EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024DC0267

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar is-segwitu għall-kwittanza għas-sena finanzjarja 2022

COM/2024/267 final

Brussell, 25.6.2024

COM(2024) 267 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar is-segwitu għall-kwittanza għas-sena finanzjarja 2022


Rapport dwar is-segwitu għat-talbiet li saru mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjonijiet tiegħu ta’ kwittanza u mill-Kunsill fir-rakkomandazzjoni tiegħu ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja 2022

1.Introduzzjoni

Fil-11 ta’ April 2024, filwaqt li qies ir-rakkomandazzjoni mill-Kunsill, il-Parlament Ewropew iddeċieda li jagħti kwittanza lill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tagħha tal-baġit tal-UE fl-2022. Din id-deċiżjoni dwar il-kwittanza kienet l-aħħar waħda taċ-ċiklu leġiżlattiv 2019-2024.

Matul dawn l-aħħar ħames snin, l-UE għamlet progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE:

-Il-baġit tal-UE ntuża bħala strument biex jiġu indirizzati l-kriżijiet, b’mod partikolari bis-saħħa tal-flessibbiltà u r-riallokazzjonijiet introdotti taħt il-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni, kemm matul il-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll matul il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

-Il-baġit tal-UE ġie msaħħaħ ukoll permezz ta’ strument ġdid, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) – b’mudell tal-implimentazzjoni ġdid li jpoġġi l-prestazzjoni fil-qalba tal-infiq tal-baġit. L-RRF qed tiġi ffinanzjata permezz ta’ self tal-UE fuq skala bla preċedent.

-Abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, il-koleġiżlaturi laħqu ftehim politiku dwar ir-riformulazzjoni tar-Regolament Finanzjarju f’Diċembru 2023. It-test rivedut ser iġib: (i) aktar trasparenza fir-rigward tal-benefiċjarji tal-fondi tal-UE (permezz ta’ sit web ċentralizzat tal-Kummissjoni); (ii) estensjoni tas- Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni għal fondi taħt ġestjoni kondiviża biex il-baġit tal-UE jiġi protett aħjar mill-frodi u l-irregolaritajiet; (III) regoli aktar preċiżi dwar il-kunflitti ta’ interess; u (iv) mezzi addizzjonali għall-prevenzjoni tal-iżborż ta’ fondi tal-UE lil individwi jew entitajiet li ma jirrispettawx il-valuri tal-UE.

-L-UE saħħet b’mod sinifikanti s-sett ta’ għodod tagħha biex tipproteġi l-baġit tal-UE mill-frodaturi, b’mod partikolari permezz ta’: i) l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), li ilu operattiv minn Ġunju 2021; (ii) l-adozzjoni ta’ strateġija tal-Kummissjoni kontra l-frodi fl-2019 — u l-implimentazzjoni tagħha matul il-perjodu tal-leġiżlatura; (iii) pakkett kontra l-korruzzjoni li jinkludi proposta tal-Kummissjoni għal direttiva għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni 1 permezz tal-liġi kriminali u Komunikazzjoni konġunta 2 li tipproponi reġim ta’ sanzjonijiet kontra atti serji ta’ korruzzjoni mwettqa barra mill-UE; jew (iv) il-ftehim reċenti dwar ir-Regolament u d-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus.

-L-UE għammret lilha nnifisha biex tipproteġi l-baġit tal-UE minn ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt. L-aktar żvilupp notevoli ta’ din il-leġiżlatura f’dak ir-rigward huwa d-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità 3 f’Jannar 2021, u l-applikazzjoni tiegħu minn dak iż-żmien.

-Il-Kummissjoni tejbet ukoll b’mod sinifikanti l-monitoraġġ u r-rappurtar dwar il-kisbiet tal-baġit tagħha. Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom li jonfqu mill-inqas 30 % tal-finanzjament kollu disponibbli taħt il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2021–2027 u NextGenerationEU biex jindirizzaw l-isfida klimatika, u l-Kummissjoni stabbiliet metodoloġija ta’ monitoraġġ solida biex tiżgura li l-UE żżomm mal-impenn tagħha.

Dawn l-iżviluppi pożittivi jirriflettu l-kooperazzjoni kontinwa u kostruttiva bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA).

Dan ir-rapport dwar is-segwitu għall-proċedura ta’ kwittanza tal-2022 huwa parti mir-Rappurtar Finanzjarju u ta’ Responsabbiltà Integrat u jiġbor fil-qosor l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni b’reazzjoni għal: (i) talbiet magħmula mill-Parlament Ewropew fit-taqsima tal- “prijoritajiet politiċi” tar-riżoluzzjoni ta’ kwittanza tiegħu 4 ; u (ii) it-talbiet ewlenin magħmula mill-Kunsill fir-rakkomandazzjoni tiegħu dwar il-kwittanza 5 . Il-Kummissjoni se tipprovdi informazzjoni aktar dettaljata u aġġornata b’rispons għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi kollha meta tibda l-proċedura ta’ kwittanza 2023 aktar tard din is-sena.

2.Il-monitoraġġ tal-użu tal-fondi tal-UE

Il-Kummissjoni tagħti l-akbar importanza – u tiddedika riżorsi sinifikanti – għall-monitoraġġ tal-użu tal-fondi tal-UE, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali u s-sħab ta’ implimentazzjoni.

a.L-infiq f’konformità mal-valuri tal-UE, inkluż l-istat tad-dritt

Il-Kummissjoni taqbel mat-talba tal-Parlament lill-Kummissjoni biex “tagħmel użu sħiħ mill-għodod disponibbli biex tindirizza r-riskju ċar ta’ ksur serju tal-valuri tal-Unjoni u tinvoka minnufih ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità meta l-ksur tal-Istat tad-Dritt jirriskja li jkollu impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni” 6 , b’mod partikolari billi timmonitorja s-sitwazzjoni fl-Istati Membri kollha, tidentifika mill-aktar stadju bikri possibbli ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament, u se tkompli tagħmel dan. Fit-12 ta’ Jannar 2024, il-Kummissjoni ppubblikat rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kundizzjonalità 7 .

Sa issa, l-unika proċedura mibdija skont ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità tikkonċerna l-Ungerija. Fit-13 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni vvalutat mill-ġdid is-sitwazzjoni tal-Ungerija u sabet li l-Ungerija ma kinitx adottat miżuri ta’ rimedju ġodda li jindirizzaw b’mod adegwat il-kwistjonijiet pendenti. Ir-riskju għall-baġit tal-UE għalhekk baqa’ l-istess peress li l-Kunsill iddeċieda dwar miżuri protettivi baġitarji f’Diċembru 2022. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri tal-Kunsill jenħtieġ li jibqgħu fis-seħħ. Ir-rivalutazzjoni tal-Kummissjoni telenka l-kwistjonijiet kollha fejn għadhom meħtieġa miżuri ta’ rimedju, inkluż titjib relatat mal-mandat tal-Awtorità tal-Integrità Ungeriża u mas-sitwazzjoni tat-trusts ta’ interess pubbliku.

Il-Kummissjoni tieħu nota tal-osservazzjoni fir-riżoluzzjoni ta’ kwittanza tal-Parlament li tħeġġeġ lill-Kummissjoni “tiggarantixxi approċċ unitarju, komprensiv u integrat f’fondi u strumenti leġiżlattivi differenti u tevita approċċ teknokratiku u kontradittorju f’diversi strumenti ta’ finanzjament” 8 .

Tlieta mill-istrumenti ewlenin li jintużaw biex jipproteġu l-baġit tal-UE minn ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt huma: (i) ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità; (II) il-kundizzjoni abilitanti orizzontali fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE skont ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni 9 ; u (iii) l-istadji importanti u l-miri li jindirizzaw l-isfidi tal-istat tad-dritt skont il-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs).

Dawn l-istrumenti għandhom objettivi, kampijiet ta’ applikazzjoni u oqfsa legali differenti, kif deċiż mill-koleġiżlaturi. Pereżempju, il-kundizzjoni abilitanti orizzontali dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE 10 tapplika biss għat-tmien fondi tal-UE rregolati mir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni. Barra minn hekk, il-kundizzjoni dwar il-Karta ma tipproteġix il-baġit tal-UE mill-istess użi ħżiena bħalma jagħmel ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità, għalkemm hemm duplikazzjonijiet. Fl-istess ħin, ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità jista’ jintuża biss jekk il-Kummissjoni ssib li strumenti oħra ma jipproteġux il-baġit tal-UE b’mod aktar effettiv.

Fil-każ tal-Ungerija, f’Diċembru 2023, il-Kummissjoni qieset li l-Ungerija kienet adottat ir-riformi ġudizzjarji meħtieġa li jippermettu lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-kundizzjoni abilitanti orizzontali dwar il-Karta fil-qasam tal-indipendenza ġudizzjarja kienet ġiet issodisfata. Madankollu, l-Ungerija għadha ma kkonformatx ma’ oqsma oħra tal-kundizzjoni abilitanti orizzontali dwar il-Karta, fir-rigward tal-libertà akkademika, id-dritt għall-ażil, u d-drittijiet LGBTIQ. Il-Kummissjoni sabet ukoll li l-Ungerija għadha ma tikkonformax ma’ diversi kundizzjonijiet abilitanti tematiċi.

Skont ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità, kif imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri tal-Kunsill jenħtieġ li jibqgħu fis-seħħ minħabba li l-Ungerija ma indirizzatx il-kwistjonijiet pendenti kollha.

Fl-aħħar nett, fl-RRP tagħha, l-Ungerija impenjat ruħha li tilħaq 27 “stadju importanti ħafna” biex tiżgura l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u ssaħħaħ l-indipendenza ġudizzjarja. Dawn is-27 stadju importanti ħafna jinkludu erba’ stadji importanti ħafna dwar l-indipendenza ġudizzjarja, li jikkorrispondu għall-miżuri li l-Kummissjoni talbet lill-Ungerija skont il-kundizzjonijiet abilitanti orizzontali dwar il-Karta, u 21 stadju importanti ħafna li jikkorrispondu għall-miżuri ta’ rimedju li l-Ungerija impenjat ruħha li timplimenta skont il-proċedura stabbilita fir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità. Iż-żewġ stadji importanti ħafna l-oħra huma relatati ma’ miżuri biex jittejbu l-awditjar u l-kontroll tal-implimentazzjoni tal-RRP. L-ebda talba għall-pagament ma tista’ tiġi ssodisfata sakemm ma jintlaħqux l-istadji importanti ħafna.

Il-Kummissjoni se tkompli tapplika bir-reqqa s-sett ta’ għodod li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tipproteġi l-baġit tal-UE minn ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt. Fit-tħejjija tal-baġit fit-tul li jmiss tal-UE, il-Kummissjoni se tislet tagħlimiet mill-applikazzjoni tas-sett attwali ta’ għodod.

b.Il-protezzjoni tal-baġit mill-frodaturi

Il-Kummissjoni tinnota t-talba tal-Parlament “li l-kapaċitajiet tal-UPPE u tal-OLAF, kif ukoll il-kooperazzjoni ta’ bejniethom, jissaħħu aktar u l-kompetenzi tagħhom jiġu definiti aħjar” 11 .

-Il-kapaċitajiet tal-UPPE u tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)

Minkejja r-restrizzjonijiet baġitarji stretti ħafna taħt l-intestaturi baġitarji “Reżiljenza u Valuri” (għall-UPPE) u “Amministrazzjoni Pubblika Ewropea” (għall-OLAF), l-UPPE ġie msaħħaħ bi 33 kariga addizzjonali fl-2024, u laħaq total ta’ 232 kariga fl-uffiċċju ċentrali. Dan jinkludi r-riżorsi proposti mill-Kummissjoni fid-9 ta’ April 2024 fl-Abbozz ta’ Baġit Emendatorju Nru 3/2024 biex ikopru: (i) il-parteċipazzjoni tal-Polonja fl-UPPE; u (ii) il-parteċipazzjoni mistennija tal-Iżvezja fix-xhur li ġejjin. It-tisħiħ tal-UPPE b’karigi addizzjonali jqis iż-żieda kbira fl-attivitajiet operazzjonali tal-UPPE minn meta beda jopera f’Ġunju 2021, b’1 927 investigazzjoni għaddejjin sa tmiem l-2023.

Dwar l-OLAF, il-baġit tal-2024 jipprevedi żewġ membri tal-persunal estern addizzjonali riallokati minn partijiet oħra tal-Kummissjoni biex jimmonitorjaw il-fluss ta’ fondi lejn l-Ukrajna.

-Kooperazzjoni bejn l-UPPE, l-OLAF u atturi oħra kontra l-frodi

Il-kooperazzjoni bejn l-UPPE u l-OLAF tiżgura l-kumplimentarjetà tal-mandati rispettivi tagħhom u tevita d-duplikazzjoni tax-xogħol. L-UPPE u l-OLAF flimkien mal-atturi l-oħra kontra l-frodi 12 , qed jikkooperaw b’mod intensiv f’għexieren ta’ każijiet kull sena. L-OLAF, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali u istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-UE jinfurmaw lill-UPPE kull meta jidentifikaw suspett ta’ reat li jaqa’ taħt il-mandat tal-UPPE. Barra minn hekk, l-OLAF jikkumplimenta u jikkontribwixxi f’għadd ta’ każijiet għall-effettività operazzjonali tal-investigazzjonijiet tal-UPPE billi jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi kumplimentari u jipprovdilu appoġġ fejn meħtieġ.

Wara kważi tliet snin ta’ kooperazzjoni, hemm diversi stejjer ta’ suċċess:

·Fi 72 każ, l-OLAF fetaħ investigazzjonijiet kumplimentari wara l-ftuħ ta’ investigazzjoni tal-UPPE. Sal-lum, dan wassal għal rakkomandazzjonijiet għall-irkupru ta’ kważi EUR 300 miljun. 

·F’26 każ, l-OLAF offra appoġġ operazzjonali lill-UPPE, inkluża analiżi forensika tal-evidenza miksuba mill-UPPE, li min-naħa tagħha ġiet inkluża fil-fajl kriminali.

Biex ikomplu jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom, saret konferenza ta’ sħubija operazzjonali tal-OLAF u l-UPPE fit-22-23 ta’ April 2024. Il-Prosekuturi Delegati Ewropej mill-UPPE u l-investigaturi mill-OLAF skambjaw l-esperjenzi rispettivi tagħhom u t-titjib futur possibbli li jistgħu jagħmlu fil-kooperazzjoni tagħhom.

Barra minn hekk, f’konformità mar-Regolament dwar l-OLAF 13 u r-Regolament dwar l-UPPE 14 , l-implimentazzjoni taż-żewġ settijiet ta’ atti legali jenħtieġ li tiġi evalwata sal-1 ta’ Ġunju 2026. L-effettività u l-effiċjenza tal-kooperazzjoni bejn l-UPPE u l-OLAF se jkunu parti importanti mill-evalwazzjonijiet li għaddejjin taż-żewġ Regolamenti. Għalhekk, dawn l-evalwazzjonijiet se jiġu sinkronizzati kemm jista’ jkun f’termini ta’ kontenut u ż-żmien, biex jiġu żgurati sinerġiji u jiġu evitati duplikazzjonijiet u kontradizzjonijiet.

-Ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju u l-ġlieda kontra l-frodi

Fl-aħħar nett, ir-reviżjoni mmirata tar-Regolament Finanzjarju, maqbula politikament f’Diċembru 2023, se ssaħħaħ il-protezzjoni tal-baġit tal-UE billi: (i) l-iżgurar tar-reġistrazzjoni u l-ħżin elettroniċi standardizzati tad-data dwar ir-riċevituri tal-finanzjament tal-UE u s-sidien benefiċjarji tagħhom; u (ii) l-użu ta’ sistema tal-IT integrata għall-estrazzjoni u l-punteġġ tar-riskju tad-data dwar ir-riċevituri u s-sidien benefiċjarji obbligatorju fil-modi kollha ta’ ġestjoni tal-baġit, li jibda mill-QFP ta’ wara l-2027.

c.Limitazzjoni tal-iżbalji fl-infiq

Il-Kummissjoni taqbel mal-osservazzjoni tal-Parlament li “l-oqsma ta’ nfiq soġġetti għal regoli u kriterji ta’ eliġibbiltà aktar kumplessi huma f’riskju ogħla ta’ żbalji” 15 .

Il-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex tillimita l-iżbalji fl-infiq — li spiss jinkludu simplifikazzjonijiet tar-regoli — jittieħdu fil-livell tal-programm ta’ nfiq, peress li kull programm ta’ nfiq ivarja f’termini ta’ mudell ta’ implimentazzjoni u sistema ta’ kontroll.

Skont il-Politika Agrikola Komuni (PAK), il-Kummissjoni u l-QEA jaqblu li l-livell ta’ żbalji fl-infiq għall-appoġġ għall-introjtu lill-bdiewa bħalissa huwa taħt il-livell limitu ta’ 2 % li jekk jinqabeż, l-iżbalji jitqiesu bħala materjali. Għalhekk, l-isforzi biex jitnaqqas il-livell ta’ żball huma ffukati fuq l-iżvilupp rurali u l-miżuri tas-suq, fejn il-livell ta’ żball għadu ogħla. Barra minn hekk, il-mudell ta’ implimentazzjoni għall-PAK 2023-2027 jappoġġja s-simplifikazzjoni tar-regoli billi jippermetti lill-Istati Membri jfasslu l-interventi skont il-ħtiġijiet tagħhom. Il-PAK il-ġdida trawwem ukoll l-użu ta’ teknoloġiji ġodda li għandhom jgħinu biex jiġu indirizzati l-iżbalji. 

Għall-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, il-Kummissjoni tikkoopera b’mod attiv mal-awtoritajiet kollha tal-programm biex ittejjeb il-kapaċitajiet tagħhom biex jidentifikaw u jindirizzaw l-iżbalji permezz ta’ diversi mezzi (gwida; appoġġ immirat u taħriġ kontinwu; u feedback mill-awdituri tal-Kummissjoni lill-awtoritajiet nazzjonali dwar żbalji mhux identifikati u l-kawżi ewlenin tagħhom). B’mod parallel, il-Kummissjoni tippromwovi l-għażliet ta’ kostijiet issimplifikati li huma inqas suxxettibbli għall-iżbalji u finanzjament mhux marbut mal-kostijiet. 

Dwar il-finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni, Orizzont 2020 diġà introduċa simplifikazzjonijiet kbar. Orizzont Ewropa qed ikompli dan l-isforz ta’ simplifikazzjoni. Dan jinkludi użu akbar ta’ forom simplifikati ta’ finanzjament, bħall-finanzjament ta’ proġetti b’somma f’daqqa u l-kostijiet unitarji, li jnaqqsu b’mod sinifikanti l-piż amministrattiv għall-benefiċjarji, u għalhekk huma mistennija li jnaqqsu l-għadd ta’ żbalji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kompliet issaħħaħ il-kampanji ta’ komunikazzjoni tagħha lejn il-benefiċjarji, b’enfasi fuq id-dikjarazzjoni tal-ispejjeż tal-persunal, li l-kalkolu tagħhom huwa suxxettibbli għal żball.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni bħalissa qed tirrieżamina l-istrateġija tal-awditjar u tal-kontroll tagħha għall-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali. Wieħed mill-objettivi ewlenin ta’ dan ir-rieżami huwa li tiġi żviluppata metodoloġija tal-profil tar-riskju soda u ffukata biex jiġi vvalutat u indirizzat aħjar ir-riskju ta’ żball.

d.Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-RRF

Il-Kummissjoni tinnota li, fir-riżoluzzjoni ta’ kwittanza, il-Parlament jiddispjaċih li “l-istadji importanti ma ġewx definiti aħjar u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-azzjonijiet assoċjati f’konformità mal-istadji importanti u l-miri miftiehma” 16 . 

Il-Kummissjoni vvalutat li l-istadji importanti u l-miri kollha tal-pagamenti tal-2022 ġew issodisfati b’mod sodisfaċenti. Il-QEA qablet ma’ kważi kull valutazzjoni individwali tal-Kummissjoni. Fi ftit każijiet biss il-QEA kellha interpretazzjoni differenti, jew qari differenti tal-bażi ġuridika, li wasslitha biex tikkonkludi li stadju importanti jew mira ma ġewx issodisfati b’mod sodisfaċenti.

Meta jiġi rivedut RRP nazzjonali, il-Kummissjoni tistinka biex tiċċara l-miżuri u l-istadji importanti u l-miri relatati, filwaqt li żżomm l-ambizzjoni ġenerali tal-RRP nazzjonali, b’mod partikolari dwar ir-riformi li jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadet passi biex tnaqqas il-piż amministrattiv u tissimplifika l-implimentazzjoni tal-RRPs, filwaqt li tiżgura l-protezzjoni adegwata tal-interessi finanzjarji tal-UE u konformità sħiħa mar-Regolament RRF. Fil-gwida aġġornata tagħha dwar l-RRPs, ġew introdotti simplifikazzjonijiet biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni rapida tagħhom u jipprovdu aktar ċarezza lill-Istati Membri dwar l-emendi tagħhom. 17

Il-Kummissjoni tinnota bl-istess mod it-tħassib tal-Parlament li “l-Qorti, fil-valutazzjoni tagħha tal-RRF, identifikat nuqqasijiet fil-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni u fl-awditi ex post u jqis li għad hemm dgħufijiet fis-sistemi ta’ rapportar u kontroll tal-Istati Membri” 18 . 

Mill-bidu tal-RRF, il-Kummissjoni ħadet approċċ dinamiku għall-awditjar u l-kontroll. Hija aġġornat l-istrateġiji tal-awditjar u tal-kontroll tagħha filwaqt li qieset is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet mis-servizz tal-awditjar intern tal-Kummissjoni, il-QEA u l-Parlament.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni saħħet il-kontrolli tagħha fuq is-sistemi ta’ kontroll intern tal-Istati Membri biex tivverifika kif dawn is-sistemi jiżguraw il-konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u l-għajnuna mill-Istat. L-awditi u l-missjonijiet ta’ tiftix tal-fatti kollha tal-Kummissjoni issa jinkludu l-verifika li l-Istati Membri jivverifikaw b’mod regolari u effettiv il-konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u l-għajnuna mill-Istat.

Il-Kummissjoni aġġornat ukoll il-metodoloġija tagħha għall-awditjar tas-sistemi ta’ kontroll tal-Istat Membru għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Mid-dħul fis-seħħ tal-RRF, hija wettqet mill-inqas awditu wieħed tas-sistema fuq is-27 sistema ta’ kontroll nazzjonali kollha. Abbażi ta’ dan ix-xogħol tal-awditjar, u fil-kuntest tar-reviżjoni tal-RRPs, il-Kummissjoni pproponiet, fejn meħtieġ, stadji importanti addizzjonali tal-awditjar u tal-kontroll li jeħtieġu li jiġu indirizzati qabel il-pagament li jmiss. Sabiex jiġi żgurat li r-riskji jiġu mmonitorjati u indirizzati b’mod adegwat matul il-ħajja tal-RRF, il-Kummissjoni qed twettaq b’mod attiv aktar xogħol tal-awditjar fuq bażi tar-riskju.

3.Il-prestazzjoni tal-baġit tal-UE

Il-Kummissjoni taqbel mal-Parlament li “li jitwettqu evalwazzjonijiet ex post u ta’ nofs it-terminu tal-programmi finanzjarji maħluqa biex jirrispondu għall-kriżijiet, fir-rigward tar-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud Ewropew tagħhom [...]” 19 huwa ta’ importanza kbira.

Fl-21 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni ppubblikat l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tagħha tal-RRF. L-evalwazzjoni tkopri l-ħames kriterji ta’ “regolamentazzjoni aħjar” ta’ effettività, effiċjenza, koerenza, rilevanza, u valur miżjud tal-UE. Studju indipendenti u estern ta’ evalwazzjoni kkontribwixxa għall-valutazzjoni. L-evalwazzjoni tikkonkludi li, għalkemm għadu mhuwiex fattibbli li jiġu vvalutati bis-sħiħ l-impatti tal-RRF, diġà huwa evidenti li din uriet li hija għodda ewlenija biex tingħata spinta lill-implimentazzjoni tar-riformi strutturali mill-Istati Membri f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Madankollu, jidher ukoll li l-RRF sa issa ma wasslitx għas-simplifikazzjoni amministrattiva mixtieqa minn xi Stati Membri.

L-evalwazzjoni preliminari tal-appoġġ ipprovdut taħt l-Inizjattivi ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (CRII u CRII +) 20 bħala rispons għall-impatti tal-pandemija tal-COVID-19 uriet li dan l-appoġġ wassal għall-użu effiċjenti ta’ fondi mhux minfuqa kemm mill-Fond Soċjali Ewropew kif ukoll mill-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn. Il-flessibbiltajiet offruti lill-Istati Membri biex jadattaw il-programmi tagħhom irriżultaw fir-ridirezzjoni ta’ kważi EUR 24 biljun f’finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni.

Sal-bidu tal-2025, il-Kummissjoni se toħroġ ukoll evalwazzjonijiet tal-istrumenti l-oħra stabbiliti taħt il-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni biex jiġu indirizzati kriżijiet reċenti 21 .

Il-Kummissjoni qed taġixxi wkoll b’rispons għas-sejħa tal-Kunsill “biex iżżid l-enfasi fuq indikaturi rilevanti tal-prestazzjoni bbażati fuq ir-riżultati li jistgħu jiġu marbuta direttament ma’ azzjonijiet tal-UE” 22 .

Il-Kummissjoni tirrapporta dwar l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni 2021-2027 23 skont il-programm ta’ nfiq fid- dikjarazzjonijiet tal-prestazzjoni tal-programm , li huma parti mir-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni. 45 % ta’ dawn l-indikaturi huma bbażati fuq ir-riżultati, u dan juri enfasi qawwija fuq ir-riżultati.

Barra minn hekk, f’Diċembru 2023, il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel rapport ta’ impatt għall-bonds ekoloġiċi tan-NextGenerationEU 24 . Dan ir-rapport kejjel l-impatt konkret fuq il-klima tal-investimenti ffinanzjati minn dawk il-bonds ekoloġiċi f’termini ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li ġew evitati.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni taqbel ukoll mal-fehma tal-Parlament dwar “l-importanza li jitkomplew l-isforzi li saru fl-ibbaġitjar skont il-ġeneru” 25 .

Il-Kummissjoni integrat prijoritajiet transpolitiċi fil-baġit tal-UE, inkluża l-prijorità tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Fl-2022, il-Kummissjoni ħarġet metodoloġija biex tikkwantifika n-nefqa tal-baġit tal-UE li tappoġġja l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Din il-metodoloġija ġiet applikata għall-baġit kollu tal-UE mill-abbozz tal-baġit tal-2023.

4.Impenji baġitarji pendenti — “reste à liquider” (RAL) u miżuri biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE

Il-Kummissjoni tinnota li, fir-riżoluzzjoni ta’ kwittanza, il-Parlament “huwa mħasseb li l-adozzjoni tard ta’ diversi regolamenti settorjali li jirregolaw politiki differenti tal-Unjoni, bħall-Politika ta’ Koeżjoni, irriżultat f’dewmien sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027” u li “jappella lill-Kummissjoni tindika lill-awtorità ta’ kwittanza liema miżuri beħsiebha tieħu biex tindirizza din is-sitwazzjoni” 26 .

L-impenji pendenti (komunement imsejħa “ir-RAL” – reste à liquider) huma ammonti li ġew impenjati iżda li jkunu għadhom ma tħallsux. Ir-RAL totali kienu ta’ EUR 543,0 biljun fi tmiem l-2023. Il-parti mhux ripagabbli tan-NextGenerationEU kkontribwiet EUR 238,6 biljun, li jirrappreżentaw kważi 44 % tar-RAL totali 27 .

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni tal-livell ġenerali tal-impenji pendenti u se tkompli tipproponi wkoll, matul il-proċeduri baġitarji annwali, livelli ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament li jissodisfaw b’mod adegwat il-ħtiġijiet ta’ pagament.

Ġew adottati xi simplifikazzjonijiet estensivi fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni u bħala parti mill-qafas leġiżlattiv il-ġdid għall-PAK (b’mod partikolari bis-saħħa tal-mudell tal-implimentazzjoni l-ġdid tagħha).

Il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) 28 tipprovdi flessibbiltajiet addizzjonali għall-infiq iddedikat għal waħda mit-tliet prijoritajiet tal-pjattaforma fi 11-il programm tal-UE. Eżatt wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament STEP 29 , il-Kummissjoni bdiet tipprovdi appoġġ u gwida lill-Istati Membri – permezz ta’ laqgħat, tweġibiet għal mistoqsijiet bil-miktub u webinars – dwar il-funzjonament ta’ STEP biex isir l-aħjar użu mill-flessibbiltajiet ipprovduti. Skont il-mandat tal-koleġiżlaturi, il-Kummissjoni ħarġet gwida 30 f’Mejju 2024 dwar ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament STEP, inkluża kjarifika tal-objettivi u s-setturi tiegħu, u li tispjega l-kundizzjonijiet biex it-teknoloġiji jitqiesu kritiċi skont STEP.

Dwar l-istedina tal-Parlament “lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi, bħall-assistenza teknika, biex iżżid ir-rata ta’ assorbiment fl-Istati Membri fuq bażi permanenti” u “timmonitorja mill-qrib il-progress tal-implimentazzjoni fl-Istati Membri […] u tipprovdi analiżi tal-pajjiż lill-awtorità ta’ kwittanza, filwaqt li tidentifika l-problemi rikorrenti, kif ukoll il-miżuri meħuda biex is-sitwazzjoni tiġi ottimizzata” 31 , il-Kummissjoni tenfasizza li x-xejriet ta’ assorbiment ivarjaw b’mod sinifikanti bejn il-modi ta’ ġestjoni, il-programmi u l-Istati Membri.

Għall-programmi implimentati mal-awtoritajiet nazzjonali, il-Kummissjoni tgħin biex issaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tagħhom u tindirizza l-ostakli għall-investimenti b’ħafna modi, kemm permezz ta’ assistenza teknika fil-politika ta’ koeżjoni, l-istrument ta’ appoġġ tekniku 32 , jew miżuri appoġġjati mill-RRF.

Barra minn hekk, wara l-adozzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027, il-Kummissjoni qed tipparteċipa fil-ħidma tal-kumitati ta’ monitoraġġ tal-programmi. Jekk ikun hemm xi indikazzjoni ta’ kwistjonijiet li jfixklu l-implimentazzjoni bla xkiel, il-Kummissjoni tipprovdi pariri lill-Istat Membru kkonċernat — u tikkoopera miegħu sakemm il-kwistjoni tiġi solvuta. Il-pjanijiet ta’ azzjoni jistgħu jiġu miftiehma mal-Istati Membri jekk il-programmi jew partijiet mill-programmi jkunu qed jiġu implimentati bil-mod.

Is-sottomissjoni ta’ data lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ programmi li jaqgħu taħt ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni hija meħtieġa aktar ta’ spiss milli fil-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti. Id-data issa trid tiġi ppreżentata ħames darbiet fis-sena, li tipprovdi lill-Kummissjoni b’data kważi f’ħin reali dwar il-progress fl-implimentazzjoni u li tippermettilha żżid minnufih l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri.

Id-data dettaljata dwar l-assorbiment skont il-pajjiż issir disponibbli skont il-programm ta’ nfiq. Għall-akbar programmi, l-informazzjoni tista’ tinstab: (i) it- tabella ta’ valutazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ; (ii) il- pjattaforma tad-data miftuħa għall-koeżjoni 33 u (iii) id- dashboard ta’ Orizzont . 

5.Ħarsa ’l quddiem

It-tagħlimiet meħuda mill-proċeduri ta’ kwittanza tal-passat jistgħu jinfurmaw riflessjonijiet dwar il-baġit fit-tul li jmiss tal-UE. Wieħed mill-punti ewlenin minn kwittanzi preċedenti huwa li l-mod kif il-fondi jiġu żborżati għandu impatt dirett fuq ir-riskju ta’ żball. Regoli kumplessi u mudelli tal-implimentazzjoni riġidi wisq huma responsabbli kemm għal: (i) sehem kbir ta’ żbalji fl-infiq; u (ii) jagħmlu pressjoni fuq il-kapaċità amministrattiva ta’ dawk li jimplimentaw il-baġit u dawk li jibbenefikaw minnu.

It-tħejjija tal-QFP li jmiss se tirrappreżenta opportunità biex jiġu esplorati modi biex jiġu ssimplifikati aktar il-mekkaniżmi eżekuttivi, jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-UE u l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-implimentazzjoni tal-baġit, kif ukoll il-piż amministrattiv fuq il-benefiċjarji, filwaqt li tinżamm enfasi qawwija fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba u fuq il-prestazzjoni tal-baġit tal-UE.

* * *

(1)

COM/2023/234 final.

(2)

JOIN(2023)12 final.

(3)

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092.

(4)

  Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ April 2024 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022, Taqsima III – Il-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi  2023/2129(DEC).

(5)

  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022 (6179/24).

(6)

Ara l-paragrafu 11 2023/2129 (DEC).

(7)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni COM (2024) 17. Ġiet ippubblikata rettifika fit-23 ta’ Frar 2024, bir-referenza COM (2024) 17 final/2.

(8)

Ara l-paragrafu 11 – 2023/2129 (DEC).

(9)

Ir-Regolament (UE) 2021/1060.

(10)

Il-kundizzjoni abilitanti orizzontali fil-Karta tirrikjedi li l-Istati Membri jimplimentaw il-programmi ta’ nfiq tagħhom b’mod li jikkonforma mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Ara l-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/1060.

(11)

Ara l-paragrafu 12 – 2023/2129 (DEC).

(12)

Il-Europol, il-Eurojust, is-servizzi ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi fl-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-QEA.

(13)

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.

(14)

ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939.

(15)

Ara l-paragrafu 17 – 2023/2129 (DEC).

(16)

Ara l-paragrafu 4 – 2023/2129 (DEC).

(17)

Gwida dwar il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-31 ta’ Mejju 2024

(18)

Ara l-paragrafu 8 – 2023/2129 (DEC).

(19)

Ara l-paragrafiu 7 – 2023/2129 (DEC).

(20)

  Evalwazzjoni preliminari tal-appoġġ ipprovdut mill-FSE u mill-FEAD taħt l-Inizjattivi ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (CRII u CRII +) – SWD(2023) 249.

(21)

L-Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE), il-CARE+, l-Assistenza Flessibbli għat-Territorji (FAST-CARE) u l-miżuri ta’ Appoġġ għall-Enerġija Affordabbli (SAFE).

(22)

Ara l-paragrafu 3 tar-rakkomandazzjoni dwar il-kwittanza tal-Kunsill (6179/24).

(23)

L-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni huma elenkati fl-anness tar-regolamenti li jirfdu kull programm ta’ nfiq.

(24)

Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Baġit, Bonds ekoloġiċi – Rapport tal-impatt u l-allokazzjoni – Rapport dwar l-NGEU 2023, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023.

(25)

Ara l-paragrafu 16 - 2023/2129 (DEC).

(26)

Ara l-paragrafu 18 - 2023/2129 (DEC).

(27)

Aktar informazzjoni dwar il-livell tar-RAL hija inkluża fi: (i) il-kontijiet annwali tal-UE għall-2023; (II) id-dokument ta’ Ħidma V mehmuż mal-Abbozz tal-Baġit 2025; u (iii) ir-rapport annwali dwar il-previżjoni fit-tul dwar il-flussi futuri ta’ dħul u ta’ ħruġ tal-baġit tal-UE għall-2025–2029. Il-Kummissjoni tipprovdi wkoll informazzjoni rilevanti lill-Parlament u lill-Kunsill matul laqgħat iddedikati tliet darbiet fis-sena.

(28)

Il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) ġiet stabbilita f’Marzu 2024 biex tappoġġja l-Industrija Ewropea u tagħti spinta lill-investiment f’teknoloġiji kritiċi fl-Ewropa. STEP se żżid u tiddirezzjona l-finanzjament ta’ 11-il programm tal-UE lejn tliet oqsma ta’ investiment fil-mira: (i) It-teknoloġiji diġitali u l-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda; (II) Teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi; u (iii) Bijoteknoloġiji.

(29)

Ir-Regolament (UE) 2024/795.

(30)

  C/2024/3148 .

(31)

Ara l-paragrafu 19 2023/2129(DEC).

(32)

Kif stabbilit mir-Regolament (UE) 2017/825.

(33)

Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali 2014-2022 u 2023-2027 u l-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija 2023-2027, li jkopru l-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni.

Top