Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024DC0180

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-fond ta' proviżjonament komuni fl-2023

    COM/2024/180 final

    Brussell, 25.6.2024

    COM(2024) 180 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar il-fond ta' proviżjonament komuni fl-2023

    {SWD(2024) 161 final}


    Werrej

    INTRODUZZJONI    

    Parti 1: Tragwardi ewlenin fl-2023

    1.1. Ħarsa ġenerali

    1.2. Struttura tal-kompartiment

    1.3. Talbiet għal ħlas ta’ garanzija u pretensjonijiet għall-ħlas

    1.4. Rata ta’ proviżjonament effettiva

    Parti 2: Strateġija ta’ investiment, kompożizzjoni tal-portafoll u prestazzjoni

    2.1. Kompożizzjoni u karatteristiċi tal-portafoll

    2.2. Impronta ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG)

    2.3. Prestazzjoni tas-CPF fl-2023

    KONKLUŻJONIJIET    



    INTRODUZZJONI

    Dan huwa t-tielet rapport annwali dwar il-fond ta’ proviżjonament komuni (CPF) ( 1 ), li jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023. Jiddeskrivi l-iżviluppi ewlenin relatati mal-funzjonament tas-CPF fl-2023, jippreżenta l-parametri finanzjarji u tar-riskju ewlenin, kif ukoll il-prestazzjoni annwali tal-fond. Jippreżenta wkoll ir-riżultati tal-azzjonijiet li ħadet il-Kummissjoni biex ittejjeb il-prestazzjoni aktar fit-tul tal-fond permezz tal-introduzzjoni ta’ univers ta’ investiment diversifikat.

    Is-CPF, stabbilit skont l-Artikolu 212 tar-Regolament Finanzjarju (RF), iżomm il-proviżjonijiet kollha mwarrbin mill-baġit tal-UE jew li kkontribwew l-Istati Membri parteċipanti u l-pajjiżi tal-EFTA biex ikopru r-riskju ta’ telf fuq l-operazzjonijiet garantiti mill-garanziji interni ( 2 ) u esterni ( 3 ) implimentati mill-Unjoni Ewropea. Minbarra l-garanziji baġitarji, jinżammu proviżjonijiet fis-CPF fir-rigward tal-biċċa l-kbira tas-selfiet ta’ assistenza makrofinanzjarja (AMF) lil pajjiżi terzi ( 4 ). Il-proviżjonijiet miżmuma fis-CPF jikkostitwixxu r-riżerva kapitali li minnha jiġu prelevati l-fondi biex jiġu ssodisfati t-talbiet għal ħlas ta’ garanzija fuq l-operazzjonijiet appoġġati u ħruġ ieħor.

    Is-CPF sar operazzjonali f’Jannar 2021. Fi tmiem l-2023, il-valur tas-suq tiegħu kien ta’ EUR 18,8 biljun, li jagħmlu l-akbar portafoll ta’ investiment ġestit direttament mill-Kummissjoni.

    Bis-saħħa tal-pożizzjonament prudenti tiegħu, is-CPF innaviga sew il-volatilità tas-suq li ġiet osservata fl-2023 u kien f’pożizzjoni tajba biex japprofitta minn prestazzjoni b’saħħitha tas-suq tard fis-sena. B’mod partikolari, is-CPF irreġistra redditu assolut ta’ +5,21 %, li għenu jirkupra parti mit-telf tal-2022 (-8,9 %) u jirrikostitwixxi l-proviżjonament tal-garanziji. B’ħarsa ’l quddiem, l-ambjent preżenti tar-rati tal-imgħax ogħla u pożittivi joffri pedament sod għar-redditi fuq perjodu ta’ żmien medju.

    Dan ir-rapport jiffoka fuq kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-assi tas-CPF. L-evoluzzjoni tal-obbligazzjonijiet kontinġenti li jinħolqu minn garanziji baġitarji u self tal-UE, li kontrihom l-assi tas-CPF jinżammu bħala proviżjonijiet, se tiġi diskussa f’rapport separat skont l-Artikolu 250 tar-Regolament Finanzjarju.



    Parti 1: Tragwardi ewlenin fl-2023

    1.1. Ħarsa ġenerali

    Bħal fis-snin preċedenti, il-fond ġie ġestit f’konformità mal-proċeduri taħt l-istruttura ta’ governanza stabbilita tiegħu ( 5 ), u mingħajr inċidenti operazzjonali.

    Fil-31 ta’ Diċembru 2023, il-valur tal-assi netti ( 6 ) kien ta’ EUR 18,8 biljun, li jirrappreżenta żieda ta’ EUR 4,4 biljun fi tmiem l-2022 (żieda ta’ 30 % matul is-sena). Fl-2023, is-CPF irċieva EUR 3,53 biljun ta’ kontribuzzjonijiet netti mill-baġit tal-UE jew li kkontribwew l-Istati Membri parteċipanti u l-pajjiżi tal-EFTA. Il-bqija taż-żieda fil-valur tal-portafoll (EUR 880 miljun) tirriżulta miż-żieda fil-valur tas-suq tal-assi eżistenti.

    Illustrazzjoni 1: Evoluzzjoni tal-valur nett tal-assi tas-CPF (EUR biljuni)

    Aktar informazzjoni dwar ir-rapporti finanzjarji hija disponibbli fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport.

    1.2. Struttura tal-kompartiment

    Filwaqt li l-assi tas-CPF huma ġestiti f’konformità ma’ politika unika ta’ investiment, dawn jinżammu f’kompartimenti differenti marbuta mal-garanziji baġitarji individwali u mal-programmi ta’ assistenza finanzjarja.

    Il-proviżjonament miżmum mis-CPF huwa allokat għal kull programm ta’ garanzija baġitarja/assistenza finanzjarja, f’konformità mal-oqfsa legali rispettivi tagħhom ( 7 ). L-ammonti assenjati għal kull garanzija baġitarja huma rreġistrati f’kompartimenti distinti biex jippermettu li l-livelli ta’ proviżjonament jiġu trekkjati meta mqabbla mal-livelli stabbiliti mill-istrument li jistabbilixxi l-garanzija. Jekk il-proviżjonijiet jaqgħu taħt ċerti livelli, ir-rikostituzzjonijiet jistgħu jiġu ffinanzjati mill-pakketti tal-programmi rispettivi.

    Fl-2023, żdiedu żewġ kompartimenti ġodda ta’ InvestEU tal-Istati Membri ( 8 ) meta mqabbla ma’ 10 fl-2022. L-evoluzzjoni tal-kompartimenti matul is-snin preċedenti hija deskritta f’aktar dettall fir-rapporti tas-CPF għall-2021 ( 9 ) u għall-2022 ( 10 ).

    Fil-31 ta’ Diċembru 2023, is-CPF kien magħmul minn 16-il kompartiment, bi 13 minnhom ikunu kompletament operazzjonali u jkun fihom fondi. Il-kompartimenti li jifdal jiġu attivati malli jiġu riċevuti l-ewwel influssi korrispondenti.

    Tabella 1: Kompartimenti tas-CPF fil-31 ta’ Diċembru 2023

    Kompartiment

    Valur tas-suq f’EUR fil-31 ta’ Diċembru 2023

    Kompartimenti miftuħa fl-2021

    FEIS

    9 224 784 078,06

    GFEA ( 11 )

    2 776 909 740,77

    EFSD ( 12 )

    735 238 609,90

    InvestEU ( 13 )

    3 357 374 936,75

    Kompartimenti miftuħa fl-2022

    EFSD+

    2 222 070 436,62

    AMF wara l-2020

    105 403 883,94

    AMF eċċezzjonali għall-Ukrajna ( 14 )

    -

    Self tal-Euratom wara l-2020

    -

    Self tal-ELM bi skop ġdid għall-Ukrajna

    -

    Garanzija ta’ InvestEU għar-Rumanija

    80 817 782,06

    Garanzija ta’ InvestEU għar-Repubblika Ċeka

    28 505 258,04

    Garanzija ta’ InvestEU għall-Finlandja

    25 499 598,46

    Garanzija ta’ InvestEU għall-Greċja

    31 241 677,26

    Operazzjonijiet ta’ Taħlit ta’ InvestEU

    161 082 630,28

    Kompartimenti miftuħa fl-2023

    Garanzija ta’ InvestEU għall-Bulgarija

    41 334 023,23

    Garanzija ta’ InvestEU għal Malta

    6 352 640,21

    TOTAL

    18 796 615 295,58

    Illustrazzjoni 2: Daqs tal-kompartimenti tas-CPF fil-31 ta’ Diċembru 2023

    1.3. Talbiet għal ħlas ta’ garanzija u pretensjonijiet għall-ħlas

    Il-ġestjoni tal-likwidità tat-talbiet għal ħlas ta’ garanzija u l-pretensjonijiet għall-ħlas hija ffaċilitata minn riżerva ta’ likwidità, kif previst fil-Linji Gwida dwar il-Ġestjoni tal-Assi (AMGs) tas-CPF ( 15 ). Ir-riżerva ta’ likwidità hija magħmula minn riżervi limitati ta’ flus miżmuma fit-Teżor Ċentrali tal-Kummissjoni biex ikopru l-ħruġ ta’ flus mistenni li jimmaterjalizza fuq perjodu ta’ 3 xhur abbażi ta’ notifiki mis-sħab fl-implimentazzjoni.

    Ir-riżerva bdiet fl-2023 b’bilanċ ta’ EUR 342 miljun. Matul is-sena, din irċeviet influssi ta’ EUR 114-il miljun ( 16 ), filwaqt li ammont nett ta’ kważi EUR 351 miljun tħallas fl-2023 ( 17 ). Fi tmiem l-2023, il-bilanċ li jifdal tar-riżerva ta’ likwidità kien jammonta għal EUR 106 miljun.

    It-talbiet tal-2023 fuq il-proviżjonijiet tas-CPF mill-garanziji baġitarji rispettivi ( 18 ), kif ukoll talbiet oħrajn fuq ir-riżorsi miżmuma mill-kompartimenti tas-CPF, huma miġbura fil-qosor hawn taħt ( 19 ).

    Tabella 2: Ħruġ tas-CPF fl-2023, ħarsa ġenerali dettaljata

    Kompartiment

    f’EUR mln

    Natura tal-ħruġ

    EFSD

    0,60

    talbiet għal ħlas ta’ garanzija

    EFSD+

    0,04

    talbiet għal ħlas ta’ garanzija

    GFEA

    127,57

    talbiet għal ħlas ta’ garanzija

    0,06

    spejjeż legali

    127,63

    total

    FEIS

    115,60

    talbiet netti u aġġustamenti tal-valur tal-portafolli ta’ ekwità

    22,40

    spejjeż u talbiet tal-SMEW (netti mir-rikostituzzjonijiet) fuq il-prodotti ta’ garanzija

    55,90

    spejjeż (kostijiet ta’ finanzjament u rkupru)

    193,90 ( 20 )

    total

    InvestEU

    25,915

    spejjeż (tariffi, imgħax negattiv, finanzjament u kostijiet amministrattivi)

    1,585

    talbiet għal ħlas ta’ garanzija

    27,50

    total

    InvestEU għar-Rumanija

    1,20

    talba taħt riżerva tal-kost għall-iħħeġġjar

    Ħruġ totali

    350,9

    Illustrazzjoni 3: Ħruġ tas-CPF fl-2023 għal kull kompartiment (EUR miljuni)

     

    1.4. Rata ta’ proviżjonament effettiva

    L-Artikolu 213 tar-Regolament Finanzjarju jipprevedi li l-proviżjonament ta’ garanziji baġitarji u assistenza finanzjarja lil pajjiżi terzi fis-CPF se jkun ibbażat fuq ir-Rata ta’ Proviżjonament Effettiva (EPR, Effective Provisioning Rate) kif definita f’dak l-Artikolu. L-EPR tqis li l-ġestjoni raggruppata tas-CPF – għall-kuntrarju tal-ġestjoni ta’ fondi ta’ garanzija separati – tista’ tirriżulta f’diversifikazzjoni potenzjali jekk is-sejħiet fuq il-kompartimenti differenti ma jkunux korrelatati fiż-żmien jew fl-intensità.

    L-EPR hija l-proporzjon bejn

    ·l-ammont meħtieġ ta’ flus u ekwivalenti ta’ flus fl-istruttura ta’ ġestjoni konġunta tas-CPF, u

    ·is-somma tal-ammonti meħtieġa ta’ flus u ekwivalenti ta’ flus f’każ li kull kompartiment jiġi ġestit separatament.

    Bil-liġi, l-EPR għandha tiġi stabbilita bejn 95 % u 100 %, b’ċifra ta’ inqas minn 100 % li tindika effett ta’ diversifikazzjoni. Wara kalkoli bbażati fuq il-metodoloġija stabbilita ( 21 ) u minħabba l-inċertezzi makroekonomiċi u ġeopolitiċi prevalenti (b’xi wħud mill-kompartimenti tas-CPF jiddependu ħafna fuq l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna), il-Kummissjoni pproponiet li l-EPR għall-2023 tibqa’ ta’ 100 % minħabba n-nuqqas ta’ kull diversifikazzjoni osservata bejn is-sejħiet fuq il-proviżjonijiet tal-kompartimenti differenti. Dan l-approċċ ġie kkonfermat fil-Baġit Annwali adottat għall-2024. 

    Parti 2: Strateġija ta’ investiment, kompożizzjoni tal-portafoll u prestazzjoni

    Il-prinċipji u l-kunsiderazzjonijiet ġenerali li jinformaw l-istrateġija ta’ investiment tas-CPF huma stabbiliti mil-Linji Gwida dwar il-Ġestjoni tal-Assi tas-CPF u deskritti aktar fl-ewwel rapport annwali tas-CPF għall-2021 ( 22 ). Abbażi tal-approċċ konservattiv minqux fil-Linji Gwida dwar il-Ġestjoni tal-Assi tiegħu, u t-tolleranza baxxa għar-riskju, is-CPF huwa ġestit b’mod li, mill-inqas, għandu jwassal għall-preservazzjoni tal-kapital matul l-orizzont ta’ investiment tiegħu (9 snin) ( 23 ). B’riflessjoni ta’ din il-politika ta’ investiment prudenti, l-assi li fihom jista’ jinvesti s-CPF huma limitati għal titoli ta’ introjtu fiss likwidi ħafna u bi klassifikazzjoni għolja. Il-biċċa l-kbira tas-CPF sal-lum kienet ristretta għall-investiment f’titoli ta’ introjtu fiss (bonds) bi grad ta’ investiment denominati f’Euro u f’Dollaru Amerikan. Il-Linji Gwida dwar il-Ġestjoni tal-Assi ġew immodifikati fl-2022 biex jippermettu xi investiment limitat f’Fondi ta’ ekwità nnegozjati fil-Borża biex jiġu pprovduti opportunitajiet ta’ diversifikazzjoni addizzjonali għas-CPF.

    2.1. Kompożizzjoni u karatteristiċi tal-portafoll

    Skont il-Linji Gwida dwar il-Ġestjoni tal-Assi tiegħu, is-CPF iżomm portafoll diversifikat likwidu, filwaqt li jinvesti primarjament fi strumenti ta’ dejn bi klassifikazzjoni għolja, bħal bonds maħruġa minn gvernijiet, bonds supranazzjonali, bonds maħruġa minn aġenziji tal-Istat u minn korporazzjonijiet.

    Il-portafoll tas-CPF fi tmiem is-sena kien diversifikat sew bejn il-klassijiet ta’ assi differenti fl-univers tal-introjtu fiss eliġibbli, inkluża xi skopertura limitata għal titoli mhux denominati f’euro (USD), ETFs ta’ ekwità u flus jew ekwivalenti ta’ flus. Il-gwadanji jew it-telf fil-munita fuq titoli u tranżazzjonijiet mhux f’euro ġew ikkumpensati fil-biċċa l-kbira minn bidliet opposti fid-derivattivi tal-kambju użati bħala ħeġġijiet.

    Il-kwalità tal-kreditu tal-portafoll tas-CPF kienet għolja, bi klassifikazzjoni medja ta’ A, li tissuġġerixxi probabbiltà negliġibbli ta’ inadempjenza ( 24 ).

    Aktar minn 36 % tal-valur tas-suq tal-portafoll ġie investit f’titoli AAA ( 25 ), bil-bqija distribwit fuq l-iskala tal-grad ta’ investiment.

    L-investimenti denominati f’USD kienu jirrappreżentaw 6,6 % tal-valur tas-suq tal-portafoll ( 26 ), bir-riskju tal-munita ħħeġġjat bl-użu ta’ kuntratti forward.

    L-ekwità kienet tirrappreżenta 5,5 % tal-valur tas-suq tal-portafoll fi tmiem l-2023.

    Minn Diċembru 2023, madwar 15,2 % tal-portafoll kien jikkonsisti f’assi likwidi ta’ terminu qasir ( 27 ), li jipprevedu sors ta’ likwidità lesta biex tintuża f’każ ta’ ħruġ kbir li jaqbeż id-daqs tar-riżerva ta’ likwidita deskritta hawn fuq ( 28 ).

    Illustrazzjoni 4: Allokazzjoni tal-portafoll tas-CPF fi tmiem is-sena (2023)



    2.2. Impronta ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG)

    Fl-2023, l-impronta ESG tal-portafoll baqgħet b’saħħitha, b’sehem ta’ 14,6 % ta’ bonds ittikkettati bħala ESG ( 29 ), meta mqabbla ma’ 14,0 % fl-2022. L-approċċ proattiv għall-investiment tal-ESG jiffavorixxi bonds ittikkettati bħala ESG, diment li dawn ikunu allinjati mal-kriterji tal-ġestjoni tar-riskju u mal-istrateġija kumplessiva ta’ investiment. Fl-2023, il-Kummissjoni kompliet issaħħaħ l-impronta tal-ESG fl-istrateġija l-ġdida ta’ investiment tas-CPF, kif spjegat fir-rapport annwali tas-CPF għall-2022 ( 30 ).

    2.3. Prestazzjoni tas-CPF fl-2023

    Fl-2023, il-volatilità tas-suq baqgħet sinifikanti (ara l-Kaxxa). Madankollu, fl-aħħar ftit xhur tal-2023, il-pressjoni inflazzjonarja bdiet tonqos, u dan wassal għal aspettattivi tas-suq li l-banek ċentrali kienu se jibdew inaqqsu r-rati tal-imgħax fl-2024. Dawn l-aspettattivi ta’ tnaqqis fir-rati pendenti wasslu għal treġġigħ lura parzjali tad-dinamika osservata fl-2022, u taw spinta pożittiva lill-valur tal-bonds pendenti li huma proprjetà tas-CPF. Aktar dettalji dwar l-iżviluppi tas-suq huma pprovduti fil-kaxxa ta’ hawn taħt.

    F’dan l-isfond, is-CPF kiseb redditu annwali ta’ +5,21 % ( 31 ), f’konformità mal-parametru referenzjarju tal-portafoll tiegħu (+5,40 %). Il-porzjon ta’ ekwità introdott reċentement (bħala medja madwar 3,1 % matul l-2023) ikkontribwixxa +0,38 % għar-redditu totali tal-portafoll. Meta wieħed iħares lejh b’mod iżolat, l-investiment fl-ekwità ta redditu ta’ madwar +12,5 %, li huwa aktar mid-doppju tar-redditu tal-porzjon ta’ introjtu fiss fl-2023.

    Żviluppi tas-suq fl-2023

    Id-data dwar l-inflazzjoni u l-azzjoni rispettiva mill-banek ċentrali kienu l-ixprunaturi ewlenin tas-suq fl-2023. Sal-bidu tal-2023, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) kompla jgħolli r-rati uffiċjali tiegħu f’kull laqgħa tal-Kunsill Governattiv sa Settembru, meta waqaf, wara li laħaq livell ta’ 4 % għar-rata tal-faċilità ta’ depożitu (minn 2 % għall-bidu tas-sena). Filwaqt li fadal xi inċertezza rigward ir-ritorn sostenibbli tagħha għal-livell fil-mira ta’ 2 %, l-inflazzjoni fl-Ewropa naqset b’mod kostanti mill-punt tat-tluq għoli tagħha. F’Jannar, l-inflazzjoni ewlenija kienet ta’ 8,6 %. Din naqset għal 2,4 % f’Novembru, qabel ma żdiedet bi ftit, biex għalqet bi 2,9 % f’Diċembru.

    Fl-Istati Uniti, l-inflazzjoni ewlenija naqset ukoll, minn 6,4 % f’Jannar għal 3 % f’Ġunju, qabel ma stabbilizzat u għalqet is-sena bi 3,1 %. Il-Federal Reserve Bank għolla r-rata uffiċjali ewlenija tiegħu b’total ta’ 1 %, għal medda fil-mira ta’ 5,25 % - 5,50 %. Ir-rata baqgħet f’dan il-livell minn Lulju.

    Minbarra ż-żieda fir-rati tal-imgħax uffiċjali, il-banek ċentrali ewlenin baqgħu jindikaw għall-biċċa l-kbira tas-sena li r-rati uffiċjali mhux se jitnaqqsu malajr u jkollhom jibqgħu “għoljin għal aktar żmien” biex jiżguraw li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira. F’dan l-isfond, ir-rendimenti tal-bonds kienu wkoll qed jiżdiedu b’mod gradwali matul l-ewwel 9 xhur tas-sena u l-bond tal-gvern Ġermaniż ta’ 10 Snin laħaq il-quċċata tiegħu ta’ 2,96 % fil-bidu ta’ Ottubru, minn 2,44 % fil-bidu tas-sena.

    Fir-raba’ trimestru, ir-rilaxxi tad-data li juru inflazzjoni aktar baxxa milli mistennija ppermettew lill-banek ċentrali ewlenin li jmexxu l-komunikazzjoni tagħhom f’direzzjoni inqas “aggressiva” u jibdew japprovaw l-għażla taż-żmien possibbli tal-ewwel tnaqqis fir-rata uffiċjali. Dan wassal biex is-swieq jipprezzaw malajr għadd sostanzjali ta’ tnaqqis fir-rati tal-imgħax fl-2024, li wassal għal rendimenti aktar baxxi tal-bonds u, konsegwentement, għal prezzijiet tal-bonds u redditi ogħla. Il-bond tal-gvern Ġermaniż ta’ 10 Snin għalaq is-sena bi 2,02 %.

    Barra minn hekk, it-tkabbir ekonomiku sfida l-previżjonijiet negattivi li kienu prevalenti fil-bidu tas-sena, speċjalment fl-Istati Uniti, li rreġistraw rata ta’ tkabbir b’saħħitha ħafna, filwaqt li l-Ewropa evitat reċessjoni. Is-suq tax-xogħol kien ukoll b’saħħtu ħafna, u r-rati tal-qgħad baqgħu qrib il-livelli baxxi rekord fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku.

    Il-kombinament ta’ tkabbir reżiljenti fid-dawl taż-żidiet fir-rati tal-imgħax aggressivi u inflazzjoni li qed tonqos estenda l-irkupru tal-prezzijiet tas-suq għall-biċċa l-kbira tal-klassijiet tal-assi. Minbarra l-bonds tal-gvern, il-bonds korporattivi marru tajjeb ħafna wkoll. Bl-istess mod, is-swieq tal-ekwità rreġistraw irkupru qawwi ħafna. L-indiċi STOXX Europe 600 żdied bi 12,7 %, filwaqt li l-indiċi S&P 500 tal-Istati Uniti żdied b’24,2 %.



    KONKLUŻJONIJIET

    Is-CPF irreġistra redditu ta’ +5,21 %, li għen biex jirkupra parti mit-telf tal-2022 (-8,9 %) u jirrikostitwixxi l-proviżjonament tal-garanziji. B’ħarsa ’l quddiem, l-ambjent preżenti tar-rati tal-imgħax ogħla u pożittivi joffri pedament sod għar-redditi fuq perjodu ta’ żmien medju. Dan huwa rifless fir-rendiment medju sal-maturità tal-portafoll, li baqa’ ta’ madwar 3 % fis-sena fi tmiem l-2023.

    Is-sitwazzjoni diffiċli tas-suq iffaċċjata matul l-2022 issottolinjat ir-riskji ta’ dipendenza esklużiva fuq l-investimenti b’introjtu fiss. Sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq is-swieq tal-bonds, l-istrateġija ta’ investiment tas-CPF ġiet diversifikata fl-2023 permezz tal-investiment f’indiċijiet tal-ekwità pan-Ewropej wesgħin. L-ewwel sena ta’ esperjenza b’din il-klassi ġdida ta’ assi kienet pożittiva. L-iskopertura limitata għall-ekwità wriet il-kapaċità tagħha li ttejjeb ir-redditi konsistenti mal-livell baxx ta’ riskju. Is-CPF jinsab f’pożizzjoni tajba biex isostni t-trajettorja tal-irkupru tiegħu u jikseb stabbiltà u tkabbir aktar fit-tul, f’konformità mal-objettivi ta’ investiment tiegħu.

    (1) () Skont l-Artikolu 214 tar-Regolament Finanzjarju (ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1, il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-fond ta’ proviżjonament komuni. Il-Linji Gwida għall-Ġestjoni tal-Assi tas-CPF (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Marzu 2020 dwar il-Linji Gwida għall-Ġestjoni tal-Assi tal-fond ta’ proviżjonament komuni (C(2020) 1896 final, ĠU C 131, 22.4.2020, p. 3–11) jipprovdu gwida ulterjuri dwar il-kontenut ta’ dan ir-rapport.
    (2) () Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u InvestEU.
    (3) () Mandat ta’ self estern (ELM), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (EFSD+).
    (4) () Ħlief selfiet tal-AMF+ mogħtija lill-Ukrajna fl-2023.
    (5) ()    L-istruttura ta’ governanza ġiet ippreżentata fir-rapport annwali tas-CPF għall-2021, EUR-Lex - 52022DC0213 - MT - EUR-Lex (europa.eu) .
    (6) () Il-valur nett tal-assi (NAV) tas-CPF jiġi ddeterminat mill-valur tal-assi totali, wara li jitnaqqsu l-obbligazzjonijiet, fid-data tal-kalkolu tal-NAV rispettiva.
    (7) () F’konformità, pereżempju, mal-Artikoli 212.2, 212.4, 213.1 u 213.4 tar-Regolament Finanzjarju.
    (8) () Għal Malta u l-Bulgarija.
    (9) () EUR-Lex - 52022DC0213 - MT - EUR-Lex (europa.eu)
    (10) () EUR-Lex - 52023DC0288 - MT - EUR-Lex (europa.eu)
    (11) () Il-Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni (GFEA), li jżomm il-proviżjonijiet għall-programmi tal-mandat ta’ self estern (ELM), dawk miruta (assistenza makrofinanzjarja - AMF) u tal-Euratom.
    (12)

    () Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli.

    (13) ()    Kompartiment tal-UE.
    (14) () Skont id-Deċiżjoni (UE) 2022/12018 u d-Deċiżjoni (UE) 2022/1628 li jipprovdu assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna.
    (15) () Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Marzu 2020 dwar il-Linji Gwida tal-Immaniġġjar tal-Assi tal-fond ta’ proviżjonament komuni (C(2020) 1896 final, ĠU C 131, 22.4.2020, p. 3-11.
    (16) ()    Minn EUR 114-il miljun li huma influssi minn tifdijiet tas-CPF, EUR 60,7 miljun huma rkupri tal-ELM.
    (17) () Meta mqabbel ma’ EUR 222 miljun fl-2022.
    (18) () It-talbiet għal ħlas ta’ garanzija individwali jissemmew f’rapport separat taħt l-Artikolu 41(5) tar-Regolament Finanzjarju (RF).
    (19) () Huwa importanti li jissemma li l-ħlasijiet jistgħu jirriżultaw fl-2024 jew aktar tard, li jistgħu jeħtieġu aġġustament ex post tal-kontijiet tal-2023.
    (20) () Li minnhom EUR 14,7 miljun jirreferu għal talbiet tal-2022, minħabba l-fatt li waħda mit-tranżazzjonijiet ta’ ħlas kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Ġunju 2022 sat-30 ta’ Novembru 2023.
    (21) () Id-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE, Euratom) C(2020)7684 li tissupplimenta r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’kundizzjonijiet dettaljati għall-kalkolu tar-rata ta’ proviżjonament effettiva tal-fond ta’ proviżjonament komuni (ĠU L 42, 5.2.2021, p. 12).
    (22) () EUR-Lex - 52022DC0213 - MT - EUR-Lex (europa.eu)
    (23) () L-Artikolu 2(1) tal-Linji Gwida dwar il-Ġestjoni tal-Assi.
    (24) () Probabbiltà ta’ inadempjenza ta’ 0,04 % fuq orizzont ta’ sena.
    (25) () Meta mqabbel ma’ aktar minn 35 % fl-2022.
    (26) () Meta mqabbel ma’ 3,5 % fl-2022.
    (27) () Meta mqabbel ma’ 18 % fl-2022.
    (28) () Minbarra r-riżerva ta’ likwidità deskritta fit-Taqsima 1.5.
    (29) () Meta tivvaluta jekk il-bonds humiex ikklassifikati bħala bonds ittikkettati bħala ESG għall-finijiet tal-allokazzjoni tas-CPF, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-valutazzjoni ppubblikata tal-“użu tar-rikavat” tal-assi inkwistjoni mill-fornituri tal-analitika u tad-data li l-Kummissjoni tuża għall-funzjoni tagħha ta’ ġestjoni tal-assi.
    (30) () EUR-Lex - 52023DC0288 - MT - EUR-Lex (europa.eu)
    (31) ()    Ir-redditu kumulattiv tas-CPF mill-bidu sat-tmiem tal-2023 huwa -5,22 % li jirrifletti s-sekwenzi segwenti ta’ redditi annwali: 2023: 5,21 %, 2022: -8,85 %, 2021: -1,17 %. Fir-rigward tal-objettiv tal-preservazzjoni tal-kapital matul l-orizzont ta’ investiment (stmat għal 9 snin), dan jibqa’ objettiv li jista’ jintlaħaq bis-sħiħ, speċjalment meta wieħed iqis li, wara l-2022, il-livelli ta’ rendiment huma fermament f’territorju pożittiv, għall-kuntrarju tal-ambjent ta’ rendiment negattiv jew żero li ppredomina meta ġie stabbilit is-CPF.
    Top