Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 61986CJ0045

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Marzu 1987.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs il-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej.
    Rikors għal annullament - Bażi ġuridika.
    Kawża 45/86.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:1987:163

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

    26 ta' Marzu 1987 (*)

    "Preferenzi ta’ tariffi ġġeneralizzati - Rikors għal annullament - Bażi legali - Obbligu li jiġu motivati l-atti Komunitarji "

    Fil-kawża C-45/86

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrapreżentata mill-konsulent legali tagħha Peter Gilsdorf, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu għand Georges Kremlis, membru tas-Servizz Ġuridiku tagħha, Bini Jean Monnet, Kirchberg,

                                                                                      rikorrenti,

    vs

    Il-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej, irrapreżentat minn Jean-Louis Dewost, Direttur Ġenerali tas-Servizz Ġuridiku tiegħu, bħala aġent, assistit minn John Carbery, konsulent mas-Servizz Ġuridiku tal-Kunsill, bħala koaġent, b'domiċilju fil-Lussemburgu għand Jörg Käser, Direttur tad-Dipartiment tal-Kwistjonijiet Ġuridiċi tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment, 100, boulevard Konrad-Adenauer,

    konvenut,

    li għandha bħala suġġett l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3599/85 tas-17 ta’ Diċembru 1985 li japplika preferenzi ta’ tariffi ġġeneralizzati għas-sena 1986 għal ċerti prodotti industrijali li joriġinaw minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, u tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3600/85 tas-17 ta’ Diċembru 1985, li japplika preferenzi ta’ tariffi ġġeneralizzati għas-sena 1986 għal prodotti ta’ tessuti li joriġinaw minn pajjiżi li qed jiżviluppaw,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

    komposta minn M. Mackenzie Stuart, President, Y. Galmot, C. Kakouris, T. F. O'Higgins u F. Schockweiler, Presidenti ta' Awla, G. Bosco, T. Koopmans, U. Everling, K. Bahlmann, R. Joliet u C. Rodríguez Iglesias, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Lenz,

    Reġistratur: D. Louterman, Amministratur

    wara li rat ir-rapport għas-seduta u wara l-proċedura orali tat-2 ta' Diċembru 1986,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta' Jannar 1987,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Frar 1986, il-Kummissjoni ressqet, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 173 tat-Trattat tal-KEE, rikors intiż għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill Nru 3599/85 tas-17 ta’ Diċembru 1985 li japplika preferenzi ta’ tariffi ġġeneralizzati għas-sena 1986 għal ċerti prodotti industrijali li joriġinaw minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, u tar-Regolament tal-Kunsill Nru 3600/85 tas-17 ta’ Diċembru 1985, li japplika preferenzi ta’ tariffi ġġeneralizzati għas-sena 1986 għal prodotti ta’ tessuti li joriġinaw minn pajjiżi li qed jiżviluppaw (ĠU L 352, p. 1 u 107).

    2        Għal dak li jikkonċerna l-fatti u l-motivi u l-argumenti tal-partijiet, qed isir riferiment għar-rapport tas-seduta. Dawn l-elementi tal-proċess jissemmew hawn taħt biss safejn huma neċessarji għar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    3        Rigward id-dubji mqajma mill-Kunsill dwar l-ammissibbiltà tar-rikors, b'rigward għall-interess tal-Kummissjoni li taġixxi, huwa biżżejjed li jingħad li l-Artikolu 173 tat-Trattat jagħmel distinzjoni ċara bejn, minn naħa, id-dritt ta' l-Istituzzjonijiet Komunitarji u ta' l-Istati Membri li jressqu rikors u, min-naħa l-oħra, dak tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, billi, l-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu jagħti lill-Kummissjoni u lil kull Stat Membru d-dritt li jikkontestaw, permezz ta' rikors għal annullament, il-legalità ta’ kull regolament tal-Kunsill, mingħajr l-eżerċizzju ta' dan id-dritt mhuwa suġġett għall-prova ta' l-eżistenza ta' interess li wieħed jaġixxi. Għaldaqstant, ir-rikors huwa ammissibbli.

    4        Il-Kummissjoni tqajjem, sabiex issostni r-rikors tagħha, żewġ motivi li, skond hija, jiffurmaw ilment wieħed: in-nuqqas ta’ bażi legali preċiża, li, minn naħa, jikkostitwixxi fih innifsu ksur ta’ l-Artikolu 190 tat-Trattat u li, fl-istess ħin, jikkostitwixxi f’din il-kawża ksur tat-Trattat in kwantu dan kellu bħala riżultat l-użu tal-proċedura ta’ teħid ta' vot unanimu minflok il-proċedura applikabbli skond l-Artikolu 113 tat-Trattat, li huwa, fil-fehma tal-Kummissjoni, l-unika bażi legali korretta.

    5        L-Artikolu 190 tat-Trattat jistipula li " Ir-regolamenti, id-direttivi u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għandhom jindikaw ir-raġunijiet li jkunu bbażati fuqhom". Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (b’mod partikolari mis-sentenza tas-7 ta’ Lulju 1981, Rewe, 158/80, Ġabra p. 1805) jirriżulta li, sabiex jiġi sodisfatt dan l-obbligu li jkunu indikati r-raġunijiet, huwa neċessarju li l-atti Komunitarji jinkludu dikjarazzjoni ta’ l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom l-Istituzzjoni bbażat ruħha, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha u kemm l-Istati Membri kif ukoll il-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-kundizzjonijiet li fihom l-Istituzzjonijiet Komunitarji applikaw it-Trattat.

    6        Jeħtieġ għalhekk li jiġi vverifikat jekk ir-Regolamenti kkontestati jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti.

    7        F’dan ir-rigward, il-Kunsill sostna li, għalkemm l-indikazzjoni tal-bażi legali mhijiex preċiża, il-premessi tar-Regolamenti, meħudin flimkien, jipprovdu informazzjoni alternattiva suffiċjenti dwar l-għanijiet tal-Kunsill li huma kemm ta' politika kummerċjali kif ukoll ta’ politika ta’ għajnuna għall-iżvilupp.

    8        Madankollu, dawn l-elementi mhumiex biżżejjed sabiex tiġi identifikata l-bażi legali li fuqha l-Kunsill aġixxa. Fil-fatt, filwaqt li jirreferu għat-titjib ta' l-aċċess tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għas-swieq ta’ pajjiżi li jagħtu preferenzi, il-premessi tar-Regolamenti jillimitaw ruħhom li jsemmu l-adattamenti tas-sistema Komunitarja tal-preferenzi ta’ tariffi ġġeneralizzati, li saru neċessarji wara esperjenza ta’ ħmistax-il sena. Barra minn hekk, mill-informazzjoni li pprovda l-Kunsill stess lill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-kliem "wara li ġie kkunsidrat it-Trattat" ġie adottat minħabba diverġenzi ta’ opinjonijiet fir-rigward ta’ l-għażla tal-bażi legali adatta. Tali kliem kellu ġustament bħala għan li jħalli l-bażi legali tar-Regolamenti fil-vag.

    9        Huwa veru li l-omissjoni tar-referenza għal dispożizzjoni speċifika tat-Trattat tista’ ma tikkostitwixxix vizzju sostanzjali meta l-bażi legali ta’ att tista’ tiġi ddeterminata permezz ta’ elementi oħra ta’ l-istess att. Tali referenza espliċita hija madankollu indispensabbli meta, fin-nuqqas tagħha, il-partijiet ikkonċernati u l-Qorti tal-Ġustizzja jitħallew fl-inċertezza fir-rigward tal-bażi legali speċifika.

    10      Bħala risposta għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill indika li huwa kellu l-intenzjoni jibbaża ruħu fuq l-Artikoli 113 u 235 tat-Trattat meta huwa adotta r-Regolamenti kkontestati. Il-Kunsill spjega li huwa ma mexiex fuq il-proposta tal-Kummissjoni, li kienet tindika biss l-Artikolu 113, għaliex huwa kien konvint li permezz tar-Regolamenti kkontestati huwa ried jilħaq mhux biss għanijiet ta’ politika kummerċjali, iżda wkoll għanijiet sinjifikattivi ta’ politika ta’ żvilupp. L-implementazzjoni ta’ din il-politika tmur lil hinn mill-ambitu ta’ l-Artikolu 113 tat-Trattat u teħtieġ li jintuża l-Artikolu 235.

    11      Jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fl-ambitu tas-sistema tal-kompetenzi tal-Komunità, l-għażla tal-bażi legali ta’ att Komunitarju ma tistax tiddependi biss fuq il-konvinzjoni ta’ Istituzzjoni fir-rigward ta’ l-għan li jrid jintlaħaq, iżda għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju.

    12      F’dan il-każ, il-kontroversja dwar il-bażi legali korretta ma kinitx ta' portata purament formali, peress illi l-Artikoli 113 u 235 tat-Trattat jinkludu regoli differenti rigward il-mod kif il-Kunsill jista’ jasal għad-deċiżjoni tiegħu u l-għażla tal-bażi legali setgħet għalhekk ikollha konsegwenzi fuq id-determinazzjoni tal-kontenut tar-Regolamenti kkontestati.

    13      Jirriżulta mill-kliem stess ta’ l-Artikolu 235 li l-użu ta’ dan l-Artikolu bħala bażi legali ta’ att huwa ġġustifikat biss jekk ebda dispożizzjoni oħra tat-Trattat ma tagħti lill-Istituzzjonijiet Komunitarji l-kompetenza neċessarja sabiex jadottaw dan l-att.

    14      Jeħtieġ għalhekk li jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, il-Kunsill setgħax jadotta r-Regolamenti kkontestati bis-saħħa biss ta’ l-Artikolu 113 tat-Trattat, kif issostni l-Kummissjoni.

    15      Huwa paċifiku li l-preferenzi ta’ tariffi mogħtija mir-Regolamenti kkontestati huma "bdil fl-iskali ta’ tariffi" skond l-Artikolu 113. Il-Kunsill isostni, madankollu, illi l-għanijiet li r-Regolamenti jridu jilħqu fil-qasam ta’ politika ta’ għajnuna għall-iżvilupp jeċċedu l-ambitu tal-politika kummerċjali komuni.

    16      Jeħtieġ li jiġi rrilevat, l-ewwel nett, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, li l-kunċett ta’ politika kummerċjali għandu l-istess kontenut, kemm jekk huwa applikat fl-isfera ta’ azzjoni internazzjonali ta’ Stat kif ukoll f’dik tal-Komunità (opinjoni 1/75 tal-11 ta’ Novembru 1975, Ġabra p. 1355).

    17      Il-konnessjoni bejn kummerċ u żvilupp ġiet affermata progressivament fis-soċjetà internazzjonali kontemporanja; din ġiet irrikonoxxuta fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikolari fix-xogħlijiet tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD), u f’dak tal-GATT, b’mod partikolari permezz ta’ l-inkorporazzjoni, fil-ftehim ġenerali, tal-Parti IV intitolata "Kummerċ u Żvilupp".

    18      Huwa taħt din il-perspettiva li ġie kkonċepit il-mudell li fuqu bbażat ruħha s-sistema Komunitarja tal-preferenzi ta’ tariffi ġġeneralizzati, implementata parzjalment mir-Regolamenti kkontestati. Din is-sistema hija l-espressjoni ta’ perċezzjoni ġdida tar-relazzjonijiet kummerċjali internazzjonali li tagħti spazju kbir lil għanijiet ta' żvilupp.

    19      Billi jidefinixxi, fl-Artikoli 110 et seq, il-karatteristiċi u l-istrumenti tal-politika kummerċjali komuni, it-Trattat ikkunsidra l-iżviluppi possibbli. Huwa għalhekk li l-Artikolu 110 jelenka, fost l-għanijiet tal-politika kummerċjali, dak ta’ kontribuzzjoni "għall-iżvilupp armonjuż tal-kummerċ dinji", liema għan jippreżupponi li din il-politika tadatta ruħha għat-tibdiliet eventwali tal-perċezzjonijiet fis-soċjetà internazzjonali. Bl-istess mod, l-Artikoli 113 sa 116 jipprevedu mhux biss atti ta’ l-Istituzzjonijiet kif ukoll il-konklużjoni ta’ ftehim ma’ pajjiżi terzi, iżda wkoll azzjoni komuni "fil-kuntest ta’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali ta' natura ekonomika", liema espressjoni hija vasta biżżejjed sabiex tinkorpora organizzazzjonijiet internazzjonali, li jistgħu jieħdu ħsieb ta' problemi kummerċjali fil-perspettiva ta’ politika ta’ żvilupp.

    20      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-konnessjoni mal-problemi ta’ l-iżvilupp ma twassalx ghall-esklużjoni ta' att mill-kamp tal-politika kummerċjali komuni, kif iddefinit mit-Trattat. Hija kkunsidrat li politika kummerċjali komuni ma tistax tibqa’ tiġi mħaddna b’mod utli jekk il-Komunità ma tkunx f’pożizzjoni li jkollha wkoll mezzi ta’ azzjoni li jmorru lil hinn mill-istrumenti intiżi li jkollhom effett biss fuq l-aspetti tradizzjonali tal-kummerċ barrani. "Politika kummerċjali" hekk mifhuma tkun iddestinata li ssir gradwalment insinjifikanti (opinjoni 1/78 ta’ l- 4 ta’ Ottubru 1979, Ġabra p. 2871).

    21      Minn dan jirriżulta li r-Regolamenti kkontestati huma atti li jaqgħu taħt il-kamp tal-politika kummerċjali komuni u li l-Kunsill, peress li kellu s-setgħa li jadottahom bis-saħħa ta' l-Artikolu 113 tat-Trattat, ma setgħax jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 235.

    22      Minn dak li ntqal jirriżulta li r-Regolamenti kkontestati, minn naħa, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 190 tat-Trattat li jingħataw ir-raġunijiet u, min-naħa l-oħra li dawn ma ġewx adottati fuq il-bażi legali korretta. Għaldaqstant, dawn għandhom jiġu annullati.

    23      Madankollu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża u ta’ l-eżiġenzi taċ-ċertezza legali, jeħtieġ li l-effetti tar-Regolamenti annullati jiġu ddikjarati definittivi skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 174 tat-Trattat.

     Fuq l-ispejjeż

    24      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż. Peress illi l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż.

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

    taqta’ u tiddeċiedi li:

    1)      Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 3599/85 tas-17 ta’ Diċembru 1985 li japplika preferenzi ta’ tariffi ġġeneralizzati għas-sena 1986 għal ċerti prodotti industrijali li joriġinaw minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, u r-Regolament tal-Kunsill Nru 3600/85 tas-17 ta’ Diċembru 1985, li japplika preferenzi ta’ tariffi ġġeneralizzati għas-sena 1986 għal prodotti ta’ tessuti li joriġinaw minn pajjiżi li qed jiżviluppaw (ĠU L 352 p. 1 u 107), huma annullati.

    2)      L-effetti tar-Regolamenti annullati għandhom ikunu kkunsidrati definittivi.

    3)      Il-Kunsill huwa ordnat ibati l-ispejjeż.

    Mackenzie Stuart

    Galmot

    Kakouris

    O'Higgins

    Schockweiler

    Bosco

    Koopmans

    Everling

    Bahlmann

    Joliet

     

          Rodríguez Iglesias

    Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-26 ta' Marzu 1987

    P. Heim

     

          A. J. Mackenzie Stuart

    Reġistratur

     

          President


    * Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top