Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024PC0037

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika, dwar emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati ma’ istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni

    COM/2024/37 final

    Brussell, 24.1.2024

    COM(2024) 37 final

    2024/0013(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika, dwar emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati ma’ istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.Suġġett tal-proposta

    Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Partijiet (“CoP”) tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (“il-Konvenzjoni ta’ Istanbul” jew “il-Konvenzjoni”), b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tal-Partijiet 1 fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-Kumitat (l-Artikolu 2) u r-regoli dwar il-votazzjoni (l-Artikoli 20, 21 u 25). L-emendar ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura sar meħtieġ wara l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

    2.Kuntest tal-proposta

    2.1.Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul

    Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul għandha l-għan li tistabbilixxi sett komprensiv u armonizzat ta’ regoli għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fl-Ewropa u lil hinn minnha. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2014.

    L-UE ffirmat il-Konvenzjoni f’Ġunju 2017, u lestiet il-proċedura tal-adeżjoni bid-depożitu ta’ żewġ strumenti ta’ approvazzjoni fit-28 ta’ Ġunju 2023, li skattaw id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni għall-UE fl-1 ta’ Ottubru 2023. L-UE ssieħbet mal-Konvenzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tagħha, jiġifieri fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni 2 u fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement 3 . L-Irlanda u d-Danimarka mhumiex marbuta bl-eżerċizzju tal-Unjoni tal-kompetenza tagħha fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement 4 . L-Istati Membri kollha tal-UE ffirmaw il-Konvenzjoni iżda, sal-10 ta’ Jannar 2024, 22 biss irratifikawha u għalhekk għandhom id-dritt tal-vot fil-Kumitat tal-Partijiet 5 . Bħalissa hemm 39 Parti għall-Konvenzjoni, inkluża l-UE.

    2.2.Il-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni

    Il-Kumitat tal-Partijiet 6 huwa l-korp politiku tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul u huwa magħmul mir-rappreżentanti tal-Partijiet għall-Konvenzjoni. Il-kompiti fdati lill-Kumitat tal-Partijiet huma elenkati fl-Artikolu 1 tar-Regoli ta’ Proċedura. Skont l-Artikolu 67(2) tal-Konvenzjoni, il-Kumitat tal-Partijiet għandu l-kompitu li jeleġġi l-membri tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Azzjoni kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (“GREVIO”). Skont l-Artikolu 68(12) tal-Konvenzjoni, il-Kumitat tal-Partijiet jista’ tadotta, abbażi tar-rapporti u l-konklużjonijiet tal-GREVIO, rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Istati Parti dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni. Dan jissorvelja wkoll l-implimentazzjoni ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet ladarba l-perjodu ta’ tliet snin għall-implimentazzjoni jkun intemm 7 . Barra minn hekk, il-Kumitat tal-Partijiet jeżamina s-sejbiet ta’ inkjesti speċjali trażmessi lilu mill-GREVIO f’konformità mal-Artikolu 68(15) tal-Konvenzjoni. Il-Kumitat tal-Partijiet jeleġġi wkoll il-membri tal-bureau tiegħu – il-president u żewġ viċi presidenti.

    Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tal-Partijiet huma mfassla għall-parteċipazzjoni tal-Istati Parti fejn kull parti jkollha vot wieħed: L-Artikolu 20 tar-Regoli ta’ Proċedura dwar il-votazzjoni jistabbilixxi li “kull membru tal-Kumitat għandu jkollu vot wieħed” u li l-kworum meħtieġ għad-deċiżjonijiet tal-Kumitat huwa ta’ “maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa”. L-istess kworum huwa meħtieġ ukoll biex jiġu emendati r-Regoli ta’ Proċedura (l-Artikolu 25). L-Artikolu 21 tar-Regoli ta’ Proċedura jipprevedi regoli speċifiċi għall-elezzjoni tal-membri tal-GREVIO.

    L-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni teħtieġ ċerti aġġustamenti għal dawk ir-regoli minħabba li fi kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenzi tagħha, l-Unjoni teżerċita d-dritt tagħha li tivvota b’għadd ta’ voti ugwali għal dak tal-Istati Membri marbuta bl-eżerċizzju mill-Unjoni tal-kompetenza tagħha u dak in-numru jinbidel skont is-suġġett tal-vot.

    2.3.L-emenda prevista tar-Regoli ta’ Proċedura tal- Kumitat tal-Partijiet

    Fit-28 ta’ Awwissu 2023, is-Segretarjat tal-Kumitat tal-Partijiet qassam dokument ta’ informazzjoni u abbozz ta’ emendi għar-Regoli ta’ Proċedura. Dawk l-emendi għandhom l-għan li jirriflettu l-implikazzjonijiet tal-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul għall-funzjonament tal-Kumitat tal-Partijiet, u, b’mod partikolari, l-effetti tagħha fuq id-dispożizzjonijiet dwar il-votazzjoni. Is-Segretarjat tal-Kumitat tal-Partijiet ta l-possibbiltà lill-Istati Parti li jikkummentaw. Ir-Renju Unit biss bagħat kummenti bil-miktub, u ssuġġerixxa xi bidliet fl-abbozzar.

    L-UE ntalbet mis-Segretarjat tal-Kumitat tal-Partijiet biex tissottometti l-kummenti tagħha għall-abbozz ta’ emendi proposti. L-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura se jiġu diskussi u, jekk possibbli, adottati fis-16-il laqgħa tal-Kumitat tal-Partijiet fis-6 ta’ Ġunju 2024. Jekk id-delegazzjonijiet jeħtieġu aktar żmien għad-diskussjoni, l-emendi jistgħu jiġu adottati wkoll fil-laqgħa sussegwenti tal-Kumitat tal-Partijiet f’Diċembru 2024.

    3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

    L-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura proposti mis-Segretarjat tal-Kumitat tal-Partijiet jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

    Il-kworum attwali ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa fir-regola ġenerali dwar il-votazzjoni (l-Artikolu 20) jinżamm iżda jiġi ssupplimentat b’żewġ elementi ġodda. Bħala l-ewwel element, is-Segretarjat tal-Kumitat tal-Partijiet jipproponi klawżola ta’ nuqqas ta’ addizzjonalità, li biha u skont id-distribuzzjoni tal-kompetenzi, l-UE jew l-Istati Membri tagħha jkunu intitolati li jivvutaw fuq kwistjoni partikolari. F’każ li l-Unjoni tivvota, dan il-vot ikollu piż ekwivalenti għan-numru ta’ Stati Membri tal-UE li huma Parti għall-Konvenzjoni. Bħala t-tieni element, is-Segretarjat tal-Kumitat tal-Partijiet jipproponi “maġġoranza doppja” li tfisser li maġġoranza sempliċi tal-Istati Parti għall-Konvenzjoni li mhumiex Stati Membri tal-UE jkunu meħtieġa jivvutaw favur deċiżjoni biex tkun valida, minbarra r-regola meħtieġa ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa.    

    Fir-rigward tal-elezzjoni tal-membri tal-GREVIO, għandu jinżamm il-kworum attwali ta’ “mill-inqas maġġoranza tal-voti mitfugħa” (l-Artikolu 21, il-paragrafu 9). Kull membru tal-Kumitat ikollu vot wieħed għall-fini tal-elezzjoni tal-membri tal-GREVIO. Il-prinċipju tan-nuqqas ta’ addizzjonalità ma japplikax, li jfisser li l-Unjoni jkollha “vot addizzjonali” biex teleġġi membri tal-GREVIO, minbarra l-vot individwali ta’ kull Stat Membru tal-UE li huwa Parti għall-Konvenzjoni. Fir-rigward tad-deċiżjonijiet fejn jintalab l-irtirar ta’ kandidat wieħed jew aktar li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għas-sħubija fil-GREVIO (l-Artikolu 21, il-paragrafu 4), il-kworum attwali ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa jinżamm ukoll iżda jiġi ssupplimentat mir-rekwiżit ta’ maġġoranza doppja.    

    Fir-rigward tal-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura (l-Artikolu 25), il-kworum attwali ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa jinżamm iżda jiġi ssupplimentat mir-rekwiżit ta’ maġġoranza doppja.

    Huwa propost li l-UE taqbel mal-approċċ ġenerali tal-Kumitat tal-Partijiet għall-emenda tar-Regoli ta’ Proċedura iżda tagħmel għadd ta’ aġġustamenti kif deskritt hawn taħt.

    L-ewwel nett, huwa propost li l-UE taċċetta l-inklużjoni ta’ klawżola ta’ “nuqqas ta’ addizzjonalità” fl-Artikolu 20, il-paragrafu 1, tar-Regoli ta’ Proċedura, soġġetta għal ċerti aġġustamenti li huma meħtieġa biex jirriflettu l-fatt li l-Unjoni ssieħbet mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tagħha stess, minn naħa waħda, u fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement, min-naħa l-oħra, b’kont meħud tal-pożizzjoni speċjali tad-Danimarka u l-Irlanda.

    Għalhekk, jenħtieġ li fi kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tagħha, l-Unjoni teżerċita d-dritt tagħha li tivvota b’għadd ta’ voti ugwali għan-numru tal-Istati Membri tagħha li huma Parti għall-Konvenzjoni u li huma marbuta bl-eżerċitar tal-kompetenza tal-Unjoni. Meta l-Unjoni teżerċita d-dritt tagħha li tivvota, l-Istati Membri li huma Parti għall-Konvenzjoni u li huma marbuta bil-kompetenza tal-Unjoni fil-kwistjoni li għandha ssir votazzjoni dwarha, m'għandhomx jivvutaw, filwaqt li l-Istati Membri li mhumiex marbuta bil-kompetenza tal-Unjoni jistgħu jivvutaw separatament. Min-naħa l-oħra, l-Unjoni ma għandhiex teżerċita d-dritt tagħha li tivvota f’każijiet fejn l-Istati Membri kollha tagħha li huma Parti għall-Konvenzjoni huma intitolati jeżerċitaw id-dritt tagħhom.

    Il-prinċipju tan-“nuqqas ta’ addizzjonalità” huwa konformi mal-prattika stabbilita fir-rigward ta’ konvenzjonijiet oħra tal-Kunsill tal-Ewropa li ssieħbet magħhom l-UE 8 .

    It-tieni, qed jiġi propost li l-UE taċċetta l-inklużjoni ta’ rekwiżit ta’ “maġġoranza doppja” fl-Artikolu 20, il-paragrafi 3 u 5, tar-Regoli ta’ Proċedura, kif issuġġerit mis-Segretarjat tal-Kumitat tal-Partijiet, soġġett għal ċerti aġġustamenti b’kont meħud tal-pożizzjoni speċjali tad-Danimarka u l-Irlanda, u limitat għal sitwazzjonijiet fejn l-Unjoni tipparteċipa f’vot.

    L-għan tar-rekwiżit ta’ “maġġoranza doppja” fl-Artikolu 20 huwa li tiġi introdotta ponderazzjoni aktar ibbilanċjata u ekwa tal-Partijiet kollha għall-Konvenzjoni u li jiġi kontrobilanċjat il-fatt li l-UE diġà għandha maġġoranza sempliċi fil-Kumitat tal-Partijiet f’termini ta’ voti. L-għan huwa li jingħata serħan tal-moħħ lill-Istati Partijiet li mhumiex fl-UE li l-pożizzjonijiet tagħhom ser jibqgħu importanti fil-Kumitat tal-Partijiet minkejja l-adeżjoni tal-UE u li mhux se jkunu “megħluba” mill-UE u l-Istati Membri tagħha li jivvutaw bħala blokk wieħed.

    Ir-rekwiżit ta’ maġġoranza doppja jkun ifisser li meta l-UE tipparteċipa f’vot, il-kworum tas-soltu (jiġifieri 2/3 tal-voti mitfugħa) jiġi ssupplimentat b’rekwiżit ta’ maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa mill-Partijiet l-oħra għall-Konvenzjoni. Dawk il-Partijiet l-oħra għall-Konvenzjoni jinkludu l-Istati Parti mhux tal-UE, u, fejn rilevanti, l-Istati Membri tal-UE li mhumiex marbuta bl-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni.

    Meta l-Unjoni tipparteċipa f’vot b’għadd ta’ voti ugwali għan-numru tal-Istati Membri tagħha li huma Partijiet għall-Konvenzjoni, ir-rekwiżit ta’ maġġoranza doppja jkun ifisser li biex deċiżjoni tiġi adottata b’mod validu, trid tkun intlaħqet maġġoranza ta’ żewġ terzi meta l-vot tal-Unjoni (ugwali għal 22 vot) ikun appoġġat minn maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa mis-16-il Stat li mhumiex membri tal-UE u li huma parti għall-Konvenzjoni. Meta l-Unjoni tipparteċipa f’vot b’għadd ta’ voti ugwali għan-numru tal-Istati Membri tagħha li huma Parti għall-Konvenzjoni u li huma marbuta bl-eżerċizzju tal-Unjoni tal-kompetenza tagħha fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement, tkun intlaħqet maġġoranza ta’ żewġ terzi fejn il-vot tal-Unjoni (ugwali għal 20 vot) ikun appoġġat minn maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa mis-16-il Stat li mhumiex membri tal-UE u li huma parti għall-Konvenzjoni, flimkien mad-Danimarka u l-Irlanda.

    It-tielet, fir-rigward tar-regoli speċifiċi għall-elezzjoni tal-membri tal-GREVIO, qed jiġi propost li l-Unjoni taċċetta ż-żieda fl-Artikolu 21, il-paragrafu 7, tar-Regoli ta’ Proċedura, kif abbozzat mis-Segretarjat tal-Kumitat tal-Partijiet, li skontu kull membru tal-Kumitat għandu jkollu vot wieħed. Peress li l-Artikolu 20 u għalhekk il-prinċipju tan-nuqqas ta’ addizzjonalità ma japplikax fil-kuntest tal-Artikolu 21 (l-Artikolu 21, il-paragrafu 1), l-UE se jkollha vot wieħed minbarra l-vot individwali ta’ kull Stat Membru tal-UE li huwa Parti għall-Konvenzjoni. Jenħtieġ li fir-rigward tal-emenda proposta biex tissupplimenta l-Artikolu 21, il-paragrafu 4, tar-Regoli ta’ Proċedura dwar deċiżjonijiet biex jintalab l-irtirar ta’ kandidat wieħed jew aktar għall-GREVIO b’rekwiżit ta’ maġġoranza doppja, l-Unjoni taċċetta tali rekwiżit, b’kont meħud tan-natura eċċezzjonali ta’ dawn id- deċiżjonijiet. F’każ bħal dan, il-maġġoranza sempliċi, li tissupplimenta l-maġġoranza meħtieġa ta’ żewġ terzi, se tiġi stabbilita abbażi tal-voti mitfugħa mir-rappreżentanti tal-Partijiet għajr l-UE u l-Istati Membri tagħha, kif issuġġerit ukoll fil-kummenti bil-miktub mressqa mir-Renju Unit.

    Ir-raba’, fir-rigward tal-Artikolu 25 dwar l-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura, ta’ min jinnota li deċiżjonijiet bħal dawn għandhom jittieħdu b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa, fejn kull Parti għall-Konvenzjoni għandu jkollha vot wieħed kif previst fl-Artikolu 20, il-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu. Għar-raġunijiet stabbiliti hawn fuq, l-Unjoni jenħtieġ li taċċetta ż-żieda ta’ rekwiżit ta’ maġġoranza doppja kif propost mis-Segretarjat tal-Kumitat tal-Partijiet, soġġett għal ċerti aġġustamenti. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-prinċipju tan-nuqqas ta’ addizzjonalità kif previst fl-Artikolu 20, il-paragrafu 1, kif emendat, ma japplikax għall-Artikolu 25. Barra minn hekk, il-maġġoranza sempliċi, li tissupplimenta l-maġġoranza meħtieġa ta’ żewġ terzi, għandha tiġi stabbilita bl-istess mod bħal fl-Artikolu 21, il-paragrafu 4.

    Il-ħames, qed jiġi propost li l-UE tissuġġerixxi li r-referenza għall-Unjoni Ewropea jenħtieġ li titħassar mil-lista ta’ rappreżentanti fl-Artikolu 2.2.b tar-Regoli ta’ Proċedura li jitħallew jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Kumitat tal-Partijiet mingħajr id-dritt tal-vot jew il-ħlas tal-ispejjeż. Ir-regola m'għadhiex valida peress li l-Unjoni Ewropea issa hija Membru sħiħ tal-Kumitat tal-Partijiet.

    L-emendi proposti għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tal-Partijiet li għandhom jiġu mressqa lis-Segretarjat tal-Kumitat tal-Partijiet huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-deċiżjoni.

    4.Bażi ġuridika

    4.1.Bażi ġuridika proċedurali

    4.1.1.Prinċipji

    L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

    Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-UE 9 .

    4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

    Il-Kumitat tal-Partijiet huwa korp stabbilit mill-Konvenzjoni ta’ Istanbul. L-emendi għar-regoli ta’ proċedura li l-Kumitat tal-Partijiet qed jintalab li jadotta jikkostitwixxu att li għandu effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 67(3) tal-Konvenzjoni. L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Konvenzjoni. Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    4.2.Bażi ġuridika sostantiva

    4.2.1.Prinċipji

    Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

    Fir-rigward ta’ att previst li jsegwi għadd ta’ objettivi simultanjament, jew li għandu diversi komponenti, li huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi ġuridika sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE se jkollha tinkludi, eċċezzjonalment, id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti.

    4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

    L-objettiv ewlieni tal-att previst huwa li jiġu emendati r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tal-Partijiet biex jiġu indirizzati l-implikazzjonijiet tal-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul għall-funzjonament tal-Kumitat. Fir-rigward tal-bażi ġuridika sostantiva, l-UE ssieħbet mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fir-rigward ta’ materji li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tagħha, jiġifieri fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni 10 u fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement 11 . L-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul seħħet permezz ta’ żewġ Deċiżjonijiet distinti tal-Kunsill biex jittieħed kont tal-pożizzjoni speċjali tad-Danimarka u tal-Irlanda fir-rigward tat-Titolu V tat-TFUE. B’konsegwenza ta’ dan, anki d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Partijiet fir-rigward tal-att previst għandha tinqasam f’żewġ deċiżjonijiet paralleli.

    Il-bażi ġuridika għal din id-deċiżjoni tikkonċerna kwistjonijiet relatati mal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni. Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għal din id-deċiżjoni hija l-Artikolu336 tat-TFEU.

    4.3.Konklużjoni

    Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 336 flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.



    2024/0013 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika, dwar emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati ma’ istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 336, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1075 12 , fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni, u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 13 , fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement, u daħlet fis-seħħ għall-Unjoni fl-1 ta’ Ottubru 2023. Sal-lum, hemm 39 Parti għall-Konvenzjoni, inklużi l-Unjoni u 22 Stat Membru.

    (2)Il-Kumitat tal-Partijiet huwa l-korp politiku tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Skont l-Artikolu 67(3) tal-Konvenzjoni, il-Kumitat tal-Partijiet fassal ir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu stess. Dawk ir-regoli jipprevedu li kull Parti għall-Konvenzjoni jkollha vot wieħed. L-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni teħtieġ ċerti aġġustamenti għal dawk ir-regoli sabiex jiġu ddeterminati l-modalitajiet biex l-Unjoni teżerċita d-drittijiet tal-vot tagħha bħala Parti għall-Konvenzjoni.

    (3)F’Awwissu 2023, is-Segretarjat tal-Kumitat tal-Partijiet ippropona ċerti emendi għar-Regoli ta’ Proċedura biex jirriflettu l-impatt tal-adeżjoni tal-Unjoni fuq il-funzjonament tal-Kumitat u talab lill-Istati Parti u lill-Unjoni biex jissottomettu suġġerimenti ta’ abbozzar bil-ħsieb li l-emendi jiġu adottati fl-2024. L-emendi għandhom jiġu diskussi u, jekk possibbli, adottati fis-16-il laqgħa tal-Kumitat tal-Partijiet fis-6 ta’ Ġunju 2024.

    (4)Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Partijiet, peress li l-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura se jkunu vinkolanti għall-Unjoni.

    (5)Skont l-abbozz ta’ emendi proposti mis-Segretarjat tal-Kumitat tal-Partijiet, ir-regoli dwar il-kworum għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat kif previst fir-Regoli ta’ Proċedura se jinżammu iżda jiġu ssupplimentati b’xi rekwiżiti ġodda. Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa dawk l-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura, soġġetti għal ċerti aġġustamenti li jirriflettu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

    (6)Fir-rigward tar-regola ġenerali dwar il-votazzjoni fl-Artikolu 20 tar-Regoli ta’ Proċedura, is-Segretarjat tal-Kumitat tal-Partijiet jipproponi li tiġi inkluża klawżola ta’ nuqqas ta’ addizzjonalità li skontha jkunu jew l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha li jkunu intitolati li jivvutaw dwar kwistjoni partikolari. Il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ addizzjonalità diġà huwa inkorporat f’Konvenzjonijiet oħra tal-Kunsill tal-Ewropa li magħhom ssieħbet l-Unjoni u jenħtieġ li jiġi aċċettat ukoll f’dan il-każ. Madankollu, il-formulazzjoni tal-klawsola jenħtieġ li tiġi adattata għall-fatt li l-Unjoni teżerċita d-dritt tagħha li tivvota b’għadd ta’ voti li jvarja skont is-suġġett tal-vot.

    (7)Fir-rigward tar-regola ġenerali dwar il-votazzjoni fl-Artikolu 20 tar-Regoli ta’ Proċedura, is-Segretarjat tal-Kumitat tal-Partijiet jipproponi wkoll li jiġi inkluż rekwiżit ta’ maġġoranza doppja li jfisser li deċiżjoni tiġi adottata biss b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa jekk tkun appoġġata minn maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa mill-Istati Parti għall-Konvenzjoni li mhumiex Stati Membri tal-Unjoni. Tali rekwiżit jikkontrobilanċja l-fatt li l-Unjoni għandha maġġoranza sempliċi fil-Kumitat tal-Partijiet f’termini ta’ voti, u b’hekk jindirizza t-tħassib possibbli minn Stati terzi Parti dwar il-piż tal-vot tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Unjoni taċċetta r-rekwiżit ta’ maġġoranza doppja, dment li dan japplika biss meta l-Unjoni tipparteċipa f’vot u l-formulazzjoni tiegħu tkun adattata għall-fatt li l-Unjoni teżerċita d-dritt tagħha li tivvota b’għadd ta’ voti li jvarja skont is-suġġett tal-vot.

    (8)Fir-rigward tar-regoli speċifiċi għall-elezzjoni tal-membri tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Azzjoni kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (“GREVIO”), jenħtieġ li l-Unjoni taċċetta l-emenda proposta li tipprevedi vot wieħed għall-Unjoni flimkien mal-vot individwali ta’ kull Stat Membru. B’mod aktar speċifiku, fir-rigward tad-deċiżjonijiet biex jintalab l-irtirar ta’ kandidat wieħed jew aktar li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għas-sħubija fil-GREVIO, is-Segretarjat tal-Kumitat tal-Partijiet jipproponi li jiġi applikat rekwiżit ta’ maġġoranza doppja. Filwaqt li tqis il-karattru eċċezzjonali ta’ dawn id-deċiżjonijiet, l-Unjoni jenħtieġ li taċċetta li dan ir-rekwiżit ifisser li l-maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa, kif meħtieġ għal deċiżjonijiet bħal dawn, jenħtieġ li jinkludi maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa minn rappreżentanti ta’ Partijiet, minbarra l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

    (9)Fir-rigward tal-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura li għandhom jiġu adottati b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa, b’kull Parti għall-Konvenzjoni jkollha vot wieħed, jenħtieġ li l-Unjoni taċċetta ż-żieda ta’ rekwiżit ta’ maġġoranza doppja kif propost mis-Segretarjat tal-Kumitat tal-Partijiet, soġġett għall-kjarifika li l-prinċipju tan-nuqqas ta’ addizzjonalità ma japplikax hawnhekk.

    (10)Fir-rigward tar-Regola ta’ Proċedura li telenka l-parteċipanti li mhumiex membri tal-Kumitat tal-Partijiet, ir-referenza għall-Unjoni Ewropea jenħtieġ li titħassar peress li m’għadhiex valida.

    (11)Għalhekk jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat tal-Partijiet tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat mehmuż.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Partijiet, stabbilit skont l-Artikolu 67 tal-Konvenzjoni, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tal-Partijiet, li għandhom jiġu diskussi u adottati f’waħda mil-laqgħat tal-Kumitat tal-Partijiet fl-2024, għandha tkun ibbażata fuq l-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura kif stabbilit fl-Anness.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    Id-dokument IC-CP (2015)2, adottat fl-4 ta’ Mejju 2015.
    (2)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1075 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni, ĠU L 143 I, 2.6.2023, p. 1–3.
    (3)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta’ materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement, ĠU L 143 I, 2.6.2023, p. 4–6.
    (4)    F’konformità mal-Protokolli Nru 21 u Nru 22 annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
    (5)    Status tar-ratifiki fl-10.01.2024: AT (2013); BE (2016); CY (2017); DE (2017); DK (2014); IE (2019); EL (2018); ES (2014); EE (2017) FI (2015); FR (2014); HR (2018); IT (2013); LU (2018); MT (2014); NL (2015); PL (2015); PT (2013); RO (2016); SI (2015); SV (2014), LV (2023).
    (6)     Committee of the Parties - Istanbul Convention Action against violence against women and domestic violence (coe.int)
    (7)    Ara l-“Framework for supervising the implementation of the recommendations addressed to state parties” (“Qafas għas-superviżjoni tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-istati parti”), adottat mill-Kumitat tal-Partijiet fit-13 ta’ April 2021, IC-CP/Inf(2021)2.
    (8)    Ara: Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tal-Annimali waqt it-Trasport Internazzjonali (Riveduta), (ETS Nru 193); Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għal Ħsara li Tirriżulta minn Attivitajiet Perikolużi għall-Ambjent (ETS Nru 150); Konvenzjoni Ewropea dwar it-Televiżjoni Transkonfinali (ETS Nru 132); u
    Konvenzjoni dwar il-Ħarsien tal-Ħajja Selvaġġa u l-Ambjenti Naturali tal-Ewropa (ETS Nru 104).
    (9)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja v Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
    (10)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1075 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni, ĠU L 143 I, 2.6.2023, p. 1–3.
    (11)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta’ materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement, ĠU L 143 I, 2.6.2023, p. 4–6.
    (12)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1075 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni, ĠU L 143 I, 2.6.2023, p. 1–3.
    (13)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta’ materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement, ĠU L 143 I, 2.6.2023, p. 4–6.
    Top

    Brussell, 24.1.2024

    COM(2024) 37 final

    ANNESS

    ta' [...]

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika, dwar emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati ma’ istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni









    ANNESS

    Artikolu 20 – Votazzjoni

    Emenda nru 1: żid test ġdid fl-aħħar (b’tipa grassa + sottolinjata)

    “1. Kull membru tal-Kumitat għandu jkollu vot wieħed. Meta d-delegazzjoni ta’ Parti tkun magħmula minn aktar minn rappreżentant wieħed, wieħed minnhom biss ikun intitolat li jieħu sehem fil-votazzjoni.

    Fi kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tagħha, l-Unjoni Ewropea għandha teżerċita d-dritt tagħha li tivvota b’għadd ta’ voti ugwali għan-numru tal-Istati Membri tagħha li huma Parti għall-Konvenzjoni u li huma marbuta bl-eżerċitar tal-kompetenza tal-Unjoni. L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li mhumiex marbuta bil-kompetenza tal-Unjoni jistgħu jivvutaw separatament.

    Meta l-Unjoni teżerċita d-dritt tagħha li tivvota, l-Istati Membri li huma Parti għall-Konvenzjoni u li huma marbuta bil-kompetenza tal-Unjoni fil-kwistjoni li għandha ssir votazzjoni dwarha, m’għandhomx jivvutaw. L-Unjoni m’għandhiex teżerċita d-dritt tagħha li tivvota f’każijiet fejn l-Istati Membri kollha tagħha li huma Parti għall-Konvenzjoni huma intitolati jeżerċitaw id-dritt tagħhom. 

    “2. Il-votazzjoni teħtieġ kworum”.

    Emenda nru 2: żid test ġdid (b’tipa grassa + sottolinjata)

    “3. Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat jittieħdu b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa. Meta l-Unjoni Ewropea tipparteċipa f’vot f’konformità mal-paragrafu 1, is-subparagrafi 2 u 3, maġġoranza ta’ żewġ terzi għandha tinkludi maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa mill-Partijiet l-oħra.

    “4. Il-kwistjonijiet proċedurali għandhom jiġu deċiżi b’maġġoranza tal-voti mitfugħa”.

    Emenda nru 3: żid test ġdid fl-aħħar (b’tipa grassa + sottolinjata)

    “5. Jekk tinqala’ xi mistoqsija dwar jekk kwistjoni hijiex proċedurali jew le, din m’għandhiex tiġi ttrattata bħala proċedurali sakemm il-Kumitat ma jiddeċidix hekk b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa f’konformità mal-paragrafu 3. 

    “6. Għall-finijiet ta’ dawn ir-Regoli, “voti mitfugħa” għandha tfisser il-voti tal-membri mitfugħa favur jew kontra. Il-membri li jastjenu għandhom jitqiesu li ma vvutawx”.

    Artikolu 21 – Regoli speċifiċi għall-elezzjoni tal-membri tal-GREVIO

    “1. L-Artikoli 16, 19 u 20 ta’ dawn ir-regoli ma japplikawx għall-elezzjoni tal-membri tal-GREVIO”.

    […]

    Emenda nru 4: żid test ġdid (b’tipa grassa + sottolinjata)

    “4. Deċiżjoni tal-Kumitat li jitlob l-irtirar ta’ kandidat wieħed jew aktar li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għas-sħubija fil-GREVIO kif stabbilit fl-Artikoli 2 sa 5 tar-regoli dwar il-proċedura tal-elezzjoni tal-membri tal-GREVIO teħtieġ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa, inkluża maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa minn rappreżentanti ta’ Partijiet minbarra l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “voti mitfugħa” għandha tfisser il-voti tal-membri mitfugħa favur jew kontra. Il-membri li jastjenu għandhom jitqiesu li ma vvutawx”.

    […]

    Emenda nru 5: żid test ġdid (b’tipa grassa + sottolinjata)

    “7. Kull membru tal-Kumitat għandu jkollu vot wieħed. Meta d-delegazzjoni ta’ Parti tkun magħmula minn aktar minn rappreżentant wieħed, wieħed minnhom biss ikun intitolat li jieħu sehem fil-votazzjoni”.

    Artikolu 25 – Emendi għar-Regoli ta’ Proċedura

    Emenda nru 6: żid test ġdid (b’tipa grassa + sottolinjata)

    “Il-Kumitat jista’ jemenda r-Regoli ta’ Proċedura b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa, inkluża maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa minn rappreżentanti ta’ Partijiet minbarra l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 20, il-paragrafu 1, is-subparagrafi 2 u 3 ma għandhomx japplikaw.

    Artikolu 2 – Kompożizzjoni

    Emenda nru 7: Ħassar it-test

    1. Membri

    a. Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 67 tal-Konvenzjoni, il-membri tal-Kumitat għandhom ikunu r-rappreżentanti tal-Partijiet għall-Konvenzjoni.

    […]

    2. Parteċipanti

    […]

    b. Dawn li ġejjin jistgħu jaħtru rappreżentanti biex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Kumitat mingħajr id-dritt tal-vot jew il-ħlas tal-ispejjeż:

    i) Stati li ffirmaw iżda li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni;

    ii) Stati li rratifikaw jew issieħbu mal-Konvenzjoni iżda li għalihom għadha ma daħlitx fis-seħħ;

    iii) L-Istati mistiedna jissieħbu mal-Konvenzjoni.

    iv) L-Unjoni Ewropea.

    […]

    **

    Top