Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024XC03977

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    C/2024/4327

    ĠU C, C/2024/3977, 25.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3977/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3977/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje C


    C/2024/3977

    25.6.2024

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    (C/2024/3977)

    B’segwitu għal din il-pubblikazzjoni, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li għandha interess leġittimu u li hija stabbilita jew residenti f’pajjiż terz, tista’, f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), tippreżenta oġġezzjoni mal-Kummissjoni fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

    SPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ SPEĊJALITÀ TRADIZZJONALI GARANTITA

    SENENO MESO

    Nru tal-UE: TSG-SI-02988 – 23.8.2023

    Stat Membru jew pajjiż terz: Is-Slovenja

    1.   Isem li għandu jiġi rreġistrat/ismijiet li għandhom jiġu rreġistrati

    “Seneno meso”

    2.   Tip ta’ prodott

    Klassi 1.1 Laħam frisk (u l-ġewwieni)

    3.   Raġunijiet għar-reġistrazzjoni

    3.1.   Dan huwa prodott li

    jirriżulta minn metodu ta’ produzzjoni, ipproċessar jew kompożizzjoni li jikkorrispondi għal prattika tradizzjonali għal dak il-prodott jew oġġett tal-ikel;

    huwa manifatturat minn materja prima jew minn ingredjenti li kienu jintużaw tradizzjonalment.

    Il-laħam minn erbivori magħruf bħala “seneno meso” (laħam minn annimali mitmugħa l-ħuxlief) jiġi prodott bl-iktar metodu antik tal-produzzjoni tal-laħam, ibbażat fuq prattiki ta’ trobbija primittivi, jiġifieri fuq ir-ritorn għat-tagħlif tradizzjonali. Fil-passat, l-annimali kienu jitħallew jirgħu matul il-perjodu tal-veġetazzjoni u fix-xitwa jintemgħu l-ħuxlief ippreparat fl-art bil-ħaxix matul is-sajf. L-uniku mod kif jinħażen l-għalf għall-annimali kien fi stat niexef u mhux iffermentat, kif inhu l-każ f’ċerti proċessi ta’ konservazzjoni tal-lum. L-għalf u l-annimali ġenetikament modifikati ma jagħmlux parti mill-produzzjoni tal-laħam.

    3.2.   Dan huwa isem

    li jintuża tradizzjonalment biex jirreferi għall-prodott speċifiku;

    li jidentifika l-karattru tradizzjonali jew il-karattru speċifiku tal-prodott.

    Foraġġ tajjeb, jiġifieri l-ħuxlief (“seno”), kien u għadu essenzjali għall-produzzjoni tas-“seneno meso”. Dan jitnixxef fuq art bil-ħaxix permanenti u fuq art bil-ħaxix ikkultivati iżda, biex tinkiseb kwalità aħjar jew biex jiġu mmitigati riskji meteoroloġiċi, jista’ jitnixxef ukoll f’nixxiefa. L-eqdem tagħmir tat-tnixxif probabbilment huwa l-“kozolec”, li ilu jissemma sa mill-1558. Waħda mir-referenzi importanti għall-“kozolec”, li tmur lura għall-1822, tagħmel enfasi fuq il-funzjoni tiegħu ta’ tnixxif tal-ħuxlief għat-tagħlif tal-annimali domestiċi. Dawn l-indikazzjonijiet jikkonfermaw l-użu tal-ħuxlief bħala foraġġ tradizzjonali u l-preżenza abbundanti ta’ dan it-tip ta’ teknoloġija f’parti kbira tal-Ewropa.

    4.   Deskrizzjoni

    4.1.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem imsemmi fil-punt 1, inklużi l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi, mikrobijoloġiċi jew organolettiċi tiegħu li juru l-karattru speċifiku tal-prodott

    Laħam ta’ annimali bovini, ta’ ruminanti żgħar u ta’ ekwini skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

    4.2.   Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem imsemmi fil-punt 1 li jridu jsegwu l-produtturi, inklużi, meta xieraq, in-natura u l-karatteristiċi tal-materja prima jew tal-ingredjenti li jintużaw, kif ukoll il-metodu li permezz tiegħu jitħejja l-prodott

    Il-laħam tal-bovini, tar-ruminanti żgħar u tal-ekwini magħruf bħala “seneno meso” jintgħaraf mil-laħam tradizzjonali ta’ dawn l-ispeċijiet minħabba l-proċess tal-produzzjoni tiegħu, li huwa deskritt f’dan il-punt.

    Is-“seneno meso” tal-bovini, tar-ruminanti żgħar u tal-ekwini jiġi prodott skont il-proċessi tal-produzzjoni tradizzjonali. Dawn tal-aħħar huma karatterizzati mill-projbizzjoni tal-użu ta’ foraġġ iffermentat (bħall-insilaġġ tal-pjanti tal-għalf, il-ħbub taċ-ċereali insilati, il-balal tondi marbutin, eċċ.) u l-projbizzjoni tal-użu tal-annimali u tal-għalf għall-annimali kklassifikati bħala “ġenetikament modifikati”, f’konformità mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

    Il-produzzjoni tas-“seneno meso” teżiġi li l-annimali kollha tal-popolazzjoni tal-bhejjem jitħallew jirgħu kull meta l-kundizzjonijiet jippermettu. Ir-ragħa għandha ddum mill-inqas 120 jum fis-sena matul il-perjodu tal-veġetazzjoni.

    Jekk il-kundizzjonijiet tar-ragħa ma jkunux jippermettu, l-obbligu tar-ragħa jista’ ma jiġix osservat. L-eżenzjoni mill-obbligu tar-ragħa trid tkun iġġustifikata. Tista’ tkun iġġustifikata minn frammentazzjoni eċċessiva tal-irqajja’, mid-daqs, mill-inklinazzjoni, mill-pożizzjoni remota tagħhom, mill-projbizzjoni tar-ragħa minħabba ż-żona tal-azjenda fejn ir-ragħa ma jkunx permess, kif ukoll minn taħlita ta’ dawn il-fatturi. F’każ li r-ragħa ma jkunx possibbli, l-annimali jridu jitrabbew mingħajr ma jkunu marbuta u f’kundizzjonijiet li jippermettulhom jiċċaqalqu b’mod liberu. Il-kunċett ta’ moviment liberu jiġi vvalutat skont l-ispazju interjuri indikat fit-Tabella 1.

    Tabella 1

     

    Spazju interjuri

    (erja netta disponibbli għall-annimali)

    Bovini

    Piż ħaj minimu (kg)

    m2/ras

     

    sa 100

    1,5

     

    sa 200

    2,5

     

    sa 350

    4,0

     

    iktar minn 350

    5

    Baqar tal-ħalib

     

    6

    Barrin għat-tnissil

     

    10

    Nagħaġ

     

    1,5

    Ħrief

     

    0,35

    Mogħoż

     

    1,5

    Gidien

     

    0,35

    Ekwini għat-tnissil u għat-tismin

    sa 100

    1,5

     

    sa 200

    2,5

     

    sa 350

    4,0

     

    iktar minn 350

    5

    Qabel l-iskarnar, iż-żamma tal-annimali f’post ta’ kenn hija awtorizzata matul il-perjodu tar-ragħa għal mhux iktar minn 30 jum.

    Il-kontenut ta’ materja niexfa tal-foraġġ oħxon għandu jkun iktar minn 70 % fuq bażi annwali. Il-perċentwal ta’ materja niexfa tal-foraġġ oħxon huwa kkalkulat fuq bażi annwali għall-azjenda agrikola.

    Fl-azjenda, l-annimali kollha tal-istess kategorija (bovini, ruminanti żgħar, ekwini) iridu jitrabbew f’konformità mar-rekwiżiti ta’ din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

    a)

    F’każ li ma jitrabbewx, jew ma jistgħux jitrabbew, speċijiet oħra ta’ annimali skont ir-regoli relatati mal-produzzjoni tas-“seneno meso” minħabba li ma jaqgħux taħt l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, l-annimali u l-għalf għall-annimali preżenti fl-azjenda jridu jkunu separati u rreġistrati b’mod xieraq. Il-projbizzjoni tal-ħżin u tal-produzzjoni tal-balal marbutin, tas-silaġġi u tal-foraġġ iffermentat tapplika għall-azjenda kollha, anki f’każ li l-ispeċijiet tal-annimali ma jkunux imrobbija skont ir-regoli applikabbli għal-laħam magħruf bħala “seneno meso”.

    b)

    Jekk il-faċilità tal-ipproċessar tas-“seneno meso”, li hija inkluża fil-proċess taċ-ċertifikazzjoni, tipproduċi wkoll prodotti oħra, hija trid tiżgura l-wasla u l-ħżin separati tal-materja prima ċċertifikata minn ma’ materja prima oħra. F’każijiet bħal dawn, il-produzzjoni tal-oġġetti tal-ikel mis-“seneno meso” għandha tkun separata f’termini ta’ spazju u ta’ ħin, filwaqt li jittieħdu l-miżuri kollha biex jiġu evitati t-taħlit jew is-sostituzzjoni tal-materja prima.

    c)

    Jekk l-attività tal-ipproċessar, kollha jew parti minnha, titwettaq minn sottokuntrattur li ma jkunx iċċertifikat, huwa meħtieġ ftehim bil-miktub. Huwa meħtieġ li tiġi ggarantita t-traċċabbiltà tal-annimali jew tal-materja prima ċċertifikata, u li jiġi permess il-kontroll tat-twettiq tal-attività. Il-firxa tal-kontroll hija ddeterminata mill-korp taċ-ċertifikazzjoni fil-funzjoni tal-ambitu tal-attivitajiet delegati. Jekk is-sottokuntrattur ikun iċċertifikat f’konformità ma’ din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, ma jkun meħtieġ l-ebda kontroll tal-attivitajiet tiegħu.

    Foraġġ awtorizzat

    Foraġġ oħxon niexef: ħuxlief, nifel imnixxef, xnien imnixxef ...

    Foraġġ oħxon aħdar: mergħa, art bil-ħaxix, nifel, xnien, lift, ċereali, qamħirrum, weraq tal-pitravi taz-zokkor ...

    Pjanti tat-tuberu: pitravi tal-għalf, nevew, lift tal-Iżvezja, karrotti tal-għalf ...

    Tiben ta’ diversi pjanti agrikoli (mhux trattat jew imqatta’).

    Foraġġ minn ħaxix frisk.

    Ċereali imnixxfa (qamħirrum, xgħir, ħafur, tritikal, qamħ, segala, eċċ.), polpa tal-pitravi mnixxfa, residwi tal-ħbub tal-birrerija mnixxfa, prodotti sekondarji mnixxfa tal-industrija taz-zokkor u tal-ipproċessar taċ-ċereali, u foraġġ imnixxef kummerċjalment disponibbli ieħor (bħal nuħħala, ħbub tan-nifel, eċċ.).

    L-annimali jitħallew jirgħu matul il-perjodu tal-veġetazzjoni u jiġu mitmugħa prinċipalment foraġġ oħxon niexef matul ix-xitwa.

    L-għalf komplementari awtorizzat huma pjanti kruċiferi ħodor, il-qamħirrum, iċ-ċereali u l-ħxejjex tal-għeruq bħal-lift, il-ħafur u l-qamħirrum aħdar, il-pitravi tal-għalf.

    Il-legumi tal-għalf, (ful, piżelli, lupini ...), żrieragħ żejtnin (lift, sojja, ġirasol, eċċ.) u l-konċentrati tal-proteini (karfa u pasta taż-żrieragħ żejtnin, bħas-sojja, il-lift, il-ġirasol, Cucurbitaceae, eċċ.) jistgħu jkunu parti mill-porzjon alimentari.

    L-annimali jistgħu jirċievu għalf komplementari fuq is-siti tar-ragħa. Il-kwantità tal-għalf miżjud hija kkunsidrata fil-kalkolu tal-porzjon annwali.

    Foraġġ ipprojbit

    Insilaġġ ta’ għelejjel għall-għalf u insilaġġ ta’ ċereali u għalf ieħor għall-annimali.

    Kull tip ta’ għalf iffermentat.

    Prodotti sekondarji ta’ birreriji, distilleriji, residwi tat-tagħsir ta’ meraq jew ta’ nbid (karfa) u residwi oħra tal-industrija tal-ikel, bħall-polpa tal-pitravi friski jew insilati, residwi friski jew insilati tal-birreriji, karfa tal-frott friska jew insilata ...

    Foraġġ u għalf, u inkluż il-prodotti sekondarji fi stat umdu (umidifikazzjoni).

    Għalf ta’ oriġini mill-annimali (ħalib, xorrox, laħam jew għadam mitħun, eċċ.), bl-eċċezzjoni tal-ħalib tal-omm sal-ftim. L-ikkomplementar tat-treddigħ huwa awtorizzat għall-annimali żgħar sal-ftim jew sal-età massima ta’ 90 jum għall-bovini, 45 jum għar-ruminanti żgħar u 150 jum għall-ekwidi.

    Urea.

    L-għalf għall-annimali mhux definit f’din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott huwa soġġett għar-regoli tal-Unjoni li jirregolaw il-katalgu tal-materja prima għall-għalf tal-annimali.

    Jekk il-perċentwal reali mkejjel ta’ materja prima ma jkunx disponibbli għal għalf partikolari, jitqiesu l-valuri li jidhru fit-Tabella 2 għall-kalkolu tal-kontenut ta’ materja niexfa ta’ dak l-għalf. Għall-għalf awtorizzat li ma jidhirx fit-Tabella, il-valuri applikabbli huma meħuda mil-letteratura xjentifika disponibbli.

    Tabella 2

    Proporzjon ta’ materja niexfa tal-għalf għall-annimali meta ma jkunx stabbilit b’analiżi

    Għalf

    % ta’ materja niexfa

    ħuxlief, tiben, nifel

    86

    melassa niexfa

    77

    xnien differenti mnixxef

    89

    foraġġ aħdar frisk (ħaxix, nifel)

    20

    foraġġ kompost (medju)

    88

    ful, piżelli (imnixxfin)

    87

    ċereali (ħbub)

    88

    pasta differenti

    88

    ħmira tal-birra (niexfa)

    90

    polpa tal-pitravi (niexfa)

    88

    pitravi tal-foraġġ (friski)

    15

    Għall-għan li jiġi kkalkolat il-bżonn ta’ konsum minimu ta’ kuljum, sabiex jiġi ddeterminat il-perċentwal ta’ materja niexfa li tiġi minn foraġġ oħxon għal kull azjenda, il-valuri indikati fit-Tabella 3 huma kkunsidrati bħala l-ammont ta’ materja niexfa ta’ kuljum għal kull speċi u kategorija ta’ annimali.

    Tabella 3

    Konsum minimu ta’ kuljum (kg materja niexfa/jum)

    Speċi, età tal-annimal jew produzzjoni ta’ ħalib

    Piż tal-ġisem (kg)

    Konsum ta’ kuljum (kg materja niexfa/jum)

    BOVINI

     

     

    għoġġiela tal-età ta’ bejn 5 u 6 xhur

    150

    3 -4

    bovini żgħar għat-trobbija

    200 -300

    4

     

    300 -400

    6

     

    400 -500

    8

     

    500 -650

    9

    bovini żgħar għas-simna

    200 -300

    7

     

    300 -400

    8,5

     

    400 -500

    10

     

    500 -650

    10,5

    BAQAR (produzzjoni ta’ ħalib)

     

     

    sa 2 000  kg/sena

    650

    11,4

    sa 4 000  kg/sena

    ekwivalenti għal baqar li jreddgħu

    650

    14,9

    sa 6 000  kg/sena

    650

    17,6

    sa 8 000  kg/sena

    650

    19,7

    iktar minn 8 000  kg/sena

    650

    >20,6

    ŻWIEMEL

     

     

    xogħol ħafif

    500

    7 -9

    xogħol ta’ diffikultà medja

    500

    8 -9

    xogħol tqil

    500

    10

    OVINI

     

     

    nagħaġ tal-ħalib

    70

    3

    nagħaġ li jreddgħu (1-2 ħrief)

    70

    1,8

    ovini żgħar

    40 -70

    1,2

    ħrief għas-simna

    20 -45

    0,8 -1,6

    KAPRINI

     

     

    mogħoż tal-ħalib

    70

    massimu 3,5

    mogħoż li jreddgħu li għandhom gidien

    70

    1,8

    Il-produtturi tas-“seneno meso” għandhom iżommu r-reġistri u d-dokumenti kollha mitluba f’għamla li tippermetti lill-korp ta’ spezzjoni li jivverifika, fi kwalunkwe waqt meta tkun qed issir spezzjoni, li r-rekwiżiti kollha li din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ikunu rrispettati.

    Fertilizzanti

    Huwa pprojbit li jintuża diġestat li jkun ġej mill-impjanti ta’ trattament tal-ilma urban mormi ta’ kapaċità akbar minn 50 EA (ekwivalenti għall-abitant, unità ta’ kejl tal-ilma li tikkorrispondi għat-tniġġis ikkawżat minn adult għal kull jum).

    Is-superfiċi fertilizzati b’diġestat li jkun ġej minn impjanti ta’ trattament tal-ilma urban mormi ta’ kapaċità inferjuri għal 50 EA jkunu adatti għar-ragħa 3 ġimgħat wara l-aħħar tifrix.

    Sustanzi kimiċi awżiljarji

    L-isprejjar kontra l-insetti li jtiru fl-istabbilimenti tat-trobbija ma jistax isir fil-preżenza tal-annimali.

    Projbizzjonijiet marbuta mal-bejgħ tal-annimali

    Sabiex jinkiseb ċertifikat li jagħti l-istatus ta’ “seneno meso”, fejn għandhom x’jaqsmu annimali li ma trabbewx skont din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott mit-twelid tagħhom, jeħtieġ li jiġi rrispettat perjodu ta’ konverżjoni, jiġifieri perjodu ta’ konverżjoni tal-azjenda jew tal-annimali, għal trobbija bbażata fuq il-ħuxlief. Il-perjodu ta’ konverżjoni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ annimali ħajjin jew tal-laħam jikkorrispondi għal żewġ terzi tal-ħajja għall-annimali sal-età ta’ 9 xhur u ta’ 6 xhur għall-annimali ikbar fl-età. Il-bejgħ ta’ annimali ħajjin u t-tikkettar tal-laħam bl-isem ta’ “seneno meso” huma pprojbiti qabel tmiem il-perjodu ta’ konverżjoni.

    Jekk il-kontroll jiżvela nuqqas ta’ konformità li jaffettwa l-istatus tas-“seneno meso” (tagħlif b’għalf iffermentat, eċċ.), irid jiġi osservat perjodu ta’ konverżjoni ġdid għall-annimali.

    Ipproċessar

    Il-laħam frisk, imkessaħ, iffriżat u pproċessat jista’ jirċievi d-denominazzjoni “seneno meso”. L-addittivi li ma humiex ikklassifikati bħala “ġenetikament modifikati” skont il-leġiżlazzjoni applikabbli biss jistgħu jintużaw fl-ipproċessar tal-laħam.

    Fil-prodotti u fil-preparati abbażi tal-laħam, il-parti tas-“seneno meso” trid tirrappreżenta mill-inqas 60 % tal-ingredjenti li jinsabu fil-prodott finali.

    Il-laħam tal-kaċċa selvaġġa jista’ jiżdied mal-prodotti abbażi tal-laħam u għall-preparati abbażi tal-laħam, bil-kundizzjoni li l-kaċċa maqtula tkun ġejja miż-żoni fejn ma jkunx awtorizzat it-tiżrigħ ta’ pjanti “ġenetikament modifikati”.

    Id-denominazzjoni “seneno meso” jew “abbażi tas-‘seneno meso’ ” ma tistax tintuża ħlief jekk il-kompożizzjoni tal-prodott tkun konformi mar-rekwiżiti tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tas-“seneno meso”.

    Meta prodott ikun magħmul minn tipi differenti ta’ laħam, la mhux kollha jkunu tat-tip “seneno meso”, id-dikjarazzjoni tal-prodott għandha tindika b’mod ċar li l-laħam ikun rilevanti għad-denominazzjoni “seneno meso”, u jiġi speċifikat is-sehem ta’ kull laħam fil-prodott.

    4.3.   Deskrizzjoni tal-elementi essenzjali li jistabbilixxu l-karattru tradizzjonali tal-prodott

    Sal-1827, il-muntanji Sloveni kienu ddominati mill-foresta. Imbagħad ġew il-mergħat (27,5 %), li jixhdu l-importanza tal-agrikoltura jew tal-mergħa f’dak iż-żmien. L-art bil-ħaxix kienet tirrappreżenta 12,6 %, ir-raba’ li jinħadem 4,8 % u l-kategoriji l-oħra 9 % (Petek, 2005). Fl-1929, l-agrikoltura għall-foraġġ kienet tiddomina fin-naħa tal-Punent tal-muntanji Sloveni filwaqt li, fil-parti tal-Lvant, diġà kienet qiegħda tonqos (sehem ogħla ta’ ċereali u ta’ pjanti tat-tuberu u sehem ftit inqas ta’ għelejjel għall-għalf). Dan kien għadu l-każ fl-1960 (Petek, 2005).

    Mill-madwar 4 440 azjenda tal-muntanji Sloveni elenkati fiċ-ċensiment tal-azjendi li sar fl-2000, 88 % kienu ddedikati għall-produzzjoni tal-annimali, li minnhom għat-trobbija għall-mergħa (59 %) jew għall-politrobbija (29 %) (Petek, 2005).

    Il-produzzjoni tas-“seneno meso” hija l-forma l-iktar antika ta’ produzzjoni tal-laħam, billi l-ewwel metodu ta’ trobbija tal-erbivori (bovini, ovini, kaprini u ekwini) kien jibbaża fuq ir-ragħa u t-tagħlif abbażi tal-ħuxlief fix-xitwa. Foraġġ ta’ kwalità tajba kien u għadu essenzjali għall-produzzjoni tas-“seneno meso”. Fl-azjendi, il-bovini, l-ovini, il-kaprini u l-ekwini spiss kienu jitħallew jirgħu fil-mergħat tal-muntanji li jinsabu fuq art imħarbta u fuq il-muntanji ’l bogħod mill-azjendi. Fix-xitwa, dawn jiġu mitmugħa ħuxlief li jkun tnixxef fuq art bil-ħaxix permanenti u kkultivata, iżda dan seta’ wkoll jitnixxef f’nixxiefa sabiex ikun ta’ kwalità aħjar jew jitnaqqas l-esponiment għall-perikli meteoroloġiċi. Il-“kozolec” jista’ jitqies bħala l-eqdem tagħmir tat-tnixxif. Dan jissemma sa mill-1558 mill-Professur Oskar Moser (Juvanec, 2007, Kozolec, p. 24). Waħda mir-referenzi l-iktar importanti għall-“kozolec”, dovuta għal Joseph Pseiner fl-1822, tagħmel enfasi fuq il-funzjoni tiegħu ta’ tnixxif tal-ħuxlief għat-tagħlif tal-annimali domestiċi (Juvanec, 2007, Kozolec, p. 26). Dawn l-indikazzjonijiet jikkonfermaw l-użu tal-ħuxlief bħala foraġġ tradizzjonali u l-preżenza abbundanti ta’ dan it-tip ta’ teknoloġija f’parti kbira tal-Ewropa.

    Il-laħam tal-annimali tar-ragħa jippreżenta kontenut ta’ xaħam ta’ inqas minn nofs u fih inqas kaloriji minn dak ta’ annimali mitmugħin insilaġġ ta’ qamħirrum u sehem ogħla ta’ għalf ikkonċentrat. Skont ir-riċerka xjentifika, il-laħam tal-bovini tar-ragħa fih 10 darbiet iktar betakaroten u jista’ jkun fih kontenut ta’ vitamina C ogħla minn 30 % u alfatokoferol (vitamina E) ta’ 54 % (Kmečki glas, 20.5.2021). Il-laħam tal-ovini li jkun ġej minn ovini tar-ragħa fih darbtejn iktar luteina minn dak tal-ovini mrobbija bil-foraġġ. Il-laħam tal-annimali tar-ragħa huwa ta’ kwalità simili għal-laħam tal-kaċċa u bejn wieħed u ieħor fih l-istess kontenut ta’ xaħam. Il-proporzjon bejn l-aċidi xaħmin omega-6 u omega-3 huwa ħafna iktar ibbilanċjat minn dak tal-laħam tal-annimali mitmugħa l-qamħirrum (Robinson, 2000).

    It-tagħlif tal-annimali abbażi tar-ragħa u tal-foraġġ tal-ħaxix huwa ta’ benefiċċju għat-tnaqqis tax-xaħam totali, iżid il-kontenut ta’ betakaroten, ta’ vitamina E (alfatokoferol), ta’ vitamina B, tat-tijamina u tar-riboflavina, tal-minerali tal-kalċju, tal-manjeżju u tal-potassju u tal-aċidi xaħmin omega-3 totali, u jiffavorixxi proprozjon iktar san bejn l-aċidi xaħmin omega-6 u omega-3 kif ukoll kontenut ogħla ta’ ALC (cis-9 trans-11), kontenut ogħla ta’ aċidu vaċċeniku (li jista’ jiġi konvertit f’ALC) u kontenut aktar baxx ta’ xaħam saturat (S.K. Duckett et al., 2009).

    Il-baqar tar-ragħa huma iktar reżistenti għall-mard u għall-istress. L-effetti benefiċi ta’ din ir-reżistenza jistgħu wkoll ikollhom effett fuq il-persuni li jikkunsmaw il-ħalib u l-laħam ta’ dawn l-annimali (Robinson, 2000). Il-preżenza tal-qamħirrum u ta’ għalf ikkonċentrat ieħor fl-għalf tal-annimali destinati għall-produzzjoni tas-“seneno meso” hija kwantitattivament limitata minħabba li l-eċċess ta’ qamħirrum fl-għalf tar-ruminanti jiffavorixxi r-reżistenza tal-Escherichia coli għar-reazzjoni tal-aċidu, li jimplika riskju akbar tat-tixrid ta’ dan il-batterju.

    Il-produzzjoni tas-“seneno meso” hija fokus lokali u tikkostitwixxi forma sostenibbli ta’ trobbija, b’perċentwal għoli ta’ foraġġ tal-ħaxix (mergħat u ħuxlief). Il-mergħa hija l-aqwa metodu ta’ trobbija tal-annimali b’mod sostenibbli u tikkostitwixxi wkoll, flimkien mal-għalf abbażi tal-ħuxlief, metodu tradizzjonali ta’ trobbija. It-taħlit ta’ użi estensivi u tradizzjonali jikkontribwixxi għall-preżervazzjoni tal-bijodivesità (Večer, 2021). Apparti dan, sabiex tiġi ppreżervata l-bijodiversità fin-natura, is-sistema ta’ ragħa tal-ħuxlief huwa l-aktar mod effikaċi tal-użu tal-art bil-ħaxix.

    Il-produzzjoni tas-“seneno meso” hija partikolarment sostenibbli, peress li tipproteġi l-klima u l-ħamrija u tiffavorixxi l-bijodiversità. Il-manutenzjoni tal-art bil-ħaxix hija ferm importanti biex tkun possibbli l-produzzjoni tas-“seneno meso”, billi l-art bil-ħaxix u l-art tal-mergħa jaħżnu madwar terz iktar ta’ karbonju għal kull ettaru mir-raba’ li jinħadem (149 t C/ha), minħabba l-kontenut għoli ta’ humus tas-saffi superjuri tal-ħamrija. Fis-saffi l-iktar fondi tal-ħamrija, l-art bil-ħaxix (196 t C/ha) taħżen kwantità ta’ karbonju simili għall-ħamrija tal-foresta medja (191 t C/ha) (ARGE Heumilch, 2021). Il-ħżin tal-karbonju fil-ħamrija jtejjeb l-istruttura u l-kwantità tagħha, filwaqt li jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tal-agrikoltura u għall-ġestjoni tar-riżorsi naturali.


    (1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3977/oj

    ISSN 1977-0987 (electronic edition)


    Top