EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 61999CJ0157

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Lulju 2001.
B.S.M. Smits, miżżewġa Geraets, vs Stichting Ziekenfonds VGZ u H.T.M. Peerbooms vs Stichting CZ Groep Zorgverzekeringen.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Arrondissementsrechtbank te Roermond - l-Olanda.
Libertà li jiġu provduti servizzi.
Kawża C-157/99.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2001:404

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

12 ta' Lulju 2001 (*)

“Libertà li jiġu provduti servizzi ─ L-Artikolu 59 tat-Trattat KE (li, wara li ġie emendat, sar l-Artikolu 49 KE) u l-Artikolu 60 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 50 KE) ─ Assigurazzjoni kontra l-mard ─ Sistema li tipprovdi benefiċċji in natura ─ Sistema ta’ ftehim ─ Spejjeż għall-kura fi sptar sostnuti fi Stat Membru ieħor ─ Awtorizzazzjoni minn qabel ─ Kriterji ─ Ġustifikazzjoni”

Fil-kawża C-157/99,

li għandha bħala suġġett talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 234 KE), mill-Arrondissementsrechtbank te Roermond (l-Olanda) u intiża sabiex tikseb, fil-kawżi pendenti quddiem dik il-qorti bejn

B. S. M. Smits, miżżewġa Geraets

u

Stichting Ziekenfonds VGZ

u bejn

H. T. M. Peerbooms

u

Stichting CZ Groep Zorgverzekeringen,

deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 59 tat-Trattat KE (li, wara li ġie emendat, sar l-Artikolu 49 KE) u l-Artikolu 60 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 50 KE),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, C. Gulmann, A. La Pergola (Relatur), M. Wathelet u V. Skouris, Presidenti ta' Awla, D. A. O. Edward, J.-P. Puissochet, P. Jann, L. Sevón, R. Schintgen u F. Macken, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: L. Hewlett, amministratur,

Wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

–       għal Stichting CZ Groep Zorgverzekeringen, minn E. P. H. Verdeuzeldonk, bħala aġent,

–       għall-Gvern Olandiż, minn M. A. Fierstra, bħala aġent,

–       għall-Gvern Belġjan, minn A. Snoecx, bħala aġent,

–       għall-Gvern Daniż, minn J. Molde, bħala aġent,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn W.-D. Plessing u C. D. Quassowski, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Franċiż, minn K. Rispal-Bellanger u C. Bergeot, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Irlandiż, minn M. A. Buckley, bħala aġent, assistit minn D. Barniville, BL,

–       għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u P. Borges, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä u E. Bygglin, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Żvediż, minn L. Nordling, bħala aġent,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Ewing, bħala aġent, assistita minn S. Moore, barrister,

–       għall-Gvern Iżlandiż, minn E. Gunnarsson u V. Hauksdóttir, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Norveġiż, minn H. Seland, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn P. Hillenkamp, P. J. Kuijper u H. M. H. Speyart, bħala aġenti,

Wara li rat ir-Rapport għas-seduta,

Wara li semgħet it-trattazzjoni ta’ Stichting Ziekenfonds VGZ, irrappreżentata minn H. G. Sevenster, J. K. de Pree u E. H. Pijnacker Hordijk, advocaten, ta’ Stichting CZ Groep Zorgverzekeringen, irrappreżentata minn E. P. H. Verdeuzeldonk, tal-Gvern Olandiż, irrappreżentat minn M. A. Fierstra, tal-Gvern Daniż, irrappreżentat minn J. Molde, tal-Gvern Ġermaniż, irrappreżentat minn W.-D. Plessing, tal-Gvern Franċiż, irrappreżentat minn C. Bergeot, tal-Gvern Irlandiż, irrappreżentat minn D. Barniville, tal-Gvern Awstrijak, irrappreżentat minn G. Hesse, bħala aġent, tal-Gvern Finlandiż, irrappreżentat minn E. Bygglin, tal-Gvern Żvediż, irrappreżentat minn A. Kruse, bħala aġent, tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn E. Ewing, assistita minn S. Moore, tal-Gvern Iżlandiż, irrappreżentat minn E. Gunnarsson, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn H. M. H. Speyart, fis-seduta ta' l-4 ta’ April 2000,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-18 ta’ Mejju 2000,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       B’digriet tat-28 ta’ April 1999, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ April 1999, l-Arrondissementsrechtbank te Roermond ressqet, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 234 KE) żewġ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 59 tat-Trattat KE (li, wara li ġie emendat, sar l-Artikolu 49 KE) u ta’ l-Artikolu 60 tat-Trattat KE (li, wara li ġie emendat, sar l-Artikolu 50 KE).

2       Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta' żewġ kawżi, minn naħa, bejn is-Sinjura Smits, miżżewġa Geraets, u Stichting Ziekenfonds VGZ (iktar 'il quddiem “Stichting VGZ”) u, min-naħa l-oħra, bejn is-Sur Peerbooms u Stichting CZ Groep Zorgverzekeringen (iktar 'il quddiem “Stichting CZ”), dwar ir-rimbors ta’ l-ispejjeż għall-kura fi sptar sostnuti fil-Ġermanja u fl-Awstrija rispettivament.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

3       Fl-Olanda, l-iskema ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard hija prinċipalment ibbażata fuq iż-Ziekenfondswet (il-liġi dwar il-fondi tal-mard) tal-15 ta’ Ottubru 1964 (Staatsblad 1964, Nru 392, kif sussegwentement emendata, iktar 'il quddiem iż-“ZFW”), fuq l-Algemene Wet Bijzondere Ziektekosten (il-liġi dwar l-assigurazzjoni ġenerali għall-ispejjeż tal-mard speċjali) ta' l-14 ta’ Diċembru 1967 (Staatsblad 1964, Nru 617, kif sussegwentement emendata, iktar 'il quddiem l-“AWBZ”), u fuq il-Wet op de toegang tot ziektekostenverzekeringen (il-liġi dwar l-aċċess għall-assigurazzjonijiet kontra l-mard, iktar 'il quddiem il-“WTZ”). Kemm iż-ZFW kif ukoll l-AWBZ jistabbilixxu sistema ta’ benefiċċji in natura li taħtha l-persuni assigurati huma intitolati mhux għar-rimbors ta’ l-ispejjeż sostnuti għall-kura medika, iżda għall-kura nfisha bla ħlas. Iż-żewġ liġijiet huma bbażati fuq sistema ta’ ftehim bejn il-fondi tal-mard u min jipprovdi l-kura tas-saħħa. Min-naħa l-oħra, il-WTZ tistabbilixxi sistema ta' rimbors lill-persuni assigurati u mhijiex ibbażata fuq sistema ta' ftehim.

4       Skond l-Artikoli 2 sa 4 taż-ZFW, ħaddiema li għandhom dħul annwali li ma jeċċedix ammont stabbilit bil-liġi (NLG 60 750 fl-1997), persuni ekwiparati għalihom, u persuni li jirċievu benefiċċji socjali, kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom li jgħixu magħhom u li huma dipendenti fuqhom huma assigurati awtomatikament u b'mod obbligatorju taħt din il-liġi.

5       Skond l-Artikolu 5(1) taż-ZFW, kull persuna li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha u li tixtieq tipprevalixxi ruħha minn xi dritt taħt din il-liġi għandha tirreġistra ruħha ma' fond ta' assigurazzjoni kontra l-mard li jopera fil-komun tar-residenza tagħha.

6       L-Artikolu 8 taż-ZFW jipprovdi:

“1. Persuna assigurata hija intitolata għal benefiċċji fil-forma tal-kura medika neċessarja, sakemm hija mhijiex intitolata għal din il-kura taħt l-Algemene Wet Bijzondere Ziektekosten […]. Il-fondi tal-mard għandhom jassiguraw li persuni assigurati magħhom jistgħu jipprevalixxu ruħhom minn dan id-dritt.

2.      In-natura, il-kontenut u l-portata tal-benefiċċji għandhom jiġu stabbiliti minn jew permezz ta’ Digriet Irjali, iżda għandhom f'kull każ jinkludu l-assistenza medika, li l-portata tagħha għandha tiġi definita, kif ukoll il-kura u t-trattament provdut f’kategoriji ta’ istituzzjonijiet li għandhom jiġu definiti. Barra minn dan, l-għoti ta’ benefiċċju jista’ jiġi ssuġġettat għal kontribuzzjoni finanzjarja min-naħa tal-persuna assigurata; din il-kontribuzzjoni m’għandhiex neċessarjament tkun identika għall-persuni assigurati kollha.

[…]”

7       Il-Verstrekkingenbesluit Ziekenfondsverzekering (Digriet dwar il-benefiċċji in natura taħt l-assigurazzjoni kontra l-mard) ta’ l-4 ta’ Jannar 1966, (Staatsblad 1966, Nru 3, kif sussegwentement emendat, iktar 'il quddiem il-“Verstrekkingenbesluit”), jimplementa l-Artikolu 8(2) taż-ZFW.

8       Il-Verstrekkingenbesluit għalhekk jiddetermina d-drittijiet għall-benefiċċji u l-portata ta’ dawn il-benefiċċji għal diversi kategoriji ta’ kura, inklużi b’mod partikolari l-kategoriji intitolati “assistenza medika u kirurġika” u “kura ta' pazjenti fl-isptarijiet”.

9       Skond l-Artikolu 2(3) tal-Verstrekkingenbesluit, persuna assigurata tkun intitolata għal benefiċċju biss jekk, fid-dawl tal-bżonnijiet tagħha u sabiex tingħata terapija effettiva, hija ma jkollhiex għażla oħra ħlief li tfittex li tingħata benefiċċju ta' dik in-natura, dak il-kontenut u dik il-portata.

10     Skond l-Artikolu 3 tal-Verstrekkingenbesluit, il-kategorija ta’ kura medika u kirurġika tinkludi kura mogħtija minn tabib mhux speċjalista u minn speċjalista, “li l-portata tagħha għandha tkun determinata skond dak li huwa normali fl-ambjenti professjonali kkonċernati.”

11     F’dak li jirrigwadra l-kura ta' pazjenti fl-isptarijiet, l-Artikoli 12 u 13 tal-Verstrekkingenbesluit jipprovdu, minn naħa, li din il-kura tista’ tinvolvi, inter alia, eżami mediku, kirurġiku u ostetriku, trattament u kura u, min-naħa l-oħra, għandu jkun hemm il-prova li l-kura fl-isptar hija ġġustifikata. Il-Besluit ziekenhuisverpleging ziekenfondsverzekering (Digriet dwar il-kura mogħtija fl-isptarijiet fil-kuntest ta' l-assigurazzjoni kontra l-mard) tas-6 ta’ Frar 1969 (Nederlandse Staatscourant 1969, Nru 50), jiddetermina l-każijiet li fihom tkun stabbilita l-prova li tiġġustifika l-kura fl-isptar.

12     Iż-ZFW hija applikata mill-fondi tal-mard, li huma persuni ġuridiċi approvati mill-Ministru skond l-Artikolu 34 taż-ZFW. Iż-Ziekenfondsraad huwa responsabbli sabiex jagħti pariri u jinforma lill-Ministru kkonċernat u sabiex jissorvelja t-tmexxija u l-ammistrazzjoni tal-fondi tal-mard. F'każ ta' lment kontra deċiżjoni ta' fond ta' assigurazzjoni kontra l-mard li tikkonċerna d-dritt għal benefiċċju, il-fond ta' assigurazzjoni kontra l-mard huwa obbligat jikseb l-opinjoni taż-Ziekenfondsraad qabel ma jieħu deċiżjoni fuq l-ilment.

13     Iż-ZFW jipprovdi għat-twaqqif ta’ sistema ta’ ftehim, li l-karatteristiċi prinċipali tagħha huma s-segwenti.

14     L-Artikolu 44 (1) taż-ZFW jipprovdi li l-fondi tal-mard “għandhom jikkonkludu ftehim ma’ persuni u stabbilimmenti li jistgħu joffru waħda jew aktar mill-forom ta’ kura previsti fid-Digriet Irjali adottat sabiex jimplementa l-Artikolu 8”.

15     Skond l-Artikolu 44 (3) taż-ZFW, ftehim bħal dawn għandhom għal ta’ l-anqas jinkludu disposizzjonijiet li jikkonċernaw in-natura u l-portata ta’ l-obbligi u tad-drittijiet reċiproki tal-partijiet, it-tipi ta’ kura li għandhom jiġu pprovduti, il-kwalità u l-effikaċja tal-kura pprovduta, il-monitoraġġ ta' l-osservanza tal-ftehim, inkluż il-monitoraġġ tas-servizzi pprovduti jew li għandhom jiġu pprovduti u l-eżattezza ta’ l-ammonti mitluba bħala ħlas għal dawn il-benefiċċji, kif ukoll obbligu li tiġi kkomunikata l-informazzjoni neċessarja sabiex isir dan il-monitoraġġ.

16     Min-naħa l-oħra, dawn il-ftehim ma jikkonċernawx it-tariffi mitluba għall-kura tas-saħħa. Dawn huma regolati esklużivament mill-Wet tarieven gezondheidszorg (il-Liġi dwar it-tariffi għall-kura tas-saħħa). Madankollu, skond l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Olandiż, dan ma jfissirx li ma jista' jiġi konkluż ebda ftehim dwar l-ispejjeż bejn il-fondi tal-mard u dawk li jipprovdu l-kura. Il-fatturi kollha li jinfluwenzaw il-livell ta’ l-ispejjeż u l-baġit ta’ l-isptarijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ftehim bejn il-partijiet.

17     Il-fondi tal-mard huma liberi li jikkonkludu ftehim ma’ kull min jipprovdi l-kura, iżda taħt żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, skond l-Artikolu 47 taż-ZFW, kull fond ta' assigurazzjoni kontra l-mard “huwa obbligat jikkonkludi ftehim […] ma’ kull stabbiliment li jinsab fiż-żona li fiha huwa jopera, jew li lejh tirrikorri regolarment il-popolazzjoni ta’ dik iż-żona”. Min-naħa l-oħra, jistgħu jiġu konklużi ftehim biss ma' stabbilimenti debitament awtorizzati sabiex jipprovdu l-kura kkonċernata jew ma' persuni li huma legalment awtorizzati sabiex jagħmlu dan.

18     Skond l-Artikolu 8a taż-ZFW:

“1. Stabbiliment li jipprovdi servizzi bħal dawk previsti fl-Artikolu 8 għandu jkun awtorizzat li jagħmel dan.

2. Digriet Irjali jista’ jipprovdi li stabbiliment li jappartjeni lill-kategorija li għandha tiġi definita b'Digriet Irjali għandu jitqies li huwa awtorizzat għall-finijiet ta’ din il-liġi. […]”

19     Mill-Artikolu 8c(a) taż-ZFW jirriżulta li l-approvazzjoni ta’ stabbiliment li jopera sptarijiet għandha tiġi rifjutata jekk dan l-istabbiliment ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Wet ziekenhuisvoorzieningen (il-Liġi dwar it-tagħmir ta’ l-isptarijiet) dwar id-distribuzzjoni u l-ħtiġijiet. Din il-liġi, id-direttivi ta' implementazzjoni tagħha (b'mod partikolari d-direttiva bbażata fuq l-Artikolu 3 ta’ l-imsemmija liġi, Nederlandsee Staatscourant 1987, Nru 248), kif ukoll il-pjanijiet provinċjali jiddeterminaw b'mod aktar dettaljata l-ħtiġijiet nazzjonali f'dak li jikkonċerna diversi kategoriji ta’ sptarijiet u d-distribuzzjoni tagħhom fost id-diversi reġjuni identifikati fit-territorju Olandiż għall-finijiet tas-saħħa.

20     F’dak li jirrigwarda l-implementazzjoni speċifika tad-dritt għal benefiċċji, l-Artikolu 9 taż-ZFW jipprovdi:

“1. Minbarra fil-każijiet previsti fid-Digriet Irjali msemmi fl-Artikolu 8, persuna assigurata li tixtieq teżerċita d-dritt tagħha għal benefiċċju għandha tindirizza ruħha lil persuna jew stabbiliment li magħha jew li miegħu l-fond ta' assigurazzjoni kontra l-mard li miegħu hija rreġistrata jkun ikkonkluda ftehim għal dak il-għan, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4.

2. Il-persuna assigurata tista’ tagħżel liberament minn fost il-persuni u stabbilimenti msemmija fil-paragrafu 1, bla ħsara għad-disposizzjonijiet tal-paragrafu 5 u għad-disposizzjonijiet dwar it-trasport bl-ambulanza, kif stabbilit fil-Wet Ambulanceveroer ([il-Liġi dwar it-trasport bl-ambulanza), Staatsblad 1971, Nru 369]).

3. [imħassar]

4. Fond ta' assigurazzjoni kontra l-mard jista’, b’deroga mid-disposizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2, jawtorizza lil persuna assigurata sabiex tindirizza ruħha, bil-għan li teżerċita d-dritt tagħha għal benefiċċju, lil persuna oħra jew lil stabbiliment ieħor fl-Olanda, jekk dan ikun neċessarju għall-kura medika tagħha. Il-Ministru jista’ jiddetermina l-każijiet u ċ-ċirkustanzi li fihom persuna assigurata tista’ tiġi awtorizzata sabiex tindirizza ruħha, bil-għan li teżerċita d-dirtt tagħha għal benefiċċju, lil persuna jew stabbiliment barra mill-Olanda.

[…]”

21     Il-Ministru eżerċita l-poteri mogħtija lilu bl-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 9(4) taż-ZFW billi adotta r-Regeling hulp in het buitenland ziekenfondsverzekering (ir-Regolament dwar il-kura pprovduta barra mill-pajjiż taħt ir-regoli ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard) tat-30 ta’ Ġunju 1988 (Nederlandse Staatscourant 1988, Nru 123, iktar 'il quddiem ir-“Rhbz”). L-Artikolu 1 tar-Rhbz jipprovdi:

“Il-każijiet li fihom fond ta' assigurazzjoni kontra l-mard jista’ jawtorizza lil persuna assigurata sabiex tindirizza ruħha, bil-għan li teżerċita d-dritt tagħha għal benefiċċju, lil persuna jew stabbiliment barra mill-Olanda, huma dawk il-każijiet li fihom il-fond ta' assigurazzjoni kontra l-mard ikun ikkonstata li dan kien neċċessarju għall-kura medika tal-persuna assigurata.”

22     Il-qorti tar-rinviju tispejga li mill-ġurisprudenza tas-Central Raad van Beroep (Il-Qorti ta’ l-Appell Olandiża dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali) li tikkonċerna talbiet għall-awtorizzazzjoni sabiex tingħata kura medika barra mill-pajjiż imħallsa miż-ZFW, jirriżulta li f’dan ir-rigward għandhom jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet.

23     L-ewwel nett, għandu jiġi assigurat li l-kura kkonċernata tista' titqies bħala benefiċċju kopert fis-sens ta’ l-Artikolu 8 taż-ZFW u tal-Verstrekkingenbesluit. Kif intqal qabel, l-eżami applikabbli għal dan l-iskop, skond l-Artikolu 3 tal-Verstrekkingenbesluit, huwa jekk il-kura proposta hijiex meqjusa bħala “normali fl-ambjenti professjonali kkonċernati” (deċiżjoni tas-Centrale Raad van Beroep tat-23 ta’ Mejju 1995, RZA 1995, Nru 126). Per eżempju, fir-rigward ta’ kura partikolari mogħtija fil-Ġermanja, is-Centrale Raad van Beroep ikkunsidra li “il-bażi [għal din il-kura] (għadha) ma ġietx rikonoxxuta biżżejjed fl-ambjenti xjentifiċi u, skond l-opinjoni attwali fl-Olanda, hija meqjusa bħala sperimentali (deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 1997, RZA 1998, Nru 48). Għaldaqstant mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-prattika, sabiex jiġi stabbilit jekk kura tistax titqies li hija normali u mhux sperimentali, issir referenza għall-opinjonijiet prevalenti fl-ambjenti professjonali Olandiżi.

24     It-tieni nett, għandu jiġi determinat jekk l-imsemmija kura hijiex neċessarja għall-kura medika tal-persuna assigurata fis-sens ta’ l-Artikolu 9(4) taż-ZFW u ta' l-Artikolu 1 tar-Rhbz. F'dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-prattika, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-metodi ta’ kura disponibbli fl-Olanda (ara, b’mod partikolari, id-deċiżjoni tas-Centrale Raad van Neroep tat-13 ta’ Diċembru 1994, RZA 1995, Nru 53) u għandu jiġi aċċertat jekk tistax tingħata kura adegwata mingħajr dewmien fl-Olanda.

 Il-kawżi prinċipali

 Il-kawża Smits

25     Is-Sinjura Smits issofri mill-marda Parkinson. Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Settembru 1996, hija talbet lil Stiching VGZ jirrimborsa l-ispejjeż għall-kura li hija ngħatat fl-Elenda-Klinik f’Cassel (il-Ġermanja) fil-kuntest ta' kura speċifika u multidixxiplinari għal din il-marda. Dan il-metodu jinvolvi, fost affarijiet oħra, testijiet u kura sabiex tiġi determinata l-kura medika ideali, fiżjoterapija, ergoterapija u assistenza soċjo-psikoloġika.

26     Permezz ta' deċiżjonijiet tat-30 ta’ Settembru u tat-28 ta’ Ottubru 1996, Stichting VGZ informat lis-Sinjura Smits li l-ispejjeż għall-kura ma kinux se jiġu rimborsati taħt iż-ZFW. Ir-raġunijiet għal dan ir-rifjut kienu li kura sodisfaċenti u adegwata għall-marda tal-Parkinson kienet disponibbli fl-Olanda, li l-kura klinika speċifika mogħtija fl-Elena Klinik ma kienet tagħti l-ebda vantaġġ addizzjonali u li għaldaqstant ma kien hemm l-ebda ħtieġa medika li tiġġustifika l-kura f’dik il-klinika.

27     Fl-14 ta’Novembru 1996, is-Sinjura Smits talbet l-opinjoni taż-Ziekenfondsraad. Fis-7 ta’ April 1997, dan ta' l-aħħar ta l-opinjoni tiegħu fis-sens li huwa kien jikkunsidra li d-deċiżjoni ta’ Stichting VGZ li tirrifjuta t-talba tagħha kienet korretta.

28     Għalhekk is-Sinjura Smits appellat mid-deċiżjoni ta' rifjut tat-30 ta’ Settembru 1996 quddiem ir-Rondissementsrechtbank te Roermond. Hija ssostni essenzjalment li l-kura klinika speċifika mogħtija fil-Ġermanja għandha numru ta’ vantaġġi meta mqabbla ma' l-approċċ imsejjaħ “sintomatiku” użat fl-Olanda, li skondu d-diversi manifestazzjonijiet tal-marda huma ttrattati individwalment, jiġifieri sintomu sintomu.

29     Mill-eżami tal-proċess, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li d-deċiżjoni li tirrifjuta li jiġu rimborsati l-ispejjeż tas-Sinjura Geraets kienet ibbażata, l-ewwel nett, fuq il-fatt li l-metodu kliniku speċifiku mhuwiex meqjus bħala kura normali fl-ambjeni professjonali kkonċernati u għaldaqstant ma jikkostitwixxix benefiċċju fis-sens ta' l-Artikolu 8 taż-ZFW. Anki li kieku l-kura jew parti minnha kellha madankollu titqies bħala normali, ir-rifjut huwa bbażat, it-tieni nett, fuq il-kunsiderazzjoni li, peress li kura sodisfaċenti u adegwata kienet disponibbli fl-Olanda fi stabbiliment li kellu ftehim kuntrattwali mal-fond ta' assigurazzjoni kontra l-mard, il-kura mogħtija f’Cassel ma kinitx neċessarja fis-sens ta’ l-Artikolu 9(4) taż-ZFW u ta’ l-Artikolu 1 tar-Rhbz.

30     Il-qorti tar-rinviju ħatret newrologu bħala espert. Fir-rapport li huwa ppreżenta fit-3 ta’ Frar 1998, l-espert ikkonkluda li ma kien hemm ebda prova klinika jew xjentifika li turi li l-approċċ kliniku speċifiku kien aktar adattat u li għaldaqstant ma kien hemm ebda ġustifikazzjoni strettament medika għall-kura mogħtija lis-Sinjura Smits fil-Ġermanja.

 Il-kawża Peerbooms

31     Is-Sur Peerbooms daħal f’koma wara li kellu inċident tat-traffiku fl-10 ta’ Diċembru 1996. Wara li ttieħed l-isptar fl-Olanda, huwa ġie trasferit fi stat veġetattiv fil-Klinika Universitarja ta’ Innsbruck (l-Awstrija) fit-22 ta' Frar 1997.

32     Il-klinika ta’ Innsbruck tat lis-Sur Peerbooms terapija intensiva speċjali permezz tan-newrostimulazzjoni. Fl-Olanda, din it-teknika hija użata biss b’mod sperimentali f’żewġ ċentri mediċi u mhuwiex permess li tingħata din it-terapija lil pazjenti li għandhom aktar minn 25 sena.

33     Peremzz ta’ ittra ta' l-24 ta’ Frar 1997, in-newrologu tas-Sur Peerbooms talab lil Stichting CZ tħallas l-ispejjeż għall-kura li ngħatat fil-Klinika Universitarja ta’ Innsbruck.

34     Permezz ta' deċiżjoni tas-26 ta’ Frar 1997, li ngħatat wara li ġiet ikkunsidrata l-opinjoni tal-konsulent mediku, din it-talba ġiet irrifjutata għar-raġuni li setgħet ingħatat kura adattata fl-Olanda minn persuna li tipprovdi l-kura u/jew minn stabbiliment li miegħu Stichting CZ ikkonkluda ftehim.

35     In-newrologu tas-Sur Peerbooms reġa' ressaq it-talba tiegħu, li għal darba oħra ġiet irrifjutata fil-5 ta' Marzu 1997. L-appell imressaq kontra dawn id-deċiżjonijiet ġie miċħud minn Stichting CZ fit-12 ta’ Ġunju 1997.

36     Fil-frattemp, is-Sur Peerbooms ħareġ mill-koma. Huwa seta' jitlaq mill-Klinika ta' Innsbruck fl-20 ta' Ġunju 1997 u ġie trasferit għall-Klinika ta' Hoensbroeck (l-Olanda) sabiex ikompli r-rijabilitazzjoni tiegħu.

37     Is-Sur Peerbooms ressaq appell mid-deċiżjoni ta’ Stichting CZ tat-12 ta’ Ġunju 1997 li ċaħdet l-ilment tiegħu quddiem l-Arrondissementsrechtbank te Roermond.

38     Skond l-ispjegazzjonijiet li tat dik il-qorti, ir-rifjut ta’ Stichting CZ kien ibbażat, l-ewwel nett, fuq il-fatt li, minħabba n-natura sperimentali tat-terapija permezz tan-newrostimulazzjoni u n-nuqqas ta' prova xjentifika ta' l-effikaċja tiegħu, dan it-tip ta' kura ma kienx meqjus normali fl-ambjenti professjonali kkonċernati u għaldaqstant lanqas ma kien jitqies li huwa benefiċċju li seta' jiġi rimborsat taħt l-Artikolu 8 taż-ZFW. Anki li kieku din il-kura jew parti minnha kellha madankollu titqies bħala normali, ir-rifjut huwa bbażat, it-tieni nett, fuq il-kunsiderazzjoni li, peress li kura sodisfaċenti u adegwata kienet disponibbli fl-Olanda mingħajr dewmien fi stabbiliment li kellu ftehim kuntrattwali mal-fond ta' assigurazzjoni kontra l-mard, il-kura mogħtija f’Innsbruck ma kinitx neċessarja fis-sens ta’ l-Artikolu 9(4) taż-ZFW u ta’ l-Artikolu 1 tar-Rhbz.

39     Fir-rapport tiegħu ppreżentat fit-12 ta’ Mejju 1998, in-newrologu maħtur bħala espert mill-Arrondissementsrechtbank ikkonkluda li kura adattata u adegwata, bħal dik mogħtija lis-Sur Peerbooms f’Innsbruck, ma kinitx disponibbli fl-Olanda minħabba l-età tiegħu u li huwa ma setax jingħata kura adegwata fi sptar ieħor fl-Olanda. In-newrologu ta' fiduċja ta' Stichting CZ wieġeb għal dan ir-rapport billi enfasizza li dan il-metodu ta’ kura kien wieħed sperimentali u li sa dak iż-żmien kien għadu ma ġiex approvat mill-ambjenti xjentifiċi. Madankollu, f'rapport addizzjonali ppreżentat fil-31 ta’ Awwissu 1998, l-espert tal-qorti ddikjara li huwa baqa' jżomm mal-konklużjonijiet tiegħu.

 Id-domandi preliminari

40     Permezz ta’ digriet tat-28 ta’ April 1999, l-Arrondissementsrechtbank te Roermond iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      (a)    L-Artikoli 59 u 60 tat-Trattat KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li disposizzjonijiet bħal dawk ta’ l-Artikolu 9(4) taż-Ziekenfondswet, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 1 tar-Regeling hulp in het buitenland ziekengondsverzekering, huma inkompatibbli magħhom, safejn dawn ir-regoli nazzjonali jipprovdu li persuna assigurata ma' fond ta' assigurazzjoni kontra l-mard teħtieġ l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ dan il-fond sabiex tkun tista’ teżerċita d-dritt tagħha għal benefiċċji mingħand persuna jew stabbiliment barra l-Olanda?

(b)       X’inhi r-risposta għad-domanda 1(a) jekk l-awtorizzazzjoni msemmija fiha tiġi rrifjutata jew ma tingħatax, minħabba li l-kura in kwistjoni mogħtija fl-Istat Membru l-ieħor mhijiex meqjusa bħala “normali fl-ambjenti professjonali kkonċernati” u għaldaqstant mhijiex meqjusa li tikkostitwixxi benefiċċju fis-sens ta’ l-Artikolu 8 taż-ZFW? Tagħmel xi differenza jekk jittieħdu in kunsiderazzjoni biss l-opinjonijiet ta’ l-ambjenti professjonali Olandiżi u jekk f’dan ir-rigward jiġu applikati kriterji xjentifiċi nazzjonali jew internazzjonali u, f’dan il-każ, fir-rigward ta’ xiex? Hija wkoll rilevanti l-kwistjoni jekk il-kura kkonċernata hijiex rimborsata taħt is-sistema ta’ sigurtà soċjali prevista bil-liġi ta’ l-Istat Membru l-ieħor?

(ċ)       X’inhi r-risposta għad-domanda 1(a) jekk il-kura mogħtija barra mill-pajjiż hija meqjusa bħala waħda normali u għaldaqstant tikkostitwixxi benefiċċju iżda l-awtorizzazzjoni in kwistjoni tiġi rrifjutata għar-raġuni li tista' tingħata kura adegwata mingħajr dewmien tista’ tingħata minn persuna li tipprovdi l-kura fl-Olanda u li għandha ftehim kuntrattwali u għaldaqstant il-kura mogħtija barra mill-pajjiż mhijiex neċessarja għall-kura medika tal-persuna kkonċernata?

2.                Jekk ir-rekwiżit li tinkiseb l-awtorizzazzjoni jikkostitwixxi ostaklu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita fl-Artikoli 59 u [60] tat-Trattat KE, ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali invokati mill-konvenuti […] huma biżżejjed sabiex l-ostaklu jitqies li huwa ġġustifikat?

41     Il-qorti tar-rinviju tosserva li, għalkemm ir-rekwiżiti dwar l-approvazzjoni ta’ l-isptarijiet previsti miż-ZHW ma jidhrux li jeskludu l-approvazzjoni ta’ sptarijiet barranin, per eżempju dawk li jinsabu fiż-żoni ta' mal-fruntiera, minn dawn ir-rekwiżiti, u b'mod partikolari mill-prinċipju tad-distribuzzjoni ġeografika li tirregola l-approvazzjoni jista’ jiġi dedott li huma essenzjalment sptarijiet fl-Olanda li jiġu approvati.

42     Barra minn dan, skond il-qorti tar-rinviju, għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-tifsira konkreta tal-kunċett ta’ kura “normali” fil-każijiet fejn jiġi deċiż, abbażi ta' din il-kwalifikazzjoni, jekk tiġix awtorizzata jew le l-assunzjoni ta' l-ispejjeż għall-kura mogħtija barra l-Olanda mill-fondi Olandiżi ta' assigurazzjoni kontra l-mard. Fil-fatt, jekk dawn il-fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard jieħdu in kunsiderazzjoni biss dak li huwa kkunsidrat bħala normali fl-ambjenti professjonali Olandiżi, dan jista’ jwassal sabiex ċerti metodi ta’ kura, minkejja li huma ġeneralment aċċettati fi Stat Membri oħra u li jagħtu lok għal rimbors f'dawn l-Istati Membri minħabba li l-ambjenti professjonali ta’ dawn l-Istati Membri oħra għandhom opinjonijiet differenti minn dawk li jipprevalu fl-Olanda, ma jiġux meqjusa bħala benefiċċji koperti miż-ZFW, u għaldaqstant l-awtorizzazzjoni jkollha tiġi rrifjutata.

 Fuq id-domandi preliminari

43     Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 59 u 60 tat-Trattat għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tissuġġetta l-assunzjoni ta' l-ispejjeż għal kura mogħtija fi sptar li jinsab fi Stat Membru ieħor għall-kisba ta' awtorizzazzjoni minn qabel mill-fond ta' assigurazzjoni kontra l-mard li miegħu l-persuna assigurata hija rreġistrata, liema awtorizzazzjoni tingħata biss jekk jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, il-kura proposta għandha taqa’ taħt il-benefiċċji li l-iskema ta’ assigurazzjoni kontra l-mard ta’ l-ewwel Stat Membru tassumi l-ispejjeż tagħhom, li jfisser li l-imsemmija kura għandha tkun meqjusa bħala waħda “normali fl-ambjenti professjonali kkonċernati”. Min-naħa l-oħra, din il-kura barra mill-pajjiż għandha tkun waħda neċessarja fid-dawl tal-kundizzjoni medika tal-persuna kkonċernata, ħaġa li tippresupponi li ma tkunx tista' tingħata kura adegwata mingħajr dewmien minn persuna li tipprovdi l-kura u li tkun ikkonkludiet ftehim ma' fond ta’ assigruazzjoni kontra l-mard fl-ewwel Stat Membru.

 Fuq is-setgħa ta’ l-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom u fuq l-obbligu tagħhom li jirrispettaw id-dritt Komunitarju meta jeżerċitaw din is-setgħa

44     Sabiex tingħata risposta għad-domandi hekk irriformulati, għandu jiġi mfakkar, preliminarjament, li, skond il-ġurisprudenza stabbilita, id-dritt Komunitarju ma jnaqqasx mis-setgħa ta' l-Istati Memrbi li jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom (sentenzi tas-7 ta' Frar 1984, Duphar et, 238/82, Ġabra p. 523, punt 16; tas-17 ta' Ġunju 1997, Sodemare et, C-70/95, Ġabra p. I-3395, punt 27; u tat-28 ta' April 1998, Kohll, C-158/96, Ġabra p. I-1931, punt 17).

45     Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju, hija l-leġiżlazzjoni ta' kull Stat Membru li għandha tiddetermina, minn naħa, il-kundizzjonijiet li jikkonċernaw id-dritt jew l-obbligu li wieħed ikun assigurat ma’ skema ta’ sigurtà soċjali (sentenzi ta' l-24 ta' April 1980, Coonan, 110/79, Ġabra p. 1445, punt 12; ta' l-4 ta' Ottubru 1991, Paraschi, C-349/87, Ġabra p. I-4501, punt 15; u Kohll, iċċitata iktar 'il fuq, punt 18), u min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta' benefiċċji (sentenzi tat-30 ta' Jannar 1997, Stöber u Piosa Pereira, C-4/95 u C-5/95, Ġabra p. I-511, punt 36, u Kohll, iċċitata iktar 'il fuq, punt 18).

46     Madankollu, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt Komunitarju meta jeżerċitaw din is-setgħa.

 Fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi għall-kura fl-isptarijiet

47     L-ewwelnett għandu jiġi determinat jekk is-sitwazzjonijiet in kwistjoni fil-kawżi prinċipali jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens ta' l-Artikoli 59 u 60 tat-Trattat.

48     Numru ta’ gvernijiet li ssottomettew l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja effettivament ikkontestaw il-fatt li s-servizzi mogħtija fl-isptar jistgħu jikkostitwixxu attività ekonomika fis-sens ta’ l-Artikolu 60 tat-Trattat, b'mod partikolari meta huma jingħataw in natura u mingħajr ħlas taħt l-iskema ta’ assigurazzjoni kontra l-mard applikabbli.

49     Filwaqt li jirreferu b’mod partikolari għas-sentenzi tas-27 ta' Settembru 1988, Humbel (263/86, Ġabra p. 5365, punti 17 sa 19), u ta' l-4 ta' Ottubru 1991, Society for the Protection of Unborn Children Ireland (C-159/90, Ġabra p. I-4685, punt 18), huma jikkunsidraw, b'mod partikolari, li ma jkun hemm l-ebda ħlas fis-sens ta’ l-Artikolu 60 tat-Trattat meta pazjent jirċievi kura fi sptar mingħajr ma jkollu jħallas għaliha jew meta l-ammont kollu li huwa jħallas, jew parti minnu, jiġi rimborsat lilu.

50     Uħud minn dawn il-gvernijiet jikkunsidraw ukoll li mis-sentenzi tat-13 ta' Frar 1985, Gravier (293/83, Ġabra p. 593), u tas-7 ta' Diċembru 1993, Wirth (C-109/92, Ġabra p. I-6447, punt 17), jirriżulta li kundizzjoni ulterjuri li għandha tiġi sodisfatta qabel ma servizz jista’ jikkostitwixxi attività ekonomika fis-sens ta’ l-Artikolu 60 tat-Trattat hija li l-persuna li tkun qiegħda tipprovdi s-servizz għandha tagħmel dan bil-għan li tagħmel qligħ.

51     Min-naħa tiegħu, il-Gvern Ġermaniż iqis ukoll li l-prinċipji strutturali li jirregolaw l-għoti ta’ kura medika jifformaw parti mill-organizzazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali u mhux mill-qasam tal-libertajiet ekonomiċi fundamentali garantiti mit-Trattat KE, peress li l-persuni kkonċernati mhumiex f’pożizzjoni li jiddeċiedu dwar il-kontenut, it-tip u l-portata ta’ servizz u l-prezz li huma sejrin iħallsu għalih.

52     L-ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma jista’ jintlaqa'.

53     F’dan ir-rigward għandu jkun mfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-attivitajiet mediċi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 60 tat-Trattat, mingħajr m’għandha ssir distinzjoni f’dan ir-rigward bejn jekk il-kura tingħatax fil-kuntest ta' sptar jew barra minnu (ara s-sentenzi tal-31 ta' Jannar 1984, Luisi u Carbone, 286/82 u 26/83, Ġabra p. 377, punt 16; Society for the Protection of Unborn Children Ireland, iċċitata iktar 'il fuq, punt 18, li tirrigwarda r-reklamar għal kliniċi involuti fl-interruzzjoni volontarja tat-tqala; u Kohll, iċċitata iktar 'il fuq, punti 29 u 51).

54     Jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita li n-natura speċjali ta’ ċerti servizzi ma tneħħihomx mill-ambitu tal-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu (sentenzi tas-17 ta' Diċembru 1981, Webb, 279/80, Ġabra p. 3305, punt 10, u Kohll, iċċitata iktar 'il fuq, punt 20), b'mod li l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawżi prinċipali taqa' fil-qasam tas-sigurtà soċjali ma jistax jeskludi l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 59 u 60 tat-Trattat (sentenza Kohll, iċċitata iktar 'il fuq, punt 21).

55     F’dak li jirrigwarda, b’mod aktar partikolari, l-argument li skondu servizzi ta' sptar ipprovduti fil-kuntest ta’ skema ta’ assigurazzjoni kontra l-mard li tipprovdi benefiċċji in natura, bħalma hija dik irregolata miż-ZFW, m’għandhomx jiġu kklassifikati bħala servizzi fis-sens ta’ l-Artikolu 60 tat-Trattat, għandu jiġi osservat li, mhux talli ma taqax taħt tali skema, iżda talli l-kura medika in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, li ngħatat fi Stati Membri differenti minn dawk li fihom il-persuni kkonċernati kienu assigurati, wasslet sabiex l-istabbilimenti li pprovdew il-kura tħallsu direttament mill-pazjenti. F'dan ir-rigward, għandu jiġi aċċettat li servizz mediku mogħti fi Stat Membru u mħallas mill-pazjent ma jistax jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi garantita mit-Trattat sempliċement minħabba li r-rimbors ta’ l-ispejjeż tal-kura in kwistjoni jintalab skond il-leġiżlazzjoni dwar l-assigurazzjoni kontra l-mard ta’ Stat Membru ieħor li essenzjalment tipprovdi għal benefiċċji in natura.

56     Barra minn dan, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li kura medika fi sptar tiġi mħallsa direttament mill-fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard fuq il-bażi ta’ ftehim u ta’ skali ta’ tariffi miftiehma minn qabel ma jistax ineħħi tali kura mill-qasam tas-servizzi fis-sens ta’ l-Aritkolu 60 tat-Trattat.

57     Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 60 tat-Trattat ma jeħtieġx li s-servizz ikun imħallas minn dawk li jkunu bbenefikaw minnu (sentenzi tas-26 ta' April 1988, Bond van Adverteerders et, 352/85, Ġabra p. 2085, punt 16, u tal-11 ta' April 2000, Deliège, C-51/96 u C-191/97, Ġabra p. I-2549, punt 56).

58     Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 60 tat-Trattat jispeċifika li huwa japplika għal servizzi normalment mogħtija bi ħlas u preċedentement ġie deċiż li, għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, il-karatteristika essenzjali tal-ħlas tinsab fil-fatt li dan jikkostitwixxi l-korrispettiv ekonomiku għas-servizzi mogħtija (sentenza Humbel, iċċitata iktar 'il fuq, punt 17). Fil-każijiet preżenti, il-ħlas magħmul mill-fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard fil-kuntest tas-sistema ta' ftehim kuntrattwali previst miż-ZFW, anki jekk stabbilit b'rata fissa, jikkostitwixxi l-korrispettiv ekonomiku għas-servizzi mogħtija fl-isptar, u bla dubju ta’ xejn jikkostitwixxi ħlas għall-isptar li jirċevih u li jiżvolġi attività ta’ natura ekonomika.

59     Peress li s-servizzi in kwistjoni fil-kawżi prinċipali tabilħaqq jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens ta’ l-Artikoli 59 u 60 tat-Trattat, għandu jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawżi prinċipali joħolqux restrizzjonijiet għal din il-libertà u, jekk dan ikun il-każ, jekk dawn ir-restrizzjonijiet jistgħux ikunu oġġettivament iġġustifikati.

 Fuq l-effetti restrittivi tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawżi prinċipali

60     Għandu jiġi stabbilit jekk jikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens ta’ l-Artikolu 59 tat-Trattat il-fatt li l-assunzjoni mill-assigurazzjoni kontra l-mard ta' l-ispejjeż tal-kura mogħtija fi sptar li jinsab fi Stat Membru ieħor tkun issuġġettata għall-kisba ta' awtorizzazzjoni minn qabel, li tingħata biss jekk il-kura kkonċernata tkun koperta mill-iskema ta’ assigurazzjoni kontra l-mard ta’ l-Istat Membru li fih il-pazjent huwa assigurat, li teħtieġ li l-kura tkun meqjusa bħala “normali fl-ambjenti professjonali kkonċernati” u meta l-fond ta’ assigurazzjoni kontra l-mard ikun iddeċieda li l-kura medika tiegħu teħtieġ li huwa jiġi kkurat fl-isptar ikkonċernat, ħaġa li tippresupponi li ma tkunx tista' tingħata kura adegwata mingħajr dewmien minn persuna li tipprovdi l-kura u li magħha jkun ġie konkluż ftehim fl-Istat Membru li fih il-pazjent huwa assigurat.

61     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 59 tat-Trattat jipprekludi l-applikazzjoni ta’ kull leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha l-effett li tirrendi l-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri aktar diffiċli mill-provvista ta’ servizzi purament fi ħdan Stat Membru wieħed (sentenzi tal-5 ta' Ottubru 1994, Il-Kummissjoni vs Franza, C-381/93, Ġabra p. I-5145, punt 17, u Kohll, iċċitata iktar 'il fuq, punt 33).

62     F'dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm huwa minnu li ż-ZFW ma ċċaħħadx lill-persuni asigurati mill-possibbiltà li jużaw persuna li tipprovdi servizzi stabbilita fi Stat Membru ieħor, jibqa' l-fatt li din il-leġiżlazzjoni tissuġġetta r-rimbors ta’ l-ispejjeż sostnuti fi Stat Membru ieħor għall-kisba ta' awtorizzazzjoni minn qabel u barra minn dan tipprovdi li tali awtorizzazzjoni għandha tiġi rrifjutata meta ż-żewġ rekwiżiti msemmija fil-punt 60 ta' din is-sentenza ma jkunux sodisfatti.

63     F’dak li jirrigwarda l-ewwel waħda minn dawn ir-rekwiżiti, jiġifieri li l-kura prevista tikostitwixxi kura koperta miż-ZFW, fi kliem ieħor, kura li tista’ tkun meqjusa bħala “normali fl-ambjenti professjonali kkonċernati”, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li tali kundizzjoni hija essenzjalment ta' natura li twassal għal rifjut ta' l-awtorizzazzjoni. Hija biss il-frekwenza eżatta ta’ tali rifjut, iżda mhux l-eżistenza tar-rifjut innifsu, li tiddependi mill-interpretazzjoni mogħtija lit-termini “normali” u “ambjenti professjonali kkonċernati”.

64     F’dak li jikkonċerna t-tieni rekwiżit, jiġifieri li l-kura fi sptar mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tkun neċessità medika, li jkun il-każ biss jekk ma tkunx tista' tingħata kura adegwata mingħajr dewmien fi sptarijiet li magħhom ikun ġie konkluż ftehim fl-Istat Membru fejn il-persuna li qiegħda titlob il-kura hija assigurata, dan ir-rekwiżit jista', min-natura tiegħu stess, jillimita serjament iċ-ċikustanzi li fihom din l-awtorizzazzjoni tista’ tingħata.

65     Madankollu, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni insistew fuq il-fatt li l-fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard kellhom il-possibiltà li jikkonkludu ftehim ma' sptarijiet li jinsabu barra mill-Olanda u li, f’dan il-każ, ma kienet tinħtieġ ebda awtorizzazzjoni minn qabel sabiex jiġu assunti, taħt iż-ZFW, l-ispejjeż tal-kura mogħtija minn dawn l-isptarijiet.

66     F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li anki indipendentement mill-fatt li tali possibbiltà ma tirriżultax ċar mid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali invokati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, id-digriet tar-rinviju jenfasizza li, fil-prattika, fid-dawl, b'mod partikolari, tal-kundizzjonijiet li għalihom huma suġġetti l-ftehim, huma essenzjalment l-isptarijiet li jinsabu fl-Olanda li jikkonkludu ftehim mal-fondi ta’ assigurazzjoni. Għandu jiġi rikonoxxut ukoll li, b'eċċezzjoni ta’ sptarijiet li jinsabu fiż-żoni li jmissu ma’ l-Olanda, jidher improbabbli ħafna li numru sinjifikattiv ta’ sptarijiet li jinsabu fi Stati Membri oħra qatt xi darba ser jikkonkludu ftehim mal-fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard Olandiżi, minħabba l-fatt li l-prospetti tagħhom li jilqgħu pazjenti assigurati minn dawn il-fondi ta’ assigurazzjoni jibqgħu inċerti u limitati.

67     Għaldaqstant huwa paċifiku li, fil-maġġoranza tal-każijiet, l-assunzjoni, taħt iż-ZFW, ta' l-ispejjeż għal kura fi sptar ipprovduta minn stabbilimenti li jinsabu fi Stati Membri differenti mill-Istat Membru li fih il-persuna hija assigurata għandha tkun suġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel, kif huwa tabilħaqq il-każ għall-kura diskussa fil-kawżi prinċipali, u li din l-awtorizzazzjoni ser tkun irrifjutata jekk iż-żewġ rekwiżiti msemmija fil-punt 60 ta’ din is-sentenza ma jiġux sodisfatti.

68     B’paragun ma' dan, il-kura mogħtija fi sptarijiet li magħhom ikun ġie konkluż ftehim u li jinsabu fl-Olanda, li tirrappreżenta l-biċċa l-kbira mill-kura fi sptar mogħtija lill-persuni li huma koperti miż-ZFW, hija mħallsa mill-fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard mingħajr mhemm bżonn li tintalab awtorizzazzjoni minn qabel.

69     Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali tiskoraġġixxi, jew saħansitra timpedixxi, lill-persuni assigurati milli jduru lejn persuni li jipprovdu servizzi mediċi li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor, u tikkostitwixxi, kemm għall-persuni assigurati kif ukoll għall-persuni li jipprovdu servizzi, ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Luisi u Carbone, iċċitata iktar 'il fuq, punt 16; tat-28 ta' Jannar 1992, Bachmann, C-204/90, Ġabra p. I-249, punt 31; u Kohll, iċċitata iktar 'il fuq, punt 35).

70     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk, safejn tikkonċerna servizzi mediċi provduti fi sptar, bħalma huma dawk in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, din il-leġiżlazzjoni tistax tiġi ġġustifikata.

71     F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi stabbilit jekk jeżistux raġunijiet imperattivi li jistgħu jkunu aċċettati għall-finijiet li jiġu ġġustifikati l-ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi mediċi fil-kuntest ta’ sptar, it-tieni nett, jiġi determinat jekk il-prinċipju ta' l-awtorizzazzjoni minn qabel huwiex iġġustifikat fid-dawl ta’ dawn ir-raġunijiet imperattivi u, fl-aħħar nett, jiġi kkunsidrat jekk il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-għoti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel jistgħux huma stess jiġu ġġustifikati.

 Fuq raġunijiet imperattivi li jistgħu jiġu invokati sabiex jiġġustifikaw ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tal-kura fl-isptar

72     Għandu jiġi mfakkar, kif għamlu l-gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ma jistax jiġi eskluż li r-riskju li jiġi serjament ippreġudikat il-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta' interess ġenerali li tista' tiġġustifika ostakolu għall-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (sentenza Kohll, iċċitata iktar 'il fuq, punt 41).

73     Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, fir-rigward ta’ l-għan li jinżamm servizz mediku u ta' l-isptarijiet ibbilanċjat u miftuħ għal kulħadd, li, għalkemm tali għan huwa intrinsikament marbut mal-metodu ta’ finanzjament tas-sistema tas-sigurtà soċjali, huwa jista’ jaqa' wkoll taħt id-derogi ġġustifikati minn raġunijiet ta’ saħħa pubblika taħt l-Artikolu 56 tat-Trattat KE (li, wara li ġie emendat, sar l-Artikolu 46 KE), safejn huwa jikkontribwixxi sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa (sentenza Kohll, iċċitata iktar 'il fuq, punt 50).

74     Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ukoll li l-Artikolu 56 tat-Trattat jippermetti lill-Istati Membri li jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi mediċi u fl-isptarijiet peress li ż-żamma ta’ sistema ta’ kura jew ta’ kompetenza medika fit-territorju nazzjonali hija essenzjali għas-saħħa pubblika, u saħansitra għas-sopravivenza, tal-popolazzjoni (sentenza Kohll, iċċitata iktar 'il fuq paragrafu 51).

75     Għaldaqstant, għandu jiġi determinat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawżi prinċipali tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl ta’ tali raġunijiet imperatttivi, u jekk dan ikun il-każ, għandu jiġi assigurat, skond ġurisprudenza stabbilita, li din ma teċċedix dak li huwa oġġettivament neċċessarju għal dan il-għan u li dan ir-riżultat ma jistax jinkiseb permezz ta' regoli anqas restrittivi (ara s-sentenzi ta' l-4 ta' Diċembru 1986, Il-Kummisjoni vs Il-Ġermanja, 205/84, Ġabra p. 3755, punti 27 u 29; tas-26 ta' Frar 1991, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-180/89, Ġabra p. I-709, punti 17 u 18; u ta' l-20 ta' Mejju 1992, Ramarth, C-106/91, Ġabra p. I-3351, punti 30 u 31).

 Fuq ir-rekwiżit ta' awtorizzazzjoni minn qabel

76     F’dak li jirrigwarda r-rekwiżit ta' awtorizzazzjoni minn qabel li għalih iż-ZFW tissuġġetta l-assunzjoni ta’ l-ispejjeż għall-kura mogħtija fi Stat Membru ieħor minn persuna li tipprovdi servizzi ta’ kura li magħha ma jkunx ġie konkluż ftehim, il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li, kif sostnew il-gvernijiet kollha li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, meta mqabbla ma’ servizzi mediċi pprovduti mit-tobba fil-kliniċi tagħhom jew fid-dar tal-pazjent, is-servizzi mediċi pprovduti fi sptar jidħlu f'ambitu li, bla dubju ta’ xejn, għandu karatteristiċi partikolari ħafna. Għaldaqstant huwa fatt magħruf li n-numru ta’ sptarijiet, id-distribuzzjoni ġeografika tagħhom, il-mod kif huma organizzati u l-attrezzaturi li bihom huma mgħammra, u saħansitra n-natura tas-servizzi mediċi li huma kapaċi joffru, huma kollha materji li jeħtieġu li jkunu ppjanati.

77     Kif tixhed, b'mod partikolari, is-sistema ta’ ftehim in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, dan it-tip ta’ ppjanar għaldaqstant iwieġeb, bħala regola, għal diversi preokkupazzjonijiet.

78     Minn naħa, huwa jfittex li jilħaq l-għan li jiġi assigurat li jkun hemm aċċess suffiċjenti u permanenti għal firxa bbilanċjata ta’ kura fl-isptarijiet ta’ kwalità għolja fl-Istat ikkonċernat.

79     Min-naħa l-oħra, huwa jgħin sabiex tiġi sodisfatta x-xewqa li jkunu kkontrollati l-ispejjeż u li jkun evitat, safejn dan ikun possibbli, kull ħela ta’ riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani. Ħela bħal din hija aktar u aktar dannuża għaliex huwa paċifiku li s-settur tal-kura fl-isptarijiet jiġġenera spejjeż konsiderevoli u jrid jissodisfa ħtiġijiet li dejjem jikbru, filwaqt li r-riżorsi finanzjarji li huma disponibbli għall-kura tas-saħħa mhumiex illimitati, irrispettivament mill-metodu ta’ finanzjament użat.

80     F'din il-perspettiva dupliċi, ir-rekwiżit li l-assunzjoni ta’ l-ispejjeż, minn sistema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali, għal kura fi sptar mogħtija fi Stat Membru ieħor tkun suġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel tidher li hija miżura kemm neċessarja kif ukoll raġonevoli.

81     F'dak li għandu x'jaqsam mas-sistema stabbilita miż-ZFW, huwa ċar li, kieku l-persuni assigurati setgħu liberament u irrispettivament miċ-ċirkustanzi jirrikorru għas-servizzi pprovduti minn sptarijiet li magħhom il-fond ta' assigurazzjoni kontra l-mard tagħhom ma kkonkluda l-ebda ftehim, kemm jekk dawk l-isptarijiet kienu stabbiliti fl-Olanda kemm jekk kienu stabbiliti fi Stat Membru ieħor, l-ippjanar kollu li jsir permezz tas-sistema ta’ ftehim fi sforz sabiex tkun iggarantita provvista razzjonalizzata, stabbli, ibbilanċjata u aċċessibbli jiġi, f'daqqa waħda, ippreġudikat.

82     Għalkemm, minħabba l-kunsiderazzjonijiet spjegati iktar 'il fuq, id-dritt Komunitarju bħala regola ma jipprekludix sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, huwa madankollu neċessarju li l-kundizzjonijiet marbuta ma’ l-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni jkunu ġġustifikati mill-kunsiderazzjonijiet imperattivi msemmija iktar 'il fuq u li jissodisfaw ir-rekwiżit tal-proporzjonalità msemmi fil-punt 75 ta’ din is-sentenza.

 Fuq il-kundizzjoni marbuta man-natura “normali” tat-trattament propost

83     Kif ġie osservat iktar 'il fuq, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawżi prinċipali jissuġġettaw l-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni għall-kundizzjoni li l-kura medika jew kirurġika proposta tista' titqies li hija “normali fl-ambjenti professjonali kkonċernati”.

84     Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, skond l-Artikolu 3 tal-Verstrekkingenbesluit, din il-kundizzjoni tapplika b'mod ġenerali għall-assunzjoni, taħt iż-ZFW, ta’ l-ispejjeż għal kull kura medika u kirurġika, b'mod li, bħala regola, hija tapplika irrispettivament minn jekk il-kura proposta għandhiex tingħata fi stabbiliment li miegħu jkun ġie konkluż ftehim jew barra minn tali stabbiliment, fl-Olanda jew barra mill-Olanda.

85     Bil-benefiċċju ta' din l-ispjegazzjoni, għandu jiġi mfakkar, kif diġà sar fil-punti 44 u 45 ta’ din is-sentenza, li hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha torganizza s-sistema tas-sigurtà soċjali nazzjonali u b’mod partikolari tiddetermina l-kundizzjonijiet li jagħtu d-dritt għal benefiċċji.

86     Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b'mod partikolari, li, bħala prinċipju, il-fatt li Stat Membru jistabbilixxi, sabiex jilħaq l-għan tiegħu li jillimita l-ispejjeż, listi limitattivi li jeskludu ċerti prodotti mis-sistema ta’ rimbors taħt l-iskema tas-sigurtà soċjali tiegħu, mhuwiex inkompatibbli mad-dritt Komunitarju (sentenza Duphar et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 17).

87     L-istess prinċipju għandu japplika għall-kura medika u għall-kura mogħtija fi sptar meta għandu jiġi determinat liema kura se titħallas mis-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ l-Istat Memrbu kkonċernat. Minn dan jirriżulta li, bħala regola, id-dritt Komunitarju ma jistax ikollu l-effett li jeħtieġ lil Stat Membru jestendi l-lista ta’ servizzi mediċi mħallsa mis-sistema ta’ assigurazzjoni soċjali tiegħu u l-fatt li tip partikolari ta’ kura medika jkun jew ma jkunx kopert mill-iskemi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard ta’ Stati Membri oħra huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

88     Madankollu, kif ġie osservat fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, l-Istat Membru huwa obbligat jirrispetta d-dritt Kommunitarju meta jeżerċita din is-setgħa.

89     Għaldaqstant, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li fid-determinazzjoni tal-lista tal-prodotti mediċinali esklużi mir-rimbors l-Artikolu 30 tat-Trattat KE (li, wara li ġie emendat, sar l-Artikolu 28 KE) għandu jiġi rispettat u dan ikun il-każ biss jekk it-tħejjija ta' tali lista ssir skond kriterji oġġettivi, irrispettivament mill-oriġini tal-prodotti (sentenza Duphar, punt 21).

90     Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li skema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva mogħtija minn qabel ma tistax tilleġittima aġir diskrezzjonali min-naħa ta' l-awtoritajiet nazzjonali li jista' jċaħħad id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw libertà fundamentali bħalma hija dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, mill-effettività tagħhom (ara s-sentenzi tat-23 ta' Frar 1995, Bordessa et, C-385/93 u C-416/93, Ġabra p. I-361, punt 25; ta' l-14 ta' Diċembru 1995, Sanz de Lera et, C-163/94, C-165/94 u C-250/94, Ġabra p. I-4821, punti 23 sa 28; u ta' l-20 ta' Frar 2001, Analir et, C-205/99, Ġabra p. I-1271, punt 37). Għaldaqstant, sabiex skema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva mogħtija minn qabel tkun iġġustifikata minkejja li tidderoga minn tali libertà fundamentali, hija għandha, f'kull każ, tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, non-diskriminatorji u li jkunu magħrufa minn qabel, b’mod li jiċċirkoskrivu l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, sabiex din ma tiġix eżerċitata b’mod arbitrarju (sentenza Analir et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 38). Bl-istess mod, tali skema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva mogħtija minn qabel għandha tkun ibbażata fuq sistema proċedurali li tkun faċilment aċċessibbli u li tkun tista' tassigura li talba għall-awtorizzazzjoni tiġi ttrattata b’mod oġġettiv u imparzjali fi żmien raġonevoli u għandu wkoll ikun possibbli li jiġi kkontestat kull eventwali rifjut li tingħata l-awtorizzazzjoni permezz ta' proċeduri ġudizzjarji.

91     Għandu preċiżament jiġi rrilevat li s-sistema ta’ assigurazzjoni kontra l-mard prevista miż-ZFW assolutament mhijiex ibbażata fuq lista prestabbilita ta’ tipi ta’ kura adottata mill-awtoritajiet nazzjonali li għaliha l-ħlas huwa garantit. Fil-fatt, il-leġiżlatur Olandiż ippromulga regola ġenerali li tipprovdi għall-assunzjoni ta’ l-ispejjeż għall-kura medika sakemm il-kura tkun “normali fl-ambjenti professjonali kkonċernati”. Għaldaqstant huwa ħalla f'idejn il-fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, li fejn ikun meħtieġ jaġixxu taħt is-sorveljanza taż-Ziekenfondsraad u tal-qrati, sabiex jiddeterminaw it-tipi ta’ kura li effettivament jissodisfaw din il-kundizzjoni.

92     Fiż-żewġ każijiet in kwistjoni, jirriżulta, kemm mill-argumenti mressqa lill-qorti tar-rinviju, li huma riflessi fil-parti (b) ta’ l-ewwel domanda preliminari kif ukoll mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-espressjoni “normali fl-ambjenti professjonali kkonċernati” tista' tingħata diversi interpretazzjonijiet, b'mod partikolari, skond jekk jiġix ikkunsidrat li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni dak li huwa meqjus bħala normali fl-ambjenti mediċi Olandiżi biss, li mid-digriet tar-rinviju jidher li hija l-interpretazzjoni li tiffavorixxi l-qorti nazzjonali (ara l-punt 23 ta’ din is-sentenza) jew, għall-kuntrarju, dak li huwa meqjus bħala normali skond l-istat tax-xjenza medika internazzjonali u ta' l-istandards mediċi ġeneralment aċċettati fuq livell internazzjonali.

93     F’dan ir-rigward, il-Gvern Olandiż spjega li meta kura speċifika tikkostitwixxi kura professjonalmet adattata li għandha bażi xjentifika valida, din il-kura titqies li hija benefiċċju fis-sens taż-ZFW, b'mod li l-konsegwenza ta' l-applikazzjoni tal-kriterju tan-natura normali m’għandhiex tkun li kura normalment disponibbli fl-Olanda biss tista’ tikkwalifika għar-rimbors. Skond il-Gvern Olandiż, l-opinjoni professjonali fl-Olanda fil-fatt hija bbażata wkoll fuq l-istat tat-teknika u ta' l-opinjonjonijiet xjentifiċi fuq livell internazzjonali u tiddependi fuq jekk, fid-dawl ta’ l-istat tax-xjenza nazzjonali u internazzjonali, il-kura hijiex meqjusa bħala waħda normali. Għaldaqstant, dan il-kriterju japplika mingħajr distinzjoni kemm għad-diversi tipi ta’ kura mogħtija fl-Olanda kif ukoll għal dawk li l-persuna assigurata tixtieq issiefer sabiex tieħu.

94     Għandu jiġi kkunsidrat li hija biss l-interpretazzjoni li tirreferi għal dak li huwa ppruvat u kkonvalidat mix-xjenza medika internazzjonali li tista’ titqies li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-punti 89 u 90 ta' din is-sentenza.

95     Fil-fatt, mill-imsemmija rekwiżiti jirriżulta li t-twaqqif ta’ sistema bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, li taħtha d-deċiżjoni fuq l-awtorizzazzjoni meħtieġa sabiex tingħata kura fi sptar fi Stat Membru ieħor hija fdata f’idejn il-fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, jeħtieġ li l-kriterji li dawn ta' l-aħħar huma obbligati japplikaw għal dan l-iskop ikunu ta' natura oġġettiva u indipendenti mill-post fejn huma stabbiliti l-persuni li jipprovdu l-kura.

96     F’dan ir-rigward, it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ kura li abitwalment tingħata fit-territorju nazzjonali biss u ta’ l-opinjonijiet xjentifiċi li jipprevalu fl-ambjenti mediċi nazzjonali biss sabiex jiġi determinat dak li jitqies li huwa normali jew le ma joffrix dawn il-garanziji u, għall-kuntrarju, jipperikola li fil-prattika jiġu pprivileġġati l-persuni li jipprovdu l-kura stabbiliti fl-Olanda.

97     Jekk, min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni li l-kura għandha titqies li hija “normali” tkun estiża b’mod li, meta kura tkun suffiċjentement ippruvata u kkonvalidata mix-xjenza medika internazzjonali, l-awtorizzazzjoni mitluba taħt iż-ZFW ma tistax tiġi rrifjutata fuq din il-bażi, għandu jiġi kkunsidrat li kundizzjoni bħal din, li hija oġġettiva u li tapplika mingħajr distinzjoni bejn kura mogħtija fl-Olanda u kura mogħtija barra mill-Olanda, tista’ tkun iġġustifikata fid-dawl tal-ħtieġa li, fit-territorju nazzjonali, tinżamm provvista ta’ kura fi sptar li hija suffiċjenti, ibbilanċjata u permanenti u li tkun assigurata l-istabbiltà finanzjarja tas-sistema ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, b'mod li r-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ l-isptarijiet li jinsabu fi Stati Membri oħra li tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ din il-kundizzjoni ma tiksirx l-Artikolu 59 tat-Trattat.

98     F'dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat ukoll li, meta, bħal fil-każ preżenti, Stat Membru jagħżel in-natura suffiċjentement ippruvata u kkonvalidata tal-kura medika jew tal-kura fi sptar bħala kriterju għall-assunzjoni ta' din il-kura mis-sistema tas-sigurtà soċjali tiegħu, l-awtoritajiet nazzjonali mitluba jiddeċiedu għall-finijiet ta' l-awtorizzazzjoni jekk il-kura fi sptar mogħtija fi Stat Membru ieħor tissodisfax dan il-kriterju għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-informazzjoni rilevanti kollha disponibbli, inklużi, b’mod partikolari, id-dottrina u l-istudji xjentifiċi eżistenti, l-opinjonijiet awtorizzati ta’ speċjalisti u l-fatt jekk il-kura proposta hijiex koperta jew le mill-iskema ta’ assigurazzjoni kontra l-mard ta’ l-Istat Membru fejn tingħata l-kura.

 Dwar il-kundizzjoni marbuta mal-ħtieġa tal-kura proposta

99     Skond il-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, l-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni li tippermetti li jiġu assunti l-ispejjeż ta' servizz mediku pprovdut barra mill-pajjiż huwa suġġett għal kundizzjoni oħra, jiġifieri li jkun ippruvat li l-kura medika tal-persuna assigurata teħtieġ dan is-servizz.

100   Kif enfasizzat il-qorti tar-rinviju, mill-kliem użat fl-Artikolu 9(4) taż-ZFW u fl-Artikolu 1 tar-Rhbz jirriżulta li din il-kundizzjoni tapplika, bħala regola, irrispettivament minn jekk it-talba għall-awtorizzazzjoni tikkonċernax kura li għandha tingħata fi stabbiliment li jinsab fl-Olanda li miegħu l-fond ta’ assigurazzjoni kontra l-mard tal-persuna assigurata ma kkonkludiex ftehim jew fi stabbiliment li jinsab fi Stat Membru ieħor.

101   Madankollu, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-għoti ta’ kura fi sptar barra mill-Olanda, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li, fil-prattika, din il-kundizzjoni tidher li sikwit tiġi interpretata fis-sens li l-għoti ta’ tali kura għandu jiġi awtorizzat biss jekk jidher li ma tistax tingħata kura adegwata mingħajr dewmien fl-Olanda, mingħajr, għaldaqstant, ma ssir distinzjoni, f’dan ir-rigward, skond jekk il-kura tistax tiġi pprovduta minn stabbiliment li miegħu jkun ġie konkluż ftehim jew minn stabbiliment li miegħu ma jkunx ġie konkluż ftehim.

102   Il-Gvern Olandiż jispjega li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawżi prinċipali bl-ebda mod ma timponi li l-awtorizzazzjoni tiġi rrifjutata jekk il-kura mitluba tkun disponibbli fl-Olanda. Fil-fatt, mill-Artikolu 9(4) taż-ZFW moqri flimkien ma’ l-Artikolu 1 tar-Rhbz, jirriżulta li l-awtorizzazzjoni għandha tiġi rrifjutata biss meta l-kura meħtieġa minħabba l-kundizzjoni medika tal-persuna assigurata tkun disponibbli mingħand persuni li jipprovdu l-kura li magħhom ma jkunx ġie konkluż ftehim. Il-Gvern Olandiż josserva li, madankollu, jidher li l-fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard iqisu l-pajjiż li fih hija stabbilita l-persuna li tipprovdi l-kura bħala fattur rilevanti, u jidhirlu li tali interpretazzjoni hija inadegwata.

103   Fid-dawl ta' dak li ntqal fil-punt 90 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkunsidrat, f'dan ir-rigward, li l-kundizzjoni relattiva għall-ħtieġa tal-kura prevista mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawżi prinċipali tista’ tkun iġġustifikata taħt l-Artikolu 59 tat-Trattat, sakemm din il-kundizzjoni tkun interpretata fis-sens li l-awtorizzazzjoni li tingħata kura fi Stat Membru ieħor tista’ tiġi rrifjutata fuq din il-bażi biss jekk tista' tingħata l-istess kura jew kura daqstant ieħor effettiva għall-pazjent mingħajr dewmien fi stabbiliment li miegħu l-fond ta’ assigurazzjoni kontra l-mard tal-persuna assigurata jkun ikkonkluda ftehim.

104   F'dan il-kuntest, għandu jiġi speċifikat ukoll li, sabiex jiġi determinat jekk kura daqstant ieħor effettiva għall-pazjent tistax tingħata mingħajr dewmien minn stabbiliment li jkun ikkonkluda ftehim mal-fond ta' assigurazzjoni kontra l-mard tal-persuna assigurata, l-awtoritajiet nazzjonali huma meħtieġa li jieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ kull każ speċifiku, billi jieħdu debitament in kunsiderazzjoni mhux biss il-kundizzjoni medika tal-pazjent fil-mument meta tintalab l-awtorizzazzjoni iżda wkoll l-istorja medika tiegħu.

105   Kundizzjoni bħal din tista’ tippermetti li, fit-territorju nazzjonali, tinżamm provvista ta’ kura fi sptar ta' kwalità li hija suffiċjenti, ibbilanċjata u permanenti u li tkun assigurata l-istabbiltà finanzjarja tas-sistema ta’ assigurazzjoni kontra l-mard.

106   Li kieku numru kbir ta’ persuni assigurati kellhom jiddeċiedu li jingħataw kura fi Stati Membri oħra anki meta l-isptarijiet li jkunu kkonkludew ftehim mal-fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard tagħhom joffru kura adegwata, identika jew ekwivalenti, tali flussi ta’ pazjenti jistgħu jqiegħdu fil-periklu kemm il-prinċipju nnifsu li jiġu konklużi ftehim kuntrattwali ma’ sptarijiet kif ukoll, b'konsegwenza ta' dan, l-isforzi kollha ta' pjanifikazzjoni u ta' razzjonalizzazzjoni mwettqa f’dan is-settur sabiex jiġu evitati l-kapaċità ta' l-isptarijiet ogħla minn dak li huwa meħtieġ, l-iżbilanċ fil-provvista ta’ kura medika fl-isptarijiet u l-ħela loġistika u finanzjarja.

107   Madankollu, ladarba jkun aċċertat il-fatt li l-kura koperta mis-sistema ta’ assigurazzjoni nazzjonali ma tistax tingħata minn stabbiliment li miegħu jkun ġie konkluż ftehim, mhuwiex aċċettabbli li l-isptarijiet nazzjonali li magħhom il-fond ta’ assigurazzjoni kontra l-mard tal-persuna assigurata ma jkunx ikkonkluda ftehim jingħataw priorità fuq sptarijiet li jinsabu fi Stati Membri oħra. Fil-fatt, malli tali kura hija, ex hypothesi, ipprovduta barra l-qafas ta' pjanifikazzjoni stabbilit miż-ZFW, priorità bħal din teċċedi dak li huwa neċessarju sabiex jiġi assigurat il-ħarsien tar-raġunijiet imperattivi msemmija fil-punt 105 ta’ din is-sentenza.

108   Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti nazzjonali għandha tkun li l-Artikoli 59 u 60 tat-Trattat ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tissuġġetta l-assunzjoni ta' l-ispejjeż għal kura mogħtija fi sptar li jinsab fi Stat Membru ieħor għall-kisba ta' awtorizzazzjoni minn qabel mill-fond ta’ assigurazzjoni kontra l-mard li miegħu l-persuna assigurata hija rreġistrata u li tissuġġetta l-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni għad-dupliċi kundizzjoni li, minn naħa, il-kura għandha tkun meqjusa bħala waħda “normali fl-ambjenti professjonali kkonċernati”, kriterju li huwa wkoll applikat sabiex jiġi determinat jekk hijiex koperta l-kura mogħtija fi sptar fit-territorju nazzjonali, u li, min-naħa l-oħra, il-kura medika tal-persuna assigurata tkun teħtieġ din il-kura. Madankollu, dan japplika biss safejn

–       il-kundizzjoni li l-kura għandha titqies li hija “normali” tkun interpretata b’mod li l-awtorizzazzjoni ma tistax tiġi rrifjutata fuq din il-bażi meta jirriżulta li l-kura kkonċernata hija suffiċjentement ippruvata u kkonvalidata mix-xjenza medika internazzjonali, u

–       l-awtorizzazzjoni tista’ tiġi rrifjutata fuq il-bażi ta’ nuqqas ta’ ħtieġa medika biss jekk tista' tingħata l-istess kura jew kura daqstant ieħor effettiva għall-pazjent mingħajr dewmien fi stabbiliment li jkun ikkonkluda ftehim mal-fond ta’ assigurazzjoni kontra l-mard tal-persuna assigurata.

 Fuq l-ispejjeż

109   L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Olandiż, mill-Gvern Belġjan, mill-Gvern Daniż, mill-Gvern Ġermaniż, mill-Gvern Franċiż, mill-Gvern Irlandiż, mill-Gvern Awstrijak, mill-Gvern Portugiż, mill-Gvern Finlandiż, mill-Gvern Żvediż, mill-Gvern tar-Renju Unit, mill-Gvern Iżlandiż u mill-Gvern Norveġiż, kif ukoll mill-Kummissjoni, li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

b'risposta għad-domandi mressqa lilha mill-Arrondissementsrechtbank te Roermond, b’digriet tat-28 ta’ April 1999, taqta’ u tiddeċiedi li:

L-Artikolu 59 tat-Trattat KE (li, wara li ġie emendat, sar l-Artikolu 49 KE) u l-Artikolu 60 tat-Trattat KE (li, wara li ġie emendat, sar l-Artikolu 50 KE) ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tissuġġetta l-assunzjoni ta' l-ispejjeż għal kura mogħtija fi sptar li jinsab fi Stat Membru ieħor għall-kisba ta' awtorizzazzjoni minn qabel mill-fond ta’ assigurazzjoni kontra l-mard li miegħu l-persuna assigurata hija rreġistrata u li tissuġġetta l-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni għad-dupliċi kundizzjoni li, minn naħa, il-kura għandha tkun meqjusa bħala waħda “normali fl-ambjenti professjonali kkonċernati”, kriterju li huwa wkoll applikat sabiex jiġi determinat jekk hijiex koperta l-kura mogħtija fi sptar fit-territorju nazzjonali, u li, min-naħa l-oħra, il-kura medika tal-persuna assigurata tkun teħtieġ din il-kura. Madankollu, dan japplika biss safejn

–       il-kundizzjoni li l-kura għandha titqies li hija “normali” tkun intrpretata b’mod li l-awtorizzazzjoni ma tistax tiġi rrifjutata fuq din il-bażi meta jirriżulta li l-kura kkonċernata hija suffiċjentement ippruvata u kkonvalidata mix-xjenza medika internazzjonali, u

–       l-awtorizzazzjoni tista’ tiġi rrifjutata fuq il-bażi ta’ nuqqas ta’ ħtieġa medika biss jekk tista' tingħata l-istess kura jew kura daqstant ieħor effettiva għall-pazjent mingħajr dewmien fi stabbiliment li jkun ikkonkluda ftehim mal-fond ta’ assigurazzjoni kontra l-mard tal-persuna assigurata.

Rodríguez Iglesias

Gulmann

La Pergola

Wathelet

Skouris

Edward

Puissochet

Jann

Sevón

Schintgen

 

      Macken

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-12 ta' Lulju 2001.

R. Grass

 

      G. C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top