EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024XC04995

Notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping dwar importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, mhux illigat jew liga oħra tal-azzar, li joriġinaw mill-Eġittu, mill-Indja, mill-Ġappun u mill-Vjetnam

C/2024/5633

ĠU C, C/2024/4995, 8.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4995/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4995/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/4995

8.8.2024

Notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping dwar importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, mhux illigat jew liga oħra tal-azzar, li joriġinaw mill-Eġittu, mill-Indja, mill-Ġappun u mill-Vjetnam

(C/2024/4995)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet ilment skont l- Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mill-Eġittu, mill-Indja, mill-Ġappun, u mill-Vjetnam, huma l-oġġett ta’ dumping u b’hekk qed ikunu ta’ dannu (2) għall-industrija tal-Unjoni.

1.   L-ilment

L-ilment sar fl-24 ta’ Ġunju 2024 mill- Assoċjazzjoni Ewropea tal-Azzar (“EUROFER” jew “l-ilmentatur”). L-ilment sar f’isem l-industrija tal-Unjonita’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew azzar illigat ieħor skont it-tifsira tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.

Verżjoni pubblika tal-ilment u analiżi ta’ kemm l-ilment ġie appoġġat mill-produtturi tal-Unjoni huma disponibbli fil-fajl li jista’ jiġi kkonsultat mill-partijiet interessati. It-Taqsima 5.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl mill-partijiet interessati.

2.   Prodott taħt investigazzjoni

Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni jikkonsisti f’ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar, f’koljaturi jew le (inklużi prodotti “maqtugħa skont id-daqs” u “li jkunu strixxi dojoq”), mhux maħdumin aktar ħlief b’laminazzjoni termali, mhux miksijin, indurati jew mgħottijin (“il-prodott taħt investigazzjoni”).

Il-prodotti li ġejjin huma esklużi:

(i)

prodotti tal-azzar inossidabbli u azzar elettriku tas-siliċju bil-granijiet orjentati,

(ii)

prodotti tal-azzar tal-għodda u tal-azzar ta’ veloċità għolja,

(iii)

prodotti, mhux f’koljaturi, mingħajr disinji f’riljiev, ta’ ħxuna li taqbeż l-10 mm u ta’ wisa’ ta’ 600 mm jew aktar,

kif ukoll

(iv)

prodotti, mhux f’koljaturi, mingħajr diżinji f’riljev, ta’ ħxuna ta’ 4,75 mm jew aktar iżda li ma taqbiżx l-10 mm u ta’ wisa’ ta’ 2 050 mm jew aktar.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw informazzjoni dwar l-ambitu tal-prodott iridu jagħmlu dan fi żmien 10 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika (3).

3.   L-allegazzjoni ta’ dumping

Il-prodott li allegatament qed ikun oġġett ta’ dumping huwa l-prodott taħt investigazzjoni, li joriġina mill-Eġittu, mill-Indja, mill-Ġappun u mill-Vjetnam (“il-pajjiżi kkonċernati”), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi(jiet) NM 7208 10 00 , 7208 25 00 , 7208 26 00 , 7208 27 00 , 7208 36 00 , 7208 37 00 , 7208 38 00 , 7208 39 00 , 7208 40 00 , 7208 52 10 , 7208 52 99 , 7208 53 10 , 7208 53 90 , 7208 54 00 , 7211 13 00 , 7211 14 00 , 7211 19 00 , ex 7225 19 10 (Kodiċi TARIC 7225 19 10 90), 7225 30 90 , ex 7225 40 60 (Kodiċi TARIC 7225 40 60 90), 7225 40 90 , ex 7226 19 10 (Kodiċi TARIC 7226 19 10 91, 7226 19 10 95), 7226 91 91 u 7226 91 99 . Il-kodiċijiet NM u TARIC huma mogħtija għall-informazzjoni biss u mingħajr preġudizzju għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja. L-ambitu ta’ din l-investigazzjoni huwa soġġett għad-definizzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni kif tinsab fit-Taqsima 2.

3.1.    Allegazzjoni ta’ dumping fl-Eġittu, l-Indja u l-Ġappun

L-allegazzjoni ta’ dumping mill-Eġittu, mill-Indja u mill-Ġappun hija bbażata fuq tqabbil tal-prezz domestiku mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott taħt investigazzjoni meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

Il-marġnijiet tad-dumping ikkalkulati fuq il-bażi ta’ dan it-tqabbil huma sinifikanti għall-pajjiżi ikkonċernati.

3.2.    Allegazzjoni ta’ dumping fil-każ speċifiku tal-Vjetnam

L-ilmentatur iddikjara li mhuwiex xieraq li jintużaw il-prezzijiet domestiċi fil-Vjetnam għax-xhur kollha tal-perjodu ta’ investigazzjoni, peress li t-tranżazzjonijiet tal-bejgħ saru taħt il-kost f’xi xhur u għalhekk ma twettqux fl-andament normali tal-kummerċ. Għalhekk, l-allegazzjoni ta’ dumping hija bbażata fuq kombinazzjoni ta’ dawn li ġejjin:

F’dawk ix-xhur fejn il-prezzijiet tal-bejgħ ta’ kull xahar instabu li kienu taħt il-kost tal-produzzjoni, sar tqabbil bejn valur normali maħdum (kostijiet tal-manifattura, kostijiet tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (“SG&A”) u profitt) mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott taħt investigazzjoni meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

F’dawk ix-xhur fejn il-prezzijiet tal-bejgħ ta’ kull xahar instabu li kienu ogħla mill-kost tal-produzzjoni, sar tqabbil tal-prezz domestiku mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott taħt investigazzjoni meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

Ir-riżultat tat-tqabbil ta’ kull xahar imbagħad ġie aggregat fuq bażi annwali.

Il-marġini tad-dumping ikkalkulati fuq il-bażi ta’ dan it-tqabbil huma sinifikanti għall-pajjiż ikkonċernat.

4.   Allegazzjoni ta’ dannu u kawżalità

4.1.    Dannu

L-ilmentatur ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni li ġej mill-pajjiżi kkonċernati żdiedu b’mod ġenerali f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem mis-suq.

L-evidenza pprovduta mill-ilmentatur turi li l-volum u/jew il-prezzijiet tal-prodott importat taħt investigazzjoni kellhom, fost konsegwenzi oħra, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa, il-livell tal-prezzijiet mitluba u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni, li rriżultaw f’effetti negattivi sostanzjali fuqil-prestazzjoni ġenerali, is-sitwazzjoni finanzjarja u s-sitwazzjoni tal-impjiegi fl-industrija tal-Unjoni.

4.2.    Allegazzjoni ta’ distorsjonijiet tal-materja prima

L-ilmentatur ipprovda evidenza suffiċjenti li jista’ jkun hemm distorsjonijiet fil-materja prima fl-Indja u l-Vjetnam rigward il-prodott taħt investigazzjoni.

Għall-Indja, skont l-evidenza fl-ilment, il-mineral tal-ħadid, li jammonta għal 27 % tal-kost tal-produzzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni, huwa soġġett għal distorsjonijiet fil-materja prima fl-Indja fil-forma ta’ taxxa fuq l-esportazzjoni. Abbażi ta’ tqabbil tal-prezzijiet domestiċi Indjani mal-prezzijiet referenzjarji internazzjonali, l-ilment jistabbilixxi li d-distorsjonijiet tal-materja prima jidhru li jirriżultaw fi prezzijiet ferm taħt dawk tas-swieq internazzjonali rappreżentattivi skont l-Artikolu 7(2a), it-tieni subparagrafu tar-Regolament Bażiku.

Għall-Vjetnam, skont l-evidenza fl-ilment, il-mineral tal-ħadid u l-faħam tal-kokk, li jammontaw rispettivament għal [30-40 %] u [26-39 %] tal-kost tal-produzzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni, huma soġġetti għal distorsjonijiet fil-materja prima fil-Vjetnam fil-forma ta’ taxxa fuq l-esportazzjoni. Peress li ma hemm l-ebda data disponibbli faċilment dwar il-prezzijiet domestiċi tal-mineral tal-ħadid, il-prezzijiet tal-importazzjoni fil-Vjetnam mill-bażi tad-data tal-Monitoraġġ tad-Data tal-Kummerċ intużaw bħala indikatur għall-prezzijiet domestiċi Vjetnamiżi biex isir tqabbil mal-prezzijiet referenzjarji internazzjonali. Abbażi ta’ dan it-tqabbil, l-ilment jistabbilixxi li d-distorsjonijiet tal-materja prima jidhru li jirriżultaw fi prezzijiet ferm taħt dawk tas-swieq internazzjonali rappreżentattivi skont l-Artikolu 7(2a), it-tieni subparagrafu tar-Regolament Bażiku.

Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni se teżamina d-distorsjonijiet allegati biex tivvaluta, jekk rilevanti, jekk dazju inferjuri għall-marġni tad-dumping ikunx biżżejjed biex jelimina d-dannu. Meta distorsjonijiet oħra koperti mill-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku jiġu identifikati matul l-investigazzjoni, l-investigazzjoni tista’ tkopri wkoll dawn id-distorsjonijiet.

5.   Proċedura

Ladarba ddeterminat, wara li infurmat lill-Istati Membri, li tressaq l-ilment mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ proċediment, il-Kummissjoni b’dan qed tibda investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott taħt investigazzjoni, li joriġina mill-pajjiżi kkonċernati huwiex l-oġġett ta’ dumping, u jekk l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping ikkawżawx dannu lill-industrija tal-Unjoni.

Jekk il-konklużjonijiet ikunu fl-affermattiv, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku. Sabiex jiġi ddeterminat jekk japplikax l-Artikolu 7(2a), l-investigazzjoni se teżamina wkoll l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku għall-Indja u l-Vjetnam.

5.1.    Il-perjodu tal-investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat

L-investigazzjoni tad-dumping u tad-dannu se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ April 2023 sal-31 ta’ Marzu 2024 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

5.2.    Kummenti dwar l-ilment u l-bidu tal-investigazzjoni

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar l-ilment (inklużi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dannu u ma’ kawżalità) jew dwar kwalunkwe aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għall-ilment) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

5.3.    Proċedura ta’ kif jiġi stabbilit id-dumping

Il-produtturi esportaturi (4) tal-prodott taħt investigazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.3.1.   Investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

5.3.1.1.   Proċedura għall-għażla tal-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati fil-pajjiżi kkonċernati

(a)   Kampjunar

Minħabba l-għadd kbir potenzjali ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiżi kkonċernati li huma involuti f’dan il-proċediment u sabiex l-investigazzjoni titlesta sal-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi (“TRON”) fl-indirizz li ġej: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/AD715_SAMPLING_FORM_FOR_EXPORTING_PRODUCER. L-informazzjoni dwar l-aċċess għal TRON tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.8 ta’ hawn taħt.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni kkuntattjat ukoll lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati u tista’ tikkuntattja kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi magħrufa kollha, l-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi esportaturi se jiġu notifikati mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati jekk xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi esportaturi, se tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk humiex inklużi fil-kampjun. Il-produtturi esportaturi fil-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni żżid nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tliet (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi tinsab fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2743).

Il-kwestjonarju se jkun disponibbli wkoll għal kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi, u għall-awtoritajiet ta’ dawk il-pajjiżi.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi li jkunu qablu li jiġu inklużi fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu parti mill-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw (“produtturi esportaturi li kkooperaw mhux fil-kampjun”). Mingħajr preġudizzju għat-Taqsima 5.3.1.1(b) hawn taħt, id-dazju anti-dumping li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex inklużi fil-kampjun mhuwiex se jaqbeż il-marġni tal-medja ponderata ta’ dumping stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (5).

(b)   Marġni ta’ dumping individwali għall-produtturi esportaturi li mhumiex parti mill-kampjun

Skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex inklużi fil-kampjun jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-marġnijiet ta’ dumping individwali tagħhom. Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jagħmlu talba għal marġni ta’ dumping individwali jridu jimlew il-kwestjonarju u jirritornawh mimli kif xieraq fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi tinsab fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2743). Il-Kummissjoni se teżamina jekk il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun jistgħux jingħataw dazju individwali f’konformità mal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

Madankollu, il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun li jitolbu marġni ta’ dumping individwali jeħtieġ li jkunu konxji li l-Kummissjoni xorta waħda tista’ tiddeċiedi li ma tiddeterminax il-marġni ta’ dumping individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta’ produtturi esportaturi li kkooperaw, inkluż dawk li huma parti mill-kampjun, li għandhom jiġu investigati, ikun tant kbir li tali determinazzjoni tkun ta’ piż bla bżonn u tipprevjeni t-tlestija fil-ħin tal-investigazzjoni.

5.3.2.   Investigazzjoni tal-importaturi mhux relatati (6) (7)

L-importaturi mhux relatati tal-prodott taħt investigazzjoni mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni huma mistiedna jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.

Minħabba l-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan il-proċediment, u sabiex il-Kummissjoni tlesti l-investigazzjoni sal-iskadenzi statutorji, hija tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi mhux relatati li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija(i) tagħhom mitluba fl-Anness ta’ din in-Notifika fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Sabiex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-ikbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott investigat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli.

Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar il-kampjun tal-importaturi. Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem min-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati li jkunu parti mill-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jippreżentaw il-kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-importaturi tinsab fil-file li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2743).

5.4.    Proċedura biex jiġi stabbilit id-dannu u biex jiġu investigati l-produtturi tal-Unjoni

Kalkolu tad-dannu huwa bbażat fuq evidenza pożittiva u jinvolvi l-eżami oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, tal-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u tal-impatt konsegwenti ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx xi dannu, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott taħt investigazzjoni huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Fil-dawl tal-għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni kkonċernati, u sabiex tlesti l-investigazzjoni sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet b’mod proviżorju kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jistgħu jinstabu fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma mistiedna jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, li jqisu li hemm raġunijiet għaliex għandhom jiġu inklużi fil-kampjun, iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-kummenti kollha dwar il-kampjun proviżorju jridu jaslu fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni se tinnotifika lill-produtturi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha dwar il-kumpaniji li finalment ikunu ntgħażlu biex ikunu parti mill-kampjun.

Il-produtturi tal-Unjoni li jkunu parti mill-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni tinsab fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2743).

5.5.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Kif innotat fit-taqsima 4.2, l-ilmentatur ipprovda evidenza suffiċjenti li jista’ jkun hemm distorsjonijiet fil-materja prima fl-Indja u fil-Vjetnam rigward il-prodott taħt investigazzjoni.

F’każijiet ta’ distorsjonijiet fuq il-materja prima kif definit fl-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni se twettaq test dwar l-interess tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 7(2b) ta’ dan ir-Regolament.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jipprovdu l-informazzjoni kollha pertinenti li tippermetti lill-Kummissjoni tiddetermina jekk huwiex fl-interess tal-Unjoni li jiġi stabbilit il-livell tal-miżuri f’konformità mal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku. B’mod partikolari, il-partijiet interessati huma mistiedna jipprovdu kull informazzjoni dwar il-kapaċitajiet ta’ riżerva fl-Indja u l-Vjetnam, il-kompetizzjoni għall-materja prima u l-effett fuq il-ktajjen ta’ provvista għall-kumpaniji fl-Unjoni. Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li huwa f’konformità mal-interess tal-Unjoni li tapplika l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku.

Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri anti-dumping tkunx fl-interess tal-Unjoni.

Għall-Ġappun u l-Eġittu, jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping u ta’ dannu kkawżat, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri anti-dumping tkunx fl-interess tal-Unjoni.

Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar jekk l-impożizzjoni tal-miżuri tkunx fl-interess tal-Unjoni. Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi jridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt investigazzjoni.

L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta jew f’format ħieles jew inkella billi jiġi komplut kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott taħt investigazzjoni, hija disponibbli fil-fajl li jista’ jiġi kkonsultat mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2743). L-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku se titqies biss jekk tkun sostnuta minn evidenza fattwali meta tiġi ppreżentata.

5.6.    Partijiet interessati

Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati, bħall-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur, iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt investigazzjoni.

Il-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li ppreżentaw informazzjoni disponibbli f’konformità mal-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.3.1, 5.3.3 u 5.4 hawn fuq jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt investigazzjoni.

Partijiet oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument meta jippreżentaw lilhom infushom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami. Li parti titqies bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

L-aċċess għall-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati jsir permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet fuq dik il-paġna biex ikollok aċċess (8).

5.7.    Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Kull talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti waqt is-seduta ta’ smigħ. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.

L-iskeda ta’ żmien għas-seduti ta’ smigħ hija kif ġejja:

Għal seduti ta’ smigħ li jsiru qabel ma tiskadi l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, jenħtieġ li t-talba ssir fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Is-smigħ normalment isir fi żmien 60 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Wara l-istadju tas-sejbiet proviżorji, jenħtieġ li ssir talba fi żmien ħamest (5) ijiem mid-data tad-divulgazzjoni tas-sejbiet proviżorji jew tad-dokument ta’ informazzjoni. Is-smigħ normalment isir fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tad-divulgazzjoni jew mid-data tad-dokument ta’ informazzjoni.

Fl-istadju tas-sejbiet definittivi, jenħtieġ li ssir talba fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tad-divulgazzjoni finali. Is-smigħ normalment isir fil-perjodu mogħti għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali. Meta jkun hemm divulgazzjoni finali addizzjonali, jenħtieġ li ssir talba minnufih malli tasal din id-divulgazzjoni finali addizzjonali. Is-seduta ta’ smigħ normalment issir fi żmien l-iskadenza biex isiru l-kummenti dwar din id-divulgazzjoni.

L-iskeda ta’ żmien deskritta hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tas-servizzi tal-Kummissjoni li jaċċettaw seduti ta’ smigħ lil hinn mill-iskeda ta’ żmien f’każijiet debitament ġustifikati u għad-dritt tal-Kummissjoni li tiċħad seduti ta’ smigħ f’każijiet debitament ġustifikati. Meta s-servizzi tal-Kummissjoni jirrifjutaw talba għal seduta ta’ smigħ, il-parti kkonċernata tiġi infurmata bir-raġunijiet għal tali rifjut.

Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara seduta ta’ smigħ.

5.8.    Struzzjonijiet għal sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew data li jkunu soġġetti għad-dritt tal-awtur ta’ parti terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-finijiet ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “ Sensitive ”  (9). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni waqt din l-investigazzjoni huma mistednin jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni mmarkata “ Sensitive ” huma mitlubin jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, filwaqt li jimmarkawha “ For inspection by interested parties ”. Jenħtieġ li dawn is-sommarji jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tkun tinftiehem b’mod raġonevoli.

Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġuni ġusta għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inkluż it-talbiet biex il-partijiet interessati jiġu rreġistrati bħala tali kif ukoll il-prokuri u d-dokumenti ta’ ċertifikazzjoni skennjati. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” ippubblikat fis-sit web tad-DG Kummerċ: https://europa.eu/!7tHpY3. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika li jagħtu jkun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux espliċitament li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx tirrikjedi l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni oħra dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inkluż il-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet bi TRON.tdi u bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

Il-Kummissjoni Ewropea

Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ

Id-Direttorat G

Uffiċċju: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

TRON.tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi

Email:

Dumping tal-Eġittu: TRADE-AD715-HRFS-DUMPING-EG@ec.europa.eu

Dumping tal-Indja: TRADE-AD715-HRFS-DUMPING-IN@ec.europa.eu

Dumping tal-Ġappun: TRADE-AD715-HRFS-DUMPING-JP@ec.europa.eu

Dumping tal-Vjetnam: TRADE-AD715-HRFS-DUMPING-VN@ec.europa.eu

Dannu: TRADE-AD715-HRFS-INJURY@ec.europa.eu

6.   L-iskeda tal-investigazzjoni

Skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni tiġi konkluża fi żmien sena, iżda mhux aktar minn 14-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. F’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri proviżorji jistgħu jiġu imposti sa mhux aktar tard minn seba’ xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, iżda fi kwalunkwe każ sa mhux iktar tard minn tmien xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar l-impożizzjoni ppjanata ta’ dazji proviżorji erba’ ġimgħat qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji. Il-partijiet interessati se jingħataw tlett ijiem ta’ xogħol biex jikkummentaw bil-miktub dwar kemm il-kalkoli huma preċiżi.

F’każijiet fejn il-Kummissjoni beħsiebha ma timponix dazji proviżorji iżda li tkompli l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jiġu infurmati, permezz ta’ dokument ta’ informazzjoni, bin-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ dazji, erba’ ġimgħat qabel ma tiskorri l-iskadenza skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku.

Il-partijiet interessati jingħataw 15-il jum biex jikkummentaw bil-miktub dwar is-sejbiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, u 10 ijiem biex jikkummentaw bil-miktub dwar is-sejbiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Meta jkun applikabbli, id-divulgazzjoni finali addizzjonali tispeċifika l-iskadenza għall-partijiet interessati biex jagħtu l-kummenti tagħhom bil-miktub.

7.   Sottomissjoni tal-informazzjoni

Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw l-informazzjoni fl-iskedi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsimiet 5 u 6 ta’ din in-Notifika biss. Il-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra mhux koperta minn dawn it-taqsimiet jenħtieġ li tirrispetta l-iskeda li ġejja:

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, jenħtieġ li kull informazzjoni għall-istadju tas-sejbiet proviżorji tiġi ppreżentata fi żmien 70 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, jenħtieġ li l-partijiet interessati ma jippreżentawx informazzjoni fattwali ġdida wara l-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni tas-sejbiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni fl-istadju tas-sejbiet proviżorji. Wara din l-iskadenza, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss informazzjoni fattwali ġdida jekk ikunu jistgħu juru li tali informazzjoni fattwali ġdida hija meħtieġa biex tirribatti l-allegazzjonijiet fattwali magħmula minn partijiet interessati oħra u dment li tali informazzjoni fattwali ġdida tista’ tiġi vverifikata fiż-żmien disponibbli biex l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi mandatorji, il-Kummissjoni ma taċċettax preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għal kummenti dwar id-divulgazzjoni finali jew, jekk applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali.

8.   Possibbiltà għal kummenti dwar is-sottomissjonijiet ta’ partijiet oħra

Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu jindirizzaw biss kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet ta’ partijiet interessati oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.

Tali kummenti jenħtieġ li jsiru skont l-iskeda ta’ żmien li ġejja:

Jenħtieġ li kwalunkwe kumment dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra qabel l-iskadenza tal-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, isir fi żmien 75 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għall-iżvelar tas-sejbiet proviżorji jew tad-dokument ta’ informazzjoni, jiġu ppreżentati fi żmien sebat (7) ijiem mill-iskadenza għall-kummenti dwar is-sejbiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għall-iżvelar finali jiġu ppreżentati fi żmien tlett (3) ijiem mill-iskadenza għall-kummenti dwar l-iżvelar finali, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal dan l-iżvelar isiru fi żmien jum (1) mill-iskadenza għal kummenti marbutin ma’ din id-divulgazzjoni, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

L-iskeda ta’ żmien indikata hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob għal informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.

9.   Estensjoni tal-iskadenzi speċifikati f’din in-Notifika

Jenħtieġ li kull estensjoni tal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika tiġi rikjesta biss f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni, u tingħata biss jekk tkun debitament ġustifikata meta tingħata raġuni tajba.

Fi kwalunkwe każ, kull estensjoni fl-iskadenza tar-risposta għall-kwestjonarji se tkun limitata għal 3 ijiem, u bħala regola ma taqbiżx is-sebat (7) ijiem.

Rigward l-iskadenzi għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu, l-estensjonijiet se jkunu limitati għal tlett (3) ijiem dment li ma jintweriex li hemm ċirkostanzi eċċezzjonali.

10.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa sal-limitu tal-iskadenzi, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet proviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Meta jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata, u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss, u għalhekk is-sejbiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandux jiġi kkunsidrat bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dment li l-parti interessata kkonċernata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost addizzjonali mhux raġonevoli. F’dan il-każ, jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja minnufih lill-Kummissjoni.

11.   Uffiċjal tas-Smigħ

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għall-proċedimenti tal-kummerċ. L-Uffiċjal tas-Smigħ jeżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jaf tfeġġ matul il-proċediment.

L-Uffiċjal tas-Smigħ jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti/jiet interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Talba għal smigħ mal-Uffiċjal tas-Smigħ jenħtieġ li ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Dawn is-seduti ta’ smigħ jenħtieġ li jsiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Smigħ malajr kemm jista’ jkun wara li jseħħ l-avveniment li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati lil hinn mill-oqfsa ta’ żmien rilevanti previsti fit-Taqsima 5.7 ta’ dan l-Avviż, l-Uffiċjal tas-Smigħ jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawk il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.

Għal iktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Smigħ fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_en.

12.   Ipproċessar ta’ data personali

Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

Notifika dwar il-protezzjoni tad-data li tinforma lill-individwi kollha dwar il-proċessar ta’ data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni hija disponibbli fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://europa.eu/!vr4g9W.


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  It-terminu ġenerali “dannu” jirreferi għal dannu materjali kif ukoll għat-theddida ta’ dannu materjali jew għad-dewmien materjali biex tiġi stabbilita industrija, kif stipulat fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku.

(3)  Ir-referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika jimplikaw il-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(4)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott taħt investigazzjoni lejn is-suq tal-Unjoni, jew direttament inkella permezz ta’ parti terza, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni.

(5)  Skont l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku, kull marġni żero u de minimis, u l-marġnijiet stabbiliti f’konformità maċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku mhumiex se jitqiesu.

(6)  Din it-Taqsima tkopri biss l-importaturi mhux relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu sħab rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika, u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta skont id-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(7)  Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni apparti minn biex jiġi stabbilit id-dumping.

(8)  F’każ ta’ problemi tekniċi kkuntattja lit-Trade Service Desk permezz tal-posta elettronika lil trade-service-desk@ec.europa.eu jew ċempel +32 22979797.

(9)  Dokument “ Sensitive ” huwa dokument li jitqies kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

Verżjoni sensittiva

Verżjoni għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati

(immarka l-kaxxa xierqa)

PROĊEDIMENT ANTI-DUMPING DWAR IMPORTAZZJONIJIET TA’ ĊERTI PRODOTTI ĊATTI B’LAMINAZZJONI TERMALI TAL-ĦADID, MHUX ILLIGAT JEW LIGA OĦRA TAL-AZZAR, LI JORIĠINAW MILL-EĠITTU, MILL-INDJA, MILL-ĠAPPUN U MILL-VJETNAM

INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI

Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-talba għall-informazzjoni rigward il-kampjunar li saret fil-punt 5.3.3 tan-notifika tal-bidu.

Jenħtieġ li kemm il-verżjoni Sensitive kif ukoll il-verżjoni For inspection by interested parties jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stipulat fin-notifika tal-bidu.

1.   IDENTITÀ U DETTALJI TA’ KUNTATT

Agħti d-dettalji segwenti dwar il-kumpanija tiegħek:

Isem tal-kumpanija

 

Indirizz

 

Persuna ta’ kuntatt

 

Indirizz tal-Email:

 

Telefown

 

2.   IL-FATTURAT U L-VOLUM TAL-BEJGĦ

Indika l-fatturat totali f’euro (EUR) tal-kumpanija, il-valur f’euro (EUR) u l-volum f’tunnellati tal-importazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mill-Eġittu, mill-Indja, mill-Ġappun u mill-Vjetnam, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni, kif definit fin-notifika tal-bidu.

 

Tunnellati

Valur f’euro (EUR)

Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR)

 

 

Importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni li joriġina mill-Eġittu

 

 

Importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni li joriġina mill-Indja

 

 

Importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni li joriġina mill-Ġappun

 

 

Importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni li joriġina mill-Vjetnam

 

 

Importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni (joriġina minn fejn joriġina)

 

 

Bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mill-Eġittu tal-prodott taħt investigazzjoni

 

 

Bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mill-Indja tal-prodott taħt investigazzjoni

 

 

Bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mill-Ġappun tal-prodott taħt investigazzjoni

 

 

Bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mill-Vjetnam tal-prodott taħt investigazzjoni

 

 

3.   ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)

Agħti d-dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija u tal-kumpaniji kollha relatati (jekk jogħġbok elenkahom u niżżel ir-relazzjoni li għandhom mal-kumpanija tiegħek) li huma involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (b’esportazzjoni u/jew fis-suq domestiku) tal-prodott taħt investigazzjoni. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott taħt investigazzjoni, il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew in-negozjar tal-prodott taħt investigazzjoni, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.

Isem u lokalità tal-kumpanija

Attivitajiet

Tip ta’ relazzjoni

 

 

 

 

 

 

 

 

 

4.   INFORMAZZJONI OĦRA

 

Agħti kull informazzjoni rilevanti oħra li l-kumpanija tqis utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

5.   ĊERTIFIKAZZJONI

Billi tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Meta l-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u taċċetta li ssirilha żjara fil-post sabiex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-possibbiltà li tiġi inkluża fil-kampjun, din titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx huma bbażati fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.

Firma tal-uffiċjal awtorizzat:

Isem u kariga tal-uffiċjal awtorizzat:

Data:


(1)  F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu sħab rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika, u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta skont id-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4995/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top