Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024JC0010

    KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija Ewropea ġdida għall-Industrija tad-Difiża: Il-kisba ta’ tħejjija tal-UE permezz ta’ Industrija Ewropea tad-Difiża reattiva u reżiljenti

    JOIN/2024/10 final

    Brussell, 5.3.2024

    JOIN(2024) 10 final

    KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Strateġija Ewropea ġdida għall-Industrija tad-Difiża: Il-kisba ta’ tħejjija tal-UE permezz ta’ Industrija Ewropea tad-Difiża reattiva u reżiljenti


    Introduzzjoni

    Fl-14 u l-15 ta’ Diċembru 2023, il-Kunsill Ewropew, f’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Versailles 1 u l-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża 2 , issottolinja li jeħtieġ li jsir aktar biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni li jiżdied l-istat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża 3 . Il-Kunsill Ewropew enfasizza wkoll il-ħtieġa li tissaħħaħ il-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea (EDTIB), inklużi l-SMEs, u li din tkun innovattiva, kompetittiva u reżiljenti. UE aktar b’saħħitha u aktar kapaċi fis-sigurtà u d-difiża se tikkontribwixxi b’mod pożittiv għas-sigurtà globali u trans-Atlantika u tikkomplementa l-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO), li tibqa’ l-pedament tad-difiża kollettiva għall-membri tagħha. 

    L-istat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża tal-UE jista’ jiġi definit bħala stat ta’ tħejjija stabbli tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha biex jipproteġu s-sigurtà taċ-ċittadini tagħha, l-integrità tat-territorju tagħha u l-assi jew l-infrastrutturi kritiċi, kif ukoll il-valuri u l-proċessi demokratiċi ewlenin tagħha. Dan jinkludi l-kapaċità li tipprovdi assistenza militari lis-sħab tagħha, bħall-Ukrajna. F’konformità mal-Boxxla Strateġika, jinkludi l-kapaċità li naġixxu aktar malajr u b’mod deċiżiv meta niffaċċjaw kriżijiet, li nħarsu liċ-ċittadini tagħna minn theddid li jevolvi malajr, li ninvestu fil-kapaċitajiet u t-teknoloġiji meħtieġa u li nissieħbu ma’ oħrajn biex nilħqu għanijiet komuni. Din l-Istrateġija twieġeb ukoll għall-proposti li saru miċ-ċittadini fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa 4 .

     

    Industrija tad-difiża tal-UE b’saħħitha hija prerekwiżit essenzjali biex jinkiseb l-istat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża. Din l-Istrateġija għall-Industrija tad-Difiża Ewropea, li hija bbażata fuq is-sejbiet tal-analiżi tad-diskrepanzi fl-investimenti fid-difiża li ġiet ippreżentata fil-Komunikazzjoni Konġunta tat-18 ta’ Mejju 2022 5 , u wara li sar proċess komprensiv ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, tipproponi approċċ ambizzjuż mirfud minn Programm Ewropew għall-Investiment fil-Qasam tad-Difiża (EDIP), flimkien ma’ sett ta’ miżuri ta’ akkumpanjament u flimkien mal-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF), biex jissaħħaħ il-pilastru industrijali tal-istat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża tal-UE. Dan l-isforz għandu jiġi segwit b’mod kostanti lil hinn mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali (2021–2027) attwali, bil-finanzjament mill-UE jitwassal permezz ta’ strumenti futuri li l-kamp ta’ applikazzjoni u t-tfassil tagħhom se jkunu bbażati fuq l-esperjenza miksuba permezz tal-implimentazzjoni tal-programmi differenti tad-difiża.

    Iż-żieda qawwija fit-theddid reġjonali u globali u l-isfidi għas-sigurtà u b’mod partikolari r-ritorn ta’ gwerra konvenzjonali ta’ intensità għolja fl-Ewropa jirrikjedu bidla urġenti fil-veloċità u l-iskala li bihom l-EDTIB tista’ tidentifika, tiżviluppa u tipproduċi t-tagħmir militari meħtieġ fl-ispettru sħiħ, l-ewwel għall-ħtiġijiet l-aktar urġenti. F’dan ir-rigward huwa neċessarju li jkun hemm aktar tisħiħ u simplifikazzjoni tal-għodod u l-istrumenti li l-Unjoni stabbiliet matul l-aħħar snin. L-istat ta’ tħejjija industrijali għad-difiża jrid jissaħħaħ fl-Unjoni kollha, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għall-implikazzjonijiet speċifiċi li dan għandu għal dawk l-Istati Membri li huma l-aktar esposti għar-riskju ta’ materjalizzazzjoni ta’ theddid militari konvenzjonali.

    L-istat ta’ tħejjija industrijali għad-difiża jista’ jinkiseb biss jekk tiġi permessa żieda kontinwa tal-infiq fid-difiża mill-Istati Membri, permezz tal-għodod u l-inċentivi xierqa, biex fil-fatt tingħata prijorità lill-investimenti kollaborattivi. Dan se jsaħħaħ kemm il-kapaċitajiet militari tagħhom kif ukoll il-bażi industrijali tad-difiża li fuqha jistgħu jiddependu l-UE u l-Istati Membri tagħha. Se jsaħħaħ ukoll b’mod dirett lin-NATO, peress li l-Istati Membri, inklużi dawk li huma Alleati tan-NATO 6 , għandhom sett uniku ta’ forzi li jistgħu jagħmlu disponibbli f’oqfsa differenti. Barra minn hekk dan se jikkontribwixxi għas-sigurtà ekonomika usa’ tal-Unjoni, peress li l-EDTIB hija fattur ewlieni tal-innovazzjoni teknoloġika u r-reżiljenza fis-soċjetajiet tagħna.

    Din l-istrateġija għandha l-għan li ssaħħaħ u tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex jinvestu aktar, aħjar, flimkien u b’mod Ewropew (it-Taqsima 2). Iż-żieda fid-disponibbiltà ta’ prodotti u sistemi tad-difiża għandha tinkiseb bis-saħħa ta’ EDTIB aktar effiċjenti u reattiva, li tiddependi fuq sigurtà msaħħa tal-provvista (it-Taqsima 3). Huwa importanti li jiġu żviluppati l-mezzi finanzjarji biex jirfdu l-istat ta’ tħejjija industrijali għad-difiża tal-UE (it-Taqsima 4). Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi integrata kultura ta’ stat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża inkluż fil-politiki kollha tal-UE (it-Taqsima 5). Fl-aħħar nett, is-sħubijiet għandhom jiġu sfruttati biex jittejbu l-istat ta’ tħejjija u r-reżiljenza (it-Taqsima 6).

    1.Il-kisba ta’ stat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża permezz ta’ industrija Ewropea tad-difiża aktar reattiva u reżiljenti 

    1.1.Stat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża: essenzjali fl-ambjent ġeopolitiku attwali

    Fid-dawl tar-ritorn ta’ gwerra ta’ intensità għolja fl-Ewropa, wara l-invażjoni mhux provokata u fuq skala sħiħa tal-Ukrajna mir-Russja fl-2022, l-Unjoni trid issaħħaħ malajr l-istat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża tagħha.

    L-ordni globali bbażat fuq ir-regoli għandu l-isfidi fil-qalba tiegħu, u l-pajjiżi li jinsabu fil-viċinanza tal-Unjoni u lil hinn minnha qegħdin jiġu affettwati dejjem aktar mit-tensjonijiet, l-instabbiltà, it-theddid ibridu u l-kunflitti armati. Il-kompetituri strateġiċi qegħdin jinvestu ħafna fil-kapaċitajiet militari, fil-kapaċitajiet industrijali tad-difiża u fit-teknoloġiji kritiċi, filwaqt li l-integrità tal-ktajjen tal-provvista tagħna u l-aċċess mingħajr xkiel għar-riżorsi ma jistgħux jibqgħu jitqiesu bħala xi ħaġa ċerta.

    L-UE u l-Istati Membri tagħha qegħdin jiffaċċjaw ukoll theddid ibridu mifrux, muri minn għadd dejjem jikber ta’ attakki ċibernetiċi, sabotaġġ, hacking tal-infrastruttura u l-assi kritiċi, diżinformazzjoni, kif ukoll manipulazzjoni u interferenza tal-informazzjoni minn partijiet barranin. Qegħdin jiffaċċjaw ukoll il-kontestazzjoni tal-aċċess tal-Ewropa għal dominji strateġiċi bħad-dominju spazjali, ċibernetiku, tal-ajru u marittimu. Dawn l-iżviluppi qed ikunu ta’ sfida għas-sigurtà, il-prosperità u l-valuri demokratiċi tagħna.

    Id-difiża tat-territorju u ċ-ċittadini tal-Istati Membri hija qabelxejn responsabbiltà nazzjonali, inkluż permezz ta’ impenji mill-alleati fil-kuntest tan-NATO. F’dak l-isfond, l-iżviluppi ġeopolitiċi jindikaw ħtieġa konvinċenti li l-Ewropa tieħu responsabbiltà strateġika akbar għas-sigurtà proprja tagħha, inkluż biex tassisti lil sħab ewlenin bħall-Ukrajna. Taħt il-gwida tal-Boxxla Strateġika, l-UE hija u trid tkompli tkun attur aktar b’saħħtu fis-sigurtà u d-difiża, u b’hekk fornitur tas-sigurtà aktar affidabbli u attur tad-difiża kapaċi mhux biss għaċ-ċittadini tagħha stess iżda wkoll għall-benefiċċju tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

    Jekk l-UE tkun aktar b’saħħitha u aktar kapaċi fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża tikkontribwixxi wkoll b’mod pożittiv għas-sigurtà globali u trans-Atlantika u tikkomplementa n-NATO. Għal dawk l-Istati Membri li huma wkoll membri tan-NATO, l-Alleanza tibqa’ l-pedament tad-difiża kollettiva tagħhom. L-istat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża jirrikjedi l-ippjanar, l-iżvilupp u d-disponibbiltà operazzjonali tal-kapaċitajiet tad-difiża u l-faċilitaturi strateġiċi meħtieġa, ħakma tajba tat-teknoloġiji kritiċi u kapaċità tal-akkwist, tal-operat u tal-protezzjoni tal-ispettru sħiħ meħtieġ tal-kapaċitajiet, l-infrastrutturi u l-assi.

    Il-kisba tal-istat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża għalhekk tirrikjedi investiment massiv, b’mod koordinat, fil-kapaċitajiet tad-difiża meħtieġa, inkluż fl-infrastruttura kritika rilevanti. Din tirrikjedi l-aġilità li tiġi integrata b’mod kostanti l-innovazzjoni li qiegħda toriġina dejjem aktar minn atturi żgħar u mhux tradizzjonali, li ħafna drabi jsibuha diffiċli biex jaraw il-kontribut potenzjali tagħhom rikonoxxut. L-avversarji impenjaw ruħhom f’tellieqa globali għas-supremazija teknoloġika li tirrikjedi mill-atturi kollha ċikli ta’ investiment dejjem aktar rapidi u dejjem aktar għaljin: l-UE ma taffordjax taqa’ lura.

    Anke dawk l-Istati Membri li għandhom l-akbar baġits tad-difiża fl-Unjoni għad-dispożizzjoni tagħhom qegħdin jiffaċċjaw dejjem aktar diffikultajiet biex jinvestu fil-livelli meħtieġa fuq bażi awtonoma, u dan jesponi lill-UE għal żieda fid-diskrepanzi fil-kapaċità u fl-industrija u għal aktar dipendenzi strateġiċi. L-istess jgħodd għall-manifatturi prinċipali u l-ktajjen tal-provvista tagħhom. Għalhekk, l-istat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża jitlob aktar kooperazzjoni u azzjoni kollettiva. Fi żminijiet ta’ gwerra ta’ intensità għolja, dan jirrikjedi l-kapaċità li jiġi prodott bil-massa sett kbir ta’ tagħmir għad-difiża bħal munizzjon, droni, missili u sistemi ta’ difiża tal-ajru, attakki profondi u kapaċitajiet ta’ intelligence, sorveljanza u rikonjizzjoni, kif ukoll il-kapaċità li tiġi żgurata d-disponibbiltà rapida u suffiċjenti tiegħu. 

    Sabiex tkun tista’ ssir din il-produzzjoni bil-massa, jeħtieġ li l-organizzazzjoni tas-settur industrijali tad-difiża tevolvi.

    Kaxxa 1. Akkwiżizzjonijiet fil-qasam tad-difiża fl-UE: ix-xiri prinċipalment waħedha u minn pajjiżi barranin

    Kif enfasizzat mill-Analiżi tad-Diskrepanzi fl-Investimenti fid-Difiża u l-Approċċ Futur, li kieku l-Istati Membri kollha nefqu 2 % tal-PDG tagħhom fuq id-difiża, b’20 % ddedikati għall-investiment, mill-2006 sal-2020, dan kien jirriżulta f’bejn wieħed u ieħor EUR 1,1 triljun addizzjonali għad-difiża, li minnhom madwar EUR 270 biljun kienu jkunu fuq l-investiment.

    Fl-2022, in-nefqiet fid-difiża tal-Istati Membri żdiedu għat-tmien sena konsekuttiva, li ammontaw għal EUR 240 biljun 7 . 78 % tal-akkwiżizzjonijiet fil-qasam tad-difiża mill-Istati Membri tal-UE bejn il-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja u Ġunju 2023 saru minn barra l-UE, bl-Istati Uniti waħedhom jirrappreżentaw 63 %. 8

    Bejn l-2021 u l-2022, kien hemm żieda ta’ 7 % fl-akkwist ta’ tagħmir ġdid, iżda 18 % biss tal-infiq totali fuq it-tagħmir ġie ddedikat għall-akkwist kollaborattiv tat-tagħmir għad-difiża mill-UE fl-2022 9 , li huwa ferm inqas mill-parametru referenzjarju kollettiv attwali ta’ 35 % stabbilit mill-Istati Membri 10 .

    1.2.L-Istat ta’ Tħejjija fir-rigward tad-Difiża jirrikjedi EDTIB b’saħħitha, reattiva u innovattiva 

    Kif enfasizzat fil-Boxxla Strateġika u fid-Dikjarazzjoni ta’ Granada tal-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-UE 11 , it-tisħiħ tal-istat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża u l-investimenti fil-kapaċitajiet tal-UE jirrikjedi bażi industrijali u teknoloġika b’saħħitha, aġli u reżiljenti.

    L-EDTIB hija element essenzjali u integrali biex jiġi żgurat li s-soċjetajiet tagħna jkunu siguri u prosperi llum u fil-futur. EDTIB reattiva u kompetittiva hija l-pedament ta’ kwalunkwe rwol Ewropew kredibbli fid-difiża u s-sigurtà proprja tagħha.

    L-istat ta’ tħejjija industrijali għad-difiża tal-UE, illum u fil-futur, jirrikjedi investimenti pubbliċi u privati fl-ispettru sħiħ tal-ħtiġijiet, biex l-industrija tad-difiża tkun tista’ tirreaġixxi fil-ħin u fuq skala xierqa għall-ħtiġijiet tal-Istati Membri. L-innovazzjoni trid tkun fokus kostanti ta’ attenzjoni, filwaqt li għandha tiġi żgurata r-reżiljenza għax-xokkijiet u t-tfixkil esterni.

    Kaxxa 2. L-EDTIB illum: għandha potenzjal qawwi, li għandu jiġi sfruttat aktar

    Il-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża tal-Unjoni llum tikkonsisti f’kombinament ta’ sett kbir ta’ kuntratturi prinċipali, b’mid-caps u għadd kbir ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).

    Minbarra l-pajjiżi Ewropej f’pożizzjoni ewlenija li jipproduċu sistemi avvanzati tal-aqwa klassi, li l-biċċa l-kbira jinsabu fi ftit Stati Membri, għadd kbir ta’ manifatturi tal-pjattaformi, fornituri tat-tagħmir, materjal konsumabbli – bħall-munizzjon – produtturi, sottofornituri, u produtturi niċċa iżgħar, iżda ta’ spiss kritiċi, li huma mifruxa madwar l-UE kollha, għandhom rwol xejn inqas kruċjali.

    L-immappjar tal-industrija tat-Task Force ta’ Akkwist Konġunt għad-Difiża wera li l-manifatturi prinċipali għas-46 oġġett meħtieġ b’mod urġenti kienu jinsabu fi 23 Stat Membru.

    L-EDTIB hija kompetittiva fil-livell globali, b’fatturat annwali stmat ta’ EUR 70 biljun u volumi qawwija ta’ esportazzjoni (aktar minn EUR 28 biljun fl-2021). B’mod kumplessiv, l-EDTIB hija stmata li timpjega madwar 500 000 persuna 12 .

    Minkejja l-kompetittività kumplessiva tagħha, il-kapaċità li l-EDTIB tagħmel użu mill-potenzjal sħiħ tagħha hija mhedda minn snin ta’ nuqqas ta’ investiment, minkejja l-progress li sar matul l-aħħar snin. Din hija l-konsegwenza tal-għażliet politiċi u baġitarji tal-Istati Membri fl-aħħar għaxar snin, u f’kuntest ġeopolitiku differenti, biex jiġi allokat id-dividend tal-paċi għal użi soċjetali oħra. Il-frammentazzjoni industrijali persistenti fuq il-linji nazzjonali taġixxi wkoll bħala xkiel għall-aħjar effiċjenza tal-investimenti fid-difiża. Dawn ix-xejriet wasslu għal daqs komparattiv bil-wisq iżgħar tas-suq għad-difiża u l-preżenza tal-UE fix-xena globali, u żieda fid-dipendenzi fuq pajjiżi terzi, li jxekklu l-kapaċità tal-EDTIB li tagħti prestazzjoni tajba.

    1.3.Minħabba li l-investiment kooperattiv fl-UE kien baxx wisq, il-prestazzjoni tal-EDTIB tibqa’ baxxa aktar milli tiflaħ

    F’suq kumpless fejn il-gvernijiet nazzjonali huma l-uniċi xerrejja, l-Istati Membri għadhom mhux qed jikkoordinaw, jiġbru flimkien u jgħaqqdu biżżejjed id-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-ippjanar u l-akkwist fil-qasam tad-difiża, minkejja l-firxa ta’ għodod u oqfsa Ewropej li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom. Għalhekk, id-domanda għadha fil-biċċa l-kbira organizzata fuq il-linji nazzjonali, bil-biċċa l-kbira tad-deċiżjonijiet ta’ investiment jirriżultaw minn kunsiderazzjonijiet domestiċi, u jkunu bbażati fuq programmazzjoni nazzjonali, li spiss jonqsu milli jqisu kunsiderazzjonijiet strateġiċi u ta’ effiċjenza usa’. B’riżultat ta’ dan, u minkejja ċerti fażijiet ta’ konsolidazzjoni fl-aħħar għaxar snin, in-naħa tal-provvista tibqa’ essenzjalment organizzata wkoll tul il-linji nazzjonali, u l-Istati Membri jagħżlu soluzzjonijiet nazzjonali meta dan ikun possibbli, minħabba kunsiderazzjonijiet industrijali u ta’ sigurtà tal-provvista. Dan jirriżulta fit-tixrid tal-EDTIB, li taġixxi fi swieq għad-difiża differenti u dojoq wisq, aktar milli f’wieħed uniku, ferm akbar u integrat.

    Dan idgħajjef l-EDTIB. L-ewwel nett, in-naħa tad-domanda ma tesprimix ruħha kollettivament bl-aħjar mod. Dan jirriżulta f’duplikazzjonijiet u opportunitajiet mitlufa biex jiġi mutwalizzat u sinkronizzat l-investiment f’tagħmir jew infrastruttura meħtieġa komunement. It-tieni, in-naħa tal-provvista mhijiex inċentivata biex tikkoopera jew saħansitra tintegra biex tlaħħaq ma’ espressjoni ta’ domanda aktar effiċjenti. Hija tbati minn nuqqas ta’ prevedibbiltà u massa kritika fl-ordnijiet li jsiru, u b’hekk tonqos milli tikseb l-ekonomija ta’ skala. It-tielet, speċjalment dan l-aħħar, l-Istati Membri għandhom ix-xejra li jakkwistaw prodotti kummerċjalment disponibbli minn pajjiżi terzi, u b’hekk inaqqsu d-domanda interna u jinvestu flus il-kontribwenti Ewropej f’impjiegi u teknoloġiji ewlenin barra mill-pajjiż minflok fl-Ewropa.

    Dan imbagħad jobbliga lill-EDTIB tiffoka fuq l-esportazzjonijiet biex tiżgura l-vijabbiltà tagħha, li tirriżulta f’riskju ta’ dipendenza eċċessiva fuq l-ordnijiet ta’ pajjiżi terzi, bil-konsegwenza li r-rispons għall-ordnijiet tal-Istati Membri jista’ jkun ta’ prijorità inqas milli jiġu onorati l-kuntratti ta’ pajjiżi terzi f’każ ta’ kriżijiet u nuqqasijiet relatati.

    Is-sigurtà tal-provvista hija pperikolata mill-kombinament tal-mudelli ta’ hawn fuq. Is-suq uniku sar realtà f’livelli aktar baxxi fejn il-ktajjen tal-provvista huma mifruxa b’mod wiesa’ minn naħa għal oħra tal-fruntieri. Madankollu, dan mhuwiex rifless f’governanza strateġika kollettiva fil-livell tal-UE li tkun tappoġġa s-sigurtà tal-provvista f’xenarji ta’ kriżi. Ix-xejra ta’ sovradipendenza fuq il-provvisti ta’ pajjiżi terzi tkompli tipperikola s-sigurtà tal-provvista u l-libertà ta’ azzjoni f’każ ta’ kriżijiet.

    1.4.Ngħinu lill-Ukrajna tirreżisti l-aggressjoni Russa: kontribut deċiżiv mill-Unjoni, iżda potenzjal qawwi għal titjib

    L-UE u l-Istati Membri tagħha wrew il-kapaċità tagħhom li jimmobilizzaw malajr l-appoġġ għall-forzi armati tal-Ukrajna, inkluż mill-EDTIB. Mill-aħħar ta’ Jannar 2024, l-UE u l-Istati Membri tagħha kollettivament ikkonsenjaw aktar minn EUR 28 biljun f’tagħmir militari lill-Ukrajna.

    Bis-saħħa tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF), l-UE appoġġat lill-Ukrajna fi żmien ftit jiem mill-invażjoni fuq skala sħiħa Russa ta’ Frar 2022, billi rrimborżat lill-Istati Membri li bagħtu assistenza militari lill-Ukrajna. L-EPF qed tinċentiva aktar konsenji ta’ tagħmir letali u mhux letali lill-Ukrajna. Bl-inizjattiva ta’ munizzjon fuq tliet binarji 13 , il-Kunsill qabel dwar qafas ambizzjuż biex jinċentiva l-konsenja u l-akkwist ta’ munizzjon tal-artillerija u missili mill-art għall-art, kif ukoll it-tisħiħ tal-industrija.

    Permezz ta’ din l-inizjattiva, l-Istati Membri għamlu ordnijiet fl-UE u fin-Norveġja biex jakkwistaw munizzjon tal-artillerija addizzjonali, inkluż billi użaw il-kuntratti qafas 14 li l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża nnegozjat f’isimhom mal-industrija Ewropea tad-difiża. L-appoġġ mill-Unjoni li jingħata permezz tar-Regolament dwar l-appoġġ għall-produzzjoni tal-munizzjon (ASAP) 15 qed iżid u jħaffef il-kapaċità tagħha li tappoġġa lill-Ukrajna u tirrikostitwixxi l-istokkijiet nazzjonali.

    L-EDTIB uriet ukoll il-kapaċità tagħha li ssostni dawn l-isforzi b’mod effettiv. Sa mill-bidu tal-gwerra, l-EDTIB żiedet il-kapaċità tal-produzzjoni tagħha fil-munizzjon tal-artillerija b’50 %. Hija diġà kapaċi tipproduċi miljun balla tal-artillerija kull sena u huwa antiċipat li tilħaq kapaċità ta’ aktar minn 1,4 miljun sa tmiem l-2024 u żewġ miljuni sa tmiem l-2025.

    Lil hinn mid-donazzjonijiet mill-istokkijiet tal-Istati Membri u mill-akkwist iffinanzjat mill-EPF, l-EDTIB ipprovdiet ukoll ammont sinifikanti ta’ munizzjon tal-artillerija permezz ta’ kuntratti diretti mal-Ukrajna, li juri l-kapaċità tagħha li tikkontribwixxi għall-ġlieda tagħha kontra l-forzi tal-invażjonijiet.

    L-UE stabbiliet ukoll inizjattivi ġodda bħar-Regolament dwar l-istabbiliment ta’ strument għat-tisħiħ tal-industrija Ewropea tad-difiża permezz tal-akkwist komuni (EDIRPA) 16 . Madankollu, jeħtieġ li jsir ħafna aktar, kemm fil-livell industrijali kif ukoll f’dak governattiv.

    1.5.Minn reazzjonijiet f’każ ta’ emerġenza għal stat ta’ tħejjija: wasal iż-żmien għal bidla fundamentali

    Wasal iż-żmien li nimxu mir-reazzjonijiet f’każ ta’ emerġenza għal stat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża tal-UE fil-perjodi ta’ żmien kollha. Jeħtieġ li l-UE tiżgura d-disponibbiltà għall-Istati Membri u s-sħab tagħha ta’ materjal konsumabbli fil-volumi meħtieġa, inkluż matul iż-żminijiet ta’ kriżi, filwaqt li tiżgura l-iżvilupp u l-konsenja f’waqthom tal-kapaċitajiet kritiċi ta’ livell għoli tal-ġenerazzjonijiet li jmiss fis-snin li ġejjin. Dan iqis ukoll il-ħtiġijiet ta’ difiża tal-Ukrajna. Barra minn hekk, l-aċċess sigur għal dominji kkontestati bħal dak ċibernetiku, spazjali, marittimu u tal-ajru, ma jistax jiġi protett b’mod effettiv minn Stat Membru wieħed. Għalhekk, jeħtieġ li l-UE tiżviluppa l-kapaċità tagħha biex tiżgura li jkollha aċċess għal dawn l-oqsma kollettivament, permezz tal-investiment meħtieġ fis-soluzzjonijiet ta’ livell Ewropew.

    EDTIB kompetittiva li tikkontribwixxi għas-sigurtà taċ-ċittadini tal-Unjoni tfisser settur industrijali li jkun kapaċi jżomm l-eċċellenza teknoloġika tiegħu filwaqt li jwettaq dak li huwa meħtieġ, meta jkun meħtieġ, mingħajr restrizzjonijiet li jirriżultaw minn dipendenzi jew effetti lembut esterni eċċessivi 17 . Industrija li tinvesti f’kapaċitajiet ġodda u lesta li tibdel id-direzzjoni għal mudell ekonomiku ta’ “gwerra” kull meta jkun meħtieġ, hija essenzjali.

    Dan jimplika impenn pubbliku u privat kollettiv. L-UE lesta li tappoġġa kemm lill-Istati Membri kif ukoll l-EDTIB billi tneħħi r-riskji tal-investimenti, filwaqt li tikkontribwixxi għal politika industrijali ta’ difiża aktar ambizzjuża fil-livell tal-UE. Biex tikseb dan, jeħtieġ li l-Unjoni timmassimizza l-benefiċċji tal-kompetizzjoni, il-kooperazzjoni u l-konsolidazzjoni. Bl-istess mod, il-kompetittività tal-EDTIB u l-kapaċità tagħha li tesporta jridu jiġu preservati, filwaqt li madankollu jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddependu bis-sħiħ fuq l-industrija tad-difiża tagħhom biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom fil-ħin u fil-volum meħtieġ, meta s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE tkun fil-periklu.

    Din l-istrateġija tintroduċi miżuri i) biex tappoġġa l-istat ta’ tħejjija industrijali għad-difiża tal-UE, abbażi ta’ koordinazzjoni akbar tal-ħtiġijiet ta’ difiża tal-Istati Membri, ii) biex issaħħaħ l-EDTIB sabiex tipproduċi aktar, filwaqt li tiżgura s-sigurtà tal-provvista tagħha, iii) biex tiżviluppa l-mezzi finanzjarji sabiex jirfdu l-istat ta’ tħejjija industrijali għad-difiża tal-UE u iv) tintegra kultura ta’ stat ta’ tħejjija industrijali għad-difiża, filwaqt li v) taħdem b’mod effettiv mas-sħab. Bħala l-ewwel inizjattiva immedjata, il-Kummissjoni qed tipproponi Regolament ġdid li jistabbilixxi l-EDIP, biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-appoġġ għall-EDTIB fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) attwali, filwaqt li jiġu ttestjati forom ġodda ta’ appoġġ fid-dawl tal-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss.

    L-EDIP propost se jespandi fiż-żmien u l-kamp ta’ applikazzjoni l-appoġġ għall-kompetittività tal-EDTIB miġjub mill-EDIRPA u l-ASAP. Dan se jinċentiva l-kooperazzjoni fil-fażi tal-akkwist ta’ prodotti tad-difiża manifatturati mill-EDTIB, jappoġġa l-industrijalizzazzjoni ta’ prodotti li jirriżultaw minn azzjonijiet iffinanzjati mill-EDF jew oqfsa kooperattivi oħra tal-UE u b’mod aktar ġenerali jappoġġa t-tisħiħ industrijali tad-difiża fl-Unjoni. Se jistabbilixxi wkoll reġim ta’ Sigurtà tal-Provvista tal-UE biex issaħħaħ is-solidarjetà u l-effettività fl-Unjoni b’reazzjoni għall-kriżijiet.

    2.L-ingranaġġ tal-istat ta’ tħejjija permezz tal-investiment: Aktar, aħjar, flimkien u b’mod Ewropew 

    Fl-aħħar mill-aħħar, it-twettiq tat-tisħiħ industrijali tad-difiża jiddependi minn volum akbar ta’ ordnijiet mill-Istati Membri, li ma jistax isir mingħajr żieda fil-baġits tad-difiża. L-Istati Membri bdew iżidu l-baġits tagħhom b’ritmu straordinarju minn Frar tal-2022 (ara l-Kaxxa 1). Madankollu, jenħtieġ investiment sinifikattivament akbar fil-livell nazzjonali u Ewropew biex l-industrija tal-UE tiġi adattata strutturalment, issir aktar innovattiva u kompetittiva, sabiex tiffaċċja r-realtà l-ġdida tas-sigurtà. Issa huwa essenzjali li l-Unjoni kollettivament tagħmel l-aħjar użu minn din iż-żieda baġitarja kontinwa sabiex tikseb l-istat ta’ tħejjija industrijali għad-difiża. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli / il-Kap tal-Aġenzija lesti jappoġġaw lill-Istati Membri biex ikomplu jinvestu aktar, iżda wkoll biex jagħmlu dan aħjar, flimkien u b’mod Ewropew.

    2.1. Ninvestu aħjar

    Ninvestu aħjar tfisser li l-investimenti jkunu maħsuba għal fejn ikun l-aktar importanti, filwaqt li tiġi evitata d-duplikazzjoni u tiżdied l-effiċjenza. Dan jirrikjedi tisħiħ fil-koordinazzjoni tal-pjanijiet u l-isforzi ta’ investiment tal-Istati Membri.

    2.1.1.Funzjoni ġdida ta’ programmazzjoni u akkwist konġunti 

    Kif tħabbar fil-Komunikazzjoni Konġunta dwar l-Analiżi tad-Diskrepanzi fl-Investimenti fid-Difiża u l-Approċċ Futur, approċċ strutturat għall-programmazzjoni u l-akkwist se jżid it-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konsistenza bejn l-Istati Membri, u bejn dawn tal-aħħar u l-istituzzjonijiet tal-UE. Dan se jikkomplementa u jissimplifika l-inizjattivi eżistenti fl-isferi tal-infrastruttura tal-kapaċità, industrijali, tar-riċerka u tad-difiża, filwaqt li jippermetti prijoritizzazzjoni rfinuta u kondiviża, kif ukoll sforzi ta’ kooperazzjoni sostnuti.

    Bord tat-Tħejjija Industrijali għad-Difiża (minn hawn ’il quddiem “il-Bord”) se jlaqqa’ flimkien l-Istati Membri, ir-Rappreżentant Għoli/il-Kap tal-Aġenzija, u l-Kummissjoni, f’formati differenti 1) biex iwettqu l-funzjoni ta’ programmazzjoni u akkwist konġunti tad-difiża tal-UE li hija prevista fil-Komunikazzjoni Konġunta dwar l-Analiżi tad-Diskrepanzi fl-Investimenti fid-Difiża u 2) biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-EDIP.

    Biex iwettaq il-funzjoni ta’ programmazzjoni u akkwist konġunti tad-difiża tal-UE, filwaqt li jibni fuq il-ħidma ta’ suċċess tat-Task Force ta’ Akkwist Konġunt għad-Difiża, il-Bord se jipprovdi forum, li għandu jitlaqqa’ mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli/il-Kap tal-Aġenzija, biex jiddiskuti u jirfina l-prijoritajiet identifikati fil-livell tal-UE, mingħajr preġudizzju għar-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom. F’dan il-format, li għandu jiġi stabbilit minn din l-istrateġija, il-Bord għandu jappoġġa wkoll il-koordinazzjoni u l-koordinament tal-pjanijiet ta’ akkwist tal-Istati Membri u jipprovdi gwida strateġika bil-ħsieb li d-domanda u l-provvista jintlaħqu b’mod aktar effettiv. F’dan ir-rigward, il-ħidma fil-kuntest tal-Bord għandha tippermetti fehim komuni fost l-Istati Membri dwar il-kompożizzjoni tal-EDTIB u tippromwovi għarfien kondiviż dwar il-kapaċitajiet tal-produzzjoni fl-Unjoni. Abbażi ta’ perspettiva konsolidata tal-kapaċitajiet industrijali attwali, il-membri li jiltaqgħu fil-kuntest tal-Bord għandhom jivvalutaw il-kapaċitajiet tal-produzzjoni meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ akkwist identifikati u jissuġġerixxu objettivi korrispondenti tal-produzzjoni industrijali fir-rigward tad-difiża, b’mod partikolari għall-kapaċitajiet l-aktar kritiċi.

    Fir-rigward ta’ din il-funzjoni ta’ programmazzjoni u akkwist konġunti tad-difiża tal-UE, il-laqgħat fil-kuntest tal-Bord se jitħejjew u jiġu kopreseduti mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli/il-Kap tal-Aġenzija.

    Barra minn hekk, għall-fini tal-appoġġ li jingħata għall-implimentazzjoni tal-EDIP, il-Bord se jiġi stabbilit formalment fir--Regolament EDIP, notevolment biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista fil-livell tal-UE iżda wkoll biex tingħata informazzjoni u assistenza fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ appoġġ differenti għall-EDTIB li ġew żviluppati fl-EDIP. F’din il-konfigurazzjoni, il-Bord innifsu se jkun ippresedut mill-Kummissjoni, bil-parteċipazzjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA).

    Flimkien ma’ dan l-isforz, biex tiġi żgurata kooperazzjoni effettiva bejn il-gvernijiet u l-industrija u biex jiġu stabbiliti djalogu u impenn aktar mill-qrib, se jiġi stabbilit Grupp Ewropew tal-Industrija tad-Difiża ta’ livell għoli. Dan il-Grupp se jiltaqa’ f’konfigurazzjonijiet speċifiċi (pereżempju speċifiċi għas-settur), skont il-kwistjoni kkonċernata, u se jiffunzjona bħala interlokutur privileġġjat tal-Bord biex jikkonsulta mal-industrija u jżid il-konsistenza bejn il-pjanijiet tal-Istati Membri u x’tista’ twettaq l-EDTIB, mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar il-kompetizzjoni fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    2.1.2.Minn programmazzjoni strateġika għal Proġetti ta’ interess komuni

    Wieħed mir-rwoli tal-Bord, li jaġixxi bħala l-funzjoni ġdida ta’ programmazzjoni u akkwist konġunti fil-livell tal-UE se jkun l-identifikazzjoni konġunta ta’ Proġetti ta’ interess komuni possibbli biex jiġu ffukati l-isforzi u l-programmi ta’ finanzjament tal-UE. Il-funzjoni ġdida ta’ programmazzjoni u akkwist se tkun ibbażata fuq l-istrumenti u l-inizjattivi eżistenti, notevolment il-Pjan tal- Iżvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP), ir-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD) u l-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO).

    Bil-ħsieb li żżid l-istat ta’ tħejjija tagħha fir-rigward tad-difiża fil-kuntest attwali tas-sigurtà, l-Unjoni għandha tidentifika, fi ħdan il-Prijoritajiet tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet tal-UE, Proġetti Ewropej tad-Difiża ta’ Interess Komuni, li fuqhom għandha tiffoka l-isforzi u r-riżorsi. Billi jinvestu aktar, aħjar, flimkien u b’mod Ewropew, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jimmassimizzaw l-impatt tal-investimenti tagħhom biex jiżviluppaw u joperaw il-kapaċitajiet ta’ spettru sħiħ. Dan se jikkontribwixxi biex jiġi żgurat l-aċċess għal dominji strateġiċi u spazji kkontestati, inkluż billi jiġu żviluppati sistemi xierqa li jservu bħala infrastruttura tad-difiża Ewropea ta’ interess u użu komuni. Barra minn hekk, dan jikkontribwixxi biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ faċilitaturi strateġiċi li huma meħtieġa għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet, kif ukoll għall-Kapaċità ta’ Skjerament Rapidu tal-UE.

    Sal-2035, l-UE għandu jkollha fis-seħħ, jew fi stadju matur ta’ żvilupp, proġetti għall-kapaċitajiet li min-natura tagħhom huma Ewropej. Soġġett għal ftehim tal-Istati Membri, dawn jistgħu jinkludu: kapaċitajiet relatati mad-difiża integrata Ewropea kontra l-ajru u l-missili (li l-kritikalità tagħhom ġiet ikkonfermata matul l-aggressjoni militari mhux provokata tar-Russja kontra l-Ukrajna), Għarfien tad-Dominju Spazjali, network ta’ kapaċitajiet difensivi ċibernetiċi proporzjonati għall-ħtieġa li l-Unjoni tiġi protetta b’mod effettiv, kif ukoll assi protettivi marittimi u ta’ taħt l-ilma b’dimensjoni xierqa.

    2.2.Ninvestu flimkien

    Ninvestu aktar flimkien huwa l-prerekwiżit għal stat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża tal-UE aktar b’saħħtu. L-Istati Membri jridu jikkooperaw aktar matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-kapaċitajiet, billi jibdew mill-istadji tar-riċerka, l-iżvilupp u l-akkwist. Diġà jeżistu strumenti biex jiġu identifikati l-prijoritajiet tal-kapaċitajiet (CDP) u l-opportunitajiet kollaborattivi (Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża). Huwa imperattiv li jiġi żgurat li dawn jintużaw b’mod effettiv għall-ippjanar, l-investiment u fl-aħħar mill-aħħar it-twettiq ta’ kapaċitajiet tad-difiża konkreti.

    2.2.1.Akkwist komuni bħala n-norma kull meta jkun rilevanti: l-espansjoni tal-loġika ta’ intervent żviluppata taħt l-EDIRPA 

    Biex tkompli tikkontribwixxi għal espressjoni ta’ domanda effettiva sabiex tappoġġa l-kompetittività tal-EDTIB, il-Kummissjoni qed tipproponi li tespandi l-loġika ta’ intervent tal-EDIRPA u li tintensifika l-appoġġ għall-akkwist komuni ta’ prodotti tad-difiża li jirriżultaw mill-EDTIB. Din it-tieqa tal-EDIP se tikkumpensa l-kostijiet finanzjarji assoċjati mal-kumplessità tal-kooperazzjoni, li jmorru lil hinn mill-prodotti tad-difiża l-aktar urġenti u kritiċi, u b’hekk twessa’ l-qasam ta’ intervent tal-EDIRPA.

    It-tieqa ta’ appoġġ għall-akkwist konġunt tal-EDIP se tgħin biex jitħaffef b’mod kollaborattiv l-aġġustament tal-industrija għal bidliet strutturali. Se tinċentiva wkoll is-solidarjetà bejn l-Istati Membri billi tippermettilhom iżidu l-effiċjenzi fl-infiq pubbliku u jikkontribwixxu għall-interoperabbiltà u l-interkambjabbiltà.

    Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli/il-Kap tal-Aġenzija se jkejlu l-progress miksub fil-konsolidazzjoni tad-domanda fil-qasam tad-difiża wara l-adozzjoni ta’ din l-istrateġija. Ir-riċerka kollaborattiva, l-iżvilupp (R&Ż) u l-akkwist ta’ tagħmir għad-difiża għandhom progressivament isiru in-norma fl-UE.

    Sal-lum, l-Istati Membri ma setgħux jilħqu l-parametru referenzjarju li qablu dwaru l-ewwel fl-2007, li jonfqu 35 % tal-baġit totali tagħhom għat-tagħmir fl-akkwist kollaborattiv Ewropew ta’ tagħmir 18 .

    Biex issir bidla lejn sinjal tad-domanda sostnut u fuq medda itwal ta’ żmien għall-EDTIB, qed jiġi propost li l-Istati Membri jilħqu l-għan tal-akkwist ta’ mill-inqas 40 % tat-tagħmir għad-difiża b’mod kollaborattiv sal-2030. 

    Bl-ilħuq ta’ dan l-għan, l-investimenti addizzjonali fid-difiża, li jinsabu għaddejjin u li jmiss, mill-Istati Membri se jagħtu eżiti aktar effiċjenti, u b’hekk jagħtu spinta b’mod deċiżiv lir-reżiljenza u s-sigurtà tal-UE. L-inċentivi sinifikanti pprovduti fil-livell tal-UE mill-EDIRPA u l-EDIP, ikkombinati mal-esperjenza fil-kuntest tal-EPF u s-sens akbar ta’ neċessità, urġenza u solidarjetà akbar li jirriżultaw mis-sitwazzjoni ġeopolitika attwali, jagħmlu dan kemm essenzjali kif ukoll realistiku.

     

    2.2.2.Azzjoni aktar sistematika b’appoġġ għall-interoperabbiltà u l-interkambjabbiltà 

    L-esperjenza tal-Ukrajna fil-ġlieda tagħha kontra l-aggressjoni mhux ġustifikata tar-Russja wriet il-valur tal-kapaċitajiet tad-difiża interoperabbli u interkambjabbli. It-tagħlimiet meħuda mill-kamp tal-battalja wrew l-isfidi tal-użu ta’ bosta sistemi simili ta’ armi, iżda mhux verament interoperabbli u lanqas interkambjabbli, inkluż munizzjon tal-istess kalibru li jiġi prodott fi Stati Membri differenti. Minbarra li jippreżenta sfida operazzjonali akuta, dan inaqqas il-kompetittività, l-ekonomija ta’ skala u għalhekk jillimita l-funzjonament tas-suq intern. Il-limitazzjonijiet attwali u mhux sostenibbli f’dan ir-rigward isibu l-għeruq tagħhom fi kwistjonijiet relatati mar-rekwiżiti nazzjonali, l-adozzjoni tal-istandards, u ċ-ċertifikazzjoni. Biex is-suq jiġi deframmentat, tliet elementi huma ugwalment importanti: id-definizzjoni mill-Istati Membri ta’ rekwiżiti komuni, l-użu ta’ standards eżistenti jew il-ġenerazzjoni ta’ oħrajn ġodda, u rikonoxximent reċiproku akbar taċ-ċertifikazzjonijiet.

    Kaxxa 3: Rekwiżiti tekniċi, standards u ċertifikazzjonijiet subottimali jipperikolaw l-istat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża tal-UE

    Il-programmi kollaborattivi Ewropej tal-passat ġew ħafna drabi mifnija bix-xejra tal-Istati Membri li jippersonalizzaw iżżejjed u jużaw b’mod eċċessiv ir-rekwiżiti nazzjonali li jirriżultaw mill-proċessi nazzjonali tal-ippjanar tal-kapaċitajiet. Dan ġeneralment irriżulta f’bosta verżjonijiet tal-istess kapaċità, żieda fil-kostijiet tal-R&Ż, l-akkwist u l-manutenzjoni, użu subottimali tal-ktajjen tal-provvista u dewmien iġġenerat, kif ukoll tnaqqis fil-possibbiltajiet għal taħriġ komuni, loġistika u opportunitajiet kollaborattivi oħra.

    Filwaqt li standardizzazzjoni rigoruża tista’ tgħin biex jingħelbu dawn il-kwistjonijiet, hemm biżżejjed evidenza li l-istandards waħidhom ma jistgħux jevitaw kompletament kwistjonijiet ta’ interoperabbiltà u interkambjabbiltà. Minkejja l-Ftehimiet ta’ Standardizzazzjoni (STANAGs) li ġew adottati fil-qafas tan-NATO, l-adozzjoni volontarja ta’ dawn l-istandards għadha problema. Sfida oħra tirriżulta mill-fatt li l-istandards attwalment maqbula spiss ma jagħtux biżżejjed l-interoperabbiltà u l-interkambjabbiltà reali meħtieġa f’termini operazzjonali, peress li ma jkoprux is-sistemi ta’ difiża kollha, u lanqas mhuma sistematikament dettaljati biżżejjed.

    Fl-aħħar nett, iċ-ċertifikazzjoni tibqa’ wkoll kwistjoni li għandha tiġi indirizzata. Iċ-ċertifikazzjonijiet attwalment jingħataw minn awtoritajiet iddedikati fil-livell nazzjonali u mhumiex reċiprokament rikonoxxuti, spiss minħabba protokolli tas-sikurezza, li de facto jifframmentaw is-suq u jxekklu l-loġistika.

    L-istandards tad-difiża huma faċilitatur ewlieni għall-interoperabbiltà tal-materjal u t-tagħmir li jużaw il-forzi armati. L-UE, notevolment permezz ta’ attivitajiet implimentati mill-EDA, tappoġġa lill-Istati Membri fl-identifikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ standardizzazzjoni u l-użu ta’ standards fil-kuntest tal-proġetti kollaborattivi, filwaqt li tuża l-iSTANAGs bħala r-referenza prinċipali.

    Ħafna proġetti taħt l-EDF diġà jappoġġaw aktar standardizzazzjoni tat-tagħmir fil-livell tal-UE, bil-ħsieb li jiġu żgurati l-interoperabbiltà u l-interkambjabbiltà fi ħdan kwalunkwe koalizzjoni. Għalhekk, l-EDF jirrikjedi li l-Istati Membri jiddefinixxu rekwiżiti funzjonali komuni permezz tal-proċess ta’ armonizzazzjoni tas-sejħiet li fih jistgħu jipparteċipaw l-Istati Membri kollha. Madankollu, sforzi ulterjuri għandhom jiffukaw fuq l-inċentivar tal-użu tal-biċċa l-kbira mill-istandards eżistenti l-aktar komuni fil-produzzjoni u l-akkwist tal-armamenti, filwaqt li jibnu fuq l-inizjattivi eżistenti u jikkomplementawhom. B’mod partikolari, is-sistema ta’ Referenza għall-ISTAndards tad-Difiża Ewropea (EDSTAR) immaniġġjata mill-EDA, li tidentifika l-Istandards tal-Aħjar Prattiki (BPS) b’appoġġ għall-programmi, l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji, għandha tikkostitwixxi l-bażi għal ħidma ulterjuri. L-EDSTAR hija komplementari għall-iSTANAGs tan-NATO u għandha l-għan li tottimizza l-effettività, l-effiċjenza u l-interoperabbiltà tal-applikazzjoni tal-istandards għall-prodotti u s-servizzi tad-difiża u s-sigurtà. Il-programmi u l-għodod industrijali tad-difiża tal-UE jenħtieġ li jinċentivaw aktar u jipprijoritizzaw proġetti li jikkontribwixxu għall-istandardizzazzjoni u l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti.

    Għalhekk, il-Kummissjoni, fi ħdan il-programmi industrijali tad-difiża tagħha u b’mod partikolari fl-EDF, se tippromwovi l-użu ta’ standards ċivili maqbula – f’konformità mal-istrateġija tal-UE dwar l-istandardizzazzjoni 19 - jew ta’ standards tad-difiża bħall-iSTANAGs tan-NATO. 

    Iċ-ċertifikazzjoni tista’ tiġi definita bħala r-rikonoxximent formali li t-tagħmir ikun jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli li jiggarantixxu li jista’ jintuża mingħajr periklu sinifikanti għall-operaturi. Fis-settur tad-difiża, fejn it-tagħmir jista’ jipperikola b’mod sinifikanti l-ħajja tal-operaturi, l-Istati Membri jiżguraw salvagwardji billi jagħtu mandat lill-awtoritajiet (normalment l-Aġenziji fil-Ministeri tad-Difiża) biex jiċċertifikaw it-tagħmir qabel ma jkun jista’ jintuża. Nuqqas ta’ rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikazzjonijiet jirriżulta fl-impossibbiltà li jiġi offrut prodott f’ċertu suq, anke fi ħdan l-UE.

    Biex tindirizza l-kwistjonijiet relatati maċ-ċertifikazzjoni, il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll attivitajiet rapidi ta’ kontroċertifikazzjoni, inkluż l-ittestjar assoċjat meta jkun meħtieġ. Din il-kontroċertifikazzjoni diġà hija realtà, fuq bażi volontarja, fi ħdan is-settur tal-ajrunavigabbiltà fil-qafas tal-EDA. L-Aġenzija se tfittex ukoll li tkompli tiffaċilita attivitajiet oħra ta’ ċertifikazzjoni, ittestjar u evalwazzjoni. B’mod partikolari, ir-rinforzar tal-ħidma tal-EDA dwar l-ittestjar u l-evalwazzjoni tad-difiża jiffaċilita l-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ ttestjar li għandhom l-għan li jiżguraw il-kontroċertifikazzjoni ta’ tagħmir simili fil-pjattaformi kollha.

    Barra minn hekk, f’ċirkostanzi speċifiċi matul żminijiet ta’ kriżi, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi permess ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikazzjonijiet nazzjonali, skont id-dispożizzjonijiet tal-EDIP.

    2.2.3.Lejn programmi kooperattivi u robusti tal-armamenti b’ċiklu tal-ħajja sħiħ: l-Istruttura għal Programm Ewropew tal-Armamenti bħala għodda b’saħħitha ġdida

    Programmi kooperattivi tal-armamenti mill-Istati Membri kienu qed jiffaċċjaw sfidi sinifikanti. Dawn qed jiġu stabbiliti fil-biċċa l-kbira fuq bażi ad hoc u qed jiġu pperikolati minn nuqqas ta’ għodod proporzjonati għall-kumplessità tagħhom. Dan spiss irriżulta f’dewmien u kostijiet eċċessivi. Filwaqt li l-EDF u l-PESCO offrew inċentivi u oqfsa biex jirrimedjaw din is-sitwazzjoni, jeħtieġ li l-impenn tal-Istati Membri lejn il-kooperazzjoni matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-kapaċitajiet tad-difiża jiġi mħeġġeġ u mħaddem aktar. Biex dan iseħħ, il-Kummissjoni se tagħmel disponibbli qafas legali ġdid – l-Istruttura għal Programm Ewropew tal-Armamenti (SEAP) – bħala mezz biex jirfed u jsaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża, inkluż fil-kuntest tal-PESCO, jekk l-Istati Membri jaqblu dwar dan.

    Fi ħdan dan il-qafas legali ġdid, l-Istati Membri se jibbenefikaw minn proċeduri standardizzati għall-għoti ta’ bidu u l-immaniġġjar ta’ programmi kooperattivi tad-difiża. Soġġett għal kundizzjonijiet speċifiċi, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn żieda fir-rata ta’ finanzjament fil-kuntest tal-EDIP kif ukoll minn proċeduri ta’ akkwist simplifikati u armonizzati. Meta l-Istati Membri jkollhom sjieda konġunta tat-tagħmir akkwistat permezz tal-SEAP (li taġixxi bħala organizzazzjoni internazzjonali), ikunu jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni mill-VAT. Barra dan, l-EDIP se jipprevedi bonus għall-prodotti żviluppati u akkwistati fil-kuntest tal-SEAP jekk l-Istati Membri kkonċernati jaqblu dwar approċċ komuni għall-esportazzjonijiet għad-difiża. Barra minn hekk, l-istatus tal-organizzazzjoni internazzjonali se jippermetti wkoll li l-Istati Membri, jekk ikunu jixtiequ, joħorġu titoli tad-dejn biex jiżguraw il-pjan ta’ finanzjament fuq terminu twil tal-programmi tal-armamenti. Filwaqt li l-Unjoni ma tkunx responsabbli għall-ħruġ ta’ dejn mill-Istati Membri, il-kontribuzzjonijiet taħt l-EDIP għall-funzjonament tal-SEAP jistgħu jtejbu l-kundizzjonijiet għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-programmi tal-armamenti, li huma eliġibbli għal appoġġ mill-Unjoni.  

    Din l-għodda ġdida se tgħin ukoll biex jiġu intensifikati l-isforzi ta’ kooperazzjoni tal-Istati Membri, f’konformità mal-prijoritajiet tal-kapaċitajiet komunement maqbula mill-Istati Membri fi ħdan il-qafas tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK), notevolment permezz tas-CDP. Hija għandha tiffaċilita u tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ proġetti tal-PESCO u tikkontribwixxi għat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti meħuda mill-Istati Membri parteċipanti. Fil-kuntest tar-Rieżami Strateġiku kontinwu tal-PESCO, ir-Rappreżentant Għoli jista’ jirrakkomanda lill-Istati Membri parteċipanti biex isaħħu l-impenji aktar vinkolanti relatati mal-EDTIB u biex iqisu impenji ġodda possibbli, notevolment dwar l-akkwist konġunt mill-EDTIB, f’konformità mal-ambizzjoni tal-istrateġija preżenti. Dawn jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll fl-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-proġetti tal-PESCO.

    Kif deskritt fit-Taqsima 3 ta’ din il-Komunikazzjoni Konġunta, l-SEAP tista’ tappoġġa wkoll l-iżvilupp ta’ prototipi li jirriżultaw minn azzjonijiet kollaborattivi tal-R&Ż iffinanzjati mill-EDF lejn il-produzzjoni industrijali.

    2.3.Ninvestu b’mod Ewropew

    Ninvestu aktar, aħjar, u flimkien se jżid l-istat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża tal-Unjoni biss jekk iż-żieda fl-investimenti li jirriżultaw minn baġits nazzjonali akbar tkun ta’ benefiċċju għall-industrija tad-difiża tal-Unjoni. Minkejja dan, il-mogħdija tal-investimenti tal-Istati Membri fl-EDTIB tiddependi ħafna fuq il-kapaċità li din tal-aħħar turi l-kapaċità tagħha li tilħaq id-domanda mill-Istati Membri kemm fil-veloċità kif ukoll fil-volum.

    Id-deċiżjonijiet urġenti dwar l-akkwiżizzjoni meħuda mill-Istati Membri fid-dawl tal-ambjent tas-sigurtà li qed jiddeterjora b’mod drammatiku ttieħdu fl-isfond ta’ EDTIB li għadha ristretta mill-kapaċità tal-produzzjoni limitata u ta’ daqs fi żmien paċifiku. Iż-żieda qawwija fl-akkwiżizzjonijiet kienet ta’ benefiċċju fil-biċċa l-kbira għall-industrija mhux tal-UE. Għalhekk, id-disponibbiltà fiż-żmien u fil-volum hija parametru ġdid tal-kompetittività tal-EDTIB u tas-sigurtà tal-Unjoni, speċjalment matul perjodi ta’ tensjonijiet ogħla tas-sigurtà.

    L-intensifikazzjoni ta’ dik ix-xejra rriżultat fiż-żieda ta’ dipendenzi eżistenti jew fil-ġenerazzjoni ta’ oħrajn ġodda, u b’hekk illimitat iċ-ċirku virtuż potenzjali ta’ żieda fl-investiment li rriżultat fit-tisħiħ tal-EDTIB. Il-volum tal-akkwiżizzjonijiet li saru permezz tal-Bejgħ Militari Barrani (FMS) tal-Istati Uniti fl-UE żdied b’89 % bejn l-2021 u l-2022 20 . Barra minn hekk, il-manifatturi tal-armamenti li qed joħorġu minn pajjiżi terzi oħra daħlu wkoll fis-suq tal-UE. Din ix-xejra tipperikola l-kompetittività tal-EDTIB u twassal biex flus il-kontribwenti tal-UE joħolqu impjiegi barra mill-pajjiż u għalhekk iridu jitreġġgħu lura.

    Għal dak l-għan, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mar-Rappreżentant Għoli/mal-Kap tal-Aġenzija, għandha l-għan li toħloq Mekkaniżmu għall-Bejgħ Militari Ewropew, li jiffaċilita d-disponibbiltà ta’ prodotti tad-difiża mill-EDTIB u jżid l-għarfien dwar din id-disponibbiltà. Il-Kummissjoni tipproponi li dan il-mekkaniżmu jiġi ttestjat permezz ta’ proġett pilota fi ħdan l-EDIP bil-ħsieb li tibni flimkien mal-Istati Membri u l-industrija mekkaniżmu sħiħ mill-2028 ’il quddiem. Il-mekkaniżmu pilota se jiġi organizzat f’erba’ pilastri: 1) katalogu ta’ prodotti tad-difiża, 2) appoġġ finanzjarju għall-ħolqien ta’ ġabriet ta’ kapaċitajiet tad-difiża li jkun disponibbli malajr, 3) dispożizzjonijiet biex jiġu ffaċilitati l-proċessi ta’ akkwist, u 4) miżuri ta’ bini tal-kapaċitajiet għall-aġenti tal-akkwist.

    L-ewwel nett, billi tibni fuq l-għodod eżistenti 21 , il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mar-Rappreżentant Għoli/mal-Kap tal-Aġenzija, se taħdem favur l-istabbiliment ta’ katalogu uniku, ċentralizzat u aġġornat ta’ prodotti tad-difiża żviluppat mill-EDTIB. Il-kriżi tal-munizzjon fil-kuntest tal-gwerra fl-Ukrajna żvelat li l-Unjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha kapaċità tal-produzzjoni importanti, iżda s-sottovalutazzjoni mifruxa ta’ din il-kapaċità rriżultat f’żieda fl-attenzjoni għall-produtturi tal-pajjiżi terzi. Dawn il-perċezzjonijiet ħżiena huma ta’ preġudizzju għall-EDTIB u jenħtieġ li jiġu kkoreġuti. Biex tiżdied il-viżibbiltà tas-soluzzjonijiet mill-UE, il-Kummissjoni, b’ħidma mill-qrib mar-Rappreżentant Għoli/mal-Kap tal-Aġenzija, se tipprovdi punt ta’ kuntatt waħdieni li jkun jippermetti l-identifikazzjoni ta’ prodotti tad-difiża li jiġu prodotti mill-EDTIB. Dan il-katalogu se jingħata fuq bażi volontarja mill-industrija, permezz ta’ sejħiet għal espressjonijiet ta’ interess iddedikati.

    It-tieni, il-Kummissjoni se tappoġġa l-ħolqien ta’ ġabriet tal-istat ta’ tħejjija industrijali għad-difiża, biex iżżid id-disponibbiltà u tħaffef iż-żmien ta’ konsenja ta’ prodotti tad-difiża li jsiru fl-UE. Billi tipproduċi fi kwantitajiet limitati għal swieq nazzjonali iżgħar, l-industrija tagħna tbati minn żvantaġġ kompetittiv fil-konfront ta’ atturi mhux tal-UE. Filwaqt li l-manifatturi tal-UE għandhom żmien meħtieġ simili jew iqsar għall-konsenja meta mqabbel ma’ dak ta’ manifatturi mhux tal-UE, il-fatt li l-prodotti mhux tal-UE spiss jistgħu jsiru faċilment disponibbli minn ġewwa stokkijiet mhux tal-UE eżistenti jirriżulta f’żieda fil-veloċità għas-suq, u b’hekk dawn is-soluzzjonijiet mhux tal-UE jsiru aktar attraenti. Fi ħdan l-EDIP, il-Kummissjoni tipproponi li tappoġġa finanzjarjament ix-xiri ta’ kwantitajiet addizzjonali ta’ kapaċitajiet tad-difiża li għalihom l-Istati Membri ddeċidew li jakkwistaw b’mod konġunt fi ħdan l-SEAP. Dan jippermetti l-ħolqien ta’ riżervi strateġiċi li jistgħu jsiru disponibbli malajr għal klijenti addizzjonali li jirriżultaw fi skema attraenti ta’ Gvern għal Gvern. Il-governanza dwar l-użu tat-tagħmir fir-riżerva se tiġi stabbilita minn dawk l-Istati Membri li huma parti mill-Istrutturi għal Programm Ewropew tal-Armamenti.

    It-tielet, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi introdott reġim standard applikabbli għal kuntratti u ftehimiet qafas tad-difiża futuri ma’ manifatturi bbażati fl-UE. Id-dritt tal-UE diġà jippermetti li l-Istati Membri jiftħu l-kuntratti u l-ftehimiet qafas tagħhom għal Stati Membri oħra, meta din il-possibbiltà tkun prevista mill-bidu nett tal-proċedura ta’ akkwist. Madankollu, l-Istati Membri rari ħafna jużaw din il-possibbiltà. B’konsegwenza ta’ dan, l-akkwist permezz ta’ dawn il-kuntratti u ftehimiet qafas minn Stati Membri oħra huwa limitat ħafna. Biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata b’mod strutturali, dan ir-reġim standard ikun jipprevedi li, sakemm ma jkunx espressament stipulat mod ieħor, kuntratt/ftehim qafas tad-difiża jista’ jinfetaħ għal kwalunkwe Stat Membru ieħor taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk tal-Istat Membru tal-akkwist (soġġett għall-ftehim tal-Istati Membri inkwistjoni). Barra minn hekk, abbażi tal-prattika tal-Istati Membri minn meta bdiet il-gwerra ta’ aggressjoni Russa fuq skala sħiħa kontra l-Ukrajna, jidher li jeħtieġ li l-Istati Membri jiġu permessi jużaw ukoll kuntratti qafas nazzjonali eżistenti ma’ manifatturi bbażati fl-UE biex jakkwistaw kwantitajiet addizzjonali f’isem oħrajn (qafas tan-nazzjon prinċipali). Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi, fil-kuntest tal-EDIP, estensjoni tad-deroga temporanja mid-Direttiva 2009/81/KE, kif previst fir-Regolament dwar l-ASAP. Bis-saħħa ta’ din il-“Klawżola ta’ Solidarjetà Industrijali”, l-Istati Membri jkunu jistgħu jibbenefikaw minn kuntratti oħra tal-Istati Membri, inaqqsu l-piż amministrattiv tagħhom (kif ukoll dak industrijali), u jiksbu tagħmir b’inqas żmien meħtieġ għall-konsenja.

    Ir-raba’, biex jiġi ffaċilitat l-akkwist mill-EDTIB, l-Istati Membri jistgħu jitolbu appoġġ taħt strumenti eżistenti tal-UE, bħall-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI)  22 għall-bini tal-kapaċitajiet amministrattivi, kif ukoll għall-implimentazzjoni ta’ riformi rilevanti. B’mod partikolari, l-aġenziji nazzjonali tal-akkwist tal-Istati Membri ikunu jistgħu jitolbu appoġġ għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ akkwist, ir-riorganizzazzjoni tal-istrutturi ta’ governanza, l-iskambji ta’ informazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ, bl-objettiv li jittejjeb l-akkwist konġunt fl-Unjoni. L-EDA se tkompli tappoġġa dan il-bini tal-kapaċitjiet amministrattivi billi tipprovdi forums għall-kondiviżjoni ta’ prattiki tajbin u tipprevedi azzjonijiet kooperattivi ulterjuri fi ħdan l-ambitu tan-network ta’ Esperti dwar l-Akkwiżizzjoni fil-qasam tad-Difiża tagħha.

    Bħal fil-każ tal-akkwist kollaborattiv, huwa essenzjali li l-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli/il-Kap tal-Aġenzija jkunu jistgħu jkejlu l-progress flimkien mal-Istati Membri, li jirriżulta minn din l-istrateġija, bis-saħħa ta’ data pprovduta mill-Istati Membri.

    Iż-żieda fl-investimenti fid-difiża tilħaq l-għan tagħhom biss permezz ta’ żieda fil-kooperazzjoni, bħala l-prekundizzjoni biex jingħelbu l-ineffiċjenzi persistenti. Sabiex tinkiseb reżiljenza proporzjonata għal-livell ta’ theddid, l-Istati Membri għandhom jisfruttaw l-opportunitajiet sħaħ li jiġu offruti mill-EDTIB billi jikkooperaw fil-firxa sħiħa ta’ investiment u akkwiżizzjoni. Żewġ indikaturi jistgħu jservu biex ikejlu l-progress li jirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija.

    L-ewwel nett, bejn l-2017 u l-2023, is-suq tad-difiża tal-UE kiber b’64 % filwaqt li l-kummerċ fil-qasam tad-difiża bejn l-Istati Membri żdied biss marġinalment u issa jirrappreżenta biss 15 % tal-valur totali tas-suq tad-difiża tal-UE 23 . Jenħtieġ li din it-tendenza titreġġa’ lura. L-Istati Membri huma mistiedna jiżguraw li, sal-2030, il-valur tal-kummerċ fil-qasam tad-difiża intra-UE jirrappreżenta mill-inqas 35 % tal-valur tas-suq tad-difiża tal-UE. 

    Barra minn hekk, data riċenti tindika li kważi 80 % tal-investimenti fid-difiża li saru mill-Istati Membri mill-2022 ’l hawn, ġew implimentati ma’ fornituri mhux tal-UE, meta mqabbel ma’ bejn wieħed u ieħor 60 % li saru qabel il-gwerra. Filwaqt li possibbilment tiġi ġustifikata minn raġunijiet ta’ urġenza, din l-inflessjoni inkwetanti tista’ tiġi indirizzata permezz ta’ aktar trasparenza u progress konkret f’dak li għandu x’jaqsam mad-disponibbiltà u ż-żminijiet meħtieġa tal-prodotti mill-EDTIB.

    Fl-insegwiment tal-ambizzjoni kondiviża li hija inkorporata minn din l-istrateġija, l-Istati Membri għandhom ireġġgħu lura x-xejra attwali u gradwalment iġibu l-livell ta’ akkwist tagħhom mill-EDTIB l-ewwel għal-livell ta’ qabel il-gwerra, u jżiduh kemm jista’ jkun lil hinn minn dak il-punt. L-Istati Membri huma mistiedna jagħmlu progress kostanti lejn l-akkwist ta’ mill-inqas 50 % tal-investimenti tagħhom fid-difiża fi ħdan l-UE sal-2030 u ta’ 60 % sal-2035 24 .

    It-treġġigħ lura tax-xejriet attwali u l-issodisfar ta’ dawk il-parametri referenzjarji jżidu b’mod tanġibbli r-reżiljenza tal-Unjoni u s-sigurtà taċ-ċittadini tagħna. Appoġġ addizzjonali għall-kooperazzjoni Ewropea miġjub mill-EDIP u l-EDF, kif ukoll minn programmi suċċessuri mill-2028 ’il quddiem, ikkombinat ma’ rieda politika qawwija u impenn mill-Istati Membri, jagħmlu dawk il-parametri referenzjarji realistiċi u li jistgħu jintlaħqu.

    Approċċ futur:

    Sabiex jgħinu lill-Istati Membri jinvestu aktar, aħjar, flimkien u b’mod Ewropew, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli/il-Kap tal-Aġenzija:

    Ø se jistabbilixxu funzjoni ġdida ta’ programmazzjoni u akkwist konġunti, billi joħolqu Bord tat-Tħejjija Industrijali għad-Difiża, kif ukoll Grupp Ewropew tal-Industrija tad-Difiża ta’ livell għoli bi rwol konsultattiv.

    Il-Kummissjoni:

    Ø tipproponi li tiġi estiża, fi ħdan l-EDIP, il-loġika tal-EDIRPA fir-rigward tal-appoġġ għall-kooperazzjoni fl-akkwist tal-prodotti li jirriżultaw mill-EDTIB.

    Ø tipproponi li jkun jista’ jsir, fi ħdan l-EDIP, rikonoxximent reċiproku rapidu taċ-ċertifikazzjonijiet, matul żminijiet ta’ kriżi.

    Ø tipproponi li l-Istati Membri jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom qafas legali ġdid, l-Istruttura għal Programm Ewropew tal-Armamenti (SEAP), biex isaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża, f’komplementarjetà sħiħa mal-qafas tal-PESCO.

    Ø tipproponi l-ħolqien gradwali ta’ Mekkaniżmu għall-Bejgħ Militari Ewropew li jkollu l-għan li jħeġġeġ id-disponibbiltà ta’ tagħmir tal-UE fiż-żmien u fil-volum.

    Ø tipproponi, permezz tal-EDIP, it-tnedija ta’ Proġetti Ewropej tad-Difiża ta’ interess komuni biex jikkontribwixxu – fil-livell tal-UE – għall-iżgurar u l-protezzjoni tal-aċċess liberu mill-Unjoni u l-Istati Membri għall-oqsma kkontestati bħal dak ċibernetiku, spazjali, tal-ajru u marittimu, u għall-implimentazzjoni tal-Prijoritajiet tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet tal-UE.

    Barra minn hekk, ir-Rappreżentant Għoli:

    Ø se jirrakkomanda lill-Istati Membri parteċipanti tal-PESCO, fil-kuntest tar-Rieżami Strateġiku tal-PESCO 2023-2025, biex isaħħu l-impenji aktar vinkolanti fir-rigward tal-EDTIB (jew iqisu oħrajn ġodda possibbli), u jagħmlu użu mill-proġetti tal-PESCO sabiex jissodisfaw l-ambizzjoni tal-istrateġija preżenti.

    3.Niżguraw id-disponibbiltà: EDTIB reattiva f’kull ċirkostanza u fi kwalunkwe perjodu ta’ żmien 

    L-UE diġà tista’ sserraħ fuq EDTIB tal-aqwa klassi u b’mod kumplessiv kompetittiva. Iżda f’kuntest ġeopolitiku li nbidel b’mod drammatiku fejn l-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jieħdu r-responsabbiltà għas-sigurtà taċ-ċittadini tagħhom, huwa importanti aktar minn qatt qabel li jkun hemm sħubija ma’ EDTIB aktar reattiva u aktar reżiljenti. Dan jirrigwarda l-ħolqien tal-kundizzjonijiet għall-industrija tal-UE biex tissodisfa d-domanda tal-Istati Membri fil-ħin u fuq skala xierqa. Filwaqt li l-Istati Membri huma responsabbli biex jagħmlu ordnijiet irrevokabbli u fit-tul li jiżguraw il-prevedibbiltà meħtieġa tas-suq għall-industrija tad-difiża, il-Kummissjoni hija lesta li tuża l-prerogattivi u l-programmi rilevanti tagħha biex tappoġġa dan l-isforz.

    3.1.Appoġġ għal reazzjoni aktar rapida u adattament versatili għall-ħtiġijiet urġenti

    Kif jintwera b’mod ċar, wara l-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna, is-sigurtà tal-Unjoni u l-kapaċità tagħha li tappoġġa b’mod effettiv lis-sħab tagħha jiddependu fuq il-kapaċità tagħha li timmobilizza malajr it-tagħmir għad-difiża. Peress li l-livell ta’ theddid x’aktarx li jibqa’ għoli għall-futur prevedibbli, l-EDTIB trid tkun tista’ tikkonsenja dak li huwa meħtieġ, fil-kwantitajiet u l-postijiet it-tajbin, u fil-ħin opportun. Biex jinkiseb dan, jeħtieġ li l-EDTIB tgħaddi minn bidla fundamentali, u tieħu aktar riskji biex tkun aktar reattiva għall-ħtiġijiet tal-Istati Membri kollha.

    Il-mobilizzazzjoni tal-EDTIB għandha ssir bil-ħsieb li jiżdiedu r-reżiljenza u s-sigurtà tal-provvista fl-Ewropa kollha, b’kunsiderazzjoni sħiħa tal-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dawk l-Istati Membri oġġettivament dawk l-aktar esposti direttament għar-riskju ta’ materjalizzazzjoni tat-theddid militari konvenzjonali. Dan jirrikjedi wkoll li jiġu indirizzati l-effetti lembut għall-moviment rapidu, effiċjenti u mingħajr xkiel tat-tagħmir u l-kapaċitajiet tad-difiża permezz ta’ investimenti ulterjuri fil-mobbiltà militari

    L-UE se takkumpanja din il-bidla fil-mentalità u se tikkontribwixxi għat-tneħħija tar-riskji relatati mal-isforzi tal-industrija tad-difiża tagħha, biex issaħħaħ l-istat ta’ tħejjija tagħha billi tappoġġa t-tisħiħ fil-kapaċità tal-produzzjoni fl-UE, f’oqsma identifikati kollettivament mill-Istati Membri u l-Kummissjoni, b’attenzjoni partikolari għall-SMEs u l-Mid-caps żgħar. Biex tagħmel dan, il-Kummissjoni tipproponi li tespandi l-loġika ta’ intervent tal-programm ASAP, lil hinn mill-munizzjon u l-missili mill-art għall-art, sabiex l-UE tkun tista’ taċċellera l-investimenti produttivi fl-EDTIB għall-prodotti li huma l-aktar meħtieġa. L-appoġġ finanzjarju mill-UE għandu jipprevedi żieda fil-volum tal-produzzjoni ta’ tagħmir għad-difiża rilevanti, jgħin biex jitnaqqas iż-żmien meħtieġ għall-konsenja tagħhom u jindirizza l-effetti lembut u fatturi potenzjali li jistgħu jdewmu jew jimpedixxu l-provvista u l-produzzjoni tagħhom. Sa fejn ikun possibbli, dan l-appoġġ finanzjarju għandu wkoll iħeġġeġ sħubijiet industrijali transfruntiera u kollaborazzjoni ta’ kumpaniji rilevanti fi sforz konġunt tal-industrija, b’rispett sħiħ tar-regoli finanzjarji u tal-kompetizzjoni rilevanti.

    Minkejja dan, l-appoġġ għat-tisħiħ jirrikjedi wkoll li jiġu indirizzati l-konsegwenzi industrijali ta’ tnaqqis ladarba tkun ġiet issodisfata ż-żieda qawwija fid-domanda. L-investiment issa fl-iżvilupp ta’ faċilitajiet “dejjem lesti” u l-possibbiltà li l-linji ta’ produzzjoni ċivili jingħataw skop ġdid ikun jikkontribwixxi għas-sigurtà taċ-ċittadini tal-Unjoni, filwaqt li jippreserva l-flessibbiltà tal-kapaċità tal-manifattura tal-EDTIB u jippreserva l-kompetittività ġenerali tagħha.

    Il-Kummissjoni se tikkontribwixxi permezz tal-EDIP għall-bini tal-kapaċitajiet industrijali żejda “dejjem lesti li jippermettu l-flessibbiltà meħtieġa tiżdied b’reazzjoni għal żidiet qawwija f’daqqa urġenti fid-domanda. Dan ikun partikolarment xieraq fejn l-Istati Membri jidentifikaw nuqqasijiet kritiċi fil-provvista.

    Ikun possibbli li jiġi previst il-finanzjament, pereżempju, tal-għodod bil-magni u l-kostijiet rilevanti tal-persunal biex jiġi żgurat li f’każ ta’ kriżi kbira l-EDTIB tkun tista’ tipproduċi bil-massa dak li huwa meħtieġ f’perjodu ta’ żmien qasir, billi tkun ittejbet id-disponibbiltà ta’ kapaċitajiet tal-produzzjoni, filwaqt li jiġu mmodernizzati t-teknoloġiji tal-produzzjoni fejn ikun possibbli. Dan jiżgura li tkun tista’ sseħħ żieda immedjata f’każ ta’ bżonn.

    Il-Kummissjoni se tesplora wkoll mal-Istati Membri miżuri biex timmobilizza b’mod rapidu l-linji ta’ produzzjoni mill-industrija ċivili għal skopijiet ta’ produzzjoni fil-qasam tad-difiża, u biex tiżgura li l-forza tax-xogħol kwalifikata meħtieġa tkun disponibbli f’dawn ix-xenarji (pereżempju t-tħejjija tal-persunal f’termini ta’ approvazzjoni tas-sigurtà u taħriġ). Dawn is-soluzzjonijiet prattiċi effettivi se jippermettu li l-produzzjoni tal-EDTIB tkun lesta tadatta mingħajr dewmien għal fluttwazzjoni fid-domanda espressa mill-Istati Membri.

    Kaxxa 3. Każ għal reazzjoni aħjar: l-ilħuq tal-produzzjoni bil-massa ta’ droni rilevanti tad-difiża fl-isfond tal-isforzi kontinwi biex jiġi sfruttat il-potenzjal tagħhom

    Is-sistemi mingħajr bdot abbord għandhom rwol deċiżiv fid-dominji tal-ajru, tal-baħar u tal-art tat-teatru tal-gwerra fl-Ukrajna, li qed jintużaw b’mod wiesa’ għar-rikonjizzjoni u l-intelligence, l-appoġġ tal-artillerija, kif ukoll bħala effetturi. Huwa stmat li l-Ukrajna tuża sa 10 000 dron tal-ajru kull xahar fil-kamp tal-battalja filwaqt li tipproduċi 40 000 dron ġdid kull xahar. 

    Il-biċċa l-kbira minnhom huma materjal konsumabbli bi prezz baxx, spiss droni ċivili kummerċjali bi skop ġdid ,madankollu li huma kapaċi jeqirdu tagħmir li jiswa ħafna aktar flus. Filwaqt li ma jnaqqsux il-każ ta’ użu ta’ firxa wiesgħa ta’ droni militari bi skop speċjali, urew li huma ta’ valur tattiku u strateġiku konsiderevoli.

    Filwaqt li l-EDF u l-prekursuri tiegħu ilhom mill-2017 jappoġġaw finanzjarjament azzjonijiet tal-R&Ż fil-qasam tad-difiża fir-rigward ta’ sistemi mingħajr bdot abbord, l-iżvilupp ta’ kapaċità biex tiżdied malajr u tintlaħaq il-produzzjoni bil-massa ta’ dan it-tagħmir jista’ jiġi identifikat bħala element ewlieni tal-istat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża tal-UE fir-rigward ta’ kunflitti ta’ intensità għolja. Dan jista’ jkun is-suġġett tal-azzjonijiet li jittieħdu taħt l-EDIP futur, u kull dipendenza jew effett lembut li jkunu kritiċi għandhom jiġu identifikati u eliminati. Appoġġ għall-akkwist konġunt ta’ droni jew ta’ Difiża kontra Sistema tal-Ajru mingħajr Bdot Abbord huwa wkoll possibbli fi ħdan l-EDIRPA.

    Is-Sistemi tal-Ajru Mingħajr Bdot Abbord jidhru wkoll fost il-ħtiġijiet ta’ prijorità tal-Ukrajna li potenzjalment jistgħu jiġu appoġġati permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi, f’koordinazzjoni mal-ħidma mwettqa fil-kuntest tal-koalizzjonijiet tal-kapaċitjiet tal-Grupp ta’ Kuntatt għad-Difiża tal-Ukrajna.

    Il-Kummissjoni adottat strateġija 2.0 Ewropea tad-droni fid-29 ta’ Novembru 2022, li fil-kuntest tagħha qed jiġu implimentati bosta azzjonijiet ewlenin. Minbarra l-finanzjament għal azzjonijiet rilevanti tal-R&Ż taħt il-programm Orizzont Ewropa u l-EDF, inbdew azzjonijiet oħra: l-ewwel nett, sejħiet koordinati li jikkombinaw il-finanzjament mill-istrumenti tal-UE u s-self mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) biex jiġi appoġġat proġett ewlieni ġdid dwar it-“teknoloġiji tad-droni”; it-tieni nett, l-iżvilupp ta’ Pjan Direzzjonali Strateġiku għat-Teknoloġija tad-Droni biex jiġu identifikati oqsma ta’ prijorità sabiex tingħata spinta lir-riċerka u l-innovazzjoni, jitnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi eżistenti u jiġi evitat li jitfaċċaw oħrajn ġodda, jew l-istabbiliment ta’ network tal-UE ta’ ċentri tal-ittestjar tad-droni tad-difiża ċivili biex jiġu ffaċilitati l-iskambji bejn is-settur ċivili u dak tad-difiża.

    Biex tkompli tappoġġa l-versatilità tal-EDTIB, il-Kummissjoni qed tipproponi, bħala parti mill-EDIP propost, il-ħolqien ta’ Fond għall-Aċċellerazzjoni tat-Trasformazzjoni tal-Katina tal-Provvista tad-Difiża (FAST). Il-Fond se jkollu l-għan li jiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament tad-dejn u/jew tal-ekwità għall-SMEs u l-kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja li jindustrijalizzaw it-teknoloġiji tad-difiża u/jew li jimmanifatturaw prodotti tad-difiża jew li jkollhom pjanijiet imminenti biex jidħlu f’dawk l-attivitajiet. Il-FAST ikun jista’ jippermetti li jiġi ġġenerat ħafna mill-baġit allokat għall-inizjattiva mill-EDIP f’self jew investimenti ta’ ekwità.

    Billi jingrana investimenti pubbliċi u privati addizzjonali b’appoġġ għall-EDTIB, il-FAST se jsaħħaħ ir-reżiljenza tal-ktajjen tal-valur tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni. Din l-inizjattiva għandha tikkontribwixxi wkoll għall-appoġġ tal-iżvilupp ta’ ekosistema ta’ investituri li tkun iffukata fuq l-istadji tat-tkabbir, filwaqt li tinvesti f’fornituri kritiċi tad-difiża u tappoġġa ż-żieda fil-kumpaniji innovattivi tad-difiża.

    3.2.Infittxu li niksbu l-quċċata teknoloġika fil-qasam tad-difiża

    Filwaqt li tiġi żgurata l-kapaċità tal-UE li tirreaġixxi f’termini ta’ manifattura għall-urġenzi tas-sigurtà, huwa daqstant importanti li l-Ewropa tibqa’ fuq quddiem nett tal-innovazzjoni. Sforz sostnut fir-R&Ż huwa meħtieġ aktar minn qatt qabel biex tinżamm il-kompetittività tal-EDTIB fuq terminu twil, notevolment f’termini tad-disponibbiltà tagħha li tisfrutta l-potenzjal sħiħ tal-eċċellenza tax-xjenzjati, l-inġiniera u l-innovaturi tagħha. Fuq terminu qasir, il-kisba ta’ sejbiet teknoloġiċi tkun tappoġġa wkoll l-indirizzar tal-isfidi attwali, inkluża l-gwerra li għadha għaddejja fl-Ukrajna.

    3.2.1.Appoġġ għall-innovazzjoni u rrealizzar tal-potenzjal tad-difiża tal-SMEs 

    Billi ħeġġeġ u appoġġa kooperazzjoni aktar strutturata u sistematika fl-UE kollha, l-EDF witta t-triq lejn EDTIB aktar innovattiva, u lejn il-ftuħ u l-Ewropizzazzjoni tal-ktajjen tal-provvista. Madankollu, huwa essenzjali li tkompli tiżdied l-ambizzjoni tal-UE li trawwem b’mod effiċjenti l-innovazzjoni fid-difiża u l-ħolqien ta’ atturi ġodda fil-ktajjen tal-provvista tad-difiża. Jeħtieġ li s-settur jieħu vantaġġ sħiħ miċ-ċikli ta’ innovazzjoni ċivili aktar rapidi għal teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju biex iżomm il-kompetittività tiegħu u jiżgura l-vantaġġ tal-forza militari fil-kamp tal-battalja.

    Biex jibqa’ kompetittiv, il-kapaċità u l-awtonomija li jiġu żviluppati prodotti innovattivi tad-difiża jridu jkunu mirfuda wkoll minn appoġġ għar-riċerka dwar il-kapaċitajiet tad-difiża li jibqgħu validi fil-futur, inkluż f’teknoloġiji fixkiela. Dawn tal-aħħar jista’ jkollhom effett profondement trasformattiv fuq il-forzi militari tal-Istati Membri u jipprovdu vantaġġ operazzjonali kritiku. Għal dak l-għan, l-UE trid tfittex li toffri lill-impriżi innovattivi ‒ speċjalment negozji ġodda, SMEs, Mid-caps żgħar u Organizzazzjonijiet tar-Riċerka u t-Teknoloġija (RTOs) ‒ ċikli ta’ finanzjament aktar flessibbli, aktar rapidi u eħfef u tiffaċilita konnessjonijiet aħjar mal-utenti finali militari u l-investituri.

    F’dan l-isfond, l-Iskema tal-UE għall-Innovazzjoni fid-Difiża (EUDIS), li ġiet żviluppata taħt l-EDF b’baġit ta’ EUR 2 biljun 25 , se tipproponi fi ħdan dan il-QFP, servizzi ta’ appoġġ għall-innovazzjoni għal entitajiet uniċi, inkluż permezz ta’ tlaqqigħ mal-investituri, is-sħab u l-utenti finali, u se ssaħħaħ l-appoġġ għall-ittestjar u l-validazzjoni innovattivi tal-prodotti u t-teknoloġija. Hija se taħdem biex tnaqqas il-burokrazija, speċjalment għall-SMEs u l-Mid-caps żgħar, billi tesplora pereżempju l-introduzzjoni ta’ sejħiet “dejjem lesti” għal proġetti u modi kif għandu jiġi appoġġat it-trasferiment promettenti tat-teknoloġija minn mis-settur ċivili għal dak tad-difiża, fejn ikun applikabbli.

    Il-kooperazzjoni kontinwa u intensa bejn il-Kummissjoni Ewropea (EUDIS) u l-EDA (Ċentru ta’ Innovazzjoni fid-Difiża ‒ HEDI) tippermetti lill-innovaturi fid-difiża jieħdu vantaġġ sħiħ minn miżuri ta’ appoġġ tal-UE mfassla apposta, inkluża l-gwida dwar ir-rekwiżiti tal-kapaċitajiet tal-utenti finali militari u l-opportunitajiet ta’ konnessjoni mal-komunitajiet tad-difiża Ewropej. Fuq bażi annwali l-EUDIS, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-HEDI tappoġġa sa 400 negozju ġdid u SME innovattivi biex tgħinhom jegħlbu l-ostakli tradizzjonali għad-dħul.

    Is-servizzi tal-Kummissjoni se jappoġġaw il-hackathons, wara li saret konsultazzjoni mal-EDA (HEDI), fejn inġiniera żgħażagħ u negozji ġodda se jingħaqdu flimkien u jikkompetu biex isibu l-aħjar soluzzjoni sabiex isolvu kwistjonijiet konkreti fil-kamp tal-battalja, billi jibdew minn sfidi li jiltaqgħu magħhom fuq il-post il-forzi armati Ukreni. Biex ikompli jappoġġa l-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ukrena, Uffiċċju tal-UE għall-Innovazzjoni fi Kiev se jaġixxi bħala pont bejn in-negozji ġodda u l-innovaturi tal-UE kif ukoll l-industrija u l-Forzi Armati Ukreni. Dan se jgħin biex jiġu trażmessi sejbiet teknoloġiċi li jista’ jkollhom impatt fuq il-kamp tal-battalja.

    Kaxxa 4. SMEs: diġà fil-qalba tal-isforzi tal-UE b’appoġġ għad-difiża industrijali

    Bħala atturi aġli, l-SMEs għandhom rwol dejjem aktar importanti bħala fornituri tat-teknoloġiji fixkiela u l-innovazzjoni fil-komunità tad-difiża. Għalhekk, il-Kummissjoni ħadet azzjoni biex tappoġġa kontribut aktar attiv mill-SMEs għall-R&Ż fil-qasam tad-difiża tal-UE, notevolment billi tipprovdi sejħiet iddedikati taħt l-EDF li kienu maħsuba għall-SMEs filwaqt li tħeġġeġ il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proġetti l-oħra kollha. Il-kooperazzjoni transfruntiera li tinvolvi l-SMEs hija waħda mill-kriterji għall-aġġudikazzjoni tal-programm taħt l-EDF, u l-bonusijiet finanzjarji japplikaw abbażi tal-livell ta’ involviment mill-SMEs għal azzjonijiet ta’ żvilupp.

    Bħala riżultat tas-sejħiet taħt l-EDF għall-2021 u l-2022, 511-il SME ngħataw EUR 354 miljun, li jirrappreżentaw 40 % tal-parteċipanti u 20 % tal-finanzjament rispettivament. Fis-sejħiet tal-EDF għall-2023, il-parteċipazzjoni tal-SMEs kienet tirrappreżenta madwar 50 % tal-għadd totali ta’ entitajiet, li kienu qed jitolbu 30 % tal-ammont totali tal-għotjiet mitlub. Għall-perjodu 2023–2027 huwa stmat li l-EDF għandu jiffinanzja lill-SMEs sa EUR 840 miljun.

    Fl-2022, l-EDF alloka EUR 224 miljun għall-Innovazzjoni fid-Difiża u l-appoġġ għall-SMEs taħt l-EUDIS, inklużi attivitajiet speċifiċi bħall-isfidi teknoloġiċi. Il-miżuri taħt l-EUDIS huma żviluppati u implimentati aktar biex jappoġġaw lill-SMEs matul iċ-ċiklu ta’ tkabbir tagħhom. F’Jannar 2024 intlaħaq stadju importanti ewlieni, bit-tnedija ta’ Faċilità għall-Ekwità fid-Difiża biex tinvesti, flimkien mal-Fond Ewropew tal-Investiment, parti mill-grupp tal-BEI, sa EUR 500 miljun f’SMEs promettenti fil-qasam tad-difiża biex jakkumpanjaw it-tkabbir tagħhom. Fl-2024 huwa mistenni li jitnieda aċċeleratur fid-difiża, u se jiġu organizzati attivitajiet ta’ tlaqqigħ mal-investituri.

    3.2.2.Għajnuna biex il-proġetti taħt l-EDF isiru realtà tanġibbli lil hinn mill-fażi tal-R&Ż

    B’aktar minn biljun kull sena matul il-perjodu 2021–2027, l-EDF diġà huwa strument b’saħħtu biex jagħti spinta lill-kooperazzjoni industrijali fil-qasam tad-difiża u jinċentiva r-riċerka u l-iżvilupp tad-difiża transfruntiera li jikkontribwixxu għal aktar ktajjen tal-valur industrijali tad-difiża Ewropej 26 .

    Madankollu, lil hinn mill-fażijiet tar-riċerka u l-iżvilupp bikri, il-kollaborazzjonijiet jilħqu “diskrepanza fil-kummerċjalizzazzjoni” fl-istadju tal-prototipar, fejn il-livell meħtieġ ta’ involviment mill-Istati Membri jsir sinifikattivament ogħla.

    Barra minn hekk, rekwiżiti operazzjonali diverġenti u politiki industrijali nazzjonali jistgħu jwasslu lill-kumpaniji tad-difiża biex itemmu l-kooperazzjoni ladarba tintemm l-azzjoni taħt l-EDF. Biex dan jiġi evitat, l-azzjonijiet kooperattivi fil-qasam tad-difiża inizjalment appoġġati mill-EDF u li jkunu laħqu l-istadju tal-prototipi, abbażi ta’ rekwiżiti funzjonali komuni u armonizzati, jistgħu jkunu jeħtieġu appoġġ sostnut għall-industrijalizzazzjoni.

    L-Istrutturi għall-Programm Ewropew tal-Armamenti u l-estensjoni tal-loġika tal-EDIRPA se jkunu strumentali biex jiġi massimizzat l-użu tal-proġetti li jirriżultaw mill-EDF. Barra minn hekk, l-EDIP se jipprevedi għotjiet li jitħallsu lura għal azzjonijiet speċifiċi marbuta mal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prototipi, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-EDF. 

    It-tnaqqis b’suċċess tad-“diskrepanza fil-kummerċjalizzazzjoni” wara l-fażi tal-R&Ż ta’ proġetti kollaborattivi jirrikjedi wkoll li l-Istati Membri involuti jaqblu meta jintlaħaq l-istadju tal-prototipi, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-esportazzjoni tal-prodotti żviluppati b’mod konġunt. Billi jitqies ir-rieżami li għaddej tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK tal-UE dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet tal-armi, il-Kummissjoni flimkien mar-Rappreżentant Għoli ġeddu l-appell 27 lill-Istati Membri biex jesploraw modi lejn is-simplifikazzjoni u l-konverġenza gradwali ulterjuri tal-prattiki tagħhom ta’ kontroll tal-esportazzjonijiet tal-armi, speċjalment għal dawk il-kapaċitajiet ta’ difiża li jiġu żviluppati b’mod konġunt. Għall-istess għan, l-Istati Membri għandhom jiskambjaw ukoll l-aħjar prattika dwar ir-regoli tal-kontroll tal-esportazzjonijiet għal kapaċitajiet li jiġu żviluppati b’mod konġunt. 

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tieħu azzjonijiet biex tiffaċilita t-trasferimenti intra-UE ta’ prodotti relatati mad-difiża fi proġetti ffinanzjati mill-UE u tfittex li tissimplifika l-ġestjoni tal-kundizzjonijiet u l-proċessi tal-liċenzjar tat-trasferimenti, b’mod partikolari billi tintroduċi klawżoli dwar it-trasferimenti fil-Mudell ta’ Ftehim ta’ Għotja kkonċernat bl-għan li jiġi limitat ir-rikors għaċ-ċertifikati tal-utenti finali.

    Bosta elementi attwalment jimpedixxu l-implimentazzjoni korretta u effettiva tad-Direttiva 2009/43/KE, li tipprevjeni l-isfruttament sħiħ tal-benefiċċji relatati fis-suq tad-difiża. Biex tanalizza aħjar l-isfidi eżistenti li attwalment qed ixekklu l-implimentazzjoni effettiva tagħha, il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni tad-Direttiva sa tmiem l-2025.

    3.3.Niżguraw Sigurtà tal-Provvista fil-Livell tal-UE

    Ir-reżiljenza hija prekundizzjoni tal-istat ta’ tħejjija u l-kompetittività tal-EDTIB.

    L-UE diġà żviluppat għodod u oqfsa biex iżżid l-istat ta’ tħejjija u r-reżiljenza industrijali sabiex tindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi futuri, inkluż fil-qafas tal-EDA 28 . Madankollu, dawn il-miżuri mhumiex disponibbli jew inkella huma applikati biss sa ċertu punt limitat mill-Istati Membri biex jappoġġaw l-EDTIB. Għalhekk se jiġi stabbilit reġim ta’ Sigurtà tal-Provvista fl-UE kollha, li jkun jiggarantixxi reżiljenza akbar u, bl-istess mod, ikun joffri vantaġġ kompetittiv għall-EDTIB u l-ktajjen tal-provvista tad-difiża tal-UE. Billi jipprovdu livell ta’ sigurtà tal-provvista li l-kompetituri esterni ma jistgħux joffru, il-ktajjen tal-provvista tad-difiża tal-UE jkunu jistgħu jgawdu minn “dividend fiduċjarju” mill-Istati Membri.

    3.3.1.Sigurtà akbar tal-provvista biex jiġi massimizzat il-potenzjal tad-difiża tas-suq intern

    Fi ħdan l-EDIP, il-Kummissjoni tipproponi l-istabbiliment ta’ reġim ta’ Sigurtà tal-Provvista tal-UE modulari u gradwali biex jissaħħu s-solidarjetà u l-effettività b’reazzjoni għat-tensjonijiet tul il-ktajjen tal-provvista jew il-kriżijiet tas-sigurtà u tiġi permessa l-identifikazzjoni f’waqtha ta’ effetti lembut potenzjali. Qed jiġu proposti settijiet differenti ta’ miżuri biex jiġu indirizzati żewġ tipi ta’ kriżijiet:

    ·Kriżijiet tal-provvista, meta nuqqasijiet ta’ komponenti ċivili jew b’użu doppju jew nuqqas ta’ materja prima jheddu serjament id-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom ta’ prodotti tad-difiża. F’dan il-każ, wara li l-Kunsill attiva “stat ta’ kriżi”, se jkun hemm sett ta’ għodod li jiżgura l-provvista tal-komponenti u/jew tal-materja prima kkonċernati għall-ktajjen tal-provvista tad-difiża, inkluż, meta jkun meħtieġ u ġġustifikat mill-interess pubbliku ġenerali, billi jiżgura prijorità fuq xi provvisti ċivili jew kollha (ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità).

    ·Kriżijiet tal-provvista li huma marbutin direttament mal-eżistenza ta’ kriżi tas-sigurtà fi ħdan l-Unjoni jew fil-viċinat tagħha. Biex jiġu ffaċċjati dawn ix-xenarji, il-Kunsill għandu jingħata l-possibbiltà li jattiva t-tieni u l-ogħla livell ta’ stat ta’ kriżi biex jirrikorri għal miżuri meħtieġa u proporzjonati għar-riżoluzzjoni tal-kriżi (li jiffukaw fil-biċċa l-kbira fuq il-provvista ta’ prodotti mfassla speċifikament għall-użu militari).

    Biex tirfed l-użu effettiv, effiċjenti u proporzjonat ta’ dan il-qafas ta’ kriżi b’żewġ saffi, il-Kummissjoni tipproponi li twettaq identifikazzjoni u monitoraġġ ta’ prodotti kritiċi għal ċerti ktajjen tal-provvista tad-difiża, li għandhom jiġu identifikati flimkien mal-Istati Membri fil-qafas tal-Bord tat-Tħejjija Industrijali għad-Difiża.

    Filwaqt li jibnu fuq il-qafas attwalment disponibbli f’setturi oħra, u fuq l-Attivitajiet Strateġiċi Ewlenin tal-EDA, din l-identifikazzjoni u l-monitoraġġ se jiddependu primarjament fuq informazzjoni disponibbli għall-pubbliku u, meta jkun meħtieġ biss, fuq data pprovduta mill-impriżi (soġġett għall-garanziji tas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri).

    3.3.2.Niffaċilitaw u nneħħu r-riskji relatati mal-kumulazzjoni ta’ riżerva strateġika

    Biex tkompli tnaqqas ir-riskji relatati mas-sigurtà tal-provvista għall-EDTIB, bħala objettiv fit-tul, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tiffinanzja l-kumulazzjoni ta’ riżerva strateġika minn industrija ta’ komponenti bażiċi bħall-komponenti elettroniċi u l-materja prima li jintużaw b’mod trasversali fis-sistemi tad-difiża  29 . Il-ħolqien ta’ dawn l-istokkijiet ikun jippermetti tnaqqis fil-kostijiet, f’każ li jsiru ordnijiet kbar, u jkun jippermetti li titrażżan l-inflazzjoni tal-prezzijiet li tirriżulta miż-żieda qawwija fid-domanda waqt kriżi.

    Bħala parti mill-EDIP, il-Kummissjoni tipproponi test pilota preliminari fuq skala żgħira, billi tippermetti l-appoġġ għall-ħolqien ta’ kumulazzjoni ta’ riżerva strateġika. Din is-sistema se tikkomplementa l-mekkaniżmu ta’ prijoritizzazzjoni taż-żminijiet ta’ kriżi, filwaqt li tiżgura li dan tal-aħħar jintgħażel biss jekk ma jkunx hemm triq oħra. Il-ħidma kontinwa dwar il-miżuri ta’ reżiljenza u l-istat tat-tħejjija bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari 2.0, inkluż permezz ta’ proġetti eżistenti tal-PESCO dwar il-mobbiltà militari u network ta’ ċentri loġistiċi tista’ titqies ukoll f’dan ir-rigward.

    3.3.3.Identifikazzjoni bil-quddiem u indirizzar tad-dipendenzi l-aktar strateġiċi

    Id-dipendenzi eċċessivi fuq it-teknoloġiji li huma kritiċi għas-settur tad-difiża jxekklu l-libertà ta’ azzjoni mill-Forzi Armati tal-Istati Membri u għandhom impatt negattiv potenzjali fuq il-kompetittività tal-EDTIB, minħabba restrizzjonijiet assoċjati.

    Il-Kummissjoni diġà stabbiliet l-Osservatorju tat-Teknoloġiji Kritiċi tal-UE 30 biex tidentifika d-dipendenzi u tiżviluppa pjanijiet direzzjonali dwar it-teknoloġija biex timmitigahom. L-ewwel rapport ikklassifikat tagħha għadu kif intbagħat lill-Istati Membri. Żieda fl-Osservatorju se tippermetti identifikazzjoni aktar rapida tad-dipendenzi, monitoraġġ tal-ktajjen tal-provvista u se toħloq ħarsa ġenerali lejn il-kritikalitajiet. Il-ħidma sa issa bdiet b’subsett ta’ komponenti bbażati fuq semikondutturi Elettriċi, Elettroniċi u Elettromekkaniċi (EEE) u teknoloġiji ta’ sistemi awtonomi. 

    B’mod parallel, se jiġi mfittex arrikkiment reċiproku bejn il-programmi ta’ ħidma ta’ strumenti oħra tal-Unjoni, bħall-EDF u l-programm Ċipep għall-Ewropa, biex jiġu mitigati dipendenzi identifikati u jiġi żgurat li l-EDTIB ikollha għad-dispożizzjoni tagħha teknoloġija abilitanti industrijali tad-difiża u prodotti bħal ċipep fdati, li jkunu jappoġġaw l-istat ta’ tħejjija tagħha.

    Il-Kummissjoni tappoġġa wkoll lill-Istati Membri tal-UE, b’mod partikolari l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom, permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku 31 , li jipprovdi appoġġ tekniku mfassal apposta għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ riformi għall-avvanz tas-sigurtà ekonomika u teknoloġika, il-kompetittività u t-tisħiħ tar-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista fl-Istati Membri.

    Approċċ futur:

    Biex tiżgura d-disponibbiltà bbażata fuq EDTIB aktar reattiva f’kull perjodu ta’ żmien, il-Kummissjoni:

    Ø tipproponi li tespandi, fi ħdan l-EDIP, il-loġika ta’ intervent tal-ASAP, lil hinn mill-munizzjon u l-missili, u li tikkomplementaha bl-iżvilupp ta’ faċilitajiet “dejjem lesti” u tagħti l-possibbiltà ta’ skop ġdid għal-linji ta’ produzzjoni ċivili.

    Ø flimkien mar-Rappreżentant Għoli u l-Istati Membri, se tfassal proposta ta’ politika biex tappoġġa l-produzzjoni ta’ droni fi ħdan l-UE jew possibbilment b’mod konġunt mal-Ukrajna billi timmobilizza l-istrumenti rilevanti.

    Ø tipproponi, fi ħdan l-EDIP, il-ħolqien ta’ Fond għall-Aċċellerazzjoni tat-Trasformazzjoni tal-Katina tal-Provvista tad-Difiża (FAST). Dan l-istrument finanzjarju ġdid se jappoġġa lill-SMEs permezz ta’ finanzjament tad-dejn u/jew tal-ekwità.

    Ø se tipprovdi appoġġ sostnut għall-industrijalizzazzjoni tal-azzjonijiet kooperattivi fil-qasam tad-difiża inizjalment appoġġati mill-EDF, permezz ta’ għotjiet li jitħallsu lura taħt il-qafas tal-EDIP.

    Ø tipproponi l-istabbiliment ta’ reġim ta’ Sigurtà tal-Provvista tal-UE modulari u gradwali biex jissaħħu s-solidarjetà u l-effettività b’reazzjoni għat-tensjonijiet tul il-ktajjen tal-provvista jew il-kriżijiet tas-sigurtà u tiġi permessa l-identifikazzjoni f’waqtha ta’ effetti lembut potenzjali.

    L-UE:

    Ø se tiftaħ Uffiċċju għall-Innovazzjoni fi Kiev biex tiżgura tlaqqigħ bejn in-negozji ġodda u l-innovaturi tal-UE kif ukoll l-industrija u l-forzi armati tal-Ukrajna.

    4.Il-finanzjament tal-ambizzjoni tal-Unjoni għall-istat ta’ tħejjija industrijali għad-difiża

    Sabiex din l-istrateġija tirnexxi fl-għan tagħha li timplimenta ambizzjoni ġdida għall-istat ta’ tħejjija industrijali għad-difiża fil-livell tal-UE, għandha tkun akkumpanjata minn żieda qawwija ta’ finanzjament, li tkun proporzjonata għall-isfida li qed niffaċċjaw.

    Il-proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-EDIP flimkien ma’ din l-istrateġija tinkludi baġit ta’ EUR 1,5 biljun għall-investiment fl-istat ta’ tħejjija industrijali għad-difiża tal-EDTIB.

    Dan għandu jiġi kkomplementat b’ammonti addizzjonali għall-iżvilupp tad-DTIB tal-Ukrajna u l-integrazzjoni aktar mill-qrib tagħha mal-EDTIB u s-suq tat-tagħmir għad-difiża tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-esiġenzi immedjati tad-difiża tal-Ukrajna jitolbu finanzjament addizzjonali għall-akkwist ta’ materjal militari b’appoġġ għall-eżerċitar tad-dritt ta’ awtodifiża tagħha. Li kieku l-Kunsill kellu jadotta deċiżjoni tal-PESK skont l-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) fuq proposta mir-Rappreżentant Għoli għat-trasferiment lill-Unjoni ta’ bilanċi straordinarji ta’ flus ta’ depożitorji ċentrali tat-titoli li jirriżultaw mid-dħul mhux mistenni u straordinarju mill-assi sovrani mmobilizzati tar-Russja, dan l-appoġġ addizzjonali jkun jista’ jittieħed minn dan id-dħul, f’konformità mal-objettivi tal-PESK tal-Unjoni. F’każ li dawn ir-riżorsi addizzjonali kellhom isiru disponibbli, dawn jistgħu potenzjalment iżidu l-kapaċità finanzjarja tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi għall-akkwist ta’ tagħmir militari b’appoġġ għall-Ukrajna, jew kull strument ieħor tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, dan ikun jinvolvi l-użu tal-profitti mhux mistennija ta’ assi Russi ffriżati biex jinxtara b’mod konġunt tagħmir militari għall-Ukrajna.

    Kif u meta l-ħtiġijiet ta’ difiża immedjati tal-Ukrajna jippermettu, ċerti ammonti jkunu jistgħu jittieħdu wkoll minn dawn il-bilanċi straordinarji ta’ flus għall-finijiet tal-iżvilupp fuq terminu medju u twil tad-DTIB tal-Ukrajna, filwaqt li jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-EDIP, kif ukoll għall-ħtiġijiet baġitarji ġenerali tal-Ukrajna għall-irkupru u r-rikostruzzjoni.

    Minħabba l-iskala tal-isforz meħtieġ biex jiġi żgurat l-istat ta’ tħejjija industrijali għad-difiża fl-Unjoni kollha, dan il-baġit għandu jitqies bħala pont, bi skala limitata, lejn il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. Minħabba li l-isfidi għas-sigurtà ffaċċjati mill-Ewropa x’aktarx li jibqgħu, huwa importanti li l-QFP li jmiss jinkludi pakkett finanzjarju ambizzjuż għad-difiża b’baġits rilevanti għas-suċċessuri kemm tal-EDF kif ukoll tal-EDIP għall-perjodu mill-2028 ’il quddiem.

    Din l-Istrateġija titlob ambizzjoni mġedda fil-QFP attwali permezz tal-EDIP, u baġit imsaħħaħ b’appoġġ għall-industriji tad-difiża għall-QFP li jmiss. Madankollu, minħabba l-bidla fil-paradigma tas-sigurtà li tirriżulta miż-żieda qawwija ta’ theddid reġjonali u globali, li tirrappreżenta sfidi potenzjalment eżistenzjali għas-sigurtà għall-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u l-fatt li l-QFP li jmiss se jibda biss fl-2028, jeħtieġ li titnieda diskussjoni dwar il-kwantifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-UE għall-istat ta’ tħejjija industrijali għad-difiża li tkun proporzjonata għal din il-bidla fil-paradigma tas-sigurtà, u dwar kif għandu jiġi żgurat dan il-finanzjament adegwat. Dan jitlob esplorazzjoni konġunta mal-Istati Membri, f’perjodu ta’ żmien qasir, biex jiġu vvalutati l-ħtiġijiet u l-għażliet biex tingħata spinta permezz tal-istrumenti disponibbli, bħal EDIP u EPF rinforzati finanzjarjament, akkwisti konġunti tad-difiża fuq skala kbira għall-Ukrajna u għall-Istati Membri, tisħiħ industrijali massiv u aktar rapida tal-bażi industrijali tad-difiża tal-UE u t-tnedija ta’ proġetti ewlenin tad-difiża biex jiġi protett l-aċċess mingħajr xkiel għall-oqsma kkontestati tal-UE.

    5.Nintegraw kultura ta’ stat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża, anke fil-politiki tal-UE 

    L-industrija tad-difiża Ewropea hija kontributur kruċjali għar-reżiljenza, is-sigurtà u s-sostenibbiltà soċjali. Mhux se jkun hemm prosperità ekonomika mingħajr paċi fil-kontinent, u r-rwol tal-EDTIB f’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi rikonoxxut bis-sħiħ fl-ambjent u l-politiki regolatorji tal-Unjoni. L-EDTIB tifforma wkoll ekosistema ajruspazjali u tad-difiża unika u kritika, li l-atturi ewlenin tagħha huma wkoll kontributuri għal teknoloġiji li jinsabu fil-qalba tat-tranżizzjoni ekoloġika.

    Għalhekk huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-EDTIB tgawdi minn livell ta’ aċċess għall-finanzi li jkun proporzjonat għal-livell ta’ investimenti meħtieġa, topera fl-ambjent regolatorju adegwat u tkun attraenti biżżejjed għall-ġenerazzjonijiet żgħażagħ u għal dawk bl-akbar talent.

    5.1.Niffaċilitaw l-aċċess għall-finanzi

    L-iżgurar ta’ aċċess suffiċjenti għall-finanzjament u l-ingranaġġ tal-investiment pubbliku għas-settur tad-difiża tal-UE huma vitali minħabba l-ħtieġa konvinċenti li tingħata spinta lill-investiment f’din l-ekosistema. Għalhekk, huwa indispensabbli li jiġi involut is-settur finanzjarju. Biex jinkiseb dan, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli/il-Kap tal-Aġenzija, meta jkun rilevanti, se jaħdmu mal-Istati Membri, l-industrija u s-settur finanzjarju biex itejbu l-aċċess tal-EDTIB għall-finanzi kemm privati kif ukoll pubbliċi.

    5.1.1.Aċċess għall-finanzi privati

    L-EDTIB qed tiffaċċja ostakli persistenti fl-aċċess għall-finanzi, b’mod partikolari l-finanzi privati. Skont studju riċenti li sar mill-Kummissjoni 32 , l-SMEs li joperaw fis-settur tad-difiża jiffaċċjaw ostakli akbar biex jaċċessaw il-finanzi meta mqabbla ma’ kumpaniji li huma attivi f’setturi oħra. Matul il-perjodu 2021–2022, żewġ terzi tal-kumpaniji li ġew ikkonsultati żammew lura milli jfittxu finanzjament tal-ekwità u kważi 50 % żammew lura milli jfittxu finanzjament tad-dejn, li jikkuntrasta bil-qawwi mal-medja ta’ 6,6 % fost l-SMEs fl-UE matul l-istess perjodu.

    Bil-ħsieb li jagħtu spinta lill-aċċess tas-settur għall-finanzjament, il-Kummissjoni u l-EDA flimkien mal-Istati Membri se jieħdu l-inizjattiva biex jilħqu lill-banek u l-investituri għal djalogu ta’ livell għoli biex jiddiskutu l-parteċipazzjoni intensifikata tagħhom, jidentifikaw id-diffikultajiet u jsibu modi biex jistimulaw l-involviment tas-settur privat sabiex jappoġġaw l-investimenti fid-difiża.

    Ir-rieda tal-atturi finanzjarji li jkunu involuti mal-industrija tad-difiża tidher li hija affettwata mill-ispeċifiċitajiet tas-suq tad-difiża (inkluża l-kumplessità tal-akkwist jew id-diffikultajiet għalihom biex jivvalutaw l-implikazzjonijiet eżatti tal-konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti dwar l-armi) jew minn suppożizzjonijiet dwar il-fatturi tal-Governanza Soċjali Ambjentali (ESG).

    Skont il-qafas ta’ finanzjament sostenibbli tal-UE, l-ebda regola tal-UE, jew l-ebda regola ppjanata tal-UE, ma timpedixxi l-investiment privat fl-industrija tad-difiża. Is-servizzi tal-Kummissjoni, flimkien mal-ESMA, kif xieraq, se jipprovdu gwida dwar l-applikazzjoni tal-qafas ta’ finanzjament sostenibbli tal-UE fil-qasam tad-difiża. F’kooperazzjoni mill-qrib mal-EDA, il-Kummissjoni se ssaħħaħ id-djalogu bejn is-settur tad-difiża u dak finanzjarju u se tikkontribwixxi biex tappoġġa lill-industrija biex iżżid it-trasparenza. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll lejn rikonoxximent aħjar tas-sovranità, ir-reżiljenza u s-sigurtà tal-UE, b’mod partikolari fi ħdan il-qafas ta’ finanzjament sostenibbli tal-UE. In-Network Governattiv ta’ Esperti dwar l-ESG, li huwa mmaniġġjat mill-EDA, huwa eżempju wieħed ta’ pjattaforma fejn dan il-fehim reċiproku u l-fiduċja jistgħu jiġu żviluppati aktar. B’mod partikolari, dan il-forum għandu jsaħħaħ l-interfaċċa bejn il-Ministeri tad-Difiża tal-Istati Membri u s-settur finanzjarju.

    Dan ikun jippermetti azzjonijiet konkreti biex jiġu mitigati l-isfidi attwali tal-industrija tad-difiża li huma relatati mal-aċċess għall-finanzi, peress li s-sinerġiji bejn l-atturi istituzzjonali u l-atturi privati fis-swieq kapitali ġew identifikati bħala kritiċi f’dan ir-rigward.

    Kaxxa 5: L-industrija tad-difiża u l-qafas ta’ finanzjament sostenibbli tal-UE

    L-industrija tad-difiża tal-Unjoni hija kontributur kruċjali għar-reżiljenza u s-sigurtà tal-Unjoni, u għalhekk għall-paċi u s-sostenibbiltà soċjali. F’dan l-isfond, il-qafas ta’ finanzjament sostenibbli tal-UE huwa konsistenti bis-sħiħ mal-isforzi tal-Unjoni biex tiffaċilita l-aċċess suffiċjenti tal-industrija tad-difiża Ewropea għall-finanzjament u l-investiment. Dan ma jimponi l-ebda limitazzjoni fuq il-finanzjament tas-settur tad-difiża.

    Ir-regoli tal-UE dwar id-divulgazzjonijiet u l-preferenzi relatati mas-sostenibbiltà japplikaw orizzontalment fl-industriji kollha u ma jindividwaw l-ebda settur. Il-Kummissjoni sa issa ma ħarġet l-ebda tip ta’ “Tassonomija soċjali” u ma hemm l-ebda pjan biex tagħmel dan. Bl-eċċezzjoni ta’ armi li huma soġġetti għal projbizzjonijiet minn konvenzjonijiet internazzjonali ffirmati mill-Istati Membri – li għalhekk jitqiesu mill-UE bħala li huma inkompatibbli mas-sostenibbiltà soċjali – l-industrija tad-difiża ssaħħaħ is-sostenibbiltà, minħabba l-kontribut tagħha għar-reżiljenza, is-sigurtà u l-paċi.

    Bl-istess mod, il-fatt li attivitajiet industrijali speċifiċi tad-difiża sa issa ma ġewx inklużi fit-Tassonomija Ambjentali tal-UE, ma jippreġudikax il-prestazzjoni ambjentali tal-industriji tad-difiża u għalhekk ma għandux jaffettwa l-aċċess tagħhom għall-finanzi.

    5.1.2.Benefiċċju sħiħ mill-istrumenti finanzjarji orizzontali eżistenti tal-UE

    L-EDTIB diġà tista’, fil-prinċipju, tibbenefika mill-istrumenti finanzjarji eżistenti tal-UE, li jiġu implimentati permezz ta’ InvestEU. Minkejja dan, il-politiki attwali dwar is-self tal-atturi finanzjarji Ewropej li jimplimentaw InvestEU, inklużi l-Grupp tal-BEI u l-Banek u l-Istituzzjonijiet Promozzjonali Nazzjonali, u tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali, jirrappreżentaw ostaklu ewlieni fl-użu ta’ dawn l-istrumenti finanzjarji, lil hinn mill-finanzjament potenzjali ta’ teknoloġiji b’użu doppju, b’appoġġ għas-settur.

    Dan jintwera min-nuqqas ta’ kapaċità li jiġi implimentat il-“Fond tal-Irrankar” tal-ASAP. Il-modifikazzjoni tal-politiki dwar is-self tagħhom, b’mod partikolari dik tal-Grupp tal-BEI, hija għalhekk meħtieġa u prijorità ewlenija biex jiġi żgurat li s-settur tad-difiża jkollu aċċess għall-istrumenti finanzjarji tal-UE u jkun jista’ jibbenefika bis-sħiħ minnhom. Din il-modifikazzjoni se jkollha wkoll effetti kaskata pożittivi, billi tagħti sinjal pożittiv sinifikanti lis-suq finanzjarju u lill-banek privati.

    Barra minn hekk, jeħtieġ li l-UE timmassimizza l-opportunitajiet offruti mis-sinerġiji u l-komplementarjetajiet bejn l-istrumenti ta’ finanzjament u l-għotjiet. Il-QFP futur jenħtieġ li, f’dak ir-rigward, ifittex li jkompli jottimizza s-sinerġiji bejn l-istrumenti tal-UE, kif imsemmi fil-White Paper tal-Kummissjoni dwar l-għażliet biex tingħata spinta lill-investiment fl-R&Ż ta’ teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju 33 . Peress li bħalissa għaddejja l-konsultazzjoni pubblika dwar il-White Paper, il-kontenut ta’ din l-istrateġija huwa mingħajr preġudizzju għall-azzjonijiet futuri tal-Kummissjoni f’dan il-qasam. Skont l-istruttura attwali diġà huwa possibbli li d-difiża tisfrutta ċikli ta’ innovazzjoni ċivili aktar rapidi meta jkun applikabbli, u viċi versa, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li xi teknoloġiji użati fil-pjattaformi tad-difiża għandhom potenzjal ta’ użu doppju.

    Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli/il-Kap tal-Aġenzija jistiednu lill-korpi governattivi tal-Grupp tal-BEI u b’mod partikolari lill-Bord tal-BEI biex jadattaw l-esklużjonijiet relatati mad-difiża mill-Politiki dwar is-Self tal-Grupp tal-BEI, f’konformità mal-prijoritajiet ta’ politika u d-dritt applikabbli tal-UE. Dan jippermetti lill-BEI jappoġġa l-produzzjoni ta’ tagħmir militari u b’mod aktar ġenerali l-industrija tad-difiża Ewropea, kif mitlub ukoll dan l-aħħar mill-Parlament Ewropew 34 . Ftehim dwar definizzjoni komuni ta’ “teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju” bejn il-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI, li jibni fuq l-Inizjattiva Strateġika Ewropea għas-Sigurtà u l-Faċilità ta’ Ekwità għad-Difiża, jista’ jikkontribwixxi għall-promozzjoni ta’ investimenti konġunti f’teknoloġiji, prodotti u infrastruttura b’potenzjal ta’ użu doppju.

    Madankollu, dan il-pass, filwaqt li jintlaqa’ tajjeb, ma jkunx biżżejjed. Il-BEI, bil-mandat tiegħu li jirriżulta mill-Artikolu 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp ibbilanċjat u kostanti tas-suq intern fl-interess tal-Unjoni. L-industrija tad-difiża hija parti integrali mis-suq intern. Biex jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tas-settur u jippermetti l-mobilizzazzjoni sħiħa tal-programmi ta’ finanzjament tal-UE, inkluż InvestEU, b’appoġġ għall-istat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża, il-BEI jenħtieġ li jieħu l-passi 35 kollha meħtieġa biex din is-sena jirrieżamina l-politika dwar is-self tiegħu u jadattaha f’konformità mal-prijoritajiet ta’ politika u l-ħtiġijiet oġġettivi attwali. L-atturi finanzjarji pubbliċi tal-Istati Membri huma mistiedna jagħmlu l-istess.

    5.1.3.Integrazzjoni sħiħa tad-difiża u s-sigurtà bħala objettiv strateġiku tal-finanzjament u l-programmi rilevanti tal-Unjoni

    L-EDTIB għandha tibbenefika bis-sħiħ mill-finanzjament tal-Unjoni li huwa mfassal għall-iżvilupp teknoloġiku u industrijali, inkluż taħt il-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni, notevolment il-FEŻR 36 , l-FSE+ 37 (pereżempju dwar il-ħiliet), il-Fond ta’ Koeżjoni (pereżempju għat-trasport) u InvestEU, dment li dan ikun konformi mal-objettivi rispettivi tal-programmi u ta’ politika. Filwaqt li l-industrija tad-difiża diġà hija eliġibbli taħt dawn l-istrumenti, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jidderieġu b’mod aktar b’saħħtu dawk il-fondi tal-UE li huma taħt ġestjoni kondiviża lejn is-settur, fejn dan ikun jappoġġa l-iżvilupp reġjonali u l-kompetittività, biex jirriflettu r-rwol prominenti tagħha bħala prijorità tal-Unjoni u kontributur kruċjali għall-istabbiltà u s-sigurtà tal-Unjoni.

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tinkludi jew li żżomm l-istat ta’ tħejjija, is-sigurtà u r-reżiljenza fil-qasam tad-difiża bħala objettiv strateġiku espliċitu taħt il-programmi rilevanti futuri tal-UE biex tiżgura li jappoġġaw bis-sħiħ l-EDTIB, u li s-sħab u l-intermedjarji responsabbli mill-implimentazzjoni (fil-każ ta’ ġestjoni indiretta) ma jiffaċċjaw l-ebda ostaklu biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

    5.2.Niżguraw li l-EDTIB topera f’ambjent regolatorju adegwat 

    L-EDTIB għandha tkun tista’ topera f’ambjent regolatorju adegwat. Biex dan isir, il-kunsiderazzjonijiet tad-difiża jeħtieġ li jiġu integrati fil-politiki tal-UE. L-impatti negattivi possibbli, fuq l-EDTIB, tal-inizjattivi tal-Unjoni għandhom jiġu identifikati u mmitigati kmieni kemm jista’ jkun. Għalhekk, fl-inizjattivi tagħha, il-Kummissjoni se tinkludi kunsiderazzjonijiet tal-istat ta’ tħejjija industrijali għad-difiża, fuq bażi aktar sistematika u fejn ikun rilevanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni f’kooperazzjoni mar-Rappreżentant Għoli/mal-Kap tal-Aġenzija se tkompli tikkoordina mal-Istati Membri u l-EDTIB dwar dawn il-kwistjonijiet, billi tibni fuq inizjattivi eżistenti ffaċilitati mill-EDA f’oqsma bħar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) 38 u l-inizjattiva Ajru Uniku Ewropew (SES).

    Is-sitwazzjoni tas-sigurtà li qed tevolvi tirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni tirrifletti dwar it-tnaqqis taż-żminijiet meħtieġa amministrattivi, filwaqt li tiżgura l-grad meħtieġ ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. Ir-reviżjoni li se ssir fl-2024 tar-Regolament Finanzjarju se tippermetti lill-Unjoni tieħu l-passi meħtieġa f’kundizzjonijiet ta’ emerġenza biex tappoġġa l-istat ta’ tħejjija industrijali għad-difiża.

    5.3.Intejbu l-attraenza tas-settur tad-difiża għall-ġenerazzjonijiet żgħażagħ u li jkollhom l-aktar talent 

    L-investiment fin-nies u fil-ħiliet tagħhom huwa importanti biex wieħed iżomm ruħu aġġornat dwar it-teknoloġiji emerġenti u biex jattira u jżomm it-talent fis-settur. L-UE qed tappoġġa lill-Istati Membri u tiffaċilita s-sħubijiet biex jaħdmu flimkien dwar il-fehim tal-ħtiġijiet attwali u futuri tal-ħiliet tas-settur (pereżempju permezz tal-Patt Ewropew għall-Ħiliet).

    In-nuqqasijiet prevalenti ta’ ħaddiema u ħiliet fl-industrija tad-difiża għandhom l-għeruq tagħhom fin-nuqqas ta’ investiment preċedenti fi programmi ġodda tad-difiża u n-nuqqas ta’ attraenza tas-settur, kif ukoll fil-mobbiltà ristretta tal-forza tax-xogħol u t-tixjiħ tagħha. Filwaqt li l-fehim u l-mitigazzjoni tal-perċezzjonijiet negattivi tal-industrija tad-difiża huma importanti biex tittejjeb l-attraenza tas-settur, anke għal forza tax-xogħol diversa, huma meħtieġa azzjonijiet ulterjuri mill-partijiet ikkonċernati kollha biex ikunu jistgħu jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tar-riżorsi umani tal-Unjoni, inkluż li jingħelbu l-isterjotipi bbażati fuq il-ġeneru. Għal dan l-għan, il-Pjan ta’ Azzjoni li jmiss tal-Kummissjoni biex tindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet fl-UE se jkollu l-għan li jneħħi l-effetti lembut għat-tkabbir sostenibbli li dawn in-nuqqasijiet ikkontribwew biex joħolqu f’ħafna setturi, u b’hekk jippermetti l-kompetittività fuq terminu twil futura tal-UE filwaqt li jinżammu impjiegi ta’ kwalità u forza tax-xogħol li tkun mgħammra bil-ħiliet it-tajba.

    Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli/il-Kap tal-Aġenzija, minbarra l-integrazzjoni tad-difiża, se jesploraw azzjonijiet bl-għan li jtejbu l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol u jappoġġaw l-edukazzjoni relatata mad-difiża, notevolment permezz tal-opportunitajiet ipprovduti mill-programmi industrijali tad-difiża tal-UE, u l-kooperazzjoni bejn il-fornituri tal-edukazzjoni, inkluż il-Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża.

    5.4.Ngħinu lill-EDTIB tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni ekoloġika

    Biex tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni ekoloġika u ssaħħaħ ir-reżiljenza u l-kosteffiċjenza tagħha, l-EDTIB trid tkompli bl-isforzi tagħha biex tagħmel il-produzzjoni u l-prodotti tagħha aktar sostenibbli, tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju u żżid iċ-ċirkolarità f’konformità mal-politiki u l-ambizzjonijiet tal-UE. Il-Komunikazzjoni Konġunta dwar Prospettiva Ġdida rigward ir-Rabta bejn il-Klima u s-Sigurtà tirrikonoxxi l-importanza tal-industrija tad-difiża għall-isforzi ta’ adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu, min-naħa tal-Forzi Armati tal-Istati Membri. Hemm opportunitajiet ulterjuri biex jiġu esplorati sinerġiji u oqsma possibbli ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, l-industrija u s-servizzi tal-UE, inkluż fir-rigward tal-innovazzjoni, l-analitika u l-istandardizzazzjoni għal sorsi ġodda ta’ enerġija rinnovabbli użati mis-settur militari kif ukoll mis-settur kummerċjali usa’. L-iżgurar ta’ viżibbiltà u rikonoxximent xierqa tal-isforzi li jsiru mis-settur tad-difiża lejn is-sostenibbiltà ambjentali jista’ jikkontribwixxi wkoll għall-aċċettazzjoni ġenerali tiegħu mis-soċjetà.

    Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli/il-Kap tal-Aġenzija se jkomplu jappoġġaw l-isforzi tal-EDTIB lejn it-tranżizzjoni ekoloġika, pereżempju permezz tal-azzjonijiet proposti fil-Komunikazzjoni Konġunta dwar ir-Rabta bejn il-Klima u s-Sigurtà, inkluż l-Akkwist Ekoloġiku.

    Approċċ futur:

    Sabiex tintegra kultura Ewropea ta’ stat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża, il-Kummissjoni, f’ħidma mar-Rappreżentant Għoli/mal-Kap tal-Aġenzija:

    Øtistieden lill-korpi governattivi tal-Grupp tal-BEI biex din is-sena jirrieżaminaw il-Politiki dwar is-Self tal-Grupp tal-BEI, u biex jadattaw l-esklużjonijiet attwali relatati mad-difiża, f’konformità mal-prijoritajiet ta’ politika u l-liġi applikabbli tal-UE.

    Øse ssaħħaħ id-djalogu bejn is-settur tad-difiża u dak finanzjarju, u tipprovdi gwida dwar l-applikazzjoni tal-qafas ta’ finanzjament sostenibbli tal-UE.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni:

    Øse tħeġġeġ iż-żieda fl-appoġġ għas-sigurtà, ir-reżiljenza u l-istat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża permezz ta’ programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni. Dan l-objettiv se jitqies ukoll fit-tħejjija ta’ programmi futuri tal-UE.

    6.IL-KISBA TA’ STAT TA’ TĦEJJIJA U REŻILJENZA PERMEZZ TA’ SĦUBIJIET

    L-ambizzjoni tal-UE li tikseb malajr l-istat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża għandha tiġi ingranata wkoll permezz ta’ sħubijiet, inkluż notevolment mal-Ukrajna, kif ukoll permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa man-NATO, ma’ sħab strateġiċi u sħab tal-istess fehma – Ewropej, trans-Atlantiċi u lil hinn - u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra.

    6.1.L-iżvilupp ta’ rabtiet dejjem eqreb mal-Ukrajna

    L-Ukrajna hija u se tkun dejjem aktar sieħeb kruċjali tal-Unjoni fis-settur industrijali tad-difiża. Meta ġiet wiċċ imb wiċċ ma’ gwerra ta’ aggressjoni ta’ intensità għolja, id-DTIB tal-Ukrajna kellha tagħmel bidla għal mudell ta’ ekonomija tal-gwerra. Dan se joħroġ bħala wieħed mill-muturi tal-irkupru ekonomiku tal-pajjiż fi tmiem il-gwerra u bħala testbed tal-istat ta’ tħejjija industrijali għad-difiża. Kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn is-settur industrijali tad-difiża tal-UE u dak tal-Ukrajna se tkun parti mill-impenji futuri tal-UE fir-rigward tas-sigurtà lejn l-Ukrajna. Għalhekk, id-DTIB tal-Ukrajna u l-EDTIB ikunu jistgħu jibbenefikaw b’mod reċiproku minn kooperazzjoni msaħħa.

    Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli/il-Kap tal-Aġenzija se jipproċedu bil-miżuri li ġejjin.

    Parteċipazzjoni fil-programm tal-Unjoni b’appoġġ għall-industrija tad-difiża:

    -Biex jissaħħu r-rabtiet bejn l-EDTIB u d-DTIB tal-Ukrajna, l-EDIP se jipprovdi l-possibbiltà li l-Ukrajna tipparteċipa fl-akkwist konġunt u li l-kumpaniji tad-difiża Ukreni jkunu appoġġati fit-tisħiħ industrijali u l-kooperazzjoni tagħhom mal-EDTIB.

    Stimolu tal-kooperazzjoni bejn id-DTIB tal-Ukrajna u l-EDTIB:

    -L-EDA se tagħmel użu sħiħ mill-Arranġament Amministrattiv eżistenti tagħha mal-Ukrajna, u flimkien mal-Istati Membri tesplora reviżjoni possibbli tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu hekk kif il-kundizzjonijiet ikunu jippermettu.

    -Is-servizzi tal-Kummissjoni, l-EDA u s-SEAE se jrawmu skambju ta’ informazzjoni iddedikat dwar l-istandards u dwar it-tagħlimiet meħuda rispettivi.

    -Fil-kuntest tal-Fond ta’ Assistenza għall-Ukrajna propost fi ħdan il-Faċilità Ewropea għall-Paċi, is-SEAE se jesplora għażliet biex tiġi inċentivata aktar il-kooperazzjoni bejn l-industrija tad-difiża tal-UE u dik tal-Ukrajna.

    -L-UE se tospita Forum dwar l-Industrija tad-Difiża bejn l-UE u l-Ukrajna fl-2024, biex issaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-industrija tad-difiża tal-UE u dik tal-Ukrajna.

    Appoġġ ulterjuri lill-Ukrajna permezz tal-EDTIB:

    -Permezz tal-akkwist konġunt mill-EDTIB fir-rigward tat-tagħmir militari kkonsenjat fil-qafas tal-Fond ta’ Assistenza għall-Ukrajna propost fi ħdan il-Faċilità Ewropea għall-Paċi, l-industrija tad-difiża tal-UE se tibbenefika minn aktar prevedibbiltà dwar il-ħtiġijiet ta’ prijorità tal-Ukrajna.

    -Soġġett għal deċiżjoni mill-Kunsill, jista’ jkun hemm aktar appoġġ għall-akkwist ta’ tagħmir militari għall-Ukrajna permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi, abbażi tal-bilanċi straordinarji ta’ flus ta’ depożitorji ċentrali tat-titoli li jirriżultaw mid-dħul mhux mistenni u straordinarju mill-assi sovrani mmobilizzati tar-Russja.

    -Is-SEAE, l-EDA u s-servizzi tal-Kummissjoni se jkomplu jaġġornaw regolarment il-Grupp ta’ Kuntatt għad-Difiża tal-Ukrajna u jippromwovu l-kapaċità tal-EDTIB biex ikomplu jappoġġaw il-ħtiġijiet tal-Ukrajna, inkluż fil-kuntest tal-koalizzjonijiet tal-kapaċitajiet.

    6.2.NATO

    F’konformità mat-tliet Dikjarazzjonijiet Konġunti dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO 39 , tisħiħ tat-taħditiet bejn il-persunal , inkluża l-possibbiltà ta’ djalogu strutturat iddedikat man-NATO, jistgħu jkopru b’mod aktar prominenti attivitajiet relatati mal-industrija tad-difiża u suġġetti ta’ interess reċiproku, inkluż dwar l-ekonomija ċirkolari, l-interoperabbiltà, aspetti tal-industrija fir-rigward tat-tibdil fil-klima, l-interoperabbiltà, l-istandardizzazzjoni, il-kontroċertifikazzjoni, u r-reazzjonijiet għal theddid ġdid u emerġenti. Dan se jirrikjedi żieda fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni, inkluża informazzjoni klassifikata, bejn il-persunal tan-NATO, minn naħa waħda, u s-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, is-SEAE u l-EDA min-naħa l-oħra. Iż-żewġ organizzazzjonijiet għandhom ikomplu jiskambjaw fehmiet u jesploraw sinerġiji u komplementarjetà tal-isforzi fl-isfera tas-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista li hija essenzjali għall-iżvilupp u t-twettiq tal-kapaċitajiet.

    L-UE se tesplora wkoll il-potenzjal għal tisħiħ ulterjuri tal-kooperazzjoni bejn is-SEAE, l-EDA, il-Persunal Internazzjonali tan-NATO u l-Aġenzija tal-Appoġġ u l-Akkwist tan-NATO (NSPA), kif ukoll bejn l-Aċċeleratur tal-Innovazzjoni fid-Difiża għall-Atlantiku tat-Tramuntana (DIANA), l-HEDI tal-EDA u l-EUDIS dwar l-innovazzjoni.

    6.3.Ħidma flimkien ma’ sħab strateġiċi u internazzjonali biex jinkiseb stat ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża

    L-internazzjonalizzazzjoni tal-ktajjen tal-provvista tfisser li huwa prattikament impossibbli li jinżamm kontroll minn tarf sa tarf fuq il-materja prima u eluf ta’ komponenti ta’ sistema kumplessa.

    It-tisħiħ ta’ sħubijiet ta’ benefiċċju reċiproku ma’ sħab strateġiċi, organizzazzjonijiet internazzjonali, u pajjiżi terzi tal-istess fehma, inkluż permezz ta’ djalogi dwar is-sigurtà u d-difiża, jista’ jamplifika l-isforzi tal-Unjoni lejn l-istat ta’ tħejjija industrijali għad-difiża. Din il-kooperazzjoni se tkun flessibbli. Se tvarja fil-forma, fil-kamp ta’ applikazzjoni u fit-tipi ta’ parteċipanti fil-funzjoni ta’ interessi kondiviżi. Din il-kooperazzjoni għandha tikkontribwixxi biex ikomplu jiġu żgurati l-ktajjen tal-provvista, tiġi rinforzata l-EDTIB u jitnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi tal-UE, mingħajr ma jinħolqu oħrajn ġodda (jew jiġu perpetwati dawk eżistenti).

    Barra minn hekk, l-EDA se tkompli tagħmel l-aħjar użu mill-arranġamenti amministrattivi eżistenti tagħha, f’konformità mal-prinċipji għall-kooperazzjoni ma’ partijiet terzi maqbula mill-Istati Membri.

    Approċċ futur:

    Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli/il-Kap tal-Aġenzija, se:

    Øjesploraw miżuri biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-Ukrajna fil-programmi tal-Unjoni b’appoġġ għall-industrija tad-difiża, inkluż taħt l-EDIP, il-possibbiltà li l-Ukrajna tipparteċipa fl-akkwist konġunt, l-appoġġ għat-tisħiħ industrijali fl-Ukrajna u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-EDTIB u l-industrija tad-difiża Ukrena;

    Øfil-kuntest tal-Fond ta’ Assistenza għall-Ukrajna li ġie propost mir-Rappreżentant Għoli, jiżguraw appoġġ militari ulterjuri tal-UE lill-Ukrajna, notevolment billi jintbagħtu sinjali tad-domanda lill-industrija tad-difiża Ewropea sabiex tiżdied il-kapaċità tal-produzzjoni bil-ħsieb li jiġi sostnut l-isforz tal-gwerra tal-Ukrajna fuq terminu twil kif ukoll tiġi inċentivata l-kooperazzjoni bejn l-industrija tad-difiża Ewropea u dik Ukrena;

    Øisaħħu d-djalogu strutturat bejn il-persunal man-NATO dwar suġġetti ta’ interess reċiproku.

    Øjospitaw Forum tal-Industrija tad-Difiża bejn l-UE u l-Ukrajna fl-2024 biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-industriji tad-difiża tal-Ukrajna u tal-UE.

    Konklużjoni

    Għal għexieren ta’ snin iċ-ċittadini tal-Unjoni gawdew perjodu ta’ paċi mingħajr preċedent. Madankollu, il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, kif ukoll it-tensjonijiet li qed jiżdiedu fuq l-għatba tal-UE, jitolbu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jassumu responsabbiltà strateġika u jagħtu s-setgħa lill-industrija tad-difiża tal-UE biex tindirizza t-theddid u l-isfidi mingħajr preċedent fir-rigward tas-sigurtà li qed jiffaċċjaw.

    Teknoloġiji mill-aktar avvanzati u kapaċità li tiggarantixxi b’mod kostanti d-disponibbiltà ta’ kull tagħmir għad-difiża huma prerekwiżiti għall-kapaċità tal-Unjoni li tiggarantixxi l-effettività tal-forzi armati tal-Istati Membri tagħha u b’hekk tiġi preservata l-paċi fil-kontinent. Din l-istrateġija tipproponi miżuri ambizzjużi biex titrawwem u tiġi appoġġata t-trasformazzjoni tal-EDTIB matul l-għaxar snin li ġejjin.

    Billi tespandi u tikkomplementa l-għodod eżistenti tal-politika industrijali ta’ difiża tal-UE u billi tiddeskrivi l-ambizzjoni politika, industrijali u baġitarja li għandha tiġi mobilizzata b’appoġġ għall-EDTIB, din tal-aħħar se tingħata s-setgħa li tingrana t-titjib fl-effiċjenza ta’ suq tad-difiża ġenwinament aktar integrat u li tagħmel użu mill-potenzjal mhux sfruttat tal-effetti fuq skala.

    L-implimentazzjoni tal-istrateġija se tgħin lill-industrija tad-difiża Ewropea tkun aktar reattiva għall-ħtiġijiet urġenti mingħajr ma tissagrifika l-futur. Minn ippjanar ta’ investiment aktar bikri u aktar kooperattiv għal appoġġ akbar għall-industrijalizzazzjoni u l-akkwiżizzjoni konġunta; minn inkorporazzjoni aktar effettiva tal-innovazzjoni għal kontinwità akbar fl-isforzi użati biex jiġu żviluppati kapaċitajiet ta’ livell għoli u faċilitaturi strateġiċi; minn sigurtà tal-provvista aktar b’saħħitha għal libertà akbar ta’ azzjoni, din l-istrateġija se sservi bħala katalizzatur ta’ dak li hemm bżonn biex terġa’ tiġi restawrata u preservata l-paċi fil-kontinent Ewropew. 

    L-adattament tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni għax-xejriet attwali tas-sigurtà u tas-suq għandu jiġi indirizzat bħala kwistjoni ta’ prijorità. Il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli/il-Kap tal-Aġenzija huma lesti li jappoġġaw lill-Istati Membri f’dan l-isforz.

    (1)      Laqgħa informali tal-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern tal-10 u l-11 ta’ Marzu 2022, 20220311-versailles-declaration-en.pdf (europa.eu)
    (2)      Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża - Għal Unjoni Ewropea li tipproteġi liċ-ċittadini, il-valuri u l-interessi tagħha u tikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, Brussell, il-21 ta’ Marzu 2022, 7371/22, pdf (europa.eu)
    (3)      Laqgħa tal-Kunsill Ewropew, Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2023, EUCO 20/23, europeancouncilconclusions-14-15-12-2023-en.pdf (europa.eu).. Il-konklużjonijiet jaqraw hekk: “Wara li evalwa l-ħidma mwettqa biex jiġu implimentati l-konklużjonijiet preċedenti tiegħu, id-Dikjarazzjoni ta’ Versailles u l-Boxxla Strateġika, il-Kunsill Ewropew jissottolinja li jeħtieġ li jsir aktar biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni li jiżdied il-livell ta’ tħejjija fir-rigward tad-difiża u li tiżdied in-nefqa fid-difiża b’mod kollaborattiv, inkluż it-tisħiħ tal-investiment fil-qasam tad-difiża u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet, u biex jinkiseb suq effettiv u integrat għad-difiża”.
    (4)      L-istħarriġiet tal-opinjoni pubblika tal-UE jikkonfermaw l-interess qawwi u l-aspettattivi għoljin tal-Ewropej għal aktar kooperazzjoni fi kwistjonijiet tad-difiża. Skont l-Ewrobarometru Standard 100 (Diċembru 2023), 79 % tal-Ewropej jemmnu li l-kooperazzjoni fi kwistjonijiet tad-difiża fil-livell tal-UE għandha tiżdied, u 69 % iqisu li jeħtieġ li l-UE ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tipproduċi tagħmir militari.
    (5)      Il-Komunikazzjoni Konġunta dwar l-Analiżi tad-Diskrepanzi fl-Investimenti fid-Difiża u l-Approċċ Futur Brussell, 18.5.2022 JOIN (2022) 24 final.
    (6)      Bħalissa 22 mis-27 Stat Membru huma Membri tan-NATO, u l-Iżvezja mistennija tissieħeb fl-Alleanza dalwaqt.
    (7)      Meta mqabbla ma’ livell storiku baxx ta’ EUR 171 biljun fl-2014. Ara s-sejbiet ewlenin u l-analiżi tad-data dwar id-Difiża tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (European Defence Agency Defence Data 2022, key findings and analysis).
    (8)      Jean-Pierre Maulny, THE IMPACT OF THE WAR IN UKRAINE ON THE EUROPEAN DEFENCE MARKET, IRIS, Settembru 2023, 19_ProgEuropeIndusDef_JPMaulny.pdf (iris-france.org)  
    (9)      2022 Coordinated Annual Review on Defence.
    (10)      Stabbilit mill-Bord ta’ Tmexxija Ministerjali tal-EDA fl-2007.
    (11)      Il-Kunsill Ewropew, id-Dikjarazzjoni ta’ Granada, is-6 ta’ Ottubru 2023.
    (12)      Is-sors tad-data: L-istimi tas-SIPRI għall-Kummissjoni Ewropea.
    (13)      Konsenja u akkwist konġunt ta’ munizzjon għall-Ukrajna, Brussell, l-20 ta’ Marzu 2023, 7632/23, pdf (europa.eu)
    (14)      Mil-lum, l-EDA ffirmat 60 kuntratt qafas mal-industrija Ewropea.
    (15)      Ir-Regolament (UE) 2023/1525 dwar l-appoġġ għall-produzzjoni tal-munizzjon (ASAP), ĠU L 185, 24.7.2023, p. 7–25.
    (16)      Ir-Regolament (UE) 2023/2418 dwar l-istabbiliment ta’ strument għat-tisħiħ tal-industrija Ewropea tad-difiża permezz tal-akkwist komuni (EDIRPA), ĠU L 2023/2418, 26.10.2023.
    (17)    L-EDTIB kieku tibbenefika minn Suq Uniku tal-UE aktar reżiljenti permezz tal-implimentazzjoni ta’ miżuri, speċjalment fi żminijiet ta’ kriżi, li huma stabbiliti fl-“Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa” COM(2021) 350.
    (18) Stabbilit mill-Bord ta’ Tmexxija Ministerjali tal-EDA fl-2007.
    (19)     L-Istrateġija tal-UE dwar l-Istandardizzazzjoni, COM(2022) 31.
    (20)      Iċ-Ċentru għall-Politika Internazzjonali, il-Monitor tal-Għajnuna għas-Sigurtà, securityassistance.org .
    (21)      Bħall-bażi tad-dataEUCLID tal-EDA.
    (22)    Ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-10 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku, ĠU L 57, 18.2.2021, p. 1–16.
    (23)      Id-data mir-rapporti annwali u l-bażi tad-data tas-SEAE dwar l-esportazzjonijiet tal-armi tal-Istati Membri tal-UE tipprovdi informazzjoni utli dwar ix-xejriet li jaffettwaw is-suq u l-industrija tad-difiża Ewropea. Din tippermetti li titkejjel b’mod partikolari l-intensità tal-flussi kummerċjali intra-UE, li tipprovdi indikazzjonijiet dwar l-intensità kemm tal-akkwist transfruntier tal-prodotti finali kif ukoll tal-flussi transfruntiera fil-ktajjen tal-provvista tal-EDTIB. Tabilħaqq, fir-rigward tal-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża mill-Istati Membri, id-data dwar l-oriġini tal-prodotti ma tinġabarx b’mod ċentralizzat. Is-servizzi tal-Kummissjoni, flimkien mas-SEAE u l-EDA, se jaħdmu mal-Istati Membri biex jiżviluppaw metodoloġija biex tkejjel is-sehem tal-akkwist mill-EDTIB meta mqabbel ma’ dik li tibbenefika entitajiet ta’ pajjiżi terzi.
    (24) Fi ħdan il-Komunikazzjoni dwar l-Analiżi tad-Diskrepanzi fl-Investimenti fid-Difiża, il-Kummissjoni indikat, abbażi ta’ pubblikazzjoni xjentifika minn D. Fiott (bl-użu ta’ ċifri tal-importazzjoni/esportazzjoni tad-dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti) li bejn l-2007 u l-2016 aktar minn 60 % tal-baġit Ewropew għall-akkwist għad-difiża ntefaq fuq importazzjonijiet militari mhux tal-UE. Kif indikat fil-Kaxxa 1, matul il-perjodu mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja sa Ġunju 2023, 78 % tal-akkwiżizzjonijiet fil-qasam tad-difiża mill-Istati Membri tal-UE saru minn barra l-UE, fejn l-Istati Uniti waħidhom kienu jirrappreżentaw 63 % ta’ dan is-sehem.
    (25)      Baġit ta’ EUR 1,46  biljun li ġejjin mill-EDF u EUR 500 miljun li jiġu ingranati minn sorsi pubbliċi u privati oħra.
    (26)      Fi 3 snin, tnedew aktar minn 145 proġett li jinvolvu 2618-il parteċipant, li jiffurmaw is-sinsla tal-ekosistema industrijali tad-difiża tal-UE, li bħalissa tindirizza firxa wiesgħa ta’ kapaċitajiet u teknoloġiji tad-difiża mill-aktar avvanzati. Il-kooperazzjonijiet jinvolvu organizzazzjonijiet tar-riċerka (609 parteċipazzjonijiet); SMEs (826 parteċipazzjoni); entitajiet akbar (1 113-il parteċipazzjoni), korpi pubbliċi (456 parteċipazzjoni) u istituti tal-edukazzjoni għolja (230 parteċipazzjoni) li flimkien jikkostitwixxu l-EDTIB tal-futur.
    (27)      Il-Komunikazzjoni dwar il-kontribut tal-Kummissjoni għad-difiża Ewropea, COM (2022) 60 final.
    (28)      Pereżempju, l-Istati Membri tal-UE adottaw Arranġament Qafas dwar is-Sigurtà tal-Provvista fl-2013. Dan il-qafas kien maħsub li jiġi implimentat permezz tal-istabbiliment ta’ kodiċijiet ta’ kondotta jew arranġament ta’ implimentazzjoni, u fl-2014 ġie adottat Kodiċi ta’ Kondotta dwar il-Prijoritizzazzjoni mill-Bord ta’ Tmexxija tal-EDA.
    (29)    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tqis il-possibbiltà li tiddependi fuq għodod li ġew żviluppati skont l-Att dwar il-Materja Prima Kritika [COM (2023) 160].
    (30)      Il-pjan direzzjonali dwar it-teknoloġiji kritiċi għas-sigurtà u d-difiża, Strasburgu, 15.2.2022 COM(2022) 61 final.
    (31) https://commission.europa.eu/funding-tenders/find-funding/eu-funding-programmes/technical-support-instrument/technical-support-instrument-tsi_mt
    (32) “Access to equity financing for European defence SMEs” https://defence-industry-space.ec.europa.eu/study-results-access-equity-financing-european-defence-smes-2024-01-11_mt
    (33)    Il-Kummissjoni Ewropea, White Paper dwar għażliet għat-tisħiħ tal-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp li jinvolvu teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju, Brussell, 24.1.2024 COM (2024) 27 final.
    (34)      Ara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Frar 2024 dwar l-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment- rapport annwali 2023 ( 2023/2229(INI) ). Ir-rapport b’mod partikolari “jistieden lill-BEI jsaħħaħ l-appoġġ tiegħu għall-Inizjattiva Strateġika għas-Sigurtà Ewropea u għall-industrija tad-difiża Ewropea, inklużi l-SMEs, b’mod partikolari biex jikkontribwixxi għall-appoġġ kontinwu għall-Ukrajna; jistieden lill-BEI jirriforma l-lista ta’ eliġibbiltà tiegħu sabiex il-munizzjon u t-tagħmir militari li jmorru lil hinn mill-applikazzjoni b’użu doppju ma jibqgħux esklużi mill-finanzjament tal-BEI”.
    (35)      Pereżempju kull pass preparatorju meħtieġ, bħal analiżijiet tas-suq.
    (36)      Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
    (37)      Il-Fond Soċjali Ewropew Plus
    (38)    Inkluża l-kooperazzjoni kontinwata mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi.
    (39)      Id- Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-UE u n-NATO (it-8 ta’ Lulju 2016) ; id- Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-UE u n-NATO (l-10 ta’ Lulju 2018) ; id- Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-UE u n-NATO (l-10 ta’ Jannar 2023) .
    Top