EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 61998CJ0471

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Novembru 2002.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju tal-Belġju.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu.
Kawża C-471/98.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2002:628

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

5 ta’ Novembru 2002 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu ─ Konklużjoni u applikazzjoni minn Stat Membru ta’ ftehim bilaterali msejjaħ ‘tas-sema miftuħ’ ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika ─ Dritt sekondarju li jirregola s-suq intern tat-trasport bl-ajru (Regolamenti (KEE) Nri 2299/89, 2407/92, 2408/92, 2409/92 u 95/93) ─ Kompetenza esterna tal-Komunità ─ Artikolu 52 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 43 KE) ─ Artikolu 5 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 10 KE)”

Fil-kawża C-471/98,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn F. Benyon, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn A. Snoecx, bħala aġent, assistita minn J. H. J. Bourgeois, avocat, u N. F. Köhncke, Rechtsanwältin, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut,

sostnut minn

Ir-Renju ta’ l-Olanda, irrappreżentat minn M. A. Fierstra u J. van Bakel, bħala aġenti,

intervenjent,

li għandha bħala għan li jiġi kkonstatat:

–        prinċipalment, li, billi nnegozja, inizjala, ikkonkluda fl-1995 u applika b’mod individwali ftehim imsejjaħ “tas-sema miftuħ” ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika fil-qasam tat-trasport bl-ajru, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt it-Trattat KE, u b’mod partikolari taħt l-Artikoli 5 (li sar l-Artikolu 10 KE) u 52 (li sar, wara emenda, l-Artikolu 43 KE) tiegħu, kif ukoll taħt id-dritt sekondarju adottat bis-saħħa ta’ l-imsemmi trattat, u b’mod partikolari taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 tat-23 ta’ Lulju 1992 dwar liċenzjar ta’ air carriers (ĠU L 240, p. 1), taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 tat-23 ta’ Lulju 1992 dwar aċċess għat-trasportaturi ta’ l-ajru tal-Komunità għal rotot ta’ l-ajru intra-Komunitarji (ĠU L 240, p. 8), taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2409/92 tat-23 ta’ Lulju 1992 dwar nolijiet u rati għal servizzi ta’ l-ajru (ĠU L 240, p. 15), taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2299/89 ta’ l-24 ta’ Lulju 1989 dwar kodiċi ta’ kondotta għal sistemi ta’ riservazzjoni kompjuterizzata (ĠU L 220, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (ΚEE) Nru 3089/93 tad-29 ta’ Ottubru 1993 (ĠU L 278, p. 1), u taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU L 14, p. 1), u,

–        sussidjarjament u in parti addizzjonalment, li, sa fejn jitqies li l-ftehim ta’ l-1995 ma jemendax b’mod radikali u għalhekk ma jissostitwixxix il-ftehim konklużi preċedentement, billi ma ħassarx, f’dawn il-ftehim preċedenti, id-dispożizzjonijiet inkompatibbli mat-Trattat, u b’mod partikolari ma’ l-Artikolu 52 tiegħu, kif ukoll mad-dritt sekondarju, jew billi ma adottax id-dispożizzjonijiet legali kollha possibbli għal dan il-għan, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5 tat-Trattat kif ukoll taħt id-dritt sekondarju,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn J.-P. Puissochet, President tas-Sitt Awla, aġent President, R. Schintgen, President ta’ Awla, C. Gulmann, D. A. O. Edward, A. La Pergola, P. Jann u V. Skouris (Relatur), F. Macken u N. Colneric, S. von Bahr u J. N. Cunha Rodrigues, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur, u D. Louterman-Hubeau, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet it-trattazzjoni tal-partijiet waqt is-seduta tat-8 ta’ Mejju 2001, li matulha l-Kummissjoni kienet irrappreżentata minn F. Benyon, ir-Renju tal-Belġju minn J. H. J. Bourgeois u N. F. Köhncke, u r-Renju tal-Olanda minn J. van Bakel, H. G. Sevenster u J. van Haersolte, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-31 ta’ Jannar 2002,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Diċembru 1998, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippreżentat rikors taħt l-Artikolu 169 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 226 KE) bl-għan li jiġi kkonstatat:

–        prinċipalment, li, billi nnegozja, inizjala, ikkonkluda fl-1995 u applika b’mod individwali ftehim imsejjaħ “tas-sema miftuħ” ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika fil-qasam tat-trasport bl-ajru, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt it-Trattat KE, u b’mod partikolari taħt l-Artikoli 5 (li sar l-Artikolu 10 KE) u 52 (li sar, wara emenda, l-Artikolu 43 KE) tiegħu, kif ukoll taħt id-dritt sekondarju adottat bis-saħħa ta’ l-imsemmi trattat, u b’mod partikolari taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 tat-23 ta’ Lulju 1992 dwar liċenzjar ta’ air carriers (ĠU L 240, p. 1), taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 tat-23 ta’ Lulju 1992 dwar aċċess għat-trasportaturi ta’ l-ajru tal-Komunità għal rotot ta’ l-ajru intra-Komunitarji (ĠU L 240, p. 8), taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2409/92 tat-23 ta’ Lulju 1992 dwar nolijiet u rati għal servizzi ta’ l-ajru (ĠU L 240, p. 15), taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2299/89 ta’ l-24 ta’ Lulju 1989 dwar kodiċi ta’ kondotta għal sistemi ta’ riservazzjoni kompjuterizzata (ĠU L 220, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (ΚEE) Nru 3089/93 tad-29 ta’ Ottubru 1993 (ĠU L 278, p. 1), u taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU L 14, p. 1), u,

–        sussidjarjament u in parti addizzjonalment, li, sa fejn jitqies li l-ftehim ta’ l-1995 ma jemendax b’mod radikali u għalhekk ma jissostitwixxix il-ftehim konklużi preċedentement, billi ma ħassarx, f’dawn il-ftehim preċedenti, id-dispożizzjonijiet inkompatibbli mat-Trattat, u b’mod partikolari ma’ l-Artikolu 52 tiegħu, kif ukoll mad-dritt sekondarju, jew billi ma adottax id-dispożizzjonijiet legali kollha possibbli għal dan il-għan, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5 tat-Trattat kif ukoll taħt id-dritt sekondarju.

2        B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, ir-Renju tal-Olanda ġie awtorizzat jintervjeni in sostenn tat-talbiet tar-Renju tal-Belġju.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 84(1) tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 80(1) KE) jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV, dwar it-trasport, tat-Tielet Parti tat-Trattat għandhom japplikaw għat-trasport bil-ferrovija, fit-triq, u bil-passaġġi fuq l-ilma interni. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprovdi:

“Il-Kunsill, b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jiddeċiedi jekk safejn u b’liema proċedura disposizzjonijiet opportuni jistgħux jiġu addottati għat-traffiku fil-baħar u bl-ajru.

Id-dispożizzjonijiet proċedurali ta’ l-Artikolu 75 (1) u (3) għandhom japplikaw.”

4        Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar u bil-għan li jiġi stabbilit progressivament is-suq intern tat-trasport bl-ajru, il-Kunsill adotta tliet “pakketti” ta’ miżuri fl-1987, fl-1990 u 1992, intiżi sabiex jiżguraw, minn naħa, il-libertà li jiġi pprovduti servizzi ta’ trasport bl-ajru u, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni f’dan is-settur tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni.

5        Il-leġiżlazzjoni adottata fl-1992, imsejħa “it-tielet pakkett”, tinkludi r-Regolamenti Nri 2407/92, 2408/92 u 2409/92.

6        Skond l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 2407/92 jikkonċerna l-ħtiġijiet għall-għoti u manutenzjoni [żamma] ta’ liċenzji ta’ ħidma minn Stati Membri għar-rigward ta’ air carriers stabbiliti ġewwa l-Komunità. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 3(3) ta’ l-istess regolament jirriżulta li impriża mwaqqfa fil-Komunità m’għandhiex titħalla ġewwa t-territorju tal-Komunità, li ġġorr bl-ajru passiġġieri, ittri u/jew merkanzija għal remunerazzjoni u/jew kiri sakemm l-impriża ma tingħatax il-liċenzja tat-tħaddim xierqa. Skond l-Artikolu 4(1) u (2) ta’ l-imsemmi regolament, Stat Membru jista’ jagħti din il-liċenzja biss lil impriżi li l-post prinċipali tal-kummerċ tagħhom u, jekk ikun il-każ, l-uffiċċju reġistrat tagħhom ikun f’dak l-Istat Membru u, mingħajr preġudizzju għall-ftehim u konvenzjonijiet li għalihom il-Komunità tkun parti kontraenti, li l-maġġoranza ta’ l-ishma tagħhom tkun miżmuma u li jkunu effettivament ikkontrollati minn Stati Membri u/jew minn ċittadini ta’ Stati Membri.

7        Kif jindika t-titolu tiegħu, ir-Regolament Nru 2408/92 jikkonċerna l-aċċess tat-trasportaturi ta’ l-ajru tal-Komunità għal rotot ta’ l-ajru intra-Komunitarji. Skond id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(b) ta’ dan ir-regolament, trasportatur ta’ l-ajru tal-Komunità huwa trasportatur ta’ l-ajru li jkollu liċenzja valida biex jopera mogħtija minn Stat Membru skond ir-Regolament Nru 2407/92. L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2408/92 jipprovdi li t-trasportaturi ta’ l-ajru tal-Komunità għandhom jitħallew mill-Istati Membri kkonċernati li jeżerċitaw jeddijiet ta’ traffiku fuq rotot ġewwa l-Komunità. Madankollu, l-Artikolu 3(2) jintroduċi l-possibbiltà għall-Istati Membri li, sa l-1 ta’ April 1997, jipprovdu eċċezzjoni għal din id-dispożizzjoni f’dak li jirrigwarda l-eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ kabotaġġ.

8        L-Artikoli 4 sa 7 tar-Regolament Nru 2408/92 jirregolaw, inter alia, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku fuq rotot partikolari. L-Artikolu 8 ta’ l-istess regolament jippermetti lill-Istati Membri jirregolaw, mingħajr diskriminazzjoni fuq bażi ta’ ċittadinanza jew identità tat-trasportatur ta’ l-ajru, id-distribuzzjoni tat-traffiku bejn l-ajruporti ġewwa s-sistema ta’ ajruport. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 9 ta’ l-imsemmi regolament jagħti l-possibbiltà lill-Istat Membru responsabbli, f’każ ta’ problemi serji ta’ konġestjoni u/jew ambjentali, li jimponi kundizzjonijiet fuq, jillimita jew jirrifjuta l-eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku, b’mod partikolari meta modi oħra tat-trasport jistgħu jipprovdu livelli sodisfaċenti ta’ servizz.

9        Skond l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 2409/92 jiddefinixxi l-kriterji u l-proċeduri li għandhom ikunu applikati għall-istabbiliment ta’ nolijiet u rati għal servizzi ta’ l-ajru għal trasport kollu kemm hu ġewwa l-Komunità.

10      L-Artikolu 1(2) u (3) ta’ dan ir-regolament jaqra kif ġej:

“2.      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, dan ir-Regolament ma japplikax:

(a)      għal nolijiet u rati mitluba minn trasportaturi ta’ l-ajru apparti minn trasportaturi ta’ l-ajru tal-Komunità;

(b)      għal nolijiet u rati stabbiliti permezz ta’ l-obbligazzjoni ta’ servizz pubbliku, b’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 tat-23 ta’ Lulju 1992 dwar aċċess għat-trasportaturi ta’ l-ajru tal-Komunità għal rotot ta’ l-ajru intra-Komunitarji.

3.      Trasportaturi ta’ l-ajru tal-Komunità biss għandhom ikunu intitolati biex jintroduċu prodotti ġodda jew nolijiet aktar baxxi minn dawk eżistenti għal prodotti identiċi.”

11      Minbarra r-Regolamenti Nri 2407/92, 2408/92 u 2409/92, adottati fl-1992, il-leġiżlatur Komunitarju adotta atti oħra fil-qasam tat-trasport bl-ajru. Dawn huma b’mod partikolari r-Regolamenti Nri 2299/89 u 95/93.

12      Skond l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 2299/89 japplika għal sistemi ta’ riservazzjonijiet kompjuterizzati (iktar ’il quddiem is-“CRS”) sakemm dawn jinkludu prodotti ta’ trasport bl-ajru, meta offruti għall-użu u/jew użati fit-territorju tal-Komunità, irrispettivament mill-istatus jew ċittadinanza tal-bejjiegħ tas-sistema, mis-sors ta’ l-informazzjoni użata jew il-lokalità ta’ l-unità ċentrali ta’ l-ipproċessar tad-data rilevanti, u mil-lokalità ġeografika ta’ l-ajruporti li bejniethom isir trasport bl-ajru.

13      Madankollu, l-Artikolu 7(1) u (2) ta’ l-istess regolament jipprovdi:

“1.      L-obbligazzjonijiet ta’ bejjiegħ tas-sistema taħt l-Artikoli 3 u 4 sa 6 ma japplikawx fir-rigward tat-trasportatur ewlieni ta’ pajjiż mhux membru sakemm is-CRS tiegħu barra mit-territorju tal-Komunità ma toffrix lil trasportaturi bl-ajru tal-Komunità trattament ugwali bħal dak mogħti taħt dan ir-Regolament u taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 83/91.

2.      L-obbligazzjonijiet ta’ trasportatur ewlieni jew tat-trasportaturi parteċipanti taħt l-Artikoli 3a, 4 u 8 ma japplikawx fir-rigward ta’ CRS ikkontrollata minn trasportatur bl-ajru ta’ pajjiż terz wieħed jew aktar sal-limitu [li] ’l barra mit-territorju tal-Komunità l-ewlieni jew trasportaturi partecipanti [ma] jinghata(w)[x] trattament ugwali bħal dak mogħti taħt dan ir-Regolament u taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 83/91.”

14      Fl-aħħar nett, huwa paċifiku li r-Regolament Nru 95/93 japplika wkoll għat-trasportaturi bl-ajru ta’ pajjiżi terzi. Madankollu, l-Artikolu 12 tiegħu jipprovdi:

“1.      Kull meta jidher li pajjiż mhux membru, għar-rigward ta’ l-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti:

(a)      ma jagħtix lil trasportaturi bl-ajru tal-Komunità trattament komparabbli għal dak mogħti minn Stati Membri lil trasportaturi bl-ajru minn dak il-pajjiż,

jew

(b)      ma jagħtix lil trasportaturi bl-ajru tal-Komunità de facto trattament nazzjonali,

jew

(ċ)      jaghtli lil trasportaturi bl-ajru ta’ pajjiżi oħra mhux membri trattament aktar favorevoli milli lil trasportaturi bl-ajru tal-Komunità,

azzjoni xierqa tista’ tittieħed biex tirrimedja s-sitwazzjoni għar-rigward ta’ l-ajruport jew ajruporti interessati, inkluża s-sospensjoni kollha jew parzjali ta’ l-obbligazzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għar-rigward ta’ trasportaturi bl-ajru ta’ dak il-pajjiż mhux membru, bi qbil mal-liġi tal-Komunità.

2.      Stati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’xi diffikultajiet serji li jkunu ltaqgħu magħhom, fil-liġi jew fil-fatt, minn trasportaturi bl-ajru tal-Komunità sabiex jakkwistaw slots f’ajruporti ta’ pajjiżi mhux membri.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 L-inizjattivi tal-Kummissjoni għall-finijiet tal-konklużjoni mill-Komunità ta’ ftehim internazzjonali fil-qasam tat-trasport bl-ajru

15      Lejn it-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija jew wara din ta’ l-aħħar, diversi Stati li sussegwentement saru membri tal-Komunità, fosthom ir-Renju tal-Belġju, ikkonkludew ftehim bilaterali ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika fil-qasam tat-trasport bl-ajru.

16      Billi xtaqet tissostitwixxi dawn il-ftehim bilaterali kollha bi ftehim wieħed konkluż mill-Komunità ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, il-Kummissjoni, mill-bidu tas-snin 90, ippruvat diversi drabi tikseb mandat mingħand il-Kunsill sabiex tinnegozja tali ftehim fil-qasam tat-trasport bl-ajru ma’ l-awtoritajiet Amerikani.

17      Fil-fatt, fit-23 ta’ Frar 1990, hija ppreżentat l-ewwel talba f’dan is-sens lill-Kunsill fil-forma ta’ proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi proċedura ta’ konsultazzjoni u awtorizzazzjoni għal ftehim dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tal-Istati Membri mal-pajjiżi terzi fil-qasam ta’ l-avjazzjoni. Fit-23 ta’ Ottubru 1992, hija ppreżentat it-tieni proposta għal deċiżjoni, kemmxejn emendata (ĠU 1993, C 216, p. 15). Dawn iż-żewġ proposti kienu bbażati fuq l-Artikolu 113 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 133 KE) għaliex il-Kummissjoni kkunsidrat li l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali fil-qasam tat-trasport bl-ajru kienet taqa’ taħt il-politika kummerċjali tal-Komunità.

18      Il-Kunsill ma segwiex dawn l-inizjattivi tal-Kummissjoni. Huwa stabbilixxa l-pożizzjoni tiegħu f’dan ir-rigward fil-konklużjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Marzu 1993, li fihom huwa indika:

–        li l-Artikolu 84(2) tat-Trattat kien jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa għall-iżvilupp ta’ politika esterna fil-qasam ta’ l-avjazzjoni;

–        li l-Istati Membri żammew il-kompetenza sħiħa tagħhom f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet tagħhom mal-pajjiżi terzi fil-qasam ta’ l-avjazzjoni, bla ħsara għall-miżuri li l-Kunsill kien diġà adotta jew kien se jadotta f’dan il-qasam. F’dan ir-rigward, huwa enfasizza wkoll li, fil-kors tan-negozjati bilaterali, l-Istati Membri kkonċernati kellhom jieħdu debitament in kunsiderazzjoni l-obbligi imposti bid-dritt Komunitarju u jżommu ruħhom informati dwar l-interessi ta’ l-Istati Membri l-oħra;

–        li negozjati ma’ pajjiżi terzi fuq livell Komunitarju jistgħu jsiru biss jekk il-Kunsill jikkunsidra li tali approċċ huwa konformi ma’ l-interess komuni billi jkun jista’ jikseb riżultat aħjar għall-Istati Membri kollha mis-sistema tradizzjonali tal-ftehim bilaterali.

19      F’April 1995, il-Kummissjoni qajmet il-kwistjoni mill-ġdid, billi rrakkomandat lill-Kunsill li jadotta deċiżjoni li tawtorizzaha tinnegozja ftehim fil-qasam tat-trasport bl-ajru ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika. Wara din it-talba ġdida, il-Kunsill ta mandat ristrett lill-Kummissjoni, f’Ġunju 1996, sabiex tinnegozja l-materji li ġejjin ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, b’kollaborazzjoni ma’ kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill: regoli dwar il-kompetizzjoni; proprjetà u kontroll tat-trasportaturi bl-ajru; CRS; code-sharing; riżoluzzjoni ta’ tilwim; leasing; klawżoli dwar l-ambjent u miżuri tranżitorji. Fil-każ ta’ talba mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika f’dan is-sens, il-Kummissjoni kienet awtorizzata testendi n-negozjati għall-għajnuna mill-Istat u għal miżuri oħra intiżi sabiex jiġi evitat il-falliment tat-trasportaturi bl-ajru; għall-allokazzjoni ta’ slots fl-ajruporti; għall-idoneità ekonomika u teknika tat-trasportaturi bl-ajru; għall-klawżoli dwar is-sigurtà; għall-klawżoli ta’ salvagwardja; u għal kull kwistjoni oħra relattiva għar-regolamentazzjoni tas-settur. Min-naħa l-oħra, ġie speċifikat espressament li dan il-mandat ma kienx ikopri n-negozjati dwar l-aċċess għas-suq (inklużi l-code-sharing u l-leasing safejn dawn jirrigwardaw id-drittijiet tat-traffiku), il-kapaċità, l-għażla tat-trasportaturi bl-ajru u t-tariffi.

20      Xi dikjarazzjonijiet taż-żewġ istituzzjonijiet ikkonċernati ġew annessi mal-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill li matulha l-Kummissjoni ngħatat il-mandat imsemmi iktar ’il fuq sabiex tinnegozja. F’waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet, ifformulata b’mod konġunt miż-żewġ istituzzjonijiet (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni konġunta ta’ l-1996”), ġie affermat li, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tar-relazzjonijiet ta’ l-Istati Membri ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika waqt in-negozjati Komunitarji u sabiex ikun hemm alternattiva valida fil-każ li jfallu n-negozjati, is-sistema eżistenti ta’ ftehim bilaterali kellha tinżamm u tibqa’ fis-seħħ sal-konklużjoni ta’ ftehim ġdid li jorbot lill-Komunità. F’dikjarazzjoni separata, il-Kummissjoni affermat li nkisbet kompetenza Komunitarja fil-qasam tad-drittijiet tat-traffiku ta’ l-ajru.

21      Sal-lum, ma ġie konkluż ebda ftehim ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika wara l-għoti tal-mandat lill-Kummissjoni fl-1996 sabiex tinnegozja.

22      Min-naħa l-oħra, mill-proċess jirriżulta li l-Komunità kkonkludiet ftehim fil-qasam ta’ l-avjazzjoni ċivili mar-Renju tan-Norveġja u mar-Renju ta’ l-Iżvezja, liema ftehim ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/384/KEE tat-22 ta’ Ġunju 1992 (ĠU L 200, p. 20), li hija laħqet ftehim fil-prinċipju mal-Konfederazzjoni Żvizzera f’dan il-qasam u li, fil-mument meta ġie ppreżentat dan ir-rikors, hija kienet qed tinnegozja ftehim ma’ tnax-il pajjiż Ewropew dwar il-ħolqien ta’ “spazju ta’ l-ajru Ewropew komuni”.

 Il-ftehim bilaterali fil-qasam tat-trasport bl-ajru konkluż bejn ir-Renju tal-Belġju u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika

23      Ftehim bilaterali fil-qasam tat-trasport bl-ajru, imsejjaħ “ftehim tat-tip ‘Bermuda’”, ġie konkluż għall-ewwel darba bejn ir-Renju tal-Belġju u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika fl-1946. Huwa kien jinkludi klawżoli dwar il-prinċipji ġenerali, klawżoli ta’ għażla li jeżiġu li l-kumpanniji tat-trasport bl-ajru jkunu miżmuma u effettivament ikkontrollati mill-parti l-oħra jew minn ċittadini tal-parti l-oħra, klawżoli dwar il-kapaċità li kellha tikkorrispondi għall-ħtiġijiet tal-pubbliku fir-rigward tat-trasport bl-ajru, klawżoli dwar l-iffissar u l-approvazzjoni tat-tariffi, diversi klawżoli dwar dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari (relattivi, inter alia, għall-eżenzjoni mid-dazji doganali, għall-arbitraġġ, għall-konsultazzjoni u għat-terminazzjoni) u klawżoli dwar il-linji ta’ l-ajru.

24      Dan il-ftehim ġie emendat fl-1972, fl-1977 u fl-1978, bil-għan li jiġi liberalizzat it-traffiku ta’ l-ajru internazzjonali. Għalhekk, il-protokoll iffirmat bejn ir-Renju tal-Belġju u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika fit-8 ta’ Novembru 1978 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ l-1978”) żied il-libertà fl-iffissar tal-prezzijiet, mexxa ’l quddiem il-liberalizzazzjoni tas-servizzi charter li kienet diġà ġiet introdotta fl-1972 u neħħa r-restrizzjonijiet unilaterali fuq il-volum, it-traffiku, il-frekwenza u r-regolarità tas-servizz. Barra minn hekk, iż-żewġ partijiet intrabtu li jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex tiġi eliminata kull forma ta’ diskriminazzjoni u ta’ prattiki kompetittivi żleali kontra kumpanniji ta’ l-ajru tal-parti l-oħra. Fl-aħħar nett, il-Protokoll ta’ l-1978 illiberalizza s-servizzi ta’ l-ajru regolari. F’dak li jirrigwarda d-drittijiet tat-traffiku ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, l-Artikolu 3 ta’ l-imsemmi protokoll, inter alia, ta lil dan il-pajjiż aċċess għal rotot mit-territorju tiegħu, li jgħaddu minn punti intermedji, lejn il-Belġju u lil hinn minnu lejn kull punt ’il barra mill-Belġju, mingħajr limitazzjoni ġeografika fir-rigward tan-numru u tat-tip ta’ ajruplani użati. F’dak li jirrigwarda d-drittijiet tat-traffiku tar-Renju tal-Belġju, dawn ġew estiżi għal żewġ punti fissi u tliet punti varjabbli fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika u ngħataw drittijiet lil hinn minnhom għal kull punt fil-Kanada u lejn il-Messiku minn punt fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika.

25      Din il-liberalizzazzjoni ġiet segwita bil-ftehim dwar it-trasport bl-ajru tat-23 ta’ Ottubru 1980 bejn ir-Renju tal-Belġju u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ l-1980”). Dan il-ftehim jinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

–        il-partijiet għandhom jintervjenu fl-iffissar tal-prezzijiet biss sabiex jimpedixxu prattiki u prezzijiet “predatorji” jew diskriminatorji, sabiex jipproteġu lill-konsumaturi minn prezzijiet indebitament għoljin jew restrittivi dovuti għall-abbuż minn pożizzjoni dominanti u sabiex jipproteġu lill-kumpanniji ta’ l-ajru minn prezzijiet artifiċjalment baxxi dovuti għal għajnuna mill-Istat diretti jew indiretti, filwaqt li ġie speċifikat li kull parti għandha tippermetti lil kumpannija ta’ l-ajru tallinja l-prezzijiet tagħha ma’ l-iktar prezz baxx jew kompetittiv ta’ kumpannija ta’ l-ajru tal-parti l-oħra; barra minn hekk, għandha tiġi stabbilita sistema ta’ diżapprovazzjoni reċiproka tal-prezzijiet mitluba mill-kumpanniji ta’ l-ajru ta’ waħda mill-partijiet (Artikolu 12);

–        ir-regoli dwar it-titjiriet charter għandhom jiġu liberalizzati (Anness II);

–        ir-restrizzjonijiet bilaterali dwar il-kapaċità, il-frekwenza, it-tip ta’ ajruplan u t-traffiku għandhom jitneħħew u l-partijiet jintrabtu li joffru lill-kumpanniji ta’ l-ajru taż-żewġ partijiet opportunità ugwali u leali sabiex jikkompetu ma’ xulxin (Artikolu 11);

–        it-tariffi għall-użu għandhom ikunu ġusti, raġonevoli u non-diskriminatorji (Artikolu 10);

–        l-għażla multipla hija permessa;

–        id-drittijiet tat-traffiku huma illimitati għat-trasportaturi mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika; min-naħa l-oħra, għal dawk mir-Renju tal-Belġju, l-aċċess għas-suq Amerikan tal-ġarr tal-passiġġieri u tal-merkanzija għadu limitat għall-aċċess previst fil-Protokoll ta’ l-1978. Dawn id-drittijiet mhumiex suġġetti għal limiti ġeografiċi, ta’ direzzjoni jew għal dak li jirrigwarda tibdiliet fit-tip jew fin-numru ta’ ajruplani użati (Taqsimiet 2 u 3 ta’ l-Anness I).

26      Emenda li saret fl-1986 kienet limitata għas-sostituzzjoni ta’ l-Artikolu 7 tal-Ftehim ta’ l-1980, dwar is-sigurtà fil-qasam tat-trasport bl-ajru.

27      Aġġustamenti nnegozjati fl-1991 ippermettew lir-Renju tal-Belġju jikseb, barra minn hekk, aċċess għal tliet punti fissi [Boston, Chicago u Detroit (l-Istati Uniti ta’ l-Amerika)], għal żewġ punti ta’ l-għażla tiegħu u għal għaxar punti addizzjonali abbażi ta’ “code-sharing”. It-trasportaturi kisbu d-dritt li jikkonkludu ftehim konġunti ta’ kummerċjalizzazzjoni, bl-esklużjoni, madankollu, ta’ servizzi ta’ kabotaġġ u ta’ “revenue pooling”. F’dak li jirrigwarda s-CRS, il-partijiet qablu, f’Anness III ġdid għall-Ftehim ta’ l-1980, li dawn ta’ l-aħħar ikunu suġġetti għall-prinċipji ta’ non-diskriminazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ kompetizzjoni leali u taw aċċess liberu (kull waħda għas-suq tagħha) għas-CRS u għas-servizzi ta’ dawn ta’ l-aħħar fit-territorju tagħhom. Dawn l-aġġustamenti daħlu fis-seħħ biss f’Jannar 1994, meta trasportatur talab li jkun jista’ jibbenefika mil-libertà ġdida ta’ code-sharing miftiehma fl-1991.

28      Mill-proċess jirriżulta li, fl-1992, l-Istati Uniti ta’ l-Amerika ħadu l-inizjattiva li jipproponu lil diversi Stati Ewropej li jikkonkludu magħhom ftehim bilaterali msejjaħ “tas-sema miftuħ”. Ftehim ta’ dan it-tip kellu, minn naħa, jiffaċilita l-alleanzi bejn it-trasporturi Amerikani u Ewropej u, min-naħa l-oħra, jirrispetta diversi kriterji definiti mill-Gvern Amerikan bħalma huma l-aċċess liberu għar-rotot kollha, l-għoti ta’ drittijiet tar-rotta u tat-traffiku illimitati, l-iffissar tal-prezzijiet skond sistema msejħa “tad-diżapprovazzjoni reċiproka” għar-rotot ta’ l-ajru bejn il-partijiet fil-ftehim, il-possibbiltà ta’ code-sharing, eċċ.

29      Matul is-snin 1993 u 1994, l-Istati Uniti ta’ l-Amerika intensifikaw l-isforzi tagħhom sabiex jikkonkludu ftehim bilaterali fil-qasam tat-trasport bl-ajru, skond il-politika msejħa “tas-sema miftuħ”, ma’ l-ikbar numru possibbli ta’ Stati Ewropej.

30      F’ittra tas-17 ta’ Novembru 1994 mibgħuta lill-Istati Membri, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni ta’ dawn ta’ l-aħħar fuq l-effetti negattivi li jġibu magħhom dawn il-ftehim bilaterali għall-Komunità u ħadet pożizzjoni billi ddikjarat li dan it-tip ta’ ftehim seta’ jaffettwa l-leġiżlazzjoni interna tal-Komunità. Hija qalet ukoll li n-negozjati għal tali ftehim setgħu jitmexxew b’mod effettiv u legalment validu biss fuq livell Komunitarju.

31      Matul in-negozjati li saru fit-28 ta’ Frar u fl-1 ta’ Marzu 1995, rappreżentanti tal-Gvern Belġjan u tal-Gvern Amerikan laħqu qbil fuq emenda ġdida tal-Ftehim ta’ l-1980, li ġie sussegwentement ikkonfermat permezz ta’ skambju ta’ noti diplomatiċi. Saru l-emendi li ġejjin (iktar ’il quddiem l-“emendi magħmula fl-1995”). Fil-korp tat-test tal-Ftehim ta’ l-1980, l-Artikoli 1 (Definizzjonijiet), 3 (Għażla u awtorizzazzjoni), 6 (Garanzija), 7 (Sigurtà), 8 (Opportunitajiet kummerċjali), 9 (Dazji doganali u taxxi), 10 (Tariffi għall-użu), 11 (Kompetizzjoni leali), 12 (Iffissar tal-prezzijiet), 13 (Trasport mhux bl-ajru/Servizzi intermodali), 14 (Kummissjonijiet), 15 (Applikazzjoni), 17 (Riżoluzzjoni ta’ tilwim) u 20 (Ftehim multilaterali) ġew emendati jew imħassra sabiex dan il-ftehim isir konformi mal-mudell Amerikan ta’ ftehim imsejjaħ “tas-sema miftuħ”. Barra minn hekk, l-Annessi I u II tal-Ftehim ta’ l-1980, li fihom il-listi tar-rotot u l-opportunitajiet għall-użu tagħhom, ġew emendati sabiex isiru konformi ma’ l-istess mudell (per eżempju, f’dak li jirrigwarda r-rotot, flessibbiltà fl-operat, titjiriet charter, eċċ.).

32      L-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ l-1980 jissuġġetta l-għoti, minn kull parti kontraenti, tal-liċenzji għat-tħaddim xierqa u ta’ l-awtorizzazzjonijiet tekniċi meħtieġa lil kumpanniji ta’ l-ajru magħżula mill-parti l-oħra għall-kundizzjoni “li parti sostanzjali mill-proprjetà u l-kontroll effettiv ta’ din il-kumpannija ta’ l-ajru jkunu miżmuma mill-parti li tagħżilha, minn ċittadini ta’ din il-parti jew mit-tnejn” (iktar ’il quddiem il-“klawżola dwar il-proprjetà u l-kontroll tal-kumpanniji ta’ l-ajru”). Skond l-Artikolu 4 ta’ dan il-ftehim, dawn il-liċenzji u awtorizzazzjonijiet jistgħu jiġu revokati, sospiżi jew limitati jekk il-kundizzjoni msemmija iktar ’il fuq ma tkunx sodisfatta.

 Il-proċedura prekontenzjuża

33      Billi saret taf li n-negozjati intiżi sabiex jiġi emendat il-Ftehim ta’ l-1980 kienu rnexxew, il-Kummissjoni, fit-2 ta’ Ġunju 1995, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Gvern Belġjan li fiha ddikjarat essenzjalment li, peress li l-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam tat-trasport bl-ajru kienet stabbilixxiet sistema kompleta ta’ regoli intiżi sabiex jiġi stabbilit suq intern f’dan is-settur, l-Istati Membri ma kellhomx iżjed il-kompetenza sabiex jikkonkludu ftehim bilaterali bħal dak li r-Renju tal-Belġju kien għadu kemm innegozja ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika. Barra minn hekk, skondha, tali ftehim kien imur kontra d-dritt Komunitarju primarju u sekondarju.

34      Billi, fir-risposta tiegħu ta’ l-4 ta’ Settembru 1995, il-Gvern Belġjan ikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni, din ta’ l-aħħar, fis-16 ta’ Marzu 1998, bagħtet opinjoni motivata lir-Renju tal-Belġju li fiha kkonkludiet li l-impenji bilaterali li jirriżultaw mill-emendi magħmula fl-1995 għall-Ftehim ta’ l-1980 kienu jikkostitwixxu ksur tad-dritt Komunitarju u talbet lill-imsemmi Stat Membru jikkonforma ruħu ma’ l-imsemmija opinjoni motivata fi żmien xahrejn min-notifika tagħha.

35      Billi qieset li r-risposta tal-Gvern Belġjan, tas-26 ta’ Ġunju 1998, ma kinitx sodisfaċenti, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

 Fuq l-ammissibbiltà

36      Skond il-Gvern Belġjan, il-preżentata ta’ dan ir-rikors tikkostitwixxi użu ħażin tal-proċedura għaliex, b’dan il-mod, il-Kummissjoni qed tipprova tikseb kompetenza Komunitarja li ma rnexxilhiex tikseb ir-rikonoxximent tagħha mill-Kunsill u li tista’ tikseb biss billi tressaq proċeduri kontra din l-istituzzjoni ta’ l-aħħar. Sussidjarjament, il-Gvern Belġjan isostni, fil-kontroreplika tiegħu, li dan ir-rikors jikser l-aspettattivi leġittimi li r-Renju tal-Belġju silet mid-dikjarazzjoni komuni ta’ l-1996, magħmula wara li ntbagħtet l-ittra ta’ intimazzjoni tat-2 ta’ Ġunju 1995, li minnha jirriżulta li l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija kontra tiegħu ma kinitx ser titkompla.

37      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dan ir-rikors huwa intiż sabiex jiġi kkonstatat li r-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dritt Komunitarju billi kkonkluda ftehim bilaterali ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika fil-qasam tat-trasport bl-ajru.

38      Billi ppreżentat dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 169 tat-Trattat, il-Kummissjoni applikat ġustament ir-regoli ta’ dan it-trattat, billi hija għażlet ir-rikors speċifikament previst minn dan ta’ l-aħħar għall-każ fejn hija tikkunsidra li Stat Membru naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt id-dritt Komunitarju.

39      F’dak li jirrigwarda l-argument tal-Gvern Belġjan dwar il-motivi li għalihom il-Kummissjoni għażlet li tippreżenta dan ir-rikors minflok ma ressqet proċeduri kontra l-Kunsill, għandu jiġi mfakkar li, fir-rwol tagħha ta’ kustodju tat-Trattat, hija biss il-Kummissjoni li hija kompetenti sabiex tiddeċiedi jekk huwiex opportun li tressaq proċeduri għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u fil-konfront ta’ liema aġir jew ommissjoni imputabbli lill-Istat Membru kkonċernat għandhom jitressqu dawn il-proċeduri (ara s-sentenza tal-11 ta’ Awwissu 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-431/92, Ġabra p. I-2189, punt 22).

40      Għaldaqstant, din l-eċċezzjoni għandha tiġi miċħuda.

41      F’dak li jirrigwarda l-eċċezzjoni mressqa sussidjarjament mill-Gvern Belġjan, għandu jiġi rrilevat li, skond l-Artikolu 42(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ebda raġuni ġdida ma tista’ tiġi ppreżentata matul il-kawża sakemm din ir-raġuni ma tkunx ibbażata fuq elementi ta’ dritt u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

42      L-eċċezzjoni bbażata fuq il-ksur ta’ l-aspettattivi leġittimi tressqet għall-ewwel darba fil-kontroreplika u mhijiex ibbażata fuq elementi ta’ dritt u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

43      Għaldaqstant, din l-eċċezzjoni hija inammissibbli.

 Fuq il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni fuq l-eżistenza ta’ ftehim ġdid b’riżultat ta’ l-emendi magħmula fl-1995

44      Il-formulazzjoni tat-talba prinċipali u tat-talba sussidjarja tal-Kummissjoni turi li, skond din ta’ l-aħħar, l-eżami fil-mertu ta’ waħda jew l-oħra minn dawn it-talbiet jippresupponi neċessarjament li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu pożizzjoni fuq kwistjoni preliminari, jiġifieri jekk l-emendi magħmula fl-1995 kellhomx l-effett li jittrasformaw il-ftehim preeżistenti ta’ l-1980 fi ftehim ġdid imsejjaħ “tas-sema miftuħ” li jinkorpora fih id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ l-1980 kif emendat suċċessivament. Jekk effettivament seħħ tali effett, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, skond il-Kummissjoni, tiddeċiedi biss fuq it-talba prinċipali u tevalwa l-kompatibbiltà tal-ftehim ġdid mad-dispożizzjonijiet Komunitarji rilevanti fis-seħħ fl-1995. Fil-każ oppost, ma jkunx hemm lok li tiġi deċiża t-talba prinċipali u l-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk għandha tiddeċiedi fuq it-talba sussidjarja u tevalwa l-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-ftehim pre eżistenti, u b’mod partikolari dak ta’ l-1980, fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ l-Artikolu 5 tat-Trattat.

45      Il-Gvern Belġjan isostni li, anki qabel l-emendi magħmula fl-1995, il-Ftehim ta’ l-1980 kien diġà ftehim liberali tat-trasport bl-ajru. Il-Kummissjoni tissopravaluta b’mod konsiderevoli l-portata ta’ dawn l-emendi, b’mod partikolari billi tirreferi għan-numru ta’ klawżoli li ġew affettwati bihom. Il-Gvern Belġjan janalizza l-imsemmija emendi punt punt u jsostni li dawn ta’ l-aħħar huma limitati essenzjalment sabiex jagħtu lir-Renju tal-Belġju l-istess drittijiet tat-traffiku illimitati li l-Istati Uniti ta’ l-Amerika tibbenefika minnhom sa mill-Protokoll ta’ l-1978. Ħlief għal dawk magħmula għall-Anness I tal-Ftehim ta’ l-1980 bil-għan li jiġi kkompletat l-iskambju tad-drittijiet tat-traffiku fir-rigward tas-servizzi regolari, l-emendi l-oħra magħmula fl-1995 huma purament redazzjonali. Għaldaqstant, ma jistgħux jikkostitwixxu ftehim ġdid konkluż.

46      Sabiex tiddefendi t-teżi tagħha, il-Kummissjoni twettaq eżami bir-reqqa ta’ l-emendi magħmula fl-1995. L-ewwel nett, hija tenfasizza li diversi dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ l-1980, bħal, b’mod partikolari, l-Artikoli 7 u 8, ġew emendati b’mod sostanzjali. Barra minn hekk, l-Artikoli 10, 13 u 20 tal-Ftehim ta’ l-1980 ġew sostitwiti, filwaqt li l-Artikoli 14 u 15 ġew imħassra. Fl-aħħar nett, l-Anness I, li ġie emendat sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni l-iżvilupp tad-drittijiet tat-traffiku bejn il-partijiet kontraenti, ittrasforma totalment il-Ftehim ta’ l-1980 minn ftehim klassiku tat-tip “Bermuda” fi ftehim imsejjaħ “tas-sema miftuħ” li jikkonforma mal-mudell Amerikan.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-eżami fil-mertu tat-talba prinċipali tal-Kummissjoni ma tippresupponix neċessarjament li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu pożizzjoni fuq il-kwistjoni jekk l-emendi magħmula fl-1995 kellhomx l-effett li jittrasformaw il-ftehim preeżistenti ta’ l-1980 fi ftehim ġdid.

48      Għalkemm huwa minnu li l-Ftehim ta’ l-1980 żviluppa f’xi ħaġa li tixbah ftehim tat-tip “sema miftuħ” b’riżultat ta’ l-emendi magħmula qabel l-1995, jirriżulta daqstant ieħor ċar mill-proċess u mit-trattazzjoni li saret quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-emendi magħmula fl-1995, deskritti fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, kellhom l-effett li lliberalizzaw totalment it-trasport bl-ajru bejn l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u r-Renju tal-Belġju billi żguraw aċċess liberu għar-rotot kollha bejn il-punti kollha li jinsabu f’dawn iż-żewġ Stati, mingħajr limitazzjoni ta’ kapaċità jew ta’ frekwenza, mingħajr restrizzjoni fir-rigward tal-punti intermedji u l-punti li jinsabu qabel jew lil hinn (“behind, between and beyond rights”), u bil-kombinazzjonijiet ta’ ajruplani kollha mixtieqa (“change of gauge”). Din il-libertà totali ġiet ikkomplementata b’dispożizzjonijiet dwar l-opportunitajiet għall-kumpanniji ta’ l-ajru kkonċernati li jikkonkludu ftehim ta’ code-sharing u b’dispożizzjonijiet li jistimulaw il-kompetizzjoni jew in-non-diskriminazzjoni.

49      Minn dan jirriżulta li l-emendi magħmula fl-1995 għall-Ftehim ta’ l-1980 kellhom l-effett li ħolqu l-qafas ta’ kooperazzjoni iktar intensiva bejn l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u r-Renju tal-Belġju li minnu jirriżultaw obbligi internazzjonali ġodda u sinjifikattivi għal dan ta’ l-aħħar.

50      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-emendi magħmula fl-1995 jixhdu li l-Ftehim ta’ l-1980 ġie nnegozjat mill-ġdid fit-totalità tiegħu. Minn dan jirriżulta li, għalkemm ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim ma ġewx formalment immodifikati bl-emendi magħmula fl-1995 jew sarulhom biss tibdiliet redazzjonali marġinali, l-obbligi li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet ġew madankollu kkonfermati waqt dan in-negozjar mill-ġdid. Issa f’tali sitwazzjoni, l-Istati Membri huma pprojbiti mhux biss milli jidħlu għal obbligi internazzjonali ġodda, iżda wkoll milli jżommu fis-seħħ tali obbligi jekk dawn jiksru d-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-4 ta’ Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-62/98, Ġabra p. I-5171, u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-84/98, Ġabra p. I-5215).

51      Il-konstatazzjoni magħmula fil-punt preċedenti hija valida, b’mod partikolari, għall-aċċess għar-rotot intra-Komunitarji mogħti lill-kumpanniji ta’ l-ajru magħżula mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika. Anki jekk, kif isostni l-Gvern Belġjan, dan l-aċċess joriġina minn obbligi assunti qabel l-1995, mit-Taqsima 1 ta’ l-Anness I tal-Ftehim ta’ l-1980, dwar il-lista tar-rotot, kif emendata fl-1995, jirriżulta li l-aċċess tat-trasportaturi magħżula mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika għar-rotot intra-Komunitarji ġiet, ta’ l-inqas, ikkonfermata mill-ġdid fl-1995 fil-kuntest ta’ l-iskambju ta’ drittijiet tat-traffiku miftiehem miż-żewġ Stati.

52      Barra minn hekk, għandu jitqies li huwa paċifiku li, kif irrileva ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punti 136 sa 138 tal-konklużjonijiet tiegħu fir-rigward tal-klawżola dwar il-proprjetà u l-kontroll tal-kumpanniji ta’ l-ajru, l-emendi magħmula fl-1995 għall-ftehim fit-totalità tiegħu jaffettwaw il-portata tad-dispożizzjonijiet, bħall-imsemmija klawżola, li ma ġewx formalment immodifikati bl-imsemmija emendi jew li ġew immodifikati b’mod limitat biss.

53      Minn dan isegwi li l-obbligi internazzjonali kollha kkontestati fit-talba prinċipali għandhom jiġu evalwati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju invokati mill-Kummissjoni in sostenn ta’ din it-talba li kienu fis-seħħ fil-mument meta dawn l-obbligi ġew assunti jew ikkonfermati, jiġifieri, f’kull każ, fl-1995.

54      Billi l-Qorti tal-Ġustizzja hija f’pożizzjoni li tiddeċiedi fuq it-talba prinċipali, m’hemmx lok li tiġi deċiża t-talba sussidjarja. Fil-fatt, kif jindika l-mod kif inhi fformulata t-talba sussidjarja, l-eżami ta’ din ta’ l-aħħar ma jiddependix minn kemm tiġi milqugħa t-talba prinċipali iżda mill-kwistjoni jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidrax li hija f’pożizzjoni li tiddeċiedi fuq din it-talba.

 Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirriżulta mill-ksur tal-kompetenza esterna tal-Komunità

55      Il-Kummissjoni tallega li r-Renju tal-Belġju kiser il-kompetenza esterna tal-Komunità billi assuma l-obbligi kkontestati. F’dan ir-rigward hija ssostni li din il-kompetenza tirriżulta, minn naħa, min-neċessità, fis-sens ta’ l-Opinjoni 1/76 tas-26 ta’ April 1977 (Ġabra p. 741), li jiġi konkluż ftehim fuq livell Komunitarju li jinkludi tali obbligi u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li l-obbligi kkontestati jaffettwaw, fis-sens tas-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, imsejħa “AETR” (22/70, Ġabra p. 263), ir-regoli adottati mill-Komunità fil-qasam tat-trasport bl-ajru.

 Fuq l-allegata eżistenza ta’ kompetenza esterna tal-Komunità fis-sens ta’ l-Opinjoni 1/76

 L-argumenti tal-partijiet

56      Il-Kummissjoni ssostni li, skond l-Opinjoni 1/76, iċċitata iktar ’il fuq, li ġiet ikkjarifikata bl-Opinjoni 1/94, tal-15 ta’ Novembru 1994 (Ġabra p. I-5267), u bl-Opinjoni 2/92, ta’ l-24 ta’ Marzu 1995 (Ġabra p. I-521), kompetenza esklużiva tal-Komunità sabiex tikkonkludi ftehim internazzjonali teżisti anki fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji fil-qasam ikkonċernat, meta l-konklużjoni ta’ tali ftehim huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat f’dan il-qasam, billi dawn ta’ l-aħħar ma jkunux jistgħu jintlaħqu bis-sempliċi introduzzjoni ta’ regoli komuni awtonomi.

57      Kif indikat fl-Opinjoni 2/92, iċċitata iktar ’il fuq, ir-raġunament segwit fl-Opinjoni 1/94, iċċitata iktar ’il fuq, li ngħatat preċedentement, bl-ebda mod ma jinvalida l-konklużjoni milħuqa fl-Opinjoni 1/76, iċċitata iktar ’il fuq. Ir-referenza, fil-punt 86 ta’ l-Opinjoni 1/94, iċċitata iktar ’il fuq, għan-nuqqas ta’ rabta inseparabbli bejn il-kisba tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri u t-trattament li għandu jingħata fil-Komunità liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi tikkonċerna l-qasam tas-servizzi in ġenerali. Fil-qasam tat-trasport bl-ajru, miżuri purament interni ftit li xejn ikunu effettivi fid-dawl tan-natura internazzjonali ta’ l-attivitajiet imwettqa u ta’ l-impossibbiltà li jiġu separati s-swieq intern u estern. Barra minn hekk, huwa għal din ir-raġuni li, f’diversi każijiet, irriżulta li kien neċessarju li miżuri Komunitarji dwar it-trasport bl-ajru u bil-baħar jipprovdu għat-trattament li għandu jingħata lit-trasportaturi ta’ pajjiżi terzi u li jiġu konklużi l-ftehim relattivi.

58      Id-diskriminazzjoni, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u d-distabbilizzazzjoni tas-suq Komunitarju li jirriżultaw mill-ftehim bilaterali msejħa “tas-sema miftuħ” konklużi minn ċerti Stati Membri jipprovaw li l-għanijiet li l-politika komuni tat-trasport bl-ajru tfittex li tilħaq ma jistgħux jintlaħqu mingħajr il-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-Komunità u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika.

59      B’mod partikolari, l-obbligi kkontestati, kemm jekk jitqiesu individwalment kif ukoll jekk jitqiesu fil-perspettiva ta’ l-effett ikkombinat prodott mill-obbligi korrispondenti assunti minn Stati Membri oħra, jipprovokaw tibdiliet fl-istruttura tal-flussi ta’ traffiku lejn l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u jippermettu lit-trasportaturi Amerikani joperaw fis-suq intra-Komunitarju mingħajr ma jiġu suġġetti għall-obbligi kollha tas-sistema stabbilita bir-regoli komuni, u jikkompetu b’dan il-mod mat-trasportaturi Komunitarji.

60      Huwa faċli li tiġi stabbilita n-neċessità ta’ azzjoni Komunitarja fil-konfront tal-pajjiżi terzi, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar it-trasport. Għalkemm l-Artikolu 84(2) tat-Trattat ma jiddefinixxix minn qabel il-kontenut speċifiku tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’dak li jirrigwarda t-trasport bl-ajru, huwa madankollu jiddikjara espressament li huma applikabbli d-dispożizzjonijiet proċedurali ta’ l-Artikolu 75(3) tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 71(2) KE). Il-fatt li l-Artikolu 84(2) tat-Trattat jagħti kjarament lill-Komunità s-setgħa li tikkonkludi ftehim dwar it-trasport bl-ajru mal-pajjiżi terzi ġie, barra minn hekk, ipprovat bl-użu tiegħu bħala bażi legali għall-konklużjoni ta’ tali ftehim mar-Renju tan-Norveġja u mar-Renju ta’ l-Iżvezja fl-1992.

61      Il-kompetenza esterna esklużiva li għandha l-Komunità fil-qasam kopert mill-obbligi kkontestati timpedixxi lir-Renju tal-Belġju milli jassumi tali obbligi, anki jekk il-Komunità ma eżerċitatx din il-kompetenza.

62      Skond il-Gvern Belġjan, l-għoti lill-Komunità ta’ kompetenza esterna impliċita fis-sens ta’ l-Opinjoni 1/76, iċċitata iktar ’il fuq, huwa suġġett għat-twettiq ta’ żewġ kundizzjonijiet: minn naħa, l-eżistenza ta’ kompetenza interna intiża sabiex jintlaħaq għan partikolari, u min-naħa l-oħra, in-neċessità tal-parteċipazzjoni tal-Komunità fi ftehim internazzjonali sabiex jintlaħaq dan il-għan. Il-kundizzjonijiet għall-għoti lill-Komunità tal-kompetenza esterna fis-sens ta’ l-Opinjoni 1/76, iċċitata iktar ’il fuq, huma differenti minn dawk tal-kompetenza esterna fis-sens tal-ġurisprudenza AETR, iċċitata iktar ’il fuq, billi, skond din l-opinjoni, il-Komunità trid tkun eżerċitat din il-kompetenza esterna sabiex din ta’ l-aħħar issir esklużiva, kif tfakkar il-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 1/94, iċċitata iktar ’il fuq.

63      F’din l-opinjoni ta’ l-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ukoll li, fil-qasam tas-servizzi, il-kisba tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri mhijiex marbuta b’mod inseparabbli mat-trattament li għandu jingħata fil-Komunità liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew fil-pajjiżi terzi liċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri.

64      Barra minn hekk, anki kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li l-konsegwenzi ekonomiċi allegati mill-Kummissjoni jirrendu neċessarju l-eżerċizzju mill-Komunità tal-kompetenza esterna fis-sens ta’ l-Opinjoni 1/76, iċċitata iktar ’il fuq, il-Gvern Belġjan jenfasizza li, sal-lum, il-Kunsill għadu ma qatax il-kwistjoni jekk ftehim Komunitarju jġibx miegħu vantaġġi sinjifikattivi meta mqabbel mas-sistema eżistenti tar-relazzjonijiet bilaterali. Għalhekk huwa ma kkunsidrax li l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza esterna huwa neċessarju.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

65      Għandu jiġi rrilevat li, f’dak li jirrigwarda t-trasport bl-ajru, l-Artikolu 84(2) tat-Trattat jillimita ruħu li jipprovdi għal setgħa tal-Komunità li tieħu azzjoni, li huwa madankollu jissuġġetta għal deċiżjoni minn qabel tal-Kunsill.

66      Għaldaqstant, għalkemm din id-dispożizzjoni tista’ tintuża bħala bażi legali mill-Kunsill sabiex jagħti lill-Komunità s-setgħa li tikkonkludi ftehim internazzjonali fil-qasam tat-trasport bl-ajru f’każ partikolari, ma jistax min-naħa l-oħra jitqies li fiha nfisha tistabbilixxi kompetenza Komunitarja esterna fil-qasam tat-trasport bl-ajru.

67      Huwa ċertament minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kompetenza tal-Komunità sabiex tassumi obbligi internazzjonali tista’ tirriżulta mhux biss minn attribuzzjoni espliċita mit-Trattat, iżda tista’ tirriżulta wkoll b’mod impliċitu minn dispożizzjonijiet tat-Trattat. Teżisti tali kompetenza esterna impliċita mhux biss fil-każijiet kollha fejn il-kompetenza interna tkun diġà ntużat bil-għan li jiġu adottati miżuri għat-twettiq tal-politiki komuni, iżda wkoll jekk il-miżuri Komunitarji interni jiġu adottati biss fl-okkażjoni tal-konklużjoni u tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim internazzjonali. B’hekk, il-kompetenza sabiex torbot lill-Komunità fil-konfront ta’ Stati terzi tista’ toħroġ b’mod impliċitu mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxu l-kompetenza interna, safejn il-parteċipazzjoni tal-Komunità fil-ftehim internazzjonali hija meħtieġa għat-twettiq ta’ xi wieħed mill-għanijiet tal-Komunità (ara l-Opinjoni 1/76, iċċitata iktar ’il fuq, punti 3 u 4).

68      Fil-ġurisprudenza sussegwenti tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-ipoteżi pprospettata fl-Opinjoni 1/76, iċċitata iktar ’il fuq, hija dik fejn il-kompetenza interna tista’ tiġi effettivament eżerċitata biss fl-istess żmien mal-kompetenza esterna (Opinjoni 1/94, iċċitata iktar ’il fuq, punt 89), billi l-konklużjoni tal-ftehim internazzjonali hija għalhekk neċessarja sabiex jitwettqu l-għanijiet tat-Trattat li ma jistgħux jintlaħqu billi jiġu stabbiliti regoli awtonomi.

69      Dan mhuwiex il-każ f’din il-kawża.

70      Fil-fatt, xejn fit-Trattat ma jżomm lill-istituzzjonijiet milli jorganizzaw, fir-regoli komuni li huma jadottaw, azzjonijiet miftiehma flimkien fil-konfront ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u lanqas milli jippreskrivu l-approċċ li għandu jittieħed mill-Istati Membri fit-trattattivi esterni tagħhom, bil-għan li tiġi mitigata d-diskriminazzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tista’ tirriżulta mill-implementazzjoni ta’ obbligi assunti minn ċerti Stati Membri ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika fil-kuntest ta’ ftehim imsejħa “tas-sema miftuħ” (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/94, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79). Għalhekk ma ġiex stabbilit li, minħabba tali diskriminazzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni, l-għanijiet tat-Trattat fil-qasam tat-trasport bl-ajru ma jistgħux jintlaħqu billi jiġu stabbiliti regoli awtonomi.

71      Barra minn hekk, fl-1992 il-Kunsill seta’ jadotta t-“tielet pakkett” li, skont il-Kummissjoni, wettaq is-suq intern tat-trasport bl-ajru bbażat fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, mingħajr ma deher li kien neċessarju, dak iż-żmien, li għal dan il-għan isir rikors għall-konklużjoni, mill-Komunità, ta’ ftehim ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika dwar it-trasport bl-ajru. Għall-kuntrarju, mill-proċess jirriżulta li l-Kunsill, li lilu t-Trattat jafda l-kompitu li jiddeċiedi jekk huwiex opportun li tittieħed azzjoni fil-qasam tat-trasport bl-ajru u li jiddefinixxi l-portata ta’ l-intervent tal-Komunità f’dan il-qasam, ma kkunsidrax li kien neċessarju li jmexxi negozjati ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika fuq livell Komunitarju (ara l-punt 18 ta’ din is-sentenza). Kien biss f’Ġunju 1996, u għalhekk wara l-eżerċizzju tal-kompetenza interna, li l-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja mandat ristrett ma’ l-Istati Uniti, filwaqt li qagħad attent li jispeċifika, fid-dikjarazzjoni konġunta ta’ l-1996 mal-Kummissjoni, li s-sistema ta’ ftehim bilaterali ma’ dan il-pajjiż kellha tinżamm sal-konklużjoni ta’ ftehim ġdid li jorbot lill-Komunità (ara l-punti 19 u 20 ta’ din is-sentenza).

72      Il-konstatazzjoni magħmula fil-punti preċedenti ma tistax titqiegħed fid-dubju mill-fatt li, fl-atti adottati mill-Kunsill f’dak li jirrigwarda s-suq intern tat-trasport bl-ajru, jeżistu ċerti dispożizzjonijiet dwar iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (ara, per eżempju, il-punti 12 sa 14 ta’ din is-sentenza). Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, in-natura relattivament limitata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet teskludi li minn dawn id-dispożizzjonijiet jiġi dedott li t-twettiq tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport bl-ajru favur ċittadini ta’ l-Istati Membri huwa marbut b’mod inseparabbli mat-trattament li għandu jingħata fil-Komunità liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew fil-pajjiżi terzi liċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri.

73      Minn dan isegwi li, f’din il-kawża, mhuwiex il-każ ta’ sitwazzjoni fejn il-kompetenza interna ma setgħetx tiġi effettivament eżerċitata fl-istess żmien mal-kompetenza esterna.

74      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, fiż-żmien meta r-Renju tal-Belġju ftiehem ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika dwar l-emendi magħmula fl-1995, il-Komunità ma setgħetx tippretendi li kienet teżisti kompetenza esterna esklużiva fis-sens ta’ l-Opinjoni 1/76, iċċitata iktar ’il fuq, sabiex tikkonkludi ftehim dwar it-trasport bl-ajru ma’ dan il-pajjiż.

75      Għaldaqstant, l-allegazzjoni li r-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu billi kiser tali kompetenza hija infondata.

 Fuq l-allegata eżistenza ta’ kompetenza esterna tal-Komunità fis-sens tal-ġurisprudenza AETR

 L-argumenti tal-partijiet

76      Il-Kummissjoni ssostni li, bil-qafas leġiżlattiv stabbilit bit-“tielet pakkett” ta’ miżuri ta’ liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru, il-leġiżlatur Komunitarju stabbilixxa serje kompeta ta’ regoli komuni, li ppermettew li jinħoloq is-suq intern tat-trasport bl-ajru bbażat fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fil-kuntest ta’ dawn ir-regoli komuni, il-Komunità ddeterminat il-kundizzjonijiet għall-funzjonament tas-suq intern, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-regoli dwar l-aċċess għal dan is-suq, fil-forma ta’ drittijiet tat-traffiku fuq rotot bejn u ġewwa l-Istati Membri. Barra minn hekk, numru kbir ta’ dawn il-miżuri jinkludu dispożizzjonijiet dwar it-trasportaturi ta’ pajjiżi terzi jew dwar il-pajjiżi li fihom jew minnhom joperaw dawn it-trasportaturi. Ma din is-serje ta’ regoli għandhom jiżdiedu wkoll ir-Regolamenti Nri 2299/89 u 95/93, bħala eżempji ta’ miżuri li jippreskrivu l-approċċ li għandhom jieħdu l-Istati Membri fil-konfront tal-pajjiżi terzi.

77      Fid-dawl ta’ din is-sistema kompleta ta’ regoli komuni, l-Istati Membri m’għadhomx kompetenti, kemm jekk jaġixxu individwalment kif ukoll jekk jaġixxu kollettivament, sabiex jassumu obbligi li jaffettwaw l-imsemmija regoli bl-iskambju ta’ drittijiet tat-traffiku u bil-ftuħ ta’ l-aċċess tat-trasportaturi tal-pajjiżi terzi għas-suq intra-Komunitarju. In-negozjar u l-konklużjoni ta’ tali obbligi internazzjonali għalhekk jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Komunità. In sostenn tat-teżi tagħha, il-Kummissjoni tinvoka b’mod partikolari s-sentenza AETR, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll l-Opinjonijiet 1/94 u 2/92, iċċitati iktar ’il fuq.

78      Skond il-Kummissjoni, tali obbligi internazzjonali, jekk ma jiġux assunti mill-Komunità, jmorru kontra d-dritt Komunitarju u jċaħħdu lil dan ta’ l-aħħar mill-effettività tiegħu, billi għandhom effett diskriminatorju, jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni u jiddestabbilizzaw is-suq Komunitarju bil-parteċipazzjoni f’dan is-suq ta’ trasportaturi bl-ajru ta’ pajjiżi terzi. B’hekk it-trasportaturi Amerikani jkunu jistgħu joperaw fil-Komunità mingħajr ma jkunu suġġetti għall-obbligi Komunitarji kollha, it-traffiku jiġi attirat lejn Stat Membru għad-detriment ta’ l-Istati Membri l-oħra u l-bilanċ li l-adozzjoni ta’ regoli komuni tfittex li tilħaq jinkiser.

79      Mill-punti 25 u 26 ta’ l-Opinjoni 2/91, tad-19 ta’ Marzu 1993 (Ġabra p. I-1061), jirriżulta li l-Istati Membri lanqas biss jistgħu jassumu obbligi internazzjonali biex isegwu l-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti, għaliex dan jipperikola li jirrendiha eċċessivament riġidi, billi jiġu ostakolati l-adattament u l-emenda tagħha, ħaġa li “taffettwa” lil din ta’ l-aħħar.

80      Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk ma kinitx ġiet stabbilita serje kompleta ta’ regoli komuni, dan ikun irrilevanti għall-eżitu tar-rikors billi, kif ikkonfermat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 25 u 26 ta’ l-Opinjoni 2/91 tagħha, iċċitata iktar ’il fuq, il-kompetenza Komunitarja titqies li hija stabbilita jekk il-ftehim ikkonċernat jaqa’ f’qasam li fil-parti l-kbira tiegħu huwa diġà kopert minn regoli Komunitarji adottati progressivament, li huwa l-każ f’din il-kawża.

81      Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha madankollu tikkonstata li l-leġiżlazzjoni Komunitarja ma tistax titqies li hija kompleta għar-raġuni li, kif isostni r-Renju tal-Belġju, ċerti elementi essenzjali għadhom neqsin minnha, dan lanqas ma jkollu effett determinanti għall-eżitu tar-rikors. Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-Komunità mhijiex esklużivament kompetenti sabiex tikkonkludi l-ftehim ikkontestati fl-intier tagħhom, lanqas ir-Renju tal-Belġju m’għandu tali kompetenza u, għalhekk, bl-ebda mod ma jista’ jassumi dawn l-obbligi b’mod individwali, kif il-Kummissjoni kkritikatu talli għamel.

82      Il-Gvern Belġjan iqis li l-Komunità m’għandhiex kompetenza esterna esklużiva f’dan il-qasam u li r-Renju tal-Belġju żamm il-kompetenza sabiex jinnegozja u jikkonkludi ftehim u, a fortiori, sabiex jinnegozja u jikkonkludi emendi għal ftehim dwar it-trasport bl-ajru fir-rigward tad-drittijiet tat-traffiku. Tali drittijiet jew ma jaqgħux taħt dispożizzjonijiet Komunitarji (f’dak li jirrigwarda d-drittijiet tat-traffiku lejn jew minn punti li jinsabu barra mill-Komunità), jew jikkonċernaw punti li l-aċċess għalihom diġà ġie liberalizzat taħt l-iskema tat-“tielet pakkett” (f’dak li jirrigwarda d-drittijiet tat-traffiku lejn punti li jinsabu qabel il-Belġju ġewwa l-Komunità billi, skond ir-Regolament Nru 2408/92, l-aċċess tar-Renju tal-Belġju għal tali punti jeżisti irrispettivament mill-obbligi kkontestati).

83      Barra minn hekk, il-Gvern Belġjan isostni li t-“tielet pakkett” ta’ miżuri ta’ liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru manifestament ma jirregolax is-servizzi ta’ trasport bl-ajru mill-Komunità lejn pajjiżi terzi u bil-maqlub. Għall-kuntrarju, skondu, il-Kunsill dak iż-żmien kien jaf bil-problemi li l-estensjoni tat-“tielet pakkett” għas-servizzi tat-trasport bl-ajru bejn il-Komunità u pajjiżi terzi kienet tikkawża fuq il-livell tar-relazzjonijiet internazzjonali, li, f’dan il-qasam, jibqgħu regolati skond sistema bilaterali bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi.

84      Il-Gvern Belġjan jgħid ukoll li l-kliem stess tar-Regolament Nru 2408/92 juri li dan ta’ l-aħħar la japplika għal trasportaturi ta’ pajjiżi terzi u għall-aċċess ta’ dawn ta’ l-aħħar għar-rotot ta’ l-ajru intra-Komunitarji u lanqas għall-aċċess tat-trasportaturi Komunitarji għar-rotot ta’ l-ajru ma’ pajjiżi terzi. Dan jirriżulta wkoll mill-Artikoli 1 u 3(1) ta’ dan ir-regolament. Għalhekk ir-Regolament Nru 2408/92 ma jkoprix id-drittijiet tat-traffiku tat-trasportaturi Komunitarji lejn pajjiżi terzi, bħalma huma dawk li ngħata r-Renju tal-Belġju skond l-emendi magħmula fl-1995 għall-Ftehim ta’ l-1980, bl-istess mod kif ma jkoprix id-drittijiet lejn punti li jinsabu qabel ġewwa l-Komunità, li ngħataw l-Istati Uniti ta’ l-Amerika.

85      Għaldaqstant, il-Gvern Belġjan isostni li l-obbligi li huwa assuma permezz tal-Ftehim ta’ l-1980, kif emendat fl-1995, ma jaffettwawx ir-regoli komuni billi m’hemmx kontradizzjoni bejn il-kontenut ta’ l-ewwel u dak tat-tieni. F’dan ir-rigward, huwa jikkontesta b’mod iktar partikolari l-argument tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tat-traffiku, l-għażla tat-trasportaturi bl-ajru, l-islots, is-CRS u t-tariffi.

86      Fl-aħħar nett, il-Gvern Belġjan jikkunsidra li l-argumenti tal-Kummissjoni dwar il-konsegwenzi ekonomiċi li jkollhom fuq is-suq intern tat-trasport bl-ajru l-obbligi bilaterali assunti mill-Istati Membri ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika ma jistgħux jagħtu lok għal kompetenza Komunitarja esterna fis-sens tal-ġurisprudenza AETR, iċċitata iktar ’il fuq, u għalhekk ma jistgħux iċaħħdu lir-Renju tal-Belġju mill-kompetenza tiegħu sabiex jinnegozja u jikkonkludi emendi għall-Ftehim ta’ l-1980.

87      Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li r-Renju tal-Belġju m’għadx għandu din il-kompetenza, il-Gvern Belġjan isostni, sussidjarjament, li l-Kunsill awtorizza lir-Renju tal-Belġju jżomm ir-relazzjonijiet bilaterali ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, jiġifieri jżomm il-Ftehim ta’ l-1980, kif emendat fl-1995. Għal dan il-għan, huwa jibbaża ruħu fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 1993 (ara l-punt 18 ta’ din is-sentenza) u fuq id-dikjarazzjoni konġunta ta’ l-1996 (ara l-punt 20 ta’ din is-sentenza).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

88      Għandu jiġi mfakkar, kif diġà ġie kkonstatat fil-punti 65 u 66 ta’ din is-sentenza, li minkejja li l-Artikolu 84(2) tat-Trattat ma jistabbilixxix kompetenza Komunitarja esterna fil-qasam tat-trasport bl-ajru, jibqa’ l-fatt li huwa jipprovdi għal setgħa tal-Komunità li tieħu azzjoni f’dan il-qasam, għalkemm jissuġġettaha għal deċiżjoni minn qabel tal-Kunsill.

89      Barra minn hekk, kien billi ħa din id-dispożizzjoni bħala bażi legali li l-Kunsill adotta t-“tielet pakkett” ta’ leġiżlazzjoni fil-qasam tat-trasport bl-ajru.

90      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-punti 16 sa 18 u 22 tas-sentenza AETR, iċċitata iktar ’il fuq, li l-kompetenza tal-Komunità sabiex tikkonkludi ftehim internazzjonali tirriżulta mhux biss minn attribuzzjoni espliċita mit-Trattat, iżda tista’ tirriżulta wkoll minn dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat u minn atti adottati, fil-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, mill-istituzzjonijiet tal-Komunità; li, b’mod partikolari, kull darba li l-Komunità, għall-implementazzjoni ta’ politika komuni prevista fit-Trattat, adottat dispożizzjonijiet li jistabbilixxu regoli komuni, taħt kwalunkwe forma, l-Istati Membri m’għandhomx iktar id-dritt, sew jekk jaġixxu individwalment sew jekk kollettivament, li jidħlu għal obbligi, ma’ pajjiżi terzi, li jaffettwaw dawn ir-regoli jew jibdlu l-portata tagħhom; u li, fil-fatt, kif u meta dawn ir-regoli komuni jiġu stabbiliti, il-Komunità biss hija f’pożizzjoni li tassumi u teżegwixxi, b’effett fuq il-qasam ta’ applikazzjoni kollu tas-sistema legali Komunitarja, l-obbligi assunti fil-konfront ta’ pajjiżi terzi.

91      Billi din l-analiżi timplika r-rikonoxximent ta’ kompetenza esterna esklużiva għall-Komunità b’riżultat ta’ l-adozzjoni ta’ atti interni, għandu jiġi mistoqsi jekk hija tapplikax ukoll fil-kuntest ta’ dispożizzjoni bħall-Artikolu 84(2) tat-Trattat, li jagħti lill-Kunsill is-setgħa li jiddeċiedi “jekk safejn u b’liema proċedura disposizzjonijiet opportuni jistgħux jiġu addottati” għat-traffiku bl-ajru, inkluż, għalhekk, għall-aspett estern tiegħu.

92      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, kieku l-Istati Membri kienu liberi li jassumu obbligi internazzjonali li jaffettwaw ir-regoli komuni adottati abbażi ta’ l-Artikolu 84(2) tat-Trattat, dan kien jikkomprometti t-twettiq ta’ l-għan li dawn ir-regoli jfittxu li jilħqu u għalhekk kien jimpedixxi lill-Komunità milli twettaq il-kompitu tagħha fid-difiża ta’ l-interess komuni.

93      Għaldaqstant, il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza AETR, iċċitata iktar ’il fuq, japplikaw ukoll meta l-Kunsill, bħal f’dan il-każ, ikun adotta regoli komuni abbażi ta’ l-Artikolu 84(2) tat-Trattat.

94      Għandu jiġi ddeterminat ukoll taħt liema ċirkustanzi l-portata tar-regoli komuni tista’ tiġi affettwata jew mibdula mill-obbligi internazzjonali in kwistjoni u, għaldaqstant, taħt liema ċirkustanzi l-Komunità tikseb kompetenza esterna bis-saħħa ta’ l-eżerċizzju tal-kompetenza interna tagħha.

95      Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan ikun il-każ meta l-obbligi internazzjonali jaqgħu fil-qasam ta’ applikazzjoni tar-regoli komuni (sentenza AETR, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30) jew f’kull każ f’qasam li fil-parti l-kbira tiegħu diġà jkun kopert b’tali regoli (Opinjoni 2/91, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25). F’din l-aħħar ipoteżi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri ma jistgħux jassumu obbligi internazzjonali barra mill-qafas ta’ l-istituzzjonijiet komuni, u dan anki jekk ma tkun teżisti ebda kontradizzjoni bejn dawn l-obbligi u r-regoli komuni (Opinjoni 2/91, iċċitata iktar ’il fuq, punti 25 u 26).

96      Huwa għalhekk li, meta l-Komunità tkun inkludiet fl-atti leġiżlattivi interni tagħha klawżoli relattivi għat-trattament irriżervat għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew meta tkun espressament tat lill-istituzzjonijiet tagħha kompetenza sabiex jinnegozjaw ma’ pajjiżi terzi, hija tikseb kompetenza esterna esklużiva fil-limiti koperti b’dawn l-atti (Opinjonijiet iċċitata iktar ’il fuq 1/94, punt 95, u 2/92 punt 33).

97      Dan japplika wkoll, anki fin-nuqqas ta’ klawżola espressa li tawtorizza lill-istituzzjonijiet tagħha li jinnegozjaw ma’ pajjiżi terzi, meta l-Komunità tkun wettqet armonizzazzjoni sħiħa f’qasam partikolari, għaliex ir-regoli komuni hekk adottati jistgħu jiġu affettwati fis-sens tas-sentenza AETR, iċċitata iktar ’il fuq, jekk l-Istati Membri jibqa’ jkollhom libertà li jinnegozjaw ma’ pajjiżi terzi (ara l-Opinjonijiet iċċitati iktar ’il fuq 1/94, punt 96, u 2/92, punt 33).

98      Min-naħa l-oħra, mir-raġunament magħmul fil-punti 78 u 79 ta’ l-Opinjoni 1/94, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li l-eventwali distorsjonijiet fil-flussi ta’ servizzi fis-suq intern li jistgħu jirriżultaw minn ftehim bilaterali msejħa “tas-sema miftuħ” konklużi mill-Istati Membri ma’ pajjiżi terzi ma jaffettwawx fihom infushom ir-regoli komuni adottati f’dan il-qasam u għalhekk ma jistgħux jistabbilixxu kompetenza esterna tal-Komunità.

99      Fil-fatt, xejn fit-Trattat ma jżomm lill-istituzzjonijiet milli jorganizzaw, fir-regoli komuni li huma jadottaw, azzjonijiet miftiehma flimkien fil-konfront ta’ pajjiżi u lanqas milli jippreskrivu l-approċċ li għandu jittieħed mill-Istati Membri fit-trattattivi esterni tagħhom (Opinjoni 1/94, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79).

100    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi evalwat jekk ir-regoli komuni invokati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors jistgħux jiġu affettwati mill-obbligi internazzjonali assunti jew ikkonfermati mir-Renju tal-Belġju fl-1995.

101    Huwa paċifiku li l-obbligi in kwistjoni jinkludu skambju ta’ drittijiet tal-ħames libertà li bis-saħħa tiegħu kumpannija ta’ l-ajru magħżula mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika għandha d-dritt tittrasporta passiġġieri bejn ir-Renju tal-Belġju u Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea f’titjira li l-oriġini jew id-destinazzjoni tagħha tinsab fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika. Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li billi dan l-obbligu, ikkunsidrat b’mod partikolari fil-kuntest ta’ l-effett ikkombinat prodott mill-obbligi bilaterali kollha ta’ dan it-tip assunti minn Stati Membri ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, jippermetti lit-trasportaturi bl-ajru ta’ dan il-pajjiż ta’ l-aħħar jużaw rotot intra-Komunitarji mingħajr ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fir-Regolament Nru 2407/92, huwa jaffettwa dan ir-regolament kif ukoll ir-Regolament Nru 2408/92.

102    Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

103    Kif jirriżulta mit-titolu u mill-Artikolu 3(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 2408/92 jikkonċerna l-aċċess għar-rotot intra-Komunitarji tat-trasportaturi bl-ajru tal-Komunità biss, u dawn ta’ l-aħħar huma ddefiniti bl-Artikolu 2(b) ta’ dan ir-regolament bħala t-trasportaturi bl-ajru li jkollhom liċenzja valida biex joperaw mogħtija minn Stat Membru skond ir-Regolament Nru 2407/92. Kif jirriżulta mill-Artikoli 1(1) u 4 tiegħu, dan ir-regolament ta’ l-aħħar jiddefinixxi l-kriterji għall-għoti mill-Istati Membri tal-liċenzji tat-tħaddim lit-trasportaturi bl-ajru stabbiliti fil-Komunità li, mingħajr preġudizzju għall-ftehim u konvenzjonijiet li għalihom il-Komunità tkun parti kontraenti, huma l-proprjetà, jew direttament jew permezz taż-żamma tal-maġġoranza ta’ l-ishma, ta’ l-Istati Membri u/jew ta’ ċittadini ta’ l-Istati Membri u effettivament ikkontrollati minn dawn l-Istati jew minn dawn iċ-ċittadini, kif ukoll il-kriterji għaż-żamma fis-seħħ ta’ l-imsemmija liċenzji.

104    Minn dan isegwi li r-Regolament Nru 2408/92 ma jirregolax l-għoti ta’ drittijiet tat-traffiku fuq rotot intra-Komunitarji lil trasportaturi non-Komunitarji. Bl-istess mod, ir-Regolament Nru 2407/92 ma jirregolax il-liċenzji tat-tħaddim tat-trasportaturi bl-ajru non-Komunitarji li joperaw ġewwa l-Komunità.

105    Billi l-obbligi internazzjonali in kwistjoni ma jaqgħux f’qasam diġà kopert bir-Regolamenti Nri 2407/92 u 2408/92, ma jistgħux jiġu kkunsidrati li jaffettwaw l-imsemmija regolamenti għar-raġuni invokata mill-Kummissjoni.

106    Barra minn hekk, il-fatt innifsu li dawn iż-żewġ regolamenti ma jirregolawx is-sitwazzjoni tat-trasportaturi bl-ajru ta’ pajjiżi terzi li joperaw ġewwa l-Komunità juri li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, it-“tielet pakkett” ta’ leġiżlazzjoni mhuwiex ta’ natura kompleta.

107    It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li d-diskriminazzjoni u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-obbligi internazzjonali in kwistjoni, meqjusa abbażi ta’ l-effett ikkombinat prodott mill-obbligi internazzjonali korrispondenti assunti minn Stati Membri oħra, jaffettwaw il-funzjonament normali tas-suq intern tat-trasport bl-ajru.

108    Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 98 ta’ din is-sentenza, sitwazzjoni ta’ dan it-tip ma taffettwax ir-regoli komuni u, għaldaqstant, ma tistax tistabbilixxi kompetenza esterna tal-Komunità.

109    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni Komunitarja li hija tinvoka fiha diversi dispożizzjonijiet dwar il-pajjiżi terzi u dwar it-trasportaturi bl-ajru tal-pajjiżi terzi. B’mod partikolari, dan huwa l-każ tar-Regolamenti Nri 2409/92, 2299/89 u 95/93.

110    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, skond l-Artikolu 1(2)(a) tar-regolament Nru 2409/92, dan ta’ l-aħħar mhuwiex applikabbli għan-nolijiet u rati mitluba minn trasportaturi bl-ajru apparti minn trasportaturi bl-ajru tal-Komunità, iżda din ir-restrizzjoni hija madankollu indikata li hija “mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3” ta’ l-istess artikolu. Skond l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 2409/92, trasportaturi bl-ajru tal-Komunità biss għandhom ikunu intitolati biex jintroduċu prodotti ġodda jew nolijiet aktar baxxi minn dawk eżistenti għal prodotti identiċi.

111    Jirriżulta mill-kombinazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li r-Regolament Nru 2409/92, b’mod indirett iżda ċert, ipprojbixxa lit-trasportaturi bl-ajru ta’ pajjiżi terzi li joperaw fil-Komunità milli jintroduċu prodotti ġodda jew nolijiet aktar baxxi minn dawk eżistenti għal prodotti identiċi. Billi għamel hekk, il-leġiżlatur Komunitarju llimita l-libertà tariffarja ta’ dawn it-trasportaturi, meta dawn joperaw fuq rotot intra-Komunitarji bis-saħħa tad-drittijiet tal-ħames libertà li huma għandhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, safejn huwa previst fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 2409/92, kisbet il-kompetenza esklużiva li tassumi obbligi ma’ Stati terzi li jirrigwardaw din il-limitazzjoni tal-libertà tariffarja tat-trasportaturi non-Komunitarji.

112    Minn dan isegwi li, minn meta daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 2409/92, ir-Renju tal-Belġju ma setax iżjed jassumi waħdu jew iżomm fis-seħħ, minkejja n-negozjar mill-ġdid tal-Ftehim ta’ l-1980, obbligi internazzjonali li jikkonċernaw in-nolijiet ta’ l-ajru li għandhom jintalbu minn trasportaturi ta’ pajjiżi terzi fuq rotot intra-Komunitarji.

113    Obbligu ta’ dan it-tip jirriżulta mill-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ l-1980, kif emendat fl-1995. Għalhekk ir-Renju tal-Belġju kiser il-kompetenza esterna esklużiva tal-Komunità li tirriżulta mill-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 2409/92.

114    L-argument tal-Gvern Belġjan li dan l-obbligu, inkwantu jistabbilixxi l-prinċipju tal-libertà fl-iffissar tal-prezzijiet u jillimita l-intervent tal-partijiet kontraenti fl-iffissar tal-prezzijiet għal sitwazzjonijiet anomali speċifiċi (prezzijiet “predatorji” jew diskriminatorji, prezzijiet indebitament għoljin dovuti għal abbużi minn pożizzjoni dominanti jew artifiċjalment baxxi dovuti għal għajnuna mill-Istat), ma jikkontradixxix ir-Regolament Nru 2409/92 li, huwa wkoll, huwa bbażat fuq il-principju tal-libertà fl-iffissar tal-prezzijiet, ma jistax iqiegħed fid-dubju l-konstatazzjoni magħmula fil-punt preċedenti. Fil-fatt, in-nuqqas tar-Renju tal-Belġju li jwettaq l-obbligi tiegħu jirriżulta mill-fatt li huwa ma kienx awtorizzat jassumi tali obbligu waħdu jew iżommu fis-seħħ fil-kuntest tan-negozjar mill-ġdid tal-Ftehim ta’ l-1980, anki jekk il-kontenut ta’ dan l-obbligu ma jmurx kontra d-dritt Komunitarju.

115    Fit-tieni lok, mill-Artikoli 1 u 7 tar-Regolament Nru 2299/89 jirriżulta li, suġġett għar-reċiproċità, dan ir-regolament japplika wkoll għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, meta joffru għall-użu jew jużaw CRS fit-territorju tal-Komunuità.

116    B’effett ta’ dan ir-regolament, il-Komunità għalhekk kisbet il-kompetenza esklużiva li tassumi ma’ pajjiżi terzi l-obbligi relattivi għas-CRS offruti għall-użu jew użati fit-territorju tagħha.

117    Mhuwiex ikkontestat li, fl-1991, ir-Renju tal-Belġju u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika żiedu mal-Ftehim ta’ l-1980 Anness III, li daħal fis-seħħ fl-1994 u li jikkonċerna l-principji relattivi għas-CRS, inklużi dawk li japplikaw għas-CRS offruti għall-użu jew użati fit-territorju tar-Renju tal-Belġju. Fin-negozjar mill-ġdid tal-Ftehim ta’ l-1980, li sar fl-1995, ir-Renju tal-Belġju żamm l-imsemmi anness fis-seħħ. Bill għamel hekk, dan l-Istat Membru kiser il-kompetenza esterna esklużiva tal-Komunità li tirriżulta mir-Regolament Nru 2299/89.

118    F’dak li jirrigwarda l-argument sussidjarju mressaq mill-Gvern Belġjan li skondu l-Kunsill awtorizza lir-Renju tal-Belġju jżomm il-Ftehim ta’ l-1980, kif emendat fl-1995, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, mingħajr m’hemm bżonn li jiġi deċiż jekk il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 1993 u d-dikjarazzjoni konġunta ta’ l-1996 humiex rilevanti għall-finijiet tad-definizzjoni tal-portata oġġettiva tar-regoli tad-dritt Komunitarju, li dawn id-dokumenti bl-ebda mod ma jistgħu jitqiesu li awtorizzaw lir-Renju tal-Belġju jikser il-kompetenza esterna tal-Komunità li tirriżulta mir-Regolamenti Nri 2409/92 u 2299/89.

119    Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

120    Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, kif ġie enfasizzat fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, ir-Regolament Nru 95/93, dwar l-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità, japplika, suġġett għar-reċiproċità, għat-trasportaturi bl-ajru ta’ pajjiżi terzi u, għaldaqstant, minn meta daħal fis-seħħ dan ir-regolament, il-Komunità għandha kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi ftehim f’dan il-qasam ma’ pajjiżi terzi.

121    Madankollu, kif irrileva ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punt 107 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tistabbilixxi li l-klawżola dwar il-kompetizzjoni leali li tinsab fl-Artikolu 11 tal-Ftehim ta’ l-1980, kif emendat fl-1995, tapplika wkoll f’dak li jirrigwarda l-allokazzjoni ta’ slots, kif issostni hi.

122    Fil-fatt din il-klawżola tillimita ruħha sabiex tipprovdi li “[k]ull parti għandha tagħti lill-kumpanniji ta’ l-ajru magħżula miż-żewġ partijiet opportunità leali u ugwali sabiex jikkompetu ma’ xulxin f’dak li jirrigwarda l-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru internazzjonali koperti bil-Ftehim” ta’ l-1980. Fin-nuqqas ta’ provi rilevanti li jistabbilixxu b’mod ċar ir-rieda taż-żewġ partijiet, il-formulazzjoni ġenerali tagħha ma tippermettix li jiġi dedott li r-Renju tal-Belġju assuma obbligu f’dak li jirrigwarda l-allokazzjoni ta’ slots. In sostenn ta’ l-affermazzjoni tagħha, il-Kummissjoni invokat biss rapport ta’ l-awtorità amministrattiva Amerikana li skondu klawżoli ta’ dan it-tip normalment ikopru wkoll l-allokazzjoni ta’ slots.

123    Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat f’dan ir-rigward fil-konfront tar-Renju tal-Belġju ma jidhirx li huwa fondat.

124    L-Artikolu 5 tat-Trattat jimponi fuq l-Istati Membri li jiffaċilitaw l-iskopijiet tal-missjoni tal-Komunità u li ma jieħdu ebda miżura li tista’ tipperikola r-realizzazzjoni ta’ l-għanijiet tat-Trattat.

125    Fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-missjoni tal-Komunità u l-għanijiet tat-Trattat jiġu kompromessi kieku l-Istati Membri setgħu jassumu obbligi internazzjonali li jinkludu regoli li jistgħu jaffettwaw regoli adottati mill-Komunità jew ibiddlu l-portata tagħhom (ara l-Opinjoni 2/91, iċċitata iktar ’il fuq, punt 11; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza AETR, iċċitata iktar ’il fuq, punti 21 u 22).

126    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, billi assuma jew billi żamm fis-seħħ, minkejja n-negozjar mill-ġdid tal-Ftehim ta’ l-1980, obbligi internazzjonali li jikkonċernaw in-nolijiet ta’ l-ajru mitluba mit-trasportaturi magħżula mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika fuq rotot intra-Komunitarji u s-CRS offruti għall-użu jew użati fit-territorju Belġjan, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5 tat-Trattat u taħt ir-Regolamenti Nri 2409/92 u 2299/89.

 Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirriżulta mill-ksur ta’ l-Artikolu 52 tat-Trattat

 L-argumenti tal-partijiet

127    Il-Kummissjoni ssostni li l-klawżola dwar il-proprjetà u l-kontroll tal-kumpanniji ta’ l-ajru tmur kontra l-Artikolu 52 tat-Trattat, għaliex ir-Renju tal-Belġju ma jagħtix liċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri l-oħra, u b’mod partikolari lill-kumpanniji u lill-impriżi kkostitwiti f’dawn l-Istati Membri u stabbiliti fir-Renju tal-Belġju, it-trattament irriżervat għaċ-ċittadini Belġjani.

128    Il-Gvern Belġjan isostni li l-klawżola dwar il-proprjetà u l-kontroll tal-kumpanniji ta’ l-ajru ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 52 tat-Trattat. Billi hija tirregola l-eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku lejn punti li jinsabu f’pajjiżi terzi, din il-klawżola ma tikkonċernax il-libertà ta’ stabbiliment iżda d-dritt ta’ trasportaturi bl-ajru li joffru servizzi lil pajjiżi terzi.

129    Barra minn hekk, bis-saħħa ta’ din il-klawżola, ir-rifjut ta’ kumpannija ta’ l-ajru magħżula mir-Renju tal-Belġju jkun attribwibbli lill-Istati Uniti ta’ l-Amerika.

130    Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li l-imsemmija klawżola tmur kontra l-Artikolu 53 tat-Trattat, il-Gvern Belġjan isostni, sussidjarjament, li, fl-1995, ir-Renju tal-Belġju ppropona emenda ta’ din il-klawżola lill-Istati Uniti ta’ l-Amerika fis-sens li jneħħi l-possibbiltà għal dan il-pajjiż li jirrifjuta l-għażla ta’ kumpannija ta’ l-ajru Komunitarja mhux Belġjana. Għaldaqstant, għalkemm l-Istati Uniti ta’ l-Amerika rrifjutaw din il-proposta, ir-Renju tal-Belġju ħa l-miżuri li seta’ raġonevolment jieħu sabiex jelimina l-inkompatibbiltà msemmija iktar ’il fuq.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

131    F’dak li jirrigwarda l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 52 tat-Trattat f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni, li r-Renju tal-Belġju huwa allegat li kiser, tapplika fil-qasam tat-trasport bl-ajru.

132    Fil-fatt, filwaqt li l-Artikolu 61 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 51 KE) jeskludi l-applikazzjoni għas-servizzi ta’ trasport tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, billi s-servizzi ta’ trasport huma rregolati bid-dispożizzjonijiet tat-titolu dwar it-trasport, ebda artikolu tat-Trattat ma jeskludi l-applikazzjoni għat-trasport tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ta’ l-aħħar dwar il-libertà ta’ stabbiliment.

133    L-Artikolu 52 tat-Trattat huwa idoneu, b’mod partikolari, sabiex japplika għall-kumpanniji ta’ l-ajru stabbiliti fi Stat Membru li jipprovdu servizzi ta’ trasport bl-ajru bejn Stat Membru u pajjiż terz. Il-kumpanniji kollha stabbiliti fi Stat Membru fis-sens ta’ l-Artikolu 52 tat-Trattat huma koperti b’din id-dispożizzjoni, anki jekk l-attività tagħhom f’dan l-Istat tikkonsisti f’servizzi intiżi għal pajjiżi terzi.

134    F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk ir-Renju tal-Belġju kisirx l-Artikolu 52 tat-Trattat, għandu jiġi mfakkar li, skond dan l-artikolu, il-libertà ta’ stabbiliment tinkludi d-dritt li tibda u teżerċita attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasha, kif ukoll li tikkostitwixxi u tmexxi impriżi u b’mod partikolari kumpanniji li jaqgħu taħt it-tifsira tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 58 tat-Trattat KE (li sar it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 48 KE), taħt il-kundizzjonijiet stipulati fil-liġijiet tal-pajjiż ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment, għaċ-ċittadini tiegħu stess.

135    Għaldaqstant, l-Artikoli 52 u 58 tat-Trattat jiżguraw liċ-ċittadini Komunitarji li eżerċitaw il-libertà ta’ stabbiliment u lill-kumpanniji li huma ekwiparati magħhom l-istess trattament fl-Istat Membru ospitanti bħal dak mogħti liċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru (ara s-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, Saint-Gobain ZN, C-307/97, Ġabra p. I-6161, punt 35), u dan kemm f’dak li jirrigwarda l-aċċess għal attività ta’ xogħol fl-okkażjoni ta’ l-ewwel stabbiliment kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-eżerċizzju ta’ din l-attività mill-persuna stabbilita fl-Istat Membru ospitanti.

136    Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li l-prinċipju ta’ trattament nazzjonali jimponi fuq Stat Membru li jkun parti fi ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja konkluż ma’ pajjiż terz li jagħti lill-istabbilimenti permanenti ta’ kumpanniji li għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fi Stat Membru ieħor il-vantaġġi previsti fl-imsemmi ftehim taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk li huwa japplika għall-kumpanniji li għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fl-Istat Membru li jkun parti fil-ftehim (ara s-sentenzi Saint-Gobain ZN, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59, u tal-15 ta’ Jannar 2002, Gottardo, C-55/00, Ġabra p. I-413, punt 32).

137    F’dan il-każ, il-klawżola dwar il-proprjetà u l-kontroll tal-kumpanniji ta’ l-ajru tippermetti b’mod partikolari lill-Istati Uniti ta’ l-Amerika jirrevokaw, jissospendu u jillimitaw il-liċenzji għat-tħaddim jew l-awtorizzazzjonijiet tekniċi ta’ kumpannija ta’ l-ajru magħżula mir-Renju tal-Belġju iżda li parti sostanzjali mill-proprjetà tagħha u l-kontroll effettiv tagħha ma jkunux miżmuma minn dan l-Istat Membru jew minn ċittadini Belġjani.

138    M’hemmx dubju li l-kumpanniji ta’ l-ajru stabbiliti fir-Renju tal-Belġju li parti sostanzjali mill-proprjetà tagħhom u l-kontroll effettiv tagħhom jkunu miżmuma minn Stat Membru li mhuwiex ir-Renju tal-Belġju jew minn ċittadini ta’ tali Stat Membru (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji ta’ l-ajru Komunitarji”) jistgħu jkunu affettwati minn din il-klawżola.

139    Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ l-imsemmija klawżola li l-Istati Uniti għandhom bħala regola l-obbligu li jagħtu l-liċenzji għat-tħaddim xierqa u l-awtorizzazzjonijiet tekniċi meħtieġa lill-kumpanniji ta’ l-ajru li parti sostanzjali mill-proprjetà tagħhom u l-kontroll effettiv tagħhom huma miżmuma mir-Renju tal-Belġju jew minn ċittadini Belġjani (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji ta’ l-ajru Belġjani”).

140    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kumpanniji ta’ l-ajru Komunitarji jistgħu dejjem jiġu esklużi mill-benefiċċju tal-ftehim bejn ir-Renju tal-Belġju u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika dwar it-trasport bl-ajru, filwaqt li l-kumpanniji ta’ l-ajru Belġjani jgawdu dan il-benefiċċju. Għalhekk, il-kumpanniji ta’ l-ajru Komunitarji jsofru diskriminazzjoni li żżommhom milli jibbenefikaw mit-trattament li l-Istat Membru ospitanti, jiġifieri r-Renju tal-Belġju, jagħti liċ-ċittadini tiegħu.

141    Kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju tal-Belġju, din id-diskriminazzjoni toriġina direttament mhux mill-eventwali aġir ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, iżda mill-klawżola dwar il-proprjetà u l-kontroll tal-kumpanniji ta’ l-ajru li tagħti preċiżament lill-Istati Uniti ta’ l-Amerika d-dritt li jadottaw tali aġir.

142    Minn dan isegwi li l-klawżola dwar il-proprjetà u l-kontroll tal-kumpanniji ta’ l-ajru tmur kontra l-Artikolu 52 tat-Trattat.

143    Għalkemm kien ta’ min ifaħħru, l-isforz magħmul mir-Renju tal-Belġju fl-1995 sabiex jelimina l-inkompatibbiltà ta’ din il-klawżola ma’ l-Artikolu 52 tat-Trattat kjarament mhuwiex ta’ natura li jqiegħed fid-dubju l-konstatazzjoni magħmula fil-punt preċedenti.

144    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjoni li r-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 52 tat-Trattat jidher li huwa fondat.

145    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi assuma jew żamm fis-seħħ, minkejja n-negozjar mill-ġdid tal-Ftehim ta’ l-1980, obbligi internazzjonali ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika

–        dwar nolijiet u rati għal servizzi ta’ l-ajru mitluba mit-trasportaturi magħżula mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika fuq rotot intra-Komunitarji,

–        dwar is-CRS offruti għall-użu jew użati fit-territorju Belġjan, u

–        li jirrikonoxxu li l-Istati Uniti ta’ l-Amerika għandhom id-dritt li jirrevokaw, jissospendu jew jillimitaw id-drittijiet tat-traffiku fil-każijiet fejn il-proprjetà tat-trasportaturi bl-ajru magħżula mir-Renju tal-Belġju ma tkunx miżmuma minn dan ta’ l-aħħar jew minn ċittadini Belġjani,

ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 5 u 52 tat-Trattat, kif ukoll taħt ir-Regolamenti Nri 2409/92 u 2299/89.

 Fuq l-ispejjeż

146    Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju tal-Belġju tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

147    Skond l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Renju ta’ l-Olanda għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi assuma jew żamm fis-seħħ, minkejja n-negozjar mill-ġdid tal-ftehim dwar it-trasport bl-ajru tat-23 ta’ Ottubru 1980 bejn ir-Renju tal-Belġju u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, obbligi internazzjonali ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika

–        dwar nolijiet u rati għal servizzi ta’ l-ajru mitluba mit-trasportaturi magħżula mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika fuq rotot intra-Komunitarji,

–        dwar is-sistemi ta’ riservazzjonijiet kompjuterizzati offruti għall-użu jew użati fit-territorju Belġjan, u

–        li jirrikonoxxu li l-Istati Uniti ta’ l-Amerika għandhom id-dritt li jirrevokaw, jissospendu jew jillimitaw id-drittijiet tat-traffiku fil-każijiet fejn il-proprjetà tat-trasportaturi bl-ajru magħżula mir-Renju tal-Belġju ma tkunx miżmuma minn dan ta’ l-aħħar jew minn ċittadini Belġjani,

ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5 tat-Trattat (li sar l-Artikolu 10 KE) u taħt l-Artikolu 52 tat-Trattat (li sar, wara emenda, l-Artikolu 43 KE), kif ukoll taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2409/92 tat-23 ta’ Lulju 1992 dwar nolijiet u rati għal servizzi ta’ l-ajru, u taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2299/89 ta’ l-24 ta’ Lulju 1989 dwar kodiċi ta’ kondotta għal sistemi ta’ riservazzjoni kompjuterizzata, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (ΚEE) Nru 3089/93 tad-29 ta’ Ottubru 1993.

2)      Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-Renju tal-Belġju huwa kkundannat għall-ispejjeż.

4)      Ir-Renju ta’ l-Olanda għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Puissochet

Schintgen

Gulmann

Edward

La Pergola

Jann

Skouris

Macken

Colneric

von Bahr

 

      Cunha Rodrigues

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ Novembru 2002.

R. Grass

 

      G. C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top