Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024PC0253

Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li testendi l-protezzjoni temporanja kif introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382

COM/2024/253 final

Brussell, 11.6.2024

COM(2024) 253 final

2024/0143(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li testendi l-protezzjoni temporanja kif introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Fl-4 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 1 u attiva d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 (id-“Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja”) 2 għal ċerti kategoriji 3 ta’ persuni spostati fl-24 ta’ Frar 2022 jew wara, bħala riżultat tal-invażjoni militari tal-Ukrajna mill-forzi armati Russi li bdiet f’dik id-data. Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, it-tul inizjali tal-protezzjoni temporanja huwa ta’ sena, li jista’ jiġi estiż awtomatikament b’perjodi ta’ sitt xhur għal massimu ta’ sena. Il-protezzjoni temporanja ġiet estiża awtomatikament b’sena, sal-4 ta’ Marzu 2024.

Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, fejn jippersistu raġunijiet għal protezzjoni temporanja, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jestendi l-protezzjoni temporanja sa sena, b’maġġoranza kwalifikata u fuq proposta mill-Kummissjoni, li għandha teżamina wkoll kwalunkwe talba minn Stat Membru li jippreżenta proposta lill-Kunsill. Il-protezzjoni temporanja ġiet estiża b’perjodu ieħor ta’ sena, sal-4 ta’ Marzu 2025 4 .

L-għan ta’ din il-proposta huwa li testendi aktar b’perjodu ta’ sena protezzjoni temporanja kif introdotta mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2022/382. Dan se jkollu l-effett li jkompli l-protezzjoni temporanja fir-rigward tal-kategoriji ta’ persuni identifikati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2022/382, għall-perjodu mill-5 ta’ Marzu 2025 sal-4 ta’ Marzu 2026.

Bħalissa, aktar minn 4,19 miljun persuna spostati mill-Ukrajna, li terz minnhom huma tfal, igawdu minn protezzjoni temporanja fl-UE. L-għadd ta’ reġistrazzjonijiet attivi, li jindika l-għadd ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja fl-Istati Membri tal-UE, baqa’ stabbli għal madwar 4 miljun, b’xejra kemxejn kostanti ‘l fuq (minn 4 miljun f’Settembru 2023 għal 4,19 miljun f’Mejju 2024) 5 . Il-Ġermanja, il-Polonja u ċ-Ċekja jibqgħu l-Istati Membri li jospitaw l-ogħla għadd ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja (aktar minn 1,2 miljun fil-Ġermanja, kważi miljun fil-Polonja, u kważi 400 000 fiċ-Ċekja) 6 . Minn Settembru 2023, l-għadd ta’ deċiżjonijiet li jipprovdu protezzjoni temporanja baqa’ stabbli b’madwar 65 000 deċiżjoni fix-xahar, għalkemm juri xejra ta’ tnaqqis żgħir.

Mill-attivazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, l-Istati Membri għamlu sforzi sinifikanti biex jappoġġaw lill-persuni spostati mill-Ukrajna biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà ospitanti u fis-suq tax-xogħol. Huma komplew ukoll l-isforzi biex iżidu l-kapaċità ta’ akkoljenza u l-ippjanar ta’ kontinġenza. Ir-rispons tal-UE għall-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna għadu kkaratterizzat minn komponent b’saħħtu ta’ solidarjetà, l-ewwel nett lejn l-Ukrajna u l-poplu tagħha kif rifless fl-isforzi tal-Istati Membri u taċ-ċittadini tagħhom li jospitaw persuni spostati, u t-tieni fost l-Istati Membri, kif rifless fid-deċiżjoni tagħhom li jirrinunzjaw għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja.

Il-Pjattaforma għar-Reġistrazzjoni tal-Protezzjoni Temporanja ilha operattiva mill-31 ta’ Mejju 2022 bl-għan li tippermetti lill-partijiet jiskambjaw informazzjoni biex jiżguraw li l-persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali jkunu jistgħu jibbenefikaw b’mod effettiv mid-drittijiet tagħhom fl-Istati Membri kollha filwaqt li jillimitaw l-abbuż possibbli. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tagħha, huwa importanti li d-data tittella’ regolarment u li jitwettaq segwitu rapidu, fejn meħtieġ, f’każ ta’ reġistrazzjonijiet doppji. Hija se tkompli twettaq l-operazzjonijiet tagħha sakemm ikun hemm fis-seħħ protezzjoni temporanja. F’dan ir-rigward, ma hija meħtieġa l-ebda bidla fil-funzjonament tiegħu għall-estensjoni tal-protezzjoni temporanja.

Barra minn hekk, minħabba li persuna tista’ tibbenefika mid-drittijiet marbuta mal-protezzjoni temporanja fi Stat Membru wieħed biss kull darba, il-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja li jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor biex igawdu minn protezzjoni temporanja jenħtieġ li ma jibbenefikawx mill-assistenza soċjali f’żewġ Stati Membri simultanjament.

Il-ħtieġa li tkompli tiġi pprovduta protezzjoni, flimkien mal-possibbiltà li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja jgawdu protezzjoni temporanja fl-Istat Membru tal-għażla tagħhom, kellha impatt fuq is-sistema ta’ akkoljenza ta’ xi Stati Membri, b’mod partikolari dawk li jospitaw għadd kbir ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja, flimkien ukoll mal-impatt li jkollhom ilaħħqu simultanjament ma’ għadd kbir ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali jew ma’ nuqqas ta’ akkomodazzjoni. F’dan ir-rigward, għall-ġejjieni, huwa importanti li titkompla l-ħidma biex jiġi żgurat bilanċ akbar tal-isforzi fost l-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib l-impatt ta’ wasliet ġodda futuri fuq il-kapaċità ta’ akkoljenza tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni tinsab lesta wkoll li tiffaċilita d-diskussjonijiet meħtieġa dwar din il-kwistjoni u s-segwitu xieraq. L-iżgurar tal-awtodipendenza tal-persuni spostati u t-tranżizzjoni tagħhom għal akkomodazzjoni fit-tul jibqgħu prijorità.

Minbarra li tipprovdi lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja aċċess għal sett ta’ drittijiet armonizzati, l-attivazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja tkompli ttaffi r-riskju li s-sistemi tal-ażil ma jkunux jistgħu jipproċessaw l-influss mingħajr effetti negattivi għall-operat effiċjenti tagħhom.

Mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa, meta mqabbla mal-4,19 miljun reġistrazzjoni għall-protezzjoni temporanja ta’ persuni spostati mill-Ukrajna, ġew ippreżentati biss madwar 53 000 applikazzjoni 7 għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadini Ukreni fl-Istati Membri tal-UE, fin-Norveġja u fl-Iżvizzera. Filwaqt li baqgħu f’livelli baxxi meta mqabbla mal-istima inizjali li bejn 1,2 u 3,2 miljun persuna potenzjalment se japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali, s’issa ġiet osservata żieda relattiva fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil minn ċittadini Ukreni fl-2024 (żieda ta’ 50 % meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena l-oħra). Madankollu, in-numri ġenerali limitati jkomplu juru li l-protezzjoni temporanja laħqet l-għan tagħha, inkluż il-prevenzjoni li s-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri ma jkunux mgħobbija żżejjed.

Skont l-istħarriġ tal-intenzjonijiet tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) ta’ Frar 2024 8 , il-proporzjon ta’ persuni spostati li qed jippjanaw jew li jittamaw li jirritornaw lejn l-Ukrajna fil-futur naqas meta mqabbel ma’ sena ilu (minn 77 % għal 64 %), filwaqt li s-sehem ta’ dawk li mhumiex deċiżi dwar ir-ritorn żdied (18 % għal 24 %), kif ukoll dawk li ma jirrapportaw l-ebda tama li jirritornaw (5 % għal 11 %). L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (International Organization for Migration, IOM) tirrapporta 9 maġġoranza kbira ta’ persuni li stħarrġet (74 %) li beħsiebhom jirritornaw lejn l-Ukrajna meta u jekk hijiex sikura.

Barra minn hekk, skont l-istudju konġunt tal-Aġenzija Ewropea għall-Ażil (European Agency for Asylum, EUAA) u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (Organisation for Economic Cooperation and Development, OECD) 10 , 53 % tar-rispondenti esprimew l-intenzjoni tagħhom li jirritornaw lejn l-Ukrajna wara l-gwerra, iżda proporzjon sinifikanti (30 %) għadhom mhux ċerti. Madwar 17 % huma ċerti li mhux se jirritornaw, bir-raġuni ewlenija għal dan tkun it-tħassib dwar is-sikurezza fil-pajjiż tal-oriġini.

Dan l-istħarriġ jikkonferma li l-persuni spostati mill-Ukrajna għadhom ma jistgħux jirritornaw lejn l-Ukrajna f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema.

Fl-Ukrajna, ir-Russja tkompli l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha mingħajr waqfien. Minn Marzu 2024, dan jinkludi attakki mill-ajru ripetuti intensifikati madwar il-pajjiż li rriżultaw f’diżgrazzji kbar u ħsara sinifikanti, u li kellhom impatt konsiderevoli fuq l-infrastruttura tal-enerġija tal-pajjiż, li jwasslu għal qtugħ mifrux tal-enerġija u l-qerda tal-impjanti tal-enerġija.

L-attakki intenzjonati u indiskriminati tar-Russja jaffettwaw direttament lill-popolazzjoni ċivili fil-pajjiż kollu, b’attakki imprevedibbli tal-arja u tad-droni li jestendu lil hinn minn żoni ta’ battalja stabbiliti u li fil-biċċa l-kbira ma jiċċaqalqux.

Minn Marzu 2024, l-IOM tistma li hemm 3,6 miljun persuna spostata internament (internally displaced persons, IDPs) 11 fl-Ukrajna. 80 % tal-unitajiet domestiċi spostati rrapportaw li ġew spostati għal mill-inqas sena 12 . Skont l-informazzjoni pprovduta fir-rapport dwar it-Tielet Ħsara Rapida u l-Valutazzjoni tal-Ħtiġijiet (RDNA3) 13 , il-programm tal-istat li jappoġġa l-IDPs sar fiskalment insostenibbli. Barra minn hekk, il-faqar u n-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel huma rrappurtati li żdiedu fl-2023. L-impatti tal-gwerra mhumiex uniformi, u l-akbar effetti jinħassu min-nisa, il-persuni b’diżabilità, it-tfal u ż-żgħażagħ, l-IDPs, u l-anzjani.

L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (Office for the Coordination of Humanitarian Affairs, OCHA) jistma li, minn Diċembru 2023, aktar minn 14,6 miljun persuna fil-pajjiż jeħtieġu assistenza umanitarja urġenti fl-2024 14 .

Is-sitwazzjoni volatili, flimkien mas-sitwazzjoni umanitarja diffiċli fl-Ukrajna, tista’ twassal ukoll għal wasliet ulterjuri fuq skala kbira fl-Unjoni li jirriżultaw fil-ħtieġa li tingħata protezzjoni lil għadd addizzjonali ta’ persuni spostati.

L-inċertezza u l-volatilità attwali fl-Ukrajna juru li ma hemm l-ebda soluzzjoni ċara għall-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja attwalment preżenti fl-Istati Membri tal-UE. Dawn il-persuni għad għandhom bżonn jiġu protetti fl-Unjoni. Bl-istess mod, ir-riskju għall-operat effiċjenti tas-sistemi nazzjonali tal-ażil jibqa’ jekk il-protezzjoni temporanja tieqaf dalwaqt u dawn il-persuni kollha jitolbu protezzjoni internazzjonali fl-istess ħin.

Minħabba l-iżviluppi ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li r-raġunijiet għall-protezzjoni temporanja jippersistu u li l-protezzjoni temporanja għalhekk jenħtieġ li tiġi estiża bħala rispons meħtieġ u xieraq għas-sitwazzjoni attwali. Jenħtieġ li l-estensjoni tiġi adottata malajr kemm jista’ jkun u għal sena oħra, jiġifieri għall-perjodu mill-5 ta’ Marzu 2025 sal-4 ta’ Marzu 2026, f’konformità mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja. Dan biex jiġi żgurat li l-persuni spostati mill-Ukrajna u ospitati fl-Istati Membri tal-UE jingħataw kemm jista’ jkun stabbiltà u prospetti fiċ-ċirkostanzi kurrenti.

Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li jwettqu fil-ħin il-passi amministrattivi u legali meħtieġa (bħat-tiġdid tal-permessi ta’ residenza) biex iħejju għall-estensjoni tal-protezzjoni temporanja.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta hija konsistenti bis-sħiħ mal-acquis tal-UE dwar l-ażil, peress li d-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja tifforma parti integrali mis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u kienet prevista li tiffaċċja sitwazzjoni straordinarja ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati, kif għadu l-każ bħalissa minħabba l-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna mir-Russja. Hija wkoll kompletament konsistenti mal-għan tal-Unjoni Ewropea li tistabbilixxi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja miftuħ għal dawk li, imġiegħla miċ-ċirkustanzi, ifittxu protezzjoni fl-Unjoni Ewropea b’mod leġittimu.

L-elementi tal-proposta huma konsistenti wkoll mal-atti legali li jiffurmaw il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil li ġew adottati reċentement. Il-Parlament u l-Kunsill qablu li jippreservaw id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja bħala parti mis-sett ta’ għodod disponibbli għall-UE għal sitwazzjonijiet ta’ wasliet tal-massa. Id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja wriet li hija strument essenzjali biex tiġi pprovduta protezzjoni immedjata fl-UE. F’dan l-istadju, din għadha l-aktar strument xieraq biex jiġi indirizzat l-ispostament ikkawżat mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din il-proposta hija kompletament konsistenti mal-ħtieġa li l-Istati Membri jitħallew jipproċessaw applikazzjonijiet potenzjali għall-protezzjoni internazzjonali b’mod ordnat mingħajr ma jegħlbu s-sistemi tal-ażil tagħhom u li jkomplu jipprevedu l-miżuri meħtieġa f’każ ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna li jevitaw li s-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri jinqabdu fuq sieq waħda. Hija konsistenti wkoll mal-azzjonijiet esterni tal-Unjoni. Din il-proposta hija wkoll konformi mal-miżuri restrittivi tal-UE u ma’ azzjonijiet oħra adottati wkoll b’rispons għall-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Din il-proposta hija parti minn sett komprensiv ta’ azzjonijiet tal-UE li jirrispondu għall-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

Il-bażi legali għall-proposta hija l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati, fid-dawl li r-raġunijiet għall-protezzjoni temporanja jippersistu. Dan jippermetti miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u jġorru l-konsegwenzi ta’ dan.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

It-Titolu V tat-TFUE dwar l-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja jagħti ċerti setgħat lill-Unjoni Ewropea f’dawn il-kwistjonijiet. Dawn is-setgħat iridu jitħaddmu f’konformità mal-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jiġifieri jekk u sa fejn l-objettivi tal-azzjoni proposta ma jkunux jistgħu jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri weħedhom u għaldaqstant, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni proposta, ikunu jistgħu jintlaħqu aħjar mill-Unjoni Ewropea.

Is-sitwazzjoni fl-Ukrajna bħala riżultat tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa għandha impatt fuq l-UE kollha kemm hi. Din intlaqgħet b’rispons mingħajr preċedent u unifikat mill-Unjoni Ewropea. Dan juri li għadha teħtieġ soluzzjonijiet tal-UE u appoġġ mill-UE kif ukoll koordinazzjoni b’saħħitha fil-livell tal-UE, peress li hemm ħtieġa kontinwa li l-Istati Membri kollha jirrispondu b’mod effettiv għas-sitwazzjoni flimkien u jiżguraw li l-istess standards u sett armonizzat ta’ drittijiet jiġu applikati madwar l-Unjoni għall-4,19 miljun persuna li bħalissa huma ospitati fl-Unjoni u fil-każ ta’ influss (tal-massa) ġdid ta’ persuni spostati minħabba l-volatilità li għaddejja bħalissa. Minbarra l-influss tal-massa eżistenti li għad fadal, ma jistgħux jiġu esklużi aktar wasliet fuq skala kbira minħabba l-volatilità kontinwa tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna. Huwa ċar li l-azzjonijiet meħuda minn Stati Membri individwali ma jistgħux jindirizzaw b’mod sodisfaċenti l-ħtieġa għal approċċ komuni tal-UE għal dak li jikkostitwixxi b’mod ċar sfida komuni għall-UE kollha.

Approċċ komuni bħal dan ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri individwalment u jista’, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill proposta, jinkiseb u jiġi kkoordinat aħjar fil-livell tal-Unjoni, kif indikat ukoll mill-Istati Membri nfushom. Għaldaqstant, l-Unjoni trid taġixxi u tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Proporzjonalità

F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill proposta tipprevedi estensjoni tal-protezzjoni temporanja għal perjodu limitat ta’ żmien, jiġifieri għal sena għall-grupp speċifiku ta’ persuni li għalihom diġà tapplika.

Il-miżura proposta hija limitata għal dak li huwa meħtieġ minħabba l-iskala u l-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna, li b’riżultat tagħha, madwar 4,19 miljun persuna spostati li bħalissa huma preżenti fl-Istati Membri tal-UE ma jistgħux jirritornaw lejn l-Ukrajna f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema. Barra minn hekk, din l-estensjoni tikkostitwixxi wkoll rispons proporzjonat fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali, peress li l-protezzjoni temporanja pproteġiet is-sistema tal-ażil tal-Istati Membri milli tkun mgħobbija b’għadd sinifikanti ta’ applikazzjonijiet minn persuni li jaslu fl-Istati Membri tal-UE.

Għażla tal-istrument

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja jirrikjedi Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill biex il-protezzjoni temporanja tiġi estiża sa sena meta jippersistu raġunijiet għal protezzjoni temporanja.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza

In-Network tal-Blueprint tal-UE dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni b’enfasi fuq l-Ukrajna u l-Pjattaforma ta’ Solidarjetà tal-Ukrajna 15 jkomplu l-operazzjonijiet tagħhom bl-għan li jipprovdu, rispettivament, għarfien komuni tas-sitwazzjoni tal-implikazzjonijiet migratorji tal-invażjoni Russa fuq skala sħiħa tal-Ukrajna u t-tħejjija tal-UE u tal-Istati Membri u rispons koordinat għall-kriżi permezz ta’ skambji regolari. F’dan il-kuntest, iż-żieda fit-tħejjija ġenerali fil-livell tal-UE, inkluż l-ippjanar ta’ kontinġenza, ġiet diskussa fiż-żewġ fora. L-informazzjoni u d-data dwar is-sitwazzjoni attwali u dwar il-movimenti tan-nies qed jinġabru b’mod kostanti. Il-Pjattaforma ta’ Reġistrazzjoni tal-Protezzjoni Temporanja tkompli tiddiskuti fuq bażi ad hoc kif tiżgura aħjar l-iskambju xieraq ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja u ta’ protezzjoni adegwata disponibbli skont il-liġi nazzjonali fost l-Istati Membri, filwaqt li tidentifika reġistrazzjonijiet doppji fl-istess Stat Membru u madwar l-Istati Membri tal-UE.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea, organizzazzjonijiet bħall-Bank Dinji u n-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll il-Gvern tal-Ukrajna qed jivvalutaw regolarment is-sitwazzjoni fl-Ukrajna. Il-Bank Dinji jippubblika rapporti dwar il-Valutazzjoni Rapida tal-Ħsara u tal-Ħtiġijiet tal-Ukrajna 16 .

Minn meta faqqgħet il-gwerra, l-IOM ħadmet biex tipprovdi fehim aħjar tas-sitwazzjoni tal-persuni spostati u biex issegwi l-ispostament intern fl-Ukrajna u l-flussi tal-mobbiltà, minbarra l-monitoraġġ permezz ta’ stħarriġ tal-intenzjonijiet ta’ dawk li qed jaħarbu mill-gwerra u ta’ dawk li jaqsmu l-fruntiera lura lejn l-Ukrajna u l-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet tar-ritorn. L-UNHCR ilu jippubblika regolarment informazzjoni dwar l-intenzjonijiet u l-perspettivi ta’ persuni spostati (anke internament) mill-Ukrajna. Stħarriġ u dokumenti mill-organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija hawn fuq jindikaw li s-sitwazzjoni attwali għadha volatili u inċerta, u għalhekk ma tippermettix ritorn taħt kundizzjonijiet sikuri u dejjiema. Minn April 2024, l-UNHCR jistma li 6,4 miljun persuna li qed jaħarbu mill-Ukrajna huma rreġistrati madwar id-dinja 17 .

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u l-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

Permezz tan-Network tat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni u l-awtoritajiet tal-Pjattaforma ta’ Solidarjetà tal-Istati Membri, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u l-Aġenziji rilevanti tal-UE, il-Kummissjoni kkonsultat regolarment mal-awtoritajiet Ukreni u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, biex tiġbor informazzjoni bbażata fuq l-evidenza, filwaqt li żżomm skambji ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi u tas-soċjetà ċivili.

Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-presidenzi b’rotazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kkonsultat lill-Istati Membri dwar il-futur tal-protezzjoni temporanja lil hinn minn Marzu 2025 fil-livell Ministerjali, kif ukoll fil-Kumitat Strateġiku tal-Kunsill dwar l-Immigrazzjoni, il-Fruntieri u l-Asil (Strategic Committee on Immigration, Frontiers and Asylum, SCIFA) f’Novembru 2023 u fil-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Asil f’Marzu 2024, fejn l-Istati Membri ssottolinjaw il-ħtieġa li l-protezzjoni temporanja tiġi estiża malajr kemm jista’ jkun. Saru diskussjonijiet paralleli u komplementari fil-Pjattaforma ta’ Solidarjetà, fejn l-Istati Membri esprimew b’mod unanimu l-ħtieġa li l-protezzjoni temporanja tiġi estiża għal sena addizzjonali biex jinżamm rispons Ewropew komuni, tiġi pprovduta ċarezza lill-benefiċjarji u l-Istati Membri jkunu jistgħu jieħdu l-passi amministrattivi u legali meħtieġa fil-livell nazzjonali (bħat-tiġdid tal-permessi ta’ residenza). B’mod parallel, il-Kummissjoni kellha kuntatti regolari mal-awtoritajiet Ukreni biex tiġbor informazzjoni dwar is-sitwazzjoni fuq il-post. Fl-istess ħin, ikomplu r-riflessjonijiet dwar il-ħtieġa li jinħolqu l-kundizzjonijiet biex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel minn protezzjoni temporanja għal status legali nazzjonali alternattiv. Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, il-Kummissjoni kkonsultat speċifikament lill-UNHCR, li kien qed jivvaluta s-sitwazzjoni u pprovda kontribut rilevanti, u wettaq stħarriġ dwar l-intenzjonijiet tal-persuni spostati. Fi Frar u Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew għar-Refuġjati u l-Eżiljati (European Council for Refugees and Exiles, ECRE) u 140 organizzazzjoni oħra tas-soċjetà ċivili ppubblikaw rapport 18 u dikjarazzjoni konġunta 19 dwar is-sitwazzjoni tal-persuni spostati mill-Ukrajna rispettivament, fejn appellaw, fost l-oħrajn, lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tipproponi estensjoni ulterjuri tal-protezzjoni temporanja.

Drittijiet fundamentali

Din il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tirrispetta l-prinċipji rikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt internazzjonali, inkluż il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat-28 ta’ Lulju 1951 dwar l-istatus tar-refuġjati, kif emendata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, il-ħtiġijiet ta’ finanzjament marbuta mal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja ġew akkomodati fil-baġit tal-istrumenti ta’ finanzjament eżistenti tal-UE fil-perjodu 2014-2020 u 2021-2027, b’mod partikolari taħt il-Politika ta’ Koeżjoni.

Dan ippermetta lill-Istati Membri jkollhom aċċess għall-fondi mhux minfuqa disponibbli u jidderiġuhom malajr taħt il-programmi 2014-2020 lejn ħtiġijiet urġenti ta’ migrazzjoni u ġestjoni tal-fruntieri li jirriżultaw mill-wasla fl-UE ta’ għadd kbir ta’ persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna. Barra minn hekk, ġie miftiehem tisħiħ immirat ta’ EUR 152 miljun mill-awtorità baġitarja u ntuża bħala parti mill-pakkett ta’ assistenza ta’ emerġenza ta’ EUR 400 miljun biex jappoġġa l-aktar Stati Membri affettwati bi ħtiġijiet tal-ewwel akkoljenza marbuta mal-influss għoli ta’ persuni spostati mill-Ukrajna. Il-programmi tal-Fondi għall-Affarijiet Interni 2021-2027 taħt l-AMIF, il-BMVI u l-ISF jikkontribwixxu wkoll biex jissodisfaw il-finanzjament tal-ħtiġijiet tal-Istati Membri marbuta mal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja. B’mod ġenerali, inizjalment ġew allokati EUR 9,4 biljun għall-programmi nazzjonali, filwaqt li allokazzjoni addizzjonali ta’ EUR 1,9 biljun se tiġi allokata fl-2025 bħala riżultat tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-programmi. Fl-aħħar nett, fi Frar 2024, ġiet miftiehma żieda fir-riżorsi għall-Intestatura 4 ta’ EUR 2 biljun għall-2025-2027 fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP). Dawn ir-riżorsi addizzjonali se jappoġġaw lill-Istati Membri fil-ġestjoni tal-isfidi u l-ħtiġijiet urġenti relatati mal-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri fl-Istati Membri l-aktar esposti, kif ukoll f’dawk affettwati mill-gwerra fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani, u għall-implimentazzjoni tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, inkluż proċeduri ġodda fuq il-fruntiera.

5.ELEMENTI OĦRA

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 jistabbilixxi l-estensjoni tal-protezzjoni temporanja b’sena (mill-5 ta’ Marzu 2025 sal-4 ta’ Marzu 2026) għall-persuni spostati msemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2022/382.

L-Artikolu 2 jistabbilixxi d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni.

2024/0143 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li testendi l-protezzjoni temporanja kif introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn 20 , u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fl-4 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 21 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja.

(2)F’konformità mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/55/KE, il-protezzjoni temporanja l-ewwel applikat għal perjodu inizjali ta’ sena, sat-4 ta’ Marzu 2023, u mbagħad ġiet estiża awtomatikament għal sena addizzjonali sal-4 ta’ Marzu 2024.

(3)Fid-19 ta’ Ottubru 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2409 22 li tistabbilixxi l-estensjoni tal-protezzjoni temporanja kif introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 sal-4 ta’ Marzu 2025, f’konformità mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva.

(4)Fil-kuntest tal-attivazzjoni tad-Direttiva 2001/55/KE, l-Istati Membri qablu unanimament f’dikjarazzjoni 23 li ma japplikawx l-Artikolu 11 tad-Direttiva fir-rigward ta’ persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja fi Stat Membru partikolari f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2022/382, u li jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor mingħajr awtorizzazzjoni, sakemm fuq bażi bilaterali l-Istati Membri ma jaqblux mod ieħor.

(5)Minħabba li persuna tista’ tibbenefika mid-drittijiet marbuta mal-protezzjoni temporanja fi Stat Membru wieħed biss kull darba, il-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja li jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor biex igawdu minn protezzjoni temporanja jenħtieġ li ma jibbenefikawx mill-assistenza soċjali f’żewġ Stati Membri simultanjament.

(6)Hemm madwar 4,19 miljun persuna spostata mill-Ukrajna li bħalissa qed jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja fl-Unjoni. L-għadd kumplessiv ta’ reġistrazzjonijiet ta’ persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja baqa’ stabbli għal madwar 4,19 miljun, b’xejra kemxejn kostanti ‘l fuq u bi ftit persuni li jirrapportaw li jmorru lura lejn l-Ukrajna fuq bażi permanenti. Is-sitwazzjoni fl-Ukrajna ma tippermettix ir-ritorn tal-persuni spostati lejn l-Ukrajna f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema. L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni tistma li, minn Marzu 2024, 3,6 miljun persuna huma spostati internament fl-Ukrajna. 80 % tal-persuni kollha spostati internament rrapportaw li ġew spostati għal sena jew aktar. L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji stima li aktar minn 14,6 miljun persuna fl-Ukrajna jeħtieġu assistenza umanitarja urġenti fl-2024.

(7)Barra minn hekk, ma jistgħux jiġu esklużi aktar wasliet fuq skala kbira minħabba l-kundizzjonijiet umanitarji diffiċli, volatilità usa’ u l-inċertezza tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna bħala riżultat ta’ azzjonijiet ostili mir-Russja, inkluż attakki ripetuti intensifikati mill-ajru madwar il-pajjiż kontra ċ-ċivili. Ir-riskju ta’ eskalazzjoni għadu hemm. Fl-istess ħin, ir-riskju għall-operat effiċjenti tas-sistemi nazzjonali tal-ażil jibqa’ jekk il-protezzjoni temporanja tieqaf dalwaqt mal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali fl-istess ħin.

(8)Peress li l-għadd kbir ta’ persuni spostati fl-Unjoni li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja x’aktarx li ma jonqosx sakemm tkompli l-gwerra kontra l-Ukrajna, l-estensjoni tal-protezzjoni temporanja hija meħtieġa biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tal-persuni li bħalissa qed jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja fl-Unjoni jew li se jeħtieġu tali protezzjoni mill-5 ta’ Marzu 2025, peress li tipprevedi protezzjoni immedjata u aċċess għal sett armonizzat ta’ drittijiet filwaqt li tnaqqas il-formalitajiet għal minimu f’sitwazzjoni ta’ influss bil-massa lejn l-Unjoni. L-estensjoni tal-protezzjoni temporanja se tgħin ukoll biex jiġi żgurat li s-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri ma jkunux mgħobbija b’żieda sinifikanti fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu ppreżentati minn persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja sal-4 ta’ Marzu 2025, li kieku l-protezzjoni temporanja kellha tieqaf sa dak iż-żmien jew minn persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna u li jaslu fl-Unjoni wara dik id-data u qabel l-4 ta’ Marzu 2026.

(9)Għalhekk, meta jitqies li r-raġunijiet għall-protezzjoni temporanja jippersistu, jenħtieġ li l-protezzjoni temporanja għall-kategoriji ta’ persuni spostati msemmija fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 tiġi estiża sal-4 ta’ Marzu 2026.

(10)Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(11)L-Irlanda hija marbuta bid-Direttiva 2001/55/KE u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.

(12)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-protezzjoni temporanja mogħtija lill-persuni spostati mill-Ukrajna msemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 u estiża bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2409 hija estiża għal perjodu ieħor ta’ sena sal-4 ta’ Marzu 2026.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)     ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja  
(2)     ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn
(3)    L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2022/382 jipprevedi li l-protezzjoni temporanja tapplika għal (a) nazzjonali Ukreni residenti fl-Ukrajna qabel l-24 ta’ Frar 2022; (b) persuni apolidi, u ċittadini ta’ pajjiżi terzi għajr l-Ukrajna, li bbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali jew protezzjoni nazzjonali ekwivalenti fl-Ukrajna qabel l-24 ta’ Frar 2022; u, (c) membri tal-familja tal-persuni msemmija fil-punti (a) u (b). L-Istati Membri għandhom japplikaw jew din id-Deċiżjoni jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali tagħhom, fir-rigward ta’ persuni apolidi, u nazzjonali ta' pajjiżi terzi għajr l-Ukrajna, li jistgħu jippruvaw li kienu legalment residenti fl-Ukrajna qabel l-24 ta’ Frar 2022 abbażi ta' permess ta’ residenza permanenti validu maħruġ skont il-liġi tal-Ukrajna, u li ma jistgħux jirritornaw f'kundizzjonijiet sikuri u dejjiema lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta' oriġini tagħhom.
(4)     Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2409 tad-19 ta’ Ottubru 2023 li testendi l-protezzjoni temporanja kif introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 (europa.eu)
(5)    Informazzjoni skont id-data mtella’ fil-Pjattaforma ta’ Protezzjoni Temporanja u mgħoddija permezz tan-Network tal-Blueprint.
(6)     Statistics | Eurostat (europa.eu)
(7)    Mit-2 ta’ Ġunju 2024.
(8)     Lives on hold: intentions and perspectives of refugees, refugee returnees and IDPs from Ukraine, February 2024
(9)     Ukraine Response - Needs, Intentions & Integration Challenges - Displacement Tracking Matrix
(10)     Voices in Europe: Experiences, hopes and aspirations of forcibly displaced persons from Ukraine
(11)     Ukraine - Conditions of Return Assessment Factsheet - Round 7 (May 2024)  
(12)     Ukraine - Internal Displacement Report - General Population Survey Round 15 (November – December 2023)
(13)     World Bank Group, Ukraine Third Rapid Damage and Needs Assessment (RDNA3) (February2022 – December 2023)
(14)     Humanitarian needs and response plan Ukraine - Humanitarian Programme Cycle 2024, OCHA, December 2023
(15)    Il-Pjattaforma ġiet stabbilita mill-Kummissjoni bil-ħsieb li tikkoordina r-rispons operazzjonali fost l-Istati Membri skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2022/382. Fost l-oħrajn, jiġbor informazzjoni u jeżamina l-ħtiġijiet identifikati fl-Istati Membri u jikkoordina s-segwitu operazzjonali b’rispons għal dawn il-ħtiġijiet.
(16)     World Bank Group, Ukraine Third Rapid Damage and Needs Assessment (RDNA3) (February2022 – December 2023)    
(17)     Ukraine Refugee Situation
(18)     Transitioning out of the Temporary Protection Directive, European Council on Refugees and Exiles, February 2024
(19)     The EU must provide future-proof solutions for people displaced from Ukraine, European and International Organisations, 4 March 2024
(20)    ĠU L 212, 7.8.2001, p.12, ELI : http://data.europa.eu/eli/dir/2001/55/oj .
(21)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/382/oj ).
(22)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2409 tad-19 ta’ Ottubru 2023 li testendi l-protezzjoni temporanja kif introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 (ĠU L, 2023/2409, 24.10.2023, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2409/oj )
(23)     Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja ‒ Dikjarazzjoni tal-Istati Membri
Top