Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024XC02214

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskemi ta’ kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

C/2024/1704

ĠU C, C/2024/2214, 19.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2214/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2214/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/2214

19.3.2024

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskemi ta’ kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(C/2024/2214)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

“Ροδόσταγμα Αγρού/Rodostagma Agrou/Agros Rosewater”

Nru tal-UE: PGI-CY-02862 – 26.8.2022

1.   Isem/Ismijiet [tal-IĠP]

“Ροδόσταγμα Αγρού/Rodostagma Agrou/Agros Rosewater”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Ċipru

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 2.10. Żjut essenzjali

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-prodott “Ροδόσταγμα Αγρού/Rodostagma Agrou/Agros Rosewater” huwa ilma aromatiku (idrolat). Dan jinkiseb permezz tad-distillazzjoni ta’ fjuri sħaħ tal-ward aromatiku tal-varjetà Rosa damascena fl-ilma tax-xorb. Jiġi prodott esklussivament mill-ewwel distillazzjoni, mingħajr dilwizzjoni bl-ilma jew żieda ta’ aromatizzanti jew preservattivi. Il-prodott huwa kkaratterizzat minn aroma partikolarment intensa u friska, simili ħafna għall-aroma tal-ward frisk.

Karatteristiċi fiżiċi u organolettiċi

Kulur: mingħajr kulur, trasparenti

Konsistenza: likwidu

Aroma: ward frisk

Togħma: ward frisk

Karatteristiċi kimiċi:

kontenut ta’ żejt essenzjali ta’ mill-inqas 150 mg/litru (0,015 %)

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-prodott “Ροδόσταγμα Αγρού/Rodostagma Agrou/Agros Rosewater” jinkiseb mill-fjuri tar-Rosa damascena, f’azjendi agrikoli li jinsabu fiż-żona ġeografika ddefinita. Iż-żona ġeografika hija mdawra bil-muntanji u għaldaqstant għandha profil klimatiku speċifiku, ikkaratterizzat minn xtiewi moderati, sjuf friski, irjieħ dgħajfa u umdità relattiva għolja. Dawn il-kundizzjonijiet huma partikolarment favorevoli għall-kultivazzjoni tar-Rosa damascena u għall-iżvilupp tal-aromi intensi meħtieġa għall-produzzjoni tal-prodott “Ροδόσταγμα Αγρού/Rodostagma Agrou/Agros Rosewater” bl-aroma mixtieqa. Barra minn hekk, l-użu ta’ materja prima minn azjendi agrikoli fiż-żona ġeografika ddefinita jippermetti t-trasport fuq distanzi qosra, li jgħin biex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt fuq dan il-ward delikat, u b’hekk jiġu ppreservati l-aromi intensi tal-materja prima biex jiġu ttrasferiti għall-prodott finali “Ροδόσταγμα Αγρού/Rodostagma Agrou/Agros Rosewater”.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-istadji fil-produzzjoni tar-“Ροδόσταγμα Αγρού/Rodostagma Agrou/Agros Rosewater” li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita huma dawn:

il-ħsad tal-ward fl-azjendi agrikoli u t-trasport tagħhom lejn il-post tad-distillazzjoni;

l-aċċettazzjoni tal-ward għal distillazzjoni immedjata jew għall-ħażna temporanja sad-distillazzjoni;

il-ħżin tal-idrolat fit-tankijiet sal-ibbottiljar;

il-proċeduri tal-iġjene tal-prodott (filtrazzjoni u/jew ġestjoni antimikrobika oħra).

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-imballaġġ, eċċ.

L-ibbottiljar irid isir fiż-żona ġeografika ddefinita minħabba li kwalunkwe varjazzjoni fit-temperatura u/jew fl-esponiment għad-dawl tista’ tbiddel il-karatteristiċi kimiċi tal-prodott u l-aroma. Fl-istess ħin, l-ibbottiljar fiż-żona ġeografika ddefinita jiżgura t-traċċabbiltà tal-prodott. Il-prodott għandu jiġi ttikkettat ukoll fiż-żona ddefinita għal skopijiet ta’ traċċabbiltà.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Il-kliem “προϊόν παραγόμενο από την Τριανταφυλλιά ‘ Rosa damascena ’ η οποία καλλιεργείται στην κοινότητα Αγρού” (prodott miksub mill-ward tat-tip Rosa damascena mkabbar fil-muniċipalità ta’ Agros) irid ikun jidher b’mod ċar fuq it-tikketta.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika fejn jiġi prodott ir-“Ροδόσταγμα Αγρού/Rodostagma Agrou/Agros Rosewater” tinsab fil-limiti amministrattivi tal-muniċipalità ta’ Agros fid-distrett ta’ Limassol.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Il-prodott “Ροδόσταγμα Αγρού/Rodostagma Agrou/Agros Rosewater” huwa magħruf għall-aroma friska ħafna tiegħu, li tixbah l-aroma tal-ward frisk. Il-karatteristiċi partikolari tal-prodott huma parzjalment dovuti għall-użu tal-varjetà ta’ ward ifuħ ħafna Rosa damascena mkabbra fiż-żona ġeografika ddefinita. Fattur ieħor huwa l-għarfien prattiku tal-produtturi, mill-ħsad u tul il-proċess kollu tad-distillazzjoni. Dan l-għarfien prattiku żviluppa matul iż-żmien speċifikament biex l-aroma tal-ward tiġi ppreservata u mbagħad ittrasferita għall-prodott. Dawn il-karatteristiċi tal-prodott ikkontribwew għar-reputazzjoni tiegħu billi għamluh partikolarment popolari mal-konsumaturi.

L-aroma intensa tal-materja prima, ir-Rosa damascena, hija dovuta għall-kundizzjonijiet ġeofiżiċi taż-żona ġeografika ddefinita. Iż-żona, li tinsab f’altitudni ta’ 1 000 m, tikkonsisti prinċipalment f’ċirku naturali protett mill-irjieħ tat-Tramuntana mill-muntanji tal-madwar taż-żona ta’ Troodos. Dawn il-kundizzjonijiet joħolqu mikroklima favorevoli għall-kultivazzjoni tal-ward Rosa damascena, għall-konċentrazzjoni taż-żjut essenzjali u għall-iżvilupp tal-aroma intensa tal-ward. Ir-referenzi storiċi għall-aroma tar-Rosa damascena ta’ Agros jinkludu deskrizzjonijiet bħal “il-ward ifuħ iqanqal l-imnifsejn” u “il-warda tfuħ li titkabbar f’Agros”.

Sabiex jiġu ppreservati l-aromi intensi fil-prodott “Ροδόσταγμα Αγρού/Rodostagma Agrou/Agros Rosewater”, il-produtturi japplikaw metodi li jimmassimizzaw l-aromi tal-ward mill-ħsad sakemm jaslu fis-sit tal-ipproċessar, kif ukoll matul u wara d-distillazzjoni.

Sabiex tinkiseb l-ogħla konċentrazzjoni ta’ aromi possibbli, il-produtturi jaħsdu l-fjuri biss fl-ewwel sigħat tal-ġurnata, meta l-aromi jkunu ppreservati fl-indewwa tal-warda. Imbagħad jiżguraw li l-ward jiġi ttrasportat direttament lejn is-siti tal-ipproċessar qabel l-10 ta’ filgħodu. Il-ħin bejn il-ħsad u d-distillazzjoni jinżamm qasir kemm jista’ jkun sabiex jiġi evitat li l-aromi jintilfu minħabba l-istress jew it-telf tal-indewwa. Peress li ż-żona ġeografika ddefinita tkopri biss 10 km2, il-ħin tat-trasport huwa l-iqsar possibbli minħabba d-distanzi qosra ħafna bejn l-azjendi agrikoli u s-siti tal-ipproċessar (distillazzjoni). Barra minn hekk, id-distillazzjoni, stadju importanti fil-proċess tal-produzzjoni, issir minnufih jew fi żmien 24 siegħa mill-ħsad. Dan jgħin biex jiġu ppreservati l-karatteristiċi aromatiċi mixtieqa tal-ward.

L-għarfien prattiku żviluppat mill-produtturi mbagħad jintuża biex jiġu ppreservati l-aromi matul il-fażi tal-ipproċessar. L-għan tiegħu huwa li ż-żejt essenzjali ma jiġix isseparat matul il-proċess tad-distillazzjoni, u b’hekk jiġu ppreservati l-aromi intensi preżenti fil-prodott. Maż-żmien, sabiex jiġu ppreservati l-aromi, il-produtturi għażlu li jipproċessaw u jikkummerċjalizzaw ir-“Ροδόσταγμα Αγρού/Rodostagma Agrou/Agros Rosewater” bħala prodott tal-ewwel distillazzjoni. Qabel l-ibbottiljar, jinħażen f’ambjent frisk, mingħajr varjazzjonijiet kbar fit-temperatura, taħt saff ta’ żejt tal-ward distillat u mingħajr aktar dilwizzjoni bl-ilma.

Fil-komunità ta’ Agros, il-produzzjoni tar-“Ροδόσταγμα Αγρού/Rodostagma Agrou/Agros Rosewater” bdiet madwar il-bidu tas-seklu 20, fl-istess żmien li beda jitħawwel il-ward Rosa damascena. Dak iż-żmien, għalliem pijunier fir-reġjun kellu l-idea li jxerred din il-warda tfuħ. Huwa waqqaf l-“assoċjazzjoni tal-istudenti għat-tixrid tal-ward” u stabbilixxa l-ewwel distillerija li tipproduċi l-ilma aromatiku. Minn dak iż-żmien, il-muniċipalità ta’ Agros żammet din it-tradizzjoni. Minn età bikrija, iż-żgħażagħ lokali jitgħallmu mill-ġenituri tagħhom kif iħawlu u jaħsdu l-ward bl-għan ewlieni li jipproduċu r-“Ροδόσταγμα Αγρού/Rodostagma Agrou/Agros Rosewater”.

Kemm ir-referenzi antiki kif ukoll dawk reċenti jenfasizzaw il-karatteristika partikolari tal-prodott, jiġifieri l-aroma intensa tiegħu. F’pubblikazzjoni antika, il-prodott ġie deskritt b’mod karatteristiku kif ġej: “[...] kull min jixtieq ilma tal-ward awtentiku bi fwieħa eċċezzjonali żgur għandu jixtri l-famuż ilma tal-ward ta’ Agros, li kiseb suċċess kbir f’Ċipru u huwa mfittex ħafna mill-familji kollha.” U wkoll: “[...] il-famuż ilma tal-ward ta’ Agros, li kiseb suċċess kbir f’Ċipru, huwa prodott taħt is-superviżjoni kostanti tal-Assoċjazzjoni Agrikola ta’ Agros, li t-tikketta tal-kwalità tagħha tiżgura li huwa l-aħjar ilma tal-ward f’Ċipru. Dawk kollha li jippruvawh jinsew kull ilma tal-ward ieħor”.

L-aroma intensa tar-Rosa damascena mkabbra f’Agros, kif ukoll l-għarfien prattiku żviluppat biex l-aromi jiġu ppreservati u ttrasferiti fil-prodott “Ροδόσταγμα Αγρού/Rodostagma Agrou/Agros Rosewater” ikkontribwew għar-reputazzjoni tal-prodott. B’riżultat ta’ dan, hemm konċentrazzjoni għolja ħafna tal-varjetà ta’ ward Rosa damascena fil-limiti amministrattivi tal-muniċipalità ta’ Agros.

Fl-2017, il-prodott “Ροδόσταγμα Αγρού/Rodostagma Agrou/Agros Rosewater” deher fil-pubblikazzjoni “A taste of Cyprus – τα καλύτερα παραδοσιακά προϊόντα από το νησί της Κύπρου” (l-aħjar prodotti tradizzjonali fil-gżira ta’ Ċipru). Fl-2018, ġie nnominat bħala “prodott Ċiprijott tas-sena” mis-Cyprus Eating Awards, b’referenza partikolari għall-aroma (il-fwieħa) tiegħu. Ta’ min jinnota wkoll li fl-2014 l-Awtorità Ċiprijotta tat-Telekomunikazzjonijiet ħarġet kards tat-telefown li juru dan il-prodott tradizzjonali. Hemm diversi referenzi għar-“Ροδόσταγμα Αγρού/Rodostagma Agrou/Agros Rosewater” f’kotba, gwidi gastronomiċi u turistiċi li jirreferu għall-komunità ta’ Agros, siti web u programmi tat-tisjir bħal, pereżempju, Μαγειρική ΠΟΠ, Episodju 52. Il-kumpaniji tal-ikel jużaw il-kwalità eċċezzjonali tiegħu biex jippromwovu l-prodotti tagħhom li huma magħmula mir-“Ροδόσταγμα Αγρού/Rodostagma Agrou/Agros Rosewater”, bħall-ġelat u l-ġulepp tal-ward. Fl-2008, meta l-muniċipalità ta’ Agros ingħatat it-titolu ta’ “Destinazzjoni Ewropea ta’ Eċċellenza” fil-kategorija tal-patrimonju intanġibbli, saret referenza wkoll għas-sengħa “magħrufa” ta’ kif isir il-prodott, kif indikat mis-sit web ikkonċernat. Barra minn hekk, il-prodott jokkupa post speċjali fil-festival annwali tal-ward, li ilu jsir fil-muniċipalità ta’ Agros mill-2006 u li jattira ammont kbir ta’ turisti. Barra minn hekk, ir-“Ροδόσταγμα Αγρού/Rodostagma Agrou/Agros Rosewater” huwa wieħed mill-prodotti koperti mit-tikketti tal-kwalità “Cyprus breakfast” u “Taste Cyprus Delightful Journeys”.

Ir-rabta bejn Agros u l-prodotti miksuba mill-varjetà tal-ward Rosa damascena, li tikber tajjeb ħafna fir-reġjun, hija evidenti wkoll fil-ħajja soċjali tal-muniċipalità. Il-fattur uman huwa marbut direttament mal-kultivazzjoni tal-ward għall-produzzjoni tar-“Ροδόσταγμα Αγρού/Rodostagma Agrou/Agros Rosewater”; illum bħal dari, it-tfal imorru mal-ġenituri tagħhom biex jiġbru l-ward kmieni filgħodu, qabel ma jmorru l-iskola. Ladarba jsir il-ħsad bl-idejn, il-ward jitwassal fis-sit tal-ipproċessar u t-tfal imorru l-iskola. Għall-abitanti ta’ Agros, il-ħsad tal-ward huwa attività tal-familja li tirrispetta l-prattiki msemmija hawn fuq. Anke llum, il-produtturi japplikaw dawn il-prattiki b’mod skrupluż sabiex jippreservaw u jittrasferixxu l-aroma lill-prodott “Ροδόσταγμα Αγρού/Rodostagma Agrou/Agros Rosewater”. Fl-istess ħin, jippreservaw il-kwalità tal-prodott, magħruf għall-aroma u l-fwieħa tiegħu, kif ukoll ir-rabta tiegħu mal-muniċipalità ta’ Agros.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

http://www.moa.gov.cy/moa/da/da.nsf/All/82B33F7D83ABF5A8C225879C00346BA5?OpenDocument


(1)   ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1, ELI: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32012R1151


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2214/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top