Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024XG03542

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-setturi kulturali u kreattivi permezz tal-iżvilupp tal-udjenza mmexxi mid-data

ST/9302/2024/INIT

ĠU C, C/2024/3542, 31.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3542/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3542/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/3542

31.5.2024

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-setturi kulturali u kreattivi permezz tal-iżvilupp tal-udjenza mmexxi mid-data

(C/2024/3542)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXI LI:

1.

It-trasformazzjoni diġitali saret suġġett dejjem aktar importanti fil-politika Ewropea, riflessa f’inizjattivi bħall-Programm Ewropa Kreattiva, il-Programm ta’ Politika dwar id-Deċennju Diġitali, l-Istrateġija Industrijali Ewropea, l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa, iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u l-Istrateġija Ewropea għad-Data, li wassal għall-ħolqien ta’ Spazji Komuni Ewropej tad-Data, inkluż Spazju Komuni Ewropew tad-Data għall-Wirt Kulturali (1) u l-Cloud Ewropew għall-Wirt Kulturali taħt il-Programm Orizzont Ewropa (2);

2.

Il-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Kultura 2023-2026 (3) jenfasizza l-valur intrinsiku tal-kultura, inkluż il-wirt kulturali. F’dan il-kuntest, il-Pjan ta’ Ħidma jenfasizza l-ħtieġa li tiġi stimulata t-trasformazzjoni diġitali tas-setturi kulturali u kreattivi (CCS), jisħaq fuq il-parteċipazzjoni kulturali bħala prijorità u jinkludi miżura speċifika biex il-kontenut kulturali Ewropew varjat ikun jista’ jiġi skopert fl-ambjent diġitali;

3.

L-iżvilupp tal-udjenza jipprovdi opportunità biex jinbnew relazzjonijiet sinifikattivi u interattivi ma’ udjenzi diversifikati, biex tittejjeb l-esperjenza tal-utenti u biex jitrawmu d-diversità u l-iżvilupp kulturali, il-koeżjoni soċjali u d-demokrazija (4). L-ilħuq ta’ udjenzi kbar u diversifikati huwa wieħed mill-objettivi maħsuba tal-Programm Ewropa Kreattiva 2021–2027 (5). Is-CCS qed jesploraw għodod u linji gwida innovattivi għall-ġbir u l-ġestjoni tad-data dwar l-udjenzi, sabiex jiġu żviluppati servizzi aħjar u aktar orjentati lejn l-utent. Dan jista’ jikkontribwixxi wkoll għal tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza (6). Madankollu, huma meħtieġa aktar sforzi kollettivi.

4.

It-teknoloġiji l-ġodda għandhom potenzjal kbir biex iżidu l-inklużjoni u jtejbu l-aċċess għall-udjenzi attwali u potenzjali, madankollu l-organizzazzjonijiet kulturali jinsabu fi stadji differenti ta’ żvilupp diġitali u l-użu tagħhom tas-servizzi offruti mill-fornituri tat-teknoloġija jvarja;

5.

Ir-rwol tad-data biex l-udjenzi jiġu mifhuma, involuti u jinbnew mill-ġdid wara l-pandemija tal-COVID-19, li aċċellerat it-trasformazzjoni diġitali fis-soċjetà, sar prijorità dejjem akbar għal ħafna atturi kulturali (7);

FILWAQT LI JQIS LI:

6.

Id-diġitalizzazzjoni fis-CCS qed tiġġenera ammont dejjem akbar ta’ data li tista’ tintuża għall-iżvilupp tal-udjenza. L-isfruttament tad-data dwar l-udjenza jipprovdi opportunità għas-CCS biex jifhmu aħjar il-ħtiġijiet u l-imġiba tal-udjenzi, jibnu relazzjonijiet sinifikattivi magħhom, ifasslu kontenut u servizzi kulturali innovattivi u joħolqu attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni mmirati biex jilħqu udjenzi usa’ u jimmassimizzaw il-parteċipazzjoni kulturali, b’mod partikolari l-parteċipazzjoni fiżika. Dan jippromwovi d-diversità kulturali fl-Ewropa u jista’ jsaħħaħ il-postijiet kulturali bħala spazji għal interazzjoni soċjali informali u ħielsa, essenzjali għad-demokrazija, magħrufa wkoll bħala “postijiet terzi”.

7.

L-iżvilupp tal-udjenza mmexxi mid-data jippreżenta opportunitajiet għas-CCS biex jesploraw mudelli ġodda ta’ negozju u jiġġeneraw dħul addizzjonali permezz tal-innovazzjoni u l-prattiki kollaborattivi.

8.

Is-CCS huma diversifikati ħafna, u jinkludu organizzazzjonijiet, setturi u industriji li joperaw f’livelli differenti ta’ politika u ta’ organizzazzjoni, kemm pubbliċi kif ukoll privati, li jinkludu diversi espressjonijiet kulturali, dixxiplini artistiċi, diversi stadji tal-innovazzjoni diġitali u differenzi fl-infrastruttura diġitali; għalhekk jenħtieġ li jintuża approċċ differenzjat meta tiġi ttrattata l-kwistjoni tal-iżvilupp tal-udjenza mmexxi mid-data.

9.

Biex isir progress fit-trasformazzjoni diġitali u fil-ħiliet tekniċi, diġitali u kreattivi, huma meħtieġa tmexxija u intraprenditorija biex jiġu sfruttati soluzzjonijiet immexxija mid-data u teknoloġiji avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali. Barra minn hekk, jenħtieġ li jitqiesu wkoll il-ħiliet diġitali tal-udjenzi. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat approċċ komprensiv u appoġġ xieraq għall-organizzazzjonijiet kulturali b’kapaċità, għarfien espert u mezzi ristretti biex jiġu indirizzati l-opportunitajiet u l-isfidi tat-trasformazzjoni diġitali (8);

10.

Xi organizzazzjonijiet fis-CCS jiddependu fuq kumpaniji tat-teknoloġija, il-media soċjali, pjattaformi jew intermedjarji biex jibnu l-udjenzi. Jista’ jkun li dawn l-atturi tas-suq tat-teknoloġija mhux dejjem jikkondividu data dwar l-udjenza relatata speċifikament mal-attivitajiet, il-kontenut jew ix-xogħlijiet ta’ dawk l-organizzazzjonijiet tas-CCS. Dan jista’ jaffettwa l-kapaċità tas-CCS li jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni, kif ukoll il-kompetittività tagħhom;

11.

Diversi Stati Membri inkludew finanzjament għall-iżvilupp ta’ programmi u strateġiji ta’ diġitalizzazzjoni għas-CCS fil-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza tal-COVID-19 (xi wħud b’enfasi fuq il-parteċipazzjoni). Madankollu, ambizzjoni kondiviża għat-tisħiħ tal-kollaborazzjoni fuq skala akbar għandha l-potenzjal li tixpruna l-progress;

12.

L-użu tad-data għall-iżvilupp u l-parteċipazzjoni tal-udjenza jipprovdi bosta opportunitajiet, iżda jirrikjedi wkoll li s-CCS jantiċipaw ir-riskji u l-impatti ta’ dan l-użu u jfasslu l-metodi ta’ ħidma tagħhom skont dan. Dan jinkludi li jitqies it-tħassib legali (inkluż id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, id-drittijiet tal-awtur, il-privatezza u d-drittijiet tal-protezzjoni tad-data personali), it-tħassib etiku, dak dwar is-sostenibbiltà u dak ekoloġiku, u li jiġi vvalutat bir-reqqa l-impatt tal-intelliġenza artifiċjali u ta’ teknoloġiji diġitali avvanzati oħra;

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

13.

Jikkunsidraw l-iżvilupp ta’ oqfsa ta’ politika u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet li jrawmu u jinkoraġġixxu approċċ immexxi mid-data fis-CCS, inkluż permezz ta’ appoġġ fil-livelli nazzjonali u reġjonali għall-ġbir, il-protezzjoni, il-ġestjoni u l-użu tad-data dwar l-udjenza;

14.

Jinkoraġġixxu u jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet fis-CCS biex jiżviluppaw strateġija dwar soluzzjonijiet immexxija mid-data bħala parti mill-politiki tagħhom għall-iżvilupp tal-udjenza. Jinkoraġġixxu u jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet fis-CCS fil-kondiviżjoni u l-użu aktar intelliġenti u etiku tad-data dwar l-udjenza. L-għan huwa li jiġi żgurat li s-setturi nfushom ikunu jistgħu jsiru aktar familjari ma’ udjenzi ġodda, jidentifikawhom u jattirawhom u jagħmluha aktar faċli li jiġi skopert il-kontenut Ewropew, u li l-udjenzi jkunu jistgħu jsibu servizzi kulturali u kreattivi xierqa u diversifikati.

15.

Jinkoraġġixxu u jassistu lill-organizzazzjonijiet fis-CCS biex jinvolvu ruħhom fi programmi rilevanti ffinanzjati mill-UE li għandhom l-għan li jappoġġaw il-kollaborazzjoni mmexxija mid-data u soluzzjonijiet innovattivi fis-CCS;

16.

Jippromwovu l-ħiliet diġitali tal-organizzazzjonijiet u l-professjonisti tas-CCS, u jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ għodod interoperabbli, attivitajiet għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u programmi ta’ appoġġ biex jissaħħu l-proċessi diġitali fl-organizzazzjonijiet, u b’hekk jingħataw is-setgħa li jinnavigaw b’mod effettiv ix-xenarju diġitali li qed jevolvi;

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI EWROPEA U LILL-ISTATI MEMBRI, FL-OQSMA TA’ KOMPETENZA RISPETTIVI TAGĦHOM U B’KONSIDERAZZJONI DOVUTA LEJN IL-PRINĊIPJU TAS- SUSSIDJARJETÀ, BIEX:

17.

Jinkoraġġixxu r-riċerka u jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni transsettorjali u transfruntiera (pereżempju ma’ livelli oħra ta’ gvern, id-dinja akkademika u atturi kummerċjali) dwar l-esplorazzjoni u l-użu ta’ standards għal infrastruttura diġitali aċċessibbli, bażika u sostenibbli li tippermetti data sigura, affidabbli u interoperabbli, l-aderenza mar-regoli tal-Unjoni dwar il-proprjetà intellettwali, id-drittijiet tal-awtur, id-data u l-protezzjoni tal-privatezza, u l-bini fuq l-infrastruttura eżistenti;

18.

Jippromwovu l-iżvilupp u l-użu ta’ standards u oqfsa biex jappoġġaw is-CCS fil-ġbir u l-ġestjoni tad-data dwar l-udjenza tagħhom, sabiex id-data ssir aċċessibbli, komparabbli, utilizzabbli u interoperabbli, u b’hekk tkun tista’ tintuża għal servizzi ġodda (u aktar iċċentrati fuq l-utent).

19.

Jinkoraġġixxu lis-CCS, kull meta jkun fattibbli, biex jużaw il-prinċipji tad-Data miftuħa (9) u tad-data FAIR (10) biex jirfdu l-kondiviżjoni u ċ-ċirkolazzjoni tad-data, kif stabbilit speċjalment fid-Direttiva dwar id-Data Miftuħa u l-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku, u l-prinċipji “Mydata” biex jiggarantixxu d-dritt tal-individwi li jaċċessaw id-data miġbura dwarhom (11), filwaqt li jipproteġu b’mod effettiv id-data tagħhom bħala l-assi tagħhom għall-kompetittività;

20.

Jistimulaw l-iżvilupp tal-litteriżmu fid-data u l-programmi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet fis-CCS għall-ġbir, l-analiżi, il-protezzjoni, il-ġestjoni u l-governanza tad-data; għall-iżvilupp ta’ strateġija għall-użu tad-data fl-iżvilupp tal-udjenza u fil-ġestjoni tal-udjenza; u biex jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u l-għarfien tad-Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali u kif din tista’ tiġi applikata fil-kuntest tal-iżvilupp tal-udjenza mmexxi mid-data, filwaqt li tiġi żgurata t-trasparenza lejn udjenzi li tiġi ttrattata d-data sensittiva tagħhom;

21.

Iħeġġu u jistimulaw ir-riċerka biex jaħsdu l-potenzjal tal-għodod diġitali għall-iżvilupp tal-udjenza, jidentifikaw ix-xejriet emerġenti u l-ħiliet li jibqgħu validi fil-futur li huma meħtieġa fis-CCS, kif ukoll kif dawn il-ħiliet jistgħu jiġu żviluppati fi programmi edukattivi u ta’ taħriġ professjonali li jwasslu għal impjiegi fis-CCS. Fil-livell Ewropew, iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa, il-Patt għall-Ħiliet (12), l-Alleanzi għall-Pjanijiet ta’ Azzjoni Ewropej u l-Pjattaforma għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali jistgħu jikkontribwixxu għal dan (13);

22.

Jinkoraġġixxu l-konsultazzjoni, l-għarfien u l-kondiviżjoni tal-prattika tajba u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u s-sħab rilevanti fil-livell Ewropew dwar l-iżvilupp u/jew l-implimentazzjoni tal-ekosistemi diġitali, l-istrateġiji u l-għodod diġitali kondiviżi għall-ġbir tad-data dwar il-parteċipazzjoni u l-iżvilupp tal-udjenza, filwaqt li jitqiesu organizzazzjonijiet kulturali iżgħar b’riżorsi limitati, u d-differenzi bejn l-Istati Membri fid-disponibbiltà tal-infrastruttura tat-teknoloġija;

23.

Jieħdu rendikont tal-prattika tajba tas-CCS fil-ġbir, il-protezzjoni, il-ġestjoni u l-analiżi tad-data dwar il-parteċipazzjoni u l-iżvilupp tal-udjenza.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI EWROPEA BIEX, FL-OQSMA TA’ KOMPETENZA TAGĦHA:

24.

Fejn applikabbli, tippromwovi l-aċċess tas-CCS għal programmi Ewropej għajr il-Programm Ewropa Kreattiva rilevanti għat-trasformazzjoni diġitali u l-innovazzjoni b’appoġġ finanzjarju disponibbli, bħall-Programm Ewropa Diġitali, Orizzont Ewropa u l-Programm tas-Suq Uniku, inkluż billi tipprovdi gwida u informazzjoni ċari;

25.

Tesplora modi biex tkompli tinkoraġġixxi inizjattivi ta’ trasparenza tad-data favur is-CCS biex ikunu jistgħu jifhmu aħjar l-impatt tal-ħidma u l-attivitajiet tagħhom u jibnu fuq għarfien rilevanti fil-proċessi kreattivi tagħhom.

26.

Tesplora modi biex tkompli tappoġġa l-ħtiġijiet tat-trasformazzjoni diġitali u r-rekwiżiti tas-CCS li qed jevolvu, permezz tal-użu ta’ soluzzjonijiet immexxija mid-data u l-promozzjoni ta’ proġetti diġitali innovattivi f’inizjattivi Ewropej;

(1)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar spazju komuni Ewropew tad-data għall-wirt kulturali (ĠU L 401, 12.11.2021, p. 5).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

(3)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar il-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Kultura 2023–2026 2022/C 466/01 (ĠU C 466, 7.12.2022, p. 1).

(4)  Ir-Rapport tal-Kummissjoni Ewropea “Culture and Democracy, the evidence. How citizens’ participation in cultural activities enhances civic engagement, democracy and social cohesion: lessons from international research” (2023) (Il-Kultura u d-Demokrazija – l-evidenza. Kif il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-attivitajiet kulturali ssaħħaħ l-involviment ċiviku, id-demokrazija u l-koeżjoni soċjali: tagħlimiet mir-riċerka internazzjonali) u l-Karta ta’ Porto Santo (2021).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2021/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2021-2027) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013 (ĠU L 189, 28.5.2021, p. 34).

(6)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-aċċess għall-kultura permezz ta’ mezzi diġitali b’enfasi fuq l-iżvilupp tal-udjenza (2017/C 425/03) (ĠU C 425, 12.12.2017, p. 4).

(7)  Ir-Rapport ta’ Voices of Culture “(Re)-Engaging digital audiences in the cultural sectors: improving audience data” (L-involviment (mill-ġdid) ta’ udjenzi diġitali fis-setturi kulturali: titjib tad-data dwar l-udjenza).

(8)  Ir-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni dwar “Promoting access to culture via digital means” (Il-promozzjoni tal-aċċess għall-kultura permezz ta’ mezzi diġitali).

(9)   “ Data miftuħa” tirreferi għal data li hija aċċessibbli, li tista’ tiġi sfruttata, li tista’ tiġi editjata u li tista’ tiġi kondiviża b’mod miftuħ. Id-data miftuħa hija liċenzjata taħt liċenzja miftuħa li tippermetti lil oħrajn jużaw mill-ġdid ix-xogħol ta’ kreatur ieħor kif jixtiequ. Mingħajr liċenzja speċjali, dawn l-użi huma normalment ipprojbiti bid-drittijiet tal-awtur, bi privattiva jew b’liċenzja kummerċjali.

(10)   “Il-prinċipji FAIR” jirreferu għal linji gwida internazzjonali għall-ġestjoni tad-data li għandhom l-għan li jottimizzaw l-użu mill-ġdid tad-data. Dan jinkiseb billi d-data tkun traċċabbli, aċċessibbli, interoperabbli u riutilizzabbli. L-elementi ewlenin għad-data FAIR huma metadata u dokumentazzjoni rikki, bl-użu ta’ formati ta’ fajls miftuħa jew standard u li l-liċenzji jintużaw għall-użu mill-ġdid.

(11)   “My data” tirreferi għal approċċ iċċentrat fuq il-bniedem għall-ġestjoni tad-data personali, li jgħaqqad flimkien il-ħtieġa tal-industrija għal data mad-drittijiet diġitali tal-bniedem. L-għan huwa li n-nies jingħataw kontroll aħjar tad-data personali tagħhom billi jiġu offruti l-opportunità li jiddeterminaw iċ-ċirkostanzi li fihom tintuża din id-data.

(12)  Sħubija dwar il-ħiliet fuq skala kbira (LSP) għall-ekosistema tal-Industriji Kulturali u Kreattivi (CCIs). Ara l-Manifest tal-Patt Kreattiv għall-Ħiliet fuq https://pact-for-skills.ec.europa.eu/about/industrial-ecosystems-and-partnerships/creative-and-cultural-industries_mt.

(13)  Ara, pereżempju, ir-rapport Voices of Culture tal-2022 dwar “re-engaging digital audiences in the culture sector” (l-involviment mill-ġdid tal-udjenzi diġitali fis-settur tal-kultura) u l-Patt Kreattiv għall-Ħiliet.


ANNESS

Referenzi

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar spazju komuni Ewropew tad-data għall-wirt kulturali (ĠU L 401, 12.11.2021, p. 5)

Il-Konklużjonijiet tal-Konferenza “European Audiences: 2020 and beyond” (2012) (L-udjenzi Ewropej: is-sena 2020 u lil hinn minnha)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-aċċess għall-kultura permezz ta’ mezzi diġitali b’enfasi fuq l-iżvilupp tal-udjenza (ĠU C 425, 12.12.2017, p. 4)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar il-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Kultura 2023–2026 (ĠU C 466, 7.12.2022, p. 1)

Id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (Direttiva dwar id-Data Miftuħa u l-PSI) (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 56)

Ir-Rapport tal-Kummissjoni Ewropea “Culture and Democracy, the evidence. How citizens” participation in cultural activities enhances civic engagement, democracy and social cohesion: lessons from international research”, 2023 (Il-Kultura u d-Demokrazija – l-evidenza. Kif il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-attivitajiet kulturali ssaħħaħ l-involviment ċiviku, id-demokrazija u l-koeżjoni soċjali: tagħlimiet mir-riċerka internazzjonali)

Strateġija industrijali Ewropea: https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/priorities-2019-2024/europe-fit-digital-age/european-industrial-strategy_mt

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Annual Single Market Report 2021” identifying the Cultural and Creative Industries CCIs ecosystem p. 98-104 (“Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku 2021” li jidentifika l-ekosistema tas-CCIs tal-Industriji Kulturali) (https://eur-lex.europa.eu/legal-content/en/TXT/?uri=CELEX%3A52021SC0351).

Patt Ewropew għall-Ħiliet: https://pact-for-skills.ec.europa.eu/index_mt

Pjattaforma għall-Politika dwar l-Innovazzjoni għall-Industriji Kulturali u Kreattivi: https://ekipengine.eu/policy-areas/

Ir-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni dwar “Promoting access to culture through digital means” (2017) (Il-promozzjoni tal-aċċess għall-kultura permezz ta’ mezzi diġitali)

Pakkett ta’ riżultati tal-CORDIS dwar il-wirt kulturali diġitali, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020, https://data.europa.eu/doi/10.2830/941375

Il-Karta ta’ Porto Santo (2021) https://portosantocharter.eu/the-charter

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1)

Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

The Cultural Heritage Cloud (Il-Cloud tal-Wirt Kulturali): https://research-and-innovation.ec.europa.eu/research-area/social-sciences-and-humanities/cultural-heritage-and-cultural-and-creative-industries-ccis/cultural-heritage-cloud_mt

Il-prijorità tal-Kummissjoni Ewropea “Ewropa lesta għall-era diġitali” https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/priorities-2019-2024/europe-fit-digital-age_mt

Ir-Rapport ta’ Voices of Culture “(Re)-Engaging digital audiences in the cultural sectors: improving audience data” (L-involviment (mill-ġdid) ta’ udjenzi diġitali fis-setturi kulturali: titjib tad-data dwar l-udjenza) (2022)

Vuylsteke, Devoldere, et al. (2023) Digital transformation of the cultural and creative sectors in preparation for the 2024 Belgian EU presidency (It-trasformazzjoni diġitali tas-setturi kulturali u kreattivi bi tħejjija għall-presidenza Belġjana tal-UE tal-2024)

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet tal-Kunsill, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

Data dwar l-udjenza” tirreferi għal informazzjoni miġbura u pproċessata minn organizzazzjonijiet kulturali dwar individwi jew grupp ta’ persuni li huma utenti (maħsuba) ta’ prodotti, attivitajiet, siti, servizzi jew kontenut kulturali. Id-data dwar l-udjenza tista’ tinkludi informazzjoni demografika, data dwar l-attendenza u l-imġiba tal-viżitaturi, l-interazzjonijiet u l-parteċipazzjoni tal-udjenza, id-data dwar is-sħubija, it-tweġibiet tal-istħarriġ u tal-feedback, jew informazzjoni dwar il-preferenzi kulturali.

“Żvilupp tal-udjenza” tirreferi għall-isforzi u l-attivitajiet imwettqa minn organizzazzjonijiet kulturali biex jikkultivaw, jiddiversifikaw u jespandu l-udjenzi tagħhom bl-għan li jsaħħu l-involviment, il-parteċipazzjoni u l-konnessjoni. L-iżvilupp tal-udjenza jista’ jinftiehem b’diversi modi, skont l-objettivi u l-gruppi fil-mira tiegħu: żieda fl-udjenzi (li jiġu attirati udjenzi bl-istess profil soċjodemografiku tal-udjenza attwali), l-approfondiment tar-relazzjoni mal-udjenzi (titjib fl-esperjenza tal-udjenzi attwali) u d-diversifikazzjoni tal-udjenzi (li jiġu attirati nies bi profil soċjodemografiku differenti mill-udjenza attwali). Dan il-proċess jinvolvi l-fehim tal-ħtiġijiet, il-preferenzi, u l-interessi tal-udjenza attwali u potenzjali, u l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni biex tintlaħaq udjenza usa’ u aktar diversa.

“Infrastruttura diġitali” tirreferi għal servizzi u pjattaformi ta’ komunikazzjoni, servizzi ta’ ħżin, u l-funzjonalità, il-protokolli u l-istandards tas-software sottostanti. L-infrastruttura diġitali mhux neċessarjament tirreferi għall-infrastruttura materjali u teknika (bħal kejbils, networks mingħajr fili, ċentri tad-data, skambji bl-internet) iżda pjuttost għal servizzi u pjattaformi li jippermettu l-konnessjoni u l-iskambju bejn l-organizzazzjonijiet kulturali.

“Interoperabbiltà” tirreferi għall-kapaċità tas-sistemi ta’ informazzjoni u tas-software li jiskambjaw id-data u jagħmlu użu minn informazzjoni kondiviża, li hija prekundizzjoni għall-organizzazzjonijiet kulturali biex jiskambjaw u jużaw id-data dwar l-udjenza mingħajr xkiel. Dan jinvolvi l-kapaċità ta’ diversi sistemi ta’ software li jaħdmu flimkien, filwaqt li tippermettilhom jifhmu, jinterpretaw u jużaw id-data kondiviża bejniethom. F’ambjent ta’ data interoperabbli, diversi sistemi jistgħu jinteraġixxu u jikkomunikaw b’mod effettiv, filwaqt li jiżguraw li d-data tkun tista’ tiġi ttrasferita, aċċessata u użata fi pjattaformi u teknoloġiji differenti mingħajr ma jiltaqgħu ma’ kwistjonijiet sinifikanti ta’ kompatibbiltà.

“Postijiet terzi” huma spazji għal interazzjoni soċjali informali u ħielsa, essenzjali għad-demokrazija. Fejn huwa kkonċernat is-settur kulturali u kreattiv, postijiet terzi jistgħu jinkludu mużewijiet, ċentri komunitarji, libreriji pubbliċi, ħwienet tal-kotba, teatri u teatri tal-opra.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3542/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top