entitajiet kontraenti huma, fost oħrajn, l-awtoritajiet muniċipali.

11      L-Artikolu 7(1) tal-Liġi 1505/1992 jistipola, minn naħa, li, l-kuntratt għandu jsir taħt il-kundizzjonijiet l-aktar vantaġġużi u, min-naħa l-oħra, li l-offerta li għandha tiġi kkunsidrata għandha tkun dik li hija l-irħas u li hija l-iktar vantaġġuża fuq il-livell ekonomiku globali.

12      Il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fil-Finlandja huma rregolati f’aktar dettal mid-Digrieti 243/1995 dwar il-kuntratti għall-provvista, servizz u xogħolijiet li jeċċedu ċertu limitu u mir-Regolament 567/1994 dwar il-kuntratti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, enerġija, trasport u telekomunikazzjonijiet li jeċċedu ċertu livell, kif emendat bid-Digriet 224/1995 ( iktar ’il quddiem id-“Digriet 567/1994”).

13      L-Artikolu 4(1) tad-Digriet 243/1994 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, l-kuntratti li fir-rigward tagħhom japplika d-Digriet 567/1994. L-Artikolu 1(10) ta’ dan ta’ l-aħħar jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-kuntratti li fir-rigward tagħhom japplika d-Digriet 243/1995.

14      Il-paragrafu 43 tar-Regolament 243/1995 jistipola:

“1.      L-entita kontraenti għandha taċċetta jew l-offerta li, skond il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-kuntratt propost, hija globalment l-iktar vantaġġuża fuq il-livellekonomiku, jew l-offerta li tkun l-irħas. Il-kriterji ta’ l-evalwazzjoni ekonomika globali jistgħu jkunu per eżempju, il-prezz, il-perijodu ta’ kunsinna jew ta’ produzzjoni, l-ispejjeż ta’ l-użu, il-kwalità, l-ispejjeż previsti għal tul il-perijodu, il-karateristiċċi estetiċi jew funzjonali, il-vantaġġi tekniċi, is-servizzi ta’ mautenzzjoni, il-garanzija ta’ kunsinna, l-assistenza teknika, u il-kunsiderazzjonijiet ambjentali.

[...]”

15      Bl-istess mod, l-Artikolu 21(1) tad-Digriet 567/1994 jistipola li l-entita kontraenti għandha tagħżel, fost l-offerti kollha, dik li hija l-iktar vantaġġjuża fuq il-livellekonomiku, abbażi tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-provista, servizz jew xogħolijiet, jew l-offerta li hija l-irħas. Il-kriterji ta’ evalwazzjoni użati għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni ekonomika globali jistgħu jkunu, per eżempju, il-prezz, il-perijodu ta’ kunsinna, l-ispejjeż ta’ l-użu, l-ispejjeż previsti għal tul il-perijodu, il-kwalità, il-karatteristiċi ekoloġiċi, estetiċi jew funzjonali, il-vantaġġi tekniċi, is-servizzi ta’ manutenzzjoni u l-assitenza teknika.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

 L-organizzazzjoni tas-servizzi ta’ trasport bil-karozza tal-linja tal-belt ta’ Helsinki

16      Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-kunsill muniċipali ta’ Helsinki, fis-27 ta’ Awissu 1997, iddeċieda li jissuġġetta progressivament għas-sejħa għal offerti n-netwerk sħiħa ta’ karozzi tal-linja urbani tal-belt ta’ Helsinki b’mod illi l-ewwel linja mogħtija tibda topera mill-bidu tas-servizza tal-Ħarifa ta’ l-1998.

17      Skond il-leġiżlazzjoni dwar it-trasport pubbliku tal-belt ta’ Helsinki, l-ippjanar, l-iżvilupp, l-implementazzjoni u l-organizzazzjoni in ġenerali kif ukoll is-superviżjoni ta’ l-imsemmi trasport pubbliku, sakemm mhux ipprovdut mod ieħor, jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Joukkoliienlautakunta (kumitat tat-trapsort pubbliku) u tal-Helsingin kaupungin liikennelaitos (departiment tat-trasport tal-belt ta’ Helsinki, iktar ’il quddiem id-“dipartiment tat-trasport”) li huwa subordinat għall-imsemmija kumitat.

18      Skond il-leġiżlazzjoni applikabbli, huwa l-kumitat tas-servizzi kummerċjali tal-belt ta’ Helsinki li huwa responsabbli li jiddeċċiedi fuq l-għoti ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku urban abbażi ta’ l-oġġettivi approvati mill-kunsill muniċipali ta’ Helsinki u mill-kumitat tat-trasport pubbliku. Minn barra dan, l-uffiċċju ta’ sejħa għal offerti tal-belt ta’ Helsinki huwa responsabbli għat-twettiq ta’ l-operazzjonijiet dwar il-kuntratti ta’ trasport pubbliku urban.

19      Id-dipartiment tat-trasport huwa impriża kummerċjali muniċipali li, mil-lat funzjonali u ekonomiku, huwa maqsum f’erba’ unitajiet ta’ produzzjoni (karozzi tal-linja, trammijiet, metro kif ukoll servizzi infrastrutturali tal-binarji u immobbli). L-unità tal-produzzjoni li tikkonċerna l-karozzi tal-linja hija HKL. Id-dipartiment tat-trasport jikludi fih ukoll unità prinċipali tal-grupp, li tikkonsisti f’unità ta’ l-ippjanar u f’unità amministrattiva u ekonomika. L-unità ta’ l-ippjanar taġġixxi bħala dik li tagħti ordnijiet f’dak li għandu x’jaqsam mal-preparazzjoni tal-proposti li għandhom jitressqu lill-kumitat tat-trasport pubbliku, ir-rotot li għandhom ikunu suġġetti għas-sejħa għal offerti, u l-livell tas-servizz meħtieġ. L-unitajiet tal-produzzjoni huma fuq il-livellekonomiku distinti mill-qbija tad-dipartiment tat-trasport u għandhom kontabbiltà u karti tal-bilanċ separati.

 Il-proċedura ta’ sejħa għal offerti in kwistjoni fil-kawża prinċipali

20      B’ittra ta’ l-1 ta’ Settembru 1997 u b’avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Kommunitajiet Ewropej ta’ l-4 ta’ Settembru 1997, l-uffiċċju ta’ sejħa għal offerti tal-belt ta’ Helsinki għamel sejħa għal offerti għall-operazzjoni tan-netwerk tal-karozzi tal-linja urbana fi ħdan il-belt ta’ Helsinki, skond rotot u ħinijiet ippreċiżati f’dokument li kien jinkludi seba’ lottijiet. Il-kawża prinċipali tikkonċerna l-lott Nru 6 ta’ din is-sejħa għal offerti dwar ir-rotta Nru 62.

21      Jidher mill-proċess li, skond l-imsemmija sejħa għal offerti, il-kuntratt ikunu mogħti lill-impriża li tagħmel l-offerta l-iktar vantaġġuża għall-muniċipalità mil-lat ekonomiku globali. Din l-evalwazzjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni t-tlett kategoriji ta’ kirterji, jiġifieri l-prezz totali ta’ l-operazzjoni mitlub, il-kwalità tal-materjal (il-karozzi tal-linja), u l-ġestjoni mill-imprenditur fil-qasam tal-kwalità u ta’ l-ambjent.

22      F’dak li jikkonċerna qabel kollox il-prezz globali mitlub, l-offerta l-iktar interessanti għandha tirċievi 86 punt u n-numru ta’ punti ta’ l-offerti l-oħra huwa kkalkulat permezz tal-formula sussegwenti: numru ta’ punti = l-ammont tal-pagament annwali ta’ l-operazjoni ta’ l-offerta l-iktar interessanti diviż bl-offerta kkunsidrata u mmultiplikat b’86.

23      Sussegwentement, fir-rigward tal-kwalità tal-materjal, offerent jista’ jikseb massimu ta’ 10 punti addizzjonali fuq il-bażi ta’ numru ta’ kriterji. Għaldaqstant, tali punti kienu ġew mogħtija b’mod partikolari għall-użu ta’ karozzi tal-linja li għandhom, minn naħa, emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu taħt l-4 g/k Wh (+2.5 punti/karozza tal-linja) jew taħt it-2 g/k Wh (+3.5 punti/karozza tal-linja) u, min-naħa l-oħra, livell ta’ ħsejjes taħt is-77 dB (+punt/karozza tal-linja).

24      Fl-aħħar nett f’dak li jikkonċerna l-organizzazzjoni ta’ l-imprenditur fil-qasam tal-kwalità u ta’ l-ambjent, punti addizzjonali kellhom jiġu mogħtija għal diversi kriterji kwalitativi kif ukoll għal programm ta’ ħarsien ta’ l-ambjent iċċertifikati.

25      L-uffiċċju ta’ sejħa għal offerti tal-belt ta’ Helsinki rċieva tmien offerti għal-lott Nru 6, inklużi dawk ta’ HKL u ta’ Swebus Finland Oy Ab [(iktar ’il quddiem “Swebus”), li wara saret Stagecoach Finland Oy Ab (iktar ’il quddiem “Stagecoach”), imbagħad Concordia]. L-offerta ta’ din ta’ l-aħħar kienet tinkludi żewġ proposti, immarkati A u B.

26      Il-kumitat tas-servizzi kummerċjali, fit-12 ta’ Frar 1998, iddeċieda li jagħżel lil HKL bħala operatur tar-rotta li tikkostitwixxi l-lott Nru 6, peress illi l-offerta tagħha kienet meqjusa globalment bħala l-iktar vantaġġuża fuq il-livell ekonomiku. Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li Concordia (dak iż-żmien Swebus) kienet issottomettiet l-irħas offerta, u kisbet 81.44 punt għall-proposta A tagħha u 86 punt għall-proposta B tagħha. HKL kienet kisbet 85.75 punt. F’dak li jikkonċerna l-materjal, hija HKL li kisbet l-iktar punti, jiġifieri 2.94 punt, Concordia (dak iż-żmien Swebus) kisbet 0.77 punt għall-proposta A tagħha u -1.44 punt għall-proposta B tagħha. It-2.94 punt miksub minn HKL għal dan il-għan kien jinkludi l-punti massimi għall-emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu taħt it-2 g/kWh u għal-livell ta’ ħsejjes taħt is-77dB. Concordia (dak iż-żmien Swebus) ma’ kisbitx punti addizzjonali taħt il-kriterji relatati ma’ l-emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu u mal-livell ta’ ħsejjes tal-karorzzi tal-linja. HKL u Concordia kisbu l-massimu ta’ punti għaċ-ċertifikati tagħhom ta’ kwalità u ta’ ambjent F’dawk iċ-ċirkustanzi, hija HKL li kisbet globalment l-ikbar numru ta’ punti, jiġifieri 92.69 punt. Concordia (dak iż-żmien Swebus) kienet ġiet fit-tieni post, peress illi kienet kisbet 86.21 punt għall-proposta A tagħha u 88.56 punt għall-proposta B tagħha.

 L-iżvolġiment tal-proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali

27      Concordia (dak iż-żmien Swebus) ressqet rikors għal annullament quddiem il-Kilpailuneuvosto (Bord tal-Kompetizzjoni Finlandiż), fir-rigward ta’ l-imsemmija deċiżjoni tal-kumitat tas-servizzi kummerċjali, billi b’mod partikolari sostniet li l-għoti ta’ punti addizzjonali għal materjal li jippreżenta emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu u livell ta’ ħsejjes taħt ċerti limiti ma kienx ġust u kien diskriminattiv. Hija saħqet illi punti addizzjonali kienu nagħtaw għall-użu ta’ tip ta’ karozzi tal-linja li offerent wieħed biss, jiġifieri HKL, fir-realtà kellu l-possibbiltà li joffri.

28      Il-Kilpailuneuvosto ċaħad dan ir-rikors. Huwa kkunsidra li l-entità kontraenti għandha d-dritt tiddefinixxi t-tip ta’ materjal li hija tixtieq li jkun użat. Madanakollu, id-determinazzjoni tal-kriterji għall-għażla u tal-piż tagħhom għandha ssir b’mod oġġettiv, fid-dawl tal-bżonnijiet ta’ l-enitità kontraenti u tal-kwalita tas-servizz. Din l-entità għandha, jekk dan ikun neċċessarju, tkun tista’ tiġġustifika l-fondatezza ta’ l-għażla tagħha u ta’ l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tagħha.

29      Dan l-istess Bord osserva li d-deċiżjoni tal-belt ta’ Helsinki li tagħti preferenza lill-karozzi tal-linja li għandhom livell ta’ tniġġis baxx, kienet deċisjoni poltika ambjentali intiża sabiex tnaqqas il-ħsarat ikkawżati lill-ambjent miċ-ċirkulazzjoni tal-karozzi tal-linja. Din ma tikkostitwixxix difett proċedurali. Jekk dan il-kriterju kien ġie applikat b’mod inġust fir-rigward ta’ konkorrent, intervent ikun possibbli. Madanakollu, il-Kilpailuneuvosta kkonstata li l-konkorrenti kollha kellhom il-possibbiltà, jekk huma xtaqu, li jakkwistaw karozzi tal-linja li kienu jaħdmu permezz ta’ gas naturali. Għaldaqstant, huwa kkonkluda li ma tressqitx prova li l-kriterju in kwistjoni kien diskriminatorju fir-rigward ta’ Concordia.

30      Concordia (dak iż-żmien Stagecoach) ressqet quddiem il-Korkein hallinto oikeus appell intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kilpailuneuvosto. Hija sostniet illi l-għoti ta’ punti addizzjonali lill-karozzi tal-linja li għandhom l-inqas livell baxx ta’ tniġġis u li jagħmlu l-inqas ħsejjes kien jiffavorixxi lil HKL, li kienet l-unika impriża li fil-prattika kellha l-possibbiltà li tuża materjal li jista’ jikseb dawn il-punti. Hija ukoll iddikjarat illi, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni globali ta’ l-offerti, ma jistax jittieħed kont ta’ dawn il-fatturi ekoloġiċi li m’humiex direttament marbuta mas-suġġett tas-sejħa għal offerti.

31      Fid-dirgriet tar-rinviju tagħha, il-Korkein hallinto oikeus tosserva l-ewwel nett li, sabiex ikun stabbilit jekk huwiex id-Digriet 243/1995 jew id-Digriet 567/1994 li huwa applikabbli għall-każ preżenti, huwa neċċessarju li jkun aċċertat jekk il-kuntratt in kwistjoni fil-kawża prinċipali jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 jew taħt dak tad-Direttiva 93/38. F’dan ir-rigward hija tikkonstata li l-Anness VII tad-Direttiva 93/38 isemmi, fir-rigward tar-Repubblika tal-Finlandja, kemm entitajiet pubbliċi jew privati li joperaw it-trasport permezz tal-karozza tal-linja skond il-Laki luvanvaraisesta henkilöliikenteestä tiellä (Liġi dwar it-trasport ta’ persuni permezz tat-triq suġġett għal awtorizzazzjoni) 343/1991 kif ukoll id-dipartiment tat-trasport li jopera l-metro u n-netwek tat-trammijiet tal-belt ta’ Helsinki.

32      Sussegwentement il-qorti tar-rinviju tosserva li l-eżami tal-kawża jirrikjedi wkoll l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju sabiex ikun stabbilit jekk muniċipalità, meta tagħti kuntratt bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, għandiex id-dritt tieħu tqis kunsiderazzjonijiet ekoloġiċi li jikkonċernaw il-materjal propost. Fil-fatt, jekk l-argumenti ta’ Concordia dwar il-punti mogħtija abbażi tal-kriterji ambjentali u ta’ aspetti oħra kienu aċċettati, dan ikun iffisser illi n-numru ta’ punti miksuba mill-offerta B tagħha eċċeda dak miksub minn HKL.

33      Il-Korkein hallinto oikeus tikkonstata, f’dan ir-rigward, li l-Artikoli 36(1)(a) tad-Direttiva 92/50 u 34 (1)(a) tad-Direttiva 93/38 ma jsemmux il-kwistjonijiet ambjentali fil-lista tal-kriterji għad-determinazzjoni ta’ l-offerta l-iktar vantaġġuż ekonomikament. Issa, fis-sentenzi tagħha ta’ l-20 ta’ Settembru 1988, Beentjes (31/87, Ġabra p. 4635) u tat-28 ta’ Marzu 1995, Evans Medical u Macfarlan Smith (C-324/93 Ġabra p. I-563), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet illi l-awtorità kontraenti hija libera li tagħżel, sabiex tiddetermina l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, il-kriterji għall-għoti tal-kuntratt. Madanakollu, din l-għażla tista’ tikkonċerna biss kriterji intiżi sabiex tkun identifikata l-offerta l-iktar vantaġġużża ekonomikament.

34      Fl-aħħar nett il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-komunikazzjoni tal-Kummisjoni tal-11 ta’ Marzu 1988, intitolata “Il-Kuntratti Pubbliċi fl-Unjoni Ewropea” [COM (1998, 143 finali], li fiha l-Kummisjoni tikkunsidra li huwa leċitu li jitqiesu kunsiderazzjonijiet ambjentali sabiex tintagħżel l-offerta l-iktar vantaġġuża fuq il-livell ekonomiku globali, safejn l-organizzatur tas-sejħa għal offerti jibbenefika huwa stess b’mod dirett mill-kwalitajiet ekoloġiċi tal-prodott.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein hallinto oikeus iddeċidiet illi tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)      Id-dispożizzjonijiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, ta’ l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni […], u, b’mod partikolari l-Artikolu 2(1)(a), (2)(c) u (4) tagħha, għandhom ikunu interpretati fis-sens li l-imsemmija direttiva hija applikabbli għall-proċedura segwita minn muniċipalità, bħala entità kontraenti, fil-kuntest ta’ kuntratt relatat ma’ l-operazzjoni ta’ trasport bil-karozza tal-linja urban, jekk

–        il-muniċipalità hija responsabbli, fit-territorju tagħha, għall-ippjanar, l-iżvilupp, l-implementazzjoni u l-organizazzjoni in ġenerali, kif ukoll għas-superviżjoni, tat-trasport pubbliku, fit-territorju tagħha,

–        sabiex twettaq il-funzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, il-muniċipalità għandha kumitat tat-trasport pubbliku u dipartiment tat-trasport muniċipali li huwa subordinat għal dan il-kumitat,

–        id-dipartiment tat-trasport muniċipali għandu unità ta’ l-ippjanar, li taġixxi bħala dik li tagħti ordnijiet, li tipprepara proposti għall-kumitat tat-trasport pubbliku dwar ir-rotot li fir-rigward tagħhom għandu jkun hemm sejħa għal offerti u dwar il-livell ta’ kwalità li għandu jkun meħtieġ, u

–        fi ħdan id-dipartiment tat-trasport muniċipali hemm unitajiet ta’ produzzjoni li fuq il-livell ekonomiku huma distinti mill-bqija tad-departiment tat-trasport inkluża, fost oħrajn, unità li hija speċjalizzata fit-trasport bil-karozzi tal-linja u tipparteċipa f’sejħiet għal offerti relatati miegħu?

2)      Il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-kuntratti pubbliċi, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku […] jew id-dispożizzjoni simili (Artikolu 34(1)) tad-Direttiva 93/38/KEE, għandha tiġi interpretata fis-sens li muniċipalità li torganizza, bħala entità kontraenti, sejħa għal offerti dwar l-operazzjoni ta’ trasport bil-karozza tal-linja urban tista’ tinkludi, fost il-kriterji tal-kuntratt li għandu jiġi konkluż abbażi ta’ l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, barra l-prezz propost, il-programm kwalitattiv u ambjentali ta’ l-operatur tat-trasport jew diversi varji karatteristiċi oħra tal-materjal, ukoll it-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu u jew tal-livell ta’ ħsejjes, skond il-modalitajiet msemmija fis-sejħa għal offerti, b’mod li, jekk l-emmissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu jew il-livell ta’ ħsejjes ta’ ċerti vetturi huma taħt ċertu livell, jistgħu jingħataw punti addizzjonali għall-finijiet tal-paragun ta’ l-offerti?

3)      Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti hija affermattiva, ir-regoli tad-dritt Komunitarju dwar il-kuntratti pubbliċi għandhom ikunu interpretati fis-sens illi l-għoti ta’ punti addizzjonali għall-karatteristiċi tal-materjal hawn fuq msemmija dwar l-emmissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu u l-livell tal-ħsejjes huwa madankollu pprojbit jekk ikun jidher minn qabel illi l-impriża stess ta’ trasport fil-belt organizzatriċi tas-sejħa għal offerti, li topera n-netwerk ta’ karozzi tal-linja, għandha l-possibbiltà li toffri materjal li jissodisfa l-kundizzjonjiet imposti, possibbiltà li, minħabba ċirkustanzi, għandhom barra minn hekk biss ftit impriżi tas-settur?”

 Fuq id-domandi preliminari

36      Mill-bidu nett għandu jiġi rrilevat illi, kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, il-motivi invokati minn Concordia in sostenn ta’ l-appell tagħha quddiem il-Korkein hallinto oikeus huma bbażati biss fuq l-allegata illegalità tas-sistema ta’ punti għall-kriterji relatati mal-materjal previsti fis-sejħa għal offerti in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

37      Għaldaqstant, bit-tieni u t-tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, essenjalment, minn naħa, l-Artikolu 36 (1) tad-Direttiva 92/50 jew l-Artikolu 34 (1)(a) tad-Direttiva 93/38 jippermettux li jkun inkluż, fost il-kriterji tal-kuntratt pubbliku li għandu jiġi konkluż abbażi tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, it-tnaqqis ta’ l-emmissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu jew tal-livell ta’ ħsejjes tal-vetturi b’tali mod li, jekk dawn l-emmissjonijiet jew dan il-livell ta’ ħsejjes ikunu inqas minn ċertu limitu, punti addizzjonali jistgħu jingħataw għall-finijiet tal-paragun ta’ l-offerti.

38      Min-naħa l-oħra hija wkoll tistaqsi jekk ir-regoli msemmija fl-imsemmija direttivi u b’mod partikolari l-prinċipju ta’ trattament ugwali, jippermettux li jittieħdu in kunsiderazzjoni tali kriterji meta jidher mill-bidu nett li l-impriża stess ta’ trasport fil-belt organizzatriċi tas-sejħa għal offerti tinsab fost il-ftit impriżi li għandhom il-possibbiltà li jipproponu materjali li jissodisfa l-imsemmija kriterji.

39      Issa, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 36(1)(a) tad-Direttiva 92/50 u 34 (1)(a) tad-Direttiva 93/38 huma sostanzjalment ifformulati bil-istess mod.

40      Barra minn dan, hekk kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, ma kien hemm ebda diskussjoni dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew Komunitarja applikabbli.

41      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kliem ta’ l-ewwel domanda, il-Korkein hallinto oikeus mhux qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 92/50, iżda biss dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 93/38 għall-kawża prinċipali.

42      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat, minn naħa, li t-tieni u t-tielet domandi jikkonċernaw il-konformità ta’ kriterji għall-għoti tal-kuntratti, bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/50 u, min-naħa l-oħra, li, bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-risposta għal dawn id-domandi tkunx differenti fil-każ li d-Direttiva 93/38 tkun applikabbli. Minn dan jirriżulta li hemm lok li jiġu eżaminati suċċessivament it-tieni u t-tielet domandi umbgħad, fl-aħħar lok, l-ewwel domanda.

 Fuq it-tieni domanda

43      Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinvju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 92/50 għandhux ikun interpretat fis-sens li, meta, fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport urban bil-karozza tal-linja, l-awtorità kontraenti tiddeċiedi li tagħti dan il-kuntratt lill-offerent li ppreżenta l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, hija tista’ tieħu in kunsiderazzjoni t-tnaqqis ta’ emmissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu jew tal-livell ta’ ħsejjes tal-vetturi b’tali mod li, jekk dawn l-emmissjonijiet jew dan il-livell ikunu inqas minn ċertu limitu, punti addizzjonali jistgħu jingħataw għall-finijiet tal-paragun ta’ l-offerti.

 Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

44      Concordia tqis li, fil-proċedura ta’ kuntratt pubbliku, il-kriterji li jwasslu għad-deċiżjoni għandhom, skond il-kliem tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju rilevanti, ikun dejjem ta’ natura ekonomika. Jekk l-għan ta’ l-awtorità kontraenti huwa li tissodisfa kunsiderazzjonijiet ta’ natura ekoloġika jew oħrajn, ikun hemm lok li tkun segwita proċedura oħra għajr dik tas-sejħa għal offerti pubblika.

45      Min-naħa l-oħra, il-partijiet l-oħra fil-kawża prinċipali, l-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet u l-Kummisjoni jisħqu li huwa permessibbli li jkunu inklużi kriterji ta’ natura ekoloġika fost dawk li jippresedu għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku. Huma jirreferu, qabel kollox, għall-Artikoli 36(1)(a) tad-Direttiva 92/50 u 34(1)(a) tad-Direttiva 93/38, li jelenkaw biss bħala eżempju elementi li l-entità kontraenti tista’ tieħu in kunsiderazzjoni meta hija tagħti tali kuntratt; sussegwentement, huma jirreferu għall-Artikolu 6 KE, li jeħtieġ li l-ħarsien ta’ l-ambjent ikun integrat fil-politika l-oħra tal-Komunità; fl-aħħar nett, huma jirreferu għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Beentjes kif ukoll Evans Medical u Macfarlan Smith, li jippermettu lill-entità kontraenti tagħżel il-kriterji li hija tqis rilevanti meta hija tkun qegħda tevalwa offerti sottomessi.

46      Partikolarment, il-belt ta’ Helsinki u l-Gvern Finlandiż jisħqu li huwa fl-interess ta’ din ta’ l-aħħar u tal-habitanti tagħha li l-emissjonijiet li jagħmlu ħsara jkunu kemm jista’ jkun limitati. Fil-fatt għall-belt ta’ Helsinki nnifisha, li hija responsabbli għall-ħarsien ta’ l-ambjent fi ħdan it-territorju tagħha, tirriżulta ekonomija diretta minn dan, b’mod partikolari, fis-settur mediku-soċjali, li jirrapreżenta madwar 50% tal-baġit globali tagħha. Il-fatturi li jikkontribwixxu, anke fuq skala modesta, għat-titjib ta’ l-istat ta’ saħħa globali tal-popolazzjoni jippermettulha tnaqqas rapidament l-ispejjeż tagħha u f’proporżjonijiet kunsiderevoli.

47      Il-Gvern Elleniku jżid illi s-setgħa diskrezzjonali mogħti lill-awtoritajiet nazzjonali, fir-rigward ta’ l-għażla tal-kriterji għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, tissoponi li din l-għażla ma tkunx arbitrarja u li l-kriterji meħuda in kunsiderazzjoni ma jiksrux id-dispożiżżjonijeit tat-Trattat KE u, b’mod partikolari, il-prinċipji fundamentali stabbiliti fih, bħad-dritt ta’ l-istabbiliment, il-liberta li jiġu pprovduti servizzi u l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità.

48      Il-Gvern Olandiż jippreċiża li l-kriterji għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi applikati mill-awtorità kontraenti għandhom dejjem ikollhom dimensjoni ekonomika. Madankollu, huwa jikkontendi li din il-kundizzjoni hija sodisfatta fil-kawża prinċipali, peress ili l-belt ta’ Helsinki hija kemm l-awtortià kontraenti kif ukoll il-korp responsabbli finanzjarjament mill-politika ambjentali.

49      Il-Gvern Awstrijak isostni li d-Direttivi 92/50 u 93/3 jistabbilixxu żewġ restrizzjonijiet essenzjali fuq l-għażla tal-kriterji għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Min-naħa, il-kriterji magħżula mill-entità kontraenti għandhom jirrelataw mal-kuntratt li għandu jingħata u jikkonsentu li tkun determinata l-offerta li hija l-iktar vantaġġjuża ekonomikament għal din ta’ l-aħħar. Min-naħa l-oħra, dawn il- kriterji għandhom ikunu jistgħu jorjentaw is-setgħa diskrezzjonali rikonoxxuta lill-entità kontraenti fuq bażi oġġettiva u m’għandhomx jinkludu elementi ta’ għażla arbitrarja. Barra minn dan, skond dan il-Gvern, il-kriterji għall-għoti għandhom ikunu direttament marbuta mas-suġġett tal-kuntratt, ikollhom effetti li jistgħu jkunu mkejla b’mod oġġettiv u jkunu kwantifikabbli fuq il-livell ekonomiku.

50      Bl-istess mod, il-Gvern Żvediż isostni li l-għażla li għandha l-entità kontraenti hija limitata, fis-sens illi l-kriterji għall-għoti għandhom ikunu relatati mal-kuntratt li għandu jingħata u adatti sabiex tiġi determinata l-offerta l-iktar vantaġġuża minn lat ekonomiku. Huwa jżid illi dawn il-kriterji għandhom ukoll ikunu konformi mar-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi.

51      Skond il-Gvern tar-Renju Unit, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 36(1) tad-Direttiva 92/50 u 34(1) tad-Direttiva 93/38 għandhom ikunu interpretati fis-sens illi, fl-organizzazzjoni ta’ proċedura għall-għoti għall-operazzjoni ta’ servizzi ta’ trasport permezz ta’ karozzi tal-linja, awtorità jew entità kontraenti tista’, fost kriterji oħra għall-għoti tal-kuntratt, tieħu in kunsiderazzjoni kriterji ambjentali sabiex tevalwa l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, sakemm dawn il-kriterji jippermettu paragun ta’ l-offerti kollha, huma marbuta mas-servizzi li għandhom jiġyu pprovduti u kienu ġew ippubblikati minn qabel.

52      Il-Kummisjoni tikkunsidra li l-kriterji għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament għandhom jissodisfaw erba’ kundizzjonijiet. Skond il-Kummisjoni, tali kriterji għandhom ikunu oġġettivi, applikabbli għall-offerti kollha, ikunu strettament marbuta mas-suġġett tal-kuntratt in kwistjoni, u jkunu ta’ vantaġġ ekonomiku dirett għall-awtorità kontraenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

53      Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 92/50 jipprevedi li l-kriterji li abbażi tagħhom l-awtorità kontraenti tista’ tibbaża ruħa fuqhom sabiex tagħti l-kuntratti jistgħu jkunu, meta l-għoti jsir lill-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, diversi kriterji varjabbli skond il-kuntratt in kwistjoni, bħal b’mod partikolari, kwalità, mertu tekniku, karatteristiċi estetiċi u funzjonali, assistenza teknika u servizz ta’ wara l-bejgħ, data ta’ kunsinna, perijodu ta’ kunsinna jew perijodu tal-kompletazzjoni, prezz.

54      Sabiex ikun determinat jekk u taħt liema kundizzjonijiet l-awtorità kontraenti tista’, skond l-Artikolu 36(1)(a), tieħu in kundiserazzjoni kriterji ta’ natura ekoloġika, huwa neċċessarju li jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li, kif jirriżulta b’mod ċar mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni u, b’mod partikolari, mill-użu ta’ l-espressjoni “per eżempju”, il-kriterji li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kriterji għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għall-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament m’humiex elenkati b’mod eżawrjenti (ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2001, SIAC Construction, C-19/00, Ġabra p. I-7725, punt 35).

55      Fit-tieni lok, l-imsemmi Artikolu 36(1)(a) ma jistax ikun interpretat fis-sens illi kull wieħed mill-kriterji għall-għoti kkunsidrati mill-awtorità kontraenti sabiex tidentifika l-offerta l-iktar vantaġġjuża ekomomikament għandu jkun neċċessarjament ta’ natura purament ekonomika. Fil-fatt ma jistax ikun eskluż illi fatturi li m’humiex purament ekonomiċi jistgħu jaffettwaw il-valur ta’ offerta fir-rigward ta’ l-imsemmija awtorità kontraenti. Din il-konstatazzjoni hija wkoll ikkorraborata mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, li espressament jirrefferi għall-kriterju dwar in-natura estetika ta’ offerta.

56      Barra minn hekk, kif diġa ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-koordinazzjoni fuq il-livell Komunitarju tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi hija intiża sabiex jiġu eliminati l-ostakoli għall-moviment liberu tas-servizzi u tal-merkanzija (ara, b’mod partikolari, is-sentenza SIAC Construction, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

57      Fid-dawl ta’ dan l-għan u fid-dawl ukoll tal-kliem tat-tielet sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 130r(2) tat-Trattat KE, li kien ittrasferit permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam, f’forma kemm xejn emendata, għall-Artikolu 6 KE, u li jipprevedi li l-ħtiġijiet għall-ħarsien ta’ l-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implementazzjoni tal-politika u l-attivitajiet Kommunitarji, għandu jiġi konkluż illi l-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 92/50 ma jeskludix il-possibbiltà għall-awtorità kontraenti li tuża kriterji relatati mal-preżervazzjoni ta’ l-ambjent fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-offerta li hija l-iktar vantaġġjuża ekonomikament.

58      Madanakollu, din il-konstatazzjoni ma tfissirx illi kull kriterju ta’ din in-natura jista’ jittieħed in kunsiderazzjoni mill-imsemmija awtorità.

59      Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 92/50 jħalli f’idejn l-awtorita kontraenti sabiex tagħżel il-kriterji għall-għoti tal-kuntratt li hija għandha tikkunsidra, din l-għażla għandha tikkonċerna biss mandankollu kriterji intiżi sabiex tiġi identifikata l-offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament (ara, f’dan ir-rigward, fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi għal xogħolijiet, is-sentenzi iċċitati iktar ’il fuq, Beentjes, punt 19; Evans Medical u Macfarlan Smith, punt 42, kif ukoll SIAC Construcion, punt 36). Peress illi offerta għandha neċessarjament tkun relatata mas-suġġett tal-kuntratt, jirriżulta li l-kriterji għall-għoti li jistgħu jkunu kkunsidrati skond l-imsemmija dispożizzjoni għandhom, huma wkoll, ikunu marbuta mas-suġġett tal-kuntratt.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar qabel kollox illi, kif diġa ddeċidiet il-Qorti, tal-Ġustizzja sabiex tkun determinata l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, l-awtorità kontraenti għandha, fil-fatt, tkun tista’ tevalwa l-offerti sottomessi u tieħu deċiżjoni abbażi ta’ kriterji kwalitattivi u kwantitattivi varjabbli skond il-kuntratt in kwistjoni (ara, f’dan ir-rigward, fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi għal xogħolijiet, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 1985, Il-Kumisjoni vs L-Italja, 274/83, Ġabra p. 1077, punt 25).

61      Barra minn dan, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li kriterju għall-għoti li jkollu bħala effett li jagħti lill-awtorità kontraenti libertà ta’ għażla mingħajr restrizzjonijiet għall-għoti tal-kuntratt lil offerent ikun inkompatibbli ma’ l-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 92/50 (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi iċċitati iktar ’il fuq, Beentjes, punt 26 u SIAC Construction, punt 37).

62      Barra minn hekk, għandu jkun innotat illi l-implementazzjoni tal-kriterji kkunsidrati sabiex tiġi ddeterminata l-offerta l-iktar vantaġġuża għandha ssir b’osservanza tar-regoli proċedurali kollha tad-Direttiva 92/50, u b’mod partikolari tar-regoli dwar ir-reklamar li hija tinkludi. Minn dan isegwi illi, skond l-Artikolu 36(2) tagħha, il-kriterji kollha ta’ dan it-tip għandhom ikunu espressament imsemmija fid-dokumenti tal-kuntratti jew fis-sejħa għal offerti, jekk possibbli fl-ordni ta’ importanza dixxendenti li tingħatalhom, sabiex l-imprendituri jkunu jistgħu jkunu jafu dwar l-eżistenza tagħhom u dwar il-portata tagħhom (ara, f’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna kuntratti pubbliċi ta’ xogħolijiet, is-sentenzi Beentjes, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31 u 36, kif ukoll tas-26 ta’ Settembru 2000, Il-Kummisjoni vs Franza C-255/98, Ġabra p. I-7445, punt 51).

63      Fl-aħħar nett, tali kriterji għandhom josservaw il-prinċipji fundamentali kollha tad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar id-dritt ta’ l-istabbiliment u l-libertà li jkunu pprovduti servizzi (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi iċċitati iktar ’il fuq, Beentjes, punt 29, u Il-Kummisjoni v Franza, punt 50).

64      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, meta l-awtorità kontraenti tiddeċiedi li tagħti kuntratt lill-offerent li ppreżenta l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, skond l-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 92/50, hija tista’ tieħu in kunsiderazzjoni kriterji relatati mal-preservazzjoni ta’ l-ambjent sakemm dawn il-kriterji huma marbuta mas-suġġett tal-kuntratt, ma jagħtux lil din l-awtorità libertà ta’ għażla mingħajr restrizzjonijiet, huma espressament imsemmija fid-dokumenti tal-kuntratti jew fis-sejħa għal offerti, u josservaw il-prinċipji fundamentali kollha tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni.

65      F’dak li jirrigwarda l-kawża prinċipali, għandu jkun ikkonstatat, qabel kollox, illi kriterji li jittrattaw mal-livell ta’ emmissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu u mal-livell ta’ ħsejjes tal-karozzi tal-linja, bħal dawk in kwistjoni fl-imsemmija kawża, għandhom ikunu kkunsidrati bħala marbuta mas-suġġett ta’ kuntratt li jikkonċerna l-provvista ta’ servizzi ta’ trasport urban permezz tal-karozza tal-linja.

66      Barra minn dan, kriterji li jikkonsistu fl-għoti ta’ punti addizzjonali għall-offerti li jissodisfaw ċerti ħtiġijiet ambjentali speċifiċi u oġġettivament kwantifikabbli, m’humiex tali li jagħtu lill-awtorità kontraenti libertà ta’ għażla mingħajr restrizzjonijiet.

67      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi mfakkar li, hekk kif ġie indikat fil-punti 21 sa 24 ta’ din is-sentenza, il-kriterji in kwistjoni fil-kawża prinċipali kienu ġew espressament imsemmija fis-sejħa għal offerti ppubblikata mill-uffiċċju ta’ sejħa għal offerti tal-belt ta’ Helsinki.

68      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-punt dwar jekk il-krtierji in kwistjoni fil-kawża prinċipali josservawx, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, għandu jkun eżaminat fil-kuntest tar-risposta li għandha tingħata lit-tielet domanda preliminari, li preċiżament tikkonċerna dan il-punt.

69      Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun illi l-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 92/50 għandu jiġi interpretat fis-sens illi, meta, fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport urban permezz tal-karozza tal-linja, l-awtorità kontraenti tiddeċiedi li tagħti kuntratt lill-offerent li jippreżenta l-offerta l-iktar vantuġġuża ekonomikament, hija tista’ tieħu in kunsiderazzjoni kriterji ekoloġiċi, bħal-livell ta’ emmissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġinu jew il-livell ta’ ħsejjes tal-karozzi tal-linja, sakemm dawn il-kriterji huma marbuta mas-suġġett tal-kuntratt, ma jagħtux lil din l-awtorità libertà ta’ għażla mingħajr restrizzjonijiet, huma espressament imsemmija fid-dokumenti tal-kuntratti jew fis-sejħa għal offerti, u josservaw il-prinċipji fundamentali kollha tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni.

 Fuq it-tielet domanda

70      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ trattament ugwali jipprekludix it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ kriterji marbuta mal-ħarsien ta’ l-ambjent, bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba l-fatt li l-impriża ta’ trasport stess ta’ l-entità kontraenti tinsab fost il-ftit impriżi li għandhom il-possibbiltà jipproponu materjal li jissodisfa l-imsemmija kriterji,

 Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

71      Concordia ssostni li l-possibbiltà li jintużaw karozzi tal-linja li jaħdmu permezz bil-gass naturali, li fil-prattika, kienu l-uniċi li jissodisfaw il-kriterju addizzjonali ta’ tnaqqis ta’ l-emmissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġinu u tal-livell ta’ ħsejjes, kienet limitata ħafna. Fil-fatt, fid-data tas-sejħa għal offerti, kien hemm stazzjon ta’ servizzi wieħed biss fit-territorju tal-Finlandja kollu li kien jissupplixxi gass naturali. Il-kapaċità ta’ dan l-istazzjon ta’ servizzi ppermettiet li tissupplixxi madwar ħmistax-il karozza tal-linja li jaħdmu bil-gass naturali. Issa, ftit taż-żmien qabel is-sejħa għal offerti kkontestata, HKL kienet ordnat ħdax-il karozza tal-linja ġdida li jaħdmu bil-gass naturali, li jfisser illi l-kapaċità ta’ dan l-istazzjon ta’ servizzi kienet kollha użata u li ma kienx possibbli li jissupplixxi vetturi oħra. Barra minn dan, dan l-istazzjon ta’ servizzi kien biss provviżorju.

72      Minn dan Concordia tikkonkludi li HKL kienet l-unika offerent illi realment kellha l-possibbiltà li toffri karozzi tal-linja li jaħdmu bil-gass. Għaldaqstant hija tipproponi li r-risposta għat-tielet domanda tkun l-għoti ta’ punti abbażi ta’ l-emmissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġinu u tat-tnaqqis tal-livell ta’ ħsejjes tal-karozzi tal-linja ma jistax ikun aċċettat, għal ta’ l-inqas fil-każ fejn l-operaturi kollha tas-settur ikkonċernat m’għandhomx il-possibbiltà, anki teorika, li jipproponu servizzi li jagħtu dritt għal dan l-għoti.

73      Il-belt ta’ Helsinki ssostni li hija ma kellha l-ebda obbligu li tissottometti għall-proċedura għal sejħa għal offerti s-servizzi tagħha stess ta’ trasport permezz ta’ karozza tal-linja, kemm jekk taħt id-dritt Komunitarju kif ukoll taħt il-leġiżlazzjoni Finlandiża. Fil-fatt peress illi sejħa għal offerti dejjem tinvolvi xogħol u spejjeż addizzjonali hija ma kien ikollha ebda motiv raġonevoli li torganizza din is-sejħa għal offerti jekk hija kienet taf li biss l-impriża li tagħha hija l-proprjetarja jkollha l-possibbiltà li tipproponi materjal li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mis-sejħa għal offerti jew li kieku hija verament riedet tirriżerva għaliha nnifisha l-operazzjoni ta’ dan it-trasport.

74      Il-Gvern Finlandiż iqis illi l-evalwazzjoni ta’ l-oġġettività tal-kriterji stabbiliti fis-sejħa għal offerti in kwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’, b’mod definittiv, taħt l-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali.

75      Il-Gvern Olandiż isostni li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-kriterji għall-għoti għandhom ikunu oġġettivi u li ma tista’ ssir ebda diskriminazzjoni bejn l-offerenti. Madanakollu, fil-punti 32 u 33 tas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1999, Fracasso u Leitshultz (C-27/98, Ġabra p. I-5697), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet effettivament iddeċidiet li, meta, fit-tmiem ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, jibqa’ biss offerta waħda, l-awtorità kontraenti m’hijiex obbligata tagħti l-kuntratt lill-offerent wieħed li jkun meqjus denju li jipparteċipa fiha. Madanakollu, minn dan ma jirriżultax li, jekk jibqa’ offerent wieħed biss minħabba l-kriterji għall-għoti applikati, dawn huma illeċiti F’kull każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fil-kawża prinċipali, il-kompetizzjoni kinitix effettivament distorta.

76      Skond il-Gvern Awstrijakk, l-użu tal-kriterji għall-għoti in kwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ fil-prinċipju, ikun aċċettat, u dan anki fil-każ fejn, bħal fil-kwistjoni mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju, biss numru relattivament limitat ta’ offerenti huwa f’pożizzjoni li jissodisfhom. Madankollu jidher illi, skond il- ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-22 ta’ Settembru 1998, , Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, 45/87, Ġabra p. 4929), hemm limitu għall-ammissibbiltà ta’ ċerti rekwiżiti ekoloġiċi minimi, fejn il-kriterji użati jirristrinġu s-suq tal-provvista jew tal-proddott li għandu jiġi fornut sal-punt li jibqa’ biss offerent wieħed. Madankollu xejn ma jindika li dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali.

77      Il-Gvern Żvediż isostni li l-fatt li jittieħed in kunsiderazzjoni l-kriterju dwar l-emmissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu bil-mod li bih kien sar fil-kawża prinċipali implika li l-offerent li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu karozza tal-linja li taħdem bil-gas jew bl-alkoħol kien ippremjat. Skond dan il-Gvern, xejn ma kien jimpedixxi lill-offerenti l-oħra milli jakkwistaw tali karozzi tal-linja. Dawn il-vetturi huma disponibbli fis-suq għal diversi snin.

78      Il-Gvern Żvediż jikkunsidra li l-fatt li jingħataw punti addizzjonali għall-emmissjonijiet baxxi ta’ ossidu tan-nitroġen u għal livell ta’ ħsejjes baxx tal-karozzi tal-linja li l-offerent jipproponi li jqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta, izda japplika mingħajr distinzzjoni. Barra minn hekk, dan l-għoti ma jidhirx li huwa indirettament diskriminatorju fis-sens li dan kellu neċessarjament bħala effett li jiffavorixxi lil HKL.

79      Skond il-Gvern tar-Renju Unit, id-Direttiva 93/38 ma timpeddixxix l-għoti ta’ punti addizzjonali fl-evalwazzjoni ta’ l-offerti fejn ikun magħruf minn qabel illi ftit impriżi jistgħu potenzjalment jisbu dawn il-punti addizzjonali, sakemm l-entità kontraenti kienet għarrfet, fl-istadju tas-sejħa għal offeri, din il-possibbiltà li jinkisbu punti addizzjonali.

80      Il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl ta’ l-opinjonijiet diverġenti tal-partijiet fil-kuntest tal-kawża prinċipali, hija m’hijiex f’pożizzjoni li tiddetermina jekk il-kriterji kkunsidrati fil-kawża prinċipali kinux jiksru l-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-offerenti. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi fuq il-kwistjoni u li għandha tiddetermina, fuq il-bażi ta’ provi oġġettivi, relevanti u konsistenti, jekk l-imsemmija kriterji kinux ġew adottati bl-għan biss illi tkun magħżula l-impriża finalment magħżula jew jekk dawn kinux ġew determinati għal dan il-għan.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

81      Hemm lok li jiġi kkonstatat li l-obbligu li jkun osservat il-prinċipju ta’ trattament ugwali jinsab fil-qofol stess tad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi, li huma intiżi b’mod partikolari sabiex jiffavorixxu l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva fl-oqsma li jaqaw taħt il-kamp ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom u li jistabbilixxu kriterji għall-għoti tal-kuntratt intiżi sabiex jigarantixxu tali kompetizzjoni (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1993, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-243/89, Ġabra p. I-3353, punt 33).

82      Għaldaqstant, skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, il-kriterji għall-għoti għandhom josservaw il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar id-dritt ta’ l-istabbiliment u l-libertà li jkunu pprovduti servizzi.

83      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat l-ewwel nett li, hekk kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, il-kriterji għall-għoti in kwistjoni fil-kawża prinċipali kienu oġġettivi u applikati mingħajr distinzjoni għall-offerti kollha. Barra minn hekk, l-imsemmija kriterji kienu direttament marbuta mal-materjal propost u kienu integrati f’sistema ta’ għoti ta’ punti. Fl-aħħar nett, fil-kuntest ta’ din is-sistema, punti addizzjonali setgħu jkunu mogħtija fuq il-bażi ta’ kriterji oħra marbuta mal-materjal, bħall-użu ta’ karozzi tal-linja baxxi, in-numru ta’ postijiet fejn wieħed jista’ jpoġġi, postijiet few wieħed ipoġġi li jitilgħu u jinżlu kif ukoll l-ammont ta’ żmien kemm ikunu ilhom li nħarġu l-karozzi tal-linja.

84      Barra minn dan, hekk kif Concordia ammettiet waqt is-seduta, hija kienet rebħet is-sejħa għal offerti dwar ir-rotta Nru 15 tan-netwerk ta’ karozzi tal-linja urban tal-belt ta’ Helsiniki, minkejja l-fatt li din is-sejħa għal offerti kienet espliċitament teħtieġ l-użu ta’ vetturi li jaħdmu bil-gass.

85      Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat illi, f’kunstest fattwali bħal dan, il-fatt illi wieħed mill-kriterji adottati mill-entità kontraenti sabiex tidentifika l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament seta’ jkun sodisfatt biss minn numru żgħir ta’ impriżi, fost liema kien hemm impriża li kienet tappartjeni għall-imsemmija entità, waħdu mhuwiex tali li jikkostitwixxi ksur tal-prinċupju ta’ trattament ugwali.

86      F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ma jipprekludix it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ kriterji marbuta mal-ħarsien ta’ l-ambjent, bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, sempliċiment minħabba l-fatt illi l-impriża stess ta’ trasport ta’ l-entità kontraenti tinsab fost il-ftit impriżi li għandhom il-possibbiltà li jipproponu materjal li jissodisfa l-imsemmija kriterji.

 Fuq l-ewwel domanda

87      Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-risposta għat-tieni u t-tielet domanda tkunx differenti jekk il-proċedura għall-għoti tal-kuntratt pubbliku in kwistjoni fil-kawża prinċipali kienet taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/38.

88      F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, illi d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 36(1)(a) tad-Direttiva 92/50 u 34(1)(a) tad-Direttiva 93/38 huma sostanzjalment ifformulati bl-istess mod.

89      It-tieni nett, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet dwar il-kriterji għall-għoti kemm tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista (ĠU L 199 p. 1), kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 199, p. 54) huma wkoll sostanzjalment ifformulati bl-istess mod bħal dawk ta’ l-Artikoli 36(1)(a) tad-Direttiva 92/50 u 34(1)(a) tad-Direttiva 93/38.

90      It-tielet nett għandu jiġi ppreċiżat li dawn id-direttivi jikkostitwixxu, fit-totalità tagħhom, il-qafas tad-dritt Komunitarju tal-kuntratti pubbliċi u huma intiżi sabiex jilħqu għanijiet simili fl-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom.

91      F’dawn il-kundizzjonijiet, m’hemm l-ebda raġuni li jiġu interpretati b’mod differenti żewġ dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt l-istess qasam tad-dritt Komunitarju u li sostanzjalment huma fformulati bl-istess mod.

92      Wara kollox, għandu jiġi mfakkar li, fil-punt 33 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-obbligu li jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ trattament ugwali jinsab fil-qofol stess tad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi. Issa, il-proċess tal-kawża prinċipali ma wera ebda element li jista’ jistabbilixxi li, f’dak li jikkonċerna l-għażla tal-kriterji għall-għoti mill-entità kontraenti, l-interpretazzjoni ta’ dan il-prinċipju għandha, f’dan il-każ, tiddependi fuq id-direttiva partikolarment applikabbli għall-kuntratt in kwistjoni.

93      Għaldaqstant, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li r-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi ma tkunx differenti jekk l-proċedura għall-għoti tal-kuntratt pubbliku in kwistjoni fil-kawża prinċipali kienet taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/38.

 Fuq l-ispejjeż

94      L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Finlandiż, Elleniku, Olandiż, Awstrijak, Żvediż u tar-Renju Unit, u mill-Kummisjoni, għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress illi l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajjma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL ĠUSTIZZJA,

b’risposta għad-domandi magħmula lilha mill-Korkein hallinto oikeus, permezz ta’ digriet tas-17 ta’ Diċembru 1999, taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku għandu jiġi interpretat fis-sens illi, meta, fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport urban permezz tal-karozza tal-linja, l-awtorità kontraenti tiddeċiedi li tagħti kuntratt lill-offerent li jippreżenta l-offerta l-iktar vantuġġuża ekonomikament, hija tista’ tieħu in kunsiderazzjoni kriterji ekoloġiċi, bħal-livell ta’ emmissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġinu jew il-livell ta’ ħsejjes tal-karozzi tal-linja, sakemm dawn il-kriterji huma marbuta mas-suġġett tal-kuntratt, ma jagħtux lil din l-awtorità libertà ta’ għażla mingħajr restrizzjonijiet, huma espressament imsemmija fid-dokumenti tal-kuntratti jew fis-sejħa għal offerti, u josservaw il-prinċipji fundamentali kollha tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni.

2)      Il-prinċipju ta’ trattament ugwali ma jipprekludix it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ kriterji marbuta mal-ħarsien ta’ l-ambjent, bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, sempliċiment minħabba l-fatt illi l-impriża stess ta’ trasport ta’ l-entità kontraenti tinsab fost il-ftit impriżi li għandhom il-possibbiltà li jipproponu materjal li jissodisfa l-imsemmija kriterji.

3)      Ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi ma tkunx differenti jekk l-proċedura għall-għoti tal-kuntratt pubbliku in kwistjoni fil-kawża prinċipali kienet taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, ta’ l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni ..

Rodríguez Iglesias

Jann

Macken

Gulmann

Edward

La Pergola

Wathelet

Schintgen

Skouris

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Settembru 2002.

R. Grass

 

      G. C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: Il-Finlandiż.

Top