Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024PC0046

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet (EDIRPA)

    COM/2024/46 final

    Brussell, 2.2.2024

    COM(2024) 46 final

    2024/0025(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet

    (EDIRPA)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.Suġġett tal-proposta

    Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE b’rabta mal-adozzjoni prevista tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt dwar emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet.

    2.Kuntest tal-proposta

    1.1.Ftehim ŻEE

    Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (‘‘il-Ftehim ŻEE’’) jiggarantixxi drittijiet u obbligi ugwali fi ħdan is-Suq Intern għaċ-ċittadini u l-operaturi ekonomiċi fiż-ŻEE. Huwa jipprevedi l-inklużjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE li tkopri l-erba’ libertajiet madwar it-30 Stat taż-ŻEE li jinkludu l-Istati Membri tal-UE, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein. Barra minn hekk, il-Ftehim ŻEE jkopri l-kooperazzjoni f’oqsma importanti oħra bħar-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni, il-politika soċjali, l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, it-turiżmu u l-kultura, kollettivament magħrufin bħala l-politiki “ta’ appoġġ u orizzontali”. Il-Ftehim ŻEE daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994. L-Unjoni flimkien mal-Istati Membri tagħha hija parti għall-Ftehim ŻEE.

    1.2.Kumitat Konġunt taż-ŻEE

    Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa responsabbli għall-ġestjoni tal-Ftehim ŻEE. Huwa forum għall-iskambju ta’ fehmiet b’rabta mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE. Id-deċiżjonijiet tiegħu jittieħdu b’kunsens u huma vinkolanti fuq il-Partijiet. Ir-responsabbiltà għall-koordinazzjoni ta’ kwistjonijiet taż-ŻEE min-naħa tal-UE hija tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea. 

    1.3.Att previst tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

    Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mistenni jadotta d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (“l-att previst”) rigward l-emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet.

    L-għan tal-att previst huwa li jestendi l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE biex jinkludi r-Regolament (UE) 2023/2418 dwar l-istabbiliment ta’ strument għat-tisħiħ tal-industrija Ewropea tad-difiża permezz tal-akkwist komuni (EDIRPA) 1 .

    L-Iżlanda u l-Liechtenstein għandhom jiġu eżentati mill-parteċipazzjoni fl-Istrument u mill-kontribuzzjoni finanzjarja għalih.

    L-att previst hu espressjoni tal-kooperazzjoni mill-qrib ħafna bejn in-Norveġja u l-Unjoni Ewropea fis-sitwazzjoni ġeopolitika attwali.

    Skont il-politika baġitarja tal-UE, kull parteċipazzjoni f’attività tal-UE tista’ sseħħ biss wara li jitħallsu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji korrispondenti. Il-ħlas jista’ madankollu jseħħ ladarba l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill jiġi adottat u wara li s-sejħa għal fondi tal-UE stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea tkun ippreżentata lill-Istati taż-ŻEE-EFTA.

    Għalhekk, biex jimtela l-vojt fiż-żmien bejn is-27 ta’ Ottubru 2023 u r-riċeviment tal-ħlas rispettiv, l-att previst se jkun applikabbli b’mod retroattiv mis-27 ta’ Ottubru 2023. Ir-retroattività ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligi tal-persuni kkonċernati u tirrispetta l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.

    L-att previst isir vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.

    3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

    Il-Kummissjoni tippreżenta l-abbozz ta’ Deċiżjoni anness tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Il-pożizzjoni, ladarba adottata, għandha tiġi ppreżentata fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE kemm jista’ jkun malajr.

    L-abbozz ta’ Deċiżjoni anness tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jintroduċi drittijiet ta’ parteċipazzjoni għall-Istati taż-ŻEE-EFTA fl-attivitajiet li jirriżultaw mir-Regolament (UE) 2023/2418 dwar l-istabbiliment ta’ strument għat-tisħiħ tal-industrija Ewropea tad-difiża permezz tal-akkwist komuni (EDIRPA), li jmur lil hinn minn dak li jista’ jitqies bħala sempliċi adattamenti tekniċi fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 2 . Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.

    L-Istati taż-ŻEE-EFTA għandhom jikkontribwixxu wkoll finanzjarjament għall-attivitajiet imsemmija hawn fuq. L-Iżlanda u l-Liechtenstein għandhom jiġu eżentati mill-parteċipazzjoni fl-Istrument u mill-kontribuzzjoni finanzjarja għalih.

    4.Bażi ġuridika

    1.4.Bażi ġuridika proċedurali

    1.4.1.Prinċipji

    L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu ‘‘[i]l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.’’

    Il-kunċett ta’ ‘‘atti li jkollhom effetti legali’’ jinkludi atti li jkollhom effetti legali permezz tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-UE 3 .

    1.4.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

    Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa korp stabbilit minn ftehim, jiġifieri l-Ftehim ŻEE. L-att, li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mitlub jadotta, jikkostitwixxi att li jkollu effetti legali. L-att previst isir vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.

    L-att previst ma jissupplimentax jew jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94.

    1.5.Bażi legali sostantiva

    1.5.1.Prinċipji

    Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 tiddependi primarjament fuq il-bażi legali sostantiva tal-att legali tal-UE li għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

    Jekk l-att previst isegwi żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun identifikabbli bħala dak ewlieni, mentri l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi legali sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew il-komponent ewlieni jew predominanti.

    1.5.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

    Peress li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt testendi l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE biex tinkludi r-Regolament (UE) 2023/2418 dwar l-istabbiliment ta’ strument għat-tisħiħ tal-industrija Ewropea tad-difiża permezz tal-akkwist komuni (EDIRPA), huwa xieraq li din id-deċiżjoni tal-Kunsill tiġi bbażata fuq l-istess bażi legali sostantiva bħall-att li huwa inkorporat. Għalhekk, il-bażi legali sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 173(3) TFUE.

    1.6.Konklużjoni

    Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 173(3) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE u l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94.

    5.Pubblikazzjoni tal-att previst

    Billi l-att tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE se jemenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet tal-Ftehim ŻEE, huwa xieraq li, wara l-adozzjoni tiegħu, jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    2024/0025 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet

    (EDIRPA)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 173(3), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 4 , u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 5 (‘‘il-Ftehim ŻEE’’) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

    (2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet.

    (3)Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE tiġi estiża sabiex tinkludi r-Regolament (UE) 2023/2418 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 .

    (4)Għalhekk, jenħtieġ li l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista’ sseħħ.

    (5)Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta tal-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    Ir-Regolament (UE) 2023/2418 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar l-istabbiliment ta’ strument għat-tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Akkwist Komuni (EDIRPA), ĠU L, 2023/2418, 26.10.2023.
    (2)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.
    (3)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
    (4)    ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.
    (5)    ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.
    (6)    Ir-Regolament (UE) 2023/2418 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar l-istabbiliment ta’ strument għat-tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Akkwist Komuni (EDIRPA), ĠU L, 2023/2418, 26.10.2023.
    Top

    Brussell, 2.2.2024

    COM(2024) 46 final

    ANNESS

    tal-

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet




















    (EDIRPA)


    ANNESS

    ABBOZZ TA’ DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

    Nru […]

    ta’ […]

    li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet

    IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

    Billi:

    (1)Huwa xieraq li tiġi estiża l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE biex tinkludi r-Regolament (UE) Nru 2023/2418 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar l-istabbiliment ta’ strument għat-tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Akkwist Komuni (EDIRPA) 1 .

    (2)Huwa xieraq li l-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fl-attivitajiet li jirriżultaw mir-Regolament (UE) Nru 2023/2418 tibda mis-27 ta’ Ottubru 2023, irrispettivament minn meta din id-Deċiżjoni tiġi adottata, jew jekk it-twettiq tar-rekwiżiti kostituzzjonali għal din id-Deċiżjoni, jekk ikun hemm, ikun innotifikat wara l-10 ta’ Lulju 2023.

    (3)Entitajiet stabbiliti fl-Istati tal-EFTA jenħtieġ li jkunu intitolati li jipparteċipaw f’attivitajiet li jibdew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Il-kostijiet imġarrba għal dawn l-attivitajiet, li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara s-27 ta’ Ottubru 2023, jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-kostijiet imġarrba minn entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri tal-UE sakemm din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ qabel it-tmiem tal-azzjoni kkonċernata. Il-klawżola dwar azzjonijiet eliġibbli b’mod retroattiv fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2023/2418 tapplika wkoll.

    (4)Il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA u l-istituzzjonijiet, l-impriżi, l-organizzazzjonijiet u ċ-ċittadini tagħhom fil-programmi tal-Unjoni Ewropea huma stabbiliti fil-Ftehim ŻEE u b’mod partikolari fl-Artikolu 81 tiegħu.

    (5)Għalhekk, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista’ tibda sseħħ mis-27 ta’ Ottubru 2023,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-paragrafu segwenti jiżdied wara l-paragrafu 14 tal-Artikolu 7 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE:

       15.    32023 R 2418: Ir-Regolament (UE) 2023/2418 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ strument għat-tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Akkwist Komuni (EDIRPA) (ĠU L, 2023/2418, 26.10.2023).

           L-Istati tal-EFTA għandhom, mis-27 ta’ Ottubru 2023, jipparteċipaw fl-azzjonijiet tal-Unjoni relatati mal-linji baġitarji li ġejjin tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea:

       - Linja baġitarja 13 01 04: “Nefqa ta’ appoġġ għall-Istrument tad-Difiża fuq Medda Qasira dwar akkwist komuni”.

       - Linja baġitarja 13 06 01: “Strument tad-Difiża fuq Medda Qasira dwar akkwist komuni”.

           Il-kostijiet imġarrba għal attivitajiet li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara s-27 ta’ Ottubru 2023 jew, jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2023/2418 jiġu ssodisfati, wara l-24 ta’ Frar 2022, jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli mid-data tal-bidu tal-azzjoni msemmija fil-ftehim tal-għotja jew fid-deċiżjonijiet tal-għotja kkonċernati, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fihom, dment li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE [din id-Deċiżjoni] tidħol fis-seħħ qabel tmiem l-azzjoni.

           L-Iżlanda u l-Liechtenstein għandhom jiġu eżentati mill-parteċipazzjoni fl-Istrument u mill-kontribuzzjoni finanzjarja għalih.”

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE 2*.

    Għandha tapplika mis-27 ta’ Ottubru 2023.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

       Il-President

       

       Is-Segretarji

       tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

       



    Dikjarazzjoni mill-Istati tal-EFTA

    għad-deċiżjoni Nru [din id-Deċiżjoni] li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għall-estensjoni tal-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fl-Istrument skont ir-Regolament (UE) 2023/2418.

    B’din id-Deċiżjoni qiegħda tiġi estiża l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fl-Istrument stabbilit bir-Regolament (UE) 2023/2418. L-Istati tal-EFTA jaħsbu li kwistjonijiet ta’ difiża jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE, u għalhekk li l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE biex tinkludi kwistjonijiet ta’ difiża lil hinn mill-parteċipazzjoni fl-Istrument stabbilit bl-att imsemmi hawn fuq. L-Istati tal-EFTA jenfasizzaw ukoll li l-Iżlanda u l-Liechtenstein ma għandhomx jipparteċipaw fl-Istrument stabbilit mill-atti msemmija qabel u ma għandhomx jikkontribwixxu finanzjarjament għalih.

    (1)    ĠU L, 2023/2418, 26.10.2023.
    (2) *    [Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]
    Top