EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 61985CJ0314

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ottubru 1987.
Foto-Frost vs Hauptzollamt Lübeck-Ost.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Finanzgericht Hamburg - il-Ġermanja.
Kawża 314/85.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:1987:452

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

22 ta' Ottubru 1987 (*)

"Nuqqas ta' kompetenza tal-qrati nazzjonali li jiddikjaraw atti ta' istituzzjonijiet Komunitarji invalidi – Validità ta' deċiżjoni dwar irkupru a posteriori ta' dazji fuq l-importazzjoni."

Fil-kawża C-314/85

li għandha bħala suġġett talba għal domanda preliminari indirizzat lill-Qorti mill-Finanzgericht      Hamburg (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, fil-kawża pendenti quddiem din il-qorti fl-ismijiet

Foto-Frost, stabbilita f'Ammersbek,

vs

Hauptzollamt Lübeck-Ost

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn Mackenzie Stuart, President, G. Bosco, J. C. Moitinho de Almeida u G. C. Rodriguez Iglesias, Presidenti ta' Awla, T. Koopmans, U. Everling, K. Bahlmann, Y. Galmot, R. Joliet, T. F. O'Higgins u F. Schockweiler, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Mancini,

Reġistratur: J. A. Pompe, Deputat Reġistratur

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–        Għal Foto‑Frost, rikorrenti fil-kawża prinċipali, minn H. Heemann, Avukat f'Amburgu, assistit minn H. Frost, bħala espert,

–        Għall-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minn M. Seidel, bħala aġent,

–        Għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J.Sack, membru tas-servizzi ġuridiku, bħala aġent,

wara li rat ir-rapport tas-seduta komplut, wara l-proċedura orali tas-16 ta' Diċembru 1986,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta' Mejju 1987,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        B'digriet tad-29 ta’Awwissu 1985, li waslet fil-Qorti fit-18 ta’ Ottubru 1985, il-FinanzgerichtHamburg għamel, bis-saħħa ta' l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, diversi domandi dwar, minn naħa, l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 177 tat-Trattat, ta' l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru. 1697/79 tal-Kunsill, ta’ l-24 ta’ Lulju 1979, dwar l-irkupru "a posteriori" tad-dazji fuq l-importazzjoni jew tad-drittijiet fuq l-esportazzjoni (ĠU L 197, p. 1), kif ukoll tal-Protokoll dwar il-kummerċ intern Ġermaniż u l-problemi relattivi tal-25 ta' Marzu 1957, u, min-naħa l-oħra, fuq il-validità ta' deċiżjoni, indirizzata, fis-6 ta' Mejju 1983, lir-Repubblika Federali Ġermaniża, li biha l-Kummissjoni kkonstatat li għandu jsir irkupru "a posteriori" tad-drittijiet fuq l-importazzjoni f'każ partikolari.

2        Dawn il-mistoqsijiet tqajmu fil-kuntest ta' kawża li fiha Foto-Frost, kummerċjant stabbilit f’Ammersbek (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), importatur, esportatur u grossista ta’ artikoli fotografiċi (iktar 'il quddiem "Foto‑Frost"), talab l-annullament ta’ avviż ta rkupru tad-dazji tad-Dwana "a posteriori", maħruġ mill-Hauptzollamt Lübeck‑Ost wara li l-Kummissjoni, b’deċiżjoni tas-6 ta’Mejju 1983 indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, qieset li ma kienx permissibbli li ssir rinunzja għal dan l-irkupru.

3        It-tranżazzjonijiet li kienu jirrigwardaw l-irkupru tad-dazji kienu jikkonsistu fl-importazzjoni u t-tqegħid f'ċirkulazzjoni ħielsa minn Foto Frost, fir-Repubblika Federali Ġermaniża, ta' binokli priżmatiċi li oriġinaw mir-Repubblika Demokratika Ġermaniża. Foto‑Frost kien xtara din il-merkanzija mingħand kummerċjanti stabbiliti fid-Danimarka u fir-Renju Unit, li kienu bagħtuhomlu taħt il-proċedura tat-tranżitu estern Komunitarju minn imħażen tad-Dwana fid-Danimarka u l-Pajjiżi Baxxi.

4        L-uffiċċji kompetenti tad-Dwana kienu għall-ewwel aċċettaw li l-oġġettti jidħlu meħlusin mid-dazju fuq l-importazzjoni għar-raġuni li huma kienu oriġinarji mir-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja. Wara verifika, il-Hauptzollamt Lübeck‑Ost, l-uffiċċju prinċipali tad-Dwana, qies li d-dazji kienu dovuti kif ipprovdut fil-leġizlazzjoni tad-dwana Ġermaniża. Madankollu, huwa deherlu li f’dan il-każ ma kienx xieraq li jsir irkupru "a posteriori" għaliex Foto‑Frost issodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru.1697/79 tal-Kunsill, li fih hu stipulat li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu ma jipproċedux għall-irkupru "a posteriori" ta’ l-ammont tad-dazju ta’ importazzjoni jew id-dazju ta’ esportazzjoni li ma kienx inġabar minħabba żball min-naħa ta’ l-awtoritajiet infushom, żball li ma setax ikun faċilment skoprut mill-persuna taxxabbli, kemm-il darba din ta’ l-aħħar tkun aġixxiet in bona fede u tkun osservat id-dispożizzjonijiet kollha pprovduti mil-liġijiet fis-seħħ rigward id-dikjarazzjoni tagħha lid-Dwana. Jidher mid-digriet ta' rinviju li l-Hauptzollamt qies li Foto‑Frost mela d-dikjarazzjoni tad-Dwana b’mod korrett u li għalhekk ma setax jiġi mitlub li jinnota l-iżball kommess, sakemm uffiċċji oħra tad-Dwana kkunsidraw, fi tranżazzjonijiet simili, li dawn ma kinux jeħtieġu l-ħlas tad-dazju.

5        Peress li l-ammont tad-dazju in kwistjoni kien iktar minn 2000 ECU, ir-Regolament Nru. 1573/80 tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Ġunju 1980, li jiffissa d-dispożizzjonijiet ta' implementazzjoni ta’ l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru. 1697/79 tal-Kunsill, hawn imsemmi (ĠU L 161, p. 1), ma jippermettix lill-Hauptzollamt jirrinunzja għall-irkupru ta’ dawn id-dazji "a posteriori". Fuq talba tal-Hauptzollamt, il-Ministru Federali tal-Finanzi talab lill-Kummissjoni tiddeċiedi, taħt l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru. 1573/80, hawn imsemmi, jekk kienx ammissibbli li jiġi rrinunzjat l-irkupru "a posteriori" tad-dazji in kwistjoni.

6        Is-6 ta’ Mejju 1983, il-Kummissjoni bagħtet deċiżjoni negattiva lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Ir-raġunijiet li tat kienu li l-uffiċċji tad-Dwana interessati ma għamlux żball huma nnifishom fl-applikazzoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kummerċ intern Ġermaniż, iżda li huma aċċettaw bħala konformi, mingħajr ma kkuntestaw mal-ewwel l-informazzjoni mogħtija fid-dikjarazzjonijiet ippreżentati mill-importatur; li din il-prattika ma timpedixxi bl-ebda mod lill-awtoritajiet imsemmija li jirregoralizzaw sussegwentement il-ħlas tat-tassazzjoni, kif inhu previst espressament fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 79/695/KEE tal-Kunsill, ta’ l-24 ta’ Lulju 1979, li tirrigwarda l-armonizzazzjoni tal-proċeduri fir-rigward tar-rilaxx tal-merkanzija għaċ-ċirkulazzjoni ħielsa (ĠU L 205, p. 19). Hija qieset ukoll li l-importatur kien f’pożizzjoni li jeffettwa t-tqarrib bejn id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kummerċ intern Ġermaniż, li tagħhom qed jitlob il-benefiċċju; u ċ-ċirkustanzi li fihom żvolġew l-importazzjonijiet in kwistjoni; li hu seta’ b'hekk jinnota kull żball fl-implementazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet; li hu stabbilit, barra minn hekk, li ma osservax id-dispożizzjonijiet kollha previsti mir-regolamenti fis-seħħ fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tad-Dwana.

7        Kien wara din id-deċiżjoni li l-Hauptzollamt ħareg l-avviż għall-irkupru "a posteriori" tad-dazju, ikkontestata minn Foto‑Frost fil-kawża prinċipali.

8        Foto‑Frost talbet lill-FinanzgerichtHamburg is-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni ta’ dan l-avviż. Il-Finanzgericht laqa’ t-talba, peress li qies li t-tranżazzjonijiet in kwistjoni kienu jidhru li jaqgħu fl-ambitu tal-kummerċ intern Ġermaniż u kienu għaldaqstant eżenti mid-drittijiet tad-Dwana taħt il-protokoll li jirrigwarda l-kummerċ.

9        Foto‑Frost sussegwentement ressqet rikors quddiem il-Finanzgericht Hamburg għall-annullament ta’ l-avviż ta’ rkupru tad-dazju "a posteriori". Il-Finanzgericht qies li l-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’Mejju 1983 kienet dubjuża, għaliex deherlu li l-kundizzjonijiet kollha, stipulati fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru. 1697/79 tal-Kunsill, dwar ir-rinunzja għall-irkupru "a posteriori" kienu sodisfatti f’dan l-każ. Peress li l-avviż ikkontestat kien ibbażat fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-Finanzgericht deherlu li hu seta’ jannullah biss jekk id-deċiżjoni Komunitarja kienet hi stess invalida. Konsegwentement, il-Finanzgericht irrefera l-erba’ domandi lill-Qorti li ġejjin:

1) Il-qorti nazzjonali għandha s-setgħa li tistħarreġ il-validità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, adottata skond l-Artikolu 6 tar-Regolament (KEE) Nru. 1573/80 tal-Kummissjoni, ta’ l-20 ta’Ġunju 1980 (ĠU L 161, p. 1), rigward jekk tistax issir rinunzja għall-irkupru tad-dazji ta’ importazzjoni "a posteriori" kif inhu stipulat fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KEE) Nru. 1697/79 tal-Kunsill, ta’ l-24 ta’ Lulju 1979 (ĠU L 197, p. 1), u tistabbilixxi li r-rinunzja għall-irkupru "a posteriori" tad-dazju ta’ importazzjoni in kwistjoni mhijiex iġġustifikata, u, jekk ikun il-każ, tiddeċiedi, fil-kuntest ta' proċedura mressqa quddiemha, kontra d-deċiżjoni msemmija tal-Kummissjoni, li hemm lok li ssir rinunzja għall-irkupru tad-dazji "a posteriori"?

2) Fil-każ li-qorti nazzjonali mhijiex kompetenti tistħarreġ il-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 1983, Ref. Ġabra, 3/83, hija valida?

3) Fil-każ li l-Qorti nazzjonali tkun kompetenti tistħarreġ il-validità tad-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KEE) Nru. 1697/79 għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti s-setgħa ta’ deċiżjoni diskrezzjonali, li l-eżerċizzju tiegħu jista’ jkun biss stħarriġ ristrett mill-qorti nazzjonali sabiex jiddetermina jekk id-deċiżjoni hijiex mittiefsa minn eċċess ta' poter, liema eċċess ikun irid jispeċifika, mingħajr ma l-qorti jkollha hija stess il-possibbiltà ta' deċiżjoni diskrezzjonali, jew li dan l-Artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza miżura ta’ ekwità li l-validità tagħha tkun tista' tiġi suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti fl-elementi kollha tagħha?

4) Fil-każ li r-rinunzja għall-irkupru tad-dazji ma tkunx ammissibbli, skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KEE) Nru.1697/79, il-merkanzija li toriġina mir-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja, imdaħħla mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja taħt is-sistema ta’ tranżitu Komunitarju (proċedura esterna) permezz ta' Stat membru mhux Ġermaniż, taqa' taħt il-kummerċ intern Ġermaniż fis-sens tal-protokoll dwar il-kummerċ intern Ġermaniż u l-problemi konnessi tal-25 ta’ Marzu 1957, b’tali mod li fl-importazzjoni ta' din il-merkanzija fir-Repubblika Federali Ġermaniża ma jkunx hemm bżonn li jitħallsu d-dazji tad-Dwana u lanqas it-taxxa fuq il-fatturat ta’ l-importazzjoni, jew id-drittijiet imsemmija għandhom jinġabru taħt l-istess titolu bħalma hu fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, b'mod li jkun hemm lok li jinġabru, minn naħa, id-dazji tad-Dwana tal-Komunità, skond id-dispożizzjonijiet tad-dritt komunitarja tad-Dwana u, min-naħa l-oħra, it-taxxa fuq il-fatturat fuq l-importazzjoni, skond l-Artikolu 2(2) tas-Sitt Direttiva Komunitarja, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati membri dwar il-fatturat fuq id-dħul?

10      Għal deskrizzjoni aktar iddettaljata tal-fatti u tad-dispożizzjonijiet tad-dritt komunitarju applikabbli, kif ukoll rendikont ta' l-osservazzjonijiet imressqa minn Foto‑Frost, il-Hauptzollamt Lübeck‑Ost, il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kummissjoni, qed isir riferiment għar-rapport tas-seduta.

 Dwar l-ewwel domanda

11      Bl-ewwel domanda, il-Finanzgericht qed jistaqsi jekk għandux il-kompetenza jiddikjara hu stess l-invalidità ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni, bħal dik li ttieħdet fis-6 ta’ Mejju 1983. Huwa għandu dubji fuq il-validità ta’ din id-deċiżjoni għar-raġuni li l-kundizzonijiet meħtieġa mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru. 1679/79, sabiex issir rinunzja għall-irkupru tad-dazji "a posteriori", kollha ġew sodisfatti f’dan il-każ. Hu jqis, madankollu, li, minħabba t-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Qorti u l-qrati nazzjonali, kif jirriżulta mill-Artikolu 177 tat-Trattat, il-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha l-kompetenza li tikkonstata l-invalidità ta' atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji.

12      Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 177 tat-Trattat jattribwixxi kompetenza lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu deċiżjonijiet preliminari, kemm fuq l-interpretazzjoni tat-trattati u ta' l-atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji, kemm fuq il-validità ta’ dawn l-atti. Dan l-Artikolu jistipula, fit-tieni inċiż tiegħu, li l-Qrati nazzjonali jistgħu jressqu dawn it-tip ta’ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja u, fit-tielet inċiż tiegħu, li huma marbuta jagħmlu dan jekk id-deċiżjonijiet tagħhom ma jkunux appellabbli ġudizzjarjament taħt il-liġi nazzjonali.

13      Meta ta lill-qrati nazzjonali, li d-deċiżjonijiet tagħhom huma appellabbli ġudizzjarjament taħt il-liġi nazzjonali, il-fakultà li jagħmlu domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-interpretazzjoni jew għall-istħarriġ dwar il-validità tagħhom, l-Artikolu 177 ma qatax il-kwistjoni dwar jekk dawn il-qrati għandhomx il-kompetenza li jikkonstataw huma stess l-invalidità ta' l-atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji.

14      Dawn il-Qrati jistgħu jistħarrġu l-validità ta’ att Komunitarju u, jekk jidhirlhom li r-raġunijiet għall-invalidità, imressqa quddiemhom mill-partijiet, huma infondati, huma jistgħu jiċħduhom, billi jikkonkludu li l-att huwa kompletament validu. Fil-fatt, billi jaġixxu b'dan il-mod, huma ma jkunux qed jikkontestaw l-eżistenza ta' att Komunitarju.

15      Iżda, min-naħa l-oħra, huma ma għandhomx is-setgħa li jiddikjaraw invalidi l-atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji. Fil-fatt, hekk kif kien enfasizzat fis-sentenza tat-13 ta’ Mejju 1981 (International Chemical Corporation, 66/80, Ġabra. p. 1191), l-għan prinċipali tal-kompetenzi mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-Artikolu 177 huwa essenzjalment dak li tiġi assigurata applikazzjoni uniformi tad-dritt komunitarju mill-qrati nazzjonali. Din l-eżiġenza ta’ uniformità hija partikolarment imperattiva, meta l-kwistjoni tirrigwarda l-validità ta' att komunitarju. Diverġenzi bejn il-qrati ta’ l-Istati membru rigward il-validità ta' l-atti Komunitarji jistgħu jikkompromettu l-unità stess ta’ l-ordni ġuridika tal-Komunitarja u jaffettwa l-eżiġenza fundamentali taċ-ċertezza legali.

16      Il-koerenza neċessarja ta' sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja, stipulata mit-Trattat, timponi l-istess konklużjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità jikkostitwixxi, l-istess bħar-rikors għal annullament, mezz ta' kontroll sabiex tiġi mistħarrġa l-validità ta' l-atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji. Hekk kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fid-deċiżjoni tat-23 ta’ April 1986 (Parti écologiste les Verts vs Il-Parlament, 294/83, Ġabra. p. 1339), "bl-Artikoli 173 u 184 tagħha, minn naħa, u bl-Artikolu 177 tagħha, min-naħa l-oħra, it-Trattat stabbilixxa sistema kompleta ta’ rimedji ta' appell u proċeduri li jikkonferixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-kontroll tal-legalità ta’ atti ta' l-istituzzjonijiet".

17      Peress li l-Artikolu 173 jattribwixxi kompetenza esklużiva lill-Qorti sabiex tannulla att ta’ istituzzjoni Komunitarja, il-koerenza tas-sistema teżiġi li s-setgħa li tikkonstata l-invalidità ta’ l-istess att, jekk din il-kwistjoni tqum quddiem il-Qorti nazzjonali, tkun bl-istess mod irriżervata lill-Qorti tal-Ġustizzja.

18      Hemm bżonn li jiġi enfasizzat li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex tiddeċiedi dwar il-validità ta' atti Komunitarji. Fil-fatt, fejn jitqajjem dubju dwar atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji, dawn l-istitutuzzjonijiet għandhom id-dritt, skond l-Artikolu 20 tal-protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-KEE, jintervjenu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiddefendu l-validità ta’ dawn l-atti. Barra minn hekk, il-Qorti tista’, bis-saħħa tat-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 21 ta’ l-istess protokoll, titlob lill-istituzzjonijiet Komunitarji li ma jkunux qed jipparteċipaw fil-proċedura jipprovdu t-tagħrif kollu li hi tqis neċessarju għall-finijiet tal-kawża.

19      Għandu jintqal ukoll li żviluppi għar-regola, li jgħidu li l-qrati nazzjonali mhumiex kompetenti jikkonstataw huma stess l-invalidità ta' atti Komunitarji jistgħu jimponu ċerti kundizzjonijiet fil-każ ta' miżuri provviżorji li madankollu mhuwiex invokat fid-domanda tal-qorti nazzjonali.

20      Għaldaqstant, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Qrati nazzjonali mhumiex kompetenti jikkonstataw huma stess l-invalidità ta' atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji.

 Dwar it-tieni domanda

21      It-tieni u t-tielet domandi qed jitqiegħdu fil-kuntest li fih it-tranżazzjonijiet in kwistjoni jkunu effettivament sottomessi għall-dazju tad-Dwana. Fit-tieni domanda, il-Finanzgericht qed jistaqsi jekk din id-deċiżjoni hijiex valida fil-każ li l-Qorti biss tkun awtorizzata tistħarreġ il-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni .

22      Għandu jiġi osservat li d-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru. 1697/79 tistipula tliet kundizzonijiet speċifiċi sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jordnaw ir-rinunzja ta’ l-irkupru tad-dazji "a posteriori". Din id-dispożizzjoni għandha għaldaqstant tiġi interpretata fis-sens li, meta l-kundizzjonijiet kollha jkunu sodisfatti, il-persuna taxxabbli għandha dritt għar-rinunzja ta’l-irkupru tad-dazju in kwistjoni.

23      Għandu issa jiġi eżaminat jekk it-tliet kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru. 1697/79 humiex sodisfatti f’dan il-każ. Fil-fatt, il-Qorti tista’ tivverifika l-eżistenza tal-fatti li fuqhom ikun ibbażat att Komunitarju u l-inferenzi ġuridiċi li tkun użat l-istituzzjoni Komunitarja, meta fil-kuntest ta' rinviju preliminari, tiġi allegata l-invalidità tagħhom.

24      L-ewwel kundizzjoni stipulata fid-dispożizzjoni hawn qabel imsemmija hija li d-dazji ma kinux intaxxati minħabba żball min-naħa ta’ l-awtoritajiet kompetenti stess. F’dan ir-rigward, l-argument tal-Kummissjoni, li jsostni li l-awtoritajiet tad-Dwana ma ħadux żball huma stess, iżda assumew inizjalment li l-informazzjoni mogħtija fid-dikjarazzjoni ta’ Foto-Frost kienet korretta, hekk kif kien meħtieġ minnhom skond l-Artikolu 10 tad-Direttiva 79/695/KEE tal-Kunsill, hawn qabel imsemmija, għandu jiġi mwarrab. Jidher, fil-fatt, mid-dispożizzjoni msemmija, li meta d-dazji ġew ikkalkulati minn fuq informazzjoni mhux ivverifikata u mogħtija fid-dikjarazzjoni tad-Dwana, id-dikjarazzjoni tista’ tkun suġġetta sussegwentement għal verifika u rettifika ta' l-ammont tad-dazju kkalkulat. F’dan il-każ, hekk kif il-Kummissjoni ammettiet hija stess, fl-osservazzjonijiet tagħha u fir-risposta għad-domanda mressqa mill-Qorti, id-dikjarazzjoni ta’ Foto-Frost kellha d-dettalji kollha fattwali neċessarji għall-implementazzjoni tar-regolament in kwistjoni u din l-informazzjoni kienet korretta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-verifika tad-dikjarazzjoni "a posteriori", li wettqu l-awtoritajiet tad-Dwana Ġermaniżi ma rrivela l-ebda element ġdid. Huwa għaldaqstant fil-fatt riżultat ta’ żball min-naħa ta’ l-awtoritajiet tad-Dwana nfushom, meta implementaw ir-regoli in kwistjoni, li d-dazju ma nġabarx waqt l-importazzjoni tal-merkanzija.

25      It-tieni kundizzjoni tistipula li l-persuna taxxabbli kellha taġixxi in bona fede, jiġifieri li hi ma setgħetx tiskopri l-iżball kommess mill-awtoritajiet kompetenti. Fuq dan is-suġġett, huwa meħtieġ li jiġi mfakkar li l-Imħallfin speċjalizzati tal-FinanzgerichtHamburg, fid-digriet ta' sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni tat-22 ta’ Settembru 1983, qiesu li kien dubjuż ħafna l-fatt li dazji huma dovuti fuq tranżazzjonijiet bħal dawk in kwistjoni. Il-Finanzgericht qies li tranżazzjonijiet ta’ dan it-tip jaqgħu taħt l-iskop ta’ kummerċ intern Ġermaniż u kienu għalhekk eżenti mid-dazji tad-Dwana bis-saħħa tal-protokoll li jirrigwarda l-kummerċ. Madankollu, huwa rrileva li s-sitwazzjoni kienet inċerta kemm fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti kemm fir-rigward tal-ġurisprudenza nazzjonali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed ma jistax raġjonevilment jikkunsidra li Foto‑Frost, intrapriża kummerċjali, setgħet tagħraf l-iżball kommess mill-awtoritajiet tad-Dwana. Barra minn hekk, Foto-Frost kellha inqas raġuni biex tissuspetta li kien sar żball, la darba tranżazzjonijiet simili preċedenti kienu nħelsu mid-dazju.

26      It-tielet kundizzjoni hija li l-persuna taxxabbli tkun osservat id-dispożizzjonijiet kollha stipulati mil-liġijiet fis-seħħ li jirrigwardaw id-dikjarazzjonijiet tagħha lid-Dwana. Fuq dan il-punt, wieħed għandu josserva li l-Kummissjoni stess, fir-risposta tagħha għad-domanda li ressqitilha l-Qorti, ammettiet li, kontra dak li kienet iddikjarat fid-deċiżjoni tas-6 ta’ Mejju 1983, Foto‑Frost kienet imliet id-dikjarazzjoni tad-Dwana korrettament. Ma hemm xejn fl-inkartament quddiem il-Qorti li jindika li dan ma kienx il-każ.

27      Jirriżulta, minn dak li hawn qabel, li l-kundizzjonijiet stipulati mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru. 1697/79 kienu kollha sodisfatti f’dan il-każ. Foto‑Frost allura kellu dritt għal rinunzja ta’ l-irkupru "a posteriori" tad-dazji in kwistjoni.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni indirizzata, fis-6 ta’ Mejju 1983, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li fiha l-Kummissjoni kkonstatat li kellu jsir irkupru "a posteriori" tad-dazji fuq l-importazzjoni f’każ partikulari, hija invalida.

 Dwar it-tielet domanda

29      Fil-każ li hu jkollu l-kompetenza jiddikjara hu stess li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija invalida, il Finanzgericht jistaqsi fit-tielet domanda jekk l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru. 1697/79 tiddependix minn deċiżjoni diskrezzjonali li l-Qorti nazzjonali tkun tista’ teżamina biss mil-lat ta' raġġirament ta' poter ("Ermessensfehler") jew jekk din tiddependix minn miżura ta’ ekwità verifikabbli f'kull element tagħha.

30      Minħabba r-risposti mogħtija għall-ewwel u t-tieni domandi, it-tielet domanda ma tirrikjedix risposta.

 Dwar ir-raba’ domanda

31      Ir-raba’ domanda tressqet fil-każ li ma jirriżultax mir-risposti għall-ewwel domandi li Foto‑Frost għandhiex dritt għar-rinunzja ta’ l-irkupru "a posteriori". Il-Finanzgericht jistaqsi f’dan il-każ jekk it-tranżazzjoni in kwistjoni taqax fl-ambitu tal-kummerċ intern Ġermaniż fis-sens tal-protokoll li jirrigwarda dan il-kummerċ, li jimplika, fil-fehma tiegħu, li huwa eżenti mid-dazji tad-Dwana.

32      Minħabba r-risposta mogħtija lit-tieni domanda, ir-raba’ domanda ma tirrikjedix risposta.

 Dwar l-ispejjeż

33      L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li ressqu osservazzjonijiet lill-Qorti, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li din il-proċedura għandha, għall-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni quddiem il-qorti nazzjonali, hija din ta' l-aħħar li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

taqta' u tiddeċiedi dwar id-domandi mressqa quddiemha mill-Finanzgericht Hamburg, bid-digriet tad-29 ta’ Awwissu 1985, li:

1)      Il-Qrati nazzjonali mhumiex kompetenti jikkonstataw huma stess l-invalidità ta' atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji.

2)      Id-Deċiżjoni indirizzata, fis-6 ta’ Mejju 1983, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li fiha l-Kummissjoni kkonstatat li għandu jsir irkupru "a posteriori" tad-drittijiet fuq l-importazzjoni f'każ partikolari, hija invalida.

Mackenzie Stuart

Bosco

Maoitinho de Almeida

Rodríguez Iglesias

Koopmans

Everling

Bahlmann

Galmot

Joliet

O'Higgins

 

      Schockweiler

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta' Ottubru 1987

P. Heim

 

      G. Bosco

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top