Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024IR0219

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – Insaħħu l-Pożizzjoni tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali fis-Sistemi Integrati għall-Protezzjoni tat-Tfal (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    COR 2024/00219

    ĠU C, C/2024/3670, 26.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3670/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3670/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje C


    C/2024/3670

    26.6.2024

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – Insaħħu l-Pożizzjoni tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali fis-Sistemi Integrati għall-Protezzjoni tat-Tfal

    (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (C/2024/3670)

    Relatur

    :

    Peter KAISER (AT/PSE), Gvernatur ta’ Kärnten

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

    Il-prijoritizzazzjoni ta’ sistemi ta’ protezzjoni soċjali sensittivi għat-tfal

    1.

    itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal (1) u l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal (2). Dawn l-inizjattivi, flimkien mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (3) u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tal-Aġenda 2030, huma importanti ħafna. Dawn għandhom l-għan li jħeġġu lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jaħdmu b’mod attiv biex jiġġieldu l-faqar fost it-tfal u jsaħħu d-drittijiet tat-tfal, u b’hekk l-UE ssir aktar ġusta u inklużiva. Kif definit mill-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal bħala kwalunkwe persuna taħt l-età ta’ 18-il sena, sakemm skont il-liġi applikabbli għat-tfal, ma tkunx laħqet l-età maġġuri, u b’hekk jippromovu ġustizzja u inklużività akbar fl-Unjoni;

    2.

    jenfasizza l-ħtieġa li tingħata prijorità għolja lis-sistemi ta’ protezzjoni soċjali sensittivi għat-tfal, sakemm issir ir-Rakkomandazzjoni li jmiss tal-Kummissjoni Ewropea dwar sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal (4), li ġiet identifikata bħala inizjattiva ta’ prijorità għall-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2024. Dawn il-miżuri protettivi għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Dawn għandhom ikunu speċifiċi għall-kuntest, iċċentrati fuq it-tfal u implimentati fl-aktar livell adegwat ta’ governanza. Dawn għandhom jiffaċilitaw il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE sabiex jinħolqu sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal li jipproteġu b’mod effettiv il-benesseri tat-tfal, f’konformità mal-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kemm b’referenza għall-prevenzjoni tal-vjolenza kif ukoll għall-protezzjoni kontra l-faqar, il-vulnerabbiltà u l-esklużjoni soċjali madwar l-Unjoni Ewropea;

    3.

    jenfasizza r-rabta bejn il-protezzjoni tat-tfal u l-faqar, peress li l-faqar u l-esklużjoni soċjali jistgħu jaggravaw il-vulnerabbiltà tat-tfal għall-vjolenza. Sabiex jitqiesu l-vulnerabbiltà tat-tfal u t-tħaddim tat-tfal ikkawżat mill-faqar, l-objettivi tal-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Projbizzjoni u l-Azzjoni Immedjata għall-Eliminazzjoni tal-Agħar Forom ta’ Xogħol tat-Tfal għandhom jiġu affermati mill-ġdid. L-istress, ir-riżorsi limitati u l-aċċess limitat għas-servizzi ta’ appoġġ f’ambjenti foqra jistgħu jikkontribwixxu għal riskji akbar ta’ vjolenza kontra t-tfal. L-indirizzar ta’ dawn il-kwistjonijiet marbuta ma’ xulxin jeħtieġ strateġiji komprensivi li jikkombinaw il-protezzjoni tat-tfal u t-tnaqqis tal-faqar;

    4.

    jissottolinja kemm hu importanti li jiġu affermati d-drittijiet tat-tfal fl-ilħuq tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 16 (SDG 16), li t-tfal ma jintesewx u li tingħata prijorità speċifika lit-tfal li huma partikolarment vulnerabbli għall-faqar, il-vjolenza u l-esklużjoni soċjali fl-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030;

    5.

    jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati approċċi eżemplari bil-għan li jsaħħu l-isforzi għall-protezzjoni tat-tfal u jtejbu l-aċċess għal servizzi vitali għat-tfal; jappoġġja bis-sħiħ, f’dan il-kuntest, l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ skambju tal-aħjar prattiki madwar l-Unjoni;

    6.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal tirċievi l-appoġġ finanzjarju robust li għandha bżonn, u fl-istess ħin jiġi enfasizzat ir-rwol ċentrali tal-protezzjoni tat-tfal. Dan l-impenn finanzjarju huwa tal-akbar importanza biex jiġu żgurati servizzi robusti għall-protezzjoni tat-tfal immirati lejn il-prevenzjoni kemm tal-vulnerabbiltà ekonomika kif ukoll tal-protezzjoni tat-tfal mill-abbuż u l-vjolenza;

    7.

    jenfasizza, b’referenza għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030, li l-protezzjoni tat-tfal tikkoinċidi ma’ oqsma tematiċi differenti bħas-saħħa, inkluża s-saħħa mentali, il-faqar, l-opportunitajiet indaqs, in-nondiskriminazzjoni, il-ġeneru, l-edukazzjoni, u l-ġustizzja, u li approċċ olistiku huwa essenzjali biex dawn il-kwistjonijiet li jikkoinċidu jiġu indirizzati b’mod komprensiv;

    8.

    jenfasizza li t-tfal iridu jingħataw kunsiderazzjoni adegwata fis-Semestru Ewropew sabiex tiġi żgurata politika tat-tfal li tkun komprensiva, ġusta u li tħares ’il quddiem, u li fl-aħħar mill-aħħar tkun ta’ benefiċċju kemm għall-ġenerazzjonijiet preżenti kif ukoll għal dawk futuri. Bil-għan li jingħata kontribut għall-benesseri u l-futur tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, għandha tintlaqa’ l-inklużjoni tal-eliminazzjoni tal-faqar fost it-tfal u t-tħaddim tat-tfal fil-proċess tas-Semestru Ewropew;

    9.

    iħeġġeġ, f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ The Hague dwar il-Protezzjoni tat-Tfal (5) u l-SDG 16, il-koordinazzjoni f’diversi livelli li fiha l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, is-setturi tas-saħħa, is-servizzi tal-edukazzjoni u dawk soċjali jaħdmu flimkien biex jirrispondu b’mod effettiv għat-tħassib rigward il-protezzjoni tat-tfal; f’dan il-kuntest, il-KtR jitlob li jiġu stabbiliti sistemi ta’ ġbir u monitoraġġ tad-data, inkluż fil-livell reġjonali u f’kull livell ieħor kompetenti fil-qasam tal-protezzjoni tat-tfal, sabiex jiġi mmonitorjat il-progress, jiġu identifikati x-xejriet u r-riżorsi jiġu allokati b’mod effettiv;

    10.

    jinsisti, huwa u jqis l-SDG 5, li l-kwistjonijiet dwar il-ġeneru għandhom ikunu parti integrali mill-politiki dwar il-protezzjoni tat-tfal. L-enfasi għandha tkun fuq il-protezzjoni tal-bniet mill-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluż permezz tat-traffikar tal-bnedmin, il-vjolenza reliġjuża, l-isfruttament sesswali, il-prattiki bħaż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ furzat jew il-mutilazzjoni ġenitali femminili. Barra minn hekk, għandhom jiġu promossi politiki sensittivi għall-ġeneru b’leġiżlazzjoni infurzabbli għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet kollha;

    11.

    jenfasizza s-sensibilizzazzjoni partikolari tal-ħtiġijiet u l-isfidi speċifiċi minn perspettiva intersezzjonali, bħat-tfal b’diżabilità jew il-migranti, u għalhekk il-ħtieġa ta’ miżuri ta’ appoġġ inklużivi, eż. fir-rigward tal-aċċessibbiltà (fiżika), l-ostakli lingwistiċi u l-impatt sinifikanti tat-trawma tat-tfal;

    12.

    jirrikonoxxi l-importanza ta’ attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni għall-professjonisti u l-voluntiera li jaħdmu mat-tfal f’oqsma differenti (servizzi soċjali, sistemi legali, edukazzjoni, sport, divertiment) sabiex jiġu pprevenuti l-abbuż, il-ħsara, il-vittimizzazzjoni, u jiġu promossi l-aħjar prattiki, u b’hekk jikkontribwixxu għal bliet u reġjuni aktar inklużivi u sikuri għat-tfal f’konformità mal-SDG 11;

    Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-protezzjoni tat-tfal

    13.

    jenfasizza li s-sistemi ta’ benesseri u protezzjoni tat-tfal huma l-aktar effettivi fil-livell lokali u reġjonali, u jinvolvu s-servizzi soċjali, l-istituzzjonijiet tas-saħħa, l-iskejjel u l-organizzazzjonijiet tal-komunità;

    14.

    jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-protezzjoni tat-tfal żvantaġġati mill-vjolenza fil-komunitajiet tagħhom u jissottolinja l-importanza tal-azzjoni komunitarja għall-protezzjoni tat-tfal u l-promozzjoni ta’ kultura ta’ tolleranza żero għall-vjolenza kontra t-tfal; jinkoraġġixxi riċerka regolari u analiżi tal-ħtiġijiet biex jiġu identifikati dgħufijiet u riskji speċifiċi għat-tfal żvantaġġati fil-komunità u biex il-miżuri jiġu adattati kif xieraq;

    15.

    jappoġġja l-istabbiliment ta’ ċentri lokali għall-benesseri tat-tfal, li jiżguraw l-aċċessibbiltà u l-kunfidenzjalità għal dawk li jirrapportaw l-abbuż jew ifittxu l-għajnuna; jirrakkomanda wkoll l-użu ta’ timijiet ta’ sensibilizzazzjoni mobbli li kapaċi jivvalutaw ir-riskji għall-protezzjoni tat-tfal u jipprovdu appoġġ lil familji fil-bżonn;

    16.

    jenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ olistiku fil-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti li jaħdmu mat-tfal (pereżempju fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, tas-saħħa, tas-servizzi soċjali, tas-sistemi tal-ġustizzja, tal-infurzar tal-liġi, tal-isport u tad-divertiment) u mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jippromovu d-djalogu mal-komunitajiet biex itejbu l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal; jappoġġja wkoll kampanji ta’ informazzjoni lokali u reġjonali ffinanzjati mill-UE mmirati lejn is-sensibilizzazzjoni ta’ sistema integrata għall-protezzjoni tat-tfal li tqis il-prevenzjoni tal-vjolenza u l-vulnerabbiltà ekonomika tat-tfal, li hija ta’ benefiċċju kemm għas-soċjetà kif ukoll għat-tfal b’mod ġenerali;

    17.

    jistieden lill-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri jistabbilixxu servizzi effettivi u aċċessibbli għall-protezzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ li jagħtu prijorità lil ambjent sikur u inklużiv, miżuri preventivi, intervent bikri u appoġġ għal familji vulnerabbli; jirrakkomanda, għalhekk, li jinħolqu spazji sikuri fil-komunitajiet li jkunu jipprovdu kenn u appoġġ lit-tfal fi żminijiet ta’ vjolenza jew abbuż;

    18.

    jenfasizza l-importanza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jipprovdu riżorsi u li jipparteċipaw b’mod attiv f’inizjattivi mmirati lejn il-promozzjoni ta’ prattiki edukattivi pożittivi għat-trobbija tat-tfal, b’enfasi partikolari fuq il-promozzjoni ta’ forom ta’ dixxiplina mhux vjolenti u l-prevenzjoni ta’ mġiba dannuża; jitlob li jiġu ffaċilitati gruppi ta’ appoġġ għall-ġenituri biex jipprovdu lill-ġenituri u lill-persuni li jindukraw linji gwida bażiċi għal dixxiplina pożittiva u l-ġestjoni tal-istress;

    19.

    jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-definizzjoni u t-titjib ta’ strateġiji li jippromovu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-benesseri taż-żgħażagħ, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-organizzazzjonijiet tal-media sabiex jindirizzaw b’mod effettiv il-każijiet ta’ tfal neqsin, inklużi sitwazzjonijiet fejn it-tfal ma jkunux viżibbli fis-sistema għal diversi raġunijiet, bħall-biża’ mill-vjolenza, il-persekuzzjoni jew il-fatt li jkunu f’sitwazzjoni ta’ immigrazzjoni irregolari;

    20.

    jenfasizza r-rwol li għandhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jawtonomizzaw lill-iskejjel fit-territorji tagħhom biex ikunu f’pożizzjoni li jimplimentaw miżuri komprensivi biex jipproteġu lit-tfal, li għandhom jinkludu miżuri robusti biex jiġġieldu l-bullying online u offline, sabiex jiżguraw ambjent ta’ tagħlim sikur għall-istudenti kollha; jenfasizza b’mod partikolari l-ħtieġa ta’ servizzi aċċessibbli u inklużivi biex jappoġġjaw lit-tfal affettwati minn problemi ta’ saħħa mentali; jenfasizza għal dan il-għan l-importanza ta’ programmi bbażati fl-iskejjel, fil-livell nazzjonali jew, fejn applikabbli, fil-livell reġjonali, li jinfurmaw lit-tfal dwar id-drittijiet tagħhom, is-sikurezza personali u r-rapportar tal-abbuż, u fl-istess ħin iħarrġu lill-edukaturi biex jidentifikaw sinjali ta’ abbuż;

    21.

    itenni t-talba biex ir-riżorsi kollha disponibbli (bħall-FSE+, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn, il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, InvestEU, ReactEU, il-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza u Erasmus+) jintużaw b’mod sħiħ (6) għal implimentazzjoni effettiva tas-sistemi integrati ta’ protezzjoni tat-tfal; ifakkar li l-Istati Membri kollha għandhom jallokaw mill-anqas 5 % tar-riżorsi tal-FSE+ tagħhom għal miżuri mmirati u riformi strutturali biex jiġi miġġieled il-faqar fost it-tfal, għalkemm dan il-limitu huwa minimu u l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jallokaw sehem akbar tal-FSE+ biex jiġġieldu l-faqar fost it-tfal; jenfasizza wkoll li, skont ir-Regolament tal-FSE+, ir-rata ta’ finanzjament għall-appoġġ tal-persuni żvantaġġati trid tkun ta’ 90 %, li għandha tiffaċilita l-aċċess għal dan il-finanzjament biex jiġu żviluppati sistemi integrati ta’ protezzjoni għat-tfal f’din il-kategorija;

    Ambjent sikur għat-tfal

    22.

    jissottolinja l-importanza li tinqered il-vjolenza kontra t-tfal, fiżika u psikoloġika, kemm fi spazji fiżiċi (bħall-familja, l-iskola, l-isport u d-divertiment) kif ukoll fid-dinja diġitali (inkluż il-bullying ċibernetiku, l-abbuż online), u theddid diġitali emerġenti ieħor relatat mal-intelliġenza artifiċjali u d-dinjiet virtwali) kif ukoll li jiġu żviluppati approċċi preventivi li jippromovu trattament tajjeb u joħolqu ambjent protettiv għat-tfal u ż-żgħażagħ fl-oqsma kollha ta’ ħajjithom. Il-KtR jenfasizza li ż-żgħażagħ huma partikolarment vulnerabbli għal forom speċifiċi ta’ vjolenza;

    23.

    jistieden lill-Kummissjoni Ewropea ssaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ finanzjament dirett tagħha u tissemplifika l-proċeduri biex tagħmilha aktar faċli għall-awtoritajiet lokali biex jaċċessaw il-finanzjament tal-UE sabiex tiġi promossa azzjoni aktar rapida u aktar immirata fil-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal;

    24.

    jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ sistemi ġudizzjarji adatti favur it-tfal bi proċeduri inklużivi biex jiżguraw id-dritt tat-tfal li jingħataw widen fil-kwistjonijiet kollha li jaffettwawhom, u meta jkun meħtieġ jingħataw aċċess għall-għajnuna legali, li tinkludi assistenza legali mingħajr ħlas u effettiva, (inkluż konsulenza u rappreżentanza legali), servizzi ta’ interpretazzjoni u traduzzjoni u appoġġ;

    25.

    jitlob monitoraġġ mill-qrib tat-tfal mill-awtoritajiet u mill-korpi pubbliċi responsabbli għall-protezzjoni tat-tfal, li għandhom ikunu lesti li jindirizzaw l-imġiba vjolenti fit-tfal u li jgħinu fl-integrazzjoni mill-ġdid ta’ delinkwenti żgħażagħ. Il-KtR jenfasizza li kwalunkwe deċiżjoni dwar il-monitoraġġ għandha tkun preċeduta minn valutazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal. Il-miżuri li għandhom jittieħdu biex tiġi indirizzata l-imġiba vjolenti fost it-tfal għandhom ikunu bbażati fuq l-evidenza;

    26.

    jisħaq fuq l-importanza li jiġi ssemplifikat l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa mentali u soċjali għat-tfal vittmi tal-vjolenza sabiex jiġi ffaċilitat il-fejqan tagħhom;

    27.

    jirrikonoxxi l-appell li sar fuq il-Pjattaforma għall-Parteċipazzjoni tat-Tfal (7) għal azzjoni biex it-tfal iħossuhom aktar sikuri f’ambjenti skolastiċi. Lil hinn mill-iskola, huma essenzjali aktar miżuri għal playgrounds u parks sikuri u dawl fit-toroq, kif ukoll aktar informazzjoni u taħriġ għall-adulti u t-tfal dwar imġiba online sikura;

    28.

    b’referenza għall-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, jistieden lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistabbilixxu miżuri għall-protezzjoni tat-tfal u l-adolexxenti fl-ambjent diġitali, li jindirizzaw diversi aspetti bħal-limitazzjoni tal-aċċess għal kontenut mhux adatt, il-monitoraġġ ta’ algoritmi u sistemi ta’ pproċessar awtomatiku, l-adozzjoni ta’ miżuri preventivi għal użu sikur u responsabbli, id-disinn ta’ prodotti u servizzi diġitali li jkun adattat għall-età, u l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza diġitali responsabbli;

    Il-parteċipazzjoni u l-awtonomizzazzjoni tat-tfal

    29.

    waqt li jfakkar fl-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal, itenni l-importanza li t-tfal jingħataw l-opportunità li jipparteċipaw f’deċiżjonijiet li jaffettwaw lil ħajjithom, u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lir-reġjuni jtejbu l-parteċipazzjoni tat-tfal fil-livelli kollha b’riżorsi adegwati; jilqa’, f’dan il-kuntest, il-Pjattaforma tal-UE għall-Parteċipazzjoni tat-Tfal bħala prattika tajba biex it-tfal jingħataw widen u biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tagħhom u magħhom, u li tagħti segwitu konkret għar-rakkomandazzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa; jilqa’ l-importanza li jiġi żgurat appoġġ kontinwu għall-parteċipazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ, kif promoss fl-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ għall-2019-2027 (8) u mtenni fil-Komunikazzjoni dwar is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 (9);

    30.

    jistieden lill-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari lill-Kummissjoni Ewropea, issaħħaħ l-istrumenti finanzjarji disponibbli biex jgħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-approċċ tagħhom għall-minorenni mhux akkumpanjati, fid-dawl ta’ żieda sinifikanti fl-għadd ta’ dawn fit-territorju tagħhom, u tarmonizza l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni u l-indukrar tagħhom;

    31.

    jenfasizza r-rekwiżit, li ħareġ bħala waħda mill-aktar sejbiet importanti tal-konsultazzjoni tat-tfal fl-ambitu tal-Pjattaforma tal-UE għall-Parteċipazzjoni tat-Tfal, li t-tfal ikunu involuti fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar kif għandha tiġi żgurata s-sikurezza tagħhom fid-dar, fl-iskejjel, f’żoni lokali jew f’faċilitajiet tas-saħħa; min-naħa tiegħu, jitlob approċċ inklużiv biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jaffettwawhom, u li tiġi rrispettata d-diversità fl-età, il-ġeneru, l-etniċità u d-diżabilità u jiġi żgurat li l-ilħna tagħhom jinstemgħu u jitqiesu;

    32.

    itenni sejba importanti oħra tal-konsultazzjoni tat-tfal, jiġifieri l-ħtieġa li tiġi stabbilita u miżmuma varjetà ta’ komunikazzjoni diretta u mezzi ta’ feedback għat-tfal, li għandhom jitqiesu bħala karatteristika ewlenija tas-sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal;

    33.

    jirrimarka li l-aħjar interessi tat-tfal għandhom jiggwidaw il-politiki u l-azzjonijiet rilevanti kollha fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali, sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-istandards internazzjonali u tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal u l-koerenza tal-azzjoni tal-politika għall-protezzjoni tat-tfal fil-livelli kollha.

    34.

    jenfasizza l-importanza ta’ approċċ fit-tul biex tiġi żgurata l-protezzjoni tat-tfal permezz tal-iżvilupp ta’ miżuri u strateġiji li jippromovu l-istabbiltà u l-kontinwità tas-servizzi għat-tfal; jistieden lill-Istati Membri u, fejn applikabbli, il-livell reġjonali u lokali, jirrevedu regolarment il-proċeduri u l-istrateġiji tagħhom għall-protezzjoni tat-tfal, waqt li jqisu r-rakkomandazzjonijiet Ewropej u l-aħjar prattiki internazzjonali, sabiex dejjem itejbu r-rispons tagħhom għall-ħtiġijiet tat-tfal u l-familji.

    Brussell, 18 ta’ April 2024

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Vasco ALVES CORDEIRO


    (1)   https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9106-2021-INIT/mt/pdf

    (2)  COM(2021) 142, 24 ta’ Marzu 2021.

    (3)   Il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

    (4)  Fuq il-bażi tal-Artikolu 292 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    (5)  Konvenzjoni fuq il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, Rikonoxximent, Infurzar u Kooperazzjoni dwar ir-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal (ĠU L 151, 11.6.2008, p. 39).

    (6)   Rapport dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali fi żminijiet ta’ kriżi għat-tfal u l-familji tagħhom, A9-0360/2023, Parlament Ewropew.

    (7)  Ara Feeling Safe | EU Child Participation (europa.eu).

    (8)   Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar qafas għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ: L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 (ĠU C 456, 18.12.2018, p. 1).

    (9)  COM(2024) 1 final, 10 ta’ Jannar 2024.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3670/oj

    ISSN 1977-0987 (electronic edition)


    Top