This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 61984CJ0222
Judgment of the Court of 15 May 1986. # Marguerite Johnston v Chief Constable of the Royal Ulster Constabulary. # Reference for a preliminary ruling: Industrial Tribunal, Belfast (Northern Ireland) - United Kingdom. # Equal treatment for men and women - Armed member of a police reserve force. # Case 222/84.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Mejju 1986.
Marguerite Johnston vs Chief Constable of the Royal Ulster Constabulary.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Industrial Tribunal, Belfast (Northern Ireland) - ir-Renju Unit.
Trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa.
Kawża 222/84.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Mejju 1986.
Marguerite Johnston vs Chief Constable of the Royal Ulster Constabulary.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Industrial Tribunal, Belfast (Northern Ireland) - ir-Renju Unit.
Trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa.
Kawża 222/84.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:1986:206
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA
15 ta' Mejju 1986 (*)
«Ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa - Membru armat tal-pulizija awżiljari»
Fil-kawża C-222/84
li għandha bħala suġġett talba magħmula lill-Qorti, skond l-artikolu 177 tat-trattat KEE mill-"Industrial Tribunal of Northern Ireland" ta' Belfast, sabiex tikseb, fil-kawża pendenti qudiem din il-qorti fl-ismijiet,
Marguerite Johnston
vs
Chief Constable of the Royal Ulster Constabulary
deċiżjoni ta' natura preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-direttiva 76/207/KEE tal-Kunsill, tad-9 ta' Frar 1976, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa (ĠU L 39, pġ. 40), u ta' l-artikolu 224 tat-trattat KEE,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,
komposta minn M. Mackenzie Stuart, President, T. Koopmans, U. Everling, K. Bahlmann u R. Joliet, Presidenti ta’ Awla, O. Due, Y. Galmot, C. Kakouris u T. F. O’ Higgins, Imħallfin
Avukat Ġenerali: M. Darmon,
Reġistratur: M. P. Heim
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta' Jannar 1986,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta' deċiżjoni tat-8 ta' Awwissu ta' l-1984, li waslet fil-Qorti fl-4 ta' Settembru ta' l-istess sena, u, l-"Industrial Tribunal of Northern Ireland" ta' Belfast bis-saħħa ta' l-artikolu 177 tat-trattat KEE, ressaq diversi domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-direttiva 76/207 tal-Kunsill, tad-9 ta' Frar 1976, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa (JO L 39, p. 40), u ta' l-artikolu 224 tat-trattat KEE.
2 Dawn id-domandi saru fil-mori tal-kawża bejn Marguerite I. Johnston u ċ-Chief Constable tar-Royal Ulster Constabulary (iktar 'il quddiem ir-"RUC"). Dan ta' l-aħħar huwa l-awtorità kompetenti li tinnomina membri awżiljari tal-korp tal-pulizija fir-RUC Reserve fl-Irlanda ta' Fuq u partikolarment f'impjiegi 'full-time' a bażi ta' kuntratti ta' tliet snin li jistgħu jiġu mġedda fir-RUC Full time Reserve. Il-vertenza tal-kawża hija r-rifjut taċ-Chief Constable li jġedded il-kuntratt tas-Sinjura Johnston bħala membru tar-RUC Full time Reserve u li jagħtiha taħriġ professjonali fl-immaniġġjar u l-użu ta' l-armi tan-nar.
3 Jirriżulta mid-deċiżjoni ta' rinviju li d-dispożizzjonijiet tar-Royal Ulster Constabulary Reserve (Appointment and Conditions of Service) Regulations (NI) 1973, li jirregolaw il-modalitajiet tan-nomina u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-pulizija awżiljari, ma jagħmlu ebda differenza ta' importanza bejn nisa u rġiel fil-każ in eżami. Jirriżulta wkoll li skond l-artikoli 10 u 19 tas-Sex Discrimination (Northern Ireland) Order 1976 - SI 1976, nru 1042 (NI 15), li jistabbilixxi r-regoli intiżi li jeliminaw id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess u li jimplementaw il-prinċipju ta' ugwaljanza fl-aċċess għall-impjieg, fit-taħriġ u l-promozzjoni professjonali u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, li l-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni tapplika għall-impjiegi fil-korp tal-pulizija u li l-irġiel u n-nisa m'għandhomx f'dan ir-rigward ikunu ttrattati b'mod differenti, ħlief għal eżiġenzi relattivi għad-daqs, l-uniformi jew l-ekwipaġġament. Madankollu, skond l-artikolu 53(1) tas-Sex Discrimination Order, l-ebda mid-dispożizzjonijiet tagħha li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni "ma tista' tirrendi illegali xi att magħmul għall-fini tas-salvagwardja tas-sigurtà ta' l-istat jew li jħares is-sigurtà jew l-ordni pubbliku", u skond il-paragrafu 2 ta' dan l-artikolu, "ċertifikat iffirmat mill-ministru jew f'ismu li jgħid li att deskritt fiċ-ċertifikat ikun seħħ għal wieħed mill-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jikkostitwixxi prova insindikabbli li dan l-att ikun seħħ għal din il-fini".
4 Fir-Renju Unit, il-pulizija normalment ma jġorrux armi tan-nar fil-qadi ta' dmirijiethom ħlief għal operazzjonijiet partikolari, mingħajr distinzjoni bejn irġiel u nisa. Minħabba n-numru kbir ta' attentati li tagħhom sfaw vittmi pulizija fl-Irlanda ta' Fuq għal diversi snin, iċ-Chief Constable tar-RUC kien tal-fehma li ma setax jibqa' jimxi ma' din il-prassi. Huwa ddeċieda li fir-RUC u fir-RUC Reserve, l-irġiel kellhom iġorru l-armi tan-nar fil-qadi normali tad-dmirijiet tagħhom, iżda li n-nisa ma jkunux ekwipaġġati u ma jingħatawx taħriġ fl-immaniġġjar u fl-isparar ta' l-armi tan-nar.
5 F'dawn iċ-ċirkustanzi, fl-1980 iċ-Chief Constable kien tal-fehma li n-numru ta' nisa fir-RUC kien biżżejjed għal dmirijiet partikolari li ssoltu jkunu fdati lill-membri femminili. Id-dmirijiet ġenerali tal-pulizija li spiss kienu jeħtieġu l-ġarr ta' armi, fil-fehma tiegħu, ma kellhomx jibqgħu jiġu fdati lin-nisa, u ddeċieda li ma joffrix u ma jġeddidx kuntratti lin-nisa fir-RUC Full time Reserve ħlief meta dawn kellhom jaqdu dmirijiet irriżervati lin-nisa. Wara din id-deċiżjoni l-ebda kuntratt, ħlief f'każ wieħed, ma ġie offrut jew imġedded lil mara fir-Full time Reserve.
6 Skond id-deċiżjoni ta' rinviju, is-Sinjura Johnston kienet membru tar-RUC Full-time Reserve mill-1974 sa l-1980. Hija qdiet id-dmirijiet ġenerali tagħha ta' pulizija bl-uniformi b'mod effikaċi, per eżempju, l-għassa, parteċipazzjoni f'pattulji mobbli, sewqan ta' vetturi tal-pattulji mobbli, u sehem fit-tfittix fuq il-persuna tan-nies mressqa l-għassa. Fil-qadi ta' dawn id-dmirijiet hija ma kinitx tkun armata u normalment barra l-għassa kienet tkun akkumpanjata minn raġel armat tar-RUC Full-time Reserve. Fl-1980, iċ-Chief Constable rrifjuta li jġedded il-kuntratt tagħha minħabba l-politika l-ġdida tiegħu msemmija iżjed 'il fuq fir-rigward ta' membri nisa tar-RUC Full time Reserve.
7 Is-Sinjura Johnston ippreżentat rikors quddiem it-Tribunal Industrijali kontra r-rifjut li seħħ, in segwitu ta' l-attwazzjoni tal-politika l-ġdida, li tingħata taħriġ fl-immaneġġjar ta' armi tan-nar, li fiha sostniet li hija kienet waqgħet vittma ta' diskriminazzjoni illegali, ipprojbita mis-Sex Discrimination Order.
8 Waqt il-proċeduri quddiem it-Tribunal Industrijali, iċ-Chief Constable ppreżenta ċertifikat tas-Segretarju ta' l-Istat li bih dan il-Ministru tal-Gvern tar-Renju Unit ddikjara, skond l-artikolu 53 tas-Sex Discrimination Order iċċitat iktar 'il quddiem, li r-raġuni wara l-att li bih ir-Royal Ulster Constabulary irrifjutat li toffri impjieg ġdid lis-Sinjura I. Marguerite Johnston fi ħdan ir-Royal Ulster Constabulary Reserve kienet: a) is-salvagwardja tas-sigurtà ta' l-istat u b) il-ħarsien tas-sigurtà u l-ordni pubblika.
9 Is-Sinjura Johnston min-naħa tagħha rrikorriet għad-direttiva 76/207. Skond l-ewwel artikolu tagħha, din id-direttiva hija maħsuba biex timplementa l-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjieg, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol. Dan il-prinċipju jimplika, skond l-artikolu 2(1), l-assenza ta' kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, salv id-derogi ammessi bil-paragrafi 2 u 3. Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju fl-oqsma differenti, l-artikoli 3 u 5 jimponu fuq l-Istati membri, b'mod partikolari, it-tneħħija ta' dispożizzjonijiet legali, regolamentari u amministrattivi kuntrarji għall-imsemmi prinċipju u l-emenda ta' dawk id-dispożizzjonijiet legali, regolamentari u amministrattivi oriġinarjament ispirati minn motivi li l-protezzjoni tagħhom mhumiex iżjed iġġustifikati. Skond l-artikolu 6, kull persuna li tħoss ruħa li soffri dannu minn diskriminazzjoni għandha jkollha d-dritt tinforza d-drittijiet tagħha ġudizzjarjament.
10 Biex ikun jista' jiddeċiedi dwar din il-kwistjoni, it-Tribunal Industrijali ressaq quddiemf il-Qorti d-domandi preliminari li ġejjin:
1) Id-direttiva 76/207 tal-Kunsill, meħuda waħedha kif ukoll f id-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lil Stat membru li jeskludi mill-applikazzjoni tad-direttiva atti ta' diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess f'dak li jirrigwardaw l-aċċess għall-impjieg, imwettqa bil-għan li jissalvagwardaw is-sigurtà ta' l-istat jew li jħarsu l-ordni pubblika jew is-sigurtà pubblika?
2) Din id-direttiva, meħuda waħedha kif ukoll fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, tippermetti li l-impjieg full-time bħala membru armat ta' pulizija awżiljari jew it-taħriġ fl-immaniġġjar ta' armi tan-nar fid-dawl ta' tali impjieg jiġu kklassifikati fost l-attivitajiet professjonali u li, fil-każ ta' bżonn, għat-taħriġ li jwassal għalihom, minħabba n-natura jew il-kundizzjonijiet ta' l-eżerċizzju tiegħu, is-sess jikkostitwixxi kundizzjoni determinanti, fis-sens ta' l-artikolu 2 paragrafu 2?
3) Liema huma l-prinċipji u l-kriterji li għandhom ikunu applikabbli mill-Istati membri sabiex jiddeċiedu jekk is-sess jikkostitwixxix fattur determinanti fis-sens ta' l-artikolu 2(2) f'dak li għandu x'jaqsam, min-naħa waħda, ma' l-attivitajiet professjonali ta' membru armat tal-pulizija awżiljari, u min-naħa oħra, mat-"taħriġ neċessarju għalihom" kemm minħabba n-natura tiegħu kif ukoll minħabba l-kundizzjonijiet ta' l-eżerċizzju tiegħu?
4) Il-politika li japplika kap tal-pulizija, responsabbli skond il-liġi għad-direzzjoni u l-kontroll tal-pulizija, li tgħid li l-membri nisa tal-pulizija m'għandhomx iġorru armi tan-nar, tista' - meta wieħed iqis iċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti - tikkostitwixxi "dispożizzjoni rigward il-ħarsien tan-nisa" fis-sens ta' l-artikolu 2(3) jew "dispożizzjoni amministrattiva" ispirata minn "tħassib għal protezzjoni" fis-sens tas-subinċiż ċ) ta' l-artikolu 3(2) tad-direttiva?
5) Fil-każ ta' risposta affermattiva għad-domanda numru 4, liema huma l-prinċipji u l-kriterji li l-Istati membri għandhom japplikaw biex jiddeċiedu jekk it-"tħassib għal protezzjoni" huwiex aktar fondat fis-sens tas-subinċiż ċ) ta' l-artikolu 3(2)?
6) Tista' r-rikorrenti, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, tinvoka l-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament ikkontemplat fid-dispożizzjonijiet tad-direttiva in kwistjoni quddiem il-qrati nazzjonali ta' l-Istati membri?
7) Fil-każ ta' risposta affermattiva għad-domanda numru 6
a) L-artikolu 224 tat-trattat KEE, meħud waħdu, għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-Istati membri, meta dawn jkunu kkonfrontati b'inkwiet intern gravi li jaffettwa l-ordni pubblika, li jinħelsu mill-obbligi li skond id-direttiva normalment huma (jew dawk il-persuni li jħaddmu u li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom) ikollhom?
b) F'dan il-każ, jista' individwu, biex iżomm lil Stat membru milli jutilizza l-artikolu 224 tat-trattat KEE, jinvoka l-fatt li dan l-istat membru ma kkonsultax Stati membri oħra?
11 Sabiex jingħataw risposti utli għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, jeħtieġ li tiġi ppreċiżata s-sitwazzjoni li dwarha t-tribunal industrijali huwa mitlub jiddeċiedi. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta' rinviju, iċ-Chief Constable ammetta quddiem it-Tribunal Industrijali li fost id-dispożizzjonijiet tas-Sex Discrimination Order, l-artikolu 53 biss seta' jiġġustifika l-pożizzjoni tiegħu. Is-Sinjura Johnston minn naħa tagħha ammettiet li ċ-ċertifikat maħruġ mis-Secretary of State kien iċaħħadha minn kull rimedju li kieku l-liġi nazzjonali kellha tiġi applikata waħedha, u li hi bbażat ruħha fuq id-dispożizzjonijiet tad-direttiva biex tevita l-effetti ta' l-artikolu 53 tas-Sex Discrimination Order.
12 Jidher għalhekk li d-domandi magħmula mill-Tribunal Industrijali huma maħsuba biex isir magħruf jekk huwiex kompatibbli mad-dritt komunitarju u mad-direttiva 76/207 li qorti nazzjonali tinżamm milli teżerċita bis-sħiħ l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha permezz ta' regola bħal dik ta' l-artikolu 53(2) tas-Sex Discrimination Order (parti mis-sitt domanda). Il-bqija tad-domandi tat-Tribunal Industrijali huma maħsuba li jqiegħdu lil dan it-tribunal f'qagħda li jiddeċiedi jekk u taħt liema kundizzjonijiet id-dispożizzjonijiet tad-direttiva jippermettu, f'sitwazzjoni bħal dik preżenti, li l-irġiel u n-nisa jiġu ttrattati b'mod differenti fl-impjieg mal-pulizija u dan għal raġunijiet ta' ħarsien ta' sigurtà pubblika, bħal fil-każ ta' l-artikolu 53(1) tas-Sex Discrimination Order (l-ewwel sal-ħames domandi). Id-domandi għandhom ukoll jiċċaraw lill-qorti ta' rinviju dwar jekk id-dispożizzjonijiet tad-direttiva jistgħux, meta jkun il-każ, jiġu invokati fil-każ ta' regola tad-dritt nazzjonali li tmur kontra d-direttiva (parti oħra tas-sitt domanda). Skond it-tweġibiet li jingħataw lil dawn id-domandi wieħed ikun jista' fl-aħħar nett jistaqsi jekk l-artikolu 224 tat-trattat KEE jistax jiġi invokat minn Stat membru biex jinħeles mill-obbligi li d-direttiva timponi fuqu fil-każ bħal dak preżenti ( is-seba' domanda).
Fuq id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv
13 Huwa meħtieġ għalhekk li tiġi l-ewwel eżaminata l-parti tas-sitt domanda intiża biex tistabbilixxi dwar jekk il-liġi tal-Komunità u partikolarment id-direttiva 76/207 tobbligax 'l Istati membri li jiżguraw stħarriġ effettiv permezz tal-qrati nazzjonali, tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva u tal-liġi nazzjonali intiża li timplementaha.
14 Skond is-Sinjura Johnston, dispożizzjoni bħall-artikolu 53(2) tas-Sex Discrimination Order tmur kontra l-artikolu 6 tad-direttiva għaliex ma tippermetti ebda stħarriġ ġudizzjarju mill-qorti nazzjonali kompetenti.
15 Il-Gvern tar-Renju Unit jirrileva li l-artikolu 6 tad-direttiva ma jobbligax lill-Istati membri li jissottomettu kull kwistjoni li tista' tinqala' fl-applikazzjoni tad-direttiva għall-stħarriġ ġudizzjarju, anke jekk dan ikun jinvolvi s-sigurtà nazzjonali u s-sigurtà pubblika. Regoli ta' prova bħal dawk li jinsab fl-artikolu 53, (2) tas-Sex Discrimination Order huma komuni fid-dritt proċedurali nazzjonali. Huma jkunu ġġustifikati bil-fatt li kwistjonijiet ta' sigurtà nazzjonali u ta' sigurtà pubblika ma jistgħux jitqiesu kif jixraq ħlief mill-awtoritajiet politiċi kompetenti, jiġifieri l-Ministru li joħroġ iċ-ċertifikat in kwistjoni.
16 Il-Kummissjoni hi tal-fehma li meta ċertifikat ta' Ministru jingħata l-effett previst fl-artikolu 53 tas-Sex Discrimination Order, dan ikun ifisser iċ-ċaħda ta' kull stħarriiġ ġudizzjarju u għalhekk imur kontra prinċipju fundamentali tad-dritt komunitarju u l-artikolu 6 tad-direttiva.
17 F'dan il-rigward, jeħtieġ l-ewwel nett li jingħad li l-artikolu 6 tad-direttiva jimponi fuq l-Istati membri l-obbligu li jdaħħlu fl-ordinament ġuridiku tagħhom dawk id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jippermettu lil kull min iħossu leż b'diskriminazzjoni li "jinforza d-drittijiet tiegħu ġudizzjarjament". B'din id-dispożizzjoni l-Istati membri huma marbuta li jieħdu passi li jkunu effikaċi biżżejjed biex jilħqu l-għan tad-direttiva u biex jagħmlu mod li d-drittijiet hekk mogħtija jistgħu jiġu invokati effettivament quddiem il-qrati nazzjonali mill-persuni kkonċernati.
18 L-istħarriġ ġudizzjarju impost b'dan l-artikolu huwa l-espressjoni ta' prinċipju ġenerali ta' dritt li huwa l-fundament ta' tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati membri. Dan il-prinċipju ġie kkonsagrat ukoll mill-artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet u l-Libertajiet Fundamentali tal-Bniedem, ta' l-4 ta' Novembru 1950. Kif ġie rrikonoxxut fid-dikjarazzjoni komuni ta' l-Assemblea, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tal-5 ta' April 1977 (ĠU C 103, pġ. 1), u mill-ġurisprudenza tal-Qorti, jeħtieġ li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-prinċipji li minnhom hija ispirata din il-Konvenzjoni fil-qafas tad-dritt komunitarju.
19 Bis-saħħa ta' l-artikolu 6 tad-direttiva, interpretata fid-dawl tal-prinċipju ġenerali msemmi, kull persuna għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti kompetenti kontra dak l-għemil li jkun jidhrilha li jmur kontra l-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa previst mid-direttiva 76/207. Huma l-Istati membri li għandhom jiżguraw stħarriġ ġudizzjarju effettiv ta' l-osservanza tad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt komunitarju u tal-liġijiet nazzjonali li jimplementaw id-drittijiet previsti mid-direttiva.
20 Dispożizzjoni bħall-artikolu 53(2) tas-Sex Discrimination Order, li tagħti lill-preżentata ta' ċertifikat bħal dak in kwistjoni valur ta' prova inkonfutabbli, u li jissodisfa l-kundizzjonijiet għal deroga mill-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament, tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jċaħħdu lill-individwu mill-possibbiltà li jinforza ġudizzjarjament id-drittijiet irrikonoxxuti mid-direttiva. Dispożizzjoni bħal din tmur għalhekk kontra l-prinċipju ta' stħarriġ ġudizzjarju effettiv sanċit mill-artikolu 6 tad-direttiva.
21 Ir-risposta għal din il-parti tas-sitt domanda mressqa mit-Tribunal Industrijali għandha għalhekk tkun li l-prinċipju ta' stħarriġ ġudizzjarju effettiv iddikjarat mill-artikolu 6 tad-direttiva 76/207 tal-Kunsill tad-9 ta' Frar 1976 ma jippermettix li l-valur ta' prova inkonfutabbli li teskludi kull stħarriġ mill-imħallef, tingħata lil ċertifikat li bih awtorità nazzjonali tiddikjara li huma sodisfatti r-rekwiżiti għal deroga mill-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa għall-fini tal-ħarsien tas-sigurtà pubblika.
Fuq l-applikabbiltà tad-direttiva 76/207 għall-miżuri meħuda għall-ħarsien tas-sigurtà pubblika
22 Jeħtieġ li tiġi eżaminata, wara, l-ewwel domanda li biha t-Tribunal Industrijali jistaqsi jekk, fid-dawl tan-nuqqas, fid-direttiva 76/207, ta' dispożizzjoni espressa dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu biex tiġi ssalvagwardata s-sigurtà ta' l-Istat jew biex titħares l-ordni pubblika u b'mod partikolari s-sigurtà pubblika, jekk din id-direttiva hijiex applikabbli għal tali miżuri.
23 Skond is-Sinjura Johnston, ma hemm, għal dan il-għan, l-ebda deroga ġenerali għall-prinċipju fundamentali ta' ugwaljanza jekk ma jkunx hemm relazzjoni ma' attivitajiet professjonali partikolari u n-natura tagħhom u l-kundizzjonijiet ta' l-eżerċizzju tagħhom. Deroga bħal din, motivata biss bil-ġustifikazzjoni unika li diskriminazzjoni għall-fini li tiġi mħarsa s-sigurtà pubblika, tagħti lill-Istati membri l-possibbiltà li jevitaw unilateralment l-obbligi imposti fuqhom mid-direttiva.
24 Il-Gvern tar-Renju Unit huwa tal-fehma li l-klawżoli ta' salvagwardja fl-artikoli 36, 48, 56, 66, 223 u 224 tat-trattat KEE juru li la t-trattat u konsegwentement lanqas id-dritt derivat minnu ma huma applikabbli għas-setturi msemmija fid-domanda ta' l-imħallef nazzjonali u ma jnaqqsux is-setgħa ta' l-Istati membri li jieħdu l-passi li jidhrilhom xierqa jew meħtieġa għal dawn l-għanijiet. Il-miżuri msemmija fl-ewwel domanda għaldaqstant ma jaqgħux taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva.
25 Il-Kummissjoni hi tal-fehma li d-direttiva għandha tiġi interperatata fid-dawl ta' l-artikolu 224 tat-trattat KEE, b'mod li l-kunsiderazzjonijiet ta' sigurtà pubblika jistgħu taħt ċerti kundizzjonijiet partikolari, previsti f'dan l-artikolu, u sakemm ikun hemm l-istħarriġ ġudizzjarju, jiġġustifikaw derogi mill-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament ukoll meta l-kundizzjonijiet rigorużi ta' l-artikolu 2(2) u (3) tad-direttiva ma jkunux sodisfatti.
26 F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li t-trattat ma jikkontemplax derogi applikabbli fil-każ ta' sitwazzjonijiet li jistgħu jheddu s-sigurtà pubblika ħlief fl-artikoli 36, 48, 56, 223 u 224, li jikkonċernaw ipoteżijiet eċċezzjonali limitati sew. Minħabba n-natura limitata tagħhom, dawn l-artikoli ma jippermettux interpretazzjoni wiesgħa u lanqas jippermettu deduzzjoni ta' xi riżerva ġenerali, inerenti għat-trattat, għal kull miżura meħuda a bażi tas-sigurtà pubblika. Eċċezzjoni ġenerali għad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt komunitarju, li tmur lil hinn mill-kundizzjonijiet speċifiċi tad-dispożizzjonijiet tat-trattat, tista' xxekkel in-natura obbligatorja u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt komunitarju.
27 Minn dan isegwi li m'hemm l-ebda eċċezzjoni ġenerali għall-implementazzjoni tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa għal provvedimenti motivati mill-ħarsien tas-sigurtà pubblika, u dan apparti l-applikazzjoni ta' l-artikolu 224 tat-trattat li jikkonċerna sitwazzjoni għal kollox eċċezzjonali, u li dwaru saret is-seba' domanda. Huwa għalhekk l-ewwel nett fil-kuntest ta' l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-direttiva li l-fatti li taw lok għall-invokazzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti, ta' l-eżiġenzi tal-ħarsien tas-sigurtà pubblika għandhom, jekk ikun il-każ, jittieħdu in kunsiderazzjoni.
28 Għalhekk jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fis-sens li d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess magħmula għal raġunijiet marbuta mal-ħarsien tas-sigurtà pubblika, għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-derogi għall-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa previst mid-direttiva 76/207.
Fuq id-derogi permessi minħabba kundizzjonijiet ta' eżerċizzju ta' l-attività professjonali.
29 Fit-tieni u t-tielet domandi, it-Tribunal Industrijali titlob l-interpretazzjoni tad-deroga għall-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament previst fl-artikolu 2(2) tad-direttiva bl-iskop li jkun jista' jiddeċiedi jekk differenza fit-trattament bħal dik in kwistjoni hix koperta minn din id-deroga. Għal din ir-raġuni, hu jistaqsi dwar il-kriterji u l-prinċipji li bihom wieħed jista' jiddetermina jekk attività bħal dik in kwistjoni tagħmilx parti mill-attivitajiet li "minħabba n-natura jew il-kundizzjonijiet ta' l-eżerċizzju tagħhom, is-sess jikkostitwixxi fattur determinanti".
30 Is-Sinjura Johnston hi tal-fehma li tweġiba għal din id-domanda mhijiex possibbli f'termini hekk ġenerali. Hija dejjem ħadmet tajjeb fit-twettieq ta' d-dmirijiet tagħha bħala pulizija. In-nisa jistgħu faċilment jingħataw taħriġ fl-immaniġġjar ta' l-armi tan-nar. Huwa t-Tribunal Industrijali li għandu jiddeċiedi jekk deroga skond l-artikolu 2(2) tad-direttiva hijiex possibbli u dan fid-dawl tal-ħidmiet konkreti li hija tkun mitluba twettaq. Din i-dispożizzjoni ma tippermettix li hija tiġi eskluża għal kollox minn impjieg fir-RUC Full time Reserve.
31 Skond il-Gvern tar-Renju Unit, l-Istati membri għandhom poter diskrezzjonali biex iqisu jekk minħabba raġunijiet ta' sigurtà pubblika jew ta' ordni pubblika, il-kundizzjonijiet ta' eżerċizzju ta' attività professjonali fil-pulizija, jmorrux kontra li din l-attività professjonali tiġi eżerċitata minn mara ekwipaġġjata b'armi tan-nar. L-Istati membri jistgħu f'dan ir-rigward jieħdu in kunsiderazzjoni kriterji bħad-differenza fil-forza fiżika, ir-reazzjoni probabbli tal-pubbliku meta jaraw pulizija nisa armati u r-riskju ta' attentati kontrihom. Id-deċiżjoni meħuda miċ-Chief Constable, peress li ttieħdet bl-applikazzjoni ta' kriterji bħal dawn, hija koperta mill-artikolu 2(2) tad-direttiva.
32 Il-Kummissjoni hija tal-fehma li minħabba l-kundizzjonijiet ta' eżerċizzju tagħha, ghalkemm mhux minħabba n-natura tagħha, l-attività ta' pulizija armati tista' tiġi kkunsidrata bħala attività li għaliha s-sess huwa kundizzjoni determinanti. Madankollu deroga trid tiġi ġġustifikata in realzzjoni ma' ħidmiet partikolari u mhux in relazzjoni ma' impjieg ikkunsidrat fl-intier tiegħu. Fuq kollox irid jiġi rrispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi fuq id-diskriminazzjoni in kwistjoni taħt dan l-aspett.
33 F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat mill-ewwel li safejn, minħabba l-eżiġenzi tal-ħarsien tas-sigurtà pubblika, l-awtoritajiet kompetenti tal-pulizija fl-Irlanda ta' Fuq iddeċidew li ma jsegwux ir-regola ġeneralment applikata fil-bqija tar-Renju Unit dwar pulizija mhux armati fil-qadi normali tad-dmirijiet tagħhom, din id-deċiżjoni minna nfisha ma tagħmel ebda distinzjoni bejn nisa u rġiel, u għalhekk ma tidħolx fil-kamp ta' applikazzjoni tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament. Huwa biss minħabba li ċ-Chief Constable ddeċieda li n-nisa m'għandhomx ikunu ekwipaġġati bl-armi tan-nar u lanqas imħarrġa fl-użu tagħhom, li l-ħidmiet ġenerali tal-pulizija nżammu għall-irġiel armati u li l-kuntratti tan-nisa fir-RUC Full-time Reserve li, bħalma kienet is-Sinjura Johnston qabel, kienu assenjati l-ħidmiet ġenerali tal-pulizija ma kinux ser jiġu mġedda, li kunsiderazzjoni ta' dawn il-miżuri fid-dawl tal-dispożizzjonijiet tad-direttiva ssir meħtieġa.
34 Peress li s-Sex Discrimination Order hija applikabbli, kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta' rinviju, skond dispożizzjoni espressa, għall-impjieg fil-pulizija u li ma tagħmel ebda distinzjoni f'dan ir-rigward bejn irġiel u nisa fid-dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli, in-natura ta' l-attività professjonali fil-pulizija m'għandhiex tittieħed in kunsiderazzjoni biex tiġġustifika d-diskriminazzjoni in kawża. Jeħtieġ mill-banda l-oħra jiġi eżaminat, jekk, minħabba l-kundizzjonijiet speċifiċi ta' l-eżerċizzju ta' l-attività deskritta fid-deċiżjoni ta' rinviju, is-sess fih innifsu jikkostitwixxix kundizzjoni determinanti.
35 Kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta' rinviju, il-politika fir-rigward tan-nisa fir-RUC Full-time Reserve ġiet adottata miċ-Chief Constable għaliex kien tal-fehma illi, jekk in-nisa jkunu ekwipaġġati b'armi tan-nar, huma jkunu qed jirriskjaw li jsiru iżjed spiss il-mira ta' attentati u l-armi tagħhom ikunu jistgħu jaqgħu f'idejn min iħebb għalihom, li l-pubbliku jara f'dawl ikrah il-ġarr ta' l-armi min-nisa, liema fatt imur wisq kontra l-ideal ta' pulizija mhux armata, u li n-nisa armati jkunu inqas effikaċi fix-xogħol ta' pulizija fis-settur soċjali f'kuntatt ma' familji u tfal, f'liema settur huma partikolarment apprezzati. Iċ-Chief Constable immotiva wkoll il-politika tiegħu b'rabta mal-kundizzjonijiet partikolari li fihom l-attività tal-pulizija trid titwettaq fis-sitwazzjoni ta' l-Irlanda ta' Fuq, fid-dawl ta' l-eżiġenzi tal-ħarsien tas-sigurtà pubblika f'sitwazzjoni ta' inkwiet intern gravi.
36 Fir-rigward jekk tali motivazzjoni tistax tiġi koperta mill-artikolu 2, paragrafu 2 tad-direttiva, jeħtieġ li jiġi osservat l-ewwel nett illi, in kwantu din tikkontempla deroga ta' dritt individwali sanċita mid-direttiva, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata restrittivament. Jeħtieġ madankollu li jiġi rikonoxxut li l-kundizzjonijiet ta' eżerċizzju ta' l-attività professjonali tal-pulizija armati huma ddeterminati mill-ambjent li fih dawn l-attivitajiet jiġu eżerċitati. F'dan ir-rigward wieħed ma jistax jeskludi illi, f'sitwazzjoni ta' inkwiet intern gravi, il-ġarr ta' l-armi tan-nar minn pulizija nisa jista' joħloq riskji ulterjuri ta' attentati fuqhom u jista' minħabba f'hekk ikun kontra l-eżiġenzi tas-sigurtà pubblika.
37 F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta' ċerti attivitajiet tal-pulizija jistgħu jkunu tali li s-sess jikkostitwixxi kundizzjoni determinanti għall-eżerċizzju tagħhom. Stat membru jista' f'dak il-każ jirriżerva dawn il-ħidmiet u t-taħriġ li jwassal għalihom għall-irġiel biss. F'tali każ, l-Istati membri huma obbligati, skond l-artikolu 9(2) tad-direttiva, li jeżaminaw kull tant żmien l-attivitajiet in kwistjoni biex jiddeċiedi jekk id-deroga għas-sistema ġenerali għandhiex tibqa' fis-seħħ, u dan wara li tittieħed in kunsiderazzjoni l-iżviluppi soċjali.
38 Jeħtieġ barra minn hekk jingħad ukoll illi, meta tiġi ddeterminata l-portata ta' kull deroga għal xi dritt individwali bħalma hi l-ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa, iddikjarata mid-direttiva, għandu jiġi rrispettat il-prinċipju ta' proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li huma l-bażi ta' l-ordni ġuridiku tal-komunità. Dan il-prinċipju jeżiġi li d-derogi m'għandhomx jeċċedu dak li hu meħtieġ u neċessarju biex jintlaħaq l-għan mixtieq u jeżiġi li, sa fejn hu possibbli, il-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament jiġi rrikonċiljat ma' l-eżiġenzi tas-sigurtà pubblika li huma determinanti għall-kundizzjonijiet ta' l-eżerċizzju ta' l-attività in kwistjoni.
39 Fir-rigward tat-tqassim ta' kompetenzi previst mill-artikolu 177 tat-trattat KEE, hija l-qorti nazzjonali li għandha tgħid jekk il-motivazzjonijiet li fuqhom iċ-Chief Constable bbaża ruħu humiex fil-fatt fondati u jiġġustifikawx il-miżura konkreta meħuda fil-każ tas-Sinjura Johnston. Hija wkoll il-qorti nazzjonali li għandha tħares il-prinċipju ta' proporzjonalità u li għandha tivverifika jekk iċ-caħda għat-tiġdid tal-kuntratt tas-Sinjura Johnston setgħetx tiġi evitata bl-għoti lin-nisa, ta' ħidmiet li jistgħu, mingħajr riskji għall-għanijiet mixtieqa, jitwettqu mingħajr il-ġarr ta' armi.
40 Jeħtieġ għalhekk li b'risposta għat-tieni u t-tielet domandi magħmula mit-Tribunal Industrijali jingħad li l-artikolu 2(2) tad-direttiva 76/207 għandu jiġi interpretat fis-sens illi, meta jitqies illi, minħabba l-kundizzjonijiet ta' eżerċizzju ta' attività tal-pulizija, is-sess jikkostitwixxi kundizzjoni determinanti, allura Stat membru jkun jista' jieħu in kunsiderazzjoni l-eżiġenzi tal-ħarsien tas-sigurtà pubblika biex, f'sitwazzjoni interna kkaratterizzata minn attentati frekwenti, jirriżerva l-ħidmiet ġenerali tal-pulizija esklużivament għall-irġiel armati b'armi tan-nar.
Fuq id-derogi permessi għall-motivi ta' ħarsien tal-mara.
41 It-Tribunal Industrijali jitlob in segwitu, fir-raba' u l-ħames domandi, li l-Qorti tagħti interpretazzjoni tal-kunċetti ta' "ħarsien tan-nisa" fis-sens ta' l-artikolu 2(3) tad-direttiva kif ukoll fis-sens tat-"tħassib għal protezzjoni" skond is-subinċiż ċ) ta' l-artikolu 3(2), li jispira lil ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali, biex ikun jista' jiddeċiedi jekk id-differenza fit-trattament in kwistjoni tidħolx fil-kamp ta' applikazzjoni tad-derogi għall-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament previst għal dan il-għan.
42 Skond is-Sinjura Johnston, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati restrittivament u huma maħsuba biss biex jiżguraw trattament speċjali lin-nisa biex iħarsu saħħithom u s-sigurtà tagħhom fil-każ ta' tqala jew maternità. L-esklużjoni għal kollox tan-nisa mis-servizz tal-korp tal-pulizija armati mhuwiex dan il-każ.
43 Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li l-politika rigward in-nisa fir-RUC Full-time Reserve għandha l-għan li tħares lin-nisa billi tevita li jsiru l-mira ta' attentati. Il-kunċett ta' ħarsien tal-mara jista' jkopri tali għan fi żmien ta' inkwiet gravi. Il-Kummissjoni wkoll hija tal-parir li sitwazzjoni eċċezzjonali bħal ta' l-Irlanda ta' Fuq u l-perikli li ġġib għall-pulizija nisa armati b'armi tan-nar jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni taħt l-aspett ta' ħarsien tal-mara.
44 F'dan ir-rigward jeħtieġ li jingħad li, bl-istess mod ta' l-artikolu 2(2), il-paragrafu 3 tad-direttiva, li jiddetermina l-portata tas-subinċiż ċ) ta' l-artikolu 3(2), għandu jiġi interpretat restrittivament. Mir-riferiment espress għat-tqala u l-maternità, jirriżulta li d-direttiva trid tiżgura, min-naħa waħda, il-ħarsien ta' l-istat bijoloġiku tal-mara, u min-naħa l-oħra r-rabtiet partikolari bejn l-omm u l-ulied. Din id-dispożizzjoni tad-direttiva ma tippermettix għalhekk li jiġu esklużi n-nisa minn impjieg minħabba li l-opinjoni pubblika teżiġi li jkunu iżjed protetti mill-irġiel għal riskji li jolqtu lill-irġiel u lin-nisa bl-istess mod u li huma distinti minn ħtiġiet ta' ħarsien speċifiċi tal-mara bħalma huma dawk espressament imsemmija.
45 Ma jidhirx li r-riskji u l-perikli li għalihom huma esposti n-nisa fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom fil-pulizija, f'sitwazzjoni bhal dik fl-Irlanda ta' Fuq, huma differenti minn dawk li huma esposti għalihom l-irġiel fl-eżerċizzju ta' l-istess funzjonijiet. Esklużjoni totali tan-nisa minn din l-attività professjonali minħabba r-riskju ġenerali (li mhux speċifiku) għal raġunijiet ta' ħarsien tas-sigurtà pubblika ma taqax fil-kuntest tad-differenzi fit-trattament li l-artikolu 2(3) tad-direttiva jippermetti ghall-motivi ta' ħarsien tal-mara.
46 Jeħtieġ għalhekk li jingħad, b'risposta għar-raba' u l-ħames domandi tat-Tribunal Industrijali, li d-differenzi fit-trattament bejn irġiel u nisa li l-artikolu 2(3) tad-direttiva 76/207 jippermetti għall-motivi ta' ħarsien tal-mara ma jinkludix riskji u perikli bħal dawk li għalihom huma esposti l-pulizija armati kollha fil-qadi ta' dmirijiethom f'sitwazzjoni partikolari, li ma jirrigwardawx lin-nisa b'mod partikolari in kwantu nisa.
Fuq l-effett tad-direttiva 76/207
47 It-Tribunal Industrijali jistaqsi wkoll, permezz tas-sitt domanda, jekk individwu jistax jinvoka d-dispożizzjonijiet tad-direttiva fil-mori tal-kawża quddiem qorti nazzjonali. Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, din id-domanda tqum iżjed partikolarment fir-rigward ta' l-artikoli 2 u 6 tad-direttiva.
48 Is-Sinjura Johnston hija tal-fehma li l-artikolu 2(1) tad-direttiva huwa inkundizzjonat u suffiċjentment ċar u preċiż biex jipproduċi effett dirett. Huwa jista' jitqajjem kontra ċ-Chief Constable bħala awtorità pubblika. Fi kwalunkwe każ, id-direttiva għandha wkoll effett dirett orizzontali fir-rigward ta' l-individwi.
49 Skond il-Gvern tar-Renju Unit, l-artikolu 2(1) tad-direttiva huwa dispożizzjoni kundizzjonata in kwantu huwa suġġett għad-derogi li l-Istati membri jistgħu jagħmlu b'mod diskrezzjonali. Iċ-Chief Constable huwa kostituzzjonalment indipendenti mill-Istat u fil-każ in eżami jidher bħala wieħed li jħaddem: id-direttiva ma jkollhiex effett dirett f'dawn ir-relazzjonijiet.
50 Il-Kummissjoni hi tal-fehma li l-kawża tista' tiġi deċiża taħt id-dritt nazzjonali u li m'hemmx għalfejn ikun hemm deċiżjoni dwar l-effett dirett ta' l-artikoli 2 u 3 tad-direttiva.
51 F'dan ir-rigward għandu jingħad l-ewwel nett illi, fil-każijiet kollha fejn direttiva hija implementata korrettament, l-effetti tagħha jolqtu lill-individwi permezz tal-provvedimenti ta' applikazzjoni meħuda mill-Istat membru in kwistjoni. Il-kwistjoni dwar jekk l-artikolu 2(1) jistax jiġi invokat quddiem qorti nazzjonali hija għalhekk bla skop peress li huwa stabbilit li din id-dispożizzjoni ġiet implementata fid-dritt nazzjonali.
52 Id-deroga għall-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament li, kif ġie espost hawn fuq, l-artikolu 2(2) jippermetti li tikkostitwixxi fakultà sempliċi ta' l-Istati membri. Hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha tikkonstata jekk din il-fakultà intużatx permezz tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali u li tqis il-kontenut tagħha. Il-kwistjoni dwar jekk individwu jistax jibbaża ruħu fuq dispożizzjoni tad-direttiva biex jevita deroga prevista mil-liġi nazzjonali tista' ssir biss jekk din id-deroga tmur lil hinn mil-limiti ta' l-eċċezzjonijiet permessi mill-artikolu 2(2) tad-direttiva.
53 F'dan il-kuntest, jeħtieġ l-ewwel li jingħad, kif qalet diġà l-Qorti fid-deċiżjonijiet tal-10 ta' April 1984 (von Colson u Kamann, 14/83, Ġabra, p. 1891; Harz, 79/83, Ġabra, p. 1921), li l-obbligu ta' l-Istati membri, li joħroġ minn direttiva, li jilħqu r-riżultat previst minnha, kif ukoll id-dmir tagħhom bis-saħħa ta' l-artikolu 5 tat-trattat li jieħdu dawk il-miżuri kollha ġenerali jew partikolari meħtieġa biex jiżguraw l-eżekuzzjoni ta' dan l-obbligu, huma imposti wkoll fuq l-awtoritajiet kollha ta' l-Istati membri kif ukoll fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji, dejjem skond il-kompetenzi tagħhom. Isegwi għalhekk illi, b'applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, u partikolarment tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali maħruġa speċifikament biex jimplementaw id-direttiva 76/207, il-qorti nazzjonali hija marbuta li tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha fid-dawl tat-test u ta' l-għanijiet tad-direttiva biex tilħaq ir-riżultat previst fl-artikolu 189(3).Huwa għalhekk it-Tribunal Industrijali li għandu jinterpreta d-dispożizzjonijiet tas-Sex Discrimination Order, u b'mod partikolari l-artikolu 53(1), fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva, kif kienu interpretati hawn fuq, biex jagħtiha effikaċija sħiħa.
54 Fid-dawl ta' dak li ngħad hawn fuq, fil-każ meta l-kwistjoni dwar jekk individwu jistax jirrikorri għad-direttiva biex jopponi deroga prevista mil-liġi nazzjonali, titqajjem xorta, jeħtieġ li jsir riferiment għall-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti (ara, b'mod partikolari, id-deċiżjoni tad-19 ta' Jannar 1982, Becker, 8/81, Ġabra, p. 53). Iżjed partikolarment, il-Qorti fis-sentenza mogħtija fis-26 ta' Frar 1986 (Marshall, 152/84, Ġabra, 1986, p. 723), iddeċidiet li ċerti dispożizzjonijiet tad-direttiva 76/207 huma, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, suffiċjentement inkundizzjonati u preċiżi u li l-individwi jistgħu jinvokawhom kontra stat membru meta dan jagħmel traspożizzjoni skorretta tagħhom.
55 Din il-konstatazzjoni saret fis-sentenza tas-26 ta' Frar 1986, preċitata, f'dak li għandu x'jaqsam mal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament previst mill-artikolu 2(1) tad-direttiva, fir-rigward ta' kundizzjonijiet ta' tkeċċija msemmija mill-artikolu 5(1). Dan jiswa wkoll għall-applikazzjonijiet tal-prinċipju ta' l-artikolu 2(1) fir-rigward ta' l-aċċess għall-impjieg, għat-taħriġ u t-tisħiħ professjonali msemmija mill-artikolu 3(1) u (4) u li lilhom jirrigwarda l-każ preżenti.
56 Dejjem bid-deċiżjoni tas-26 ta' Frar 1986 preċitata, il-Qorti ddeċidiet li l-individwi jistgħu jinvokaw id-direttiva kontra istituzzjoni ta' l-istat mingħajr distinzjoni jekk din tkunx aġixxiet bħala persuna li tħaddem jew bħala awtorità pubblika. Fir-rigward ta' awtorità bħaċ-Chief Constable, jeħtieġ li jiġi osservat li kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta' rinviju, dan huwa funzjonarju responsabbli mid-direzzjoni tal-forzi tal-pulizija. Awtorità pubblika bħal din, imqabbda mill-Istat għaż-żamma ta' l-ordni u s-sigurtà pubblika, huma liema huma r-rapporti ma' l-awtoritajiet oħra ta' l-Istat, ma taġixxix bħala individwu. Hija ma tistax tieħu vantaġġ min-nuqqas ta' konoxxenza ta' l-Istat tad-dritt komunitarju li minnu huwa parti.
57 Jeħtieġ li, b'risposta għas-sitt domanda, jingħad li l-individwi jistgħu jinvokaw, fil-konfront ta' awtorità ta' l-Istat imqabbda għaż-żamma ta' l-ordni u s-sigurtà pubblika, fil-vesti ta' persuna li tħaddem, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa previst mill-artikolu 2(1) tad-direttiva 76/207, u dan fis-setturi msemmija fl-artikoli 3(1) u (4) ta' kundizzjonijiet ta' aċċess għall-impjieg u t-taħriġ u tisħiħ professjonali bl-iskop li tiġi evitata deroga għal dan il-prinċipju, prevista mil-liġi nazzjonali in kwantu din teċċedi l-limiti ta' l-eċċezzjonijiet permessi mill-artikolu 2(2).
58 Fir-rigward ta' l-artikolu 6 tad-direttiva, li hu wkoll applikabbli fil-każ preżenti kif intqal hawn fuq, il-Qorti diġa' ddeċidiet fis-sentenzi tagħha ta' l-10 ta' April 1984, preċitati, li dan l-artikolu ma jwassal - f'dak li għandu x'jasam mas-sanzjonijiet ta' xi diskriminazzjoni - għal ebda obbligu suffiċjentement inkundizzjonat u preċiż biex ikun jista' jiġi invokat minn individwu. Għall-kuntrarju, in kwantu jirriżulta minn dan l-artikolu, interpretat fid-dawl ta' prinċipju ġenerali li huwa l-espressjoni tiegħu, li kull persuna li tħossha leża minn diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess għandha jkollha rimedju ġudizzjarju effettiv, din id-dispożizzjoni hija suffiċjentement preċiża u inkundizzjonata biex tkun tista' tiġi invokata kontra Stat membru li ma jiżgurax l-applikazzjoni sħiħa tiegħu fl-ordni ġuridiku intern tiegħu.
59 Jeħtieġ għalhekk li jiġi kkonstatat, b'risposta għal din il-parti tas-sitt domanda, li d-dispożizzjoni ta' l-artikolu 6 li tgħid li persuna li tħossha leża minn diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess għandha jkollha rimedju ġudizzjarju effettiv, tista' tiġi invokata minn individwi kontra Stat membru li ma jkunx żgura l-applikazzjoni sħiħa fl-ordni ġuridiku intern tiegħu.
Fuq l-artikolu 224 tat-trattat KEE
60 F'dak li għandu x'jaqsam mas-seba' domanda, dwar l-interpretazzjoni ta' l-artikolu 224 tat-trattat, jirriżulta minn dak li ngħad qabel, li l-artikolu 2(2) tad-direttiva 76/207 jippermetti lil Stat membru li jieħu in kunsiderazzjoni l-eżiġenzi tal-ħarsien tas-sigurtà pubblika fil-każ bħal dak preżenti. In kwantu għall-eżiġenza li jiġi żgurat stħarriġ ġudizzjarju u osservanza tar-regoli previsti mid-direttiva, l-ebda element tal-proċess u l-ebda osservazzjoni ppreżentata lill-Qorti ma tħalli lil min jaħseb li s-sitwazzjoni ta' inkwiet intern gravi fl-Irlanda ta' Fuq tirrendi impossibbli l-funzjonament ta' stħarriġ ġudizzjarju jew li l-miżuri meħtieġa biex titħares is-sigurtà pubblika titteħdilhom l-effikaċja tagħhom mill-fatt ta' tali stħarriġ mill-qrati nazzjonali. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni dwar jekk l-artikolu 224 tat-trattat KEE jistax jiġi invokat minn stat membru biex jevita l-obbligi imposti mid-dritt komunitarju, u b'mod partikolari d-direttiva, ma hijiex rilevanti fil-każ in eżami.
61 Is-sitt domanda hija għalhekk bla skop fid-dawl tar-risposti għad-domandi l-oħra.
Fuq l-ispejjeż
62 L-ispejjeż tal-gvernijiet tar-Renju Unit u tad-Danimarka, kif ukoll tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali għandha n-natura ta' kwistjoni imqajma quddiem il-qorti nazzjonali, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,
63 Taqta' u tiddeċiedi dwar id-domandi li sarulha mit-Tribunal Industrijali b'deċiżjoni tat-8 ta' Awwissu 1984 u tiddikjara:
1) Il-prinċipju ta' stħarriġ ġudizzjarju effettiv iddikjarat mill-artikolu 6 tad-direttiva 76/207 tal-Kunsill, tad-9 ta' Frar 1976, ma jippermettix li l-valur ta' prova inkonfutabbli, li teskludi kull stħarriġ mill-imħallef, tingħata lil ċertifikat li bih awtorità nazzjonali tiddikjara li huma sodisfatti r-rekwiżiti għal deroga mill-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa għall-fini tal-ħarsien tas-sigurtà pubblika. Id-dispożizzjoni ta' l-artikolu 6 li tgħid li kull persuna li tħossha leża minn diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess għandha jkollha rimedju ġudizzjarju effettiv tista' tiġi invokata minn individwi kontra Stat membru li ma jkunx żgura l-applikazzjoni sħiħa tagħha fl-ordni ġuridiku intern tiegħu.
2) Id-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq is-sess imwettqa minħabba raġunijiet ta' ħarsien tas-sigurtà pubblika għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tad-derogi għall-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa previsti mid-direttiva 76/207.
3) L-artikolu 2(2) tad-direttiva 76/207 għandu jiġi interpretat fis-sens li meta jitqies illi, minħabba l-kundizzjonijiet ta' eżerċizzju ta' l-attività tal-pulizija, is-sess jikkostitwixxi kundizzjoni determinanti, allura Stat membru jkun jista' jieħu in kunsiderazzjoni l-eżiġenzi tal-ħarsien tas-sigurtà pubblika biex, f'sitwazzjoni interna kkaratterizzata minn attentati frekwenti, jirriżerva l-ħidmiet ġenerali tal-pulizija esklużivamet għall-irġiel armati b'armi tan-nar.
4) Id-differenzi fit-trattament bejn irġiel u nisa li l-artikolu 2(3) tad-direttiva 76/207 jippermetti għall-motiv ta' ħarsien tal-mara, ma jinkludux riskji u perikli bħal dawk li għalihom huma esposti l-pulizija armati fil-qadi ta' dmirijiethom f'sitwazzjoni partikolari, li ma jirrigwardawx lin-nisa b'mod partikolari in kwantu nisa.
5) L-individwi jistgħu jinvokaw, fil-konfront ta' awtorità ta' l-Istat responsabbli għaż-żamma ta' l-ordni u sigurtà pubblika, fil-vesti ta' persuna li tħaddem, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa previst mill-artikolu 2(1) tad-direttiva 76/207 u dan fis-setturi msemmija fl-artikoli 3(1) u (4), ta' kundizzjonijiet ta' l-aċċess għall-impjieg u ta' l-aċċess għat-taħriġ u t-tisħiħ professjonali bl-iskop li tiġi evitata deroga għal dan il-prinċipju, prevista mil-liġi nazzjonali in kwantu din teċċedi l-limiti ta' l-eċċezzjonijiet permessi mill-artikolu 2(2).
Machenzie Stuart | Koopmans | Everling |
Joliet | Due Galmot |
Kakouris | O’Higgins |
Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-15 ta’ Mejju 1986.
P. Heim | A. J. Mackenzie Stuart |
Reġistratur | President ta’ l-Awla |
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.