Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024DMA100047

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' April 2024 dwar deċiżjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2022/1925 (Każ DMA.100047 - APPLE – IPADOS) (notifikat bin-numru tad-dokument C(2024) 2500 final)

C/2024/2500

ĠU C, C/2024/4374, 4.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4374/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4374/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/4374

4.7.2024

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tad-29 ta' April 2024

dwar deċiżjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2022/1925

(Każ DMA.100047 - APPLE – IPADOS)

(notifikat bin-numru tad-dokument C(2024) 2500 final)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(C/2024/4374)

Fid-29 ta' April 2024, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 2022/1925. F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 2022/1925 (“DMA”)  (1) , il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut ewlieni tad-deċiżjoni, wara li qieset l-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Fil-5 ta’ Settembru 2023, wara n-notifika ta’ Apple Inc. (“Apple”) tat-3 ta’ Lulju 2023 skont l-Artikolu 3(3) tad-DMA, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tiddeżinja lil Apple bħala gwardjan skont l-Artikolu 3(4) tad-DMA fir-rigward tas-Servizzi Ewlenin ta’ Pjattaforma (“CPSs”) li ġejjin: (i) is-servizz ta’ intermedjazzjoni online tagħha App Store; (ii) is-sistema operattiva tagħha iOS; u (iii) il-brawżer tal-web tagħha Safari. Madankollu, fiż-żmien tan-notifika ta’ Apple, is-sistema operattiva CPS iPadOS ta’ Apple ma kinitx tissodisfa l-limiti kwantitattivi stabbiliti fl-Artikolu 3(2)(b) u (c) tad-DMA.

(2)

Fil-5 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni tas-suq skont l-Artikoli 16(1) u 17(1) tad-DMA (id-Deċiżjoni C(2023)6076), biex tivvaluta jekk Apple jenħtieġx li tiġi ddeżinjata bħala gwardjan, skont l-Artikolu 3(8) tad-DMA, fir-rigward tas-sistema operattiva tagħha CPS iPadOS. Fit-13 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni kkomunikat is-sejbiet preliminari tagħha lil Apple li jenħtieġ li tiġi ddeżinjata bħala gwardjan fir-rigward ta’ iPadOS skont l-Artikolu 3(8) tad-DMA. Wara l-aċċess għall-file, Apple wieġbet għas-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni fis-17 ta’ Jannar 2024.

2.   QAFAS LEGALI

(3)

Id-DMA jistabbilixxi sett ta’ kriterji oġġettivi definiti b’mod strett biex pjattaforma online kbira tikkwalifika bħala gwardjan fir-rigward ta’ CPS wieħed jew aktar li tipprovdi.

(4)

Bħala pass preliminari, il-Kummissjoni għandha tiddelinja s-servizzi differenti pprovduti minn impriża u tiddetermina liema minn dawn is-servizzi jikkwalifikaw bħala CPSs. Kriterju rilevanti għall-kwalifikazzjoni u d-delinjazzjoni tas-CPSs huwa l-iskop li għalih jintuża s-servizz mill-utenti finali jew mill-utenti kummerċjali jew mit-tnejn li huma.

(5)

Wara, skont l-Artikolu 3(1) tad-DMA, il-Kummissjoni trid tiddeżinja impriża bħala gwardjan jekk din tissodisfa tliet rekwiżiti kumulattivi, jiġifieri: (a) ikollha impatt sinifikanti fuq is-suq intern; (b) tipprovdi CPS li jkun gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lill-utenti finali; u (c) tgawdi minn pożizzjoni stabbilita u dejjiema, fl-operazzjonijiet tagħha, jew ikun prevedibbli li fil-futur qrib tkun se tgawdi tali pożizzjoni.

(6)

L-Artikolu 3(2) tad-DMA jistabbilixxi preżunzjoni li dawk ir-rekwiżiti jiġu ssodisfati meta jintlaħqu ċerti limiti kwantitattivi, b’mod partikolari fir-rigward tal-fatturat tal-kumpanija jew il-kapitalizzazzjoni tas-suq tal-impriża kif ukoll l-għadd ta’ utenti finali u utenti kummerċjali ta’ CPS partikolari f’kull waħda mill-aħħar tliet snin finanzjarji. Madankollu, meta l-impriża ma tissodisfax kull wieħed mil-limiti kwantitattivi, ma jistax jiġi preżunt li hija gwardjan fir-rigward tas-CPS tagħha.

(7)

Minkejja l-limiti tal-preżunzjoni, jekk l-impriża tissodisfa kull wieħed mir-rekwiżiti tal-Artikolu 3(1) tad-DMA fir-rigward ta’ CPS partikolari, il-Kummissjoni għandha tiddeżinjaha, wara valutazzjoni kwalitattiva skont l-Artikolu 3(8) tad-DMA. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni tista’ tqis xi wħud mill-elementi li ġejjin jew kollha kemm huma:

a)

id-daqs tal-impriża, inkluż il-fatturat tagħha u l-kapitalizzazzjoni tas-suq;

b)

l-għadd ta’ utenti kummerċjali li jużaw is-CPS tal-impriża biex jilħqu lill-utenti finali u l-għadd ta’ utenti finali;

c)

l-effetti tan-network u l-vantaġġi xprunati mid-data ta’ din l-impriża;

d)

kwalunkwe skala u effett ta’ kamp ta’ applikazzjoni li minnhom tibbenefika l-impriża;

e)

l-intrappolament tal-utent kummerċjali jew tal-utent finali fir-rigward tas-CPS tal-impriża, inkluż il-kostijiet tal-qlib u l-preġudizzju komportamentali li jnaqqas il-kapaċità tal-utenti kummerċjali u tal-utenti finali li jaqilbu jew jużaw multi-homing;

f)

l-istruttura korporattiva tal-konglomerat jew l-integrazzjoni vertikali ta’ dik l-impriża; jew

g)

il-karatteristiċi strutturali l-oħra tan-negozju jew tas-servizz ta’ dik l-impriża.

(8)

Skont l-Artikolu 17(1) tad-DMA, il-Kummissjoni tista’ twettaq investigazzjoni tas-suq biex teżamina jekk impriża li tipprovdi CPS jenħtieġx tiġi ddeżinjata bħala gwardjan skont l-Artikolu 3(8) tad-DMA, jew sabiex tidentifika s-CPSs li għandhom jiġu elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9) tad-DMA.

3.   IL-VALUTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

(9)

Wara l-valutazzjoni kwalitattiva tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(8) tad-DMA, abbażi tal-evidenza miġbura mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni tas-suq tagħha u l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha, il-Kummissjoni tiddeżinja lil Apple bħala gwardjan fir-rigward tas-sistema operattiva tagħha CPS iPadOS.

(10)

Il-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha fuq dawn il-kunsiderazzjonijiet.

(11)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tqis li iPadOS tikkwalifika bħala sistema operattiva skont l-Artikolu 2, il-punt (10) tad-DMA u tikkostitwixxi CPS distint mis-sistemi operattivi l-oħra li huma CPSs ipprovduti minn Apple.

(12)

It-tieni, il-Kummissjoni tqis li Apple għandha impatt sinifikanti fuq is-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a) tad-DMA. B’mod partikolari, il-Kummissjoni sabet li Apple tissodisfa l-limiti kwantitattivi kollha stabbiliti fl-Artikolu 3(2)(a) peress li rrappurtat fatturat fl-Unjoni kollha ferm ogħla minn EUR 7.5 biljun f’kull waħda mit-tliet snin finanzjarji ta’ qabel l-investigazzjoni tas-suq (2020, 2021, u 2022) u kapitalizzazzjoni medja tas-suq li taqbeż l-EUR 75 biljun fl-2022.

(13)

It-tielet, il-Kummissjoni tqis li iPadOS tikkostitwixxi gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lill-utenti finali skont l-Artikolu 3(1)(b) tad-DMA. B’mod partikolari, iPadOS għandha għadd kbir ta’ utenti kummerċjali u finali, iPadOS hija kummerċjalment importanti għall-utenti kummerċjali peress li hija gateway għal bażi ta’ klijenti b’rieda kbira li jħallsu, iPadOS tippreżenta effetti ta’ intrappolament fir-rigward kemm tal-utenti finali kif ukoll tal-utenti kummerċjali, u Apple tibbenefika mill-effetti tan-network u mill-ekonomiji ta’ skala fir-rigward ta’ iPadOS.

(14)

Ir-raba’, il-Kummissjoni tqis li Apple tgawdi minn pożizzjoni stabbilita u dejjiema fir-rigward ta’ iPadOS skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(c) tad-DMA. B’mod partikolari, iPadOS ilha waħda miż-żewġ sistemi operattivi ewlenin għat-tablets fl-Unjoni għal aktar minn 10 snin u huwa mistenni li l-għadd diġà sinifikanti ta’ utenti finali u utenti kummerċjali ta’ iPadOS se jkompli jikber matul is-snin li ġejjin.

4.   KONKLUŻJONI

(15)

Għar-raġunijiet stabbiliti hawn fuq, id-Deċiżjoni tagħlaq l-investigazzjoni tas-suq li nfetħet bid-Deċiżjoni C(2023)6076 tal-5 ta’ Settembru 2023 dwar is-sistema operattiva CPS iPadOS ta’ Apple u temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023)6100 tal-5 ta’ Settembru 2023 li tiddeżinja lil Apple bħala gwardjan skont l-Artikolu 3 tad-DMA billi żżid il-punt li ġej fl-Artikolu 2 ta’ dik id-deċiżjoni: “(d) is-sistema operattiva ta’ Apple, iPadOS”.

(16)

Konsegwentement, dawn is-CPSs ta’ Apple jitqiesu gateway importanti biex l-utenti kummerċjali jilħqu lill-utenti finali fis-sens tal-Artikolu 3(1), il-punt (b) tad-DMA:

(a)

Is-servizz tal-intermedjazzjoni online ta’ Apple, App Store;

(b)

Is-sistema operattiva ta’ Apple, iOS;

(c)

Il-brawżer tal-internet ta’ Apple, Safari; kif ukoll

(d)

Is-sistema operattiva ta’ Apple, iPadOS”.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU L 265, 12.10.2022, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4374/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top