EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024PC0345

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda tal-Protokoll 2 ta’ dak il-Ftehim dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva rigward il-permeabbiltà bejn il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji u r-Regoli tranżitorji tal-oriġini

COM/2024/345 final

Brussell, 30.7.2024

COM(2024) 345 final

2024/0204(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda tal-Protokoll 2 ta’ dak il-Ftehim dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva rigward il-permeabbiltà bejn il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji u r-Regoli tranżitorji tal-oriġini


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Bożnija-Ħerzegovina b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ Deċiżjoni li temenda l-Protokoll 2 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Bożnija-Ħerzegovina.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra

Il-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra 1 (“il-Ftehim”) għandu l-għan li jappoġġa l-isforzi tal-Bożnija-Ħerzegovina biex tlesti t-tranżizzjoni lejn ekonomija tas-suq li tiffunzjona. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2015.

2.2.Il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

Il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 115 tal-Ftehim, jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 2 dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ koperazzjoni amministrattiva (l-Artikolu 4 tal-Protokoll 2). Il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jfassal id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu bi ftehim bejn iż-żewġ Partijiet.

2.3.L-att previst tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

Fil-laqgħa li jmiss tiegħu jew permezz ta’ skambju ta’ ittri, il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jrid jadotta Deċiżjoni rigward l-emenda tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 2 dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva (“l-att previst”).

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Matul l-ewwel laqgħa teknika dwar ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini li saret fi Brussell fil-5 ta’ Frar 2020, il-maġġoranza tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (“il-Konvenzjoni”) 2 qablu li jimplimentaw ir-regoli riveduti tal-Konvenzjoni (“ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini” 3 ) b’mod parallel mar-regoli tal-Konvenzjoni, fuq bażi bilaterali tranżizzjonali, sakemm jiġu adottati r-regoli riveduti tal-Konvenzjoni.

Mill-1 ta’ Settembru 2021 daħal fis-seħħ network ta’ protokolli bilaterali dwar ir-regoli tal-oriġini fost il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni li jagħmel ir-Regoli tranżitorji applikabbli, inkluż bejn l-UE u l-Bożnija-Ħerzegovina.

L-objettiv tar-Regoli tranżitorji tal-oriġini huwa li jiġu introdotti regoli aktar laxki sabiex tiġi ffaċilitata l-kwalifika tal-istatus oriġinarju preferenzjali għall-oġġetti. Peress li r-Regoli tranżitorji tal-oriġini huma b’mod ġenerali aktar laxki minn dawk tal-Konvenzjoni, l-oġġetti li jissodisfaw dawn tal-aħħar jistgħu jikkwalifikaw ukoll bħala li joriġinaw skont ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini, bl-eċċezzjoni ta’ xi prodotti agrikoli kklassifikati fil-Kapitoli 2, 4 sa 15 u 16 (ħlief għall-prodotti tas-sajd ipproċessati) u l-Kapitoli 17 sa 24 tas-Sistema Armonizzata, għaliex ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini għal dawn il-prodotti huma differenti jew aktar riġidi minn dawk tal-Konvenzjoni.

Ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini huma applikabbli b’mod parallel mar-regoli tal-oriġini tal-Konvenzjoni u b’hekk joħolqu żewġ żoni distintivi ta’ akkumulazzjoni.

Ir-Regoli tranżitorji jipprevedu l-permeabbiltà bejn iż-żewġ settijiet ta’ regoli tal-oriġini, billi jagħmluha possibbli li tinħareġ prova retrospettiva tal-oriġini abbażi ta’ prova maħruġa skont ir-regoli tal-Konvenzjoni, bl-issodisfar tal-kundizzjoni li l-prodotti inkwistjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti taż-żewġ settijiet ta’ regoli.

Id-dispożizzjoni attwali fir-Regoli tranżitorji dwar il-permeabbiltà bejn iż-żewġ settijiet ta’ regoli tal-oriġini (l-Artikolu 21(1), il-punt (d) tal-Appendiċi A tal-Protokoll dwar ir-regoli tal-oriġini) iġġenerat proċedura doganali kkumplikata li xxekkel lill-operaturi ekonomiċi milli jibbenefikaw bis-sħiħ mill-vantaġġi li japplikaw ir-Regoli tranżitorji b’mod parallel mal-Konvenzjoni.

Il-Partijiet qablu li japplikaw ir-Regoli tranżitorji minn qabel sabiex jadattaw il-flussi kummerċjali u l-prattiki doganali għad-dħul fis-seħħ li jmiss tal-emenda tal-Konvenzjoni (li fuqha huma bbażati r-Regoli tranżitorji). Għalhekk jixraq li tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-permeabbiltà għall-bqija taż-żmien tal-applikazzjoni tar-Regoli tranżitorji sakemm tidħol fis-seħħ l-emenda tal-Konvenzjoni.

Għalhekk, l-Artikolu 8 tal-Appendiċi A tal-Protokoll 2 jenħtieġ li jiġi emendat biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-permeabbiltà eżistenti bejn il-Konvenzjoni u r-Regoli tranżitorji tal-oriġini.

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-UE fil-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jenħtieġ li tiġi stabbilita mill-Kunsill.

L-emenda proposta hija ta’ natura teknika u hija relatata mar-Regoli tranżitorji tal-oriġini attwalment applikabbli bejn il-Partijiet u ma taffettwax is-sustanza tal-Protokoll dwar ir-regoli tal-oriġini. Għalhekk, ma teħtieġx valutazzjoni tal-impatt.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni 4 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra.

L-att li l-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni huwa mitlub jadotta, jikkostitwixxi att b’effetti legali.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew minn dawn il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.

Għaldaqstant, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Implikazzjoni Baġitarja

Is-simplifikazzjoni dwar il-permeabbiltà bejn il-Konvenzjoni u r-Regoli tranżitorji tal-oriġini ma għandhiex impatt li jista’ jitkejjel fuq il-baġit tal-UE peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jikkonċerna prinċipalment il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-konsolidazzjoni ta’ prattiki moderni tal-awtoritajiet doganali. Is-simplifikazzjoni għandha fil-mira l-oqsma li jibqgħu fil-kompetenza tal-awtoritajiet mingħajr ma jkollha impatt fuq is-sustanza tar-regoli li permezz tagħhom l-oġġetti jiksbu status oriġinarju preferenzjali u tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-prinċipju eżistenti tal-permeabbiltà.

6.Pubblikazzjoni tal-att previst

Billi l-att tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni se jemenda l-Protokoll 2 tal-Ftehim, jixraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

2024/0204 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda tal-Protokoll 2 ta’ dak il-Ftehim dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva rigward il-permeabbiltà bejn il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji u r-Regoli tranżitorji tal-oriġini

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/998 5 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2015.

(2)Skont l-Artikolu 117 tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’ jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu b’kunsens. Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll 2 tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit bl-Artikolu 115 tal-Ftehim (“il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni”) jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta’ dak il-Protokoll.

(3)Fil-laqgħa li jmiss tiegħu, il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jrid jadotta deċiżjoni li temenda l-Protokoll 2 tal-Ftehim.

(4)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, peress li d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni se tkun vinkolanti għall-Unjoni.

(5)Matul l-ewwel laqgħa teknika dwar ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini li saret fi Brussell nhar il-5 ta’ Frar 2020, il-maġġoranza tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji 6 (“il-Konvenzjoni”) qablu li jimplimentaw ir-regoli riveduti tal-Konvenzjoni 7 (“ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini” 8 ) b’mod parallel mar-regoli tal-Konvenzjoni, fuq bażi bilaterali tranżizzjonali, sakemm jiġu adottati r-regoli riveduti tal-Konvenzjoni.

(6)L-applikazzjoni tar-Regoli tranżitorji tal-oriġini tiżgura l-adattament tal-flussi kummerċjali u l-prattiki doganali sakemm jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2025 ir-regoli riveduti tal-Konvenzjoni li huma bbażati fuqhom ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini. 

(7)Mill-1 ta’ Settembru 2021, daħal fis-seħħ network ta’ protokolli bilaterali dwar ir-regoli tranżitorji tal-oriġini fost il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni 9 , li jagħmel applikabbli r-Regoli tranżitorji 10 .

(8)L-objettiv tar-Regoli tranżitorji tal-oriġini huwa li jiġu introdotti regoli aktar laxki biex tiġi ffaċilitata l-kwalifika tal-istatus oriġinarju preferenzjali għall-oġġetti. Peress li r-Regoli tranżitorji tal-oriġini huma b’mod ġenerali aktar laxki minn dawk tal-Konvenzjoni, l-oġġetti li jissodisfaw ir-regoli tal-oriġini tal-Konvenzjoni jistgħu jikkwalifikaw ukoll bħala li joriġinaw skont ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti prodotti agrikoli kklassifikati fil-Kapitoli 2, 4 sa 15 u 16 (ħlief għall-prodotti tas-sajd ipproċessati) u l-Kapitoli 17 sa 24 tas-Sistema Armonizzata. Ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini huma applikabbli b’mod parallel mar-regoli tal-oriġini tal-Konvenzjoni u b’hekk joħolqu żewġ żoni distintivi ta’ akkumulazzjoni. Għalhekk, biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-permeabbiltà bejn il-Konvenzjoni u r-Regoli tranżitorji tal-oriġini kif previst fl-Artikolu 21(1), il-punt (d) tal-Appendiċi A tal-Protokoll 2 tal-Ftehim, jenħtieġ li jiġi emendat l-Artikolu 8 tal-Appendiċi A tal-Protokoll 2 tal-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit bil-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda tal-Protokoll 2 ta’ dak il-Ftehim, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 164 30.6.2015, p. 2
(2)    ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.
(3)    ĠU L, 2024/245, 18.01.2024.
(4)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, il-Ġermanja vs il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti minn 61 sa 64.
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/998 tal-21 ta’ April 2015 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra (ĠU L 164 30.6.2015, p. 548).
(6)    ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.
(7)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2198 tal-25 ta’ Novembru 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt imwaqqaf mill-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji fir-rigward tal-emendar tal-Konvenzjoni (OJ L 339, 30.12.2019, p. 1,
(8)    ĠU L, 2024/245, 18.01.2024.
(9)    L-UE, l-Iżlanda, l-Iżvizzera (inkluż Liechtenstein), in-Norveġja, il-Gżejjer Faeroe, Iżrael, il-Ġordan, il-Palestina (din id-deżinjazzjoni ma għandhiex tiġi interpretata bħala rikonoxximent ta’ Stat tal-Palestina u hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri fuq din il-kwistjoni), l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo (din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo), il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja, il-Montenegro, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna
(10)    ĠU C, C/2024/1637, 20.2.2024.    
Top

Brussell, 30.7.2024

COM(2024) 345 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda tal-Protokoll 2 ta’ dak il-Ftehim dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva rigward il-permeabbiltà bejn il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji u r-Regoli tranżitorji tal-oriġini


ANNESS

[Abbozz] DEĊIŻJONI Nru … TAL-KUNSILL TA’ STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI TAL-UE U TAL-BOŻNIJA-ĦERZEGOVINA

ta’ XX XX 2024

dwar

li temenda l-Protokoll 2 tal-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva

Il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-UE u tal-Bożnija-Ħerzegovina,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra 1 (“il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tal-Protokoll 2 tiegħu rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva (“il-Protokoll 2”),

Billi,

(1)Matul l-ewwel laqgħa teknika dwar ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini li saret fi Brussell nhar il-5 ta’ Frar 2020, il-maġġoranza tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (“il-Konvenzjoni”) 2 qablu li jimplimentaw ir-regoli riveduti tal-Konvenzjoni (“ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini” 3 ) b’mod parallel mar-regoli tal-Konvenzjoni, fuq bażi bilaterali tranżizzjonali, sakemm tiġi adottata l-Konvenzjoni riveduta.

(2)Mill-1 ta’ Settembru 2021 daħal fis-seħħ network ta’ protokolli bilaterali dwar ir-regoli tranżitorji tal-oriġini fost il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni, li għamel applikabbli r-Regoli tranżitorji 4 .

(3)L-objettiv tar-Regoli tranżitorji tal-oriġini huwa li jiġu introdotti regoli aktar laxki sabiex tiġi ffaċilitata l-kwalifika tal-istatus oriġinarju preferenzjali għall-oġġetti. Peress li r-Regoli tranżitorji tal-oriġini huma b’mod ġenerali aktar laxki minn dawk tal-Konvenzjoni, l-oġġetti li jissodisfaw dawn tal-aħħar jistgħu jikkwalifikaw ukoll bħala li joriġinaw skont ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti prodotti agrikoli kklassifikati fil-Kapitoli 2, 4 sa 15 u 16 (ħlief għall-prodotti tas-sajd ipproċessati) u l-Kapitoli 17 sa 24 tas-Sistema Armonizzata.

(4)Ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini huma applikabbli b’mod parallel mar-regoli tal-oriġini tal-Konvenzjoni u b’hekk joħolqu żewġ żoni distintivi ta’ akkumulazzjoni. Għalhekk, biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-permeabbiltà bejn il-Konvenzjoni u r-Regoli tranżitorji tal-oriġini kif previst fl-Artikolu 21(1), il-punt (d) tal-Appendiċi A tal-Protokoll 2, jenħtieġ li jiġi emendat l-Artikolu 8 tal-Appendiċi A tal-Protokoll 2,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

FL-Artikolu 8 tal-Appendiċi A tal-Protokoll 2 tal-Ftehim, jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a.    Minkejja l-paragrafu 1, il-punt (b), l-akkumulazzjoni prevista fl-Artikolu 7 tista’ tiġi applikata għall-oġġetti kklassifikati fil-Kapitoli 1, 3 u16 (għall-prodotti tas-sajd ipproċessati) u l-Kapitoli 25 sa 97 tas-Sistema Armonizzata li jkunu kisbu status oriġinarju bl-applikazzjoni tar-regoli tal-oriġini f’konformità mal-Appendiċi I u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji, diment li l-materjali u l-prodotti joriġinaw fil-Partijiet Kontraenti applikanti li għalihom l-akkumulazzjoni hija possibbli.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li l-aħħar waħda miż-żewġ Partijiet tkun innotifikat lill-Parti l-oħra bit-tlestija tar-rekwiżiti interni tagħha.

Magħmul fi…

Għall-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

Il-President

Is-Segretarji

(1)    ĠU L 164 30.6.2015, p. 2
(2)    ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.
(3)    ĠU L, 2024/245, 18.01.2024.
(4)    ĠU C, C/2024/1637, 20.2.2024.    
Top