Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024XC01810

    Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni dwar l-approvazzjoni ta’ emenda standard tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

    PUB/2023/1802

    ĠU C, C/2024/1810, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1810/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1810/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje C


    C/2024/1810

    29.2.2024

    Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni dwar l-approvazzjoni ta’ emenda standard tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

    (C/2024/1810)

    Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).

    KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

    “Grignan-les-Adhémar”

    PDO-FR-A0929-AM03

    Data tal-komunikazzjoni: 7.12.2023

    DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U RAĠUNIJIET GĦALIHA

    1.   Żona ġeografika u Żona fil-viċinanza immedjata

    Il-Kapitolu I tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-denominazzjoni Grignan-Lès-Adhémar ġie ssupplimentat mingħajr tibdil fl-ewwel punt - “Żona ġeografika” u fit-tielet punt - “Żona fil-viċinanza immedjata” tat-taqsima IV - “Żoni u postijiet li fihom jitwettqu operazzjonijiet differenti” sabiex tiġi miżjuda r-referenza għall-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-2023.

    Din l-emenda fil-formulazzjoni tagħmilha possibbli li ż-żona ġeografika tiġi identifikata skont il-verżjoni fis-seħħ fl-2023 tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali, ippubblikat mill-INSEE u li tiġi kkonfermata legalment id-demarkazzjoni taż-żona ġeografika.

    Din ir-referenza ġiet miżjuda mad-Dokument Uniku taħt il-punti “Żona ġeografika” u “Rekwiżiti addizzjonali - żona fil-viċinanza immedjata”.

    2.   Żona tal-irqajja’ tar-raba’ demarkata

    Il-punt 2 – “Żona tal-irqajja’ tar-raba’ demarkata” tat-taqsima IV - “Żoni u postijiet li fihom jitwettqu operazzjonijiet differenti” - tal-Kapitolu I tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-denominazzjoni Grignan-Lès-Adhémar ġie ssupplimentat mingħajr tibdil biex tiġi rranġata d-data tal-approvazzjoni mill-awtorità nazzjonali kompetenti tad-demarkazzjoni tal-irqajja’ tar-raba’ fiż-żona ġeografika tal-produzzjoni. Id-demarkazzjoni tal-irqajja’ tar-raba’ tikkonsisti fl-identifikazzjoni ta’ dawk l-irqajja’ ta’ raba’ fiż-żona ġeografika tal-produzzjoni li huma tajbin għall-produzzjoni tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta kkonċernata. Iż-żona ġeografika ma nbidlitx.

    Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

    3.   Miżuri tranżizzjonali

    It-taqsima XI tal-Kapitolu I tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. “Miżuri tranżizzjonali” – ġiet issupplimentata biex tiżdied miżura tranżizzjonali wara r-reviżjoni tad-demarkazzjoni tal-irqajja’ tar-raba’ sabiex l-operaturi ta’ rqajja’ mħawla qabel id-data ta’ reviżjoni u esklużi miż-żona tal-irqajja’ tar-raba’ demarkata, jibbenefikaw mid-dritt għad-denominazzjoni sa mhux aktar tard mill-ħsad tal-2053 inkluż, sakemm jissodisfaw id-dispożizzjonijiet l-oħrajn tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

    Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

    4.   Referenza għall-istruttura ta’ kontroll

    It-Taqsima II. – “Referenzi għall-istruttura ta’ kontroll” tal-Kapitolu III tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġiet emendata biex jingħad li l-ispezzjoni tal-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott issir taħt l-awtorità tal-INAO skont pjan ta’ spezzjoni approvat.

    Din l-ispeċifikazzjoni ma taffettwax id-Dokument Uniku.

    DOKUMENT UNIKU

    1.   Isem/Ismijiet għar-reġistrazzjoni

    Grignan-les-Adhémar

    2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

    DOP - Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

    3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

    1.

    Inbid

    4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

    1.   Deskrizzjoni organolettiċi

    DESKRIZZJONI QASIRA

    L-inbejjed bid-Denominazzjoni ta’ Oriġini Grignan-les-Adhémar huma nbejjed bla gass li jistgħu jkunu ħomor, rożè jew bojod. Il-qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum hija ta’ 12 % għall-inbejjed ħomor u 11,5 % għall-inbejjed bojod u rożè.

    Wara l-fermentazzjoni, l-inbejjed ikollhom kontenut ta’ zokkor fermentabbli (glukożju u fruttożju) li ma jaqbiżx dan li ġej:

    Inbejjed bojod u rożè: 4 g/l

    Inbejjed ħomor b’qawwa alkoħolika naturali skont il-volum ta’ 14 % jew inqas: 3 g/l

    Inbejjed ħomor b’qawwa alkoħolika naturali skont il-volum ta’ aktar minn 14 %: 4 g/l

    Fl-istadju tal-ippakkjar, l-inbejjed ikollhom kontenut ta’ aċidu volatili ekwivalenti għal, jew inqas minn:

    18,37-il milliekwivalenti għal kull litru għall-inbejjed ħomor; - 14,28-il milliekwivalenti għal kull litru għall-inbejjed bojod u rożè.

    Fl-istadju tal-ippakkjar, l-inbejjed ħomor ikollhom:

    indiċi tal-polifenoli totali (OD 280 nm) ta’ 40 jew aktar;

    intensità tal-kulur modifikata (OD 420 nm + OD 520 nm + OD 620 nm) ta’ aktar minn 5;

    kontenut massimu ta’ aċidu maliku ta’ 0,4 grammi għal kull litru.

    Wara l-arrikkiment l-inbejjed ma jaqbżux qawwa alkoħolika totali skont il-volum ta’ 13 %.

    Il-kriterji analitiċi l-oħra jikkonformaw mal-valuri stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Ewropea.

    Karatteristiċi analitiċi

    Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

     

    Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

     

    Aċidità totali minima

     

    Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

     

    Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

     

    2.   Karatteristiċi organolettiċi

    DESKRIZZJONI QASIRA

    Il-karatteristiċi sensorji ta’ dawn il-prodotti kollha jorbtuhom mal-familja kbira tal-inbejjed tal-Wied tar-Rhône, sakemm ikun hemm ħamrija u varjetajiet ta’ dwieli simili.

    Madankollu, l-inbejjed ħomor jispikkaw, b’mod partikolari minħabba l-użu tal-varjetà Grenache N, li, mħawla f’dan il-post fil-limitu tal-maturità tagħha, tagħti finezza, togħma ta’ frott eleganti u korporatura lill-inbid. Il-varjetà Syrah N tikkompleta t-taħlita, u tiżgura struttura tannika, kulur qawwi u aromi eleganti ta’ fjuri u ta’ pjanti. Dawn l-inbejjed ħomor jistgħu jiġu kkunsmati qabel ma jitqaddmu u għandhom potenzjal ta’ tqaddim eċċellenti bis-saħħa tas-sehem pjuttost kbir tal-varjetà Syrah N użat f’din id-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kkontrollata mill-vinji tan-Nofsinhar tal-Wied tar-Rhône.

    Magħmula jew bl-għasir jew bil-metodu saignée (tneħħija ta’ ftit mill-meraq tal-għeneb), l-inbejjed rożè għandhom togħma ta’ frott u huma eleganti u l-kulur tagħhom huwa minn roża ċar sa aħmar ċar. Huma notevolment friski u rotob fil-ħalq u huma ddominati minn aromi ta’ frott aħmar.

    L-inbejjed bojod huma magħmula minn taħlita ta’ varjetajiet ta’ dwieli tan-Nofsinhar bħall-varjetajiet Bourboulenc B, Grenache B u Clairette B) ma’ dawk li jinsabu aktar fit-Tramuntana bħall-Marsanne B, ir-Roussanne B jew il-Viognier B). Din il-firxa ta’ varjetajiet tippermetti diversi kombinazzjonijiet u tipproduċi nbejjed bojod xotti li jiżviluppaw kumplessità aromatika kbira (ta’ fjuri, frott, minerali eċċ.) u aċidità fil-ħalq li hija dejjem ibbilanċjata mill-korporatura tal-inbid.

    Karatteristiċi analitiċi

    Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

     

    Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

     

    Aċidità totali minima

     

    Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

     

    Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

     

    5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

    5.1.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi

    1)   Prattika tal-kultivazzjoni

    Densità tat-tħawwil

    Id-densità minima tat-tħawwil tad-dwieli hija ta’ 4 000 pjanta għal kull ettaru. Id-distanza bejn il-flanni ma tridx tkun aktar minn 2,50 m.

    Id-distanza bejn il-pjanti fl-istess flann trid tkun mill-inqas metru u ma tridx tkun aktar minn 1,50 metru.

    Regoli taż-żbir.

    Dispożizzjonijiet ġenerali:

    Id-dwieli jinżabru b’żabra qasira (f’forma ta’ sġajra jew bil-metodu tal-cordon de Royat), b’massimu ta’ 12-il għajn għal kull pjanta;

    Matul il-perjodu meħtieġ biex jifforma l-cordon Royat, li huwa limitat għal sentejn, jista’ jżir żbir Guyot.

    Għall-irqajja’ mħawla wara l-1 ta’ Awwissu 2022, l-għoli tal-cordon ma jistax jaqbeż is-70 cm.

    Dispożizzjonijiet speċjali:

    Il-varjetajiet Viognier B u Syrah N jistgħu wkoll jinżabru bil-metodu Guyot sempliċi, b’massimu ta’ 10 għejun fuq iz-zokk it-twil u b’massimu ta’ żewġ għejun fuq ir-rimja.

    Regoli dwar it-tħarriġ mal-kannizzati

    Id-dwieli tal-varjetajiet Marsanne B, Marselan N, Roussanne B, Syrah N u Viognier B iridu jiġu mħarrġa b’mill-inqas fil ta’ appoġġ wieħed u ringiela waħda ta’ fili tal-faxxina (metodu ta’ tħarriġ tad-dwieli: pożizzjonament tan-nebbieta).

    It-tisqija tista’ tiġi awtorizzata.

    2)   Prattika enoloġika speċifika

    It-tekniki ta’ arrikkiment bit-tnaqqis huma awtorizzati għall-inbejjed ħomor sa livell ta’ konċentrazzjoni ta’ 10 %;

    Biex jipproduċu l-inbejjed rożè, il-produtturi tal-inbid jistgħu jużaw faħam għall-użu enoloġiku, waħdu jew imħallat fi preparazzjonijiet, iżda biss fuq most tat-tagħsir u fi proporzjon li ma jistax jaqbeż l-20 % tal-volum totali tal-inbid prodott mill-operatur ikkonċernat, għall-ħsad inkwistjoni;

    Minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq, l-inbejjed iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha stabbiliti fil-livell tal-UE kif ukoll fil-Kodiċi Rurali u tas-Sajd Marittimu f’dak li għandu x’jaqsam mal-prattiki enoloġiċi użati.

    5.2.   Rendimenti massimi għal kull ettaru

    58 ettolitru għal kull ettaru

    6.   Żona geografika demarkata

    Il-ħsad tal-għeneb, il-vinifikazzjoni u l-produzzjoni tal-inbejjed isiru fit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin tad-département ta’ Drôme abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-2023:

    Allan, La Baume-de-Transit, Chamaret, Chantemerle-lès-Grignan, Châteauneuf-du-Rhône, Clansayes, Colonzelle, Donzère, La Garde-Adhémar, Les Granges-Gontardes, Grignan, Malataverne, Montségur-sur-Lauzon, Réauville, Roche-Saint-Secret-Béconne, Roussas, Saint-Paul-Trois-Châteaux, Saint-Restitut, Salles-sous-Bois, Solérieux, Valaurie.

    7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed

    Bourboulenc B - Doucillon blanc

    Carignan N

    Cinsaut N - Cinsault

    Clairette B

    Grenache N

    Grenache blanc B

    Marsanne B

    Marselan N

    Mourvèdre N - Monastrell

    Roussanne B

    Syrah N - Shiraz

    Viognier B

    8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

    8.1.   Fatturi naturali u umani rilevanti għar-rabta

    Deskrizzjoni tal-fatturi naturali li jikkontribwixxu għar-rabta

    Iż-żona ġeografika tad-denominazzjoni Grignan-les-Adhémar tinsab fil-qalba tad-Drôme Provençale, li hija żona ta’ tranżizzjoni u intersezzjoni bejn id-Dauphiné attwali u l-Comtat, il-Massif Central u l-Prealpi. Tinsab fuq ix-xatt tax-xellug tar-Rhône, fin-Nofsinhar ta’ Montélimar u fit-Tramuntana ta’ Bollène, fid-département ta’ Drôme u tkopri t-territorju ta’ 21 muniċipalità li jinsabu bejn ir-Rhône fil-Punent u l-Enclave des Papes fil-Lvant. Il-pajsaġġ fih żoni kemm ċatti kif ukoll bl-għoljiet, b’altitudni moderata b’medja ta’ 200 metru.

    Is-substrat taż-żona ġeografika kollha jikkonsisti prinċipalment minn formazzjonijiet mill-Mijoċene Nofsani. Fil-Lvant (il-muniċipalitajiet ta’ Grignan u Colonzelle), dawn huma ramel bil-lom u formazzjonijiet tal-melassa tal-lom imsejħa “Molasses de Grignan”. Fiċ-ċentru, dawn id-depożiti Elvetiċi jinbidlu fir-ramel safrani u l-blat ramli (“Saffres”) ta’ Valréas. Joffru ħamrija ħafifa u ramlija b’fond li jvarja u b’ammont baxx ta’ riżervi minerali.

    Fin-Nofsinhar, il-muniċipalità ta’ La Baume-de-Transit hija ddefinita mill-art imtarrġa ta’ Würm b’ħamrija tat-tafal, ġir u ġeblija depożitata mix-xmara Aygues, filwaqt li fil-Punent hemm l-art imtarrġa tax-xmajjar iffurmati mir-Rhône.

    Fit-Tramuntana, l-għoljiet tal-ġebel tal-ġir li jdawru l-Wied tar-Rhône huma miksija b’art imtarrġa tax-xmajjar eqdem u parzjalment miksija bi bċejjeċ tal-ġebel tal-ġir minn dawn l-għoljiet. Dawn it-territorji b’ħamrija fqira u skarsa kienu d-dominju tal-arbuxelli (Bois des Mattes). Fi żminijiet riċenti, jiġifieri fis-sittinijiet, ġew imħawla bil-vinji.

    Il-klima ġenerali tar-reġjun toħloq fruntiera. Ġeneralment hija Mediterranja, iżda bil-mod il-mod tibda ssir inqas hekk lejn it-Tramuntana tar-reġjun, li jikkoinċidi mal-limitu fit-Tramuntana għat-tkabbir taż-żebbuġ u tal-varjetà tad-dwieli Grenache N.

    Ix-xita tinżel b’mod irregolari. Il-medja annwali tvarja bejn 700 mm u 1 000 mm.

    It-temperaturi huma moderati, b’medja annwali ta’ madwar 13-il °C u b’ammont sinifikanti ta’ xemx (madwar 2 500 siegħa fis-sena). Il-frekwenza tar-riħ (speċjalment il-Mistral) iżżid mal-aridità tal-għoljiet li spiss jintużaw għall-vinji.

    Il-klima hija wkoll ikkaratterizzata minn influwenzi kontinentali, minħabba sensiela ta’ għoljiet li jimblukkaw il-Wied tar-Rhône li jwasslu għal xtiewi aktar ħorox.

    It-tħawwil tal-vinji f’din il-fruntiera klimatika jirriżulta f’sitwazzjonijiet lokali kuntrastanti, skont il-kundizzjonijiet tal-altitudni u topografiċi.

    Deskrizzjoni tal-fatturi umani rilevanti għar-rabta

    Fost il-bosta fdalijiet Rumani li jagħtu prova tal-preżenza tal-vinji u l-inbejjed f’dan ir-reġjun, is-sejba fl-1983 ta’ azjenda kbira tal-inbid fil-muniċipalità ta’ Donzère, fil-qalba tat-territorju, hija bla dubju komponent ewlieni tal-istorja prestiġjuża tal-vinji lokali.

    Sa mill-oriġini antika tagħhom dawn il-vinji baqgħu jiffjorixxu. Fl-1850, l-erja totali tagħhom laħqet l-2 500 ettaru. Madankollu, bħal vinji Franċiżi oħra, intlaqtu bl-ikrah mill-kriżi tal-phylloxera tal-1885. Minkejja li relattivament intilef l-interess fil-vinji, grupp żgħir ta’ produtturi tal-inbid dinamiku u leali għat-tradizzjoni tal-produzzjoni tal-inbid tar-reġjun, baqgħu jistinkaw biex jipproduċu nbejjed ta’ kwalità.

    Għal dan il-għan, huma ressqu talba lill-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità, fl-1962, biex l-inbejjed tar-reġjun jiġu rikonoxxuti b’denominazzjoni ta’ oriġini “vin délimité de qualité supérieure” (inbid demarkat ta’ kwalità superjuri): Coteaux du Tricastin.

    Din it-talba ntlaqgħet uffiċjalment bid-Digriet tat-13 ta’ Marzu 1964, li stipula r-rekwiżiti tal-produzzjoni.

    Għaxar snin wara, il-produtturi tal-inbid irfinaw il-varjetajiet tad-dwieli tagħhom skont il-kundizzjonijiet lokali tal-produzzjoni tal-inbid, u adattaw u tejbu t-tekniki tal-produzzjoni tagħhom. Huma kisbu r-rikonoxximent permezz ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata fis-27 ta’ Lulju 1973.

    Is-snin sebgħin raw nifs ġdid mogħti lill-vinji u żieda mgħaġġla fil-produzzjoni, li minn 53 000 ettolitru fl-1976 telgħet għal 78 000 ettolitru fl-1983.

    Il-bidla fl-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata minn Coteaux du Tricastin għal Grignan-les-Adhémar kienet ilha mistennija mill-produtturi tal-inbid u saret uffiċjali, b’digriet, fis-16 ta’ Novembru 2010.

    Fl-2010, il-vinji kienu mifruxa fuq 2 600 ettaru u pproduċew medja ta’ 55 000 ettolitru mqassma bejn madwar 40 kantina indipendenti u 12-il kantina kooperattiva. L-inbejjed tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata Grignan-les-Adhémar huma disponibbli fit-tliet kuluri, għalkemm il-biċċa l-kbira tal-inbid prodott huwa aħmar, li kien jammonta għal madwar 75 % tal-volum totali fl-2008.

    Il-pjantaġġuni riċenti qed iżidu gradwalment il-produzzjoni tal-inbid abjad xott, li kien jammonta għal 7 % tal-volum totali tal-inbid prodott fl-2008.

    8.2.   Interazzjonijiet kawżali

    Bejn ir-reġjuni tad-Dauphiné u Provence, fuq ix-xatt tax-xellug tar-Rhône, hemm vinja li tibbenefika mill-influwenzi Mediterranji tar-reġjun Drôme Provençale. Din il-vinja tinkludi varjetajiet ħafna drabi tan-Nofsinhar, imħawla fil-limiti tal-maturità tagħhom u li jesprimu oriġinalità partikolari assoċjata maż-żoni magħżula mill-prodotturi tal-inbid, li jippreferu altitudnijiet medji u l-uċuħ l-aktar xemxija biex iħawlu l-vinji tagħhom fihom.

    Hemm evidenza tal-oriġini qadima ta’ din il-vinja u, fuq kollox, tal-eżistenza ta’ għarfien espert fil-produzzjoni tal-inbid li jmur lura għal qabel il-konkwista Rumana tal-Gallja, bis-saħħa tas-sejba ta’ waħda mill-eqdem vilel li kienet tipproduċi l-inbid fid-dinja ta’ żmien il-qedem.

    Dan l-għarfien espert ġie mgħoddi minn ġenerazzjoni għal oħra tul l-istorja madwar ir-reġjun Tricastin kollu, u ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ produtturi tal-inbid kienu kapaċi jżommu l-vinji tagħhom minkejja theddid serju. Dan kien jinkludi l-phylloxera, li xprunat il-ħolqien ta’ assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-inbid li tgħallmu jistipulaw regoli komuni li jippermettu l-iżvilupp ta’ nbejjed ta’ kwalità.

    Il-progress ta’ din il-kollaborazzjoni kien ikkaratterizzat mir-rikonoxximent sussegwenti ta’ dawn l-inbejjed lokali bid-denominazzjoni ta’ oriġini “vin délimité de qualité supérieure” (inbid delimitat ta’ kwalità ogħla), segwit mid-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata Coteaux du Tricastin, fi żmien meta d-domanda setgħet tiġġustifika ħafna aktar faċilment żieda fil-produzzjoni aktar milli l-għoti ta’ prijorità lill-kwalità tal-inbid lokali.

    L-inbejjed kollha huma magħmulin minn għeneb maħsud minn irqajja’ tal-art magħżula bir-reqqa u taħlitiet ta’ bosta varjetajiet, imħawla fuq irqajja’ tal-art b’ħamrija fqira li ħafna drabi tkun sħuna u bi skular tajjeb. Dawn il-fatturi jagħtu lill-inbejjed ħomor il-karatteristiċi uniċi tagħhom. Dawn huma rotob, b’togħma ta’ frott, iżda robusti filwaqt li l-inbejjed bojod xotti, li huma tipiċi tan-Nofsinhar, għandhom firxa wiesgħa ta’ aromi; l-inbejjed rożè huma bħall-ħomor: rotob u b’togħma ta’ frott.

    Il-kwalità u r-reputazzjoni ta’ dawn l-inbejjed ilha stabbilita għal żmien twil, minkejja li l-identità tagħhom inbidlet maż-żmien, billi kienu msemmijin jew għal muniċipalità partikolari jew għar-reġjun.

    Fl-2010, kif il-produtturi tal-inbid kienu ilhom jittamaw għal bosta snin, l-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata nbidel għal Grignan-les-Adhémar, u b’hekk l-attenzjoni reġgħet tpoġġiet fuq il-qalba ġeografika tar-reġjun u l-inbejjed fil-muniċipalità ta’ Grignan, li l-istorja tagħha hija marbuta mal-familja Adhémar de Grignan. Fil-fatt, François de Castellane Adhémar, konti ta’ Grignan u gvernatur ta’ Provence fis-seklu 17 li żżewweġ bint Madame de Sévigné fl-1669, għen jissoda r-rabta bejn l-isem ta’ familtu u dak tal-muniċipalità ta’ Grignan.

    Fl-1781, Faujas de Saint-Fonds kiteb fl-Histoire naturelle de la province de Dauphiné (L-Istorja Naturali tar-Reġjun tad-Dauphiné) dwar inbejjed ta’ reputazzjoni kbira magħrufa bħala “inbejjed ta’ Donzère”, li kienu jiġu prodotti fil-muniċipalità li ġġib dak l-isem: “id-distretti l-aktar rinomati huma dawk ta’ Roussettes, Suel, Figerasse u Javelin, li jkopru diversi ġnub ta’ għoljiet, twal madwar nofs lega, imħawla f’ħamrija b’ammont abbundanti ta’ ġebel u ċagħaq”. U iżjed ’il quddiem: “Il-pjanura ta’ Grès... ukoll tipproduċi nbejjed tajbin, bħalma jagħmlu d-distretti ta’ Opplilias, Borillon u Lerminas, fejn l-inbid irid jitħallat ma’ dak ta’ Grès”. Saħansitra iżjed ’il quddiem, il-qarrej jitgħallem li dawn l-inbejjed diġà kienu rinomati u jitgawdew barra miż-żona ġeografika, u xi drabi ferm ’il bogħod minnha: “L-inbejjed ta’ Donzère jiġu esportati lejn Pariġi, Lyon, Grenoble, Velay u Vivarais; jistgħu jifilħu għal vjaġġ bil-baħar; intbagħtu lejn Kostantinopli b’suċċess kbir”. Fl-istess xogħol, l-awtur jikkunsidra li l-varjetajiet tad-dwieli mħawla dak iż-żmien (Clairette, Picardan, Rosani) “joħolqu nbid abjad delizzjuż”.

    Fl-1896, avviż dwar il-vinja ta’ Château-Bizard, li tinsab f’Allan, ikklassifika l-inbejjed mill-muniċipalitajiet ta’ Allan, Roussas u La Garde-Adhémar bħala ugwali għall-inbejjed l-oħra li jingħad li huma mill-“Côte du Rhône”. L-inbejjed mill-muniċipalità ta’ Allan jissemmew ukoll fit-topografija tal-vinji Franċiżi ta’ Jullien (1822). L-awtur jikklassifikahom eżatt wara l-“Ermitage” u l-“Côte-Rôtie”. Fil-paġna 811 tat-“Traité de viticulture” (Trattat dwar il-Vitikultura) (1895) ta’ G. Foex, l-awtur isemmi l-vinja ta’ Allan u jqabbel l-inbid tagħha ma’ dak ta’ Châteauneuf-du-Pape.

    Il-muniċipalità ta’ Grignan, li hija l-qalba ġeografika tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata u tiġi ċċitata spiss fl-istorja tal-vinja, reġgħet kisbet il-fama tagħha tal-produzzjoni tal-inbid bis-saħħa tal-isforzi kwalitattivi mill-produtturi tal-inbid. Dan huwa rifless fil-ħafna avvenimenti li jsiru hemmhekk u fil-ftuħ tal-fabbrika tal-inbejjed fi Grignan-les-Adhémar.”

    9.   Rekwiżiti oħra applikabbli

    Żona fil-viċinanza immedjata

    Qafas ġuridiku:

    Leġiżlazzjoni nazzjonali

    Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

    Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

    Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

    Iż-żona fil-viċinanza immedjata ddefinita b’deroga għall-vinifikazzjoni u l-produzzjoni ta’ nbejjed, hija magħmula mit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin, abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-2023.

    Id-département ta’ Ardèche: Alba-la-Romaine, Aubignas, Bidon, Bourg-Saint-Andéol, Gras, Larnas, Ruoms, Saint-Just-d’Ardèche, Saint-Marcel-d’Ardèche, Saint-Martin-d’Ardèche, Saint-Montan, Saint-Remèze, Saint-Thomé, Le Teil, Valvignières, Viviers.

    Id-département ta’ Drôme: Aleyrac, Arpavon, Aubres, La Bégude-de-Mazenc, Bouchet, Châteauneuf-de-Bordette, Condorcet, Curnier, Dieulefit, Espeluche, Eyroles, Eyzahut, Mirabel-aux-Baronnies, Montaulieu, Montboucher-sur-Jabron, Montbrison-sur-Lez, Montélimar, Montjoux, Montjoyer, Nyons, Le Pègue, Piégon, Pierrelatte, Les Pilles, Le Poët-Laval, Pont-de-Barret, Portes-en-Valdaine, Puygiron, Rochebaudin, Rochefort-en-Valdaine, Rochegude, Rousset-les-Vignes, Saint-Ferréol-Trente-Pas, Saint-Gervais-sur-Roubion, Sainte-Jalle, Saint-Maurice-sur-Eygues, Saint-Pantaléon-les-Vignes, Salettes, Souspierre, Suze-la-Rousse, Taulignan, Teyssières, La Touche, Tulette, Valouse, Venterol, Vesc, Vinsobres.

    Id-département ta’ Gard: Pont-Saint-Esprit, Saint-Paulet-de-Caisson.

    Id-département ta’ Vaucluse: Bollène, Buisson, Cairanne, Entrechaux, Faucon, Gigondas, Grillon, Lagarde-Paréol, Lamotte-du-Rhône, Lapalud, Mondragon, Mornas, Puyméras, Rasteau, Richerenches, Roaix, Sablet, Saint-Marcellin-lès-Vaison, Saint-Romain-en-Viennois, Saint-Roman-de-Malegarde, Sainte-Cécile-les-Vignes, Séguret, Travaillan, Vacqueyras, Vaison-la-Romaine, Valréas, Villedieu, Violès, Visan.

    Tikkettar

    Qafas ġuridiku:

    Leġiżlazzjoni nazzjonali

    Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

    Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

    Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

    It-tikketti tal-inbejjed bid-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kkontrollata jistgħu jispeċifikaw l-unità ġeografika usa’ “Vignobles de la Vallée du Rhône”, skont ir-rekwiżiti speċifikati fil-ftehim iffirmat bejn l-entitajiet differenti tal-protezzjoni u tal-ġestjoni kkonċernati.

    Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

    https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-f57bb70c-e0a8-44c0-bc75-3aeca81c658d


    (1)   ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1810/oj

    ISSN 1977-0987 (electronic edition)


    Top