IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 6.3.2024
COM(2024) 114 final
2024/0063(NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (UE) 2024/257 li jistabbilixxi għall-2024, l-2025 u t-2026 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/257 jistabbilixxi għall-2024, l-2025 u l-2026 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-UE u, għal bastimenti tas-sajd tal-UE, f’ċerti ilmijiet mhux tal-UE. Il-proposta temenda dawk l-opportunitajiet tas-sajd biex tqis l-aħħar parir xjentifiku u żviluppi oħra. Barra minn hekk, il-proposta tikkoreġi ċerti żbalji fir-Regolament (UE) 2024/257.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-miżuri proposti huma konsistenti mal-għanijiet u r-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS).
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-miżuri proposti huma konsistenti ma’ politiki oħra tal-UE, b’mod partikolari mal-politiki fil-qasam tal-ambjent.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
Il-bażi legali tal-proposta hija l-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
•Sussidjarjetà
Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-UE kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(d) TFUE. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Il-proposta talloka opportunitajiet tas-sajd lill-Istati Membri skont l-għanijiet tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd. Skont l-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għalihom jistgħu jiġu allokati lill-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, f’konformità ma’ ċerti kriterji għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd. Għalhekk, l-Istati Membri jkollhom il-marġni ta’ diskrezzjoni meħtieġa meta jqassmu l-qabdiet totali permissibbli (total allowable catches, TACs) allokati, f’konformità mal-mudell soċjali/ekonomiku tal-għażla tagħhom biex jisfruttaw l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għalihom.
•Għażla tal-istrument
Peress li l-proposta temenda regolament eżistenti, l-aktar strument legali xieraq huwa regolament.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-Kummissjoni kkonsultat lill-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari permezz tal-kunsilli konsultattivi, abbażi tal-Komunikazzjoni annwali tagħha “Sajd sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2024 (COM(2023) 303).
Ir-rispons tal-partijiet ikkonċernati għal dik il-komunikazzjoni annwali urew il-fehmiet tagħhom dwar l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-qagħda tar-riżorsi u dwar ir-rispons xieraq tal-ġestjoni. Il-Kummissjoni qieset dawk it-tweġibiet meta fasslet il-proposta.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-parir xjentifiku tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (International Council for the Exploration of the Sea, ICES) huwa bbażat fuq qafas żviluppat mill-gruppi ta’ esperti u l-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu u maħruġ f’konformità mal-ftehim qafas ta’ sħubija tiegħu mal-Kummissjoni.
•Valutazzjoni tal-impatt
L-Artikolu 43(3) TFUE jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-proposta.
Il-proposta hija maħsuba biex tevita approċċi għal żmien qasir favur is-sostenibbiltà fit-tul. Din tqis l-inizjattivi mill-partijiet ikkonċernati u mill-kunsilli konsultattivi jekk ikunu ġew rieżaminati b’mod pożittiv mill-ICES. Il-proposta ta’ riforma tal-PKS tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq valutazzjoni tal-impatt (SEC(2011) 891) fejn tqies li filwaqt li l-kisba tal-objettiv tar-rendiment massimu sostenibbli (maximum sustainable yield, MSY) kienet kundizzjoni meħtieġa għas-sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali, dawk it-tlett objettivi ma jistgħux jinkisbu iżolati minn xulxin.
Fir-rigward tal-opportunitajiet tas-sajd u l-istokkijiet tal-organizzazzjoni reġjonali tas-sajd li huma ġestiti b’mod konġunt ma’ pajjiżi mhux tal-UE, il-proposta timplimenta miżuri maqbula internazzjonalment. Kwalunkwe aspett li huwa rilevanti għall-valutazzjoni tal-impatti possibbli tal-opportunitajiet tas-sajd jiġi ttrattat fit-tħejjija u fit-twettiq ta’ negozjati internazzjonali li fihom jiġu miftiehma l-opportunitajiet tas-sajd tal-UE ma’ pajjiżi mhux tal-UE.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Mhux applikabbli.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u b’mod partikolari dawk rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-miżuri proposti ma huma se jkollhom l-ebda implikazzjoni baġitarja.
5.ELEMENTI OĦRA
•
Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Il-proposta tfittex li temenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/257 kif deskritt hawn taħt.
Ir-raja għewejna fil-Kanal tal-Punent
Ir-Regolament (UE) 2024/257 stabbilixxa TAC għar-rebekkini u raj (Rajiformes) fl-ilmijiet tal-UE u tar-Renju Unit tad-diviżjonijiet 6a, 6b, 7a sa 7c u 7e sa 7k tal-ICES (fil-Punent tal-Iskozja, fl-Ibħra Ċeltiċi tan-Nofsinhar u fil-Kanal Ingliż). Dak ir-Regolament stabbilixxa wkoll kundizzjoni speċjali taħt dik it-TAC. Dik il-kundizzjoni speċjali tippermetti li l-qabdiet tar-raja għewejna (Raja microocellata) fid-diviżjoni 7e tal-ICES (il-Kanal tal-Punent) mill-UE u mir-Renju Unit fl-2024, biex ikun jista’ jsir sajd sentinella għall-fini tal-ġbir tad-data bbażat fuq is-sajd għal dak l-istokk kif ivvalutat mill-ICES. Sabiex tiġi prevista ċ-ċertezza legali u biex ikunu jistgħu jitwettqu “programmi ta’ monitoraġġ” tas-sajd sentinella, jenħtieġ li l-kwantitajiet skont dik il-kundizzjoni speċjali jiġu allokati lill-Istati Membri f’konformità mal-prinċipju tal-istabbiltà relattiva u l-koeffiċjent tal-allokazzjoni għar-rebekkini u r-raj fl-ilmijiet tal-UE u tar-Renju Unit tad-diviżjonijiet 6a, 6b, 7a sa 7c u 7e sa 7k tal-ICES.
Barbun ilsien il-kelb u l-lingwata ta’ ħalq żgħir fi Skagerrak-Kattegat
Fis-6 ta’ Diċembru 2023, l-UE u r-Renju Unit ikkonkludew konsultazzjonijiet bilaterali dwar l-istabbiliment tal-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet elenkati fl-Anness 35 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”). L-eżitu ta’ dawk il-konsultazzjonijiet ġie ddokumentat f’Rekord bil-Miktub iffirmat fis-6 ta’ Diċembru 2023, issupplimentat b’addendum fit-8 ta’ Diċembru 2023, u implimentat fid-dritt tal-UE permezz tar-Regolament (UE) 2024/257.
F’dawk il-konsultazzjonijiet bilaterali, l-UE u r-Renju Unit fost l-oħrajn stabbilew, għall-ewwel darba, TACs għal: (i) il-barbun ilsien il-kelb (Glyptocephalus cynoglossus) fl-ilmijiet tal-UE tad-diviżjoni 3a tal-ICES (Skagerrak-Kattegat); u (ii) il-lingwata ta’ ħalq żgħir (Microstomus kitt) f’dik l-istess żona. Sakemm jintlaħaq ftehim bejn l-Istati Membri dwar kif għandhom jiġu allokati dawk l-opportunitajiet tas-sajd, it-TACs għal dawk l-istokkijiet ġew immarkati “għad iridu jiġu stabbiliti” fir-Regolament (UE) 2024/257. Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw dawk l-opportunitajiet tas-sajd, it-TACs u l-kwoti tal-UE għal dawk l-istokkijiet jenħtieġ li jiġu stabbiliti fil-livelli stabbiliti fir-Reġistru bil-Miktub. Peress li d-diskussjonijiet bejn l-Istati Membri dwar l-allokazzjoni għadhom għaddejjin, il-kwoti tal-Istati Membri mhumiex inklużi. Hekk kif ikun magħruf l-eżitu ta’ dawk id-diskussjonijiet, is-servizzi tal-Kummissjoni se jaġġornaw il-proposta permezz ta’ dokument informali li jipproponi: (i) il-kwoti tal-Istati Membri; jew (ii) li l-kwoti tal-UE ma jiġux allokati lill-Istati Membri u li l-Istati Membri kollha jitħallew jistadu għall-kwoti tal-UE sakemm dawn jintużaw bis-sħiħ.
Ċiċċirell fil-Baħar tat-Tramuntana
Ir-Regolament (UE) 2024/257 stabbilixxa b’mod proviżorju għal żero, it-TAC għaċ-ċiċċirell u l-qabdiet aċċessorji assoċjati (Ammodytes spp.) fl-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-UE tas-subżona 4 tal-ICES (il-Baħar tat-Tramuntana), fl-ilmijiet tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a tal-ICES u fl-ilmijiet tal-UE tad-diviżjoni 3a (Skagerrak u Kattegat) għall-2024, sakemm jiġi ppubblikat il-parir xjentifiku għal dak l-istokk għall-2024 mill-ICES.
L-ICEC huwa mistenni li jippubblika l-parir xjentifiku tiegħu għaċ-ċiċċirell fis-subżona 4 u d-diviżjoni 3a tal-ICEC għall-2024 fid-29 ta’ Frar, 2024. Wara l-pubblikazzjoni ta’ dak il-parir, l-UE ser ikollha konsultazzjonijiet bilaterali mar-Renju Unit dwar il-livell tat-TAC għall-2024 għal dak l-istokk skont l-Artikoli 498(2), (4) u (6) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Sakemm joħroġ l-eżitu formali ta’ dawk il-konsultazzjonijiet bilaterali, it-test tal-premessa rilevanti tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/194 huwa inkluż fil-parentesi kwadri u t-TAC għaċ-ċiċċirell fis-subżona 4 u d-diviżjonijiet 2a u 3a tal-ICES għall-2024 huwa mmarkat “pm” (pro memoria). Hekk kif ikun magħruf ir-riżultat formali ta’ dawk il-konsultazzjonijiet bilaterali, is-servizzi tal-Kummissjoni se jaġġornaw il-proposta permezz ta’ dokument informali li jipproponi t-TAC rilevanti għall-2024 fil-livell miftiehem mar-Renju Unit.
SPRFMO
Fir-Regolament (UE) 2024/257, it-TACs fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku (South Pacific Regional Fisheries Management Organisation, SPRFMO) huma mmarkati “għad iridu jiġu stabbiliti” u l-miżuri funzjonalment marbuta mat-TACs jinżammu proviżorjament, sakemm joħroġ l-eżitu tal-laqgħa annwali tal-SPRFMO tal-2024 li saret mid-29 ta’ Jannar sat-2 ta’ Frar 2024.
Fit-12 laqgħa annwali tagħha fl-2024, l-SPRFMO adottat limiti ta’ qbid għas-sawrell (Trachurus murphyi) u żammet is-sajd esploratorju għall-pixxisinna (Dissostichus spp.). Barra minn hekk, l-SPRFMO żammet jew emendat miżuri funzjonalment marbuta. Għalhekk, dawn il-miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.
WCPFC
Fir-Regolament (UE) 2024/257, l-opportunitajiet tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (Western and Central Pacific Fisheries Commission, WCPFC) huma mmarkati “għad iridu jiġu stabbiliti” u l-miżuri funzjonalment marbuta ma’ dawn jinżammu proviżorjament, sakemm joħroġ l-eżitu formali tal-laqgħa annwali tal-2023 tad-WCPFC li saret mill-4 sat-8 ta’ Diċembru 2023.
Fil-laqgħa annwali tagħha tal-2023, id-WCPFC iddeċidiet li żżomm il-limiti tal-isforz tas-sajd bit-tartarun tal-borża u l-għadd massimu ta’ dawn il-bastimenti li jistadu għat-tonn tropikali. Barra minn hekk, id-WCPFC emendat il-miżuri relatati mal-ġestjoni tat-tagħmir biex jinġabar il-ħut (Fish Aggregating Devices, FADs) fis-sajd tat-tonn tropikali, b’mod partikolari mal-għeluq tal-FAD. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati fil-liġi tal-Unjoni.
ICCAT
Il-limiti tal-isforz tas-sajd għall-bastimenti tal-UE li jistadu għat-tonn (Thunnus thynnus) fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas, ICCAT) u l-input u l-kapaċità massimi għall-farms tat-tonn fl-UE, f’dik iż-żona, huma bbażati fuq l-informazzjoni pprovduta fil-pjanijiet annwali għas-sajd, fil-pjanijiet annwali għall-ġestjoni tal-kapaċità tas-sajd u fil-pjanijiet għall-ġestjoni tat-trobbija għat-tonn fl-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jgħaddu dawk il-pjanijiet lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar kull sena, skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2023/2053 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dawk il-pjanijiet imbagħad jiġu kkompilati mill-Kummissjoni u jiffurmaw il-bażi għall-istabbiliment ta’ pjan annwali tal-UE, li jintbagħat lis-Segretarjat tal-ICCAT għad-diskussjoni u l-approvazzjoni mill-ICCAT, kif meħtieġ mill-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2023/2053. Sakemm jiġi ppreżentat u approvat il-pjan annwali tal-UE mill-ICCAT, it-test tal-premessa rilevanti tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/194 huwa inkluż fil-parentesi kwadri u l-limiti tal-isforz tas-sajd tal-UE u l-input u l-kapaċità massimi tat-trobbija tal-ħut tal-UE għat-2024 huma mmarkati “pm” (pro memoria). Hekk kif il-pjan annwali tal-UE jiġi approvat mill-ICCAT, is-servizzi tal-Kummissjoni se jaġġornaw il-proposta permezz ta’ dokument mhux dokument li jipproponi l-limiti rilevanti tal-isforz tas-sajd u l-input u l-kapaċità massima tal-biedja għall-2024.
Tawru
Fl-14-il laqgħa tagħha li saret f’Samarkand, l-Użbekistan, mit-12 sas-17 ta’ Frar 2024, il-Konferenza tal-Partijiet (Conference of the Parties, COP) għall-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċijiet Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (Conservation of Migratory Species of Wild Animals, CMS) żiedet it-tawru (Carcharias taurus) mal-listi ta’ speċijiet protetti fl-Appendiċi I u II ta’ dik il-Konvenzjoni. Għalhekk jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu implimentati fil-liġi tal-UE billi jipprojbixxu: (i) bastimenti tas-sajd tal-UE fl-ilmijiet kollha; u (ii) bastimenti ta’ pajjiżi terzi fl-ilmijiet tal-UE, biex jistadu għal, iżommu abbord, jittrażbordaw jew iħottu l-art dik l-ispeċi.
Madankollu, l-Artikolu 98(2) tar-Regolament (UE) 2023/2124 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill diġà stabbilixxa tali projbizzjoni għas-sajd tat-tawru fil-Mediterran. Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-istess suġġett, fil-Mediterran, tali projbizzjoni għandha għalhekk tiġi stabbilita biss għall-bastimenti tal-UE fl-ilmijiet kollha għajr il-Mediterran, u għall-bastimenti ta’ pajjiżi terzi fl-ilmijiet tal-UE.
Jenħtieġ li dik il-projbizzjoni għas-sajd tat-tawru tapplika mill-1 ta’ April 2024, li huwa: (i) wara l-14 il-laqgħa tal-COP għas-CMS, li saret mit-12 sas-17 ta’ Frar 2024; u (ii) qabel id-dħul fis-seħħ tal-emenda għall-Appendiċijiet I u II tas-CMS fis-17 ta’ Mejju 2024.
Korrezzjoni ta’ żbalji
Kemm l-Artikolu 41 (4) kif ukoll l-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) 2024/257 jirreferu għall-istess għadd massimu ta’ bastimenti tas-sajd tal-UE awtorizzati jistadu għall-pixxispad (Xiphias gladius) fiż-żoni taż-żona tal-Konvenzjoni tad-WCPFC. Id-dispożizzjoni preċedenti għandha għalhekk titħassar għal raġunijiet ta’ ċarezza legali.
L-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) 2024/257 dwar id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni jenħtieġ li jiġi kkoreġut fir-rigward ta’ miżuri dwar is-sallura Ewropea (Anguilla anguilla) fl-ilmijiet tal-baħar u salmastri tal-UE tas-subżoni 3, 4, 6, 7, 8 u 9 tal-ICES, u l-ilmijiet salmastri tal-UE li jmissu magħhom, kif ġej:
–L-Artikolu 13(4) tar-Regolament (UE) 2023/194, li jirrikjedi li l-Istati Membri jiddeterminaw il-perjodi tal-għeluq għall-attivitajiet tas-sajd kummerċjali għas-sallura Ewropea fl-istadji kollha tal-ħajja f’dik iż-żona, japplika mill-1 ta’ Marzu 2023 sal-31 ta’ Marzu 2024. L-Artikolu 13(6) tar-Regolament (UE) 2024/257 li jistabbilixxi tali miżura għandu għalhekk japplika mill-1 ta’ April 2024; kif ukoll
–Il-miżuri li jikkonċernaw l-attivitajiet tas-sajd kummerċjali għas-sallura Ewropea fl-istadji kollha tal-ħajja f’dik iż-żona stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/257 japplikaw sal-31 ta’ Marzu 2025. Il-projbizzjoni tas-sajd rikreattiv tas-sallura Ewropea fl-istadji kollha tal-ħajja f’dik iż-żona skont l-Artikolu 13(7) ta’ dak ir-Regolament jenħtieġ għalhekk li tapplika wkoll sal-31 ta’ Marzu 2025.
Fl-Anness IA, il-Parti B, tar-Regolament (UE) 2024/257 l-iżbalji li ġejjin jenħtieġ li jiġu kkoreġuti:
–Tabella 60: il-kwoti tal-Istati Membri għal-lingwata ta’ ħalq żgħir u għall-barbun ilsien il-kelb fl-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-UE tas-subżona 4 tal-ICES u fl-ilmijiet tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a għall-2024 jenħtieġ li jiġu kkoreġuti biex jindirizzaw żball fil-kalkolu ta’ dawk il-kwoti. Barra minn hekk, fin-noti 3 u 4 f’qiegħ il-paġna rispettivament, il-kodiċijiet tar-rapportar għal: (i) il-lingwata ta’ ħalq żgħir fl-ilmijiet tal-UE tad-diviżjoni 3a; u (ii) “witch” fl-ilmijiet tal-UE tad-diviżjoni 3a, għandu jiġi kkoreġut;
–Tabella 93: it-TAC għall-barbun imperjali u l-barbun lixx (Scophthalmus maximus u Scophthalmus rhombus) fl-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-UE tas-subżona 4 tal-ICES u fl-ilmijiet tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a għall-2024 jenħtieġ li tiġi mmarkata bħala “TAC analitika” f’konformità mal-parir rilevanti tal-ICES. Barra minn hekk, fin-nota 4 f’qiegħ il-paġna, il-kodiċi ta’ rappurtar għall-barbun lixx fl-ilmijiet tal-UE tad-diviżjoni 3a għandu jiġi kkoreġut;
–Tabella 101: fit-tabelli tat-TAC għar-raja ondjata (Raja undulata) fl-ilmijiet tal-UE tas-subżona 8 u s-subżona 9 tal-ICES rispettivament, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-qabdiet mill-allokazzjoni addizzjonali għall-bastimenti li jipparteċipaw fis-sajd sentinella jenħtieġ li jiġu rrappurtati separatament;
–Tabella 103: fit-Tabella tat-TAC għall-kavall (Scomber scombrus) fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Baħar Baltiku: (i) id-deskrizzjoni taż-żona u l-kodiċi tar-rapportar jenħtieġ li jiġu kkoreġuti biex jirriflettu l-ambitu ġeografiku taż-żewġ TACs għall-kavall fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Baħar Baltiku li ġew inklużi fir-Regolament (UE) 2023/194; (ii) it-tieni sentenza tan-nota 1 f’qiegħ il-paġna , li tikkontradixxi l-bqija ta’ dik in-nota f’qiegħ il-paġna jenħtieġ li titħassar; (iii) fin-nota 2 f’qiegħ il-paġna, l-ewwel kolonna tat-tabella, id-deskrizzjoni taż-żona u l-kodiċi tar-rappurtar għandhom jiġu kkoreġuti biex jirriflettu d-deskrizzjoni taż-żona tat-TAC; u (iv) fin-nota 4 f’qiegħ il-paġna, it-titolu “wara t-trasferiment” għandu jitħassar għal raġunijiet ta’ ċarezza legali; kif ukoll
–Tabella 106: fit-Tabella tat-TAC għal-lingwata komuni (Solea solea) fl-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-UE tas-subżona 4 tal-ICES u fl-ilmijiet tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a, in-nota 1 f’qiegħ il-paġna, il-kodiċi tar-rapportar jenħtieġ li jiġi kkoreġut.
Fl-Anness XI tar-Regolament (UE) 2024/257, l-iżbalji li ġejjin jenħtieġ li jiġu kkoreġuti:
–punt 2: fit-Tabella tat-TAC għall-kavalli (Scomber scombrus) fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Baħar Baltiku: (i) it-tieni sentenza tan-nota 1 f’qiegħ il-paġna li tikkontradixxi l-bqija tan-nota f’qiegħ il-paġna, jenħtieġ li titħassar; (ii) fin-nota 2 f’qiegħ il-paġna, l-ewwel kolonna tat-tabella, id-deskrizzjoni taż-żona u l-kodiċi tar-rappurtar għandhom jiġu kkoreġuti biex jirriflettu d-deskrizzjoni taż-żona tat-TAC; u (iii) fin-nota 4 f’qiegħ il-paġna, it-titolu “wara t-trasferiment” għandu jitħassar għal raġunijiet ta’ ċarezza legali.
2024/0063 (NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (UE) 2024/257 li jistabbilixxi għall-2024, l-2025 u t-2026 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/257 jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2024, l-2025 u l-2026 għal ċerti stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni. Il-qabdiet totali permissibbli (total allowable catches, TACs) u l-limiti tal-isforz tas-sajd u l-miżuri funzjonalment marbuta mat-TACs u mal-limiti tal-isforz tas-sajd stabbiliti bir-Regolament (UE) 2024/257 jenħtieġ li jiġu emendati biex iqisu l-pubblikazzjoni tal-parir xjentifiku kif ukoll l-eżiti tal-konsultazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi u laqgħat tal-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (regional fisheries management organisations, RFMOs).
(2)Ir-Regolament (UE) 2024/257 stabbilixxa TAC għar-rebekkini u r-raj (Rajiformes) fl-ilmijiet tal-Unjoni u tar-Renju Unit tad-diviżjonijiet 6a, 6b, 7a sa 7c u 7e sa 7k tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (International Council for the Exploration of the Sea, ICES). Dak ir-Regolament stabbilixxa wkoll kundizzjoni speċjali taħt dik it-TAC. Dik il-kundizzjoni speċjali tippermetti li l-qabdiet tar-raja għewejna (Raja microocellata) jinqabdu fid-diviżjoni 7e tal-ICES (il-Kanal tal-Punent) mill-Unjoni u mir-Renju Unit fl-2024, biex ikun jista’ jsir sajd sentinella għall-fini tal-ġbir tad-data bbażat fuq is-sajd għal dak l-istokk kif ivvalutat mill-ICES. Sabiex tiġi prevista ċ-ċertezza legali u biex ikunu jistgħu jitwettqu “programmi ta’ monitoraġġ” tas-sajd sentinella, jenħtieġ li l-kwantitajiet skont dik il-kundizzjoni speċjali jiġu allokati lill-Istati Membri f’konformità mal-prinċipju tal-istabbiltà relattiva u l-koeffiċjent tal-allokazzjoni għar-rebekkini u r-raj fl-ilmijiet tal-Unjoni u tar-Renju Unit tad-diviżjonijiet 6a, 6b, 7a sa 7c u 7e sa 7k tal-ICES.
(3)F’konsultazzjonijiet bilaterali dwar l-istabbiliment tal-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet elenkati fl-Anness 35 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), l-Unjoni u r-Renju Unit stabbilixxew, għall-ewwel darba, TACs għal: (i) il-barbun ilsien il-kelb (Glyptocephalus cynoglossus) fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 3a tal-ICES (Skagerrak-Kattegat); u (ii) il-lingwata ta’ ħalq żgħir (Microstomus kitt) f’dik l-istess żona. Sakemm jintlaħaq ftehim bejn l-Istati Membri dwar kif għandhom jiġu allokati dawk l-opportunitajiet tas-sajd, it-TACs għal dawk l-istokkijiet ġew immarkati “għad iridu jiġu stabbiliti” fir-Regolament (UE) 2024/257. Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw dawk l-opportunitajiet tas-sajd, it-TACs u l-kwoti tal-Unjoni għal dawk l-istokkijiet jenħtieġ li jiġu stabbiliti fil-livelli miftiehma mar-Renju Unit u, jekk rilevanti, jiġu allokati lill-Istati Membri f’konformità mal-eżitu tad-diskussjonijiet bejn l-Istati Membri dwar tali allokazzjoni.
(4)[Bejn id-9 u t-13 ta’ Marzu 2023, saru konsultazzjonijiet bilaterali bejn l-Unjoni u r-Renju Unit dwar il-livell tat-TAC għaċ-ċiċċirell u l-qabdiet aċċessorji assoċjati (Ammodytes spp.) fl-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-Unjoni tas-subżona 4 tal-ICES, fl-ilmijiet tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 3a. Dawk il-konsultazzjonijiet twettqu skont l-Artikolu 498(2), (4) u (6) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u abbażi tal-pożizzjoni tal-Unjoni approvata mill-Kunsill fit-2 ta’ Marzu 2023. L-eżitu tal-konsultazzjonijiet ġie ddokumentat f’Rekords Maqbula. Għalhekk jenħtieġ li t-TAC rilevanti tiġi stabbilita fil-livell miftiehem mar-Renju Unit.] [Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara li jiġu konklużi l-konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.]
(5)Fit-12-il laqgħa annwali tagħha fl-2024, l-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku (South Pacific Regional Fisheries Management Organisation, SPRFMO) adottat limiti ta’ qbid għas-sawrell (Trachurus murphyi) u żammet is-sajd esploratorju għall-pixxisinna (Dissostichus spp.). Barra minn hekk, il-SPRFMO żammet jew emendat miżuri funzjonalment marbuta. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati fil-liġi tal-Unjoni.
(6)Fil-laqgħa annwali tagħha tal-2023, il-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (Western and Central Pacific Fisheries Commission, WCPFC) iddeċidiet li żżomm il-limiti tal-isforz tas-sajd bit-tartarun tal-borża u l-għadd massimu ta’ dawn il-bastimenti li jistadu għat-tonn tropikali. Ġew emendati d-dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni tat-tagħmir biex jinqabad il-ħut (Fish Aggregating Devices, FADs) fis-sajd għat-tonn tropikali, u b’mod partikolari mal-għeluq tal-FAD. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati fil-liġi tal-Unjoni.
(7)[Il-limiti tal-isforz tas-sajd għall-bastimenti tal-Unjoni li jistadu għat-tonn (Thunnus thynnus) fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas, ICCAT) u l-input u l-kapaċità massimi għall-farms tat-tonn fl-Unjoni, f’dik iż-żona, huma bbażati fuq l-informazzjoni pprovduta fil-pjanijiet annwali għas-sajd, fil-pjanijiet annwali għall-ġestjoni tal-kapaċità tas-sajd u fil-pjanijiet għall-ġestjoni tat-trobbija għat-tonn fl-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jgħaddu dawk il-pjanijiet lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar kull sena, skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2023/2053 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dawk il-pjanijiet imbagħad jiġu kkompilati mill-Kummissjoni u jiffurmaw il-bażi għall-istabbiliment ta’ pjan annwali tal-Unjoni, li jintbagħat lis-Segretarjat tal-ICCAT għad-diskussjoni u l-approvazzjoni tal-ICCAT, kif meħtieġ mill-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2023/2053. L-aħħar pjan annwali tal-Unjoni ġie approvat mill-ICCAT fit-8 ta’ Marzu 2023. Għalhekk, il-limiti tal-isforz tas-sajd tal-Unjoni u l-input u l-kapaċità massimi tat-trobbija tal-ħut tal-Unjoni għall-2023 jenħtieġ li jiġu emendati f’konformità ma’ dak il-pjan annwali.] [Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti ser jiġu aġġornati wara l-approvazzjoni mill-ICCAT tal-pjan annwali tal-Unjoni.]
(8)Fl-14-il laqgħa tagħha li saret f’Samarkand, l-Użbekistan, mit-12 sas-17 ta’ Frar 2024, il-Konferenza tal-Partijiet (Conference of the Partie, COP) għall-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċijiet Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (CMS) żiedet it-tawru (Carcharias taurus) mal-listi ta’ speċijiet protetti fl-Appendiċi I u II ta’ dik il-Konvenzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni billi jiġu pprojbiti: (i) il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet kollha; u (ii) bastimenti ta’ pajjiżi terzi fl-ilmijiet tal-Unjoni, biex jistadu għal, iżommu abbord, jittrażbordaw jew iħottu l-art dik l-ispeċi. Madankollu, l-Artikolu 98(2) tar-Regolament (UE) 2023/2124 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill diġà stabbilixxa tali projbizzjoni għat-tawru fil-Mediterran. Għalhekk, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-istess suġġett, fil-Mediterran, jenħtieġ li tali projbizzjoni tiġi stabbilita biss għall-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet kollha għajr il-Mediterran, u għall-bastimenti ta’ pajjiżi terzi fl-ilmijiet tal-Unjoni.
(9)Kemm l-Artikolu 41, il-paragrafu 4, kif ukoll l-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) 2024/257 jirreferu għall-istess għadd massimu ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li huma awtorizzati jistadu għall-pixxispad (Xiphias gladius) fiż-żoni taż-żona tal-Konvenzjoni tad-WCPFC. Id-dispożizzjoni preċedenti għandha għalhekk titħassar għal raġunijiet ta’ ċarezza legali.
(10)L-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) 2024/257 dwar id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni jenħtieġ li jiġi kkoreġut fir-rigward ta’ miżuri dwar is-sallura Ewropea (Anguilla anguilla) fl-ilmijiet tal-baħar u salmastri tal-Unjoni tas-subżoni 3, 8, 4, 6, 7 u 9 tal-ICES, u l-ilmijiet salmastri tal-Unjoni li jmissu magħhom.
(11)Ċerti żbalji fit-tabelli tat-TAC fl-Annessi tar-Regolament (UE) 2024/257 għandhom jiġu kkoreġuti. Dawn jinkludu żbalji li jikkonċernaw: (i) il-kwoti tal-Istati Membri; (ii) it-tip ta’ TAC (jiġifieri “TAC analitika” jew “TAC prekawzjonarja”); (iii) deskrizzjonijiet taż-żoni; u (iv) kodiċijiet ta’ rapportar. Barra minn hekk, f’dawk l-Annessi, ċerti dispożizzjonijiet għandhom jiġu ċċarati fi: (i) it-tabelli tat-TAC għar-raja ondjata (Raja undulata) fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżona 8 tal-ICES u tas-subżona 9 rispettivament; u (ii) it-tabelli tat-TAC għall-kavall (Scomber scombrus) fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Baħar Baltiku.
(12)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 2024/257 jiġi emendat u kkoreġut kif xieraq.
(13)L-opportunitajiet tas-sajd previsti fir-Regolament (UE) 2024/257 japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2024. Għalhekk, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet introdotti minn dan ir-Regolament dwar l-opportunitajiet tas-sajd japplikaw ukoll minn dik id-data. Tali applikazzjoni retroattiva ma taffettwax il-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi l-opportunitajiet tas-sajd ikkonċernati żdiedu jew għadhom ma ġewx eżawriti.
(14)Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li jikkonċernaw it-tawru jenħtieġ li japplikaw mill-1 ta’ April 2024, li huwa: (i) wara l-14 laqgħa tal-COP għas-CMS, li saret mit-12 sas-17 ta’ Frar 2024; u (ii) qabel id-dħul fis-seħħ tal-emenda għall-Appendiċijiet I u II tas-CMS fis-17 ta’ Mejju 2024.
(15)Minħabba l-urġenza biex jiġu evitati interruzzjonijiet fl-attivitajiet tas-sajd, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emenda tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/257
Ir-Regolament (UE) 2024/257 huwa emendat kif ġej:
(1)Fl-Artikolu 20(1), jiddaħħal il-punt li ġej:
“(ba)it-tawru (Carcharias taurus) fl-ilmijiet kollha għajr dawk tal-Mediterran;”
(2)Fl-Artikolu 41, il-paragrafu 3 huwa mħassar.
(3)L-Artikolu 42 jiġi sostitwit b’dan li ġej:
"Artikolu 42
Ġestjoni ta’ sajd b’FADs
1.Fil-Parti taż-żona tal-Konvenzjoni tad-WCPFC li tinsab bejn 20° N u 20° S, bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża, bastimenti tal-offerti, u kwalunkwe bastiment ieħor li jopera b’appoġġ għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża, ma għandhomx jużaw, iħaddmu jew ipoġġu xbieki tal-FADs bejn il-ħinijiet ta’ 00.00 fl-1 ta’ Lulju 2024 u 24.00 fil-15 ta’ Awwissu 2024.
2.Minbarra l-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 1, għandu jkun ipprojbit li jitqiegħdu xbieki fuq l-FADs fl-ibħra miftuħa taż-żona tal-Konvenzjoni tad-WCPFC li tinsab bejn 20° N u 20° S għal xahar addizzjonali, minn 00.00 tal-1 ta’ April 2024 sa 24.00 tat-30 ta’ April 2024, jew minn 00.00 tal-1 ta’ Mejju 2024 sa 24.00 tal-31 ta’ Mejju 2024, jew minn 00.00 tal-1 ta’ Novembru 2024 sa 24.00 tat-30 ta’ Novembru 2024, jew minn 00.00 tal-1 ta’ Diċembru 2024 sa 24.00 tal-31 ta’ Diċembru 2024.
3.Kull Stat Membru kkonċernat għandu jiddetermina liema mill-perjodi ta’ għeluq imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom japplikaw għall-bastimenti tas-sajd b’tartarun tal-borża li jtajru l-bandiera tiegħu. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni sal-15 ta’ Frar 2024 dwar l-istaġun magħluq magħżul. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lis-segretarjat tad-WCPFC dwar il-perjodi ta’ għeluq magħżula mill-Istati Membri qabel l-1 ta’ Marzu 2024.
4.
Kull Stat Membru għandu jiżgura li ebda wieħed mill-bastimenti tiegħu b’tartarun tal-borża ma jqiegħed fuq il-baħar, fi kwalunkwe ħin, aktar minn 350 tagħmir biex jinġabar il-ħut bil-bagi tal-istrumenti attivati. Il-bagi għandhom jiġu attivati esklużivament abbord bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża.
(4)fl-Artikolu 55(1), jiddaħħal dan li ġej:
“(aa)tawru (Carcharias taurus) fl-ilmijiet kollha tal-Unjoni;”
(5) Fl-Artikolu 59, il-punti (a) u (b) jiġu sostitwiti b’dan li ġej:
“(a)L-Artikolu 13(1) u (7), għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Marzu 2025;
(b)L-Artikolu 13(2) sa (6) għandu japplika mill-1 ta’ April 2024 sal-31 ta’ Marzu 2025;"
(6) Fl-Artikolu (59), jiddaħħlu l-punti (ca) u (ga) li ġejjin:
“ (ca)L-Artikolu 20(1), il-punt (ba) għandu japplika mill-1 ta’ April 2024;
(ga) L-Artikolu 55(1), il-punt (aa) għandu japplika mill-1 ta’ April 2024;”
(7)L-Annessi IA, V, IH, VI u XI huma emendati u kkoreġuti f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2024.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President