EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024XC00680

Notifika tal-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ radjaturi tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

C/2024/51

ĠU C, C/2024/680, 12.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/680/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/680/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/680

12.1.2024

Notifika tal-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ radjaturi tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(C/2024/680)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ Notifika tal-iskadenza imminenti (1) tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ radjaturi tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”, iċ-Ċina), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   Talba għal rieżami

It-talba ġiet ippreżentata fis-16 ta’ Ottubru 2023 minn AIRAL s.c.r.l. (“l-applikant”) f’isem l-industrija tal-Unjoni tar-radjaturi tal-aluminju fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.

Verżjoni pubblika tat-talba u l-analiżi tal-livell ta’ sostenn għat-talba mill-produtturi tal-Unjoni huma disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni tal-partijiet interessati. It-Taqsima 5.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl mill-partijiet interessati.

2.   Prodott taħt rieżami

Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa radjaturi tal-aluminju u elementi jew partijiet li minnhom hu magħmul tali radjatur, sew jekk dawn l-elementi huma assemblati fi blokok u sew jekk le, għajr radjaturi u elementi u partijiet tagħhom tat-tip tal-elettriku (“il-prodott taħt rieżami”), li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7615 10 10, ex 7615 10 80, ex 7616 99 10 u ex 7616 99 90 (kodiċi TARIC 7615101010, 7615108010, 7616991091, 7616999001 u 7616999091). Il-kodiċijiet NM u TARIC huma mogħtija għall-informazzjoni biss u bla ħsara għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja.

3.   Miżuri eżistenti

Il-miżuri li bħalissa jinsabu fis-seħħ huma dazju definittiv ta’ anti-dumping impost bir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/59 (3).

4.   Raġunijiet għar-rieżami

It-talba hija bbażata fuq ir-raġunijiet li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għal rikorrenza ta’ dumping u rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

4.1.    Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping

L-applikant sostna li mhuwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fiċ-Ċina, minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-Artikolu 2(6a), il-punt (b) tar-Regolament bażiku.

Biex jissostanzja l-allegazzjonijiet ta’ distorsjonijiet sinifikanti, l-applikant iddependa fuq l-informazzjoni li tinsab fir-rapport tal-pajjiż prodott mis-servizzi tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jiddeskrivi ċ-ċirkostanzi speċifiċi tas-suq fiċ-Ċina (4). B’mod partikolari, l-applikant irrefera għal distorsjonijiet bħal preżenza tal-istat b’mod ġenerali u b’mod aktar speċifiku li jaffettwaw is-settur tal-aluminju, li għalihom il-Kummissjoni kkonkludiet fost l-oħrajn li bosta pjanijiet, direttivi u dokumenti oħra li jappartjenu għall-aluminju, maħruġa fil-livelli nazzjonali, reġjonali u muniċipali, urew b’mod ċar il-grad għoli ta’ intervent tal-Gvern Ċiniż. Dan ippermetta kontroll dirett u sħiħ ta’ kull aspett tal-iżvilupp u l-funzjonament tas-settur tal-aluminju.

Barra minn hekk, l-applikant iddependa fuq informazzjoni disponibbli għall-pubbliku, b’mod partikolari fuq is-sejbiet reċenti tal-Kummissjoni fl-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ dwar prodotti tal-aluminju miċ-Ċina, li fihom il-Kummissjoni sabet li l-prezzijiet jew il-kostijiet tal-prodott ikkonċernat, inklużi l-kostijiet lavorattivi, tal-materja prima u tal-enerġija, ma kinux ir-riżultat ta’ forzi tas-suq ħieles minħabba li kienu affettwati minn intervent sostanzjali tal-gvern skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku u li ma kienx xieraq li jintużaw il-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi biex jiġi stabbilit il-valur normali (5).

B’riżultat ta’ dan, bil-ħsieb tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, l-allegazzjoni ta’ rikorrenza ta’ dumping miċ-Ċina hija bbażata fuq tqabbil ta’ valur normali maħdum fuq il-bażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu l-prezzijiet jew il-punti ta’ riferiment mingħajr distorsjoni fit-Turkija – magħżula mill-applikant bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq – mal-prezz tal-esportazzjoni u l-offerti mis-siti web kummerċjali Ċiniżi tal-prodott taħt rieżami meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, bil-ħsieb tan-nuqqas attwali ta’ volumi ta’ importazzjonijiet sinifikanti miċ-Ċina lejn l-Unjoni.

Abbażi tat-tqabbil ta’ hawn fuq, li juri li l-valur normali maħdum huwa ogħla mill-prezz tal-esportazzjoni Ċiniż tal-prodott ikkonċernat mitlub fis-swieq ta’ pajjiżi terzi, l-applikant jallega li hemm probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping miċ-Ċina fl-UE jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

Barra minn hekk, l-applikant ipprovda evidenza tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni sostanzjali fiċ-Ċina, li nbnew matul l-aħħar għaxar snin u qabżu d-domanda domestika bil-bosta. Il-kapaċità mhux użata waħedha tippermetti lill-esportaturi Ċiniżi jieħdu parti mdaqqsa mis-suq tal-Unjoni.

4.2.    Allegazzjoni dwar probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu

Peress li l-industrija tal-Unjoni bħalissa mhijiex f’sitwazzjoni dannuża, l-applikant jallega l-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu miċ-Ċina. F’dan ir-rigward l-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell attwali ta’ importazzjoni tal-prodott taħt rieżami miċ-Ċina lejn l-Unjoni x’aktarx li jiżdied minħabba l-potenzjal tal-faċilitajiet kbar ta’ manifattura tal-produtturi u d-daqs tal-kapaċità mhux użata fiċ-Ċina mqabbel mas-suq tal-UE.

Skont l-applikant, il-fatt li l-miżuri jitħallew jiskadu jkun fattur qawwi ta’ attrazzjoni minħabba li l-produtturi Ċiniżi bħalissa jesportaw lejn reġjuni kkaratterizzati minn instabbiltà politika (l-Armenja, il-Belarussja, il-Moldova, il-Każakistan, ir-Russja u l-Ukrajna) u li l-antidumping kif ukoll id-dazji kumpensatorji fuq ċerti prodotti ta’ estrużjonijiet tal-aluminju miċ-Ċina huma fis-seħħ pereż. fl-Istati Uniti, il-Messiku u l-Kanada.

Mingħajr miżuri anti-dumping, l-esportazzjonijiet ta’ radjaturi tal-aluminju jistgħu jirritornaw lejn is-suq tal-UE f’volumi komparabbli mal-livelli li ntlaħqu matul l-investigazzjoni anti-dumping oriġinali (sehem mis-suq ta’ 24 % bejn Lulju 2010 u Ġunju 2011 (il-PI oriġinali)) minħabba l-livell tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. L-applikant ikkalkula marġni teoretiku ta’ twaqqigħ tal-prezz sa massimu ta’ 47 % f’każ li l-importazzjonijiet Ċiniżi jidħlu fis-suq tal-Unjoni bl-istess livelli ta’ prezzijiet bħal dawk ta’ pajjiżi terzi.

L-applikant jallega wkoll li t-tneħħija tad-dannu seħħet prinċipalment minħabba l-eżistenza tal-miżuri u li kull rikorrenza ta’ importazzjonijiet sostanzjali bi prezzijiet li huma l-oġġett ta’ dumping miċ-Ċina x’aktarx twassal għal rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

5.   Proċedura

Wara li ddeterminat, b’segwitu għal konsultazzjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li teżisti biżżejjed evidenza ta’ probabbiltà ta’ dumping (6) u ta’ dannu biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni b’dan tagħti bidu għal rieżami f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

Ir-rieżami ta’ skadenza jiddetermina jekk huwiex probabbli li l-iskadenza tal-miżuri twassalx għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping tal-prodott taħt rieżami li joriġina miċ-Ċina u kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

5.1.    Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u l-perjodu kkunsidrat

L-investigazzjoni ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023 (“il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dannu se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (“il-perjodu kkunsidrat”).

5.2.    Kummenti dwar it-talba u l-bidu tal-investigazzjoni

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar it-talba (inklużi l-kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-rikorrenza ta’ dannu u l-kawżalità) jew kull aspett rigward il-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għat-talba) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (7).

Kull talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

5.3.    Proċedura għad-determinazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping

F’rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni teżamina l-esportazzjonijiet li saru lejn l-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u, irrispettivament mill-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, tqis jekk is-sitwazzjoni tal-kumpaniji li jipproduċu u jbigħu l-prodott taħt rieżami fil-pajjiż ikkonċernat hijiex tali li l-esportazzjonijiet bi prezzijiet li huma l-oġġett ta’ dumping lejn l-Unjoni x’aktarx ikomplu jew jirrikorru jekk il-miżuri jiskadu.

Għalhekk, il-produtturi kollha (8) tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjonijiet li wasslu għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.3.1.   Investigazzjoni tal-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat

Minħabba li jista’ jkun hemm għadd potenzjalment kbir ta’ produtturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza u sabiex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi li għandhom jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar jitwettaq f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk ikun il-każ, tagħżel kampjun, il-produtturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inkluż dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, huma b’dan mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/R809_SAMPLING_FORM_FOR_EXPORTING_PRODUCER. L-informazzjoni dwar l-aċċess għal Tron tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.9 hawn taħt.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-għażla tal-kampjun tal-produtturi, il-Kummissjoni tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u tista’ tikkuntattja kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jista’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi kollha magħrufa fil-pajjiż ikkonċernat, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji li jintgħażlu għall-kampjun.

Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi, tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk humiex inklużi fil-kampjun. Il-produtturi fil-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni żżid nota fil-fajl għall-ispezzjoni tal-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-kampjun.

Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://intragate.ec.europa.eu/sherpa/Case.do?action=view&id=2711

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun jitqiesu li jkunu kkooperaw.

5.3.2.   Proċedura addizzjonali fir-rigward taċ-Ċina li hija soġġetta għal distorsjonijiet sinifikanti

Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati kollha jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-inputs u l-kodiċijiet tas-Sistema Armonizzata (SA) ipprovduti fit-talba, jipproponu pajjiż(i) rappreżentattiv(i) xieraq/xierqa u jipprovdu l-identità tal-produtturi tal-prodott taħt rieżami f’dawk il-pajjiżi. Din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Skont l-Artikolu 2(6a), il-punt (e) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni, ftit wara l-bidu tal-investigazzjoni, permezz ta’ nota fil-fajl għall-ispezzjoni tal-partijiet interessati, tinforma lill-partijiet fl-investigazzjoni dwar is-sorsi rilevanti li beħsiebha tuża għad-determinazzjoni tal-valur normali fiċ-Ċina skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Dan ikopri s-sorsi kollha, inkluża l-għażla ta’ pajjiż terz rappreżentattiv xieraq meta adegwat. Il-partijiet fl-investigazzjoni għandhom jingħataw 10 ijiem mid-data li fiha din in-nota tiżdied fil-fajl biex jippreżentaw il-kummenti.

Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, pajjiż terz rappreżentattiv possibbli għaċ-Ċina f’dan il-każ hija t-Turkija. Bil-għan li finalment tagħżel il-pajjiż terz rappreżentattiv xieraq, il-Kummissjoni teżamina jekk hemmx pajjiżi b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħaċ-Ċina, li fihom jeżistu produzzjoni u bejgħ tal-prodott taħt rieżami u fejn hemm data rilevanti disponibbli minnufih. Meta jkun hemm aktar minn pajjiż tali wieħed, tingħata preferenza, meta xieraq, lill-pajjiżi li għandhom livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.

Fir-rigward tas-sorsi rilevanti, il-Kummissjoni tistieden lill-produtturi kollha fiċ-Ċina jipprovdu informazzjoni dwar il-materji (primi u dawk ipproċessati) u l-enerġija użati fil-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz:https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/R809_INFO_ON_INPUTS_FOR_EXPORTING_PRODUCER_FORM. L-informazzjoni dwar l-aċċess għal Tron tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.9 hawn taħt.

Barra minn hekk, kull preżentazzjoni ta’ informazzjoni fattwali biex jiġu vvalutati l-kostijiet u l-prezzijiet skont il-punt (a) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku trid tiġi ppreżentata fi żmien 65 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Jenħtieġ li tali informazzjoni fattwali tittieħed esklużivament minn sorsi disponibbli għall-pubbliku.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-allegati distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-Artikolu 2(6a), il-punt (b) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni se tagħmel disponibbli wkoll kwestjonarju għall-Gvern taċ-Ċina.

5.3.3.   Investigazzjoni tal-importaturi mhux relatati (9) (10)

Importaturi mhux relatati tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.

Minħabba l-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza u sabiex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi mhux relatati li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar jitwettaq f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u, jekk dan ikun il-każ, tagħżel kampjun, l-importaturi kollha mhux relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, b’dan qed jintalbu jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika billi jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom mitluba fl-Anness ta’ din in-Notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil xi assoċjazzjoni ta’ importaturi magħrufa.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat fl-Unjoni li jista’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-Kummissjoni tinnotifika lill-importaturi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ importaturi mhux relatati magħrufa kollha dwar il-kumpaniji li jkunu ntgħażlu għall-kampjun.

Il-Kummissjoni żżid ukoll nota fil-fajl għall-ispezzjoni tal-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati fil-kampjun. Dawk il-partijiet iridu jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja tal-kwestjonarju għall-importaturi mhux relatati hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ https://intragate.ec.europa.eu/sherpa/Case.do?action=view&id=2711

5.4.    Proċedura għad-determinazzjoni ta’ probabbiltà tar-rikorrenza ta’ dannu u għall-investigazzjoni ta’ produtturi tal-Unjoni

Sabiex tistabbilixxi jekk hemmx probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni tistieden lill-produtturi tal-Unjoni tal-prodott taħt rieżami jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

Minħabba li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza u sabiex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). It-teħid ta’ kampjun jitwettaq f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet b’mod proviżorju kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinstabu fil-fajl għall-ispezzjoni tal-partijiet interessati.

Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi l-produtturi tal-Unjoni li ma kkooperawx fl-investigazzjoni(jiet) li wasslet/wasslu għall-miżuri fis-seħħ, li jqisu li hemm raġunijiet għaliex jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kampjun iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-kummenti kollha rigward il-kampjun proviżorju jridu jaslu fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni tinnotifika lill-produtturi u/jew lill-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha bil-kumpaniji li finalment jintgħażlu biex ikunu fil-kampjun.

Il-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni hija disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ (https://intragate.ec.europa.eu/sherpa/Case.do?action=view&id=2711).

5.5.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interessi tal-Unjoni

Jekk tiġi kkonfermata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping u ta’ dannu, tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma tal-miżuri anti-dumping tmurx kontra l-interessi tal-Unjoni.

Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jipprovdu informazzjoni dwar l-interessi tal-Unjoni lill-Kummissjoni.

L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interessi tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta jew f’format ħieles inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni.

Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott taħt rieżami, hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ (https://intragate.ec.europa.eu/sherpa/Case.do?action=view&id=2711). F’kull każ, l-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta minn evidenza fattwali li tissostanzja l-validità tagħha.

5.6.    Partijiet interessati

Sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati, bħall-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi, l-ewwel iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.

Il-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li għamlu disponibbli l-informazzjoni f’konformità mal-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.3.1, 5.3.3 u 5.4. jitqiesu bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.

Partijiet oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument meta jippreżentaw lilhom infushom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami. Li parti titqies bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

L-aċċess għall-fajl disponibbli għall-ispezzjoni tal-partijiet interessati jsir permezz ta’ Tron.tdi fl-indirizz li ġej: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Segwi l-istruzzjonijiet f’din il-paġna biex ikollok aċċess (11).

5.7.    Preżentazzjonijiet oħra bil-miktub

Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

5.8.    Possibbiltà ta’ seduta ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti waqt is-seduta ta’ smigħ. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel bil-miktub mill-partijiet interessati.

Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u biex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara seduta ta’ smigħ.

5.9.    Struzzjonijiet għal preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew data li jkunu soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ partijiet terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu lill-Kummissjoni a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment għad-difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’forma li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduti mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “ Sensitive ”  (12). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni “Sensitive” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Dawn is-sommarji jridu jkunu ddettaljati biżżejjed li jippermettu fehim raġonevoli tas-sostanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali. Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tagħtix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jagħmlu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inkluż it-talbiet biex jiġu rreġistrati bħala partijiet interessati, id-dokumenti skenjati ta’ prokuri u dawk ta’ ċertifikazzjoni. Permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” ippubblikat fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: https://europa.eu/!7tHpY3. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut ikun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, sakemm ma jitolbux b’mod espliċitu li jirċievu d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet permezz ta’ TRON.tdi u tal-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

Il-Kummissjoni Ewropea

Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ

Id-Direttorat G

Uffiċċju: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

TRON.tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi

Email:

 

Għal aspetti ta’ dumping: TRADE-R809-AR-DUMPING@ec.europa.eu

 

Għal aspetti ta’ dannu u interessi tal-Unjoni: TRADE-R809-AR-INJURY@ec.europa.eu

6.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni normalment għandha tiġi konkluża fi żmien 12-il xahar, u f’kull każ mhux aktar tard minn 15-il xahar, mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku.

7.   Preżentazzjoni tal-informazzjoni

Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss l-informazzjoni fil-perjodi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsima 5 ta’ din in-Notifika.

Sabiex l-investigazzjoni titlesta sal-iskadenzi mandatorji, il-Kummissjoni mhux se taċċetta preżentazzjonijiet mill-partijiet interessati wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali jew, jekk applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali addizzjonali.

8.   Possibbiltà għal kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħra

Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet ta’ partijiet interessati oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.

Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għall-iżvelar tas-sejbiet definittivi jiġu ppreżentati fi żmien 5 ijiem mill-iskadenza għal kummenti dwar is-sejbiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduti minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal dan l-iżvelar ulterjuri jsiru fi żmien jum (1) mill-iskadenza għal kummenti dwar dan l-iżvelar ulterjuri, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-qafas ta’ żmien deskritt huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob għal informazzjoni addizzjonali mill-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.

9.   Estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika

Jenħtieġ li kull estensjoni għal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika tintalab biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali u tingħata biss jekk tkun debitament ġustifikata. F’kull każ, kull estensjoni għall-iskadenza ta’ tweġiba għal kwestjonarji normalment tkun limitata għal tlett (3) ijiem, u bħala regola ma taqbiżx is-sebat (7) ijiem. Fir-rigward tal-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika tal-bidu, l-estensjonijiet ikunu limitati għal tlett (3) ijiem sakemm ma jintweriex li hemm ċirkostanzi eċċezzjonali.

10.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet li fihom xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fil-limiti ta’ żmien, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jiġu stabbiliti sejbiet, pożittivi jew negattivi, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Meta jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u għalhekk is-sejbiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandhiex titqies bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost addizzjonali mhux raġonevoli. Jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja immedjatament lill-Kummissjoni.

11.   Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim rigward il-kunfidenzjalità ta’ dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kull talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.

L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti interessata/partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li jiġu speċifikati r-raġunijiet għat-talbiet. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx it-twettiq tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta kemm jista’ jkun malajr wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduta ta’ smigħ jiġu ppreżentati barra mill-oqfsa ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawk il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija fil-ħin tal-investigazzjoni.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_en

12.   Possibbiltà li jintalab rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku

Billi dan ir-rieżami ta’ skadenza qed jinbeda f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet tiegħu mhux se jwasslu biex il-miżuri eżistenti jiġu emendati iżda se jwasslu biex dawk il-miżuri jitħassru jew jinżammu f’konformità mal-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.

Meta xi parti interessata tqis li jkun iġġustifikat rieżami tal-miżuri sabiex ikun possibbli li jiġu emendati l-miżuri, dik il-parti tista’ titlob rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

Il-partijiet li jixtiequ jitolbu tali rieżami, li jitwettaq indipendentement mir-rieżami ta’ skadenza msemmi f’din in-Notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.

13.   Proċessar ta’ data personali

Kull data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni tiġi trattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni jinsab fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://europa.eu/!vr4g9W


(1)   ĠU C 138, 21.04.2023, p. 4.

(2)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(3)   ĠU L 12, 15.1.2019, p. 13.

(4)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ, 20 ta’ Diċembru 2017, SWD(2017) 483 final/2. Ir-rapport tal-pajjiż huwa disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni tal-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ (https://ec.europa.eu/transparency/documents-register/detail?ref=SWD(2017)483&lang=mt)

Id-dokumenti msemmija fir-rapport tal-pajjiż jistgħu jinkisbu wkoll wara talba motivata kif xieraq.

(5)   ĠU L 216, 18.6.2021, p. 142.

ĠU L 124, 12.04.2021, p. 40.

(6)  Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed evidenza li tissuġġerixxi li, minħabba distorsjonijiet sinifikanti li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kostijiet, l-użu tal-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi fil-pajjiż ikkonċernat mhuwiex xieraq, u b’hekk jirrikjedi li jingħata bidu għal investigazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

(7)  Ir-referenzi kollha għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika se jkunu referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

(8)  Produttur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi l-prodott taħt rieżami, inkluż kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, il-bejgħ domestiku jew l-esportazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami.

(9)  Għall-kampjunar jistgħu jintgħażlu biss importaturi mhux relatati mal-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu sħab rikonoxxuti legalment f’negozju; (c) ikunu impjegatur u impjegat; (d) parti terza tippossjedi, tikkontrolla jew iżżomm 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom jikkontrolla direttament jew indirettament lill-ieħor; (f) it-tnejn huma kkontrollati direttament jew indirettament minn terza persuna; (g) flimkien jikkontrollaw terza persuna direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kull assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hi rikonoxxuta mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(10)  Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti ta’ din l-investigazzjoni għajr kif jiġi stabbilit id-dumping.

(11)  F’każ ta’ problemi tekniċi kkuntattja lis-servizz ta’ assistenza (Trade Service Desk) permezz tal-posta elettronika lil trade-service-desk@ec.europa.eu jew bit-telefown +32 2 297 97 97.

(12)  Dokument immarkat “Sensitive” huwa dokument li jitqies kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-ftehim GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-Dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

Verżjoni sensittiva

Verżjoni għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati

(immarka l-kaxxa rilevanti)

PROĊEDIMENT ANTI-DUMPING DWAR IMPORTAZZJONIJIET TA’ RADJATURI TAL-ALUMINJU LI JORIĠINAW MIR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA

INFORMAZZJONI DWAR L-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI

Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-talba għal informazzjoni dwar il-kampjunar li saret fil-punt 5.3.3 tan-notifika tal-bidu.

Kemm il-verżjoni “ Sensitive ” kif ukoll il-verżjoni “ For inspection by interested parties ” jenħtieġ li jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stipulat fin-notifika tal-bidu.

1.   DETTALJI TAL-KUNTATT U TAL-IDENTITÀ

Agħti d-dettalji li ġejjin dwar il-kumpanija tiegħek:

Isem il-kumpanija

 

Indirizz

 

Persuna ta’ kuntatt

 

Indirizz elettroniku

 

Numru tat-telefown

 

2.   FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ

Indika l-fatturat totali f’euro (EUR) tal-kumpanija u tar-radjaturi tal-aluminju kif definit fin-Notifika tal-Bidu, il-valur f’euro (EUR), l-għadd ta’ elementi u l-piż f’kilogrammi tal-importazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (iċ-Ċina) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

 

Unità ta’ kejl:

Elementi

Unità ta’ kejl:

Kilogrammi

Valur f’euro (EUR)

Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR)

 

 

 

L-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami li joriġina miċ-Ċina

 

 

 

Importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami (kwalunkwe oriġini)

 

 

 

Il-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni miċ-Ċina tal-prodott li qed jiġi rieżaminat

 

 

 

3.   ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)

Agħti dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija u tal-kumpaniji relatati kollha (elenkahom u ddikjara r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (f’esportazzjonijiet u/jew fis-suq domestiku) tal-prodott taħt rieżami. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott taħt rieżami, il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew in-negozjar tal-prodott taħt rieżami, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.

Isem u lokalità tal-kumpanija

Attivitajiet

Relazzjoni

 

 

 

 

 

 

 

 

 

4.   INFORMAZZJONI OĦRA

Agħti kull informazzjoni rilevanti oħra li l-kumpanija tqis li tista’ tkun utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

5.   ĊERTIFIKAZZJONI

Meta tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li għandha timla kwestjonarju u taċċetta żjara fil-post fejn tinsab biex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, din se titqies li ma kkoperatx fl-investigazzjoni tar-rieżami. Il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx huma bbażati fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.

Firma tal-uffiċjal awtorizzat:

Isem u titlu tal-uffiċjal awtorizzat:

Data:


(1)  F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu l-impjegatur u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-ishma bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom jikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu kkontrollati direttament jew indirettament minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hi rikonoxxuta mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/680/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top